EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0161

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Diċembru 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 43 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabilixxi l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew kumpanniji fuq applikazzjoni ta’ ċittadini mill-Istati Membri - Proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiema għal rashom.
Kawża C-161/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-10671

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:759

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 43 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew kumpanniji fuq talba ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda — Proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom”

Fil-Kawża C-161/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u G. Braun, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u M. Winkler, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ Awla, M. Ilešič, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi talbet, għar-reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew kumpanniji fir-reġistru tal-kummerċ fuq talba ta’ ċittadini tal-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 bl-eċċezzjoni ta’ Malta u Ċipru (iktar ’il quddiem it-“tmien Stati Membri l-ġodda”), determinazzjoni tal-istatus tagħhom ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom mill-Arbeitsmarktservice (dipartiment tas-suq tax-xogħol, iktar ’il quddiem l-“AMS”) jew il-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

2

L-Artikolu 24 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem “l-Att ta’ Adeżjoni”), jipprovdi:

“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”

3

Dawn l-Annessi jipprovdu b’mod partikolari, fl-ewwel paragrafu tal-punt 2 tagħhom, li jinsab taħt it-Titolu “Il-moviment liberu tal-persuni”, il-possibbiltà għall-Istati diġà membri tal-Unjoni fil-mument li seħħet din l-adeżjoni biex ikomplu japplikaw, sat-tmiem ta’ perijodu ta’ ħames snin wara din id-data “miżuri nazzjonali […] li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom tal-ħaddiema [mill-Istati Membri l-ġodda]”.

Id-dritt nazzjonali

4

Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 32a u 1(2)(l) u (m) tagħha, il-Liġi Awstrijaka dwar l-impjieg tal-barranin (Ausländerbeschäftigungsgesetz), tal-20 ta’ Marzu 1975 (BGBl. 218/1975), fil-verżjoni tagħha attwalment fis-seħħ (BGBl. I, 99/2006, iktar ’il quddiem l-“AuslBG”), tapplika għat-tmien Stati Membri l-ġodda.

5

L-Artikolu 2(2) tal-AuslBG jiddefinixxi l-impjieg bħala l-attività mwettqa “f’relazzjoni ta’ xogħol” jew “fil-kuntest ta’ relazzjoni simili għal relazzjoni ta’ xogħol”.

6

L-Artikolu 2(4) tal-AuslBG jipprovdi:

“Sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix impjieg fis-sens tal-paragrafu 2, huwa importanti li wieħed iħares lejn il-kontenut ekonomiku veru u mhux l-apparenza ġenerali tal-fatti. Għaldaqstant jeżisti impjieg fis-sens tal-paragrafu 2 meta

1.

membru ta’ soċjetà, bl-għan li jotjeni l-obbjettiv tas-soċjetà, jew

2.

membru f’kumpannija b’responsabbiltà limitata li jkollu sehem ta’ inqas minn 25 % iwettaq, għal din is-soċjetà jew kumpannija, attivitajiet li ġeneralment jitwettqu f’relazzjoni ta’ xogħol, sakemm l-uffiċċju reġjonali tal-[AMS] ma jikkonstatax, fuq talba u f’terminu ta’ tliet xhur, li influwenza sinjifikattiva ġiet effettivament imwettqa personalment minn membru fuq il-ġestjoni tas-soċjetà jew kumpannija. L-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant. Wara li jiskadi dan it-terminu, l-attività tista’ tinbeda anki mingħajr iċ-ċertifikat meħtieġ. Jekk it-talba tiġi miċħuda wara li jiskadi t-terminu, għandha tintemm l-attività diġa mibdija immedjatament jew sal-iktar tard fil-ġimgħa wara n-notifika taċ-ċertifikat.”

7

L-Artikolu 15 tal-AuslBG jistabilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol fit-termini li ġejjin:

“(1)   Barrani li għad m’għandux permess ta’ xogħol għal żmien indefinit (Artikolu 17) jista’ jingħata, fuq talba, ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol:

1.

jekk wettaq, matul l-aħħar tmien snin, attività awtorizzata għal mill-inqas ħames snin fit-territorju nazzjonali […] u jekk għandu permess ta’ stabbiliment legali, […]

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Billi kkunsidrat li l-metodu ta’ distinzjoni bejn il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema impjegati li jirriżulta mill-Artikolu 2(4) tal-AuslBG jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 43 KE, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Marzu 2005, indirizzat lill-awtoritajiet Awstrijaċi ittra ta’ intimazzjoni f’dan ir-rigward, li dawn tal-aħħar irrispondew b’ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, fejn ikkontestaw kull ksur ta’ dan l-artikolu.

9

Fis-6 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Awstrija, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xahrejn li bdew jiddekorru mill-ġurnata li fiha rċeviet din l-opinjoni. L-awtoritajiet Awstrijaċi rrispondew għal din l-opinjoni fis-7 ta’ Settembru 2006, fejn komplew isostnu l-pożizzjoni tagħhom.

10

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

11

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika tal-Litwanja ġiet ammessa sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

12

Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li jimponi fuq iċ-ċittadini tat-tmien Stati Membri l-ġodda li jixtiequ jirreġistraw kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ li jiksbu kemm ċertifikat tal-AMS li jistabbilixxi l-istatus tagħhom bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom, kif ukoll ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol, jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata fuq id-dritt ta’ stabbiliment.

13

L-argumenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw essenzjalment l-ilment relatat mal-inkompatibbiltà tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom prevista fl-Artikolu 2(4) tal-Aus1BG mal-Artikolu 43 KE, peress li ċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri rarament ikunu jistgħu juru li huma wettqu attività awtorizzata għal ħames snin matul it-tmien snin preċedenti għat-talba ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni neċessarju sabiex tinkiseb eżenzjoni mill-permess tax-xogħol taħt l-Artikolu 15 tal-AuslBG.

14

Il-Kummissjoni tirrileva qabel kollox li, skont l-Artikolu 2(4), ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri msemmija huwa preżunt li jaġixxi bħala ħaddiem impjegat meta, bħala membru f’soċjetà jew f’kumpannija b’responsabbiltà limitata b’ishma ta’ inqas minn 25 %, iwettaq għal din is-soċjetà jew kumpannija “attivitajiet li ġeneralment jitwettqu f’relazzjoni ta’ xogħol”. Billi teħtieġ li tali membru jikkontesta tali preżunzjoni billi jressaq provi tal-istatus tiegħu ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu, din id-dispożizzjoni mhux biss tissuġġetta l-aċċess għal attività li titwettaq minn min jaħdem għal rasu għal kundizzjoni addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għal operaturi oħra, iżda tipprekludi wkoll l-eżerċizzju ta’ tali attività ekonomika matul it-terminu tal-proċedura tal-għoti taċ-ċertifikazzjoni. Il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati tat-tmien Stati Membri l-ġodda tkun għaldaqstant ostakolata.

15

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-restrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(4) tal-AuslBG hija ta’ natura diskriminatorja minħabba l-fatt li l-proċedura inkwistjoni tapplika għaċ-ċittadini tal-Istati Membri ġodda abbażi tan-nazzjonalità tagħhom.

16

Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 46 KE, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja, peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma pprovatx l-eżistenza ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi għall-interessi fundamentali tas-soċjetà.

17

F’kull każ, l-obbligu ta’ suġġezzjoni għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni kkontestata m’hija la neċessarja u lanqas proporzjonata fir-rigward tal-għan, invokat minn dan l-Istat Membri, tal-ġlied kontra l-abbuż eventwali tal-libertà ta’ stabbiliment billi jipprevjeni l-abbuż tagħha sabiex jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema.

18

B’mod partikolari, il-qlib tal-oneru tal-prova previst mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni intiż sabiex tinkiseb minn membru informazzjoni li tippermetti li tiġi vverifikata li l-attività ekonomika qed titwettaq minn persuna li taħdem għal rasha mhuwiex l-unika mezz possibbli sabiex l-interessati kollha jitħajjru jikkollaboraw, b’mod kuntrarju għal dak li jafferma l-imsemmi Stat Membru. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dan ir-riżultat jista’ ukoll jintlaħaq minn miżuri nqas restrittivi, bħalma huma l-obbligi ta’ kollaborazzjoni preskritti mil-liġi, possibbilment flimkien mas-sanzjonijiet.

19

Barra minn hekk, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tista’ tiġi ssostitwita minn kontroll imwettaq a posteriori, wara r-reġistrazzjoni tas-soċjetà jew tal-kumpannija. Bl-istess mod, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkonċernati jkunu jistgħu jibdew iwettqu l-attività tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, min-naħa tagħhom, jordnaw il-waqfin tagħha fil-każ fejn kontroll jirriżulta f’abbuż.

20

Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tippreżumi li l-Kummissjoni bbażat b’mod żbaljat ir-rikors tagħha fuq ksur tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, hija ssostni li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 2(4) tal-AuslBG taqa’ taħt il-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u hija koperta mill-possibbiltà li jiddisponu minnha l-Istati Membri, permezz tal-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni, li jirrestringu, waqt il-perijodu tranżitorju, l-aċċess taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda, għas-suq tax-xogħol.

21

Huma biss il-ħaddiema impjegati u l-“ħaddiema impjegati għal rashom foloz”, jiġifieri l-membri li jinsabu “b’mod atipiku” f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ ħaddiem impjegat, li jiġu assuġġettati għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom bħala membri li ma jipprovdux lill-kumpannija servizzi ta’ xogħol karatteristiċi ta’ attività ta’ impjieg, iżda jillimitaw ruħhom għal atti ta’ ġestjoni u tranżazzjonijiet fir-rigward tal-ishma tagħhom, ma jaqgħux, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(4) tal-AuslBG.

22

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi eliminata prattika li tikkonstisti fl-evitar tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-aċċess għal impjieg permezz tal-ħolqien ta’ kumpanniji, skont iż-żewġ każijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jeżistux mezzi inqas restrittivi għall-ġlieda kontra din il-prattika. B’mod partikolari, kontroll a posteriori jseħħ tard wisq u ma jippermettix li jiġu evitati perturbazzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607). L-istess, ir-regola li tirrigwarda l-oneru tal-prova, ikkritikata mill-Kummissjoni tikkostitwixxi l-uniku mezz adegwat sabiex jiġi vverifikat jekk l-attività imwettqa minn membru hijiex effettivament attività mwettqa minn persuna li taħdem għal rasha, peress li sempliċi obbligu ta’ kooperazzjoni mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkontrollat ir-rispett ta’ din il-kundizzjoni. Fil-fatt, l-interessati m’għandhom l-ebda interess li jikkoperaw fil-każijiet ta’ evażjoni tal-liġi.

23

Fl-aħħar nett, l-imsemmi Stat Membru jsostni li t-terminu massimu ta’ tliet xhur huwa raġjonevoli peress li, fil-prattika, proċedura ta’ ċertifikazzjoni tintemm spiss malajr għall-interessat, b’mod partikolari meta l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu jintwera b’mod evidenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens tat-Trattat KE huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, u jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet mwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fid-dawl ta’ dan il-kunċett daqshekk limitat, hemm lok, qabel kollox, li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata taqa’ esklużivament taħt il-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, u b’mod iktar speċifiku taħt id-deroga tranżitorja prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt 2 tal-Annessi V sa XIV tal-Att ta’ Adeżjoni.

26

Fil-fatt, mill-proċess, u b’mod iktar partikolari mill-argumenti żviluppati minn dan l-Istat Membru, jirriżulta li l-imsemmja leġiżlazzjoni tissuġġetta għal formalitajiet amministrattivi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-totalità taċ-ċittadini mit-tmien Stati Membri l-ġodda li jixtiequ jwettqu attività ekonomika fl-Awstrija bħala membri f’soċjetà jew f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, sabiex ikun hemm distinzjoni, fost dawn iċ-ċittadini, bejn dawk li jwettqu realment attività bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom u dawk li, fil-fatt, għandhom status ta’ ħaddiem impjegat. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni qed tikkontesta ġustament il-kompatibbiltà tal-Artikoli 2 u 15 tal-AuslBG mal-Artikolu 43 KE, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali japplikaw b’mod partikolari għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u jirregolaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tagħhom.

27

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment, rikonoxxuta mill-Artikolu 43 tat-Trattat fir-rigward taċ-ċittadini Komunitarji, timplika għal dawn tal-aħħar id-dritt li jibdew u jkomplu jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll id-dritt li jmexxu u li jistabbilixxu impriżi taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mil-liġijiet tal-Istat Membru tal-istabbiliment fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 19, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 20).

28

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jimponi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, fuq kull persuna li tagħmel użu tal-libertà tagħha li tistabbilixxi ruħha hemm, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha li huma differenti minn dawk stabbiliti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 24).

29

Issa, f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tikser preċiżament din il-projbizzjoni inkwantu din tissuġġetta biss liċ-ċittadini tat-tmien Stati Membri l-ġodda għall-ħtieġa li juru li mhumiex qed jaħdmu bħala impjegati billi jipproduċu ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 2(4) tal-AuslBG jew ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol previst fl-Artikolu 15(1) tal-istess liġi.

30

B’hekk, minn naħa, l-aċċess ta’ dawn iċ-ċittadini Komunitarji għat-twettiq ta’ attività ekonomika bħala membru ta’ soċjetà jew f’kumpannija b’responsabbiltà limitata b’ishma ta’ inqas minn 25 % huwa suġġett għal kundizzjonijiet u formalitajiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 2(4) tal-AuslBG, it-twettiq stess, miċ-ċittadini tat-tmien Stati Membri l-ġodda, tal-attività ekonomika tagħhom huwa sospiż matul l-imsemmija proċedura, jiġifieri għal massimu ta’ tliet xhur.

31

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità pprojbita bħala prinċipju mill-Artikolu 43 KE.

32

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament taqax taħt id-deroga prevista mill-Artikolu 46 KE li jipprovdi li l-miżuri diskriminatorji jistgħu jiġu ġġustifikati biss minħabba motivi ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

33

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija, billi tinvoka motiv relatat mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, issostni li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi essenzjalment sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż possibbli tal-libertà ta’ stabbiliment billi jipprevjenu kull evażjoni tar-regoli tranżitorji applikabbli għall-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex jiġi protett l-interess tas-soċjetà Awstrijaka permezz tal-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u tal-ugwaljanza fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq.

34

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

35

Fil-fatt, kif ippreċiżat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ ordni pubbliku minn naħa, jippreżumi theddida reali u biżżejjed gravi li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà u min-naħa l-oħra, għandu, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga minn prinċipju fundamentali tat-Trattat, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-355/98, Ġabra p. I-1221, punt 28; tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-465/05, Ġabra I-11091, punt 49, u tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-319/06, Ġabra p. I-4323, punt 50).

36

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika deroga għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi tal-opportunità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat Membru, kif ukoll minn elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat madankollu li r-Repubblika tal-Awstrija tinvoka b’mod ġenerali biss ir-riskju ta’ evażjoni mill-preżunti “ħaddiema li jaħdmu għal rashom foloz” tar-regoli tranżitorji li jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema li ġejjin mit-tmien Stati Membri l-ġodda, mingħajr ma ressqet l-ebda element preċiż li jippermetti li jiġi stabbilit li l-eventwalità ta’ tali ksur jirrapreżenta theddida reali u suffiċjentement gravi li jaffettwa l-interessi fundamentali tas-soċjetà.

38

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dan ir-riskju ta’ evażjoni tal-imsemmija regoli huwa ta’ natura li joħloq tali problemi għall-ordni pubbliku, għandu jiġi kkonstatat li l-Istat Membru konvenut ma wriex suffiċjentement fid-dritt li l-għan tal-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol li huwa previst mil-leġiżlazzjoni kkontestata jirrendi neċessarja l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u minn qabel, fil-konfront ta’ kull operatur ikkonċernat mit-tmien Stati Membri l-ġodda, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq minn miżuri inqas restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

39

Fir-realtà, hekk kif jissuġġerixxu l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Litwanja, miżuri inqas restrittivi minn dawk implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata, bħal pereżempju l-istabbiliment ta’ kontrolli amministrattivi regolari flimkien ma’ obbligi relatati mal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni min-naħa tal-operaturi ekonomiċi potenzjalment ikkonċernati, jistgħu jassiguraw riżultat simili billi jippermettu li jiġu vverifikati jekk ċerti attivitajiet ekonomiċi humiex mwettqa effettivament minn persuni li jaħdmu għal rashom jew fir-realtà fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

40

Tali sistema tidher ħafna iktar possibbli peress li, kif ikkonfermat ir-Repubblika tal-Awstrija waqt is-seduta, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jikkonċernaw essenzjalment is-settur tal-kostruzzjoni u, għaldaqstant, jikkonċernaw il-ħolqien ta’ kumpanniji li jwettqu attivitajiet ta’ ċertu tul taż-żmien. Għall-kuntrarju ta’ dak li jafferma dan l-Istat Membru, kontroll imwettaq a posteriori, wara li tiġi rreġistrata kumpannija ma jseħħx neċessarjament tard, iżda jippermetti kemm lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkonċernati li jibdew iwettqu l-attività tagħhom kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti li jordnaw il-waqfien tagħha fil-każ fejn verifika tirriżulta f’abbuż.

41

Konsegwentement, ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni kkontestata mhijiex iġġustifikata.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi talbet, għar-reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew ta’ kumpanniji fir-reġistru tal-kummerċ fuq talba ta’ ċittadini mit-tmien Stati Membri l-ġodda membri ta’ soċjetà jew membri minoritarji f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata, determinazzjoni tal-istatus tagħhom ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom mill-AMS jew il-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

Fuq l-ispejjeż

43

Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi talbet, għar-reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew ta’ kumpanniji fir-reġistru tal-kummerċ fuq talba ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda li ngħaqdu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, barra r-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta, li jkunu membri ta’ soċjetajiet jew membri minoritarji f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata, determinazzjoni tal-istatus tagħhom ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom mill-Arbeitsmarktservice jew il-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top