Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0071

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
    Franco Campoli vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Uffiċjali - Remunerazzjoni - Pensjoni - Applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat skond l-għoli tal-ħajja medju fl-Istat ta’ residenza - Sistema tranżitorja stabbilita bir-Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal - Eċċezzjoni ta’ illegalità.
    Kawża C-71/07 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 II-B-2-00101
    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-05887;FP-I-B-2-00013

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:424

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    “Appell — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Pensjoni — Applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat skont l-għoli tal-ħajja medju fil-pajjiż ta’ residenza — Sistema tranżitorja stabbilita bir-Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal — Eċċezzjoni ta’ illegalità”

    Fil-Kawża C-71/07 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-8 ta’ Frar 2007,

    Franco Campoli, ex uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn G. Vandersanden, L. Levi u S. Rodrigues, avocats,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Joris u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz u I. Šulce, bħala aġenti,

    intervenjent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ April 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, F. Campoli jitlob l-anullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni (T-135/05, ĠabraSP p. I-A-2-297, II-A-2-1527, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha dik il-qorti ċaħdet bħal parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat ir-rikors tiegħu intiż, fis-sustanza, għall-annullament tal-karti tal-pensjoni (pensions slips) tiegħu mix-xhur ta’ Mejju sa Lulju 2004, sa fejn japplikaw għall-ewwel darba koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat illegalment skont l-għoli tal-ħajja medju fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu, u mhux skont l-għoli tal-ħajja fil-belt kapitali ta’ dan il-pajjiż.

    I — Il-kuntest ġuridiku

    2

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ qabel l-l ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal il-qodma”), kien jipprevedi li fir-rigward tal-pensjonijiet kellu jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit għall-pajjiż, li jkun jinsab fil-Komunità, fejn min għandu dritt għall-pensjoni jagħti prova li jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu.

    3

    Peress li ebda dispożizzjoni speċifika tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma ma kienet tistabbilixxxi l-metodu tal-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar kienu, fil-prattika, jiġu applikati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni kkalkolati għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fis-servizz skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 64 u l-Anness XI ta’ dawn ir-regolamenti, jiġifieri skont metodu intiż li jiżgura l-istess kapaċità ta’ xiri jkun fejn ikun il-post fejn ikunu assenjati l-uffiċjali. Dan il-metodu kien intiż li jirrifletti d-differenza medja għal uffiċjal tipiku bejn l-għoli tal-ħajja fil-belt kapitali tal-pajjiż fejn ġie assenjat u l-għoli tal-ħajja fi Brussell (il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“metodu ‘belt kapitali’”). Fir-rigward tal-pensjonijiet, l-element ta’ riferiment kien l-għoli tal-ħajja fil-belt kapitali tal-pajjiż ta’ residenza mqabbel mal-għoli tal-ħajja fi Brussell.

    4

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1), introduċa riforma kbira tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Waħda mill-innovazzjonijiet introdotti minn dan ir-regolament tikkonċerna t-tneħħija, mill-1 ta’ Mejju 2004, tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni fir-rigward tal-pensjonijiet.

    5

    Bħala motivazzjoni, it-tletin premessa tar-Regolament Nru 723/2004 tispjega:

    “Integrazzjoni fil-fond ta’ l-Unjoni Ewropea u l-għażla libera tal-pensjonanti tal-post tar-residenza tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, waqqgħu s-sistema tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni għall-pensjonijiet. Din is-sistema wkoll ħolqot problemi ta’ sorveljanza dwar il-post tar-residenza tal-pensjonanti li trid ting[ħ]eleb. Din is-sistema għandha għalhekk titneħħa, bi transizzjoni xierqa għall-pensjonanti u l-uffiċjali reklutati qabel id-dħul fis-seħħ ta’dan ir-Regolament.”

    6

    Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 82(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sa mill-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”), jipprevedu li ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma japplika għall-pensjonijiet u lanqas għall-benefiċċji ta’ invalidità.

    7

    Din it-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ma tikkonċernax lill-uffiċjali li ħarġu bil-pensjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jistabbilixxi li fir-rigward tal-pensjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali għandu jibqa’ japplika l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit għall-Istat Membru fejn jagħtu prova li stabbilixxew ir-residenza ewlenija tagħhom.

    8

    Fl-istess ħin, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda daħħal ir-regola li l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu applikabbli fir-rigward tal-pensjonijiet jammonta għal 100 %.

    9

    Skont l-Artikolu 20(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, is-sistema tranżitorja li tikkonċerna l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tapplika wkoll għall-benefiċċji ta’ invalidità.

    10

    Il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli skont din is-sistema tranżitorja huma ddeterminati, skont l-Artikoli 1(3)(a) u 3(5)(b) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, abbażi tad-differenza medja bejn l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru ta’ residenza tal-pensjonant inkwistjoni u l-għoli tal-ħajja fil-Belġju (iktar ’il quddiem il-“metodu ‘pajjiż’”), filwaqt li l-metodu “belt kapitali” jibqa’ japplika għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fis-servizz.

    11

    Sabiex tiġi ffaċilitata, għall-pensjonanti kkonċernati, it-tranżizzjoni mill-metodu “belt kapitali” għall-metodu l-ġdid “pajjiż”, dan tal-aħħar ġie introdott gradwalment matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin. Għal dan il-għan, l-Artikolu 20(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jagħmel skala tal-kompożizzjoni proporzjonali tal-ammont tal-pensjonijiet skont il-kalendarju li ġej:

    mill-1 ta’ Mejju 2004: 80 % metodu “belt kapitali” u 20 % metodu “pajjiż”;

    mill-1 ta’ Mejju 2005: 60 % metodu “belt kapitali” u 40 % metodu “pajjiż”;

    mill-1 ta’ Mejju 2006: 40 % metodu “belt kapitali” u 60 % metodu “pajjiż”;

    mill-1 ta’ Mejju 2007: 20 % metodu “belt kapitali” u 80 % metodu “pajjiż”;

    mill-1 ta’ Mejju 2008: 100 % metodu “pajjiż”.

    12

    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprevedi l-garanzija tal-ammont nominali tal-pensjoni netta li kienet riċevuta qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

    II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13

    Sa minn meta ħareġ bil-pensjoni fix-xahar ta’ Frar 2003, l-appellant ibbenefika minn pensjoni ta’ invalidità taħt l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma li fir-rigward tagħha, skont l-Artikolu 82 ta’ dawn tal-aħħar, kien jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit għall-pajjiż fejn l-appellant kien ipprova li kellu r-residenza ewlenija tiegħu, jiġifieri r-Renju Unit, peress li dan tal-aħħar kien mar joqgħod Londra fejn kien xtara dar. Sa mill-1 ta’ Jannar 2004, ġie applikat, fir-rigward tal-pensjoni ta’ invalidità tal-appellant, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit bħala 139.6 % għar-Renju Unit. Dan il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ġie kkalkolat skont il-metodu “belt kapitali”, b’tali mod li jirrifletti d-differenza tal-għoli tal-ħajja bejn Londra u Brussell.

    14

    Permezz ta’ ittra bid-data tat-13 ta’ Mejju 2004, l-uffiċċju “Amministrazzjoni u likwidazzjoni ta’ drittijiet individwali” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej informa lill-appellant bil-konsegwenzi fuq id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. Din l-ittra indikat, b’mod partikolari, li d-drittijiet għall-pensjoni tal-appellant ma kellhomx jiġu emendati jekk il-pensjoni tiegħu ġiet stabbilita qabel ix-xahar ta’ Mejju 2004.

    15

    Madankollu, l-appellant induna li d-drittijiet finanzjarji tiegħu kienu soffrew tnaqqis taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda peress li l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet imħallsa lill-ex uffiċjali residenti f’Londra ġie gradwalment imneħħi u ssostitwit minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni ġdid, li huwa inqas minn dak qadim.

    16

    Għalhekk, l-appellant, fl-20 ta’ Awwissu 2004, mar quddiem l-Awtorità tal-Ħatra b’ilment, skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-konfront tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-karti tal-pensjoni (pension slips) tax-xhur minn Mejju sa Lulju 2004. Huwa sostna li t-tnaqqis, fil-fehma tiegħu, inġustifikat tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, u b’mod partikolari tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni, jikser diversi prinċipji ġenerali tad-dritt. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    III — Is-sentenza appellata

    17

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tal-appellant sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża meħuda flimkien, minn naħa, mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra kkontestata fl-ilment tal-appellant u li kienet emendat mill-1 ta’ Mejju 2004 l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni, il-benefiċċju tal-familja u l-benefiċċju tal-edukazzjoni fiss applikabbli għall-pensjoni tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, mal-karti tal-pensjoni tiegħu sa fejn japplikaw din id-deċiżjoni tal-aħħar sa mix-xahar ta’ Mejju 2004.

    18

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett ikkunsidrat inammissibbli t-talba dwar il-benefiċċju tal-familja u l-benefiċċju tal-edukazzjoni minħabba l-fatt li ma kinux inklużi fl-ilment tal-appellant, kif ukoll it-talba sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li tinsab fil-karti tal-pensjoni tax-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2004, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, bil-kontra, irrikonoxxiet li hemm tali interess ġuridiku sabiex jiġu kkontestati l-karti tal-pensjoni tax-xahar ta’ Lulju 2004 peress li l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fis-servizz assenjati fir-Renju Unit kien ġie stabbilit skont il-metodu “belt kapitali” bħala 142.7 %, b’effett retroattiv għal dan ix-xahar, filwaqt li l-ammont tal-pensjoni tal-appellant baqa’ ffriżat, skont il-garanzija tal-ammont nominali, f’livell daqs dak miksub b’applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 139.6 % f’din l-istess data.

    19

    It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li s-seba’ partijiet tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, li jikkostitwixxu l-uniku motiv mressaq mill-appellant, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipji tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ non-retroattività u tad-drittijiet kweżiti, fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq abbuż ta’ poter u motivazzjoni insuffiċjenti, kienu infondati.

    20

    Fir-rigward tal-parti tal-imsemmi motiv ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li l-evalwazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, kienu ġew invokati erba’ argumenti in sostenn tagħha.

    21

    B’hekk, fil-punti 99 sa 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza warrbet l-ewwel argument tal-appellant li l-applikazzjoni tal-metodu “pajjiż” għall-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tranżitorji applikati fir-rigward tal-pensjonijiet tal-uffiċjali li ħarġu bil-pensjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni kkalkolati skont dan il-metodu l-ġdid ma jiggarantixxux iż-żamma ta’ kapaċità ta’ xiri ekwivalenti għall-pensjonanti kollha. Hija l-ewwel nett fakkret il-konklużjoni tagħha fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2003, Drouvis vs Il-Kummissjoni (T-184/00, ĠabraSP p. I-A-51 u II-297, punt 60) li koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed għal kull pajjiż jista’ jikkostitwixxi indikatur adatt sabiex jiġi rifless, b’mod neċessarjament approssimattiv, l-għoli tal-ħajja fi Stat Membru u sabiex jaqbdi tajjeb l-għan li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-pensjonanti.

    22

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ukoll li, meta ssostitwixxa l-metodu “belt kapitali” bil-metodu “pajjiż”, il-leġiżlatur ma qabiżx il-limiti stabbiliti għall-eżerċiżżju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, hija b’mod partikolari rrilevat li dan huwa ħieles li jadotta dispożizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali kkonċernati, bil-kundizzjoni li jipprevedi perijodu tranżitorju ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti. Din il-libertà lanqas ma tista’ tiġi limitata billi jiġi invokat il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kapaċita ta’ xiri, iktar u iktar meta s-sistema tranżitorja tiggarantixxi lill-pensjonanti ż-żamma tal-ammont nominali tal-pensjoni netta rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda.

    23

    Fil-punti 110 sa 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tieni argument tal-appellant, ibbażat fuq diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali fis-servizz, li għalihom baqa’ japplika l-metodu “belt kapitali”, u l-ufficjali bil-pensjoni, peress li rrilevat li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti.

    24

    It-tielet argument tal-appellant, intiż li juri li hemm diskriminazzjoni meta s-sitwazzjoni tiegħu titqabbel ma’ dik tal-pensjonanti residenti fil-Belġju minħabba li l-pensjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ikunu stabbiliti billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja fi Brussell bħala belt kapitali, ġie mwarrab fil-punti 116 sa 130 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett ikkonstatat li, skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 1(3)(a)(ii) u 3(5)(b) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet imħallsa fl-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju tal-Belġju huma ddeterminati “b’riferenza għall-Belġju” u li m’hemm xejn fis-sistema l-ġdida tal-pensjonijiet li bih jista’ jiġi konkluż li l-leġiżlatur ried jivvantaġġja l-pensjonanti residenti fil-Belġju b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja fi Brussell bħala belt kapitali.

    25

    Hija żiedet, fil-punti 120 sa 123 tas-sentenza appellata, li huwa minnu li, fit-tranżizzjoni mill-metodu “belt kapitali” għall-metodu “pajjiż”, la l-ammont bażiku tal-pensjonijiet “Belġjani” u lanqas il-koeffiċjent ta’ korrezjoni ta’ 100 % applikat għal dan l-ammont ma kienu s-suġġett ta’ tnaqqis li ħa inkunsiderazzjoni dan il-metodu l-ġdid. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni spjegat, fis-seduta, li, fil-prattika, l-esperti tal-istatistika kienu waslu għall-konklużjoni li l-metodu li jikkonsisti filli titkejjel id-differenza bejn il-prezzijiet fi Brussell u l-prezzijiet f’belt kapitali oħra, bħalma hija Londra, jagħti stima kompletament valida tad-differenza bejn il-prezzijiet fil-Belġju u l-prezzijiet fir-Renju Unit f’dak li jikkonċerna l-prodotti kollha, b’eċċezzjoni waħda, jiġifieri l-kirjiet. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, sabiex jiġu ddeterminati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet, l-esperti tal-istatistika jqabblu l-kirjiet medji fil-pajjiż inkwistjoni mal-kirjiet medji fil-Belġju. Fuq din il-bażi, jista’ jiġi stmat li “d-differenza bejn Brussell u l-medja tal-Belġju hija ta’ madwar 2 %”. Madankollu, ma ġiex stabbilit koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 98 % għall-Belġju.

    26

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat f’dan ir-rigward, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni jikkonċernaw l-implementazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-pensjonijiet, kif imwettqa mill-Uffiċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) u ffinalizzata fir-regolamenti ta’ aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li japplikaw għall-pensjonijiet, filwaqt li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellant tikkonċerna biss l-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. Issa, il-legalità ta’ att leġiżlattiv Komunitarju ma tistax tiddependi fuq il-mod li bih dan l-att huwa applikat fil-prattika. Hija żiedet, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, sa fejn il-prattika deskritta mill-Kummissjoni tiffavorixxi l-pensjonanti residenti fil-Belġju billi jitwarrab il-metodu l-ġdid “pajjiż”, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor.

    27

    Fl-aħħar nett, fil-punti 131 sa 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-raba’ argument, li bih l-appellant invoka diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu meta mqabbel mal-pensjonanti residenti f’wieħed mill-Istati Membri “mhux għolja ħafna” li kellhom koeffiċjent ta’ korrezzjoni anqas minn 100 % qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li għalihom is-sistema l-ġdida ta’ pensjonijiet introduċiet koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % bir-riżultat li dawn il-pensjonijiet ser jibbenefikaw minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni ogħla mill-għoli tal-ħajja effettiv fil-post ta’ residenza tagħhom.

    28

    Il-Qorti tal-Pim’Istanza, għalhekk, iddeċidiet, fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, li dan l-argument kien inammissibbli peress li l-appellant ma kienx stabbilixxa li seta’ jibbenefika finanzjarjament minn sentenza li tiddikjara illegali l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % għall-pensjonijiet imħallsa lill-persuni residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna”. Hija b’mod partikolari ma ddikjaratx li l-allegat “rigal finanzjarju” offrut lill-pensjonanti residenti f’tali Stat Membru jimplika neċessarjament telf finanzjarju korrispondenti għall-pensjonanti residenti fi Stat Membru “għoli”. Barra minn hekk, peress li s-sistema Komunitarja tal-pensjonijiet mhijiex ibbażata fuq il-mudell ta’ fondi tal-pensjoni iżda fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà, ir-regola li tintroduċi koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % ma għandhiex, ġuridikament, l-effett li tarrikkixxi l-pensjonanti kkonċernati għad-detriment tal-kategorija ta’ pensjonanti li fiha jaqa’ l-appellant.

    29

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % ma tistax tiġi kkwalifikata bħala manifestament arbitrarja jew inadegwata peress li din ir-regola ġiet adottata bil-għan li tqarreb kemm jista’ jkun is-sistema tranżitorja, li tħares il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet, lejn is-sistema definittiva, li tneħħihom. F’dan is-sens, kull ma tagħmel l-imsemmija regola hija li tantiċipa, għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u fir-rigward tal-pensjonanti kkonċernati, it-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet.

    IV — Fuq l-appell

    30

    Permezz tal-appell tiegħu, F. Campoli jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tilqa’ t-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza, mibdula fir-rigward tal-inammissibbiltà tat-talbiet tiegħu dwar il-benfiċċju tal-familja u l-benefiċċju tal-edukazzjoni u, għalhekk, tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-13 ta’ Diċembru 2004 li ċaħdet l-ilment tiegħu, meħuda flimkien, minn naħa, mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra kkontestata fl-imsemmi ilment u li emendat fl-1 ta’ Mejju 2004 il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjoni tiegħu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mal-karti tal-pensjoni tiegħu sa fejn japplikaw din id-deċiżjoni tal-aħħar sa mix-xahar ta’ Mejju 2004, u

    tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha.

    31

    Il-Kummissjoni, li għamlet ukoll appell inċidentali, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    b’mod prinċipali, tiċħad l-appell bħala inammissibbli;

    sussidjarjament, tiċħdu kollu kemm hu bħala infondat, u

    tikkundanna lil F. Campoli għall-ispejjeż kollha.

    32

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell bħala infondat, u

    tikkundanna lil F. Campoli għall-ispejjeż.

    33

    Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ argumenti mressqa in sostenn tal-parti tal-motiv tiegħu bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Filwaqt li jinvoka aggravju wieħed fl-appell tiegħu, l-appellant jinvoka, f’dan ir-rigward, nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja, tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet, tal-kunċett ta’ interess ġuridiku fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità u tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

    34

    Qabel l-eżami tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi deċiż l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni peress li dan sar sabiex jiġi ddikjarat inammissibili l-appell imressaq mill-appellant.

    A — Fuq l-appell inċidentali

    1. L-argumenti tal-partijiet

    35

    Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha ex officio tiddikjara inammissibbli l-ewwel, it-tielet u r-raba’ argumenti invokati in sostenn tal-parti tal-motiv ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li ma tqajmux fil-fażi prekontenzjuża. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, fl-ilment prekontenzjuż tiegħu, l-appellant kien qajjem, fil-kuntest ta’ din il-parti, it-tieni argument biss, ibbażat fuq diskriminazzjoni bejn uffiċjali u pensjonanti, u li dan kien distint mit-tliet argumenti l-oħra invokati ulterjorment.

    36

    Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li l-appell inċidentali tagħha għandu l-għan li jiġi ddikjarat inammissibbli l-appell peress li dan jirreferi biss għat-tliet argumenti inammissibbli. Hija tammetti li, anki jekk ifformulat b’dan il-mod, l-għan tal-appell inċidentali tagħha ma jikkorrispondix għal kollox mal-formulazzjoni tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda hija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja hija madankollu obbligata teżamina ex officio l-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx żball ta’ liġi meta ma ddikjaratx ex officio inammissibbli t-tliet argumenti inkwistjoni.

    37

    Skont l-appellant, l-appell inċidentali huwa inammissibbli peress li, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-imsemmi Artikolu 56, il-Kummissjoni ma tilfitx fit-talbiet tagħha fl-ewwel istanza. B’mod partikolari, hija ma kinitx talbet li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli u l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet kompletament it-talbiet tagħha meta ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat. Barra minn hekk, għalkemm għamlet appell inċidentali, il-Kummissjoni ma titlobx l-annullament totali jew parzjali tas-sentenza appellata.

    38

    B’mod sussidjarju, l-appellant iqis li l-appell inċidentali mhuwiex fondat. L-ewwel, it-tielet u r-raba’ argumenti inkwistjoni huma, fil-fatt, marbuta mal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali invokat fl-ilment tiegħu. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni stess identifikat b’mod ċar l-argumenti tiegħu bħala li jikkostitwixxu kritika tal-fatt li “l-abitanti ta’ reġjun ‘għoli’ mhux ser ikollhom kapaċità ta’ xiri ekwivalenti bħal dawk li stabbilixxew ir-residenza tagħhom tagħhom fir-reġjuni ‘mhux għolja ħafna’” u li “l-pensjonanti mhux ser jibqgħu jibbenefikaw mill-istess kapaċità ta’ xiri skont ir-residenza tagħhom”. Ir-rapport għas-seduta tal-Qorti tal-Prim’Istanza jispjega b’mod ċar l-erba’ argumenti invokati mill-appellant in sostenn tal-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni kkritikat dan ir-rapport jew l-ammissibbilità ta’ dawn l-argumenti.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    39

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jitressaq appell minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox fit-talbiet tagħha.

    40

    Issa, kif il-Kummissjoni stess iddikjarat fil-kontroreplika tagħha, is-sentenza appellata tilqa’ għal kollox it-talbiet li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għandu b’mod partikolari jiġi osservat li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li qajmet l-inammissibbilità tat-talbiet tal-appellant marbuta mal-benefiċċju tal-familja u mal-benefiċċju tal-edukazzjoni, minħabba li dawn ma ssemmewx fl-ilment, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eċċepiet l-inammissibbiltà tal-parti bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    41

    Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull appell għandu jkun intiż għall-anullament totali jew parzjali ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn, f’każ ta’ annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiediha.

    42

    Issa, f’din il-kawża, l-appell inċidentali tal-Kummissjoni mhuwiex intiż sabiex jikseb l-annullament tas-sentenza appellata iżda sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell prinċipali mressaq mill-appellant.

    43

    Minn dan isegwi li l-imsemmi appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    B — Fuq l-appell prinċipali

    1. Fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-ewwel argument, dwar ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u bbażat fuq it-teżi li l-metodu l-ġdid “pajjiż” ma jiggarantix kapaċità ta’ xiri ekwivalenti għall-pensjonanti kollha

    a) L-argumenti tal-partijiet

    44

    L-appellant isostni li, meta ċaħdet l-ewwel argument, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-qorti Komunitarja. Fil-fatt, is-sentenza appellata tpoġġi l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur f’livell ogħla minn dan il-prinċipju. Il-punt 105 ta’ din is-sentenza huwa determinanti f’dan ir-rigward. L-eżistenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ tul suffiċjenti, imressqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hija element rilevanti għall-eżami tar-rispett tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ non-retroattività u ta’ drittijiet kweżiti, iżda mhijiex rilevanti għall-eżami tal-legalità ta’ miżura fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    45

    L-appellant jenfasizza, barra minn hekk, li koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit skont il-metodu “pajjiż” jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn ma jippermettix li jiġi rifless, ħlief b’mod approssimattiv, l-għoti tal-ħajja ġo pajjiż u li jiġi ssodisfat għalhekk l-għan ta’ kapaċità ta’ xiri ugwali bejn l-ex uffiċjali. Il-metodu l-ġdid jippenalizza, fil-fatt, il-pensjonanti li joqogħdu fil-belt kapitali jew fi bliet jew reġjuni oħra “ogħlja” u li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż marbuta mal-post ta’ residenza tagħhom.

    46

    Skont il-Kummissjoni, kull ma jagħmel il-punt 105 tas-sentenza appellata huwa li jiġbed il-konsegwenzi tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur fis-suġġett ikkonċernat. F’dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari ddeċidiet li l-ugwaljanza fir-rigward tal-kapaċità ta’ xiri bħala forma partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ma tinkisirx bil-bdil tal-metodu in kwisjoni fin-nuqqas ta’ differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata li tiżboq il-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdi l-leġiżlatur, iktar u iktar meta s-sistema tranżitorja tiggarantixxi ż-żamma tal-ammont nominali tal-pensjoni netta.

    47

    Il-Kunsill isostni li l-appellant jonqos milli jagħmel distinzjoni bejn il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-“prinċipju ta’ ekwivalenza fil-kapaċità ta’ xiri”. Fil-fatt, il-punt 105 tas-sentenza appellata ma jirreferix għall-prinċipju ta’ trattament ugwali b’mod ġenerali iżda għall-“prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kapaċità ta’ xiri”, li huwa biss wieħed mill-mezzi possibbli sabiex jiġi żgurat trattament ugwali. Barra minn hekk, l-istess bħall-metodu“belt kapitali”, il-metodu “pajjiż” jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali u ma jostakolax il-libertà ta’ moviment tal-pensjonanti. Fil-fatt, is-sistema l-antika kienet tiffavorixxi, bl-istess mod bħas-sistema attwali, l-għażla tal-postijiet fejn il-ħajja hija orħos fi Stat, u għalhekk kienet tikkundizzjona l-għażla tal-post ta’ residenza.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48

    Permezz tal-kritika tiegħu tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba li l-metodu l-ġdid “pajjiż” ma jiggarantixxix kapaċità ta’ xiri ekwivalenti għall-pensjonanti kollha, l-appellant irid, fis-sustanza, li jiġi ddikjarat li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li l-leġiżlatur Komunitarju, meta ssostitwixxa l-metodu “belt kapitali” bil-metodu “pajjiż” għall-għanijiet tal-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni fil-kuntest tas-sistema tranżitorja tal-pensjonijiet, ma qabiżx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

    49

    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-argument, għandu jiġi l-ewwel nett stabbilit jekk l-applikazzjoni għall-pensjonijiet ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed għal kull pajjiż, ikkalkolat skont il-metodu “pajjiż”, hijiex kompatibbli jew le mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).

    51

    F’dak li jikkonċerna l-Artikoli tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi sostnut li dispożizzjoni li għandha l-għan li żomm kapaċità ta’ xiri ekwivalenti għall-uffiċjali kollha bil-pensjoni jkun fejn ikun il-post ta’ residenza tagħhom hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara digriet tad-29 ta’ April 2004, Drouvis vs Il-Kummissjoni, C-187/03 P, punti 25 u 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Issa, kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata, sistema ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni, min-natura stess tagħha, ma tistax tassigura trattament ugwali b’mod assolut bejn l-ex uffiċjali peress li huwa manifestament impossibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja u l-varjazzjonijiet tiegħu fil-lokalitajiet kollha tad-diversi Stati Membri fejn il-pensjonanti jistgħu jistabbilixxu r-residenza tagħhom, u li jiġi applikat, għal kull waħda minn dawn il-lokalitajiet, koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku. F’dawn il-kundizzjonijiet, koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed għal kull pajjiż jista’ jikkostitwixxi indikatur adatt sabiex jirrifletti, b’mod li huwa neċessarjament approssimattiv, l-għoli tal-ħajja fi Stat Membru.

    53

    Dwar il-metodu li għandu jintgħażel sabiex jiġi kkalkolat tali koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed għal kull pajjiż, huwa paċifiku, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, tkun liema tkun, is-sistema magħżula l-iktar li tista’ tkun hija approssimazzjoni raġjonevoli tal-għoli tal-ħajja effettiv li għandu kull ex uffiċjali, u li, f’dan id-dawl, kemm il-metodu “belt kapitali” kif ukoll il-metodu “pajjiż” għandhom vantaġġi u inkonvenjenti.

    54

    Fid-dawl tan-natura neċessarjament approssimattiva ta’ koeffiċjent ta’ korrrezzjoni wieħed għal kull pajjiż, l-għan li tiġi ggarantita ċerta ekwivalenza fil-kapaċità ta’ xiri bejn l-ex uffiċjali li joqogħdu fid-diversi Stati Membri għandu, fil-fatt, jitqies bħala li ġie osservat sa fejn dan il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed huwa ffissat skont kriterji li jiggarantixxu r-rappreżentatività tagħhom. Issa, mhuwiex ikkontestat li l-metodu “pajjiż” jirrifletti l-għoli tal-ħajja fi Stat Membru b’mod li huwa għall-inqas rappreżentattiv daqs il-metodu “belt kapitali”.

    55

    Peress li l-metodu “pajjiż” jikkostitwixxi, għalhekk, metodu ta’ kalkolu adatt sabiex jiżgura, sa fejn huwa possibbli, l-ekwivalenza tal-kapaċità ta’ xiri bejn il-pensjonanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-leġiżlatur Komunitarju ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ssostitwixxa l-metodu “belt kapitali” bil-metodu “pajjiż” għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni fil-kuntest tas-sistema tranżitorja tal-pensjonijiet.

    56

    F’dak li jikkonċerna l-kritika li saret mill-appellant fil-konfront tal-punt 105 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li din hija infondata. Mir-raġunament żviluppat fil-punti 99 sa 104 tas-sentenza appellata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament wieġbet b’mod negattiv għad-domanda jekk il-metodu l-ġdid ta’ iffissar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni jikkostitwixxix differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan intiż. Meta għamlet hekk, hija bl-ebda mod ma ddeċidiet li l-uniku limitu għas-setgħa tal-leġiżlatur huwa kkostitwit mill-eżistenza ta’ perijodu tranżitorju suffiċjenti, kif issuġġerixxa l-appellant, iżda, għall-kuntrarju, eżaminat, skont raġunament analogu għal dak żviluppat fil-punti 51 sa 54 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni jekk il-leġiżlatur Komunitarju kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ssostitwixxa l-metodu “belt kapitali” bil-metodu “pajjiż”. Meta l-punt ikkontestat jinqara fil-kuntest tiegħu joħroġ b’mod evidenti li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhuwiex ibbażat fuq il-premessa li, fil-kuntest tal-aġġustament tas-sistema tal-pensjonijiet, il-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut bil-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ drittijiet kweżiti, iżda mhux bil-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    57

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-aggravju waħdieni, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-qorti Komunitarja, għandha tiġi mwarrba bħala infondata.

    2. Fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tar-raba’ argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel mal-pensjonanti li joqogħdu f’wieħed mill-Istati Membri “mhux għolja ħafna”, minħabba l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 %

    a) L-argumenti tal-partijiet

    58

    L-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, huwa għandu interess ġuridiku. Huwa jikkontesta l-fatt li tali interess jista’ jirriżulta biss minn arrikkiment tal-pensjonanti li joqogħdu fi Stat Membru “mhux għoli ħafna” għad-detriment tal-pensjonanti li joqogħdu fi Stat Membru “għoli”, filwaqt li jenfassiza li l-kritika tiegħu hija bbażata fuq ksur tal-“prinċipju ta’ kapaċità ta’ xiri ugwali”. Anki jekk jitqies li kien meħtieġ li jiġu mistħarrġa r-relazzjonijiet li hemm bejn il-benefiċċji mħallsa lil grupp ta’ pensjonanti u dawk imħallsa lil grupp ieħor, kellu jiġi kkonstatat li l-ispiża kkawżata mill-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % hija “kkumpensata” bl-introduzzjoni tal-metodu “pajjiż”.

    59

    F’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkwalifikata bħala manifestament arbitrarja jew inadegwata, l-appellant isostni li s-sempliċi riferiment għas-setgħa wiesgħa tal-leġiżlatur u għall-għan li s-sistema tranżitorja titqarreb lejn is-sistema definittiva ma jistax jiġġustifika din il-konklużjoni. Barra minn hekk, ebda sistema tranżitorja ma ġiet stabbilita għall-pensjonanti li joqogħdu fil-pajjiżi “mhux għolja ħafna”. Id-differenza li tirriżulta mill-fatt li r-regola li tistabbilixxi koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu tagħti lil dawn il-pensjonanti benefiċċji li jaqbżu sostanzjalment l-għoli tal-ħajja fil-post ta’ residenza tagħhom ma jista’ jkollha ebda ġustifikazzjoni oġġettiva fin-natura u l-karatteristiċi tas-sistema tranżitorja.

    60

    Il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddikjarat l-argument tal-appellant inammissibbli. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li, anki li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dan l-argument kien fondat, dan kien iwassal biex il-pensjonanti li joqogħdu fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna” jitnaqqsilhom l-ammont tal-pensjoni tagħhom, filwaqt li s-sitwazzjoni tal-appellant ma kienet tinbidel b’ebda mod. B’mod sussidjarju, huma jsostnu li, meta wettaq l-allinjament tas-sistema tranżitorja fuq is-sistema definittiva għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u favur il-pensjonanti li joqogħdu fi Stati Membri “mhux għolja ħafna”, il-leġiżlatur għamel għażla koerenti u adegwata. Il-Kunsill jenfasizza li, għal dawn tal-aħħar, ma kienx hemm aspettattivi leġittimi li kellhom jiġu mħarsa, u dan jispejga għaliex ma kinux meħtieġa miżuri tranżitorji fir-rigward tagħhom.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    61

    Il-kritika tal-motivi tas-sentenza appellata li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tal-appellant ibbażat fuq diskriminazzjoni meta mqabbel mal-pensjonanti residenti f’wieħed mill-Istati Membri “mhux għolja ħafna” li tirriżulta mill-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 %, tikkonċerna kemm l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument kif ukoll l-eżami ta’ dan l-argument fil-mertu. Fil-fatt, l-appellant jipprova juri li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan l-argument huwa ammissibbli u fondat.

    62

    Qabel ma tingħata risposta għal din il-kritika, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara ex officio l-argument inammissibbli peress li tressaq mill-appellant fl-istadju tar-replika, fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, hekk li jammonta għal argument ġdid.

    63

    F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 103 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument inkwistjoni jidher, għalkemm kien għadu mhux żviluppat biżżejjed, fil-parti tar-rikors dwar abbuż ta’ poter kif ukoll dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv li diġà ġie invokat b’mod espliċitu jew impliċitu fir-rikors promotur għandu jitqies bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament, 306/81, Ġabra p. 1755, punt 9, u tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punti 38 sa 40).

    64

    Dwar il-fondatezza tal-kritika tal-appellant, għandha tiġi eżaminata l-ewwel dik li hija fformulata fir-rigward tal-punt 136 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonkludiet li l-argument in kwsitjoni kien inammissibbli minħabba li l-appellant ma kellux interess ġuridiku, iddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % ma tistax tiġi kkwalifikata bħala manifestament arbitrarja jew inadegwata peress li din ir-regola ġiet introdotta sabiex tqarreb kemm jista’ jkun is-sistema tranżitorja, li tħares il-koeffċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet, lejn is-sistema defnittiva, li tneħħihom. Fil-fatt, huwa biss fl-ipoteżi li din il-konstatazzjoni tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi li din il-parti tal-aggravju invokat mill-appellant tista’ tirnexxi. Dan, iżda, mhuwiex il-każ.

    65

    Kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-introduzzjoni, fil-kuntest tas-sistema tranżitorja, ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % sempliċement tantiċipa, għal parti mill-pensjonanti, it-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni prevista mis-sistema definittiva. Huwa għalhekk f’dan id-dawl li l-konformità tas-sistema tranżitorja mal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandha tiġi analizzata.

    66

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jirriforma s-sistema tal-pensjonijiet billi jneħħi l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għal dawn tal-aħħar mhijiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għalkemm huwa veru li s-sistema antika ta’ pensjonijiet, ibbażata fuq sistema ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u, għalhekk, fuq ċertu kumpens tal-kapaċità ta’ xiri skont l-Istat Membru ta’ residenza tal-pensjonant, kienet tikkostitwixxi metodu adatt sabiex jiġi implementat dan il-prinċipju, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull sistema oħra hija inkompatibbli ma’ dan l-istess prinċipju.

    67

    Fil-fatt, kif irrileva ġustament il-Kunsill, sistema ta’ pensjonijiet li hija intiża għall-ekwivalenza tal-kapiċità ta’ xiri hija biss wieħed mill-metodi possibbli sabiex jiġi żgurat il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan il-prinċipju huwa rrispettat ukoll minn sistema fejn il-pensjonanti jirċievu, għal kontribuzzjoni ekwivalenti, pensjoni nominali ugwali, kif inhu barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, il-każ ta’ sistemi ta’ pensjoni li hemm fl-Istati Membri u f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

    68

    Peress li s-sistema ta’ pensjonijiet definittiva li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, sa fejn m’għadx għandha l-għan li tiggarantixxi ċerta ekwivalenza tal-kapaċità ta’ xiri bejn il-pensjonanti indipendentement mill-post ta’ residenza tagħhom, hija għalhekk kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, is-sistema tranżitorja, li sempliċement tantiċipa l-prinċipju ta’ pensjoni għal ammont “wieħed” għall-benefiċċju tal-pensjonanti li għalihom huwa favorevoli dan il-prinċipju, ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni.

    69

    Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li ġustament li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-argument tal-appellant, ibbażat fuq diskriminazzjoni meta mqabbel mal-pensjonanti li joqogħdu f’wieħed mill-Istati Membri “mhux għolja ħafna” li tirriżulta mill-fatt tal-introduzzjoni mis-sistema tranżitorja ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 %, mhuwiex fondat. F’dawn il-kundizzjonijiet, m’għadx hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi fuq l-oġġezzjoni li l-imsemmi argument huwa inammissibbli minħabba li l-appellant m’għandux interess ġuridiku.

    70

    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li din il-parti tal-aggravju waħdieni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandha tiġi miċħuda.

    3. Fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-tielet argument, dwar diskrimnazzjoni meta mqabbel mal-pensjonanti residenti fil-Belġju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    71

    L-appellant isostni f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fis-sentenza appellata, is-sistema l-ġdida ta’ pensjonijiet hija marbuta mal-għoli tal-ħajja fi Brussell. Għalhekk, l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jippreċiża li l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet huwa bbażat fuq serje ta’ elementi msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess anness, li fosthom tissemma l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja fi Brussell (indiċi internazzjonali ta’ Brussell). Il-fatt li ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma huwa applikabbli għall-Belġju, kif jipprevedi l-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, ifisser li fir-rigward tal-pensjonijiet huwa applikat, de facto, koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 100 %. Għalhekk, id-dħul tal-pensjonanti residenti fil-Belġju jkun stabbilit billi jitqies biss l-għoli tal-ħajja fi Brussell, il-belt kapitali ta’ dan l-Istat Membru.

    72

    L-appellant jikkritika, barra minn hekk, il-motivi tas-sentenza appellata, esposti kemm fil-punt 124 ta’ din tal-aħħar, fejn jingħad li “il-legalità ta’ att leġiżlattiv Komunitarju ma tistax tiddependi mill-mod li bih dan l-att huwa applikat fil-prattika”, kif ukoll fil-punt 125 ta’ dik is-sentenza, fejn hemm riferiment għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jkun ikkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur oħrajn. L-appellant jinvoka f’dan ir-rigward ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-ugwaljanza bejn il-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja, tad-drittijiet ta’ difiża, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom il-qorti Komunitarja u l-istituzzjonijiet.

    73

    Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirreferu għall-formulazzjoni tal-Artikolu 1(3)(a) u tal-inċiż (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li jenfasizzaw li l-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli jipprovdi li Eurostat għandha tikkalkola l-aġġustamenti ekonomiċi “b’riferenza għall-Belġju”. Is-sistema l-ġdida ma għandha għalhekk ebda rabta mal-għoli tal-ħajja fi Brussell. L-implementazzjoni tas-sistema tranżitorja fil-prattika tirriżulta mir-regoli ta’ applikazzjoni tal-Kunsill li Eurostat sempliċement timplementa. L-appellant ma jistax jikkontesta dawn ir-regolamenti ta’ applikazzjoni peress li huwa eċċepixxa biss l-illegalità tar-Regolament Nru 723/2004.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    74

    Kif ġie rrilevat fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza kif ukoll fil-punt 136 tas-sentenza appellata, l-introduzzjoni bis-sistema tranżitorja ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % ma jimplikax ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni, fid-dritt jew fil-fatt, ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 100 % fir-rigward tal-pensjonanti residenti fil-Belġju ma tistax tikkostitwixxi tali ksur.

    75

    Fil-fatt, anki fl-ipoteżi li l-għoli tal-ħajja fil-Belġju, ikkalkolat skont il-metodu “pajjiż”, ikun inqas minn dak li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-salarju bażiku, bir-riżultat li, b’applikazzjoni tal-loġika tas-sistema l-antika tal-pensjonijiet, kien imissu ġie stabbilit koeffiċjent ta’ korrezzjoni inqas minn 100 %, il-fatt li l-pensjonanti residenti fil-Belġju jibbenefikaw, l-istess, bħall-bqija tal-pensjonanti l-oħra kollha residenti f’wieħed mill-Istati Membru “mhux għolja ħafna” li jissemmew fil-punt 69 tal-preżenti sentenza, mill-ammont sħiħ tal-pensjoni bażika u għalhekk minn kapaċità ta’ xiri ogħla minn dik tal-appellant ma jikkostitwixxix, fid-dawl tas-sistema tranżitorja, diskriminazzjoni.

    76

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, anki li kieku l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata, b’mod partikolari dik fil-punti 124 u 125 ta’ din is-sentenza, kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi, kif jistqarr l-appellant, il-konstatazzjoni ta’ tali żball ma tkunx ta’ natura li twassal għall-annullament ta’ din is-sentenza peress li l-argument tal-appellant ibbażat fuq diskriminazzjoni meta mqabbel mal-pensjonanti residenti fil-Belġju għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud għall-motivi msemmija fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza li, barra minn hekk, jinsabu wkoll spjegati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata.

    77

    F’dawn il-kundizzjonijiet, din il-parti tal-aggravju waħdieni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja, tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom il-qorti Komunitarja u l-istituzzjonijiet, għandha tiġi mwarrba.

    78

    Peress li ebda waħda mill-partijiet tal-aggravju waħdieni invokat mill-appellant ma hija fondata, l-appell imressaq minn F. Campoli għandu jiġi miċħud.

    V — Fuq l-ispejjeż

    79

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    80

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118, ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet jitilfu kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali. Peress li kull parti tilfet parzjalment fl-aggravji tagħha, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

    81

    Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli wkoll bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regoli, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill għandu għalhekk jiġi kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.

     

    2)

    F. Campioli, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top