Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0049

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta' Lulju 2008.
Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE) vs Elliniko Dimosio.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Dioikitiko Efeteio Athinon - il-Greċja.
Artikoli 82 KE u 86 KE - Kunċett ta’ impriża - Assoċjazzjoni li ma tagħmilx profitt li, fil-Greċja, tirrappreżenta lill-Federazzjoni internazzjonali tal-motoċikliżmu - Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ - Dritt speċjali skond il-liġi li jingħata l-kunsens għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi - Eżerċizzju parallel ta’ attivitajiet bħall-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi kif ukoll l-għoti ta’ kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, reklamar u assigurazzjoni.
Kawża C-49/07.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:376

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Artikoli 82 KE u 86 KE — Kunċett ta’ impriża — Assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tirrappreżenta, fil-Greċja, lill-Federazzjoni internazzjonali tal-motoċikliżmu — Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ — Dritt speċjali bis-saħħa ta’ liġi li jingħata l-kunsens għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi — Eżerċizzju parallel ta’ attivitajiet bħall-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi kif ukoll l-għoti ta’ kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, reklamar u assigurazzjoni”

Fil-Kawża C-49/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mid-Dioikitiko Efeteio Athinon (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE)

vs

Elliniko Dimosio,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Tizzano, Presidenti tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka (Relatur), T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE), minn A. Pliakos, dikigoros,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos, K. Boskovits, S. Trekli u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. Christoforou u F. Amato, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE) (Federazzjoni Griega tal-motoċikliżmu, iktar ’il quddiem il-“MOTOE”) u l-Elliniko Dimosio (Stat Grieg) dwar il-kumpens finanzjarju għad-dannu morali li l-MOTOE tallega li ġarrbet minħabba r-rifjut impliċitu tal-Elliniko Dimosio li jagħtiha l-awtorizzazzjoni sabiex torganizza kompetizzjonijiet bil-muturi.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 2696/1999 (FEK A’ 57):

“1.   Ebda kompetizzjoni […] ta’ muturi u mopeds fit-toroq u spazji pubbliċi jew privati ma tista’ ssir jekk ma jkunx hemm awtorizzazzjoni għaliha minn qabel.

2.   L-awtorizzazzjoni kkontemplata fil-paragrafu preċedenti tingħata:

[…]

ċ)

għall-kompetizzjonijiet kollha […] ta’ muturi u ta’ mopeds mill-Ministru tal-Ordni Pubbliku jew mill-awtoritajiet awtorizzati minnu, wara li jingħata l-kunsens tal-persuna ġuridika li fil-Greċja tirrappreżenta uffiċjalment […] lill-Federazzjoni internazzjonali tal-motoċikliżmu [(iktar ’il quddiem il-‘FIM’)]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4

Il-MOTOE hija assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat mingħajr skop ta’ lukru li għandha l-għan li torganizza kompetizzjonijiet bil-muturi fil-Greċja. Hija għandha numru ta’ klabbs regjonali tal-muturi fost il-membri tagħha.

5

Fit-13 ta’ Frar 2000, din l-assoċjazzjoni ppreżentat lill-Ministru kompetenti applikazzjoni sabiex jinħareġ permess sabiex jiġu organizzati kompetizzjonijiet fil-kuntest tat-tazza Panellenika tal-MOTOE, skont programm anness ma’ din l-applikazzjoni.

6

Skont l-Artikolu 49(2) tal-Kodiċi tat-Triq Grieg, dan il-programm intbagħat lill-Elliniki Leschi Aftokinitou kai Perigiseon (Klabb tal-karozzi u tat-turiżmu Elleniku, iktar ’il quddiem l-“ELPA”), li huwa persuna ġuridika, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, li fil-Greċja tirrappreżenta lill-FIM, sabiex din tagħti l-kunsens għall-finijiet tal-ħruġ tal-permess mitlub.

7

B’ittra tas-16 ta’ Marzu 2000, l-ELPA talab lill-MOTOE, minn naħa, sabiex tibgħatlu regolamenti speċifiċi għal kull waħda mill-kompetizzjonijiet previsti, xahrejn qabel id-data tal-kompetezzjoni, sabiex tkun tista’ tikkontrolla l-lista tal-parteċipanti, ir-rotta jew il-korsa li fuqha ser issir il-kompetizzjoni, il-miżuri ta’ sigurtà adottati u, b’mod iktar ġenerali, sabiex tivverifika l-andament mingħajr perikolu tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija talbet lill-klabbs li kienu qegħdin jorganizzaw il-kompetizzjonijiet sabiex jippreżentaw kopja tal-istatuti tagħhom lill-Ethniki Epitropi Agonon Motosykletas (Kumitat nazzjonali tat-tlielaq bil-muturi, iktar ’il quddiem l-“ETHEAM”), li nħoloq mill-ELPA u li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni u s-superviżjoni tat-tlielaq bil-muturi.

8

Bl-applikazzjoni Nru 28/5.5.2000 indirizzata lill-Ministru kompetenti, il-MOTOE tenniet it-talba tagħha sabiex tikseb, għal sitt klabbs, il-permess li torganizza sitt kompetizzjonijiet f’dati li kienu mifruxa mid-9 ta’ Lulju sas-26 ta’ Novembru 2000. Hija hemżet, bħala anness’ ma din l-applikazzjoni, ir-regolamenti speċifiċi relattivi għall-andament ta’ dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll kopji tal-istatuti ta’ dawn il-klabbs. Din l-applikazzjoni ntbagħtet ukoll lill-ELPA, sabiex din tagħti l-kunsens sabiex dawn il-kompetizzjonijiet iseħħu.

9

L-ELPA u l-ETHEAM bagħtu dokument lill-MOTOE li fih fakkruha f’ċerti regoli dwar l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet bil-muturi fil-Greċja. B’mod partikolari dan id-dokument jispeċifika li l-ETHEAM iħabbar il-kampjonati, it-tazzi u l-premji organizzati fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet tal-motoċikliżmu, bil-permess tal-ELPA, li huwa l-uniku rappreżentant, skont il-liġi, tal-FIM fil-Greċja. Jekk operatur jew klabb li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-organizzazzjoni u l-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet ikun jixtieq iħabbar tazza jew premju speċjali, huwa għandu, skont dan id-dokument, iressaq l-avviż inkwistjoni lill-ETHEAM. Wara li jkun evalwa l-kundizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, l-ETHEAM jieħu deċiżjoni li fiha jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-andament tal-kompetizzjoni, skont ir-regolamenti nazzjonali u internazzjonali. Sabiex jingħata l-kunsens għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, anke fil-kuntest ta’ tazza jew ta’ premju, kull organizzatur inkarigat minn waħda minn dawn il-manifestazzjonijiet għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-kodiċi nazzjonali tal-kompetizzjonijiet tal-motoċikliżmu u miċ-ċirkulari tal-ETHEAM. L-ELPA u l-ETHEAM fakkru wkoll lill-MOTOE, li, jekk matul is-sena, organizzatur jitlob sabiex jitħabbru kompetizzjonijiet addizzjonali, id-dati ta’ dawn tal-aħħar m’għandhomx jaffettwaw il-kompetizzjonijiet li jkunu diġà pprogrammati, u dan fl-interess kemm tas-sewwieqa kif ukoll tal-organizzaturi. Għal din ir-raġuni, il-programm tal-kompetizzjonijiet li kellhom jiġu organizzati matul is-sena 2001 kellhom jiġu ppreżentati lill-ELPA u lill-ETHEAM mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2000.

10

Bi tweġiba għat-talba tal-MOTOE sabiex tikseb informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward tal-applikazzjonijiet tagħha għal awtorizzazzjoni, il-Ministeru kompetenti indikalha, fix-xahar ta’ Awwissu 2000, li ma kien irċieva l-ebda dokument tal-ELPA li jagħti l-kunsens tiegħu skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg.

11

Il-MOTOE ppreżentat rikors quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza ta’ Ateni) li fih invokat l-illegalità ta’ dan ir-rifjut impliċitu, sabiex tikseb kumpens ta’ GRD 5000000 għad-danni morali li hija tallega li ġarrbet minħabba li ma kienx possibbli għaliha li torganizza l-kompetizzjonijiet inkwistjoni.

12

Il-MOTOE ssostni li l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg jikser, minn naħa, il-prinċipju kostituzzjonali tal-imparzjalità tal-korpi amministrattivi u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, minħabba li l-liġi nazzjonali kkontestata tippermetti lill-ELPA, li huwa stess jorganizza kompetizzjonijiet bil-muturi, li jistabbilixxi monopolju f’dan il-qasam u jabbuża minnu.

13

L-ELPA intervjena quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon insostenn tat-talbiet tal-Elliniko Dimosio. Man-nota ta’ intervent tiegħu, huwa hemeż, b’mod partikolari, l-istatut tiegħu ta’ assoċjazzjoni li twaqqfet fl-1924 u l-pubblikazzjoni annwali tiegħu tas-sena 2000, dwar il-kompetizzjonijiet bil-muturi, ippubblikata mill-ETHEAM. Din il-pubblikazzjoni tinkludi ċ-ċirkulari tal-ETHEAM għal l-imsemmija sena 2000, li b’mod partikolari jirrigwardaw id-dokumenti li l-kompetituri kellhom jipprovdu sabiex jingħataw permess, ir-regolamenti tal-kompetizzjonijiet li kellhom jiġu ppreżentati, id-determinazzjoni tad-drittijiet li kellhom jitħallsu u suġġetti oħra ta’ natura finanzjarja. Din l-istess pubblikazzjoni, fiha ukoll l-Ethnikos Athlitikos Kanonismos Motosikletas (ir-regolamenti nazzjonali sportivi tal-muturi, iktar ’il quddiem l-“EAKM”).

14

Fir-rigward tal-EAKM, għandu jingħad dan li ġej:

l-Artikolu 10.7 ta’ dan tal-aħħar jipprovdi li kull avveniment sportiv li jinvolvi kompetizzjonijiet ta’ kampjonati, ta’ tazzi, jew ta’ premji tal-ELPA u tal-ETHEAM jista’ jiġi magħqud mal-promozzjoni kummerċjali ta’ sponser li jiġi ċċitat fit-titolu jew fis-subtitolu tal-kompetizzjonijiet, iżda biss wara li jkun hemm il-kunsens tal-ELPA u tal-ETHEAM;

l-Artikolu 60.6 tal-EAKM jipprovdi li, matul l-avvenimenti sportivi, jista’ jsir reklamar fuq il-ħwejjeġ tas-sewwieqa, fuq l-elmu tagħhom, sakemm ma jiġux affettwati l-karatteristiċi tekniċi tiegħu, u fuq il-muturi. Fit-tlielaq ta’ veloċità u fit-tiġrijiet bil-muturi fil-kampanja tal-kampjonati, tat-tazzi u tal-premji tal-ELPA u l-ETHEAM, l-organizzaturi ma jistgħux, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-kompetitur, jimponu fuq sewwieq, fuq passiġġier jew fuq vettura, li dawn jirreklamaw prodott li jkun. Madankollu, meta kuntratt ta’ sponsorizzazzjoni milħuq mill-ELPA u mill-ETHEAM ikun fis-seħħ, is-sewwieqa, il-passiġġieri jew il-muturi huma obbligati jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt;

skont l-Artikolu 110.1 tal-EAKM, “[l]-organizzatur [ta’ kompetizzjoni bil-muturi] għandu jieħu ħsieb, direttament jew permezz tal-awtorità ta’ sorveljanza [jiġifieri l-ELPA u l-ETHEAM], li l-avveniment sportiv ikun kopert b’assigurazzjonijiet li għandhom jinkludu r-responsabbiltà tiegħu, dik tal-kostrutturi, tas-sewwieqa, tal-passiġġieri […], f’każ ta’ inċidenti u danni kkaġunati lil terzi persuni matul l-avveniment u l-provi”.

15

Id-Dioikitiko Protodikeio Athinon ċaħad ir-rikors tal-MOTOE, b’mod partikolari, minħabba li, minn naħa, l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli internazzjonali dwar l-organizzazzjoni, mingħajr ebda perikolu, ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi u, min-naħa l-oħra, il-MOTOE la wriet li din id-dispożizzjoni kienet twassal għal pożizzjoni dominanti fuq is-suq komuni la li din l-istess dispożizzjoni seta’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas li l-ELPA għamel użu abużiv minn tali pożizzjoni.

16

Il-MOTOE interponiet appell minn din is-sentenza quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon, li l-ewwel nett jirrileva li l-attivitajiet tal-ELPA mhumiex biss limitati għal qasam strettament sportiv, jiġifieri għall-poter mogħti lil dan tal-aħħar mill-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg, billi huwa jeżerċita wkoll attivitajiet ikkwalifikati mill-qorti tar-rinviju bħala “ekonomiċi”, li jikkonsistu f’li jingħataw kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni. Konsegwentement, id-Dioikitiko Efeteio Athinon jistaqsi jekk l-ELPA jistax jitqies bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 82 KE u 86 KE, b’mod li huwa jkun suġġett għall-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Il-qorti tar-rinviju tinterpreta l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg fis-sens li l-ELPA huwa l-unika persuna ġuridika li hija awtorizzata tagħti l-kunsens tagħha għal kull applikazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni bil-muturi. Hija tenfasizza l-fatt li din l-assoċjazzjoni, fl-istess ħin, tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet u tiddetermina l-premijiet kif ukoll l-attivitajiet ekonomiċi fuq imsemmija.

17

Id-Dioikitiko Efeteio Athinon insegwitu jirrileva li l-applikanti, li ġew miċħuda permess li jorganizzaw kompetizzjoni bil-muturi minħabba li ma kisbux il-kunsens tal-ELPA, m’għandhom l-ebda rimedju intern effettiv kontra tali deċiżjoni. Fil-fatt, minn naħa, mhuwiex previst li r-rifjut ta’ kunsens mill-ELPA għandu jkun immotivat u, min-naħa l-oħra, meta rifjut ta’ awtorizzazzjoni mill-Ministeru kompetenti jkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u jintlaqa’, id-dritt Grieg ma jipprovdix li l-applikant jingħata l-awtorizzazzjoni. Barra minn dan, l-ELPA mhijiex suġġetta għal kontroll jew għal evalwazzjoni ta’ kwalunke natura fir-rigward tal-użu li hija tagħmel mill-prerogativa mogħtija lilha fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg. Dawn iċ-ċirkustanzi jqiegħdu lil kull persuna li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u li tixtieq torganizza kompetizzjonijiet bil-muturi fil-Greċja quddiem fait accompli.

18

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-Dioikitiko Efeteio Athinon iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 82 KE u 86 KE għandhom jiġu interpretati b’mod li jinkludu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika li għandha l-istatus ta’ rappreżentant nazzjonali tal-[FIM] u li teżerċita attivitajiet ekonomiċi, kif deskritti hawn fuq billi tikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, fil-kuntest tal-manifestazzjonijiet sportivi tal-karozzi li hija torganizza?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva, [l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg huwa kompatibbli] mal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, fis-sens li huwa jagħti lill-persuna ġuridika fuq imsemmija l-poter li tagħti l-kunsens tagħha fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni ta’ vetturi bil-mutur sabiex l-awtorità pubblika nazzjonali tkun tista’ tagħti l-permess biex tkun tista’ tiġi organizzata din il-kompetizzjoni (f’dan il-każ, il-Ministru tal-Ordni Pubbliku), mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi u stħarriġ?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, minn naħa, jekk persuna ġuridika, li hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, bħalma huwa l-ELPA, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE, billi l-attivitajiet tagħha jikkonsistu mhux biss f’li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet amministrattivi li jawtorizzaw l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi, iżda wkoll f’li torganizza hija stess tali kompetizzjonijiet u f’li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jipprekludux regola, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg, safejn din tagħti lil tali assoċjazzjoni l-poter li tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi jew stħarriġ.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet ta’ impriżi (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM, 13/77, Ġabra p. 2115, punt 31, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 82 KE japplika għall-impriżi f’pożizzjoni dominanti.

21

Għalkemm it-Trattat ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li għandha tiġi hekk ikklassifikata kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-forma ġuridika u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, u tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra p. I-2493, punt 46).

22

F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36, u tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punt 75). Sakemm din il-kundizzjoni tkun issodisfata, il-fatt li attività tkun marbuta mal-isport mhuwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405, punt 4, u tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 73), fosthom dawk li jirregolaw id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C-519/04 P, Ġabra p. I-6991, punti 22 u 28).

23

Kif indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, u kif ġie wkoll ikkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ELPA jorganizza, b’kooperazzjoni mal-ETHEAM, kompetizzjonijiet bil-muturi fil-Greċja u f’dan il-kuntest jikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, intiżi sabiex dawn il-kompetizzjonijiet jiġu sfruttati kummerċjalment. Għall-ELPA dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu sors ta’ dħul.

24

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika mhumiex ta’ natura ekonomika, li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C-364/92, Ġabra p. I-43, punti 30 u 31).

25

F’dak li jirrigwarda l-eventwali impatt tal-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika fuq il-klassifikazzjoni ta’ persuna ġuridika bħall-ELPA bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-fatt li entità jkollha, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, prerogattivi tal-awtorità pubblika ma jostakolawx, minħabba dan il-fatt biss, il-klassifikazzjoni tagħha bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għall-bqija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punt 74). Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika jew bħala attività ekonomika għandha ssir separatament għal kull attività mwettqa minn entità partikolari.

26

F’dan il-każ, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-parteċipazzjoni ta’ persuna ġuridika bħall-ELPA fil-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa minn din l-istess persuna ġuridika, bħall-organizzazzjoni u l-isfruttament kummerċjali tal-kompetizzjonijiet bil-muturi. Minn dan isegwi li l-poter ta’ tali persuna ġuridika li tagħti l-kunsens tagħha għal applikazzjonijiet għal permess ippreżentati sabiex jiġu organizzati dawn il-kompetizzjonijiet mhuwiex ta’ ostakolu sabiex hija tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ekonomiċi tagħha fuq imsemmija.

27

Fir-rigward tal-impatt li jista’ jkollu fuq din il-klassifikazzjoni l-fatt li l-ELPA ma jfittix li jagħmel profitt, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289, punti 122 u 123), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-fatt li l-offerta ta’ prodotti u ta’ servizzi ssir mingħajr l-għan li jsir profitt mhuwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn l-operazzjonijiet fis-suq jkollha tiġi kkunsidrata bħala impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li jfittxu li jagħmlu profitt.

28

Dan huwa l-każ tal-attivitajiet imwettqa minn persuna ġuridika bħall-ELPA. Il-fatt li l-MOTOE, rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija stess hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru huwa, minn dan l-aspett, irrilevanti għall-klassifikazzjoni bħala impriża ta’ persuna ġuridika bħall-ELPA. Minn naħa, mhuwiex eskluż li fil-Greċja jeżisti, barra mill-assoċjazzjonijiet li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-organizzazzjoni u l-isfruttament kummerċjali ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi mingħajr ma jfittxu li jagħmlu profitt, assoċjazzjonijiet li jeżerċitaw din l-attività billi jfittxu li jagħmlu profitt u li għalhekk ikunu f’kompetizzjoni mal-ELPA. Min-naħa l-oħra, assoċjazzjonijiet li ma jagħmlux profitt, li joffru prodotti jew servizzi f’suq speċifiku, jistgħu jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, is-suċċess jew is-sopravivenza ekonomika ta’ tali assoċjazzjonijiet jiddependi, fuq tul ta’ żmien, mill-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jimponu, fuq is-suq ikkonċernat, is-servizzi li joffru, għad-detriment ta’ dawk proposti mill-operaturi l-oħra.

29

Konsegwentement, persuna ġuridika bħall-ELPA għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Madankollu, sabiex din taqa’ taħt l-Artikolu 82 KE, hija għandha, barra minn hekk, tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 23). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji.

31

Qabel ma jkun jista’ jiġi evalwat jekk persuna ġuridika bħall-ELPA għandhiex pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, għandu jiġi definit is-suq inkwistjoni, kemm mill-aspett tal-prodotti jew tas-servizz ikkonċernat, kif ukoll mill-aspett ġeografiku (sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 10).

32

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, is-suq tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni jinkludi l-prodotti jew is-servizzi li huma sostitwibbli jew li jistgħu jitbiddlu suffiċjentement ma’ dan tal-aħħar, mhux biss abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, li bis-saħħa tagħhom huma partikolarment adegwati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti tal-konsumaturi, iżda wkoll abbażi tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal,31/80, Ġabra p. 3775, punt 25; tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37, u tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 51).

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li l-attivitajiet li l-ELPA jeżerċita jikkonsistu, minn naħa, fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet bil-muturi u, min-naħa l-oħra, fl-isfruttament kummerċjali tagħhom permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni. Dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet ma jistgħux jitbiddlu, iżda pjuttost għandhom natura ta’ komplementarjetà funzjonali.

34

Fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat, din tal-aħħar tirriżulta, bħad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti jew tas-servizzi, minn evalwazzjoni ta’ natura ekonomika. Is-suq ġeografiku għalhekk jista’ jiġi ddefinit bħala t-territorju li fih jinsabu l-operaturi ekonomiċi kollha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni simili f’dak li jirrigwarda preċiżament il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati. F’din il-perspettiva, mhuwiex neċessarju li l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi jkunu perfettament omoġenji. Huwa biżżejjed li jkunu simili jew suffiċjentement omoġenji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 53). Barra minn dan, dan is-suq jista’ jkun limitat għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

35

Kif ġie indikat fid-deċiżjoni ta’ rinviju, u kif ġie wkoll ikkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet eżerċitati mill-ELPA huma limitati għat-territorju Elleniku. It-territorju ta’ Stat Membru jista’ jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 31). Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kriterju dwar il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni simili jew suffiċjentement omoġenji huwiex issodisfat fil-kawża prinċipali.

36

Huwa fis-suq hekk iddefinit li dik il-qorti għandha tevalwa jekk l-ELPA għandux pożizzjoni dominanti.

37

Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti” imsemmi fl-Artikolu 82 KE jirrigwarda pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ impriża, li tagħtiha l-poter li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod notevolment indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumaturi (sentenzi United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65; tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 38; u Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

38

Għandu jingħad ukoll li impriża tista’ titqiegħed f’pożizzjoni bħal din meta tingħata drittijiet speċjali jew esklużivi li jippermettulha tiddetermina jekk u, skont il-każ, taħt liema kundizzjonijiet impriżi oħra jista’ jkollhom aċċess għas-suq inkwistjoni u jeżerċitaw fih l-attivitajiet tagħhom.

39

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 82 KE jista’ jinkiser minn regola bħal dik stabbilita fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg biss jekk il-kummerċ bejn Stati Membri jkun affettwat. Kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jkun ikkunsidrat li huwa affettwat biss jekk, abbażi ta’ serje ta’ elementi oġġettivi ta’ fatt u ta’ dritt, ikun possibbli li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li l-komportament inkwistjoni jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhem li jista’ jiġi ostakolat it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn Stati Membri (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, p. I-8089, punt 48). Effetti purament ipotetiċi jew spekulattivi li jista’ jkollu l-komportament tal-impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti ma jissodisfawx dan il-kriterju. Bl-istess mod, l-impatt fuq il-kummerċ intrakomunitarju m’għandux ikun insinjifikanti (sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C-215/96 u C-216/96, Ġabra p. I-135, punt 60, u Ambulanz Glöckner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

40

Għalhekk, l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-fatt li jseħħu diversi fatturi flimkien li, meħuda separatament, mhux bilfors ikunu determinanti (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C-250/92, Ġabra p. I-5641, punt 54).

41

Barra minn dan, l-evalwazzjoni tan-natura notevoli tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-komportament tal-impriża dominanti inkwistjoni, billi l-Artikolu 82 KE jipprekludi kull komportament li jista’ jaffettwa l-libertà tal-kummerċ f’sens li jista’ jkun ta’ ħsara għat-twettiq tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq wieħed (sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni, 22/78, Ġabra p. 1869, punt 17).

42

Il-fatt li l-komportament ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jkollu biss bħala għan il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fi Stat Membru wieħed mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi effettwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 45). Fil-fatt, komportament bħal dan jista’ jkollu l-effett li jikkonsolida diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punti 45 u 46).

43

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86 KE, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li dwar l-impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, l-Istati Membri m’għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji, b’mod partikolari, għar-regoli tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li persuna ġuridika, bħall-ELPA, li jingħatalha l-poter li tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi, għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża mogħtija drittijiet speċjali mill-Istat Membru kkonċernat fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE.

44

L-Artikolu 86(2) KE jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu lill-impriżi, li huma jagħtuhom ir-responsabbiltà biex joperaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, drittijiet esklużivi li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni, safejn restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni, jew saħansitra l-esklużjoni ta’ kull kompetizzjoni, min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi oħra, huma neċessarji sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-missjoni partikolari mogħtija lill-impriżi li jkollhom id-drittijiet esklużivi (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91, Ġabra p. I-2533, punt 14).

45

Fir-rigward tal-organizzazzjoni u tal-isfruttament kummerċjali tat-tlielaq bil-muturi minn persuna ġuridika bħall-ELPA, il-Gvern Elleniku m’allegax li din tal-aħħar ingħatat ir-resonsabbiltà għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet b’att tal-awtorità pubblika. Għalhekk, mhemmx lok li jiġi eżaminat iktar jekk dawn l-attivitajiet jistgħux jikkostitwixxu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, Ġabra p. 313, punt 20, u tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, Ġabra p. 803, punt 55).

46

Fir-rigward tal-poter li jingħata l-kunsens għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi, dan tabilħaqq jirriżulta minn att tal-awtorità pubblika, jiġifieri l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg, iżda ma jistax jiġi kklassifikat bħala attività ekonomika, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tagħha.

47

Persuna ġuridika bħall-ELPA għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impriża responsabbli għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE.

48

It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikoli 82 KE u 86(1) KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq Grieg, li tagħti lil persuna ġuridika bħall-ELPA, li hija stess tista’ tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet bil-muturi u għall-isfruttament kummerċjali tagħhom, il-poter li tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjonijiet għal permess ippreżentati għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, mingħajr dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi u stħarriġ, għandu jiġi mfakkar li s-sempliċi fatt li tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti bl-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE, mhuwiex, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE.

49

Min-naħa l-oħra, Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti b’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta l-impriża inkwistjoni tiġi indotta, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jew esklużivi li tkun ingħatat, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi indotta twettaq tali abbuż (sentenzi Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; ERT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C-179/90, Ġabra p. I-5889, punti 16 u 17, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle, C-323/93, Ġabra p. I-5077, punt 18). F’dan ir-rigward, mhuwiex neċessarju li abbuż iseħħ fir-realtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre, C-55/96, p. I-7119, punt 36).

50

F’kull każ, ikun hemm ksur tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE meta miżura imputabbli lil Stat Membru, u b’mod partikolari dik li biha dan tal-aħħar jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, toħloq riskju ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ERT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; Merci convenzionali porto di Genova, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 60).

51

Fil-fatt, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat, tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġi żgurat li d-diversi operaturi ekonomiċi jkollhom opportunitajiet ugwali. L-għoti lil persuna ġuridika bħall-ELPA, li, hija stess, torganizza u tisfrutta kummerċjalment kompetizzjonijiet bil-muturi, tal-funzjoni li tagħti lill-amministrazzjoni kompetenti l-kunsens tagħha għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, jammonta de facto għall-għoti lil din l-entità tal-poter li tagħżel il-persuni awtorizzati sabiex jorganizzaw dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll li tiffissa l-kundizzjonijiet li fihom dawn tal-aħħar huma organizzati, u, għalhekk, għall-għoti lil din l-entità ta’ vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il-Kummissjoni, C-202/88, Ġabra p. I-1223, punt 51, u tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C-18/88, Ġabra p. I-5941, punt 25). Tali dritt jista’ għalhekk iwassal lill-impriża li jkollha dan id-dritt sabiex tostakola l-aċċess tal-operaturi oħra għas-suq ikkonċernat. Barra minn dan, din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni hija enfasizzata mill-fatt, ikkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta l-ELPA jorganizza jew jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi, huwa m’għandu għalfejn jikseb l-ebda permess sabiex l-amministrazzjoni kompetenti tagħtih l-awtorizzazzjoni mitluba.

52

Barra minn dan, tali leġiżlazzjoni, li tagħti lil persuna ġuridika bħall-ELPA l-poter li tagħti l-kunsens tagħha għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet bil-muturi mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett minn din il-leġiżlazzjoni għal limiti, obbligi jew stħarriġ tista’ twassal lill-persuna ġuridika inkarigata li tagħti dan il-kunsens sabiex tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi l-kompetizzjonijiet li hija torganizza jew dawk li fihom hija tieħu sehem.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jikkonsistu mhux biss f’li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet amministrattivi li jawtorizzaw l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi, iżda wkoll f’li torganizza hija stess tali kompetizzjonijiet u f’li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ assigurazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE. Dawn l-artikoli jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil persuna ġuridika, li torganizza kompetizzjonijiet bil-muturi u li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ assigurazzjoni, il-poter li tagħti l-kunsens tagħha għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi jew stħarriġ.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jikkonsistu mhux biss f’li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet amministrattivi li jawtorizzaw l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi, iżda wkoll f’li torganizza hija stess tali kompetizzjonijiet u f’li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ assigurazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE. Dawn l-artikoli jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil persuna ġuridika, li torganizza kompetizzjonijiet bil-muturi u li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ assigurazzjoni, il-poter li tagħti l-kunsens tagħha għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi jew stħarriġ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top