Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0529

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 12 ta' Marzu 2009.
    Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG vs Franz Hauswirth GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
    Trade mark Komunitarja tridimensjonali - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 51(1)(b) - Kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata l-‘mala fede’ tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
    Kawża C-529/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:148

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009 ( 1 )

    Kawża C-529/07

    Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG

    vs

    Franz Hauswirth GmbH

    “Trade mark Komunitarja tridimensjonali — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 51(1)(b) — Kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-‘mala fide’ tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja”

    1. 

    Għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba gwida dwar il-kunċett ta’ mala fide fit-tifsira tal-leġiżlazzjoni dwar it-trade mark Komunitarja.

    2. 

    B’mod partikolari, trade mark Komunitarja tista’ tiġi ddikjarata invalida “meta l-applikant jkun aġixxa morożament [in mala fide] meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark”.

    3. 

    F’din il-kawża, il-proċeduri nazzjonali rriżultaw minn sitwazzjoni fejn numru ta’ impriżi kompetituri oriġinarjament poġġew fuq is-suq prodotti li jixxiebhu f’forom u preżentazzjonijiet li jixxiebhu. Waħda minn dawn l-impriżi mbagħad irreġistrat il-forma u l-preżentazzjoni partikolari tagħha bħala trade mark Komunitarja tridimensjonali. F’dik is-sitwazzjoni, liema fatturi jistgħu jkunu neċessarji u/jew suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-impriża kienet qed taġixxi in mala fide meta applikat għat-trade mark?

    Il-kuntest ġuridiku

    4.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ( 2 ). Madankollu, l-istess kunċett jintuża, f’kuntesti simili iżda mhux identiċi, fid-Direttiva dwar it-trade marks ( 3 ).

    Ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja

    5.

    Skont ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, trade marks Komunitarji jistgħu jiġu rreġistrati b’applikazzjoni lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), stabbilit bl-Artikolu 2 tar-Regolament (iktar ’il quddiem l-“UASI” jew l-“Uffiċċju”).

    6.

    L-Artikoli 7 u 8 tar-regolament jistabbilixxu r-raġunijiet li abbażi tagħhom applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tiġi rrifjutata ( 4 ).

    7.

    L-Artikolu 7(1) jelenka r-raġunijiet “assoluti” għal rifjut. Essenzjalment, dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: (a) sinjali li ma jistgħux jiġu rrappreżentati b’mod grafiku jew li ma jistgħux jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża partikolari; (b) trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv; (c) trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi; (d) trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ; (e) sinjali li jikkonsistu esklużivament fil-forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom; (f) trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità; (g) trade marks li jistgħu jqarrqu lill-pubbliku fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi; (h) emblemi tal-Istat, armi uffiċjali u emblemi ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi, mingħajr awtorizzazzjoni; (i) trade marks li jinkludu badges, emblemi jew armi li huma ta’ interess pubbliku partikolari, mingħajr awtorizzazzjoni; (j) trade marks li jinkludu indikazzjoni ġeografika li tidentifika nbejjed jew spirti, għal inbejjed jew spirti li ma jkollhomx dik l-oriġini; (k) trade marks li jinkludu indikazzjoni ġeografika protetta jew denominazzjoni ta’ oriġini, għall-istess tip ta’ prodott.

    8.

    Skont l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 7(1)(b), (c) u (d) ma japplikawx jekk it-trade mark tkun saret distintiva minħabba l-użu li jkun sar minnha.

    9.

    L-Artikolu 8 jistabbilixxi r-raġunijiet “relattivi” li abbażi tagħhom terza persuna tista’ topponi b’suċċess ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. L-Artikolu 8(1) jipprovdi li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ( 5 ) jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ (a) trade mark identika, għal prodotti jew servizzi identiċi jew (b) trade mark identika jew li tixxiebah, għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, jekk ix-xebh jagħti lok għall-probabbiltà ta’ konfużjoni. L-Artikolu 8(4) jagħti dritt simili ta’ oppożizzjoni lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinjifikanza lokali, jekk tkun tagħti d-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark sussegwenti. L-Artikolu 8(5) essenzjalment jestendi d-dritt taħt l-Artikolu 8(1) għal sitwazzjonijiet fejn il-prodotti jew servizzi ma jkunux jixxiebhu, iżda t-trade mark preċedenti jkollha reputazzjoni fil-Komunità jew fl-Istat Membru (skont jekk tkunx trade mark Komunitarja jew nazzjonali), u dan meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fuq livell differenti, l-Artikolu 8(3) jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark li jwaqqaf lill-aġent jew rappreżentant tiegħu milli jirreġistraw it-trade mark f’isimhom stess mingħajr kunsens jew ġustifikazzjoni.

    10.

    Ir-Regolament jipprovdi wkoll li trade mark Komunitarja, ladarba tkun ġiet irreġistrata, tista’ tiġi ddikjarata invalida abbażi ta’ raġunijiet assoluti jew relattivi.

    11.

    L-Artikolu 51 jistabbilixxi r-raġunijiet assoluti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Il-paragrafi rilevanti jgħidu hekk:

    “1.   Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

    (a)

    meta t-trade-mark tal-Komunità tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7;

    (b)

    meta l-applikant jkun aġixxa morożament [mala fide] meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

    2.   Meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza ta’ l-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.”

    12.

    L-Artikolu 52 jistabbilixxi r-raġunijiet relattivi għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Il-paragrafi rilevanti jgħidu hekk:

    “1.   It-trade mark Komunitarja għandha tiġi dikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

    (a)

    meta jkun hemm trademark preċedenti kif msemmi fl-Artikolu 8(2) u l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu jkunu sodisfatti;

    (b)

    meta ikun hemm trade mark kif imsemmi fl-Artikolu 8(3) u l-kundizzjonijiet msemmija f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti;

    (ċ)

    meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti.

    2.   Trade-mark tal-Komunità għandha wkoll tkun iddikjarata invalida ma l-applikazzjoni lejn l-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontra-talba fil-proċedimenti tal-ksur meta l-użu ta’ tali trade-mark jista jkun ipprojbit bis-saħħa ta’ dritt aktar kmieni, u partikolarment:

    (a)

    dritt għall-isem;

    (b)

    dritt għall-preżentazzjoni personali;

    (ċ)

    id-dritt ta’ l-awtur;

    (d)

    id-dritt għal proprjetà industrijali;

    skond il-leġislazzjoni tal-Komunità jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni.”

    13.

    Skont l-Artikolu 53(1) u (2) tar-Regolament, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jew Komunitarja preċedenti jew ta’ sinjal preċedenti ieħor fis-sens tal-Artikolu 8(4) ma jistax jopponi l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti li tkun konfliġġenti jekk kien jaf b’dan l-użu u ta l-kunsens tiegħu għal dak l-użu għal ħames snin suċċessivi “sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ma tkunx saret morożament [mala fide]”.

    14.

    Finalment, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar it-Trade Mark jagħti d-dritt lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja li jwaqqaf lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

    “(a)

    kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

    (b)

    kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

    (ċ)

    kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.”

    Id-Direttiva dwar it-Trade Marks

    15.

    Din il-kawża tirrigwarda r-Regolament, u mhux id-Direttiva, iżda huwa utli li wieħed jirreferi għad-dispożizzjonijiet paralleli ta’ din tal-aħħar.

    16.

    L-għan tad-Direttiva huwa li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar it-trade marks, li jibqgħu fis-seħħ flimkien mas-sistema tat-trade mark Komunitarja iżda jridu jkunu koerenti magħha. Din tinkludi dispożizzjonijiet ( 6 ) li fil-biċċa l-kbira huma ekwivalenti, iżda f’xi aspetti jvarjaw b’mod sottili minn, dawk fl-artikoli tar-Regolament dwar it-Trade Mark iċċitat hawn fuq.

    17.

    It-titolu tal-Artikolu 3 huwa “Raġunijiet għal rifjut jew nullità”. L-Artikolu 3(1) jistabbilixxi raġunijiet obbligatorji li abbażi tagħhom l-Istati Membri jridu jipprovdu li trade marks “m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità”. Dawn huma identiċi għar-raġunijiet assoluti elenkati fl-Artikolu 7(1)(a) sa (h) tar-Regolament dwar it-Trade Mark. L-Artikolu 3(2) iżid b’mod partikolari li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trade mark “ma tiġix reġistrata jew, jekk reġistrata, li għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità jekk u sa fejn:

    (a)

    l-użu ta’ dik it-trade mark jista’ jkun projbit skond dispożizzjonijiet ta’ liġi diversa mil-liġi tat-trade marks ta’ l-Istat Membru konċernat jew tal-Komunità;

    […]

    (d)

    l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark saret b’mala fide mill-applikant.”

    18.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi “[r]aġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”, li fil-biċċa l-kbira huma ekwivalenti għar-raġunijiet relattivi għal rifjut jew invalidità taħt l-Artikoli 8 u 52 tar-Regolament dwar it-Trade Mark, għalkemm b’ċerti modifiki sabiex jiġu aġġustati għall-kuntest nazzjonali. Għal darb’oħra, dawn huma raġunijiet kemm għal rifjut kif ukoll għal invalidità sussegwenti, u għal darb’oħra, uħud minnhom m’humiex obbligatorji. Fost dawn tal-aħħar hemm il-kriterju fl-Artikolu 4(4)(g), li “it-trade mark tista’ tiġi konfuża ma’ marka li kienet użata barra l-pajjiż fil-jum ta’ l-applikazzjoni u li għadha użata hemm, sakemm fid-data ta’ l-applikazzjoni l-applikant kien qed jaġixxi b’mala fide.

    Il-liġi nazzjonali

    19.

    Il-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti tal-liġi Awstrijaka u Ġermaniża.

    20.

    Il-paragrafu 9(3) tal-Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb Awstrijaka (Liġi Fiderali li tipprojbixxi l-kompetizzjoni żleali) jipprovdi li d-dehra ta’ prodotti, l-imballaġġ jew it-tgeżwir tagħhom għandhom jingħataw l-istess protezzjoni bħall-isem speċifiku ta’ impriża jekk fil-qasam kummerċjali inkwistjoni jitqiesu bħala sinjali distintivi tal-impriża.

    21.

    Il-paragrafu 4(2) tal-Markengesetz Ġermaniża (Liġi dwar it-trade marks) jipprovdi li l-protezzjoni ta’ trade mark tingħata lil kull sinjal użat fil-kummerċ li jkun akkwista r-reputazzjoni ta’ trade mark mal-pubbliku rilevanti.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi

    22.

    Parti mill-mitoloġija tal-Għid hija l-kreatura li żżomm bajda magħrufa bħala l-fenek tal-Għid ( 7 ). Għal bosta deċennji, manifatturi taċ-ċikkulata tal-inqas fl-inħawi tal-Ewropa fejn jitkellmu bil-Ġermaniż ipproduċew u biegħu fniek taċ-ċikkulata fi żmien l-Għid, f’diversi forom u bi tgeżwir ta’ diversi tipi u lwien iżda spiss ta’ fojl lewn id-deheb, u spiss imżejna b’żigarella u/jew ġonġol. Wara l-introduzzjoni ta’ tgeżwir bil-magni fis-snin 90 tas-seklu li għadda, restrizzjonijiet tekniċi wasslu sabiex il-forom ta’ dawn il-fniek taċ-ċikkulata saru dejjem aktar jixxiebhu ( 8 ).

    23.

    Il-produtturi kkonċernati jinkludu Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG (“Lindt”), kumpannija bbażata fl-Isvizzera li hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u Franz Hauswirth GmbH (“Hauswirth”), kumpannija Awstrijaka li hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali.

    24.

    Lindt ilha tipproduċi u tikkummerċjalizza fniek tal-Għid taċ-ċikkulata sa mill-bidu tas-snin 50 tas-seklu li għadda. Il-preżentazzjoni eżatta tagħhom varjat kemmxejn matul is-snin ( 9 ). Lindt poġġiet il-fniek tal-Għid taċ-ċikkulata tagħha fis-suq Awstrijak għall-ewwel darba fl-1994. F’Ġunju 2000, hija applikat biex tirreġistra bħala trade mark Komunitarja tridimensjonali l-forma u l-preżentazzjoni ta’ fenek tal-Għid imgeżwer f’fojl lewn id-deheb, b’marki ħomor u kannella, b’żigarella ħamra u ġonġol imdawra ma’ għonqu, u b’disinn fuq l-għadma ta’ ġenbu li jinkludu l-kliem “Lindt Goldhase”. It-trade mark ġiet irreġistrata fis-6 ta’ Lulju 2001:

    Image

    25.

    Hauswirth ilha tipproduċi u tikkummerċjalizza l-fniek taċ-ċikkulata tagħha sa mill-1962. Dawn normalment huma mżejna b’żigarella, iżda mingħajr ġonġol. Fuqhom ma hemmx isem li jidentifikahom, għalkemm tikketta hija mwaħħla mal-qiegħ, u għalhekk normalment ma tidhirx meta l-prodotti jkunu ppreżentati fuq xkaffa:

    Image

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tgħid li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ preżentazzjonijiet. Barra minn hekk, numru ta’ mudelli oħrajn, li għandhom grad ta’ xebh akbar jew iżgħar mal-preżentazzjoni ta’ Lindt, ilhom jiġu kkummerċjalizzati sa mis-snin 30 tas-seklu li għadda. Lindt kienet taf b’mill-inqas ftit minn dawn il-mudelli qabel ma applikat biex tirreġistra t-trade mark tagħha.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, qabel ma saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, id-diversi produtturi, jew mill-inqas xi wħud minnhom, kienu akkwistaw “dritt miksub”  ( 10 ) għall-protezzjoni tal-prodotti tagħhom taħt il-liġi tal-kompetizzjoni Awstrijaka u l-liġi Ġermaniża dwar it-trade marks, minkejja li ebda waħda minn dawn il-preżentazzjonijiet ma kienet ġiet irreġistrata b’xi mod.

    28.

    Finalment, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, billi rreġistrat it-trade mark, Lindt riedet “toħloq bażi biex tiftaħ proċeduri kontra prodotti ta’ manifatturi oħrajn li diġà kienu disponibbli u li mill-inqas ftit minnhom kienu diġà magħrufa lilha fil-Ġermanja”.

    29.

    Wara r-reġistrazzjoni, Lindt ressqet proċeduri ta’ vjolazzjoni tat-trade mark kontra Hauswirth, fejn talbet li din tal-aħħar tiġi ordnata tieqaf tipproduċi u tikkummerċjalizza l-fniek tal-Għid tagħha fi preżentazzjoni li skont Lindt aktarx li setgħet tagħti lok għal konfużjoni mat-trade mark irreġistrata. Inter alia, abbażi tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament, Hauswirth ressqet kontrotalba fejn allegat li r-reġistrazzjoni kienet saret b’mala fide u li t-trade mark għaldaqstant għandha tiġi ddikjarata bħala invalida.

    30.

    Fil-prim’istanza, il-Handelsgericht (Qorti tal-Kummerċ) fi Vjenna ċaħdet it-talba prinċipali u laqgħet il-kontrotalba. Fuq appell minn Lindt lill-Oberlandesgericht (Qorti Reġjonali Ogħla), dik is-sentenza ġiet annullata, iżda mhux għal raġunijiet li ssodisfaw lil Lindt. Skont Hauswirth, il-qorti tal-appell sempliċement iddeċidiet li, peress li l-preżentazzjoni ta’ Lindt kienet akkwistat reputazzjoni qabel ma saret l-applikazzjoni għat-trade mark, Lindt ma setgħetx titqies li aġixxiet b’mala fide; iżda waqt li ċaħdet il-kontrotalba ta’ Hauswirth, hija ma laqgħetx it-talba prinċipali ta’ Lindt. Iż-żewġ partijiet b’hekk appellaw ulterjorment lill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema Awstrijaka), li issa qed titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi segwenti:

    “1.

    L-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11 tal-, p. 1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikant għal trade mark Komunitarja għandu jiġi kkunsidrat bħala li aġixxa b’mala fide meta jkun jaf, fil-mument tar-reġistrazzjoni, li kompetitur f’(almenu) Stat Membru wieħed qiegħed juża trade mark identika jew li tixxiebah li tista’ twassal għal konfużjoni ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu u li jirreġistra t-trade mark sabiex ma jħallix lill-kompetitur ikompli jużaha?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

    L-applikant għal trade mark għandu jkun kkunsidrat bħala li aġixxa b’mala fide meta japplika sabiex jirreġistra trade mark sabiex ma jħallix kompetitur ikompli jużaha meta, fil-mument tar-reġistrazzjoni, jaf jew għandu jkun jaf li l-kompetitur kiseb “dritt miksub” għall-użu ta’ trade mark identika jew li tixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu li jistgħu jwasslu għal konfużjoni?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

    Il-fatt li aġixxa b’mala fide jista’ jiġi eskluż meta l-applikant ikun ġa magħruf fil-kummerċ għat-trade mark tiegħu u għalhekk huwa protett skond id-dritt tal-kompetizzjoni?”

    31.

    Saru sottomissjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Isvezja u mill-Kummissjoni.

    Evalwazzjoni

    L-ambitu tad-domandi

    32.

    Il-qorti nazzjonali qed titlob gwida dwar jekk ċerti fatturi humiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit jew eliminat li applikazzjoni saret b’mala fide fis-sens tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament dwar it-Trade Mark, fil-kuntest ta’ ġabra ta’ fatti speċifiċi li stabbilixxiet hija stess jew li hija tikkunsidra li ġew stabbiliti minn qorti ta’ grad aktar baxx. Jiena nifhem li dawn il-fatti huma, essenzjalment, skont kif ġej:

    qabel ma Lindt applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha, hija u għadd ta’ manifatturi taċ-ċikkulata oħrajn kompetituri kienu jipproduċu prodotti li jixxiebhu fi preżentazzjonijiet li jixxiebhu, f’xi każijiet b’xebh suffiċjenti li jagħti lok għall-probabbiltà ta’ konfużjoni;

    dawn id-diversi preżentazzjonijiet kienu jgawdu minn ċertu grad ta’ protezzjoni taħt id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jikkostitwixxi “dritt ta’ proprjetà miksub”;

    Lindt ma setgħetx ma kinitx taf bil-fatti msemmija hawn fuq;

    il-preżentazzjoni ta’ Lindt maż-żmien kienet akkwistat reputazzjoni partikolari mal-pubbliku;

    Lindt applikat għar-reġistrazzjoni tal-preżentata tagħha bħala trade mark Komunitarja sabiex twaqqaf lill-kompetituri tagħha milli jkomplu jużaw il-preżentazzjonijiet tagħhom, sal-punt li kien hemm xi probabbiltà ta’ konfużjoni.

    33.

    Il-fatturi li l-qorti tar-rinviju qed titlob gwida dwar is-sinjifikat tagħhom huma, essenzjalment:

    l-għarfien min-naħa ta’ Lindt dwar is-sitwazzjoni pre-eżistenti fil-konfront tal-kompetituri tagħha;

    l-intenzjoni ta’ Lindt li twaqqaf lill-kompetituri tagħha milli jkomplu jużaw il-preżentazzjonijiet tagħhom;

    ir-reputazzjoni diġà akkwistata mill-preżentazzjoni ta’ Lindt qabel ma applikat għal reġistrazzjoni bħala trade mark.

    34.

    Fuq din il-bażi, jidhirli li jkun utli jekk it-tliet domandi jiġu kkunsidrati flimkien, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-fatturi msemmija. Se nibda billi neżamina t-tifsira ta’ mala fide f’dan il-kuntest.

    It-tifsira ta’ mala fide fl-iskema tad-dritt Komunitarju

    35.

    Bħal fil-każ ta’ bankier, m’hemmx dubju li huwa eħfef li tagħraf il-mala fide milli li tiddefiniha ( 11 ). Dan huwa kunċett li mhux biss l-avukati iżda anki l-filosofi u t-teologi ssieltu miegħu mingħajr ma rnexxielhom jegħlbuh għal kollox. Tabilħaqq, aktarx illi l-mala fide ma tistax tiġi ddefinita b’mod sħiħ fis-sens li jiġu ddeterminati l-limiti preċiżi tagħha.

    36.

    F’dan il-kuntest, ninsabu kkonċernati b’mala fide meta ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Il-kunċett b’ebda mod m’huwa ddefinit, delimitat jew deskritt fil-leġiżlazzjoni, iżda xi ħjiel jista’ jinkiseb mill-post tiegħu fl-iskema ta’ dik il-leġiżlazzjoni.

    37.

    Fir-Regolament dwar it-Trade Mark, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi rrifjutata jew, ladarba tkun ġiet irreġistrata, tista’ tiġi ddikjarata invalida abbażi ta’ raġunijiet assoluti jew relattivi.

    38.

    Fir-rigward tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, ( 12 ) ir-raġunijiet assoluti essenzjalment huma difetti inerenti fin-natura tat-trade mark li għaliha ssir l-applikazzjoni u jiġu ssollevati ex officio mill-UASI. Ir-raġunijiet relattivi essenzjalment huma drittijiet ta’ proprjetà intellettwali preċedenti li jagħtu jedd lid-detentur tagħhom biex iwaqqaf lil ħaddieħor milli juża sinjal konfliġġenti, u ma jiġux eżaminati ex officio iżda jistgħu jiġu ssollevati mid-detenturi ta’ dawk id-drittijiet.

    39.

    Trade mark irreġistrata tista’ tiġi ddikjarata invalida wkoll abbażi ta’ raġunijiet assoluti jew relattivi ( 13 ). F’dan ir-rigward, madankollu, iż-żewġ tipi ta’ raġunijiet huma kemmxejn estiżi. Il-mala fide tal-applikant fiż-żmien tal-applikazzjoni hija raġuni assoluta addizzjonali, ( 14 ) waqt li erba’ tipi ta’ drittijiet oħrajn huma miżjuda mal-lista ta’ raġunijiet relattivi ( 15 ).

    40.

    Barra minn hekk, id-detentur ta’ dritt preċedenti ma jistax jitlob l-invalidazzjoni jew jopponi l-użu ta’ trade mark Komunitarja jekk ikun aċċetta l-użu ta’ dik it-trade mark għal mill-inqas ħames snin konsekuttivi, ħlief jekk l-applikazzjoni għat-trade mark kienet saret b’mala fide (l-Artikolu 53).

    41.

    Il-mala fide b’hekk tidher bħala difett inerenti fl-applikazzjoni (aktar milli fit-trade mark), li fundamentalment tivvizzja r-reġistrazzjoni irrispettivament minn ċirkustanzi oħra. L-istess tendenza ġenerali tinsab fid-Direttiva dwar it-Trade Marks.

    42.

    Minħabba l-mod kif hija organizzata l-leġiżlazzjoni, irid ikun hemm kunċett Komunitarju wieħed ta’ mala fide kemm għar-Regolament kif ukoll għad-Direttiva. L-Artikolu 51 tar-Regolament jipprovdi li kemm l-UASI kif ukoll il-qrati nazzjonali għandhom jiddikjaraw trade mark Komunitarja invalida abbażi ta’ mala fide fil-preżentata ta’ applikazzjoni, u l-istess kunċett ovvjament għandu jintuża mit-tnejn. Lanqas ma jidher li huwa xieraq, meta titqies il-ħtieġa ta’ interazzjoni armonjuża bejn iż-żewġ sistemi, li l-qrati nazzjonali jużaw kunċett wieħed għat-trade marks Komunitarji u ieħor għat-trade marks nazzjonali.

    43.

    Fl-isfond ta’ dawn il-punti, se neżamina xi wħud mis-suġġerimenti speċifiċi li saru fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali dwar x’tinvolvi u x’ma tinvolvix il-mala fide, bil-għan li tinkiseb opinjoni fid-dawl tad-diversi approċċi.

    Limitata għaċ-ċirkustanzi tal-Artikolu 8?

    44.

    Il-Kummissjoni, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, issottomettiet li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Trade Mark jelenka b’mod eżawrjenti d-drittijiet preċedenti kollha li jistgħu jiġu invokati biex issir oppożizzjoni għal reġistrazzjoni. Persuna għandha tkun intitolata li tirreġistra t-trade mark tagħha sabiex tiżgura l-prijorità tagħha fuq drittijiet oħrajn aktar dgħajfin li ma setgħux, fiż-żmien tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jintużaw bħala bażi għal oppożizzjoni. Jekk id-detenturi ta’ dawk id-drittijiet aktar dgħajfin ikunu jistgħu jiksbu sussegwentement, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi ta’ mala fide, dak li ma setgħux jiksbu permezz ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni, b’hekk ikunu daru mal-intenzjoni tal-leġiżlatur.

    45.

    Jiena m’iniex konvint minn dan l-argument, għalkemm ċertament naqbel li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark meta wieħed ikun jaf li jeżisti dritt preċedenti konfliġġenti kif elenkat fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Trade Mark aktarx li tkun b’mala fide.

    46.

    Huwa wkoll minnu li d-drittijiet preċedenti biss elenkati fl-Artikolu 8 jistgħu jiġu invokati biex issir oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Madankollu, dan mhux neċessarjament jelimina l-possibbiltà li applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista’ tkun b’mala fide fir-rigward ta’ drittijiet oħrajn li ma jistgħux jiġu invokati b’dan il-mod — u fi kwalunkwe każ nosserva li drittijiet preċedenti apparti dawk elenkati fl-Artikolu 8 jistgħu jintużaw bħala bażi għal dikjarazzjoni ta' invalidità ( 16 ). Barra minn hekk, jidhirli li l-approċċ tal-Kummissjoni jnaqqas il-kwistjoni ta’ mala fide sempliċement għal rwol ta’ appoġġ, li possibbilment isaħħaħ b’mod superfluwu l-pożizzjoni ta’ kompetitur li diġà jkun intitolat biex jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tad-dritt preċedenti tiegħu (u li preċedentement kien f’pożizzjoni biex jopponi r-reġistrazzjoni), waqt li l-iskema tal-Artikoli 51 u 52 turi li l-mala fide hija raġuni indipendenti għall-invalidità. Hija wkoll raġuni assoluta, li tista’ tiġi invokata minn kwalunkwe persuna, inkluż iżda mhux biss id-detentur ta’ dritt preċedenti. Mhijiex limitata, la espliċitament u lanqas b’implikazzjoni neċessarja, għal mala fide fir-rigward ta’ xi kwistjoni partikolari. Kwalunkwe persuna tista’ titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-bażi li l-applikazzjoni għal trade mark saret b’mala fide, irrispettivament mill-kuntest ta’ dik il-mala fide.

    47.

    X’jista’ jikkostitwixxi mala fide fir-rigward ta’ drittijiet preċedenti konfliġġenti aktar dgħajfin minn dawk elenkati fl-Artikoli 8 jew 52 hija kwistjoni separata, li ser tiġi kkunsidrata iktar ’il quddiem, ( 17 ) iżda ma nistax naqbel li tali kategorija ta’ mala fide hija eskluża mill-kunċett kif użat fir-Regolament.

    Nuqqas ta’ intenzjoni li tintuża t-trade mark?

    48.

    Matul is-seduta, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni li dehret li hija differenti, u aktar restrittiva minn, dik li kienet adottat fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha. Hija ssottomettiet li tip ta’ aġir wieħed biss jista’ jiġi kklassifikat bħala mala fide skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni — ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark b’ebda intenzjoni li wieħed jużaha iżda biex ħaddieħor jitwaqqaf milli jużaha. Il-Kummissjoni ppreżentat l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament bħala korollarju għall-Artikolu 50(1)(a), li jgħid li trade mark Komunitarja li ma tkunx intużat ġenwinament għal perijodu ta’ ħames snin tista’ tiġi rrevokata; fil-fehma tagħha, l-Artikolu 51(1)(b) b’hekk jippermetti lil persuna li tkun tuża jew tixtieq tuża sinjal jew trade mark konfliġġenti biex tikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità mingħajr ma jkollha għalfejn tistenna li jiskadi l-perijodu ta’ ħames snin, jekk l-applikant ma kellu ebda intenzjoni li juża t-trade mark irreġistrata hu stess.

    49.

    Lanqas ma jien konvint minn din is-sottomissjoni, għalkemm għal darb’oħra naċċetta li tali aġir kważi ċertament jikkostitwixxi mala fide.

    50.

    Jidhirli li, jekk il-mala fide tiġi llimitata għal sitwazzjonijiet fejn l-applikant ma kellu ebda intenzjoni li juża t-trade mark, l-Artikolu 53(1) u (2) tar-Regolament ma jagħmel ebda sens. Dawk id-dispożizzjonijiet jipprekludu lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti milli jikseb dikjarazzjoni li trade mark Komunitarja sussegwenti li tkun konfliġġenti hija invalida jekk huwa jkun aċċetta l-użu ta’ dik it-trade mark għal ħames snin konsekuttivi, ħlief jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dik it-trade mark sussegwenti tkun saret b’mala fide. B’hekk dawn id-dispożizzjonijiet jippresupponu li applikazzjoni għal trade mark tista’ ssir b’mala fide u tintuża għal ħames snin konsekuttivi. Għaldaqstant, insibha diffiċli biex nirrikonċilja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni mat-test ċar tal-leġiżlazzjoni.

    Intenzjoni soġġettiva jew kriterji oġġettivi?

    51.

    Lindt tiċċita numru ta’ deċiżjonijiet tal-UASI biex targumenta li wieħed ma jistax jinferixxi l-mala fide mingħajr intenzjoni diżonesta. Pereżempju: “Il-mala fide hija kunċett legali restrittiv fis-sistema [tar-Regolament tat-Trade Mark Komunitarja]. Il-mala fide hija l-oppost tal-bona fide, li ġeneralment timplika jew tinvolvi, iżda mhijiex illimitata għal, frodi reali jew potenzjali, jew intenzjoni li tiżgwida jew tqarraq b’ħaddieħor, jew xi motiv ħażin ieħor. Kunċettwalment, il-mala fide tista’ tinftiehem bħala ‘intenzjoni diżonesta’. Dan ifisser li l-mala fide tista’ tiġi interpretata bħala prattiċi inġusti li jinvolvu nuqqas ta’ intenzjoni onesta min-naħa tal-applikant tat-[trade mark Komunitarja] fil-ħin meta jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu”  ( 18 ). Jew: “Il-mala fide tista’ tiġi ddefinita bħala li tirreferi għall-istat ta’ xi ħadd, li xjentement billi jagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-imġiba etika jew ta’ prattiċi onesti fil-kummerċ u n-negozju, jikseb vantaġġ inġust jew jikkawża ħsara inġusta lil ħaddieħor”  ( 19 ). L-istess approċċ, tissottometti Lindt, huwa adottat mill-Bundesgerichtshof Ġermaniża (Qorti tal-Ġustizzja Fiderali) ( 20 ).

    52.

    Hauswirth tadotta linja simili, u tiċċita d-dictum spiss ikkwotat tal-Imħallef Lindsay fil-High Court Ingliża: “B’mod sempliċi [il-mala fide] tinkludi d-diżonestà u, fil-fehma tiegħi, tinkludi wkoll xi tranżazzjonijiet li ma jilħqux l-istandards ta’ mġiba kummerċjali aċċettabbli osservata minn irġiel raġonevoli u ta’ esperjenza fil-qasam partikolari inkwistjoni” ( 21 ).

    53.

    Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-mala fide tista’ tiġi mxebbha ma’ aġir li mhuwiex “skont il-prattiċi onesti f’affarijiet industrijali jew kummerċjali”, ( 22 ) li eżempju wieħed ta’ dan hija l-intenzjoni li ħaddieħor ma jitħalliex jidħol fis-suq.

    54.

    B’mod simili, il-Gvern Ċek jikkunsidra li l-kunċett ta’ mala fide fil-leġiżlazzjoni għandu element morali jew etiku sinjifikattiv; dan jimplika ksur tan-normi aċċettati ta’ mġiba. Il-Gvern Ċek jidhirlu li tali mala fide essenzjalment tkun teżisti f’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal skop differenti minn dak biex tkun tista’ “twettaq il-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri li tiżgura li l-konsumatur jew l-utent finali jkun jista’ jidentifika l-oriġini tal-prodott jew servizz ikkonċernat billi tippermettilu jiddistingwi dak il-prodott jew servizz minn dawk b’oriġini differenti, mingħajr ebda riskju ta’ konfużjoni”  ( 23 ). Ir-reġistrazzjoni għas-sempliċi skop biex ħaddieħor ikun ipprojbit milli juża trade mark li tixxiebah (li hija biss funzjoni anċillari tat-trade mark) b’hekk tkun b’mala fide.

    55.

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Svediż jargumenta li l-punt rilevanti mhuwiex l-intenzjoni tal-applikant tat-trade mark iżda l-għarfien oġġettiv tiegħu: jekk huwa kienx jaf, jew kellux ikun jaf, li persuna oħra diġà kienet qed tuża l-istess trade mark jew waħda li tixxiebah. Huwa jasserixxi li dan huwa l-mod kif il-kunċett ta’ mala fide jintuża f’għadd ta’ Stati Membri — il-pajjiżi Benelux, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja stess ( 24 ).

    56.

    B’hekk hemm numru ta’ sottomissjonijiet, bi sfumaturi sottili jew inqas sottili, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant huwa neċessarju li wieħed jagħżel bejn id-definizzjonijiet aktar soġġettivi u dawk aktar oġġettivi ta’ mala fide, għalkemm fil-fehma tiegħi hija iktar kwistjoni li jintlaħaq kompromess simbjotiku bejn iż-żewġ approċċi.

    57.

    Fil-fehma tiegħi huwa ċar li, fil-mod kif jintuża normalment, il-kunċett ta’ mala fide jimplika stat mentali soġġettiv ta’ natura ġenerali, kif enfasizzat fid-diversi deskrizzjonijiet iċċitati minn Lindt, Hauswirth u l-Kummissjoni, aktar milli d-definizzjoni aktar speċjalizzata proposta mill-Gvern Ċek. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, inkun saħanistra inqas dispost li nirrestrinġi l-kunċett, għall-finijiet ta’ trade mark, unikament għal dawk iċ-ċirkustanzi speċifiċi u ddefiniti b’mod oġġettiv ippreżentati mill-Gvern Svediż. Fil-fehma tiegħi huwa impossibbli li jsir hekk meta l-leġiżlazzjoni tal-Komunità la tinkludi xi dispożizzjoni espliċita li tillimita l-kunċett b’dak il-mod, u lanqas xi indikazzjoni ta’ intenzjoni li jsir hekk.

    58.

    Min-naħa l-oħra, napprezza d-diffikultajiet li jinqalgħu jekk prova ta’ intenzjoni soġġettiva biss tkun suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-mala fide — diffikultajiet li mingħajr ebda dubju kienu influwenti fit-tiswir tal-approċċ aktar oġġettiv li huwa ppreferut f’xi Stati Membri. F’dan ir-rigward, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll f’dawk orali, il-Kummissjoni ssuġġeriet li, waqt li l-intenzjoni tal-applikant hija element ċentrali sabiex tiġi stabbilita l-mala fide, dik l-intenzjoni soġġettiva għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ. Jiena naqbel li — ħlief fil-każ improbabbli fejn ikun hemm ammissjoni ta’ mala fide mill-proprjetarju tat-trade mark ( 25 ) — il-preżenza jew l-assenza ta’ mala fide normalment trid tiġi inferita miċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li jkunu rilevanti.

    59.

    Fost dawn iċ-ċirkustanzi oġġettivi jista’ jkun hemm (abbażi tas-suġġeriment tal-Gvern Ċek) l-adattabbiltà tat-trade mark sabiex tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tiddistingwi prodotti jew servizzi skont l-oriġini tagħhom. Madankollu, għalkemm dan il-kriterju jista’ jkun utli meta jkun applikabbli, ma jidhirlix li dan waħdu jista’ jservi bħala l-uniku eżami rilevanti.

    Konklużjoni dwar in-natura ta’ mala fide

    60.

    B’hekk nasal għall-fehma li l-kunċett ta’ mala fide min-naħa tal-applikant għal trade mark fit-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità

    (i)

    ma jistax jiġi llimitat għal kategorija limitata ta’ ċirkustanzi speċifiċi bħal-eżistenza ta’ tip partikolari ta’ dritt preċedenti, nuqqas ta’ intenzjoni li tintuża t-trade mark jew għarfien reali jew preżunt tal-użu eżistenti ta’ trade mark li tixxiebah, u

    (ii)

    huwa relatat ma’ motivazzjoni soġġettiva min-naħa tal-applikant għat-trade mark — intenzjoni diżonesta jew “motiv ħażin” ieħor — li madankollu normalment jiġu stabbiliti b’riferiment għal kriterji oġġettivi (li jistgħu jinkludu ċirkustanzi bħal dawk elenkati taħt (i)); dan jinvolvi aġir li jmur lil hinn mill-prinċipji aċċettati ta’ mġiba etika jew prattiki onesti fil-kummerċ jew negozju, li jista’ jiġi identifikat billi jiġu evalwati l-fatti oġġettivi ta’ kull każ skont dawn l-istandards.

    Is-sinjifikat tal-fatturi li għalihom isir riferiment fid-domandi

    61.

    F’dan id-dawl, il-mala fide trid tiġi evalwata każ b’każ, waqt li titqies l-evidenza kollha disponibbli taċ-ċirkustanzi rilevanti. Il-qorti nazzjonali titlob gwida b’mod partikolari dwar is-sinjifikat ta’ erba’ aspetti tal-evidenza li għandha quddiemha: għarfien li l-kompetituri kienu diġà qed jużaw marki li jixxiebhu (fil-forma tas-sura u l-preżentazzjoni ta’ prodott), għarfien li l-użu ta’ dawk il-marki kien jibbenefika minn grad ta’ protezzjoni taħt il-liġi tal-kompetizzjoni jew tat-trade mark, intenzjoni li dawk il-marki ma jitħallewx ikomplu jintużaw, u r-reputazzjoni u l-protezzjoni li tkun tgawdi t-trade mark tal-applikant stess.

    62.

    Fir-rigward tal-għarfien b’mod ġenerali, jidher ċar li l-aġir jista’ jiġi deskritt bħala mhux etiku, jew l-intenzjoni bħala diżonesta, biss jekk il-parti kkonċernata tkun konxja dwar il-kuntest fattwali li fih kwalifikazzjoni bħal “mhux etiku” jew “diżonest” issir adattata. Pereżempju, li wieħed jipprova jikseb benefiċċju għalih innifsu ma jistax jitqies fih innifsu li mhuwiex etiku jew li huwa diżonest; li tipprova tikseb tali benefiċċju billi tipprovdi informazzjoni inadegwata jew qarrieqa, billi ddur (aktar milli attwalment tikser) mar-regoli applikabbli jew billi tantiċipa l-pretensjoni ta’ parti oħra li jkollha jedd akbar jew preċedenti jista’ jiġi kkwalifikat b’dan il-mod — iżda biss jekk il-persuna li tkun qed tipprova tikseb dak il-benefiċċju tkun konxja li l-informazzjoni kienet inadegwata jew qarrieqa, li kienet qed iddur mar-regoli jew li l-jedd tal-parti l-oħra kien akbar jew kellu prijorità.

    63.

    Meta dan l-għarfien ikun jista’ jiġi stabbilit direttament, ma jkun hemm ebda bżonn li wieħed jibbaża fuq għarfien preżunt. F’ħafna każijiet, madankollu, jista’ jkun diffiċli biex tiġi pprovduta prova diretta ta’ għarfien reali, waqt li ċ-ċirkustanzi jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw preżunzjoni ta’ għarfien. L-għarfien li l-informazzjoni hija inadegwata jew qarrieqa jista’ jiġi inferit, pereżempju, minn preżunzjoni ta’ ftehim raġonevoli ta’ kwistjonijiet ta’ negozju u amministrattivi; l-għarfien li persuna kienet qed iddur mar-regoli (għalkemm ma kienx hemm ksur attwali tagħhom) jista’ jiġi inferit minn preżunzjoni ta’ għarfien tal-liġi; u l-għarfien tal-jedd ta’ parti oħra jista’ jiġi preżunt minn prova li l-jedd inkwistjoni kien tagħrif komuni fis-settur rilevanti.

    64.

    Konsegwentement, jidhirli li l-applikazzjoni għal trade mark ta’ parti li tkun fil-pożizzjoni ta’ Lindt ma tistax tiġi kkwalifikata bħala b’mala fide ħlief jekk dik il-parti mill-inqas kellha għarfien taċ-ċirkustanzi li setgħu jifformaw il-bażi għal konstatazzjoni ta’ mala fide — li huma allegati li kienu, f’din il-kawża, l-użu ta’ marki li jixxiebhu minn kompetituri, u protezzjoni ta’ dawk il-marki taħt il-liġi tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan l-għarfien huwa biżżejjed biex tiġi stabbilita mala fide?

    65.

    Fil-fehma tiegħi, dan m’huwiex biżżejjed, għaliex inkella dan iwassal biex l-intenzjoni reali tiġi mwarrba bħala irrilevanti. Madankollu, tipprovdi kuntest fejn aktarx li ma tkunx meħtieġa wisq aktar evidenza sabiex tkun tista’ tiġi deċiża l-kwistjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-għan ta’ Lindt li twaqqaf lil ħaddieħor milli jużaw il-marki li jixxiebhu tagħhom u r-reputazzjoni li kienet tgawdi t-trade mark tagħha. Iżda fil-fehma tiegħi għandu jitqies ukoll il-kuntest storiku kummerċjali kollu.

    66.

    Punt li fil-fehma tiegħi huwa sinjifikattiv f’din il-kawża huwa l-fatt li t-“trade marks” inkwistjoni jikkonsistu fil-forma u l-preżentazzjoni sħiħa tal-prodott, aktar milli l-kunċett aktar komuni ta’ trade mark bħala sinjal imwaħħal ma’ prodott. Għaldaqstant jidher li huwa importanti li jiġi stabbilit sa liema punt il-kompetituri eżistenti għandhom il-libertà li jagħżlu l-forma u l-preżentazzjoni, u sa liema punt huma limitati fl-għażla tagħhom minn fatturi tekniċi u kummerċjali — il-forma li fih il-prodott jista’ jiġi msawwar u/jew imgeżwer awtomatikament, l-aspettattivi tal-konsumaturi fir-rigward tad-dehra, eċċ. Applikazzjoni biex tiġi rreġistrata trade mark ta’ dak it-tip, meta kienet magħrufa s-sitwazzjoni eżistenti, tista’ tiġi ġġudikata aktar faċilment li kienet b’mala fide jekk il-libertà tal-għażla hija limitata, sabiex il-proprjetarju tat-trade mark effettivament ikun jista’ mhux biss iwaqqaf lill-kompetituri milli jużaw trade mark li tixxiebah iżda milli jqiegħdu fuq is-suq prodott kumparabbli.

    67.

    Is-sitwazzjoni tkun pjuttost differenti jekk eżami tal-kuntest kellu jiżvela, pereżempju, li l-applikant għat-trade mark kien kiseb suċċess f’qasam kummerċjali li jħalli qligħ tajjeb, iżda kien jaf li operaturi ġodda fis-suq kienu qed jippruvaw jikkupjaw il-preżentazzjoni tiegħu mingħajr ma kellhom xi ostaklu biex jikkummerċjalizzaw preżentazzjonijiet distinti. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ikun ferm inqas probabbli li applikazzjoni biex tiġi rreġistrata t-trade mark bil-għan li tinkiseb protezzjoni kontra dawk il-parassiti titqies bħala diżonesta, mhux etika jew b’xi mod ieħor devjanti, u għaldaqstant ikun aktar diffiċli biex jiġi kkonstatat li saret b’mala fide.

    68.

    B’hekk, is-sinjifikat ta’ intenzjoni biex il-kompetituri ma jitħallewx jużaw trade marks li jixxiebhu li huma diġà jkunu jużaw irid jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Ma tistax titqies bħala indikazzjoni awtomatika ta’ mala fide jew mod ieħor.

    69.

    Ir-raba’ aspett imsemmi huwa dak tar-reputazzjoni mal-pubbliku li diġà tkun akkwistat it-trade mark tal-applikant — li tagħti lok għal protezzjoni taħt il-liġi nazzjonali — qabel ma tkun saret l-applikazzjoni. Hawnhekk ukoll jidhirli li dan huwa fattur li jrid jiġi kkunsidrat f’kuntest, u ma jistax awtomatikament jipprekludi l-possibbiltà li l-applikazzjoni saret b’mala fide.

    70.

    Il-qorti tar-rinviju tindika li l-preżentazzjoni ta’ Lindt kienet akkwistat reputazzjoni sinjifikattiva fl-Awstrija u l-Ġermanja saż-żmien meta hija rreġistrat it-trade mark Komunitarja tagħha, b’tali mod li madwar 50% jew aktar tal-popolazzjoni kienu jassoċjaw il-fniek tal-Għid taċ-ċikkulata mgeżwra f’fojl lewn id-deheb ma’ Lindt. Dik ir-reputazzjoni kienet tippermettilha li twaqqaf lill-kompetituri tagħha milli jpoġġu fuq is-suq preżentazzjonijiet identiċi, anki qabel ma rreġistrat it-trade mark. Il-qorti tar-rinviju ssemmi żewġ kawżi ta’ dan it-tip, li kienu nfetħu fl-1980 u fl-2000 rispettivament, ( 26 ) iżda tindika li kien ferm inċert kemm seta’ jirnexxi tentattiv biex titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni ta’ preżentazzjonijiet li ma kinux strettament identiċi — punt li ġie kkonfermat mill-avukat ta’ Hauswirth matul is-seduta. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, ir-reġistrazzjoni serviet biss biex tiffaċilita l-ftuħ ta’ proċedimenti.

    71.

    Madankollu, m’huwiex ċar għalija mill-atti tal-kawża jew minn dak li ntqal matul is-seduta jekk l-effett tar-reġistrazzjoni huwiex tabilħaqq biss biex jiġu estiżi d-drittijiet proċedurali tal-proprjetarju jew jekk fil-fatt twessgħetx il-portata tad-drittijiet sostantivi tiegħu, billi tippermettilu mhux biss li jwaqqaf l-użu ta’ preżentazzjonijiet identiċi jew kważi identiċi, iżda wkoll dawk li huma sempliċement jixxiebhu biżżejjed biex jagħtu lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni. Lanqas m’hu ċar (jekk preżentazzjonijiet oħrajn igawdu minn protezzjoni) jekk preżentazzjoni tistax takkwista protezzjoni akbar skont il-firxa tar-reputazzjoni tagħha jew it-tul ta’ żmien li jkun ilha preżenti fis-suq.

    72.

    Naturalment, dawn huma kwistjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati mill-qrati nazzjonali. Madankollu, dawn jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni f’din il-kawża dwar jekk l-applikazzjoni għat-trade mark ta’ Lindt saritx b’mala fide.

    73.

    Jekk reġistrazzjoni bħala trade mark sempliċement tikkonferma dritt sostantiv eżistenti biex ħaddieħor jitwaqqaf milli juża preżentazzjonijiet li jixxiebhu waqt li tagħti mezzi aħjar biex jiġi infurzat dak id-dritt, u jekk preżentazzjonijiet b’reputazzjoni aktar mifruxa u preżenza itwal fis-suq igawdu protezzjoni akbar b’mod korrispondenti, allura applikazzjoni biex tiġi rreġistrata bħala trade mark il-preżentazzjoni li għandha l-aktar reputazzjoni mifruxa u l-itwal preżenza, sempliċement bl-iskop li jiġu kkonsolidati u affermati drittijiet eżistenti, ma tidhirx li tkun b’mala fide.

    74.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-preżentazzjonijiet kollha jgawdu drittijiet ugwali, irrispettivament mir-reputazzjoni jew l-anzjanità, u dawk id-drittijiet ikunu notevolment aktar ristretti minn dawk mogħtija b’reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja, allura applikazzjoni għal reġistrazzjoni minn parteċipant wieħed fis-suq tista’ titqies bħala inġusta, u b’hekk ikun hemm aktar probabbiltà li titqies li saret b’mala fide, fil-konfront tal-kompetituri tiegħu — a fortiori jekk fil-fatt huwa jkun daħal fis-suq reċentement u/jew il-preżentazzjoni tiegħu kellha reputazzjoni relattivament limitata.

    75.

    Fil-qosor, is-sustanza tal-analiżi tiegħi hi li m’hemm ebda test sempliċi u deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk applikazzjoni għal trade mark ġietx ippreżentata b’mala fide. Id-diversi settijiet ta’ ċirkustanzi li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala delimitazzjoni eżawrjenti tal-kunċett ta’ mala fide fil-fatt huma biss eżempji li jispjegaw dak il-kunċett. Il-mala fide hija stat soġġettiv — intenzjoni li hija inkompatibbli mal-istandards aċċettati ta’ mġiba onesta jew etika — li tista’ tiġi stabbilita minn evidenza oġġettiva, u li trid tiġi evalwata każ b’każ. Din teħtieġ, mill-inqas, għarfien taċ-ċirkustanzi li minnhom tista’ tiġi dedotta inkompatibbiltà ma’ standards aċċettati ta’ mġiba onesta jew etika. Jekk l-applikant għat-trade mark ikollux dak l-għarfien hija kwistjoni li trid tiġi ddeterminata b’riferiment għall-istat komuni ta’ għarfien fis-settur ekonomiku kkonċernat, jekk ma jkunx hemm evidenza diretta. Intenzjoni li l-kompetituri ma jitħallewx ikomplu jużaw sinjali mhux irreġistrati li qabel kienu intitolati li jużaw u bħala protezzjoni kontra kompetizzjoni minn sinjali oħra ta’ dan it-tip hija indikattiva ta’ mala fide. Madankollu, l-evalwazzjoni trid tikkunsidra l-elementi fattwali u legali kollha li jistgħu jiġġustifikaw tali intenzjoni jew li, għall-kuntrarju, jenfasizzaw in-natura diżonesta jew mhux etika tagħha.

    Konklużjoni

    76.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi tal-Oberster Gerichtshof skont kif ġej:

    Sabiex jiġi stabbilit jekk “l-applikant [ikunx] aġixxa morożament [b’mala fide] meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark” skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-evidenza kollha disponibbli li minnha jkun possibbli li tikkonkludi l-applikant kienx qed jaġixxi xjentement jew le b’mod li huwa inkompatibbli mal-istandards aċċettati ta’ mġiba onesta u etika. B’mod partikolari:

    intenzjoni li ħaddieħor jitwaqqaf milli juża sinjali li jixxiebhu fir-rigward ta’ prodotti li jixxiebhu tista’ tkun inkompatibbli ma’ tali standards jekk l-applikant kien, jew kellu jkun, konxju li ħaddieħor kien diġà qed juża b’mod leġittimu tali sinjali, b’mod partikolari jekk dak l-użu kien sostanzjali u għal żmien twil u kien igawdi grad ta’ protezzjoni legali, u jekk in-natura tas-sinjal kienet iddettata sa ċertu punt minn restrizzjonijiet tekniċi jew kummerċjali;

    madankollu, tali intenzjoni mhux neċessarjament tkun inkompatibbli ma’ dawk l-istandards jekk l-applikant stess kien igawdi protezzjoni legali simili jew ikbar fir-rigward tat-trade mark li jkun applika għaliha u kien użaha b’tali mod, sa tali punt u matul tali żmien li l-użu minn ħaddieħor ta’ sinjali li jixxiebhu seta’ jitqies li jikseb benefiċċju mhux iġġustifikat mis-sinjal tal-applikant, u jekk dawk it-terzi persuni ma kinux ristretti fil-kapaċità tagħhom li jagħżlu sinjali li ma jixxiebhux.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146, kif emendat sussegwentement; iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-trade mark” jew ir-“Regolament”).

    ( 3 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li ġiet issostitwita reċentement (għalkemm mhux emendata b’mod sostantiv) bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2008, L 299, p. 25). Ser nirreferi għalihom flimkien bħala d-“Direttiva dwar it-trade marks” jew id-“Direttiva”.

    ( 4 ) Id-dispożizzjonijiet tagħhom huma pjuttost fit-tul. Peress li l-kwistjonijiet f’din il-kawża ma jirrigwardawx il-formulazzjoni speċifika tagħhom, jiena ser niġborhom fil-qosor hawnhekk.

    ( 5 ) Li skont l-Artikolu 8(2), essenzjalment hija trade mark Komunitarja, trade mark nazzjonali, trade mark internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru jew fil-Komunità, b’data ta’ applikazzjoni aktar bikrija minn dik tat-trade mark li kontriha ssir l-oppożizzjoni, jew trade mark li hija “magħrufa sew” fi Stat Membru qabel id-data tal-applikazzjoni.

    ( 6 ) It-test iċċitat huwa mill-verżjoni kkodifikata tad-Direttiva, li ma jvarjax b’mod sostanzjali minn dak tal-verżjoni oriġinali.

    ( 7 ) Lingwi differenti jikklassifikaw il-kreatura bħala liebru jew fenek, u forsi l-“bunny” Ingliż huwa x’aktarx flessibbli biżżejjed biex iħaddan it-tnejn. Fl-Awstralja, fejn il-fniek ma tantx huma maħbubin, l-isfera mitoloġika tiegħu ttieħdet parzjalment mill-‘bilby tal-Għid’ (għalkemm, minħabba n-natura possibbilment ovipara tiegħu, wieħed seta’ jistenna li minnflok ikun hemm ‘platipu tal-Għid’). Il-prodott mibjugħ taħt it-trade mark inkwistjoni f’din il-kawża jissejjaħ mill-manifattur tiegħu. “Goldhase” bil-Ġermaniż, “Gold bunny” bl-Ingliż, “Lapin d’or” bil-Franċiż, “Coniglio d’oro” bit-Taljan, eċċ. Fortunatament, il-klassifikazzjoni żooloġika preċiża ta’ dan il-lagomorfu (probabbli) huwa għal kollox irrilevanti għall-kwistjonijiet f’din il-kawża.

    ( 8 ) L-għażla murija matul is-seduta tissuġġerixxi li jeżistu żewġ forom bażiċi li jissodisfaw dawk ir-restrizzjonijiet tekniċi, bl-annimal bilqiegħda għarkupptejh jew f’pożizzjoni wieqfa.

    ( 9 ) Pereżempju, iż-żigarella madwar għonq il-fenek kienet kannella u mhux ħamra lejn l-aħħar tas-snin 60 tas-seklu li għadda, u ma kienx hemm ġonġol.

    ( 10 ) Wertvoller Besitzstand bil-Ġermaniż; il-qorti tar-rinviju ma tindika ebda definizzjoni legali preċiża għal dan il-kunċett.

    ( 11 ) “Bħal bosta esseri oħra, huwa eħfef li tagħraf bankier milli li tagħtih definizzjoni” (United Dominions Trust v Kirkwood [1966] 1 All ER 968 p. 975, skont Lord Denning, Master of the Rolls). M’iniex qed nissuġġerixxi li l-bankiera u l-mala fide għandhom xi affarijiet oħra komuni bejniethom.

    ( 12 ) Artikoli 7 u 8 (ara l-punti 6 sa 9 iktar ’il fuq).

    ( 13 ) Artikoli 51 u 52 (ara l-punti 10 sa 12 iktar ’il fuq).

    ( 14 ) Artikolu 51(1)(b).

    ( 15 ) Artikolu 52(2).

    ( 16 ) Artikolu 52(2)(a) sa (d) tar-Regolament.

    ( 17 ) B’mod partikolari fil-punti 66 et seq.

    ( 18 ) Lindt tiċċita numru ta’ deċiżjonijiet tad-diviżjoni tal-kanċellazzjoni li jużaw din il-formulazzjoni; l-aktar waħda reċenti (bl-Ingliż) tidher li hija d-deċiżjoni 1313C tas-17 ta’ April 2007, Firstfind v China White, punt 26 (li tinsab fuq http://oami.europa.eu/LegalDocs/Cancellation/en/C001284025_850.pdf).

    ( 19 ) L-Ewwel Bord ta’ Appell, Deċiżjoni R 255/2006, tal-31 ta’ Mejju 2007, Johnson Pump, punt 29.

    ( 20 ) Hija tiċċita s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005 fil-Kawża I ZR 29/02 “The Colour of Elegance”.

    ( 21 ) Gromax Plasticulture vs Don & Low Nonwovens [1998] EWHC Patents 316, punt 47.

    ( 22 ) Espressjoni użata, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12 tar-Regolament u fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, li jgħidu li trade mark ma tippermettix lil proprjetarju ta’ trade mark li jwaqqaf lil terza persuna milli tuża ċerti indikazzjonijiet b’mod konformi ma’ dawk il-prattiċi.

    ( 23 ) Kawżi magħquda C-456/01 P u C-457/01 P, Henkel vs UASI [2004] Ġabra I-5089, punt 48.

    ( 24 ) Il-Gvern Svediż jirreferi għal Bad faith provisions in the European Union and in the EU candidate countries, rapport tal-2002 tal-International Trade Mark Association (http://www.inta.org/images/stories/downloads/tap_badfaith2002.pdf).

    ( 25 ) Ir-rapport tal-INTA, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, isemmi f’p. 13 il-każ tar-“Red Lobster” fid-Danimarka, fejn l-applikant għat-trade mark sussegwentement stqarr f’intervista f’gazzetta li huwa kien ġie “ispirat ħafna mill-grupp ta’ stabbilimenti Amerikan RED LOBSTER. L-Amerikani jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna u billi huma la pproteġew il-kunċett u lanqas l-isem fl-Iskandinavja ma nara ebda ostaklu għall-ispirazzjoni tiegħi.” Tali dikjarazzjonijiet spontanji aktarx li ma jkunux komuni.

    ( 26 ) Apparentament t-tnejn taħt il-liġi tat-trade marks Ġermaniża, għalkemm jidher li protezzjoni simili kienet tkun disponibbli taħt il-liġi dwar il-kompetizzjoni Awstrijaka (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq).

    Top