Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0127

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Poiares Maduro - 21 ta' Mejju 2008.
    Société Arcelor Atlantique et Lorraine et. vs Premier ministre, Ministre de l’Écologie et du Développement durable u Ministre de l'Économie, des Finances et de l'Industrie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
    Ambjent - Prevenzjoni u tnaqqis integrat tat-tniġġis - Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra - Direttiva 2003/87/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Inklużjoni tal-istallazzjonijiet tas-settur tal-azzar - Esklużjoni tal-istallazzjonijiet tas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
    Kawża C-127/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09895

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:292

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    POIARES MADURO

    ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2008 ( 1 )

    Kawża C-127/07

    Société Arcelor Atlantique et Lorraine et

    vs

    Premier ministre et

    “Ambjent — Prevenzjoni u tnaqqis integrat tat-tniġġis — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Direttiva 2003/87/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Inklużjoni tal-installazzjonijiet tas-settur tal-azzar — Esklużjoni tal-installazzjonijiet tas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid — Prinċipju ta’ trattament ugwali”

    1. 

    Il-kwistjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju preliminari tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbilita minn direttiva Komunitarja u teħtieġ evalwazzjonijiet ta’ fatti kumplessi. Jista’ jidher paradossali li kwistjoni daqstant teknika toriġina minn sentenza ta’ importanza kbira għar-relazzjoni bejn id-dritt kostituzzjonali nazzjonali u d-dritt Komunitarju. Madwar għoxrin sena wara li l-istess qorti ta’ rinviju tat is-sentenza Nicolo ( 2 ) li rregolat il-kwistjoni tas-supremazija tad-dritt Komunitarju fuq il-liġijiet, is-sentenza Arcelor mogħtija mill-Assemblée du contentieux du Conseil d’État fit-8 ta’ Frar 2007 effettivament tippreċiża, f’termini ta’ prinċipju, ir-relazzjoni bejn il-Kostituzzjoni Franċiża u d-dritt Komunitarju kif ukoll il-proċeduri ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati amministrattivi Franċiżi, meta dawn tal-aħħar ikollhom quddiemhom kawża li tikkritika l-kostituzzjonalità ta’ direttiva Komunitarja. Il-paradoss apparenti b’hekk jirriżulta mill-fatt li kif ser naraw il-kontestazzjoni tal-validità ta’ direttiva fir-rigward tal-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza toriġina minn kontestazzjoni tal-kostituzzjonalità ta’ din tal-aħħar. Din il-kawża b’hekk tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża, hija wkoll, in-natura tar-relazzjoni bejn il-kostituzzjonijiet nazzjonali u d-dritt Komunitarju. Hija tista’ wkoll tneħħi dubji dwar il-possibbiltà ta’ kunflitti li, kif ser naraw, m’humiex għal kollox implawżibbli, minħabba l-prinċipji kostituzzjonali komuni li fuqhom huma msejsa s-sistemi ġuridiċi nazzjonali u Komunitarja.

    2. 

    Anki d-domanda preliminari fiha nfisha għandha ċerta importanza. Din tqajjem il-kwistjoni tal-legalità ta’ test leġiżlattiv li jikkostitwixxi wieħed mis-sisien prinċipali tal-politika tal-Komunità dwar il-ħarsien tal-ambjent. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-relazzjonijiet, ta’ natura dijalettika, bejn il-prattika ta’ sperimentazzjoni leġiżlattiva u r-rekwiżti regolatorji tat-trattament ugwali.

    I — Il-kuntest ġuridiku

    3.

    It-test inkwistjoni f’din il-kawża ġie adottat sabiex il-Komunità u l-Istati Membri tagħha jwettqu l-impenji li jirriżultaw mill-protokoll ta’ Kjoto dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima. Dan il-protokoll, li ġie adottat fil-11 ta’ Diċembru 1997, jimmira li jnaqqas it-total ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-inqas b’5 % meta mqabbel mal-livell tal-1990 matul il-perijodu 2008-2012. L-istess protokoll, li ġie approvat mill-Komunità Ewropea b’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2002, jinkludi impenji tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra bi 8 % meta mqabbla mal-livell tal-1990 matul il-perijodu mill-2008 sa l-2012, liema impenji l-Komunità u l-Istati Membri tagħha qablu li jwettqu flimkien.

    4.

    Mingħajr ma qagħdu jistennew id-dħul fis-seħħ tal-protokoll ta’ Kjoto fis-16 ta’ Frar 2005, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jikkonformaw b’mod antiċipat mal-obbligi li huma assumew. Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw, fit-13 ta’ Ottubru 2003, fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE, id-Direttiva 2003/87/KE ( 3 ). Din daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ottubru 2003 u d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha ġiet iffissata għall-1 ta’ Jannar 2005.

    5.

    Sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi u vijabbli, id-Direttiva 2003/87/KE tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Matul l-ewwel fażi li tkopri l-perijodu bejn l-2005 sa l-2007, id-direttiva tkopri biss, skont l-Artikolu 4 tagħha, wieħed mill-gassijiet serra indikati fl-Anness II tagħha, jiġifieri d-dijossidu tal-karbonju (jew CO2), u dawk l-emissjonijiet biss li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha. L-iskema ta’ skambju ta’ kwoti li hija tistabbilixxi b’hekk ma tapplikax, matul din l-ewwel fażi, ħlief għall-attivitajiet fis-settur tal-enerġija, tal-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli li fihom il-ħadid (ħadid mhux maħdum, azzar), tal-industrija minerali (siment, ħġieġ, ċeramika) u tal-manifattura ta’ għaġna tal-karta (paper pulp), ta’ karta u ta’ kartun. Madankollu eżami mill-ġdid huwa previst fl-Artikolu 30, li jipprovdi l-possibbiltà ta’ emenda tal-Anness I sabiex jiġu inklużi attivitajiet oħrajn u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra oħrajn.

    6.

    Skont l-Artikolu 4 tad-direttiva, kull installazzjoni marbuta ma’ attività elenkata fl-Anness I tad-direttiva li tirriżulta f’emissjonijiet ta’ CO2 għandha jkollha awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti u din għandha tinħareġ biss jekk l-operatur ikun f’pożizzjoni li jissorvelja u jiddikjara l-emissjonijiet ta’ CO2. Il-kwantità totali ta’ kwoti attribwiti minn kull Stat Membru lill-operaturi tal-installazzjonijiet msemmija fl-Anness I tad-direttiva tinħadem fuq il-bażi ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti. Dan jispeċifika, għall-ewwel perijodu ta’ tliet snin u mbagħad għal perijodi ta’ ħames snin suċċessivi, mhux biss il-kwantità totali ta’ kwoti li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jalloka għall-perijodu in kwisjtoni iżda wkoll il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom huwa jipproponi li jiġu attribwiti.

    7.

    L-Artikolu 10 tad-direttiva jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jallokaw b’titolu gratwit mill-inqas 95 % tal-kwoti għall-ewwel fażi u mill-inqas 90 % għat-tieni perijodu. Finalment, skont l-Artikolu 12, il-kwoti jistgħu jiġu ttrasferiti bejn persuni fil-Komunità u bejn persuni fil-Komunità u persuni f’pajjiżi terzi.

    8.

    It-traspożizzjoni fil-liġi Franċiża tad-Direttiva 2003/87/KE tat-13 ta’ Ottubru 2003 saret permezz ta’ ordni tal-15 ta’ April 2004 li toħloq skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassjiet serra, u l-proċeduri ta’ applikazzjoni tagħha jirreferu għal digriet tal-Conseil d’État. Fuq din il-bażi, ġie adottat id-Digriet Nru 2004-832 tad-19 ta’ Awissu 2004.

    II — Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9.

    Il-kumpannija Arcelor u impriżi oħrajn tal-azzar talbu fit-12 ta’ Lulju 2005, lill-President tar-Repubblika, lill-Prim Ministru, lill-Ministru tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u lill-Ministru responsabbli għall-industrija biex jabrogaw l-Artikolu 1 tad-digriet nru. 2004-832 tad-19 ta’ Awissu 2004 in kwantu dan jagħmel id-digriet applikabbli għall-installazzjonijiet tas-settur tal-azzar. Wara li t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors fil-15 ta’ Novembru 2005 quddiem il-Conseil d’État għal abbuż ta’ poter fir-rigward tar-rifjut impliċitu tal-abrogazzjoni u talbu li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jiġu ordnati jipproċedu għall-abrogazzjoni mitluba. In sostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw il-ksur ta’ diversi prinċipji ta’ valur kostituzzjonali, fosthom id-dritt għall-proprjetà, il-libertà tal-intraprenditorija u l-prinċipju ta’ ugwaljanza.

    10.

    Fis-sentenza ta’ rinviju tiegħu, il-Conseil d’État irrileva li meta jissottometti l-attivitajiet tal-azzar għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-Artikolu 1 tad-digriet inkwistjoni ma jagħmel xejn ħlief li jirriproduċi, b’mod identiku, il-kontenut tad-Direttiva 2003/87/KE. Fil-fatt, l-anness I tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi l-lista ta’ attivitajiet li għalihom hija tapplika, isemmi b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju, l-attivitajiet ta’ “[p]roduzzjoni u [proċessar] tal-metalli tal-ħadid”, jiġifieri l-“i[n]stallazzjonijiet tal-minerali tal-metalli (inkluż il-metall sulfid), tal-ħami jew tas-sinterizzazzjoni" u l-"i[n]stallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar (fissjoni primarja jew sekondarja) inkluż il-għoti tal-forma bla waqfien, b’kapaċità li taqbeż it-2,5 tunnellati metriċi fis-siegħa”. Bl-istess mod, l-Artikolu 1 tad-digriet tad-19 ta’ Awissu 2004 jistabbilixxi li “dan id-digriet japplika għall-installazzjonijiet ikklassifikati għall-protezzjoni tal-ambjent li jipproduċu jew jipproċessaw metalli tal-ħadid, li jipproduċu l-enerġija, prodotti minerali, karta jew polpa tal-karta u li jissodisfaw il-kriterji elenkati fl-anness ta’ dan id-digriet, fuq il-bażi tal-emissjonijiet tagħhom ta’ dijossidu tal-karbonju”; barra minn hekk skont il-punt II-A tal-anness tal-imsemmi digriet, jitqiesu bħala attivitajiet ta’ produzzjoni u proċessar tal-metalli tal-ħadid, l-“i[n]stallazzjonijiet tal-minerali tal-metalli (inkluż il-metall sulfid), tal-ħami jew tas-sinterizzazzjoni” u l-“i[n]stallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar (fissjoni primarja jew sekondarja) inkluż it-tagħmir għall-għoti tal-forma bla waqfien, b’kapaċità li taqbeż it-2,5 tunnellati metriċi fis-siegħa”. Kif jindika korrettament il-Conseil d’État, din ir-riproduzzjoni tal-kontenut tad-direttiva kienet imposta minn din tal-aħħar li teskludi l-possibbiltà li Stat Membru jnaqqas l-attivitajiet mill-anness I għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ gassijiet serra.

    11.

    B’hekk, li wieħed jikkontesta l-kostituzzjonalità tad-digriet jammonta għal kontestazzjoni tal-konformità tad-direttiva nfisha mal-Kostituzzjoni Franċiża. Fuq dan il-punt, il-Conseil d’État jibda billi jfakkar is-supremazija tal-Kostituzzjoni fis-sistema ġuridika interna. Huwa jirrileva madankollu li jirriżulta mill-aċċettazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Franza fil-kostruzzjoni Ewropea fformulata fl-Artikolu 88-1 tal-Kostituzzjoni Franċiża tal-4 ta’ Ottubru 1958“obbligu kostituzzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttivi”, li fil-prinċipju m’għandux jiġi ostakolat. Minn dan jirriżulta li l-Conseil d’État jista’ jistħarreġ il-konformità ta’ direttiva mal-prinċipji u r-regoli ta’ valur kostituzzjonali biss fin-nuqqas ta’ ekwivalenza fil-protezzjoni, jiġifieri jekk ma tkunx teżisti regola jew prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, fir-rigward tan-natura u l-portata tagħha kif interpretata fl-istat attwali tal-ġurisprudenza Komunitarja, tiggarantixxi permezz tal-applikazzjoni tagħha l-effettività tal-ħarsien tad-dispożizzjoni jew tal-prinċipju kostituzzjonali invokat. Jekk, għall-kuntrarju, ikun hemm ekwivalenza fil-protezzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tagħmel “translation” ( 4 ) fl-isfera Komunitarja tal-kunflitt bejn in-norma Komunitarja u n-norma kostituzzjonali nazzjonali: il-motiv li jallega ksur tar-regoli jew prinċipji ta’ valur kostituzzjonali b’hekk jiġi kkwalifikat mill-ġdid waqt li l-allegazzjoni li d-direttiva m’hijiex kostituzzjonali ssir kontestazzjoni tal-validità tagħha fir-rigward tad-dritt Komunitarju; barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmija kontestazzjoni tiġi rrinvjata, f’każ ta’ diffikultà serja, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konformi mal-ġurisprudenza Foto-Frost ( 5 ).

    12.

    Waqt li applika s-sistema ta’ kontroll stabbilita hawn fuq, il-Conseil d’État ikkonstata fl-ewwel lok li d-dritt għall-proprjetà u l-libertà li jitwettqu attivitajiet ta’ negozju huma ggarantiti ugwalment fis-sistema ġuridika Komunitarja b’portata ekwivalenti u kien tal-fehma li dawn ma jistgħux jitqiesu li ġew miksura mid-direttiva inkwistjoni. Għal dak li jirrigwarda l-ilment dwar ksur tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza li jirriżulta minn trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti, il-qorti amministrattiva Franċiża tiċħdu bħala inoperattiv in kwantu l-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, b’differenza mill-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza, ma joħloqx obbligu li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod differenti ( 6 ).

    13.

    B’hekk jibqa’ l-motiv ta’ ksur tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza li huwa allegatament ikkawżat mit-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli. F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État jinnota li jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, skont il-portata mogħtija lilu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jiggarantixxi l-effettività tal-prinċipju kostituzzjonali”. Il-validità tad-direttiva tat-13 ta’ Ottubru 2003 fir-rigward ta’ dan il-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza toħloq diffikultà serja. Id-dubji tal-qorti ta’ rinviju dwar il-validità jirriżultaw minn dawn il-kunsiderazzjonijiet: l-industriji tal-plastik u tal-aluminju jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-industriji tas-settur tal-azzar peress li huma jarmu gassijiet serra identiċi għal dawk li għalihom id-direttiva tat-13 ta’ Ottubru 2003 estendiet il-limitazzjoni tal-emissjoni u jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-industrija tal-azzar, in kwantu dawn jipproduċu materjali li huma parzjalment sostitwibbli ma’ dawk immanifatturati minn dik l-industrija; madankollu, huma soġġetti għal trattament differenti peress li m’humiex koperti, bħala tali, mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ gassijiet serra; l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament teħtieġ kawtela, għalkemm id-deċiżjoni li ma jiġux inklużi immedjatament, bħala tali, l-industriji tal-plastik u tal-aluminju fis-sistema ttieħdet wara li ġie kkunsidrat is-sehem relattiv tagħhom fl-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra u l-ħtieġa li s-sistema sħiħa tiġi stabbilita b’mod progressiv.

    14.

    Huwa għalhekk illi l-Conseil d’État jidhirlu li huwa neċessarju li jsaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-validità tad-direttiva tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza, in kwantu din tagħmel l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassjiet serra applikabbli għall-installazzjonijiet tas-settur tal-azzar mingħajr ma tinkludi l-industriji tal-aluminju u tal-plastik.

    III — Evalwazzjoni

    15.

    Jidher illi meta ġie mitlub sabiex jiddeċiedi dwar il-konformità tad-direttiva tat-13 ta’ Ottubru 2003 mal-Kostituzzjoni Franċiża, il-Conseil d’État kellu quddiemu l-kompitu impossibbli li jipprova jirrikonċilja dak li huwa irrikonċiljabbli: kif tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kostituzzjoni fis-sistema ġuridika interna mingħajr ksur tar-rekwiżit fundamentali tas-supremazija tad-dritt Komunitarju? Din ir-rivendikazzjoni konkurrenti ta’ sovranità ġuridika hija eżempju ċar tal-pluraliżmu ġuridiku li jikkaratterizza l-oriġinalità tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Is-soluzzjoni adottata mill-qorti ta’ rinviju b’hekk tat lok għal din id-domanda preliminari. Sabiex ma tinħoloqx sitwazzjoni li tmur kontra l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju, il-qorti a quo talbet, permezz ta’ rinviju preliminari, l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiggarantixxi l-ħarsien mill-att Komunitarju tal-valuri u l-prinċipji rikonoxxuti ugwalment mill-kostituzzjoni nazzjonali tagħha. Din it-talba m’għandhiex tkun sorprendenti, peress li l-Unjoni stess hija mibnija fuq il-prinċipji kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, kif ifakkar l-Artikolu 6(1) tat-TUE. Fir-realtà, dak li l-Conseil d’État qed isaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja m’huwiex li tivverifika l-konformità ta’ att Komunitarju ma’ ċerti valuri kostituzzjonali nazzjonali, -dan fil-fatt ma jistax jagħmlu-, iżda li jivverifika l-legalità tiegħu fid-dawl ta’ valuri kostituzzjonali Ewropej analogi. Huwa b’dan il-mezz li dak li prima facie kien jidher li huwa irrikonċiljabbli, huwa fil-fatt rikonċiljabbli. L-Unjoni Ewropea u s-sistemi ġuridiċi nazzjonali huma bbażati fuq l-istess valuri ġuridiċi fundamentali. Waqt li huwa d-dmir tal-qrati nazzjonali li jiggarantixxu l-ħarsien ta’ dawn il-valuri fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kostituzzjoniet tagħhom, hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel l-istess fil-kuntest tas-sistema ġuridika Komunitarja.

    16.

    L-Artikolu 6 TUE jesprimi r-rispett dovut għall-valuri kostituzzjonali nazzjonali. Dan jindika wkoll ir-rimedji tiegħu għall-prevenzjoni ta’ kunflitt magħhom, b’mod partikolari billi jibbaża l-pedamenti kostituzzjonali tal-Unjoni fuq il-prinċipji kostituzzjonali komuni fl-Istati Membri. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, dawn tal-aħħar għandhom assigurazzjoni li d-dritt tal-Unjoni mhux ser jhedded il-valuri fundamentali tal-kostituzzjonijiet tagħhom. Fl-istess ħin, madankollu, huma ttrasferew il-kompitu li jipproteġu dawn il-valuri fil-kamp tad-dritt Komunitarju lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État huwa korrett jekk jippreżumi li l-valuri fundamentali tal-kostituzzjoni tiegħu u dawk tas-sistema ġuridika Komunitarja huma identiċi. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li din il-kongruwenza strutturali hija ggarantita biss fuq livell sistematiku u li din teżisti biss fuq livell Komunitarju u permezz tal-mekkaniżmi previsti mit-Trattat. Hija din l-identiċità sistematika li hija mfakkra fl-Artikolu 6 TUE u li tiggarantixxi li mhux ser ikun hemm ksur tal-kostituzzjonijiet nazzjonali, minkejja li dawn ma jistgħux ikomplu jintużaw bħala normi ta’ referenza għall-istħarriġ tal-legalità ta’ atti Komunitarji. Kieku dan kien il-każ, peress li l-kontenut u l-istrumenti ta’ protezzjoni tal-kostituzzjonijiet nazzjonali jvarjaw ħafna, l-applikazzjoni ta’ atti Komunitarji tista’ tkun suġġetta għal derogi fi Stat Membru u mhux f’ieħor. Tali riżultat imur kontra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE u, b’mod partikolari, il-kunċett tal-Komunità bħala Komunità tad-dritt. Fi kliem ieħor, kieku l-kostituzzjonijiet nazzjonali jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi imposta applikazzjoni selettiva u diskriminatorja tan-normi kostituzzjonali fit-territorju tal-Unjoni, paradossalment il-konformità tas-sistema ġuridika Komunitarja mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri tiġi mibdula. Huwa għalhekk illi, fil-kawża Internationale Handelsgesellschaft, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju legali li “il-validità ta’ miżura tal-Komunità jew l-effett tagħha fuq it-territorju ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu affettwati b’allegazzjonijiet li din tmur kontra d-drittijiet fundamentali kif ifformulati fil-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru jew il-prinċipji ta’ struttura kostituzzjonali nazzjonali” ( 7 ). Is-supremazija tad-dritt Komunitarju b’hekk tikkostitwixxi rekwiżit fundamentali tas-sistema ġuridika ta’ Komunità tad-dritt.

    17.

    L-Artikolu 6 TUE jillimita ruħu sabiex jispjega dak li diġà kien jirriżulta minn dan ir-rekwiżit fundamentali, jiġifieri li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-atti Komunitarji mal-valuri u l-prinċipji kostituzzjonali tal-Istati Membri jista’ jsir biss permezz tad-dritt Komunitarju nnifsu u huwa limitat, essenzjalment, għall-valuri fundamentali li jagħmlu parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tagħhom. Peress li d-dritt Komunitarju integra b’dan il-mod il-valuri kostituzzjonali tal-Istati Membri, il-kostituzzjonijiet nazzjonali għandhom jadattaw il-pretensjonijiet tagħhom għas-supremazija, sabiex jirrispettaw ir-rekwiżit bażilari tas-supremazija tad-dritt Komunitarju fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dan ma jfissirx li l-qrati nazzjonali m’għandhom l-ebda rwol fl-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali Komunitarji. Għall-kuntrarju, huwa inerenti fin-natura stess tal-valuri kostituzzjonali tal-Unjoni bħala valuri kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri li dawn għandhom jiġu ppreċiżati u żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja bi djalogu kostanti mal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari dawk li huma responsabbli għall-interpretazzjoni awtentika tal-kostituzzjonijiet nazzjonali. L-istrument adattat għal dan id-djalogu huwa r-rinviju preliminari u huwa f’dan il-kuntest li għandha tinftiehem id-domanda preżenti.

    18.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, jidher li dan ir-rinviju preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb żewġ mistoqsijiet. L-ewwel waħda tittratta l-punti li fuqhom l-istħarriġ tagħha tal-validità tad-direttiva inkwistjoni jista’ jiġi eżerċitat. Din hija kwistjoni tal-portata tal-eżami tal-validità. It-tieni waħda tikkorrispondi mas-suġġett stess tad-domanda preliminari. Din tirrigwarda l-kwistjoni tal-konformità tad-direttiva kkontestata mal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

    A — Il-portata tal-eżami tal-validità

    19.

    Id-domanda preliminari dwar il-validità magħmula mill-qorti nazzjonali tar-rinviju tirrigwarda biss il-konformità tad-Direttiva 2003/87/KE mal-prinċipju ta’ ugwaljanza “in kwantu din tagħmel l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra applikabbli għall-installazzjonijiet tas-settur tal-azzar mingħajr ma tinkludi l-industriji tal-aluminju u tal-plastik”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali madankollu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex testendi l-eżami tagħha tal-validità għal motivi oħra dwar il-legalità li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma diġà qajmu essenzjalment fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Dawn il-motivi jallegaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza in kwantu d-direttiva tistabbilixxi trattament uniformi għal sitwazzjonijiet differenti, il-ksur tal-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment, tad-dritt għall-proprjetà, tad-dritt tal-libertà li wieħed jeżerċita attivitajiet professjonali u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

    20.

    Dawn il-motivi mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ammissibbli? Sa fejn jista’ jwassal l-istħarriġ tal-legalità mill-Qorti tal-Ġustizzja li ssirilha domanda preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità?

    21.

    Huwa prinċipju stabbilit li l-eżami mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizza fil-kuntest ta’ rinviju preliminari huwa delimitat mid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Il-partijiet ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tagħha ( 8 ) u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax iċċedi għat-talbiet tagħhom ( 9 ). Ir-raġuni hija li l-Artikolu 234 KE jistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjoali permezz ta’ proċedura mhux kontenzjuża, estranea għal kull inizjattiva tal-partijiet u li matulha huma mistiedna biss biex jinstemgħu ( 10 ). Il-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk illi din tal-ewwel, li quddiemha tkun tinsab pendenti l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja riżultanti, għandha l-kompetenza esklużiva li tevalwa fiċ-ċirkustanzi tal-każ kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll il-pertinenza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ). Minbarra dawn ir-raġunijiet bażiċi relatati man-natura essenzjali tal-proċedura ta’ rinviju preliminari, hemm raġuni oħra ta’ natura proċedurali, skont liema kull modifika fis-sustanza tad-domandi preliminari taffettwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiggarantixxi l-possibbiltà għall-gvernijiet tal-Istati Membri u għall-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet b’mod konformi mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (li qabel kien l-Artikolu 20), meta jitqies il-fatt li, skont dik id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet ta’ rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati ( 12 ).

    22.

    Naturalment, ir-rispett tal-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex tiffissa l-kuntest tal-eżami preliminari ma jeskludix ċerta flessibbiltà. Barra minn hekk, jekk id-domanda preliminari dwar validità tkun ifformulata b’mod miftuħ, jiġifieri jekk it-test tagħha ma jkunx jispeċifika l-kawżi tal-invalidità ħlief bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija awtorizzata biex tipproċedi għall-eżami tal-validità b’mod aktar wiesa’ ( 13 ). Barra dan, hija xi kultant tieħu ċerta libertà fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domandi u tista’ wkoll tifformulahom mill-ġdid jekk dan ikun meħtieġ. B’hekk hija tista’ tbiddel domanda ta’ interpretazzjoni f’domanda dwar il-validità ( 14 ). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mogħtija lil miżura Komunitarja tista’ xi kultant twassalha biex teżamina l-validità tagħha ( 15 ), jew li tikkonstata l-invalidità ( 16 ).

    23.

    Madankollu, meta d-domanda preliminari tindika r-raġunijiet tal-invalidità, il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief jekk isir eżami ex officio ta’ motiv ta’ ordni pubbliku ( 17 ), tillimita l-istħarriġ tagħha għal eżami ta’ dawk ir-raġunijiet bl-esklużjoni tal-motivi mqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali li ma jkunux ġew inklużi mill-qorti ta’ rinviju ( 18 ). Dan jirriżulta mill-fiduċja mogħtija lill-qorti nazzjonali bħala qorti Komunitarja u mir-rispett tal-kompetenza li hija teżerċita fuq din il-bażi, li minnha jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tindaħal fl-evalwazzjoni mwettqa minn qorti nazzjonali dwar il-legalità ta’ att Komunitarju, ħlief jekk din tkun tagħti lok għal periklu li jinħolqu dubji dwar l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju ( 19 ).

    24.

    Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tiddiskuti l-motivi ta’ invalidità tad-Direttiva 2003/87/KE, invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħhom, li jallegaw ksur ta’ prinċipji oħra minbarra dak tal-ugwaljanza. L-argument imressaq minn dawn tal-aħħar dwar l-eżistenza ta’ rikors għal annullament kontra d-direttiva inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li in sostenn tiegħu l-motivi mqajma huma aktar wesgħin mir-raġuni ta’ invalidità rrinvjata mill-Conseil d’État, ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Jekk bħala konsegwenza tiġi allinjata l-portata tal-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dan imur kontra l-awtonomija ta’ dawn iż-żewġ mezzi legali, jiġifieri r-rikors għal annullament u r-rinviju preliminari, peress li l-ordinament ta’ kull wieħed minnhom huwa kkonċepit skont l-iskop proprju tiegħu.

    25.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina xorta waħda l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza għal trattament identiku ta’ sitwazzjonijiet differenti li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw kemm quddiemha kif ukoll quddiem il-qorti ta’ rinviju? Huwa minnu li skont il-portata mogħtija lilu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza għandu tendenza li jipprojbixxi mhux biss it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli iżda wkoll it-trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti ( 20 ). Id-diffikultà tirriżulta mill-fatt li n-norma li fuq il-bażi tagħha r-rikorrenti kienu, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, qajmu l-ilment ta’ trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti ma kienx il-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza. Huma kienu invokaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza taħt id-dritt Kostituzzjonali Franċiż, billi allegaw illi d-direttiva ma kinitx konformi mal-kostituzzjoni nazzjonali. Peress li l-prinċipju Franċiż ma jipprojbixxix it-trattament identiku ta’ sitwazzjonijiet differenti, il-Conseil d’État ċaħad dan il-motiv bħala inapplikabbli mingħajr ma eżamina l-fondatezza tiegħu. Fi kliem ieħor, minħabba l-portata aktar restrittiva tal-liġi nazzjonali dwar l-ugwaljanza, fuq liema bażi r-rikorrenti ibbażaw ruħhom, l-argument ta’ dawn tal-aħħar ma kienx tali li jikkostrinġi lill-qorti ta’ rinviju biex tikkonstata kunflitt bejn id-direttiva u d-dritt kostituzzjonali nazzjonali. L-imsemmija qorti b’hekk ma kellhiex għalfejn, sabiex tevita stħarriġ tal-konformità tad-direttiva mal-Kostituzzjoni Franċiża li setgħet tostakola l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, tittrasferixxi l-kunflitt fl-isfera Komunitarja permezz ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-motiv ta’ kostituzzjonalità f’motiv li jallega l-ksur tal-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza u permezz tar-rinviju tal-eżami tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    26.

    L-eżitu tal-motiv li jallega trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet mingħajr dubju kien ikun differenti li kieku r-rikorrenti bbażaw ruħhom fuq il-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza: kieku dan kien il-każ, il-qorti fil-kawża prinċipali kienet teżamina l-fondatezza u, f’każ ta’ dubju dwar il-validità tad-direttiva f’dan ir-rigward, kienet tirrinvija d-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li teżamina din id-dimensjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tista’ tagħti l-impressjoni, mhux mixtieqa, li qed tirrimedja żball fl-istrateġija kontenzjuża.

    27.

    Min-naħa l-oħra, jekk ma tagħtix deċiżjoni dwar l-imsemmi motiv, dan iwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal allinjament tal-portata tal-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza ma’ dik, inqas protettiva, tal-prinċipju korrispondenti taħt il-liġi Franċiża. Dan imur kontra l-awtonomija tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha xorta waħda teżamina l-ilment li jallega trattament identiku ta’ sitwazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, f’każ li tagħmel hekk, sa fejn l-istħarriġ tal-validità jibqa’ limitat għall-verifika tal-ħarsien tal-prinċipju li ta lok għad-dubji u r-rinviju tal-qorti a quo, jista’ jiġi sostnut, mingħajr ma jintalbu wisq is-soluzzjonijiet stabbiliti f’dan is-suġġett, li l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja jibqa’ “fil-kuntest tad-domanda preliminari” li saritilha ( 21 ).

    B — Il-validità tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

    28.

    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeħtieġ li “sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun iġġustifikat oġġettivament” ( 22 ).

    29.

    L-eżami tal-validità tad-Direttiva inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza għandu, skont dak li ntqal, jittratta ż-żewġ dimensjonijiet rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    30.

    Qabel ma nipproċedu, għandhom jiġu mfakkra l-iskop u l-intensità tal-istħarriġ tal-konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza implimentati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    31.

    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza joħloq preżunzjoni, skont liema kull differenza fit-trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni, ħlief jekk il-leġiżlatur jagħti ġustifikazzjoni aċċettabbli ( 23 ), jiġifieri oġġettiva u raġonevoli ( 24 ). F’kull sistema ġuridika, l-intensità tal-istħarriġ eżerċitat fuq dik il-ġustifikazzjoni u fuq id-differenza fit-trattament li tirriżulta tvarja skont il-qasam u skont il-motivi għat-trattament differenti mogħtija mil-leġiżlatur ( 25 ).

    32.

    Jekk dan tal-aħħar juża klassifikazzjonijiet suspettużi, jiġifieri relatati mar-razza, is-sess, l-oriġini etnika, it-twemmin politiku jew reliġjuż (…), l-istħarriġ ikun ferm strett u jista’ jestendi għal kontroll strett tal-proporzjonalità. Bl-istess mod fid-dritt Komunitarju, il-prevenzjoni netta espressa fit-Trattat fir-rigward ta’ ċerti kriterji ta’ trattament differenti, bħan-nazzjonalità (Artikolu 12 KE) jew il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 KE, toħloq preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni li tagħti lok, ukoll, għal stħarriġ ġudizzjarju li ġeneralment jinkludi eżami strett tal-proporzjonalità.

    33.

    F’ċerti oqsma, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari dak tal-leġiżlazzjoni ekonomika u soċjali, u kemm-il darba l-leġiżlatur ma jirrikorrix għal tali klassifikazzjonijiet suspettużi, jiġifieri meta l-ugwaljanza quddiem il-liġi biss tkun inkwistjoni, il-grad ta’ intensità tal-istħarriġ huwa ta’ livell inqas. Din il-konstatazzjoni tgħodd għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali kollha, minkejja li t-termini ta’ din il-limitazzjoni tal-istħarriġ (reasonableness, rational basis, erreur manifeste, Willkürverbot, …) u l-firxa tagħha jistgħu jvarjaw. Jistgħu jiġu invokati tliet ġustifikazzjonijiet għal dan il-grad inqas ta’ stħarriġ. Fl-ewwel lok, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ jiġi invokat kontra kull tip ta’ miżura governattiva, irrispettivament mill-interessi jew l-attivitajiet affettwati, kieku l-qrati kellhom dejjem iwettqu stħarriġ profond, dan iwassal biex huma dejjem jissuġġettaw l-għażliet ekonomiċi u soċjali tal-leġiżlatur għat-tieni evalwazzjoni, li b’hekk ipoġġi f’dubju kemm il-leġittimità tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom ta’ trattament ġudizzjarju. Fit-tieni lok, kull attività leġiżlattiva timplika għażliet u twassal għal effetti ridistributtivi: bħala prinċipju, għalkemm dawn l-għażliet u effetti ridistributtivi inevitabbilment jiffavorixxu ċerti kategoriji soċjali jew ekonomiċi għad-detriment ta’ oħrajn, dawn ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni u huwa fil-kompetenza tal-proċess politiku biex jiddiskuti, jiddefinixxi u jqassam dawn l-effetti ridistributtivi. Fit-tielet lok, huwa biss meta gruppi speċifiċi, li spiss ikunu sotto-rappreżentati fil-proċessi tad-deċiżjoni politika, jiġu identifikati u protetti mil-liġi li l-qrati huma intitolati li jwettqu stħarriġ aktar strett tat-trattament differenti deċiż mill-politika.

    34.

    Konsiderazzjonijiet analogi jwasslu wkoll, fid-dritt Komunitarju, għar-rikonoxximent ta’ setgħa diskrezzjonali lil-leġiżlatur u għal-limitazzjoni konsekuttiva tal-istħarriġ ġudizzjarju. Peress li l-għażliet u d-deċiżjonijiet li jridu jsiru bejn interessi diverġenti jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward lil-leġiżlatur Komunitarju, kemm fil-qasam agrikolu ( 26 ), soċjali ( 27 ), kummerċjali ( 28 ) u kif ukoll fil-qasam tat-trasport ( 29 ). Dan japplika wkoll fil-qasam tal-politika ambjentali “minħabba n-neċessità ta’ li jitwieżnu ċerti għanijiet u prinċipji previsti fl-Artikolu 130 R tat-Trattat KE (li, wara modifika, sar l-Artikolu 174 KE) […] kif ukoll minħabba l-kumplessità tat-tpoġġija fis-seħħ tal-kriterji li l-leġiżlatur komunitarju jrid josserva fil-kuntest tat-tpoġġija fis-seħħ tal-politika tal-ambjent” ( 30 ).

    35.

    Għaldaqstant, sabiex tiġi rrispettata s-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet u sabiex ma jkunx hemm indħil, bi ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, fir-rigward tar-responsabbiltajiet politiċi assenjati lilhom, billi tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik riżervata lill-istess istituzzjonijiet ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-istħarriġ tagħha, kemm-il darba ma jkunx kemm klassifikazzjonijiet suspettużi inkwistjoni, għat-tfittxija ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni magħmul fl-għażliet leġiżlattivi mwettqa. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tiġi osservata f’dawn l-oqsma, inkluż meta jkun jirrigwarda l-verifika tal-kumpatibbiltà tal-miżura adottata mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza ( 32 ).

    36.

    Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju ma tistax titqies bħala nuqqas ta’ stħarriġ. Meta l-istħarriġ ristrett ikun jirrigwarda l-ħarsien tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan jista’ jiġi ppreżentat skematikament b’dan il-mod:

    il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina fl-ewwel lok jekk id-distinzjonijiet effettwati mil-leġiżlatur jirrispettawx kriterji oġġettivi, jiġifieri skont għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 33 );

    il-Qorti tal-Ġustizzja tissorvelja wkoll, dejjem sabiex tipprevjeni trattament arbitrarju, iż-żamma tal-koerenza interna tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-ħarsien tal-kriterji oġġettivi adottati mil-leġiżlatur u r-raġunament li jkun adotta;

    finalment il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-adegwatezza bejn id-differenza fit-trattament stabbilita u l-għan segwit, li ta’ spiss ikun limitat għal kontroll li l-miżura adottata m’hijiex manifestament mhux adattata.

    37.

    X’inhu allura żball manifest? Għalkemm dan huwa standard ġurisprudenzjali li l-parametri tiegħu jiġu ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-merti ta’ kull kawża, jirriżulta minn analiżi tal-ġurisprudenza tagħha li l-iżball manifest, qabel kollox huwa żball evidenti. Ċertament b’mod teoretiku, l-evidenza tista’ tinstab “bl-entużjażmu ta’ investigatur mijopiku” ( 34 ) jew, għall-kuntrarju, tiġi intraċċata “bil-metodi (…) tal-akbar eroj fil-letteratura pulizjeska” ( 35 ). Iżda anki hawnhekk, jidher minn qari bir-reqqa tal-ġurisprudenza Komunitarja li, b’mod ġenerali, żball li m’huwiex inkontestabbli ma jitqiesx bħala evidenti: jekk jissussisti xi dubju, jekk ir-rikorrent ma jirnexxilux jistabbilixxi li l-awtorità kkonvinċiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod żbaljat; jekk, fi kliem ieħor, l-awtorità “setgħet” jew “jista’ jkun li setgħet” tadotta l-att ( 36 ), jiġifieri jekk hija setgħet kellha raġuni, ir-rikors jiġi miċħud. L-iżball manifest huwa wkoll l-iżball gravi, in kwantu żball li jilħaq ċertu livell ta’ gravità jsir evidenti ( 37 ). F’dan is-sens, il-kunċett ta’ żball manifest tal-evalwazzjoni m’huwiex wisq ’il bogħod minn dak ta’ reasonableness jew unreasonableness, li huwa l-kriterju adottat mill-qrati Ingliżi għal-legalità ta’ atti amministrattivi diskrezzjonali ( 38 ). Għaldaqstant, m’hijiex koinċidenza li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċerti sentenzi, wara li fakkret ir-restrizzjoni tal-istħarriġ tagħha dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni, ċaħdet dan il-motiv, fuq il-bażi li l-awtorità Komunitarja “segħet raġonevolment” teffettwa l-evalwazzjoni kkontestata ( 39 ), peress li din kienet “raġonevolment ammissibbli” ( 40 ). Dan jidher li huwa wkoll simili għall-kunċett ta’ arbitrarjetà, li jintuża b’mod partikolari fil-liġi Ġermaniża ( 41 ).

    38.

    Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-iżball manifest tal-evalwazzjoni, jiġifieri t-tfittxija ta’ difett gravi u evidenti, li jissanzjona kull evalwazzjoni mhux raġonevoli u li jipprojbixxi l-arbitrarjetà, m’għandux bħala skop li jiżgura li l-miżura li l-adozzjoni tagħha tkun teħtieġ evalwazzjoni kumplessa tkun l-aħjar waħda possibbli; ċertu marġni ta’ żball huwa konċess lil-leġiżlatur, kemm-il darba ma jinqabiżx il-limitu tal-iżball manifest.

    39.

    Dawn huma, fil-fehma tiegħi, l-iskop u l-intensità tal-istħarriġ tal-prinċipju ta’ ugwaljanza implimentat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ekonomiku ( 42 ) u huwa fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju li ser nindirizza din il-kawża għall-finijiet tar-risposta għad-domanda preliminari.

    1. Fuq it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

    40.

    Għandu jiġi mfakkar li d-domanda magħmula mill-Conseil d’État Franċiż tirrigwarda l-“validità tad-Direttiva tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza in kwantu din tagħmel l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassjiet serra applikabbli għall-installazzjonijiet tas-settur tal-azzar mingħajr ma tinkludi l-industriji tal-aluminju u tal-plastik”. Jirriżulta mill-motivi tas-sentenza tal-qorti a quo li d-dubji li mmotivaw ir-rinviju tal-imsemmija domanda preliminari kienu jirrigwardaw l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ dik id-differenza fit-trattament stabbilit mid-direttiva kkontestata bejn, minn naħa waħda, is-settur tal-azzar u, min-naħa l-oħra, is-setturi tal-plastik u tal-aluminju, minkejja li dawn is-setturi jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.

    41.

    Għandha tiġi miċħuda immedjatament l-oġġezzjoni mqajma mill-Kummissjoni u mill-Parlament li tgħid li jekk tiġi preżunta bħala stabbilita d-differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli, din ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni in kwantu ma tagħtix lok, fiha nfisha, għal żvantaġġ lis-settur tal-azzar meta mqabbel ma’ dak tal-aluminju u tal-plastik. Iż-żewġ istituzzjonijiet isostnu li l-Istati Membri jibqgħu liberi fir-rigward tal-kwantità totali ta’ kwoti li huma għandhom l-intenzjoni li jallokaw, għat-tqassim tagħhom bejn is-setturi u li huma b’hekk jistgħu jagħtu lis-settur tal-azzar kwoti li jkopru t-totalità tal-bżonnijiet tiegħu. Huma jsostnu wkoll li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw lis-setturi mhux inklużi għal miżuri nazzjonali aktar vinkolanti mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, bil-għan li jirrispettaw l-impenji tagħhom ta’ tnaqqis tal-gassijiet li huma taw fuq il-bażi tal-protokoll ta’ Kjoto. Din l-oġġezzjoni twassal għall-argument li d-diskriminazzjoni imposta jew awtorizzata mid-direttiva tista’ tiġi kkoreġuta mill-politika tal-Istati Membri. Iżda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni tiġi evalwata fir-rigward tat-test ikkontestat u tad-dispożizzjoni li huwa jistabbilixxi. Din l-oġġezzjoni b’hekk ma tistax tiġi aċċettata.

    42.

    Biex ninkwadraw aħjar is-suġġett tad-domanda, għandu jiġi ppreċiżat fl-ewwel lok li l-evalwazzjoni ta’ jekk trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli huwiex iġġustifikat oġġettivament, jiġifieri jekk huwiex ibbażat fuq kriterju oġġettiv, fir-realtà jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata minħabba differenza fis-sitwazzjonijiet ( 43 ). Fir-realtà, is-sitwazzjonijiet qatt ma jkunu identiċi f’kull aspett, u l-ugwaljanza qatt ma tista’ teżisti fit-termini kollha tal-paragun. Għalhekk, il-kriterju ta’ tertium comparationis, li jippermetti lil-leġiżlatur Komunitarju li jiżola fost l-infinità ta’ karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu mqabbla dawk li jirriżultaw li jkunu pertinenti biex tiġi deċiża s-similarità tagħhom, jassumi importanza determinanti. B’hekk, il-ġurisprudenza teħtieġ li l-kriterju użat ikun “oġġettiv” ( 44 ), jiġifieri f’relazzjoni mal-objettiv u l-għan tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata ( 45 ). Fi kliem ieħor, huwa fir-rigward tal-għanijiet tal-miżura inkwistjoni li għandha tiġi ddeterminata l-analoġija bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, in kwantu l-kriterju ta’ distinzjoni oġġettiva, bħala l-kriterju tat-tqabbil tas-sitwazzjonijiet, għandu jkun relatat mal-għan segwit, jekk dan jintuża biex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet simili dan iwassal, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġi stmat li l-identiċità ta’ sitwazzjonijiet invokata m’hijiex pertinenti fir-rigward tal-objettiv imsemmi. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni ta’ validità li hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tivverifika jekk l-inklużjoni tas-settur tal-azzar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-esklużjoni minnu tas-setturi tal-aluminju u tal-plastika hijiex iġġustifikata fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet oġġettivi, jiġifieri li jkunu konsegwenza tal-objettiv u l-għan tad-direttiva kkontestata.

    43.

    Skont l-Artikolu 1 tad-direttiva msemmija, is-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija intenzjonata biex “tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika”. Meta jitqies dan l-oġġettiv, minkejja li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jista’ jkollha rwol, din ma tistax titqies bħala determinanti fiha nfisha. Anki jekk jitqies li, kif isostnu l-qorti ta’ rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-industriji tal-azzar u tal-aluminju jinsabu f’kompetizzjoni, ma jirriżultax li dawn għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli indipendentement mill-oġġettivi msemmija ( 46 ) u li b’hekk għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tal-iskema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassjiet serra.

    44.

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-oġġettiv segwit ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jeħtieġ a priori li d-direttiva inkwistjoni tkun applikabbli fir-rigward tas-setturi industrijali emittenti kollha u, għaldaqstant, kemm is-setturi ta’ metalli mhux tal-ħadid kif ukoll l-industrija kimika. Iżda l-istabbiliment mill-Komunità ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet saret fil-kuntest ta’ metodu “step by step”, imsejjaħ ukoll “learning by doing”. Kif enfasizzaw l-istituzzjonijiet intervenjenti kollha, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE kienet l-ewwel ta’ dan it-tip fid-dinja. Din għandha sservi bħala eżempju mhux biss għall-partijiet involuti fil-Komunità iżda wkoll għal stati terzi u, għal dan il-għan, huwa imperattiv li tintwera l-effettività tagħha. In-novità ta’ dan l-istrument, u l-kumpessità tal-mekkaniżmu ta’ segwiment, notifika u verifika tal-emissjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti jeħtieġu ċerta prudenza. Kellu jiġi evitat li tiġi stabbilita sa mill-bidu sistema li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tħaddan il-biċċa l-kbira tas-setturi industrijali u l-biċċa l-kbira tal-gassijiet serra. Ambizzjoni żejda toħloq riskju ta’ falliment, kif ifakkarna l-qawl popolari: min jiekol b’ixqda tnejn fl-aħħar jifga u jibqa’ b’xejn.

    45.

    Fil-fatt, b’mod partikolari f’oqsma li jagħtu lok għal riskji soċjali mhux prevedibbli u/jew fejn il-leġiżlatur jintroduċi politika ġdida, huwa spiss għaqli, u qed isir komuni, li wieħed jaġixxi bi prudenza billi jesperimenta, f’oqsma limitati, l-istrument il-ġdid. Barra minn hekk, il-liġijiet tal-Istati Membri jippermettu, jew saħansitra japprovaw, l-użu ta’ sperimentazzjoni leġiżlattiva ( 47 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja nfisha rrikonoxxiet il-leġittimità ta’ armonizzazzjoni leġiżlattiva fi stadji ( 48 ), waqt li titqies b’mod partikolari l-“kumplessità tas-suġġett” ( 49 ) li għandu jiġi rregolat. Barra minn hekk, hija kkonċediet lil-leġiżlatur ċerta marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedi jekk hijiex opportuna kif ukoll ir-ritmu ta’ armonizzazzjoni fi stadji ( 50 ).

    46.

    Għaldaqstant huwa fin-natura stess tal-esperimentazzjoni leġiżlattiva li din tidħol f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Il-kunċett innifsu ta’ “learning by doing” jippreżupponi, effettivament, l-applikazzjoni tal-politika l-ġdida esklużivament għal numru limitat tas-suġġetti potenzjali tagħha fl-ewwel fażi; din twassal għal delimitazzjoni artifiċjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, sabiex jiġu ttestjati l-konsegwenzi tagħha qabel kwalunkwe estensjoni tar-regoli tagħha għall-operaturi tagħha li jistgħu, fir-rigward tal-oġġettivi tagħha, jiġu ssuġġettati għaliha. Madankollu, ir-rikonoxximent tal-leġittimità tal-esperimentazzjoni leġiżlattiva ma jistax jevita l-possibbiltà ta’ kritika fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Id-diskriminazzjonijiet li leġiżlazzjoni sperimentali timplika inevitabbilment ma jistgħux ikunu kumpatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza ħlief jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

    47.

    Fl-ewwel lok jeħtieġ li l-miżuri sperimentali jkunu ta’ natura tranżitorja. Dan huwa ċertament il-każ tad-direttiva inkwistjoni. L-Artikolu 30 tagħha jipprevedi reviżjoni tal-istess test fuq il-bażi ta’ “l-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva” u l-“progress miksub fil-monitoraġġ tal-emissjoni tal-gassijiet serra” bil-għan li jiġu inklużi fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra setturi industrijali oħrajn u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra oħrajn. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni pproponiet l-inklużjoni tal-attivitajiet tal-avjazzjoni ( 51 ). Barra minn hekk, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-inqas b’20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fl-1990, hija ssuġġeriet li s-sistema Komunitarja ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiġi estiża, minn naħa waħda, għall-emissjonijiet ta’ CO2 relatati ma’ prodotti petrokimiċi, mal-ammonja u mal-aluminju, u min-naħa l-oħra, għall-emissjonijiet ta’ N2O li joriġinaw mill-produzzjoni tal-aċidu nitriku, adipiku u glijossiliku, kif ukoll għall-emissjonijiet ta’ PCF li joriġinaw mis-settur tal-aluminju ( 52 ).

    48.

    Għaldaqstant jeħtieġ li d-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura sperimentali tkun tissodisfa kriterji oġġettivi. F’din il-kawża, l-esklużjoni jew l-inklużjoni fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’hekk għandha tissodisfa kunsiderazzjonijiet relatati mal-għanijiet segwiti mid-direttiva. Kif diġà fakkart, din għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bl-inqas spiża, jiġifieri billi tagħmel l-inqas ħsara possibbli lill-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi ( 53 ). Għal dan il-għan il-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li japplika bħala prijorità l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju, peress li s-CO2 kien jirrappreżenta fl-1999 aktar minn 80 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità u minħabba li s-sorveljanza tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju tista’ tipproduċi informazzjoni ta’ kwalità tajba, fuq bażi kostanti, waqt li s-sorveljanza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra oħrajn għadha toħloq wisq problemi ( 54 ). Barra minn hekk, huwa ssuġġetta għad-direttiva inkwistjoni biss is-setturi industrijali li kellhom l-għola emissjonijiet ta’ CO2 fuq il-bażi illi, aktar m’huma kbar il-kwantitajiet ta’ emissjonijiet li joriġinaw minn settur industrijali, inqas huma l-piżijiet tal-ispejjeż fissi (kontabbiltà u dikjarazzjoni tal-emissjonijiet, verifika tagħhom minn entità indipendenti, taħriġ u impjieg ta’ persunal meħtieġ għall-ġestjoni tal-iskambju tal-emissjonijiet) li tiġġenera l-applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti u li għandhom jiġġarbu mill-operaturi parteċipanti; għall-emittenti ż-żgħar, li għandhom biss volum limitat ta’ kwoti li jistgħu jiġu skambjati, il-benefiċċji eventwali li jistgħu jiġu dderivati minn skema ta’ skambju ta’ kwoti huma, min-naħa l-oħra, neċessarjament inqas sostanzjali minn dawk li jistgħu jiġu dderivati mill-emittenti l-kbar.

    49.

    Li tingħata prijorità lill-gass li huwa l-aktar “responsabbli” għall-effett serra u li jinżammu l-kwantitajiet mormija ta’ dan il-gass għal kull settur industrijali ċertament jikkostitwixxu kriterji oġġettivi. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw madankollu li l-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ CO2 kienet il-kriterju determinanti. Huma jiċċitaw statistika tar-Reġistru Ewropew tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu għas-sena 2001, skont liema l-emissjonijiet ta’ CO2 tas-settur kimiku, fit-totalità tiegħu, jirrappreżentaw 5,35 % u dawk tas-settur tal-aluminju 2 % tal-emissjonijiet globali tal-attivitajiet industrijali fl-Unjoni Ewropea, waqt li dawk tas-settur tal-azzar jammontaw għal 5,4 %, dawk tas-settur tal-ħġieġ, taċ-ċeramika u tal-materjali tal-kostruzzjoni 2,7 % u dawk tas-settur tal-karta u tal-istampar 1 %. Dawn il-figuri ma jistgħux jiġu aċċettati peress li, kif osservaw l-istituzzjonijiet intervenjenti, dawn ma jagħmlux distinzjoni bejn l-emissjonijiet diretti ( 55 ) u indiretti ( 56 ) ta’ kull wieħed mis-setturi kkonċernati. B’hekk, inkwantu l-emissjonijiet indiretti prodotti mill-installazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ qawwa ta’ kombustjoni ta’ aktar minn 20 megawatt huma koperti huma stess taħt is-settur tal-enerġija, il-leġiżlatur iddeċieda li jikkunsidra biss l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet diretti ta’ CO2 tas-setturi l-oħrajn. Il-fatt li l-emissjonijiet ta’ CO2 jiġu kkunsidrati biss fil-mument u fil-post fejn jiġu prodotti huwa, min-naħa l-oħra, konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tal-korrezzjoni tas-sors tal-ħsara għall-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 174 KE. F’dan ir-rigward, skont studju ċċitat mill-istituzzjonijiet intervenjenti kollha u li fuqu bbaża ruħu l-leġiżlatur Komunitarju, is-settur tal-azzar ma jinsabx, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fl-istess sitwazzjoni bħas-setturi tal-aluminju u tal-plastik: l-emissjonijiet diretti ta’ CO2 tal-industrija tal-azzar (azzar u ħadid mhux maħdum) kienu jammontaw għal 174,8 miljun tunnellata fl-1990 meta mqabbla ma’ 16,2 miljun tunnellata għall-metalli mhux tal-ħadid u 26,2 miljun tunnellata għas-settur kimiku.

    50.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirribattu li s-settur tal-karta u tal-għaġna tal-karta kien inkluż, minkejja li pproduċa biss 10,6 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet diretti ta’ CO2 fl-1990, jiġifieri ferm inqas mis-settur tal-industrija kimika kif ukoll inqas minn dak tal-metalli mhux tal-ħadid. Iżda l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra wkoll il-fattibbiltà amministrattiva tal-inklużjoni tas-setturi industrijali fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. Peress li l-funzjonament tajjeb ta’ dik l-iskema jippreżupponi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu kumpless ta’ monitoraġġ fuq il-livell ta’ kull installazzjoni, l-inklużjoni sa mill-bidu nett tas-setturi li jirrappreżentaw numru kbir ta’ installazzjonijiet meta mqabbla mal-volum totali ta’ emissjonijiet li dawn jipproduċu, toħloq ir-riskju li tgħabbi żżejjed il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u, għaldaqstant, li tnaqqas il-kwalità tas-sorveljanza tal-emissjonijiet u l-kredibbiltà tal-informazzjoni, mingħajr ma tagħti benefiċċju ambjentali notevoli. In-numru ta’ installazzjonijiet kimiċi fil-Komunità kien partikolarment għoli, fil-medda ta’ 34000 unità ( 57 ). Is-settur tal-karta kien, għall-kuntrarju, ferm ikkonċentrat. Din il-kunsiderazzjoni tad-diffikultajiet amministrattivi tal-ġestjoni tal-iskema ta’ skambju tirrispondi għall-oġġettiv iddikjarat fl-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata, jiġifieri li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra “b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li t-tħassib li jiġu evitati spejjeż amministrattivi sproporzjonati jista’ jiġġustifika oġġettivament differenza fit-trattament ( 58 ).

    51.

    Fir-rigward ta’ dan l-argument tal-fattibbiltà ekonomika, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali madankollu oġġezzjonaw matul is-seduta li numru żgħir ta’ installazzjonijiet biss kienu responsabbli għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju tas-settur kimiku u li, biex tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, ir-raġunament kellu jsir fuq il-bażi ta’ kull installazzjoni u mhux fuq il-bażi ta’ settur sħiħ, u li b’hekk kellhom jiġu inklużi l-installazzjonijiet kimiċi li jaqbżu ċertu limitu ta’ emissjonijiet. Madankollu, tali approċċ kien jolqot b’mod ħażin l-ugwaljanza bejn installazzjonijiet kbar u żgħar fi ħdan l-istess settur, li bejniethom il-kompetizzjoni hija totali.

    52.

    Jibqa’ l-argument li l-effettivà amministrattiva tiġġustifika inqas l-esklużjoni tas-settur tal-aluminju, in kwantu dan għandu konċentrazzjoni komparabbli għal dik tas-settur tal-karta. Iżda dan tal-aħħar huwa espost ħafna għall-kompetizzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, billi l-installazzjonijiet tal-aluminju ma setgħux jassorbu l-ispejjeż li tiġġenera s-sottomissjoni għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti mingħajr riskju ta’ telf fis-suq, dawn setgħu kellhom it-tentazzjoni li jittrasferixxu l-operat tagħhom lejn pajjiżi terzi mhux suġġetti għall-oġġettivi ta’ Kjoto. F’dan ir-rigward is-sitwazzjoni tas-settur tal-karta u tal-għaġna tal-karta hija għal kollox differenti: kif sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, ir-riskju ta’ trasferiment f’pajjiżi oħrajn kien minimu minħabba l-fatt li dawn l-installazzjonijiet ma setgħux jitbiegħdu faċilment mis-sorsi tagħhom ta’ provvista ta’ materja prima, kif ukoll minħabba l-kompetizzjoni internazzjonali peress li t-trasport fuq distanzi twal ta’ tali prodotti ta’ valur unitarju baxx m’huwiex vijabbli.

    53.

    Ċertament, is-settur tal-azzar ukoll jiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali ferm dinamika u jeżisti r-riskju ta’ rilokazzjoni lejn pajjiżi li ma adottawx l-oġġettiv ta’ Kjoto. Madankollu, l-emissjonijiet ta’ CO2 ikkawżati minn dan is-settur ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ dawk tas-settur tal-aluminju, billi huma ’l fuq minn 10 darbiet aktar, u b’hekk jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti sa mill-bidu.

    54.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b’hekk jirriżulta li, għalkemm ċerti kritiki li saru mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza m’humiex għal kollox irrilevanti, jekk setgħu, korrettament, joħolqu dubji f’moħħ il-qorti a quo dwar il-validità tad-direttiva inkwistjoni li mmotivaw dan ir-rinviju, ma jidhirx, kif intwera iktar ’il fuq, li fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, l-għażla tal-kriterji u l-bilanċ stabbilit bejn dawn tal-aħħar ma kienx raġonevoli, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ sperimentazzjoni leġiżlattiva. L-argumenti mressqa mill-istituzzjonijiet intervenjenti biex jiddefendu l-miżura leġiżlattiva adottata jidhru li huma ġustifikabbli. Mingħajr dubju, alternattivi oħrajn setgħu jiġu previsti: jista’ jkun ukoll li kienet teżisti soluzzjoni aħjar. Iżda m’huwiex fil-kompetenza tal-qorti biex tgħid dan. Meta diversi opinjonijiet jistgħu jinsabu f’distanza ugwali mill-verità assoluta u oġġettiva, liema ġudikant jista’ jassumi l-kompitu li jelimina waħda minnhom? Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħżel din it-triq, dan iwassal biex l-istħarriġ tal-legalità jitlef in-natura oġġettiva tiegħu, u b’hekk hija tkun qed tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-politika ekonomika għal dik tal-leġiżlatur Komunitarju ( 59 ) u, b’hekk, tużurpa r-responsabbiltajiet politiċi ta’ dan tal-aħħar bi ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma jidhirx li d-direttiva hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

    55.

    Il-fatt li l-proposta tad-Direttiva tal-2008 tiddeċiedi li tinkludi fil-kuntest tat-tieni fażi s-settur tal-aluminju u dak kimiku, minkejja li l-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ CO2 minn dawn is-setturi, in-numru tal-installazzjonijiet tagħhom u l-grad tagħhom ta’ espożizzjoni għall-kompetizzjoni internazzjonali ma varjawx, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jwassalx biex jikkonferma dik il-konklużjoni u biex juri li l-esklużjoni inizjali ta’ dawk is-setturi kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Effettivament, kif sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni matul is-seduta, l-evalwazzjoni tal-kriterji ma tistax tkun l-istess fil-mument tal-istabbiliment ta’ sistema u meta wieħed jiddeċiedi li jissuġġetta setturi għal sistema li diġà tkun ġiet ittestjata. Din hija, b’xi mod jew ieħor, in-natura intrinsika tal-metodu “step by step”.

    2. Fuq it-trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti

    56.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li s-settur tal-azzar ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħas-setturi industrijali l-oħrajn li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkontestata. Huma jargumentaw li b’differenza minn dawn tal-aħħar, is-settur tal-azzar m’huwiex teknikament f’pożizzjoni li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 fil-futur qrib. L-installazzjonijiet tal-azzar b’hekk ser ikunu mġiegħla jakkwistaw kwoti supplimentari, minkejja li, għall-kuntrarju tal-impriżi tas-setturi l-oħrajn suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, dawn huma esposti għal kompetizzjoni internazzjonali qawwija, li ma tippermettilhomx li jgħaddu l-ispiża tal-kwoti fuq il-klijenti tagħhom mingħajr ma jitilfu ishma mis-suq. Dan b’hekk jirriżulta fi tnaqqis sostanzjali tal-marġni tagħhom ta’ qligħ u konsegwentement, tnaqqis fil-possibbiltajiet tagħhom ta’ investiment.

    57.

    L-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi aċċettat. Għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li matul is-seduta, il-Gvern Franċiż ikkontesta n-nuqqas ta’ kapaċità tal-impriżi tal-azzar li jnaqqsu b’mod sinjifikattiv l-emissjonijiet tagħhom ta’ dijossidu tal-karbonju, waqt li semma diversi tekniki li jistgħu jintużaw għal dan il-għan. Barra min hekk, anki jekk nassumu li dan m’huwiex il-każ u li l-industrija tal-azzar effettivament tinstab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni differenti, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra b’mod korrett dik id-differenza fis-sitwazzjoni. Fil-fatt, l-Anness III, punt 3 tad-Direttiva 2003/87/KE jobbliga lill-Istati Membri, għall-allokazzjoni ta’ kwoti, li jikkunsidraw il-potenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ikkawżati mill-attivitajiet koperti mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. Barra minn hekk, jirriżulta mis-sottomissjonijiet orali matul is-seduta li l-emissjonijiet kollha tal-grupp Arcelor kienu koperti mill-kwoti allokati b’titolu gratwit u li l-karta tal-bilanċ ta’ Arcelor għas-sena 2006 turi wkoll qligħ miksub mill-bejgħ tal-kwoti ż-żejda. Minbarra dan, u meta titqies il-limitazzjoni tal-istħarriġ relatat mas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lil-leġiżlatur Komunitarju f’dan il-qasam, l-ilment ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fuq il-bażi ta’ trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti ma jistax jiġi milqugħ.

    IV — Konklużjoni

    58.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda li saret mill-Conseil d’État:

    “L-eżami tad-domanda magħmula ma wera ebda element ta’ tali natura li taffettwa l-validità tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ara Conseil d’État, Ass., 20 ta’ Ottubru 1989, Lebon p. 190.

    ( 3 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, ĠU L 275, p. 32.

    ( 4 ) Sabiex tintuża l-espressjoni f’lokha tal-Kummissarju tal-Gvern Matthias Guyomar fil-konklużjonijiet tiegħu rigward din il-kawża, RFDA 2007, p. 384, b’mod partikolari p. 394.

    ( 5 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987 (314/85, Ġabra p. 4199).

    ( 6 ) Ara f’dan is-sens, Conseil d’État, Ass., 28 ta’ Marzu 1997, Société Baxter, Lebon p. 114; Conseil d’État, Sect., 19 ta’ Marzu 2007, Le Gac, rikors nru 300467 et.

    ( 7 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 3).

    ( 8 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, Ġabra p. 1191, b’mod partikolari p. 1198), u tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (C-412/96, Ġabra p. I-5141, punt 23).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Slob (C-236/02, Ġabra p. I-1861, punt 29).

    ( 10 ) Ara pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, ATB et (C-402/98, Ġabra p. I-5501, punt 29).

    ( 11 ) Ara aktar reċentement, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 18), u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 43).

    ( 12 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo (C-178/95, Ġabra p. I-585, punt 30), u tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C-352/95, Ġabra p. I-1729, punt 14).

    ( 13 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1978, Welding (87/78, Ġabra p. 2457); tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe-Handelsgesellschaft Nord u Rewe-Markt Steffen (158/80, Ġabra p. 1805), u tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish (C-183/95, Ġabra p. I-4315).

    ( 14 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze (16/65, Ġabra p. 1081, b’mod partikolari p. 1094-1095), u tal-15 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères (145/79, Ġabra p. 2917, punti 6 u 7).

    ( 15 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, Ġabra p. 5391), u tas-6 ta’ April 2000, Polo vs Lauren (C-383/98, Ġabra p. I-2519).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 1990, Weiser (C-37/89, Ġabra p. I-2395), u tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C-61/98, Ġabra p. I-5003).

    ( 17 ) Ara pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Frar 1964, Rotterdam u Putterskoek (73/63 u 74/63, Ġabra p. 1, p. 28).

    ( 18 ) Għal eżempji ta’ rifjuti partikolarment stretti ta’ eżami tal-motivi ta’ invalidità mqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali iżda mhux imsemmija mill-qorti ta’ rinviju, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ordre des barreaux francophones u germanophone et, punti 17 sa 19, u Nuova Agricast, punti 42 sa 44.

    ( 19 ) Effettivament, spiss jintesa li s-sentenza Foto-Frost (iċċitata iktar ’il fuq) tirrikonoxxi li l-qorti nazzjonali għandha s-setgħa li teżamina l-validità ta’ atti Komunitarji, waqt li l-konstatazzjoni tal-invalidità biss hija rriżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 20 ) Għal konferma aktar reċenti, ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill (C-273/04, Ġabra p. I-8925, punt 86).

    ( 21 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Dorca Marina et (50/82 sa 58/82, Ġabra p. 3949, punt 13).

    ( 22 ) Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide (106/83, Ġabra p. 4209, punt 28); tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill (203/86, Ġabra p. 4563, punt 25); tad-19 ta’ Marzu 1992, Hierl (C-311/90, Ġabra p. I-2061, punt 18); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 51); tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-222/94, Ġabra p. I-4025, punt 34); tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 31), u Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86.

    ( 23 ) Ara Benedettelli, M. V., Il giudizio di eguaglianza nell’ordinamento giuridico delle comunità europee, Dott. A. Milani, Padova 1989, p. 20.

    ( 24 ) Ara Hernu, R., Principe d’égalité et principe de non-discrimination dans la jurisprudence de la Cour de justice des Communautés européennes, LGDJ 2003, p. 427 et seq.

    ( 25 ) Ara f’dan is-sens, għal preżentazzjoni tal-ġurisprudenza sħiħa tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża dwar dan is-suġġett, Somek, A., “The Deadweight of formulae: what might have been the second germanization of american equal protection review”, J. Const. L. 1998-1999, p. 284; Sachs, M., “The Equality Rule Before the German Federal Constitutional Court”, Saint-Louis-Warsaw transatlantic Law Journal 1998, p. 139; ara wkoll għal konferma ġurisprudenzjali reċenti, BverfGE, 13 ta’ Marzu 2007, 1BvF 1/05, § 79 sa 82. Il-ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel Franċiż turi wkoll gradazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju skont l-oqsma ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u tat-tipi ta’ diskriminazzjoni maħluqa mil-leġiżlatur (ara Mélin-Soucramanien, F., Le principe d’égalité dans la jurisprudence du Conseil constitutionnel, Economica 1997, p. 130 sa 162).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-280/93, Ġabra p. I-4973, punti 89 u 90).

    ( 27 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-150/94, Ġabra 1998 p. I-7235, punt 53.

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf (C-248/95 u C-249/95, Ġabra p. I-4475).

    ( 30 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni (C-86/03, Ġabra p. I-10979, punt 88). Ara wkoll, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 37), u Bettati (C-341/95, Ġabra 1998 p. I-4355, punt 35).

    ( 31 ) Jirriżulta fil-fatt minn ġurisprudenza kostanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża s-setgħa diskrezzjonali, u l-limitazzjoni konsekuttiva tal-kontroll tagħha, fuq in-neċessità imposta mill-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, li jiġu rrispettati r-“responsabbiltajiet politiċi” li t-Trattat jagħti lil-leġiżlatur Komunitarju u, konsegwentement, li hija ma tissostitwixxix lil dan tal-aħħar fl-għażliet li huwa awtorizzat li jagħmel (ara pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter [265/87, Ġabra p. 2237, punt 22], u tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et [C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 14]).

    ( 32 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et (C-267/88 sa C-285/88, Ġabra p. I-435, punti 13 sa 18). Ara wkoll, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Coopérative agricole d’approvisionnement des Avirons (58/86, Ġabra p. 1525, punti 14 sa 17), u tat-8 ta’ Ġunju 1989, AGPB (167/88, Ġabra p. 1653, punti 29 sa 33).

    ( 33 ) Ara punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) Skont il-formulazzjoni ħelwa ta’ Kornprobst, M., “L’erreur manifeste”, Recueil Dalloz, 1965, Chronique, p. 121, b’mod partikolari p. 124.

    ( 35 ) Bourgois, J. P., L’erreur manifeste d’appréciation, la décision administrative, le juge et la force de l’évidence, ed. L’Espace juridique, 1988, b’mod partikolari p. 231.

    ( 36 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1975, Deuka (78/74, Ġabra p. 421, punt 9), u tat-13 ta’ Diċembru 1994, SMW Winzersekt (C-306/93, Ġabra p. I-5555, punti 25 sa 27).

    ( 37 ) Ara l-formolazzjoni partikolarment ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1965, L-Italja vs Il-Kummissjoni (32/64, Ġabra p. 473, b’mod partikolari 486-487).

    ( 38 ) Dwar il-kunċett ta’ “reasonableness” jew “unreasonableness”, ara Mac Cormick, N., “On reasonableness”, f’Ch. Perelman u R. Van der Elst, Les notions à contenu variable en droit, ed. E. Bruylant, Brussell 1984, p. 131.

    ( 39 ) Sentenza Wuidart et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 sa 18.

    ( 40 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1979, L-Italja vs Il-Kummissjoni (12/78, Ġabra p. 1731, punti 30 u 31).

    ( 41 ) L-aħjar eżempji tal-ekwivalenza ta’ dawn id-diversi termini tal-limitazzjoni tal-kontroll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza huma dawn is-siltiet mill-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali ta’ Karlsruhe: “ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza meta ma tkunx tista’ tinstab, fuq il-bażi ta’ differenza jew ta’ ugwaljanza fit-trattament legali, ġustifikazzjoni raġonevoli, li tirriżulta min-natura tal-affarijiet jew minn kwalunkwe raġuni oġġettivament plawżibbli, jew fil-qosor, meta d-dispożizzjoni jkollha titqies bħala arbitrarja” (BverfGE, 23 ta’ Ottubru 1951, 1, 14 (52)), waqt li komportament arbitrarju għandu jinftiehem bħala “inadegwatezza oġġettiva u manifesta tal-miżura legali għas-sitwazzjoni fattwali li għandha tirregola” (BverfGE, 7 ta’ Mejju 1953, 2, 266 (281)).

    ( 42 ) Din hija wkoll l-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża dwar liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ggarantit mil-Liġi fundamentali. Waqt li kkonstatat li l-imsemmija direttiva kienet ħalliet fuq dan il-punt marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligu ta’ traspożizzjoni, hija ddeċidiet li tista’ tikkontrolla d-dispożizzjoni leġiżlattiva kkontestata mingħajr ma tikkontesta l-kostituzzjonalità tad-direttiva nfisha. Sussegwentement, wara li rrilevat l-eżistenza ta’ marġni ta’ libertà wiesa’ li għandu l-leġiżlatur Ġermaniż fir-rigward tal-miżuri leġiżlattivi għall-ħarsien tal-ambjent, hija llimitat il-kontroll tagħha fir-rigward ta’ Willkürverbot waqt li rreferiet għal ġurisprudenza stabbilita (BverfGE, 13 ta’ Marzu 2007, 1BvF 1/05).

    ( 43 ) Ara f’dan is-sens, Lenaerts, K., “L’égalité de traitement en droit communautaire”, Cahiers de droit européen, 1991, p. 3, b’mod partikolari p. 11; Barents, R., “The significance of the Non-Discrimination Principle for the Common Agricultural Policy: between Competition and Intervention”, Mél. H. G. Schermers, Vol. 2, Martinus Njhoff publishers 1994, p. 527, b’mod partikolari p. 536.

    ( 44 ) Ara pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1978, Milac (8/78, Ġabra p. 1721, punt 18); tad-9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti (179/84, Ġabra p. 2301, punt 34), u tad-29 ta’ Ġunju 1995, SCAC (C-56/94, Ġabra p. I-1769, punt 28).

    ( 45 ) Sa mill-1971, fil-qasam agrikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament stabbilixxiet li n-natura komparabbli jew le ta’ sitwazzjonijiet “għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-oġġettivi tar-reġim agrikolu tal-Komunità” (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1971, Rheinmühlen Düsseldorf (6/71, Ġabra p. 823, punt 14). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Ruckdeschel et (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1977, 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, b’mod partikolari p. 1779).

    ( 46 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1987, Rau Lebensmittelwerke et vs Il-Kummissjoni (279/84, 280/84, 285/84 u 286/84, Ġabra p. 1069, punti 27 sa 34): azzjoni ta’ “butir tal-Milied” iġġudikata mhux diskriminatorja fir-rigward tal-marġerin, prodott kompetitur, “wara li ġew ikkunsidrati d-differenzi oġġettivi li jikkaratterizzaw il-mekkaniżmi ġuridiċi u l-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-swieq ikkonċernati”. Ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 1995, Campo Ebro et vs Il-Kunsill (T-472/93, Ġabra p. II-421, punti 84 et seq.): regolament li jipprevedi l-għoti ta’ għajnuna biss lill-produtturi taz-zokkor ma ġiex iġġudikat li jmur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza, minkejja l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn iz-zokkor u l-iżoglukożju, in kwantu s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ prodotti ma kinitx komparabbli fir-rigward tal-iskop segwit mir-Regolament inkwistjoni, li kien li jiġu kkumpensati l-ispejjeż żejda ġġenerati miż-żamma ta’ ħażniet tal-prodotti.

    ( 47 ) Id-dritt ta’ sperimentazzjoni leġiżlattiva huwa mogħti wkoll lill-awtoritajiet lokali permezz tal-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni Franċiża tal-4 ta’ Ottubru 1958 wara r-reviżjoni kostituzzjonali tat-28 ta’ Marzu 2003.

    ( 48 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale (37/83, Ġabra p. 1229, punt 20); tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis (C-166/98, Ġabra p. I-3791, punt 26), u tat-13 ta’ Lulju 2006, Sam Mc Cauley Chemists u Sadja (C-221/05, Ġabra p. I-6869, punt 26).

    ( 49 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C-193/94, Ġabra p. I-929, punt 27), u tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-233/94, Ġabra p. I-2405, punt 43).

    ( 50 ) Ara s-sentenza Rewe-Zentrale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; is-sentenza tat-18 ta’ April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-63/89, Ġabra p. I-1799, punt 11).

    ( 51 ) Proposta ta’ Direttiva tal-20 ta’ Diċembru 2006, COM (2006) 818 finali.

    ( 52 ) Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE bil-għan li ttejjeb u testendi s-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tat-23 ta’ Jannar 2008, COM (2008) 16 finali.

    ( 53 ) Ara l-ħames premessa tad-Direttiva 2003/87/KE.

    ( 54 ) Ara l-punt 10 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001, COM (2001) 581 finali.

    ( 55 ) Jiġifieri l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-gassijiet mormija fuq is-sit ta’ produzzjoni ta’ prodott, fiċ-ċiklu tal-produzzjoni tiegħu.

    ( 56 ) Jiġifieri l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-gassijiet mormija upstream miċ-ċiklu tal-produzzjoni, pereżempju minn power station li tipproduċi l-enerġija li tiġi kkunsmata matul il-proċess ta’ produzzjoni ta’ ċerti prodotti.

    ( 57 ) Ara l-punt 11 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva tat-23 ta’ Ottubru 2001, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 58 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 1983, Wagner (8/82, Ġabra p. 371, punti 19 sa 21).

    ( 59 ) Meta l-fatt li tiġi evitata distorsjoni tal-kontroll tagħha ta’ legalità jikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni ta’ dan il-kontroll (ara pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 1973, Westzucker [57/72, Ġabra p. 321, punt 14], u tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill [C-233/94, Ġabra p. I-2405, punt 56]).

    Top