Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0042

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 14 ta' Ottubru 2008.
    Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International Ltd vs Departamento de Jogos da Santa Casa da Misericórdia de Lisboa.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de Pequena Instância Criminal do Porto - il-Portugall.
    Talba għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi - Operazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet.
    Kawża C-42/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-07633

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:560

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2008 ( 1 )

    Kawża C-42/07

    Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International Ltd, li kienet Baw International Ltd

    vs

    Departamento de Jogos da Santa Casa da Misericórdia de Lisboa

    Werrej

     

    I — Introduzzjoni

     

    A — Preżentazzjoni ġenerali tal-kawża

     

    B — Il-logħob tal-ażżard u tal-flus

     

    1. Varjetà kbira ta’ logħob

     

    2. Interess ekonomiku kbir

     

    3. Attività li toħloq riskji serji

     

    4. Attività strettament regolata mill-Istati Membri

     

    5. L-impatt tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda

     

    II — Il-kuntest leġiżlattiv

     

    A — Id-dritt Komunitarju

     

    1. Id-dritt sekondarju

     

    a) In-nuqqas ta’ test leġiżlattiv li jirregola speċifikament il-logħob tal-ażżard u tal-flus

     

    b) Id-Direttiva 98/34

     

    2. Id-dritt primarju u l-interpretazzjoni tiegħu

     

    a) It-Trattat

     

    b) Il-ġurisprudenza

     

    B — Id-dritt nazzjonali

     

    1. L-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju

     

    2. L-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Gvern Portugiż

     

    a) It-tipi ta’ logħob

     

    i) Il-logħob tal-casinos

     

    ii) Il-lotteriji, it-tombli u l-kompetizzjonijiet marbuta mar-reklami

     

    iii) Il-logħob tal-lottu u l-imħatri

     

    b) Il-leġiżlazzjoni tas-Santa Casa

     

    III — Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

     

    IV — Analiżi

     

    A — Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

     

    B — Fuq il-mertu

     

    1. L-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34

     

    a) Il-possibbiltà, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tinterpreta d-Direttiva 98/34 minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għal din id-direttiva

     

    b) Il-leġiżlazzjoni kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34

     

    c) Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ notifika tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża

     

    d) L-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-qorti tar-rinviju

     

    2. Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-libertaijiet ta’ moviment

     

    a) Il-libertà ta’ moviment applikabbli

     

    b) L-eżistenza ta’ restrizzjoni

     

    c) Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

     

    i) L-argumenti tal-partijiet

     

    ii) L-analiżi tiegħi

     

    — Il-portata tad-delimitazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus

     

    — Il-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw miżuri restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ mħatri totalizzzaturi fuq l-internet

     

    — L-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha

     

    — Il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

     

    — L-applikazzjoni mhux diskriminatorja

     

    V — Konklużjonijiet

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 49 KE — Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Operazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet”

    I — Introduzzjoni

    A — Preżentazzjoni ġenerali tal-kawża

    1.

    Il-problematika tal-konformità tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus mad-dritt Komunitarju diġà wasslet għal ġurisprudenza relattivament abbondanti. Madankollu hija tkompli tqajjem diversi mistoqsijiet mill-qrati tal-Istati Membri, kif jixhdu n-numru ta’ kawżi li bħalissa jinsabu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 2 ).

    2.

    Il-kwistjoni f’din il-kawża hija li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, sa fejn tagħti lil operatur wieħed id-dritt esklużiv li jipproponi mħatri totalizzaturi fuq l-internet, hijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

    3.

    Din il-kawża tikkonċerna l-leġiżlazzjoni Portugiża, li tagħti li d-Departamento de Jogos da Santa Casa da Misericórdia de Lisboa ( 3 ), organizzazzjoni antika ħafna mingħajr skop ta’ lukru u li hija responsabbli li tiffinanzja kawżi ta’ interess pubbliku, id-dritt esklużiv li torganizza u li topera lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fit-territorju nazzjonali kollu. Dan id-dritt esklużiv ġie estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet. Din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll sanzjonijiet fil-forma ta’ multi amministrattivi kontra dawk li jorganizzaw dan it-tip ta’ logħob bi ksur tal-imsemmi dritt esklużiv u li jirreklamaw dan il-logħob.

    4.

    Baw International Ltd ( 4 ), impriża tal-imħatri online stabbilita f’Ġibiltà, u l-Liga Portuguesa de Futebol Profissional (CA/LPFP) ( 5 ), ġew ikkundannati għal multi peress li kienu pproponew imħatri totalizzaturi b’mezzi elettroniċi u kienu rreklamaw dawn l-imħatri.

    5.

    Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha Bwin u l-Liga kkontestaw dawn il-multi, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħha mad-dritt Komunitarju sa fejn tipprevedi din is-sistema ta’ esklużività fir-rigward tal-imħatri totalizzaturi fuq l-internet.

    6.

    F’dawn il-konklużjonijiet, se nsostni, l-ewwel nett, li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil entità waħda d-dritt esklużiv li tipproponi mħatri totalizzaturi fuq l-internet u li tipprovdi għal sanzjonijiet fil-forma ta’ multi kontra l-persuni li jiksru dan id-dritt esklużiv, tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ). Minn dan se nikkonkludi li, jekk din il-leġiżlazzjoni ma kinitx innotifikata b’mod regolari lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, hija ma tistax titqajjem kontra operaturi privati bħalma huma l-Liga u Bwin.

    7.

    Fit-tieni lok se nispjega li l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Se neżamina wkoll sa fejn din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata.

    8.

    Preliminarjament, se niddeskrivi l-portata li għandha jkollha, fil-fehma tiegħi, id-delimitazzjoni, mid-dritt Komunitarju, tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus. Se nispjega li l-libertajiet ta’ moviment ma għandhomx l-għan li jiftħu s-suq fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus. Se nsostni li Stat Membru għandu jkun marbut li jiftaħ din l-attività għas-suq biss jekk, fid-dritt jew fil-fatt, jitratta l-logħob tal-ażżard u tal-flus bħala attività verament ekonomika, fejn l-iskop huwa li jinkisbu l-massimu ta’ profitti. Se nsostni wkoll li għandu jiġi rikonoxxut li l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jipproteġu l-konsumaturi, kif ukoll l-ordni pubbliku, kontra l-abbużi tal-logħob, inkluż id-determinazzjoni tal-offerta tal-logħob meħtieġa għal dan il-għan. Minn dan se nikkonkludi li d-dritt Komunitarju għandu jiġi limitat għall-projbizzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom il-miżuri restrittivi meħuda sabiex jiġu protetti l-konsumaturi kontra l-prattika eċċessiva tal-logħob ikunu manifestament imbiegħda mill-għan tagħhom.

    9.

    Se nindika li l-Artikolu 49 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħalma hija l-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin, ħaġa din li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika: li l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet tagħha, li hija ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu u li hija tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju. Fir-rigward ta’ dawn id-diversi kundizzjonijiet, jien se nagħmel il-preċiżazzjonijiet segwenti.

    10.

    L-ewwel nett, fir-rigward tar-riskji maħluqa mil-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet, Stat Membru jista’ leġittimament jillimita d-dritt li jiġi operat dan il-logħob bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi u l-ordni pubbliku.

    11.

    It-tieni nett, l-għoti tad-dritt esklużiv li jiġi organizzat u operat dan il-logħob lil entità waħda jista’ jikkostiwixxi miżura adegwata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jekk, minn naħa, l-Istat Membru jkollu mezzi sabiex imexxi u jikkontrolla effettivament l-operazzjoni tal-logħob tal-ażżard u tal-flus mill-organizzazzjoni li għandha dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, jekk, fit-tħaddim konkret ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-Istat Membru ma jkunx eċċeda manifestament il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.

    12.

    It-tielet nett, l-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità waħda, ikkontrollata mill-Istat Membru u li ma għandhiex skop ta’ lukru, jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata.

    13.

    Ir-raba’ nett, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sa fejn tagħti lil entità waħda d-dritt esklużiv li torganizza u topera lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet mhijiex, fiha nnifisha, diskriminatorja.

    14.

    Qabel ma nispjega l-kuntest ġuridiku u fattwali ta’ din il-kawża, biex imbagħad nagħmel l-analiżi tiegħi, jidhirli neċessarju li fil-qosor ngħid f’hiex jikkonsisti l-logħob tal-ażżard u tal-flus fl-Unjoni Ewropea kif ukoll l-interessi li hemm madwar din l-attività.

    B — Il-logħob tal-ażżard u tal-flus

    15.

    Se niżviluppa fil-qosor il-ħames punti li ġejjin. Il-logħob tal-ażżard u tal-flus jikkorrispondi llum għal varjetà kbira ta’ logħob. Huwa jikkostitwixxi interess ekonomiku kbir. Huwa madankollu għandu riskji serji għas-soċjetà. Huwa suġġett ta’ leġiżlazzjoni stretta u eteroġenja fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari l-internet, jikkostitwixxu fattur ta’ żvilupp kunsiderevoli għal dan il-logħob.

    1. Varjetà kbira ta’ logħob

    16.

    Il-prattika tal-logħob li r-riżultat tiegħu jiddependi mix-xorti u li fih min jilgħab jilgħab oġġetti ta’ valur jew flus tidher li hija antika ħafna u komuni għal diversi soċjetajiet. L-istoriċi jgħidu li dan beda fit-tielet millenju qabel iż-żmien tagħna fil-Lvant Imbiegħed u fl-Eġittu ( 7 ). Il-logħob kien ippratikat ħafna fl-epoka antika tal-Greċja u f’dik Rumana ( 8 ).

    17.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus iddeversifika ħafna matul l-istorja u llum teżisti varjetà kbira ta’ logħob. Il-logħob jista’ jinġabar b’mod skematiku f’erba’ kategoriji kbar.

    18.

    L-ewwel waħda minnhom tikkonsisti fil-lotteriji, li magħhom nassoċjaw il-bingo, logħba bbażata fuq l-istess prinċipju. Dan it-tip ta’ logħob huwa logħob tal-ażżard pur, fejn l-għarfien u l-istrateġija ma għandhom ebda rwol. Ir-riżultat tiegħu jiddependi minn tlugħ bix-xorti tan-numri rebbieħa, li r-riżultat tiegħu jkun magħruf immedjatament jew inkella aktar tard.

    19.

    Il-lotteriji u l-bingo jistgħu jiġu organizzati fuq skala varjata ħafna, mil-lotterija jew il-bingo annwali ta’ assoċjazzjoni lokali li jkollhom bħala rebħ premji ta’ valur żgħir għal-logħob organizzat mil-lotteriji nazzjonali jew reġjonali li jkunu destinati għat-territorju kollu ta’ Stat Membru jew ta’ reġjun ta’ Stat Federali u li jipproponu rebħ li jista’ jilħaq diversi miljuni ta’ euro. Jistgħu wkoll jiġu organizzati f’diversi forom. Għalhekk teżisti varjetà kbira tagħhom.

    20.

    Matul Frar 2004, il-lotteriji ta’ diversi Stati Membri ddeċidew li joħolqu flimkien lotterija komuni msejħa “EuroMillions”  ( 9 ).

    21.

    Matul l-aħħar għoxrin sena ġew introdotti wkoll il-lotteriji msejħa “instantanji” jew inkella “li tobrox” (scratch and win), li jipproponu lil min jilgħab biljetti bi prezz irħis fejn ir-riżultat ikun jinsab taħt folja rqiqa li għandha tinbarax bid-difer jew b’munita.

    22.

    It-tieni kategorija kbira ta’ logħob tal-ażżard u tal-flus tkopri l-imħatri. Dawn jistgħu jirrigwardaw ir-riżultat ta’ kompetizzjoni, ir-realizzazzjoni ta’ xi avveniment jew l-eżistenza ta’ xi ħaġa.

    23.

    Fost dawn l-imħatri, waħda mill-aktar magħrufa u mill-aktar antika hija l-imħatra fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel. Min jilgħab huwa mistieden jagħmel imħatra fuq ir-riżultat ta’ tiġrija fejn il-parteċipanti, żwiemel u ġerrejja, ikunu magħrufa bil-quddiem. Min jilgħab jista’ jagħmel l-imħatri tiegħu billi jħalli f’idejn ix-xorti kif ukoll billi juża l-għarfien tiegħu tal-karatteristiċi u tal-prestazzjoni ta’ dawn il-parteċipanti. Mal-imħatri fuq iż-żwiemel żdiedu wkoll l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi.

    24.

    Ir-rebħ jiddependi kemm mill-ammont totali tal-imħatri, kif ukoll mir-rata miftehma mal-bookmaker.

    25.

    Fit-tielet lok nsibu l-casinos. Dawn huma stabbilimenti miftuħa għall-pubbliku li fihom ikun awtorizzat logħob differenti. Huma kienu, għal ħafna żmien, ikkunsidrati bħala stabbilimenti riżervati għal klijentela tal-flus, li jistgħu jilagħbu somom kbar f’logħob kumpless jew ikkunsidrat bħala tali, imdawwar b’riti u b’formalità.

    26.

    Fir-raba’ lok, għandhom jissemmew is-slot machines. Dawn inħolqu fl-ewwel nofs tas-seklu XIX fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn kellhom suċċess immedjat ( 10 ). Dawn huma magni li għandhom xaqq li fihom min jilgħab huwa mistieden idaħħal munita jew diska tal-metall u li juru riżultat ipprogrammat minn qabel minn sistema informatika aleatorja. Il-mument u l-frekwenza li biha r-riżultat muri mill-magna jikkorrispondi għal kombinazzjoni rebbieħa jirriżultaw għalhekk mix-xorti.

    2. Interess ekonomiku kbir

    27.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus kellu żvilupp importanti f’dawn l-aħħar snin. Illum-il-ġurnata huwa għandu interess ekonomiku li jista’ jiġi deskritt bħala konsiderevoli. Fil-fatt, minn naħa, dan il-logħob joħloq dħul qawwi ħafna għall-organizzazzjonijiet li jorganizzawh ( 11 ). Min-naħa l-oħra, huwa jirrappreżenta numru mhux żgħir ta’ impjiegi fid-diversi Stati Membri ( 12 ).

    3. Attività li toħloq riskji serji

    28.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus joħloq madankollu riskji serji għas-soċjetà, fir-rigward ta’ min jilgħab u min-naħa tal-operaturi ekonomiċi li jorganizzawh.

    29.

    Minn naħa, dan il-logħob jista’ jwassal lil min jilgħab sabiex jippreġudikaw is-sitwazzjoni ekonomika u familjari tagħhom, jekk mhux ukoll is-saħħa tagħhom.

    30.

    F’dan is-sens, min-natura tiegħu, il-logħob tal-ażżard u tal-flus jippermetti li jirbħu numru żgħir ħafna biss mill-persuni li jilagħbu għaliex inkella l-logħob jiġġenera telf ta’ flus u ma jkunx jista’ jibqa’ jsir. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għalhekk, il-persuni li jilagħbu jitilfu aktar milli jirbħu. Madankollu, l-eċċitament tal-logħob u l-wegħda ta’ rebħ, li xi kultant ikun għoli ħafna, jistgħu jwasslu lil min jilgħab sabiex jilgħab aktar mill-parti tal-baġit tiegħu li tkun disponibbli għad-divertiment.

    31.

    Dan l-aġir jista’ għalhekk ikollu l-konsegwenza li min jilgħab ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi soċjali u familjari tiegħu. Jista’ jwassal ukoll għal sitwazzjoni reali ta’ dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard u tal-flus, li tixbah dik ikkawżata mid-droga jew l-alkoħol ( 13 ).

    32.

    Min-naħa l-oħra, il-logħob tal-ażżard u tal-flus, minħabba l-interessi kbar ħafna li jiġġenera, jista’ jiġi suġġett għal manipulazzjonijiet min-naħa tal-organizzatur li jista’ jipprova jagħmel b’mod li r-riżultat tat-tlugħ bix-xorti jew tal-kompetizzjoni sportiva jkun l-aktar favorevoli għalih. Barra minn dan, f’din ir-relazzjoni, min jilgħab, b’mod individwali, ma għandu ebda mezz realment effikaċi sabiex jivverifika li l-kundizzjonijiet li fihom isir il-logħob ikunu konformi ma’ dak li jkun tħabbar.

    33.

    Fl-aħħar nett, il-logħob tal-ażżard u tal-flus jista’ jikkostitwixxi mezz ta’ “ħasil ta’ flus” li jkunu nkisbu f’kundizzjonijiet illegali. F’dan is-sens, dawn is-somom jistgħu jintlagħbu bit-tama li jinkiseb xi rebħ. Dawn is-somom jistgħu anki jirriżultaw fi qligħ jekk il-kriminal ikun ukoll il-proprjetarju tal-logħob.

    4. Attività strettament regolata mill-Istati Membri

    34.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus kienu s-suġġett, matul l-istorja, ta’ diversi kundanni għal raġunijiet ta’ ordni morali, reliġjużi u marbuta mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku ( 14 ). Huwa madankollu għadu preżenti bħala fatt soċjali.

    35.

    Ir-reazzjoni tal-awtorità pubblika varjat bejn il-projbizzjoni totali, delimitazzjoni stretta, fejn mid-dħul tal-logħob tal-ażżard u tal-flus kellu jibbenefika biss il-finanzjament ta’ interessi pubbliċi, u inkoraġġiment, sabiex jittieħed vantaġġ mill-manna rrappreżentata minn din it-taxxa volontarja.

    36.

    Illum-il-ġurnata, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni, il-logħob tal-ażżard u tal-flus huwa suġġett għal leġiżlazzjoni restrittiva.

    37.

    Din ir-restrizzjoni tieħu l-forma, f’diversi minn dawn l-Istati Membri ( 15 ), ta’ projbizzjoni, bħala prinċipju, tal-logħob tal-ażżard u tal-flus, flimkien ma’ derogi speċifiċi. Bl-istess mod, fil-biċċa l-kbira tagħhom ( 16 ), l-operazzjoni ta’ logħob tal-ażżard u tal-flus minn operatur privat, meta dan huwa previst, hija suġġetta għall-ksib ta’ liċenzja mingħand l-awtorità kompetenti. Barra minn dan, in-numru ta’ operaturi li jistgħu jkunu awtorizzati sabiex jorganizzaw logħob partikolari huwa limitat, ħafna drabi, b’numerus clausus.

    38.

    F’diversi Stati Membri, l-operazzjoni ta’ logħob tal-ażżard u tal-flus tista’ tkun ukoll is-suġġett ta’ dritt esklużiv mogħti lil organizzazzjoni tal-Istat jew lil operatur privat ( 17 ).

    39.

    Il-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri għandhom għalhekk differenzi kbar. Mad-differenzi fis-sistemi ta’ operazzjoni jiżdied il-fatt li d-derogi għall-projbizzjoni bħala prinċipju, meta teżisti, l-istess bħall-kunċett ta’ logħob tal-ażżard u tal-flus u kif ukoll bħall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mhumiex uniformi. L-istess logħba tista’ għalhekk tkun awtorizzata fi Stat Membru u pprojbita fi Stat Membru ieħor, jew tkun suġġetta għal trattament differenti ( 18 ).

    40.

    Fl-aħħar nett, it-trattament fiskali tal-logħob tal-ażżard u tal-flus ivarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor peress li, f’xi wħud mill-Istati Membri, il-profitt iġġenerat mill-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob għandu jkun iddedikat, fi proporzjonijiet varji, għal kawżi ta’ interess ġenerali. Bl-istess mod, il-parti tar-rebħ imqassam lil min jilgħab tista’ tvarja bil-kbir.

    5. L-impatt tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda

    41.

    Madwar għoxrin sena ilu, il-logħob tal-ażżard u tal-flus kien aċċessibbli biss f’postijiet preċiżi, bħalma huma, b’mod partikolari, il-ħafna postijiet fejn jinbiegħu mħatri u biljetti tal-lotterija, iċ-ċentri ta’ tiġrijiet taż-żwiemel u l-casinos. Il-parteċipazzjoni f’logħba tal-ażżard u tal-flus kienet għalhekk teħtieġ li min jilgħab jiċċaqlaq fiżikament. Barra minn hekk, din il-parteċipazzjoni setgħet issir biss fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-postijiet li jippermettu l-logħob.

    42.

    Meta feġġew il-mezzi elettronċi ta’ komunikazzjoni fis-snin 90, bħalma huma t-telefons ċellulari, it-televiżjoni interattiva u, fuq kollox, l-internet, dawn biddlu radikalment din is-sitwazzjoni. Grazzi għal dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda, min jilgħab jista’ jilgħab mingħajr ma jitlaq mid-dar tiegħu u fi kwalunkwe ħin.

    43.

    Il-prattika tal-logħob tal-ażżard u tal-flus hija għalhekk iffaċilitata konsiderevolment. L-aċċess għal dan il-logħob huwa wkoll iffavorit mill-fatturi li ġejjin. Minn naħa, in-numru ta’ persuni li jistgħu jużaw dawn il-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni jikber regolarment ( 19 ). Min-naħa l-oħra, dawn il-mezzi qed isiru dejjem aktar faċli sabiex jintużaw u jaħdmu b’mod integrat ( 20 ). Fl-aħħar nett, it-tranżazzjonijiet finanzjarji fuq l-imsemmija mezzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jsiru b’mod faċli ħafna.

    44.

    Barra minn hekk, il-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari l-internet, jagħtu lill-persuni li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru l-possibbiltà materjali li jkollhom aċċess mhux biss għal-logħob online propost mill-operaturi stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat, iżda wkoll għal dak offert mill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi.

    45.

    Dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda għalhekk ippermettew żieda sinjifikattiva tal-offerta tal-logħob tal-ażżard u tal-flus u dan tal-aħħar kellu suċċess kbir ħafna ( 21 ).

    II — Il-kuntest leġiżlattiv

    A — Id-dritt Komunitarju

    1. Id-dritt sekondarju

    a) In-nuqqas ta’ test leġiżlattiv li jirregola speċifikament il-logħob tal-ażżard u tal-flus

    46.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus, sal-lum, ma kienx is-suġġett ta’ xi leġiżlazzjoni jew armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

    47.

    Dan il-logħob huwa eskluż espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 22 ), li l-aħħar inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tagħha jiddisponi li din id-direttiva ma tapplikax għall-“attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob tal-ażżard”.

    48.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus huwa eskluż ukoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 23 ), li l-ħamsa u għoxrin premessa tagħha tipprevedi li “[a]ttivitajiet ta’ logħob tal-ażżard, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ mħatri, għandhom ikunu esklużi […] fid-dawl tan-natura speċifika ta’ dawn l-attivitajiet, li jinvolvu implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ linji politiċi li għandhom x’jaqsmu mal-politika pubblika [mal-ordni pubbliku] u mal-ħarsien tal-konsumatur”.

    49.

    Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil impriżi li jipprovdu servizzi bl-internet milli jipproponu logħob tal-ażżard u tal-flus fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ taqa’ taħt id-Direttiva 98/34.

    b) Id-Direttiva 98/34

    50.

    Id-Direttiva 98/34 hija intiża li tneħħi jew tnaqqas ix-xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija li jista’ jirriżulta mill-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ leġiżlazzjonijiet tekniċi differenti, billi tiffavorixxi t-trasparenza ta’ inizjattivi nazzjonali vis-à-vis il-Kummissjoni, ta’ organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew ta’ Stati Membri oħrajn.

    51.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ġie estiż mid-Direttiva 98/48 għas-servizzi kollha tas-soċjetà tal-informatika, jiġifieri, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, għal kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

    52.

    Il-kunċett ta’ “regolament tekniku” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 bil-mod li ġej:

    “[…] speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    […]”

    53.

    Id-Direttiva 98/34 tipprevedi għalhekk sistema fejn kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-abbozzi ta’ regoli tekniċi tiegħu sabiex hija u l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jagħtuh il-fehma tagħhom u sabiex tiġi proposta standardizzazzjoni anqas restrittiva għall-kummerċ. Din is-sistema tagħti wkoll lill-Kummissjoni ż-żmien meħtieġ sabiex tipproponi, jekk ikun il-każ, test vinkolanti ta’ armonizzazzjoni.

    54.

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprevedi għalhekk:

    “1.   […] l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel [jibagħtu lill-Kummissjoni] dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni [l-adozzjoni] ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

    […]

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni.

    […]

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    […]”

    55.

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34 jiddisponi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1).

    2.   L-Istati Membri għandhom jipposponu:

    […]

    mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, għal erba’ xhur l-adozzjoni ta’ kull abbozz ta’ regola dwar servizzi, mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew xi Stat Membru ieħor jagħti opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn dik id-data, illi l-miżura prevista tista’ toħloq xkiel għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ operaturi tas-servizzi ġewwa s-suq intern.

    […]

    4.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi mal-Artikolu 189 tat-Trattat [KE (li sar l-Artikolu 249 KE)]

    […]”

    2. Id-dritt primarju u l-interpretazzjoni tiegħu

    56.

    Ir-regolamenti tal-Istati Membri dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus ma għandhomx jippreġudikaw l-impenji meħdua minn dawn l-Istati fil-kuntest tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-libertajiet ta’ moviment.

    a) It-Trattat

    57.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

    58.

    Skont l-Artikoli 55 KE u 48 KE, l-Artikolu 49 KE japplika għas-servizzi offerti minn kumpannija stabbilita inkonformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li għandha l-uffiċċju reġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità.

    b) Il-ġurisprudenza

    59.

    Il-problematika tal-konformità tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus mal-libertaijiet fundamentali ta’ moviment wasslet għal ġurisprudenza relattivament abbondanti li l-prinċipji ġenerali tagħha jistgħu jiġu spjegati kif ġej.

    60.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus jikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2 KE ( 24 ). Dan il-logħob jikkonsisti, fil-fatt, fil-provvista ta’ servizz partikolari, jiġifieri t-tama ta’ rebħ ta’ flus, għal remunerazzjoni.

    61.

    Dan il-logħob jikkorrispondi wkoll għal attività ta’ servizzi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Leġiżlazzjoni li tipprojbixxi jew tillimita d-dritt ta’ operazzjoni ta’ logħob tal-ażżard jew tal-flus fi Stat Membru tista’ għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ dawn il-libertajiet ta’ moviment ( 25 ).

    62.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod kostanti li dan il-logħob jirrappreżenta attività ekonomika partikolari, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, fl-Istati Membri kollha, kunsiderazzjonijiet ta’ natura morali, reliġjuża jew kulturali għandhom it-tendenza, b’mod ġenerali, li jillimitaw jekk mhux ukoll jipprojbixxu l-prattika tiegħu u li jevitaw li dan il-logħob ikun sors ta’ profitt individwali. It-tieni nett, fid-dawl tal-ammont kbir ta’ flus li jista’ jinġabar minn dan il-logħob, il-logħob tal-ażżard u tal-flus joħloq riskju għoli ħafna ta’ reati u ta’ frodi. Barra minn dan, dan il-logħob jikkostitwixxi inkoraġġiment għall-infiq li jista’ jkollu konsegwenzi individwali u soċjali dannużi. Fl-aħħar nett, mingħajr ma dan il-motiv jista’, fih innifsu, jitqies bħala ġustifikazzjoni oġġettiva, huwa rilevanti li jiġi rrilevat li l-logħob tal-ażżard u tal-flus jista’ jkollu sehem, b’mod sinjifikattiv, fil-finazjament ta’ attivitajiet altruistiċi jew ta’ interess ġenerali bħalma huma l-ħidmiet soċjali, il-ħidmiet karitattivi, l-isport jew il-kultura ( 26 ).

    63.

    Il-lotteriji organizzati fuq skala kbira ( 27 ), is-slot machines ( 28 ), l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi ( 29 ) u l-logħob tal-casinos ( 30 ) tqiesu bħala logħob li jista’ joħloq riskju għoli ta’ reati u ta’ frodi minħabba s-somom kbar li jistgħu jinġabru minn dan il-logħob, kif ukoll riskju għall-konsumaturi, peress li dan il-logħob jikkostitwixxi inkoraġġiment għall-infiq ( 31 ).

    64.

    L-Istati Membri jistgħu leġittimament jipprevedu restrizzjonijiet għall-operazzjoni ta’ logħob li għandu dawn il-karatteristiċi, għal motivi bbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumatur (limitazzjoni tal-passjoni tal-bnedmin għal-logħob, prevenzjoni tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob) u d-difiża tal-ordni soċjali (billi jiġu evitati r-riskji ta’ reati u ta’ frodi kkawżati mil-logħob tal-flus). Dawn il-motivi jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertaijiet tal-moviment ( 32 ).

    65.

    Bil-kontra, l-allokazzjoni tad-dħul mil-logħob għall-finanzjament ta’ attivitajiet soċjali ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi ġustifikazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din l-evalwazzjoni fuq il-prinċipju li t-tnaqqis tad-dħul fiskali mhuwiex fost il-motivi msemmija fl-Artikolu 46 KE u lanqas ma jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 33 ). Din l-allokazzjoni tad-dħul mil-logħob tista’ tikkostitwixxi biss konsegwenza benefika inċidentali ta’ restrizzjoni ( 34 ).

    66.

    Id-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni meħtieġa tal-konsumaturi u tal-ordni pubbliku f’dak li jikkonċerna l-logħob tal-ażżard u tal-flus taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri.

    67.

    Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali biżżejjed sabiex jiddeterminaw l-eżiġenzi meħtieġa sabiex ikun protett minn jilgħab u, b’mod aktar ġenerali, fid-dawl tal-karatteristiċi soċjokulturali ta’ kull Stat Membru, sabiex ikun protett l-ordni soċjali, f’dak li jikkonċerna kemm il-modi ta’ organizzazzjoni tal-logħob u l-volum tal-interessi involuti u kif ukoll l-allokazzjoni tal-profitti ġġenerati minn dan il-logħob ( 35 ). L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq ( 36 ).

    68.

    Madankollu, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata, miżura nazzjonali li tillimita libertà ta’ movimemt għandha tiġi appikata b’mod mhux diskriminatorju, għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma għandhiex teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan ( 37 ).

    69.

    Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat diversi drabi li l-motivi li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati flimkien ( 38 ).

    70.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-restrizzjonijiet li ġejjin setgħu jkunu ġustifikati.

    71.

    Stat Membru għandu dritt jipprojbixxi għal kollox l-eżerċizzju ta’ logħba fit-territorju tiegħu ( 39 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk, fil-kuntest tal-għan segwit, hijiex meħtieġa projbizzjoni totali jew parzjali tal-attivitajiet ta’ din in-natura jew sempliċement restrizzjoni tagħhom u li għandhom jipprevedu, għal dan il-għan, modi ta’ kontroll aktar jew anqas stretti ( 40 ).

    72.

    Stat Membru jista’ wkoll jagħti lil organizzazzjoni waħda jew inkella lil numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi d-dritt esklużiv li joperaw logħba tal-ażżard u tal-flus ( 41 ).

    73.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li Stat Membru jawtorizza l-operazzjoni ta’ logħba tal-ażżard u tal-flus minn entità li jkollha dritt esklużiv jew min-numru stabbilit ta’ operaturi ekonomiċi mhuwiex inkompatibbli mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra inkoraġġiment għal infiq eċċessiv u ta’ difiża tal-ordni pubbliku. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, awtorizzazzjoni limitata tal-logħob tal-ażżard u tal-flus f’kuntest esklużiv, li għandha l-vantaġġ li tillimita l-kilba għal-logħob u l-operazzjoni ta’ dawn il-logħob għal ambjent ikkontrollat, li tipprevjeni r-riskji ta’ din l-operazzjoni għal għanijiet frawdolenti u kriminali u li tuża’ l-benefiċċji li jirriżultaw mil-logħob għal għanijiet ta’ utilità pubblika, tagħmel ukoll parti mill-proċess sabiex jintlaħqu dawn l-oġġettivi ( 42 ).

    74.

    Barra minn dan, is-sempliċi fatt li Stat Membru għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-bżonn u tal-proprozjonalità tad-dispożizzjonijiet meħuda dwar dan is-suġġett. Dawn għandhom ikunu evalwati biss fir-rigward tal-għanijiet li jkunu jixtiequ jilħqu l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma jkunu jixtiequ jassiguraw ( 43 ).

    75.

    Fis-sentenza Läärä et, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll il-kwistjoni jekk, sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-liġi Finlandiża f’dak li jikkonċerna l-operazzjoni ta’ slot machines, kienx preferibbli, aktar milli li jingħata dritt esklużiv ta’ operazzjoni lil organizzazzjoni pubblika awtorizzata, li tiġi adottata leġiżlazzjoni li timponi r-rekwiżiti meħtieġa fuq l-operaturi interessati.

    76.

    Hija indikat li din il-kwistjoni taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni madankollu li l-għażla magħmula ma tidhirx spropozjonata fir-rigward tal-għan mixtieq ( 44 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din il-kundizzjoni kienet sodisfatta minħabba li l-organizzazzjoni li kellha d-dritt esklużiv li topera dawn l-islot machines kienet assoċjazzjoni ta’ dritt pubbliku li l-attivitajiet tagħha kienu eżerċitati taħt il-kontroll tal-Istat u li kellha tagħti lil dan tal-aħħar l-ammont tal-prodott nett imqassam li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ dawn il-magni ( 45 ).

    77.

    Hija ppreċiżat li, għalkemm huwa minnu li s-somom li l-Istat jirċievi b’dan il-mod għal għanijiet ta’ utilità pubblika jistgħu jinkisbu anki permezz ta’ mezzi oħrajn, bħalma huma l-intaxxar tal-attivitajiet tad-diversi operaturi li jistgħu jkunu awtorizzati sabiex jeżerċitawhom fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura mhux esklużiva, l-obbligu impost fuq l-organizzazzjoni pubblika awtorizzata li tħallas il-prodott tal-operazzjoni tagħha jikkostitwixxi miżura ċertament aktar effikaċi sabiex tiġi assigurata, minħabba r-riskji ta’ delitti u ta’ frodi, limitazzjoni stretta tan-natura li jagħmlu profitt ta’ dawn l-attivitajiet ( 46 ).

    78.

    Fis-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Zenatti, Gambelli et u Placanica et, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar il-kundizzjonijiet li leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata u dan fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni Taljana li tirriżerva għal numru limitat ta’ organizzazzjonijiet li jissodisfaw ċerti kriterji d-dritt esklużiv li jorganizzaw l-imħatri.

    79.

    Fis-sentenza Zenatti, iċċitata aktar ’il fuq, hija rrilevat li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni kellha l-għan li timpedixxi li dan il-logħob ikun sors ta’ profitt individwali, li tevita r-riskji ta’ reati u ta’ frodi u l-konsegwenzi individwali u soċjali dannużi li jirriżultaw mill-inkoraġġiment għall-infiq li jikkostitwixxi dan il-logħob u li tippermetti dan il-logħob biss sakemm ikollu natura ta’ utilità soċjali għat-tmexxija tajba ta’ kompetizzjoni sportiva ( 47 ).

    80.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk, qabel kollox, hija effettivament tissodisfa l-intenzjoni li jitnaqqsu b’mod konkret l-okkażjonijiet fejn jista’ jsir logħob u jekk il-finanzjament ta’ attivitajiet soċjali permezz ta’ taxxa fuq id-dħul minn logħob awtorizzat jikkostitwixxi biss konsegwenza benefika inċidentali, u mhux il-ġustifikazzjoni reali, tal-politika restrittiva implementata ( 48 ). Hija ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni, fid-dawl tar-regoli speċifiċi ta’ applikazzjoni tagħha, tilħaqx verament l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet li timponi jidhrux spoporzjonati fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet ( 49 ).

    81.

    Fis-sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju indikat li l-leġiżlazzjoni Taljana fuq l-imħatri kienet ġiet emendata matul is-sena 2000 u li x-xogħlijiet preparatorji tat-test tal-emendi juru li r-Repubblika Taljana kienet qed issegwi, fil-livell nazzjonali, politika ta’ espansjoni qawwija tal-logħob u tal-imħatri bil-għan li jinkisbu fondi, filwaqt li tipproteġi l-operaturi diġà awtorizzati.

    82.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-restrizzjonijiet previsti għal motivi marbuta mal-protezzjoni tal-konsumatur u mal-prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob jistgħu jkunu ġġustifkati biss jekk dawn ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jgħinu sabiex jiġu limitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku ( 50 ).

    83.

    Hija ppreċiżat li, sa fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jinkoraġixxu lill-konsumaturi sabiex jieħdu sehem fil-lotteriji, fil-logħob tal-ażżard jew fil-logħob tal-imħatri sabiex it-Teżor pubbliku jibbenefika mill-aspett finanzjarju, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma jistgħux jinvokaw l-ordni pubbliku soċjali marbut mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-okkażjonijiet fejn isir logħob sabiex jiġġustifikaw miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 51 ).

    84.

    Fir-rigward tal-għan li jiġi evitat li l-konċessjonarji tal-logħob ikunu implikati f’attivitajiet kriminali jew frawdolenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar sejħa għal offerti, sa fejn teskludi l-possibbiltà għall-kumpanniji b’kapital ikkwotati fuq l-iswieq irregolati ta’ Stati Membri oħrajn li jiksbu liċenzji sabiex jorganizzaw imħatri sportivi fl-Italja, kienet tidher li hija spoporzjonata. Hija indikat li kien hemm mezzi oħrajn kif jiġu kkontrollati l-kontijiet u l-attivitajiet ta’ dawn il-kumpanniji ( 52 ).

    85.

    Fis-sentenza Placanica et, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja reġa’ kellha quddiemha l-liġi Taljana dwar l-imħatri fuq l-avvenimenti sportivi wara li l-Corte suprema di cassazione (l-Italja) qieset li din il-leġiżlazzjoni kienet kompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 49 KE. Din il-qorti qieset li l-għan reali ta’ din il-leġiżlazzjoni ma kienx li tipproteġi l-konsumaturi billi tillimita t-tendenza għal-logħob, iżda li tillimita l-logħob tal-ażżard għal ambjenti li jistgħu jiġu kkontrollati sabiex tiġi evitata l-operazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet għal għanijiet kriminali.

    86.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sa fejn is-sistema ta’ liċenzji prevista mil-liġi Taljana kienet issegwi biss dan l-għan, “politika ta’ espansjoni kkontrollata” fis-settur tal-logħob tal-ażżard setgħet tkun kompletament konsistenti mal-għan li l-persuni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u ta’ mħatri klandestini pprojbiti jiġu attirati lejn attivitajiet awtorizzati u rregolati. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-operaturi awtorizzati għandhom jipprovdu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għal attività pprojbita, ħaġa din li fiha nnifisha tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu portata u l-użu ta’ mezzi ta’ distribuzzjoni ġodda ( 53 ).

    87.

    Fir-rigward tal-punti ta’ fatt iċċitati mill-Gvern Taljan li juru l-gravità tal-logħob klandestin fl-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sistema ta’ liċenzji tista’ tkun mekkaniżmu effikaċi sabiex tippermetti li jiġu kkontrollati l-operaturi attivi fis-settur tal-logħob tal-ażżard bl-iskop li tiġi evitata l-operazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet għall-finijiet kriminali jew frawdolenti ( 54 ).

    88.

    Hija kkonfermat madankollu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tidher sproporzjonata sa fejn eskludiet il-possibbiltà għall-kumpanniji b’kapital ikkwotati fis-swieq irregolati ta’ Stati Membri oħrajn li jiksbu liċenzji sabiex jorganizzaw imħatri sportivi fl-Italja ( 55 ).

    B — Id-dritt nazzjonali

    1. L-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju

    89.

    L-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Nru 282/2003, tat-8 ta’ Novembru 2003 ( 56 ), jagħti b’mod esklużiv lis-Santa Casa l-operazzjoni, fuq mezzi elettroniċi, tal-logħob soċjali tal-Istat, jiġifieri l-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi. Din is-sistema ta’ esklużività tkopri t-territorju nazzjonali kollu, inkluż l-ispazju radju-elettroniku, l-internet, kif ukoll kull netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet ieħor.

    90.

    Skont it-termini tal-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Digriet Liġi Nru 282/2003, huma illegali:

    il-promozzjoni, l-organizzazzjoni jew l-operazzjoni, b’mezzi elettroniċi, tal-logħob soċjali tal-Istat (jiġifieri l-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi), bi ksur tas-sistema ta’ esklużività;

    ir-reklamar fir-rigward tal-implemetazzjoni ta’ dan it-tlugħ bix-xorti, kemm fuq it-territroju nazzjonali u kemm jekk le.

    2. L-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Gvern Portugiż

    91.

    Fil-Portugall, il-logħob tal-ażżard u tal-flus huwa suġġett għal prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni. L-Istat madankollu rriżerva l-possibiltà li jawtorizza, skont is-sistema li huwa jqis l-aktar adegwata, l-operazzjoni ta’ logħba jew ta’ diversi logħbiet, direttament jew permezz ta’ organizzazzjoni taħt il-kontroll tiegħu, jew li jħalli din l-operazzjoni f’idejn entitajiet privati li jkollhom jew ma jkollhomx skop ta’ lukru, permezz ta’ sejħa għal offerti.

    a) It-tipi ta’ logħob

    92.

    Il-leġiżlazzjoni Portugiża tagħmel distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ logħob tal-ażżard u tal-flus, jiġifieri l-logħob tal-casinos, il-lotteriji, it-tombli u l-kompetizzjonijiet marbuta mar-reklamar, kif ukoll il-logħob tal-lottu u l-imħatri.

    i) Il-logħob tal-casinos

    93.

    Il-logħob tal-casinos jinkludi l-logħob fuq l-imwejjed, bħalma huma r-roulette u l-poker, kif ukoll tipi oħra ta’ logħob, bħall-bingo u s-slot machines.

    94.

    L-operazzjoni ta’ dan il-logħob hija rregolata mid-Digriet Liġi Nru 422/89, tat-2 ta’ Diċembru 1989 ( 57 ), li ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Anomar et, iċċitata aktar ’il fuq.

    95.

    Id-dritt ta’ operazzjoni tal-logħob tal-casinos huwa, bħala prinċipju, irriżervat lill-Istat u jista’ jiġi eżerċitat biss minn impriżi kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li l-Istat ikun tahom liċenzja permezz ta’ kuntratt amministrattiv. Dan il-logħob huwa permess biss f’casinos stabbiliti f’żoni ta’ logħob maħluqa u ddefiniti permezz ta’ att leġiżlattiv.

    96.

    Fil-mument attwali, fil-Portugall joperaw disa’ casinos ta’ din in-natura u dan l-aħħar ingħataw liċenzji għal erbgħa oħra.

    ii) Il-lotteriji, it-tombli u l-kompetizzjonijiet marbuta mar-reklami

    97.

    Din il-kategorija ta’ logħob tinkludi l-lotteriji, it-tombli, it-tlugħ bix-xorti, il-kompetizzjonijiet marbuta mar-reklami, il-kompetizzjoni bbażati fuq il-konoxxenzi tal-parteċipanti u l-passatempi. Dan it-tip ta’ logħob huwa suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mingħand il-Gvern, mogħtija każ b’każ u marbuta b’kundizzjonijiet speċifiċi.

    98.

    Fil-prattika, din il-kategorija ta’ logħob ma għandhiex impatt kummerċjali fil-Portugall.

    iii) Il-logħob tal-lottu u l-imħatri

    99.

    Din il-kateogrija ta’ logħob tinkludi l-logħob kollu fejn il-parteċipanti jaqtgħu r-riżultati ta’ kompetizzjoni jew kompetizzjonijiet jew ta’ tlugħ ta’ numri. Dan il-logħob huwa magħruf fil-Portugall bħala “logħob soċjali” jew “logħob soċjali tal-Istat”.

    100.

    L-operazzjoni ta’ dan il-logħob hija rregolata mid-Digriet Liġi Nru 84/85, tat-28 ta’ Marzu 1985 ( 58 ).

    101.

    Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet liġi, id-dritt li jiġi promoss il-logħob tal-lottu u l-imħatri huwa rriżervat lill-Istat, li ta lis-Santa Casa l-esklużività fuq l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tiegħu fuq it-territorju nazzjonali kollu.

    102.

    Skont l-indikazzjonijiet li hemm fil-preambolu tat-testi li jipprevedu dan id-dritt esklużiv, ir-Repubblika tal-Portugall qieset li hija ma setgħetx tinjora aktar il-fatt li dan il-logħob kien ipprattikat b’mod klandestin kif ukoll l-eċċessi li għalihom kienet qiegħda twassal din il-prattika. Hija għalhekk riedet li dan il-logħob jiġi rregolat b’liġi, sabiex jiġi ggarantit li jsir b’mod onest u sabiex jiġu limitati l-eċċessi. Ir-Repubblika Portugiża riedet ukoll li d-dħul minn din il-prattika, moralment kundannabbli fil-kultura ta’ dan l-Istat Membru, ma jkunx sors ta’ profitt individwali iżda jservi sabiex jiffinanzja kawżi soċjali jew ta’ interess ġenerali.

    103.

    Fil-bidu, is-Santa Casa kienet torganizza l-kompetizzjonijiet imsejħa “Totobola” u “Totoloto”. Il-kunċett ta’ Totobola jkopri l-logħob kollu fejn il-parteċipanti jaqtgħu r-riżultati ta’ kompetizzjoni jew ta’ kompetizzjonijiet sportivi. Il-kunċett ta’ Totoloto jkopri l-logħob kollu fejn il-parteċipanti jaqtgħu r-riżultati ta’ tlugħ bix-xorti ta’ numri.

    104.

    Il-firxa ta’ logħob ġiet aktar tard estiża gradwalment: matul is-sena 1993 għall-“Joker”  ( 59 ); matul is-sena 1994 għal-“Lotaria instantânia”, logħba instantanja bil-brix magħrufa bħala “raspadinha”  ( 60 ); matul is-sena 1998, għat-“Totogolo”  ( 61 ), u matul is-sena 2004 għall-“Euromilhões”, il-lottu Ewropew ( 62 ).

    105.

    Matul is-sena 2003, il-kuntest ġuridiku f’dak li jikkonċerna l-logħob tal-lottu u l-imħatri ġie adattat sabiex jirrifletti l-iżviluppi tekniċi li permezz tagħhom jista’ jiġi offert logħob fuq mezzi elettroniċi, u b’mod partikolari bl-internet. Dawn il-miżuri jinsabu fid-Digriet Liġi Nru 282/2003 u huma intiżi, essenzjalment, minn naħa, sabiex jawtorizzaw lis-Santa Casa tqassam il-prodotti tagħha fuq mezzi elettroniċi u, min-naħa l-oħra, sabiex jestendu d-dritt esklużiv ta’ operazzjoni tas-Santa Casa għal-logħob offert fuq mezzi elettroniċi, u b’mod partikolari bl-internet.

    106.

    L-Artikolu 12(1) tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 jistabbilixxi l-ammonti massimi u minimi tal-multi li jissanzjonaw il-ksur amministrattivi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) ta’ dan id-digriet liġi. Għall-persuni ġuridiċi, huwa indikat li l-multa ma għandhiex tkun ta’ anqas minn EUR 2000 u lanqas ma għandha tkun ogħla mit-triplu tas-somma globali li tkun preżunta bħala miġbura mill-organizzazzjoni tal-logħob, bil-kundizzjoni li dan it-triplu jkun ogħla minn EUR 2000 iżda mhux aktar minn EUR 44890.

    b) Il-leġiżlazzjoni tas-Santa Casa

    107.

    Is-Santa Casa hija istituzzjoni ta’ solidarjetà soċjali li nħolqot fil-15 ta’ Awwissu 1498. Hija kienet minn dejjem iddedikata għal xogħlijiet soċjali ta’ għajuna lil dawk li l-aktar huma fil-bżonn.

    108.

    Fil-Portugall, il-logħob soċjali tal-Istat huwa marbut mas-Santa Casa. Il-“Lotaria Nacional” (lotterija nazzjonali), maħluqa b’digriet irjali tat-18 ta’ Novembru 1783, tħalliet f’idejn din l-istituzzjoni u din il-konċessjoni ġiet imġedda regolarment. Is-Santa Casa ingħatat l-esklużività tal-organizzazzjoni ta’ forom oħrajn ta’ logħob tal-lottu u ta’ mħatri totalizzaturi, bħal pereżempju, matul is-sena 1961, it-Totobola u wara, matul is-sena 1985, it-Totoloto.

    109.

    L-attivitajiet tas-Santa Casa huma rregolati permezz tad-Digriet Liġi Nru 322/91, tas-26 ta’ Awwissu 1991 ( 63 ).

    110.

    Skont l-Istatuti tagħha, is-Santa Casa hija “persuna ġuridika ta’ utilità pubblika amministrattiva”, jiġifieri persuna ġuridika privata, rikonoxxuta mill-awtoritajiet bħala entità li ma għandhiex skop ta’ lukru iżda għanijiet ta’ interess ġenerali.

    111.

    L-organi amministrattivi tas-Santa Casa huma kkostitwiti minn direttur, maħtur b’deċiżjoni tal-Prim Ministru, u bord ta’ diretturi, li l-membri tiegħu huma maħtura minn deċiżjonijiet ta’ ministri li fid-dikasteru tagħhom taqa’ s-Santa Casa.

    112.

    L-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard taqa’ taħt id-dipartiment tal-logħob tas-Santa Casa, li għandu l-organi amministrattivi u ta’ kontroll tiegħu.

    113.

    L-organu ta’ amministrazzjoni tad-dipartiment tal-logħob huwa kompost mid-direttur tas-Santa Casa, li jassigura b’mod obbligatorju l-presidenza, u żewġ diretturi maħtura permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tax-Xogħol u tas-Solidarjetà u tal-Ministru tas-Saħħa.

    114.

    Kull logħba tal-ażżard organizzata mis-Santa Casa tinħoloq separatament permezz ta’ digriet liġi u l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tagħha kollha, inklużi l-ammont tal-imħatri, il-pjan ta’ attribuzzjoni tal-premji, il-frekwenza tal-tlugħ, il-perċentwali konkreti għal kull premju, il-modi tal-ġbir tal-imħatri, il-metodu tal-għażla tad-distributuri awtorizzati, il-modi u t-termini tal-premijiet, huma rregolati mill-Gvern.

    115.

    Il-membri tal-bord tal-kompetizzjonijiet, tal-bord tal-tlugħ u tal-bord tal-ilmenti huma fil-maġġoranza rappreżentanti tas-servizz pubbliku. Il-president tal-bord tal-ilmenti, li għandu dritt ta’ vot aktar qawwi, huwa maġistrat li jagħmel parti mill-ġudikatura.

    116.

    Id-dipartiment tal-logħob għandu l-baġit u l-kontijiet tiegħu, annessi mal-baġit u mal-kontijiet tas-Santa Casa, u, bħala tali, jaqa’ taħt is-sorveljanza tal-Gvern.

    117.

    Dan id-dipartiment ingħata setgħat ta’ awtorità amministrattiva sabiex jinvestiga kontravvenzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni illegali tal-logħob tal-ażżard attribwit b’mod esklużiv lis-Santa Casa u sabiex jistitwixxi l-proċeduri relatati.

    118.

    L-Artikolu 14 tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 jagħti lit-tmexxija tad-dipartiment tal-logħob is-setgħat amministrattivi meħtieġa sabiex jimponi multi, bħal dawk li ttieħdu kontra l-Liga u Bwin.

    119.

    Kull deċiżjoni tad-dipartiment tal-logħob fil-kawżi ta’ kontravvenzjoni, kif ukoll kull deċiżjoni oħra li għandha effett estern għad-dipartiment tal-logħob, bħal pereżempju dawk li jirrrigwardaw l-akkwisti ta’ oġġetti jew servizzi u l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lil terzi sabiex jiddistribwixxu l-logħob soċjali, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.

    120.

    Is-Santa Casa ngħatat missjonijiet speċifiċi fl-oqsma tal-protezzjoni tal-familja, tal-maternità u tat-tfulija, tal-għajnuna lit-tfal mingħajr protezzjoni u fil-periklu, tal-għajnuna lill-persuni anzjani, ta’ sitwazzjonijiet soċjali ta’ nuqqas kbir kif ukoll ta’ servizzi tas-saħħa primarji u speċjalizzati.

    121.

    Inkonformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, is-Santa Casa żżomm biss 25% tad-dħul mil-logħob differenti. Il-bilanċ jitqassam bejn istituzzjonijiet ta’ utilità pubblika oħra, bħalma huma assoċjazzjonijiet ta’ pompieri li jaħdmu fuq bażi volontarja, istituzzjonijiet partikolari ta’ solidarjetà soċjali, stabbilimenti ta’ prevenzjoni u ta’ riedukazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, kif ukoll il-fondi ta’ żvilupp kulturali, jew inkella jiġi allokat għal oqsma ta’ azzjonijiet soċjali. Għalhekk, 50% tad-dħul mit-Totobola jmur għall-promozzjoni u għall-iżvilupp tal-futbol u 16% tad-dħul mit-Totoloto jservi sabiex jiffinanzja attivitajiet sportivi.

    III — Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    122.

    Il-Liga hija persuna ġuridika rregolata mil-liġi privata, li għandha struttura ta’ assoċjazzjoni u li ma għandhiex skop ta’ lukru, li tiġbor fi ħdanha l-clubs li jikkompetu f’kompetizzjonijiet tal-futbol fil-livell professjonali fil-Portugall. Il-Liga hija responsabbli mill-operazzjoni kummerċjali tal-kompetizzjonijiet li hija torganizza.

    123.

    Bwin hija impriża ta’ logħob online li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Ġibiltà. Hija tipproponi logħob tal-ażżard fuq is-sit tal-internet tagħha, miktub bil-lingwa Portugiża. Bwin hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni speċifika ta’ Ġibiltà li tirregola l-logħob tal-ażżard u kisbet l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa mill-Gvern ta’ Ġibiltà. Bwin ma għandha l-ebda stabbiliment fil-Portugall. Is-servers tagħha għall-offerta online jinsabu f’Ġibiltà u fl-Awstrija. L-imħatri kollha jsiru direttament mill-konsumatur fuq is-sit internet ta’ Bwin jew permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni diretta ieħor.

    124.

    Bwin tipproponi firxa wiesgħa ta’ logħob tal-ażżard online li jinkludi l-imħatri sportivi, il-logħob tal-lottu kif ukoll il-logħob tal-casinos bħalma huma r-roulette u l-poker. L-imħatri sportivi proposti jirrigwardaw kemm ir-riżultati ta’ logħbiet tal-futbol kif ukoll ir-riżultati ta’ kompetizzjonijiet sportivi oħrajn, bħalma huma l-logħbiet tar-rugby, it-tiġrijiet tal-karozzi tal-Formula 1 u l-logħbiet tal-basketball Amerikan.

    125.

    Il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatti li ġejjin ġew allegati kontra l-Liga u Bwin:

    li kkonkludew kuntratt ta’ sponsorship għal erba’ staġuni sportivi li jibdew mill-istaġun 2005/2006, fejn Bwin hija l-isponsor istituzzjonali tal-ewwel diviżjoni nazzjonali tal-futbol, li qabel kienet magħrufa bħala s-“Super Liga” u li issa hija magħrufa bl-isem ta’ “Liga betandwin.com”;

    li b’dan il-kuntratt Bwin akkwistat drittijiet sabiex tkun tista’ twaħħal il-logo “betandwin.com” fuq l-ilbies sportiv li jilbsu l-plejers tal-clubs li t-timijiet tagħhom jieħdu sehem fil-kampjonat tas-Super Liga kif ukoll li twaħħal dan il-logo fl-istadiums ta’ dawn il-clubs; barra minn dan, fis-sit internet tal-Liga ġew inklużi riferimenti u konnessjonijiet għas-sit internet ta’ Bwin;

    is-sit ta’ Bwin jippermetti li jsiru mħatri sportivi b’mezz elettroniku, fejn il-parteċipanti jaqtgħu r-riżultati ta’ logħbiet tal-futbol ta’ kull ġurnata tas-Super Liga kif ukoll ta’ logħbiet barra l-pajjiż, sabiex jiksbu premijiet fi flus; dan is-sit jippermeti wkoll li jsiru logħbiet ta’ lotteriji b’mezz elettroniku fejn il-parteċipanti f’dawn il-logħbiet jaqtgħu r-riżultati ta’ tlugħ bix-xorti ta’ numri.

    126.

    It-tmexxija tad-dipartiment tal-logħob tas-Santa Casa kkundannat lil-Liga u lil Bwin, rispettivament, għal multi ta’ EUR 75000 u ta’ EUR 74500 talli ppromovew, organizzaw u operaw, bħala koatturi, logħob soċjali tal-Istat, b’mezz elettroniku, jiġifieri l-imħatri totalizzaturi, u talli għamlu reklamar dwar il-logħob soċjali tal-Istat li jsir b’mezz elettroniku, jiġifieri l-imħatri totalizzaturi, bi ksur tas-sistema ta’ esklużività stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    127.

    Il-Liga u Bwin talbu l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet filwaqt li invokaw, b’mod partikolari, ir-regoli u l-ġurisprudenza Komunitarji.

    128.

    It-Tribunal ta’ Pequena Instância Criminal do Porto (Portugall) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fis-sustanza, il-kwistjoni hija jekk sistema ta’ esklużività favur is-Santa Casa, invokata kontra [Bwin], jiġifieri kontra fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi analogi u li ma għandu ebda stabbiliment fiżiku fil-Portugall, tikkostitwixxix xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jikser il-prinċipji ta’ moviment liberu ta’ servizzi, tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ moviment liberu ta’ pagamenti, stabbiliti rispettivament permezz tal-Artikoli 49 [KE], 43 [KE] u 56 KE.

    Għandu għalhekk isir magħruf jekk id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, l-imsemmija prinċipji jipprekludux sistema nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, minn naħa, tistabbilixxi sistema ta’ esklużività, favur entità waħda, fir-rigward tal-operazzjoni tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi u, min-naħa l-oħra, testendi din is-sistema ta’ esklużività ‘għat-territorju nazzjonali kollu, inkluż […] l-internet’.”

    IV — Analiżi

    A — Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

    129.

    Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fuq it-territorju Portugiż kollu, mogħti lil entità waħda kkontrollata mill-Istat li ma għandhiex skop ta’ lukru, huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, hijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

    130.

    Il-Gvern Taljan, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni, jikkontestaw jew ipoġġu f’dubju l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari peress li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma għandhiex indikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kontenut u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli fil-kawża prinċipali.

    131.

    Ma nemminx li d-domanda magħmula tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli.

    132.

    Fil-fatt, id-deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha tippermetti li jinftiehem b’mod ċar li din, minn naħa, tagħti lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li torganizza u topera lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet u, min-naħa l-oħra, tipprevedi sanzjonijiet kontra operaturi li jiksru din l-esklużività. Bl-istess mod, il-preżentazzjoni tal-punti ta’ fatt tiddeskrivi l-interess li hemm wara l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn dan, id-deċiżjoni ta’ rinviju tippermetti li jinftiehem li l-qorti nazzjonali għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħha mad-dritt Komunitarju, sa fejn tipprekludi lil operatur ekonomiku li jeżerċita legalment l-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru milli jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-Portugall.

    133.

    Huwa minnu li, fid-dawl tal-kriterji, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li abbażi tagħhom il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus għandha tiġi evalwata, kont nistenna li l-qorti tar-rinviju tagħti deskrizzjoni aktar sħiħa tad-dritt nazzjonali tagħha u tal-implementazzjoni tiegħu, f’dak li jikkonċerna l-monopolju tas-Santa Casa, kif ukoll il-motivi li għalihom dan il-monopolju ġie estiż għal-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet. Kien ukoll mixtieq li din il-qorti tindika r-raġunijiet għaliex id-deċiżjonijiet mogħtija qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrispondux għad-domandi tagħha u ma jippermettulhiex li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    134.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ dawn l-indikazzjonijiet fid-deċiżjoni ta’ rinviju ma jiġġustifikax li d-domanda magħmula tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    135.

    Fil-fatt, din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju peress li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxu l-libertaijiet ta’ moviment. Din id-domanda hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, jekk il-libertà ta’ moviment rilevanti tiġi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li tipprekludi l-għoti ta’ tali dritt esklużiv, ir-rikors imressaq mil-Liga u Bwin ikollu jiġi ddikjarat fondat.

    136.

    Fl-aħħar nett, l-elementi mogħtija mill-qorti tar-rinviju huma suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħtiha risposta utli, minn tal-inqas dwar il-kwistjoni jekk l-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità waħda f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet huwiex, a priori jew neċessarjament, kontra d-dritt Komunitarju.

    137.

    Issa, skont ġurisprduenza kostanti, hija l-qorti nazzjonali biss, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tal-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni ( 64 ).

    138.

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom jitressaq quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari. Kif ġie mfakkar regolarment fis-sentenzi dwar rinviji għal deċiżjoni preliminari, “l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fl-eżerċizzju [ta’ tali] rinviju […] jimplika [fil-fatt] li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi” ( 65 ).

    139.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma tistax tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ norma Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 66 ).

    140.

    Id-domanda preliminari eżaminata ma taqa’ taħt ebda wieħed mill-eżempji msemmija.

    141.

    Nenfasizza, barra minn dan, li, minkejja l-ftit informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju dwar il-kontenut u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, disa’ Stati Membri barra r-Repubblika Portugiża setgħu, bħal din tal-aħħar kif ukoll il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, jippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet.

    142.

    Jirriżulta, barra minn hekk, li l-Liga u Bwin, kif ukoll l-intervenjenti, b’mod partikolari l-Gvern Portugiż, spjegaw fid-dettall il-kontenut u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u li dawn l-elementi setgħu jiġu dikussi aktar fit-tul waqt il-proċedura orali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk setgħet tmur lil hinn mill-eżami tas-sempliċi kwistjoni ta’ prinċipju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għal entità waħda d-dritt esklużiv li tipproponi mħatri totalizzaturi fuq l-internet.

    143.

    Il-Gvern Taljan jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari abbażi tal-motiv li l-qorti nazzjonali talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali tagħha mad-dritt Komunitarju.

    144.

    Huwa minnu li, kif indika dan il-gvern u inkonformità ma’ ġurisprudenza kostanti, skont id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 234 KE, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali taqa’ fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali u mhux f’dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, u mhijiex din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa taħt dan l-artikolu, dwar il-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju ( 67 ).

    145.

    Madankollu, anki jekk jitqies li d-domanda preliminari eżaminata għandha tiġi interpretata fis-sens mogħti mill-Gvern Taljan, hija xorta waħda ma tkunx inammissibbli. Meta tiġi mistoqsija espressament fuq il-kompatibbiltà ta’ regola interna mad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula d-domanda magħmula b’dan il-mod skont il-kompetenzi tagħha u tfakkar li hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju kollha li jippermettu lill-qorti nazzjonali tevalwa din il-kompatibbiltà ( 68 ).

    146.

    Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

    B — Fuq il-mertu

    147.

    Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 jipprojbixxu, minn naħa, l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi fuq l-internet bi ksur tad-dritt esklużiv mogħti lis-Santa Casa u, min-naħa l-oħra, ir-reklamar għal-logħob online organizzat bi ksur ta’ dan id-dritt esklużiv.

    148.

    Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta wkoll li l-Liga u Bwin ġew ikkundannati, it-tnejn li huma, għal multa waħda ta’ EUR 75000 u ta’ EUR 74500 rispettivament talli, minn naħa, organizzaw u operaw imħatri totalizzaturi fuq l-internet bi ksur tad-dritt esklużiv tas-Santa Casa u, min-naħa l-oħra, talli rreklamaw dawn l-imħatri.

    149.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt Komunitarju għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ żewġ serje ta’ dispożizzjonijiet. Minn naħa, sa fejn hija tagħti lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li toffri lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet u twaqqaf kull fornitur ieħor ta’ servizzi stabbbilit fl-Unjoni milli jipproponi dawn is-servizzi online fil-Portugall, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tkun koperta mid-Direttiva 98/34. Min-naħa l-oħra, sa fejn hija tipprojbixxi kull reklamar għal lotteriji u mħatri totalizzaturi organizzati bi ksur tad-dritt esklużiv tas-Santa Casa, l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

    1. L-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34

    150.

    Il-kwistjoni hawnhekk hija jekk l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fuq it-territorju nazzjonali kollu jkopri l-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    151.

    Il-Kummissjoni, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, sostniet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34.

    152.

    L-intervenjenti, li ntalbu jagħtu l-fehma tagħhom fuq dan il-punt waqt il-proċedura orali, ħadu pożizzjonijiet diverġenti. Il-Liga u Bwin qablu mal-analiżi tal-Kummissjoni.

    153.

    Il-Gvern Portugiż jenfasizza li d-Direttiva 98/34 ma kinitx invokata mil-Liga u Bwin fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-qorti tar-rinviju ma għamlet ebda domanda dwar din id-direttiva. Dan il-gvern ifakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina d-dritt Komunitarju applikabbli fil-kawża li jkollha tiddeċiedi. Minn dan il-Gvern Portugiż jikkonkludi li l-imsemmija direttiva mhijiex rilevanti f’din il-kawża.

    154.

    B’mod sussidjarju, huwa jsostni li d-Direttiva 98/34 ma tobbligax lir-Repubblika Portugiża tinnotifika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni. Huwa jenfasizza li l-logħob tal-ażżard u tal-flus ġie eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 dwar il-kummerċ elettroniku u tad-Direttiva 2006/123 dwar il-provvista ta’ servizzi fis-suq intern.

    155.

    Il-Gvern Daniż, sostnut mill-Gvern Awstrijaku, adotta l-istess pożizzjoni tal-Gvern Portugiż. Barra minn dan, huwa spjega li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, li tipprevedi projbizzjoni ta’ operazzjoni ta’ attività fit-territorju Portugiż tista’ tiġi kkunsidrata bħala leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni u li, skont il-ġurisprudenza, tali leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix regolament tekniku. Huwa jsostni li dan il-kunċett ġie interpretat mill-ġurisprudenza fis-sens li jkopri biss l-ispeċifikazzjonijiet li jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-prodotti biss ( 69 ).

    156.

    Il-Gvern Grieg jikkunsidra wkoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi monopolju ta’ Stat fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus ma taqax taħt id-Direttiva 98/34.

    157.

    Jiena ma naqbilx mal-pożizzjoni ta’ dawn il-gvernijiet. Se nfakkar, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-possibbiltà li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34 minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għamlitilhiex domandi dwar din id-direttiva. It-tieni nett, se nindika l-motivi għaliex, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Se nippreċiża wkoll il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Istati Membri fuq ir-rilevanza tad-Direttiva 98/34 għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli utli li nindikaw li s-sentenza li eventwalment tingħata torbot lill-qorti tar-rinviju, inkluż, jekk ikun il-każ, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva.

    a) Il-possibbiltà, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tinterpreta d-Direttiva 98/34 minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għal din id-direttiva

    158.

    Il-possibbiltà, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tinterpreta d-Direttiva 98/34 minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għamlitilhiex domandi dwar din id-direttiva tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita ferm. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-qorti tar-rinviju ma staqsithiex dwar id-dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju applikabbli fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija teżamina ex officio l-portata ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, skont formula ripetuta ta’ spiss, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li tkun għamlitilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt Komunitarju li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-domanda tagħha ( 70 ).

    159.

    Minn dan isegwi li, meta bħal fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxu l-libertajiet ta’ moviment, din tista’ tirrispondiha billi tinterpreta direttiva li tirregola b’mod speċifiku l-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali ( 71 ).

    b) Il-leġiżlazzjoni kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34

    160.

    Kuntrarjament għall-Istati Membri li ħadu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni, jiena tal-fehma, bħalma huma l-Liga u Bwin, u kif ukoll il-Kummissjoni, li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, sa fejn tipprojbixxi lill kull operatur ekonomiku milli jipproponi fil-Portugall lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34.

    161.

    Jiena nibbaża l-pożizzjoni tiegħi, l-ewwel nett, fuq id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “servizz” u ta’ “regolament tekniku” li jinsabu fl-imsemmija direttiva.

    162.

    B’hekk, “servizz tas-Soċjetà tal-Informatika”, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, huwa kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi. Barra minn dan, mid-dsatax-il premessa tad-Direttiva 98/48 jirriżulta li, sabiex tiġi interpretata din id-definizzjoni, għandu jsir riferiment ukoll għall-kunċett ta’ “servizz” imsemmi fl-Artikolu 50 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    163.

    Kif diġà spjegajt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li fornitur stabbilit fi Stat Membru li joffri permezz tal-internet, mingħajr ma jiċċaqlaq minn pajjiżu, logħob online lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jipprovdi servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE ( 72 ).

    164.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 jipprevedi espressament li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jkopri r-regoli li jipprojbixxu li jingħata jew li jintuża servizz. Kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda minn diversi Stati Membri, dan il-kunċett, minn meta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 ġie estiż għas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, ma baqax għalhekk limitat għall-ispeċifikazzjonijiet li jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-prodotti biss, bħalma kien il-każ taħt id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE ( 73 ), kif kienet ġiet interpretata fis-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, CIA Security International ( 74 ), van der Burg ( 75 ) u Canal Satélite Digital ( 76 ), li għalihom jirreferu dawn l-Istati.

    165.

    Il-leġiżlazzjoni kontenzjuża, li tirriżerva lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li torganizza u topera lotteriji u mħatri totalizzaturi permezz tal-internet fuq it-territorju Portugiż kollu u li tipprevedi sanzjonijiet kontra kull operatur ekonomiku li jaġixxi bi ksur ta’ dan id-dritt esklużiv, għandha effettivament l-effett li tipprojbixxi lil fornitur ta’ logħob fuq l-internet milli jipprovdi s-servizzi tiegħu.

    166.

    Fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet, din il-leġiżlazzjoni effettivament tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

    167.

    It-tieni nett, din l-analiżi jidhirli li hija konformi mal-motivi għaliex il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ġie estiż għas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

    168.

    B’hekk, mill-motivi tad-Direttiva 98/48 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ried li jestendi għal dan it-tip ta’ servizzi speċifiċi s-sistema ta’ trasparenza u ta’ kontroll prevista inizjalment fir-rigward tal-merkanzija biss sabiex jiġi evitat xkiel għall-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi li jista’ jiġi kkawżat mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

    169.

    L-applikazzjoni tas-sistema ta’ notifika obbligatorja prevista permezz tad-Direttiva 98/34 għal din il-leġiżlazzjoni ma tfissirx li din tmur kontra d-dritt Komunitarju.

    170.

    Kif diġà spjegajt, id-Direttiva 98/34 għandha biss l-għan li tistitwixxi sistema ta’ kontroll preventiv. L-ewwel nett, meta jobbliga lil Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, il-leġiżlatur Komunitarju jitlob lil dan l-Istat sabiex jagħmel huwa stess kontroll minn qabel aktar profond tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt Komunitarju. Id-Direttiva 98/34 għandha għalhekk l-effett li turi b’mod ċar li, jekk il-leġiżlazzjoni maħsuba tfixkel il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informatika, l-Istat Membru għandu jkun f’pożizzjoni li jiġġustifika dan skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza.

    171.

    Is-sistema ta’ notifika prevista mid-Direttiva 98/34 tippermetti mbagħad lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn sabiex ikunu jafu bl-abbozz ta’ din il-leġiżlazzjoni u sabiex jeżaminaw jekk toħloqx xkiel. F’dan il-każ, l-Istati Membri l-oħrajn jistgħu jipproponu lill-awtur tal-abbozz li jagħmel emendi. Il-Kummissjoni tista’, min-naħa tagħha, tipproponi jew tadotta miżuri komuni li jirregolaw il-qasam li jkun is-suġġett tal-miżura maħsuba.

    172.

    Din is-sistema tirrikonċilja għalhekk is-setgħa sovrana tal-Istati Membri li jadottaw regolamenti tekniċi fl-oqsma fejn dawn ir-regolamenti mhumiex armonizzati mal-obbligu reċiproku tagħhom, li daħlu għalih fit-Trattat, li jimplementaw suq komuni, jiġifieri spazju li fih, b’mod partikolari, il-merkanzija u s-servizzi jiċċaqalqu liberament.

    173.

    Minn dan isegwi li d-Diretttiva 98/34 hija realment effikaċi biss jekk ir-regolamenti tekniċi kollha jkunu nnotifikati ( 77 ), inklużi dawk dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus, peress li dan il-logħob jikkostitwixxi attività ekonomika u jaqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    174.

    Barra minn dan, nirrileva li, meta l-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi l-logħob tal-ażżard u tal-flus minn att dwar is-servizzi, bħalma huma d-Direttivi 2000/31 dwar il-kummerċ elettroniku u 2006/123 dwar is-servizzi fis-suq intern, huwa ppreveda din l-esklużjoni espressament. Issa, id-Direttiva 98/34 ma għandha ebda dispożizzjoni li teskludi r-regolamenti tekniċi dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    175.

    It-tielet nett, jidhirli li din l-analiżi hija konformi mal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata aktar ’il fuq, rigward il-liġi Griega dwar il-projbizzjoni tal-użu ta’ logħob fuq kompjuters li jinsabu f’impriżi li jipprovdu servizzi tal-internet. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni kellha tiġi kkwalifikata bħala “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 ( 78 ).

    176.

    Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat għalhekk li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprojbixxi l-aċċess għal logħob fuq l-internet tikkonċerna l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34.

    177.

    Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tgħid lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fit-territorju kollu ta’ dan l-Istat huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 79 ).

    c) Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ notifika tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża

    178.

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku ( 80 ). L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jobbligahom jagħmlu rapport dwar l-adozzjoni ta’ dan l-abbozz waqt il-perjodu ddeterminat minnu.

    179.

    Inkonformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-abbozz ta’ Digriet Liġi Nru 282/2003, li, minn naħa, jestendi d-dritt esklużiv ta’ operazzjoni tas-Santa Casa għal-logħob offert fuq mezzi elettroniċi, b’mod partikolari permezz tal-internet, u, min-naħa l-oħra, jipprevedi sanzjonijiet fil-forma ta’ multi aministrattivi kontra operaturi ekonomiċi li jiksru dan id-dritt esklużiv, kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

    180.

    Din tal-aħħar spjegat, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, li l-abbozz ta’ din il-leġiżlazzjoni ma kienx ġie nnotifikat lilha. Il-Gvern Portugiż ikkonferma li ma għamlitx din in-notifika.

    181.

    Fis-sentenza CIA Security International, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ notifika. Hija qieset li l-obbligi ta’ notifika u ta’ rapport, stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189, huma mingħajr kundizzjoni u huma biżżejjed preċiżi sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn individwi quddien il-qrati nazzjonali ( 81 ). Għalhekk, regolament tekniku li ma kienx ġie nnotifikat ma jistax jitqajjem kontra tagħhom u l-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikahx ( 82 ).

    182.

    Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 peress li huma fformulati f’termini li jixbhu lil dawk tad-Direttiva 83/189.

    183.

    Peress li d-Direttiva 98/34 għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipproteġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informatika, operatur ekonomiku bħal Bwin, stabbilit f’Ġibiltà, għandu dritt jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet.

    184.

    Ġibiltà tikkostitwixxi, fil-fatt, territorju Ewropew li r-relazzjonijiet esterni tiegħu huma responsabbiltà tar-Renju Unit. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għaliha, inkonformità mal-Artikolu 299(4) KE, b’riżerva tal-esklużjonijiet previsti fl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattat ( 83 ).

    185.

    Minn dan l-att il-ġurisprudenza kkonkludiet li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll l-atti ta’ dritt sekondarju li huma intiżi li jassiguraw approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi ffavorit l-istabbiliment ta’ din il-libertà ta’ moviment ma japplikawx f’dan it-territorju ( 84 ).

    186.

    Madankollu, dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati, fil-fehma tiegħi, bħala eċċezzjonijiet għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 299(4) KE, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għal territorju Ewropew bħalma hija Ġibiltà. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll l-atti ta’ dritt sekondarju adottati sabiex jassiguraw l-istabbiliment ta’ din il-libertà huma għalhekk applikabbli għaliha. Bħala prova ta’ dan inressaq is-sentenzi, f’kawżi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu mibdija mill-Kummissjoni, mogħtija fil-konfront tar-Renju Unit talli ma ttrasponix direttivi bħal dawn f’dan it-territorju ( 85 ).

    187.

    Minn dan nikkonkludi li operatur ekonomiku bħal Bwin, stabbilit f’Ġibiltà, għandu dritt jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 sa fejn dawn jikkonċernaw regolamenti tekniċi dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

    188.

    Iċ-ċirkustanza li dawn id-dispożizzjonijiet huma previsti f’att li jikkonċerna wkoll il-libertà ta’ moviment tal-merknazija, fil-fehma tiegħi, ma tistax titqajjem kontra din l-analiżi. Regolament tekniku jista’ b’mod ċar ikun konness ma’ din il-libertà ta’ moviment jew mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informatika skont id-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn il-libertajiet kif iddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    189.

    Inkonformità mal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CIA Security International, iċċitata aktar ’il fuq, jekk ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni b’mod regolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn, minn naħa, tirriżerva lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet u, min-naħa l-oħra, tipprevedi sanzjonijiet fil-forma ta’ multi amministrattivi kontra fornituri ta’ servizzi li joffru logħob fuq l-internet lil persuni li huma residenti fit-territorju Portugiż bi ksur ta’ dan id-dritt esklużiv, ma tistax, għalhekk, titqajjem kontra Bwin u l-qorti nazzjonali ma għandhiex tapplikaha.

    190.

    Din il-konklużjoni għandha tapplika wkoll f’dak li jikkonċerna l-Liga, li ġiet ikkundannata bħala koawtur ta’ Bwin talli organizzat u operat imħatri totalizzaturi b’mezzi elettroniċi.

    191.

    Hija l-qorti nazzjonali, li hija biss hija kompetenti sabiex tistabbilixxi l-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tivverifika jekk l-abbozz ta’ Digriet Liġi Nru 282/2003, intiż, fis-sustanza, li jestendi d-dritt esklużiv ta’ operazzjoni tas-Santa Casa għal-logħob offert fuq mezzi elettroniċi, b’mod partikolari permezz tal-internet, u li jissanzjona b’multa l-ksur ta’ dan id-dritt esklużiv, kienx ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34.

    192.

    Hija wkoll dik il-qorti li għandha tasal għall-konsegwenzi kollha dwar il-multi imposti fuq il-Liga u Bwin, sa fejn dawn il-multi uniċi jirrigwardaw il-fatt li ġew organizzati u operati mħatri totalizzaturi fuq l-internet bi ksur tad-dritt esklużiv tas-Santa Casa.

    d) L-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-qorti tar-rinviju

    193.

    Ir-risposti mogħtija mid-diversi Stati Membri waqt is-seduta għad-domanda dwar ir-rilevanza tad-Direttiva 98/34 għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jinftehmu fis-sens li s-sentenza preliminari li eventwalment tingħata, sa fejn tirrigwarda l-interpetazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jkollhiex, skont dawn l-Istati, natura vinkolanti għall-qorti tar-rinviju.

    194.

    Jiena ma naqbilx ma’ dan. Is-sentenzi preliminari għandhom, fil-fehma tiegħi, natura vinkolanti għall-qorti tar-rinviju anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq norma ta’ dritt Komunitarju li għaliha dik il-qorti ma kinitx għamlet riferiment fid-domanda tagħha.

    195.

    Jiena nibbaża din l-analiżi, minn naħa, fuq ir-relazzjonijiet bejn id-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq il-funzjoni proprja tal-proċedura ta’ domanda preliminari.

    196.

    Fuq l-istess punt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi van Gend & Loos ( 86 ) u Costa ( 87 ), meta ffirmaw u rratifikaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-Istati Membri ta’ din il-Komunità aċċettaw li dan it-Trattat kif ukoll l-atti adottati abbażi tiegħu jagħmlu parti mid-dritt nazzjonali tagħhom, jipprevalu fuq kull regola nazzjonali kuntrarja, tkun xi tkun, u joħolqu drittijiet b’mod dirett favur individwi.

    197.

    Barra minn hekk, huma ntrabtu li jieħdu l-miżuri kollha adatti sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju u dan l-obbligu huwa impost fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom. Il-qorti nazzjonali għandha għalhekk l-obbligu li tassigura l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet tas-sistema legali Komunitarja.

    198.

    B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali għandha ma tapplikax, ex officio, kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tagħha li tkun kuntrarja għal norma Komunitarja applikabbli direttament, mingħajr ma jkun meħtieġ li titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tad-dispożizzjoni nazzjonali fis-sistema interna ( 88 ). Jekk in-norma Komunitarja ma tkunx applikabbli direttament, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, sa fejn ikun possibbli, b’tali mod li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din in-norma, inkonformità mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi ( 89 ).

    199.

    Il-qorti nazzjonali għandha għalhekk il-missjoni li tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju.

    200.

    Huwa minnu li l-qorti nazzjonali tissodisfa dawn l-obbligi inkonformità mar-regoli ta’ proċedura interna tagħha, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li huwa bbażat fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li skonthom, minn naħa, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk applikabbli sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma għandhomx ikunu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli ( 90 ).

    201.

    Meta, fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-qorti nazzjonali, il-partijiet ma jkunux invokaw in-norma Komunitarja applikabbli, jista’ jirriżluta, fl-istat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li din in-norma ma tkunx applikata.

    202.

    Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tqajjem ex officio n-norma ta’ dritt Komunitarju applikabbli meta, skont id-dritt nazzjonali tagħha, ikollha l-obbligu jew il-fakultà li tagħmel dan fir-rigward ta’ regola vinkolanti tad-dritt nazzjonali tagħha ( 91 ). Bil-kontra, hija mhijiex obbligata li tagħmel dan meta d-dritt nazzjonali tagħha ma jipprevedix dan l-obbligu jew din il-fakultà u meta l-partijiet kellhom opportunità ġenwina li jqajmu huma stess dan il-motiv waqt il-proċedura ( 92 ). L-obbligu li tqajjem ex officio norma ta’ dritt Komunitarju applikabbli lanqas ma japplika meta l-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju jobbliga lill-qorti nazzjonali li toħroġ mil-limiti tal-kwistjoni kif definita mill-partijiet ( 93 ).

    203.

    Madankollu, dawn il-limiti għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ma jistgħux ikunu trasposti meta l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ domanda preliminari, teżamina ex officio n-norma applikabbli għall-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    204.

    Il-proċedura ta’ domanda preliminari għandha l-għan li tassigura l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju mill-qrati nazzjonali ( 94 ). Din l-interpretazzjoni uniformi tista’ tiġi assigurata biss jekk is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollhom, għall-qrati nazzjonali, natura vinkolanti. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Benedetti ( 95 ), is-sentenza mogħtija fuq domanda preliminari torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-atti Komunitarji inkwistjoni.

    205.

    Din in-natura vinkolanti tikkostitwixxi wkoll il-korollarju tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jassiguraw l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju.

    206.

    Din l-analiżi hija kkonfermata mit-Trattat li, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, jipprovdi li r-rinviju preliminari huwa vinkolanti meta d-domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju titressaq quddiem qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali. Fil-fatt, huwa sabiex jiġi evitat li d-dritt Komunitarju jiġi interpretat ħażin li tali qorti, li min-natura tagħha tikkostiwixxi l-aħħar istanza li quddiemha l-individwi jistgħu jsostnu d-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju, hija obbligata tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 96 ).

    207.

    L-imsemmija analiżi ġiet imsaħħa mill-ġurisprudenza meta ġie deċiż li l-ksur manifest tad-dritt Komunitarju minn qorti li tagħti deċiżjoni fl-aħħar istanza jista’ jinvolvi r-responsabbiltà tal-Istat ( 97 ), u wkoll meta ġie deċiż li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jitressaq kontra Stat Membru minħabba interpretazzjoni ġurisprudenzjali nazzjonali kuntrarja għad-dritt Komunitarju meta din il-ġurisprudenza tkun ikkonfermata jew sempliċiment mhux kontradetta mill-Qorti suprema ( 98 ).

    208.

    Il-proċedura ta’ domanda preliminari għandha għalhekk l-għan li tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Huwa għalhekk li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Portugiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ma’ tistax tkun marbuta bl-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali dwar in-norma ta’ dritt Komunitarju applikabbli għall-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli għas-soluzzjoni tal-kawża li għandha tiddeċiedi, jiġifieri risposta li permezz tagħha tkun tista’ tissodisfa l-missjoni tagħha li tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju.

    209.

    Barra minn dan, l-eżami ex officio, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ norma ta’ dritt Komunitarju li ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju jkun imċaħħad minn parti kbira tal-utilità tiegħu jekk is-sentenza preliminari, fejn jirrigwarda din in-norma, ma jkollhiex effett vinkolanti għal din il-qorti.

    210.

    Dwar iċ-ċirkustanza li l-partijiet fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma semmewx, quddiem il-qorti nazzjonali, id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja, din ma tikkostitwixxix ostakolu għall-effett vinkolanti tas-sentenza preliminari, sa fejn dawn il-partijiet ikollhom il-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ domanda preliminari. Għandu jitfakkar li, f’din il-kawża, il-partijiet intalbu mill-Qorti tal-Ġustizzja, qabel is-seduta, iressqu matul din is-seduta l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rilevanza tad-Direttiva 98/34 għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    211.

    Minn dan isegwi li n-natura vinkolanti tas-sentenzi preliminari għandha neċessarjament tapplika, fil-fehma tiegħi, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju li għaliha l-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment.

    212.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta r-risposta mogħtija lill-qorti tar-rinviju billi tiddeċiedi li sentenza preliminari torbot lill-qorti tar-rinviju anki meta tirrigwarda norma ta’ dritt Komunitarju li ma kinitx imsemmija minn din tal-aħħar fid-domanda tagħha.

    2. Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-libertaijiet ta’ moviment

    213.

    Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi dwar ir-rilevanza tad-Direttiva 98/34 f’din il-kawża u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-nuqqas ta’ notifika, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-libertaijiet ta’ moviment, sa fejn tipprojbixxi li jsir reklamar għal logħob online organizzat u operat bi ksur tad-dritt esklużiv tas-Santa Casa, ma jidhirx manifestament nieqes minn kull interess għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    214.

    Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ infurzabbiltà kontra l-Liga u Bwin tad-Digriet Liġi Nru 282/2003, sa fejn jagħti lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li torganizza u topera lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fuq l-internet, għandux iwassal sabiex tiġi annullata għal kollox il-multa waħda imposta fuq kull wieħed minnhom, jew inkella jekk l-ammont ta’ din il-multa jistax jitqassam bejn dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni tal-logħob u mar-reklamar għal dan il-logħob.

    215.

    Għandha għalhekk ssir il-domanda jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi li jsir reklamar għal logħob online organizzat u operat bi ksur tad-dritt esklużiv mogħti lil entità waħda kkontrollata mill-Istat li ma għandhiex skop ta’ lukru hijiex kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    216.

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jidher li huwa utli li tiġi eżaminata d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li tirriżerva lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li torganizza u topera fil-Portugall lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fuq l-internet, mal-libertaijiet ta’ moviment. Fil-fatt, jekk dan id-dritt esklużiv huwa konformi mad-dritt Komunitarju, il-kwistjoni tal-konformità mad-dritt Komunitarju tal-projbizzjoni li jsir reklamar għal lotteriji u mħatri totalizzaturi organizzati u operati bi ksur tal-imsemmi dritt esklużiv tispiċċa.

    217.

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li biha d-dritt esklużiv, irriżervat lis-Santa Casa, li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fuq it-territorju kollu tal-Istat, huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari, għall-internet, hijiex kontra d-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, il-libertà li jiġu provduti servizzi, il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà ta’ moviment tal-kapital u tal-pagamenti, previsti fl-Artikoli 49 KE, 43 KE u 56 KE.

    218.

    F’dan l-istadju tal-analiżi, nista’ nqajjem il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-libertaijiet ta’ moviment humiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li s-Santa Casa ngħatalha l-monopolju tal-operazzjoni tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi fuq l-internet għal motivi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni pubbliku kontra l-effetti negattivi ta’ dan il-logħob. Monopolju nazzjonali bbażat fuq dawn il-motivi jista’ jiġi kkunsidrat bħala li għandu għan ta’ interess pubbliku ( 99 ).

    219.

    Għalhekk, id-domanda li setgħet tqum hija dwar jekk is-Santa Casa tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE, li jipprovdi li l-impriżi responsabbli sabiex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dawn l-impriżi.

    220.

    Madankollu, la l-qorti tar-rinviju, la l-Gvern Portugiż u lanqas is-Santa Casa ma semmew dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk wieħed jassumi li semmewhom, ma naħsibx li l-eżami tal-preżenti kawża mil-lat tal-Artikolu 86(2) KE kien iwassal għal riżultat differenti mir-risposta li ser nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    221.

    Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar il-portata tal-Artikolu 86(2) KE, id-deroga għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat intiżi li jistitwixxu suq komuni, prevista minn din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi applikata biss jekk il-missjoni tal-entità li għandha l-monopolju teħtieġ li dawn ir-regoli ma jkunux applikati. Fi kliem ieħor, l-applikabbiltà ta’ din id-deroga hija suġġetta għat-tressiq tal-prova li l-implementazzjoni tal-imsemmija regoli tagħmilha impossibbli li titwettaq din il-missjoni ( 100 ).

    222.

    Jiena tal-fehma li l-eżami ta’ din il-kundizzjoni kien iwassal għal analiżi ta’ kemm il-leġiżlazzjoni kontenzjuża hija adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha u tal-proprozjonalità tagħha li hija komparabbli ma’ dik li ser nagħmel fil-kuntest tal-istudju tal-kompatibbiltà tagħha fid-dawl tal-libertà ta’ moviment rilevanti.

    223.

    Ser nindika li din il-leġiżlazzjoni, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 49 KE peress li tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fl-aħħar nett ser neżamina jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tkun ġustifikata.

    a) Il-libertà ta’ moviment applikabbli

    224.

    Jiena tal-fehma, kif ingħad mil-Liga u Bwin, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Portugiż u kif ukoll mill-Kummissjoni, li l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-dritt Komunitarju għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-artikoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet biss.

    225.

    Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Bwin hija stabbilita f’Ġibilità u li hija teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Portugall permezz tal-internet. Rajna li ġie deċiż li fornitur stabbilit fi Stat Membru li joffri permezz tal-internet, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiċċaqlaq, logħob online lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor jipprovdi servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE ( 101 ).

    226.

    Huwa minnu li, sa fejn tirriżerva dawn l-attivitajiet lis-Santa Casa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi wkoll restrizzzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, sa fejn Bwin ma pprovatx tistabbilixxi ruħha fil-Portugall, din il-libertà ta’ moviment mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Iċ-ċirkustanza, imsemmija mill-Gvern Belġjan, li l-Liga kienet taġixxi de facto bħala intermedjarja ta’ Bwin mhijiex tali li twaqqa’ din l-analiżi.

    227.

    Għandu jitfakkar li l-libertà ta’ stabbiliment tagħti lil kumpannija stabbilita skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollha l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħha ġewwa l-Komunità, id-dritt li teżerċita l-attività tagħha fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija ( 102 ), jiġifieri permezz ta’ stabbiliment sekondarju li hija tassigura l-kontroll tiegħu. Issa, il-kuntratt li sar bejn ir-rikorrenti fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux l-għan u lanqas l-effett li jpoġġi lil-Liga taħt il-kontroll ta’ Bwin u lanqas li jagħmel lil-Liga stabbiliment sekondarju ta’ din tal-aħħar.

    228.

    F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, il-libertà ta’ moviment tal-kapital u tal-pagamenti, ma jistax jiġi miċħud li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tista’ tillimita l-pagamenti bejn persuni residenti fil-Portugall u Bwin. Madankollu, din ir-restrizzjoni hija biss il-konsegwenza tal-projbizzjoni magħmula lil din tal-aħħar li tipprovdi s-servizzi ta’ logħob online tagħha lil persuni residenti fit-territorju Portugiż.

    229.

    Kif fakkret ġustament il-Kummissjoni, peress li l-effetti restrittivi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-moviment liberu tal-pagamenti huma biss konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni imposta fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, m’hemmx lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE ( 103 ).

    230.

    Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġej: l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fit-territorju ta’ dan l-Istat, mogħti lil entità waħda kkontrollata mill-Istat u li ma għandhiex skop ta’ lukru, huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet?

    b) L-eżistenza ta’ restrizzjoni

    231.

    Jidher li ma jistax jiġi miċħud u mhuwiex ikkontestat mill-Gvern Portugiż li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    232.

    Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi fornitur ta’ logħob online stabbilit fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika Portugiża milli jipproponi lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fuq l-internet lil konsumaturi residenti f’dan l-Istat tal-aħħar. L-Artikolu 49 KE, kif diġà rajna, jipprevedi t-tneħħija ta’ miżuri li jipprojbixxu l-attivitajiet ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi. Barra minn dan, dan l-artikolu jibbenefika kemm lill-fornitur u kif ukoll lid-destinatarju tas-servizzi ( 104 ).

    233.

    Fl-aħħar nett, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil impriża li tiġbor imħatri stabbilita fi Stat Membru ieħor milli tipproponi s-servizzi tagħha permezz tal-internet lil destinatarji stabbiliti fl-ewwel Stat tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 KE ( 105 ).

    c) Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

    234.

    Restrizzjoni bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija konformi mad-dritt Komunitarju jekk hija ġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u jekk ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fi kwalunkwe każ, hija għandha tkun applikata b’mod mhux diskriminatorju.

    235.

    Inkonformità mal-prinċipju komuni għall-attivitajiet ekonomiċi kollha li mhumiex armonizzati, huwa l-Istat Membru li joħloq ir-restrizzjoni inkwistjoni li għandu juri li din hija verament meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li dam ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri anqas restrittivi ( 106 ).

    i) L-argumenti tal-partijiet

    236.

    Il-Liga u Bwin jispjegaw li d-dritt esklużiv, mogħti lis-Santa Casa, li tipproponi lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet lill-konsumaturi residenti fit-territorju Portugiż iwassal għall-għeluq sħiħ tas-suq tal-logħob online f’dan l-Istat, u dan jikkostitwixxi l-aktar ksur gravi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huma jsostnu li din ir-restrizzjoni mhijiex ġustifikata.

    237.

    Skond il-Liga u Bwin, ir-Repubblika Portugiża kellha turi, l-ewwel nett, li l-problema li għaliha tirreferi l-miżura restrittiva hija vera problema gravi fit-territorju tagħha, it-tieni nett, li din il-miżura hija adegwata sabiex issolvi din il-problema u, fl-aħħar nett, li hija ma kellhiex mezzi anqas restrittivi biex issolviha.

    238.

    Il-Liga u Bwin jispjegaw li d-dritt esklużiv mogħti lis-Santa Casa mhuwiex adegwat sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa peress li r-Repubblika Portugiża ma għandhiex politika koerenti u sistematika ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-logħob, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza. Fir-realtà, l-unika intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru hija li jżid id-dħul mil-logħob tal-ażżard u tal-flus. Il-Liga u Bwin jispjegaw li l-logħob propost mis-Santa Casa kellu żvilupp kbir f’dawn l-aħħar snin, sostnut minn reklamar aggressiv. Huma jindikaw ukoll li r-Repubblika Portugiża ssegwi b’mod attiv politika ta’ estensjoni tal-logħob fil-casinos.

    239.

    Il-Liga u Bwin isostnu, fl-aħħar nett, li l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni jistgħu jintlaħqu bl-istess mod, jekk mhux aħjar, b’miżura inqas restrittiva, bħalma hija l-ftuħ tas-suq għal numru limitat ta’ operaturi privati li fuqhom ikunu imposti obbligi preċiżi. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà, li hija suġġetta għaliha Bwin, hija fost l-aktar rigoruża fl-Ewropa. Bwin hija wkoll pijuniera fl-elaborazzjoni ta’ regoli intiżi sabiex jiggarantixxu l-logħob responsabbli bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi, kif ukoll fl-istabbiliment ta’ proċeduri interni intiżi sabiex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus.

    240.

    Il-Gvern Portugiż jispjega li s-sistema ta’ esklużività mogħtija lis-Santa Casa mis-seklu XVIII sal-lum hija l-espressjoni leġittima tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. L-għoti ta’ dritt esklużiv lis-Santa Casa jissodisfa r-rieda li jkun hemm regoli dwar il-prattika tal-lotteriji u ta’ mħatri totalizzaturi sabiex ikunu limitati r-riskji soċjali marbuta ma’ dan it-tip ta’ logħob u li d-dħul minn dan il-logħob jintuża għal kawżi ta’ interess soċjali. L-estensjoni ta’ dan il-monopolju għal dan il-logħob fuq l-internet kienet miżura neċessarja u adegwata sabiex l-imsemmi logħob jiġi propost online b’mod żgur u kontrollat.

    241.

    Il-Gvern Portugiż isostni li l-monopolju tas-Santa Casa huwa konformi mad-dritt Komunitarju peress li jirrigwarda miżura mhux diskriminatorja u proporzjonata. Huwa jsostni li l-għoti ta’ dritt esklużiv lil organizzazzjoni bħalma hija s-Santa Casa, li taħdem f’relazzjoni stretta mall-Gvern, huwa aktar adegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

    ii) L-analiżi tiegħi

    242.

    Ser nindika, l-ewwel nett, il-portata, fil-fehma tiegħi, tal-kompetenza tal-Istati Membri kif iddelimitata mil-libertajiet ta’ moviment fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus. It-tieni nett, ser nispjega l-motivi għaliex il-protezzjoni tal-konsumtari u l-protezzjoni tal-ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw miżuri restrittivi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ mħatri totalizzaturi fuq l-internet. It-tielet nett, ser nindika l-kriterji li fuqhom għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex adegwata sabiex tilħaq l-għanijiet li hija ssegwi u jekk tmurx lil hinn minn dawn l-għanijiet. Fl-aħħar nett, ser infakkar li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li r-restrizzjoni kontenzjuża għandha tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju.

    — Il-portata tad-delimitazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus

    243.

    Huwa paċifiku li, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati fuq il-livell Komunitarju fil-qasam tal-logħob, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’dan is-settur. Madankollu, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza riżervata tagħhom b’osservanza tal-libertajiet ta’ moviment ( 107 ).

    244.

    Sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ din id-delimitazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri, jiena tal-fehma li l-analiżi tiegħi għandha tibda bil-premessa li ġejja.

    245.

    Id-dritt Komunitarju, fil-fehma tiegħi, ma għandux l-għan li jissuġġetta l-logħob tal-ażżard u tal-flus għal-liġijiet tas-suq. Il-kostruzzjoni tal-aktar suq miftuħ possibbli kienet mixtieqa mill-Istati Membri bħala l-bażi tal-Komunità Ekonomika Ewropea peress li l-kompetizzjoni, meta hija leali, tassigura, b’mod ġenerali, il-progress teknoloġiku u ttejjeb il-kwalità ta’ servizz jew prodott filwaqt li fl-istess ħin tiggarantixxi tnaqqis tal-ispejjeż. Il-kompetizzzjoni għalhekk hija ta’ vantaġġ għall-konsumaturi peress li b’hekk jistgħu jibbenefikaw minn prodotti jew servizzi tal-aħjar kwalità bl-aħjar prezz. Il-kompetizzjoni hija, b’dan il-mod, sors ta’ progress u ta’ żvilupp.

    246.

    Madankollu, dawn il-vantaġġi ma jeżistux fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus. Il-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi f’dan il-qasam, li twassalhom neċessarjament sabiex jipproponu lill-konsumaturi l-logħob li jkun dejjem l-aktar attraenti sabiex jieħdu l-aħjar profitti, ma jidhirlix li hija sors ta’ progress u ta’ żvilupp. Bl-istess mod, ma narax liema progress ser jiġi favorit mill-possibbiltà għall-konsumaturi li jieħdu sehem f’lotteriji nazzjonali organizzati f’kull Stat Membru u li jagħmlu mħatri fuq il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel jew sportivi kollha organizzati fl-Unjoni.

    247.

    Is-sitwazzjoni b’ebda mod ma tista’ titqabbel, pereżempju, mal-moviment tal-pazjenti fl-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod leġittimu ħafna ffavoriet peress li dan il-moviment liberu jżid il-possibbiltajiet ta’ kura offerti lil kull ċittadin fl-Unjoni billi jagħtih aċċess għas-servizzi tas-saħħa ta’ Stati Membri oħrajn.

    248.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus, min-naħa tiegħu, jista’ jiffunzjona u jibqa’ jsir biss sakemm il-persuni li jilagħbu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jitilfu aktar milli jirbħu. Ftuħ tas-suq f’dan il-qasam, li jwassal għal żieda fil-parti mill-baġit tad-djar iddedikata għal-logħob, ikollu biss il-konsegwenza inevitabbli, għall-biċċa l-kbira ta’ dawn id-djar, ta’ tnaqqis fir-riżorsi tagħhom.

    249.

    Id-delimitazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus ma għandhiex għalhekk bħala għan it-twettiq ta’ suq komuni u l-liberalizzazzjoni ta’ dan il-qasam ta’ attivitajiet.

    250.

    Bħala prova ta’ dan insemmi l-fatt li l-ġurisprudenza aċċettat b’mod kostanti li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa mhux biss fid-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni pubbliku fir-rigward tal-logħob tal-ażżard u tal-flus, iżda wkoll fid-determinazzjoni tal-metodi ta’ organizzazzjoni tagħhom.

    251.

    Din l-analiżi jidhirli li hija korroborata wkoll mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Istati Membri jistgħu leġittimament jiddeterminaw għalxiex jintuża d-dħul mil-logħob tal-ażżard u tal-flus u b’hekk jistgħu jiddeċiedu li interess privati ma għandhomx jibbenefikaw minn dan id-dħul.

    252.

    Stat Membru għandu għalhekk is-setgħa sovrana li jipprojbixxi l-prattika ta’ logħba fit-territorju tiegħu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat dwar il-projbizzjoni tal-lotteriji b’firxa wiesgħa fir-Renju Unit fis-sentenza Schindler, iċċitata aktar ’il fuq. Stat Membru jista’ wkoll, sabiex jillimita l-offerta tal-logħob f’ambjent ikkontrollat u sabiex jipproteġi l-konsumaturi kontra inċitament abbużiv, jirriżerva d-dritt esklużiv li tiġi organizzata logħba lil entità waħda jew lil numru limitat ta’ operaturi.

    253.

    Id-diffikultajiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju jinqalgħu prinċipalment meta l-Istati Membri jirriżervaw lil entità waħda jew lil numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi d-dritt esklużiv li joperaw logħob tal-ażżard u tal-flus.

    254.

    Il-problema li għandhom il-qrati nazzjonali hija, fil-fatt, li jiddeterminaw il-livell minimu li minnu l-offerta ta’ logħob fil-kuntest ta’ dan id-dritt esklużiv teċċedi dak li huwa ġġustifikat mir-rieda li dan il-logħob jiġi limitat għal ambjent ikkontrollat sabiex l-ordni pubbliku u l-konsumaturi jiġu protetti kontra prattika abbużiva tal-logħob.

    255.

    Għalhekk, għall-qrati nazzjonali l-kwistjoni hija li jiddeterminaw jekk il-miżuri restrittivi previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom humiex adegwati sabiex jiksbu l-għanijiet ta’ protezzjoni tagħhom u proporzjonati meta l-entità waħda jew l-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mid-dritt esklużiv ta’ operazzjoni ta’ logħba tal-ażżard jew tal-flus jipproponu firxa estiża ta’ logħob u jagħmlu reklamar ta’ ċertu portata.

    256.

    Fl-eżami ta’ din in-natura adegwata tal-miżuri restrittivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti u tal-proporzjonalità tagħhom, għandu, fil-fehma tiegħi, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, id-determinazzjoni tal-firxa ta’ logħob offert u tal-kundizzjonijiet tal-operazzjoni tiegħu taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. Fil-fatt, kull Stat Membru għandu jevalwa, skont il-kuntest li jkollu quddiemu u kif ukoll skont il-karatteristiċi soċjali u kulturali partikolari tiegħu, il-livell ta’ ekwilibriju li għandu jinstab bejn, minn naħa, offerta attraenti sabiex tissodisfa x-xenqa għal-logħob u tillimitha għal ambjent legali u, min-naħa l-oħra, offerta inkoraġġanti wisq.

    257.

    Fir-rigward tal-premessa tiegħi dwar ir-rwol tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-għanijiet tal-Unjoni, jiena tal-fehma li d-delimitazzjoni ta’ din il-kompetenza tal-Istati Membri mid-dritt Komunitarju għandha tkun limitata għall-projbizzjoni tal-aġir li jinvolvi li Stat Membru jbiegħed il-miżuri restrittivi mill-għan tagħhom u jfittex il-profitt massimu. Fi kliem ieħor, Stat Membru għandu jkun imġiegħel jiftaħ l-attività tal-logħob tal-ażżard u tal-flus għas-suq biss meta jitratta din l-attività, fil-fatt jew fid-dritt, bħala attività ekomomika reali li l-iskop tagħha huwa li tiġġenera l-massimu tal-profitti.

    258.

    Il-kontroll ta’ jekk il-miżuri restrittivi humiex adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus u tal-proporzjonalità tagħhom għandu għalhekk jikkonsisti f’verifika li dan l-Istat ma marx manifestament lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fil-qafas tal-kuntest li fih dawn il-miżuri ttieħdu u ġew applikati.

    259.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina jekk leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax tkun ġustifikata.

    — Il-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw miżuri restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ mħatri totalizzzaturi fuq l-internet

    260.

    Il-qorti tar-rinviju ma indikatx il-motivi li jissostanzjaw b’mod speċjali l-estensjoni, permezz tad-Digriet Liġi Nru 282/2003, tal-monopolju tas-Santa Casa għal-lotteriji u għall-imħatri totalizzaturi offerti fit-territorju Portugiż permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari l-internet. Dawn il-motivi jistgħu madankollu jkunu dedotti mill-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

    261.

    Dan il-gvern jispjega li din l-estensjoni tal-monopolju tas-Santa Casa għal-logħob online għandha l-istess għanijiet bħal dawk li għalihom din l-entità kienet ingħatat id-dritt esklużiv li torganizza dan il-logħob fil-forma tradizzjonali, fl-1961 f’dak li jikkonċerna l-imħatri totalizzaturi u fl-1985 f’dak li jikkonċerna l-lotteriji.

    262.

    Il-leġiżlazzjoni Portugiża għalhekk tirriżulta mill-kunsiderazzjoni l-fatt li l-logħob fuq l-internet sar ukoll realtà u tissodisfa r-rieda li dan il-logħob ikun ristrett għal ambjent legali bil-għan li tiġi evitata l-operazzjoni tiegħu għal għanijiet kriminali jew frawdolenti u li titnaqqas l-offerta, kif ukoll li d-dħul minn dan il-logħob jiġi rriżervat għall-finanzjament ta’ kawżi soċjali jew ta’ interess ġenerali.

    263.

    Fis-sentenza Anomar et, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat motivi simili dwar il-leġiżlazzjoni Portugiża tal-logħob tal-casinos. Hija qieset li dawn il-motivi huma marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-protezzjoni tal-ordni soċjali u li għalhekk setgħu jiġġustifikaw ksur għal-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi ( 108 ). Rajna wkoll li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm, fih innifisu, il-finanzjament ta’ kawżi soċjali ma jistax jikkostitwixxi motiv leġittimu ta’ restrizzjoni għal libertà ta’ moviment, huwa jista’ madankolu jiġi kkunsidrat bħala konsegwenza benefika inċidentali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva ( 109 ).

    264.

    Id-domanda li tqum hija għalhekk dwar jekk il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll dik tal-ordni pubbliku jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet leġittimi sabiex tiġi limitata l-libertà li jiġu pprovduti mħatri totalizzaturi fuq l-internet. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk il-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet jistax joħloq riskji għall-konsumaturi u l-ordni pubbliku. Jiena tal-fehma li għandha tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda għall-motivi li ġejjin.

    265.

    Kif rajna, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jiggarantixxu kontra l-logħob tal-ażżard u tal-flus li jikkostitwixxi inkoraġġiment għall-infiq u li jippermetti li jinġabru somom kbar.

    266.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet, bħall-imħatri totalizzaturi, għandu dawn il-karatteristiċi. L-estensjoni tad-dritt esklużiv tas-Santa Casa għal-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi proposti fuq l-internet jidhirli li hija aktar u aktar ġustifikata fid-dawl tal-fatt li r-riskji għall-konsumaturi u għall-ordni pubbliku huma, fil-fehma tiegħi, potenzjalment akbar f’dak li jikkonċerna l-logħob online milli fil-kuntest tal-logħob propost b’mod tradizzjonali.

    267.

    Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-perikli għall-konsumaturi, huwa aċċettat li r-riskji ta’ nfiq eċċessiv u ta’ vizzju reali għal-logħob huma, b’mod ġenerali, aggravati miċ-ċirkustanzi li ġejjin, jiġifieri l-permanenza tal-offerta tal-logħob, il-frekwenza tar-rebħ, in-natura tagħhom li jħajru u li jiġbdu lil dak li jkun, il-possibbiltà li jintlagħbu somom kbar, id-dritt li min jilgħab ikollu kreditu sabiex jilgħab, il-pożizzjoni tal-logħob f’postijiet fejn il-persuni jistgħu jissodisfaw il-ħeġġa għal-logħob u, fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ kampanja ta’ informazzjoni fuq ir-riskji marbuta mal-logħob ( 110 ).

    268.

    Għandu jiġi kkonstat li l-offerta ta’ logħob fuq l-internet għandha diversi minn dawn il-fatturi ta’ riskji. Fil-fatt, minn naħa, l-offerta tista’ tkun disponibbli f’kull mument u min jilgħab jista’ jkollu aċċess għaliha mingħajr ma jiċċaqlaq. Ma hemm għalhekk ebda barriera ta’ spazju jew ta’ żmien bejn il-konsumatur u l-offerta ta’ logħob. Barra minn dan, l-internet jippermetti li l-att tal-logħob isir f’kuntest fejn min jilgħab ikun iżolat għal kollox.

    269.

    Min-naħa l-oħra, l-internet jippermetti lil min jilgħab li jkollu aċċess b’mod tekniku għall-fornituri kollha li joffru servizzi ta’ logħob online. Barra minn dan, il-logħob online ma jeħtieġx li jkunu prodotti oġġetti materjali, hekk li l-firxa ta’ logħob offert tista’ tiġi estiża. L-offerta ta’ logħob permezz tal-internet hija għalhekk aktar estiża meta mqabbla mal-offerta ta’ logħob tradizzjonali. Bl-istess mod, operaturi jistgħu jipproponu fuq l-internet imħatri jew lotteriji li r-riżultati tagħhom jistgħu jkunu magħrufa immedjatament, hekk li l-konsumaturi jkollhom il-possibbiltà li jerġgħu jilagħbu ħafna drabi fi żmien qasir.

    270.

    Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet permezz tal-internet ma jippermettux lill-fornitur ta’ servizzi online li jikkontrolla l-identità tal-konsuamtur kif inhu possibbli li jsir fil-kuntest ta’ bejgħ bejn persuni fiżiċi. Il-miżuri ta’ projbizzjoni ddestinati li jipproteġu minuri jew persuni vulnerabbli jistgħu jkunu evażi ħafna aktar faċilment. Ir-relazzjonijiet permezz tal-internet huma anonimi.

    271.

    Fl-aħħar nett, min jilgħab jista’ jingħata kreditu sabiex jilgħab online ( 111 ) u l-pagamenti permezz tal-internet huma faċli ħafna li jsiru.

    272.

    Dawn il-fatturi kollha flimkien juru, fil-fehma tiegħi, li l-logħob fuq l-internet għandu potenzjalment riskju aktar għoli għall-konsumaturi, b’mod partikolari għall-minuri u għall-konsumaturi l-aktar vulnerabbli li qatt ma jaslu sabiex jikkontrollaw il-prattika tal-logħob tagħhom.

    273.

    Il-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet jista’ jkollu wkoll riskji kbar għall-ordni pubbliku. Dawn ir-riskji huma deskritti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bejn Antigwa u Barbuda u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-projbizzjoni, minn dawn tal-aħħar, tal-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ logħob u ta’ mħatri online ( 112 ).

    274.

    L-Istati Uniti tal-Amerika, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sostnew li l-provvista ta’ logħob online, minħabba l-volum, il-veloċità u l-portata internazzjonali tat-tranżazzjonijiet ta’ logħob mill-bogħod, flimkien mal-istabbiliment extraterritorjali tal-fornituri ta’ servizzi, tiffaċilita l-ħasil tal-flus li jkunu ġejjin mill-kriminalità. Barra minn dan, ir-riskju ta’ frodi huwa akbar peress li t-tqegħid ta’ logħob online jista’ jsir malajr ħafna, hekk li l-operaturi diżonesti jistgħu jidhru u jgħibu fi ftit minuti ( 113 ).

    275.

    Ir-riskji akbar għall-konsumaturi u l-ordni pubbliku li jirrappreżenta l-logħob fuq l-internet jiġġustifikaw għalhekk li Stat Membru jipprevedi l-mezzi sabiex ikun jista’ jikkontrolla b’mod effikaċi dan il-logħob u jimplementa b’mod rapidu l-aġġustamenti li jistgħu jkunu meħtieġa.

    276.

    Minn dan isegwi li għalhekk ir-Repubblika Portugiża setgħet leġittament tillimita l-libertà li jiġu pprovduti lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet sabiex jiġu protetti l-konsumaturi u l-ordni pubbliku.

    — L-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha

    277.

    Għandu jiġi eżaminat issa jekk il-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni hijiex adegwata sabiex tassigura protezzjoni effikaċi tal-konsumaturi kif ukoll tal-ordni pubbliku kontra r-riskji maħluqa mil-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi fuq l-internet.

    278.

    Inkonformità mal-ġurisprudenza, il-fatt li r-Repubblika Portugiża ddeċidiet li tawtorizza l-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi fuq l-internet fil-kuntest ta’ monopolju minflok ma tipprojbihom totalment ma jeskludix li dan l-Istat verament irid jipproteġi l-konsumaturi tiegħu kif ukoll l-ordni pubbliku kontra r-riskji marbuta ma’ dan it-tip ta’ logħob. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Läärä et, iċċitata aktar ’il fuq, awtorizzazzjoni limitata ta’ dan il-logħob f’kuntest esklużiv, li għandha l-vantaġġ li tillimita x-xenqa ta’ min jilgħab u l-operazzjoni tal-logħob għal ambjent ikkontrollat, li tevita r-riskji ta’ tali operazzjoni għal għanijiet frawdolenti u kriminali u li l-profitti li jirriżultaw minn dan il-logħob jintużaw għal għanijiet ta’ utilità pubblika, tikkwalifika wkoll bħala miżura intiża sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ( 114 ).

    279.

    Mill-motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità waħda jippermetti li jintlaħqu għanijiet bħalma huma dawk segwiti mil-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni biss meta din l-entità tkun taħt il-kontroll tal-Istat. Huwa minħabba li l-entità li għandha d-dritt esklużiv li topera slot machines fil-Finlandja kienet assoċjazzjoni ta’ dritt pubbliku li teżerċita l-attivitajiet tagħha taħt il-kontroll tar-Repubblika tal-Finlandja li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fl-imsemmija sentenza, li dan il-monopolju kien jippermetti li x-xenqa għal-logħob u l-operazzjoni tal-logħob jiġu limitati għal ambjent ikkontrollat.

    280.

    Minn dan isegwi li l-ewwel kundizzjoni li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika sabiex tiddetermina jekk leġiżlazzjoni, bħal-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni, hijiex adegwata sabiex jinkisbu l-għanijiet tagħha hija, fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà għall-Istat Membru li jmexxi u jikkontrolla effettivament l-attivitajiet tal-entità li tibbenefika mid-dritt esklużiv ta’ operazzjoni.

    281.

    It-tieni kundizzjoni l-qorti nazzjonali għandha tivverifika wkoll tikkonċerna l-implementazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Hija għandha tivverifika li, fil-kuntest ta’ din l-implementazzjoni, l-Istat Membru ma jbiegħedx din il-leġiżlazzjoni mill-għanijiet tagħha billi jfittex li jikseb il-massimu tal-profitti.

    282.

    Fuq l-ewwel kundizzjoni, jiena tal-fehma li l-kuntest ġuridiku li jiddetermina t-tħaddim tas-Santa Casa jippermetti effettivament lir-Repubblika Portugiża li tmexxi u tikkontrolla l-organizzazzjoni, kif ukoll l-operazzjoni, tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi fuq l-internet.

    283.

    Bħala prova ta’ dan insemmi l-fatt li d-direttur tas-Santa Casa u l-membri tal-bord ta’ diretturi tagħha jinħatru mill-Gvern Portugiż. Fuq kollox, huwa wkoll dan il-gvern li, permezz ta’ digriet liġi, joħloq kull logħba ta’ lotterija u kull imħatra totalizzatura, jiddertermina l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tagħhom, inkluż it-tariffa tal-imħatri, il-pjan ta’ attribuzzjoni tal-premijiet, il-frekwenza tat-tlugħ, il-perċentwali konkreta għal kull premju, il-metodi tal-ġbir tal-imħatri, il-metodu tal-għażla tad-distributuri awtorizzati kif ukoll il-metodi u t-termini tal-ħlas tal-premijiet.

    284.

    Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni applikabbli għas-Santa Casa tistitwixxi wkoll diversi garanziji ta’ żvolġiment onest tal-logħob, peress li tipprevedi bordijiet ta’ kompetizzjonijiet, magħmula fil-maġġoranza tagħhom minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll bord tal-appelli, li l-president tiegħu jkun maġistrat li jagħmel parti mill-ġudikatura.

    285.

    Fl-aħħar nett, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ kunsill tal-logħob. Dan l-organu konsultattiv, responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-logħob soċjali mis-Santa Casa, kif ukoll sabiex jagħti opinjonijiet fuq il-pjanijiet ta’ attivitajiet u ta’ baġit marbuta miegħu, isaħħaħ dawn il-garanziji. Dan jista’ wkoll jagħti lir-Repubblika Portugiża l-indikazzjonijiet utli sabiex jippermettilha tagħmel il-bidliet kollha meħtieġa lill-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tal-logħob sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali.

    286.

    Dawn l-elementi jistgħu għalhekk ikunu tali li juri, fil-fehma tiegħi, li r-Repubblika Portugiża għandha biżżejjed setgħat sabiex tmexxi u tikkontrolla b’mod effettiv l-organizzazzjoni kif ukoll l-operazzjoni ta’ lotteriji u ta’ mħatri totalizzaturi fuq l-internet mis-Santa Casa.

    287.

    F’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn is-setgħat ġewx implementati inkonformità mal-għanijiet segwiti u ma ġewx imbiegħda mill-għanijiet tagħhom sabiex jinkiseb il-massimu tal-profitti.

    288.

    Il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-elementi li ġejjin. L-ewwel nett, ir-Repubblika Portugiża llimitat id-dritt esklużiv tas-Santa Casa fuq l-internet għal-logħob li hija kienet diġà toffri b’mod tradizzjonali. Ma nħoloq ebda logħob online addizzjonali waqt l-estensjoni tal-monopolju tas-Santa Casa għal-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi online. It-tieni nett, is-Santa Casa ma tipproponix lotteriji instantanji fuq l-internet peress li dan it-tip ta’ lotteriji, minħabba l-valur żgħir tal-imħatri, tar-riżultati immedjati u tal-frekwenza kbira ta’ rebħ li ma jkunx kbir ħafna, jista’ joħloq riskji kbar ta’ dipendenza għal-logħob. Fl-aħħar nett, is-Santa Casa ma tipproponix kreditu online għal-logħob.

    289.

    Il-Liga u Bwin jikkontestaw l-adegwatezza tal-miżuri kontenzjużi sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom peress li dawn tal-aħħar mhumiex sostnuti minn politika koerenti u sistematika.

    290.

    Fl-ewwel lok, huma jenfasizzaw li r-Repubbika Portugiża żviluppat f’dawn l-aħħar snin politika ta’ espansjoni fil-qasam tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi, sostnuta minn reklamar attraenti ħafna. Huma jispjegaw li l-firxa tal-logħob soċjali tal-Istat li fuqha għandha monopolju ta’ operazzjoni s-Santa Casa u li fil-bidu kienet limitata biss għat-Totobola u għat-Totoloto ġiet estiza matul is-sena 1993 għall-“Joker”, matul is-sena 1994 għal-“Lotaria instantânia”, matul is-sena 1998 għat-“Totogolo” u matul is-sena 2004 għall-“Euromilhões”. Huma jindikaw li din l-aħħar logħba irdoppjat il-profitti tagħha matul is-sena 2003 u matul is-sena 2006.

    291.

    Għall-kuntrarju, il-Gvern Portugiż jistqarr li huwa jħaddan politika ta’ logħob responsabbli u li l-profitti magħmula mis-Santa Casa, b’mod partikolari grazzi għall-EuroMillions, naqsu b’mod sinjifikanti matul is-sena 2007.

    292.

    Jiena tal-fehma li l-argumenti mressqa mil-Liga u Bwin ma jurux, fihom infushom, li r-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha li timplementa l-għanijiet li huma l-bażi tar-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tagħha b’mod koerenti u sistematiku.

    293.

    Għandu jitfakkar li l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma jipprekludux politika ta’ espansjoni kontrollata. L-estensjoni tal-monopolju tas-Santa Casa għal-logħob online tirriżulta mill-konstatazzjoni li dan il-logħob sar realtà. Hija tissodisfa r-rieda li dan il-logħob jiġi limitat għal ambjent legali, sabiex ma jiġix operat għal għanijiet kriminali jew frawdolenti u sabiex titnaqqas l-offerta, kif ukoll sabiex id-dħul minn dan il-logħob jintuża għall-finazjament tal-kawżi soċjali jew ta’ interess ġenerali.

    294.

    Dawn id-diversi interessi, kif ġie indikat minn ġurisprduenza stabbilita ferm, għandhom jiġu eżaminati flimkien. Ir-rieda li l-offerta tal-logħob tiġi limitata għal ambjent ikkontrollat, sabiex jiġu evitati inkoraġġiment eċċessiv u r-riskji ta’ operazzjoni għal għanijiet kriminali jew frawdolenti, tista’ tintlaħaq permezz ta’ din il-politika ta’ espansjoni.

    295.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Stat Membru, sabiex jiġbed lil persuni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob ipprojbit lejn attivitajiet awtorizzati, għandu dritt jipproponilhom alternattiva kredibbli, iżda fl-istess ħin attraenti, li fiha nnifisha tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu portata u l-użu ta’ teknika ġdida ta’ distribuzzjoni ( 115 ).

    296.

    Barra minn dan, il-kundizzjoni li r-restrizzjoni kontenzjuża għandha tiġi implementata permezz ta’ politika koerenti u sistematika għandha tiġi evalwata fil-kuntest li jkollu quddiemu l-Istat Membru.

    297.

    Il-Gvern Portugiż indika li huwa kellu jaffronta żieda preokkupanti tal-logħob illeċitu u ż-żieda tar-riskji ta’ frodi. Is-Santa Casa spjegat, f’dan ir-rigward, li kienet bdiet madwar għaxar proċeduri għal kontravvenzjoni waqt it-tielet trimestru tas-sena 1995, 400 matul is-sena 2005 u 600 matul is-sena 2006.

    298.

    Il-Gvern Portugiż għalhekk seta’ leġittimament iqis li din iż-żieda ta’ logħob illeċitu kienet teħtieġ il-ħolqien ta’ logħob soċjali ġdid sabiex jissodisfa l-kilba għal-logħob tal-konsumaturi Portugiżi u sabiex jillimita din il-kilba għal ambjent legali. Huwa seta’ leġittimament iqis ukoll li l-ħolqien ta’ dan il-logħob ġdid seta’ jwassal għal dan ir-riżultat biss jekk dan il-ħolqien ikun akkumpanjat b’reklamar ta’ ċerta portata, iddestinat sabiex jinforma lill-pubbliku kkonċernat bl-eżistenza tiegħu.

    299.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-logħob addizzjonali maħluq mill-Gvern Portugiż u l-livell ta’ reklamar li kien suġġett għalih eċċedewx manifestament dak li kien meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet li fuqhom huwa bbażat il-monopolju tas-Santa Casa. Il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-istudju magħmul fuq talba tal-Gvern Portugiż miċ-ċentru ta’ studji applikati tal-università Kattolika Portugiża, li ssemma matul is-seduta.

    300.

    Fit-tieni lok, il-Liga u Bwin isostnu wkoll li l-Gvern Portugiż estenda l-logħob fil-casinos. Dan il-gvern kien għalhekk żied in-numru ta’ liċenzji ta’ operazzjoni, għammar il-casino l-ġdid ta’ Liżbona b’aktar minn 800 slot machines u ħabbar il-ftuħ ta’ dan il-casino permezz ta’ kampanja ta’ reklamar qawwija. Id-dħul gross tal-casinos fil-Portugall żdied b’150% bejn l-1996 u l-2006. Barra minn hekk, għaddejjin negozjati sabiex il-casinos ikunu jistgħu joffru l-logħob tagħhom fuq l-internet.

    301.

    Ma nemminx li dawn l-argumenti huma tali li juru li l-għoti tal-monopolju ta’ operazzjoni tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi fuq l-internet lis-Santa Casa mhuwiex adegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ingħatalha dan id-dritt esklużiv.

    302.

    In-natura koerenti u sistematika li jintlaħqu dawn l-għanijiet titqiegħed f’dubju biss jekk il-Gvern Porutgiż jawtorizza l-operazzjoni fuq l-internet ta’ logħob li jixbah lil-lotteriji u lill-imħatri totalizzaturi li l-operazzjoni tagħhom hija rriżervata lis-Santa Casa. Id-domanda li tkun tista’ ssir, jekk ikun il-każ, hija jekk ir-Repubblika Portugiża tawtorizzax lill-kumpanniji li jibbenefikaw minn liċenzja sabiex joperaw il-logħob ta’ casino sabiex jipproponu fuq l-internet lotteriji simili, fil-mod ta’ tħaddim tagħhom, għal dawk proposti mis-Santa Casa.

    303.

    Għall-kuntrarju, ma tistax tqum id-domanda, fil-fehma tiegħi, dwar l-iżvilupp tal-logħob tal-casinos fil-forma tradizzjonali tiegħu. Il-kundizzjonijiet li fihom din il-forma ta’ logħob hija pprattikata huma kompletament differenti minn dawk tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi fuq l-internet. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-logħob tal-casinos jimplika ċ-ċaqliq fiżiku ta’ min jilgħab ġewwa l-istabbiliment tal-logħob, fil-ġranet u s-sigħat tal-ftuħ. Barra minn hekk, dawn l-istabbilimenti fil-Portugall qegħdin f’żoni ta’ logħob li huma ddefiniti sew.

    304.

    Huwa minnu li l-logħob tal-casinos jista’ jwassal ukoll għal riskji għall-konsumaturi u l-ordni pubbliku. Madankollu, sa fejn dan il-logħob huwa bbażat fuq metodu ta’ tħaddim kompletament differenti minn dak tal-logħob online, l-għażla tar-Repubblika Portugiża li torganizza l-operazzjoni tiegħu permezz ta’ sistema ta’ liċenzji minflok ma tirriżerva l-operazzjoni tiegħu lis-Santa Casa taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    305.

    Peress li d-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni kontra r-riskji marbuta mal-logħob tal-ażżard u tal-flus taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membri, Stat għandu dritt jipprevedi metodi ta’ operazzjoni distinti għal logħob differenti. Il-lotterija nazzjonali, l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, il-logħob tal-casino u s-slot machines jistgħu jikkostitwixxu saħansitra logħob differenti skont il-post fejn ikunu aċċessibbli, il-mod ta’ tħaddim tagħhom, il-pubbliku li lilu jkunu indirizzati, u dan skont il-kultura ta’ kull pajjiż.

    306.

    Stat Membru, fil-fehma tiegħi, għandu għalhekk dritt jipprevedi modi ta’ organizzazzjoni differenti u xi ftit jew wisq restrittivi għal kull wieħed minn dawn it-tip ta’ logħob ( 116 ). Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni tixbah lil dik li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-qasam tas-saħħa fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar ’il fuq.

    307.

    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkontestat il-konformità mad-dritt Komunitarju tal-liġi Franċiża li tissuġġetta x-xandir televiżiv fi Franza permezz ta’ kanali ta’ televiżjoni Franċiżi ta’ manifestazzjonijiet sporitvi li jseħħu fit-territorju ta’ Stati Membri oħra għat-tneħħija minn qabel ta’ reklamar għal xorb alkoħoliku. Insostenn tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, il-Kummissjoni sostniet li din il-leġiżlazzjoni kienet inkoerenti peress li, b’mod partikolari, hija ma kinitx tapplika għar-reklamar favur it-tabakk.

    308.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument bħala mhux fondat peress li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq ( 117 ).

    — Il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

    309.

    Għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni jistgħux manifestament jintlaħqu permezz ta’ miżura anqas restrittiva, bħalma hija l-għoti ta’ liċenzji lil diversi operaturi, kif isostnu l-Liga u Bwin.

    310.

    Nikkonstata li, fil-kawża prinċipali, Bwin tisponsorja kompetizzjonijiet sportivi li fir-rigward tagħhom din il-kumpannija tipproponi mħatri li bihom tista’ taqla’ somom konsiderevoli ( 118 ).

    311.

    Bħall-Gvern Portugiż, jiena tal-fehma li, fir-rigward ta’ din iċ-ċirkustanza, Stat Membru jista’ leġittimament iqis li l-garanzija tal-onestà tal-logħob tkun iggarantita aħjar permezz tal-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità li teżerċita l-attività tagħha taħt il-kontroll tiegħu u li, bħas-Santa Casa, ma jkollhiex skop ta’ lukru.

    312.

    Hemm elementi oħrajn li jsostnu dan. Kif diġà rajna, it-tħaddin ta’ politika responsabbli dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus jimplika li Stat Membru jista’ jassigura kontroll effettiv ta’ din l-attività. Il-bżonn li tittieħed azzjoni u li jkunu jistgħu jiġu applikati miżuri ta’ malajr jista’ anki jkun akbar fil-kuntest ta’ logħob online fid-dawl tal-iżvilupp tal-imsemmija attività u tar-rapidità li biha l-operaturi jistgħu joħolqu dan il-logħob.

    313.

    Operatur wieħed, li jaġixxi taħt il-kontroll dirett u effettiv ta’ Stat Membru, jidher li jista’ japplika miżuri ġodda ta’ protezzjoni, bħalma huma, jekk ikun il-każ, it-tneħħija pura u sempliċi ta’ waħda mil-logħob online tiegħu, b’mod aktar effikaċi u ta’ malajr mill-operaturi privati li l-obbligi tagħhom ikollhom jiġu ddeterminati minn qabel. Analiżi simili saret mill-Qorti tal-EFTA dwar il-leġiżlazzjoni Norveġiża li tat lil impriża pubblika d-dritt esklużiv li topera slot machines sabiex tipproteġi l-konsumaturi u l-ordni pubbliku ( 119 ).

    314.

    Barra minn dan, jiena naqbel mal-argument tal-Gvern Portugiż li l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskji marbuta mal-logħob propost minn operaturi mhux delikati tkun assigurata aħjar permezz tal-għoti ta’ dritt esklużiv lis-Santa Casa, li hija d-detentriċi unika u storika tal-monopolju ta’ operazzjoni fir-rigward tal-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi, milli permezz ta’ sistema ta’ liċenzji miftuħa għal diversi operaturi. Is-sistema Portugiża għandha l-vantaġġ tas-sempliċità peress li l-konsumaturi residenti fil-Portugall jistgħu b’mod faċli jkunu mwissija li l-lotteriji u l-imħatri totalizzaturi proposti minn kwalunkwe fornitur tal-logħob online ieħor barra mis-Santa Casa huma pprojbiti u potenzjalment riskjużi.

    315.

    F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-projbizzjoni li jsir reklamar għal-logħob online organizzat u operat bi ksur tad-dritt esklużiv tas-Santa Casa, din hija evidentement iġġustifikata jekk l-għoti ta’ dan id-dritt esklużiv ikun konformi mad-dritt Komunitarju.

    316.

    F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, il-proporzjonalità tal-multi amministrattivi previsti bħala sanzjonijiet kontra operaturi ekonomiċi li jiksru l-leġiżlazzjoni Portugiża, din ma kinitx is-suġġett ta’ osservazzjonijiet partikolari min-naħa tal-partijiet fil-kawża prinċipali u lanqas ma tqajjem osservazzjonijiet min-naħa tiegħi.

    — L-applikazzjoni mhux diskriminatorja

    317.

    Fiha nnifisha, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sa fejn tirriżerva lis-Santa Casa d-dritt esklużiv li topera lotteriji u mħatri totalizzaturi fuq l-internet, mhijiex diskriminatorja.

    318.

    Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni, sa fejn tipprojbixxi lil kull persuna barra l-organizzazzjoni pubblika awtorizzata milli topera l-logħob inkwistjoni, ma tagħmel ebda diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità u tolqot mingħajr ebda distinzjoni l-operaturi li jistgħu jkunu interessati f’din l-attività, kemm jekk huma stabbiliti fuq it-territorju nazzjonali u kemm jekk f’xi Stat Membru ieħor ( 120 ).

    319.

    Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, fl-implementazzjoni tagħha, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija applikata wkoll b’mod mhux diskriminatorju.

    320.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal de Pequena Instância Criminal do Porto:

    l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fit-territorju ta’ dan l-Istat, mogħti lil entità waħda kkontrollata mill-Istat u li l-għan tagħha mhuwiex li tagħmel proftitt, huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, jekk din il-leġiżlazzjoni tkun iġġusitifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet tagħha, jekk ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu u jekk tapplika b’mod mhux diskriminatorju;

    hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti;

    fid-dawl tar-riskji maħluqa mil-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet, Stat Membru jista’ leġittimament jillimita d-dritt li jiġi organizzat u operat dan il-logħob bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi u l-ordni pubbliku;

    tali leġiżlazzjoni hija adegwata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jekk tippermetti lill-Istat Membru jmexxi u jikkontrolla effettivament l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ dan il-logħob u jekk, fil-modi konkreti ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-Istat Membru ma jkunx qabeż b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu;

    l-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità waħda kkontrollata mill-Istat Membru u li ma għandhiex skop ta’ lukru jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

    tali leġiżlazzjoni, fiha nnifisha, mhijiex diskriminatorja.

    V — Konklużjoni

    321.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi:

    “1)

    L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fit-territorju kollu ta’ dan l-Istat huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    2)

    Jekk tali leġiżlazzjoni ma ġietx notifikat inkonformità mad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, hija ma tistax titqajjem kontra individwi bħalma huma l-Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International Ltd. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-imsemmija leġiżazzjoni ġietx notifikata jew le.

    3)

    Sentenza preliminari torbot lill-qorti tar-rinviju anki meta tirrgwarda norma ta’ dritt Komnunitarju li ma tqajmitx minnha fid-domanda tagħha.

    a)

    L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u li jiġu operati lotteriji kif ukoll imħatri totalizzaturi fit-territorju ta’ dan l-Istat, mogħti lil entità waħda kkontrollata mill-Istat u li ma għandhiex skop ta’ lukru, huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, jekk din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet tagħha, jekk ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu u jekk tapplika b’mod mhux diskriminatorju;

    b)

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.

    5)

    Fid-dawl tar-riskji maħluqa mil-logħob tal-ażżard u tal-flus fuq l-internet, Stat Membru jista’ leġittimament jillimita d-dritt li jiġi organizzat u operat dan il-logħob bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi u l-ordni pubbliku.

    6)

    Tali leġiżlazzjoni hija adegwata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jekk tippermetti lill-Istat Membru jmexxi u jikkontrolla effettivament l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ dan il-logħob u jekk, fil-modi konkreti ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-Istat Membru ma jkunx qabeż b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.

    7)

    L-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità waħda kkontrollata mill-Istat Membru u li ma għandhiex skop ta’ lukru jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    8)

    Tali leġiżlazzjoni, fiha nnifisha, mhijiex diskriminatorja.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ara l-kawżi magħquda Markus Stoß et (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07), kif ukoll il-kawżi Nationale Loterij (C-525/06) u Zeturf (C-212/08), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 3 ) Aktar ’il quddiem is-“Santa Casa”.

    ( 4 ) Aktar ’il quddiem “Bwin”.

    ( 5 ) Aktar ’il quddiem il-“Liga”.

    ( 6 ) Id-Direttiva tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tecnici u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, aktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

    ( 7 ) Fost il-logħob misjub mill-arkeologi fl-oqbra Eġizzjani hemm b’mod partikolari d-dadi, li l-isem tagħhom bl-Għarbi, “Azard”, huwa fl-oriġini tal-kelmiet “azzardo” bit-Taljan, “azar” bl-Ispanjol u “hasard” bil-Franċiż.

    ( 8 ) F’ittra lil ibnu Tiberju, l-imperatur Awgustu jikteb li l-logħob għandu jieqaf u li huwa stess kien tilef 20000 sestersi (Damals, Würfeln, wetten, Karten spielen — Die Geschichte des Glücksspiels, April 2008, p. 13 u 19).

    ( 9 ) Il-EuroMillions għalhekk hija proposta fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fl-Iralnda, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija, fil-Portugall u fir-Renju Unit. Hija proposta wkoll fl-Iżvizzera.

    ( 10 ) Martignoni-Hutin, J.-P. G., Faites vos jeux, L’Harmattan, Logiques sociales, Paris, 1993, p. 149.

    ( 11 ) Skont l-Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne (Studju dwar il-logħob tal-ażżard fl-Unjoni Ewropea) magħmul mill-Istitut Żvizzeru ta’ dritt komparattiv fuq talba tal-Kummissjoni, fl-14 ta’ Ġunju 2006, l-erba’ kategoriji kbar ta’ logħob deskritti preċedentement ħolqu, matul is-sena 2003, fil-25 Stat Membru tal-Unjoni mill-1 ta’ Mejju 2004, dħul gross, wara tnaqqis tar-rebħ imħallas, ta’ EUR 51500 miljun (http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm).

    ( 12 ) Pereżempju, fil-Belġju, 321 persuna ħadmu għal-lotterija nazzjonali matul is-sena 2004, 709 fil-casinos matul is-sena 2003, 8220 persuna konnessi mas-slot machines u 1000 persuna mal- pari mutuel urbain (PMU) Belġjana (ara Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit., p. 1133, 1134, 1137 u 1139). Fil-Ġermanja, il-Lotto u t-Totoblock jimpjegaw madwar 58000 persuna; 4700 persuna jaħdmu fil-casinos u madwar 3000 fil-lukandi u r-ristoranti li għandhom rabta ma’ dawn (ara Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit., p. 1203 u 1206). Fir-Renju Unit, in-numru ta’ persuni li jaħdmu full time fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus kien stmat matul is-sena 2004 bħala 100000 persuna (ara Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit., p. 1404).

    ( 13 ) “Min jagħmel l-imħatra ma jilgħabx fondametalment biex jirbaħ […], jilgħab sabiex jerġa’ jilgħab. L-ispirall ma jispiċċa qatt. Aktar ma min jilgħab jirbaħ, aktar jilgħab, aktar ikollu kilba li jilgħab u xejn ma jżommu mili jilgħab peress li jirbaħ. Jekk jitlef, dan jikkostitwixxi raġuni addizzjonali sabiex jerġa’ jilgħab bil-għan li jirkupra dak li jkun tilef ” (ara Martignoni-Hutin, J.-P. G., op. cit., p. 133). Il-problemi marbuta mal-logħob kienu s-suġġett ta’ diversi studji xjentifiċi, b’mod partikolari mis-snin 90 (ara d-diversi riferimenti ċċitati fil-Kapitolu 9, intitolat “Problem gambling”, tal-Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit.). L-impatt soċjali tal-logħob tal-ażżard u tal-flus kien ukoll is-suġġett ta’ investigazzjonijiet u ta’ studji f’diversi Stati Membri. Minħabba dawn il-problemi kien meħtieġ li jitwaqqfu servizzi ta’ għajnuna u ta’ kura, b’mod partikolari linji diretti għall-għajnuna lil min ikun maħkum bil-vizzju tal-logħob.

    ( 14 ) F’Ruma kienu ttieħdu miżuri fil-bidu tat-tieni seklu wara Kristu sabiex jiġi pprojbit il-logħob; min jilgħab kien jirriskja multi u l-eżilju. Fil-Medju Evu, il-Knisja ma kinitx tapprova l-logħob tal-flus. Dan tal-aħħar kien ikkritikat li kien jiffavorixxi l-gideb, it-tradiment, is-serq, il-ġlied, il-mewt, id-dipendenza, ir-regħba għall-flus u s-sokor. Diversi rejiet ipprojbixxewh fl-Ingilterra, fi Franza, u fl-Imperu Qaddis Ruman Ġermaniku. Fl-1215, il-Konċilju tal-Lateran IV ipprojbixxa l-logħob kollu barra ċ-ċess (Damals, op. cit., p. 25).

    ( 15 ) Fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fi Franza, fl-Irlanda, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fl-Olanda, fl-Awstrija, fis-Slovakkja, u fil-Finlandja.

    ( 16 ) Fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimakra, fil-Ġermnanja, fl-Estonja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Irlanda, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, f’Malta, fl-Olanda, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fil-Finlandja u fir-Renju Unit.

    ( 17 ) Dan huwa l-każ tal-lotteriji nazzjonali fil-Belġju, fi Franza, fl-Irlanda, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, f’Malta, fil-Portugall u fir-Renju Unit.

    ( 18 ) Għalhekk, skont l-Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit., il-casinos huma pprojbiti fl-Irlanda, f’Ċipru u kif ukoll fir-Renju Unit; l-imħatri mal-bookmakers huma pprojbiti fi Franza, f’Ċipru, fil-Lussemburgu u fl-Olanda; diversi Stati Membri jawtorizzaw is-slot machines biss ġol-bini tal-casinos, etc.

    ( 19 ) Il-perċentwali medja, fis-27 Stat Membru tal-Unjoni, ta’ djar li għandhom aċċess għall-Internet minn żdiedet minn 49% matul is-sena 2006 għal 54% matul is-sena 2007. Il-perċentwali medja ta’ djar f’dawn l-Istati li jistgħu jibbenefikaw minn konnessjoni broadband, jiġifieri li jistgħu jkunu mqabbda ma ċentru adattat għat-teknoloġija x DSL, ma’ network bil-cable adattat għat-traffiku tal-internet jew ma’ teknoloġiji oħra broadband, żdiedet minn 14% matul is-sena 2004 għal 23% matul is-sena 2005, 30% matul is-sena 2006 u 42% matul is-sena 2007 (ara Enquête sur l’utilisation des Technologies de l’Information et de la Communication dans les entreprises, Eurostat — Parti tad-djar li għandhom aċċess għall-broadband).

    ( 20 ) Huwa possibbli, illum-il-ġurnata, li dak li jkun ikollu aċċess għall-Internet minn laptop jew minn telefon ċellulari.

    ( 21 ) F’dak li jikkonċerna l-imħatri online, dawn iġġenerew matul is-sena 2003, fil-25 Stat Membru tal-Unjoni sa mill-1 ta’ Mejju 2004, dħul gross, wara tnaqqis tar-rebħ, ta’ EUR 810 miljuni. Fir-rigward tal-lotteriji, Camelot, l-operatur ekonomiku li jopera l-lotterija nazzjonali fir-Renju Unit, indika li l-ammint tal-bejgħ tiegħu miksub mill-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi ġodda kien żdied minn EUR 17,8 miljuni matul il-perijodu 2003-2004 għal EUR 126,7 miljuni matul il-perijodu 2004-2005 (ara l-Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit., p. 1406 u 1407). F’dak li jikkonċerna l-logħob fil-casinos, il-Kummissjoni Belġjana tal-logħob qieset li, matul is-sena 2003, 25000 persuna kienu lagħbu online u nefqu EUR 27 miljun b’dan il-mod.

    ( 22 ) Direttiva tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

    ( 23 ) Direttiva tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

    ( 24 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C-6/01, Ġabra p. I-8621, punti 46 u 47).

    ( 25 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031, punt 59).

    ( 26 ) Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 60); tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C-124/97, Ġabra p. I-6067, punt 13); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289, punt 14) u Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 63).

    ( 27 ) Sentenza Schindler, iċċitata aktar ’il fuq.

    ( 28 ) Sentenza Läärä et, iċċitata aktar ’il fuq.

    ( 29 ) Sentenza Zenatti, iċċitata aktar ’il fuq.

    ( 30 ) Sentenza Anomar et, iċċitata aktar ’il fuq.

    ( 31 ) Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li pubblikazzjonijiet li joffru lill-qarrejja tagħhom il-possibbiltà li jieħdu sehem f’logħob li għandhom premju ma għandhomx dawn iż-żewġ karatteristiċi (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punti 21 sa 23).

    ( 32 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 61).

    ( 34 ) Sentenza Zenatti, iċċitata aktar ’il fuq (punt 36).

    ( 35 ) Sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 63).

    ( 36 ) Sentenza Placanica et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 48).

    ( 37 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-65/05, Ġabra p. I-10341, punt 49).

    ( 38 ) Sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Schindler (punt 58), Läärä et (punt 33) u Zenatti (punt 31).

    ( 39 ) Fis-sentenza Schindler, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq seta’ leġittament jipprojbixxi l-lotteriji fuq skala kbira fit-territorju tiegħu.

    ( 40 ) Sentenza Zenatti, iċċitata aktar ’il fuq (punt 33).

    ( 41 ) Ara, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ dritt esklużiv lil entità waħda, is-sentenza Läärä et, iċċitata aktar ’il fuq, dwar leġiżlazzjoni Finlandiża li tagħti lil assoċjazzjoni ta’ dritt pubbliku kkontrollata mill-Istat id-dritt esklużiv li topera slot machines. Ara, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Zenatti u Gambelli et, dwar il-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-imħatri fuq ir-riżultati ta’ avvenimenti sportivi jew it-tiġrijiet taż-żwiemel, u s-sentenza Anomar et, iċċitata aktar ’il fuq, dwar il-liġi Portugiża li tissuġġetta l-logħob fil-casinos għal sistema ta’ konċessjoni.

    ( 42 ) Sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Läärä et (punt 37) u Zenatti (punt 35).

    ( 43 ) Sentenzi ċċitati aktar ’il fuqs Läärä et (punt 36) u Zenatti (punt 34).

    ( 44 ) Sentenza Läärä et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 39).

    ( 45 ) Ibidem (punt 40).

    ( 46 ) Ibidem (punt 41).

    ( 47 ) Punt 30.

    ( 48 ) Sentenza Zenatti, iċċitata aktar ’il fuq (punt 36).

    ( 49 ) Ibidem (punt 37).

    ( 50 ) Sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 67).

    ( 51 ) Ibidem (punt 69).

    ( 52 ) Ibidem (punt 74).

    ( 53 ) Sentenza Placanica et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 55).

    ( 54 ) Ibidem (punti 56 et 57).

    ( 55 ) Ibidem (punt 64).

    ( 56 ) Diário da República I, série A, Nru 259, tat-8 ta’ Novembru 2003, aktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 282/2003”.

    ( 57 ) Diário da República I, Nru 2777, tat-2 ta’ Diċembru 1989, Digriet Liġi kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 10/95, tad-19 ta’ Jannar 1995 (Diário da República I, série A, Nru 16, tad-19 ta’ Jannar 1995).

    ( 58 ) Digriet Liġi kif emendat u ppubblikat mill-ġdid permezz tad-Digriet Liġi Nru 317/2002, tas-27 ta’ Diċembru 2002 (Diário da República I, série A, Nru 299, tad-29 ta’ Diċembru 2002).

    ( 59 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 412/93, tal-21 ta’ Diċembru 1993.

    ( 60 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Digriet Liġi Nru 314/94, tat-23 ta’ Diċembru 1994.

    ( 61 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Digriet Liġi Nru 225/98, tas-17 ta’ Lulju 1998.

    ( 62 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 210/2004, tal-20 ta’ Awwissu 2004.

    ( 63 ) Digriet Liġi li jadotta l-Istatuti tas-Santa Casa li huma fis-seħħ bħalissa, kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 469/99, tas-6 ta’ Novembru 1999.

    ( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins (C-318/00, Ġabra p. I-905, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 65 ) Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 66 ) Ibidem (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 67 ) Sentenza Placanica et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 36).

    ( 68 ) Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8) u Placanica et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 36).

    ( 69 ) Il-Gvern Daniż jirreferi għas-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C-194/94, Ġabra p. I-2201, punt 25); tat-8 ta’ Marzu 2001, van der Burg (C-278/99, Ġabra p. I-2015, punt 20), u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 45).

    ( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Bourrasse u Perchicot (C-228/01 u C-289/01, Ġabra p. I-10213, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 71 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi SARPP, iċċitata aktar ’il fuq (punti 10 et seq.), kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller (C-60/03, Ġabra p. I-9553, punti 24 et seq.).

    ( 72 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punti 52 sa 54).

    ( 73 ) Direttiva tat-28 ta’ Marzu 1983, li tipprovdi għal proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regoli tekniċi (ĠU L 109, p. 8).

    ( 74 ) Punt 25.

    ( 75 ) Punt 20.

    ( 76 ) Punt 45.

    ( 77 ) Sentenza CIA Security International, iċċitata aktar ’il fuq (punt 40).

    ( 78 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata aktar ’il fuq (punt 61).

    ( 79 ) Bil-kontra, il-projbizzjoni prevista permezz tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 li jsir reklamar għal dan il-logħob, billi jitwaħħal logo fuq l-ilbies tal-plejers tal-futbol u permezz ta’ posters fl-istadiums, ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34. Anki jekk din il-projbizzjoni li jsir reklamar tista’ tiġi anlizzata bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu provduti servizzi ta’ logħob online, din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix fiha nnifisha kriterju li ġie stabbilit mid-Direttiva 98/34 sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C-267/03, Ġabra p. I-3247, punt 51). Il-projbizzjoni li jsir reklamar jista’ jkollha l-effett li tagħlaq is-suq tal-logħob online fl-Istat fejn tapplika, iżda ma timpedixxix li jingħataw jew li jintużaw servizzi ta’ logħob online, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 (Sentenza van der Burg, iċċitata aktar ’il fuq, punt 20).

    ( 80 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata aktar ’il fuq (punt 60).

    ( 81 ) Sentenza CIA Security International, iċċitata aktar ’il fuq (punt 44).

    ( 82 ) Ibidem (punti 48 u 55).

    ( 83 ) ĠU 1972, L 73, p. 14.

    ( 84 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-30/01, Ġabra p. I-9481, punt 59).

    ( 85 ) Ara, dwar it-traspożizzjoni ta’ direttiva dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-505/04). Ara wkoll, f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-489/01, Ġabra p. I-12037), dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, fit-territorju ta’ Ġibiltà, tad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Marzu 1997, dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 311).

    ( 86 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963 (26/62, Ġabra p. 1).

    ( 87 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964 (6/64, Ġabra p. 1141).

    ( 88 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punti 24 u 26).

    ( 89 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punti 113 u 114) kif ukoll, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 84).

    ( 90 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C-234/04, Ġabra p. I-2585, punt 22).

    ( 91 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 45).

    ( 92 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 41).

    ( 93 ) Sentenza Kempter, iċċitata aktar ’il fuq (punt 45).

    ( 94 ) Sentenza van Gend & Loos, iċċitata aktar ’il fuq (punt 23).

    ( 95 ) Sentenza tat-3 ta’ Frar 1977 (52/76, Ġabra p. 163, punt 26).

    ( 96 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I-10239, punti 34 u 35).

    ( 97 ) Ibidem (punt 59).

    ( 98 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-129/00, Ġabra p. I-14637, punti 29 u 32).

    ( 99 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén (C-189/95, Ġabra p. I-5909, punt 41).

    ( 100 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus (C-209/98, Ġabra p. I-3743, punti 74 sa 81).

    ( 101 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punti 52 u 54).

    ( 102 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 41).

    ( 103 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 49).

    ( 104 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-262/02, Ġabra p. I-6569, punt 22).

    ( 105 ) Sentenza Gambelli et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 54).

    ( 106 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et (C-170/04, Ġabra p. I-4071, punt 50).

    ( 107 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata aktar ’il fuq (punt 47).

    ( 108 ) Sentenza Anomar et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 73).

    ( 109 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 tal-preżenti konklużjonijiet.

    ( 110 ) Ara l-Étude sur les jeux de hasard dans l’Union européenne, op. cit. (p. 1450).

    ( 111 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż indika li Bwin użat din il-prattika.

    ( 112 ) Kawża DS285.

    ( 113 ) Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji għall-ordni pubbliku kif ukoll tal-perikli tal-logħob online għall-konsumaturi, il-Korp tal-Appell tal-WTO qies li l-miżuri restrittivi adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika kienu meħtieġa għall-protezzjoni tal-moralità pubblika jew għaż-żamma tal-ordni pubbliku (ara r-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO, Stati Uniti — Miżuri dwar il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ logħob u ta’ mħatri, WT/DS285/AB/R, adottat fis-7 ta’ April 2005, punt 327).

    ( 114 ) Punt 37.

    ( 115 ) Sentenza Placanica et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 55).

    ( 116 ) Din il-kwistjoni hija l-pern tal-kawżi magħquda Markus Stoß et., iċċitati aktar ’il fuq.

    ( 117 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar ’il fuq (punt 33).

    ( 118 ) Skont l-indikazzjonijiet li hemm fin-noti ta’ osservazzjonijiet tal-Liga u ta’ Bwin, il-grupp Bwin jimpjega madwar 1000 persuna bi dħul mill-bejgħ ta’ madwar biljun euro. Dan il-grupp joffri s-servizzi tiegħu lil diversi miljuni ta’ konsumaturi kull sena, jopera f’aktar minn 20 suq u kiseb profitt dinji gross (wara l-ħlas tar-rebħ lill-konsumaturi) ta’ EUR 382 miljuni matul is-sena 2006.

    ( 119 ) Il-Qorti tal-EFTA qieset li, “[i]n the Court’s view, it is reasonable to assume that a monopoly operator in the field of gaming machines subject to effective control by the competent public authorities will tend to accommodate legitimate concerns of fighting gambling addiction better than a commercial operator or organisations whose humanitarian or socially beneficial activities partly rely on revenues from gaming machines. Furthermore, it is plausible to assume that in principle the State can more easily control and direct a wholly State-owned operator than private operators. Through its ownership role, the State has additional ways of influencing the behaviour of the operator besides public law regulations and surveillance” (Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-14 ta’ Marzu 2007, EFTA Surveillance Authority vs Norway, E-1/06, EFTA Court Report, p. 7, punt 51).

    ( 120 ) Sentenza Läärä et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 28).

    Top