EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0001

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 17 ta' Lulju 2008.
Proċedura kriminali kontra Frank Weber.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Siegen - il-Ġermanja.
Direttiva 91/439/KEE - Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan - Sospensjoni temporanja tal-liċenzja tas-sewqan - Irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan - Validità ta’ tieni liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ sospensjoni temporanja.
Kawża C-1/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08571

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:423

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2008 ( 1 )

Kawża C-1/07

Proċeduri kriminali

kontra

Frank Weber

“Direttiva 91/439/KEE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Sospensjoni temporanja tal-liċenzja tas-sewqan — Irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan — Validità ta’ tieni liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ sospensjoni temporanja”

1. 

Permezz ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistiedna tippreċiża l-portata tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439/KEE ( 2 ) li jippermetti lil Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta d-detentur tagħha jkun suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni, ta’ rtirar jew ta’ tħassir tad-dritt tas-sewqan.

2. 

Il-fattur partikolari ta’ din il-kawża jinsab fil-fatt li liċenzja ngħatat lil persuna minkejja li kienet suġġetta għal proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tagħha li ssuq wara ksur tar-regolamenti tat-traffiku li twettaq qabel il-ħruġ ta’ dik il-liċenzja.

3. 

Il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ttieħdet il-miżura ta’ rtirar jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja hekk mogħtija.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta dik il-liċenzja tkun ingħatat waqt li tkun tinsab għaddejja proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tad-detentur li jsuq, wara ksur tar-regolamenti tat-traffiku mwettaq qabel fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

5.

Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment tal-persuni fi ħdan il-Komunità jew l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuni jkunu kisbu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom, id-Direttiva 91/439 stabbilixxiet il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan ( 3 ).

6.

L-iffissar, f’din id-Direttiva, tal-kundizzjonijiet minimi biex tkun tista’ tingħata liċenzja tas-sewqan huwa wkoll intiż biex itejjeb is-sigurtà fit-toroq fit-territorju tal-Unjoni ( 4 ).

7.

L-Artikolu 7(1) (a) tal-imsemmija Direttiva jgħid hekk:

“Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

li jkunu għaddew mit-test tal-ħiliet u l-imġiba u test tat-teorija u li jilħqu l-istandards mediċi, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III.”

8.

B’mod partikolari, id-Direttiva 91/439 tipprovdi li m’għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa li huma dipendenti mill-alkoħol jew sustanzi psikotropiċi.

9.

Fil-fatt, il-punt 14.1 tal-Anness III ta’ din id-Direttiva jgħid hekk:

“Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa li huma dipendenti fuq l-alkoħol jew li mhux kapaċi jieqfu mix-xorb u jsuqu.”

10.

Il-punt 15 tal-istess Anness jgħid:

“Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li huma dipendenti fuq sustanzi psikotropiċi jew li mhumiex dipendenti fuq dawn is-sustanzi iżda jabbużaw minnhom regolarment, tkun xi tkun il-kategorija tal-liċenzja mitluba.”

11.

L-Artikolu 7(5) tal-imsemmija Direttiva jipprovdi li ebda persuna ma jista’ jkollha iktar minn liċenzja tas-sewqan waħda.

12.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 jispeċifika li l-Istat Membru tar-residenza normali jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fil-konfront tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.

13.

L-Artikolu 8(4) ta’ din id-Direttiva jgħid hekk:

“Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ qabel, bla ħsara [suġġetta] għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.

Stat Membru jista’ l-istess jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkun bla ħsara [suġġett] għal din il-miżura fi Stat Membru ieħor.”

B — Id-dritt nazzjonali

14.

Ir-Regolament dwar l-aċċess ta’ persuni għas-sewqan fit-toroq (Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straβenverkehr, iktar ’il quddiem il-“FeV”) jipprovdi fl-Artikolu 28(1) tiegħu li l-persuni li jkollhom liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru tal-Unjoni huma awtorizzati jsuqu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

15.

Madankollu, skont il-punt 3 tal-Artikolu 28(4) tal-FeV, din l-awtorizzazzjoni ma tapplikax għall-persuni li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun suġġetta, fit-territorju Ġermaniż, għal miżura ta’ rtirar proviżorja jew definittiva minn qorti jew tribunal jew miżura ta’ rtirar li tkun immedjatament eżekuttiva jew definittiva, meħuda minn awtorità amminstrattiva.

16.

Skont l-Artikolu 46 tal-FeV, jekk jirriżulta li d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan mhuwiex kapaċi jsuq karozza, l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan hija obbligata tirtiralu l-liċenzja, u dan b’mod partikolari f’każ ta’ ksur serju jew ripetut ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw it-traffiku fit-toroq jew tal-liġi kriminali.

17.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar it-traffiku fit-toroq (Straβenverkehrsgesetz) jgħid li “[j]ekk persuna ma tkunx kapaċi ssuq vettura, l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan hija obbligata tirtiralha l-liċenzja. Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar — għalkemm isir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn — ikun ekwivalenti għal telf tad-dritt li l-liċenzja tas-sewqan tintuża fil-Ġermanja […]”.

II — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

18.

F. Weber, li huwa residenti fit-territorju Ġermaniż, kien suġġett għal kontroll fuq it-triq fit-18 ta’ Settembru 2004. Matul dan il-kontroll, ġie stabbilit li huwa kien taħt l-effett ta’ kannabis u amfetamini. Fuq il-bażi ta’ dan ir-reat, il-Kreis Siegen-Wittgenstein, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tas-, li saret definittiva fl-, imponiet kontrih ammenda u ddeċidiet li tissospendi l-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal xahar.

19.

Fit-18 ta’ Novembru 2004, l-awtoritajiet Ċeki ħarġu liċenzja tas-sewqan lil F. Weber, li kien għadda mit-test tas-sewqan fis-.

20.

Minħabba r-reat imwettaq fit-18 ta’ Settembru 2004, l-Ordnungsamt ta’ Kreis Siegen-Wittgenstein fetħet proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila ta’ Weber li jsuq. Dan tal-aħħar ġie nnotifikat dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura fis- u ddepożita l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu mal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fi Frar tal-2005.

21.

B’deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2005, li saret definittiva fis-, l-Ordnungsamt ta’ Kreis Siegen-Wittgenstein iddeċidiet li tirtira l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża ta’ F. Weber.

22.

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika wkoll li dan tal-aħħar naqas milli jikkonforma, fit-terminu preskritt, mal-obbligu li kien ġie impost fuqu li jissottometti ruħu għal eżami mediku u psikoloġiku bil-għan li jipprova l-ħila tiegħu li jsuq, u li l-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi ma kinux jafu li huwa kellu liċenzja tas-sewqan Ċeka.

23.

Fis-6 ta’ Jannar 2006, waqt li kien qed isuq fi triq fil-Ġermanja, Weber ġie mwaqqaf mill-pulizija u huwa ppreżentalhom il-liċenzja tas-sewqan Ċeka.

24.

Wara li sar dan il-kontroll, l-Amtsgericht Siegen, b’sentenza tat-22 ta’ Awwissu 2006, sabet lil F. Weber ħati ta’ sewqan negliġenti mingħajr liċenzja tas-sewqan. Dan tal-aħħar appella kontra din is-sentenza quddiem il-Landgericht Siegen (il-Ġermanja).

III — Id-domanda preliminari

25.

Kien f’dan il-kuntest li l-Landgericht Siegen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda:

“Id-Direttiva 91/439 — Artikolu 1(2) flimkien mal-Artikolu 8(2) u (4) — għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi li Stat Membru ma jirrikonoxxix fit-territorju tiegħu d-dritt ta’ sewqan eżerċitat b’mod konformi ma’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, b’hekk, li jiċħad il-validità tal-imsemmija liċenzja minħabba li fl-ewwel Stat Membru l-awtorizzazzjoni li jsuq ġiet irtirata mingħand id-detentur tal-imsemmija liċenzja wara li ngħata fi Stat Membru ieħor l-hekk imsejħa ‘tieni’ liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea, jekk l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan kien ibbażat fuq inċident/aġir kolpuż li seħħ qabel il-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan mill-Istat Membru l-ieħor?”

IV — Analiżi

26.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta dik il-liċenzja tkun ingħatat waqt li tkun tinsab għaddejja proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tad-detentur tagħha li jsuq, wara ksur tar-regolamenti tat-traffiku mwettaq qabel fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

27.

Għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża prinċipali, il-persuna detentriċi ta’ liċenzja Ġermaniża kienet kisret ir-regolamenti tat-traffiku fit-territorju Ġermaniż. Madwar xahar wara r-reat, dik il-persuna kisbet liċenzja tas-sewqan Ċeka, minkejja li, wara dak ir-reat, kienet tinsab pendenti proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tiegħu li jsuq u li dik il-proċedura finalment wasslet għall-irtirar tal-liċenzja Ġermaniża.

28.

Il-kwistjoni b’hekk hija jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi humiex obbligati jirrikonoxxu bħala valida t-tieni liċenzja miksuba waqt li l-imsemmija proċedura kienet tinsab għaddejja.

29.

Din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Kapper ( 5 ) u fid-digrieti tas-, Halbritter ( 6 ) u tat-, Kremer ( 7 ).

30.

Fil-kawża Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet diġà ddeċidiet li l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan japplika mingħajr ebda formalità u ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri biex jikkonformaw ma’ dak l-obbligu ( 8 ), ikkonfermat bis-saħħa kollha l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

31.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Istat Membru ospitanti m’għandux dritt jivverifika l-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja tas-sewqan hekk mogħtija ( 9 ).

32.

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrilevat li teżisti eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan li tirriżulta mill-kliem stess tad-Direttiva 91/439. Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kwalunkwe liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor, meta d-detentur tagħha jkun suġġett fit-territorju tal-ewwel Stat Membru għal miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni, ta’ rtirar jew ta’ tħassir tad-dritt tas-sewqan.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkjarifika din id-dispożizzjoni fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Kapper, Halbritter u Kremer.

34.

Hija indikat, fl-ewwel lok, li peress li l-imsemmija dispożizzjoni tidderoga mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv ( 10 ). Hija ppreċiżat ukoll li ċ-ċirkustanzi li fihom liċenzja tas-sewqan tista’ ma tiġix rikonoxxuta bħala valida, b’mod konformi mal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, mhumiex limitati għall-każ fejn id-detentur ta’ dik il-liċenzja jitlob li tiġi ssostitwita. Dik id-dispożizzjoni għandha wkoll l-għan li tippermetti lil Stat Membru japplika, fit-territorju tiegħu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-irtirar, is-sospensjoni jew it-tħassir tal-liċenzja tas-sewqan, meta d-detentur ta’ dik il-liċenzja jkun, pereżempju, ikkommetta reat ( 11 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn Stat Membru biex jirrifjuta li jirrikonoxxi b’mod indefinittiv il-validità ta’ liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta d-detentur ta’ dik il-liċenzja jkun ġie suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura restrittiva. Hija ppreċiżat li, meta l-perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja ġdida jkun skada fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 ma jippermettix li dak l-Istat Membru jkompli jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa sussegwentement minn Stat Membru ieħor ( 12 ).

36.

Din l-interpretazzjoni tapplika a fortiori meta l-miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan ma tkunx marbuta ma’ perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja ġdida ( 13 ). F’każ bħal dan, l-Istat Membru ospitanti għandu jirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor wara l-miżura ta’ rtirar. Il-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li japplika l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 tista’ tiġi eżerċitata f’każ ta’ aġir kolpuż mill-persuna kkonċernata li jseħħ wara li tkun inkisbet il-liċenzja tas-sewqan ġdida ( 14 ).

37.

Fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Kapper, Halbritter u Kremer, id-detenturi tal-liċenzji tas-sewqan, li r-rikonoxximent tagħhom kien ġie kkontestat, kienu kisbu l-liċenzji tagħhom wara l-miżura ta’ rtirar jew wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja ġdida. Il-miżuri ta’ kontroll kienu twettqu, ir-reat kien ġie ppenalizzat, u l-effetti tal-miżura restrittiva b’hekk kienu ġew eżawriti.

38.

Iżda din il-kawża hija differenti, peress li l-każ ta’ F. Weber jirrigwarda persuna li kisret ir-regolamenti tat-traffiku fil-Ġermanja u li kisbet liċenzja ġdida fit-territorju Ċek, minkejja li kienet suġġetta, wara dak ir-reat fit-territorju Ġermaniż, għal proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tagħha li ssuq. B’differenza mill-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet qabel, il-mument meta ngħatat il-liċenzja l-ġdida fil-kawża prinċipali seħħ wara l-aġir kolpuż u qabel il-miżura ta’ rtirar li ttieħdet fuq il-bażi ta’ dak l-aġir.

39.

B’hekk, il-miżuri li jiggarantixxu li persuna perikoluża ma tkunx tista’ ssuq fin-netwerk tat-toroq kienu għadhom ma ġewx adottati u, fi kwalunkwe każ, l-effetti ta’ dawk il-miżuri ma kinux għadhom ġew eżawriti.

40.

Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-punti 14.1 u 15 tal-Anness III tad-Direttiva 91/439 li huwa pprojbit li tinħareġ jew tiġġedded liċenzja tas-sewqan lil persuna li tkun tinsab fi stat ta’ dipendenza fuq l-alkoħol jew id-droga jew li, minkejja li ma tkunx dipendenti, tikkonsma jew tabbuża regolarment minn dawk is-sustanzi.

41.

Fil-fehma tiegħi, il-proċedura prevista mil-liġi Ġermaniża, b’applikazzjoni tal-punti 14.1 u 15 tal-Anness III tal-imsemmija Direttiva u li tinbeda wara li jitwettaq reat, għandha l-għan li tivverifika preċiżament, pereżempju permezz ta’ testijiet tad-demm u s-sorveljanza tal-persuna, jekk hija għadhiex taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga.

42.

Barra minn hekk, meta jitwettaq reat fit-territorju ta’ Stat Membru, dak l-Istat biss huwa kompetenti biex jippenalizza dak ir-reat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura ta’ rtirar tal-liċenzja fir-rigward ta’ dik il-persuna, flimkien ma’ jew mingħajr perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja ġdida.

43.

Għaldaqstant, f’każ bħal dan, jiena tal-fehma li l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandu jippermetti lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab pendenti proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila ta’ persuna li ssuq, li ma jirrikonoxxix liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor matul dik il-proċedura.

44.

Fl-ewwel lok, effettivament, il-proċedura pendenti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ġie kommess ir-reat għandha l-iskop li tevalwa jekk persuna hijiex perikoluża. Min-naħa l-oħra, il-liċenzja l-ġdida tkun ingħatat mingħajr ma jkunu saru t-testijiet rigorużi previsti mil-liġi Ġermaniża.

45.

Għaldaqstant, jekk tiġi rikonoxxuta l-validità ta’ dik il-liċenzja tas-sewqan il-ġdida, dan imur kontra l-objettiv tad-Direttiva 91/439, li huwa li tittejjeb is-sigurtà tat-traffiku fuq it-toroq.

46.

Fit-tieni lok, il-persuna kkonċernata ma tistax titħalla, billi tikseb liċenzja tas-sewqan ġdida, taħrab mis-sanzjonijiet li għandha tbati wara r-reat li tkun ikkommettiet fit-territorju ta’ Stat Membru.

47.

Fl-aħħar lok, il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, f’ċirkostanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, imur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(5) tad- Direttiva 91/439. Fil-fatt, f’dak l-istadju tal-proċedura, meta l-persuna kkonċernata kisbet liċenzja tas-sewqan ġdida, hija kien għad għandha liċenzja tas-sewqan maħruġa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

48.

Dak l-Artikolu huwa preċiżament intenzjonat biex jevita aġir bħal dak ta’ F. Weber. Jirriżulta mill-fatti fil-kawża prinċipali li dan tal-aħħar, wara li kien kiser ir-regolamenti tat-traffiku, ipprova jaħrab mis-sanzjonijiet billi mar fi Stat Membru ieħor bil-għan li jikseb liċenzja tas-sewqan ġdida ( 15 ). Dan l-aġir huwa kjarament ta’ natura frodulenti.

49.

Fi kliem ieħor, kieku r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tiġi obbligata tirrikonoxxi liċenzja maħruġa waqt li kienet tinsab għaddejja proċedura li nbdiet wara li kien twettaq reat, dan ikollu l-konsegwenza li persuna li hija potenzjalment perikoluża titħalla tkompli ssuq, li dik il-persuna titħalla taħrab mis-sanzjoni penali imposta kontriha u li jiġi ffaċilitat l-aġir frodulenti.

50.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta dik il-liċenzja tkun ingħatat waqt li tkun tinsab għaddejja proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tad-detentur tagħha li jsuq, wara ksur tar-regolamenti tat-traffiku mwettaq qabel fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

V — Konklużjoni

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej lil-Landgericht Siegen:

“L-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta dik il-liċenzja tkun ingħatat waqt li tkun tinsab għaddejja proċedura biex tiġi vverifikata l-ħila tad-detentur tagħha li jsuq, wara ksur tar-regolamenti tat-traffiku mwettaq qabel fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 237, p. 1), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad- (ĠU L 284, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/439”).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1.

( 4 ) Ara r-raba’ premessa.

( 5 ) C-476/01, Ġabra p. I-5205.

( 6 ) C-227/05.

( 7 ) C-340/05.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi (C-230/97, Ġabra p. I-6781, punti 41 u 42).

( 9 ) Sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq (punti 47 u 49).

( 10 ) Ibidem (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll id-digriet Halbritter, iċċitat iktar ’il fuq (punt 26).

( 11 ) Sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).

( 12 ) Ibidem (punt 76).

( 13 ) Ara d-digriet Kremer, iċċitat iktar ’il fuq (punti 33 u 34).

( 14 ) Ibidem (punt 35).

( 15 ) L-osservazzjonijiet ippreżentati minn F. Weber jindikaw, f’dan ir-rigward, li “[huwa] kien qed jaħseb li x’aktarx kienet ser tiġi rtirata b’mod imminenti l-liċenzja tas-sewqan tiegħu maħruġa mill-awtoritajiet Ġermaniżi” u li kien għal dik ir-raġuni li huwa mar fir-Repubblika Ċeka biex jikseb liċenzja ġdida (p. 1).

Top