This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006TJ0314
Judgment of the General Court (Sixth Chamber) of 13 September 2010. # Whirlpool Europe Srl v Council of the European Union. # Dumping - Imports of certain combined refrigerator-freezers originating in South Korea - Definition of the product concerned - Rights of the defence - Advisory Committee - Duty to state reasons - Choice of the method used to define the product concerned - Article 15(2) and Article 20(5) of Regulation (EC) No 384/96 (now Article 15(2) and Article 20(5) of Regulation (EC) No 1225/2009). # Case T-314/06.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tat-13 ta' Settembru 2010.
Whirlpool Europe Srl vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Dumping - Importazzjonijiet ta’ ċerti friġġ-freezers magħquda li joriġinaw mill-Korea t’Isfel - Definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat - Drittijiet tad-difiża - Kumitat konsultattiv - Obbligu ta’ motivazzjoni - Għażla tal-metodu ta’ definizzjoni tal-prodott ikkonċernat - Artikolu 15(2) u Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009].
Kawża T-314/06.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tat-13 ta' Settembru 2010.
Whirlpool Europe Srl vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Dumping - Importazzjonijiet ta’ ċerti friġġ-freezers magħquda li joriġinaw mill-Korea t’Isfel - Definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat - Drittijiet tad-difiża - Kumitat konsultattiv - Obbligu ta’ motivazzjoni - Għażla tal-metodu ta’ definizzjoni tal-prodott ikkonċernat - Artikolu 15(2) u Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009].
Kawża T-314/06.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-05005
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:390
Kawża T-314/06
Whirlpool Europe Srl
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti fridge-freezers magħquda li joriġinaw mill-Korea t’Isfel — Definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat — Drittijiet tad-difiża — Kumitat konsultattiv — Obbligu ta’ motivazzjoni — Għażla tal-metodu ta’ definizzjoni tal-prodott ikkonċernat — Artikolu 15(2) u Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”
Sommarju tas-sentenza
1. Proċedura — Intervent — Portata tad-drittijiet proċedurali tal-intervenjent marbuta mad-data tal-preżentata tat-talba għal intervent
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 115(1) u 116(6))
2. Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Antidumping
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20, u Nru 1225/2009, Artikolu 20)
3. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Konsultazzjoni tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat konsultattiv
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 15(2), u Nru 1225/2009, Artikolu 15(2))
4. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping
(Artikolu 296 TFUE)
5. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 1)
1. Skont l‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intervenjent li jippreżenta t‑talba għal intervent tiegħu wara l‑iskadenza tas‑sitt ġimgħat previsti fl‑Artikolu 115(1) tal‑imsemmija regoli mid‑data tal‑pubblikazzjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑avviż dwar il‑preżentata tar‑rikors, jista’ biss jipparteċipa fil‑proċedura orali, jirċievi komunikazzjoni tar‑rapport tas‑seduta u jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu fuqu waqt is‑seduta.
(ara l-punt 59)
2. Ir‑rispett tad‑drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni, li, abbażi tiegħu, l‑impriżi involuti fi proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa permezz tal‑adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li fiha jkunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l‑opinjoni tagħhom dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati. Din il‑ħtieġa hija implementata fl‑Artikolu 20(4) tar‑Regolament bażiku Nru 384/96 (li sar l‑Artikolu 20(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009).
F’dan ir-rigward, meta l‑Kummissjoni tikkomunika lir‑rikorrent id‑dokument finali rrivedut ta’ informazzjoni u timponi fuqu terminu sabiex jgħarraf l‑osservazzjonijiet tiegħu, li dan jikkomunika fit-terminu stabbilit, u wara l‑Kummissjoni mbagħad tippreżenta lill‑Kunsill il‑proposta għal regolament definittiv, bosta ġranet wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut lir‑rikorrenti, l‑ebda ksur tad‑drittijiet ta’ difiża tar‑rikorrenti ma jista’ jiġi kkonstatat. Barra minn hekk, il-fatt li abbozz ta’ proposta għal regolament definittiv ippreżentat lill‑Kunsill jitqassam fi ħdan il‑Kummissjoni skont proċedura bil‑miktub, sabiex jinġabar il‑kunsens tal‑membri tal‑istituzzjoni, ma jdaħħalx inkwistjoni l‑possibbiltà għar‑rikorrent li jingħata smigħ xieraq, peress li l‑Kummissjoni tista’, jekk ikun il‑każ, twaqqaf l‑imsemmija proċedura bil‑miktub jew ukoll temenda l‑abbozz ta’ proposta tagħha wara l‑osservazzjonijiet li jippreżentaw il‑partijiet interessati.
(ara l-punti 74-78)
3. In‑nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96 ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tal‑forom proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall‑illegalità tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv u, konsegwentement, id‑definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat adottata fir‑regolament li jistabbillixxi dazju antidumping definittiv.
Fil-fatt, skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 461/2004, li emenda r-Regolament Nru 384/96 f’dan ir-rigward, l-informazzjoni kkomunikata lill-Istati Membri fil-kuntest tal-Kumitat konsultattiv “għandha” tintbagħat mill-inqas għaxart ijiem qabel id-data tal-laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat konsultattiv “[b]iex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni”.Mill‑kliem ta’ din il‑premessa, u b’mod partkolari, mill‑użu tal‑kundizzjonal (“għandha”) [“devraient” fil-verżjoni Franċiża], jista’ jiġi dedott li l‑osservanza tat‑terminu inkwistjoni ma hijiex imposta taħt piena ta’ nullità tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv, iżda, bil‑kontra, li r‑rekwiżiti tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 384/96 jistgħu jiġu sodisfatti meta l‑Istati Membri jkollhom fil‑fatt żmien suffiċjenti sabiex jeżaminaw l‑informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilhom mill‑President tal‑Kumitat konsultattiv.
F’dan ir-rigward, meta ma huwiex stabbilit li l‑Istati Membri ġew imċaħħda minn żmien neċessarju sabiex jieħdu konoxxenza utli tal‑informazzjoni dwar id‑definizzjoni ġdida tal‑prodott ikkonċernat adottata mill‑Kummissjoni u li l‑Kumitat konsultattiv ma setax, minħabba dan, jagħti l‑opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal‑każ iżda li, bil‑kontra, il‑kwistjoni dwar id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat ġiet diskussa fid‑dettall mir‑rappreżentanti tal‑Istati Membri, waqt laqgħat varji tal‑Kumitat konsultattiv li nżammu waqt l‑investigazzjoni, u li din id‑definizzjoni ġiet ittrattata b’mod partikolari fid‑dokumenti dwar il‑miżuri definittivi mibgħuta mill‑Kummissjoni lill‑Istati Membri iktar minn għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa tal-Kumitat konsultattiv, in‑nuqqas ta’ osservanza tat‑terminu stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 384/96 ma jistax jitqies li jkollu impatt fuq ir‑riżultat tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni u lanqas, konsegwentement, fuq id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, adottata b’mod definittiv fir‑regolament li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv.
(ara l-punti 91-96)
4. Meta regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi jiddaħħal fil‑kuntest sistematiku ta’ totalità ta’ miżuri, ma jistax jiġi mistenni li l‑motivazzjoni tiegħu tispeċifika l‑punti varji ta’ fatt u ta’ liġi, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li jkunu s‑suġġett tiegħu, u lanqas li l‑istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l‑argumenti kollha invokati mill‑partijiet interessati. Bil‑kontra, huwa suffiċjenti li l‑awtur tal‑att jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl‑ekonomija tar‑regolament ikkontestat.
Ċertament, il‑motivazzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping għandu jiġi evalwat fid‑dawl b’mod partikolari tal‑informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill‑partijiet interessati mill‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni u l‑osservazzjonijiet ippreżentati minnhom waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni. Madankollu, l‑istituzzjonijiet ma humiex marbuta jimmotivaw speċjalment in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑argumenti varji mressqa mill‑partijiet interessati. Huwa suffiċjenti li r‑regolament ikun fih ġustifikazzjoni ċara tal‑elementi prinċipali tal‑analiżi tagħhom, peress li din il‑ġustifikazzjoni tista’ tiċċara r‑raġunijiet li, minħabba fihom, huma jkunu warrbu l‑argumenti rilevanti mressqa mill‑partijiet waqt il‑proċedura amministrattiva.
Barra minn hekk, regolament li jistabbilixxi dazji antidumping fit‑tmiem ta’ proċedura ta’ investigazzjoni għandu jkun motivat biss fid-dawl tal‑punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti għall‑evalwazzjoni li ssir. Il‑motivazzjoni ma għandhiex l‑għan li tispjega l‑evoluzzjoni tal‑pożizzjoni tal‑istituzzjonijiet waqt il‑proċedura amministrattiva u għalhekk ma hijiex intiża li tiġġustifika d‑diverġenzi bejn is‑soluzzjoni adottata fl‑att finali u l-pożizzjoni provviżorja esposta fid‑dokumenti kkomunikati lill‑partijiet interessati waqt din il‑proċedura, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l‑osservazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, dan l‑obbligu ma jġiegħel b’ebda mod lill‑istituzzjonijiet jispjegaw kif il‑pożizzjoni prevista fi stadju partikolari tal‑proċedura amministrattiva kienet eventwalment infondata.
(ara l-punti 114-116)
5. Id‑definizzjoni ta’ prodott, fil‑kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, għandha bħala għan li tgħin fit‑tfassil ta’ lista tal‑prodotti li, jekk ikun il‑każ, ikunu s‑suġġett tal‑impożizzjoni tad‑dazji antidumping. Għall‑finijiet ta’ din l‑operazzjoni, l‑istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħalma huma, b’mod partikolari, il‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal‑prodotti, l‑użu tagħhom, l‑interkambjabbiltà tagħhom, il‑perċezzjoni li l‑konsumaturi għandhom tagħhom, il‑mezzi ta’ distribuzzjoni, il‑proċess tal‑manifattura, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni u l‑kwalità.
F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi ammessa t-teżi li tipprovdi li d‑differenzi fiżiċi jiġġustifikaw li ssir distinzjoni bejn il‑prodotti biss meta dawn ikollhom importanza għall‑konsumaturi. Fil‑fatt, fost il-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni, il‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal‑prodotti għandhom naturalment post importanti, mingħajr ma jkunu neċessarjament prijoritarji. Ma jistax għaldaqstant jitqies li d‑differenzi fir‑rigward tal‑karatteristiċi fiżiċi jew tekniċi huma rilevanti biss meta dawn ikunu riflessi fil‑perċezzjoni tal‑konsumatur.
(ara l-punti 138, 141)
SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)
13 ta’ Settembru 2010 (*)
“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti fridge-freezers magħquda li joriġinaw mill-Korea t’Isfel – Definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat – Drittijiet tad-difiża – Kumitat konsultattiv – Obbligu ta’ motivazzjoni – Għażla tal-metodu ta’ definizzjoni tal-prodott ikkonċernat – Artikolu 15(2) u Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”
Fil‑Kawża T‑314/06,
Whirlpool Europe Srl, stabbilita f’Comerio (l‑Italja), irrappreżentata minn M. Bronckers u F. Louis, avukati,
rikorrenti,
sostnuta minn
Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
u minn
Il‑Kunsill Ewropew għall‑kostruzzjoni ta’ apparat Domestiku (CECED), stabbilit fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentat minn Y. Desmedt u A. Verheyden, avukati,
intervenjent,
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,
konvenut,
sostnut minn
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti,
u minn
LG Electronics, Inc., stabbilita f’Seul (il‑Korea t’Isfel), inizjalment irrappreżentata minn L. Ruessmann u P. Hecker, sussegwentement minn L. Ruessmann u A. Willems, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall‑annullament parzjali tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1289/2006, tal‑25 ta’ Awwissu 2006, li jimponi dazju definittiv kontra d‑dumping u jiġbor definittivament id‑dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti refriġeraturi side‑by‑side li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea (ĠUL 236, p. 11),
IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij (Relatur), President, V. Vadapalas u L. Truchot, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑11 ta’ Novembru 2009,
tagħti l‑preżenti
Sentenza
Il‑kuntest ġuridiku
1 Ir‑Regolament bażiku antidumping huwa kkostitwit mir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 384/96, tat‑22 ta’ Diċembru 1995, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) kif emendat (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament bażiku”) [issostitwit bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22)].
2 L‑Artikolu 1(1) u (4) tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 1(1) u (4) tar‑Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:
“1. Dazju kontra xiri taħt il‑prezz jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il‑prezz li l‑liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil‑Komunità tikkawża ħsara.
[…]
4. Għall‑iskopijiet ta’ dan ir‑Regolament, it‑terminu “prodott simili” għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l‑istess f'kull lat, bħall‑prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin‑nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l‑istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill‑qrib dawk tal‑prodott ikkunsidrat.”
3 L‑Artikolu 15 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:
“1. Kwalunkwe konsultazzjonijiet li jagħmel tajjeb għalihom dan ir‑Regolament għandhom iseħħu fi ħdan Kumitat konsultattiv li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull stat Membru, b’rappreżentant tal‑Kummissjoni bħala president. Il‑konsultazzjonijiet għandhom isiru immedjatament fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l‑inizjattiva tal‑Kummissjoni u fi kwalunkwe każ fi żmien perjodu ta’ żmien li jippermetti li l‑limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan id‑Regolament jiġu segwiti.
2. Il‑Kumitat jiltaqa’ meta jiġi msejjaħ mill‑president tiegħu. Għandu jibgħat lill‑Istati Membri, kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il‑laqgħa, l‑informazzjoni rilevanti kollha.
3. Fejn ikun hemm bżonn, konsultazzjoni tista’ tkun bil‑miktub biss; f'dak il‑każ, il‑Kummissjoni għandha tavża lill‑Istati Membri u għandha tispeċifika perjodu li fi żmienu għandhom ikunu intitolati li jesprimu l‑opinjonijiet tagħhom jew li jitolbu konsultazzjoni orali li l‑president għandu jirranġa, sakemm konsultazzjoni orali bħal din tista titwettaq fi żmien perjodu ta’ żmien li jippermetti li l‑limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan ir‑Regolament jiġu segwiti.
4. Il‑Konsultazzjoni għandha tkopri, b’mod partikolari:
[…]
d) il‑miżuri li, fiċ‑ċirkustanzi, huma xierqa biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il‑ħsara kkawżata mill‑bejgħ taħt il‑prezz u l‑mezzi u l‑metodi ta’ tqegħid fis‑seħħ ta’ dawn il‑miżuri.”
4 It‑terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol li l‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 1225/2009) jimponi fuq il‑president tal‑Kumitat konsultattiv sabiex jikkomunika l‑elementi ta’ informazzjoni utli kollha, ġie introdott fir‑Regolament bażiku mir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat‑8 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 77, p. 12), li l‑premessa 17 tiegħu tipprovdi:
“L‑informazzjoni li tingħata lill‑Istati Membri fil‑Kumitat konsultattiv hi ħafna drabi ta’ natura teknika ferm u tinvolvi analisi ekonomika u legali elaborata. Biex tagħti biżżejjed żmien lill‑Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l‑informazzjoni, għandha tintbagħat għall‑inqas 10 ijiem qabel id‑data tal‑laqgħa ffissata mill‑President tal‑Kumitat konsultattiv.”
5 L‑Artikolu 20 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:
“1. Min jagħmel l‑ilment, l‑importaturi u l‑esportaturi u l‑assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r‑rappreżentanti tal‑pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad‑dettalji taħt il‑fatti essenzjali u l‑kunsiderazzjonijiet fuq il‑bażi li fuqha ġew imposti l‑miżuri proviżjonali. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom jiġu magħmula bil‑miktub immedjatament wara l‑impożizzjoni tal‑miżuri proviżjonali, u l‑iżvelar għandu jsir bil‑miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.
2. Il‑partijiet msemmija fil‑paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar finali tal‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il‑bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l‑impożizzjoni tal‑miżuri definittivi, jew it‑terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal‑miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill‑iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.
[…]
4. Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil‑miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l‑attenzjoni dovuta għall‑protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis‑sottomissjoni mill‑Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l‑Artikolu 9. Fejn il‑Kummissjoni ma tkunx fil‑pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il‑ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L‑iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill‑Kummissjoni jew mill‑Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.
5. Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t‑tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill‑Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill‑inqas 10 t’ijiem, waqt li tingħata l‑attenzjoni dovuta lill‑urġenza tal‑kwistjoni.”
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
1. Is‑suq li huwa s‑suġġett tal‑investigazzjoni
6 Is‑suq tal‑fridge-freezers magħquda, li huma s‑suġġett tal‑investigazzjoni li abbażi tiegħu ġew adottati l‑miżuri antidumping ikkontestati, fih tliet oqsma:
– il‑qasam tat‑tagħqid “bottom‑mount”, fejn il‑kompartiment ta’ ffriżar jitqiegħed fuq il‑kompartiment ta’ refriġerazzjoni;
– il‑qasam tat‑tagħqid “top‑mount”, fejn il‑kompartiment ta’ ffriżar jitqiegħed taħt il‑kompartiment ta’ refriġerazzjoni;
– il‑qasam tat‑tagħqid “side‑by‑side”, li fih żewġ bibien b’molla li jinfetħu li għandhom kompartiment ta’ freezer u ta’ friġġ ħdejn xulxin.
7 Dan l‑aħħar deher fuq is‑suq tip ġdid ta’ fridge‑freezer magħqud, bi tliet bibien, fejn il‑kompartiment ta’ ffriżar qiegħed taħt il‑kompartiment ta’ refriġerazzjoni f’unità waħda. Il‑kompartiment ta’ ffriżar fih bieba, filwaqt li ż‑żewġ bibien b’molla ħdejn xulxin jinfetħu fuq il‑kompartiment ta’ refriġerazzjoni.
2. Il‑fażi inizjali tal‑proċedura ta’ investigazzjoni
8 Fit‑18 ta’ April 2005, ir‑rikorrenti, Whirlpool Europe Srl, ippreżentat lill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, fuq il‑bażi tar‑Regolament bażiku, ilment kontra l‑importazzjonijiet ta’ ċerti friġġijiet li joriġinaw mill‑Korea t’Isfel.
9 Fit‑2 ta’ Ġunju 2005, il‑Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping dwar l‑importazzjonijiet ta’ ċerti friġġijiet “side‑by‑side” li joriġinaw mill‑Korea t’Isfel (ĠU C 135, p. 4). Il‑prodotti meqjusa li kienu jagħmlu s‑suġġett ta’ dumping kienu l‑fridge-freezers magħquda li jistgħu jżommu iktar minn 400 litri, li fihom mill‑inqas żewġ bibien esterni u ħdejn xulxin.
10 Il‑Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill‑partijiet kollha li kien magħruf li kienu kkonċernati bl‑investigazzjoni.
11 Kumpannija Koreana, LG Electronics, Inc. (iktar ’il quddiem “LG”), sostniet li l‑friġġijiet kbar kollha kellhom jiġu inklużi fid‑definizzjoni tal‑prodotti li kienu s‑suġġett tal‑investigazzjoni, sa fejn dawn għandhom l‑istess għan, jiġifieri, il‑konservazzjoni tal‑prodotti tal‑ikel u tax‑xorb, u fejn il‑parti l‑kbira minnhom għandhom kompartiment ta’ refriġerazzjoni u kompartiment ta’ ffriżar.
12 Barra minn hekk, LG sostniet li d‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat li hemm fl‑avviż tal‑ftuħ kienet żbaljata. Hija indikat li l‑industrijalisti jifhmu, bi friġġ “side‑by‑side”, il‑friġġijiet li għandhom kompartiment ta’ refriġerazzjoni u kompartiment ta’ ffriżar ħdejn xulxin u li għandhom bibien esterni separati għal kull kompartiment. Fl‑opinjoni tagħha, kieku d‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat fl‑avviż tal‑ftuħ kellha tinżamm, ċerti friġġijiet fuq xulxin, jiġifieri l‑fridge-freezers magħquda li għandhom żewġ bibien fuq il‑kompartiment ta’ refriġerazzjoni ta’ fuq u bieba fuq il‑kompartiment ta’ ffriżar ta’ taħt, kienu jkunu koperti mill‑investigazzjoni, filwaqt li l‑mudelli simili li għandhom bieba waħda fuq kull kompartiment kienu jiġu esklużi. Għaldaqstant, LG talbet li l‑fridge-freezers magħquda kollha li għandhom tliet bibien jew iktar jiġu esklużi mill‑investigazzjoni jew li din tal‑aħħar tinkludi l‑fridge-freezers magħquda kollha.
13 B’mod definittiv, LG sostniet li ma humiex il‑karatteristiċi esterni tal‑mudelli, b’mod partikolari l‑bibien, li huma importanti, iżda l‑konfigurazzjoni interna tagħhom. B’mod partikolari, LG sostniet li l‑allinjament tal‑kompartimenti ta’ refriġerazzjoni u ta’ ffriżar kien il‑karatteristika distintiva prinċipali bażika ta’ friġġ “side‑by‑side”.
14 Fl‑14 ta’ Novembru 2005, ir‑rikorrenti pprovdiet lill‑Kummissjoni b’xi analiżi li dehru f’xi rivisti għall‑konsumaturi li rrakkomandaw l‑inklużjoni tal‑friġġijiet bi tliet bibien fid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
15 Fis‑17 ta’ Novembru 2005, waqt laqgħa mal‑Kummissjoni, ir‑rikorrenti saret taf bl‑argumenti ta’ LG dwar id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat. Hija rrispondiet bil‑miktub fit‑13 ta’ Diċembru 2005. B’ittri tas‑17 u tal‑25 ta’ Jannar 2006, LG ippreżentat xi osservazzjonijiet li r‑rikorrenti rrispondiet għalihom fil‑31 ta’ Jannar 2006. Fit‑2 ta’ Frar 2006, ir‑rikorrenti nstemgħet mill‑ġdid mill‑Kummissjoni. Fis‑6, fis‑7 u fil‑15 ta’ Frar 2006, LG ippreżentat lill‑Kummissjoni xi osservazzjonijiet ġodda dwar id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
3. Ir‑Regolament provviżorju
16 Fit‑28 ta’ Frar 2006, il‑Kummissjoni adottat ir‑Regolament Nru 355/2006 li jimponi dazju definittiv anti‑dumping u kollettivament jiġbor dazju proviżjorju impost fuq l‑importazzjoni ta’ ċertu friġġijiet b’żewġ bibien li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea (ĠU L 59, p. 12, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament provviżorju”).
17 Fir‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni ċaħdet it‑teżi ta’ LG, ibbażata fuq l‑għan komuni tal‑friġġijiet il‑kbar, minħabba l‑fatt li s‑suq tal‑friġġijiet “side‑by‑side” jikkostitwixxi “b’mod ċar parti mis‑suq indipendenti u distint”. Il‑karatteristiċi fiżiċi partikolari ta’ friġġ “side‑by‑side”, b’mod partikolari ż‑żewġ bibien kbar ħdejn xulxin, jagħtuh “post speċifiku” ħafna fis‑suq tal‑fridge-freezers magħquda.
18 Il‑Kummissjoni ċaħdet ukoll it‑teżi ta’ LG intiża għall‑esklużjoni mill‑proċedura ta’ kull friġġ‑freezer magħquda mgħammra bi tliet bibien jew iktar, minħabba l‑fatt li l‑investigazzjoni kienet tippermetti biss li jiġi stabbilit in‑nuqqas ta’ “definizzjoni użata b’mod komuni” tal‑friġġijiet “side‑by‑side”. Il‑fridge-freezers magħquda bi tliet bibien imsemmija minn LG jinsabu bil‑kontra fis‑suq tal‑mudelli kollha l‑oħra ta’ friġġijiet “side‑by‑side”.
19 Il‑Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li, minkejja d‑differenzi fil‑volum, tal‑funzjonijiet li jistgħu jintgħażlu u l‑materjali użati, it‑tipi kollha ta’ friġġijiet “side‑by‑side”, inkluż it‑tagħqid bi tliet bibien li għandu kompartiment ta’ ffriżar taħt, jippreżentaw l‑istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u huma prinċipalment intiżi għall‑istess użu.
20 Għaldaqstant, il‑Kummissjoni kkonkludiet li l‑friġġijiet “side‑by‑side” prodotti u mibjugħa fl‑Unjoni Ewropea mill‑industrija Komunitarja, minn naħa, u dawk prodotti u mibjugħa fil‑Korea t’Isfel, min‑naħa l‑oħra, jippreżentaw karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali kif ukoll użu bażiku identiċi u għaldaqstant ikkunsidrathom provviżorjament simili fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tar‑Regolament bażiku.
21 Konsegwentement, ir‑Regolament provviżorju jipprovdi fl‑Artikolu 1 tiegħu:
“Dazju definittiv anti‑dumping huwa hawnhekk impost fuq friġġijiet ħdejn xulxin, i.e. refriġeraturi‑freezers magħquda ta’ kapaċità li ma taqbiżx l‑400 litru, bil‑kumpartimenti tal‑freezer u r‑rifriġeratur imqiegħda ħdejn xulxin, li jaqgħu taħt il‑kodiċi NM ex 8418 10 20 (kodiċi TARIC 8418 10 20 91) u li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea.”
4. Il‑fażi sussegwenti tal‑proċedura ta’ investigazzjoni
22 Wara li rċevew mill‑Kummissjoni l‑kommunikazzjoni tal‑konklużjonijiet provviżorji tagħha, ir‑rikorrenti u LG ippreżentaw xi osservazzjonijiet ġodda fuq id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat. LG indirizzat lill‑Kummissjoni wkoll rapport ta’ espert fuq abbozz ta’ klassifikazzjoni tal‑friġġijiet. Fi skambju ta’ ittri, ir‑rikorrenti u LG żviluppaw il‑pożiżżjonijiet tagħhom fuq id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
5. Id‑dokument finali ta’ informazzjoni
23 Fit‑30 ta’ Ġunju 2006, il‑Kummissjoni ħarġet id‑dokument finali ta’ informazzjoni. Hija fakkret li hija prassi stabbilita għall‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni, meta jiddefinixxu l‑prodott ikkonċernat, li jikkunsidraw, l‑ewwel nett, il‑karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi tal‑prodott u li l‑mudelli kklassifikati f’oqsma ta’ prodotti differenti huma ta’ spiss ikkunsidrati bħala li jifformaw prodott wieħed, sakemm ma jeżistux “linji ta’ diviżjoni ċari” bejn l‑oqsma differenti.
24 Il‑Kummissjoni qieset li l‑investigazzjoni stabbilixxiet li d‑diviżjoni tradizzjonali fi tliet oqsma tas‑suq tal‑fridge-freezers magħquda ma kinitx ikkontestata u magħrufa mill‑operaturi tas‑settur kollha, fis‑sens li ma kienx iġġustifikat li jiġu inklużi fid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat il‑fridge-freezers magħquda kollha, kif talbet LG.
25 Il‑Kummissjoni rrilevat wara li la l‑karatteristiċi fiżiċi (żewġ bibien ħdejn xulxin u l‑wisa’ tal‑apparat) u lanqas il‑kunsiderazzjonijiet dwar il‑kummerċjalizzazzjoni u l‑perċezzjoni tal‑konsumatur ma jiġġustifikaw l‑esklużjoni ta’ mudell bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ddeduċiet li kien hemm lok li jiġi inkluż f’din id‑definizzjoni l‑“mudell side‑by‑side bi tliet bibien”.
6. Id‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut
26 Il‑partijiet interessati ngħataw terminu, li skada fl‑11 ta’ Lulju 2006, sabiex jippreżentaw il‑kummenti tagħhom fuq id‑dokumenti ta’ informazzjoni finali.
27 Fil‑5 u 6 ta’ Lulju 2006, il‑President tal‑Kumitat konsultattiv ikkomunika lill‑Istati Membri d‑dokumenti li jirrigwardaw il‑miżuri definittivi li l‑Kummissjoni kellha l‑intenzjoni tipproponi.
28 Fil‑11 ta’ Lulju 2006, ir‑rikorrenti u LG ippreżentaw il‑kummenti tagħhom fuq id‑dokument finali ta’ informazzjoni. Ir‑rikorrenti kkonfermat il‑qbil tagħha mad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat adottata mill‑Kummissjoni filwaqt li LG ikkontestat mill‑ġdid ir‑raġunament u l‑konklużjonijiet adottati f’dan ir‑rigward mill‑Kummissjoni.
29 B’ittra tal‑14 ta’ Lulju 2006, il‑Kummissjoni informat lill‑Istati Membri li hija kienet emendat il‑pożizzjoni tagħha fir‑rgward tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, li fiha hija issa eskludiet il‑friġġijiet bi tliet bibien.
30 B’ittra tas‑17 ta’ Lulju 2006, indirrizzata lill‑membru tal‑Kummissjoni responsabbli għall‑kummerċ, ir‑rikorrenti kkontestat din il‑bidla ta’ pożizzjoni, li hija ħadet konoxxenza tagħha b’mod informali.
31 B’ittra tad‑19 ta’ Lulju 2006, il‑Kummissjoni bagħtet id‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut lir‑rikorrenti sabiex tinformaha b’din l‑emenda. F’dan id‑dokument il‑Kummissjoni rrilevat:
“Xi provi addizzjonali insostenn ta’ definizzjoni tal‑qasam tal‑friġġijiet ‘side‑by‑side’ dwar il‑bażi tal‑konfigurazzjoni interna tal‑kompartimenti u mhux dwar il‑pożizzjoni tal‑bibien ġew prodotti mill‑esportatur iċċitat iktar ’il fuq. Wara investigazzjoni definittiva, fid‑dawl tal‑elementi addizzjonali prodotti minn dan l‑istess esportatur, il‑pożizzjonijiet espressi minn ċerti istituzzjonijiet prinċipali ta’ riċerka u ċerti korpi ta’ klassifikazzjoni, li, fil‑biċċa l‑kbira minnhom, jikklassifikaw il‑friġġijiet ‘side‑by‑side’ fuq il‑bażi tal‑konfigurazzjoni interna tagħhom u mhux fuq il‑pożizzjoni tal‑bibien, ġew evalwati iktar fid‑dettall. Bħala konklużjoni, mill‑perspettiva tal‑karatteristiċi fiżiċi, il‑mudell bi tliet bibien ma jistax jitqies li jagħmel parti mill‑qasam ‘side‑by‑side’ […]. Fir‑rigward tal‑perċezzjoni tal‑konsumatur, kemm il‑lanjanti u kemm l‑industrija Komunitarja ppreżentaw xi investigazzjoni ta’ opinjoni insostenn tal‑opinjonijiet rispettivi tagħhom li jikkontradixxu lil xulxin. F’dan ir‑rigward, għalhekk, wieħed ma jista’ jasal għal ebda konklużjoni f’sens u lanqas fl‑ieħor.
Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l‑mudell bi tliet bibien għandu jitqies li jagħmel parti mill‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda ‘bottom‑mount’ u mhux minn dawk tal‑fridge-freezers magħquda ‘side‑by‑side’. […]
Konsegwentement, intqies xieraq li tiġi rriveduta d‑definizzjoni kif determinata fir‑Regolament provviżorju. Għalhekk, il‑prodott ikkonċernat huwa definittivament definit bħala fridge‑freezer magħquda bil‑kapaċità li taqbeż l‑400 litru u b’kompartamenti ta’ ffriżar u ta’ refriġerazzjoni ħdejn xulxin, li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea, bħalissa klassifikabbli taħt il‑kodiċi NC ex 8418 10 20.”
32 Ġie impost terminu fuq ir‑rikorrenti u fuq il‑partijiet interessati l‑oħra sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom, liema terminu skada fil‑31 ta’ Lulju 2006, fl‑10,00.
33 Fid‑19 u fl‑20 ta’ Lulju 2006, il‑Kumitat konsultattiv iltaqa’ u eżamina l‑miżuri definittivi li l‑Kummissjoni kellha intenzjoni tipproponi lill‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, inkluża d‑definizzjoni l‑ġdida tal‑prodott ikkonċernat li minnha l‑fridge-freezers magħquda bi tliet bibien ġew esklużi.
34 B’ittri tat‑28 ta’ Lulju 2006, ir‑rikorrenti u l‑Kunsill Ewropew għall‑kostruzzjoni ta’ apparat Domestiku (CECED) ikkritikaw l‑emenda u d‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat li kien hemm fid‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut.
35 Fil‑31 ta’ Lulju 2006, il‑Kummissjoni ppreżentat lill‑Kunsill il‑proposta ta’ regolament COM (2006) 436 finali li jimponi dazju definittiv kontra d‑dumping u jiġbor b’mod definittiv id‑dazju provviżorju impost fuq l‑importazzjonijiet ta’ ċerti friġġijiet “side‑by‑side” li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea.
36 B’ittra tad‑9 ta’ Awwissu 2006, il‑Kummissjoni rrispondiet għall‑osservazzjonijiet tar‑rikorrenti tat‑28 ta’ Lulju 2006.
7. Ir‑regolament ikkontestat
37 Fil‑25 ta’ Awwissu 2006, il‑Kunsill adotta r‑Regolament (KE) Nru 1289/2006, tal‑25 ta’ Awwissu 2006, li jimponi dazju definittiv kontra d‑dumping u jiġbor definittivament id‑dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti refriġeraturi side‑by‑side li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea (ĠU L 236, p. 11, iktar ’il quddiem ir‑“regolament ikkontestat”).
38 Fl‑Artikolu 1 tiegħu, ir‑regolament ikkontestat jipprovdi:
“Dazju definittiv antI‑dumping definittiv huwa impost fuq friġġijiet ‘side‑by‑side’, jiġifieri fridge-freezers magħquda ta’ kapaċità li ma taqbiżx l‑400 litru, bil‑kompartimenti ta’ ffriżar u ta’ refriġerazzjoni imqiegħda ħdejn xulxin, li jaqgħu taħt il‑kodiċi NM ex 8418 10 20 (kodiċi TARIC 8418 10 20 91) u li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Korea”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
39 Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li mill‑1 ta’ Diċembru 2009 saret il‑Qorti Ġenerali) fis‑17 ta’ Novembru 2006, ir‑rikorrenti ressqet dan ir‑rikors.
40 L‑avviż dwar il‑preżentata tar‑rikors ġie ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Diċembru 2006 (ĠU C 326, p. 67).
41 Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Jannar u fl‑14 ta’ Frar 2007, il‑Kummissjoni u LG, rispettivament, talbu li jintervjenu f’dawn il‑proċeduri insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill.
42 Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Frar 2007, is‑CECED u Electrolux talbu li jintervjenu f’dawn il‑proċeduri insostenn tat‑talbiet tar‑rikorrenti.
43 B’Digriet tas‑26 ta’ Frar 2007, il‑President tat‑Tielet Awla tal‑Qorti Ġenerali awtorizza l‑intervent tal‑Kummissjoni.
44 B’Digriet tal‑10 ta’ Mejju 2007, il‑President tat‑Tielet Awla tal‑Qorti Ġenerali awtorizza l‑intervent ta’ CECED u ta’ LG.
45 Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Ġunju 2007, ir‑Repubblika Taljana talbet li tintervjeni f’dawn il‑proċeduri insostenn tat‑talbiet tar‑rikorrenti.
46 B’Digriet tal‑4 ta’ Settembru 2007, il‑President tat‑Tielet Awla tal‑Qorti Ġenerali awtorizza l‑intervent tar‑Repubblika Taljana.
47 Peress li l‑kompożizzjoni tal‑awli tal‑Qorti tal‑Ġenerali nbidlet, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lis‑Sitt Awla, u konsegwentement, dawn il‑kawżi ġew assenjati lil din l‑awla.
48 B’Digriet tal‑10 ta’ Jannar 2008, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) ċaħdet it‑talba għal intervent ta’ Electrolux.
49 B’digriet tat‑8 ta’ Ottubru 2009, il‑President tas‑Sitt Awla laqa’ t‑talba tar‑rikorrenti għat‑trattament kunfidenzjali ta’ xi wħud mid‑dokumenti tagħha fir‑rigward tas‑CECED u ta’ LG, bl‑eċċezzjoni ta’ wieħed mid‑dokumenti kkonċernati, li għalih it‑trattament kunfidenzjali fir‑rigward ta’ LG ġie miċħud. Il‑verżjoni sħiħa ta’ dan tal‑aħħar ġiet għaldaqstant innotifikata lil LG.
50 Fuq rapport tal‑Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali u, fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, stiednet lill‑partijiet iwieġbu bil‑miktub għal ċerti mistoqsijiet. Il‑partijiet għamlu hekk fit‑terminu mogħti.
51 It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis‑seduta tal‑11 ta’ Novembru 2009.
52 Ir‑rikorrenti, sostnuta mir‑Repubblika Taljana u mis‑CECED, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla r‑regolament ikkontestat, sa fejn id‑definizzjoni tal‑prodotti kkonċernat u tal‑prodott simili adottata mill‑Kunsill ma tinkludix il‑fridge-freezers magħquda kbar kollha li għandhom mill‑inqas żewġ bibien ħdejn xulxin;
– tikkundanna lill‑Kunsill għall‑ispejjeż.
53 Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni u minn LG jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli jew infondat;
– tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.
54 Minħabba l‑impediment tal‑Imħallef Tchipev wara t‑tmiem tal‑proċedura orali, il‑kawża ġiet assenjata lill‑President tal‑Awla Meij bħala Mħallef Relatur u l‑Imħallef Vadapalas ġie nnominat, b’applikazzjoni tal‑Artikolu 32(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l‑Awla.
55 B’digriet tal‑5 ta’ Lulju 2010, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla), fil‑kompożizzjoni l‑ġdida tagħha, fetħet mill‑ġdid il‑proċedura orali u l‑partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt is‑seduta l‑ġdida tat‑8 ta’ Settembru 2010.
56 B’ittri, rispettivament tad‑9, tat‑12, tal‑14, tal‑15 u tas‑16 ta’ Lulju 2010, ir‑rikorrenti, il‑Kunsill, il‑Kummissjoni, is‑CECED, LG u r‑Repubblika Taljana informaw lill‑Qorti Ġenerali li riedu jirrinunzjaw milli jinstemgħu mill‑ġdid.
57 Konsegwentement, il‑President tas‑Sitt Awla ddeċieda li jagħlaq il‑fażi orali.
Id‑dritt
1. Fuq il‑ksur allegat tal‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura
58 Waqt is‑seduta, il‑Kunsill osserva li r‑Repubblika Taljana ma setgħatx tiżviluppa, fit‑talba għall‑intervent tagħha, xi osservazzjonijiet fuq il‑mertu tal‑kawża, li setgħu jiġu żviluppati biss waqt il‑proċedura orali.
59 Il‑Qorti Ġenerali rrilevat li, skont l‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura, intervenjent li, bħar‑Repubblika Taljana, jippreżenta t‑talba għal intervent tiegħu wara l‑iskadenza tas‑sitt ġimgħat previsti fl‑Artikolu 115(1) tal‑imsemmija regoli mid‑data tal‑pubblikazzjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑avviż dwar il‑preżentata tar‑rikors, jista’ biss jipparteċipa fil‑proċedura orali, jirċievi kommunikazzjoni tar‑rapport tas‑seduta u jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu fuqu waqt is‑seduta (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, Ġabra p. I‑2207, punt 36).
60 Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bħalma sostniet ir‑Repubblika Taljana waqt is‑seduta, l‑osservazzjonijiet li hija ppreżentat fit‑talba għall‑intervent tagħha kkostitwixxew biss sommarju tal‑motivi li hija invokat insostenn ta’ din it‑talba u li għaldaqstant ma kkonċernawx il‑fondatezza tar‑rikors.
61 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ma kienx hemm ksur tar‑rekwiżiti tal‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura.
2. Fuq it‑talbiet għal annullament
Fuq l‑ammissibbiltà
L‑argumenti tal‑partijiet
62 Il‑Kunsill isostni li dan ir‑rikors huwa inammissibbli peress li r‑rikorrenti titlob l‑annullament parzjali tar‑regolament ikkontestat biss sa fejn id‑definizzjoni tal‑Kunsill tal‑prodott ikkonċernat ma tinkludix il‑fridge-freezers magħquda kbar kollha, li għandhom mill‑inqas żewġ bibien ħdejn xulxin. F’dan ir‑rigward, il‑Kunsill jinvoka ġurisprudenza li tipprovdi li l‑annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l‑elementi li qiegħed jintalab l‑annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill‑bqija tal‑att.
63 Il‑Kunsill jikkontesta wkoll it‑talba ppreżentata mir‑rikorrenti fir‑replika u intiża għall-ksib tal‑annullament tar‑regolament ikkontestat jew tal‑Artikolu 1 tiegħu flimkien maż-żamma fis‑seħħ tal‑att ikkontestat sakemm l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni jkunu ħadu l‑miżuri neċessarji għall‑eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tal‑Qorti Ġenerali. Fil‑fatt, din it‑talba twassal għall‑bidla fil‑kors tal‑istanza tas‑suġġett tal‑kawża, fis‑sens li l‑Qorti Ġenerali tkun qed tiddeċiedi ultra petita kieku tannulla r‑regolament ikkontestat kollu jew l‑Artikolu 1 tiegħu.
64 Fl‑aħħar nett, il‑Kunsill jirrileva li l‑Qorti Ġenerali ma tistax tikkorreġi żball tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni billi tiddikjara invalida “l‑esklużjoni fl‑aħħar minuta” tal‑friġġijiet bi tliet bibien mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑miżuri antidumping ikkontestati.
65 Ir‑rikorrenti tikkontesta l‑argumenti żviluppati mill‑Kunsill insostenn tal‑inammissibbiltà tar‑rikors.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
66 F’dan ir‑rigward, il‑Qorti Ġenerali tqis li, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l‑argumenti żviluppati mill‑Kunsill insostenn tal‑inammissibbiltà ta’ dan ir‑rikors, peress li t‑talbiet għal annullament tar‑rikorrenti għandhom, f’kull każ, jiġu miċħuda fil‑mertu (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26).
Fuq il‑mertu
67 Ir‑rikorrenti tqajjem erba’ motivi insostenn tat‑talbiet għal annullament tagħha. L‑ewwel nett, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni ma rrispettawx id‑drittijiet ta’ difiża tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑“esklużjoni fl‑aħħar minuta” tal‑friġġijiet mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat. It‑tieni nett, l‑istituzzjonijiet ma kkonsultawx, “fi żmien utli” lill‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv fuq din l‑esklużjoni, bi ksur tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku. It‑tielet nett, ir‑regolament ikkontestat ma huwiex suffiċjentement motivat fir‑rigward tal‑esklużjoni kkontestata. Ir‑raba’ u fl‑aħħar nett, l‑istituzzjonijiet wettqu żball ta’ liġi fl‑għażla tal‑metodu li ntuża sabiex jiġi ddefinit il‑prodott ikkonċernat.
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑esklużjoni tal‑friġġijiet bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
68 L‑ewwel nett, ir‑rikorrenti ssostni li l‑Kummissjoni stabbilixxiet id‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut fid‑19 ta’ Lulju 2006 u li hija kienet marbuta, skont l‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament Nru 1225/2009), sabiex tagħti lill‑partijiet interessati, terminu ta’ mill‑inqas għaxart ijiem sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom. Issa, il‑Kummissjoni kienet bagħtet lill‑Kunsill proposta ta’ miżuri definittivi fil‑31 ta’ Lulju 2006, jiġifieri “xi ftit siegħat” wara l‑iskadenza tat‑terminu stabbilit għall‑imsemmija partijiet sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom (ara l‑punt 32 iktar ’il fuq).
69 Ir‑rikorrenti tosserva li emenda tad‑definizzjoni tal‑prodott simili tirrigwarda “element fundamentali” tal‑proċedura antidumping u li din ma hijiex normali f’dan l‑istadju avvanzat tagħha. B’hekk ir‑rikorrenti kkomunikat 30 paġna ta’ osservazzjonijiet lill‑Kummissjoni, flimkien ma’ tlettax‑il anness ġdid, li għalihom ma jsir ebda riferiment fir‑regolament ikkontestat. Fil‑fatt, dan tal‑aħħar jirrepeti biss il‑kunsiderazzjonijiet li diġà jidhru fid‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut ikkomunikat fid‑19 ta’ Lulju 2006.
70 Ir‑rikorrenti tosserva wkoll li l‑fatt li l‑Kummissjoni stenniet sad‑9 ta’ Awwissu 2006 sabiex tirrispondi għall‑osservazzjonijiet tagħha u għamlet dan b’mod iddettaljat juri li l‑osservazzjonijiet tagħha kienu rilevanti u li kienu jeħtieġu eżami fid‑dettall li ma twettaqx qabel ma l‑Kummissjoni emendat il‑proposta finali tagħha u bagħtitha lill‑Kummissjoni fil‑31 ta’ Lulju 2006. F’din is‑sitwazzjoni, il‑fatt li l‑Kummissjoni ma ħallietx żmien suffiċjenti sabiex teżamina l‑osservazzjonijiet tar‑rikorrenti ċaħħad l‑effett utli tad‑drittijiet ta’ difiża ta’ din tal‑aħħar.
71 F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti sssostni li t‑terminu stabbilit fl‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament bażiku ma jikkostitwix sempliċi formalità li għandha tiġi osservata iżda huwa intiż li jiżgura d‑dritt tal‑partijiet interessati li jingħataw smigħ xieraq.
72 It‑tieni nett, ir‑rikorrenti ssostni fir‑replika li, bl‑eċċezzjoni ta’ żewġ ittri u nota tal‑amministrazzjoni Amerikana li l‑Kunsill annetta mar‑risposta sabiex juri l‑“lobbying” li ġiet suġġetta għalih id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat sal‑aħħar mument, l‑ebda wieħed minn dawk id‑dokumenti u konversazzjonijiet telefoniċi li wettqu impatt fuq il‑konklużjonijiet finali li waslet għaliha l‑Kummissjoni ma ġew annessi mal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑fajl tagħha u b’hekk innotifikati lill‑partijiet interessati. Minħabba dan il‑fatt, il‑Kunsill kiser id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti. Il‑Kunsill kiser ukoll l‑ekwità proċedurali u t‑trattament ugwali, sa fejn ma żvelax id‑dokumenti kollha li rrigwardaw l‑attivitajiet ta’ “lobbying” diretti lejn il‑Kummissjoni.
73 Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza ta’ dan il‑motiv kif ukoll l‑ammissibbiltà tal‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti fil‑fażi tar‑replika.
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
74 Ir‑rispett tad‑drittijiet ta’ difiża huwa prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni li, abbażi tiegħu, l‑impriżi involuti fi proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa permezz tal‑adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni, li fiha jkunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l‑opinjoni tagħhom dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punti 288 u 289, u l‑ġurisprudenza ċċitata).
75 Din il‑ħtieġa hija implementata fl‑Artikolu 20(4) tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 20(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009), li jipprovdi għall‑komunikazzjoni bil‑miktub tal‑informazzjoni finali. Skont din id‑dispożizzjoni, meta d‑deċiżjoni finalment adottata hija bbażata fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk ikkomunikati permezz tal‑informazzjoni finali, “dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr”. L‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament bażiku jippreċiża li “[r]appreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t‑tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill‑Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill‑inqas 10’ijiem, waqt li tingħata l‑attenzjoni dovuta lill‑urġenza tal‑kwistjoni”.
76 Fil‑kawża preżenti, huwa paċifiku li l‑Kummissjoni kkomunikat lir‑rikorrenti d‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut fid‑19 ta’ Lulju 2006 u imponiet fuqha terminu li skada fil‑31 ta’ Lulju 2006 sabiex tagħmel l‑osservazzjonijiet tagħha. Huwa paċifiku wkoll li r‑rikorrenti ppreżentat l‑osservazzjonijiet tagħha fuq id‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut fit‑28 ta’ Lulju 2006 u li l‑Kummissjoni ppreżentat lill‑Kunsill il‑proposta għal regolament definittiv fil‑31 ta’ Lulju 2006, jiġifieri tnax‑il jum wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut lir‑rikorrenti. Isegwi li l‑Kummissjoni kellha fil‑pussess tagħha l‑osservazzjonijiet ikkomunikati mir‑rikorrenti qabel l‑iskadenza tal‑għaxart ijiem stabbiliti mill‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament bażiku u li hija stenniet din l‑iskadenza tal‑aħħar sabiex tibgħat il‑proposta għal regolament definittiv lill‑Kunsill.
77 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s‑sitwazzjoni fejn abbozz ta’ proposta għal regolament definittiv ippreżentat lill‑Kunsill jitqassam fi ħdan il‑Kummissjoni skont proċedura bil‑miktub sabiex jinġabar il‑kunsens tal‑membri tal‑istituzzjoni ma ddaħħalx inkwistjoni l‑possibbiltà għar‑rikorrenti li tingħata smigħ xieraq, peress li l‑Kummissjoni tista’, jekk ikun il‑każ, twaqqaf l‑imsemmija proċedura bil‑miktub jew ukoll temenda l‑abbozz ta’ proposta tagħha wara l‑osservazzjonijiet li l‑partijiet interessati jippreżentaw.
78 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l‑Kummissjoni ma kisritx l‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament bażiku. Għal din ir‑raġuni, l‑ebda ksur tad‑drittijiet ta’ difiża tar‑rikorrenti ma jista’ jiġi kkonstatat.
79 Tali konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill‑argument tar‑rikorrenti li jipprovdi li kien hemm ksur tad‑drittijiet ta’ difiża tagħha u d‑dritt li tiġi informata sa fejn ċerti ittri kif ukoll noti dwar konversazzjonijiet telefoniċi ma ġewx ikkomunikati lilha bi ksur tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament bażiku.
80 F’dan ir‑rigward, hemm fil‑fatt lok li jiġi nnotat li r‑rikorrenti tiddeduċi l‑eżistenza ta’ dokumenti addizzjonali, li ma ġewx ikkomunikati lilha, mill-eżistenza tad‑dokumenti prodotti mill‑Kunsill waqt il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali, jiġifieri ż‑żewġ ittri indirizzati mill‑awtoritajiet Amerikani lill‑Kummissjoni u komunikazzjoni elettronika interna tad‑dipartimenti tal‑Kummissjoni li tiddeskrivi konversazzjoni telefonika mal‑awtoritajiet Amerikani.
81 Madankollu għandu jiġi rrilevat li r‑rikorrenti sempliċement qed tassumi, mingħajr ebda prova, l‑eżistenza ta’ dokumenti addizzjonali li kellhom impatt fuq il‑konklużjonijiet finali tal‑Kummissjoni.
82 Għaldaqstant, ir‑rikorrenti ma tistax tallega nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ tali dokumenti insostenn tal‑motiv tagħha.
83 Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, dan il‑motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri “fi żmien utli” fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv fuq l‑esklużjoni tal‑friġġijiet bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
84 Ir‑rikorrenti tirrileva li, skont it‑tieni frażi tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku (li saret it‑tieni frażi tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 1225/2009), il‑President tal‑Kumitat konsultattiv għandu jikkomunika lill‑Istati Membri, kemm jista’ jkun malajr, l‑iktar tard sa għaxart ijiem ta’ xogħol qabel ma jiltaqa’ dan il‑kumitat, l‑elementi ta’ informazzjoni utli kollha.
85 Fil‑kawża preżenti, kien hemm ksur ta’ din id‑dispożizzjoni peress li l‑Kumitat konsultattiv ma setax jagħti l‑avviż tiegħu b’konnoxxenza sħiħa tal‑każ minħabba n‑nuqqas ta’ riċezzjoni mill‑membri tiegħu ta’ komunikazzjoni tal‑elementi ta’ informazzjoni utli kollha għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il‑laqgħa tiegħu tad‑19 u tal‑20 ta’ Lulju 2006, fejn dawn ma ġewx informati qabel l‑14 ta’ Lulju 2006 bid‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni li teskludi l‑friġġijiet bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
86 Dan it‑terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol iddaħħal fir‑Regolament bażiku sabiex jiġi żgurat ir‑rispett tad‑drittijiet tal‑partijiet interessati u taċ‑ċertezza legali. L‑obbligu li jiġu kkonsultati l‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali sa fejn jista’ jkollu konsegwenzi fuq il‑kontenut tal‑att finali adottat. Fil‑fatt, il‑konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv setgħa jwassal lill‑Kummissjoni sabiex temenda l‑pożizzjoni tagħha.
87 Ir‑rikorrenti żżid li l‑pass lura mwettaq mill‑Kummissjoni fir‑rigward tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat kien fetaħ “dibattitu kompletament ġdid” li għalih il‑membri tal‑Kumitat konsultattiv kellhom bżonn żmien sabiex jippreparaw ruħhom.
88 Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti.
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
89 Mill‑proċess jirriżulta li, waqt il‑laqgħa tiegħu tad‑19 u tal‑20 ta’ Lulju 2006, il‑Kumitat konsultattiv ippronunzja ruħu fuq il‑proposta ta’ miżuri definittivi tal‑Kummissjoni fid‑dawl tal‑elementi ta’ informazzjoni li l‑Istati Membri ma rċevewx il‑komunikazzjoni kompleta tagħhom qabel l‑14 ta’ Lulju preċedenti.
90 Isegwi li, bil‑kontra tar‑rekwiżiti tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku, l‑Istati Membri ma rċevewx, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il‑laqgħa tal‑Kumitat konsultattiv, kommunikazzjoni tal‑elementi ta’ informazzjoni utli kollha sabiex jippronunzjaw ruħhom fuq id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni li teskludi l‑friġġijiet bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
91 Madankollu, in‑nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tal‑forom proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall‑illegalità tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv u, għaldaqstant, id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat adottata fir‑regolament ikkontestat.
92 Fil‑fatt, skont il‑premessa 17 tar‑Regolament Nru 461/2004, li emenda lir‑Regolament bażiku f’dan ir‑rigward, l‑informazzjoni kkomunikata lill‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv “għandha” tintbagħat għall‑inqas għaxart ijiem qabel id‑data tal‑laqgħa ffissata mill‑President tal‑Kumitat konsultattiv “[b]iex tagħti biżżejjed żmien lill‑Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l‑informazzjoni”.
93 Mill‑kliem ta’ din il‑premessa, u b’mod partkolari, mill‑użu tal‑kundizzjonal (“għandha”) [“devraient” fil-verżjoni Franċiża], jista’ jiġi dedott li l‑osservanza tat‑terminu inkwistjoni ma hijiex imposta taħt piena ta’ nullità tal‑proċedura ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv, iżda, bil‑kontra, li r‑rekwiżiti tal‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku jistgħu jiġu sodisfatti meta l‑Istati Membri jkollhom fil‑fatt żmien suffiċjenti sabiex jeżaminaw l‑informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilhom mill‑President tal‑Kumitat konsultattiv (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2004, FICF et vs Il‑Kummissjoni, T 317/02, Ġabra p. II‑4325, punt 188, u l‑ġurisprudenza ċċitata).
94 Issa, ir‑rikorrenti ma stabbilixxietx li l‑Istati Membri ġew imċaħħda minn żmien neċessarju sabiex jieħdu konoxxenza utli tal‑informazzjoni dwar id‑definizzjoni ġdida tal‑prodott ikkonċernat adottata mill‑Kummissjoni u li l‑Kumitat konsultattiv ma setax, minħabba dan, jagħti l‑opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal‑każ.
95 Bil‑kontra, mill‑proċess jirriżulta li l‑kwistjoni dwar id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat ġiet diskussa fid‑dettall mir‑rappreżentanti tal‑Istati Membri waqt laqgħat differenti tal‑Kumitat konsultattiv li nżammu waqt l‑investigazzjoni u li din id‑definizzjoni ġiet ittrattata b’mod partikolari fid‑dokumenti dwar il‑miżuri definittivi mibgħuta mill‑Kummissjoni lill‑Istati Membri fil‑5 ta’ Lulju 2006.
96 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li n‑nuqqas ta’ osservanza tat‑terminu stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament bażiku ma setax ikollu impatt fuq ir‑riżultat tal‑proċedura u lanqas, konsegwentement, fuq id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, adottata b’mod definittiv fir‑regolament ikkontestat (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali, tal‑10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il‑Kummissjoni, T-69/89, Ġabra p. II‑485, punt 27, u tas‑27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137, punt 88).
97 Għaldaqstant, huwa għalxejn li r‑Repubblika Taljana sostniet waqt is‑seduta li n‑nuqqas ta’ osservanza inkwistjoni ċaħħad lill‑membri tal‑Kumitat konsultattiv mill‑possibbiltà li jikkontestaw effettivament il‑bidla tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
98 F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l‑Kunsill ippreċiża, mingħajr ma ġie kkontestat, li, jekk ċerti Stati Membri talbu u kisbu, waqt din il‑laqgħa, terminu addizzjonali li skada fis‑27 ta’ Lulju 2006 sabiex jippreżentaw bil‑miktub l‑opinjoni tagħhom fuq il‑proposta għal miżuri definittivi tal‑Kummissjoni, l‑ebda wieħed minnhom madankollu ma ddikjara li dan it‑terminu kien insuffiċjenti, u lanqas ma talbu terminu addizzjonali sabiex jippronunzjaw ruħhom.
99 F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud it‑tieni motiv.
Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq l‑insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat fir‑rigward tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
100 Ir‑rikorrenti ssostni li l‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat fir‑rigward tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat li ġiet adottata definittivament ma jippermettix li tinftiehem u lanqas li tiġi kkontestata l‑fondatezza tal‑konklużjonijiet finali li waslu għalihom il‑Kunsill u l‑Kummissjoni, u l‑Qorti Ġenerali ma tkunx f’pożizzjoni li teżerċita l‑investigazzjoni ġudizzjarja tagħha f’dan ir‑rigward.
101 Fid‑dawl tan‑natura fundamentali u tardiva tal‑pass lura meħud mill‑Kummissjoni fid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, il‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat hija insuffiċjenti sabiex tippermetti li jinftiehem ir‑raġunament segwit bħala risposta għall‑argumenti żviluppati fid‑dettall u għall‑provi prodotti fir‑rigward ta’ dan il‑kunċett, matul perijodu ta’ iktar minn sena.
102 Minflok ma sempliċement iddikjaraw id‑definizzjoni ġdida tagħhom tal‑prodott ikkonċernat, billi bbażaw ruħhom fuq fatti u elementi materjali użati preċedentement, l‑istituzzjonijiet kellhom jispjegaw għalfejn il‑kriterju ta’ konfigurazzjoni interna tal‑fridge-freezers magħquda l‑kbar, ibbażat biss fuq il‑karatteristiċi fiżiċi, kellu jissostitwixxi dak tal‑karatteristiċi esterni, jiġifieri l‑preżenza ta’ mill‑inqas żewġ bibien b’molla sseparati u ħdejn xulxin, li sa dak il‑punt kien meqjus bħala adatt abbażi tal‑karatteristiċi fiżiċi tal‑apparat minn naħa, u tal‑perċezzjoni tal‑konsumatur, min‑naħa l‑oħra.
103 L‑istituzzjonijiet ma setgħux iwarrbu b’mod sommarju dan l‑aħħar parametru, meta l‑partijiet u l‑Kummissjoni kellhom dibattitu fid‑dettall dwar dan u ntqies bħala l‑bażi essenzjali tad‑definizzjoni inizjali tal‑prodott ikkonċernat. Il‑premessa li tipprovdi li l‑perċezzjoni tal‑konsumaturi ma hijiex definittiva ma ġietx suffiċjentement motivata. Meta l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni jiċħdu, bħal fil‑kawża preżenti, investigazzjoni ta’ konsum kontradittorju, huma għandhom jispjegaw kif din il‑kontradizzjoni hija partikolarment problematika għalihom.
104 Il‑premessi tar‑regolament ikkontestat juru li l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni waslu sabiex jeskludu l‑mudell bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat wara li eżaminaw iktar fid‑dettall il‑pożizzjonijiet ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ riċerka u korpi ta’ klassifikazzjoni, fid‑dawl ta’ provi addizzjonali li LG kienet ipproduċiet wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument finali ta’ informazzjoni.
105 Issa, minn naħa, LG ma pproduċiet ebda prova addizzjonali, iżda sempliċement affermat mill‑ġdid li l‑konfigurazzjoni interna tal‑prodott kienet iktar importanti mill‑karatteristiċi fiżiċi esterni u bagħtet ittra fl‑10 ta’ Lulju 2006 ta’ istitut li tenna opinjoni li huwa ppreżenta lill‑Kummissjoni f’April 2006, u li kkritika lil din tal‑aħħar talli ma kkonformatx ma’ din l‑opinjoni fid‑dokument finali ta’ informazzjoni.
106 Min‑naħa l‑oħra, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni ma spjegawx għalfejn il‑pożizzjonijiet espressi minn ċerti istituti ta’ riċerka u korpi ta’ klassifikazzjoni, li l‑parti l‑kbira minnhom jikklassifikaw il‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” fuq il‑bażi tal‑konfigurazzjoni interna tagħha u mhux il‑funzjoni tal‑pożizzjoni tal‑bibien tagħhom, wassluhom li jikkonkludu li, mill‑perspettiva tal‑karatteristiċi fiżiċi, il‑mudell bi tliet bibien ma setax jitqies li huwa parti mill‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side”. Barra minn hekk, huma lanqas ma vverifikaw l‑identità tal‑istabbilimenti kkwalifikati bħala “prinċipali”.
107 Barra minn hekk, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni kellhom jispjegaw għalfejn ċerti provi li jidhru fil‑fajl ta’ Ottubru 2005 ma ġewx ikkunsidrati li huma konvinċenti għall‑finijiet tal‑investigazzjoni u għalfejn huma lanqas ma ħadu inkunsiderazzjoni provi oħra, bħall‑pubblikazzjonijiet maħruġa minn assoċjazzjonijiet indipendenti ta’ konsumaturi li xi wħud minnhom jirrigwardaw il‑fridge-freezers magħquda bi tliet bibien biss.
108 Ir‑rikorrenti żżid li l‑istituzzjonijiet ma għandhomx il‑prassi li joħolqu distinzjonijiet fi ħdan id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, sakemm ma “jeżistux linji ta’ diviżjoni ċari” bejn l‑oqsma. Issa, fil‑kawża preżenti, ma “jeżistux linji ta’ diviżjoni ċari” bejn il‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” b’żewġ bibien u dawk bi tliet bibien. L‑istituzzjonijiet ma spjegawx għalfejn, fin‑nuqqas ta’ “linji ta’ diviżjoni ċari” huma ħassew ruħhom obbligati jwettqu d‑distinzjoni tagħhom.
109 Fl‑aħħar nett, ir‑rikorrenti tqis li l‑pass lura “għall‑għarrieda” tal‑istituzzjonijiet seħħ minħabba “‘lobbying’ fl‑aħħar minuta”, li l‑elementi tiegħu madankollu ma jidhrux fil‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat.
110 Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti.
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
111 Għandu jitfakkar li l‑motivazzjoni ta’ att tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir‑raġunament tal‑istituzzjoni awtriċi tal‑att, b’mod li l‑persuna interessata tkun tista’ tagħraf il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżuri meħuda u tiddefendi d‑drittijiet tagħha u b’mod li l‑qorti tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, Ġabra p. II‑3923, punt 156).
112 Ir‑rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ‑ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari l‑kontenut tal‑att, in‑natura tal‑motivi invokati u l‑interess li d‑destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill‑att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).
113 Il‑kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att hijiex suffiċjenti għandha tiġi evalwata mhux biss fid‑dawl tal‑kliem tagħha, iżda wkoll fid‑dawl tal‑kuntest tagħha kif ukoll tar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il‑kwistjoni kkonċernata (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Frar 1996, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 86, u s‑sentenza Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 150).
114 Meta regolament jistabbilixxi, bħal fil‑kawża preżenti, dazji antidumping definittivi fil‑kuntest sistematiku ta’ totalità ta’ miżuri, ma jistax jiġi mistenni li l‑motivazzjoni tiegħu jispeċifika l‑punti varji ta’ fatt u ta’ liġi, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li huma s‑suġġett tiegħu, u lanqas li l‑istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l‑argumenti kollha invokati mill‑interessati. Bil‑kontra, huwa suffiċjenti li l‑awtur tal‑att jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl‑ekonomija tar‑regolament ikkontestat.
115 Huwa minnu li l‑motivazzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping għandu jiġi evalwat fid‑dawl b’mod partikolari tal‑informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill‑interessati mill‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni u l‑osservazzjonijiet ippreżentati minnhom waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni. Madankollu, l‑istituzzjonijiet ma humiex marbuta jimmotivaw speċjalment in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑argumenti differenti mressqa mill‑interessati. Huwa suffiċjenti li r-regolament ikun fih ġustifikazzjoni ċara tal‑elementi prinċipali tal‑analiżi tagħhom, peress li din il‑ġustifikazzjoni tista’ tiċċara r‑raġunijiet li, minħabba fihom, huma jkunu warrbu l‑argumenti rilevanti mressqa mill‑partijiet waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni.
116 Barra minn hekk, regolament li jistabbilixxi dazji antidumping fit‑tmiem ta’ proċedura ta’ investigazzjoni għandu jkun motivat fid-dawl tal‑punti kollha, ta’ fatt u ta’ dritt, li huma rilevanti għall‑evalwazzjoni li ssir. L‑obbligu ta’ motivazzjoni ma għandux l‑għan li jispjega l‑evoluzzjoni tal‑pożizzjoni tal‑istituzzjoni waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni u għalhekk ma huwiex intiż li jiġġustifika d‑divergenzi tas‑soluzzjoni adottata fl‑att finali meta mqabbla mal-pożizzjoni provviżorja esposta fid‑dokumenti kkomunikati lill‑partijiet interessati waqt din il‑proċedura sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l‑osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, dan l‑obbligu ma jġiegħel b’ebda mod lill‑istituzzjoni tispjega kif il‑pożizzjoni prevista fi stadju partikolari tal‑proċedura ta’ investigazzjoni kienet eventwalment infondata.
117 Fil‑kawża preżenti, hekk kif jirriżulta mill‑premessi 10 u 11 tar‑regolament ikkontestat, id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat hija bbażata fuq il‑premessa doppja tad‑diviżjoni tradizzjonali fi tliet oqsma tas‑suq tal‑fridge-freezers magħquda l‑kbar (ara l‑punt 6 iktar ’il fuq) u fuq “linji ta’ diviżjoni ċari” bejn dawn it‑tliet oqsma.
118 Sabiex tiddetermina jekk il‑fridge-freezers magħquda kbar bi tliet bibien jaqgħux taħt il‑qasam ta’ fridge-freezers magħquda “bottom mount” jew taħt il‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side”, il‑Kummissjoni, l‑ewwel, fil‑premessa 13 tar‑regolament ikkontestat, iddefinixxiet il‑prodott ikkonċernat fuq il‑bażi tal‑karatteristiċi esterni tiegħu, jiġifieri l‑preżenza ta’ mill‑inqas żewġ bibien b’molla sseparati u ħdejn xulxin, billi bbażat ruħha kemm fuq il‑karatteristiċi fiżiċi tal‑prodott u kemm fuq il‑perċezzjoni tal‑konsumatur, filwaqt li r‑rikorrenti ddefinixxiet u ddikjarat il‑mudell bi tliet bibien bħala friġġ “side‑by‑side”.
119 Huwa ppreċiżat f’din l‑istess premessa li, f’din il‑fażi preliminari tal‑investigazzjoni, il‑Kummissjoni ma kkunsidratx li l‑allinjament differenti tal‑kompartimenti ta’ refriġerazzjoni u ta’ ffriżar fit‑tagħqid “side‑by‑side” u fil‑mudell bi tliet bibien jikkostitwixxi kriterju ta’ distinzjoni deċiżiv li jippermetti li jiġu esklużi l‑mudelli bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, fin‑nuqqas ta’ provi konklużivi u ta’ definizzjoni tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” użata ta’ spiss.
120 Hekk kif jirriżulta mill‑premessa 14 tar‑regolament ikkontestat, il‑Kummissjoni madankollu qieset li kellha tipproċedi waqt l‑investigazzjoni tagħha għal evalwazzjoni iktar fid‑dettall tal‑pożizzjonijiet espressi minn ċerti istituzzjonijiet prinċipali ta’ riċerka u korpi ta’ klassifikazzjoni, fejn il‑maġġoranza kklassifikaw il‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” permezz tal‑konfigurazzjoni interna tagħhom u mhux minħabba l‑pożizzjoni tal‑bibien.
121 Huwa ppreċiżat f’din l‑istess premessa li l‑Kummissjoni waslet b’hekk li tirrivedi d‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat adottata fir‑Regolament provviżorju u li teskludi b’mod definittiv, fuq il‑bażi tal‑karatteristiċi fiżiċi tiegħu, il‑mudell bi tliet bibien mill‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side”, hekk kif jirriżulta mill‑premessa 15 tar‑regolament ikkontestat.
122 F’dan ir‑rigward, huwa ppreċiżat fil‑premessa 14 tar‑regolament ikkontestat li l‑Kummissjoni warrbet il‑kriterju tal‑perċezzjoni tal‑konsumatur peress li ma kienx adatt sabiex isostni konklużjoni ċara favur jew kontra l‑inklużjoni tal‑friġġijiet bi tliet bibien fid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, fid‑dawl tar‑riżultati kontradittorji tal‑investigazzjoni tal‑opinjoni li r‑rikorrenti u l‑industrija Komunitarja ppreżentaw insostenn tal‑perspettivi rispettivi tagħhom.
123 F’dawn iċ‑ċirkustanzi, hekk kif ġie espost fil‑premessa 15 tar‑regolament ikkontestat, l‑istituzzjonijiet ikkunsidraw li l‑mudell bi tliet bibien jaqa’ fil‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda “bottom‑mount” u mhux f’dak tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side”.
124 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l‑istituzzjonijiet immotivaw suffiċjentement id‑deċiżjoni tagħhom li jeskludu l‑fridge-freezers magħquda bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat billi rrilevaw li l‑investigazzjoni ta’ opinjoni kienet kontradittorja, peress li minn din il‑konstatazzjoni jirrizulta li minħabba l‑eżistenza ta’ tali kontradizzjoni, l‑ebda konklużjoni inkontestabbli li tirrigwarda l‑kriterju bbażat fuq il‑perċezzjoni tal‑konsumatur ma tista’ tiġi dedotta mill‑imsemmija investigazzjoni.
125 B’hekk wara li kkonstataw l‑impossibbiltà li jaslu għall‑konklużjoni permezz tal‑kriterju bbażat fuq il‑perċezzjoni tal‑konsumatur, l‑istituzzjonijiet ippronunzjaw ruħhom fuq il‑bażi tal‑pożizzjonijiet tal‑istituzzjonijiet prinċipali ta’ riċerka u l‑korpi ta’ klassifikazzjoni li, fil‑parti l‑kbira tagħhom, ikklassifikaw lill‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” fuq il‑bażi tal‑konfigurazzjoni interna tagħhom, u mhux fuq dik tal‑pożizzjoni tal‑bibien.
126 Tali riferiment jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat adottata fir‑regolament ikkontestat.
127 Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r‑rikorrenti takkuża lill‑istituzzjonijiet li ma spjegawx għalfejn, fin‑nuqqas ta’ “linji ta’ diviżjoni ċari” bejn il‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” b’żewġ bibien u dawk bi tliet bibien, huma qiesu ruħhom marbuta li jwettqu d‑distinzjoni tagħhom: billi ddikjaraw li l‑karatteristika prinċipali tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” tinsab fil‑pożizzjoni tal‑kompartiment tagħhom, peress li l‑istituzzjonijiet stabbilixxew li dan il‑kriterju kien linja ta’ diviżjoni bejn il‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side” u l‑fridge-freezers magħquda bi tliet bibien, mingħajr ma kien hemm bżonn li jsiru żviluppi iktar fid‑dettall f’dan ir‑rigward.
128 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ibbażat fuq il‑ksur tal‑forom sostanzjali, distint, bħala tali, mill‑motiv ibbażat fuq l‑ineżattezza tar‑raġunijiet tad‑deċiżjoni, li l‑istħarriġ tiegħu jirriżulta mill‑eżami tal‑mertu ta’ din id‑deċiżjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67; ara wkoll, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra p. II‑2029, punt 179).
129 Sabiex jiġi osservat l‑obbligu ta’ motivazzjoni, huwa għaldaqstant suffiċjenti li l‑istituzzjonijiet jiddikjaraw, bħalma fil‑fatt għamlu, ir‑raġunijiet li wassluhom sabiex jeskludu b’mod definittiv il‑fridge-freezers magħquda bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, bil‑kontra ta’ dak li ġie konkluż f’definizzjoni inizjali, peress li r‑Regolament provviżorju indika, barra minn hekk, in‑natura provviżorja tiegħu fil‑premessa 17, u dan mingħajr ma jkollhom jiddikjaraw, sabiex jiġġustifikaw din l‑esklużjoni, il‑punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt ittrattati waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni.
130 F’dawn iċ‑ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat fir‑rigward tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat ippermettiet lir‑rikorrenti, li kienet, barra minn hekk, strettament implikata fil‑proċedura amminstrattiva u minħabba dan familjari mal‑problema tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, tifhem u tikkontesta l‑fondatezza tas‑soluzzjoni adottata definittivament, u lill‑Qorti Ġenerali twettaq l‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir‑rigward, hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mill‑eżami tar‑raba’ motiv.
131 Għaldaqstant, l‑argument tar‑rikorrenti li l‑bidla fid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat ġiet ikkawżata minn “‘lobbying’ fl‑aħħar minuta” li l‑motivi tar‑regolament ikkontestat ma jagħmlux riferiment għalih ma jistax, f’kull każ, jiġi invokat utilment, peress li minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r‑regolament ikkontestat jiddikjara suffiċjentement fid‑dritt il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall‑evalwazzjoni li ssir.
132 Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, dan il‑motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl‑għażla tal‑metodu ta’ definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
133 Ir‑rikorrenti tallega li l‑metodu ta’ definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat jikser l‑Artikolu 1(1) u (4) tar‑Regolament bażiku, sa fejn il‑Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l‑perċezzjoni tal‑konsumatur.
134 Fil‑fatt, ir‑rikorrenti ssostni li d‑differenzi fir‑rigward tal‑karatteristiċi fiżiċi tal‑friġġijiet inkwistjoni huma f’dan il‑punt imnaqqsa u ma għandhomx impatt fuq l‑użu finali ta’ dawn il‑prodotti. Issa, id‑differenzi fiżiċi ma jiġġustifikawx li ssir distinzjoni tal‑prodotti ħlief meta jgawdu minn importanza għall‑konsumaturi. B’hekk, peress li d‑differenzi fir‑rigward tal‑karatteristiċi fiżiċi tal‑friġġijiet ma jinfluwenzawx l‑użu finali tagħhom, l‑istituzzjonijiet ma setgħux jinjoraw l‑impatt imnaqqas tagħhom fuq il‑perċezzjoni tal‑konsumatur. Konsegwentement, il‑Kunsill wettaq żball billi warrab il‑provi dwar il‑perċezzjoni tal‑konsumaturi fil‑kawża preżenti.
135 F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti tirrileva li, fir‑Regolament (KEE) Nru 1418/88, tas‑17 ta’ Mejju 1988, li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l‑importazzjonijiet ta’ printers tip dot‑matrix b’impatt li joriġinaw mill‑Ġappun (ĠU L 130, p. 12 ), il‑Kummissjoni stess ikkunsidrat li d‑differenzi minuri li ma jirrigwardawx il‑karatteristiċi fiżiċi u tekniċi fundamentali ta’ prodott ma għandhomx iwasslu li jiġi eskluż ix‑xebh bejn prodott ħlief fil‑każ fejn id‑differenzi għandhom bħala effett li l‑applikazzjoni tal‑prodotti inkwistjoni, tal‑użu tagħhom jew tal‑perċezzjoni li għandu klijent tagħhom huma differenti ħafna (premessa 12 tar‑Regolament Nru 1418/88). Sa fejn l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni qiesu li l‑perċezzjonijiet tal‑konsumaturi ma humiex konklużivi, huma kellhom jżommu definizzjoni usa’ tal‑prodott ikkonċernat, li tinkludi l‑friġġijiet bi tliet bibien.
136 Ir‑rikorrenti tippreċiża li hija ma tikkontestax l‑evalwazzjoni fattwali mwettqa mill‑Kunsill għall‑finijiet ta’ definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat u sempliċement tinvoka żball ta’ liġi fir‑rigward tal‑metodu segwit fid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
137 Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza ta’ dan il‑motiv.
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
138 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat fil‑kuntest ta’ investigazzjoni antidumping għandha bħala għan li tgħin fit‑tfassil ta’ lista tal‑prodotti li, jekk ikun il‑każ, ikunu s‑suġġett għall‑impożizzjoni tad‑dazji antidumping. Għall‑finijiet ta’ din l‑operazzjoni, l‑istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħall‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal‑prodotti, l‑użu tagħhom, l‑interkambjabbiltà tagħhom, il‑perċezzjoni li l‑konsumaturi għandhom tagħhom, il‑mezzi ta’ distribuzzjoni, il‑proċess tal‑manifattura, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni u l‑kwalità.
139 Fil‑kawża preżenti, hekk kif jirriżulta mill‑eżami tat‑tielet motiv, il‑Kunsill irrileva, fil‑premessa 13 tar‑regolament ikkontestat, li mill‑ftuħ tal‑proċedura mill‑Kummissjoni, l‑eżami tal‑prodott ikkonċernat twettaq fid‑dawl kemm tal‑karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u kemm tal‑perċezzjoni tal‑konsumatur tal‑prodotti inkwistjoni. Fil‑premessa 14 tar‑regolament ikkontestat, wara li eżamina l‑provi kif ukoll il‑pożizzjonijiet espressi minn ċerti istituzzjonijiet prinċipali ta’ riċerka u korpi ta’ klassifikazzjoni, intiżi li jikkorroboraw definizzjoni tal‑qasam tal‑friġġijiet “side‑by‑side” fuq il‑bażi ta’ konfigurazzjoni interna tal‑kompartimenti u mhux tal‑pożizzjoni tal‑bibien, il‑Kunsill wasal għall‑konklużjoni li, mill‑perspettiva tal‑karatteristiċi fiżiċi, il‑mudell bi tliet bibien ma setax jitqies li huwa parti mill‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side”. Wara li eżamina l‑perċezzjoni tal‑konsumatur, il‑Kunsill ikkunsidra li l‑provi ppreżentati f’dan ir‑rigward mir‑rikorrenti u mill‑industrija Komunitarja “kienu jikkontradixxu lil xulxin”, fis‑sens li ma ppermettewlux jasal għall‑konklużjoni ċara għall‑finijiet tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat.
140 B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bil‑kontra ta’ dak li tallega r‑rikorrenti, il‑Kunsill eżamina l‑provi relattivi għall‑perċezzjoni tal‑konsumatur, billi madankollu wasal għall‑konklużjoni li l‑provi kienu kontradittorji u, għaldaqstant, li ma kinux konklużivi għall‑finijiet tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat. L‑argument tar‑rikorrenti li l‑Kunsill kien injora l‑perċezzjoni tal‑konsumatur għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.
141 Fir‑rigward tat‑teżi tar‑rikorrenti li tipprovdi li d‑differenzi fiżiċi ma jiġġustifikawx li ssir distinzjoni bejn il‑prodotti ħlief meta dawn igawdu minn importanza mill‑konsumaturi, għandu jiġi rrilevat li din ma ssibx sostenn la fir‑Regolament bażiku u lanqas fil‑ġurisprudenza. Fil‑fatt, hekk kif jirriżulta mill‑punt 138 iktar ’il fuq, fost il-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal‑prodotti għandhom naturalment post importanti, mingħajr ma jkunu neċessarjament prijoritarji. F’kull każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li d‑differenzi fir‑rigward tal‑karatteristiċi fiżiċi jew tekniċi ma humiex rilevanti ħlief meta dawn huma riflessi fil‑perċezzjoni tal‑konsumatur.
142 Fir‑rigward tal‑allegazzjoni tar‑rikorrenti li tipprovdi li d‑differenzi dwar il‑karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal‑friġġijiet ikunu mnaqqsa jew sottili, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li din l‑evalwazzjoni fattwali ma tidhirx fir‑regolament ikkontestat. Bil‑kontra, mill‑premessi 14 u 15 tar‑regolament ikkontestat jirriżulta li, fl‑evalwazzjoni tal‑karatteristiċi fiżiċi tal‑friġġijiet, il‑Kunsill ta iktar importanza lill‑konfigurazzjoni interna tagħhom milli lill‑pożizzjoni tal‑bibien, u konsegwentement ikkunsidra li d‑differenzi b’hekk ikkonstatati jiġġustitikaw li l‑mudell bi tliet bibien ma jitqiesx li jagħmel parti mill‑qasam tal‑fridge-freezers magħquda “side‑by‑side”. Issa, ir‑rikorrenti astjeniet espliċitament milli ddaħħal inkwistjoni l‑evalwazzjoni fattwali mwettqa mill‑Kunsill.
143 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l‑premessa li fuqha huwa bbażat l‑argument tar‑rikorrenti, li jipprovdi li l‑karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal‑prodotti eżaminati juru biss differenzi żgħar, hija bbażata fuq sempliċi affermazzjonijiet li, insostenn tagħha, ma ġiet ippreżentata l‑ebda prova sabiex tikkorrobora l‑konkretezza tagħha.
144 Għal din ir‑raġuni, għandha wkoll tiġi miċħuda l‑allegazzjoni li tipprovdi li, peress li l‑provi dwar il‑perċezzjoni tal‑konsumaturi ma ġewx ikkunsidrati bħala konklużivi, id‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat għandha tinkludi l‑friġġijiet bi tliet bibien.
145 Fid‑dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi miċħud ir‑raba’ motiv.
146 Għaldaqstant ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.
Fuq l‑ispejjeż
147 Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
148 Peress li r‑rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż tal‑Kunsill u ta’ LG, minbarra l‑ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub minn dawn tal‑aħħar.
149 Is‑CECED għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu.
150 Barra minn hekk, skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura, l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet li jintervjenu fil‑kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.
151 Għaldaqstant, ir‑Repubblika Taljana u l‑Kummissjoni għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il‑motivi,
IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir‑rikors huwa miċħud.
2) Whirlpool Europe Srl għandha tbati l‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea u LG Electronics, Inc.
3) Ir‑Repubblika Taljana, il‑Kummissjoni Ewropea u l‑Kunsill Ewropew għall‑kostruzzjoni ta’ apparat Domestiku (CECED) għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom.
Meij |
Vadapalas |
Truchot |
Firem
Werrej
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
1. Is‑suq li huwa s‑suġġett tal‑investigazzjoni
2. Il‑fażi inizjali tal‑proċedura ta’ investigazzjoni
3. Ir‑Regolament provviżorju
4. Il‑fażi sussegwenti tal‑proċedura ta’ investigazzjoni
5. Id‑dokument finali ta’ informazzjoni
6. Id‑dokument finali ta’ informazzjoni rrivedut
7. Ir‑regolament ikkontestat
Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
Id‑dritt
1. Fuq il‑ksur allegat tal‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura
2. Fuq it‑talbiet għal annullament
Fuq l‑ammissibbiltà
L‑argumenti tal‑partijiet
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Fuq il‑mertu
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑esklużjoni tal‑friġġijiet bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ konsultazzjoni tal‑Istati Membri “fi żmien utli” fil‑kuntest tal‑Kumitat konsultattiv fuq l‑esklużjoni tal‑friġġijiet bi tliet bibien mid‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq l‑insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat fir‑rigward tad‑definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl‑għażla tal‑metodu ta’ definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat
– L‑argumenti tal‑partijiet
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Fuq l‑ispejjeż
* Lingwa tal‑kawża: l‑Ingliż.