Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0436

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007.
Per Grønfeldt u Tatiana Grønfeldt vs Finanzamt Hamburg-Am Tierpark.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
Moviment liberu ta’ kapitali - Tassazzjoni - Taxxa fuq id-dħul - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-profitti magħmula matul it-trasferiment tal-holdings (ishma) tal-kumpanniji kapitali.
Kawża C-436/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-12357

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:820

Kawża C-436/06

Per Grønfeldt u Tatiana Grønfeldt

vs

Finanzamt Hamburg – Am Tierpark

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

“Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni — Taxxa fuq id-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti holdings (ishma) tal-kumpanniji b’kapital”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul

(Artikolu 56 KE)

L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li permezz tagħha l-profitt magħmul mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija kapitali stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa immedjatament taxxabbli f’sena partikolari, peress li, matul il-ħames snin preċedenti, min ittrasferixxa kellu, direttament jew indirettament, holding ta’ mill-inqas 1 % tal-kapital ta’ kumpannija, filwaqt li l-profitt magħmul mit-trasferiment, fl-istess kundizzjonijiet, ta’ ishma ta’ kumpannija kapitali, stabbilita f’dan l-ewwel Stat Membru, totalment suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji ma kienx taxxabbli f’din is-sena ħlief fil-każ ta’ holding sinjifikattiv ta’ għall-inqas 10 %.

Fil-fatt, tali differenza fit-trattament skond il-post ta’ l-investiment tal-kapital għandha bħala effett li tiddiswadi azzjonist milli jinvesti l-kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u toħloq ukoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn f’dak li jikkostitwixxi fil-konfront tagħhom ostaklu għall-ġbir ta’ kapital fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa ta’ ftit importanza, f’dan ir-rigward, li d-differenza fit-trattament eżistiet biss matul perijodu limitat fiż-żmien, minbarra li din iċ-ċirkustanza biss ma timpedixxix li d-differenza fit-trattament tipproduċi effetti kunsiderevoli, u li, b’hekk, l-ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital huwa reali.

Tali differenza fi trattament ma tistax tkun ġustifikata min-neċessità li tiggarantixxi tassazzjoni sħiħa li tidher li għandha l-għan li żżomm il-koerenza tas-sistema fiskali, peress li ma teżistix, għal azzjonist, rabta diretta bejn vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ tassazzjoni fiskali stabbilita. Barra minn hekk, l-imsemmija differenza fi trattament ma tidhirx iġġustifikata mill-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ sistema tranżitorja sabiex jistabbilixxi, fit-tul, il-kompatibbiltà tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji nazzjonali mad-dritt Komunitarju u li jabolixxu eventwali diskriminazzjonijiet. Fil-fatt, din il-marġni ta’ manuvra dejjem għandha l-limiti tagħha fl-osservanza tal-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, f’dik tal-moviment liberu tal-kapital. Anki jekk sistema tranżitorja, tista’, f’dak li jikkonċerna l-intaxxar tal-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti holdings fil-kumpanniji residenti, tinftiehem fid-dawl ta’ aspettattiva leġittima li tiġi ggarantita tranżizzjoni mingħajr interruzzjoni mis-sistema preċedenti lejn is-sistema l-ġdida, tali ċirkustanza ma tippermettix, fiha nnifisha, li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament, għad-dannu tat-tassazzjoni tal-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti holdings f’kumpanniji non-residenti.

(ara l-punti 14-15, 26-27, 32-33, 35 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Diċembru 2007(*)

“Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dħul – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti tal-holdings (ishma) tal-kumpanniji b’kapital”

Fil-kawża C-436/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Ottubru 2006, fil-proċedura

Per Grønfeldt,

Tatiana Grønfeldt

vs

Finanzamt Hamburg – Am Tierpark,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, P. Kūris u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal P. u T. Grønfeldt, minn A. Mutscher, kunsillier fiskali,

–       għall-Finanzamt Hamburg – Am Tierpark, minn B. Fiedler, kunsillier,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis kif ukoll O. Patsopoulou u I. Pouli, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 56 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Per u Tatiana Grønfeldt kontra l-Finanzamt Hamburg – Am Tierpark (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) dwar l-intaxxar fil-Ġermanja tal-qligħ kapitali magħmul fl-okkażjoni tat-trasferiment ta’ holdings f’żewġ kumpanniji b’kapital irreġistrati taħt id-dritt Daniż.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 17 tal-liġi tat-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi ta’ l-24 ta’ Marzu 1999 (BGBl. 1999 I., p. 402), kien jinkludi fost id-dħul minn attività professjonali, b’mod partikolari, il-qligħ kapitali tat-trasfersiment ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital meta, matul il-ħames snin preċedenti, min ittrasferixxa kellu sehem, direttament jew indirettament, mill-kapital awtorizzat b’mod sinjifikanti, jiġifieri ta’ għall-inqas 10 %.

4       Skond l-Artikolu 17 tal-liġi tat-taxxa fuq id-dħul, kif emendata mil-liġi dwar it-tnaqqis tat-taxxa 2001/2002 (Steuersenkungsgesetz 2001/2002), tat-23 ta’ Ottubru 2000 (BGBl. 2000 I., p. 1433, iktar ’il quddiem l-“EStG verżjoni ġdida”), kien jikkostitwixxi wkoll għal dħul minn attività professjonali, il-qligħ kapitali ta’ trasferimenti ta’ l-ishma ta’ kumpanniji b’kapital, meta, matul il-ħames snin preċedenti, min ittrasferixxa kellu sehem, direttament jew indirettament, mill-kapital awtorizzat ta’ mill-inqas 1 %.

5       Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-EStG verżjoni ġdida, jiġifieri l-Artikoli 52(1) ta’ l-EStG verżjoni ġdida u l-Artikolu 52(34)(a) tal-liġi tat-taxxa fuq id-dħul, kif emendata mil-liġi fiskali ta’ bidla f’Euro (Steuer-Euroglättungsgesetz), tad-19 ta’ Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I., p. 1790), li, meta jiġu ttrasferiti ta’ l-ishma ta’ kumpannija li mhumiex totalment suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, u b’hekk b’mod partikolari meta jiġu ttrasferiti holdings miżmuma f’kumpannija kapitali barranija, l-Artikolu 17 ta’ l-EStG fil-verżjoni l-ġdida kien applikabbli mis-sena finanzjarja 2001, indipendentement minn kull kundizzjoni oħra. Fir-rigward tat-trasferiment ta’ ishma ta’ kumpanniji totalment suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, kif hija r-regola għall-kumpanniji rregolati taħt id-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 17 ta’ l-EStG fil-verżjoni l-ġdida kien applikabbli biss mis-sena finanzjarja 2002, u l-qligħ kapitali ta’ trasferimenti magħmul matul is-sena 2001 konsegwentment kien taxxabbli biss jekk min jittrasferixxa kellu holding ta’ għall-inqas 10 % tal-kapital awtorizzat.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li P. Grønfeldt ipparteċipa bħala azzjonist fil-kapital awtorizzat taż-żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Daniż, Navision Software A/S u WISEhouse Denmark A/S, sa livell ta’ 2.1 % u ta’ 2.5 % rispettivament.

7       Fl-2001, huwa ttrasferixxa parti kbira mill-holdings tiegħu. Meta għamel dan, huwa b’hekk għamel qligħ kapitali fuq it-trasferiment ta’ l-ishma li kellu fil-kumpannija Navision Software A/S u deprezzament moderat fuq dawk li kellu fil-kumpannija WISEhouse Denmark A/S.

8       Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta’ l-10 ta’ April 2003, il-Finanzamt, skond l-Artikolu 17 ta’ l-EStG fil-verżjoni l-ġdida, wara li kkumpensat il-qligħ kapitali u d-deprezzament li rriżulta mill-imsemmija trasferimenti, intaxxat qligħ kapitali ta’ trasferiment sa DM 2 021 287. Ir-rikors amministrattiv sussegwenti mressaq mill-konjuġi Grønfeldt kontra din it-tassazzjoni ġie miċħud.

9       Il-konjuġi Grønfeldt b’hekk ikkontestaw l-imsemmija taxxa quddiem il-qorti tar-rinviju.

10     Skond huma, li jiġi ntaxxat il-profitt magħmul meta jiġu ttrasferiti holdings miżmuma f’kumpannija barranija, meta s-sehem fil-kapital awtorizzat ta’ din il-kumpannija jiħaq għall-inqas 1 %, u jiġu ntaxxati l-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti holdings miżmuma f’kumpannija kapitali Ġermaniżi, meta s-sehem fil-kapital jiħaq 10 %, jammonta għal differenza fit-trattament li tikser, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 56 KE.

11     Il-qorti tar-rinviju wriet d-dubji tagħha, espressi mill-Bundesfinanzhof f’digriet VIII B 107/04 ta’ l-14 ta’ Frar 2006, dwar il-kompatibbiltà ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-EStG fil-verżjoni ġdida tagħha mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital.

12     Peress li s-soluzzjoni għall-kawża li tressqet quddiemha teħieġ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Finanzgericht Hamburg ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Il-fatt li l-profitt magħmul mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija kapitali barranija jiġi immedjatament taxxabbli fl-2001, jekk, matul il-ħames snin preċedenti, min ittrasferixxa kellu, direttament jew indirettament, holding ta’ għall-inqas 1 % tal-kapital tal-kumpannija, filwaqt li l-profitt magħmul mit-trasferiment – fl-istess kundizzjonijiet – ta’ ishma ta’ kumpannija kapitali (Ġermaniża) totalment suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji ma kinux taxxabbli fl-2001 ħlief fil-każ ta’ holding sinjifikattiv ta’ għall-inqas 10 %, huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital?”

 Fuq id-domanda preliminari

13     Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fl-2001, il-qligħ kapitali ta’ trasferimenti ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital barranin kien taxxabbli malli l-holding laħaq 1 % tal-kapital awtorizzat. Għall-istess sena, għal kuntrarju, u minbarra dan, f’kundizzjonijiet identiċi, il-qligħ kapitali tat-trasferiment ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital rregolati taħt id-dritt nazzjonali kienu taxxabbli biss meta dan il-holding laħaq 10 %.

14     Madankollu, differenza fit-trattament skond il-post ta’ l-investiment tal-kapitali għandha bħala effett li tiddiswadi azzjonist milli jinvesti l-kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u toħloq ukoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn peress illi hija tikkostitwixxi fil-konfront tagħhom ostakolu għall-ġbir ta’ kapital fil-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 166).

15     Huwa ta’ ftit importanza, f’dan ir-rigward, li d-differenza fit-trattament eżista biss matul perijodu limitat fiż-żmien. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza biss ma timpedixxix li d-differenza fit-trattament tipproduċi effetti kunsiderevoli, kif min-naħa l-oħra juru l-fatti fil-kawża prinċipali, u li, b’hekk, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital huwa reali.

16     Sabiex tali differenza fi trattament tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, hija għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament simili jew għandha tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167).

17     Skond il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż, id-differenza fit-trattament in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa element ta’ sistema transitorja, li għall-implementazzjoni tagħha Stat Membru għandu jkollu ċerta marġni ta’ flessibbiltà, li jkollu bħala għan li jistabbilixxi, fit-tul, il-kompatibbiltà tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji Ġermaniżi mad-dritt Komunitarju u li jiġu aboliti eventwali diskriminazzjonijiet. Aktar speċifikament, sabiex piż fiskali identiku huwa impost fuq l-investimenti mwettqa fil-Ġermanja u fuq dawk imwettqa barra mill-pajjiż, huwa biddel, fis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji Ġermaniżi, il-proċedura tat-tnaqqis sħiħ b’dik ta’ tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul.

18     Fir-rigward tal-proċedura ta’ tnaqqis sħiħ, skond il-Gvern Ġermaniż, kumpannija kapitali kienet bħala prinċipju intaxxata b’40 %. Il-profitt li hija tqassam lill- azzjonisti tagħha kien intaxxat b’30 %. L-azzjonist kellu għal darb’oħra jħallas it-taxxa fuq id-dħul fuq il-profitti mqassma, skond ir-rata ta’ tassazzjoni personali tiegħu. Madankollu huwa seta’ jnaqqas mid-dejn ta’ taxxa personali tiegħu, it-taxxa fuq il-kumpanniji diġà mħallsa fil-Ġermanja mill-kumpannija kapitali. Tassazzjoni doppja fuq il-profitt kienet b’hekk evitata.

19     Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul, skond dan l-istess Gvern, il-kumpannija kapitali hija intaxxata fuq il-profitti b’rata uniformi ta’ 25 %, għas-snin finanzjarji miftuħa wara l-31 ta’ Diċembru 2000, indipendentement mill-kwistjoni jekk hija qassmitx jew le l-profitt magħmul lill-azzjonisti tagħha. L-azzjonist li jirċievu dividend ma jistax aktar inaqqas it-taxxa fuq il-kumpanniji. Madankollu, huwa għandu jiddikjara biss in-nofs tad-dividends bħala dħul mill-kapital, peress li n-nofs l-ieħor huwa eżentat mit-taxxa. Din is-sistema taffettwa b’mod simili t-tassazzjoni tad-dividends u dik tal-qligħ kapitali ta’ trasferiment.

20     Dejjem skond dan l-istess Gvern, fil-kuntest tal-proċedura tat-tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul, it-tassazzjoni sħiħa tal-profitti ta’ kumpannija kapitali mhijiex possibbli, kuntrarjament għall-każ tal-proċedura tat-tnaqqis sħiħ, li fiha l-intaxxar sħiħ kien diġà seħħ fil-livell tal-kumpannija, ħlief bl-ikkombinar ta’ l-intaxxar tal-profitti fil-livell tal-kumpannija u l-intaxxar tan-nofs tad-dividends fil-livell ta’ l-azzjonist.

21     Dan l-ikkombinar, li jiggarantixxi, skond il-Gvern Ġermaniż, tassazzjoni kompluta, jiġi mfixkel jekk il-perċentwali ta’ holding tal-kapital awtorizzat, li jwassal għall-issoġġettar tat-taxxa fil-każ ta’ trasferiment ta’ ishma, kien baqa’ ffissat għal 10 %, mingħajr bidla. F’dan il-każ, l-azzjonist li jżomm holding ta’ anqas minn 10 % jista’ fil-fatt jittrasferixxih bħala eżentat mit-taxxa, skond il-każ, wara li l-kumpannija li kienet żammet profitti mhux imqassma għal diversi snin.

22     Il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż jippreċiżaw ukoll li fil-prinċipju huwa mis-sena 2001 li s-sistema l-ġdida marbuta mal-proċedura tat-tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul daħlet fis-seħħ fil-livell tal-kumpannija li tqassam il-profitti. Madankollu, fil-livell ta’ l-azzjonist, il-proċedura ta’ tnaqqis sħiħ kienet għadha applikabbli matul is-sena 2001 jekk il-qligħ mid-dividendi kien ġej minn distribuzzjonijiet ordinarji tal-profitti ta’ kumpannija residenti għas-sena 2000. Min-naħa l-oħra, għall-benefiċjarji tad-dividendi barranin, il-proċedura ta’ tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul ġiet applikata mingħajr fażi ta’ tranżizzjoni, peress li dawn ma bbenefikawx, skond id-dritt preċedentement applikabbli, mill-proċedura ta’ tnaqqis sħiħ.

23     F’dan ir-rigward, fil-każ tal-kwistjoni jekk differenza ta’ trattament, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonċerna s-sitwazzjonijiet li huma oġġettivament simili, hemm lok li tiġi mqabbla s-sitwazzjoni li fiha kien jinsab, fl-2001, azzjonist li għandu ishma f’kumpannija mhux residenti għal dik li kien jinsab fiha, matul din l-istess sena, azzjonist li kellu ishma f’kumpannija residenti. Għalhekk mhuwiex rilevanti, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Ġermaniż, paragun bejn is-sitwazzjoni li fiha jinsab azzjonist li għandu ishma f’kumpannija mhux residenti qabel is-sena 2001 u dik, allegatament aktar favorevoli, li kien jinsab fiha sa mill-istess sena.

24     Peress li l-proċedura tat-tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul kienet ġiet preċiżament introdotta, skond il-Gvern Ġermaniż stess, sabiex tabolixxi eventwali diskriminazzjonijiet bejn l-investimenti f’kumpanniji residenti u investimenti f’kumpanniji mhux residenti, ma jidhirx kontestabbli li l-azzjonisti ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jinsabu, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ limitu ta’ tassazzjoni f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, f’sitwazzjoni oġġettivament simili.

25     Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk differenza fit-trattament, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

26     Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-argument dwar in-neċessità li tiġi ggarantita tassazzjoni sħiħa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa simili għal argument ibbażat fuq il-koerenza tas-sistema fiskali.

27     Issa, kif irrilevat ukoll il-Bundesfinanzhof fid-digriet VIII B 107/04 tagħha ċċitat iktar ’il fuq ta’ l-14 ta’ Frar 2006, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, differenza fit-trattament, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tidhirx iġġustifikata minħabba neċessità li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali, peress li ma teżistix, għal azzjonist bħal P. Grønfeldt, rabta diretta bejn vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ tassazzjoni fiskali stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 42, u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C-292/04, Ġabra p. I-1835, punt 26).

28     Barra minn hekk, l-argument tat-tassazzjoni sħiħa jippermetti, ċertament, li wieħed jifhem ir-raġuni li għaliha s-sistema marbuta mal-proċedura ta’ tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul ġiet introdotta biss fl-2002 għal azzjonisti li għandhom ishma f’kumpannija residenti. Fil-fatt, peress li dawn it-tip ta’ kumpanniji fis-sena 2000 kienu għadhom suġġetti għat-taxxa fuq il-profitti fil-kuntest tal-proċedura qadima ta’ tnaqqis sħiħ, “tassazzjoni sħiħa”, hekk kif prevista mill-Gvern Ġermaniż, kienet, minħabba dan il-fatt, seħħet fir-rigward tad-dividendi mqassma fl-2001. Madankollu, dan l-istess argument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala rilevanti sabiex jispjega l-mod li permezz tiegħu azzjonist li kellu ishma f’kumpannija mhux residenti ġie ttrattat matul is-sena 2001. F’każ bħal dan, it-“tassazzjoni sħiħa”, bħal dik prevista mill-Gvern Ġermaniż, ma tistax isseħħ fi kwalunkwe każ, peress li l-profitti ta’ kumpannija mhux residenti huma ntaxxati fi Stat Membru ieħor.

29     Din l-interpretazzjoni mhijiex affettwata miċ-ċirkustanza, li għaliha jirreferi l-Gvern Ġermaniż, skond liema l-azzjonist ikkonċernat jista’ jittrasferixxi l-holding tiegħu wara li l-kumpannija tkun żammet profitti mhux imqassma għal bosta snin. Fil-fatt, kemm jekk il-qligħ ikun miżmum jew le, huwa impossibbli, fil-każ ta’ azzjonist, bħal P. Grønfeldt, li jispiċċa b’“tassazzjoni sħiħa”, hekk kif prevista mill-Gvern Ġermaniż.

30     Għalhekk, ma jirriżultax mill-atti mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjoni li kellha tittieħed, fl-2001, bħala kriterju taż-żamma ta’ 1 % tal-kapital ta’ kumpannija mhux residenti minflok 10 % ta’ dan l-istess holding sabiex jiġi stabbilit limitu ta’ tassazzjoni tal-qligħ kapitali magħmul minn azzjonist kienet neċessarja sabiex tiggarantixxi din it-“tassazzjoni sħiħa”.

31     Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li differenza ta’ trattament, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata minħabba n-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali.

32     Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument skond liema Stat Membru, li għandu bħala għan li jistabbilixxi, fit-tul, il-kompatibbiltà tas-sistema tat-tassazzjoni fuq il-kumpanniji nazzjonali mad-dritt Komunitarju u li jiġu aboliti eventwali diskriminazzjonijiet, għandu jkollu ċerta marġni ta’ flessibbiltà fl-implementazzjoni ta’ sistema tranżitorja, għandu jiġi mfakkar li din il-marġni ta’ flessibbiltà dejjem għandha l-limiti tagħha fl-osservanza tal-libertajiet fundamentali u, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-kawża prinċipali, f’dik tal-moviment liberu tal-kapital.

33     Madankollu, anki jekk sistema tranżitorja, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’, għal dak li jirrigwarda l-intaxxar tal-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti holdings fil-kumpanniji residenti, tinftiehem fid-dawl ta’ aspettattiva leġittima li tiġi ggarantita tranżizzjoni mingħajr interruzzjonijiet mis-sistema preċedenti lejn is-sistema l-ġdida, tali ċirkustanza ma tippermettix, fiha nnifisha, li tiġġustifika differenza fit-trattament, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għad-dannu tat-tassazzjoni tal-profitti magħmula meta jiġu ttrasferiti holdings f’kumpanniji mhux residenti.

34     Għalhekk, jirriżulta mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li differenza fit-trattament, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tidhirx iġġustifikata minħaba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

35     B’konsegwenza, id-domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-profitt magħmul mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija kapitali stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa immedjatament taxxabbli fl-2001, peress li, matul il-ħames snin preċedenti, min ittrasferixxa kellu, direttament jew indirettament, holding ta’ mill-inqas 1 % tal-kapital ta’ kumpannija, filwaqt li l-profitt magħmul mit-trasferiment, fl-istess kundizzjonijiet, ta’ ishma ta’ kumpannija kapitali, stabbilita f’dan l-ewwel Stat Membru, totalment suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-2001 ma kienx taxxabbli ħlief fil-każ ta’ holding sinjifikattiv ta’ għall-inqas 10 %.

 Fuq l-ispejjeż

36     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-profitt magħmul mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija f’kumpannija kapitali stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa immedjatament taxxabbli fl-2001, peress li, matul il-ħames snin preċedenti, min ittrasferixxa kellu, direttament jew indirettament, holding ta’ mill-inqas 1 % tal-kapital ta’ kumpannija, filwaqt li l-profitt magħmul mit-trasferiment, fl-istess kundizzjonijiet, ta’ ishma ta’ kumpannija kapitali, stabbilita f’dan l-ewwel Stat Membru totalment suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji ma kienx taxxabbli fl-2001 ħlief fil-każ ta’ holding sinjifikattiv ta’ għall-inqas 10 %.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top