Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0420

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta' Marzu 2008.
    Rüdiger Jager vs Amt für Landwirtschaft Bützow.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Schwerin - il-Ġermanja.
    Politika agrikola komuni - Regolamenti (KE) Nru 1254/1999 u (KE) Nru 1782/2003 - Laħam taċ-ċanga u tal-vitella - Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiv għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja - Regolamenti (KEE) Nru 3887/92, (KE) Nru 2419/2001 u (KE) Nru 796/2004 - Applikazzjoni għal għajnuna għall-"annimali" - Primjum għall-baqar li jreddgħu (suckler) - Irregolarità - Nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ l-ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna - Regolament (KE) Nru 1760/2000 - Esklużjoni tal-benefiċċju ta’ l-għajnuna - Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2988/95 - Prinċipju ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-penali l-inqas ħarxa.
    Kawża C-420/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:152

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    11 ta’ Marzu 2008 ( *1 )

    “Politika Agrikola Komuni — Regolamenti (KE) Nru 1254/1999 u (KE) Nru 1782/2003 — Laħam taċ-ċanga u tal-vitella — Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiva għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja — Regolamenti (KEE) Nru 3887/92, (KE) Nru 2419/2001 u (KE) Nru 796/2004 — Applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” — Primjum għall-baqar li jreddgħu — Irregolarità — Nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna — Regolament (KE) Nru 1760/2000 — Esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna — Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2988/95 — Prinċipju ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-penali l-inqas ħarxa”

    Fil-Kawża C-420/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, magħmula mill-Verwaltungsgericht Schwerin (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2006, fil-proċeduri

    Rüdiger Jager

    vs

    Amt für Landwirtschaft Bützow,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Tizzano, Presidenti ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, A. Ó Caoimh (relatur), J.-C. Bonichot, u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal R. Jager, minn K. Mueller, Rechtsanwältin,

    għall-Amt für Landwirtschaft Bützow, minn E. Schäfer, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos u E. Svolopoulou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċizjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 57 sa 63 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ konformità [reċiproka], modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll [sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU L 141, p. 18), kif emendat u rrettifikat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 239/2005, tal-11 ta’ Frar 2005 (ĠU L 42, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 796/2004”), kif ukoll ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn R. Jager, bidwi, u l-Amt für Landwirtschaft Bützow (Uffiċċju għall-organizzazzjoni agrikola ta’ Bützow, iktar ’il quddiem l-“Amt”), dwar l-għoti ta’ primjum għall-baqar li jreddgħu għas-sena 2001.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    L-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat

    3

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000, tas-17 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart [ifrat] u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, p. 1), jipprovdi fl-Artikoli 1 sa 10 tiegħu, l-obbligi li għandhom jiġu osservati fil- qasam ta’ l-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat.

    4

    Skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1760/2000, ir-referenzi għar-Regolament Nru 820/97 għandhom jitqiesu bħala magħmula għal dan l-ewwel regolament.

    L-iskema ta’ għajnuna applikabbli għall-ifrat

    — Ir-Regolament (KE) Nru 1254/1999

    5

    Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 160, p. 21), produttur li jrabbi baqar li jreddgħu fl-azjenda tiegħu jista’ jikkwalifika, ma’ l-applikazzjoni, għal primjum ta’ manteniment ta’ baqar li jreddgħu, magħruf bħala “premju [primjum] tal-baqar li jreddgħu”, għal kull sena kalendarja u għal kull produttur fil-limiti massimi individwali.

    6

    Skond l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament, sabiex tikkwalifika għal dan il-primjum, kull bhima għandha tiġi identifikata u rreġistrata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 820/97.

    — Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

    7

    Mill-1 ta’ Jannar 2005, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tar-Regolament Nru 1254/1999 ġew imħassra bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1, u corrigendum, ĠU 2004, L 94, p. 70).

    8

    Skond it-tieni u l-erbgħa u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 1782/2003:

    “(2)

    Il-pagament sħiħ ta’ għajnuna diretta għandu jkun marbut ma’ l-osservanza tar-regoli relatati ma’ l-art agrikola, mal-produzzjoni u ma’ l-attività agrikola. Dawk ir-regoli għandhom iservu biex jinkorporaw fl-organizzazzjonijiet tas-suq komuni ‘standards’ dwar l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali u kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Jekk dawk in-normi bażiċi mhumiex milħuqa, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-għajnuna diretta totalment jew parzjalment fuq il-bażi ta’ kriterji li huma proporzjonali, oġġettivi u gradwali. Dan l-irtirat għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet stabbiliti issa jew fil-futur taħt dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità jew nazzjonali.

    […]

    (24)

    Tkabbir fil-kompetittività tal-agrikoltura tal-Komunità u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-ikel u ta’ livelli ambjentali neċessarjament iġibu magħhom tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali tal-prodotti agrikoli u żjieda fil-prezz tal-produzzjoni għall-azjendi agrikoli fil-Komunità. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet u biex ikun hemm promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u orjentata iktar lejn is-suq, hi neċessarja li tkun kompletata l-bidla mill-appoġġ lill-produzzjoni għall-appoġġ lill-produttur billi tiġi ntrodotta sistema ta’ dħul separat għal kull [azjenda agrikola]. Waqt li l-imsemmija separazzjoni ma tbiddilx l-ammont attwali li jitħallas lill-bdiewa, iżżid b’mod sinifikanti l-effikaċja tad-dħul f’forma ta’ għajnuna. Hu għalhekk xieraq li l-pagament uniku li[ll-azjenda] ikun suġġett għall-kondizzjoni li jkun hemm ‘cross-compliance’ [konformità reċiproka] ma’ l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll il-manteniment ta[’ l-azjenda] f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”.

    9

    Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1782/2003:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

    regoli komuni fuq pagamenti diretti taħt skemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfond tal-politika agrikola komuni li huma ffinanzjati mit-Taqsima ‘Garanzija’ tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), ħlief dawk ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 [tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, p. 80)],

    appoġġ għad-dħul għall-bdiewa [(iktar ’il quddiem magħrufa bħala “l-iskema ta’ pagament uniku”),

    skemi ta’ appoġġ [għall-bdiewa li jipproduċu] ċanga u vitella […]”

    10

    Il-kunċett ta’ “pagament dirett” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 1782/2003 bħala “pagament mogħti direttament lill-bdiewa taħt skema ta’ appoġġ għad-dħul imniżżla fl-Anness I” ta’ dan l-istess regolament. Dan l-Anness b’mod partikolari jsemmi, fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, il-primjum għall-baqar li jreddgħu.

    11

    Ir-regoli komuni fil-qasam tal-pagamenti diretti jidhru taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, li l-Kapitolu 1 tiegħu, intitolat “Cross compliance”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

    12

    L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi dan li ġej:

    “Bidwi li jirċievi pagamenti diretti għandu jirrispetta l-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji msemmija fl-Anness III, skond il-kalendarju mniżżel f’dak l-Anness, u l-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba stabbilita taħt l-Artikolu 5”.

    13

    Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, il-kundizzjonijiet amministrattivi statutarji msemmija f’dan l-Anness III jirrigwardaw is-saħħa tal-pubbliku kif ukoll is-saħħa ta’ l-annimali u l-pjanti, l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali. Fost dawn il-kundizzjonijiet amministrattivi statutarji li jinsabu fi 18-il direttiva u regolament, il-punt A(8), ta’ dan l-anness isemmi l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 1760/2000.

    14

    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprovdi:

    “Fejn il-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji jew il-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba mhumiex osservati, bħala riżultat ta’ azzjoni jew ommissjoni direttament attribwita lill-bidwi individwali, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza, u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11 […]”

    15

    Skond l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, ir-regoli dettaljati għat-tnaqqis u esklużjonijiet huma stabbiliti billi jittieħed kont, b’mod partikolari, tas-severità, miżura, permanenza u repetizzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza kkonstatata.

    16

    L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fil-Kapitolu 2 intitolat “Modulazzjoni u dixxiplina finanzjarja”, tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, jiddisponi li l-ammonti kollha ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw lill-bidwi f’sena kalendarja partikolari fi Stat Membru partikolari għandhom jiġu mnaqqsa għal kull sena sa l-2012 bil-perċentwali stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

    17

    Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu 2, dawn l-ammonti jistgħu, kull sena, ikunu suġġetti għal aġġustament deċiż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għal raġunijiet ta’ dixxiplina finanzjarja.

    18

    It-Titolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Skema ta’ pagament uniku”, fih, fil-Kapitoli 1 sa 4 tiegħu, ir-regoli ta’ bażi applikabbli għal din is-sistema ta’ għajnuna għad-dħul tal-bdiewa “separat” mill-produzzjoni. Jirriżulta mill-Artikoli 33(1)(a), 37(1), 38 u 41 ta’ dan ir-regolament li l-bdiewa li bbenefikaw, matul perijodu ta’ referenza li jinkludi s-snin kalendarji 2000, 2001 u 2002, minn pagament taħt mill-inqas waħda mill-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament, fosthom il-primjum għall-baqar li jreddgħu, għandhom dritt għal għajnuna kkalkulata fuq il-bażi ta’ ammont ta’ referenza miksub, għal kull bidwi, mill-medja annwali, f’dan il-perijodu, tat-total tal-pagamenti mogħtija taħt dawn l-iskemi. It-total ta’ l-ammonti ta’ referenza ma jistax ikun ogħla mil-limitu nazzjonali stabbilit għal kull Stat Membru fl-Anness VIII ta’ dan ir-regolament.

    19

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 5 ta’ l-imsemmi Titolu III, intitolat “Implementazzjoni reġjonali u mhux obbligatorja”, jippermettu lill-Istat Membru jiddeċidi, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Awissu 2004, li japplika l-iskema ta’ pagament uniku prevista fil-Kapitoli 1 sa 4 ta’ dan l-istess Titolu III, b’mod partikolari, fuq livell reġjonali jew b’mod parzjali.

    20

    Is-Sezzjoni 1 ta’ dan il-Kapitolu 5, intitolata “Implementazzjoni reġjonali”, hija magħmula mill-Artikoli 58 sa 63 tar-Regolament Nru 1782/2003. Skond l-Artikoli 58(1) u (3), u 59(1) u (2) tar-Regolament Nru 1782/2003, Stat Membru jista’ jipproċedi għar-reġjonalizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku billi jiddividi l-limitu nazzjonali mhux individwalment bejn il-bdiewa ta’ dan l-Istat fuq il-bażi ta’ l-ammonti ta’ referenza rispettivi tagħhom, iżda bejn ir-reġjuni differenti li jiffurmaw it-territorju tiegħu, u billi jqassam l-ammont ta’ kull limitu reġjonali hekk miksub b’mod fiss lill-bdiewa kollha tar-reġjun ikkonċernat, b’kull wieħed minnhom jirċievi drittjiet li l-valur tal-unit tagħhom huwa kkalkulat bid-diviżjoni ta’ dan il-limitu reġjonali bin-numru ta’ ettari eliġibbli stabbilit fuq livell reġjonali.

    21

    Is-Sezzjoni 2 ta’ dan il-Kapitolu 5, intitolata “Implementazzjoni parzjali”, tinkludi l-Artikoli 64 sa 69. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, iżommu, fil-kuntest ta’ sistema magħrufa bħala “tgħaqqid mill-ġdid”, ċerti pagamenti diretti marbuta mal-produzzjoni. L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Pagamenti għaċ-ċanga u l-vitella”, jipprovdi f’dan ir-rigward, fl-ewwel u fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2(a)(i) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jħallsu l-primjum għall-baqar li jreddgħu skond il-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu IV, Kapitolu 12, ta’ dan ir-Regolament.

    22

    Dan it-Titolu IV, intitolat “Skemi oħra ta’ għajnuna”, jinkludi d-dispożizzjonijiet applikabbli għal dawn l-aħħar sistemi ta’ pagamenti diretti “ta’ dħul separat”. Taħt dan it-Titolu, l-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jaqa’ taħt il-Kapitolu 12 intitolat “Pagamenti għaċ-ċanga u l-vitella”, jipprovdi li, sabiex jikkwalifika għall-pagamenti diretti għal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, fosthom il-primjum għall-baqar li jreddgħu msemmi fl-Artikoli 125 sa 128 ta’ dan ir-regolament, annimal għandu jkun identifikat u irreġistrat skond ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    Ir-regoli għall-applikazzjoni ta’ l-iskemi ta’ għajnuna applikabbli għall-ifrat

    — Ir-Regolament (KEE) Nru 3887/92

    23

    L-Artikolu 10ċ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jippreskrivi regoli għall-applikazzjoni ta’ sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiv għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja (ĠU L 391, p. 36), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2801/1999, tal-21 ta’ Diċembru 1999 (ĠU L 340, p. 29, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3887/92”), jistabbilixxi r-regoli applikabbli fil-qasam tat-tnaqqis ta’ l-għajnuna fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat li għalihom ma tkun ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għal għajnuna. Dan l-Artikolu huwa redatt skond kif ġej:

    “1.   Għal dak li jikkonċerna l-ifrat għajr dawk ikkontemplati fl-Artikolu 10b meta verifiki fuq l-art juru li n-numru ta’ annimali preżenti fuq l-art u eliġibbli jew li jidħlu fil-kalkolu għall-għajnuna Komunitarja ma jikkorrispondix:

    a)

    għall-annimali nnotifikati fil-bażi ta’ data kkompjuterizzata skond l-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 820/97;

    b)

    għall-annimali rreġistrati fir-reġistru tal-bidwi skond l-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 820/97;

    ċ)

    għall-passaporti ta’ l-annimali miżmuma fuq l-art skond l-Artikolu 6 tar-Regolament […] Nru 820/97,

    l-ammont totali ta’ l-għajnuna mogħtija lill-bidwi taħt l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li jippreċedi l-verika fuq l-art li tkun ippermettiet li jsiru dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jiġi mnaqqas proporzjonalment, salv fil-każ ta’ forza maġġuri.

    It-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat abbażi tan-numru totali ta’ annimali preżenti għall-iskema kkonċernata, jew abbażi tar-reġistrazzjonijiet fil-bażi ta’ data kkompjuterizzata prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament […] Nru 820/97, jew tal-passaporti jew reġistrazzjonijiet fir-reġistru tal-bidwi, fejn għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-iżgħar ċifra.

    […]

    3.   Jekk id-differenza kkonstatata waqt verifika fuq l-art tkun iktar minn 20 % tan-numru ta’ l-annimali eliġibbli stabbilit, ebda primjum m’għandu jingħata għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li jkun ippreċeda l-verifika fuq l-art”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    — Ir-Regolament (KE) Nru 2419/2001

    24

    Ir-Regolament Nru 3887/92 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru ta’ l-2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll [tas- sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, p. 11, u rettifika, ĠU 2002, L 7, p. 48). Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 2419/2001, ir-Regolament Nru 3887/92 għandu madankollu jkompli japplika f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għal għajnuna li jirrigwardaw is-snin ta’ marketing jew il-perijodi ta’ primjums li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

    25

    L-Artikoli 36 sa 43 tar-Regolament Nru 2419/2001, li jaqgħu taħt it-Titolu IV, tiegħu intitolat “Bażi għall-kalkulazzjoni ta’ l-għajnuna, tnaqqis u esklużjonijiet”, fihom ir-regoli applikabbli għall-konstatazzjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal għajnuna għall-“bhejjem miżmuma għal xi użu”.

    26

    L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Nuqqas ta’ konformità mad-disposizzjonijiet li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini [ifrat] mhux dikjarati”, jistabbilixxi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

    “Fejn każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-disposizzjonijiet tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini [ifrat] huma misjuba bħala riżultat ta’ verifika fuq l-art li tikkonċerna annimali bovini [ifrat] mhux iddikjarati, l-ammont totali ta’ għajnuna li għaliha l-bidwi huwa ntitolat skond l-Artikolu 36(3) taħt l-iskemi ta’ għajnuna tal-bovini għal perjodu ta’ premium konċernat, fejn adegwat wara l-applikazzjoni ta’ nuqqasijiet f’konformità ma’ l-Artikolu 38, għandhom, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġura jew ċirkostanzi eċċezzjonali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 48, ikun imnaqqas b’ammont li għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-formola stabbilita fil-paragrafu 2”.

    27

    Skond dak il-paragrafu 2, l-ammont tat-tnaqqis huwa stabbilit billi jiġi applikat għall-ammont totali ta’ għajnuna li għaliha l-bidwi huwa ntitolat għall-perijodu ta’ referenza tal-primjum ikkonċernat taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-ifrat koeffiċjent li jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn in-numru ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u n-numru ta’ ifrat preżenti fuq l-art fil-ħin ta’ verifika fuq l-art, fejn dan il-koeffiċjent għandu jiġi kkalkolat b’mod li jieħu in kunsidrazzjoni n-numru medju ta’ ifrat preżenti fuq l-art matul is-sena ta’ verifika fuq l-art.

    28

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2004, tat-23 ta’ Jannar 2004, li jemenda r-Regolament Nru 2419/2001 (ĠU L 17, p. 7), permezz ta’ l-Artikolu 1(11)(a) tiegħu, żied ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 39(1), is-sentenza li ġejja:

    “Madankollu, l-ammont ta’ għajnuna li ser [j]itnaqqas m’għand[hu]x [i]kun iktar minn 20 % ta’ l-ammont totali [ta’ l-għajnuna] li għalih huwa intitolat il-bidwi [għall-perijodu ta’ referenza tal-primjum ikkonċernat taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-ifrat]”.

    — Ir-Regolament Nru 796/2004

    29

    Ir-Regolament Nru 796/2004 ħassar ir-Regolament Nru 2419/2001. Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 81 tiegħu, ir-Regolament Nru 796/2004 għandu jgħodd għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrelataw mas-snin tal-marketing jew il-perijodu ta’ primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2005.

    30

    It-tnax, il-ħamsa u ħamsin u s-sitta u ħamsin il-premessa tar-Regolament Nru 796/2004 huma fformulati kif ġej:

    “(12)

    Ir-Regolament […] Nru 1782/2003 iħalli għażla lill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ xi wħud mill-iskemi ta’ għajnuna li hemm provvediment dwarhom fih. Dan ir-Regolament, għalhekk, għandu jagħmel dispożizzjonijiet għall-ħtiġiet tal-amministrazzjoni u l-kontroll minħabba l-għażla possibbli li tista’ ssir. Dawn id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu, għalhekk, japplikaw biss sal-limitu li l-Istati Membri jkunu għamlu dawk l-għażliet.

    […]

    (55)

    Biex jiġu protetti effettivament l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Għandhom isiru dispożizzjonijiet separati fil-każi ta’ irregolaritajiet misjuba fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibilita għall-iskemi differenti konċernati ta’ għajnuna.

    (56)

    Is-sistema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet maħsuba fir-Regolament […] Nru 1782/2003 fir-rigward tal-konformità [reċiproka] mal-obbligi iżda tħares lejn miri differenti, jiġifieri biex tistabbilixxi inċentiv għall-bdiewa li jħarsu l-leġislazzjoni, diġà eżistenti, fl-oqsma differenti tal-konformità [reċiproka]”.

    31

    It-Titolu III tar-Regolament Nru 796/2004, dwar il-kontrolli, jinkludi l-Kapitolu III intitolat “Kontrolli relatati ma’ konformità reċiproka”. F’dan il-Kapitolu, l-Artikolu 48(1) u s-subparagrafi (b) u (ċ) tiegħu jipprevedu li kull verifika fuq il-post għandha tkun is-suġġett ta’ rapport stabbilit mill-awtorità kompetenti, li jkun fih numru ta’ partijiet. Waħda minn dawn għandha tirrifletti separatament il-verifiki mwettqa fir-rigward ta’ kull wieħed mill-atti jew l-istandards, waqt li parti oħra, magħrufa bħala “ta’ evalwazzjoni”, għandha tagħti stima ta’ l-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ kull att u/jew standard fuq il-bażi tal-kriterji ta’ severità, limitu, permanenza u repetizzjoni, b’indikazzjoni ta’ xi fatturi li għandhom iwasslu għal xi żieda jew tnaqqis fit-tnaqqis li għandu jiġi applikat.

    32

    It-Titolu IV tar-Regolament Nru 796/2004 jiddefinixxi r-regoli fil-qasam tal-bażi għall-kalkolazzjoni ta’ l-għajnuna, riduzzjonijiet u esklużjonijiet.

    33

    Taħt dan it-Titolu, il-Kapitolu I, intitolat “Sejbiet dwar il-kriterja ta’ l-eliġibilità”, jinkludi, fl-Artikoli 57 sa 63, id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward f’dak li jikkonċerna l-primjum għall-“annimali”, fosthom l-Artikolu 59 li jistabbilixxi t-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għall-ifrat li huma s-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna.

    34

    Intitolat “Sejbiet li għandhom x’jaqsmu ma’ konformità reċiproka”, il-Kapitolu II ta’ dan l-istess Titolu jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    Artikolu 66

    Applikazzjoni tat-tnaqqis fil-każ ta’ negliġenza

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 71, fejn nuqqas stabbilit ta’ konformità jirriżulta minn negliġenza tal-bidwi, għandu jiġi applikat tnaqqis fuq l-ammont kollu ta’ħlasijiet diretti, kif imfissra fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament […] Nru 1782/2003, li jkun, jew għandu, jingħata lill-bidwi konċernat wara li jkun bagħat jew ikun ser jibgħat applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kors tas-sena kalendarja tas-sejba. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, jkun ta’ 3 % ta’ dak l-ammont sħiħ

    Iżda, l-Aġenżija tal-Ħlas tista’, fuq il-bażi tal-istima provduta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fir-rapport tal-kontroll skond l-Artikolu 48(1)(c), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwali għal 1 % jew li żżidu għal 5 % ta’ dak l-ammont sħiħ jew, fil-każi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(1)(ċ), ma timponiex xi tnaqqis affattu.

    2.   Fejn ikun ġie stabbilit iktar minn każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ atti jew standards varji tal-istess żona ta’ konformità reċiproka, dawk il-każi għandhom, għall-finijiet tal-iffissar tat-tnaqqis skond il-paragrafu 1, jitqiesu bħala nuqqas ta’ konformità waħda.

    3.   Fejn ikun hemm iktar minn-nuqqas ta’ konformità wieħed fir-rigward ta’ żoni differenti ta’ konformità reċiproka, il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis kif stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi regola li tikkostitwixxi rekwiżit ukoll hija meqjusa bħala każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

    Il-perċentwali li jirriżultaw mit-tnaqqis għandhom jiżdiedu. It-tnaqqis massimu għandu, iżda, ma jisboqx il-5 % tal-ammont kollu msemmi fil-paragrafu 1.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-każi ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata skond l-Artikolu 6, fejn ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità ripetut, il-perċentwal iffissat skond il-paragrafu 1 fir-rigward tal-ewwel nuqqas ta’ konformità għandu, fir-rigward tal-ewwel repetizzjoni, jiġi moltiplikat bil-fatturvta’ tlieta. Għal dan il-għan, l-Aġenzija tal-Ħlas għandha, fil każ fejn il-perċentwal kien iffissat skond il-paragrafu 2 jistabbilixxi l-perċentwal li kieku kien jiġi applikat għall-ewwel nuqqas ta’ konformità mal-ħtieġa jew standard konċernat.

    Fil-każ ta’ iktar repetizzjonijiet il-fattur ta’ moltiplikazzjoni ta’ tlieta għandu jiġi applikat kull darba għar-riżultat tat-tnaqqis iffissat fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ripetut ta’ qabel. It-tnaqqis massimu għandu, iżda, ma jisboqx il-15 % tal-ammont kollu msemmi fil-paragrafu 1.

    Malli l-perċentwal massimu ta’ 15 % jkun intlaħaq, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-bidwi konċernat li jekk jerġa jiġi stabbilit l-istess nuqqas ta’ konformità, għandu jitqies li jkun aġixxa intenzjonalment skond it-tifsira tal-Artikolu 6. Fejn jiġi stabbilit iktar nuqqas ta’ konformità wara dan, il-perċentwal ta’ tnaqqis li għandu jiġi applikat għandu jiġi ffissat billi jiġi moltiplikat ir-riżultat tal-moltiplikazzjoni ta’ qabel, fejn japplika, qabel il-limitazzjoni ta’ 15 % li hemm provvediment dwarha fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tkun ġiet applikata, bil-fattur ta’ tlieta.

    5.   Meta jinstab nuqqas ta’ konformità ripetut magħdud ma’ nuqqas ta’ konformità ieħor jew nuqqas ta’ konformità ripetut, il-persentaġġi tat-tnaqqis li jirriżultaw minn dan għandhom jiġu magħduda flimkien. Mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4, it-tnaqqis massimu ma jistax jeċċedi l-15 % ta’ l-ammont totali kkontemplat fil-paragrafu 1.

    Artikolu 67

    Applikazzjoni ta’ tnaqqis u esklużjonijiet fil-każi ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1, fejn in-nuqqas ta’ konformità stabbilit ikun ġie kommess intenzjonalment mill-bidwi, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont sħiħ imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont sħiħ.

    Iżda, l-Aġenzija tal-Ħlas tista’, fuq il-bażi tal-istima tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll fir-rapport tal-kontroll skond l-Artikolu 48(1)(ċ), tiddeċiedi li tnaqqas dak il-perċentwal għal mhux anqas minn 15 % jew, fejn xieraq, iżżid il-perċentwal sa 100 % ta’ dak l-ammont sħiħ.

    2.   Fejn in-nuqqas ta’ konformità intenzjonat ikun jirrelata ma’ skema partikolari ta’ għajnuna, il-bidwi għandu jiġi eskluż minn dik l-iskema ta’ għajnuna għas-sena kalendarja in kwistjoni.

    Fil-każ ta’ limitu estrem ta’ severità jew permanenza jew fejn in-nuqqas ta’ konformità ripetut intenzjonali jkun ġie stabbilit, il-bidwi għandu, b’żieda, jiġi eskluż mill-iskema ta’ gġajnuna konċernata fis-sena kalendarja ta’ wara”.

    Applikazzjoni fiż-żmien tal-penali amministrattivi previsti mill-atti Komunitarji

    35

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li:

    “1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

    2.   “Irregolarità” għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata”.

    36

    It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ dan l-istess regolament hija fformulata kif ġej:

    “Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv”.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    37

    Fil-Ġermanja, il-liġi li tittrasponi r-riforma tal-politika agrikola komuni (Gesetz zur Umsetzung der Reform der Gemeinsamen Agrarpolitik), tal-21 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1763), tipprovdi li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, il-primjum għall-baqar li jreddgħu għandu jitħallas bħala parti mill-iskema ta’ pagament uniku kkontemplata fit-titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003. Barra minn hekk, din il-liġi tapplika b’mod reġjonali l-iskema ta’ pagament uniku.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    38

    F’Mejju 2001, R. Jager applika lill-Amt għal primjum għall-baqar li jreddgħu għal 71 annimal ta’ l-ifrat għas-sena 2001.

    39

    B’deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, l-Amt ċaħad in toto din l-applikazzjoni minħabba li, wara verifika fuq il-post, kienu rilevati xi irregolaritajiet fis-sens ta’ l-Artikolu 10c(1) tar-Regolament Nru 3887/92, fejn id-differenza kkonstatata kienet ta’ iktar minn 20 % tan-numru ta’ annimali eliġibbli.

    40

    Wara lment li ma ħalla ebda riżultat, R. Jager, fil-25 ta’ Lulju 2002, ressaq rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Schwerin,.

    41

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti tosserva li, fid-dawl tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u tas-sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, Gerken (C-295/02, Ġabra p. I-6369), li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ l-applikazzjoni tal-penali l-inqas ħarxa, ir-Regolament Nru 118/2004 huwa f’kull każ rilevanti għal din il-kwistjoni, peress li dan l-aħħar regolament introduċa, fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 2419/200, limitu massimu, jiġifieri li t-tnaqqis ta’ l-għajnuna ma jistax jaqbeż l-20 % ta’ l-ammont totali ta’ l-għajnuna li għalih huwa intitolat il-bidwi taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-ifrat għall-perijodu ta’ referenza tal-primjum ikkonċernat.

    42

    L-imsemmija qorti tikkunsidra madankollu li r-Regolament Nru 796/2004, li japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna ppreżentati għas-snin ta’ marketing jew għall-perijodi ta’ referenza tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2005, hija saħansitra iktar favorevoli għal R. Jager. Fil-fatt, l-Artikoli 57 sa 63 ta’ dan ir-regolament, li jirriproduċu fil-parti l-kbira d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 36 sa 43 tar-Regolament Nru 2419/2001, ma fihomx madankollu dispożizzjoni simili għall-Artikolu 39 ta’ dan l-aħħar regolament. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ kull penali hija l-penali l-inqas ħarxa li tista’ tiġi immaġinata għal R. Jager.

    43

    Il-Verwaltungsgericht Schwerin tistaqsi madankollu jekk din id-dispożizzjoni iktar favorevoli tapplikax fil-każ prinċipali, in kwantu, fil-Ġermanja, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, il-primjum għall-baqar li jreddgħu huwa mogħti bħala pagament uniku, b’mod li d-dispożizzjonijiet relattivi għall-primjum ta’ l-“annimali” li jinsabu fl-Artikoli 57 sa 63 tar-Regolament Nru 796/2004 mhumiex applikabbli f’dan l-Istat Membru.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Schwerin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

    “[D]ispożizzjoni li tipprovdi penali inqas ħorox (għal dak li jikkonċerna primjum għall-annimali) [għandha] tiġi applikata retroattivament anke jekk l-istess dispożizzjoni, fil-prinċipju, hija applikabbli biss għal perijodu li fih il-primjum għall-annimali mhuwiex iktar mogħti fl-Istat Membru kkonċernat, fejn skema ta’ appoġġ dirett kienet ġiet stabbilita [?]”

    Fuq id-domanda preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata tad-domanda preliminari

    45

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 57 sa 63 tar-Regolament Nru 796/2004 japplikaw rettorattivament għal applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 3887/92, li ta lok għal esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 10ċ ta’ dan l-aħħar regolament, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 796/2004 mhumiex applikabbli ratione materiae fl-Istat Membru kkonċernat.

    46

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, istitwita mill-Artikolu 234 KE, huwa ta’ kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li ġew sottomessi lilha (sentenzi ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Haug, C-286/05, Ġabra p. I-4121, punt 17, u tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C-45/06, Ġabra I-2089, punt 30).

    47

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar il-kawża li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2002, Strawson u Gagg & Sons, C-304/00, Ġabra p. I-10737, punt 58, kif ukoll Campina, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

    48

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li, fir-rigward ta’ l-irregolarità in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward ta’ ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna, tar-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1760/2000, ir-Regolament Nru 796/2004, li daħal fis-seħħ matul il-proċeduri fil-kawża prinċipali, ma jipprevedix iktar l-iċken penali, kuntrarjament għar-Regolament Nru 3887/92 kif ukoll għar-Regolament Nru 2419/2001, li ġie mħassar u ssostitwit minn dan ta’ l-aħħar.

    49

    Hekk kif ġustament sostnew R. Jager, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, din il-premessa hija żbaljata.

    50

    Ċerament, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, bid-differenza ta’ l-Artikoli 36 sa 43 tar-Regolament Nru 2419/2001, li jinkludu d-dispożizzjonijiet applikabbli f’dak li jirrigwarda l-bażi għall-kalkulazzjoni, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet relatati ma’ l-applikazzjonijiet għal għajnuna għall-“annimali”, l-Artikoli 57 sa 63 tar-Regolament Nru 796/2004, li għandhom l-istess suġġett, ma jinkludux dispożizzjoni simili għall-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2419/2001, li, bħall-Artikolu 10ċ tar-Regolament Nru 3887/92 li huwa ħa post, kien jirrigwarda speċifikament it-tnaqqis ta’ l-ammont ta’ għajnuna għall-ifrat fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward ta’ l-annimali li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna, tar-regoli ta’ reġistrazzjoni u ta’ identifikazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000.

    51

    Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dan li r-Regolament Nru 796/2004 ma fih ebda dispożizzjoni oħra f’dan ir-rigward.

    52

    Fil-fatt, fil-kuntest tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) stabbilita mir-Regolament Nru 1782/2003, li dwaru r-Regolament Nru 796/2004 jippreċiża ċerti regoli dettaljati ta’ applikazzjoni, ir-regoli fil-qasam ta’ reġistrazzjoni u ta’ identifikazzjoni ta’ l-ifrat stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000 minn issa ’l quddiem huma suġġetti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 moqri flimkien mal-punt A(8) ta’ l-Anness III tiegħu, għall-kundizzjonijiet amministrattivi statutorji msemmija fl-Anness III li kull benefiċjarju ta’ pagamenti diretti għandu josserva skond il-konformità reċiproka, u dan kemm fl-Istati Membri li adottaw l-iskema ta’ pagament uniku prevista fit-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll f’dawk li għażlu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 68 ta’ dan ir-Regolament, għat-“tgħaqqid mill-ġdid” parzjali tal-pagamenti għal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella msemmija fit-Titolu IV ta’ dan l-istess regolament u, għaldaqstant, kemm f’dak illi jirrigwarda l-ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna u kemm f’dak li jirrigwarda dawk li huma s-suġġett ta’ dawn.

    53

    Issa, skond l-Artikoli 6(1) u 7(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, u kif jirriżulta mit-tieni premessa ta’ dan ir-regolament, il-ksur tar-regoli relattivi għall-konformità reċiproka jagħti lok għal tnaqqis u għal esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004.

    54

    Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward ta’ ifrat li, bħal fil-kawża prinċipali, mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjoni għal għajnuna, tar-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000 jaqa’ taħt l-imsemmija Artikoli 66 u 67, dwar il-konformità reċiproka.

    55

    Minn naħa l-oħra, l-Artikoli 57 sa 63 tar-Regolament Nru 796/2004, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, mhumiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, billi huma jipprevedu t-tnaqqis u l-eskluzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għal għajnuna għall-“annimali”.

    56

    Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1782/2003 u mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 796/2004, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex japplikaw, bħala regoli relattivi għall-ksur ta’ kriterji ta’ eleġibbiltà, biss meta r-rekwiżiti fil-qasam ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni previsti fir-Regolament Nru 1760/2000 mhumiex osservati fir-rigward ta’ ifrat li huma s-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna.

    57

    Min-naħa l-oħra, u għall-istess raġuni, dispożizzjonijiet bħal dawn, hekk kif jirriżulta mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 796/2004, jistgħu jiġu applikati biss fl-Istati Membri li għażlu t-“tgħaqqid mill-ġdid” parzjali tal-pagamenti għal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, b’mod illi huma inapplikabbli f’dawk illi, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, adottaw mill-ewwel l-iskema ta’ pagament uniku.

    58

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li tiġi fformulata mill-ġdid id-domanda magħmula u li jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, din il-qorti qed tfittex li ssir taf jekk it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004 japplikaw rettorattivament għal applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 3887/92, li ta lok għal esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 10ċ ta’ dan l-aħħar regolament.

    Fuq l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95

    59

    Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-penali l-inqas ħarxa jifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, b’mod illi għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett tiegħu u li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tosserva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 67 sa 69, kif ukoll Campina, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    60

    Dan il-prinċipju huwa espress b’mod partikolari fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, dispożizzjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw b’mod retroattiv, għal imġieba li tikkostitwixxi irregolarità skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-emendi sussegwenti li saru minn dispożizzjonijiet li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja settorjali li tistabbilixxi penali amministrattivi inqas ħorox (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 41; Gerken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; Campina, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C-45/05, Ġabra p. I-3997, punt 55).

    61

    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-qasam tal-verifiki u tal-penali ta’ l-irregolaritajiet imwettqa fid-dritt Komunitarju, il-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, stabbilixxa serje ta’ prinċipji ġenerali u eżiġa li, bħala regola ġenerali, ir-regolamenti settorali kollha josservaw dawn il-prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C-94/05, Ġabra p. I-2619, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 60 ta’ din is-sentenza preżenti humiex sodisfatti f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

    63

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000, li għalihom l-Artikolu 10ċ tar-Regolament Nru 3887/92 huwa applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, billi dan il-ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Gerken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

    64

    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li esklużjoni totali mill-benefiċċju ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-“annimali” in kwistjoni għall-perijodu ta’ tnax il-xhar li preċeda l-verifika, prevista fl-Artikolu 10c(3) tar-Regolament Nru 3887/92, bħal dik imposta fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi manifestament “penali amministrattiva” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Schilling u Nehring, C-63/00, Ġabra p. I-4483, punti 26 u 27, kif ukoll Gerken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, National Farmers’ Union et, punt 40, u Haug, punt 21).

    65

    It-tielet nett, fir-rigward tal-punt li jkun magħruf jekk din is-sistema ta’ penali kinitx is-suġġett ta’ “emenda sussegwenti” fis-sens tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi mfakkar li, wara l-introduzzjoni ta’ l-applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 3887/92 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 2419/2001.

    66

    Hekk kif il-qorti tar-rinviju stess ikkonstatat, u kif il-partijiet kollha kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ammettew ukoll, l-Artikolu 39(1) ta’ dan l-aħħar regolament, li fil-verżjoni tiegħu emendata bl-Artikolu 1(11)(a) tar-Regolament Nru 118/2004, jintroduċi limitu massimu għat-tnaqqis applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward ta’ ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna, tar-regoli fil-qasam ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000, jikkostitwixxi tali “emenda sussegwenti” tas-sistema ta’ penali ddefinta fl-Artikolu 10ċ tar-Regolament Nru 3887/92. Fil-fatt, dan l-Artikolu 39(1), li ġie ssostitwit b’dan l-Artikolu 10c, għandu bħala għan, fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-ifrat stabbilita mir-Regolament Nru 1254/1999, li jillimita l-intensità tal-penali applikabbli għal din l-irregolarità (ara, b’mod simili, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Campina, punti 36 sa 38).

    67

    Min-naħa l-oħra, dawn il-persuni kkonċernati ma jaqblux fuq il-punt li jkun magħruf jekk is-sistema ta’ penali stabbilita fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004, li daħlet fis-seħħ wara r-Regolament Nru 118/2004, tikkostitwixxix ukoll “emenda sussegwenti”, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

    68

    Il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni timplika bidla fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward ta’ l-irregolarità kkonċernata. Hija tirrileva, essenzjalment, bħall-Amt u l-Gvern Elleniku, li r-Regolament Nru 796/2004 totalment irristruttura u adatta d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-penali għar-rekwiżiti riveduti ta’ l-iskema ta’ pagament uniku u tal-konformità reċiproka stabbiliti mir-Regolament Nru 1782/2003. La l-premessi tar-Regolament Nru 796/2004 u lanqas il-kuntest ġenerali ta’ dan ma jippermettu li jiġi konkluż li l-penali kkontemplati fl-Artikoli 66 u 67 ta’ dan ir-regolament kienu ġew adottati bil-għan li fil-futur jiġu ppenalizzati b’moq inqas aħrax ċerti irregolaritajiet mwettqa taħt is-sistema preċedenti.

    69

    Min-naħa l-oħra, R. Jager iqis, li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 796/2004 ma tistax awtomatikament tiġi eskluża biss minħabba li dan ta’ l-aħħar jaqa’ taħt il-kuntest tar-riforma tal-PAK. Fil-fatt il-qorti tar-rinviju kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, dan ir-regolament, sabiex jiddeterminaw, b’kalkolu komparattiv magħmul fuq il-bażi ta’ data speċifika għall-kawża prinċipali, jekk l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 66 u 67 ta’ dan twassal għal penali inqas ħarxa f’dak li jikkonċerna l-irregolarità kkonstatata.

    70

    Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punti 71 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistema ta’ penali stabbilita fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolalement Nru 796/2004 m’għandhiex bħala għan li tbiddel in-natura jew l-intensità tal-penali applikabbli fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-ifrat stabbilita mir-Regolament Nru 1254/1999 iżda hija intiża sabiex tadatthom, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1782/2003, għall-kuntest leġiżlattiv il-ġdid li rriżulta mir-riforma tal-PAK introdotta minn dan l-aħħar regolament, sabiex tinżamm il-koerenza tas-sistema ta’ penali applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna kkonċernati fir-rigward tal-prinċipji li huma l-bażi ta’ din ir-riforma. Għalhekk, is-sistema stabbilita mill-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004 ma tirreflettix għaldaqstant bidla fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarji fir-rigward tan-natura xierqa tal-penali fil-konfront tas-severità ta’ l-irregolarità in kwistjoni.

    71

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, mit-tieni u mill-erbgħa u għoxrin premessa ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-ħamsa u ħamsin u mis-sitta u ħamsin premessa tar-Regolament Nru 796/2004, is-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet applikabbli fil-qasam tal-konformità reċiproka hija intiża sabiex tħajjar lill-bdiewa josservaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fl-oqsma differenti ta’ din il-konformità reċiproka sabiex jiġu inklużi fil-PAK ir-regoli dwar, b’mod partikolari, is-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali, l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali.

    72

    Ċertament, hekk kif il-Kummissjoni stess irrilevat matul is-seduta, l-Artikoli 10ċ tar-Regolament Nru 3887/92 u 39(1) tar-Regolament Nru 2419/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2004, peress li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ penali f’kaz ta’ nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward ta’ ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna, tar-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000, jistgħu jiġi kkunsidrati bħala li jfittxu għan simili għall-konformità reċiproka.

    73

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, wara r-riforma tal-PAK, l-osservanza ta’ dawn l-istess regoli issa hija parti minn kuntest regolatorju fundamentalment differenti li jipprevedi sistema ta’ appoġġ mhux iktar għall-produzzjoni, iżda għall-produttur, taħt il-forma ta’ pagament uniku kundizzjonat għall-osservanza ta’ serje ta’ standards f’oqsma bħas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali, l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali. Dawn ir-regoli għaldaqstant fil-preżent jaqgħu taħt sistema globali li fiha, konformament ma’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, minn naħa, japplikaw għall-benefiċjarji kollha ta’ pagamenti diretti bħala regoli komuni applikabbli għall-iskemi kollha ta’ għajnuna previsti minn dan ir-regolament, u, għaldaqstant, barra mill-kuntest ta’ l-iskemi biss ta’ għajnuna għall-ifrat, u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu biss uħud mill-istandards li għandhom jiġu osservati taħt il-konformità reċiproka.

    74

    Fid-dawl ta’ dan il-għan, il-leġiżlatur Komunitarju twassal sabiex jadatta s-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000 f’dak li jirrigwarda kemm il-bażi tal-penali kif ukoll l-ammont tagħha, sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ qbil mar-regoli tal-konformità reċiproka stabbiliti sa dak iż-żmien mir-Regolament Nru 1782/2003.

    75

    Għalhekk, fir-rigward tal-bażi tal-penali, peress illi dawn ir-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat minn issa’l quddiem jagħmlu parti mir-regoli komuni li kull benefiċjarju ta’ pagamenti diretti għandu josserva, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli, hekk kif previsti fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004, japplikaw mhux iktar biss għall-ammonti rċevuti taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-ifrat, iżda, hekk kif jiddisponi l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, għall-ammont totali tal-pagamenti diretti li dan l-aħħar regolament jirreferi għalihom.

    76

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ammont totali tal-pagamenti diretti mogħtija fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tar-riforma tal-PAK ma jikkorrispondix għall-ammont totali tal-pagamenti diretti rċevuti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni applikabli preċedentement għal din.

    77

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-ammont totali tal-pagamenti diretti li fuq il-bażi tiegħu huwa ddeterminat it-tnaqqis stabbilit mir-Regolament Nru 796/2004 huwa suġġett għall-modulazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll, skond il-każ, għad-dixxiplina finanzjarja stabbilita fl-Artikolu 11 ta’ dan.

    78

    Barra minn hekk, dan l-ammont totali jista’ jkun effettwat mill-għażla mogħtija lill-Istati Membri, skond l-Artikoli 58 sa 63 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jipproċedu, bħal fl-eżempju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għar-reġjonalizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku, in kwantu tali reġjonalizzazzjoni timplika determinazzjoni tal-pagament uniku b’rata fissa favur il-benefiċjarji stabbiliti fir-reġjuni kkonċernati.

    79

    Fir-rigward ta’ l-ammont tal-penali, billi r-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000 issa jikkostitwixxu biss uħud mill-istandards li għandhom jiġu osservati taħt il-konformità reċiproka, dan l-ammont ma jikkonsistix iktar fi tnaqqis awtomatiku ta’ l-għajnuna, li fejn xieraq huwa suġġett għal limitu, stabbilit abbażi tan-numru ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tan-numru ta’ annimali preżenti fuq l-art, iżda jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ tnaqqis stabbilit minn qabel, li l-intensità tiegħu tvarja, skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, skond is-severità, il-miżura, il-permanenza u r-repetizzjoni ta’ kull każ ta’ nuqqas ta’ konformità, u li fuq il-bażi tiegħu l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu stabbilixxew, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48(1)(ċ) tar-Regolament Nru 796/2004, stima evalwattiva ta’ l-importanza tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ kull waħda mir-regoli dwar il-konformità reċiproka, jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu jew li jżidu l-perċentwali tat-tnaqqis, jew li ma jagħmlu ebda tnaqqis.

    80

    Barra minn dan, skond l-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 796/2004, fejn ikun ġie kkonstatat iktar minn każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ oqsma differenti suġġetti għall-konformità reċiproka, il-perċentwali ta’ tnaqqis relatati ma’ kull każ huma, sa ċertu limitu, miżjuda flimkien.

    81

    Billi, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1782/2003, ir-regoli issa imposti skond il-konformità reciproka għajr dawk fil-qasam ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat stabbiliti mir-Regolament Nru 1760/2000 ma kinux jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati għall-għoti ta’ għajnuna għall-ifrat u li, għaldaqstant, ma kinux is-suġġett tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, il-ksur tagħhom ma setax jiġi kkonstatat minn dawn għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ penali f’dak illi jirrigwarda din l-għajnuna.

    82

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ penali prevista fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004, billi hija direttament u strettament marbuta mar-riforma tal-PAK introdotta mir-Regolament Nru 1782/2003, ma tistax, mingħajr ma tiżnatura is-sistema tal-konformità reċiproka kif kienet ġiet stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju fil-qafas ta’ din ir-riforma, tkun trasposta għal każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli ta’ identifkazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat li jaqgħu ratione temporis taħt ir-Regolament Nru 3887/92.

    83

    Għaldaqstant, mingħajr mhemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni, anki jekk possibbli, tad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sistema ta’ penali jew, skond il-każ, ta’ uħud minnhom timplika penali amministrattiva inqas ħarxa f’sitwazzjoni bħal dik ta’ R. Jager, jeħtieġ li jiġi konkluż illi, billi din is-sistema ma tikkostitwixxix “emenda sussegwenti”, fis-sens tat-tieni frażi ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, tas-sistema ta’ penali prevista mir-Regolament Nru 2419/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2004, din ma tistax tiġi invokata f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali.

    84

    Min-naħa l-oħra, kif il-qorti tar-rinviju stess ikkonstatat u kif il-partijiet kollha kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ammettew, l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 2419/2001, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 118/2004, jista’ jiġi invokat f’tali kuntest. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, tikkostitwixxi tali “emenda sussegwenti” ta’ l-Artikolu 10ċ tar-Regolament Nru 3887/92, tinkludi, safejn din stabbiliet, b’mod partikolari, limitu massimu għat-tnaqqis applikabbli, sistema ta’ penali inqas ħorox minn dawk stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika retroattivament għal R. Jager id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 39(1).

    85

    Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004 ma jistgħux japplikaw rettorattivament għal applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 3887/92, li ta lok għal esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 10ċ ta’ dan ir-regolament.

    Fuq l-ispejjeż

    86

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ konformità [reċiproka], modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll [sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, kif emendat u korrett bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 239/2005, tal-11 ta’ Frar 2005, ma jistgħux japplikaw rettorattivament għal applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jippreskrivi regoli għall-applikazzjoni ta’ sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiv għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2801/1999, tal-21 ta’ Diċembru 1999, li ta lok għal esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 10ċ ta’ dan ir-regolament.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top