Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0319

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-19 ta' Ġunju 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Kollokament ta’ ħaddiema - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Direttiva 96/71/KE - Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku - Mistrieħ fil-ġimgħa - Obbligu ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti dwar kollokament fuq sempliċi talba mill-awtoritajiet nazzjonali - Obbligu li jiġi appuntat mandatarju ad hoc residenti fil-Lussemburgu u li jikkonserva d-dokumenti neċessarji kollha għall-finijiet ta’ kontroll.
Kawża C-319/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:350

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kollokament ta’ ħaddiema — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 96/71/KE — Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku — Mistrieħ fil-ġimgħa — Obbligu ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti dwar kollokament fuq sempliċi talba mill-awtoritajiet nazzjonali — Obbligu li jiġi appuntat mandatarju ad hoc residenti fil-Lussemburgu u li jikkonserva d-dokumenti neċessarji kollha għall-finijiet ta’ kontroll”

Fil-Kawża C-319/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Enegren u G. Rozet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li,

billi ddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(1), (2), (8) u (11) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar traspożizzjoni tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas [kuntest] ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi u fuq il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt tax-xogħol (Mémorial A 2002, p. 3722, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002”) jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali;

billi ttraspona b’mod mhux komplut id-dispożiżżjonijiet tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 96/71 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1);

billi, fl-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, stabbilixxa l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’mod li ma kellux il-kjarezza meħtieġa sabiex jassigura ċ-ċertezza legali tal-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu, u

billi fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi ordna li fil-Lussemburgu għandhom jiġu kkonservati d-dokumenti meħtieġa għall-kontroll f’idejn mandatarju ad hoc li jkun residenti hemmhekk,

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71 kif ukoll skont l-Artikoli 49 KE u 50 KE.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

Taħt it-titolu “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

skont liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi;

u/jew

bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

a)

il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ;

b)

it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

ċ)

ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

d)

il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni ta’ ħaddiema, b’mod partikolari l-fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ impjieg temporanju;;

e)

is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

f)

miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;

g)

it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.

[…]

10.   Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati oħra, fuq bażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament ta’

it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sa fejn għandhom x’jaqsmu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku;

it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk imsemmija fl-Anness.”

3

Matul l-adozzjoni tad-Direttiva 96/71, id-Dikjarazzjoni Nru 10 dwar l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 10”) ġiet imniżżla fil-proċess-verbali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-termini segwenti:

“Il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku’ għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jkopru dawk tad-dispożizzjonijiet obbligatorji li wieħed ma jistax jidderoga minnhom u li, min-natura u l-għan tagħhom, jirrispondu għall-ħtiġiet imperattivi ta’ l-interess pubbliku. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikulari, il-projbizzjoni tax-xogħol forzat jew l-involviment ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fil-monitoraġġ ta’ l-osservanza tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ impjieg.””

Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża

4

L-Artikolu 1 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jipprovdi:

“(1)   Huma dispożizzjonijiet imperattivi dwar l-ordni pubbliku nazzjonali, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ ordni konvenzjonali jew kuntrattwali skont il-liġi tas-27 ta’ Marzu 1986 dwar l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 fuq il-liġi li tapplika għall-obbligi kuntrattwali, li bħala tali huma applikabbli għall-ħaddiema kollha li jeżerċitaw attività fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, inklużi dawk li huma kollokati b’mod temporanju, irrispettivament mid-dewmien jew in-natura tal-kollokament, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-ftehim kollettivi ddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali jew b’deċiżjoni ta’ arbitraġġ li għandha kamp ta’ applikazzjoni simili għal dak ta’ ftehim kollettivi ta’ obbligu ġenerali, li jirrigwardaw:

1.

il-kuntratt ta’ impjieg bil-miktub jew id-dokument magħmul skont id-Direttiva 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg [(ĠU L 288, p. 32)];

2.

il-ħlas soċjali minimu u l-aġġustament awtomatiku tar-remunerazzjoni skont l-għoli tal-ħajja;

3.

iż-żmien tax-xogħol u l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa;

4.

il-vaganzi mħallsa;

5.

il-vaganzi kollettivi;

6.

il-ġranet ta’ vaganzi legali;

7.

ir-regolamentazzjoni tax-xogħol temporanju u self ta’ ħaddiema;

8.

ir-regolamentazzjoni tal-impjieg part-time u għal żmien fiss;

9.

il-miżuri ta’ protezzjoni applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg tat-tfal u taż-żgħażagħ, nisa tqal u ta’ nisa li għadhom kif welldu;

10.

in-non-diskriminazzjoni;

11.

il-ftehim kollettivi ta’ xogħol;

12.

l-inattività obbligatorja skont il-leġiżlazzjoni fuq il-qgħad minħabba temp ħażin u minħabba tkeċċija;

13.

ix-xogħol klandestin jew illegali, inklużi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-permessi ta’ xogħol għall-ħaddiema li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea;

14.

is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol inġenerali u b’mod partikulari r-regoli għall-prevenzjoni tal-inċidenti tal-Assoċjazzjoni ta’ assigurazzjoni kontra l-inċidenti stabbiliti skont l-Artikolu 154 tal-Kodiċi tal-assigurazzjonijiet socjali u l-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa stabbiliti b’regolament tal-Gran Dukat fuq parir mandatorju tal-Kunsill tal-Istat u tal-kunsens tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kamra tad-Deputati abbażi tal-Artikolu 14 tal-liġi emendata tas-17 ta’ Ġunju 1994 dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

(2)   Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu japplikaw għall-ħaddiema, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jkunu impjegati minn kwalunkwe impriża, bla ħsara kemm għan-nazzjonalità tagħhom kif ukoll għall-post legali jew effettiv tal-uffiċċju rreġistrat tal-istess.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din l-istess liġi jipprovdi:

“(1)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu (1) ta’ din il-liġi japplikaw ukoll għall-impriżi li, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, salv għall-baħħara li jaħdmu fis-settur marittimu merkantili li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

(2)   Bit-terminu ‘jikkolloka’ skont il-paragrafu (1) hawn fuq, wieħed għandu jifhem l-operazzjonijiet segwenti magħmulin mill-impriżi kkonċernati, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem matul il-perijodu tal-kollokament:

1.

il-kollokament ta’ ħaddiem, anke jekk għal żmien qasir jew speċifiku, għan-nom u taħt it-tmexxija tal-impriżi, bħal dawk ikkunsidrati fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-provvista tas-servizzi li jkun stabbilit jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu;

2.

il-kollokament, anke jekk għal żmien qasir jew speċifiku, ta’ ħaddiem fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fi stabbiliment li jappartjeni lill-impriża li tibgħat jew f’impriża li tappartjeni lill-grupp li minnu tifforma parti l-impriża li tibgħat;

3.

il-kollokament, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi tad-19 ta’ Mejju 1994 dwar ir-regolamentazzjoni tax-xogħol temporanju u s-self temporanju ta’ ħaddiema, minn impriża ta’ xogħol temporanju, jew fil-kuntest ta’ self ta’ ħaddiema, ta’ ħaddiem ma’ impriża utenti stabbilita jew li teżerċita l-attività tagħha fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, u dan għal żmien qasir jew speċifiku.

(3)   B’ħaddiem kollokat wieħed għandu jifhem kull ħaddiem li normalment jaħdem barra mill-pajjiż u li, matul perijodu limitat, iwettaq ix-xogħol tiegħu fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

(4)   Il-kunċett tar-relazzjoni ta’ impjieg għandu jiġi ddefinit skont id-dritt Lussemburgiż.”

6

L-Artikolu 7 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jipprovdi:

“(1)   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-impriża, inkluża dik li l-uffiċċju rreġistrat tagħha huwa stabbilit barra mit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew li normalment twettaq ix-xogħol tagħha barra mit-territorju tal-Lussemburgu, fejn ħaddiem wieħed jew iktar jeżerċitaw attività fil-Lussemburgu, inklużi dawk li jiġu kollokati temporanjament skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 ta’ din il-liġi, għandha, qabel ma tibda topera, tagħmel aċċessibbli għall-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini, fuq sempliċi talba u fl-iqsar żmien possibbli, id-dettalji essenzjali li huma indispensabbli għal kontroll, u b’mod partikulari:

il-kunjom, l-isem, id-data u post tat-twelid, l-istat ċivili, in-nazzjonalità u l-professjoni tal-ħaddiema;

il-kwalifiki preċiżi tal-ħaddiema;

il-kariga li fiha ġew impjegati fl-impriżi u x-xogħol li jkun qed jingħatalhom b’mod regolari hemmhekk;

id-domiċilju, u jekk ikun il-każ, ir-residenza abitwali tal-ħaddiema;

jekk ikun il-każ, il-permess ta’ residenza u l-permess tax-xogħol;

il-post jew postijiet tax-xogħol fil-Lussemburgu u l-perijodu tax-xogħol;

kopja tal-formola E 101, jew, jekk ikun il-każ, id-dettalji preċiżi tal-korpi tas-sigurtà soċjali li magħhom il-ħaddiema jkunu affiljati matul ir-residenza tagħhom fit-territorju Lussemburgiż;

kopja tal-kuntratt ta’ impjieg jew tad-dokument skont id-Direttiva 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligu ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg.

(2)   L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu tista’ tiġi ppreċiżata b’regolament tal-Gran Dukat.”

7

L-Artikolu 8 ta’ din l-istess liġi jipprovdi:

“Kull impriża b’mod ġenerali, li hija stabbilita u li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha barra mill-pajjiż, jew li m’għandhiex uffiċċju stabbli fil-Lussemburgu fis-sens tal-liġi fiskali, fejn ħaddiem wieħed jew iktar, bi kwalunkwe mod, jeżerċitaw attivitajiet fil-Lussemburgu, għandha l-obbligu li tikkonserva f’idejn mandatarju ad hoc residenti fil-Lussemburgu, id-dokumenti meħtieġa għall-verifika tal-obbligi li hija għandha skont din il-liġi, u partikularment tal-Artikolu 7 hawn fuq.

L-imsemmija dokumenti għandhom jiġu ppreżentati fl-iqsar żmien possibbli lill-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini, fuq sempliċi talba tiegħu. Huwa obbligu tal-impriża li tinforma lill-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini minn qabel dwar il-post preċiż fejn jinsabu d-dokumenti, permezz ta’ ittra bil-posta reġistrata b’talba għall-konferma li din ġiet irċevuta, taħt ir-responsabbiltà tal-impriża jew tal-mandatarju tagħha msemmi fis-subparagrafu preċedenti, mhux iktar tard mill-eżerċizzju tal-impjieg inkwistjoni.”

Il-proċedura prekontenzjuża

8

B’ittra ta’ intimazzjoni tal-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi l-possibbiltà li l-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 kienet tmur kontra d-dritt Komunitarju. B’mod partikolari, din il-liġi:

timponi lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu l-osservazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li huma lil hinn minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71;

ma tiggarantix lill-ħaddiema kollokati, minbarra l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa, l-osservanza ta’ perijodu ieħor ta’ mistrieħ (mistrieħ ta’ kuljum);

m’għandhiex iċ-ċarezza neċessarja sabiex tassigura ċ-ċertezza legali li tobbliga lill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu li jagħmlu aċċessibbli lill-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini qabel il-bidu tax-xogħlijiet, fuq sempliċi talba u fl-iqsar żmien possibbli, l-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll, u

tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi teħtieġ mill-impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew li mhumiex stabbiliti hemmhekk b’mod stabbli sabiex jikkonservaw id-dokumenti neċessarji għall-kontroll f’idejn mandatarju ad hoc li huwa residenti f’dan l-Istat Membru.

9

Fit-tweġiba tiegħu tat-30 ta’ Awwissu 2004, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu sostna li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li kienu s-suġġett tal-ewwel ilment invokat f’din l-ittra ta’ intimazzjoni jaqgħu taħt id-“dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku” hekk kif previsti fl-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71.

10

Huwa rrikonoxxxa l-fondatezza tat-tieni lment invokat f’din l-ittra ta’ intimazzjoni.

11

Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ lmenti li jinsabu f’din l-istess ittra, dan l-Istat Membru indika, minn naħa, li l-Artikolu 7 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 ma jimponix dikjarazzjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu li jikkomunika lill-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini l-isem ta’ depożitarju li jikkonserva d-dokumenti meħtieġa mill-liġi kien rekwiżit non-diskriminatorju, indispensabbli għat-tmexxija tal-kontrolli eżerċitati minn din id-diskriminazzjoni.

12

Peress li ma kinitx sodisfatta b’dawn it-tweġibiet, il-Kummissjoni rrepetiet l-ilmenti tagħha f’opinjoni motivata tat-12 ta’ Ottubru 2005 fejn stiednet lill-Gran Dukat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu f’terminu ta’ xahrejn sa minn meta jirċievi din l-opinjoni.

13

Wara li talab terminu supplimentari ta’ sitt ġimgħat, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kkuunsidrax li kien neċessarju li jirrispondi għal din l-opinjoni motivata.

14

Konsegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat, skont l-Artikolu 226 KE, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni mhux korretta tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71

L-argumenti tal-partijiet

15

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ttraspona b’mod mhux korrett l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71.

16

Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod partikolari, li, billi ddikjara b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrattaw oqsma msemmija mir-regoli inkwistjoni bħala dispożizzjonijiet imperattivi li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali, u b’hekk billi jimponi l-osservanza tagħhom mill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jimponi obbligi fuq dawn l-impriżi li jmorru lil hinn minn dak li tipprovdi d-Direttiva 96/71. Skont din l-istituzzjoni, il-kunċett ta’ ordni pubbliku li jinsab fl-Artikolu 3(10) ta’ din id-Direttiva ma jistax jiġi ddeterminat unilateralment minn kull Stat Membru, peress illi dan tal-aħħar mhuwiex liberu li jimponi unilateralment id-dispożizzjonijiet obbligatorji kollha tad-dritt tax-xogħol tiegħu lil persuni li jipprovdu servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

17

Fl-ewwel lok, jikkostitwixxi tali obbligu, dak previst fl-Artikolu 1(1)(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, li jiġi kollokat biss persunal marbut mal-impriżi b’kuntratt tal-impieg bil-miktub jew dokument ieħor ikkunsidrat bħala analogu skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/533.

18

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, f’kull każ, il-kontroll tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/533 jaqa’ fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża kkonċernata kemm jekk ikun ittraspona jew le din id-Direttiva, f’każ ta’ kollokament, fl-Istat Membru ospitanti.

19

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-adattament awtomatiku tar-remunerazzjoni fiż-żieda fl-għoli tal-ħajja, previst fl-Artikolu 1(1)(2) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża tmur kontra d-Direttiva 96/71 li ma tipprovdix leġiżlazzjoni mill-Istat Membru ospitanti dwar ir-rata tas-salarju ħlief f’dak li jikkonċerna s-salarji minimi.

20

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg part-time u għal żmien determinat previst fl-Artikolu 1(1)(8) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni ssostni li, skont id-Direttiva 96/71, mhijiex kompetenza tal-Istat Membru ospitanti li jimponi l-leġiżlazzjoni tiegħu fis-settur tal-impjieg part-time u għal żmien determinat għall-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu.

21

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-obbligu li jirrispetta l-ftehim kollettivi ta’ xogħol, previst fl-Artikolu 1(1)(11) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni ssostni li ma jistgħux jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali l-atti li jagħmlu parti minn kategorija ta’ atti inkwantu tali, indipendentement mill-kontenut materjali tagħhom.

22

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel ilment tal-Kummissjoni huma relatati mad-dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71. F’dan ir-rigward, huwa jsostni, minn naħa, li d-Dikjarazzjoni Nru 10 ma jistax ikollha xi valur ġuridiku vinkolanti u, min-naħa l-oħra, li l-kunċett ta’ dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha li jirrispondu, fil-fehma tal-Istat ospitanti, għall-ħtiġiet imperattivi tal-interess pubbliku. Minbarra dan, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirreferi għall-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

— Osservazzjonijiet preliminari

23

L-ewwel nett, sabiex tingħata tweġiba għall-argument prinċipali ppreżentat bħala difiża mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu jiġi sostnut li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2006/123 ma tissostitwixxix id-Direttiva 96/71, fejn din tipprevali, f’każ ta’ kunflitt, fuq l-ewwel waħda. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/123 sabiex isostni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 96/71, li huwa jiddefendi.

24

Jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 96/71 li l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu kkoordinati b’mod li jipprovdu nukleu ta’ regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima li min iħaddem għandu josserva, fl-Istat Membru ospitanti, meta jikkolloka ħaddiema (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Parneri, C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 59).

25

B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżġuraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, dawn l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jikkollokaw ħaddiema fit-territorji rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, għandhom jiggarantixxu lill-ħaddiema kollokati l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, fir-rigward tal-oqsma msemmija mill-istess Artikolu, li huma ffissati fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu x-xogħol huwa mwettaq (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 18).

26

Sabiex tagħmel dan, din id-dispożizzjoni tipprovdi limitattivament l-oqsma li fihom l-Istati Membri jistgħu iħallu jipprevalu ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti.

27

L-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71 madankollu jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà, fl-osservanza tat-Trattat KE, li jimponu b’mod non-diskriminatorju, lill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tagħhom, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sa fejn dawn għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

28

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, li jipprovdi li jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 14 ta’ dan il-paragrafu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kellu l-intenzjoni li jibbaża fuq l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) ta’ din id-direttiva.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħala dispożizzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà minn Stat Membru hija intiża għad-dispożizzjonijiet li l-osservazzjoni tagħhom ġiet ikkunsidrata bħala kruċjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat, sal-punt li timponi l-osservanza lil kull persuna li ssib ruħha fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew għal kull relazzjoni ġuridika lokalizzata fih (sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 30).

30

B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b’mod strett u li l-iskop tagħha ma jistax jiġi ddeterminat unilateralment mill-Istati Membri (ara, fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 45).

31

Fil-kuntest tad-Direttiva 96/71, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(10) tagħha jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju li l-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru ospitanti jista’ jimponi l-leġiżlazzjoni tiegħu fuq impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Din l-ewwel dispożizzjoni għandha, b’konsegwenza, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

32

Minbarra dan, id-Dikjarazzjoni Nru 10, li dwarha l-Avukat Ġenerali qalet ġustament fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha li hija tista’ tiġi invokata insostenn ta’ interpretazzjoni tal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, tipprovdi li l-kliem “dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku” għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jkopru dawk id-derogi obbligatorji li fir-rigward tagħhom ma tistax issir deroga u li, min-natura u l-għan tagħhom, jirrispondu għal rekwiżiti imperattivi tal-interess pubbliku.

33

F’kull każ, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 96/71 tipprovdi li invokazzjoni tal-possibbiltà li hija tipprovdi ma teżentax lill-Istati Membri milli jirrispettaw l-obbligi imposti fuqhom skont it-Trattat KE, b’mod partikolari, dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fejn l-applikazzjoni tagħhom hija enfasizzata fil-ħames premessa ta’ din id-direttiva.

34

Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ dispożizzonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali.

— F’dak li jikkonċerna r-regola dwar il-kuntratt bil-miktub jew id-dokument stabbilit skont id-Direttiva 91/533, previst fl-Artikolu 1(1)(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002

35

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li din ir-regola tirrigwarda qasam li mhuwiex imsemmi fil-lista li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) skont id-Direttiva 96/71.

36

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu isostni, minn naħa, li l-kundizzjoni kkontestata hija biss tfakkira tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 91/533 u, min-naħa l-oħra, li hija taqa’ taħt l-ordni pubbliku peress li hija għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema.

37

B’hekk kif jinsab fit-tieni premessa tad-Direttiva 91/533, il-ħtieġa li r-relazzjonijiet tax-xogħol jiġu soġġettati għal kundizzjonijiet formali hija primordjali sabiex il-ħaddiema jkollhom protezzjoni mtejba kontra kull ksur possibbli tad-drittijiet tagħhom u sabiex toħloq trasparenza akbar fis-suq tax-xogħol.

38

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet finali meħtieġa biex jaqblu ma’ din l-istess direttiva.

39

B’konsegwenza, kull min iħaddem, inklużi dawk li jwettqu kollokament ta’ ħaddiema, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/533, huma soġġetti, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti, għall-obbligi previsti minn din id-direttiva.

40

B’hekk għandu jiġi kkonstatat li l-osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 1(1)(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 hija ggarantita mill-Istat Membru li minnu joriġinaw il-ħaddiema kollokati.

41

B’hekk, id-dispożizzjoni kkontestata għandha bħala effett li tissoġġetta l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu għal obbligu li huma diġà soġġetti għalih fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Minbarra dan, l-għan tad-Direttiva 96/71 jikkonsisti li jiggarantixxi l-osservanza ta’ nukleu minimu ta’ regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, jagħmel aktar superfluwa l-eżistenza ta’ tali obbligu supplimentari li, fir-rigward tal-proċeduri li huwa jimplika, jista’ jiddiswadi l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi.

42

Madankollu, hija ġurisprudenza kostanti li għalkemm id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta’ xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna impjegata, anke jekk fuq bażi temporanja, indipendentement mill-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ min iħaddem, xorta jibqa’ l-fatt li tali possibbiltà hija soġġetta għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernati, li jwettqu temporanjament xogħlijiet fl-Istat Membru ospitanti, ma jgawdux diġà mill-istess protezzjoni, jew minn protezzjoni essenzjalment paragunabbli, skont obbligi li għalihom min iħaddimhom ikun diġà soġġett fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, Ġabra p. I-10191, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’mod partikolari, diġà ġie deċiż li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inkwantu prinċipju fundamentali tat-Trattat, ma tistax tiġi limitata ħlief peremzz ta’ liġijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u din tapplika għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, sa fejn dan l-interess mhuwiex issalvagwardjat mir-regoli li għalihom min jipprovdi s-servizz huwa soġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Arblade et punt 34, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831, punt 31).

44

Għalkemm dan kien il-każ fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema ggarantita mid-Direttiva 91/533 u invokata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 1(1)(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 mhuwiex konformi mal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, sa fejn mhuwiex impost fl-osservanza tat-Trattat.

— F’dak li jikkonċerna r-regola dwar l-adattament awtomatiku tar-remunerazzjoni għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja previst fl-Artikolu 1(1)(2) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002

45

Jirriżulta mir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni li din tal-aħħar tikkontesta mhux il-fatt li s-salarji minimi huma ffissati fuq l-għoli tal-ħajja, peress illi tali regola taqa’ taħt, kif josserva l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-ewwel subparagrafu taħt (c) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, iżda ċ-ċirkustanza li tali ffissar jikkonċerna r-remunerazzjonijiet kollha, inklużi s-salarji li ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ salarji minimi.

46

Madankollu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 96/71 tippermetti impliċitament lill-Istat Membru ospitanti li jimponi s-sistema ta’ fissazzjoni tiegħu tas-salarji kollha lill-impriżi li jikkollokaw fit-territorju tiegħu.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur Komunitarju, permezz tal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, għandu l-intenzjoni li jillimita l-possibbiltà ta’ intervent lill-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna s-salarji, f’oqsma dwar ir-rati ta’ salarji minimi. Minn dan jirriżulta li l-kundizzjoni tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar l-adattament awtomatiku tas-salarji, minbarra s-salarji minimi, għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja ma taqax taħt l-oqsma msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71.

48

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, madankollu, li l-Artikolu 1(1)(2) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-paċi soċjali fil-Lussemburgu, u li, b’hekk, jikkostitwixxi obbligu ta’ ordni pubbliku, skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, billi tipproteġi l-ħaddiema kontra l-effetti tal-inflazzjoni.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 96/71 tiftaħ il-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jimponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw kwistjonijiet li huma differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, bil-kundizzjoni li dawn ikunu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku. B’hekk, din ir-riżerva, prevista fl-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva kif ukoll deroga għall-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li fuqu hija bbażata din id-direttiva u għandha tiġi interpretata b’mod strett.

50

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kellha okkażjoni li tippreċiża li għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, essenzjalment, liberi li jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti ta ordni pubbliku, madankollu, fil-kuntest Komunitarju u, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod strett, b’tali mod li l-portata tiegħu ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 30). Għaldaqstant, l-ordni pubbliku ma jistax jiġi invokat ħlief f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1355, punt 17).

51

Għandu jiġi mfakkar li r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika deroga għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi tal-opportunità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll minn elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-254/05, Ġabra p. I-4269, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

B’hekk sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa jekk il-miżuri inkwistjoni humiex neċessarji u proporzjonali fir-rigward tal-għan ta’ salvagwardja tal-ordni pubbliku, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kellu jippreżenta elementi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk u sa fejn l-applikazzjoni għall-ħaddiema kollokati fil-Lussemburgu tal-kundizzjoni dwar l-adattament awtomatiku tas-salarji għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja tistax tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan il-għan.

53

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu llimita ruħu sabiex jinvoka b’mod ġenerali l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tax-xiri tal-ħaddiema u l-paċi soċjali mingħajr ma jressaq ebda element li jippermetti li tiġi evalwata l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri adottati.

54

B’konsegwenza, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma weriex b’suffiċjenza ta’ dritt li l-Artikolu 1(1)(2) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71.

55

Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku msemmija fl-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71 sabiex jimponi fuq l-impriżi li jikkollokaw fit-territorju tiegħu il-kundizzjoni dwar l-adattament awtomatiku tas-salarji li mhumiex is-salarji minimi maż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

— Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit dwar ir-regolamentazzjoni tal-impjieg part-time u għal żmien determinat previst fl-Artikolu 1(1)(8) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002

56

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li tali dispożizzjoni hija intiża sabiex tassigura l-protezzjoni tal-ħaddiema billi tiggarantixxi l-prinċipju ta’ trattament ugwali u r-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema full-time u dawk part-time, hekk kif stabbilita mid-Direttivi tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-ĊEEP u mill-ETUC (ĠU L 14, p. 9), u tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, p. 43).

57

Għandu jiġi enfasizzat li l-ħtieġa msemmija iktar ’il fuq taqa’ taħt qasam li mhuwiex imsemmi fil-lista li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) skont id-Direttiva 96/71.

58

Mhuwiex ikkontestat li l-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 1(1)(8) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jistgħu, fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jġibu magħhom, jostakolaw l-eżerċizzju minn impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu mill-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi.

59

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikoli 2(1) tad-Direttivi 97/81 u 1999/70, hija kompetenza tal-Istati Membri li jimplementaw il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dawn id-Direttivi.

60

Għaldaqstant, peress illi l-osservanza tar-rekwiżit previst mid-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata taqa’ taħt il-kontroll fl-Istat Membru li fih l-impriża li tixtieq tikkolloka ħaddiema fil-Lussemburgu hija stabbilita, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 41 sa 43 ta’ din is-sentneza, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax jinvoka l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku bbażata fuq l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71 sabiex jiġġustifika r-regola nazzjonali kkontestata.

61

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(1)(8) tal-liġi tal-10 ta’ Diċembru 2002 mhuwiex konformi mal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10).

— Fuq dak li jikkonċerna r-regola dwar id-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ dritt nazzjonali fil-qasam ta’ ftehim kollettivi ta’ xogħol li jinsabu fl-Artikolu 1(1)(11) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002

62

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jiddefinixxi l-istrumenti li permezz tagħhom huma stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg tal-Istat Membru ospitanti dwar il-kwistjonijiet imsemmija f’dan l-istess paragrafu, taħt (a) sa (g) u li huma ggarantiti lill-ħaddiema kollokati. It-tieni subinċiż ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi b’mod partikolari għall-ftehim kollettivi ddikjarati bħala universalment applikabbli.

63

Bħal fil-każ ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 1(1) tal-liġi ta l-20 ta’ Diċembru 2002 jipprovdi li jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali, id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, minn ftehim kollettivi ddikjarati bħala ta’ obbligu ġenerali li jirrigwardaw il-kwistjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 14 tagħha. Fil-punt 11 tiegħu, huma msemmija d-dispożizzjonijiet dwar ftehim kollettivi ta’ xogħol.

64

Tali dispożizzjoni ma tistax, madankollu, tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71.

65

L-ewwel nett, xejn ma jiġġustifika li d-dispożizzjonijiet dwar il-ftehim kollettivi ta’ xogħol, jiġifieri dawk li jinkludu l-iżvilupp u l-implementazzjoni jistgħu, per se u mingħajr preċiżazzjoni oħra, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ordni pubbliku.

66

Tali konstatazzjoni tapplika, fit-tieni lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stess tal-ftehim kollettivi li ma jistgħux jaqgħu taħt tali kunċett, fl-intier tagħhom u għas-sempliċi raġuni li joħorġu minn dan it-tip ta’ atti.

67

Fit-tielet lok, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax isostni l-argument li l-Artikolu 1(1)(11) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jikkonkretizza fl-aħħar nett il-permess mogħti lill-Istati Membri skont it-tieni subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija relatata esklużivament mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti minn ftehim kollettivi ddikjarati bħala universalment applikabbli. Madankollu, dan mhuwiex il-każ tal-Artikolu 1(1)(11), li huwa intiż espressament, u b’oppożizzjoni għall-frażi introduttiva ta’ dan l-istess Artikolu 1, għas-sempliċi ftehim kollettivi ta’ xogħol.

68

B’hekk, l-Artikolu 1(1)(11) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 mhuwiex konformi mal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71.

69

B’konsegwenza, jirriżulta minn dak li ntqal li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq traspożizzjoni mhux kompluta tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 96/71, dwar ir-rispett tal-perijodi massimi ta’ xogħol u tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ

L-argumenti tal-partijiet

70

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu bi traspożizzjoni mhux kompluta tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 dwar il-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ.

71

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrikonoxxa l-fondatezza ta’ dan l-ilment u indika li huwa adotta l-Artikolu 4 tal-liġi tad-19 ta’ Mejju 2006 li temenda l-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 (Mémorial A 2006, p. 1806) sabiex iqiegħed f’konformità l-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ippreżentata fl-aħħar taż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-168/03, Ġabra p. I-8227, punt 24; tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, Ġabra p. I-6985, punt 32, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-354/06, punt 7).

73

Madankollu, f’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jassigura t-traspożizzjoni kompluta tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, fis-sistema legali nazzjonali tiegħu.

74

B’konsegwenza, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-metodi ta’ kontroll previsti fl-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002

L-argumenti tal-partijiet

75

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu, l-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 iwassal għall-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu, għal inċertezza legali. B’hekk, l-obbligu għal kull impriża li tagħmel aċċessibbli lill-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini qabel il-bidu ta’ xogħlijiet, fuq sempliċi talba u fl-iqsar żmien possibbli, l-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll jappartjeni, fil-każ ta’ kollokament, għal proċedura ta’ dikjarazzjoni preliminari inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE. Madankollu, jekk dan ma kellux ikun il każ, it-test tad-dispożizzjoni kkontestata għandu jiġi emendat sabiex iwarrab kull ambigwtà legali.

76

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li t-test tal-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 huwa biżżejjed ċar u li, f’kull każ, ma jimponi ebda obbligu ta’ dikjarazzjoni preliminari. F’dan ir-rigward, huwa jikkunsidra li d-dispożizzjoni għal indikazzjonijiet bħala indispensabbli għal kontroll “qabel il-bidu tax-xogħljiiet” tfisser li din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata fil-ġurnata tal-bidu tagħhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, peress illi l-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 ma tipprovdi ebda komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn l-impriża li tikkolloka ħaddiema u l-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini, huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat b’liema metodu dan tal-aħħar jista’ jeħtieġ indikazzjonijiet minn din l-impriża qabel il-bidu tax-xogħlijiet, sa fejn dan ma setax ikollu għarfien dwar il-preżenza ta’ din l-impriża fit-territorju Lussemburgiż mingħajr ma din tkun ħabbret minn qabel kwalunkwe metodu tal-istabbiliment tagħha. B’hekk, tinqala’ l-kwistjoni, bħal ma ssollevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tagħha, dwar ir-rwol assenjat lil impriża li tixtieq tikkolloka ħaddiema, rwol li neċessarjament jiġi qabel kull talba għal informazzjoni mingħand l-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini u li, f’kull każ, mhuwiex iddefinit mil-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002.

78

F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-espressjoni “qabel il-bidu tax-xogħljiet” li tinsab fl-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ma tistax tkun rilevanti. Fil-fatt, huwa evidenti li tali espressjoni tfisser mhux biss li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-jum stess tal-bidu tax-xogħlijiet, iżda li hija tippermetti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu bejn wieħed u ieħor twil, qabel dan il-jum.

79

Fit-tieni lok, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-4 ta’ April 1974 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini (Mémorial A 1974, p. 486), li fih hemm referenza għall-Artikolu 9(2) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar id-definizzjoni tas-setgħa ta’ kontroll ta’ din l-amministrazzjoni, u b’mod partikolari tal-Artikoli 13 sa 17 ta’ din il-liġi tal-4 ta’ April 1974, li l-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini jista’ jordna l-waqfien immedjat tal-attivitajiet tal-ħaddiem ikkollokat jekk il-persuna li tħaddmu ma tikkonformax ruħha mal-ordni li tipprovdi informazzjoni li tikkonċernah. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 ta’ din il-liġi jipprovdi li n-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dan l-obbligu jista’ jwassal għal konsegwenzi penali kontra l-impriża kkonċernata.

80

Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ dikjarazzjoni preliminari li impriża li tixtieq tikkolloka fit-territorju Lussemburgiż għandha ssegwi hija mingħajr ambigwità.

81

Madankollu, dawn l-ambigwitajiet li jikkaratterizzaw l-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jistgħu jiddiswadu l-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi. Fil-fatt, minn naħa, il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn l-impriżi ma tirriżultax preċiżament minn din id-dispożzizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-impriżi li ma josservawx l-obbligi previsti minn din id-dispożizzjoni jbatu sanzjonijiet kunsiderevoli.

82

B’konsegwenza, l-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 huwa, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu u minħabba ambigwitajiet li huwa jinkludi, inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE.

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE minħabba l-obbligu, għall-impriżi kkonċenrati, li jappuntaw mandatarju ad hoc li jirrisjedi fil-Lussemburgu għall-finijiet tal-konservazzjoni tad-dokumenti neċessarji għall-kontrolli eżerċitati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

L-argumenti tal-partijiet

83

Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi obbliga lill-impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mit-territorju Lussemburgiż u li jikkollokaw ħaddiema fih, li jippreżentaw, qabel il-bidu tal-kollokament, għand mandatarju ad hoc li jirrisjedi fil-Lussemburgu, id-dokumenti neċessarji għall-kontroll tal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 u li jħalluhom għandu matul perijodu indeterminat li jsegwi t-tmiem tal-provvista, l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, is-sistema ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 tagħmel it-tali obbligu superfluwu.

84

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jindika, l-ewwel nett, li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li għalih tirreferi l-Kummissjoni ma jippermettix lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti milli jagħmlu kontrolli ordinarji bl-effettività meħtieġa. Sussegwentement, dan jippreċiża li d-dispożozzjoni nazzjonali kkontestata ma teħtieġ ebda forma legali speċifika fir-rigward tal-funzjoni ta’ mandatarju. Fl-aħħar nett, minbarra l-provvista tad-dokumenti neċessarji għal kontroll lill-mandatajru matul perijodu li jsegwi l-kollokament, il-preżentazzjoni tagħhom mhijiex meħtieġa ħlief fil-jum stess tal-bidu tal-provvista kkonċernata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

Mhuwiex ikkontestat li l-obbligu previst fl-Artikolu 8 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 iwassal għal spejjeż kif ukoll imposti amministrattivi u finanzjarji supplimentari għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod li dawn tal-aħħar ma jsibux ruħhom f’livell ta’ ugwaljanza, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, ma’ persuni li jħaddmu stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u li huma jistgħu jiġu dissważi milli jipprovdu prestazzjonijiet lil dan l-aħħar Stat Membru.

86

Fil-fatt, minn naħa, id-dispożizzjoni kkontestata timponi li l-mandatarju li d-dokumenti mitluba huma ddepożitati għandu jirrisjedi fil-Lussemburgu.

87

Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu ta’ konservazzjoni tad-dokumenti dwar, b’mod partikolari, indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, mingħajr madankollu ma tiddefinixxi l-perijodu li matulu dawn id-dokumenti għandhom jiġu kkonservati u mingħajr ma tippreċiża jekk tali obbligu jikkonċernax biss il-perijodu li jsegwi l-provvista jew ukoll perijodu qabel il-bidu tal-provvista.

88

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jressaq, sabiex jiġġustifika tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-ħtieġa li jkun jista’ jsir kontroll effettiv mill-Ispettorat tax-xogħol u tal-mini tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol.

89

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema tista’ teħtieġ li ċerti dokumenti jkunu għad-dispożizzjoni fuq il-post tal-provvista jew, tal-anqas, f’post aċċessibbli u identifikat b’mod ċar mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat inkarigati milli jagħmlu kontrolli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

90

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu żiedet, fil-punt 76 tas-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-obbligu li jinżammu għad-dispożizzjoni u li jiġu kkonservati ċerti dokumenti fir-residenza ta’ persuna fiżika residenti fl-Istat Membru ospitanti, li żżommhom inkwantu mandatarju jew persuna inkarigata minn min iħaddem li jkun ħatarha, ukoll wara li min iħaddem ikun waqaf milli jimpjega ħaddiema f’dan l-Istat, li mhuwiex biżżejjed li, sabiex tiġi ġġustifikata tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li l-preżenza ta’ tali dokumenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti hija ta’ natura li tiffaċilita b’mod ġenerali t-twettiq tal-missjoni ta’ kontroll tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat. Huwa importanti wkoll li dawn l-awtoritajiet ma jkunux fil-pożizzjoni li jwettqu l-missjoni ta’ kontroll tagħhom b’mod effettiv mingħajr ma din l-impriża jkollha, f’dan l-Istat Membru, mandatajru jew persuna inkarigata li tikkonserva dawn id-dokumenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li obbligu ta’ konservazzjoni tad-dokumenti għand persuna fiżika residenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi ġġustifikat (ara s-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

91

F’dan il-każ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ressaq ebda element konkret insostenn tal-arugment li l-konservazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni minn mandatarju residenti fil-Lussembugu jippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jeffettwaw il-kontrolli imposti fuqhom. F’kull każ, il-ħatra ta’ ħaddiem preżenti fuq il-post tal-provvista ta’ servizzi sabiex id-dokumenti neċessarji għall-kontroll ikunu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura inqas restrittiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u hija wkoll effettiva daqs l-obbligu kkontestat.

92

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punt 79 tas-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, li s-sistema organizzata ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 tagħmel superfluwa l-konservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti fl-Istat Membru ospitanti wara li min iħaddem ikun waqaf milli jimpjega ħaddiema hemmhekk.

93

B’konsegwenza, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax jeħtieġ mill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema li huma jagħmlu dak li huwa meħtieġ sabiex jikkonservaw dawn it-dokumenti fit-territorju Lussemburgiż mat-tmiem tal-provvista ta’ servizzi.

94

B’hekk, lanqas ma jista’ jiġi meħtieġ li dawn l-istess dokumenti jiġu kkonservati minn mandatarju residenti fil-Lussemburgu f’każ fejn waqt li l-impriża kkonċernata tkun preżenti fiżikament fit-territorju Lussemburgiż matul l-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi, id-dokumenti inkwistjoni jistgħu jiġu kkonservati f’idejn ħaddiem kollokat.

95

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, jekk l-Artikolu 8(2) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 ma jipprovdix espliċitament obbligu ta’ konservazzjoni tad-dokumenti neċessarji għall-kontroll, fil-Lussemburgu, qabel il-bidu tax-xogħlijiet, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-identità tal-mandatarju għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard mis-sena tal-attività ta’ impjieg maħsuba. B’hekk, l-interpretazzjoni difiża mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli biss fil-ġurnata tal-bidu tax-xogħljiet hija mingħajr fondament fid-dispożizzjoni kkontestata. F’kull każ, tali obbligu ta’ konservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti qabel il-bidu tax-xogħlijiet jikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jiġġustifika permezz ta’ argumenti oħra li mhumiex sempliċi dubji dwar l-effettività tas-sistema organizzata ta’ kooperazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71.

96

Jirriżulta minn dak li ntqal li peress li l-Artikolu 8 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE, ir-rikors għandu jiġi milqugħ fl-intier tiegħu.

97

B’konsegwenza, għandu jiġi kkonstatat li:

billi ddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-punti 1, 2, 8 u 11 tal-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali;

billi ttraspona b’mod mhux komplut id-dispożiżżjonijiet tal-ewwel subparagrafu (a) ta’ Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71;

billi, fl-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, stabbilixxa l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma neqsin miċ-ċarezza meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu, u

billi fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi ordna li fil-Lussemburgu għandhom jiġu kkonservati d-dokumenti meħtieġa għall-kontroll f’idejn mandatarju ad hoc li jkun residenti hemmhekk,

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll l-Artikoli 49 KE u 50 KE.

Fuq l-ispejjeż

98

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

billi ddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-punti 1, 2, 8 u 11 tal-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas [kuntest] ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali;

billi ttraspona b’mod mhux komplut id-dispożiżżjonijiet tal-ewwel subparagrafu (a) ta’ Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas [kuntest] ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali;

billi, fl-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2002, stabbilixxa l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma neqsin miċ-ċarezza meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu, u

billi fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi ordna li fil-Lussemburgu għandhom jiġu kkonservati d-dokumenti meħtieġa għall-kontroll f’idejn mandatarju ad hoc li jkun residenti hemmhekk,

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-paragrafu 10 ta’ dan l-artikolu, kif ukoll taħt l-Artikoli 49 KE u 50 KE.

 

2)

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top