EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0241

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Ottubru 2007.
Lämmerzahl GmbH vs Freie Hansestadt Bremen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen - il-Ġermanja.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 89/665/KEE - Proċeduri ta' reviżjoni fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi -Terminu perentorju - Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-241/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08415

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:597

Kawża C-241/06

Lämmerzahl GmbH

vs

Freie Hansestadt Bremen

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula

mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen)

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 89/665/KEE — Proċeduri ta’ reviżjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Terminu perentorju — Prinċipju ta’ effettività”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36 — Informazzjoni li għandha tidher fuq is-sejħiet għal offerti

(Direttivi tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1) u 93/36, Artikolu 9(4) u Anness IV)

2.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Terminu sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u sabiex jiġu kkontestati, taħt piena ta’ dekadenza, il-miżuri preżunti illegali

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1) u (3))

3.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Terminu sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u sabiex jiġu kkontestati, taħt piena ta’ dekadenza, il-miżuri preżunti illegali

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1) u (3))

1.     B’mod konformi ma’ l-Artikolu 9(4) u ma’ l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001, l-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwarda kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu jippreċiża l-kwantità jew l-iskop globali ta’ dan il-kuntratt. In-nuqqas ta’ din l-informazzjoni għandu jkun jista’ jiġi suġġett għal reviżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet] (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi].

(ara l-punt 44 u d-dispożittiv 1)

2.     Id-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali tkun applikata b’mod li l-aċċess ta’ offerent għal rikors dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur ta’ dan il-kuntratt jiġi miċħud, meta l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat, b’mod ċar, il-kwantità jew l-iskop globali ta’ l-imsemmi kuntratt lill-persuna kkonċernata.

Fil-fatt, avviż ta’ sejħa għal offerti mingħajr l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-valur stmat tal-kuntratt, segwit minn aġir evażiv ta’ l-awtorità kontraenti wara mistoqsijiet minn offerent potenzjali għandu jitqies, fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ terminu perentorju, bħala li jrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, min-naħa ta’ l-offerent ikkonċernat, tad-drittijiet tiegħu taħt is-sistema legali Komunitarja. Anki jekk regola nazzjonali ta’ terminu perentorju tista’, bħala prinċipju, titqies li hija konformi mad-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni tagħha għal offerent f’ċirkustanzi bħal dawn ma tissodisfax il-ħtieġa ta’ effettività li toħroġ mid-Direttiva 89/665.

(ara l-punti 55-57 u 64 u d-dispożittiv 2)

3.     Id-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali għal rikors fir-rigward ta’ l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur tal-kuntratt tiġi estiża, b’mod ġenerali, għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kontraenti, inkluż dawk li jkunu seħħew waqt il-fażijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt wara li jkun skada t-terminu stabbilit minn din ir-regola ta’ terminu perentorju.

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regola li tistabbilixxi bħala t-tmiem tat-terminu perentorju l-iskadenza tat-terminu indikat fl-avviż tas-sejħa għal offerti sabiex issir applikazzjoni jew sabiex jiġu ppreżentati offerti b’mod li estendietha għad-deċiżjonijiet kollha li jistgħu jittieħdu mill-awtorità kontraenti matul il-proċedura kollha għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku tirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuna kkonċernata mid-dritt Komunitarju għal dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jitfaċċaw biss wara li jkun skada t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti. Għaldaqstant, din tmur kontra d-Direttiva 89/665.

(ara l-punti 45, 58, 60-61 u 64 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Ottubru 2007(*)

“Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/665/KEE – Proċeduri ta’ reviżjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Terminu perentorju – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-kawża C‑241/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

Lämmerzahl GmbH

vs

Freie Hansestadt Bremen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Lämmerzahl GmbH, minn A. Kus, Rechtsanwalt,

–       għal Freie Hansestadt Bremen, minn W. Dierks u J. van Dyk, Rechtsanwälte,

–       għar-Repubblika tal-Litwanja, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–       għar-Repubblika ta’ l-Awstrija, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u B. Schima, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet] (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Lämmerzahl GmbH (iktar ’il quddiem “Lämmerzahl”) u Freie Hansestadt Bremen (iktar ’il quddiem “Bremen”) fir-rigward ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       Id-Direttiva 89/665 tistabbilixxi fl-Artikolu 1 tagħha li:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE u 92/50/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi jew [ir]-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

[…]

3.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali [kontraenti] bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni.”

4       Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/36”):

“1.       (a)   It-Titoli II, III u IV u l-Artikoli 6 u 7 għandhom jgħoddu għall-kuntratti ta’ provvisti pubbliċi mogħtija:

(i)      mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artikolu 1(b), […] fejn il-valur stmat nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma jkunx inqas minn l-ekwivalenti f’[EUR] ta’ 200,000 drittijiet speċjali ta’ ġbid (SDRs);

[…]

(b)      Din id-Direttiva għandha tgħodd għal kuntratti ta’ provvisti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom huwa daqs jew iktar mil-livell minimu msemmi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż f’konformità ma’ l-Artikolu 9(2);

[…]”.

5       Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 93/36, li jinsab taħt it-Titolu III ta’ din id-Direttiva:

“L-avviżi għandhom jinkitbu skond il-mudelli mogħtija fl-Anness IV u għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni rikjesta f’dawn il-mudelli.”

6       Il-mudelli ta’ l-avviżi mogħtija fl-Anness IV tad-Direttiva 93/36 għandhom jinkludu fihom l-informazzjoni segwenti:

“II. 2)          Il-kwantità jew l-iskop tal-kuntratt

II. 2. 1) Il-kwantità jew l-iskop globali (inklużi, jekk ikun il-każ, il-lottijiet u l-alternattivi kollha)

[…]

II. 2. 2) Alternattivi (jekk ikun il-każ). Deskrizzjoni u indikazzjoni tal-mument meta dawn jistgħu jiġu eżerċitati (jekk possibbli)

[…]

II. 3) Terminu tal-kuntratt jew terminu ta’ l-eżekuzzjoni

Jew f’terminu ta’ xhur […] u/jew ġranet […] mid-data li fiha jingħata l-kuntratt

Jew li jibda minn […] u/jew sa […] (ġġ/xx/ssss)”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu 10(1) u (1a) tad-Direttiva 93/36 jistabbilixxi li:

“1.       Fil-proċeduri [bil-miftuħ], il-limitu ta’ żmien li fih ikunu rċevuti l-offerti, stabbilit mill-awtoritajiet kontraenti, m’għandux ikun [inqas] minn 52 ġurnata mid-data li fiha jintbagħat l-avviż.

1a.       Il-limitu ta’ żmien għall-ilqugħ ta’ offerti stabbilit fil-paragrafu 1 jista’ jkun mibdul b’perjodu twil biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jidħlu offerti b’rispons, li, bħala regola ġenerali, ma għandux ikun inqas minn 36 jum u fi kwalunkwe każ mhux inqas minn 22 jum, mid-data li fiha jkun intbagħat l-avviż tal-kuntratt, jekk l-awtoritajiet kontraenti jkunu bagħtu l-avviż indikattiv li għalih hemm provdut fl-Artikolu 9(1) abbozzat b’mod konformi mal-mudell fl-Anness III A (Tagħrif minn qabel) tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fi żmien minimu ta’ 52 jum u massimu ta’ 12-il xahar qabel id-data li fiha l-avviż ta’ kuntratt li għalih hemm provdut fl-Artikolu 9(2) intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, sakemm l-avviż indikattiv kien fih, barra minn hekk, għallinqas daqs tant mill-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-avviż mudell fl-Anness III B (Proċedura miftuħa) daqs kemm kien hemm disponibbli fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż.”

 Id-dritt nazzjonali

8       L-Artikolu 100(1) tal-Liġi li tipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen, iktar ’il quddiem il-“GWB”) jistabbilixxi li:

“Din il-parti [tal-GWB] tapplika biss għall-kuntratti li l-valur tagħhom jilħaq jew jaqbeż l-ammonti stabbiliti minn liġijiet imsemmija fl-Artikolu 127 (limiti massimi). ”

9       L-Artikolu 107(3) tal-GWB jipprovdi li:

“L-applikazzjoni hija inammissibbli meta l-applikant diġà kien jaf, waqt il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u ma ppreżentax immedjatament ilment lill-awtorità kontraenti. L-applikazzjoni hija wkoll inammissibbli fejn ma jiġi mressaq l-ebda ilment dwar ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jkun identifikabbli fuq il-bażi ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti, quddiem l-awtorità kontraenti l-aktar tard qabel l-iskadenza tat-terminu indikat fl-avviż tas-sejħa għal offerti sabiex issir applikazzjoni jew sabiex jiġu ppreżentati offerti. ”

10     L-Artikolu 127(1) tal-GWB jistabbilixxi li:

“Il-Gvern Federali, bi ftehim mal-Bundesrat, jista’ jadotta, permezz ta’ regolament, dispożizzjonijiet […] intiżi sabiex jittrasponu fid-dritt Ġermaniż il-livelli massimi tad-Direttivi tal-Komunitajiet Ewropej li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.”

11     L-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar il-kuntratti pubbliċi (Vergabeverordnung), fil-verżjoni tiegħu kif kienet tapplika fid-data ta’ l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali kien jipprovdi li:

“Il-livell massimu huwa:

[…]

għall-kuntratti l-oħra kollha ta’ provvista jew servizzi: EUR 200 000.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     F’Marzu 2005, Bremen ippubblikat sejħa għal offerti nazzjonali fir-rigward ta’ softwer standard intiż għat-trattament informatiku tad-dokumenti fil-qasam tas-servizz soċjali ta’ l-adulti u ta’ l-għajnuna ekonomika.

13     It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti indikat fl-avviż tas-sejħa għal offerti kien jiskadi fit-12 ta’ April 2005 fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.

14     L-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwarda din is-sejħa ma kien fih l-ebda indikazzjoni tal-valur stmat tal-kuntratt u lanqas kien fih indikazzjoni tal-kwantità jew ta’ l-iskop tiegħu.

15     Dan l-avviż tas-sejħa għal offerti kien jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet relatati mal-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jitniżżlu mis-sit ta’ l-Internet ta’ Bremen, u kien jipprovdi l-indirizz ta’ dan is-sit. Dawn il-kundizzjonijiet kienu jinkludu s-segwenti taħt it-titolu “Kwantitajiet”:

“Hemm madwar 200 kollaboratur imqassma b’mod deċentralizzat fil-qasam ta’ l-għajnuna ekonomika u 45 kollaboratur fis-servizz soċjali ta’ l-adulti, u dan f’6 ċentri soċjali, u madwar 65 kollaboratur fis-servizzi ċentrali”.

16     Min-naħa l-oħra, il-formola li permezz tagħha Bremen kienet qiegħda tistieden lill-offerenti sabiex jipproponu l-prezz tagħhom ma kinitx issemmi n-numru totali ta’ liċenzji li kellhom jinkisbu u kienet teħtieġ biss li jissemma l-prezz individwali ta’ kull liċenzja.

17     Wara talba inizjali min-naħa ta’ Lämmerzahl, Bremen, permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Marzu 2005, ipprovdiet xi informazzjoni lil Lämmerzahl, mingħajr madankollu ma ppreċiżat in-numru ta’ liċenzji li kellhom jinkisbu.

18     Permezz ta’ talba oħra, Lämmerzahl talbet lil Bremen sabiex tindikalha jekk l-awtorità kontraenti riditx takkwista total ta’ 310 liċenzji, liema kwantità ġiet dedotta mill-kundizzjonijiet relatati mal-kuntratt billi ġew mgħaduda flimkien iċ-ċifri msemmija fihom, jiġifieri 200, 45 u 65, u jekk kienx jeħtieġ li tiġi stabbilita offerta kkwantifikata li tieħu in kunsiderazzjoni l-liċenzji kollha msemmija. B’ittra tas-6 ta’ April 2005, Bremen irrispondiet lil Lämmerzahl li kellu jinkiteb “il-prezz totali, jiġifieri l-prezz totali tal-liċenzji (spejjeż tal-provvista), l-ispejjeż tal-manutenzjoni u s-servizzi (taħriġ)”.

19     Fit-8 ta’ April 2005, Lämmerzahl ippreżentat offerta fl-ammont gross ta’ EUR 691 940, jiġifieri ammont nett ta’ EUR 603 500.

20     B’ittra tas-6 ta’ Lulju 2005, Bremen informat lil Lämmerzahl li l-offerta tagħha ma setgħetx tiġi kkunsidrata minħabba li l-evalwazzjoni ta’ l-offerti ppreżentati kienet turi li hija ma kinitx l-iktar waħda vantaġġuża mill-lat ekonomiku.

21     Fl-14 ta’ Lulju 2005, Lämmerzahl bagħtet ittra lill-awtorità kontraenti li fiha sostniet, minn naħa, li ma kienet organizzata l-ebda sejħa għal offerti Ewropea u, min-naħa l-oħra, li t-testijiet tas-softwer li hija kienet ipproponiet ma kinux saru b’mod korrett.

22     Fil-21 ta’ Lulju 2005, Lämmerzahl ressqet rikors quddiem il-Vergabekammer der Freien Hansestadt Bremen (Bord tal-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Vergabekammer”), fejn qalet li kellha tiġi organizzata sejħa għal offerti fuq bażi Komunitarja peress li l-limitu ta’ EUR 200 000 kien inqabeż. Hija ssostni li kienet waslet għal din il-konklużjoni biss wara li kisbet parir legali fl-14 ta’ Lulju 2005 u li, għal din ir-raġuni, it-talba tagħha kellha titqies bħala li ġiet ippreżentata fit-terminu stabbilit. Fuq il-mertu, hija invokat l-eżekuzzjoni inkorretta tal-proċedura tat-testijiet min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti.

23     Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2005, il-Vergabekammer der Freien Hansestadt Bremen ċaħad dan l-appell bħala inammissibbli. Dan qies li, anki fil-każ tal-qbiż tal-limitu massimu ta’ riferenza, ir-rikors kien inammissibbli abbażi tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 107(3) tal-GWB, peress li Lämmerzahl setgħet tosserva, permezz ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti, il-ksur li kienet qed tirraporta fir-rikors tagħha. Il-Vergabekammer der Freien Hansestadt Bremen qal ukoll li, minħabba t-terminu perentorju li kienet suġġetta għalih, Lämmerzahl ma kellhiex aktar id-dritt li tressaq rikors quddiem il-qrati kompetenti fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi.

24     Lämmerzahl appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (Qorti ta’ l-Appell, iktar ’il quddiem l-“Oberlandesgericht”). In sostenn ta’ dan l-appell, hija sostniet li kuntrarjament għall-pożizzjoni adottata mill-Vergabekammer der Freien Hansestadt Bremen, l-avviż tas-sejħa għal offerti ma kienx jippermetti li jiġi nnotat li l-proċedura magħżula kienet tikser il-liġi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Bremen irrispondiet li, mill-esperjenza tagħha, Lämmerzahl kellha tinduna li l-limitu massimu kien ġie maqbuż. Lämmerzahl reġgħet irrepetiet l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-ksur tal-proċedura tat-testijiet u sostniet li l-offerta magħżula kien fiha kalkolu illegali ta’ l-ispejjeż li kellu jwassal sabiex din l-offerta tiġi eskluża. Bremen ikkontestat il-fondatezza ta’ dawn iż-żewġ allegazzjonijiet.

25     Lämmerzahl talbet li l-effett sospensiv ta’ l-appell jiġi prorogat sakemm tingħata d-deċiżjoni fuq il-mertu. Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen ċaħdet din it-talba bħala infondata permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2005. F’din id-deċiżjoni, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen qablet mal-pożizzjoni tal-Vergabekammer der Freien Hansestadt Bremen, skond liema, għall-applikazzjoni tar-regola dwar it-terminu perentorju, stabbilita fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 107(3) tal-GWB, Lämmerzahl kellha tiġi trattata bħal li kieku l-valur tal-kuntratt in kwistjoni ma kienx laħaq il-limitu massimu ta’ EUR 200 000, li ċċaħħad lil Lämmerzahl mill-possibbiltà li tressaq rikors.

26     B’hekk, Bremen tat il-kuntratt lill-impriża Prosoz Herten GmbH, li magħha kkonkludiet kuntratt fis-6 u fid-9 ta’ Marzu 2006.

27     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen Oberlandesgericht ma indikatx b’mod preċiż il-valur tal-kuntratt konkluż bejn Bremen u Prosoz Herten GmbH, iżda tgħid li “l-offerti li saru mill-parteċipanti kollha għall-ewwel parti kienu jaqbżu l-EUR 200 000 (bejn EUR 232 452,80 u EUR 887 300 u/jew EUR 3 218 000) u, għat-tieni parti, kien hemm biss parteċipant wieħed minn erba’ li kien taħt il-limitu massimu b’offerta ta’ EUR 134 050 (mingħajr ma jitqiesu l-ispejjeż tal-liċenzja), filwaqt li l-offerti l-oħra kienu bejn EUR 210 252,80 u EUR 907 300 u/jew EUR 2 774 800 […]”

28     Quddiem il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen, Lämmerzahl sostniet li l-pożizzjoni adottata minn din ta’ l-aħħar fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Novembru 2005 tikkumplika l-aċċess għall-proċedimenti b’mod li huwa sproporzjonat u tikser id-Direttiva 89/665.

29     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti tenfasizza li l-partikolarità tal-każ fil-kawża prinċipali tinsab fil-fatt li, fir-rigward tal-ksur tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw direttament il-valur tal-kuntratt u b’hekk il-limitu massimu ta’ referenza, it-terminu perentorju applikat bis-saħħa tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 107(3) tal-GWB jwassal, skond il-ġurisprudenza tal-Kammergericht, hekk kif adottata u estiża mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Novembru 2005, għal esklużjoni ġenerali tad-dritt għal rikors.

30     Skond il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen, minn dan jirriżulta li, jekk l-istima tal-valur tal-kuntratt tkun, mill-bidu, stabbilita b’mod illegali għal livell baxx ħafna, il-persuna li hija suġġetta għal terminu perentorju mhux biss titlef id-dritt li tikkontesta l-għażla tal-proċedura segwita jew l-istima li tkun saret tal-valur tal-kuntratt, iżda titlef ukoll id-dritt li tinvoka l-ksur l-ieħor kollu li, kkunsidrat b’mod iżolat, ma jkunx suġġett għall-effetti tat-terminu perentorju, u li reviżjoni tagħhom tkun possibbli jekk, barra minn hekk, l-awtorità kontraenti tkun aġixxiet b’mod konformi mal-liġi.

31     Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen tistaqsi jekk tali applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar it-terminu perentorju tiksirx l-effikaċità prattika tad-Direttiva 89/665, u b’mod partikolari jekk hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

32     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Huwa kompatibbli mad-Direttiva 89/665, u b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, li offerent ma jitħalliex, b’mod ġenerali, jikseb aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti, għaliex kien tort tiegħu li l-offerent ma qajjimx l-irregolarità fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt fit-terminu stabbilit għal dan il-għan fil-liġi nazzjonali, meta l-irregolarità tkun tirrigwarda

a)      l-forma tas-sejħa għal offerti magħżula

jew

b)      il-korrettezza fid-determinazzjoni tal-prezz tal-kuntratt (stima manifestament żbaljata jew nuqqas ta’ trasparenza fil-kalkolu tal-prezz)

u fejn, fuq il-bażi tal-valur tal-kuntratt kif ġie korrettament determinat jew għandu jiġi determinat, ikun possibbli li jiġu riveduti irregolaritajiet oħrajn fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li, ikkunsidrati waħedhom, it-terminu tagħhom ma jkunx għadu għalaq?

2)      Id-dettalji fl-avviż tas-sejħa għal offerti rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ kuntratt għandhom ikunu suġġetti għal xi rekwiżiti speċjali sabiex, minn irregolaritajiet li jirrigwardaw l-istima tal-prezz tal-kuntratt, wieħed ikun jista’ jasal għall-konklużjoni li l-protezzjoni tal-liġi primarja hija ġeneralment eskluża anki jekk il-prezz tal-kuntratt stmat b’mod korrett jaqbeż l-ammont tal-limitu massimu rilevanti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

33     Permezz tat-tieni domanda tagħha, li jkun konvenjenti li tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huma r-rekwiżiti imposti mid-dritt Komunitarju f’dak li jirrigwarda, min-naħa, l-informazzjoni li tirrigwarda l-valur stmat ta’ kuntratt li għandha tidher f’avviż ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, liema huma ir-rimedji possibbli f’każ li din l-informazzjoni ma tkunx indikata.

 L-argumenti tal-partijiet

34     Lämmerzahl ma ssemmix b’mod speċifiku l-informazzjoni li tirrigwarda l-valur tal-kuntratt li kellha tidher fl-avviż tas-sejħa għal offerti, iżda tinsisti fuq il-fatt li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ terminu perentorju, mhuwiex ammissibbli li jiġu mqajma ċerti elementi kontra l-parti kkonċernata li l-awtorità kontraenti ma tkunx semmiet fl-avviż tas-sejħa għal offerti.

35     Il-Gvern Litwan iqis li l-awtorità kontraenti hija marbuta li fl-avviż tas-sejħa għal offerti tipprovdi l-informazzjoni kollha dwar il-volum tal-kuntratt, li b’mod oġġettiv tippermetti lill-offerenti jiddeterminaw jekk il-valur tal-kuntratt jilħaqx jew le l-limitu massimu stabbilit mid-Direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi.

36     Abbażi ta’ raġunament simili, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri t-terminu perentorju, li għalih huwa suġġett l-avviż tas-sejħa għal offerti skond il-liġi nazzjonali, għandhom ikunu applikati mill-qorti nazzjonali b’mod li ma jrendihiex impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuna interessata li teżerċita d-drittijiet mogħtija lilha mid-Direttiva 89/665.

37     Min-naħa l-oħra, Bremen u l-Gvern Awstrijak iqisu li d-Direttivi Komunitarji ma jeħtiġux li l-valur stmat tal-kuntratt jintwera fl-avviż tal-kuntratt, peress li tali informazzjoni mhijiex meħtieġa mil-lat tal-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38     Mill-elementi li jinsabu fil-proċess jidher li l-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, jekk mhux kuntratt għal provvista, kuntratt imħallat ta’ provvista u ta’ servizzi li fih il-valur tal-provvisti huwa predominanti. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawk tad-Direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi għal provvisti u mhux għal servizzi.

39     Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal provvisti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/36, il-kontenut ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti kien irregolat, fid-data li fiha seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9(4) u l-Anness IV tad-Direttiva 93/36, liema dispożizzjonijiet ġew issostitwiti sussegwentement mill-Artikolu 36(1) u l-Anness VII A tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq ko[o]rdinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114), u mill-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1564/2005, tas-7 ta’ Settembru 2005, li jistabbilixxi l-formoli standard għall-pubblikazzjoni ta’ l-avviżi fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi b’mod konformi mad-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠU L 257, p. 1).

40     L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 93/36 teħtieġ li l-avviżi jsiru b’mod konformi mal-mudelli li jidhru fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva u li jippreċiżaw l-informazzjoni li tkun meħtieġa.

41     Il-mudell ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti li jidher fl-imsemmi Anness IV jistabbilixxi li tiġi msemmija l-kwantità jew l-iskop globali tal-kuntratt (inkluż, jekk ikun il-każ, dawk tal-lottijiet u ta’ l-alternattivi kollha).

42     Minn dan jirriżulta li l-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwardaw il-kuntratt pubbliku għal provvisti li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/36 għandu, b’mod konformi magħha, jindika l-kwantità jew l-iskop globali tal-kuntratt li jirreferi għalih.

43     Jekk, f’każ speċifiku, dan l-obbligu ma jiġix sodisfatt, ikun hemm ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 li jagħti dritt għal rikors b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

44     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 9(4) u ma’ l-Anness IV tad-Direttiva 93/36, l-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwarda kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jippreċiża l-kwantità jew l-iskop globali ta’ dan il-kuntratt. In-nuqqas ta’ din l-informazzjoni għandu ikun jista’ jiġi suġġett għal reviżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665.

 Fuq l-ewwel domanda

45     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tixtieq issolvi żewġ problemi. Minn naħa, hija tistaqsi taħt liema kundizzjonijiet id-dritt Komunitarju jippermetti lid-dritt nazzjonali jissuġġetta r-rikorsi dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur tal-kuntratt, jew dwar atti li jseħħu waqt l-ewwel fażijiet ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għal terminu perentorju. Min-naħa l-oħra, fil-każ li regola bħal din dwar terminu perentorju tiġi aċċettata, din il-qorti tistaqsi dwar jekk id-dritt Komunitarju jippermettix li din tiġi estiża b’mod ġenerali għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kontraenti, inkluż dawk li jseħħu waqt fażijiet iktar tard fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

 L-argumenti tal-partijiet

46     Lämmerzahl issostni li l-Artikolu 107(3) tal-GWB jistabbilixxi terminu perentorju fil-każ biss li jkun hemm ksur “identifikabbli fuq il-bażi ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti”, liema kunċett, fil-fehma tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Hija tgħid li, fil-kawża prinċipali, kien impossibbli li mill-informazzjoni fl-avviż tas-sejħa għal offerti tiddeduċi li l-valur stmat tal-kuntratt kien jaqbeż il-limitu massimu tad-Direttivi Komunitarji u li b’hekk l-għażla tal-proċedura nazzjonali għall-għoti tal-kuntratt kienet waħda żbaljata. Il-fatt li ġie invokat kontriha terminu perentorju minkejja li hija ma setgħetx tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji mill-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kontraenti ċaħħadha minn dritt għal rikors effikaċi bi ksur tad-Direttiva 89/665.

47     Il-Gvern Litwan jenfasizza wkoll li, b’mod konformi ma’ din id-Direttiva, id-dritt għal rikors effikaċi għandu jiġi ggarantit lill-persuni kollha kkonċernati. Konsegwentement, peress li dawn ma rċevewx informazzjoni oġġettiva u kompluta dwar il-volum tal-kuntratt in kwistjoni, it-terminu perentorju jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li fih dawn isiru jafu jew kienu f’pożizzjoni li jsiru jafu li l-proċedura li ntgħażlet ma kinitx xierqa. Id-Direttiva 89/665 għandha tapplika f’każ ta’ dubju dwar jekk il-limitu massimu għall-applikazzjoni tad-Direttivi Komunitarji jkunx intlaħaq.

48     Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jqisu li regoli nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi mad-Direttiva 89/665 sakemm dawn ikunu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Il-Gvern Awstrijak iqis li dawn ir-regoli huma kompatibbli mad-Direttiva fil-każ biss li t-terminu perentorju jkun raġonevoli u jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx, bl-aġir tagħha, irrendiet impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal rikors. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tgħid li tali regoli nazzjonali huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju sakemm l-offerent ikollu dritt għal rikors effikaċi li jippermettilu jressaq kawża quddiem il-qrati kontra kull ksur tar-regoli fundamentali stabbiliti fit-Trattat KE.

49     Bremen tqis li d-Direttiva 89/665, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu t-termini perentorji applikabbli għall-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-Artikolu 107(3) tal-GWB huwa konformi ma’ din id-Direttiva, u dan anki fil-każ li l-awtorità kontraenti tkun tat indikazzjonijiet żbaljati għad-determinazzjoni tal-valur tal-kuntratt. Skond Bremen, għalkemm huwa possibbli li l-offerent jasal għal stima ogħla tal-kuntratt, abbażi ta’ l-elementi msemmija fl-avviż tas-sejħa għal offerti jew minħabba n-nuqqas ta’ elementi rilevanti, u ma jitlobx reviżjoni, ma jfissirx neċessarjament li, bħala prinċipju, id-dritt tiegħu għal rikors jiġi eskluż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50     Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 89/665 ma tipprekludix liġi nazzjonali milli tistabbilixxi li kull rikors kontra deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti għandu jsir f’terminu stabbilit għal dan il-għan u li kull irregolarità fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratti invokata in sostenn ta’ dan ir-rikors għandha titqajjem fl-istess terminu, taħt piena ta’ dekadenza, b’tali mod li, meta jiskadi dan it-terminu, ma jkunx iktar possibbli li tali deċiżjoni tiġi kkontestata jew li tali irregolarità tiġi invokata, kemm-il darba t-terminu in kwistjoni jkun raġonevoli (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I-11617, punt 79, u tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, Ġabra p. I-1877, punt 50).

51     Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li r-realizzazzjoni kompluta ta’ l-għan tad-Direttiva 89/665 tkun kompromessa jekk il-kandidati u l-offerenti jkunu jistgħu jinvokaw, f’kull mument tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, il-ksur tar-regoli ta’ l-għoti tal-kuntratti, u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti terġa’ tibda l-proċedura kollha sabiex tikkoreġi dan il-ksur (sentenza Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

52     Min-naħa l-oħra, it-termini perentorji, inklużi l-metodi ta’ kif japplikaw, m’għandhomx ikunu minnhom infushom kapaċi li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuna kkonċernata tingħata mid-dritt Komunitarju (sentenza Santex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Universale‑Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

53     B’hekk, għandu jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni ta’ regola ta’ terminu perentorju bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipal, tistax tiġi kkunsidrata bħala raġonevoli jew, kuntrarjament, bħala li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuna kkonċernata tingħata mid-dritt Komunitarju.

54     Mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ diversi mistoqsijiet u inizjattivi tagħha stess, Lämmerzahl ippruvat tikkonferma d-deduzzjoni tagħha, abbażi tad-dokumenti ta’ tas-sejħa għal offerti u b’ċertu inċertezza, li l-kuntratt kien jirrigwarda 310 liċenzja u attivitajiet ta’ taħriġ. Madankollu, anki l-aħħar risposta ta’ l-awtorità kontraenti, jiġifieri l-ittra tagħha tas-6 ta’ April 2005, ma kinitx ċara ħafna, kienet ambigwa u evażiva f’dan ir-rigward.

55     Avviż ta’ sejħa għal offerti mingħajr l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-valur stmat tal-kuntratt, segwit minn aġir evażiv ta’ l-awtorità kontraenti wara mistoqsijiet minn offerent potenzjali, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies, fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ terminu perentorju, bħala li jrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, min-naħa ta’ l-offerent ikkonċernat, tad-drittijiet tiegħu taħt is-sistema legali Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Santex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

56     Minn dan jirriżulta li, anki jekk regola nazzjonali ta’ terminu perentorju bħal dik stabbilita fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 107(3) tal-GWB tista’, bħala prinċipju, titqies li hija konformi mad-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni tagħha għal offerent f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali ma tissodisfax il-ħtieġa ta’ effettività li toħroġ mid-Direttiva 89/665.

57     Għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 89/665, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali tkun applikata b’mod li l-aċċess ta’ offerent għal rikors dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur ta’ dan il-kuntratt jiġi miċħud, meta l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat b’mod ċar il-kwantità jew l-iskop globali ta’ l-imsemmi kuntratt lill-persuna interessata.

58     Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ l-ewwel domanda, għandu jingħad li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 107(3) tal-GWB tistabbilixxi bħala t-tmiem tat-terminu perentorju, l-iskadenza tat-terminu indikat fl-avviż tas-sejħa għal offerti sabiex issir applikazzjoni jew sabiex jiġu ppreżentati offerti. Minħabba f’hekk, din id-dispożizzjoni tidher li għandha tapplika biss fil-konfront ta’ l-irregolaritajiet li jistgħu jiġu kkonstatati qabel ma jiskadu dawn it-termini. Tali irregolaritajiet jistgħu jinkludu l-ineżattezza ta’ l-istima tal-valur tal-kuntratt jew għażla żbaljata tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, dawn ma jistgħux jirrigwardaw sitwazzjonijiet li per eżempju jistgħu jiġru biss fi stadji ulterjuri tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

59     Fil-kawża prinċipali, minbarra nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-valur tal-kuntratt u għażla żbaljata tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ir-rikorrenti tinvoka irregolarità li tirrigwarda, minn naħa, il-preżentazzjoni finanzjarja ta’ l-offerta li ntgħażlet, u min-naħa l-oħra, it-testijiet magħmula fuq is-softwers li kienu ġew proposti. Irregolarità fil-preżentazzjoni finanzjarja ta’ offerta tista’ tiġi kkonstatata biss wara l-ftuħ ta’ l-enveloppi li jkun fihom l-offerti. L-istess kunsiderazzjoni tapplika għat-testijiet tas-softwers proposti. B’hekk, irregolaritajiet ta’ dan it-tip jistgħu biss iseħħu wara li jiskadi t-terminu perentorju stabbilit minn regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

60     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Novembru 2005, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen applikat ir-regola in kwistjoni ta’ terminu perentorju fil-kawża prinċipali b’mod li estendietha għad-deċiżjonijiet kollha li jistgħu jittieħdu mill-awtorità kontraenti matul il-proċedura kollha għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

61     Tali applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ terminu perentorju tirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuna kkonċernata mid-dritt Komunitarju għal dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jitfaċċaw biss wara li jkun skada t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti. Għaldaqstant, din tmur kontra d-Direttiva 89/665, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha.

62     Meta tapplika l-liġi domestika, il-qorti nazzjonali għandha, sakemm ikun possibbli, tinterpretaha b’mod li jkun konformi ma’ l-għan tad-Direttiva 89/665 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Santex, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

63     Jekk interpretazzjoni konformi ma’ l-għan tad-Direttiva 89/665 ma tkunx possibbli, il-qorti nazzjonali m’għandhiex tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra din id-Direttiva (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 24, u Santex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 mhuwiex kundizzjonali u huwa preċiż bizzejjed sabiex jiġi invokat kontra awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner, C‑15/04, Ġabra p. I-4855, punt 38).

64     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 89/665, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali tkun applikata b’mod li l-aċċess ta’ offerent għal rikors dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur ta’ dan il-kuntratt jiġi miċħud, meta l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat, b’mod ċar, il-kwantità jew l-iskop globali ta’ l-imsemmi kuntratt lill-persuna kkonċernata. L-istess dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva jipprekludu wkoll li tali regola tiġi estiża, b’mod ġenerali, għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kontraenti, inkluż dawk li jkunu seħħew waqt il-fażijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt wara li jkun skada t-terminu stabbilit minn din ir-regola ta’ terminu perentorju.

 Fuq l-ispejjeż

65     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Skond l-Artikolu 9(4) u ma’ l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001, l-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwarda kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jippreċiża l-kwantità jew l-iskop globali ta’ dan il-kuntratt. In-nuqqas ta’ din l-informazzjoni għandu jkun jista’ jiġi suġġett għal reviżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet] (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi].

2)      Id-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali tkun applikata b’mod li l-aċċess ta’ offerent għal rikors dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur ta’ dan il-kuntratt jiġi miċħud, meta l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat, b’mod ċar, il-kwantità jew l-iskop globali ta’ l-imsemmi kuntratt lill-persuna kkonċernata. L-istess dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva jipprekludu wkoll li tali regola tiġi estiża, b’mod ġenerali, għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kontraenti, inkluż dawk li jkunu seħħew waqt il-fażijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt wara li jkun skada t-terminu stabbilit minn din ir-regola ta’ terminu perentorju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top