EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0205
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 3 March 2009.#Commission of the European Communities v Republic of Austria.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Infringement of the second paragraph of Article 307 EC - Failure to adopt appropriate measures to eliminate the incompatibilities with the EC Treaty of the bilateral agreements entered into with third countries prior to accession of the Member State to the European Union - Investment agreements entered into by the Republic of Austria with the Republic of Korea, the Republic of Cape Verde, the People’s Republic of China, Malaysia, the Russian Federation and the Republic of Turkey.#Case C-205/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta' Marzu 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE - Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE - Ftehim konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija, mar-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika ta’ Cape Verde, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Malażja, il-Federazzjoni tar-Russja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qasam ta’ investimenti .
Kawża C-205/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta' Marzu 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE - Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE - Ftehim konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija, mar-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika ta’ Cape Verde, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Malażja, il-Federazzjoni tar-Russja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qasam ta’ investimenti .
Kawża C-205/06.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:118
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
3 ta’ Marzu 2009 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE — Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE — Ftehim konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija fil-qasam ta’ investimenti”
Fil-Kawża C-205/06,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta’ Mejju 2006,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u B. Martenczuk, kif ukoll minn C. Tufvesson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u G. Thallinger, bħala aġenti,
konvenuta
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u. C. Blaschke, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,
Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas u K. Szíjjártó, kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski u J. Heliskoski, bħala aġenti,
intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot (Relatur), Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus, u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M. B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tadotta l-miżuri xierqa sabiex telimina l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE. |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija kkonkludiet, qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, ftehim bilaterali ta’ investiment mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina [ftehim li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 1986 (BGBl. 537/1986)], mal-Malasja [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 601/1986)], mal-Federazzjoni Russa [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 387/1991), inizjalment konkluż bejn dik li qabel kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi u magħmul applikabbli bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Federazzjoni Russa permezz ta’ skambju ta’ ittri (BGBl. 257/1994)], mar-Repubblika tal-Korea [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 523/1991)], mar-Repubblika tat-Turkija [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 612/1991)] u mar-Repubblika tal-Kap Verde [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 83/1993)]. |
3 |
Dawn il-ftehim fihom klawżola li tipprovdi li kull parti tiggarantixxi lill-investituri tal-parti l-oħra, it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, f’munita liberament konvertibbli, ta’ pagamenti konnessi ma’ investiment. |
Il-proċedura prekontenzjuża
4 |
Billi qieset li dawn il-ftehim bilaterali jistgħu jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fis-12 ta’ Mejju 2004 lir-Repubblika tal-Awstrija. |
5 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2004, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni. Minn naħa, huwa sostna li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-ftehim tal-investimenti inkwistjoni m’għandhom ebda effett negattiv fuq il-miżuri ta’ restrizzjoni fuq il-movimenti tal-kapital u fuq il-pagamenti previsti mit-Trattat KE u, min-naħa l-oħra, ma jippreġudikawx il-votazzjoni, mill-imsemmi Stat Membru, ta’ miżuri restrittivi, u għaldaqstant, ma jippreġudikawx il-poteri tal-Kunsill fil-każ fejn dan tal-aħħar ikollu l-ħsieb li jadotta tali miżuri. |
6 |
Billi qieset li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija kienu insuffiċjenti u li dan l-Istat Membru kien naqas, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 307 KE, milli jadotta l-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment li jinsabu fid-diversi ftehim ta’ investimenti inkwistjoni, il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata fil-21 ta’ Marzu 2005. |
7 |
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet l-imsemmija opinjoni motivata billi bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha. Hija baqgħet issostni l-argumenti invokati fl-osservazzjonijiet relatati mal-ittra ta’ intimazzjoni u rreferiet, ukoll, għall-possibbiltà, jekk il-Komunità Ewropea tixtieq tieħu miżuri, ta’ soluzzjoni kunsenswali skont il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti li jinsab fil-ftehim inkwistjoni. Hija tafferma wkoll li, fil-kuntest tar-reviżjoni li qedha ssir tal-mudell Awstrijak ta’ ftehim bilaterali fuq investimenti, kien maħsub li tiġi adottata klawżola tat-tip “organizzazzjonijiet internazzjonali reġjonali ekonomiċi” (OIRE), li tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet eventwali fuq il-moviment liberu tal-kapital li jistgħu jiġu deċiżi mill-Unjoni jew mill-Komunità u li fuqha, fil-futur, jiġu bbażati n-negozjati kollha tal-konvenzjonijiet internazzjonali. |
8 |
Peress li kkunsidrat li dawn l-argumenti ma jippermettux li jiġu kkonfutati l-ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
9 |
Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet ippreżentat b’mod irregolari lment ġdid matul il-proċedura orali u li, minħabba dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu bbażati fuq fatti u argumenti li ma setgħux jiġu ttrattati bejn il-partijiet b’mod effettiv. |
10 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni, għall-ewwel darba u b’mod konċiż, sostniet li ż-żamma fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta’ investiment inkwistjoni kienet inkompatibbli mal-Artikolu 10 KE. |
11 |
Issa, l-Avukat Ġenerali, fil-punti 33 sa 43 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tibbaża n-nuqqas allegat fuq l-Artikolu 10 KE kif ukoll fuq l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE. |
12 |
Barra minn hekk, hekk kif innotaw diversi Stati Membri, il-Kummissjoni kienet ippreċiżat linja ta’ raġunament li żviluppat tard ħafna u mhux b’mod ċar. |
13 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li mhijiex edotta biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx ġie ttrattat bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25, u tal-, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 23; digriet tal-, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18). |
14 |
Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu bħala dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li dawn ikunu bbażati fuqha, mhuwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ dritt li ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet. |
15 |
F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija edotta biżżejjed sabiex tagħti deċiżjoni, u peress li l-kawża ma teħtieġx li tiġi riżolta abbażi ta’ argumenti li ma kinux ġew ittrattati bejn il-partijiet, b’mod partikolari waqt is-seduta, m’hemmx lok li tilqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. |
Fuq l-inkompatibbiltà tal-ftehim ta’ investiment mat-Trattat
L-argumenti tal-partijiet
16 |
Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas, fil-ftehim inkwistjoni, ta’ dispożizzjoni li tirriżerva espressament il-possibbiltà għar-Repubblika tal-Awstrija li tapplika l-miżuri li jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu deċiżi mill-Kunsill abbażi tal-Artikoli 57 KE, 59 KE u 60 KE, jista’ jrendi iktar diffiċli, anki impossibbli, l-osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligu Komunitarji tiegħu u li, peress li ma adottax il-miżuri opportuni sabiex ineħħi tali inkompatibbiltà, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE. |
17 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ adozzjoni mill-Kunsill ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital u fuq il-pagamenti, il-perijodu ta’ żmien neċessarju għat-terminazzjoni jew għan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim inkwistjoni għandu l-konsegwenza li jobbliga, skont id-dritt internazzjonali, lir-Repubblika Awstrijaka li tkompli tapplika, matul l-intervall, il-ftehim inkwistjoni, inkluża l-klawżola ta’ trasferiment tagħhom, hekk kif wara kollox jipprovdi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Dan iwassal għal nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi fil-Komunità Ewropea tal-miżuri adottati mill-Kunsill. |
18 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li, fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital u fuq il-pagamenti deċiżi mill-Kunsill, hija libera li tirregola ċ-ċirkulazzjoni tal-kapital mal-pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 56 KE. Hija ssostni li, peress li ebda restrizzjoni ma ġiet deċiża mill-Kunsill, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-konvenzjonijiet inkwistjoni ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li ma hija s-suġġett ta’ ebda applikazzjoni ma titqajjimx. |
19 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja jaqblu mal-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, u jqisu li l-ftehim ta’ investiment inkwistjoni mhumiex inkompatibbli mal-miżuri Komunitarji eżistenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, peress li dawn tal-aħħar m’għandhomx effett fuqhom. Skont dawn l-Istati Membri, in-nuqqas invokat mill-Kummissjoni huwa ta’ natura purament ipotetika. |
20 |
L-imsemmija Stati Membri jsostnu li l-proċedura għal nuqqas prevista fl-Artikolu 226 KE għandha bħala għan mhux li tikkontrolla s-sitwazzjonijiet li fihom in-nuqqas allegat għandu karattru ipotetiku, iżda li tirrimedja n-nuqqasijiet effettivament imwettqa mill-Istati Membri. |
21 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Ungerija jinnotaw li inkompatibbiltà futura u eventwali, mad-dritt Komunitarju sekondarju, ta’ konvenzjoni konkluża ma’ pajjiż terz, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE, u tista’ tiġi eventwalment ikkonstatata biss jekk il-Kunsill jagħmel effettivament użu mill-kompetenza tiegħu fil-qasam ikkonċernat minn dan l-artikolu. |
22 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tippreċiża li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tan-nuqqas allegat, u ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tibbaża ruħha fuq suppożizzjonijiet. |
23 |
Ir-Repubblika tal-Litwanja żżid li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu bħala għan mhux li tiġi żgurata l-konformità formali tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Istati Membri mad-dritt Komunitarju, iżda li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jkunu kkonkludew ma’ Stati terzi, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, konvenzjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw l-istess oqsma. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
24 |
Id-diversi ftehim ta’ investiment inkwistjoni, konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija, fihom dispożizzjonijiet ekwivalenti li jiżguraw it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, tal-pagamenti konnessi ma’ investiment f’munita liberament konvertibbli. |
25 |
B’hekk huma ggarantiti, b’mod partikolari, it-trasferiment liberu tal-fondi sabiex jinħoloq, jiġi ġestit jew estiż investiment, il-libertà li jintbagħat lura d-dħul miksub mill-investiment, kif ukoll il-libertà li jiġu ttrasferiti l-fondi neċessarji għar-rimbors tad-dejn u l-fondi li jirriżultaw mill-likwidazzjoni jew mit-terminazzjoni tal-imsemmi investiment. |
26 |
F’dan is-sens, dawn il-ftehim huma konformi mat-termini tal-Artikolu 56(1) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi [għandha] tkun projbita”, u ma’ dawk tal-Artikolu 56(2) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita”, u huma konformi mal-għan segwit minn dan l-artikolu. |
27 |
Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija minn dan ir-rikors tal-Kummissjoni jagħtu lill-Kunsill il-poter li jirristrinġi, f’ċerti ċirkustanzi, il-moviment tal-kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, li fosthom jinsabu l-movimenti koperti mill-klawżoli inkwistjoni. |
28 |
Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jinsabu fl-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jintroduċu, sabiex jiġi protett l-interess ġenerali tal-Komunità u sabiex jippermettu lil din tal-aħħar li tissodisfa, fejn meħtieġ, l-obbligi internazzjonali tagħha u dawk tal-Istati Membri, eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejnhom u pajjiżi terzi. |
29 |
L-Artikolu 57(2) KE jippermetti lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, li jadotta ċerti miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvu, b’mod partikolari, investiment dirett. Meta dawn il-miżuri jkunu jikkostitwixxu “pass lura” fil-liġi Komunitarja f’dak li jirrigwarda l-liberalizzazzjoni tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi, tkun meħtieġa l-unanimità. |
30 |
L-Artikolu 59 KE jawtorizza lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew, li jadotta miżuri ta’ salvagwardja meta l-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz “joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja” bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u jdumu għal żmien ta’ “mhux aktar minn sitt xhur”. |
31 |
L-Artikolu 60(1) KE jippermetti lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex jimplementa pożizzjoni jew azzjoni komuni fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, li jadotta l-“miżuri urġenti u neċessarji” dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti. Tali azzjoni tista’ tkun meħtieġa, pereżempju, sabiex tiġi implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. |
32 |
Huwa paċifiku li l-ftehim inkwistjoni ma fihom ebda dispożizzjoni li tirriżerva dawn il-possibbiltajiet ta’ limitazzjoni, min-naħa tal-Komunità, ta’ movimenti ta’ fondi konnessi mal-investimenti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Awstrija kinitx, għal din ir-raġuni, obbligata li tadotta l-mezzi opportuni li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE. |
33 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjoni konkluża qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru bejnu u Stat terz ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax id-dmir tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 8; tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/98, Ġabra p. I-5215, punt 53, kif ukoll tat-, Budějovický Budvar, C-216/01, Ġabra p. I-13617, punti 144 u 145). |
34 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jobbliga lill-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati bejn konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjoni tagħhom u d-dritt Komunitarju. Skont din id-dispożizzjoni, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw approċċ komuni. |
35 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jagħtu lill-Kunsill kompetenza sabiex jirristrinġi, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-movimenti ta’ kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi. |
36 |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa neċessarju li l-miżuri restrittivi għall-moviment liberu tal-kapital ikunu jistgħu jiġu, fil-każ li jkunu adottati mill-Kunsill, applikati immedjatament fir-rigward tal-Istati li jkunu jikkonċernaw, u li jistgħu jinkludu xi wħud mill-Istati li ffirmaw wieħed mill-ftehim inkwistjoni mar-Repubblika tal-Awstrija. |
37 |
Għalhekk, dawn il-kompetenzi tal-Kunsill, li jikkonsistu f’li jiġu adottati b’mod unilaterali miżuri restrittivi fir-rigward tal-Istati terzi f’qasam li huwa identiku jew konness ma’ dak irregolat minn ftehim preċedenti konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, iwasslu għal inkompatibbiltà mal-imsemmi ftehim meta, minn naħa, dan ma jkunx jipprevedi dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala membru tal-Komunità u meta, min-naħa l-oħra, dan lanqas ma jkun permess minn xi mekkaniżmu tad-dritt internazzjonali. |
38 |
Issa, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-Repubblika Awstrijaka, il-miżuri proposti minnha u li, skontha, jistgħu jippermettulha li tissodisfa l-obbligi Komunitarji tagħha, ma jidhrux li jiggarantixxu li dan isir. |
39 |
Fl-ewwel lok, il-perijodi ta’ żmien meħtieġa għan-negozjati internazzjonali kollha li jkunu neċessarji sabiex jiġu diskussi mill-ġdid il-ftehim inkwistjoni huma min-natura tagħhom stess inkompatibbli mal-effettività ta’ dawn il-miżuri. |
40 |
Fit-tieni lok, il-possibbiltà li jintużaw metodi oħra offruti mid-dritt internazzjonali, bħas-sospensjoni tal-ftehim, jew inkella t-terminazzjoni tal-ftehim inkwistjoni jew ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, hija wisq inċerta fl-effetti tagħha sabiex tiżgura li l-miżuri adottati mill-Kunsill ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv. |
41 |
Barra minn hekk, hekk kif ġie speċifikat ukoll waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha l-ħsieb li tintroduċi, fil-ftehim ta’ investiment li qegħdin jiġu nnegozjati, jew waqt it-tiġdid tal-ftehim eżistenti, klawżola li tirriżerva ċerti kompetenzi ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u li tippermetti, għaldaqstant, li jiġu applikati miżuri li jirrestrinġu l-moviment ta’ kapital u l-pagamenti li jiġu adottati mill-Kunsill. |
42 |
Filwaqt li għandu jiġi ammess li tali klawżola għandha, bħala prinċipju, kif irrikonoxxiet ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, tiġi kkunsidrata bħala ta’ natura li telimina l-inkompatibbiltà kkonstatata, huwa paċifiku li, fil-każijiet imsemmija mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ħadet ebda pass, fit-terminu mogħti minn din tal-aħħar fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, fir-rigward tal-Istati terzi kkonċernati, sabiex telimina r-riskju ta’ kunflitt mal-miżuri li l-Kunsill jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE li jista’ jinħoloq mill-applikazzjoni tal-ftehim ta’ investimenti li hija kkonkludiet ma’ dawn l-Istati terzi. |
43 |
Għandu jingħad ukoll, hekk kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija llum stess fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-249/06, Ġabra p. I-1335), li l-inkompatibbiltajiet mat-Trattat li jirriżultaw mill-ftehim ta’ investiment ma’ Stati terzi u li jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li jista’ jadotta l-Kunsill taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, mhumiex limitati għall-Istat Membru li huwa l-konvenut f’din il-kawża. |
44 |
Konsegwentement, għandu jingħad li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw approċċ komuni. Fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 211 KE, li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, din għandha tieħu kull pass li jista’ jiffaċilita l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll l-adozzjoni mill-imsemmija Stati Membri ta’ approċċ komuni. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tadotta l-miżuri xierqa sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.