Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0183

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-15 ta' Frar 2007.
    RUMA GmbH vs Oberfinanzdirektion Nürnberg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht München - il-Ġermanja.
    Tariffa doganali komuni - Nomenklatura magħquda - Klassifikazzjoni tat-tariffi - Intestatura 8525 - Subintestatura 8529 90 40 - Membrana tat-tastiera għal telefon mingħajr fil.
    Kawża C-183/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:110

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    15 ta’ Frar 2007 (*)

    “Tariffa doganali komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Intestatura 8525 – Subintestatura 8529 90 40 – Membrana tat-tastiera għal telefon mingħajr fil”

    Fil-kawża C-183/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2006, fil-proċedura

    RUMA GmbH

    vs

    Oberfinanzdirektion Nürnberg,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn R. Schintgen, President ta’ Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

    –       għal RUMA GmbH, minn M. Beer, Rechtsanwalt,

    –       għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avocat,

    –       wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-titoli 8529 u 8538 tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 281, p 1, iktar ’il quddiem in-"NM").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn RUMA Finanzierungs- & Beteiligungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem "RUMA") kontra l-Oberfinanzdirektion Nürnberg (iktar ’il quddiem l-"Oberfinanzdirektion") dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ membrana ta’ tastiera għal telefon mingħajr fil bil-funzjoni ta’ aġenda.

     Il-kuntest ġuridiku

    3       In-nomenklatura magħquda, stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-"SA"), imħejjija mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u stabbilita mill-konvenzjoni internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt figuri tas-SA u huma biss is-seba’ u t-tmien figuri li jiffurmaw is-suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

    4       Il-verżjoni tan-nomenklatura magħquda applikabbli fid-data ta’ meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1789/2003. It-tieni parti ta’ dan l-Anness tinkludi t-Taqsima XVI intitolata "Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti", li tinkludi żewġ kapitoli, li l-Kapitolu 85, intitolat "Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti".

    5       Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestaturi u subintestaturi segwenti:

    "8525 Apparat ta’ trasmissjoni għal radju-telefonija, radju-telegrafija, xandir bir-radju jew televiżjoni, fihom jew le apparat għar-riċeviment jew apparat ta’ irreġistrar jew riproduzzjoni tal-ħoss; telekameras; kamerasvidjo immaġni fissa u kamerasvidjo jirreġistraw oħrajn; kameras diġitali:

                               [...]          

    8525 20  – Apparat ta’ trasmissjoni li fih apparat għar-riċeviment:

                               [...]

    8525 20 91 – – – Għal networks ċellulari (telefons li jinġarru)

    […]

    8529               Bċejjeċ tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ l-apparat ta’ titli 8525 sa 8528:

                                [...]

    8529 90 – Oħrajn:

                               [...]          

    8529 90 40 – – – Partijiet mill-apparat tas-subintestaturi 8525 10 50, 8525 20 91, 8525 20 99, 8525 40 11 u 8527 90 92".

    6       L-intestatura 8537 tan-NM hija intitolata "Bords, pannelli, pannelli għall-kontroll (consoles), skrivaniji, armarji u bażijiet oħrajn, armati b’biċċtejn apparat jew aktar ta’ titlu 8535 jew 8536, għal kontroll elettriku jew għad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku [...]".

    7       L-intestatura 8538, intitolata "Bċejjeċ tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ l-apparat ta’ titlu 8535, 8536 jew 8537", tinkludi b’mod partikolari s-subintestaturi segwenti:

    "[…]

    8538 90 – Oħrajn:

                               [...]          

                               – – Oħrajn:

    […]

    8538 90 99 – – – Oħrajn".                                     

    8       Kull taqsima u, f’kull taqsima, il-kapitoli kollha tan-NM, għandhom qabel numru ta’ noti, jiġifieri n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv. In-nota 2 tat-taqsima XVI tan-NM tipprovdi dan li ġej:

    "[…]

    a)       il-partijiet jikkonsistu f’artikoli inklużi f’waħda minn kull intestatura tal-kapitoli 84 jew 85 (bl-eċċezzjoni tan-numri 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) li jaqgħu taħt l-imsemmija intestatura, tkun xi tkun il-magna li għaliha huma ddestinati;

    b)       meta huma rikonoxxibili bħala esklużivament jew prinċipalment iddestinati għal magna partikolari jew għal bosta magni ta’ intestatura waħda […], il-partijiet, minbarra dawk previsti fil-paragrafu preċedenti, huma kklassifikati fl-intestatura relatata ma’ dik jew dawk il-magni jew, skond il-każ, fin-nri 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538; […]

    […]". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9       Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jidhru fl-ewwel parti, titolu I, A, tagħha jgħidu hekk:

    "Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-nomenklatura magħquda hija mwettqa skond il-prinċipji iktar ’il quddiem.

    1.      Il-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    […]

    3.       Meta l-oġġetti jkunu kklassifikati prima facie taħt żewġ intestaturi jew iżjed […] il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej.

    a)      L-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]

    […]

    6.       Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestatura ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor."

    10     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2505/96, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Komunità għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali (ĠU L 345 p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2243/2004, tat-22 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 381, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"Regolament Nru 2505/96"), jinkludi fl-Anness I tiegħu numru ta’ ordni 09.2995 dwar it-tastjieri, li l-elementi rilevanti tagħhom għall-kawża prinċipali huma s-segwenti:

    ["Ordni nru.]

    [Kodiċi NM]

    [Kodiċi Taric]

    [Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti]

    09.2995


    ex 8536 90 85


    ex 8538 90 99


    [95]


    [93]

    Tastieri,

    — li jinkludu saff tas-silicon u buttuni f’polikarbonat jew

    — totalment tas-silicon jew totalment ta’ polikarbonat, li jinkludi buttuni stampati, destinati għall-manifattura jew tiswija ta’ stazzjonijiet ta’ radio-telefons mingħajr fil tas-subintestatura 8525 20 91 [...]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]


    11     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1578/2006, tad-19 ta’ Ottubru 2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 291, p. 3), jipprovdi b’mod partikolari fl-ewwel u fit-tielet premessi tiegħu:

    "(1)      Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, hemm lok li jitwaqqfu d-dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-oġġetti inklużi fl-anness tar-regolament preżenti.

    […]

    (3)      In applikazzjoni ta’ l-imsemmija regoli ġenerali, l-oġġetti msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella inkluża fl-anness tar-regolament preżenti għandhom ikunu kklassifikati fil-kodiċi NM korrispondenti indikati fil-kolonna 2 u dan skond motivazzjonijiet indikati fil-kolonna 3 ta’ l-imsemmija tabella". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12     L-anness ta’ l-imsemmi regolament jipprovdi hekk:

    ["Deskrizjoni ta’ l-oġġetti]

    [Klassifikazzjoni]

    [(Kodiċi NM)]

    [Motivazzjoni]

    [(1)]

    [(2)]

    [(3)]

    1. Membrana tat-tastiera (daqs: ċirka 65 × 40 × 1 mm) manifatturata f’polikarbonat, mingħajr element ta’ konduttur ta’ l-elettriku. Il-prodott għandu buttuni mmolati minn naħa u punti ta’ kuntatt mhux konduċenti fin-naħa l-oħra.

    Il-prodott jinkludi buttuni stampati li jammontaw għal tastiera alfanumerika, ta’ buttuni ta’ sejħa u ta’ elementi oħra karatteristiċi tat-telefons mingħajr fil.

    8529 90 40

    Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, bin-nota 2 b) tat-Taqsima XVI, kif ukoll mill-kliem tal-kodiċi NM 8529, 8529 90 u 8529 90 40.

    L-istruttura tat-tastiera, b’mod partikolari l-forma, kif ukoll l-intestatura, il-preżentazzjoni u l-istampar tal-buttuni wasslu li tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi 8529 90 40 bħala parti esklussivament jew prinċipalment destinat għat-tagħmir li jaqa’ taħt l-intestatura 8525."

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13     Fix-xahar ta' Awwissu 2004, RUMA ressqet talba għal informazzjoni dwar it-tariffi imposti li għandhom bħala suġġett membrana ta’ tastiera li hija ddesikriviet bħala "tastiera għat-telefon mingħajr fil fil-forma ta’ plejt ta’ kuntatt".

    14     Permezz ta’ informazzjoni tariffarja tat-28 ta’ Settembru 2004, l-Oberfinanzdirektion ikklassifikat il-prodott in kwistjoni fis-subintestatura 8538 90 99 tan-NM, bħala "parti rikonoxxibbli bħala li hija esklussivament destinata għat-tagħmir tan-Nru 8537".

    15     Peress li dik il-membrana tat-tastiera kellha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8529 90 40 tan-NM bħala parti tal-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 8525, RUMA ppreżentat ilment kontra l-imsemmija informazzjoni tariffarja kuntrarja. Peress li din ta’ l-aħħar kienet ġiet miċħuda, RUMA ppreżentat appell quddiem il-Finanzgericht München.

    16     Il-Qorti tar-Rinviju ddeskriviet il-prodotti in kwistjoni b’dan il-mod:

    "It-‘tastiera għat-telefonija mingħajr fil taħt forma ta’ plejt ta’ kuntatt’ in kwistjoni hija, skond l-inkartament tekniku, ir-ritratti u l-kampjuni mogħtija lill-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt [l-istitut tekniku ta’ verifika u ta’ formazzjoni tad-dwana], blokka ta’ buttuni flessibbli ta’ polikarbonat. Din il-membrana ta’ polikarbonat għandha fuq in-naħa tagħha ta’ fuq, buttuni imbuzzati, fuq in-naħa t’isfel tagħha, buttuni ta’ kuntatt mhux kondutturi. Meta wieħed jagħfas buttuna, il-buttuna ta’ kuntatt mhux konduttur tħaddem punt ta’ kuntatt fuq membrana ta’ kuntatt li jinsab taħt, li mhuwiex is-suġġett ta’ informazzjoni tariffarja kuntrarja. Din il-membrana tat-tastiera hija użata bħala plejt li tkopri l-buttuni tat-tastiera tat-telefon mingħajr fil li hija tippermetti li tattiva."

    17     Il-Qorti tar-rinviju tqis li, skond in-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-prodott in kwistjoni trid tiġi applikata mhux permezz tal-magni li jidhru enumerati fi ħdan l-imsemmija taqsima, li għaliha għandha għan finali, iżda abbażi tal-magni li għalihom huwa direttament destinat. Hija ssostni li d-destinazzjoni immedjata tal-membrana tat-tastiera hija li tikkompleta tastiera skond l-intestatura 8537, b’mod li l-prodott in kwistjoni għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 8538 tan-NM.

    18     Skond il-qorti tar-rinviju, klassifikazzjoni bħal din tkun ikkonfermata mir-Regolament Nru 2243/2004 li jgħid li taħt in-numru ta’ l-ordni 09.2995, it-"tastieri, […] kollha kemm huma […] f’polikarbonat, jinkludu buttuni stampati, iddestinati għall-manifattura jew it-tiswija ta’ stazzjonijiet ta’ radjutelefons mingħajr fil" huma kklassifikati fl-intestatura 8538 tan-NM.

    19     Il-Qorti tar-rinviju madankollu tqis li mhijiex f’pożizzjoni li tikkonferma l-informazzjoni tariffarja kuntrarja mogħtija mill-Oberfinanzdirektion, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kumitat tan-nomenklatura tat-tariffi u statistika jkun qies għal bosta snin il-klassifikazzjoni tal-prodott in kwistjoni, iżda ma jkunx wasal għal deċiżjoni.

    20     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti għal deċiżjoni preliminari:

    "Jeħtieġ li n-[NM]’ tiġi interpretata fis-sens li l-blokok tal-buttuni li għandhom, fuq in-naħa t’isfel tagħhom, buttuni ta’ kuntatt mhux kondutturi jaqgħu taħt l-intestatura 8538?"

     Fuq id-domanda preliminari

     Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    21     RUMA ssostni li l-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali tammonta għal "parti" tat-telefon mingħajr fil u b’hekk trid tiġi kklassifikata b’dan il-mod. Din il-membrana hija, tgħid hi, neċessarja għall-użu ta’ telefon mingħajr fil bil-funzjoni ta’ aġenda u speċjalment adatta għal dan il-għan, peress li kull użu tiegħu, minbarra bħala dik ta’ parti tat-telefon mingħajr fil, ikun impossibbli. Min-naħa l-oħra, din tissodisfa funzjoni tal-protezzjoni, li twaqqaf b’mod partikolari li jidħol it-trab fit-telefon mingħajr fil.

    22     RUMA tqis li l-membrana tat-tastiera in kwistjoni kellha konsegwentement tiġi kklassifikata fl-intestatura 8529 tan-NM, peress li tirrigwarda parti ddestinata esklużivament għal tagħmir li jaqa’ taħt l-intestatura 8525. Hija żżid li l-fatt li l-imsemmija membrana hija kklassifikata bħala parti ta’ tastiera fl-intestatura 8538 tan-NM tammonta għal klassifikazzjoni ta’ tastiera ta’ telefon mingħajr fil bħala tagħmir indipendenti, li ma jistax ikun il-każ peress li huwa biss l-inkorporazzjoni tiegħu fit-telefon mingħajr fil li jagħti funzjoni ta’ tastiera.

    23     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tgħid b’mod partikolari li jirriżulta mill-kliem stess tas-subintestatura 8529 90 40 li din ta’ l-aħħar tinkludi l-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li din il-membrana mhijiex manifestament oġġett indipendenti, iżda parti minn telefon mingħajr fil, huwa, skond il-Kummissjoni, element determinanti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija membrana hija indispensabbli peress li għandha rwol dirett fl-użu tat-telefon mobbli. Min-naħa l-oħra, hija tipprotegi lil dan ta’ l-aħħar mill-umdità u mit-trab, u b’hekk jippreżerva l-kapaċità ta’ tħaddim.

    24     Il-Kummissjoni żżid li, skond is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock (C‑339/98, Ġabra p. I-8947, punt 21), il-kunċett ta’ "parti" jimplika "l-preżenza ta’ ħaġa kompleta u din tkun indispensabbli għat-tħaddim tagħha". Hija tqis li telefon mingħajr fil huwa "globalità", peress li huwa apparat komplet u direttament operattiv mill-perspettiva teknika, li għalih operat tal-membrana tat-tastiera huwa indispensabbli.

    25     Il-gvern Ungeriż josserva li parti mit-tagħmir previst fl-intestatura 8525 għandha, kif jirriżulta mill-prinċipji msemmija fin-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM u tal-SA, tiġi kklassifikata fl-intestatura 8529. Huwa jżid li, skond ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, l-intestatura 8538 għandha tiġi eskluża fir-rigward tal-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li t-termini ta’ l-intestatura 8529 jiddeskrivu bl-aktar mod preċiż il-prodott ikkonċernat bħala parti rikonoxxibbli li hija ddestinata għat-tagħmir ta’ l-intestatura 8525.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26     Il-Qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk il-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8538 90 99 tan-NM bħala parti ta’ tastiera skond l-intestatura 8537 jew fis-subintestatura 8529 90 40 bħala parti ta’ telefon mingħajr fil skond l-intestatura 8525.

    27     Jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-bidu li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita l-aspettattiva leġittima u l-faċilità ta’ l-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ l-oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tiegħu, kif iddefiniti mill-kliem ta’ l-intestatura tan-nomenklatura magħquda u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C‑396/02, Ġabra p. I-8439, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C‑445/04, Ġabra p. I-10721, punt 19).

    28     F’dan il-każ partikolari, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex prevista speċifikament la mill-kliem ta’ l-intestaturi tan-NM, lanqas minn dik tan-noti ta’ taqsimiet jew kapitoli ta’ dan ta’ l-aħħar.

    29     Il-kliem ta’ l-intestatura 8529 tan-NM, li minnhom, skond RUMA, tirriżulta l-membrana tat-tastiera fil-kawża prinċipali, tinkludi l-"[p]artijiet rikonoxxibbli bħala li huma esklussivament jew prinċipalment destinati għal tagħmir tan-nri 8525 sa 8528", li tinkludi b’mod partikolari t-telefoni mingħajr fil. Il-kliem ta’ l-intestatura 8538, li fihom, skond l-Oberfinanzdirektion, jeħtieġ li tiġi kklassifikata l-imsemmija tastiera, jirrigwarda l-"[p]artijiet rikonoxxibbli bħala li huma esklussivament jew prinċipalment destinati għal tagħmir tan-nri 8535, 8536 jew 8537", li jinkludu b’mod partikolari l-"[b]ords, pannelli, pannelli għall-kontroll (consoles), skrivaniji, armarji u bażijiet oħrajn, armati b’biċċtejn apparat jew aktar ta’ titlu 8535 jew 8536, għal kontroll elettriku jew għad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku.

    30     Skond in-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM, "meta huma rikonoxxibili bħala esklussivament jew prinċipalment destinati għal magna partikolari jew għal bosta magni ta’ intestatura waħda […], il-partijiet, minbarra dawk previsti fil-paragrafu preċedenti, huma kklassifikati fl-intestatura relatata ma’ dik jew dawk il-magni jew, skond il-każ, fin-nri 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538".

    31     Jeħtieġ li jiġi mfakkar li t-terminu "parti", jimplika l-preżenza ta’ xi ħaġa kompleta u li din tkun indispensabbli għat-tħaddim tagħha (sentenzi Peacock, iċċitata, punt 21, u tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, C-276/00, Ġabra p. I-1389, punt 30).

    32     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-armar tal-membrana tat-tastiera fil-kawża prinċipali b’elementi oħra kostituttivi tat-telefon mingħajr fil jippermetti li jassigura l-unità funzjonali ta’ dan ta’ l-aħħar. Il-kunċett ta’ "unità funzjonali", kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa applikabbli meta magna jew tagħmir tkun komposta minn elementi distinti, li huma kkonċepiti sabiex jassiguraw fl-istess waqt funzjoni waħda stabbilita sew (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 1985, Telefunken Fernseh und Rundfunk, 223/84, Ġabra p. 3335, punt 29).

    33     F’dan il-każ, l-imsemmija membrana għandha rwol dirett fl-użu tat-telefon mingħajr fil għaliex hija tippermetti li tħaddem il-punti ta’ kuntatt u bl-istess mod li taċċedi għal funzjonijiet differenti tagħha. Mingħajr il-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun impossibbli li jkun hemm aċċess għal funzjonijiet differenti tat-telefon. Konsegwentement, dan huwa bla dubju komponent indispensabbli għat-tħaddim tat-telefon mingħajr fil.

    34     Bil-kontra, it-tastiera ta’ telefon mingħajr fil mhix unità funzjonali distinta mit-tagħmir li miegħu jiġi inkorporat b’mod li ma jkunx jista’ jintuża indipendentement u lanqas ma jintuża għal funzjoni oħra barra minn dik li tista’ tiġi assigurata mit-totalità li tikkostitwixxi t-telefon (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Telefunken Fernseh und Rundfunk, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 31).

    35     Skond it-termini tal-punt 3(a), tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li tidher fl-ewwel parti, Titolu I, A tagħhom, li tkopri preċiżament l-ipoteżi li fiha l-oġġetti jidhru li jridu jiġu kklassifikati taħt żewġ jew bosta intestaturi, "[l]-intestatura l-aktar speċifika għandha jkollha l-prijorità fuq l-intestaturi ta’ portata aktar ġenerali". F’dan il-każ partikolari, jeħtieġ li jingħad li s-subintestatura 8529 90 40 hija, f’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-membrana tat-tastiera fil-kawża prinċipali, u b’mod iktar partikolari kif jirriżulta mill-fatt li l-imsemmija subintestatura tirreferi espressament għall-"[p]artijiet ta’ tagħmir tas-subintestaturi […] 8525 20 91", jiġifieri għall-partijiet tat-telefoni mingħajr fil, aktar speċifikament mis-subintestatura 8538 90 99, li tkopri medda ta’ oġġetti ħafna akbar u aktar varjati kif jindika t-titolu tiegħu moqri flimkien ma’ dak ta’ l-intestatura 8537.

    36     L-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ wkoll jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni safejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott, peress li din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skond il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic, C-459/93, Ġabra p. I-1381, punt 13).

    37     F’dan il-każ, l-istruttura tal-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-forma speċjalment adattata għal tip ta’ telefon mingħajr fil, kif ukoll il-metodu ta’ tħaddim jeskludu kull użu ta’ din il-membrana barra dik ta’ element ta’ l-imsemmi telefon. Il-karatteristiċi tal-membrana tat-tastiera għandhom ukoll bħala funzjoni li jassiguraw ċertu siġillar tat-telefon, li jwaqqaf b’mod partikolari t-trab u l-umdità milli jidħlu.

    38     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li l-membrana tat-tastiera in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8529 90 40 tan-NM bħala parti minn telefon mobbili skond l-intestatura 8525.

    39     Dik il-konklużjoni mhix ikkontestata mill-kunsiderazzjoni, maħruġa mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-klassifikazzjoni tal-membrana tat-tastiera fil-kawża prinċipali fl-intestatura 8538 tan-NM hija kkonfermata mir-Regolament Nru 2505/96 li fih, taħt in-numru ta’ ordni 09.2995, it-"tastieri, […] totalment […] f’polikarbonat, jinkludu buttuni stampati, destinati għall-manifattura jew tiswija ta’ l-istazzjonijiet ta’ radjutelefons mingħajr fil" huma kklassifikati fl-intestatura 8538 tan-NM, peress li din id-dispożizzjoni, li ddaħħlet fl-Anness I tar-Regolament Nru 2505/96 permezz tar-Regolament Nru 2243/2004, mhijiex applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. Minbarra dan, jeħtieġ li jingħad ukoll, fit-tieni lok, li r-Regolament Nru 1578/2006, li fih id-data ta’ l-adozzjoni hija sussegwenti għal dik tar-Regolament Nru 2243/2004, jipprovdi speċifikament il-klassifikazzjoni tal-membrani tat-tastiera tal-polikarbonat, mingħajr element konduttiv u li għandhom buttuni mmullati minn naħa u punti ta’ kuntatt mhux konduċenti minn naħa l-oħra, fis-subintestatura 8529 90 40 tan-NM.

    40     Fid-dawl tal-kunsiderazzjoniijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-membrani tat-tastiera f’polikarbonat li għandhom fuq in-naħa ta’ fuq imbuzzar u fuq in-naħa t’isfel tagħhom punti ta’ kuntatt mhux konduċenti u li huma ddestinati li jiġu inkorporati f’telefoni mingħajr fil, jaqgħu taħt is-subintestatura 8529 90 40.

     Fuq l-ispejjeż

    41     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tidddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    In-nomenklatura magħquda tat-tariffa doganali komuni, li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-membrani tat-tastiera f’polikarbonat li għandhom fuq in-naħa ta’ fuq buttuni mmullati u fuq in-naħa t’isfel tagħhom punti ta’ kuntatt mhux konduċenti u li huma ddestinati li jiġu inkorporati f’telefoni mingħajr fil, jaqgħu taħt is-subintestatura 8529 90 40.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top