Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0050

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ċittadin ta' l-Unjoni - Moviment liberu taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri - Direttiva 64/221/KEE - Politika pubblika - Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-tkeċċija - Kundanna kriminali - Espulsjoni.
    Kawża C-50/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:325

    Kawża C-50/06

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Renju ta’ l-Olanda

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ċittadinanza ta’ l-Unjoni — Moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri — Direttiva 64/221/KEE — Ordni pubbliku — Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-tkeċċija — Kundanna kriminali — Espulsjoni”

    Sommarju tas-Sentenza

    1.        Moviment liberu tal-persuni – Derogi – Deċiżjonijiet f’materja ta’ kontroll tal-barranin – Garanziji materjali u proċedurali – Kamp ta’ applikazzjoni personali

    (Direttiva tal-Kunsill 64/221)

    2.        Moviment liberu tal-persuni – Derogi – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku

    (Direttiva tal-Kunsill 64/221)

    1.        L-interpretazzjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/221, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, japplikaw biss għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jirrisjedu b’mod regolari fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

    Fil-fatt, il-garanziji previsti mid-Direttiva 64/221 jeżiġu, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tagħhom, interpretazzjoni wiesgħa. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha sabiex jassiguraw lil kull ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li kontrih tkun inħarġet ordni ta’ tkeċċija mit-territorju, it-tgawdija tal-garanzija li jikkostitwixxu għalih id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-esklużjoni mill-benefiċċju ta’ dawn il-garanziji materjali u proċedurali liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li ma jirrisjedux b’mod regolari fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jċaħħad lil dawn mill-parti essenzjali ta’ l-effett utli tagħhom.

    (ara l-punti 35, 37)

    2.        Jonqos mill-obbligi tiegħu skond id-Direttiva 64/221KEE, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, Stat Membru li ma japplikax għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni l-imsemmija Direttiva, iżda leġiżlazzjoni ġenerali dwar iċ-ċittadini barranin li tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija.

    L-eżistenza ta’ kundanna kriminali tista’ fil-fatt tiġi kkunsidrata biss safejn iċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għal dik il-kundanna juru l-eżistenza ta’ kondotta personali li tikkostitwixxi periklu attwali għall-ordni pubbliku. Sabiex awtorità nazzjonali tkun tista’ tirrikorri għall-kunċett ta’ ordni pubbliku, għandu jkun hemm, f’kull każ, minbarra l-inkwiet soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, periklu reali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Id-dritt Komunitarju jipprekludi wkoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bażi ta’ preżunzjoni li tgħid li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu ġew ikkundannati b’ċerta piena għal reati speċifiċi għandhom jiġu espulsi.

    (ara l-punti 41, 43-44, 51 u disp.)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    7 ta’ Ġunju 2007 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ċittadin ta’ l-Unjoni – Moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri – Direttiva 64/221/KEE – Ordni pubbliku – Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-tkeċċija – Kundanna kriminali – Espulsjoni”

    Fil-kawża C‑50/06,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-31 ta’ Jannar 2006,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Klučka, J. N. Cunha Rodrigues, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li billi ma applikax għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni d-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ [ordni] pubblik[u], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 1964, 56, p. 850), iżda billi applika fir-rigward tagħhom leġiżlazzjoni ġenerali relatata ma’ persuni barranin li tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    2        L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi li kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mill-miżuri adottati sabiex jagħtu effett lil dan l-aħħar imsemmi.

    3        Id-Direttiva 64/221 hija intiża, skond l-Artikolu 1, għal kull ċittadin ta’ xi Stat Membru li joqgħod fi jew jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor tal-Komunità jew sabiex ikompli attività bħala persuna impjegata jew bħala impjegat għal rasu, jew bħala reċipjent ta’ servizzi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw ukoll għall-konjuġi u għall-membri tal-familja li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u Direttivi adottati f’dan il-qasam bis-saħħa tat-Trattat.

    4        Id-Direttiva 64/221 tirrigwarda, skond l-Artikolu 2 tagħha, il-miżuri kollha dwar id-dħul fit-territorju tagħhom, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi tar-residenza, jew it-tkeċċija mit-territorju tagħhom, meħuda minn Stati Membri għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

    5        Skond l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-Direttiva:

    “1. Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ [ordni] pubblik[u] jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu konċernat.

    2. Il-kundanni kriminali ta’ qabel ma għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri.”

    6        Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 64/221, il-persuna kkonċernata għandha jkollha l-istess rimedji legali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalunkwe deċiżjoni dwar id-dħul, jew dwar ir-rifjut tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-permess tar-residenza, jew dwar l-ordni għat-tkeċċija mit-territorju, kif ikun disponibbli għaċ-ċittadini ta’ l-Istat ikkonċernat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ atti ta’ l-amministrazzjoni.

    7        L-Artikolu 9 ta’ din l-istess Direttiva għandu bħala għan li jassigura garanzija proċedurali minima għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li kontra tagħhom tingħata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti jew ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza jew li huma milquta minn deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    8        L-Artikolu 1 tal-liġi fuq il-persuni barranin (Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), jgħid:

    “F’din il-liġi u d-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuqha, huwa mifhum b’:

    […]

    e)      Ċittadini Komunitarji:

    1. iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huma awtorizzati sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru u sabiex jirrisjedu hemm;

    2. il-membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-punt 1 li huma ta’ nazzjonalità ta’ Stat terz u li, wara deċiżjoni meħuda skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huma awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru u jirrisjedu hemmhekk;

    […]

    m)      Barranin:

    il-persuni kollha li mhumiex ta’ nazzjonalità Olandiża u li fuq il-bażi tal-liġi ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala Olandiżi.”

    9        L-Artikolu 8(e) ta’ din l-istess liġi jipprovdi li l-ċittadin barrani li ma jirrisjedix b’mod regolari fl-Olanda bħala ċittadin Komunitarju ħlief f’każ fejn ir-residenza tiegħu hija bbażata fuq regola adottata skond it-Trattat jew ukoll fuq il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).

    10      L-Artikolu 63 tal-liġi fuq iċ-ċittadini barranin jipprovdi li ċittadin barrani li ma jirrisjedix b’mod regolari fl-Olanda u li ma jkunx telaq minn dan il-pajjiż minn jeddu fit-terminu ta’ żmien previst minn din il-liġi jista’, skond l-Artikolu 27(l)(b), jew ta’ l-Artikolu 45(1)(b) ta’ l-imsemmija liġi, jiġi espuls.

    11      Skond l-Artikolu 67 ta’ din l-istess liġi:

    “1. Ċittadin barrani jista’ jiġi ddikjarat persona non grata mill-Ministru tagħna:

             a)     jekk ma jirrisjedix b’mod regolari fl-Olanda u li ripetutament wettaq reati punibbli skond il-liġi preżenti;

             b) jekk huwa ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni, li tkun saret finali, minħabba ksur li għalih huwa jirriskja li jingħata piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew aktar u wkoll jekk tiġi imposta fuqu miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 37a ta’ Wetboek van Strafrecht;

             c) jekk huwa jirrappreżenta periklu għall-ordni pubblik[u] jew għas-sigurtà nazzjonali u jekk ma jirrisjedix b’mod regolari fl-Olanda skond l-Artikolu 8(a) sa (e) jew taħt (l),

             d) skond Trattat, jew

             e) fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Olanda.

    […]

    3. B’deroga għall-Artikolu 8, iċ-ċittadin barrani ddikjarat persona non grata ma jistax jirrisjedi b’mod regolari [fl-Olanda].”

    12      Dan l-Artikolu huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-Artikolu 21 tal-liġi fuq iċ-ċittadini barranin ta’ l-1965, li għalih tagħmel referenza l-Kummissjoni fir-rikors tagħha.

    13      L-Artikolu 1:5(1) tad-digriet fuq iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenbesluit), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb 2000, Nru 497), jgħid hekk:

    “Fir-rigward ta’ ilment jew fuq rikors amministrattiv, il-ministru tagħna jiġbor l-opinjoni tal-kumitat ta’ opinjoni għall-affarijiet relatati maċ-ċittadini barranin […], jekk id-deċiżjoni kkontestata tirrifjuta l-aċċess fl-Olanda lil ċittadin Komunitarju jew jekk huwa stabbilit li ċittadin Komunitarju ma jirrisjedix b’mod regolari f’dan il-pajjiż skond l-Artikolu 8(e) tal-liġi jew jekk din ir-residenza regolari tkun intemmet għal raġunijiet relatati mal-perikolu għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika skond id-Direttiva 64/221 […]”

    14      L-Artikolu 8:13 ta’ dan id-digriet jgħid:

    “1. Ma ssirx espulsjoni ta’ ċittadin Komunitarju sakemm ma jidhirx li l-persuna m’għandhiex dritt ta’ residenza jew li jkun skada d-dritt ta’ residenza tagħha.

    2. Iċ-ċittadin barrani li huwa ċittadin ta’ Stat kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea jew għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew inkella l-membri tal-familja tiegħu u li ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza bħala ċittadin Komunitarju, jew inkella fejn id-dritt ta’ residenza jkun skada, huwa espuls biss wara li jkun ingħatalu terminu ta’ żmien ta’ għall-inqas erba’ ġimgħat sabiex jitlaq f’pajjiż ieħor li fih huwa ggarantit lilu aċċess.

    3. Iċ-ċittadin barrani msemmi f’paragrafu 2 ma jistax jiġi espuls sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni fuq l-ilment ippreżentat fit-termini ta’ żmien stabbiliti fir-rigward ta’ deċiżjoni skond il-paragrafu 2.

    4. Fil-każijiet urġenti, tista’ ssir eċċezzjoni għall-paragrafi 2 u 3.”

    15      Il-punt B10/7.3.2 taċ-ċirkulari fuq il-barranin (Vreemdelingencirculaire, Stcrt. 2000, Nru 64, p. 17) jgħid li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu b’mod regolari fl-Olanda jistgħu jkunu espulsi biss mill-Ministru (Artikolu 63(2) tal-liġi fuq iċ-ċittadini barranin). F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-garanziji previsti fl-Artikoli 1:5 u 8:13 tad-digriet fuq iċ-ċittadini barranin. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom li ma jirrisjedux jew ma jirrisjedux aktar b’mod regolari f’dan il-pajjiż skond id-dritt Komunitarju jew kwalunkwe regola oħra, hemm lok li jiġi applikat, skond il-punt B10/7.3.1 ta’ din l-istess ċirkulari, ir-regoli ġenerali dwar it-tluq u l-espulsjoni, jiġifieri l-Artikoli 61 sa 65 tal-liġi fuq iċ-ċittadini barranin.

    16      Il-liġi fuq iċ-ċittadini barranin, id-digriet fuq iċ-ċittadini barranin u ċ-ċirkulari fuq iċ-ċittadini barranin daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2001.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    17      Bosta ċittadini ta’ l-Unjoni li ġew ikkundannati għall-pieni ta’ priġunerija fl-Olanda indirizzaw lill-Kummissjoni lmenti fir-rigward tal-miżuri meħuda kontra tagħhom mill-awtoritajiet Olandiżi li ddikjarawhom personae non gratae għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Wara l-eżami ta’ dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni ġenerali Olandiża dwar iċ-ċittadini barranin, applikabbli wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ma kinitx, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, konformi mad-Direttiva 64/221, fejn hija tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija mit-territorju. B’konsegwenza, fid-19 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ l-Olanda fejn stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

    18      Fir-risposta tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2003, il-Gvern Olandiż ikkontesta l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 64/221. F’sitwazzjoni simili, id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma applikabbli għalihom. Dan ikun partikolarment il-każ fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jressqux il-prova taċ-ċittadinanza tagħhom permezz ta’ passaport jew ta’ karta ta’ identità li tkun għadha valida. L-istess japplika għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li għamlu użu minn għajnuna pubblika fl-Olanda, bħal partijiet f’kawża, fejn din iċ-ċirkostanza twassal awtomatikament għat-telf tad-dritt ta’ residenza.

    19      Minbarra dan, il-Gvern Olandiż isostni li l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx l-obbligu li jkeċċu ċ-ċittadini barranin li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali, iżda li għandhom diskrezzjoni li tippermettilhom li jqisu l-interessi differenti prezenti. Is-sitwazzjoni familjari tal-parti kkonċernata tkun eżaminata qabel ma tittieħed l-ordni ta’ espulsjoni.

    20      Peress li din ir-risposta ma kkonvinċietx lill-Kummissjoni, din indirizzat fid-9 ta’ Lulju 2004 opinjoni motivata lir-Renju ta’ l-Olanda fejn reġgħet tennet l-ilment espost fl-ittra ta’ intimazzjoni u fejn stednietu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni f’terminu ta’ xaharejn sa min-notifika tagħha.

    21      Il-Gvern Olandiż irrisponda fl-24 ta’ Settembru 2004 għall-imsemmija opinjoni motivata fejn għall-parti l-kbira żamm il-pożizzjoni preċedenti tiegħu, u b’hekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti.

    Fuq ir-rikors

     Fuq l-ammissibbiltà

    22      Ir-Renju ta’ l-Olanda jqajjem, fir-risposta tiegħu, eċċezzjoni ta’ inammissibiltà ibbażata fuq l-estensjoni tas-suġġett tar-rikors.

    23      Skond il-Gvern Olandiż, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, tad-19 ta’ Diċembru 2002 u fl-opinjoni motivata tagħha tad-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni akkużatu biss li applika għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni mhux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/221, iżda leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-barranin li kienet tippermetti li tiġi stabbilta rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija. Min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni b’mod ġenerali li din il-leġiżlazzjoni mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju għar-raġuni li din ma tagħmilx distinzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċittadini barranin in ġenerali u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Minbarra dan, sar ilment fir-rigward tal-konvenut li ma ttrasponiex korrettament id-Direttiva 64/221 fis-sistema legali nazzjonali.

    24      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tafferma li r-rikors tagħha jittratta biss ir-rabta sistematika u awtomatika li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tippermetti li tiġi stabbilita bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija mit-territorju fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

    25      Din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tat-talbiet tar-rikors introduttiv ta’ istanza li permezz tiegħu l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li, billi ma applikax id-Direttiva 64/221 fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, iżda billi applikalhom leġiżlazzjoni ġenerali dwar iċ-ċittadini barranin li tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond din id-Direttiva.

    26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Olandiż ma joġġezzjonax li l-Kummissjoni estendiet l-għan tar-rikors kif definit mill-proċedura prekontenzjuża.

    27      L-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà għandha konsegwentement tiġi miċħuda.

     Fuq il-mertu

    28      Kif ġie indikat fil-punt 25 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ l-Olanda li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-Direttiva 64/221 fejn applika fuq ċittadini ta’ l-Unjoni, mhux id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, iżda leġiżlazzjoni ġenerali dwar iċ-ċittadini barranin li tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija.

    29      Il-Kummissjoni ssostni li kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkun jista’ jibbaża ruħu fuq il-garanziji materjali u proċedurali previsti mid-Direttiva 64/221, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tiegħu fil-qasam tad-dritt ta’ residenza. Skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, l-espulsjoni ta’ tali ċittadin għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku għandha tkun ibbażata fuq il-kondotta personali tiegħu u l-kundanni kriminali ta’ qabel m’għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex tittieħed din il-miżura. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri jistgħu jkeċċu ċittadini ta’ Stati Membri oħra għal dawn il-motivi biss meta l-parti kkonċernata tirrapreżenta periklu reali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà in kwistjoni.

    30      Skond il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li joħorġu mid-Direttiva 64/221, anki jekk wieħed jippresupponi li l-leġiżlazzjoni ġenerali Olandiża dwar iċ-ċittadini barranin ma tinkludix awtomatiżmu fil-qasam ta’ espulsjoni u li bilanċ ta’ l-interessi differenti preżenti jiġi effettwat f’dan il-kuntest. Mhuwiex eskluż li l-awtoritajiet nazzjonali jibbażaw ruħhom fuq il-preżunzjoni li ċ-ċittadini barranin li jkunu s-suġġett ta’ kundanna kriminali għandhom jiġu espulsi, sakemm ċirkustanzi speċjali ma jipprekludux dan.

    31      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-garanziji previsti mid-Direttiva 64/221 indipendentement mill-istatus tagħhom ta’ resident u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ allegata rabta sistematika u awtomatika li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tippermetti li tiġi stabbilita bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija.

    32      Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, l-istatus taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri (sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punti 30 u 31, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 31). Skond l-Artikolu 18(1) KE, kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Ċittadin ta’ Stat Membru li ma jibbenefikax, fl-Istat Membru ospitanti, minn dritt ta’ residenza abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat jew tad-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tiegħu, jista’, fil-kwalità tiegħu biss bħala ċittadin ta’ l-Unjoni, jibbenefika minn dritt ta’ residenza skond applikazzjoni diretta ta’ dan l-Artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 84, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 31).

    33      Dan id-dritt madankollu mhux mingħajr kundizzjoni. L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi li huwa rikonoxxut biss suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mill-miżuri adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Trojani, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, punt 36).

    34      Fost il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti jew awtorizzati mid-dritt Komunitarju, id-Direttiva 64/221 tippermetti lill-Istati Membri li jkeċċu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mit-territorju tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubblika jew ta’ sigurtà pubblika, fl-osservanza tal-garanziji materjali u proċedurali previsti minn din id-Direttiva u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX, C‑459/99, Ġabra p. I‑6591, punti 61 u 62, kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punti 43 u 44).

    35      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-garanziji previsti mid-Direttiva 64/221 jeżiġu, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tagħhom, interpretazzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101). L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha sabiex jassiguraw, lil kull ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li kontrih tkun inħarġet ordni ta’ tkeċċija mit-territorju, it-tgawdija tal-garanzija li jikkostitwixxu għalih id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C‑136/03, Ġabra p. I‑4759, punt 49). L-esklużjoni mill-benefiċċju ta’ dawn il-garanziji materjali u proċedurali liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li ma jirrisjedux b’mod regolari fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jċaħħad lil dawn mill-parti essenzjali ta’ l-effet utli tagħhom.

    36      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin Komunitarju, iżda li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali, għandu jkun jista’ jibbaża ruħu fuq il-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 64/221.

    37      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit li interpretazzjoni li skond din id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/221 japplikaw biss għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jirrisjedu b’mod regolari fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

    38      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda r-rabta sistematika u awtomatika li l-leġiżlazzjoni ġenerali Olandiża dwar iċ-ċittadini barranin tippermetti li tiġi stabbilita, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, bejn, minn naħa, kundanna kriminali u, min-naħa l-oħra, miżura ta’ tkeċċija mit-territorju, jeħtieġ jingħad li, skond l-Artikolu 67 tal-liġi fuq iċ-ċittadini barranin, li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 1(m), ta’ din l-istess liġi, ċittadin barrani, jiġifieri kull persuna li m’għandhiex nazzjonalità Olandiża, tista’ tiġi ddikjarata persona non grata mill-awtoritajiet kompetenti Olandiżi b’mod partikolari jekk hija ġiet ikkundannata permezz ta’ deċiżjoni, li tkun saret finali, li ma tistax tiġi appellata għal ksur li għalih hija tista’ teħel piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew aktar.

    39      Jekk huwa veru li skond il-leġiżlazzjoni in kwistjoni, hekk kif interpretata miċ-ċirkulari fuq iċ-ċittadini barranin, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-garanziji previsti fl-Artikoli 1:5 u 8:13 tad-digriet fuq iċ-ċittadini barranin, fil-każ taċ-ċittadini ta’ l-Unjon kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li din ir-regola tikkonċerna biss il-persuni li jirrisjedu b’mod regolari fl-Olanda.

    40      Id-Direttiva 64/221 li tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li ma jirrisjedudx b’mod regolari fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, u b’hekk tali persuna ma tistax tiġi espulsa, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, ħlief fil-limiti stretti previsti minnha.

    41      Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221, il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta tal-persuna kkonċernata. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li l-kundanni kriminali ta’ qabel ma’ għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawn il-miżuri. Għalhekk, l-eżistenza ta’ kundanna kriminali tista’ tiġi kkunsidrata biss safejn iċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għal dik il-kundanna juru l-eżistenza ta’ kondotta personali li tikkostitwixxi periklu attwali għall-ordni pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 28; tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C‑348/96, Ġabra p. I‑11, punt 24; Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 33).

    42      Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b’mod restrittiv u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punt 27; Bouchereau, iċċitata iktar’il fuq, punt 33; Calfa, iċċitata iktar’il fuq, punt 23; tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra. p. I 5257, punti 64 u 65, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 34).

    43      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex awtorità nazzjonali tkun tista’ tirrikorri għall-kunċett ta’ ordni pubbliku, għandu jkun hemm, f’kull każ, minbarra l-inkwiet soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, periklu reali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenzi ċċitati iktar’ il fuq, Rutili, punt 28; Bouchereau, punt 35; Orfanopoulos u Oliveri, punt 66, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 46 u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 35).

    44      Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Komunitarju jipprekludi wkoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jkollhom bażi ta’ preżunzjoni li tgħid li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu ġew ikkundannati b’ċerta piena għal reati speċifiċi għandhom jiġu espulsi (ara s-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

    45      Jekk ma jistax jiġi stabbilit, fil-każ partikolari, li jeżisti, fil-leġiżlazjoni ġenerali Olandiża dwar iċ-ċittadini l-barranin, awtomatiżmu assolut bejn, minn naħa, kundanna kriminali u, min-naħa l-oħra, miżura ta’ tkeċċija mit-territorju, xorta jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tippermetti li ssir l-espulsjoni mit-territorju tar-Renju ta’ l-Olanda, barra mill-garanziji materjali u proċedurali previsti mid-Direttiva 64/221, taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jkunu s-suġġett ta’ kundanna kriminali. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li deċiżjoni ta’ espulsjoni tiġi deċiża kontra tali persuna, minkejja t-teħid in kunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni familjari, mingħajr ma tiġi meħuda in kunsiderazzjoni l-kondotta personali tiegħu u lanqas ta’ l-eżistenza jew le ta’ periklu reali u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku.

    46      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni ġenerali Olandiża dwar il-barranin tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

    47      Fl-aħħar nett, il-Gvern Olandiż jindika, fir-risposta tiegħu, li kkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jirrikonoxxi li kull ċittadin ta’ l-Unjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 64/221 u għandu jkun jista’ jibbenefika mill-garanziji materjali u proċedurali stabbiliti minnha. Skond dan il-Gvern, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tinġieb f’konformità mad-dritt Komunitarju fil-kuntest tat-traspożizzjoni, fis-sistema legali nazzjonali, tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77, u l-korrezzjoni ĠU L 229, p. 35).

    48      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi mfakkar li, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru kif ippreżentata fit-tmiem taż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1990, Il-Kummissjoni vs Greċja, C‑200/88, Ġabra p. I‑4299, punt 13; ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑22/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19, u ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 32).

    49      Madankollu, f’dan il-każ partikolari, huwa stabbilit li, fl-iskadenza taż-żmien mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Renju ta’ l-Olanda ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex iġib fi tmiemu n-nuqqas attribwit.

    50      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.

    51      Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit li, billi ma applikax id-Direttiva 64/221 liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, iżda applika fir-rigward tagħhom leġiżlazzjoni ġenerali dwar iċ-ċittadini barranin li tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond din id-Direttiva.

     Fuq l-ispejjeż

    52      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ l-Olanda tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      billi ma applikax id-Direttiva tal-Kunsill 64/221 tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, iżda applika fir-rigward tagħhom leġiżlazzjoni ġenerali dwar iċ-ċittadini barranin li tippermetti li tiġi stabbilita rabta sistematika u awtomatika bejn kundanna kriminali u miżura ta’ tkeċċija, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond din id-Direttiva.

    2)      ir-Renju ta’ l-Olanda huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top