Vyberte si experimentálne prvky, ktoré chcete vyskúšať

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Dokument 62006CC0454

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 13 ta' Marzu 2008.
    pressetext Nachrichtenagentur GmbH vs Republik Österreich (Bund), APA-OTS Originaltext-Service GmbH u APA Austria Presse Agentur registrierte Genossenschaft mit beschränkter Haftung.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesvergabeamt - l-Awstrija.
    Kuntratti pubbliċi - Direttiva 92/50/KEE - Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi - Kunċett ta’ ‛għoti ta’ kuntratt’".
    Kawża C-454/06.

    Identifikátor ECLI: ECLI:EU:C:2008:167

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 ( 1 )

    Kawża C-454/06

    pressetext Nachrichtenagentur GmbH

    vs

    Republik Österreich (Bund) et

    “Kuntratti pubbliċi — Direttiva 92/50/KEE — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Kunċett ta’ ‘għoti ta’ kuntratt’”

    I — Introduzzjoni

    1.

    F’din il-kawża l-Bundesvergabeamt qiegħed jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela wiesgħa ħafna ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi. Dawn id-domandi huma essenzjalment intiżi sabiex isir magħruf kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “għoti ta’ kuntratti” fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. B’mod partikolari għandu jiġi ċċarat taħt liema kundizzjonijiet bidla ta’ kuntratt eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, bil-konsegwenza li, f’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jkun hemm proċedura għall-għoti u li l-impriżi li ma jintgħażlux jibbenefikaw minn protezzjoni legali.

    2.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq kontroversja qalila dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-istampa għall-awtortiajiet Federali Awstrijaċi, li fiha l-Pressetext Nachrichtenagentur — offerent relattivament ġdid fis-suq Awstrijak — fetħet kawża kontra relazzjonijiet kuntrattwali li kienu tradizzjonalment jeżistu bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-aġenzija — li ilha żmien topera fis-suq — Austria Presse Agentur u li kienu s-suġġett ta’ emendi fis-snin 2000, 2001 u 2005.

    II — Il-kuntest ġuridiku

    A — Id-dritt Komunitarju

    3.

    Il-kuntest ġuridiku Komunitarju tal-kawża inkwistjoni huwa stabbilit minn żewġ direttivi fil-qasam tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri

    Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”) u

    Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi ( 3 ) fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 92/50 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”) ( 4 ).

    1. Dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/50

    4.

    Fost id-dispożizzjonijiet ġenerali fit-Titolu 1 tad-Direttiva 92/50, l-Artikolu 1(f) jipprovdi dan il-kunċett:

    “[għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva] proċeduri negozjati għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom awtoritajiet jikkonsultaw lil dawk li jipprovdu servizz bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw il-kondizzjonijiet tal-kuntratt ma’ wieħed jew iktar minnhom.”

    5.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/50, li jinsab ukoll fit-Titolu I tagħha, jipprovdi:

    “1.   Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] jew fl-organizzazzjoni ta’ kuntesti tad-disinn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri adattati għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    2.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.

    […]”.

    6.

    Fit-titolu II tad-Direttiva 92/50 hemm, taħt l-intestatura “Applikazzjoni f’żewġ stadji” l-Artikoli 8 sa 10, li jipprovdu dan li ġej:

    Artikolu 8

    Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.

    Artikolu 9

    Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IB għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16

    Artikolu 10

    Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness IA kif ukoll fl-Anness IB għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI meta l-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IA huwa ikbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IB. Meta dan m’huwiex il-każ, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16”.

    7.

    It-titolu III tad-Direttiva 92/50 huwa intitolat “L-għażla ta’ proċeduri ta’ għoti u regoli li jirregolaw kuntesti tad-disinn”. Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 11(3) li jipprovdi:

    “L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt fil-każijiet li ġejjin:

    […]

    (b)

    meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, is-servizzi jkunu jistgħu jiġu pprovduti biss minn fornitur partikolari ta’ servizz;

    […]”.

    8.

    L-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 92/50, li jinsab fit-Titolu IV tagħha, jipprovdi li:

    “Jekk, għal kwalunkwe raġuni valida, il-formitur [fornitur] tas-servizz ma jkunx jista’, jipprovdi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, huwa jista[’] jipprova l-qagħda ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kwalunkwe dokument ieħor li l-awtorità kontraenti tikkonsidra approprjat.”

    2. Dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 89/665

    9.

    Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprovdi dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE u 92/50/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jallegaw ħsara fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula b’din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Komunità u regoli nazzjonali oħrajn.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet pubbliċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni”.

    10.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 jistabbilixxi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

    […]

    b)

    jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

    c)

    jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.

    2.   Il-poteri speċifikati fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli għal aspetti differenti tal-proċedura tar-reviżjoni.

    […]

    5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi meta jintalbu danni fuq il-bażi li deċiżjoni kienet ittieħdet illegalment, id-deċiżjoni kontestata għandha l-ewwel tiġi mwarrba mill-korp li jkollu l-poteri meħtieġa.

    […]”.

    B — Id-dritt nazzjonali

    11.

    Fost id-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak għandu jiġi enfasizzat l-Artikolu 331 tal-Bundesvergabegesetzes (liġi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi), fil-verżjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2006 ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“BVergG 2006”) li huwa l-bażi legali għall-proċedura dikjaratorja quddiem il-Bundesvergabeamt u li jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Imprenditur li kellu interess li jikseb il-konklużjoni ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi federali jista’, safejn il-ksur tad-dritt invokat ikun ikkawżalu dannu, jitlob li jiġi ddikjarat li

    1.

    l-għażla ta’ l-għoti dirett jew ta’ proċedura għall-għoti li ma kinitx ippreċeduta minn sejħa għal offerti preliminari hija illegali minħabba ksur ta’ din il-liġi federali jew tar-regolamenti ta’ eżekuzzjoni tagħha jew minħabba l-ksur ta’ regoli tad-dritt Komunitarju li japplikaw direttament jew

    […]

    4.

    l-għoti, magħmul direttament fil-konfront ta’ imprenditur, mingħajr parteċipazzjoni fil-proċedura min-naħa ta’ imprendituri oħrajn kien manifestament inammissibbli abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali”.

    12.

    Skont l-Artikolu 332(2) u (3) tal-BVergG 2006, id-dritt għal dikjarazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, jintemm mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jkun sar l-għoti.

    13.

    Mill-Artikolu 132(3) tal-BVergG 2006 jirriżulta li talba skont l-Artikolu 331(1)(4) ta’ din il-liġi, jekk tintlaqa’, għandha twassal, fil-mument meta d-dikjarazzjoni tkun għaddiet inġudikat, għan-nullità tar-relazzjoni kuntrattwali.

    14.

    Għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura ta’ dikjarazzjoni u l-azzjoni għall-ħlas tad-danni li hija ta’ kompetenza tal-qrati ċivili Awstrijaċi u mhux tal-Bundesvergabeamt. Skont l-Artikolu 341(2) tal-BVergG 2006 azzjoni għall-ħlas tad-danni hija ammissibbli biss jekk qabel tkun inbdiet b’eżitu pożittiv proċedura ta’ dikarazzjoni.

    III — Il-fatti u l-kawża prinċipali

    15.

    Il-kawża preżenti hija bbażata fuq fatti li, abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni ta’ rinviju, jistgħu jinġabru fil-qosor b’dan il-mod.

    1. L-aġenziji tal-istampa inkwistjoni

    16.

    L-Austria Presse Agentur (iktar ’il quddiem l-“APA”) twaqqfet ( 6 ) fl-Awstrija wara t-Tieni Gwerra Dinjija taħt forma ta’ kooperattiva ( 7 ), u huma mseħbin magħha kważi l-gazzetti ta’ kuljum kollha Awstrijaċi u anki x-xandar Awstrijak ORF. Flimkien mal-kumpanniji li jiffurmaw il-grupp, l-APA hija kumpannija ewlenija fis-suq tal-aġenziji tal-istampa fl-Awstrija u tipprovdi tradizzjonalment lir-Repubblika tal-Awstrija diversi servizzi ta’ aġenzija tal-istampa.

    17.

    Il-Pressetext Nachrichtenagentur GmbH (iktar ’il quddiem il-“PN”) ilha topera fis-suq Awstrijak tal-aġenziji tal-istampa sa mill-1999, imma sa issa ftit għamlet stqarrijiet għall-istampa għall-uffiċċji amministrattivi Federali. Il-PN għandha wkoll numru iżgħar ta’ kollaboraturi li jaħdmu bħala ġurnalisti meta pparagunata mal-APA u l-arkivju tagħha m’huwiex kbir daqs dak tal-APA. Fl-2004 il-PN offra lir-Repubblika tal-Awstrija servizzi ta’ aġenzija tal-istampa, imma dik l-offerta ma waslitx biex jiġi konkluż kuntratt.

    2. Ir-relazzjonijiet kuntrattwali kkontestati bejn l-APA u r-Repubblika tal-Awstrija

    18.

    Fl-1994, għalhekk qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet stipulat mal-APA l-hekk imsejjaħ kuntratt qafas, li kien jistabbilixxi l-provvista bi ħlas ta’ servizzi partikolari ( 8 ). Dan il-kuntratt qafas kien essenzjalment jippermetti li l-Awtoritajiet Federali Awstrijaċi jiġu mgħarrfa b’informazzjoni attwali u jużawha (“servizz bażiku”), li jużaw informazzjoni storika u stqarrijiet għall-istampa storiċi minn database tal-APA msejħa “APA Dok” u li jużaw is-servizz ta’ testi oriġinali “OTS” tal-APA kemm għall-informazzjoni tagħhom kif ukoll sabiex ixandru l-istqarrijiet għall-istampa tagħhom stess. Id-database APA Dok fiha d-data tas-servizz bażiku mill-1 ta’ Jannar 1988 u tal-istqarrijiet OTS mill-1 ta’ Ġunju 1989.

    19.

    Il-kuntratt qafas kien ġie konkluż għall-perijodu indeterminat, u fih kienet ġiet miftiehma rinunzja għat-terminazzjoni li abbażi tagħha l-kuntratt ma setax jiġi tterminat qabel il-31 ta’ Diċembru 1999. Il-kuntratt qafas kien jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar id-data tal-ewwel żidiet fil-prezz, l-ammont massimu ta’ kull żieda, u għall-indiċjar tal-prezzijiet abbażi tal-indiċi tal-prezzijiet ta’ konsum tal-1986, li l-valur ta’ riferiment tiegħu kien in-numru tal-indiċi kkalkulat għas-sena l-1994.

    20.

    F’Settembru 2000 l-APA waqqfet is-sussisdjarja tagħha — 100% proprjetà tagħha — l-APA-OTS Originaltext-Service Gmbh (iktar ’il quddiem l-“APA-OTS”). Bejn iż-żewġ kumpanniji jeżisti kuntratt ta’ esklużjoni tal-qligħ u t-telf li minnu, skont l-informazzjoni tal-APA u tal-APA-OTS, jirriżulta li l-APA-OTS hija inkorporata mil-lat finanzjarju, organizzattiv u ekonomiku mal-APA u li fl-amministrazzjoni azjendali u fin-negozju tagħha hija għandha timxi skont l-istruzzjonijiet tal-APA. Barra minn hekk l-APA-OTS hija obbligata li tittrasferixxi lill-APA l-eċċess tal-bilanċ annwali, filwaqt li, min-naħa tagħha l-APA għandha tikkumpensa kull żbilanċ eventwali fil-bilanċ tal-APA-OTS.

    21.

    L-APA ttrasferiet lill-APA-OTS l-attività tas-servizz tagħha ta’ testi oriġinali tal-OTS. Din il-bidla ġiet kkomunikata lir-Repubblika tal-Awstrija f’Ottubru 2000, u f’dan ir-rigward kollaboratur tal-APA bil-poter ta’ rappreżentanza żgura, fuq talba tal-Kanċellerija Federali, li l-APA wara t-trasferiment ta’ din l-attività kienet responsabbli in solidum mal-APA-OTS, u ma kien ser ikun hemm l-ebda bidla fis-“servizz komplessiv fis-seħħ”. Il-Kanċellerija Federali għalhekk tat, skont l-informazzjoni tagħha, il-kunsens tagħha biex fil-futur is-servizzi OTS jingħataw mill-ATA-OTS, u wara dan l-ħlas għal dawn is-servizzi beda jsir direttament lill-APA-OTS.

    22.

    Fis-sena 2001 id-dispożizzjonijiet fuq il-ħlas li kien hemm fil-kuntratt qafas tal-1994 ġew emendati permezz tal-ewwel klawżola addizzjonali. Minbarra l-konverżjoni tal-ħlas f’euro mis-Schilling Awstrijak, din il-klawżola addizzjonali kienet tipprovdi, biex jiddaħħlu l-istqarrijiet tal-awtoritajiet Federali fl-OTS għas-snin 2002, 2003 u 2004, għal ħlasijiet massimi ( 9 ), li ma setgħux jogħlew. Barra minn dan il-klawżola tal-indiċjar ġiet adattata b’riferenza għall-indiċi ġdid li ssostitwixxa dak li kien hemm fil-kuntratt qafas.

    23.

    F’Ottubru 2005 klawżola ġdida addizzjonali wasslet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, għal żewġ emendi ulterjuri fil-kuntratt qafas fil-verżjoni tiegħu kif emendata mill-ewwel klawżola addizzjonali: it-tnaqqis tal-ħlas għall-konsultazzjonijiet b’mezz elettroniċi żdied minn 15 % għal 25 % u l-partijiet qablu li jġeddu r-rinunzja għat-terminazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    3. Il-proċeduri quddiem il-Bundesvergabeamt (proċedura ta’ dikjarazzjoni)

    24.

    Quddiem il-Bundesvergabeamt il-PN tinvoka protezzjoni legali kontra operazzjonijiet, li fil-fehma tagħha jmorru kontra r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inkonnessjoni mad-dħul fix-xena tal-APA-OTS bħala l-fornitur ta’ servizzi lir-Repubblika tal-Awstrija u kontra żewġ klawżoli addizzjonali fil-kuntratt qafas miftiehma bejn l-APA u r-Repubblika tal-Awstrija.

    25.

    Permezz ta’ domandi magħmulin fl-4 u fid-19 ta’ Lulju 2006, il-PN talbet lill-Bundesvergabeamt, skont l-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, li jiġi ddikjarat li l-qsim tal-kuntratt permezz tar-ristrutturazzjoni tal-APA li sar fl-2000 kif ukoll il-klawżoli addizzjonali tal-2001 u tal-2005 għall-kuntratt qafas, li hija kkwalifikat bħala “għoti de facto”, kienu illegali; subordinatament, hija talbet li jiġi ddikjarat li l-għażla tal-proċeduri tal-għoti inkwistjoni kienet illegali ( 10 ).

    26.

    Fir-rigward tat-termini ta’ dekadenza tar-rikors, il-Bundesvergabeamt igħid li għalkemm l-atti kkontestati kienu jirriferu għas-snin 2000, 2001 u 2005, madankollu r-rimedju legali disponibbli fid-dritt nazzjonali kontra l-għoti illegali ta’ kuntratti ġie adottat biss wara, b’effett mill-1 ta’ Frar 2006. It-terminu stabbilit għal dan ir-rimedju legali huwa ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti illegali. Il-Bundesvergabeamt madankollu tqis li huwa xieraq li jiġi applikat l-Artikolu 1496 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili-ABGB) li jgħid li t-terminu ta’ dekadenza ma jibdiex jiddekorri fil-każ li r-rimedji legali stabbiliti ma jkunux disponibbli, sakemm din l-applikazzjoni tkun kumpatibbli mad-dritt Komunitarju.

    IV — It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27.

    B’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2006, li ngħatat fl-10 ta’ Novembru 2006 u li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2006, il-Bundesvergabeamt issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

    “1)

    Il-kelma “għoti” (għoti ta’ kuntratti) użata fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/50/KEE u fl-Artikoli 8 u 9 tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll il-każijiet fejn awtorità kontraenti taqbel li fil-futur taċċetta s-servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi kkostitwit bħala kumpannija b’kapital azzjonarju, meta dawk is-servizzi kienu preċedentement jiġu pprovduti minn fornitur ieħor ta’ servizzi li huwa, minn naħa, l-uniku azzjonist tal-fornitur futur tas-servizzi, u min-naħa l-oħra, li jikkontrolla fl-istess ħin il-fornitur futur ta’ servizzi billi jagħtih struzzjonijiet? Jekk f’każ bħal dan huwiex legalment rilevanti l-fatt li l-awtorità kontraenti ma jkollha l-ebda garanzijja li l-ishma tal-kumpannija tal-fornitur futur tas-servizzi ma jiġux ittrasferiti lil terzi matul il-validità komplessiva tal-kuntratt oriġinali? Bl-istess mod, liema huma l-konsegwenzi legali li jirriżultaw min-nuqqas li jiġi ggarantit lill awtorità kontraenti li l-kompożizzjoni tal-kumpannija tal-fornitur oriġinali ta’ servizzi, organizzat bħala kooperattiva, ma tinbidilx matul il-validità kumplessiva tal-kuntratt?

    2)

    Għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm “għoti” fis-sens tal-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50/KEE anke fil-każ li awtorità kontraenti, matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għall-perijodu indeterminat għall-provvista ta’ servizz komuni, tiftiehem mal-fornituri tas-servizzi dwar il-ħlas għal ċerti servizzi u tifformula mill-ġdid klawżola ta’ indiċjar, meta dan it-tibdil iwasslax għal bdil fil-prezzijiet u jseħħ fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tal-euro?

    3)

    Għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm “għoti” fis-sens tal-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50/KEE anke fil-każ li awtorità kontraenti, matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għall-perijodu indeterminat għall-provvista ta’ servizz komuni, permezz ta’ ftehim, tiftiehem mal-fornituri tas-servizzi li ġġedded għal tliet snin klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li tkun skadiet meta ġie adottat il-ftehim, filwaqt li din l-emenda tal-kuntratt twassal għal skont akbar minn dak mogħti preċedentement fuq ċerti ħlasijiet skont il-kwantitajiet f’qasam partikolari ta’ servizzi?

    4)

    Fil-każ li jiġi kkunsidrat li jkun hemm għoti ta’ kuntratt, jiġifieri fil-każ ta’ risposta affermattiva għal xi waħda mill-ewwel tliet domandi, l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50/KEE jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju bħal, per eżempju, il-prinċipju ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti li tagħti servizzi, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizzi uniku permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni bil-quddiem ta’ sejħa għal offerti meta parti mill-provvista tas-servizzi tkun tinkludi drittijiet esklużivi tat-tip indikat fl-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50/KEE? Jew, alternattivament, jekk il-prinċipju ta’ trasparenza jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju jeżiġux, fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt li fil-parti l-kbira tiegħu jikkonċerna servizzi li m’humiex riżervati, li għandu xorta waħda jkun hemm il-pubblikazjoni tas-sejħa għal offerti qabel ma jingħata kuntratt, sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jivverifikaw jekk effettivament jingħatawx servizzi suġġetti għad-drittijiet esklużivi? Jew inkella jekk, alternattivament, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jimponux li, f’każ bħal dan, is-servizzi jingħataw fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti separati skont jekk dawn ikunux jew le s-suġġett ta’ dritt ta’ esklużività, sabiex minn tal-anqas ikun hemm kompetizzjoni parzjali?

    5)

    Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda tkun fis-sens li awtorità kontraenti tista’ tagħti s-servizzi koperti minn drittijiet ta’ esklużivita flimkien ma’ servizzi mhux koperti minn drittijiet ta’ esklużivita fil-kuntest ta’ kuntratt uniku, tista’ impriża, li ma jkolliex is-setgħa li tiżvela informazzjoni suġġetta għal dritt ta’ esklużivita li jkun ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq, tiġġustifika l-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz sħiħ lill-awtorità kontraenti, fis-sens tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi, billi tinvoka l-obbligu li l-operatur ewlieni fi-Stat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 82 KE, li jipprovdilha l-informazzjoni taħt kundizzjonijiet raġjonevoli?

    6)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda tkun li t-trasferiment parzjali tal-kuntratt fl-2000 u/jew li waħda jew iż-żewġ bidliet kuntrattwali msemmija iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu għoti ta’ kuntratti ġodda; u fil-każ li, barra minn dan, ir-risposta għar-raba’ domanda tkun li l-awtorità kontraenti kellha tagħti s-servizzi li m’humiex koperti minn dritt ta’ esklużività fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti separata, jew li setgħet tagħti l-kuntratt għas-servizzi kollha (stqarrijiet tal-istampa, servizz bażiku u drittijiet ta’ użu tad-database APA Dok) biss wara li tkun preċedentement ippubblikat sejħa għall-offerti sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u li l-għoti tal-kuntratti inkwistjoni jkun jista’ jiġi mistħarreġ, il-kliem “ħsara” u “milquta” esposti rispettivament fl-Artikoli 1(3) u 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li imprenditur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, isofri ħsara fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ li jkun ġie mċaħħad l-opportunità li jieħu sehem fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba li l-awtorità kontraenti ma tkunx preċedentement ippubblikat sejħa għal offerti abbażi ta’ liema huwa seta’ jissottometti l-kandidatura tiegħu jew jagħmel offerta, jew jitlob li l-aworitajiet kompetenti jistħarrġu l-eżatezza tad-dikjarazjonijiet fir-rigward tal-allegati drittijiet ta’ esklużività?

    7)

    Il-prinċipji Komunitarji tal-ekwivalenza u tal-ħtieġa ta’ protezzjoni legali effettiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, li imprenditur jista’ jinvoka dritt suġġettiv u mingħajr kundizzjonijiet fil-konfront ta’ Stat Membru, liema dritt jippermettilu li jressaq, quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rikorsi tiegħu għall-kumpens tad-danni li huwa jkun sofra minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, wara l-għoti tal-kuntratti u matul minn tal-anqas sitt xhur b’effett mid-data li huwa seta’ jsir jaf bl-għoti irregolari tal-kuntratt u fejn għandhom jingħataw termini addizzjonali fil-każ li tali azzjoni legali ma setgħetx tiressaq minħabba nuqqas ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali, f’ċirkustanzi fejn skont id-dritt nazzjonali rikorsi għal danni minħabba ksur tal-liġi huma suġġetti għat-terminu ta’ dekadenza ta’ tliet snin b’effett minn meta jiġi identifikat l-awtur tad-dannu u d-dannu nnifsu, u jekk, fin-nuqqas ta’ rmedju legali f’qasam partikolari jkomplix jidekorri t-terminu ta’ dekadenza?”

    28.

    Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-PN, l-APA u l-APA-OTS, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni ppreżentaw kemm osservazzjonijiet bil-miktub u kif ukoll trattazzjoni orali. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kanċellerija Federali Awstrijaka, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, u l-Gvern Litwan ippreżentaw biss osservazjonijiet bil-miktub filwaqt li l-Gvern Franċiż għamel biss osservazzjonijiet orali matul is-seduta.

    V — Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    29.

    Qabel ma nittratta fil-mertu d-domandi preliminari, hemm bżonn li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari fil-qosor fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    1. Fuq id-dritt tal-Bundesvergabeamt li jagħmel talba għal deċiżjoni preliminari

    30.

    Il-Bundesvergabeamt Awstrijak huwa organu permanenti, imwaqqaf bil-liġi, li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija obbligatorja f’kawżi li jirrigwardaw ir-regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mal-Istat Federali bħala awtorità kontraenti ( 11 ). Huwa jiddeċiedi fi proċedura kontenzjuża abbażi tar-regoli tal-ordinament ġuridiku Federali Awstrijak. F’dan ir-rigward huwa fl-istess ħin kompetenti fl-ewwel u fl-aħħar grad ( 12 ). Il-membri tiegħu m’huma marbutin mill- ebda xorta ta’ istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u jiġu nnominati għal minn tal-anqas ħames snin, u f’parti anki għal żmien indeterminat ( 13 ).

    31.

    Għalhekk il-Bundesvergabeamt huwa qorti skont l-Artikolu 234 KE ( 14 ) u jista’ legalment jagħmel talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi f’dan is-sens ( 15 ) wara talbiet għal deċiżjonijiet preliminari magħmulin mill-Bundesvergabeamt ( 16 ).

    2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari inġenerali

    32.

    Il-kritika magħmula mill-APA u mill-APA-OTS fil-konfront tal-formulazzjoni kumplessa u diffiċli biex tinftiehem tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tneħħi xejn mill-fatt li d-domandi preliminari kumplessivament jistgħu jinftehmu. Mill-kjarifiki pprovduti mill-Bundesvergabeamt id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod preċiż biżżejjed taħt liema kuntest fattwali u ta’ dritt jaqgħu d-domandi u għaliex il-Bundesvergabeamt jikkunsidrahom bħala determinanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    33.

    B’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk fil-proċeduri nazzjonali huwiex meħtieġ li jinġiebu elementi ta’ prova ddettaljati jew inkella jekk il-kawża prinċipali tistax tiġi deċiża mingħajrhom.

    34.

    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f'liema stadju tal-proċedura jeħtieġ, għal din il-qorti, li tistaqsi domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). Huwa deċiżiv li l-qorti tar-rinviju tesponi b’mod suffiċjenti l-kuntest legali li fuqu tkun ibbażata d-domanda tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki b’mod ieħor, l-informazzjoni kollha li teħtieġ sabiex din tkun tista’ tagħti risposta utli għal dik id-domanda ( 18 ). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-APA u l-APA-OTS, dan ġara fil-każ preżenti. Għaldaqstant xejn ma jipprekludi l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari inġenerali.

    3. Fuq l-ammissibbiltà tas-sitt domanda b’mod partikolari

    35.

    Madankollu hemm problema partikolari ta’ ammissibbiltà fir-rigward tas-sitt domanda preliminari, li għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħsara u ta’ persuna milquta esposti, rispettivament, fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

    36.

    Fil-kawża prinċipali, kawża istitwita abbażi tal-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, il-Bundesvergabeamt hija kompetenti biss sabiex jikkonstata eventwali ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, iżda mhux li jagħti kumpens għall-ħsara, ħaġa li hija rriżervat għall-qrati ċivili Awstrijaċi ( 19 ). Għaldaqstant, huwa ma jistax jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-għoti ta’ kumpens għall-ħsara jew dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu ( 20 ).

    37.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt domanda preliminari hija ammissibbli biss safejn din tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665. Iżda s-sitt domanda hija inammisibbli safejn tirreferi għall-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda direttament ir-rikonoxximent ta’ kumpens għall-ħsara.

    4. Konklużjoni provviżorja

    38.

    Kumplessivament it-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni hija għalhekk ammissibbli, bl-eċċezzjoni tal-parti tas-sitt domanda li tirreferi għall-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

    VI — Kunsiderazzjoni fil-mertu tad-domandi preliminari

    39.

    Fil-mertu, it-talba pjuttost twila għal deċiżjoni preliminari hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ċċarat taħt liema kundizzjonijiet il-bidla ta’ kuntratt eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi, bil-konsegwenza li qabel dan għandu jkun hemm proċedura għall-għoti u li l-impriżi mhux magħżula jkunu jibbenefikaw minn protezzjoni legali.

    40.

    Id-domanda l-oħra dwar jekk il-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jew regoli oħra tad-dritt Komunitarju jimponoux limiti fuq il-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, għalkemm interessanti ħafna, mhijiex is-suġġett tal-kawża preżenti. Safejn il-kuntratt qafas tal-1994 kien ġie konkluż għal żmien indeterminat qabel l-adeżjoni tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea ( 21 ), m’hemmx bżonn li din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata fil-fond, l-anqas bħala kwistjoni preliminari ( 22 ).

    A — Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi

    41.

    Permezz tal-ewwel tliet domandi l-Bundesvergabeamt jistaqsi taħt liema kundizzjonijiet bdil tar-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti bejn awtorità kontraenti u fornitur ta’ servizz għandu jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva 92/50.

    42.

    Din il-problema għadha ma ġietx ittrattata b’mod eżawrjenti mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji ( 23 ).

    1. Osservazzjoni preliminari: il-kriterju ta’ emenda sostanzjali tal-kuntratt

    43.

    L-ewwel nett f’dak li jirrigwarda l-kuntratti għal żmien indefinit u l-kuntratti għal żmien twil jista’ jkun meħtieġ li, waqt l-eżekuzzjoni tagħhom, jsir adattament tal-kontenut tal-kuntratt jekk id-dispożizzjonijiet kuntrattwali — per eżempju minħabba tibdil mhux mistenni taċ-ċirkustanzi esterni — ma jibqgħux iktar adattati. Adattament tal-kontenut tal-kuntratt sabiex jirifletti ċ-ċirkustanzi mibdulin jista’ jikkontribwixxi biex jitwettaq aħjar l-għan tal-kuntratt.

    44.

    Iżda meta s-suġġett ta’ kuntratt oriġinali jkun kuntratt pubbliku, emenda suċċessiva fil-kontenut tiegħu jqajjem dejjem il-kwistjoni ta’ jekk ikunx hemm bżonn li ssir (eventwalment mill-ġdid) proċedura għall-għoti. F’dan ir-rigward ġeneralment dejjem iqum il-kunflitt bejn, minn naħa, il-preokkupazzjoni li wieħed jimxi b’mod l-iktar effikaċi possibbli fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs lill-offerenti kollha attwali u potenzjali.

    45.

    Bħala prinċipju m’huwiex a priori eskluż li emendi suċċessivi fil-kontenut ta’ kuntratti eżistenti jistgħu (eventwalment mil-ġdid) jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal għoti ta’ kuntratt pubbliku, bil-konsegwenza li għandha ssir proċedura għall-għoti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti legali li jiddefinixxu l-kuntest ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jiġu interpretati f’sens estensiv ( 24 ).

    46.

    Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għoti għandha madankollu tkun konformi mal-għanijiet tad-direttiva inkwistjoni. Il-koordinazzjoni fuq livell Komunitarju tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi huma intiżi sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għalhekk sabiex jipproteġu l-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru ( 25 ). Hemm bżonn li jiġi eskluż li l-awtoritajiet kontraenti jippreferu offerenti jew kandidati nazzjonali u li fl-għoti ta’ kuntratti jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi ( 26 ).

    47.

    B’mod konformi ma’ dan anki d-Direttiva 92/50 tippersegwi, bħala l-għan ewlieni tagħha, it-twettiq tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-ftuħ tas-swieq għall-kompetizzjoni mhux distorta u wiesgħa kemm jista’ jkun ( 27 ). F’dan ir-rigward huwa meħtieġ li wieħed jipproċedi b’mod trasparenti u mingħajr diskriminazjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi biex b’dan il-mod jiġi ggarantit li l-offerenti potenzjali ta’ servizzi jingħataw l-istess opportunitajiet.

    48.

    Fid-dawl ta’ dan l-għan mhux l-emendi kollha, ikunu kemm ikunu insinjifikanti, ta’ kuntratti li jirrigwardaw kuntratti pubbliċi ta’ servizzi jeħtieġu minn qabel proċedura għall-għoti. Hija biss emenda sostanzjali tal-kuntratt li tista’ effettivament tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni u tiffavorixxi l-kontroparti kuntrattwali tal-awtorità kontraenti fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali oħrajn, ħaġa li tiġġustifika li terġa’ ssir proċedura għall-għoti ( 28 ).

    49.

    B’mod partikolari, emenda sostanzjali tal-kuntratt għandha dejjem tiġi preżunta jekk ma jistax jiġi eskluż li fornituri oħrajn ta’ servizzi ma kinux tħajru jressqu l-kandidatura tagħhom għall-kuntratt pubbliku minħabba l-kundizzjonijiet oriġinali anqas favorevoli u li dawn fid-dawl tal-kundizzjonijiet kontrattwali l-ġodda jkunu issa interessati f’kandidatura għall-kuntratt pubbliku jew li l-kandidatura ta’ offerent li kien ġie eskluż tista’ tiġi milqugħa fid-dawl tal-kundizzjonijiet kuntrattwali l-ġodda ( 29 ).

    50.

    Dawn il-kundizzjonijiet preliminari jikkostitwixxu l-bażi li fuqa hija msejsa t-trattazzjoni segwenti tiegħi fir-rigward tal-ewwel tliet domandi preliminari.

    2. Fuq l-ewwel domanda

    a) L-ewwel parti tal-ewwel domanda: l-involviment tal-APA-OTS

    51.

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt jixtieq ikun jaf jekk għandux jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi li kien diġà jeżisti skont id-Direttiva 92/50 il-fatt li l-awtorità kontraenti taċċetta li l-eżekuzzjoni ta’ parti minn dan il-kuntratt tiġi ttrasferita lil kumpannija kkontrollata mill-offerent magħżul, li fil-konfront tagħha dan tal-aħħar jkollu d-dritt li jagħti istruzzjonijiet u li tagħha huwa għandu 100% tal-ishma, anki jekk din il-proprjetà ta’ 100% ma tiġix iggarantita għaż-żmien kollu tal-kuntratt.

    52.

    Din id-domanda tirrigwarda t-trasferiment, li APA effettwat fi-sena 2000, tas-servizzi OTS favur il-kumpannija sussidjarja tagħha APA-OTS. Irrispettivamentt mill-kwistjoni ta’ jekk wara din ir-ristrutturazzjoni fi ħdan il-grupp APA kienx hemm “qsim kuntrattwali”, trasferiment ta’ kuntratt, novazzjoni jew surroga ( 30 ), fi kwalunkwe każ jibqa’ l-fatt li dawn s-servizzi minn dak il-mument’il quddiem kienu jingħataw direttament mill-APA-OTS u anki l-ħlas ikkonċernat kien jiġi mgħoddi direttament lill-APA-OTS.

    53.

    F’kull każ, dan wassal sabiex fl-2000 jkun hemm, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni konkreta tal-kuntratt, bdil parzjali tal-fornitur tas-servizzi.

    54.

    Għalkemm bidla tal-fornitur ta’ servizzi matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt pubbliku twassal għas-suppożizzjoni a priori ta’ emenda sostanzjali tal-kuntratt, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku tiġi madankollu fdata għal kollox jew parzjalment lil impriża li ma kellhiex tikkompeti ma’ offerenti oħrajn u li l-għażla tagħha ma kinitx ibbażata fuq konfront ma’ offerenti eventwali oħrajn. Operazzjoni bħal din fiha l-periklu li jkun hemm evażjoni tar-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tista’ tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni kif ukoll tiffavorixxi l-fornitur il-ġdid ta’ servizzi fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali oħra.

    55.

    Madankollu ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża jistgħu jippruvaw li emendi fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi ma sarrfux, eċċezzjonalment, f’emenda sostanzjali tal-kuntratt. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ fiż-żewġ ġruppi ta’ każijiet li ġejjin.

    56.

    L-ewwel grupp ta’ każijiet huma dawk fejn l-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti jinvolvi subkuntratturi. Sabiex ma tirrestrinġix iżżejjed il-grupp ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali, id-Direttiva 92/50 tipprovdi espliċitament li l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li taċċetta l-għoti ta’ subkuntratti lil terzi ( 31 ). Karatteristika li tiddistingwi lil dan il-grupp ta’ każijiet huwa l-fatt li dak li l-offerent ewlieni magħżul iżomm r-responsabbiltà sħiħa kuntrattwali għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi jew fi kwalunkwe każ ikun responsabbli in solidum f’dan ir-rigward.

    57.

    It-tieni grupp ta’ każijiet jirrigwarda tibdil ta’ natura purament interna magħmul mill-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti. Dan jista’ wkoll jinkludi l-fatt li tiġi involuta waħda mill-kumpanniji sussidjarji tiegħu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fil-kawża preżenti m’huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat b’mod definittiv kemm għandha tkun stretta r-rabta bejn l-offerent magħżul u l-kumpannija sussidjarja tiegħu. Fi kwalunkwe każ huma inklużi l-kumpanniji sussidjarji li l-offerent magħżul jikkontrolla bl-istess mod kif jikkontrolla d-dipartimenti tiegħu stess. L-involviment ta’ kumpanniji sussidjarji fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jixbah xi ftit operazzjoni interna ( 32 ) min-naħa ta’ fornituri ta' servizzi, fejn essenzjalment ma jinbidel xejn — fi kwalunkwe każ — abbażi ta’ evalwazzjoni ekonomika — f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

    58.

    Fiż-żewġ gruppi ta’ każijiet imsemmijin huwa ċert li l-bdil li seħħ min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ma jikkawżax distorzjoni tal-kompetizzjoni u konsegwentement lanqas ma jikkawża emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    59.

    Operazzjoni bħat-trasferiment ikkontestat tas-servizzi OTS lill-APA-OTS fis-sena 2000 tixbah, prima facie, l-għoti ta’ sub-kuntratt min-naħa tal-APA (l-ewwel grupp ta’ każijiet). Favur dan l-argument hemm il-fatt li dawn is-servizzi attwalment jingħataw minn persuna legali li mhijiex l-APA anki jekk madankollu l-APA stess hija responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku ta’ servizzi kollu, kif ukoll għax-xogħol meħud mill-APA-OTS.

    60.

    Madankollu, wara eżami iktar fil-fond, entita bħal ma hija l-APA-OTS ma tidhirx li hija daqshekk simili għal impriża awtonoma subkontraenti tal-APA imma aktarx bħala dipartiment tal-APA. Operazzjoni bħall-involviment tal-APA-OTS, li saret fis-sena 2000, fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku turi riorganizzazzjoni purament interna min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi APA (it-tieni grupp ta’ każijiet).

    61.

    Għalkemm huwa minnu li parti mis-servizzi dovuti mill-APA attwalment tiġi pprovduta minn persuna ġuridika oħra, jiġifieri l-APA-OTS. Madankollu mil-lat ekonomiku l-APA-OTS mhijiex terz peress li hija kkontrollata għal kollox minn APA, li hija l-kumpannija prinċipali tagħha. Mhux biss il-proprjetà ta’ 100 % tal-ishma min-naħa tal-APA iżda wkoll id-dritt li hija għandha li tagħti istruzzjonijiet kif ukoll kuntratt ta’ esklużjoni tat-telf jiggarantixxu li l-APA-OTS tiġi kkontrollata mill-kumpannija prinċipali bħala dipartiment tagħha stess. Għaldaqstant abbażi ta’ evalwazzjoni ekonomika ma nbidel xejn essenzjali għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

    62.

    Għalhekk, operazzjoni bħal dik li saret fis-sena 2000 ma kienet tinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt u għalhekk ma kellhiex tiġi ttrattata bħala għoti (ġdid) ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi.

    63.

    Dan m’huwiex ikkonfutat mill-fatt li l-proprjetà ta’ 100 % tal-ishma tal-APA-OTS min-naħa tal-APA mhijiex iggarantita għat-tul kollu tal-kuntratt pubbliku ( 33 ). Għalkemm huwa minnu li l-APA tista’ dejjem, teoretikament, tbiegħ lil terzi ishma tal-APA-OTS, madankollu, għall-finijiet tal-kwistjoni li trid tiġi ttrattata f’dan il-każ, jiġifieri dik ta’ jekk fis-sena 2000 kienx hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt u għalhekk għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi, huma ddeterminati biss dawk il-fatti li kienu konkretament prevedibbli dak iż-żmien.

    64.

    Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li għandha dejjem tittieħed deċiżjoni ex ante, jiġifieri fil-mument tal-konklużjoni tan-negozju ġuridiku, dwar jekk jeżistix jew le l-obbligu li ssir proċedura ta' għoti ( 34 ). Fil-fatt diġà b’effett mill-mument tal-istipulazzjoni tal-kuntratt, kemm l-awtorità kontraenti kif ukoll l-impriża kontraenti kif ukoll, finalment, l-impriżi li l-offerti tagħhom ma ġewx aċċettati għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jaċċertaw jekk kienx meħtieġ jew le li jkun hemm proċedura għall-għoti. Fi kwalunkwe każ iċ-ċirkustanzi li jiġru wara għandhom jiġu kkunsidrati jekk il-fatt li jistgħu jseħħu kien prevedibbli b’ċertezza diġà sa mill-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

    65.

    Mill-atti jirriżulta li fil-mument tal-involviment tal-APA-OTS fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku ma kienx hemm elementi konkreti li jissuġġerixxu, per eżempju, bejgħ imminienti ta' ishma min-naħa tal-APA. Konsegwentement insostni l-evalwazzjoni tiegħi li operazzjoni bħal dik magħmula fis-sena 2000 ma kienet tinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt u li għaldaqstant ma kienet meħtieġa l-ebda proċedura għall-għoti.

    b) It-tieni parti tal-ewwel domanda: il-kompożizzjoni tal-kumpannija APA

    66.

    Il-Bundesvergabeamt jixtieq jistabbilixxi wkoll jekk fir-rigward ta’ operazzjoni bħal dik magħmula fis-sena 2000 huwiex rilevanti l-fatt li l-grupp ta’ msieħba tal-kooperattiva APA seta’ jinbidel matul il-perijodi ta’ validità tal-kuntratt.

    67.

    Bidla bħal din tista’ tkun rilevanti mill-perspettiva tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi biss jekk ikollha bħala konsegwenza bidla tal-anqas parzjali tal-fornitur ta’ servizzi u jkollha, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    68.

    Jekk, per eżempju, il-fornitur ta’ servizzi huwa biss sempliċi assoċjazzjoni professjonali mingħajr personalità ġuridika, kull membru tal-assoċjazzjoni jakkwista d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt konkluż mal-awtorità kontraenti. F’dan il-każ, bdil fil-kompożizzjoni tal-assoċjazzjoni tista’ twassal sabiex l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku tiġi fdata, kompletament jew parzjalment, f’idejn impriża li ma kellhiex għalfejn tikkompeti ma’ offerenti oħrajn u li l-għażla tagħha ma saritx wara paragun ma’ offerenti eventwali oħrajn. Dan iwassal — bla ħsara għall-eċċezzjonijiet esposti iktar ’il fuq ( 35 )— għal emenda sostanzjali tal-kuntratt ( 36 ).

    69.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-fornitur tas-servizzi huwa persuna legali, hija biss din tal-aħħar li ssir l-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti, u bdil eventwali fil-grupp ta’ proprjetarji tal-ishma tagħha ma jkun jinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt ( 37 ).

    70.

    F’din il-kawża mill-atti jirriżulta li l-APA hija “kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata”. Għaldaqstant jista’ jiġi ammess li l-APA għandha personalità ġuridika. Bla ħsara għall-konstatazzjonijiet tal-Bundesvergabeamt f'dan ir-rigward għandu jiġi sostnut li l-offerent magħżul mir-Repubblika tal-Awstrija m’humiex, f’din il-kawża, l-imsieħeb tal-kooperattiva APA imma l-APA stess. F'każ bħal dan, eventwali bdil fil-grupp ta' msieħba fil-kooperattiva ma jwasslux għal emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    3. Fuq it-tielet domanda

    71.

    Permezz tat-tielet domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi taħt id-Direttiva 92/50 il-fatt li matul il-perijodu ta’ validità tiegħu l-awtorità kontraenti u l-fornitur ta’ servizzi jemendaw, benjiethom, kuntratt ta’ servizzi fis-seħħ fis-sens li:

    klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li kienet preċedentement miftehma u li diġà skaduta, miftiehma minn qabel, tiġġedded għal tliet snin u

    uħud mill-ħlasijiet jkunu differenti minn dawk preċedentement miftiehma minħabba li minn dak inhar’il quddiem dawn ser jingħataw skont ta’ għaxar punti perċentwali.

    72.

    Din id-domanda tirrigwarda t-tieni klawżola addizzjonali għall-kuntratt bażiku miftiehma fl-2005 bejn l-APA u r-Repubblika tal-Awstrija.

    a) L-ewwel parti tat-tielet domanda: tiġdid tar-rinunzja għat-terminazzjoni

    73.

    L-ewwel parti tat-tielet domanda tirrigwarda t-tiġdid, fl-2005, ta’ klawżola, li kienet diġà skadiet, ta’ rinunzja għat-terminazzjoni miftehma bejn il-partijiet kontraenti.

    74.

    Jikkawża problemi, mil-lat tar-regoli rilevanti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-fatt li tiġi miftiehma, fir-rigward ta’ kuntratt b’eżekuzzjoni kontinwata, rinunzja għat-terminazzjoni oħra, għal perijodu itwal jew li tiġi eskluża għal kollox it-terminazzjoni min-naħa ta’ awtorità kontraenti. Ftehim bħal dan jeskludi effettivament kull kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi potenzjali u għalhekk ikun imur kunsiderevolment kontra l-għanijiet tad-direttivi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    75.

    Madankollu s-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ rinunzja għat-terminazzjoni bħal dik li ġiet miftiehma f’dan il-każ fl-2005, li hija limitata għal perijodu ta’ tliet snin. Rinunzja għat-terminazzjoni bħal din ma tistax, a priori, tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk hija kellhiex tgħaddi minn proċedura għall-għoti. Dan jiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk rinunzja għat-terminazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt qafas eżistenti ( 38 ).

    76.

    Biex tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt, rinunzja għat-terminazzjoni limitata għal ftit snin għandha tkun ta’ natura tali li tista’ tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u tiffavorixxi l-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti fil-konfront ta’ fornituri oħrajn ta’ servizzi potenzjali ( 39 ).

    77.

    Dan jista’ jiġri biss eċċezzjonalment jiġifieri jekk fil-mument tal-konklużjoni tal-klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni jkunu jeżistu elementi konkreti li jissuġġerixxu li fin-nuqqas ta’ tali klawżola l-awtorità kontraenti kienet, matul il-perijodu ta' validità ta’ tali klawżola, tittermina l-kuntratt eżistenti. Fil-fatt huwa biss f’dak il-każ li fornituri ta’ servizzi oħrajn potenzjali setgħu jittamaw serjament li jissostitwixxu għal kollox jew parzjalment matul dan il-perijodu l-fornitur ta’ servizzi attwali.

    78.

    L-ewwel nett f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-awtorità kontraenti m’għandha l-ebda obbligu legali li tittermina b’mod antiċipat relazzjoni kuntrattwali li nħolqot mingħajr ksur tar-regoli fis-seħħ; l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea ma ħolqot l-ebda obbligu, għall-awtorità kontraenti, li tittermina jew tissuġġetta l-kuntratt qafas diġà eżistenti għal proċedura ġdida ta’ għoti ( 40 ). Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li b’effett mill-iskadenza tar-rinunzja għat-terminazzjoni miftiehma oriġinarjament (1994) it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi mal-APA setgħet kienet legalment possibbli, madankollu din it-terminazzjoni bl-ebda mod ma kienet obbligatorja.

    79.

    Fit-tieni lok, għar-Repubblika tal-Awstrija — bla ħsara għal konstatazjonijiet ulterjuri li għadu jrid jagħmel il-Bundesvergabeamt — lanqas ma kien jeżisti, fis-sena 2005, xi stimolu ekonomiku sabiex wieħed jgħaddi għal offerent ieħor ta’ servizzi matul il-perijodu ta’ validità tar-rinunzja għat-terminazzjoni kkunsidrat, perijodu li kien relattivament limitat, jiġifieri sa’ l-aħħar tal-2008. Safejn wieħed jista’ jara, l-awtorità kontraenti setgħet raġjonevolment tqis li fil-perijodu minn dakinhar sa l-2008 ma kienx ser ikun hemm disponibbli offerti ekwivalenti b’kundizzjonijiet iktar konvenjenti, li kienu jiġġustifikaw l-oneru ta’ bidla.

    80.

    Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’din il-kawża, ir-rinunzja għat-terminazzjoni miftiehma mill-ġdid fl-2005 għal perijodu ta’ validità ta’ tliet snin ma kienet tinvolvi l-ebda perikolu ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk m’għandhiex tiġi kklassifikata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt qafas.

    b) It-tieni parti tat-tielet domanda: ftehim fuq skontijiet iktar għoljin

    81.

    It-tieni parti tat-tielet domanda tirrigwarda l-iskontijiet iktar għoljin miftiehma fl-2005 għall-konsultazzjonijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni tal-APA. Filwaqt li f’dan ir-rigward il-kuntratt qafas kien jagħti lill-awtoritajiet amministrattivi Federali Awstrijaċi skont ieħor ta’ 15%, b’effett mit-tieni klawżola addizzjonali għal dak il-kuntratt daħal fis-seħħ skont ta’ 25%.

    82.

    Kif diġà ġie aċċennat ( 41 ), jista’ jkun hemm għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi eżistenti biss jekk ikun hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt. Dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ emendi fil-ħlas miftiehem kuntrattwalment. Anki jekk fil-fatt it-tibdil fil-ħlas, bħala tali, jirrappreżenta kontenut essenzjali tal-kuntratt ( 42 ), madankollu mhux kull emenda, żgħira kemm hi żgħira, tad-dispożizzjonijiet oriġinali li jirrigwardaw il-ħlas għandha tiġi awtomatikament ikkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    83.

    L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk iż-żieda ta’ għaxar punti perċentwali fuq l-iskont mogħti oriġinarjament tikkostitwixxix emenda sostanzjali tad-dispożizzjonijiet fuq il-ħlas applikabbli għall-kuntratt pubbliku ta’ servizzi.

    84.

    L-APA u l-APA-OTS isostnu li skont ta’ 25% mogħti għall-futur huwa biss żvilupp loġiku ta’ dak li fi kwalunkwe każ kien applikat fil-kuntratt qafas. Fil-fatt il-kuntratt qafas kien diġà jirreferi għal tariffa bi skali tal-APA. L-iskont il-ġdid ogħla għandu jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ skala ġdida, iktar baxxa fit-tariffa APA.

    85.

    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li huwa l-Bundesvergabeamt li għandu jivvaluta b’mod konkret l-elementi ta’ fatt rilevanti fit-tilwima li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tiddefinixxi l-uniku kuntest fattwali rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura ( 43 ), l-emenda tal-perċentwali minn 15 % għal 25 % hija ppreżentata bħala “skont akbar minn dak preċedenti”. Dan jagħti’l wieħed x’jifhem li kien hemm emenda sostanzjali fil-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas.

    86.

    Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li anki l-iskont oriġinali ta’ 15 % kien jirreferi għall-“iskala l-iktar baxxa tat-tariffa”. Għalhekk, diġà minn meta ġie konkluż il-kuntratt qafas fis-sena 1994 kienet ġiet konċessa, lill-awtorità kontraenti, l-iktar skala ta’ tariffa favorevoli possibbli. Konsegwentement, f’dak il-mument il-partijiet kuntrattwali kienu’l bogħod milli jipproġettaw jew anki li jqisu possibbli li jkun hemm passaġġ għal skala ta’ prezzijiet iktar favorevoli. Jekk issa, fis-sena 2005, ingħata skont miżjud b’għaxar punti perċentwali, li jirreferi mill-ġdid għall-iskala ta’ tariffa l-iktar baxxa, dan jindika emenda vera u proprja fil-prezz u mhux biss żvilupp loġiku tal-kalkolu tal-ħlas kif kien diġà applikat fil-kuntratt qafas.

    87.

    Iżda tali emenda kuntrattwali għandha tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt biss jekk hija konkretament tista’ tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u li tiffavorixxi lill-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi oħrajn potenzjali.

    88.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ jeħtieġ li, minn naħa, tiġi kkunsidrata l-portata tal-emenda tal-prezz għal kull wieħed mis-servizzi u, min-naħa l-oħra, li din l-emenda fil-prezz tiġi evalwata fid-dawl tal-importanza tal-kuntratt pubbliku kkonċernat fit-totalità tiegħu.

    89.

    L-ewwel nett f’dak li jirrigwarda emenda ta’ prezz fiha nnifisha, il-periklu ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz huwa żgħir ħafna meta mqabbel mal-każ ta’ żidiet fil-prezz. Fil-fatt it-tnaqqis tal-ħlas jaħdem favur l-awtorità kontraenti u normalment jtejjeb il-profitabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

    90.

    Madankollu m’huwiex a priori eskluż li anki l-ftehim ta’ ħlas iktar baxx jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jkollu l-effett li jikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni. Dan ġie ġustament osservat mill-Gvern Litwan.

    91.

    Il-fattur deċiżiv huwa dejjem dak li jiġi stabbilit liema kundizzjonijiet l-awtorità kontraenti setgħet tikseb fis-suq fil-mument tal-emenda kuntrattwali. Għalhekk, jekk il-prezzijiet għas-servizzi kkontemplati mill-kuntratt, ġeneralment, raħsu fis-suq wara l-għoti oriġinali tal-kuntratt pubbliku, is-sempliċi fatt li jiġi miftiehem ħlas iktar baxx minn qabel ma jagħti l-ebda garanzija tal-ħarsien tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa u tal-prinċipju tal-effiċjenza ekonomika. Dak li għandu jiġi vverifikat huwa jekk fil-mument tal-emenda kuntrattwali fornituri potenzjali oħrajn ta’ servizzi setgħux joffru lil-awtorità kontraenti s-servizz mixtieq bi prezz iktar baxx minn dak tal-offerent magħżul attwali.

    92.

    Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli, ma jeżisti l-ebda element konkret li juri li l-awtorità kontraenti fil-każ preżenti setgħet tikseb, billi timplimenta proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, prezz iktar favorevoli għal servizz ekwivalenti minn dak li kisbet fil-kuntest tat-tieni klawżola addizzjonali tal-kuntratt qafas stipulat mal-APA bħala l-fornitur ta’ servizzi attwali.

    93.

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-importanza tal-emenda fil-prezz li kien hemm fir-rigward tal-kuntratt pubbliku kkunsidrat globalment, għandu jinżamm amment li l-iskont akbar ġie miftiehem biss għal servizz parzjali — il-konsultazzjonijiet b’mezzi elettroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni tal-APA — u mhux per eżempju għas-servizzi kollha li l-APA kellha tipprovdi. Anki jekk skont miżjud b’għaxar punti perċentwali għas-servizz ikkonċernat jista’ jkun kunsiderevoli, meta mqabbel mal-kuntratt ikkunsidrat globalment, dan jitlef mill-piż tiegħu.

    94.

    Madankollu huwa l-Bundesvergabeamt li, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jagħmel il-verifiki meħtieġa fir-rigward tal-importanza tal-emenda tal-prezzijiet, kemm fir-rigward tas-servizz parzjali kkonċernat kif ukoll fir-rigward tal-kuntratt pubbliku kkunsidrat globalment.

    95.

    Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ ma jidhirlix li emenda fil-prezz bħal dik li rriżultat miż-żieda fl-iskont konċess fl-2005 permezz tat-tieni klawżola addizzjonali, għandha tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    4. Fuq it-tieni domanda

    96.

    Permezz tat-tieni domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi taħt id-Direttiva 92/50 il-fatt li l-awtorità kontraenti u l-fornitur ta’ servizzi jemendaw bejniethom, matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, kuntratt ta’ servizzi fis-sens li:

    wara li tiġi adottata l-valuta l-ġdida, il-ħlas miftiehem kuntrattwalment ma jibqax jiġi espress fil-valuta nazzjonali imma f’euro,

    il-klawżola ta’ indiċjar prevista fil-kuntratt tiġi riformulata b’riferiment għal indiċi li jissostitwixxi dak użat sa dakinhar u

    fil-futur, ħlasijiet partikolari jkunu differenti minn dawk li kienu miftiehma sa dakinhar.

    97.

    Din id-domanda tirrigwarda l-ewwel klawżola addizzjonali tal-kuntratt qafas, miftiehma fis-sena 2001, li tat lok għal dawn l-emendi tad-dispozizzjonijiet fuq il-ħlas.

    98.

    Adattamenti kuntrattwali purament tekniċi, li m’għandhom l-ebda influwenza deċiżiva fuq ir-relazzjoni legali bejn fornitur u benefiċjarju tas-servizzi li teżisti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent magħżul minnha lanqas ma jikkostitwixxu emenda sostanzjali tal-kuntratt. Għalhekk, din bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

    99.

    Jekk kuntratt li jkun diġà jeżisti meta jkun hemm il-konverżjoni tal-valuta għall-euro jiġi emendat fis-sens li l-ħlasijiet miftiehma jiġu espressi fil-valuta l-ġdida, mingħajr ma jiżdiedu jew jitnaqqsu sostanzjalment, ma jkunx hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt, iżda sempliċement adattament tekniku ta’ kuntratt eżistenti għaċ-ċirkustanzi esterni li jkunu nbidlu ( 44 ). Parti minn dan l-adattament purament tekniku huwa, per eżempju, l-arrotondament,’il fuq jew’l isfel, ta’ ammonti ġodda kkaklulati f’euro skont ir-regoli fis-seħħ.

    100.

    Bl-istess mod, riferiment għal indiċi ta’ garanzija ta’ valur differenti minn dak li inizjalment ġie miftiehem jista’ wkoll tkun adattament kuntrattwali purament tekniku, kemm il-darba ż-żewġ indiċi jkunu ekwivalenti. Tali ekwivalenza donnha tirriżulta mill-indikazjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li tgħid li l-indiċi l-ġdid huwa indiċi sussegwenti għal dak użat preċedentement. Il-Bundesvergabeamt għandu madankollu jaċċerta ruħu mill-fatt li anki l-mod ta’ kif jaħdem l-indiċi l-ġdid huwa ekwivalenti għal dak tal-indiċi preċedenti. Dan jimplika b’mod partikolari li s-serje ta’ prodotti jew indikaturi oħrajn ta’ riferiment li fuqhom jistieħ kull indiċi għandhom ikunu sostanzjalment ekwivalenti.

    101.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-partijiet kontraenti jieħdu vantaġġ mill-bdil fil-valuta jew minn bdil ta’ indiċi sabiex jemendaw materjalment ukoll il-ħlasijiet oriġinalment miftehma, għaldaqstant din il-miżura tkun tmur lil hinn minn sempliċi adattament tekniku. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jibqax sa mill-bidu eskluż li kien hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt li taffettwa l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi.

    102.

    Fil-kawża preżenti, l-adattamenti tal-kuntratt qafas permezz tal-ewwel klawżola addizzjonali kienu jfissru li għall-ammissjoni ta' stqarrijiet partikolari tal-awtorità federali fis-servizz OTS għas-snin 2002, 2003 u 2004 kien hemm fis-seħħ ħlasijiet massimi li ma setgħux jogħlew.

    103.

    Il-Bundesvergabeamt għandu jivverifka jekk dan kienx jinvolvi emenda sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet miftiehma fil-kuntratt qafas. Il-kwistjoni determinanti f’dan ir-rigward hija li jsir magħruf kif kienu, wara eżami oġġettiv abbażi tal-elementi disponibbli fl-2001, jiżviluppaw il-ħlasijiet indiċjati miftehma fil-kuntratt qafas.

    104.

    Jekk il-ħlasijiet massimi stabbiliti għas-snin 2002, 2003 u 2004 jikkorrespondu sostanzjalment mal-prezzijiet li kienu jirriżultaw skont kull previżjoni anki bl-applikazzjoni tal-klawżola ta’ indiċjar stabbilita fil-kuntratt qafas, ma jkun hemm l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt ( 45 ). Iżda, jekk b’mod ċar ma jimxux max-xejra tal-prezzijiet stabbiliti prevedibbli fid-dawl ta l-kuntratt qafas, għandhom jiġu eżaminati l-effetti ta’ din il-bidla fuq il-kompetizzjoni, u għal dan l-eżami jgħoddu l-kriterji esposti iktar ’il fuq fl-eżami tat-tieni parti tat-tielet domanda ( 46 ).

    105.

    Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli, madankollu, li emenda fil-prezz bħal dak miftiehem fl-ewwel klawżola addizzjonali taqa’ fil-kuntest taż-żidiet fil-prezz annwali kif prevedibbli fl-2001 u li, diġà għal dan il-motiv, ma tikkostitwixxix emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    B — Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

    106.

    Ir-raba’ u l-ħames domandi, li l-Bundesvergabeamt jiddedika għall-problema tal-proċedura għall-għoti applikabbli u għal dik tal-kapaċità ta’ fornitur ta’ servizzi, jippresupponu li l-operazzjonijiet bħal dawk li seħħew fis-snin 2000, 2001 u 2005 għandhom ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi.

    107.

    Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li l-ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet ma kienet tikkostitwixxi għoti ta’ dan it-tip ( 47 ). Għaldaqstant ser neżamina r-raba’ u l-ħames domandi biss b’mod sussidjarju.

    1. Fuq ir-raba’ domanda

    108.

    Permezz tar-raba’ domanda tiegħu, il-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk kuntratt pubbliku ta’ servizzi jistax jingħata bħala ħaġa waħda fi proċedura nnegozjata li mhijiex preċeduta minn pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti, jekk il-kuntratt għandu bħala suġġett servizzi li m’humiex, fil-biċċa l-kbira tagħhom, prijoritarji u fejn dritt ta’ esklużivita skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50, jeżisti biss fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li għandhom jiġu pprovduti.

    a) Servizzi prijoritarji u mhux prijoritarji

    109.

    Id-Direttiva 92/50 tiddistingwi, abbażi tal-Artikoli 8 sa 10 tagħha, fost servizzi prijoritarji u mhux prijoritarji. Is-servizzi tal-ewwel kategorija huma ddefiniti fl-Anness IA tad-Direttiva filwaqt li dawk tat-tieni huma ddefiniti fl-Anness IB tagħha. L-isfond għal dawn ir-regoli huwa l-fatt li l-kuntratti li jirrigwardaw servizzi mhux prijoritarji, fid-dawl tan-natura speċifika tagħhom, m’għandhomx a priori interess transfruntaljier tali li jiġġustifika li l-għoti tagħhom isir wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti ( 48 ).

    110.

    Il-Bundesvergabeamt, billi jibbaża ruħu fuq l-argumenti tal-APA u tal-APA-OTS iqis li s-servizzi ta’ aġenzija tal-istampa bħal dawk miftehmin fil-kawża preżenti jikkostitwixxu taħlita ta’ servizzi prijoritarji u oħrajn mhux prijoritarji ( 49 ), fejn is-servizzi mhux prijoritarji, b’mod ċar, huma fil-maġġoranza, abbażi tal-valur tagħhom.

    111.

    Jekk jiġi preżunt li din l-evalwazzjoni hija korretta ( 50 ), hija kumplessivament is-sistema ta’ servizzi mhux prijoritarji li tapplika għall-kuntratt pubbliku ta’ servizzi mogħti lill-APA (l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50). Dan jikkostitwixxi kuntratt pubbliku li ma huwa suġġett għall-ebda proċedura speċifika ta’ għoti skont it-titolu III tad-Direttiva 92/50 ( 51 ).

    b) Applikabbiltà tal-prinċipju ta’ trasparenza

    112.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, anki fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ għoti li għalihom id-direttivi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jipprevedu l-ebda proċedura speċifika ta’ għoti għandhom, madankollu, jiġu rrispettati l-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE inġenerali u l-prinċipju tan-non diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza b’mod partikolari ( 52 ). Huwa biss reċentement li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dan jgħodd anki għall-għoti ta’ kuntratti dwar servizzi mhux prijoritarji ( 53 ).

    113.

    Għalhekk, jekk kuntratt dwar servizzi mhux prijoritarji jkollu element ċara transfruntaljier, fir-rigward tiegħu għandu japplika l-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta mil-libertajiet fundamentali u konsegwentement il-kuntratt ma jistax jingħata mingħajr xi forma ta’ trasparenza ( 54 ).

    114.

    Il-Bundesvergabeamt għandu jivverifika jekk il-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-istampa bħal dawk li huma s-suġġett tal-kuntratt fil-kawża preżenti jinvolvix element ċar transfruntaljier ( 55 ). F’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati, fost l-oħrajn, l-aspetti li ġejjin:

    Jixhed favur l-eżistenza ta’ interess transfruntaljier il-fatt li diversi agenziji tal-istampa jwettqu l-attività tagħhom f'livell internazzjonali. Anki d-dħul fis-suq ta’ PN fis-sena 1999 juri li s-suq Awstrijak ma kienx għal kollox nieqes mill-interess għall-offerenti ġodda.

    L-eżistenza f’dak iż-żmien ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn diversi aġenziji tal-istampa li joperaw fis-swieq nazzjonali rispettivi tagħhom — ftehim imsemmija waqt it-trattazzjoni — ma teskludix a priori li wħud minn dawn l-aġenziji riedu jsaħħu fil-futur l-impenn tagħhom f’suq bħal dak Ġermaniż permezz tal-preżenza tagħhom in loco.

    Jista’ jixhed kontra l-eżistenza ta’ interess transfruntaljier il-fatt li l-parti l-kbira ta’ servizzi meħtieġa milll-awtoritajiet Federali Awstrijaċi fiha referenzi speċifiċi għall-Awstrija, anki għall-ġrajjiet li ġraw fil-Länder ta’ dak il-pajjiż.

    c) Kontenut tal-prinċipju ta’ trasparenza

    115.

    Fuq il-mertu mill-prinċipju ta’ trasparenza jirriżulta li għandu jiġi ggarantitlivell adegwat ta’ pubbliċità ( 56 ). Sa issa għadha ma ġietx solvuta l-kwistjoni biex jiġi stabbilit liema rekwiżiti jirriżultaw għall-operazzjonijiet ta’ għoti li fil-konfront tagħhom id-direttivi fuq is-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jipprevedu l-ebda proċedura għall-għoti speċifika. Huwa ċert biss li l-prinċipju ta’ trasparenza mhux bilfors jimplika l-obbligu ta’ sejħa għall-offerti ( 57 ).

    116.

    Fl-aħħar hija l-awtorità kontraenti li għandha tevalwa, każ b’każ, x’inhu l-livell adegwat ta’ pubbliċità sabiex l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni jinfetaħ għal kompetizzjoni u sabiex ikun possibbli li wara tkun tista’ tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-proċedura tal-għoti ( 58 ).

    117.

    B’mod ġenerali l-prinċipju ta’ trasparenza m’għandux ikun interpretat fis-sens li dejjem għandha tiġi applikata proċedura għall-għoti li tikkorrespondi fid-dettalji kollha ma’ dik tad-direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 59 ). Kieku ma kienx hekk kienet tkun inutili d-distinzjoni bejn operazzjonijiet ta’ għoti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi u dawk li ma jidħlux; anki l-limiti ta’ valuri massimi stabbiliti mill-leġiżlatur Komunitarju jispiċċaw mingħajr sinjifikat.

    118.

    Iżda iktar minn hekk, mill-prinċipju ta’ trasparenza ma jirriżultawx, għall-operazzjonijiet ta’ għoti fir-rigward ta’ liema d-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jipprovdux proċeduri speċifiċi ta’ għoti, rekwiżiti li jaqbżu dawk fis-seħħ għall-operazzjonijiet ta’ għoti li għalihom huma previsti dawk il-proċeduri fid-direttivi ( 60 ). Fil-fatt id-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi m’humiex ħlief konkretizzazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza għal operazzjonijiet speċifiċi ta’ għoti li huma partikolarment importanti ( 61 ).

    119.

    Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma, kompletament jew fil-biċċa l-kbira, servizzi mhux prijoritarji, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ trasparenza ma jistax jeħtieġ miżura ta’ pubbliċità akbar meta mqabbel mal-kuntratti li s-suġġett tagħhom huma, kompletament jew fil-biċċa l-kbira, servizzi prjoritarji.

    120.

    F’dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar servizzi li, minħabba raġunijiet ta’ ħarsien ta’ drittijiet ta’ esklużività ( 62 ), jistgħu jiġu eżegwiti biss minn fornitur partikolari ta’ servizzi dawn jistgħu dejjem jingħataw mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti indipendentement mill-fatt jekk humiex servizzi prijoritarji jew mhux prijoritarji. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 jippermetti li proċedura bħal din tintuża għal servizzi prijoritarji, iktar u iktar għandu jiġi permess li servizzi mhux prijoritarji jingħataw permezz ta’ din il-proċedura. F’dan ir-rigward il-valuri msemmijin fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 jistgħu jiġu trasposti anki għas-settur ta’ servizzi mhux prijoritarji. Jekk l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 ma jirrikjedi l-ebda pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ trasparenza ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi mod ieħor ( 63 ).

    121.

    Trasparenza adegwata li tiggarantixxi li l-operazzjoni ta’ għoti tkun miftuħa għall-kompetizzjoni u li tippermetti li tkun tista’ tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-eżekuzzjoni tal-proċedura għall-għoti tista’ tirriżulta, fil-każ ta’ servizzi skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50, anki permezz ta’ pubblikazzjoni ex post.

    d) Għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi mħallat bħala kuntratt uniku

    122.

    Fadal tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk kuntratt pubbliku ta’ servizzi jistax jingħata bħala kuntratt uniku bi proċedura nnegozjata ma tkunx ppreċeduta minn sejħa għal offerti fil-każ li dritt ta’ esklużività skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 ma jkunx jeżisti fir-rigward tas-servizzi kollha iżda biss fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li għandhom jingħataw.

    123.

    Bħala prinċipju, peress li l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 jidderoga mid-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat KE fis-settur tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi, dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat f’sens restrittiv ( 64 ). Fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma servizzi varji, dan jimplika li l-proċedura nnegozjata mingħajr sejħa preċedenti għal offerti tista’ tintuża biss għas-servizzi kkunsidrati konkretament fl-Artikolu 11(3).

    124.

    Madankollu tali għoti separat ta’ servizzi skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 jiġi kkunsidrat biss jekk il-kuntratt pubbliku jkun diviżibbli. Dan ma jiddependix biss fuq il-karattru, teoretikament, diviżibbli tal-kuntratt iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-użu u l-utilità prattika tas-servizzi skont jekk dawn jiġux ipprovduti separatament jew mill-istess fornitur.

    125.

    Fil-każ preżenti l-APA u l-APA-OTS, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gvern Federali esponew b’mod konvinċenti kemm huma marbutin ma’ xulxin id-diversi servizzi ta’ aġenzija tal-istampa miftiehma fil-kuntratt qafas. Għalhekk ma jkunx opportun li artikli tal-istampa jinkisbu mingħand fornitur filwaqt li r-reazzjonijiet għal dawn l-artikli jiġu mxandra minn fornitur differenti, għaliex, f’dan il-każ, ma jkunx ggarantit li ż-żewġ fornituri tas-servizzi jaqdu lill-istess klijent finali. Ma jkunx loġiku li stqarrija li tkun dehret f’gazzetta A titwieġeb b'dikjarazzjoni fil-gazzetta B. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-faċilità tal-użu, huwa ta’ importanza deċiżiva l-fatt li jkun hemm aċċess għal-databases konnessi bejniethom permezz ta’ netwerk wieħed ta’ utenti.

    126.

    Il-fatt li sadattant is-servizzi OST m’għadhomx jiġu pprovduti mill-APA iżda mill-APA-OST ma jixhidx favur il-karattru diviżibbli tal-elementi tal-kuntratt. Fil-fatt, kif diġà ġie espost, peress li kien hemm biss riorganizzazzjoni interna tal-fornitur tas-servizzi, mill-perspettiva ekonomika ma kienx hemm bdil tal-fornitur tas-servizzi, mhux talli hekk iżda talli l-APA tikkontrolla l-APA-OST bħal li kieku din kienet dipartiment tagħha stess ( 65 ). Barra minn hekk id-diversi servizzi jibqgħu relatati u jistgħu jinkisbu flimkien.

    127.

    Bla ħsara għall-evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi fattwali magħmula mill-Bundesvergabeamt, dan kollu jixhed kontra l-karattru diviżibbli konkluż bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-APA u għalhekk kontra l-eżistenza ta’ obbligu li d-diversi elementi tal-kuntratt jingħataw separatament.

    128.

    Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-fatt li l-kuntratt ta’ servizzi jinvolvi kemm servizzi prijoritarji u kif ukoll servizzi mhux prijoritarji. Kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50, m’huwiex assolutament meħtieġ li s-servizzi prijoritarji jingħataw b’mod separat minn dawk mhux prijoritarji ( 66 ).

    129.

    Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss li kieku l-awtorità kontraenti kellha tgħaqqad flimkien f’kuntratt wieħed id-diversi servizzi b’mod arbitrarju jew bl-iskop li tevità d-dispożizzjonijiet tar-regoli fuq l-għoti ta' kuntratti pubbliċi ( 67 ). F’dan il-każ, madankollu, ma jeżisti l-ebda element li jindika dan. Bil-kontra ta’ dan skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, kien hemm raġunijiet oġġettivi favur li s-servizzi kollha kkontestati jingħataw permezz ta’ kuntratt uniku ( 68 ).

    e) Konklużjoni provviżorja

    130.

    Fil-qosor jista’ jingħad dan li ġej fuq ir-raba’ domanda:

     

    Kuntatt pubbliku ta’ servizzi jista’ jingħata bħala kuntratt uniku permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr sejħa preċedenti għal offerti jekk is-suġġett prinċipali tal-kuntratt huma servizzi mhux prijoritarji u jekk jeżisti dritt ta’ esklużività, skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50, biss fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li għandhom jingħataw, sakemm is-servizzi individwali ma jkunux inġabru f’kuntratt wieħed ta’ servizz b’mod arbitrarju jew bl-iskop biss li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    2. Fuq il-ħames domanda

    131.

    Permezz tal-ħames domanda l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk imprenditur jistax jipprova l-kapaċità tiegħu li jeżegwixxi kuntratt pubbliku ta’ servizzi biss bis-sempliċi dikjarazzjoni li skont l-Artikolu 82 KE impriża oħra tkun obbligata li tpoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu, taħt kundizzjonijiet ekwi, informazzjoni partikolari.

    132.

    Din id-domanda hija bbażata fuq il-fatt li l-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-istampa, bħall dik meħtieġa f’din il-kawża mill-awtoritajiet Federali Awstrijaċi, tippreżupponi l-aċċess għal arkivju estensiv li minnu, fost l-oħrajn, tista’ tinkiseb informazzjoni u testi storiċi. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-PN m’għandhiex arkivju ta’ informazzjoni storika li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak tal-APA. Barra minn hekk, l-APA ma tagħti l-ebda aċċess lill-kompetituri tagħha għall-arkivji, minn tal-anqas mhux għall-iskop li tbiegħ l-informazzjoni li tista’ tinsab f’dan l-arkivju. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk il-PN, sabiex tiġġustifika li minkejja dan hija tista’ tipprovdi s-servizzi, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/50, tistax tinvoka li hija għandha d-dritt li jkollha aċċess għall-arkivji tal-APA, b’mod partikolari għad-database APA Dok tagħha.

    133.

    Dan huwa riferiment għall-“prinċipju tal-faċilitajiet essenzjali” diskuss fid-dritt tal-kompetizzjoni. Skont il-ġurisprudenza rilevanti, fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE — f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss — jista’ jiġi kkunsidrat abbużiv il-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tirifjuta li tagħti lil impriża oħra l-aċċess għall-oġġetti, servizzi jew informazzjoni indispensabbli (“faċilitajiet essenzjali”) ( 69 ). F’dawn il-każijiet l-Artikolu 82 KE jista’ jservi bħala bażi għal obbligu vinkolanti fil-konfront tal-impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq sabiex din tikkonkludi kuntratt.

    134.

    Madankollu, f’din il-kawża m’huwiex rilevanti wisq li jsir magħruf jekk database bħall-arkivju APA Dok użata mill-APA fijiex informazzjoni indispensabbli għall-kompetituri tagħha u jekk jeżistux ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jobbligaw lill-APA li tagħti aċċess, b’kundizzjonijiet ekwi, lill-kompetituri tagħha.

    135.

    Fil-fatt, fornitur ta’ servizzi li, sabiex jiġi ammess jieħu sehem fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti, għandu l-intenzjoni li juża l-mezzi ta’ entitajiet jew impriżi oħra, għandu jipprova li huwa jista’ effettivament juża dawn il-mezzi ( 70 ). Fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx possibbli li l-awtorità kontraenti tipparaguna b’mod utli l-kapaċità ta’ dan l-offerent li jipprovdi s-servizz mal-kapaċità ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali oħrajn. Jekk l-awtorità kontraenti tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li l-fornitur jista’ potenzjalment ikollu l-mezzi inkwistjoni, ikun hemm ir-riskju li hija tagħti l-kuntratt lil impriża li iktar tard tirriżulta — per eżempju minħabba diffikultajiet ta’ aċċess għall-mezzi neċessarji — inadegwata sabiex tipprovdi s-servizzi. Fl-istess ħin hija tkun qiegħda eventwalment tiċħad il-kuntratt lil imprenditur ieħor li jkun kapaċi. B’dan il-mod la jkun hemm konformità mal-għan li jiġu assigurati opportunitajiet indaqs għall-fornituri ta' servizzi kollha potenzjali u lanqas mal-prinċipju tal-effikaċja fil-proċeduri ta' għoti.

    136.

    Għalhekk, aġenzija tal-istampa bħall-PN ma tistax sempliċiment issostni li għandha dritt ta’ aċċess għall-arkivji tal-APA, imma għandha tipprova konkretament li dan l-aċċess huwa effettivament mogħti lilha, per eżempju f’forma ta’ impenn espliċitu jew kuntratt ta’ liċenzja li jkun diġà ġie konkluż. Fin-nuqqas ta’ dan, hija ma tistax, fi proċedura għall-għoti, tipprova b’mod utli l-kapaċità tagħha biss billi tirreferi għall-arkivji tal-APA.

    137.

    It-termini, normalment qosra, li fihom trid tittieħed deċiżjoni fi proċedura għall-għoti ma jippermettux li jkun hemm il-kjarifikazzjoni ta’ spiss twila u kumplessa tal-kwistjonijiet diffiċli ta’ dritt marbutin mal-Artikolu 82 KE u mal-“prinċipju tal-faċilitajiet essenzjali”. F’dan ir-rigward l-imprenditur kkonċernat għandu jikseb deċiżjoni għall-eventwali tilwima qabel ma jippreżenta l-kandidatura tiegħu għal kuntratt pubbliku.

    138.

    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-ħames domanda, għandu jiġi deċiż li impriża ma tistax tiġġustifika l-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizzi involuti fil-kuntest tat-twettieq ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi biss billi tillimita ruħha li tiddikjara li impriża oħra hija obbligata, abbażi tal-Artikolu 82 KE, li tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħha, b’kundizzjonijiet ekwi, ċerta informazzjoni.

    C — Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

    139.

    Permezz tas-sitt u tas-seba’ domandi tiegħu Il-Bundesvergabeamt jitlob iktar indikazzjonijiet dwar il-portata tal-ħarsien legali li għandu jingħata lill-impriża li ma ġietx magħżula mill-awtorità kontraenti. Anki dawn id-domandi jippreżupponu, konsegwentement, li l-operazzjonijiet bħal dawk li seħħew fis-snin 2000, 2001 u 2005 jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħala prinċipju, għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi. Il-Bundesvergabeamt stess jikkonstata dan fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    140.

    Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, nikkunsidra li, kif diġà ngħad, l-ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet ma jikkostitwixxu għoti ta’ kuntratt pubbliku ( 71 ). Konsegwentement, jiena ser nikkunsidra s-sitt u s-seba’ domanda biss b’mod sussidjarju.

    1. Fuq is-sitt domanda

    141.

    Is-sitt domanda tal-Bundesvergarbeamt tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħsara u rispettivament tal-persuna milquta li hemm fl-Artikoli 1(3) u 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665. Kif ingħad diġà ( 72 ), din id-domanda hija ammissibbli biss mil-lat tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva.

    142.

    Permezz ta’ din id-domanda l-Bundesvergarbeamt essenzjalment jistaqsi jekk sabiex ikun hemm proċedura ta’ reviżjoni huwiex biżżejjed li r-rikorrent sempliċement isostni li tilef il-possibbiltà li jipparteċipa fi proċedura għall-għoti minħabba li kien ġie inġustament deċiż li ma jkunx hemm pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti, jew inkella jekk ir-rikorrent għandux jipprova wkoll il-kapaċità tiegħu li jeżegwixxi l-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-proċeduri ta rikors jiġu deskritti f’iktar reqqa.

    143.

    L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 jawtorizza lill-Istati Membri li jillimitaw l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 73 ) b’żewġ modi, jiġifieri permezz, minn naħa, tar-rekwiżit ta’ interess tar-rikorrenti li jikseb il-kuntratt pubbliku inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, permezz tar-rekwiżit li r-rikorrent ikun ġarrab ħsara jew li jkun hemm ir-riskju li huwa jġarrab tali ħsara. B’dan il-mod jistgħu jiġu esklużi azzjonijiet popolari jew inkella li dawn ir-rimedju legali jiġu invokati minn kandidati li manifestament ma kellhomx ċans li jingħażlu.

    144.

    Madankollu dan ma jistax ikun ta’ ħsara għall-effikaċja prattika tad-Direttiva ( 74 ). Il-limiti imposti fuq l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom għalhekk jiġu interpretati fid-dawl tal-għan doppju ppersegwit mid-direttiva, jiġifieri, minn naħa, li jiġi assigurat li l-individju jingħata protezzjoni legali effettiv fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u, min-naħa l-oħra, li jkun possibbli li jkun hemm stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti.

    145.

    Fil-fatt kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 89/665 hija intiża biex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti, kemm fuq il-livell nazzjonali u kif ukoll fuq il-livell Komunitarju, biex tiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi Komunitarji li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi; għal dan il-għan, l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effikaċi u kemm jista’ jkun malajr ( 75 ).

    146.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi m’għandux jiġi llimitat b’mod eċċessiv. B’mod partikolari l-ammissibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni m’għandiex tiġi suġġetta għall-istess kundizzjonijiet meħtieġa għall-fondatezza tagħha ( 76 ).

    147.

    Għalhekk il-persuna kkonċernata m’għandiex tintalab, sa mill-istadju ta’ meta jitressaq ir-rikors, li tressaq il-prova konkreta li hija effettivament ġarrbet il-ħsara jew li effettivament hemm ir-riskju li ġġarrab ħsara. Bil-kontra ta’ dan, sabiex individwu jkollu aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jkun biżżejjed li l-persuna kkonċernata, minbarra l-ksur tal-liġi min-naħa tal-awtorità kontraenti, tinvoka b’mod konklużiv l-interess tagħha li tikseb il-kuntratt pubbliku inkwistjoni u kif ukoll il-possibbiltà li jkun hemm ħsara.

    148.

    Il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata ġġarrab ħsara għandha tiġi preżunta jekk m’huwiex manifestament eskluż li, fin-nuqqas tal-allegat ksur min-naħa tal-awtorità kontraenti, ir-rikorrenti kien jikseb l-għoti tal-kuntratt. Fejn il-kuntratt pubbliku — bħal fil-każ tal-kawża preżenti — jingħata permezz ta’ għoti dirett ( 77 ), mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti, minn dan il-fatt — allegatament illegali — li l-persuna kkonċernata ġiet prekluża milli eventwalment tipparteċipa fi proċedura għall-għoti jirriżulta li r-rikorrent probabbilment tilef kuntratt u għalhekk ġarrab ħsara ( 78 ).

    149.

    Fil-fażi tat-talba tagħha għal proċedura ta’ reviżjoni, il-persuna kkonċernata la għandha tintalab li tressaq prova konkreta tal-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz u lanqas m’għandha tintalab tipprova li, fin-nuqqas tal-allegat ksur, hija kienet tikseb l-għoti ( 79 ). Jekk dan ma jkunx hekk, ikun prattikament impossibbli jew minn tal-anqas diffiċli żżejjed li l-persuna kkonċernata jkollha aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni ( 80 ). B’mod partikolari, f’każijiet ta’ għoti dirett bħal dak inkwistjoni jkun prattikament impossibbli għall-persuna kkonċernata li tressaq prova konkreta tal-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz minħabba li, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, hija jista’ ma jkollhiex informazzjoni preċiża dwar il-kundizzjonijiet rikjesti mill-awtorità kontraenti.

    150.

    Huwa biss eċċezzjonalment li t-talba fi proċedura ta’ reviżjoni tista’ tiġi miċħuda in limine bħala inammissibbli minħabba li l-persuna kkonċernata m’għandiex il-kapaċità li tipprovdi s-servizz, jiġifieri biss fil-każ fejn in-nuqqas ta’ kapaċità tagħha hija tant evidenti fil-mument tat-talba li ma jkun meħtieġ l-ebda eżami fil-fond. Madankollu, l-aspetti l-oħra kollha jaqgħu taħt il-kwistjoni tal-fondatezza tat-talba.

    151.

    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda s-sitt domanda, għandu jiġi deċiż li talba, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, hija ammissibbli jekk ir-rikorrent jinvoka, b’mod konklużiv, l-interess tiegħu li jikseb il-kuntratt pubbliku, il-ksur u l-eventwali ħsara li huwa ġarrab jew li hemm ir-riskju li huwa jġarrab. Jekk il-kuntratt ingħata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti, diġà abbażi tal-fatt li l-persuna kkonċernata ġiet prekluża milli tipparteċipa fil-proċedura għall-għoti jista’ jiġi dedott li r-rikorrent probabbilment sofra ħsara, sakemm ma jkunx evidenti li hija m’għandiex il-kapaċità li tipprovdi s-servizz.

    2. Fuq is-seba’ domanda

    152.

    Permezz tas-seba’ domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk huwiex kumpatibbli mal-prinċipi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività l-fatt li l-liġi nazzjonali tistabbilixxi, f’dak li jirrigwarda proċedura ta’ dikjarazzjoni li taqa’ taħt ir-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li hija l-kundizzjoni preliminari għal talba suċċessiva għal ħlas ta’ kumpens għad-danni, terminu ta’ dekadenza ta’ massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-allegat għoti li jmur kontra r-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-Bundesvergabeamt jistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ effettività jimponix li jiġu kkalkulati, flimkien mat-terminu ta’ sitt xhur, perijodi eventwali fejn skont il-liġi nazzjonali ma kien hemm l-ebda rimedju legali effettiv.

    153.

    Din id-domanda hija bbażata fuq il-fatt li l-PN ressqet ir-rikors tagħha quddiem il-Bundesvergabeamt biss fl-Lulju tal-2006, jiġifieri fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Frar 2006, tad-dispożizzjonijiet proċedurali l-ġodda pprovduti fl-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, iżda wara iktar minn sitt xhur minn meta seħħew l-operazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dawk tal-2000, 2001 u 2005. Fil-fehma tal-Bundesvergabeamt l-għoti dirett (“għoti de facto”) seta’ jiġi “effettivament ikkontestat” biss b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 331 tal-BVergG 2006.

    154.

    Id-Direttiva 89/665 ma tistabbilixxi l-ebda regola espressa fir-rigward tat-termini li japplikaw fil-proċedura ta’ reviżjoni indikata fl-Artikolu 1 tagħha.

    155.

    Għaldaqstant, il-punt tat-tluq sabiex tinstab soluzzjoni għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 81 ): skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, sakemm, minn naħa, dawn il-modalitajiet proċeduri ma jkunux anqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, sakemm ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) ( 82 ). Dawn iż-żewġ prinċipji huma stabbiliti wkoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665: il-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-paragrafu (2) u l-prinċipju ta’ effettività fil-paragrafu (1).

    156.

    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ( 83 ), li jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma’ jiġux ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 84 ).

    157.

    F'dan ir-rigward kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-APA u l-APA-OTS ġustament enfasizzaw dettall li jikkaratterizza l-proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tar-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mod li ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti għandu jiġi mistħarreġ mill-iktar fis possibbli. B’dan il-mod, minn naħa għandha tingħata protezzjoni legali effettiv, u min-naħa l-oħra għandha, kemm jista’ jkun malajr, tintlaħaq iċ-ċertezza legali. Dawn l-għanijiet jiġġustifikaw, f’dak li jirrigwarda r-rimedji pprovduti fid-Direttiva 89/665, il-fatt li eventwalment jiġu stabbiliti termini ta’ preskrizzjoni aqsar minn dawk previsti għat-talbiet ta’ kumpens għall-ħsara skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali ta’ portata ġenerali.

    158.

    Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jipprekludix terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur għal reviżjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 332(2) u (3) tal-BVergG 2006, anki jekk abbażi tad-dritt nazzjonali t-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali għal kumpens għal ħsara huwa itwal.

    159.

    Madankollu għandha tiġi eżaminata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, il-kwistjoni ta’ jekk terminu ta’ dekadenza, bħal dak previst fil-liġi Awstrijaka, għal talbiet ta’ dikjarazzjoni jirrendix prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed li l-individwi kkonċernati jinvokaw d-dritt tagħhom għall-kumpens għall-ħsara skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

    160.

    Bħala prinċipju, l-fatt li d-drittijiet tal-eżerċizzju ta’ rimedji jiġu suġġetti għal-termini ta’ dekadenza ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, minħabba li dan huwa każ ta’ applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali ( 85 ).

    161.

    Il-karattru raġjonevoli ta’ terminu ta’ dekadenza għandu jiġi evalwat fid-dawl tan-natura u tal-konsegwenzi legali tar-rimedji legali inkwistjoni kif ukoll fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-persuni kollha kkonċernati.

    162.

    Għalhekk f’dak li jirrigwarda rikorsi intiżi sabiex tiġi ddikjarata n-nullità — kemm b’effett retroattiv kif ukoll għall-futur — ta’ kuntratti diġà konklużi, terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur jidher li huwa, kollox ma’ kollox, raġjonevoli ( 86 ). Fil-fatt il-konsegwenza ġuridika partikolarment gravi tal-invalidità ta’ kuntratt diġà konkluż tiġġustifika li jiġi stabbiliti terminu ta’ dekadenza li jibda jidekorri anki indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti jkun jaf bl-illegalità tal-għoti tal-kuntratt abbażi tal-leġiżlazzjoni fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew tal-anqas li messu kien jaf. Kemm għall-awtorità kontraenti kif ukoll għall-offerent magħżul teżisti eżiġenza — ċara u li timmerita ħarsien — ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-kuntratt konkluż.

    163.

    Madankollu, fir-rigward ta’ każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti għandu jiġi kkunsidrat li terminu ta’ dekadenza assoluta ta’ sitt xhur, kif stabbilit fl-Artikolu 332(2) u (3) tal-BVergG 2006 għal proċeduri ta’ dikjarazzjoni pprovduti fl-Artikolu 331(1) ta’ dik il-liġi, tolqot mhux biss lil dak li effettivament għandu l-għan li jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ kuntratt diġà konkluż, imma anki lil dak li jrid sempliċement jibda proċess proċedurali indispensabbli biex jipprepara azzjoni suċċessiva ta’ ħlas ta’ kumpens għall-ħsara fil-qrati ċivili Awstrijaċi.

    164.

    Konsegwentement, jekk ikun biss wara iktar min sitt xhur li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-ħsara li hija tkun ġarrbet minħabba l-għoti ta’ kuntratt li seħħ, bi ksur ta-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti (għoti dirett jew għoti de facto), hija lanqas ma tkun iktar tista’ tinvoka drittijiet għal ħlas ta’ kumpens għall-ħsara fil-qrati nazzjonali, għaliex għal dak l-iskop, skont l-Artikolu 341(2) tal-BVergG 2006 hija kellha obligatorjament l-ewwel nett tagħmel talba għal dikjarazzjoni iżda fejn, f’dak l-istadju, t-termini ta’ dekadenza tagħha jkunu diġà skadew.

    165.

    Għaldaqstant it-terminu ta’ dekadenza pprovdut fl-Artikolu 332(2) u (3) tal-BVerg għandu riperkussjonijiet mhux biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu stess iżda anki fuq proċedura suċċessiva li għaliha, minħabba l-karattru rigoruż tiegħu, huwa m’huwiex, madankollu, raġjonevoli. Fil-fatt, fir-rigward tas-sempliċi drittijiet ta’ kumpens għall-ħsara m’hemmx, min-naħa tal-awtorità kontraenti, l-istess eżiġenza ta’ ċertezza legali li teżisti fir-rigward tal-validità ta’ kuntratt konkluż.

    166.

    Jekk Stat Membru juża l-fakultà pprovduta fl-Artikolu 2(2) u (5) tad-Direttiva 89/665 u jissuġġetta l-possibbiltà li jiġu invokati d-dritt għal kumpens għall-ħsara għal kundizzjoni li tkun, preliminarjament, ġiet konkluża b’suċċess proċedura ta’ dikjarazzjoni, it-termini ta’ żmien fis-seħħ f’dan l-Istat Membru għandhom ikunu strutturati u applikati b’tali mod li ma jirrendux l-eżerċiżżju tad-dritt għall-kumpens għall-ħsara prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed ( 87 ).

    167.

    Kumplessivament il-prinċipju ta’ effettività jimponi li t-terminu ta’ żmien għal talba għal dikjarazzjoni, li permezz tagħha r-rikorrent sempliċiment jipprepara l-eżerċizzju ta’ drittijiet għall-kumpens għall-ħsara, ma jibdiex jiddekorri qabel ma r-rikorrent ikun jaf jew messu kien jaf bil-ħsara li ġrat. Min-naħa l-oħra, jekk permezz ta’ din il-proċedura r-rikorrent ikun irid ukoll jikseb dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż mill-awtorità kontraenti, jistgħu jiġu stabbiliti termini ta’ żmien iktar stretti li jibdew jidekorru indipendentement mill-għarfien jew mill-possibbiltà li jkun magħruf li hemm ħsara eventwali.

    168.

    Il-qorti nazzjonali għandha, safejn possibbli, tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali b’tali mod li tiġi assigurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 89/665 u għandha, jekk ikun meħtieġ, tibqa’ lura milli tapplika kull dispożizzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha fil-każ inkwistjoni twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt Komunitarju ( 88 ).

    169.

    Għal każ bħal dak inkwistjoni, li jirrigwarda l-għoti dirett mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, dan ifisser li t-terminu applikabbli għat-talba ta’ dikjarazzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-persuna kkonċernata tkun taf jew messha saret taf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sakemm dik it-talba ssir bħala kundizzjoni preliminari meħtieġa għal azzjoni suċċessiva għall-kumpens għall-ħsara.

    170.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju l-Bundesvergbeamt jindika li fil-fehma tiegħu riżultat li jkun konformi mad-dritt Komunitarju jista’ effettivament jintlaħaq fil-kawża preżenti, minn naħa, permezz tal-applikazzjoni tar-rimedju legali pprovdut fl-Artikolu 331(1)(4) tal-BVergG 2006, imdaħħal riċentement, għal operazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u, min-naħa l-oħra, billi t-termini ta’ żmien applikabbli jiġu ddeterminati billi jintużaw ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili komuni b’tali mod li dawn it-termini ma jibdewx jiddekorru qabel ma r-rikorrent isir jaf bil-ħsara u billi dawn it-termini jiġu estiżi għal perijodi fejn ma kienx jeżisti rimedju legali effettiv.

    171.

    Fil-qosor, fir-rigward tas-seba’ domanda għandu jingħad li:

    Il-prinċipju tal-effettività jimponi li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda talba għal dikjarazzjoni li, abbażi tal-liġi nazzjonali, hija kundizzjoni obbligatorja għal azzjoni suċċessiva għall-kumpens għall-ħsara, jeżisti terminu ta’ żmien raġjonevoli li ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-persuna kkonċernata tkun taf jew imissha saret taf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li dawn it-terminu jestendi għal dawk il-perijodi fejn ma jkun hemm l-ebda rimedju legali effettiv. Il-qorti nazzjonali għandha, safejn possibbli, tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali b’tali mod li jinkiseb dan ir-riżultat u, jekk ikun meħtieġ, għandha tibqa’ lura milli tapplika kull dispożizzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha fil-każ inkwistjoni twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt Komunitarju.

    VII — Konklużjoni

    172.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi biss għall-ewwel tliet domandi magħmulin lilha mill-Bundesvergabeamt Awstrijak u dawn ir-risposti għandhom ikunu li:

    “1)

    Ġeneralment fuq l-ewwel, fuq it-tieni u fuq it-tielet domanda:

     

    Jekk il-kontenut ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat 18 Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], jiġi emendat matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, m’huwiex meħtieġ li jkun hemm proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, sakemm dan ma jkunx jinvolvi emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    2)

    Speċifikament fuq l-ewwel domanda:

    a)

    M’għandux jitqies li hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt fil-każ fejn l-awtorità kontraenti taċċetta li l-eżekuzzjoni ta’ parti mill-kuntratt pubbliku tiġi ttrasferita lil kumpannija sussidjarja li hija 100 % proprjetà tal-kumpannija li għandha l-kuntratt u li din l-aħħar kumpannija tikkontrolla bl-istess mod bħal ma tikkontrolla d-dipartimenti tagħha. Din il-konklużjoni mhijiex ikkonfutata mill-fatt li iktar ’il quddiem il-kumpannija li għandha l-kuntratt tista’, teoretikament, tittrasferixxi lil terzi ishma tal-kumpannija sussidjarja.

    b)

    Jekk il-kumpannija li għandha l-kuntratt hija persuna legali, tibdil eventwali fi ħdan il-grupp ta’ proprjetarji tal-ishma tagħha matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt ma jikkostitwixxix emenda sostanzjali tal-kuntratt.

    3)

    Speċifikament fuq it-tieni u t-tielet domanda:

    a)

    M’għandux jitqies li hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt fil-każ li jiġu eżegwiti adattamenti purament tekniċi tal-kuntratt sabiex jiġu riflessi tibdiliet fiċ-ċirkustanzi esterni; fost dawn tal-aħħar hemm il-konverżjoni għall-euro ta’ ħlasijiet li oriġinarjament kienu fil-valuta nazzjonali u r-riferiment għal indiċi ġdid ta’ garanzija ta’ valur li jikkostitwixxi indiċi sussegwenti għal dak użat sa dak iż-żmien.

    b)

    Bl-istess mod m’għandux jitqies li kien hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt fil-każ li fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi tiġi miftiehma rinunzja għat-terminazzjoni limitata għal tliet snin, sakemm ma jkunx hemm elementi konkreti li jissuġġerixxu li fin-nuqqas ta’ tali klawżola l-awtorità kontraenti kienet, matul il-perijodu ta' validità ta’ tali klawżola, tittermina minħabba raġunijiet legali jew ekonomiċi l-kuntratt eżistenti.

    c)

    Il-kwistjoni ta’ jekk il-bidla — fir-rigward tal-kontenut — fil-ħlasijiet għal parti mis-servizzi li għandhom jingħataw tikkostitwixxix emenda sostanzjali tal-kuntratt tiddependi, skond il-każ, fuq l-importanza tal-bidla fil-ħlas, kemm fir-rigward tas-servizz parzjali kkonċernat kif ukoll fir-rigward tal-kuntratt pubbliku fit-totalità tiegħu.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) ĠU L 209, p. 1. Din id-Direttiva ġiet mħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114). Madankollu, l-aħħar emenda kellha tiġi trasposta fl-ordinament nazzjonali biss fil-31 ta’ Jannar 2006. Peress li lanqas biss ma ġiet trasposta fil-ħin fl-ordinament Awstrijak din hija irrilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali li jirrigwardaw is-snin 2000, 2001 u 2005.

    ( 3 ) ĠU L 395, p. 33.

    ( 4 ) Emendi oħrajn għal din id-Direttiva jinsabu fid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665 u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, p. 31; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/66”). Iżda, l-aħħar emendi daħlu fis-seħħ biss fid-9 ta’ Jannar 2008 u għandhom jiġu trasposti sal-20 ta’ Diċembru 2009; għaldaqstant huma irrilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

    ( 5 ) BGBl. I, nru 17/2006.

    ( 6 ) Mill-atti tal-kawża jirriżulta li hija kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata.

    ( 7 ) Organizzazzjoni li ġiet qabel l-APA, l-“Österreichische Correspondenz” kienet diġà twaqqfet fl-1849 fi Vjenna.

    ( 8 ) Skont informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kanċellerija Federali, li ħa sehem fil-proċeduri, kien hemm adattament ta’ relazzjoni kuntrattwali li kienet teżisti diġà mill-1946.

    ( 9 ) Dawn il-ħlasijiet massimi japplikaw biss fil-każ fejn l-istqarrijiet jiġu trasmessi elettronikament.

    ( 10 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, t-talba ewlenija tal-PN hija bbażata fuq l-Artikolu 331(1)(4) tal-BVergG 2006 u d-domanda sussidjarja fuq l-Artikolu 331(1)(1) tal-istess liġi.

    ( 11 ) Artikolu 291 BVergG 2006.

    ( 12 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 291(2) tal-BVergG 2006.

    ( 13 ) Artikoli 292 u 295 tal-BVergG 2006.

    ( 14 ) Għal l-ġurisprudenza stabbilita fuq il-kunċett ta’ qorti ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23); tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29), u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C-195/06, Ġabra p. I-8817, punt 19).

    ( 15 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, Felix Swoboda (C-411/00, Ġabra p. I-10567, punti 25 sa 28); tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom (C-314/01, Ġabra p. I-2549), u tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner (C-15/04, Ġabra p. I-4855). Il-forma attwali tal-organizzazzjoni tal-Bundesvergabeamt abbażi tal-BVergG 2006 tikkorrispondi sostanzjalment, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ma’ dik li kienet fis-seħħ matul il-kawża Koppensteiner.

    ( 16 ) Bl-istess mod il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet Kummissjoni Federali ta’ Sorveljanza tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, kif kienet teżsti fil-Ġermanja, bħala qorti kompetenti fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. (Sentenza Dorsch Consult, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 38).

    ( 17 ) Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (C-72/83, Ġabra p. 2727, punt 10); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 39), u tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C-470/03, Ġabra p. I-2749, punt 45).

    ( 18 ) Sentenza Schmidberger (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 40 u 41).

    ( 19 ) L-Awstrija għamlet użu mill-possibbiltà, pprovduta fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/665, li tagħti s-setgħat lil istanzi distinti responsabbli għal aspetti differenti tal-proċeduri għar-reviżjoni.

    ( 20 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C-315/01, Ġabra p. I-6351, punt 38).

    ( 21 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tat-24 Settembru 1998, Tögel (C-76/97, Ġabra p. I-5357, punti 53 u 54). B’mod differenti minn dak li jiġri għall-operazzjonijiet fis-snin 2000, 2001 u 2005, ikkontestati f’din il-proċedura, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt Komunitarju, id-direttivi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi m’humiex applikabbli fil-kuntratt qafas, billi fl-1994 l-Awstrija kienet għadha mhijiex membru tal-Unjoni Ewropea.

    ( 22 ) Fuq il-problema partikolari li tiddaħħal klawżola ta’ rinuzja għat-terminazzjoni f’kuntratt bi żmien indeterminat, ara iktar ’l isfel, il-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Ġermaniż ta’ Rostock ma spiċċatx f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (C-50/03, imħassra mil-lista fid-9 ta’ Novembru 2004).

    ( 24 ) Għall-interpretazzjoni estensiva ta’ diversi kunċetti li jiddefinixxu l-kuntest ta’ applikazzjoni tad-direttivi fuq is-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 43); tat-8 ta’ Settembru 2005, Espace Trianon u Sofibail (C-129/04, Ġabra p. I-7805, punt 73), tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/06, Ġabra p. I-168, punt 43).

    ( 25 ) Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C-360/96, Ġabra p. I-6821, punt 41); tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 16); tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, (C-507/03, Ġabra p. I-9777, punt 27), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, Ġabra p. I-11173, punt 38); ara wkoll it-tieni u s-sitt premessa tad-Direttiva 92/50.

    ( 26 ) Sentenzi University of Cambridge (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 17), Felix Swoboda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 45) u Bayerischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 36).

    ( 27 ) Sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C-26/03, Ġabra p. I-1, punti 44 u 47), u Bayerischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 39).

    ( 28 ) F’dan is-sens ukoll ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-337/98, Ġabra p.  I-8377, punti 46, 50 u 51), u tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (Ġabra p. I-3801, punt 117), fejn isir riferiment għal elementi tal-kuntratt essenzjali jew għal kundizzjonijiet importanti tal-għoti.

    ( 29 ) Għandu jiġi ammess li fil-prattika mhux dejjem ikun faċli li wieħed jiddistingwi jekk emenda ta’ kuntratt tkunx waħda sostanzjali jew le, peress li f’dan ir-rigward hija meħtieġa evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi partikolari. L-użu ta’ kunċetti legali indeterminati u li jkollhom bżonn ta’ interpretazzjoni ma jistax, madankollu jiġi evitat fl-ebda qasam tad-dritt. Anki fir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti dan mhux eskluż għal kollox.

    ( 30 ) Il-partijiet fil-kawża ma jidhrux li jaqblu bejniethom fuq dan. Anki d-deċiżjoni tar-rinviju ma tużax terminoloġija unitarja. Madankollu huwa l-Bundesvergabeamt li għandu jikkjarifika kif għandha tiġi kkwalifikata l-operazzjoni mill-perspettiva tad-dritt ċivili.

    ( 31 ) Ara l-Artikolu 25 u l-Artikolu 32(2)(ċ) u (h) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C-176/98, Ġabra p. I-8607, punti 26 u 27). Madankollu l-għoti ta’ subkuntratti għall-eżekuzzjoni ta’ partijiet essenzjali tal-kuntratt tista’ tiġi limitata taħt il-liġi nazzjonali (ara s-sentenza Siemens u ARGE Telekom, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 45).

    ( 32 ) Fuq il-kundizzjonijiet biex jiġi kkunsidrat li hemm operazzjoni interna ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121, p. 50), Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 49); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 62), u tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 55); fuq il-kunċett ta’ operazzjoni interna ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Marzu 2005 fil-kawża Parking Brixen (iċċitata iktar ’il fuq), punti 1 u 2.

    ( 33 ) L-istess jgħodd għall-possibbiltà li jinħall il-kuntratt ta’ esklużjoni tal-qligħ u tat-telf.

    ( 34 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Marzu 2005 fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 56). Il-kwistjoni tal-previdibbiltà konkreta ta’ bejgħ ta’ ishma lil terzi għandha rwol deċiżiv anki fis-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-29/104, Ġabra p. I-9705, punti 38 sa 41); tas-6  ta’ April 2006, ANAV (C-410/04, Ġabra p. I-3303, punti 30 sa 32), u Parking Brixen [iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 67(ċ)].

    ( 35 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 36 ) Is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, Makedoniko Metro u Michaniki (C-57/01, Ġabra p. I-1091, punt 61) tindika biss li r-regoli fuq il-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ offerenti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. L-Istati Membri huma marbutin li jirregolaw il-kwistjoni ta’ jekk huwiex ammissibbli li jkun hemm varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ offerenti. Madankollu din għandha tiġi distinta mill-kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri dik ta’ jekk dawn il-varjazzjonijiet li jseħħu wara l-għoti ta’ kuntratt għandhomx jiġu kkunsidrati bħala emendi sostanzjali tal-kuntratt u konsegwentement jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Din tal-aħħar hija kwistjoni ta’ dritt Komunitarju.

    ( 37 ) Li kieku kellu jiġi meqjus li kwalunkwe varjazzjoni fir-relazzjonijiet ta’ proprjetà ta’ persuna legali hija suffiċjenti sabiex ikun hemm proċedura għall-għoti, ikun prattikament impossibbli li kuntratti pubbliċi jingħataw lil kumpanniji b’ishma kkwotati fil-borża, fejn l-azzjonisti tagħhom jistgħu jinbidlu ta’ kuljum.

    ( 38 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 40 ) F’dan is-sens is-sentenza Tögel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 53 u 54).

    ( 41 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) F’dan is-sens is-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 117).

    ( 43 ) Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (kawżi maqgħuda C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 21).

    ( 44 ) Huwa veru li adattament kuntrattwali minħabba l-konverżjoni tal-valuta ma kienx ikun obbligatorjament meħtieġ, billi l-kundizzjonijiet qafas li kienu jeżistu legalment kienu jiggarantixxu li s-somom kollha li tfissru fil-valuta nazzjonali kellhom jinftehmu fil-futur bħala fformulati f’euro mingħajr ma dan iġib bidla fl-obbligazzjonijiet kuntrattwali eżistenti [ara wkoll l-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-euro, ĠU L 162, p. 1]. Iżda kif sostnew l-APA u l-APA-OTS, adattament kuntrattwali espress jista’ jkun, madankollu, opportun, partikolarment f’relazzjoni obbligatorja li ddum għal tul ta’ żmien bħal f’dan il-każ, biex jiġu evitati ż-żidiet fl-ispejjeż amministrattivi ta’ konverżjoni tal-valuta ripetuta b’mod kostanti.

    ( 45 ) Id-differenza bejn il-ħlasijiet massimi għal kull linja miftehma għas-snin 2002, 2003 u 2004 fl-ewwel klawżola addizzjonali hija minima. Bla ħsara għal eżami iktar preċiż min-naħa tal-Bundesvergabeamt dawn id-differenzi minimi fil-prezz minn sena għal sena jidher li qegħdin fil-kuntest tax-xejra ġenerali tal-prezzijiet prevedibbli fl-2001.

    ( 46 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 81 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Ara f’dan ir-rigward dak li esponejt fl-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi (iktar ’il fuq, il-punti 41 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 48 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 25).

    ( 49 ) L-APA u l-APA-OTS jikkunsidraw li s-servizzi tagħhom ta’ dokumentazzjoni għandhom jiġu kklassifikati fis-settur ta’ attività ta’ “servizzi tal-librerija” (“Library services”, referenza CPC nru 96311) u li s-servizzi OTS tagħhom għandhom jiġu kklassifikati fis-settur ta’ attivitajiet “servizzi ta’ informazzjoni elettronika” (“Electronic message and information services”, referenza CPC nru 75232).

    ( 50 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali li fid-dawl tagħha għandha tingħata r-risposta għad-domandi preliminari; ara fir-rigward il-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.

    ( 51 ) Skont il-qari flimkien tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 92/50 għal dawn il-kuntratti għandhom jiġu applikati (biss) l-Artikoli 14 u 16 ta’ din id-Direttiva, li huma irrilevanti għall-finijiet tad-domandi partikolari f’dan il-każ. Id-dispożizzjonijiet proċedurali l-oħrajn stabbiliti fid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari dawk dwar l-għoti b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, ma jgħoddux għal dawn il-kuntratti (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 23 u 24). Madankollu tapplika l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 [sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et (C-234/03 Ġabra p. I-9315, punt 47)].

    ( 52 ) Sentenza Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 46); ara wkoll s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 60); tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 16); tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-264/03, Ġabra p. I-8831, punt 33); ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 18), u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Medipac-Kazantzidis (C-6/05, Ġabra p. I-4557, punt 33); ara wkoll id-Digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard (C-59/00, Ġabra p. I-9505, punt 20).

    ( 53 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 29).

    ( 54 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 30); ara, fuq il-prinċipju ta’ trasparenza anki s-sentenzi Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 62), Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 16 e 17), Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 46 sa 49) u ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 18 sa 21).

    ( 55 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 29 u 30); fl-istess sens is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 67).

    ( 56 ) Sentenzi Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 62); Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 16 u 17); Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 49), u ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 21).

    ( 57 ) Sentenzi Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 21); fir-rigward hemm malintiż fis-sentenza Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 50), li fil-verżjoni vinkolanti tagħha bil-Ġermaniż issemmi “Ausschreibung” [offerta], li tista’ tkun ibbażata fuq traduzzjoni infeliċi tal-espressjoni Franċiża “mise en concurrence”.

    ( 58 ) Sentenza Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 62), Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 49 u 50) u ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 21). F’dan il-kuntest tagħti indikazzjonijiet utli anki l-istqarrija interpretattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt Komunitarju applikabbli fl-għoti ta’ kuntratti li m’humiex jew huma biss parzjalment irregolati mid-direttivi fuq l-kuntratti pubbliċi (ĠU 2006, C 179, p. 2).

    ( 59 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 37).

    ( 60 ) Ara f’dan il-kuntest il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2005 għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-525/03, Ġabra p. I-9405, punt 47), mill-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-532/03, Ġabra p. I-11353, punt 111) u tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2007, għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-195/04, Ġabra p. I-3351, punti 76 u 77); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 46).

    ( 61 ) F’dan is sens Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 27 sa 29); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 47).

    ( 62 ) Huwa l-Bundesvergabeamt li għandu jivverifika jekk fil-każ partikolari jeżistix dritt esklużiv bħal dan.

    ( 63 ) F’dan is-sens ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58, punt 2.1.4).

    ( 64 ) Sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-126/03, Ġabra p. I-11197, punt 23), u tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 58). Ara wkoll l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/50, li jgħid “fil-każijiet l-oħrajn kollha” għandha tiġi applikata proċedura miftuħa jew proċedura ristretta.

    ( 65 ) Ara f’dan ir-rigward iktar ’il fuq, il-punti 20, 61 u 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 66 ) Ara wkoll is-sentenza Felix Swoboda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 56 u 60).

    ( 67 ) Ibid (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 57 u 60).

    ( 68 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 69 ) Sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, “Magill” (kawżi magħquda C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743, punti 49 sa 57); tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, Ġabra p. I-7791, punti 38 sa 47), u tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C-418/01, Ġabra p. I-5039).

    ( 70 ) Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 29), Siemens u ARGE Telekom (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 44) u tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, punt 22). Ara għall-każijiet futuri wkoll l-Artikolu 48(3), tad-Direttiva 2004/18, fejn din il-ġurisprudenza hija attwalment ikkodifikata.

    ( 71 ) Ara f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet tiegħi fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi (iktar ’il fuq punti 41 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 72 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 73 ) Ir-riferiment għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet għandu jinftiehem, wara l-estensjoni tal-kuntest ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/665 min-naħa tad-Direttiva 92/50, fis-sens li din tinkludi l-kuntratti pubbliċi kollha, għalhekk anki l-kuntratti għal servizzi. Il-fatt li l-Artikolu 1(1) biss u mhux il-paragrafu (3) tad-Direttiva 89/665 kien jikkorrespondi b’mod xieraq, jidher li kien hemm żball editorjali mil-leġiżlatur Komunitarju li ġie korrett għall-każijiet futuri tad-Direttiva 2007/66.

    ( 74 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Fritsch, Chiari & Partner et (C-410/01, Ġabra p. I-6413, punti 31 sa 34); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 72), u tat-12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service (C-230/02, Ġabra p. I-1829, punt 42).

    ( 75 ) Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et (C-81/98, Ġabra p. I-7671, punti 33 u 34); Fritsch, Chiari & Partner et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt  30), Universale-Bau et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 74), u Grossmann Air Service (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 36).

    ( 76 ) Is-sempliċi fatt li eventwalment ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, fl-aħħar tal-proċedura ta’ reviżjoni li rikorrent kellu r-riskju li jġarrab ħsara mhux biżżejjed fih innifsu biex jeskludi l-ammissibbiltà tar-rikors, ara f’dan is-sens is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Hackermüller (C-249/01, Ġabra p. I-6319, punt 27).

    ( 77 ) Imsejjaħ ukoll “għoti liberu”.

    ( 78 ) F’dan is-sens ukoll il-Bundesverfassungsgericht Ġermaniż, Digriet tad-29 ta Lulju 2004 (2 BVR 2248/03, punt nru 36, fl-aħħar).

    ( 79 ) Ibid (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 78, punti 26 u 29).

    ( 80 ) Fl-istess sens — anki jekk b’riferiment għall-għoti ta’ kumpens għal ħsara — il-konkluzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tal-10 ta’ Ottubru 2002 għas-sentenza fil-kawża GAT (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 20, punt 66).

    ( 81 ) Sentenza Universale-Bau et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 74, punt 71); fuq il-kunċett ta’ awtonomija proċedurali ara s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 67); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 95), u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Bonn Fleisch (C-1/06, Ġabra p. I-5609, punt 41).

    ( 82 ) Sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 1968, Salgoil (13/68, Ġabra p. 601, partikolarment p. 615); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punti 39 u 43), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Van der Weerd et (kawżi magħquda minn C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28).

    ( 83 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tad-9 ta’ Jannar 2008 għas-sentenza fil-kawża Impact (C-268/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 67); fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali ara l-ġurisprudenza stabbilita, mhux tal-aħħar is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57); tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 56), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Rat (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).

    ( 84 ) F’dan is-sens ukoll, għalkemm b’riferiment għar-restituzzjoni tat-taxxi, ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 37).

    ( 85 ) Ġurisprudenza stabbilita: ara per eżempju s-sentenzi Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 5); u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio-Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 18); speċjalment fuq id-Direttiva 89/665 ara wkoll is-sentenzi Universale-Bau et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 76); tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C-327/00, Ġabra p. I-1877, punt 50), u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl (C-241/06, Ġabra p. I-8415, punt 50).

    ( 86 ) Ara f’dan ir-rigward ukoll il-qari flimkien tal-Artikolu 2G(1)(b) u l-Artikolu 2E(1) tad-Direttiva 89/665 fil-verżjoni tad-Direttiva 2007/66.

    ( 87 ) L-importanza tal-istruttura konkreta u tal-applikazzjoni prattika ta’ regoli fuq it-termini ġiet enfasizzata wkoll, per eżempju, fis-sentenza Lämmerzahl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 85, punti 52, 56 u 61).

    ( 88 ) Sentenzi Santex (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punti 62 sa 64) u Lämmerzahl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punti 62 u 63).

    Začiatok