EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0427

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 22 ta' Mejju 2008.
Birgit Bartsch vs Bosch und Siemens Hausgeräte (BSH) Altersfürsorge GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol - L-Artikolu 13 KE - Direttiva 2000/78/KE - Skema ta’ pensjoni professjonali li teskludi d-dritt għall-pensjoni ta’ rtirar għas-superstiti tal-konjuġi, 15-il sena iżgħar mill-impjegat illum mejjet - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Rabta mad-dritt Komunitarju.
Kawża C-427/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-07245

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:297

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008 ( 1 )

Kawża C-427/06

Birgit Bartsch

vs

Bosch und Siemens Hausgeräte (BSH) Altersfürsorge GmbH

“Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Artikolu 13 KE — Direttiva 2000/78/KE — Skema ta’ pensjoni professjonali li teskludi d-dritt għall-pensjoni ta’ rtirar għall-konjuġi superstiti, 15-il sena iżgħar mill-impjegat illum mejjet — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Rabta mad-dritt Komunitarju”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (Qorti tax-Xogħol Federali), il-Ġermanja, tikkonċerna klawżola fi skema ta’ pensjoni professjonali li permezz tagħha l-konjuġi superstiti ta’ impjegat fis-settur privat li jmut waqt is-servizz ikun eskluż milli jieħu pensjoni tas-superstiti jekk dan il-konjuġi superstiti jkun iktar minn ħmistax-il sena iżgħar mill-impjegat li jkun ġie nieqes. Il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din il-klawżola hijiex kuntrarja għall-prinċipju ġenerali li jipprekludi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold ( 2 ) u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi iktar kjarifika fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom jista’ japplika dan il-prinċipju.

Id-dritt Komunitarju

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi:

“1.   L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

2.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fondamentali ffirmat[a] f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

[…]”

It-Trattat KE

3.

L-Artikolu 13 KE, introdott mit-Trattat ta’ Amsterdam, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali.

2.   […]”

Id-Direttiva 2000/78/KE ( 3 )

4.

Il-preambolu tad-Direttiva 2000/78/KE jirreferi għall-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ( 4 ) u jelenka numru ta’ strumenti internazzjonali li jirrikonoxxu d-dritt universali tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ( 5 ). Fir-rigward tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, dan jinnota li l-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ( 6 ) għandha l-għan li tintegra soċjalment u ekonomikament lill-anzjani u li l-Linji Gwida tal-Impjieg għas-sena 2000 miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 1999 jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għas-sostenn tal-ħaddiema anzjani ( 7 ).

5.

Il-premessa 25 tittratta speċifikament il-possibbiltà li jiġu ġġustifikati differenzi fit-trattament marbuta mal-età. Din tipprovdi:

“Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta mal-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, [u minn] objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

6.

L-Artikolu 1 jipprovdi li l-iskop tad-Direttiva huwa dak li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni minħabba r-raġunjiet koperti f’dak li għandu x’jaqsam l-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplementa l-prinċipju ta’ ugwaljanza.

7.

L-Artikolu 2(1) jipprovdi: “Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.”

8.

Skont l-Artikolu 2(2)(a), “għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili […]”. Taħt l-Artikolu 2(2)(b), “għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta […] dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom […] [inter alia] età partikolari […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief: (i) meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]”.

9.

L-Artikolu 3(1) japplika d-Direttiva “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] (ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi […] paga”.

10.

L-Artikolu 6(1) jindirizza ġustifikazzjonijiet għal differenzi fit-trattament fuq il-bażi tal-età:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.”

Il-punti (a) sa (ċ) jagħtu eżempji ta’ dawn id-differenzi fit-trattament. Dawn jinkludu, f’ċirkustanzi speċifiċi, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet speċjali għal żgħażagħ u ħaddiema iktar anzjani, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità fis-servizz, u l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ.

11.

L-Artikolu 6(2) jippermetti li, minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-iffissar ta’ ċerti kundizzjonijiet marbuta mal-età għal skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali u l-użu, fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi, ta’ kriterji tal-età f’kalkoli tal-attwarji ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, sakemm dan ma jwassalx għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess.

12.

L-Artikolu 18 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva 2000/78 sat-2 ta’ Diċembru 2003. Madankollu, l-Istati Membri tħallew jestendu dan il-perijodu bi tliet snin fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva li jkopru d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età u d-diżabbiltà. Il-Ġermanja eżerċitat din l-għażla u għalhekk kellha sat-2 ta’ Diċembru 2006 sabiex tittrasponi dawn id-dispożizzjonjiet fil-liġi nazzjonali.

Il-linji gwida kkontestati ( 8 )

13.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġġestixxi l-iskema ta’ pensjoni professjonali ta’ Bosch-Siemens Hausgeräte GmbH (iktar ’il quddiem: “BSH”) ( 9 ). Il-punt 6 tal-linji gwida tal-iskema (iktar ’il quddiem: “il-linji gwida”) jistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-pensjonijiet tal-irtirar. Il-punt 6(4) jipprovdi għal pensjoni li għandha titħallas lis-superstiti ta’ impjegat li jkun ġie nieqes matul ir-relazzjoni tal-impjieg tiegħu jew tagħha, jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfati. Madankollu, il-ħlasijiet ma jsirux jekk “is-superstiti tkun iktar minn 15-il sena iżgħar mill-persuna li kienet impjegata […]” (iktar ’il quddiem: “il-klawżola tad-differenza fl-età”).

Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

14.

B. Bartsch, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twieldet fl-1965. Hija l-armla tas-Sur Bartsch, imwieled fl-1944 u li ġie nieqes fl-2004 meta kien impjegat ma’ BSH. Apparti l-klawżola tad-differenza fl-età, il-kundizzjonijiet fil-punt 6(4) tal-linji gwida sabiex setgħet tirċievi pensjoni tas-superstiti kienu ssodisfati.

15.

B. Bartsch applikat mingħajr suċċess għand BSH għal pensjoni. It-talba tagħha quddiem l-Arbeitsgericht (Qorti tax-Xogħol) ġiet miċħuda, u l-Landesarbeitsgericht (Qorti tax-Xogħol Reġjonali) ċaħdet l-appell tagħha.

16.

Fl-appell tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, B. Bartsch issottomettiet, inter alia, li l-klawżola tad-differenza fl-età kienet tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali u kienet għalhekk invalida.

17.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li B. Bartsch ma jistax ikollha suċċess taħt il-liġi domestika. B’mod partikolari, għalkemm il-liġi tax-xogħol Ġermaniża tinkorpora l-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali, il-klawżola tad-differenza fl-età hija bbażata fuq raġuni ġusta, jiġifieri l-limitazzjoni tar-riskji li jieħdu l-iskemi ta’ pensjoni volontarji u l-għan li dawn ir-riskji jkunu iktar kwantifikabbli ( 10 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-klawżola tad-differenza fl-età.

18.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tafx jekk il-kwalifikazzjonijiet għall-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali li jinsabu stipulati fil-liġi tax-xogħol Ġermaniża jistgħux jibqgħu validi fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-disrkiminazzjoni fuq il-bażi tal-età identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold.

19.

Il-qorti tar-rinviju mhijiex ċerta, fuq il-bażi tas-sentenza Mangold, jekk il-prinċipju ġenerali li jipprekludi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età japplikax għal sitwazzjonijiet irrispettivament minn jekk dawn għandhomx rabta jew le mad-dritt Komunitarju. Jekk le, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika fir-rigward ta’ jekk din ir-rabta toħroġx jew mill-Artikolu 13 KE jew mid-Direttiva 2000/78, minkejja li l-avvenimenti li wasslu għar-rinviju seħħew qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ( 11 ).

20.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li, peress li s-sentenza Mangold kienet riżultat ta’ kawża bejn individwi privati, jidher li l-prinċipju huwa applikabbli b’mod “orizzontali” f’kawżi bħal dan. Il-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold, madankollu, kienet tinvolvi leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprovdi għal eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju japplikax b’mod orizzontali biss fir-rigward ta’ tali dispożizzjonijiet li joħolqu eċċezzjoni.

21.

Jekk il-prinċipju huwa applikabbli, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan japplika għall-impjegat li ġie nieqes, mhux għas-superstiti. Hija tal-fehma li l-klawżola tad-differenza fl-età tista’ twassal għal diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tal-età, minħabba li l-probabbiltà li impjegat ikun affettwat tiżdied skont l-età tiegħu jew tagħha. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ġustifikazzjonijiet għal dawn il-klawżoli taħt il-liġi Ġermaniża huma xierqa wkoll taħt id-dritt Komunitarju.

22.

Finalment, minħabba n-natura tal-iskemi ta’ pensjoni professjonali u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn il-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età għandu jkollu effett retroattiv.

23.

Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

(a)

Il-liġi primarja tal-Komunitajiet Ewropej tipprojbixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età b’tali mod li l-protezzjoni taħtha għandha tiġi ggarantita mill-Istati Membri anke jekk it-trattament allegatament diskriminatorju ma jkollux rabta mad-dritt Komunitarju?

(b)

Jekk domanda (a) tiġi mwieġba fin-negattiv, din ir-rabta mad-dritt Komunitarju toħroġ mill-Artikolu 13 KE jew — anki qabel ma jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni — mid-[Direttiva 2000/78]?

(2)

Kwalunkwe projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età li toħroġ mir-risposta għad-domanda 1 hija applikabbli wkoll bejn persuni privati li jimpjegaw nies magħhom minn naħa u l-impjegati jew il-pensjonanti tagħhom u s-superstiti tagħhom min-naħa l-oħra?

(3)

Jekk id-domanda 2 hija mwieġba fl-affermattiv:

(a)

Dispożizzjoni ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, li tipprovdi li pensjoni tas-superstiti ma tingħatax lil konjuġi superstiti meta s-superstiti jkun/tkun iktar minn 15-il sena iżgħar mill-impjegat li issa ġie nieqes, taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età?

(b)

Jekk id-domanda 3(a) tiġi mwieġba fl-affermattiv, tista’ dispożizzjoni bħal din tkun iġġustifikata mill-fatt li min iħaddem għandu interess li jillimita r-riskji li joħorġu mill-iskema ta’ pensjoni professjonali?

(c)

Jekk id-domanda 3(b) tiġi mwieġba fin-negattiv, il-projbizzjoni possibbli ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età għandha effett retroattiv mingħajr limitu fir-rigward tal-liġi dwar l-iskemi ta’ pensjoni professjonali jew hija limitata fir-rigward tal-passat, u jekk dan huwa l-każ, b’liema mod?”

24.

BSH, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet u l-Olanda ressqu argumenti orali fis-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2007.

25.

Fuq talba tar-Renju Unit, din il-kawża ġiet assenjata lill-Awla Manja.

Domanda 1

26.

Id-domanda 1(a) tistaqsi essenzjalment jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età li tapplika anki jekk it-trattament allegatament diskriminatorju ma jkollux rabta mad-dritt Komunitarju.

27.

Jidher utli li din id-domanda tiġi mwieġba b’mod iktar wiesgħa u fi tliet stadji. L-ewwel nett, hemm prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi speċifikament id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età? It-tieni nett, jekk hemm, jista’ dan japplika anki jekk is-sitwazzjoni li tagħti lok għar-rinviju ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (domanda 1(a))? It-tielet nett, is-sitwazzjoni li twassal għar-rinviju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (domanda 1(b))?

Is-sentenza Mangold u s-segwitu tagħha

28.

L-ordni tar-rinviju jagħmilha ċara li d-domandi tal-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa, meħuda mis-sentenza Mangold tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hemm prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età.

29.

Ir-Renju Unit huwa kontra din il-premessa. Huwa jargumenta li la l-istrumenti internazzjonali u lanqas it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri ma jipprovdu bażi suffiċjenti għar-rikonoxximent ta’ prinċipju bħal dan. L-intenzjoni evidenti ta’ min abbozza l-Artikolu 13 KE li jippermetti lil-leġiżlatur Komunitarju jiddetermina miżuri sabiex jiġġieled kontra, inter alia, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età timplika li ma jeżisti ebda prinċipju bħal dan. Bl-istess mod, BSH tiddubita l-eżistenza ta’ sorsi suffiċjenti sabiex ikun stabbilit prinċipju ġenerali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. Il-Ġermanja tissottometti li prinċipju ġenerali bħal dan jirrendi żejda l-promulgazzjoni u l-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Fis-seduta, l-Olanda qablet mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja u tar-Renju Unit.

30.

Fis-sentenza Mangold, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-Direttiva 2000/78 ma tistipulax hija stess il-prinċipju tat-trattament ugwali fil-qasam tax-xogħol u l-impjieg. Minflok, din tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ raġunijiet koperti mid-Direttiva, peress li “il-prinċipju stess tal-projbizzjoni ta’ dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni għandu s-sors tiegħu, kif jirriżulta mill-ewwel u mir-raba’ premessa tal-imsemmija direttiva, f’diversi strumenti internazzjonali u fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri” ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet:

“(75)

Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-età għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, kif inhu l-każ [tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni] bħala miżura li timplementa d-Direttiva 1999/70 [ ( 13 )] […], il-Qorti tal-Ġustizzja, li trid tagħti deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li huma neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni ma’ tali prinċipju […].

(76)

Konsegwentement, il-ħarsien tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-età, ma jistax, bħala tali, jiddependi fuq l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex tiġi ttrasposta direttiva intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età […].

(77)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li qed tisma’ l-kawża dwar il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-età, li għandha tassigura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dritt Komunitarju u li tiggarantixxi l-effett totali tiegħu billi ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju […].

(78)

[…] Hija l-qorti nazzjonali li għandha tassigura l-effett totali tal-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-età filwaqt li ma tapplika ebda dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju, u dan anki jekk it-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija [Direttiva 2000/78] [i]kun għadu ma skadiex.”

31.

Is-sentenza Mangold ġibdet ċertu ammont ta’ kritika akkademika. It-tema ġenerali tal-kritika hija dik li l-Qorti tal-Ġustizzja (minn jeddha, mingħajr raġuni tajba u kontra x-xewqat tal-leġiżlatur) estendiet l-ambitu tad-Direttiva ( 14 ), sabiex tagħtiha effett qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u f’ċirkustanzi orizzontali, billi għamlet referenza innovattiva għal prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 15 ). Għaldaqstant, numru ta’ kittieba esprimew l-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreġudikat l-għan tal-effett dirett ( 16 ). Barra minn hekk, id-deċiżjoni hija kkritikata minħabba li pproduċiet sitwazzjoni ta’ inċertezza legali konsiderevoli ( 17 ).

32.

Erba’ Avukati Ġenerali kkummentaw ukoll dwar is-sentenza Mangold.

33.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Chacón Navas ( 18 ), l-Avukat Ġenerali Geelhoed innota l-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji potenzjalment estensivi ta’ pretensjonijiet għal trattament ugwali bbażati fuq il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 KE. L-interpretazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq l-Artikolu 13 KE m’għandhiex tiġi mġebbda billi wieħed jistrieħ fuq il-kliem “[…] fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu [it-Trattat] lill-Komunità” li jinsabu f’dan l-artikolu, u inqas u inqas billi wieħed jistrieħ fuq il-politika ġenerali tal-ugwaljanza. Approċċ bħal dan jaffettwa d-deċiżjonijiet magħmula mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-poteri li għad għandhom. Għalhekk, huwa kien favur interpretazzjoni iktar restrittiva minn dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold.

34.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lindorfer ( 19 ), issuġġerejt li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold kienet espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi. Għalhekk ħassejt li interpretazzjoni aħjar tas-sentenza Mangold kienet li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età kienet minn dejjem prekluża mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, u li d-Direttiva 2000/78 introduċiet qafas dettaljat speċifiku sabiex jittratta, inter alia, din id-diskriminazzjoni. Se nespandi, iktar ’il quddiem, fuq din l-interpretazzjoni ssuġġerita.

35.

L-Avukat Ġenerali Mazák offra kritika estiża tas-sentenza Mangold fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Palacios de la Villa ( 20 ). Huwa nnota li l-istrumenti internazzjonali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali msemmija fis-sentenza Mangold jistabbilixxu l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, iżda jinnota wkoll li kienet propożizzjoni kuraġġuża u pass sinjifikattiv li minn dan jiġi konkluż li kien hemm prinċipju speċifiku li jipprojbixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. Prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza potenzjalment jimplika projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi li tista’ tiġi kkunsidrata inaċċettabbli, b’tali mod li projbizzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu espressjonijiet partikolari ta’ dan il-prinċipju ġenerali. Madankollu, huwa pjuttost differenti li minn prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza jiġi konkluż li teżisti projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi speċifika u r-raġunijiet sabiex isir dan huma’l bogħod milli jkunu imperattivi. Barra minn hekk, la l-Artikolu 13 KE u lanqas id-Direttiva 2000/78 ma jirriflettu neċessarjament projbizzjoni diġà eżistenti tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni li għalihom jirreferu. Minflok, fiż-żewġ każijiet l-intenzjoni sottostanti kienet li l-azzjoni xierqa għal dan il-għan titħalla f’idejn il-leġiżlatur Komunitarju u l-Istati Membri. Dan huwa wkoll dak li l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li ssuġġeriet fis-sentenza Grant ( 21 ), fejn ikkonkludiet li d-dritt Komunitarju, fl-istat li kien, ma kienx ikopri diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ tendenzi sesswali.

36.

Iktar riċenti, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Maruko ( 22 ), kien tal-fehma li n-“natura essenzjali” tad-dritt għal non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ tendenza sesswali hija ta’ ordni differenti minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet lill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fis-sentenza Mangold.

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tat issa s-sentenzi tagħha f’dawk l-erba’ kawżi. Minkejja (jew possibbilment, fid-dawl ta’) l-kummenti tal-Avukati Ġenerali tagħha, fl-ebda waħda minn dawk is-sentenzi ma għamlet reviżjoni ta’ — jew saħansitra semmiet — id-deċiżjoni tagħha f’Mangold fir-rigward tal-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età.

38.

Fis-sentenza Lindorfer, il-Qorti tal-Ġustizzja fetħet mill-ġdid il-proċedura orali u żammet seduta oħra fejn talbet lill-partijiet jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar, inter alia, il-portata tal-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fil-kalkolu ta’ valuri attwarji fit-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni Komunitarja ta’ drittijiet miksuba taħt skema ta’ pensjonijiet nazzjonali. Madankollu, hija ddeċidiet il-kawża purament fuq il-bażi tad-diskriminazzjoni sesswali. Hija inqas sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet barra kwalunkwe riferiment għad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fis-sentenzi Chacón Navas u Maruko, li kkonċernaw, rispettivament, diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali.

39.

Il-kawża li wasslet għas-sentenza Palacios de la Villa kienet tirrigwarda speċifikament id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat l-ewwel li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (li kienet tipprovdi li l-fatt li ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ rtirar stipulata minn dik il-leġiżlazzjoni jwassal għat-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu) ħolqot differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad stabbiliet li d-Direttiva 2000/78, li l-perijodu għat-traspożizzjoni tagħha kien diġà skada fiż-żmien rilevanti, kienet applikabbli għall-avvenimenti li wasslu għat-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali. Għalhekk hija setgħet tiddeċiedi l-kawża billi tirreferi għad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu li jirrigwarda l-politika tal-impjieg u s-suq tax-xogħol u aċċettat li din kienet mezz xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet ebda riferiment għal prinċipju ġenerali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età.

40.

L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Palacios de la Villa, li jevalwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi b’mod espliċitu għal trattament żvantaġġuż fuq il-bażi tal-età fid-dawl tad-Direttiva 2000/78 u li jwassal għal konklużjoni li din hija aċċettabbli, huwa differenti ħafna mill-approċċ fis-sentenza Mangold, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kienet ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li twarrab kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tkun kuntrarja għall-prinċipju tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età.

41.

F’din il-kawża (bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold) il-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma kienx skada fiż-żmien rilevanti. Il-kwistjoni dwar jekk hemmx prinċipju speċifiku tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età hija għalhekk għal darba oħra potenzjalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fid-dritt Komunitarju hemm prinċipju ġenerali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età?

42.

Il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza jifforma parti mis-sisien tal-Komunità ( 23 ). Dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi jinsabu fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ( 24 ). Dikjarazzjonijiet ġenerali dwar it-trattament ugwali jidhru wkoll f’numru ta’ strumenti internazzjonali ( 25 ). B’mod speċifiku, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tipprovdi, fl-Artikolu 14 (bl-intestatura “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”): “It-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor” ( 26 ). Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza jista’ għalhekk possibbilment jiġi kkunsidrat bħala “l-prinċipju stess tal-projbizzjoni ta’ dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni [elenkati fl-Artikolu 13 KE]” u għandu s-“sors” tiegħu fil-fatt “[…] f’diversi strumenti internazzjonali u fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri” ( 27 ).

43.

L-għeruq ta’ projbizzjoni ċara u speċifika ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età jmorru inqas lura. Kif innotajt fil-konklużjonijet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lindorfer, projbizzjoni speċifika bħal din hija, kemm f’kuntest nazzjonali kif ukoll f’kuntest internazzjonali, wisq riċenti u nieqsa mill-uniformità sabiex taqa’ b’mod komdu f’din il-formula ( 28 ). Fil-fatt, fi żmien riċenti daqs l-1999 il-Kummissjoni ddikjarat pubblikament: “Il-leġiżlazzjoni dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fl-Istati Membri hija ferm limitata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 29 ).

44.

Huwa issa opportun li nieqfu sabiex nindagaw għaliex dan għandu jkun hekk. Formulazzjoni klassika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, bħal dik ta’ Aristotli “tratta każi simili b’mod simili” ( 30 ) tħalli miftuħa l-kwistjoni kruċjali dwar liema aspetti għandhom jiġu kkunsidrati rilevanti għat-trattament ugwali u liema le ( 31 ). Kull grupp ta’ bnedmin ikunu jixbhu lil xulxin f’ċerti aspetti u jkunu differenti minn xulxin f’aspetti oħra. Massima bħal dik ta’ Aristotli għalhekk tibqa’ regola mingħajr sostanza sakemm jiġi stabbilit liema differenzi huma rilevanti għall-iskopijiet inkwistjoni. Pereżempju, jekk nikkritikaw liġi li tipprojbixxi nies b’xagħarhom aħmar fir-ristoranti bħala liġi inġusta, din il-kritika tkun ibbażata fuq il-premessa li, fir-rigward tal-gost li wieħed jiekol f’ristorant, il-kulur tax-xagħar huwa irrilevanti. Huwa għalhekk ċar li l-kriterji ta’ xebh u differenzi rilevanti jvarjaw skont il-perspettiva morali fundamentali ta’ persuna jew soċjetà partikolari ( 32 ).

45.

Riflessjoni storika qasira turi li dikjarazzjonijiet dwar “ugwaljanza”, meta evalwati, ħafna drabi kienu jfissru “ugwaljanza fit-trattament, f’ċerti aspetti, għal dawk fi ħdan iċ-ċirku maġiku” iktar milli “ugwaljanza fit-trattament f’kull aspett rilevanti għal kulħadd b’mod assolut”. F’Ateni ta’ Pericles, iċ-ċittadini tal-polis setgħu jippretendu dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja jew l-avvanz ċiviku ( 33 ), iżda l-kunċett ta’ ugwaljanza eskluda t-trattament ugwali bħaċ-ċittadini fil-konfront tal-metiċi ( 34 ) u tal-iskjavi. L-ugwaljanza Spartana — mudell pjuttost differenti — b’mod simili eskludiet lill-Elotti u lill-iskjavi ( 35 ). It-tnejn (naturalment) eskludew lin-nisa. Iktar viċin iż-żminijiet tagħna, għalkemm id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti tal-Amerika pproklamat li “l-bnedmin kollha huma maħluqa ugwali” ( 36 ), kienet meħtieġa gwerra ċivili u effett pjuttost twil tagħha qabel ma t-trattament ugwali beda verament ikun estiż għad-dixxendenti tal-iskjavi suwed ( 37 ). Id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon kienet tidher perfettament naturali — saħansitra, kienet liġi ta’ Alla — matul partijiet twal mill-istorja tal-Ewropa u l-vaska tal-Mediterran.

46.

Fil-qosor, ir-risposti għad-domandi “min huwa kopert mill-prinċipju ta’ trattament ugwali?” u “liema aspetti mill-ħajja ekonomika, soċjali, politika, ċivika u personali huma koperti minn dan il-prinċipju?” mhumiex fissi. Dawn jevolvu mas-soċjetà. Kif jagħmlu hekk, il-liġi tirrifletti din il-bidla billi tibda tipprovdi b’mod espliċitu li ċerti forom ta’ trattament diskriminatorju, li qabel ma kinux innotati jew (jekk innotati) tollerati, mhumiex se jkunu iktar tollerati. Bidliet legali bħal dawn huma estensjoni — espressjoni ġdida u ulterjuri — tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza.

47.

Is-sentenza Marshall I ( 38 ) tissuġġerixxi li d-dritt Komunitarju ma kienx, mill-bidu proprju tiegħu, jikkunsidra l-età bħala bażi suspettuża ċara li fuqha jsiru distinzjonijiet. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha l-età bħala bażi għal terminazzjoni ta’ impjieg. Hija wieġbet billi stabbilixxiet li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207/KEE li jiggarantixxu trattament ugwali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn is-sessi jista’ jkollhom effett dirett u li, filwaqt li d-Direttiva ma kellhiex effett dirett “orizzontali”, is-Sinjura Marshall setgħet tistrieħ fuqha “vertikalment” peress li min kien jimpjegha, l-awtorità tas-saħħa konvenuta, kienet estensjoni tal-Istat. Din id-deċiżjoni magħrufa sewwa donnha tindika li fl-1986 li jkun hemm trattament differenti fuq il-bażi tal-età (b’mod distint milli fuq il-bażi tas-sess) kien ovvjament ikkunsidrat rilevanti għall-finijiet tat-terminazzjoni tal-impjieg u għalhekk aċċettabbli taħt il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju. Li kieku ma kienx hekk, preżumibbilment is-Sinjura Marshall kienet tistrieħ fuq il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età sabiex issaħħaħ l-argument prinċipali tagħha.

48.

Ladarba ħarġet il-portata (ġdida) possibbli tal-prinċipju, il-pass naturali li jmiss huwa dak li tingħata definizzjoni iktar preċiża tiegħu u li jiġu stabbiliti r-regoli għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li ġiet identifikata ( 39 ).

49.

Huwa ammess li jista’ jkun possibbli li ċerti sitwazzjonijiet (li jinvolvu xi forma ta’ diskriminazzjoni ċara, goffa jew arbitrarja) abbażi tal-età jkunu ttrattati bl-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali irrispettivament mill-età fil-forma sempliċi u mhux raffinata tiegħu. Fejn is-sitwazzjoni tkun iktar kumplessa u l-linja diviżorja bejn id-divrenzjar ġustifikabbli u d-diskriminazzjoni inġustifikabbli tkun inqas ċara, madankollu, l-azzjoni effettiva sabiex id-diskriminazzjoni tiġi miġġielda tinvolvi neċessarjament ukoll l-elaborazzjoni ta’ definizzjonijiet xierqa. L-Artikolu 13 KE jipprovdi l-bażi legali għal azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-KE fil-“ġlieda” kontra diversi forom ta’ inugwaljanza fit-trattament inaċċettabbli — inter alia, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. Għalhekk dan jippermetti lil-leġiżlatur Komunitarju kemm li jiddefinixxi (inter alia) id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età b’mod iktar preċiż kif ukoll li jistipula regoli intiżi sabiex jeliminawha.

50.

Għal din ir-raġuni, kwalunkwe argument fis-sens li jekk prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età kien diġà jeżisti l-Artikolu 13 KE jew id-Direttiva 2000/78 ma kinux ikunu meħtieġa huwa fundamentalment żbaljat. Huwa proprju minħabba li l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza huwa issa rikonoxxut bħala li jinkludi l-ugwaljanza fit-trattament irrispettivament mill-età li dispożizzjoni li tikkonferixxi poter leġiżlattiv bħalma hija l-Artikolu 13 KE, issir meħtieġa u hija debitament użata bħala l-bażi għal intervent leġiżlattiv dettaljat.

51.

In-naħa l-oħra ta’ din il-munita hija li projbizzjonijiet speċifiċi dettaljati dwar “id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali” ma setgħux kienu jeżistu meta l-Artikolu 13 ġie inkorporat fit-Trattat KE. Kieku dan kien il-każ, l-Artikolu 13 KE kien ikun verament fil-perikolu li jkun dispożizzjoni superfluwa ( 40 ). Wisq inqas ma setgħu joħorġu kompletament armati, bħal Ateni minn ras Zeus, f’dak il-mument preċiż.

52.

L-evalwazzjoni li qed nissottometti hawnhekk hija sostnuta bl-eżami iktar mill-qrib tad-dispożizzjoni li tikkonferixxi poter leġiżlattiv li hemm fl-Artikolu 13 KE.

53.

L-ewwel nett, l-Artikolu 13 jipprovdi li huwa “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra [tat-]Trattat” (u għalhekk, a fortiori, għall-prinċipji ġenerali li jiffurmaw l-bażi tad-dritt Komunitarju). L-użu tiegħu bħala bażi legali għal miżuri dettaljati sabiex, inter alia, tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma jaffettwax il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza. Minflok, dan jippermetti l-iżvilupp iktar effettiv ta’ manifestazzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-prinċipju ġenerali.

54.

It-tieni nett, l-Artikolu 13 KE jagħti s-setgħa lill-Kunsill (li jaġixxi unanimament), wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, sabiex “jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata” fuq diversi raġunijiet speċifiċi. Ma jiddefinixxix huwa stess dawn it-tipi ta’ diskriminazzjoni. Jibda mis-suppożizzjoni li, sfortunatament, dawn jeżistu u għandhom jiġu miġġielda (bis-saħħa). Bħall-Artikolu 13 KE, id-Direttiva 2000/78 tibda bl-istess mod bis-suppożizzjoni li ċerti forom ta’ diskriminazzjoni jeżistu. Hija tkompli — filwaqt li ma tagħmilx riferiment għal projbizzjonijiet speċifiċi eżistenti ta’ dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni, iżda pjuttost (f’termini ġenerali) għall-ħtieġa tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali — billi tiddefinixxi xi jfisser il-prinċipju tat-trattament ugwali f’ċerti kuntesti, bħala l-anteċedenti meħtieġ sabiex jiġi ggarantit li l-prinċipju jkun irrispettat.

55.

It-tielet nett, il-leġiżlatur tal-Komunità pproċeda fuq il-bażi li d-direttivi ppromulgati taħt l-Artikoku 13 KE ma jservux biss għall-iffaċilitar tal-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-raġunijiet elenkati f’dan l-artikolu tat-Trattat. Huma jservu wkoll sabiex jiddefinixxu l-portata speċifika ta’ dawn il-projbizzjonijiet f’ċerti kuntesti ( 41 ). Jiena ma narax li dan jippreġudika l-proposta li l-prinċipju bażiku (li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età għandha tiġi pprojbita) kien diġà jeżisti. Minflok, jidhirli li — bħala kwistjoni ta’ prattikabbiltà legali — huwa possibbli li xi ħaġa ħażina tiġi miġġielda b’mod effettiv biss jekk din tkun ġiet iddefinita b’attenzjoni u b’mod speċifiku.

56.

Jiġifieri, essenzjalment, peress li d-differenza bejn trattament differenzjali (aċċettabbli) u diskriminazzjoni (inaċċettabbli) ( 42 ) ma tinstabx fil-kwistjoni jekk persuni jiġux ittrattati b’mod differenti minn xulxin, iżda fil-kwistjoni jekk is-soċjetà taċċettax bħala ġustifikabbli l-kriterji li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal trattament differenti jew jekk, għall-kuntrarju, dawn il-kriterji humiex ikkunsidrati bħala arbitrarji ( 43 ) Leġiżlazzjoni dettaljata se tkun meħtieġa sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata: sabiex l-applikazzjoni ta’ kriterji partikolari f’ċirkustanzi partikolari tiġi kklassifikata bħala aċċettabbli jew inaċċettabbli u sabiex jingħata effett legali li jorbot lil din il-klassifika.

57.

Jiena għalhekk naqbel mal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold li l-oriġinijiet tal-prinċipju — jiġifieri, tal-kunċett li fil-preżent huwa inaċċettabbli li tiddiskrimina fuq il-bażi ta’ kwalunkwe waħda mir-raġunijiet fl-Artikolu 13 KE — la jinstabu fid-Direttiva 2000/78 bħala direttiva ta’ implementazzjoni u lanqas ma jinstabu fl-Artikolu 13 KE bħala tali. Dawn għandhom jinstabu fi żmien u f’post preċedenti ( 44 ).

58.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lindorfer ( 45 ), jiena ssuġġerejt li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kienet minn dejjem prekluża mill-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza li jifforma parti mid-dritt Komunitarju. Jidhirli li, sa mill-bidu tiegħu, id-dritt Komunitarju kien fil-fatt jipprekludi ċerti distinzjonijiet ibbażati fuq l-età. Nissoponu li, (ngħidu aħna) fl-1960, Stat Membru ppermetta l-moviment liberu tal-ħaddiema minn Stati Membri oħra minbarra dawk li kellhom età ta’ bejn 28 u 29 u bejn 52 u 53. Arranġament (improbabbli) bħal dan kien ċertament jintlaqat mill-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali li minn dejjem kien jifforma parti mid-dritt Komunitarju. Li toħloq distinzjoni bejn il-ħaddiema skont dawk iż-żewġ livelli tal-età kien jitqies bħala arbitrarju u inġustifikabbli. Li ġara matul is-snin sussegwenti huwa li l-perċezzjoni tas-soċjetà ta’ forom iktar sottili ta’ trattament differenzjali abbażi tal-età nbidlet minn aċċettazzjoni mhux maħsuba għal eżami kkonċentrat.

59.

Għar-raġunijiet li pprovdejt, jidhirli għalhekk li s-sentenza Mangold għandha tinftiehem bħala li tafferma li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija manifestazzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni li hija pprojbita mill-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali li huwa magħruf sewwa fid-dritt Komunitarju — prinċipju li fil-fatt ġie ferm qabel l-Artikolu 13 KE u d-Direttiva 2000/78. L-Artikolu 13 imbagħad jilgħab il-parti tiegħu billi jirrikonoxxi espliċitament ċerti tipi speċifiċi (ġodda) ta’ diskriminazzjoni u billi jagħti s-setgħa ta’ azzjoni lil-leġiżlatur Komunitarju sabiex jiġġildilhom b’modi partikolari u f’kuntesti partikolari.

60.

Din l-interpretazzjoni taqbel ukoll mar-rwol u l-istruttura tad-Direttiva 2000/78.

61.

L-ewwel nett, din id-direttiva tindirizza speċifikament il-kwistjoni li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq, inter alia, l-età fix-xogħol u fl-impjieg ( 46 ). Jidher ċar li diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tista’ tqum f’kuntesti oħra; iżda dawn mhumiex (sa issa) indirizzati b’direttiva ta’ implementazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 13 KE.

62.

It-tieni nett, l-Istati Membri mingħajr dubju pprevedew li, malli jiskadi l-perijodu ta’ traspożizzjoni, it-trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttiva għandu fil-fatt jiġi applikat “orizzontalment”, għall-“persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, inklużi korpi pubbliċi” ( 47 ).

63.

It-tielet nett, filwaqt li d-Direttiva tiddefinixxi x’għandu jfisser il-prinċipju tat-trattament ugwali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 48 ) u tiddefinixxi wkoll id-diskriminazzjoni diretta u indiretta ( 49 ), hija tipprevedi b’mod ċar li d-divrenzjar ibbażat fuq l-età fil-kuntest tax-xogħol u l-impjieg mhux dejjem jikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali. Għalhekk hija tiddistingwi bejn “differenzi fit-trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikolari minn politika leġittima ta’ impjieg, [u minn] objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.” ( 50 ) Għalhekk, b’mod kruċjali, hija tipprovdi sensiela ta’ regoli speċifiċi li jistabbilixxu l-parametri ta’ liema trattament differenzjali abbażi (inter alia) tal-età huwa aċċettabbli (u għaliex).

64.

Il-fatt li l-ħsieb kien li jkun hemm approċċ ftit differenti għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età huwa, barra minn hekk, imsaħħaħ mill-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju għażel direttiva bħala l-miżura ta’ implementazzjoni taħt l-Artikolu 13 KE. L-implementazzjoni permezz ta’ regolament għandha l-konsegwenza li dan ikun “jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha”. ( 51 ) Direttiva, min-naħa l-oħra, “torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali” ( 52 ). Miżura ta’ implementazzjoni bħal din, min-natura tagħha stess, tħalli grad għoli ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri individwali.

65.

Għalhekk, f’dan li se jsegwi, se nissuġġerixxi li l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza jopera f’ċerti ċirkustanzi sabiex jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, iżda li ma kienx hemm, ab initio, prinċipju separat u dettaljat tad-dritt Komunitarju li pprojbixxa dejjem id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Madankollu, se nindika kif kont nittratta d-domandi individwali magħmula fil-każ li nkun żbaljat fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

Jista’ (kwalunkwe) prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju japplika anki meta s-sitwazzjoni li tagħti lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju?

66.

Din id-domanda tista’ tiġi mwieġba pjuttost malajr. Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet ( 53 ) jaqblu li r-risposta hija le. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari biss meta s-sitwazzjoni li twassal għar-rinviju tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 54 ).

Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju?

67.

BSH, il-Ġermanja, l-Olanda, u r-Renju Unit jissottomettu lkoll li la l-Artikolu 13 KE u lanqas, qabel jintemm il-perijodu għat-traspożizzjoni tagħha, id-Direttiva 2000/78 ma setgħu jġibu s-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 13 KE huwa sempliċement dispożizzjoni mingħajr effett dirett li tikkonferixxi poter leġiżlattiv. Li kieku setgħet tipprovdi r-rabta meħtieġa, kienet effettivament tipprojbixxi direttament hija stess id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, b’tali mod li tkun f’kontradizzjoni mat-termini espressi tagħha. Fir-rigward tad-Direttiva 2000/78, it-terminu ta’ traspożizzjoni, u fil-fatt in-natura proprja ta’ direttiva, ifissru li din ma tistax tipprovdi r-rabta mad-dritt Komunitarju qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. L-effetti ta’ direttiva matul it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha huma limitati għall-projbizzjoni ta’ Stat Membru milli jadotta miżuri inkompatibbli ( 55 ). Madankollu, direttiva ma twessax il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju matul dan it-terminu. Effett bħal dan jippreġudika d-deċiżjoni tal-leġiżlatur. Finalment, b’mod differenti mir-regoli nazzjonali kkontestati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold, il-klawżola tad-differenza fl-età inkwistjoni f’din il-kawża ma kinitx tittrasponi dispożizzjoni Komunitarja, u lanqas ma kienet adottata matul it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78.

68.

Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni kuntrarja. Hija tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b’mod wiesa’ ħafna f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza fir-rigward tal-libertajiet tat-Trattat, għalkemm taċċetta li l-kawża preżenti ma għandha ebda konnessjoni mal-libertajiet jew ma’ diskriminazzjoni bħal din. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li l-Artikolu 13 KE huwa dispożizzjoni li tikkonferixxi poter leġiżlattiv ma jżommux milli jipprovdi r-rabta meħtieġa mad-dritt Komunitarju. Fis-sentenza Saldanha ( 56 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dispożizzjoni tat-Trattat li tikkonferixxi poter leġiżlattiv ( 57 ) ġabet regola nazzjonali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ( 58 ).

69.

Għandi nibda billi nosserva li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, għalkemm fundamentali għall-funzjonament tajjeb tad-dritt Komunitarju, ma joperawx fl-astratt ( 59 ). B’mod partikolari, miżuri nazzjonali jistgħu jiġi riveduti fuq il-bażi tal-konformità tagħhom ma’ prinċipji ġenerali bħal dawn biss jekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 60 ). Sabiex dan ikun il-każ, id-dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali ( 61 ) inkwistjoni għandha b’mod ġenerali taqa’ f’waħda minn dawn it-tliet kategoriji. Għandha timplementa d-dritt Komunitarju (irrispettivament mill-grad ta’ diskrezzjoni li l-Istat Membru jgawdi u minn jekk il-miżura nazzjonali tmurx lilhinn minn dak li huwa strettament meħtieġ għall-implementazzjoni) ( 62 ). Hija għandha tinvoka xi forma ta’ deroga permessa taħt id-dritt Komunitarju ( 63 ). Altrimenti hija għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju minħabba li xi regola sostantiva speċifika tad-dritt Komunitarju tkun applikabbli għas-sitwazzjoni ( 64 ).

70.

Ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold kienu miżuri ta’ dritt pubbliku speċifikament ippromulgati mill-Istat Membru inkwistjoni (il-Ġermanja) sabiex jimplementa obbligu tad-dritt Komunitarju (it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70). It-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien ilu li skada. Għalhekk, kien hemm qafas ta’ regoli rilevanti tad-dritt Komunitarju — id-Direttiva 1999/70 u l-implementazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali — li għalih il-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali (inkluż it-trattament ugwali irrispettivament mill-età) seta’ jiġi applikat.

71.

F’dan id-dawl, il-punti prinċipali tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Mangold huma pjuttost iktar faċli sabiex jinftiehmu. Wara li identifikat li l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza jinkludi projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 65 ), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret lilha nfisha bl-obbligu tagħha li “tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li huma neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni [nazzjonali] ma’ tali prinċipju” fejn “[din] taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni [tad-dritt Komunitarju]” ( 66 ). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet “miżura li timplementa d-Direttiva 1999/70” ( 67 ). Għalhekk din kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u barra minn hekk pprovdiet xi ħaġa li fuqha l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza — hawnhekk, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni (arbitrarja) bbażata fuq l-età — seta’ jiġi applikat.

72.

Ladarba l-prinċipji ġenerali huma fundamentali għas-sistema sħiħa tad-dritt Komunitarju, segwa għalhekk li “l-ħarsien tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-età, [ma setax] bħala tali jiddependi fuq l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex tiġi trasposta [d-Direttiva 2000/78]” ( 68 ). Id-Direttiva 2000/78 kienet biss “intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età” ( 69 ). Fil-kuntest partikolari tal-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold, madankollu, il-prinċipju ġenerali seta’ jiġi applikat mingħajr elaborazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva 1999/70. Kienet għalhekk ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tapplika l-prinċipju fundamentali għall-kawża quddiemha, u jekk meħtieġ li twarrab regola tad-dritt nazzjonali sabiex tiggarantixxi protezzjoni effettiva ( 70 ).

73.

Fil-kawża ineżami, ma hemm ebda regola sostantiva speċifika rilevanti tad-dritt Komunitarju li tirregola s-sitwazzjoni li fuqha l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza jista’ jiġi applikat. B’kuntrast mas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold, f’din il-kawża ma hemmx regoli nazzjonali li jimplementaw direttiva li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha diġà skada. Ma hemmx dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat jew leġiżlazzjoni sekondarja tal-Komunità oħra. Hemm biss l-Artikolu 13 KE ( 71 ) (li huwa dispożizzjoni li tikkonferixxi poter leġiżlattiv li m’għandhiex effett dirett) u d-Direttiva 2000/78 (li fir-rigward tagħha, fiż-żmien applikabbli, it-terminu ta’ traspożizzjoni kien għadu għaddej u li, għalhekk, għandha tiġi injorata).

74.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex possibbli li wieħed jistrieħ fuq il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza kemm sabiex tinħoloq regola sostantiva applikabbli tad-dritt Komunitarju kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat kif din ir-regola sostantiva għandha tiġi applikata.

75.

Jiena għalhekk nikkunsidra li ma hemmx regola sostantiva speċifika tad-dritt Komunitarju li tista’ sservi bħala l-bażi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza għas-sitwazzjoni li wasslet għar-rinviju. Jiena kont nwieġeb għad-domanda 1(b) f’dan is-sens.

76.

L-evalwazzjoni tiegħi ta’ din id-domanda kienet tkun l-istess li kieku, b’mod kuntrarju għal dak li pprovdejt hawn fuq, kien hemm prinċipju speċifiku tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi d-disrkiminazzjoni fuq il-bażi tal-età (iktar milli prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali li jinkludi t-trattament ugwali irrispettivament mill-età).

77.

Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni li pprovdejt s’issa hija suffiċjenti sabiex tingħata risposta lill-qorti nazzjonali. Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet se ngħaddi għalhekk biex nevalwa t-tieni u t-tielet domandi b’mod sussidjarju (fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti dwar id-domanda 1).

Domanda 2

78.

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold tistax tiġi applikata orizzontalment ( 72 ).

Jistgħu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jiġu applikati orizzontalment?

79.

Huwa dritt Komunitarju stabbilit li l-prinċipji ġenerali tad-dritt jistgħu jiġu invokati vertikalment kontra l-Istat. Għalhekk, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li diversi miżuri nazzjonali kienu preklużi mid-dritt Komunitarju minħabba li kienu inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali ( 73 ) jew ma’ manifestazzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-prinċipju, bħall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza f’diversi kuntesti ( 74 ), ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ( 75 ), il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 76 ) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 77 ).

80.

Id-domanda hija dwar jekk kwalunkwe prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju jistax, jew għandux ikun jista’, jiġi applikat orizzontalment.

81.

Fis-sentenza Bostock, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma setax, f’sitwazzjoni li toħroġ mis-sistema Komunitarja tal-kwota tal-ħalib, iġib tibdil retroattiv fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fuq kirja, inter alia, permezz tal-effett dirett ( 78 ). Fis-sentenza Otto, il-protezzjoni kontra l-ammissjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji, bħala parti mid-drittijiet ta’ difiża ta’ individwu, ġiet ikkunsidrata bħala li ma tapplikax f’sitwazzjoni bejn żewġ partijiet privati ( 79 ).

82.

Ma naħsibx li dawn iż-żewġ sentenzi neċessarjament jistabbilixxu li prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jistgħu qatt japplikaw orizzontalment. L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali fis-sentenza Bostock kienet tagħti lil liġi domestika effett retroattiv (u għalhekk kienet tikser prinċipji fundamentali oħra) ( 80 ). Il-prinċipju invokat fis-sentenza Otto jservi sabiex jipproteġi individwu minn sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali. Fejn proċedimenti bejn individwi ma jistgħux iwasslu, anki indirettament, għal konsegwenza bħal din, il-protezzjoni tkun mingħajr skop ( 81 ).

83.

Sa fejn il-prinċipji ġenerali huma applikati vertikalment, dawn jippermettu lil individwi jasserixxu drittijiet fundamentali kontra l-Istat. Madankollu, il-limitazzjoni tal-użu ta’ dawn id-drittijiet għal sitwazzjonijiet vertikali toħloq ir-riskju li jkun hemm l-istess distinzjoni (xi kultant artifiċjali) bejn is-settur pubbliku u dak privat bħalma huwa komuni fil-każ ta’ direttivi ( 82 ).

84.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi rrikonoxxiet li l-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali jista’ jiġi applikat orizzontalment meta jkun inkorporat f’artikolu sostantiv tat-Trattat. Għalhekk fis-sentenza Walrave u Koch hija ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ ċittadinanza li hemm fl-Artikoli li llum huma l-Artikoli 12 KE, 39 KE u 49 KE kienet tapplika mhux biss fir-rigward tal-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll fir-rigward ta’ regoli ta’ organizzazzjonijiet privati li kellhom l-għan li jirregolaw b’mod kollettiv l-impjieg u s-servizzi bi ħlas u li r-regola ta’ non-diskriminazzjoni kienet tapplika fl-evalwazzjoni tar-relazzjonijiet legali kollha li jkunu jinsabu fi ħdan il-Komunità ( 83 ). Il-kawża li wasslet għas-sentenza Walrave u Koch kienet tikkonċerna assoċjazzjoni privata li kellha funzjoni regolatorja u li għalhekk setgħet probabbilment tiġi assimilata ma’ estensjoni tal-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja marret oltre dan fis-sentenza Angonese, li kienet tikkonċerna l-aċċess għal impjieg f’bank privat, u ddeċidiet li “l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ ċittadinanza stipulata fl-[Artikolu 39 KE] għandha tiġi kkunsidrata bħala applikabbli għal persuni privati” ( 84 ).

85.

Fis-sentenza Mangold il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali (inkluż it-trattament ugwali irrispettivament mill-età) f’tilwima privata bejn individwi, għalkemm wieħed minnhom kien irregolat b’regoli nazzjonali tad-dritt pubbliku adottati sabiex jiġi implementat obbligu tad-dritt Komunitarju (Direttiva 1999/70). Għalhekk jidhirli li wieħed għandu jaħsiba sewwa qabel jeskludi l-possibbiltà li prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju jista’, f’ċirkustanzi xierqa, jiġi applikat orizzontalment.

Applikazzjoni orizzontali fil-każ preżenti?

86.

Diġà indikajt li, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni li wasslet għar-rinviju ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 85 ).

87.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament it-trattament ugwali irrispettivament mill-età kif identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, ma jistax jiġi applikat orizzontalment. Filwaqt li ngħid dan, naċċetta li prinċipju bħal dan jista’ japplika (kemm vertikalment kif ukoll orizzontalment) sa fejn dan isir fi ħdan qafas speċifiku tad-dritt Komunitajru ( 86 ).

88.

Madankollu, fejn ma jkunx hemm qafas bħal dan, bħal fil-kawża preżenti, il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament it-trattament ugwali irrispettivament mill-età, ma jkollu xejn fuq x’hiex jista’ jiġi applikat. Għalhekk ma jistax jiġi applikat (la vertikalment u lanqas orizzontalment) sakemm il-leġiżlatur tal-Komunità jippromulga l-miżuri dettaljati meħtieġa taħt l-Artikolu 13 KE u sakemm jiskadi kwalunkwe terminu ta’ traspożizzjoni. Malli jiġri dan, il-prinċipju ġenerali — kif indika l-Avukat Ġenerali Mazák ( 87 ) — jintuża fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni implementattiva iktar milli jopera b’mod awtonomu.

89.

Għalhekk, il-mod preċiż li bih Stat Membru jagħżel li jagħmel użu mid-deroga, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età huwa, ċertament, suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-isfond tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament it-trattament ugwali irrispettivament mill-età. Dan l-istħarriġ jiżgura li l-għażliet soċjali u ta’ politika magħmula mill-Istati Membri jaqgħu fit-termini tad-deroga u għalhekk fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru ( 88 ).

90.

Naqbel ukoll mar-Renju Unit li mhuwiex xieraq li nistennew minn persuna privata li timpjega persuni magħha li tagħmel, mingħajr gwida, l-għażliet soċjali u ta’ politika li hemm wara d-deroga tal-Artikolu 6(1). Huwa l-kompitu espliċitu tal-Istat Membru li jagħmel dawn l-għażliet u li jerfa’ r-responsabbiltà għalihom.

91.

Inżid malajr li, ladarba Stat Membru jkun implementa d-Direttiva 2000/78, kemm ir-regoli li l-Istat Membru jagħmel permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu kif ukoll l-applikazzjoni ta’ persuna individwali li timpjega persuni magħha ta’ dawn ir-regoli fi ħdan l-arranġamenti tagħha taħt id-dritt privat mal-impjegati tagħha jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali u, fejn xieraq, mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 jagħmilha ċara b’mod li ma jħalli ebda dubju li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, u speċifikament it-trattament ugwali irrispettivament mill-età, li joperaw permezz tad-Direttiva għandhom japplikaw “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] (ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi […] paga”.

92.

Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, ladarba t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 skada ( 89 ), il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament it-trattament ugwali irrispettivament mill-età, jista’ fil-fatt jiġi invokat “orizzontalment”permezz tad-Direttiva 2000/78 mingħajr il-ħtieġa ta’ xi element ieħor li jġib ir-relazzjoni ta’ impjieg fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. L-għażliet li l-Istati Membri għamlu fl-implementazzjoni tad-Direttiva jiġu evalwati f’dan l-isfond.

93.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li (jekk meħtieġ) il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi bħala risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali li l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament it-trattament ugwali irrispettivament mill-età, ma jistgħux jiġu applikati bejn persuni privati li jħaddmu nies magħhom minn naħa u l-impjegati tagħhom jew pensjonanti u s-superstiti tagħhom min-naħa l-oħra bħala raġuni sabiex tiġi kkontestata regola tad-dritt privat li ma kinitx ippromulgata sabiex timplementa obbligu taħt id-dritt Komunitarju jew sabiex jittieħed vantaġġ minn deroga permissibbli taħt id-dritt Komunitarju, u fejn ma hemmx regola sostantiva tad-dritt Komunitarju li tkun altrimenti applikabbli.

Domanda 3

Domanda 3(a)

94.

Il-qroti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjoni bħall-klawżola tad-differenza fl-età fi skema ta’ pensjoni professjonali taqax fil-portata tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament tat-trattament ugwali irrispettivament mill-età.

95.

Hemm żewġ approċċi possibbli għall-evalwazzjoni ta’ din id-domanda. Minn naħa, x’tipi ta’ diskriminazzjoni marbuta mal-età huma koperti mill-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament mit-trattament ugwali irrispettivament mill-età? Min-naħa l-oħra, x’ried ikopri l-leġiżlatur Komunitarju bil-prinċipju ta’ trattament ugwali irrispettivament mill-età fformulat fid-Direttiva 2000/78?

Evalwazzjoni fuq il-bażi ta’ prinċipju ġenerali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età

96.

L-ewwel kwistjoni hija dwar jekk il-prinċipju ġenerali jkoprix etajiet relattivi kif ukoll assoluti. Ir-risposta għal din il-kwistjoni tiddependi minn dak li jinftiehem b’“diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età relattiva”. It-terminu jista’ jitqies li jkopri biss trattament inqas favorevoli ta’ A (individwu) minħabba li huwa numru ta’ snin partikolari ikbar (jew iżgħar) minn B (individwu ieħor) jew Ċ (grupp ta’ individwi). B’mod iktar wiesa’, jista’ jitqies li jkopri wkoll trattament inqas favorevoli ta’ E u F (żewġ individwi, meħuda flimkien) minħabba li d-differenza fl-età bejniethom bħala par hija ikbar jew inqas mid-differenza fl-età bejn pari oħra ta’ individwi komparabbli (G u H, I u J, u oħrajn).

97.

Fil-fehma tiegħi, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età relattiva tinkludi dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. It-tnejn jagħmlu użu mill-età bħala l-kriterju li jiġġustifika trattament differenzjali avvers u ma nistax nara raġuni aċċettabbli sabiex issir distinzjoni bejn it-tnejn. L-istess loġika twassalni għall-konklużjoni li ma hemm ebda raġuni għall-esklużjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq etajiet relattivi mill-portata tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza, u speċifikament tat-trattament ugwali irrispettivament mill-età. L-età ta’ persuna, għalkemm espressa f’termini relattivi iktar milli assoluti, hija xorta waħda l-bażi għad-deċiżjoni li għandha effett avvers fuqhom.

98.

Dan l-approċċ jirriżolvi wkoll il-kwistjoni dwar jekk hijiex biss id-diskriminazzjoni li toħroġ mill-klawżola tad-differenza fl-età li taffettwa l-impjegat li ġie nieqes li taqa’ taħt il-projbizzjoni, jew jekk id-diskriminazzjoni li taffettwa lill-konjuġi superstiti (f’dan il-każ, B. Bartsch) hijiex inkluża wkoll. Id-diskriminazzjoni (kif imqabbla ma’ koppji li huma eqreb lejn xulxin fl-età) toħroġ mill-karatteristiċi magħquda flimkien tagħhom u hija b’mod ċar marbuta mal-età. Huwa evidenti li xi ħadd bħal B. Bartsch, li hija iktar minn 15-il sena iżgħar mill-konjuġi mejjet tagħha, qed tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kienet f’sitwazzjoni komparabbli (jiġifieri, armla) iżda inqas minn 15-il sena iżgħar mill-konjuġi mejjet tagħha. Trattament bħal dan huwa direttament diskriminatorju bejn kategoriji differenti ta’ romol ta’ impjegati fir-rigward tal-għoti tad-drittijiet ta’ pensjoni jew tal-esklużjoni minnhom. Ir-riżultat avvers isegwi direttament minn applikazzjoni ta’ kriterju marbut mal-età (differenza fl-età ta’ iktar minn 15-il sena) sabiex jiġi ddeterminat id-dritt għall-pensjoni. B. Bartsch hija affettwata b’mod avvers billi ma tirċevix il-pensjoni. L-awtonomija personali ( 90 ) tas-Sur Bartsch ġiet affettwata b’mod avvers mill-inabbiltà li jagħmel provvediment xieraq għall-konjuġi tiegħu wara mewtu, u billi ġie ppenalizzat l-eżerċizzju tal-libertà tiegħu li jagħżel konjuġi li hija iktar minn 15-il sena iżgħar minnu.

99.

Applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess twassal għall-konklużjoni li, peress li d-diskriminazzjoni diretta ma tistax tkun oġġettivament iġġustifikata (ara, pereżempju, is-sentenza Dekker) ( 91 ), kull trattament li jagħmel differenza direttament fuq il-bażi tal-età huwa pprojbit. Mandankollu, il-leġiżlatur Komunitarju jidher li b’mod ċar ippreveda, fid-Direttiva 2000/78, li ċerti kategoriji ta’ trattament bħal dan għandhom ikunu jistgħu jiġu oġġettivament iġġustifikati ( 92 ). Dan, fil-fehma tiegħi, isaħħaħ l-evalwazzjoni li ressaqt fir-rigward tar-risposta għad-domanda 2.

Evalwazzjoni taħt id-Direttiva 2000/78

100.

L-Artikolu 3(1) japplika d-Direttiva “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] (ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi […] paga”. Skont ġurisprudenza stabbilita, pensjoni tas-superstiti taqa’ fil-kunċett ta’ “paga” taħt l-Artikolu 141 KE bħala benefiċċju li joħroġ mir-relazzjoni tal-impjieg tal-konjuġi mejjet ( 93 ).

101.

Il-kuntratt ta’ impjieg ħoloq relazzjoni ta’ impjieg bejn is-Sur Bartsch u BSH. Il-pensjoni tas-supserstiti hija “paga” taħt l-Artikolu 141 KE u għalhekk “paga” għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78. Wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, il-validità tal-klawżola tad-differenza fl-età għandha għalhekk tiġi evalwata taħt id-Direttiva.

102.

Jidhirli li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema tipi ta’ diskriminazzjoni marbuta mal-età huma koperti, taħt id-Direttiva japplikaw l-istess argumenti applikati fl-evalwazzjoni taħt il-prinċipju ġenerali. Dawn huma kkonfermati minn numru ta’ karatteristiċi speċifiċi tad-Direttiva.

103.

L-ewwel nett, il-premessa 25 tagħmilha ċara li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età skont it-tifsira tad-Direttiva hija kunċett wiesgħa. Dan huwa wkoll konformi ma’ prinċipji standard ta’ interpretazzjoni, li jiddettaw li l-kunċett ta’ diskriminazzjoni fl-Artikolu 2 għandu jiġi interpretat b’mod estensiv, filwaqt li l-ġustifikazzjonijiet u d-derogi taħt l-Artikolu 2(2)(b)(i) u taħt l-Artikolu 6 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Jekk tinterpreta l-Artikolu 2 bħala li japplika biss għal etajiet assoluti (“min jimpjega jittratta impjegat ta’ 50 sena b’mod inqas favorevoli minn impjegat ta’ 40 sena”), tkun qed tinterpreta l-prinċipju f’dan l-artikolu b’mod restrittiv. Dan mhuwiex il-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess ( 94 ), jew kwalunkwe libertà fundamentali bbażata fuq it-Trattat.

104.

It-tieni nett, kif tosserva l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 bħala li huwa applikabbli biss għal etajiet assoluti tagħmel iktar faċli l-evażjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li hemm f’dan l-artikolu. Persuna li timpjega, li jkollha moħħha jilħqilha, taf issib mod kif tevita l-projbizzjoni billi tirristruttura l-prassi diskriminatorji eżistenti tagħha f’termini ta’ etajiet relattivi, minflok assoluti.

105.

Jiena għalhekk ninterpreta d-Direttiva bħala li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età assoluta u relattiva. Fl-evalwazzjoni tiegħi tal-prinċipju ġenerali, issuġġerejt li d-“diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età relattiva” għandha tkopri kemm trattament diskriminatorju li jaffettwa l-impjegat li ġie nieqes kif ukoll trattament diskriminatorju li jaffettwa s-superstiti ( 95 ). Ma nistax nikkonċepixxi li l-prinċipju inkluż fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intiża sabiex “timplimenta” l-prinċipju tat-trattament ugwali ( 96 ), għandu jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv f’dan ir-rigward minn dan il-prinċipju ġenerali.

106.

Għalhekk se nipproċedi fuq il-bażi li klawżola ta’ differenza fl-età bħal dik inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 ( 97 ), fir-rigward kemm tas-Sur Bartsch kif ukoll tas-superstiti, B. Bartsch. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li fiż-żmien rilevanti t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fil-liġi nazzjonali fil-Ġermanja kien għadu ma skadiex.

Domanda 3(b)

107.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fil-każ li dispożizzjoni bħall-klawżola tad-differenza fl-età tagħti lok għal trattament differenzjali, din id-diskriminazzjoni tistax tkun ġġustifikata mill-interess ta’ min jimpjega fil-limitazzjoni tar-riskji li jittieħdu minn skemi tal-pensjoni volontarji (u x-xewqa tiegħu li jagħmel dawn ir-riskji iktar kwantifikabbli) ( 98 ). Madankollu, jidhirli li, ladarba riskju jiġi kkwantifikat, dan ma jibqax iktar “riskju” iżda jsir obbligu prevedibbli li għalih jista’ jsir provvediment. Jidher ukoll li huwa ċar li evalwazzjoni attwarja tikkwantifika l-obbligi li x’aktarx jirriżultaw bħala riżultat tad-“differenzi fl-età”. Għalhekk se nipproċedi fuq il-bażi li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk id-diskriminazzjoni tistax tkun iġġustifikata mill-interess ta’ min jimpjega li jistabbilixxi limitazzjoni ġenerali fuq l-ispejjeż li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ skema ta’ pensjoni volontarja.

108.

Id-Direttiva 2000/78 tipprovdi qafas analitiku konvenjenti għat-trattazzjoni ta’ din il-kwistjoni. Li kieku l-avvenimenti li wasslu għal dan ir-rinviju ġraw wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, kienet tkun tista’ tiġi ġġustifikata klawżola ta’ differenza fl-età fi skema ta’ pensjoni supplimentari privata tat-tip operata minn BSH?

109.

Id-Direttiva 2000/78 tiddefinixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll id-diskriminazzjoni indiretta fl-Artikolu 2. Iż-żewġ partijiet tal-Artikolu 2(2) jibdew bl-istess mod: “[…] għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni […] meta […]”. L-Artikolu 2(2)(a) jiddefinixxi d-diskriminazzjoni diretta mingħajr ma jissuġġerixxi li din tista’, fil-prinċipju, tiġi ġġustifikata. B’mod li jikkuntrasta ma’ dan, l-Artikolu 2(2)(b) jipprovdi li “għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta […] dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom […] età partikolari […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief […] meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]”. Fi kliem ieħor, jekk il-kundizzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) tkun issodisfata, ebda diskriminazzjoni indiretta ma għandha tirriżulta li tkun seħħet (altrimenti, ikun hemm diskriminazzjoni). Prima facie, dan jidher li jissuġġerixxi (a contrario) li d-diskriminazzjoni li taqa’ fi ħdan l-Artikolu 2(2)(a) ma tistax tkun oġġettivament iġġustifikata. Madankollu, hemm ovvjament overlap bejn it-termini tal-Artikolu 2(2)(b) u l-formulazzjoni tal-ġustifikazzjoni (estensiva) għal raġunijiet oġġettivi għad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stipulata fl-Artikolu 6.

110.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jittratta esklużivament il-ġustifikazzjoni għal tip speċifiku wieħed ta’ trattament differenzjali: id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. Dan jibda bil-kliem: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu […]”. Hawnhekk, ebda distinzjoni ma saret mil-leġiżlatur bejn l-Artikolu 2(2)(a) (diskriminazzjon diretta) u l-Artikolu 2(2)(b) (diskriminazzjoni indiretta). Minflok, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti kopert bl-Artikolu 2(2) “m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu […] u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu approprjati u neċessarji”. Ċerti “għanijiet leġittimi” speċifiċi huma identifikati espressament (“inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”), f’lista li (ladarba intużat il-kelma “inkluża”) mhijiex intiża li tkun eżawrjenti. Wara din l-introduzzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(a), (b) u (ċ) imbagħad jidentifikaw (għal darba oħra b’mod mhux eżawrjenti) ċerti tipi ta’ trattament differenzjali li jidher li jinvolvi parzjalment id-diskriminazzjoni diretta ( 99 ), parzjalment id-diskriminazzjoni indiretta ( 100 ) fuq il-bażi tal-età. L-Artikolu 6(2) jipprovdi għal ċerti tipi ta’ trattament differenzjali marbut mal-età għal skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali.

111.

Ikun ġust jekk jingħad li l-maġġoranza ta’ eżempji speċifiċi ta’ trattament differenzjali “aċċettabbli” fl-Artikolu 6(1) jinvolvu l-użu dirett tal-età bħala kriterju ta’ deċiżjoni (“ħaddiema ta’ età”, “kondizzjonijiet minimi ta’ età”) ( 101 ). Il-kriterju ta’ deċiżjoni mhuwiex għalhekk “dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali” (kif identifikati, fl-Artikolu 2(2)(b) fi ħdan id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta). Minflok, ħafna drabi dan ikun trattament differenzjali fuq il-bażi tal-età, b’mod ċar u sempliċi.

112.

L-unika konklużjoni loġika li għandna naslu għaliha hija li d-Direttiva 2000/78 tippermetti espressament tipi partikolari ta’ trattament differenzjali abbażi tal-età, kemm-il darba dawn ikunu “objettivament u raġonevolment iġġustifikat[i] b’għan leġittimu […] u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu approprjati u neċessarji.” Din l-evalwazzjoni tat-test hija sostnuta mis-sentenza Palacios de la Villa tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 102 ), li kienet tikkonċerna klawżola ta’ rtirar mandatorju f’leġiżlazzjoni nazzjonali ( 103 ), Il-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi li “[d]in id-Direttiva għandha [ ( 104 )] tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età tal-irtirar”. Madankollu, ebda dispożizzjoni sostantiva fid-Direttiva ma teżenta klawżoli ta’ rtirar mill-ambitu tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali klawżola kienet koperta mid-Direttiva u kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età ( 105 ). Madankollu, hija ddeċidiet li din kellha għan li seta’, taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, raġonevolment u oġġettivament jiġġustifika trattament differenti fuq il-bażi tal-età ( 106 ).

113.

Il-klawżola dwar id-differenza fl-età ma taqax b’mod ċar f’wieħed mill-eżempji speċifiċi fl-Artikolu 6(1)(a), (b) jew (ċ). L-interess ta’ min jimpjega fl-iffissar ta’ limitazzjoni ġenerali fuq l-ispejjeż sostnuti minn skema ta’ pensjoni volontarja ( 107 ) huwa reminixxenti tal-fatturi wara d-deroga fl-Artikolu 6(2). Id-derogi għandhom, bħala prinċipju ġenerali ta’ kostruzzjoni, jiġu interpretati b’mod restrittiv. Fl-istess ħin, jidher ċar li l-Artikolu 6 m’għandux lista eżawrjenti ta’ derogi aċċettabbli.

114.

Jekk l-Istat Membru jkun diġà ttraspona d-Direttiva 2000/78, (preżumibbilment) huwa jkun għamel xi għażliet ta’ politika. Jekk għażel li jinvoka l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva sabiex jippermetti lil persuna privata li timpjega nies magħha tinkludi dispożizzjoni bħall-klawżola tad-differenza fl-età fl-iskema ta’ pensjoni pofessjonali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun trid l-ewwel tiddeċiedi dwar jekk l-użu tal-klawżola tad-differenza fl-età jikkwalifikax taħt id-deroga u mbagħad (jekk dan ikun il-każ) tevalwa l-iskema proprja għall-proporzjonalità.

115.

Min-naħa l-oħra, l-istat preżenti tad-dritt Komunitarju jippermetti lill-Istati Membri u, fejn xieraq, iż-żewġ naħat tal-industrija f’livell nazzjonali, diskrezzjoni pjuttost wiesgħa, mhux biss dwar jekk jiġix segwit għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan ( 108 ).

116.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet b’mod konsistenti approċċ strett fir-rigward tal-iskemi ta’ pensjoni li, bħal fil-kawża preżenti, jeskludu ċerti kategoriji ta’ persuni, b’kuntrast ma’ dawk li jipprovdu benefiċċji differenzjali. B’mod partikolari, hija ċċirkoskriviet l-effett non-retroattiv tad-deċiżjoni tagħha fis-sentenza Barber ( 109 ) sabiex ma tkunx applikabbli għall-ewwel tip ta’ skema ( 110 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll kawta fl-aċċettazzjoni ta’ raġunijiet ibbażati fuq kalkoli attwarji sabiex jiġi ġġustifikat trattament differenzjali ( 111 ).

117.

Il-qorti tar-rinviju tipprovdi li l-klawżola tad-differenza fl-età hija kompatibbli mad-dritt domestiku minħabba li din hija bbażata fuq “raġuni ġusta”, jiġifieri l-interess ta’ min jimpjega fl-iffissar ta’ limitazzjoni ġenerali fuq l-ispejjeż sostnuti mill-iskemi ta’ pensjoni volontarji ( 112 ). Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-klawżola tad-differenza fl-età. Il-limitazzjoni tal-ispiża hija bbażata fuq kriterju demografiku: iktar ma s-superstiti jkunu żgħar meta mqabbla mal-impjegati li jkunu ngħataw pensjoni professjonali, iktar ma jkun twil iż-żmien li fih min jimpjega jkollu, bħala medja, jipprovdi pensjoni tas-superstiti.

118.

Fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li l-Istati Membri jgawdu fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, jien lesta naċċetta li għażla ta’ politika magħmula minn Stat Membru sabiex skemi ta’ pensjoni privati jkunu jistgħu jinkludu xi forma ta’ klawżola ta’ differenza fl-età tista’, fil-prinċipju, isservi għan leġittimu skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

119.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, skema li operat — bħall-iskema ta’ BSH — sabiex teskludi armla fil-pożizzjoni ta’ B. Bartsch ( 113 ) minn kwalunkwe pagament taħt l-iskema x’aktarx li ma tgħaddix mit-test ta’ proporzjonalità li hemm fl-Artikolu 6(1), li jirrikjedi li l-mezzi sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi għandhom ikunu “approprjati u neċessarji”.

120.

L-ewwel nett, jidher ċar mir-risposta tar-rappreżentant ta’ BSH fis-seduta li, meta l-iskema ta’ pensjoni ġie oriġinarjament imwaqqfa, il-kumpannija kienet ikkunsidrat biss il-kwistjoni ta’ kif kienet se tqassam il-fondi (disponibbli).

121.

It-tieni nett, mhuwiex diffiċli li wieħed jimmaġina modi kif l-ispejjeż sostnuti mill-iskemi ta’ pensjoni volontarji jiġu limitati li jkunu inqas estremi mill-esklużjoni totali tas-superstiti. Pereżempju, benefiċċju mnaqqas jista’ jkun pagabbli lil superstiti iżgħar fl-età, possibbilment iddeterminat skont skala varjanti; jew il-pagamenti jistgħu jibdew isiru biss meta s-superstiti jilħqu età partikolari.

122.

It-tielet nett, ma hemm xejn fid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxu li pensjoni tas-superstiti hija pagabbli biss jekk l-impjegat jiġi nieqes meta jkollu età partikolari jew wara din l-età. Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn impjegat u l-konjuġi jkunu tal-istess età u l-impjegat jiġi nieqes fl-età ta’ 40, is-superstiti jirċievi pensjoni. B’kuntrast, superstiti sittax-il sena iżgħar minn impjegat li jiġi nieqes fl-età ta’ 56 ma jirċievi xejn. Madankollu, ma hemm ebda distinzjoni rilevanti bejn dawn iż-żewġ superstiti (it-tnejn ta’ 40 sena) f’termini tal-aspettativa tal-ħajja tagħhom u għalhekk it-tul ta’ żmien li matulu huma x’aktarx jieħdu pensjoni tas-superstiti.

123.

Jekk id-domanda 3(b) tiġi evalwata mill-perspettiva tal-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni, applikat għall-bażi speċifika tal-età, huwa diffiċli li wieħed jara kif tali diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età tista’ tiġi ġġustifikata. Fi kwalunkwe każ, l-iskema teħel taħt il-proporzjonalità.

124.

Jiena għalhekk nikkonkludi, jekk meħtieġ, li dispożizzjoni bħall-klawżola tad-differenza fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li min jimpjega għandu interess li jillimita l-ispejjeż ġenerali sostnuti minn skema ta’ pensjoni volontarja.

Domanda 3(c)

125.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-projbizzjoni possibbli ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età għandhiex effett retroattiv mingħajr limitu fir-rigward tal-liġi dwar l-iskemi ta’ pensjoni professjonali. Jekk le, b’liema mod hija din limitata?

126.

Għalkemm il-qorti nazzjonali tistaqsi, fl-ordni tar-rinviju, dwar liema huwa l-punt taż-żmien preċiż li minnu l-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età huwa applikabbli u kif l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għandha tiġi rrikonċiljata mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa ċar li d-domanda 3(c) tirrigwarda verament jekk limitazzjoni temporali tistax tiġi imposta fuq is-sentenza f’din il-kawża preżenti ( 114 ). Għalhekk se nirrispondi d-domanda fuq din il-bażi.

127.

Il-limitazzjonijiet fuq ir-retroattività ta’ sentenza huma imposti biss b’mod eċċezzjonali u fuq żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandu altrimenti jkun hemm riskju ta’ riperkussjonijet ekonomiċi serji; fit-tieni lok, l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ġew gwidati sabiex jadottaw prassi li ma tikkonformax mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza sinjifikanti oġġettiva dwar l-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet Komunitarji ( 115 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

128.

Kwalunkwe restrizzjoni tal-effett retroattiv ta’ sentenza għandha, barra minn hekk, tiġi imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza li tagħti d-deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni mitluba ( 116 ).

129.

Ma nikkunsidrax li l-effett retroattiv tas-sentenza f’din il-kawża għandu jiġi limitat.

130.

L-ewwel nett, ma hemmx materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (kemm mill-ordni tar-rinviju kif ukoll minn BSH u mill-Ġermanja ( 117 )) suffiċjenti li jindika riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax l-effett temporali tas-sentenza tagħha.

131.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold ma għamlet ebda limitazzjoni temporali fuq is-sentenza tagħha. Hija dik is-sentenza li identifikat il-prinċipju li (fuq din l-ipoteżi) huwa applikabbli hawnhekk.

132.

Anki jekk wieħed ikun tal-fehma li din hija l-ewwel okkażjoni li fiha l-qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal skema ta’ pensjoni professjonali ffinanzjata privatament, l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet (kumulattivi) tibqa’ mhux issodisfata.

133.

Għalhekk ebda limitazzjoni temporali ma għandha tiġi imposta fuq is-sentenza f’din il-kawża.

Konklużjoni

134.

Għalhekk jiena nipproponi li, b’risposta għad-domandi mressqa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej:

“1)

L-Istati Membri m’għandhomx obbligu li jiggarantixxu protezzjoni taħt il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (inkluż it-trattament ugwali irrispettivament mill-età) li jagħmel parti mid-dritt Komunitarju jekk l-allegat trattament diskriminatorju ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

2)

Ma hemm ebda regola sostantiva speċifika tad-dritt Komunitarju li tista’ sservi bħala l-bażi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (inkluż it-trattament ugwali irrispettivament mill-età) għas-sitwazzjoni li wasslet għar-rinviju.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż

( 2 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 (C-144/04, Ġabra p. I-9981). Il-premessa li dan il-prinċipju huwa ġurisprudenza stabbilita huwa sfidat direttament mir-Renju Unit, u b’mod pjuttost iktar indirett mill-Ġermanja u l-Olanda: ara l-punt 29 iktar ’il quddiem.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠUL 303, p. 16). Id-Direttiva 2000/78 hija waħda minn żewġ direttivi ta’ implementazzjoni adottati taħt l-Artikolu 13 KE: l-oħra hija d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180,  p. 22) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-Razza”).

( 4 ) Premessa 1.

( 5 ) Premessa 4, li tirreferi għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani adottata u pproklamata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda permezz tar-Riżoluzzjoni 217 A (III) tal-10 ta’ Diċembru 1948, il-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem: il-“Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem”) u l-Konvenzjoni Nru 111 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-diskriminazzjoni (fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol), adottata fil-25 ta’ Ġunju 1958.

( 6 ) Adottata fil-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989.

( 7 ) Il-premessi 6 u 8.

( 8 ) Linji gwida ta’ Bosch-Siemens Hausgeräte Altersfürsorge GmbH tal-1 ta’ Jannar 1984 fil-verżjoni tal-1 ta’ April 1992.

( 9 ) F’dawn il-konklużjonijiet użajt it-taqsira “BSH” sabiex nirreferi kemm għall-konvenuta fil-kawża prinċipali (Bosch-Siemens Hausgeräte Altersfürsorge GmbH) u kif ukoll għall-kumpannija Bosch-Siemens Hausgeräte GmbH.

( 10 ) Fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, qed noffri interpretazzjoni xi ftit ġdida tal-ġustifikazzjoni ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju.

( 11 ) Ifformuljat mill-ġdid din id-domanda fil-punt 27 iktar ’il quddiem.

( 12 ) Il-punt 74. It-test Ingliż tas-sentenza jirreferi bi żball għat-tielet premessa, minflok l-ewwel premessa.

( 13 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠUL 175, p. 43).

( 14 ) Ara, pereżempju, J. Cavallini, ‘De la suppression des restrictions à la conclusion d’un contrat à durée déterminée lorsque le salarié est un senior’, La semaine juridique Social 2005, p. 25 sa 28; O. Dubos, ‘La Cour de justice, le renvoi préjudiciel, l’invocabilité des directives: de l’apostasie à l’hérésie?’, La Semaine juridique 2006, p. 1295 sa 1297; O. LeClerc, ‘Le contrat de travail des seniors à l’épreuve du droit communautaire’, Recueil Dalloz 2006, p. 557 sa 561; M. Nicolella, ‘Une application anticipée des directives non transposées?’, Gazette du palais 2006, p. 22; E. Dubout, dwar “Mangold” fir-Revue des affaires européennes 2005, p. 723 sa 733; A. Masson u C. Micheau, ‘The Werner Mangold Case: An Example of Legal Militancy’, European Public Law 2007, p. 587 sa 593; Kummenti editorjali, Common Market Law Review 2006, p. 1 sa 8.

( 15 ) Ara, pereżempju, K. Riesenhuber, Case Note fil-European Review of Contract Law 2007, p. 62; J. Swift, ‘Pale, stale, male’, New Law Journal 2007, p. 532 sa 534; Kummenti editorjali, Common Market Law Review, iċċitat iktar ’il fuq. Dan ġie interpretat b’mod pożittiv mill-perspettiva tad-drittijiet f’D. Schiek, ‘The ECJ Decision in Mangold: A Further Twist on Effects of Directives and Constitutional Relevance of Community Equality Legislation’, Industrial Law Journal 2006, p. 329 sa 341.

( 16 ) Ara, pereżempju, Cavallini, Dubos, Kummenti editorjali, Common Market Law Review, ilkoll iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

( 17 ) Ara, pereżempju, Swift, Cavallini, Nicolella, Dubout, Masson vs Micheau, (iċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 14 u 15); D. Martin, “L’arrêt Mangold — Vers une hiérarchie inversée du droit à l’égalité en droit communautaire?”, Journal des tribunaux du travail 2006, p. 109 sa 116.

( 18 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006 (C-13/05, Ġabra p. I-6467, punti 46 sa 56 tal-konklużjonijiet).

( 19 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007 (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, b’mod partikolari il-punti 52 sa 58 tal-konklużjonijiet).

( 20 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007 (C-411/05, Ġabra p. I-8531, b’mod partikolari il-punti 87 sa 97 u l-punti 132 sa 138 tal-konklużjonijiet).

( 21 ) Sentenza tas-17 ta’ Frar 1998 (C-249/96, Ġabra p. I-621).

( 22 ) Sentenza tal-1 ta’ April 2008 (C-267/06, Ġabra p. I-1757, punt 78 tal-konklużjonijiet u n-noti ta’ qiegħ il-paġna f’dak il-punt).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (C-17/05, Ġabra p. I-9583, punt 28). Il-frażi tintuża, b’varjazzjonijiet żgħar, fil-firxa ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, apparentement l-ewwel darba fis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel (117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, il-punt 7).

( 24 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, disponibbli fuq l-internet fuq http://ec.europa.eu/employment_social/labour_law/docs/reportmsdiscrimination_en.pdf.

( 25 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 26 ) Kif jidher ċar mill-frażi “kontemplati f’din il-Konvenzjoni”, l-Artikolu 14 mhuwiex dispożizzjoni indipendenti, iżda jopera flimkien ma’ drittijiet sostantivi oħra ggarantiti mill-Konvenzjoni. Madankollu, fil-Protokoll 12 hemm projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indipendenti f’dan is-sens (mill-Istati Membri tal-UE huma biss Ċipru, il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Olanda, ir-Rumanija u Spanja li rratifikaw il-Protokoll). Għandu jiġi nnotat li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età mhijiex speċifikament identifikata fi kwalunkwe waħda minn dawn il-listi twal (għalkemm mhux eżawrjenti).

( 27 ) Il-kwotazzjonijiet kollha mis-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 74. Il-formula “it-tradizzjonijiet kostituzzjionali komuni għall-Istati Membri” tintuża b’mod konvenzjonali bħala l-bażi għall-identifikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (ara l-Artikolu 6(2) UE, li jikkodifika l-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja).

( 28 ) Il-konklużjonjiet fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lindorfer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 55, li jirreferi għas-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 74.

( 29 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, p. 70; ara wkoll M. Sargeant (ed.), The Law on Age Discrimination in the EU (2008).

( 30 ) Nicomachean Ethics, V.3. 1131a10-b15; Politics, III.9.1280 a8-15, III. 12. 1282b18-23.

( 31 ) Ara wkoll S Gosepath, ‘Equality’, f’E.N. Zalta (ed.), The Stanford Encyclopedia of Philosophy (Edizzjoni Ħarifa 2007), disponibbli online fuq http://plato.stanford.edu/archives/fall2007/entries/equality/.

( 32 ) Ara H.L.A. Hart, The Concept of Law (it-tieni edizzjoni, 1994), p. 159 sa 163.

( 33 ) Ara l-Orazzjoni tal-Funeral ta’ Pericles għall-mejta ta’ Ateni fl-ewwel sena tal-gwerra (li rriżultat diżastruża) kontra Sparta: “L-għamla ta’ gvern tagħna ma tidħolx f’pika ma’ istituzzjonijiet ta’ oħrajn. Il-gvern tagħna ma jikkopjax lil dawk tal-ġirien tagħna iżda huwa eżempju għalihom. Huwa veru li nissejħu demokrazija, minħabba li l-amministrazzjoni tinsab f’idejn il-ħafna u mhux f’idejn il-ftit. Iżda filwaqt li teżisti ġustizzja ugwali għal kulħadd u bl-istess mod fil-kwistjonijiet privati tagħhom, l-eċċellenza hija rikonoxxuta wkoll; u meta ċittadin ikun bi kwalunkwe mod distint, dan ikun ippreferut għas-servizz pubbliku, mhux bħala kwistjoni ta’ privileġġ, iżda bħala premju għall-meritu. Lanqas ma hija ostakolu l-povertà, iżda raġel jista’ jkun ta’ benefiċċju għal pajjiżu indipendentement mill-oskurità tal-kundizzjoni tiegħu” (Thucydides, History of the Peloponnesian War, It-II Ktieb, XXXV-XLVI, fi XXXVII, tradotta mit-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ Benjamin Jowett (1881)).

( 34 ) Resident barrani, li jkollu xi wħud mill-privileġġi taċ-ċittadinanza iżda mhux kollha.

( 35 ) Klassi ta’ servi fi Sparta tal-qedem li kienet intermedjarja fl-istatus bejn l-iskjavi ordinarji u ċ-ċittadini Spartani liberi.

( 36 ) “Inżommu dawn il-veritajiet bħala evidenti fihom infishom: li l-bnedmin kollha huma maħluqa ugwali; li ngħatawlhom mill-Ħallieq tagħhom ċerti drittijiet inaljenabbli; li fost dawn hemm il-ħajja, il-libertà u t-tfittxija tal-kuntentizza […]” (Dikjarazzjoni tal-Indipendenza, 4 ta’ Lulju 1776).

( 37 ) Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti kellha rwol kbir fil-proċess tal-istabbiliment li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza kienet inaċċettabbli. Ara, pereżempju, Brown vs Board of Education of Topeka, 349 U.S. 294 (1954), fejn il-Qorti Suprema qalbet id-deċiżjoni preċedenti tagħha f’Plessy vs Ferguson, 163 U.S. 537 (1896), fejn kienet żammet li faċilitajiet “separati iżda ugwali”, inklużi skejjel, “għall-bojod u għar-razza kkulurita” kienu kostituzzjonali. Kien biss l-Imħallef John Marshall Harlan li ma qabilx f’dan il-każ tal-aħħar, peress li kien tal-fehma li “l-Kostituzzjoni ma tarafx kuluri u la taf u lanqas ma tittolera klassijiet bejn ċittadini”.

( 38 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (152/84, Ġabra p. 723).

( 39 ) Qabbel R. Dworkin, Taking Rights Seriously (1977), p. 22 sa 28, li jiddefinixxi d-differenza bejn regoli u prinċipji billi jagħmel referenza għan-natura tad-direzzjoni li dawn jieħdu. Prinċipju jagħti raġuni f’direzzjoni waħda, iżda ma jirrikjedix deċiżjoni partikolari. Regola tistipula konsegwenzi legali li jsegwu awtomatikament meta l-kundizzjonijiet pprovduti jintlaħqu. Min-naħa l-oħra, ir-regoli m’għandhomx id-dimensjoni ta’ piż li għandhom il-prinċipji: jekk żewġ regoli jikkontradixxu lil xulxin, waħda għandha tkun inapplikabbli jew invalida, filwaqt li żewġ prinċipji li jikkontradixxu lil xulxin jistgħu jiġu mwieżna kontra xulxin.

( 40 ) Azzjoni dettaljata ulterjuri sabiex jiġu miġġielda forom speċifiċi ta’ diskriminazzjoni li kull waħda minnhom hija diġà pprojbita bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju setgħet possibbilment tittieħed mill-Kunsill taħt l-Artikolu 308 KE (li qabel kien l-Artikolu 235) moqri flimkien mal-għanijiet tal-Komunità elenkati fl-Artikolu 2. L-Istati Membri ħassew b’mod ċar li bażi legali separata fit-Trattat kienet meħtieġa għal azzjoni bħal din u pprovdewha, kif xieraq, fl-għamla tal-Artikolu 13 KE.

( 41 ) Għal paragun, ara d-Direttiva tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-Razza, speċjalment l-Artikoli 2 (“Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”) u 3 (“Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”).

( 42 ) Dwar din id-distinzjoni terminoloġika, ara M. Bossuyt, L’interdiction de la discrimination dans le droit international des droits de l’homme (1976), p. 7 sa 27.

( 43 ) Għalhekk (pereżempju) il-prinċipju wara r-razzjonar huwa li jiġu applikati kriterji speċifiċi sabiex tinħoloq differenza bejn destinatarji potenzjali u għalhekk jiġu allokati r-riżorsi skarsi. Kriterji li huma kkunsidrati ġustifikabbli huma aċċettati; kriterji oħra huma kkontestati bħala arbitrarji jew inġusti. Iżda dak li huwa ġustifikabbli huwa ddeterminat mill-fehma tas-soċjetà f’dak iż-żmien u post partikolari. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Coleman (C-303/06, punt 16), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Grunkin and Paul (C-353/06, punti 67 u 77) u ara, dwar l-element tal-arbitrarjetà fid-diskriminazzjoni: Bossuyt, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, p. 37 sa 39 u 97 sa 128.

( 44 ) It-tranżizzjoni minn kunċett għal implementazzjoni sħiħa hija, fil-fehma tiegħi, ħafna drabi iktar probabbli li tkun evoluzzjonarja milli r-riżultat ta’ xi “big bang”. Pereżempju, ikun diffiċli li tiddetermina l-mument eżatt bejn (ngħidu aħna) l-1780 u l-1807 meta ħareġ il-prinċipju li, grazzi għax-xogħol ta’ riformisti bħal Peter Peckard, Thomas Clarkson u William Wilberforce, sab espressjoni speċifika f’“Att għall-abolizzjoni tal-Kummerċ tal-Iskjavi” (47 Georgii III, Sessjoni 1, Kap. XXXVI).

( 45 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

( 46 ) Ara t-titolu, il-preambolu u l-Artikolu 1.

( 47 ) Artikolu 3(1).

( 48 ) Artikolu 2(1).

( 49 ) Fl-Artikolu 2(2)a) u 2(2)(b) rispettivament. Il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija bbażata fuq il-ġurisprudenza dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 50 ) Il-premessa 25 u d-dispożizzjonijet sostantivi dettaljati tal-Artikolu 6(1).

( 51 ) Artikolu 249 KE.

( 52 ) Ibid. Ara l-enfażi tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dik id-differenza fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, Ġabra p. I-3325, punti 22 sa 24), meta rrifjutat li direttiva jista’ jkollha wkoll effett dirett orizzontali (biex b’hekk ċaħdet is-suġġerimenti magħmula minn tliet Avukati Ġenerali: l-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall II (C-271/91, Ġabra p. I-4367); l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Vaneetveld (C-316/93, Ġabra p. I-763) u l-Avukat Ġenerali Lenz fl-istess kawża li wasslet għas-sentenza Faccini Dori.

( 53 ) B. Bartsch ma ssottomettietx osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja u ma kinitx irrappreżentata fis-seduta.

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne III (149/77, Ġabra p. 1365, punti 27 u 30), u tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 15). Dwar il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni, ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Caballero (C-442/00, Ġabra p. I-11915, punti 30 u 32), u Chacón Navas, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 56. Ara wkoll is-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 75.

( 55 ) Fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, Ġabra p. I-7411), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Artikolu 10(2) KE u l-Artikolu 249(3) KE jirrikjedu li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni, l-Istati Membri ma għandhomx jaddottaw miżuri li jistgħu jippreġudikaw serjament ir-riżultat preskritt mid-direttiva (punt 45) (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 42 u l-punti 60 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża). Barra minn hekk, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw, sa fejn possibbli, li jinterpretaw il-liġi domestika b’mod li jista’ jippreġudika serjament il-ksib tal-għan ta’ direttiva wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Dan l-obbligu huwa, madankollu, limitat bi prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari ċ-ċertezza legali u n-non-retroattività, u ma jistax iservi bħala l-bażi għal interpretazzjoni contra legem: sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 119 sa 123).

( 56 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997 (C-122/96, Ġabra p. I-5325, punt 23).

( 57 ) Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 44(2)(g) KE).

( 58 ) Il-Kummissjoni ma tagħmilx sottomissjonijiet bħal dawn fir-rigward tad-Direttiva 2000/78.

( 59 ) Ara wkoll T. Tridimas, The General Principles of EU Law (it-tieni edizzjoni, 2006), p. 36 sa 42; u J. Temple Lang, ‘The Sphere in which Member States are Obliged to Comply with the General Principles of Law and Community Fundamental Rights Principles’, Legal Issues of European Integration 1991, p. 23 sa 35.

( 60 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel vs Stadt Schwäbisch Gmünd (12/86, Ġabra p. 3719, punt 28); u Kremzow, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punti 15 sa 19.

( 61 ) B’“dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali” qed infisser regola tad-dritt pubbliku jew (jekk ir-regola rilevanti tad-dritt pubbliku sempliċiment tittrasferixxi poteri ta’ promulgazzjoni ta’ regoli lil korp kważi-pubbliku jew privat) regola li essenzjalment toriġina mid-dritt pubbliku u li l-għażliet soċjali u ta’ politika tagħha jistgħu raġonevolment jiġu meqjusa li jirriflettu l-gwida stipulata mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru (ara t-test akkurat stipulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster vs British Gas (C-188/89, Ġabra p. I-3313, punt 22), li jiddetermina meta korp ikun meqjus li jifforma parti mill-“Istat” għall-finijiet tal-effett dirett vertikali).

( 62 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania vs Ministry for Agriculture and Forestry (230/78, Ġabra p. 2749, punt 31); tat-18 ta’ Frar 1982, Zuckerfabrik Franken vs Il-Ġermanja (77/81, Ġabra p. 681, punti 22 sa 28); tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch (201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punti 10 u 11); tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf vs Bundesamt für Ernährung und Forstwirtschaft (5/88, Ġabra p. 2609, punti 17 sa 22); u tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punti 88 sa 93).

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punti 41 sa 45); u tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 24).

( 64 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner (C-71/02, Ġabra p. I-3025, punti 48 sa 53) (impediment potenzjali għall-kummerċ intra-Komunitarju); tal-5 ta’ Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (804/79, Ġabra p. 1045, punti 23 sa 30) (l-Istati Membri fl-azzjoni tagħhom bħala trustees tal-Komunità f’qasam ta’ kompetenza Komunitarja esklużiva); tat-18 ta’ Diċembru 1997, Garage Molenheide et vs Belgische Staat (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, Ġabra p. I-7281, punti 45 sa 48) (miżuri adottati minn Stat Membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu dwar il-VAT).

( 65 ) Punt 74.

( 66 ) Iż-żewġ kwotazzjonijiet meħuda mill-punt 75.

( 67 ) Ibid.

( 68 ) Punt 76.

( 69 ) Ibid.

( 70 ) Punti 77 u 78. Ir-regola ta’ protezzjoni effettiva invokata hawnhekk tmur lura għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629) u kienet ikkonfermata fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame (C-213/89 Ġabra p. I-2433).

( 71 ) Kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza Saldanha, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regoli li, fil-kuntest tad-dritt tal-kumpanniji, huma intiżi li jipproteġu l-interessi tal-azzjonijsti jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u huma għal din ir-raġuni suġġetti għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza. Dan kien il-każ peress li l-Artikolu 44(2)(g) KE “jagħti s-setgħa lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, bil-għan li jingħata effett lil-libertà tal-istabbiliment, li jikkoordinaw sa fejn hu neċessarju l-garanziji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri mingħand kumpanniji jew ditti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu [48 KE] bil-ħsieb li jiżguraw l-ekwivalenza ta’ dawn il-garanziji fil-Komunità kollha” (punt 23). Din l-affermazzjoni għandha tinqara fil-kuntest tal-kapitolu kollu tat-Trattat KE dwar id-dritt ta’ stabbiliment (Titolu III, Kapitolu 2), kif ukoll, sakemm ġiet biex tingħata s-sentenza f’Saldanha (1997), qafas leġiżlattiv kbir ta’ direttivi: ara b’mod ġenerali V. Edwards, EC Company Law (1999) u, speċifikament dwar il-portata tal-Artikolu 44(2)(g) KE, p. 5 sa 9. Dik is-sitwazzjoni hija b’mod ċar differenti minn dik fil-kawża preżenti.

( 72 ) Jidhirli li huwa użu ħażin tat-terminu “effett dirett” (kemm jekk vertikali kif ukoll orizzontali) meta dan jintuża sabiex jiddeskrivi l-impatt ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. “Effett dirett” ta’ artikolu tat-Trattat jew dispożizzjoni ta’ direttiva jfisser li l-individwu jista’ jieħu t-test ċar, preċiż u li ma jkunx suġġett għal xi kundizzjoni tad-dritt Komunitarju u juża dan it-test sabiex jegħleb kwalunkwe dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tkun kuntrarja (jew sabiex jimla lakuna). B’mod kuntrarju għal dan, prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju huwa applikat għal sett ta’ regoli leġiżlattivi u jaffettwa l-interpretazzjoni li għandha tingħatalhom. Xi kultant, jista’ jfisser li ma tkunx tista’ tingħata interpretazzjoni partikolari. Iżda l-prinċipju ġenerali, bħala tali, ma jaġixxix bħala sostitut għal test leġiżlattiv eżistenti. Għalhekk, għalija, mhuwiex “direttament effettiv”, għalkemm jista’ b’mod inekwivoku jaffettwa l-konklużjoni xierqa fid-dritt u xi kultant hekk jagħmel.

( 73 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Klensch u Wachauf, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 (it-tnejn jinvolvu l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib); is-sentenzi ċċitati mill-Avukat Ġenerali Tizzano fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C-309/06) (rifużjonijiet tal-VAT).

( 74 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar1985, Gravier (293/83, Ġabra p. 593) (aċċess għat-taħriġ professjonali); tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot (24/86, Ġabra p. 379) (aċċess għall-edukazzjoni tal-università); tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (42/87, Ġabra p. 5445) (benefiċċji tal-edukazzjoni); tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins (C-92/92 u C-326/92, Ġabra p. I-5145) (drittijiet tal-proprjetà intellettwali); u tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta (C-43/95, Ġabra p. I-4661) (proċedimenti ġudizzjarji).

( 75 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651) (rimedju ġudizzjarju effettiv fil-kuntest tar-“rekwiżit professjonali” bħala ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament tal-irġiel u n-nisa); is-sentenza Wachauf, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 (dritt għall-proprjetà fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib); u s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279) (dritt għar-rispett tal-ħajja familjari fil-kuntest ta’ restrizzjoni potenzjali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi).

( 76 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325) (aspettativi leġittimi fil-kuntest ta’ terminu ta’ żmien nazzjonali ġdid li fih wieħed jista’ jfittex għall-ħlas lura ta’ somom miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju).

( 77 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1980, Testa et (41/79, 121/79 u 796/79, Ġabra p. I-1979) (diskrezzjoni ta’ Stat Membru fl-estensjoni ta’ perijodu li fih jitħallsu benefiċċji minħabba l-qgħad taħt l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 1408/71); u Garage Molenheide, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64.

( 78 ) Sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994 (C-2/92, Ġabra p. I-955, punt 24). Għall-kummentarju dwar is-sentenza Bostock u b’mod ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ prinċipji ġenerali kontra individwi, ara Tridimas, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, p. 47 sa 50.

( 79 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 1993 (C-60/92, Ġabra p. I-5683, punt 16).

( 80 ) Ara l-punt 37 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann.

( 81 ) Ara s-sentenza Otto, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79, punt 17.

( 82 ) Xi wħud mill-argumenti, iżda mhux kollha, li huma favur u kontra effett orizzontali ta’ direttivi jistgħu japplikaw għall-prinċipji ġenerali. Għal diskussjoni ta’ dawn l-argumenti, ara S. Prechal, Directives in EC Law (it-tieni edizzjoni, 2005), p. 255 sa 261.

( 83 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1974 (36/74, Ġabra p. 1405, punti 17 u 18). Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, Viking (C-438/05, Ġabra p. I-10779, punti 33 sa 38 u 57 sa 66) u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punti 86 sa 111), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 43 KE u 49 KE japplikaw bejn it-trade unions u l-impriżi privati. Fis-sentenza Viking il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx espressament għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 43 KE. Fis-sentenza Laval, madankollu, hija fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li “l-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, m’għandux jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitajru li għalihom it-Trattat ma jipprovdi l-ebda regola speċifika ta’ non-diskriminazzjoni […] Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan il-prinċipju ġie implementat u mwaqqaf mill-Artikolu 49 KE […]” (punti 54 u 55).

( 84 ) Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000 (C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 36).

( 85 ) Ara l-punti 67 sa 75.

( 86 ) Ara d-diskussjoni fil-punti 69 sa 76 hawn fuq. Fil-fehma tiegħi Mangold kien każ bħal dan.

( 87 ) Fil-punt 136 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

( 88 ) “[…] huwa żgur li l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jadottaw sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-materja ta’ politika soċjali u tal-impjieg”: ara s-sentenzi Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 63, u Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 68. Fis-sentenza Mangold, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jgħaddu mit-test ta’ proporzjonalità (punt 65). Fis-sentenza Palacios de la Villa, madankollu, hija kkunsidrat li l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux irraġonevoli meta ħadu l-pożizzjoni li l-miżura kkontestata tista’ tkun meħtieġa u xierqa (punt 72).

( 89 ) Għall-Ġermanja, dan seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2006: ara l-punt 12.

( 90 ) Dwar l-importanza tal-għażla għall-awtonomija personali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza Coleman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 9 sa 11, u x-xogħlijiet iċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna f’dawk il-punti.

( 91 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990 (C-177/88, Ġabra p. I-3941, punt 12). Ara wkoll E. Ellis, EU Anti-Discrimination Law (it-tieni edizzjoni, 2005), p. 111 sa 113.

( 92 ) Ara l-punti 109 sa 110 iktar ’il quddiem.

( 93 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2001, Menauer (C-379/99, Ġabra p. I-7275, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata hemm); u tas-7 ta’ Jannar 2004, K.B. (C-117/01, Ġabra p. I-541, punt 26).

( 94 ) Għalhekk, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess tinkludi diskriminazzjoni li toħroġ minn tibdil tas-sess. Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, P. vs S. (C-13/94, Ġabra p. I-2143, punti 17 sa 20), u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C-423/04, Ġabra p. I-3585, punt 24). Fil-punt 42 tas-sentenza Grant, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 (li, madankollu, ingħatat qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam u għalhekk qabel l-introduzzjoni tal-Artikolu 13 fit-Trattat KE), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li ma kinitx testendi għad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali.

( 95 ) Ara l-punt 98.

( 96 ) Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

( 97 ) Taħt din id-dispożizzjoni, ikun hemm diskriminazzjoni diretta“fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra” fuq il-bażi, inter alia, tal-età. Id-diskriminazzjoni indiretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(b).

( 98 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

( 99 ) Pereżempju, l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ f’ċerti każijiet (Artikolu 6(1)(ċ)).

( 100 ) Pereżempju, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ anzjanità fis-servizz sabiex ikun hemm aċċess għal ċerti vantaġġi marbuta mal-impjieg (Artikolu 6(1)(a)). L-anzjanità fis-servizz, għalkemm “kriterju apparentement newtrali”, x’aktarx li jopera indirettament bħala kriterju bbażat fuq l-età.

( 101 ) Qabbel id-diskussjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs dwar żewġ tipi ta’ ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq il-bażi ta’ sess, u r-rabta tagħhom mad-diskriminazzjoni diretta u indiretta, fil-punti 34 u 35 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Schnorbus (C-79/99, Ġabra p. I-10997).

( 102 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

( 103 ) Fis-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, b’mod kuntrarju għall-kawża preżenti, it-terminu ta’ traspożizzjoni kien ċertament diġà skada. Ara l-punt 39 iktar ’il fuq.

( 104 ) Dan huwa użu kurjuż ta’ “għandha” (forma ta’ promulgazzjoni) fi preambolu (li huwa spjegattiv). Ara l-punt 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar linji gwida komuni għall-kwalità ta’ abbozzar ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja (ĠU 1999, C 73, p. 1), li għalih irreferejt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-10 ta’ April 2008 fil-kawża C-345/06, Heinrich, punti 28, 64, u 65, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 105 ) Punt 51 tas-sentenza.

( 106 ) Punt 66 tas-sentenza.

( 107 ) Ara l-punt 107 iktar ’il fuq.

( 108 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 68. Ara wkoll il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78.

( 109 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990 (C-262/88, Ġabra p. I-1889). Il-limitazzjoni ratione temporis ta’ dik id-deċiżjoni ġiet inkorporata fil-Protokoll (Nru 17) dwar l-Artikolu 141 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (1992).

( 110 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Vroege (C-57/93 Ġabra p. I-4541, punti 27 sa 28); tat-28 ta’ Settembru 1994, Fisscher (C-128/93, Ġabra p. I-4583, punti 49 u 50); tal-11 ta’ Diċembru 1997, Magorrian u Cunningham (C-246/96, Ġabra p. I-7153, punti 27 sa 29); u tal-10 ta’ Frar 2000, Sievers u Schrage (C-270/97 u C-271/97, Ġabra p. I-929, punti 39 sa 41).

( 111 ) Fis-sentenza Lindorfer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 56, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħtieġa ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba ta’ skema ta’ pensjoni ma setgħetx tiġi invokata sabiex jiġi sostnut il-bżonn ta’ valuri attwarji ogħla għan-nisa. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-punti 49 sa 69, u l-konklużjonijiet tiegħi, fil-punti 43 sa 50, f’dik il-kawża. Fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 1993, Neath (C-152/91, Ġabra p. I-6935) u fis-sentenza tat-28 ta’ Settembru 1994, Coloroll, (C-200/91, Ġabra p. I-4389), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-inugwaljanza tal-kontribuzzjonijiet ta’ min jimpjega taħt skemi ffinanzjati ta’ pensjoni bil-benefiċċju ddefinit li tirriżulta mill-użu ta’ fatturi attwarji ma kinitx taqa’ taħt (dak li llum huwa) l-Artikolu 141 KE. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar, inter alia, dawk il-kawżi (sentenza tal-1993, Ġabra p. I-4893) l-Avukat Ġenerali Van Gerven ikkunsidra li l-ħtieġa li jinżamm il-bilanċ finanzjarju ta’ skemi ta’ pensjoni professjonali ma setgħetx tiġġustifika differenzi f’kontribuzzjonijiet u benefiċċji tal-impjegati bbażati fuq fatturi attwarji. Qabbel ukoll is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C-264/96, Ġabra p. I-4695), tal-21 ta’ Settembru 1999, St Gobain (C-307/97, Ġabra p. I-2651), tal-21 ta’ Novembru 2002, X & Y (C-436/00, Ġabra p. I-10829), tal-11 ta’ Marzu 2004, Hughes de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, Ġabra p. I-2409), u tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-282/04 u C-283/04, Ġabra p. I-9141) (il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tat-telf ta’ dħul mit-taxxa bħala ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni b’mod kuntrarju għall-Artikolu 43 KE).

( 112 ) Ara l-punt 107 iktar ’il fuq.

( 113 ) Fi kliem ieħor, armla li tkun iktar minn 15-il sena iżgħar mir-raġel tagħha li jkun ġie nieqes fi żmien meta kien jaħdem għal BSH. Il-klawżola tad-differenza fl-età ma tapplikax jekk persuna li kienet impjegata ta’ BSH tiġi nieqsa meta tkun diġà rtirata: ara l-punt 13.

( 114 ) Il-Ġermanja talbet speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja għal limitazzjoni bħal din.

( 115 ) Ara s-sentenza Richards, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 94, punt 42, u s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C-313/05, Ġabra p. I-513, punt 57).

( 116 ) Sentenzi Barber, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punt 41; Vroege, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 110, punt 31; u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke (C-292/04, Ġabra p. I-1835, punti 36 u 37).

( 117 ) Il-Ġermanja tasserixxi li numru kbir ta’ kuntratti jistgħu jiġu effettwati minn deċiżjoni bħal din, iżda tammetti li ma għandhiex prova fil-forma ta’ statistika x’tippreżenta insostenn ta’ din l-asserzjoni.

Top