EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0195

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Ruiz-Jarabo Colomer - 24 ta' Mejju 2007.
Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria) vs Österreichischer Rundfunk (ORF).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundeskommunikationssenat - l-Awstrija.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Attivitajiet ta' xandir televiżiv - Direttivi 89/552/KEE u 97/36/KE - Kunċetti ta' ‘teleshopping’ u ta' ‘reklamar fuq it-televiżjoni’ - Logħba bi premjijiet.
Kawża C-195/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08817

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:303

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

         ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2007 1(1)

Kawża C‑195/06

Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria)

vs

Österreichischer Rundfunk (ÖRF)

(talba għal deċiżjoni preliminari, magħmula mill-Bundeskommunikationssenat l-Awstrija)

“Xandir bit-televiżjoni – Direttiva 89/552, skond it-test tad-Direttiva 97/36 – Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(c) u (f) – Kunċett ta’ ‘reklamar fuq it-televiżjoni’ u ta’ ‘teleshopping’ – Logħob ta’ l-ażżard li sabiex tieħu sehem fih ikun meħtieġ li ċċempel numru tat-telefown bi ħlas”





I –    Introduzzjoni

1.     Illum il-ġurnata, il-marketing jidher u jinħass kullimkien. Il-mezzi kollha tax-xandir jittrażmettu reklami, offerti promozzjonali u offerti speċjali. Il-gazzetti, iċ-ċinema, it-televiżjoni, ir-radju, l-Internet, anki t-telefown, jintużaw sabiex jiġu rreklamati l-kwalitajiet ta’ kwalunkwe prodott, iħajru lill-utent jixtrih, filwaqt li jwegħduh li jtejbulu l-ħajja jew jagħmluh iktar kuntent anki bir-riskju li jissaturaw il-kapaċità tiegħu li jirċievi dawn il-messaġġi jekk mhux ukoll li jaggreduh.(2) It-twelid tar-reklamar xpruna l-iżvilupp tal-kummerċ modern,(3) li sebaq il-kuntest lokali u nazzjonali tiegħu, u espanda sakemm ħoloq suq dinji u interdipendenti. It-tlablib taċ-ċarlatani, tal-bejjiegħa ambulanti, ta’ l-imbroljuni, ta’ l-inventuri ta’ l-eliżiri, ta’ ingwenti għall-uġigħ jew l-iskoprituri ta’ ħwawar prodiġużi, ta' bejjiegħa li jafu jħajru x-xiri, ta' distributuri ta’ lozzjonijiet sabiex jerġa’ jibda jikber ix-xagħar jew ta’ rimedji għal kull marda, ta’ bejjiegħa ta’ l-imbarazz u riċevituri ta’ kull xorta, meta kienu jfaħħru l-oġġetti tagħhom fis-swieq u fil-fieri ta’ l-imgħoddi, issa ħadulhom posthom l-kampanji ta’ reklamar li jilħqu miljuni ta’ konsumaturi.(4)

2.     Probabbilment, flimkien max-xibka informatika dinjija, it-televiżjoni toffri l-mezz l-iktar provokanti sabiex jitwasslu messaġġi pubbliċitarji, kemm fir-rigward ta' l-intensità kif ukoll tal-kapaċità ta’ penetrazzjoni u ta’ stimulazzjoni. Dan il-fatt jispjega t-tħassib wara d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni,(5) magħrufa bħala d-Direttiva tat-“televiżjoni mingħajr fruntieri”, li tirregola l-attività tar-reklamar billi tissuġġettaha għal sensiela ta' regoli u ta' kriterji kkunsidrati bħala indispensabbli, filwaqt li tħalli lill-pajjiżi ta’ l-Unjoni l-fakultà li jistabblixxu regoli iktar stretti (is-sitta u għoxrin premessa).

3.     Fl-istess ħin, it-televiżjoni jiftaħ tieqa li minnha tidħol il-ħajja, vera jew immaġinarja, fid-djar kollha, flimkien mal-kummerċ, u jippermetti l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi mingħajr il-bżonn li wieħed joħroġ fit-triq. It-teleshopping żdied f’ħafna stazzjonijiet u fetaħ suq importanti li l-Komunità ma setgħetx tinjora; għalhekk, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997,(6) emendat id-Direttiva 89/552 bil-għan li jiġi rregolat dan il-fenomenu u jiġi żgurat il-ħarsien tal-konsumatur permezz tal-kontroll tal-forma u tal-kontenut tax-xandiriet iddedikati lit-teleshopping filwaqt li tagħmel distinzjoni bejn teleshopping u sempliċi reklamar fuq it-televiżjoni (is-sitta u tletin u s-sebgħa u tletin premessa tad-Direttiva 97/36).

4.     F’dan il-kuntest, abbażi ta’ l-Artikolu 234 KE, il-Bundeskommunikationssenat (Kunsill Superjuri Federali għall-Komunikazzjoni) ta’ l-Awstrija, jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett “reklamar fuq it-televiżjoni” u ta’ “teleshopping”, li jintużaw rispettivament fl-Artikolu 1(c) u (f) tad-Direttiva 89/552 skond it-test tad-Direttiva 97/36. L-organu nazzjonali msemmi jqajjem dawn id-domandi ta’ interpretazzjoni minħabba li l-kwistjoni fil-kawża quddiemu għandha x’taqsam mal-klassifikazzjoni korretta ta’ spazju televiżiv, inkorporat f’xandira li hija itwal u li għandha kontenut iktar varjat, fejn it-telespettaturi jiġu mistiedna jipparteċipaw f’logħba billi jċemplu numru tat-telefown bi ħlas.(7)

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

5.     Id-Direttiva 89/552 għandha l-iskop li telimina l-ostakoli għax-xandir ħieles u għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-informazzjoni u ta’ l-ideat fil-Komunità permezz tat-televiżjoni. Peress li normalment dawn l-ostakoli jinħolqu mid-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali f'dan il-qasam, din id-direttiva hija maħsuba sabiex tikkoordinahom billi tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi (id-disa’, il-ħdax u t-tlettax-il premessa). Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 3(1) jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-fakultà li jitolbu lix-xandara tat-televiżjoni nazzjonali sabiex iħarsu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti minn dawk previsti minn din id-direttiva.

6.     Skond l-Artikolu 1(c) tad-direttiva msemmija, 'reklamar fuq it-televiżjoni' jfisser “kull forma ta’ avviż imxandar sew bi ħlas kif ukoll għal rimunerazzjoni simili jew imxandar għal skopijiet ta' promozzjoni tagħha stess minn impriża pubblika jew privata inkonnessjoni ma' kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex tiġi promossa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas”.

7.     L-Artikolu 1(f) ta’ l-istess direttiva jipprovdi li “teleshopping tfisser offerti diretti mxandra lill-pubbliku bil-għan li ssir provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas”.

8.     Skond l-Artikolu 10,(8) ir-reklamar fuq it-televiżjoni u t-teleshopping għandhom ikunu jistgħu jintgħarfu mill-ewwel bħala tali u għandhom jinżammu separati sew minn partijiet oħra tas-servizz ta’ programmi permezz ta’ mezzi ottiċi u/jew akustiċi (Artikolu 10(1)); spots iżolati ta’ reklamar u teleshopping għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni (Artikolu 10(2)), filwaqt li r-reklamar u t-teleshopping m'għandhomx jużaw metodi ta’ teknika subliminali jew isiru bil-moħbi (Artikolu 10(3) u (4)).

9.     L-Artikoli 18 u 18a (9) jillimitaw il-ħin tax-xandir ta’ l-ispot tar-reklamar u t-twieqi ddedikati għat-teleshopping filwaqt li jindikaw il-perċentwali massimi ta’ ħin f'ġurnata jew f'siegħa.

B –    Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

1.      Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Bundeskommunikationssenat

10.   Din l-entità, li taqa’ taħt il-Kanċellerija Federali, twaqqfet mill-Bundesgesetz über die Einrichtung einer Kommunikationsbehörde Austria und eines Bundeskommunikationssenates(10) (liġi federali dwar it-twaqqif ta’ organu għall-komunikazzjoni ta’ l-Awstrija u ta’ Kunsill Superjuri Federali għat-telekomunikazzjoni; iktar ’il quddiem: il-“KOG”) b’funzjonijiet ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Kommunikationsbehörde Austria (organu Awstrijak għat-telekomunikazzjoni; iktar ’il quddiem “KommAustria”) u ta’ l-Österreichischer Rundfunk (entità Awtrijaka tax-xandir, iktar ’il quddiem: “ÖRF”).

11.   L-Artikolu 11(2) tal-KOG jagħti lil dan l-organu l-kompetenza sabiex jiddeċiedi, bħala l-aħħar istanza amministrattiva, l-appelli kontra deċiżjonijiet tal-KommAustria, ħlief f’affarijiet kriminali.

12.   Kontra d-deċiżjonijiet tal-Bundeskommunikationssenat huwa ammess rikors ġudizzjarju quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (11) (tribunal amministrattiv) (l-Artikolu 11(3) tal-KOG).

13.   Il-ħames membri li jikkomponuh, li minnhom tlieta huma maġistrati (li minn fosthom jiġi magħżul president), għandhom mandat ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded; ir-raġunijiet għat-tneħħija huma stabbiliti bil-liġi fl-Artikolu 12 tal-KOG, li jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, billi jiddikjarahom ħielsa minn ordnijiet jew struzzjonijiet esterni.

14.   Għall-finijiet tal-kawża, l-Artikolu 14 tal-KOG jirreferi għall-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (12) (liġi fuq il-proċedura amministrattiva; iktar ’il quddiem l-“AVG”).

2.      Il-liġi fuq ix-xandir

15.   Skond l-Artikolu 47(1) tal-Bundesgesetz über den Österreichischen Rundfunk (13) (liġi federali dwar ix-xandir Awstrijak; iktar ’il quddiem: l-“ÖRF-Gesetz”), dan l-istrument regolatorju huwa maħsub sabiex jimplementa d-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 97/36.

16.   L-Artikolu 13(1) jippermetti lil ÖRF tassenja, fil-kuntest ta’ l-attività tagħha ta’ programmar u bi ħlas, perijodu ta’ xandir għar-reklami kummerċjali, u jiddefinixi dan ta’ l-aħħar bl-istess kliem użat fl-Artikolu 1(c) tad-Direttiva televiżjoni mingħajr fruntieri.

17.   L-Artikolu 13(2) jipprojbixxi l-għoti ta’ spażji għat-teleshopping, li huwa ddefinit bl-istess kliem bħal dak użat fl-Artikolu 1(f) tad-direttiva msemmija.

18.   Fl-aħħar, l-Artikolu 13(3) jirriproduċi eżattament, fil-parti biss li tirrigwarda r-reklamar, l-Artikolu 10(1) ta’ l-istess direttiva.

III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.   Waqt il-programm “Quiz Express”, imxandar minn ÖRF fl-1 ta’ April 2005, il-preżentatur, filwaqt li fuq l-iskrin kien jidher numru tat-telefown li jagħti aċċess għal servizz bi ħlas, stieden lill-pubbliku sabiex jipparteċipa f'logħba bi premjijiet (bil-Ġermaniż “Gewinnspiel”), billi jċempel dak in-numru tat-telefown. Il-kumpannija li tipprovdi s-servizz telefoniku kienet titlob somma ta’ EUR 0.70 għal kull telefonata, u kienet tagħti perċentwali lil ÖRF.(14)

20.   Il-logħba kienet maqsuma fi tliet partijiet: fl-ewwel parti, b’mod purament aleatorju, telefonata waħda kienet tidħol live; fit-tieni parti, il-persuna li tintgħażel it-telefonata tagħha kellha tirrispondi għad-domandi li jsirulha mill-preżentatur; l-aħħar parti kienet terġa' tħalli spazju għall-fortuna, billi tippermetti lit-telespettaturi li ma kinux intgħażlu jipparteċipaw f’lotterija ta’ kull ġimgħa.

21.   Il-KommAustria għamlet ilment kontra ÖRF quddiem il-Bundeskommunikationssenat minħabba li fil-fehma tagħha kien inkiser l-Artikolu 13(2) ta' l-ÖRF-Gesetz peress li xi minuti ta’ dik ix-xandira kienu ġew iddedikati għat-teleshopping.

22.   Sabiex ikun jista’ jsolvi dik it-tilwima, l-organu msemmi kkunsidra li kellu jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Għandu l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva (...) 89/552 (...), skond it-test tad-Direttiva 97/36 (...), jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘teleshopping’ kull messaġġ li jidher fix-xandiriet, jew parti mix-xandiriet bit-televiżjoni, fejn l-istazzjon televiżiv joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw, billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefown bi ħlas, u għalhekk b’titolu oneruż, f’logħba bi premjijiet organizzata mill-istazzjon tat-televiżjoni stess?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, l-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 89/522 (..), skond it-test tad-Direttiva 97/36 (...), għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘reklamar fuq it-televiżjoni’ anki l-messaġġi li jidhru fix-xandiriet jew parti mix-xandiriet bit-televiżjoni, fejn l-istazzjon televiżiv joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw, billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefown bi ħlas, u għalhekk b’titolu oneruż, f’logħba bi premjijiet organizzata mill-istazzjon tat-televiżjoni stess?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.   Din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2006. ÖRF, il-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż, ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet; ir-rappreżentanti ta’ ÖRF u tal-Kummissjoni kienu preżenti fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007 sabiex jagħmlu t-trattazzjoni orali. Fis-seduta ħadu sehem ukoll rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-KommAustria.

V –    Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

24.   Din hija l-ewwel darba li l-Bundeskommunikationssenat qed jagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dan l-organu għandux ir-rekwiżiti ta’ organu ġudizzjarju fis-sens ta' “qorti jew tribunal” fl-Artikolu 234 KE. L-istess organu Awstrijak, fid-digriet ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ikkunsidra li kien meħtieġ li jiġġustifika l-istatus tiegħu, u, f’dan ir-rigward, għamel xi argumenti li taqbel magħhom il-Kummissjoni fin-nota ta' osservazzjonijiet tagħha.

25.   Sabiex jiġi ddeterminat jekk organu partikolari għandux natura ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa llimitat lilha nnifisha sabiex tagħti xi kriterji ta’ gwida, bħall-oriġini legali ta’ l-organu, il-karattru permanenti tiegħu, li l-ġurisdizzjoni tiegħu tkun obbligatorja, l-indipendenza tal-membri tiegħu, in-natura kontradittorja ta’ kif jimxu l-proċedimenti, in-natura ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet u l-fatt li japplika regoli ġuridiċi.(15)

26.   Fil-prinċipju, il-Bundeskommunikationssenat għandu dawn il-karatteristiċi, fid-dawl ta’ l-elementi li ġejjin:

a)      M’hemmx dubju dwar l-oriġini legali tiegħu billi twaqqaf bil-KOG, kif lanqas ma hemm dubju dwar il-karattru permanenti u stabbli tiegħu, kif jidher mill-Artikolu 11 ta’ l-istess liġi, li jagħtih il-kompitu li jissorvelja lill-KommAustria u jħares legalment lil ÖRF.

b)      L-intervent ta’ dan l-organu mhuwiex fakultattiv imma obbligatorju, billi huwa jiddeċiedi rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-KommAustria, ħlief għal dawk ta’ rilevanza kriminali.

ċ)      Jidher ukoll li m’hemmx dubju dwar l-indipendenza ta’ dan il-kunsill superjuri awdjoviżiv mil-lat funzjonali: huwa ffurmat minn ħames membri li jinkludu tliet maġistrati (li minn fosthom jiġi elett president u viċi-president), u li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma jirċievu struzzjonijiet jew ordnijiet minn barra.(16) Il-membri ta’ dan l-organu jinħatru mill-kanċillier federali, fuq proposta tal-Gvern, b’mandat ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded.

d)      Il-proċedimenti quddiem dan l-organu jippermettu dibattitu f’forma kontradittorja, safejn il-partijiet jagħmlu l-argumenti rispettivi tagħhom (l-Artikolu 37 ta’ l-AVG), anki waqt is-seduta li ssir ex officio jew wara talba (l-Artikolu 39(2) AVG). L-amministrazzjoni tesponi bil-miktub il-motivazzjonijiet in sostenn tal-pożizzjoni tagħha (l-Artikolu 38 ta’ l-AVG) u jitħarrku xhieda u periti sabiex jidhru fis-seduta mal-persuni kkonċernati (l-Artikoli 40 u 41 ta’ l-AVG), fejn jitħarsu d-drittijiet tad-difiża (l-Artikolu 43(3)).

e)      Fl-aħħar, lanqas ma jista' jiġi kkontestat il-fatt li d-deċiżjoni finali tkun tikkonforma mal-prinċipji ġuridiċi.

27.   Minkejja dan, m’għandniex niġu ingannati bl-apparenzi. Fil-Konklużjonijiet tat-28 ta’ Ġunju 2001, dwar il-kawża De Coster,(17) sostnejt li l-atteġġament tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kunċett imsemmi ta’ organu ġudizzjarju ta’ Stat Membru ħoloq ġurisprudenza flessibbli żżejjed u nieqsa mill-koerenza meħtieġa, u għalhekk nissuġġerixxi bidla radikali fir-rotta li twassal għal għażliet iktar stretti u deċiżi li, b’rabta ma’ l-iskop stess tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandhom iżidu kooperazzjoni produttiva bejn il-qrati.

28.   B’dan l-ispirtu, fil-Konklużjonijiet imsemmija ssuġġerejt li, bħala regola ġenerali, jidħlu fil-kunċett ta’ l-Artikolu 234 KE biss l-organi li jiffurmaw parti mill-poter ġudizzjarju ta’ kull Stat Membru meta jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji proprji inklużi, bħala eċċezzjoni, dawk l-organi li, mingħajr ma jagħmlu parti mis-sistema ġudizzjarja, m’hemmx appell minnhom fis-sistema ġuridika interna, dejjem jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, dik ta’ l-indipendenza u n-natura kontradittorja tal-proċeduri.

29.   Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni iktar restrittiva, insostni li l-Bundeskommunikationssenat għandu jiġi eskluż mill-kunċett imsemmi ta’ organu ġudizzjarju, għaliex ma jagħmilx parti mis-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.

30.   Huwa veru li l-organu msemmi jidħol fil-kategorija ta’ “organi kolleġjali ta’ natura ġudizzjarja”,(18) li għalihom jirreferi l-Artikolu 133(4) tal-Kostituzzjoni Awstrijaka,(19) li jiena stess, f’kawża preċedenti, aċċettajt in-natura ġudizzjarja tagħhom.(20)

31.   Minkejja dan, l-attribuzzjoni tan-natura ġudizzjarja fil-livell tad-dritt intern, għalkemm hija indikattiva, ma tirriżultax li hija determinanti.(21) Madankollu, filwaqt li jitqies, kif kelli okkażjoni nsostni fil-Konklużjonijiet fil-kawża De Coster, imsemmija iktar ’il fuq, li l-kunċett ta’ organu ġudizzjarju għandu jiġi ddelimitat skond id-dritt Komunitarju, skond il-ħtiġijiet strutturali tiegħu, hemm bżonn ta’ reqqa akbar fl-eżami tan-natura tal-Bundeskommunikationssenat, sabiex jiġi vverifikat jekk dan effettivament jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa f’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

32.   Minn analiżi iktar preċiża jirriżulta li, b’differenza minn organi oħra msemmija fl-Artikolu 133 tal-Kostituzzjoni Awstrijaka, bħall-Oberster Patent-und Markesenat fil-kawża Häupl, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistax isir appell minnhom la b’mod amministrattiv u lanqas b'mod ġudizzjarju, id-deċiżjonijiet tal-Bundeskommunikationssenat jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Verwaltungsgerichtshof.

33.   Din il-karatteristika partikolari hija dovuta għal raġunijiet storiċi. Qabel l-adozzjoni tal-KOG, ir-regoli dwar ix-xandir fl-Awstrija, skond ir-Regionalradio-Gesetz (liġi dwar ix-xandir reġjunali), kienu fil-kompetenza tal-Privatrundfunkbehörde (l-awtorità għax-xandir privat), imwaqqaf bħala organu kolleġjali skond l-Artikolu 133(4) tal-Kostituzzjoni u li d-deċiżjonijiet tiegħu ma setgħux jiġu kkontestati quddiem il-Privatrundfunkbehörde. Issa, il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali), b’sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000(22) iddikjarat li l-Privatrundfunkbehörde tmur kontra l-kostituzzjoni, billi ddikjarat bħala inammissibbli, fid-dawl ta’ l-Artikolu 133(4) imsemmi, l-immunità mill-istħarriġ ġudizzjarju u l-idea ta’ dan l-organu bħala istanza waħda amministrattiva. Din is-sentenza, li rriflettiet il-ġurisprudenza,(23) interpretat b’mod restrittiv il-possibbiltà li jitwaqqfu organi kolleġjali, billi din timplika deroga speċifika għall-prinċipju ġenerali li kull attività amministrattiva hija suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità, u għalhekk għandha tiġi ġġustifikata każ b’każ, ħtieġa din li ma tidhirx li kienet issodisfata fil-każ tal-Privatrundfunkbehörde. Sabiex ikun hemm konformità ma’ din is-sentenza kien hemm bżonn emenda għall-Artikolu 13 tar-Regionalradio-Gesetz billi ġiet prevista l-possibbiltà ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof; iżda d-dispożizzjonijiet l-oħra baqgħu ma nbidlux. Mitluba terġa’ tintervjeni fuq dan, il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka ddeċidiet li d-difett kien għadu hemm, billi l-fatt li l-Privatrundfunkbehörde taġixxi amministrattivament bħala istanza esklużiva huwa inkompatibbli mal-prinċipji kostituzzjonali(24)Il-leġiżlatur kellu jintervjeni billi jwaqqaf il-Bundeskommunikationssenat, organu amministrattiv ta’ stħarriġ, u ħalla miftuħa l-possibbiltà ta’ rikors ġudizzjarju quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, sistema li l-Qorti Kostituzzjonali finalment appruvat.(25)

34.   Issa, il-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Bundeskommunikationssenat jiġu mistħarrġa minn qorti amministrattiva jibdel is-sitwazzjoni u ma jippermettix li dan jissejjaħ organu ġudizzjarju li jaqa' taħt l-Artikolu 234 KE.

35.   Jidher ċar ir-riskju ta’ inkonvenjenti kkawżati mill-indħil ta’ awtorità amministrattiva fid-djalogu bejn il-qrati, li jiena wrejt fil-paragrafi 75 sa 79 tal-Konklużjonijiet fil-kawża De Coster. Hu kemm hu għoli l-livell tekniku legali ta’ dan l-organu amministrattiv, jibqa’ l-fatt li l-Verwaltungsgerichtshof, meta tiġi mistħarrġa d-deċiżjoni amministrattiva mogħtija wara r-risposta għad-domanda preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jqis li r-rinviju lil-Lussemburgu kien żbaljat jew li messu kien fuq aspetti oħra. Jekk dak l-organu jasal għall-konklużjoni li la l-interpretazzjoni u lanqas l-applikazzjoni ta’ regoli tas-sistema legali Komunitarju ma kienu qed jiġu diskussi, id-domandi preliminari u l-isforzi sabiex tingħata risposta jkunu saru għalxejn u b’hekk tintilef il-leġittimità tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjonijiet tagħha ma jitteħdux in kunsiderazzjoni. Jekk jiġi deċiż li d-domanda kellha tiġi fformulata b’mod differenti, l-istess organu jkun marbut bid-domanda li attwalment intbagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja u bis-sentenza relattiva billi probabbilment, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, ikun meħtieġ li ma terġax issir domanda preliminari oħra u wieħed jistrieħ biss fuq konsultazzjoni f'kuntest amministrattiv u fuq risposta difettuża mill-oriġini, u dan ikollu l-effett li ma jseħħx “djalogu bejn il-qrati” awtentiku.

36.   Fil-fehma tiegħi, l-indħil ta’ organu amministrattiv fil-kooperazzjoni ġudizzjarja skond l-Artikolu 234 KE huwa dejjem ħaġa gravi għaliex il-parteċipazzjoni ta’ dan l-organu, anki jekk bl-aħjar intenzjonijiet, tibdel il-proċedimenti. Fil-Konklużjonijiet fil-kawża De Coster (punti 36 u 98) spjegajt kif il-formulazzjoni ta’ domanda preliminari tista’ tiddetermina s-soluzzjoni mogħtija min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, u din hija raġuni għaliex huwa importanti li tiġi żgurata n-natura purament ġudizzjarja ta' dawk li jikkooperaw fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Jekk id-domanda toriġina minn organu amministrattiv, rikors suċċessiv eventwali fil-livell ġudizzjarju jista’ jirriżulta kkundizzjonat mill-bidu tiegħu, mit-termini tar-risposta għad-domanda jew mill-mument meta ġiet ifformulata, u dan iċaħħad lill-organu ġudizzjarju awtentiku mill-fakultà li juża r-rinviju għal deċiżjoni preliminari; fil-fatt, anki jekk fit-teorija jirriżulta li huwa opportun li ssir domanda oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan jimponi fuq il-partijiet iktar dewmien li mhuwiex tollerabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja li minnha nnifisha diġà taħdem bil-mod.

37.   Dawn ir-riflessjonijiet jispjegaw għaliex huwa opportun li jiġu ammessi fid-djalogu tar-rinviju preliminari l-organi mhux ġudizzjarji fil-każ biss fejn id-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju suċċessiv, jiġifieri meta l-aħħar kelma fis-sistema nazzjonali tkun tagħhom, kuntest li fih l-aċċess tagħhom għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun iffaċilitat sabiex jiġi evitat ir-riskju li xi setturi tad-dritt Komunitarju jitħallew barra l-intervent ta’ uniformità li huwa r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.   L-iżviluppi riċenti tal-ġurisprudenza (26) juru attenzjoni akbar sabiex jiġu kkaratterizzati l-elementi distintivi tal-kunċett ta’ organu ġudizzjarju, speċjalment b’referenza għall-indipendenza, li tirrifletti pożizzjoni viċina għal dak li esponejt fil-Konklużjonijiet relattivi fil-kawża De Coster. B'hekk, fis-sentenza Schmid (27) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat lilha nnifisha inkompetenti sabiex twieġeb għad-domandi mibgħuta lilha mill-Berufungssenat V der Finanzlandesdirektion (il-Ħames Kamra ta’ Appell tad-Direttorat Reġjonali tal-Finanzi) ta’ Vjenna, ta' l-Awstrija ta’ Isfel u ta' Burgenland, filwaqt li fis-sentenza Syfait et (28) ġie ammess rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Epitropi Antagonismou (Kummissjoni Ellenika għall-Kompetizzjoni).

39.   Din it-tendenza tidher evidenti jekk jiġi kkunsidrat li, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għad-domandi li sarulha minn organi simili għal dawk imsemmija, bħat-tribunali ekonomiċi-amministrattivi Spanjoli(29) u t-Tribunal de Defensa de la Competencia, li huwa wkoll Spanjol.(30)

40.   Il-pożizzjoni tiegħi ma nbidlitx mill-Konklużjonijiet fil-kawża De Coster u għalhekk, mhux biss għall-koerenza imma għaliex ninsab kompletament konvint li l-Bundeskommunikationssenat ma jistax jissejjaħ organu ġudizzjarju skond l-Artikolu 234 KE, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara lilha nnifisha inkompetenti sabiex tirrispondih.

41.   Inħaddan it-tama li l-imħallfin li qed nindirizza jipperswadu ruħhom fuq il-mertu tal-proposta li fformulajt fil-kuntest tal-kawża De Coster; madankollu, fl-eventwalità li l-argument tiegħi ma jiġix segwit, ngħaddi sabiex, sussidjarjament, nanalizza l-kontenut sostanzjali ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex naqdi l-inkarigu li ngħatali li nippreżenta pubblikament, b’imparzjalità assoluta u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati fuq id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 222(2) KE,).

VI – Analiżi sussidjarja tad-domandi preliminari

A –    Id-domandi magħmula

42.   Il-Bundeskommunikationssenat qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-kunċetti ta’ “teleshopping” u ta’ “reklamar fuq it-televiżjoni” fid-dritt Komunitarju, sabiex ikun jista’ jiġi ddefinit l-ispot imdaħħal fix-xandira “Quiz Express”. Jekk jidħol fil-kunċett ta’ teleshopping, dan l-ispot ikun ipprojbit fl-Awstrija billi, abbażi ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552, l-Artikolu 13(2) ta’ l-ORF-Gesetz jipprojbixxi dan it-tip ta’ xandiriet kummerċjali, bil-konsegwenza li l-pożizzjoni tal-KommAustria tkun korretta. Jekk, bil-kontra, jitqies li l-ispot huwa maħsub għall-awtopromozzjoni, japplikaw parametri differenti, billi r-reklamar fuq it-televiżjoni huwa permess, dejjem jekk jintgħaraf b'mod ċar bħala tali u jkun nettament distint mill-bqija tal-programm b'mezzi ottiċi u/jew akustiċi (l-Artikolu 13(3) ta' l-istess liġi).

43.   L-organu amministrattiv li qed jagħmel ir-rinviju ma jifformulax id-domandi tiegħu fl-astratt, imma b’referenza għal tip ta’ divertiment li mhuwiex faċli tikklassifikah; fil-fatt, l-Artikolu 1(c) u (f) tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” jinkludi kemm l-attività tar-reklamar kif ukoll tat-teleshopping fil-kuntest tal-provvista ta' servizzi u oġġetti. Għalhekk, hemm bżonn li wieħed jara jekk ix-xandira in kwistjoni tipproponix provvista ta’ servizzi (bla dubju m’għandhiex karatteristiċi ta’ offerta ta’ oġġetti), u għalhekk hemm bżonn li jiġi vverifikat qabel kollox jekk tammontax għal logħob ta’ l-ażżard u, jekk dan huwa l-każ, li tiġi mistħarrġa l-portata vera tagħha sabiex imbagħad ikun jista' jingħad jekk hijiex teleshopping jew inkella reklamar fuq it-televiżjoni.

44.   Minkejja dan, qabel ma nkompli, hemm bżonn li titwarrab it-tielet possibbiltà, impliċita fid-domandi tal-Bundeskommunikationssenat, jiġifieri li din ix-xandira la hija reklamar fuq it-televiżjoni u lanqas teleshopping imma sempliċi xandira fil-kunċett ta’ “xandir bit-televiżjoni” skond l-Artikolu 1(a) tad-direttiva msemmija.

B –    Il-“Gewinnspiel” in kwistjoni mhijiex quiz televiżiv

45.   F’dan il-kuntest huma illuminanti l-osservazzjonijiet li ppreżenta l-Gvern Taljan fil-fażi bil-miktub tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. B'mod differenti minn quiz ta’ mistoqsijiet u tweġibiet li jsir fi studjo televiżiv, fejn il-protagonisti, jiġifieri il-preżentatur tal-logħba u l-kompetituri, ikunu fil-preżenza ta' xulxin filwaqt li l-pubbliku (kemm dak fl-istudjo kif ukoll dak fid-djar) ikollu rwol sempliċiment passiv, il-“Gewinnspiel” ta’ ÖRF huwa passatemp fejn min qed jilgħab, li sa ftit qabel ikun sempliċi telespettatur, isib lilu nnifsu fuq in-naħa l-oħra tat-telefown filwaqt li t-telespettaturi l-oħra jkollhom l-aspettattiva li jsiru protagonisti tal-logħba u li jirbħu xi ħaġa.

46.   Din l-istruttura tpoġġi fid-dieher il-fatt li, filwaqt li fi programm ta’ “quiz” tradizzjonali t-televiżjoni huwa mezz użat sabiex ixxandar il-logħba li tiżvolġi fl-istudjo, sabiex il-pubbliku jiddeverti, il-mini-programm ta’ ÖRF jipprova jiġbed lill-persuna bil-prospett ta’ rebħa immedjata ta’ premju, jekk it-telefonata jkollha l-fortuna li tintgħażel u hija tirrispondi eżatt għad-domandi li jsirulha, jew inkella, b'mod sekondarju, tipparteċipa fit-tlugħ ta’ premjijiet ta’ kull ġimgħa.

47.   Madankollu, il-parteċipazzjoni f’din il-logħba timplika l-ħlas ta’ somma ta’ flus, li minnha jibbenefika l-istazzjon televiżiv u li l-ammont tagħha jiżdied fi proporzjoni man-numru ta’ telefonati; għal din ir-raġuni, b’mod ġenerali, u bil-possibbiltà li l-argument jiġi approfondit iktar ’il quddiem, dan il-programm ta’ divertiment in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-għan li ÖRF taqla’ l-flus direttament. Għalhekk, b’dan il-mod huwa preżenti l-element ta’ ħlas li jirreferi għalih l-Artikolu 1(c) u (f) tad-Direttiva 89/552.

48.   Fl-aħħar, bi spot ta’ divertiment bħal dan, ÖRF ma tagħmilx “xandir bit-televiżjoni” skond l-Artikolu 1(a) tad-direttiva msemmija, jiġifieri ma xxandarx programm maħsub għall-pubbliku, imma tuża t-televiżjoni b’funzjoni aċċessorja, għalkemm rilevanti, bħala strument għall-qligħ ta’ flus.

49.   F’dan il-kuntest, kif antiċipajt iktar qabel, irridu nistabbilixxu jekk din il-funzjoni aċċessorja tipprovdix servizz bi ħlas u dan ifisser li hemm bżonn li tiġi ċċarata n-natura tax-xandira in kwistjoni.

C –    Logħba ta’ l-ażżard

50.   Fil-paragrafi 92 sa 97 tal-Konklużjonijiet fil-kawża Placanica et(31), analizzajt ir-relazzjoni bejn il-kunċetti ta’ ażżard, il-logħob u d-dritt. Dawn ir-relazzjonijiet jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tkun tista’ tħares lill-individwu kontra r-riskji għall-patrimonju u għas-saħħa marbuta mal-passjoni għal-logħob ta’ l-ażżard (32) u fl-istess ħin, tipproteġi l-interessi ekonomiċi ta’ l-impriżi u taċ-ċentri li joffru dan id-divertiment b’tali mod li jiġi ggarantit l-eżerċizzju tal-libertà ta’ l-istabbiliment u tal-provvista tas-servizzi.(33)

51.   Id-dritt Komunitarju ma jiddefinixxix b'mod dettaljat il-kunċett ta’ logħob ta’ l-ażżard, għalkemm il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq teżamina l-effetti tiegħu fuq l-istabbiliment tas-suq uniku filwaqt li tevita li tiddefinih. Minkejja dan, id-dritt Komunitarju jirrikonoxxi li, mil-lat ġuridiku, il-kunċett ta’ logħob ta’ l-ażżard jevoka l-idea ta’ mħatra bi flus li l-eżitu tagħha huwa f'idejn ix-xorti.(34)

52.   Fid-dawl ta' din l-indikazzjoni, li ċertament hija waħda vaga, nistgħu nimmaġinaw varjetà infinita ta’ logħob ta’ l-ażżard billi l-fertilità tal-moħħ tal-bniedem, meta tiġi għad-divertiment u għall-kompetizzjoni, m’għandhiex limiti.(35) Madankollu hemm tliet kriterji li jistgħu jgħinuna sabiex niddefinixxu dan il-kunċett: l-ispiża finanzjarja, l-inċertezza u x-xewqa ta' rebħ.(36)

53.   L-inċertezza tar-riżultat hija inerenti fil-logħob ta’ l-ażżard għaliex l-element aleatorju jeżisti fil-fażijiet kollha tiegħu sabiex b’hekk tingħata togħma irreżistibbli għal-logħob bl-illużjoni li jintrebaħ premju akbar mill-ispiża ta’ parteċipazzjoni u hija l-lixka li tiġbed lil min jilgħab. Barra minn hekk, l-aspett ekonomiku jilleġittima l-intervent tad-dritt, maħsub sabiex jikkontrolla dan il-fenomenu soċjali: l-impatt fuq il-patrimonju tal-persuni jidher element indispensabbli sabiex is-sistema ġuridika tirregola din il-ħaġa.(37) Logħba mingħajr imħatri, mingħajr l-ebda impatt fuq il-kapital ta’ min jilgħab, tirrigwarda biss l-isfera privata tiegħu u ma toħloqx il-bżonn ta’ ħarsien ġuridiku.

54.   Mingħajr dubju, l-element aleatorju jidħol fl-ispazju tax-xandira “Quiz Express”. Il-fortuna tal-parteċipanti tidher f’żewġ mumenti: meta, fost id-diversi telefonati riċevuti, tintgħażel waħda biss, li “tagħti dritt” lill-iffortunat li jitkellem mal-preżentatur tal-programm; u fil-mument tat-tlugħ ta’ kull ġimgħa, li jippermetti lill-kompetituri l-oħra li jaspiraw għall-premju. L-abbiltà ta’ l-ispettatur, it-tagħrif tiegħu jew, sempliċement, kemm jirrispondi malajr, għandhom rwol sekondarju fit-tentattiv ta’ rebħa.

55.   Sostanzjalment, ir-rieda ta’ l-ispettatur waqt li jċempel in-numru tat-telefown hija diġà maħsuba sabiex jirċievi l-premju, kemm fl-ewwel mument imsemmi, kif ukoll fit-tieni mument, dak tat-tlugħ.

56.   Min jilgħab iħallas mill-ewwel somma (EUR 0,70) li, għalkemm ċkejkna, taqbeż bil-bosta kemm tiswa telefonata normali fl-Awstrija, bit-tama li jirċievi premju f’valur stmat bejn EUR 200 u 330, li jikkumpensa b’mod abbundanti l-investiment li jkun sar.

57.   Għalhekk, il-karatteristiċi partikolari tal-logħba li ssir fil-programm “Quiz Express” iwasslu sabiex wieħed isejħilha logħba ta’ l-ażżard.

D –    Provvista ta’ servizzi

58.   Ladarba ġie kkonstatat dan l-element, m'hemmx diffikultà sabiex wieħed jammetti li ÖRF tipprovdi servizz bi ħlas.

59.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex dubji sabiex issejjaħ l-organizzazzjoni tal-lotteriji (sentenza Schindler)(38), it-tħaddim, bi ħlas, ta’ magni tal-logħob (sentenza Läärä et)(39) kif ukoll il-logħob tax-xorti jew ta' l-ażżard (sentenza Anomar et) (40), bħala servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 50 tat-Trattat KE.(41)

60.   Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikathom bħala tali b’referenza għal-logħob ta' l-ażżard ikkunsidrat kollu kemm hu, ipprattikat bħala attività awtonoma u prinċipali, fil-kuntest ta’ l-eżami dwar il-miżuri nazzjonali li għandhom it-tendenza li jillimitaw l-eżerċizzju tagħhom, bil-għan li dawn jiġu ġġustifikati fid-dawl ta' l-għanijiet bħall-ħarsien ta' l-ordni soċjali u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-frodi.(42)

61.   Is-sentenzi msemmija iktar ’il fuq ma jirrigwardawx sitwazzjonijiet fejn l-attività tal-logħba tidħol f’kuntest iktar wiesa’, bħal f’din il-kawża partikolari, u bħal f'dik eżaminata fis-sentenza Familiapress(43), li kienet f’kuntest simili, fejn f’ħarġa Ġermaniża ta’ kull ġimgħa tar-rivista “Laura”, imqassma fl-Awstrija, kienu ppubblikati tislibiet u ħwejjeġ moħġaġa li l-qarrejja kellhom jaqtgħu bi premji ta’ flus għall-qarrejja li kienu jittellgħu minn fost dawk li jkunu bagħtu r-risposta t-tajba. Ċertament m’għandhomx tort ÖRF u l-Gvern Ġermaniż meta jsostnu li, skond is-sentenza msemmija, it-tlugħ ta’ dak it-tip, ta’ valur żgħir ħafna, m’huwiex attività ekonomika awtonoma, imma biss wieħed mill-elementi, fost oħrajn, tal-kontenut ta’ rivista (punt 23), u ma jikkorrispondix mal-karatteristiċi tal-provvista ta’ servizzi skond l-Artikolu 50 KE. Madankollu, il-Kummissjoni tirrileva ġustament li dik l-evalwazzjoni riedet tinħall mill-ġurisprudenza Schindler, li kienet ingħatat fil-kuntest ta' l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri nazzjonali restrittivi fuq il-logħob ta’ l-ażżard fuq skala kbira, bħal-lotteriji.

62.   Fil-qosor, għalhekk, mill-ġurisprudenza Komunitarja ma joħorġux elementi li jipprojbixxu l-klassifikazzjoni ta’ l-ispot imxandar minn ÖRF bħala logħba ta’ l-ażżard u għalhekk bħala servizz.

63.   Qabel ma nkompli, jeħtieġ li tingħata risposta għal argument imqajjem minn ÖRF fin-nota ta’ osservazzjonijiet (punt 4) u jiġi enfasizzat in-nuqqas ta’ rilevanza tal-fatt li x-xandira “Quiz Express” kienet tintwera fl-Awstrija biss, għaliex dan il-fatt għandu x’jaqsam biss ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE u mhuwiex tali li jinnega karatteristika partikolari ta’ din ix-xandira. Ta’ min jgħid li d-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” tuża l-kliem “provvista ta’ servizzi” sabiex tikklassifika attività u mhux sabiex tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera. Fi kliem ieħor, kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza Läärä et (44), servizz ma jispiċċax milli jissejjaħ hekk għaliex ma jkunx qabeż il-fruntieri nazzjonali.

E –    Teleshopping versus reklamar

64.   Issa niġu għall-qofol tal-kwistjoni ta’ dan ir-rinviju li huwa intiż sabiex jiġi aċċertat jekk il-logħba bil-premjijiet fil-programm “Quiz Express” u, b’estensjoni, il-programm sħiħ, għandhomx il-karatteristiċi tipiċi tat-teleshopping.

65.   L-Artikolu 1(f) tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” jsemmi erba’ elementi: (1) xandira (2) offerti diretti lill-pubbliku (3) oġġetti jew servizzi (4) bi ħlas.

66.   M'hemmx dubji dwar l-eżistenza ta' l-ewwel u ta' l-aħħar żewġ elementi f'dan il-każ. Huwa paċifiku li “Quiz Express” hija xandira fuq it-televiżjoni li tipproponi logħba bi ħlas: min iċempel iħallas prezz (li ddaħħal ÖRF) sabiex jipparteċipa fil-logħba u juża dak is-servizz, li jikkonsisti fl-aspirazzjoni għall-kumpens f’waħda miż-żewġ fażijiet tal-logħba.

67.   Din il-proposta tidħol fil-kunċett ta’ “offerta diretta lill-pubbliku” li huwa element li, barra minn hekk, jgħin sabiex jiddistingwi t-teleshopping mir-reklami, li għandhom l-iskop li jippromwovu u mhux jagħtu servizz.

1.      L-offerta diretta

68.   Fis-sentenza RTI et (45) ġew speċifikati l-elementi ta’ dan il-kunċett, sabiex tiġi interpretata d-Direttiva 89/552 fil-verżjoni fis-seħħ qabel ma t-test tagħha kien isemmi l-fenomenu tat-teleshopping; madankollu, l-idea ta’ teleshopping kienet diġà impliċita fl-Artikolu 18(3) li, meta jirregola kemm jistgħu jdumu l-iktar “forom [oħra] ta’ reklamar”, stabbilixxa li “offerti diretti lill-pubbliku għall-bejgħ, ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi m’għandhomx jeċċedu siegħa kuljum”.

69.   Il-punt 31 tas-sentenza ċċitata jiddefinixxi l-offerti magħmula direttament lill-pubbliku bħala “messaġġi promozzjonali ta’ prodotti li jistgħu jiġu ordnati direttament bit-telefown, korrispondenza jew videotext u mibgħuta lit-telespettaturi d-dar tagħhom”. Normalment, l-editur juri fuq it-televiżjoni l-oġġetti u s-servizzi għall-bejgħ, ifaħħar il-kwalitajiet u l-vantaġġi tagħhom, jindika l-prezz u kif isir il-ħlas, billi jpoġġi fuq l-iskrin in-numri tat-telefown, il-websajt u informazzjoni utli oħra sabiex issir l-ordni. Is-sistema kuntrattwali hija l-istess bħal dik applikabbli għall-bejgħ mill-bogħod (46) skond id-Direttiva 97/7/KE.(47)

70.   Għall-kuntrarju, ir-reklamar fuq it-televiżjoni jagħmel offerta “indiretta” għaliex, għalkemm bħat-teleshopping huwa intiż sabiex iħajjar lit-telespettatur jakkwista l-oġġetti u s-servizzi rreklamati, filwaqt li jikkonvinċih permezz tad-deskrizzjoni tal-kwalità tagħhom, il-fażi finali tan-negozju mhijiex fl-għanijiet immedjati tar-reklamar, peress li fil-fatt tiġi posposta għal mument suċċessiv li fih il-konsumatur jirreferi għall-kanal ta’ distribuzzjoni korrispondenti sabiex jiffinalizza x-xiri.

71.   Fil-fatt, it-teleshopping jinkludi pass lil hinn mir-reklamar, billi mhuwiex limitat għat-tħabbir, imma jinkludi l-promozzjoni u l-bejgħ.

72.   Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsostnu t-teorija li x-xandira “Quiz Express” tipproponi lit-telespettaturi sabiex jipparteċipaw f’logħba ta’ l-ażżard, billi tagħtihom informazzjoni indispensabbli sabiex jaqbdu l-operator u jinstemgħu fil-programm, u, fejn ma jirnexxilhomx, sabiex jipparteċipaw fit-tlugħ ta’ kull ġimgħa, billi jħallsu xi flus, ta’ l-anqas indirettament,(48) permezz ta’ l-indikazzjoni tan-numru tat-telefown speċjali bi spiża addizzjonali.

73.   Min imexxi l-programm jistieden lit-telespettatur sabiex jieħu nota tan-numri indikati fuq l-iskrin sabiex jipparteċipa fil-programm. Il-wirja kummerċjali tikkonsisti fil-valorizzazzjoni tal-premjijiet offruti. L-aċċettazzjoni ta' l-istedina sseħħ meta l-utent iċempel in-numru telefoniku u s-servizzi ta' ÖRF jieħdu t-telefonata, u simultanjament jibda minn dan il-mument il-proċess ta’ ħlas, bil-prezz tat-telefonata jiġi addebitat fuq il-kont tat-telefown tal-klijent li, f’dan l-istess mument, jaspira sabiex jilgħab live f’xandira televiżiva u jikseb id-dritt sabiex eventwalment jipparteċipa fit-tlugħ tal-premjijiet li jkun baqa’.

74.   F’dan is-sens, skond l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri”, ix-xandira in kwistjoni tistieden direttament lill-pubbliku sabiex jakkwista servizz bi ħlas, billi tagħtih l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jikkonkludi kuntratt mill-bogħod.(49)

75.   Għalhekk, m’hemm xejn li jipprojbixxi l-klassifikazzjoni, b’mod astratt, ta’ din ix-xandira bħala tip ta’ teleshopping.

2.      Il-piż speċifiku tal-logħba fix-xandira “Quiz Express”

76.   Madankollu, dan l-element distintiv tat-teleshopping ma jistax jiġi attribwit b'mod awtomatiku. Jekk naqraw id-definizzjonijiet ta’ teleshopping u tar-reklamar fuq it-televiżjoni skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur xtaq li r-reklamar u t-teleshopping ikunu rikonoxxibbli u identifikabbli (Artikolu 10) b’mod li jistgħu jiddaħħlu biss bejn il-programmi, u eċċezzjonalment, anki waqt l-istess programm, b’mod li ma jkunux ippreġudikati l-integrità u l-valur tal-programm, filwaqt li jitqiesu l-intervalli naturali u l-partijiet awtonomi tiegħu.

77.   Prima facie, il-leġiżlatur ma jikkontemplax id-dħul tar-reklamar fuq it-televiżjoni u tat-teleshopping f’xandira bħal dik fil-kawża prinċipali. Din hija ommissjoni li tispjega d-dubji ta’ l-organu tar-rinviju dwar il-klassifikazzjoni eżatta tagħha.

78.   Għandha tiġi evalwata “l-kwantità u l-kwalità ta’ l-ispazju tat-teleshopping” fix-xandira, sabiex din tiġi kklassifikata b’dan il-mod. Hawnhekk huwa xieraq li wieħed isegwi l-linji ta' gwida mogħtija fis-sentenza Familiapress, jiġifieri li tiġi kkunsidrata r-rilevanza ta’ din l-attività għall-produzzjoni. Jekk ikollu funzjoni sempliċiment sekondarja, jew ikun element addizzjonali fil-programm marbut ma’ l-għan tal-programm, it-teleshopping jisfuma fil-kontenut ġenerali tax-xandira; min-naħa l-oħra, iżda, meta l-preżenza tat-teleshopping ikollha piż akbar fil-programm, u ssir il-leitmotiv tiegħu, hija tagħti lill-bqija tal-programm il-karattru partikolari tagħha, u tittrasformah f’teleshopping. Bejn iż-żewġ estremi, kif inhu ovvju, jeżistu sitwazzjonijiet tan-nofs.

79.   Essenzjalment, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toqgħod tfittex x’inhi n-natura ta’ din il-logħba; iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, hija m’għandhiex l-elementi ta’ fatt meħtieġa sabiex teżamina l-kwistjoni b’xi garanzija li ser jirnexxilha. Premess dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ minflok tipprovdi lill-organu tar-rinviju xi linji ta’ gwida, għalkemm bil-prudenza li rrakkomanda r-rappreżentant tar-Renju Unit fis-seduta.

80.   L-għan tal-programm li fih kien hemm il-mini-kompetizzjoni in kwistjoni jipprovdi l-ewwel kriterju ta’ evalwazzjoni. Jidher evidenti li din tinbidel skond jekk il-logħba tinsabx f’varjetà televiżiva, fi spettaklu li kumplessivament huwa maħsub għad-divertiment tal-pubbliku(50), li għalih tikkontribwixxi l-mini- kompetizzjoni, jew f'xandira għal kollox differenti, li m'għandha xejn in komuni ma' din il-logħba, bħal, per eżempju, l-aħbarijiet jew programm reliġjuż .(51) Din l-evalwazzjoni teskludi mill-kunċett ta’ teleshopping dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-parteċipazzjoni tat-telespettaturi, għalkemm bi ħlas u bi prospett ta’ premju, tiddaħħal fl-iskeda tal-programm għall-iżvolġiment tiegħu, bħal fil-każ ta’ “reality shows” bħal “Big Brother”, “Star Academy” jew “Mira quien baila”.

81.   Fuq l-istess linja hemm element ieħor li ta’ min jindikah: ir-rilevanza ekonomika diretta u indiretta tal-logħba fl-ispazju televiżiv ikkunsidrat. Fir-rigward ta’ l-ewwel aspett, il-perċentwali tal-profitt għall-programm sħiħ, inkluż ir-reklamar, li jiġi mid-dħul tat-telefonati fuq in-numru msemmi, jipprovdi kriterju importanti ta’ evalwazzjoni.

82.   Iridu jiġu kkunsidrati wkoll is-sinjali indiretti, bħall-ħin iddedikat għall-preżentazzjoni tal-logħba u sabiex it-telespettaturi jiġu konvinti jipparteċipaw, billi jċemplu n-numru telefoniku indikat fuq l-iskrin, kif ukoll il-ħin iddedikat sabiex jintgħażel l-iffortunat li jrid jirrispondi d-domandi live; jiġifieri, l-isforz magħmul sabiex “jinbiegħ” il-prodott. L-Artikoli 18 u 18a tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri”, li jirregolaw kemm għandhom idumu l-ispots tar-reklami u tat-teleshopping, jipprovdu metodu utli għal dan l-iskop.

83.   Sabiex jiġi kkalkulat l-impatt finanzjarju tal-logħob in kwistjoni, hemm ċertu interess fin-natura tad-domandi li normalment isiru lit-telespettaturi billi, iktar ma jkunu faċli d-domandi, ikbar ikun in-numru tal-kompetituri potenzjali li jkunu jixtiequ jipparteċipaw, u b’hekk ikbar ikun id-dħul miksub b’dan il-mezz ta’ finanzjament.

84.   Għalhekk, kull persuna bi ftit dehen malajr tinduna jekk il-logħba in kwistjoni hijiex maħsuba għad-divertiment tal-pubbliku jew sempliċiment sabiex tikseb finanzjament għall-impriża awdjoviżiva tagħha, permezz ta’ bejgħ ta’ servizz.

85.   Fl-aħħar, il-perċentwali tat-telespettaturi tax-xandira li jċemplu n-numru tat-telefown indikat għall-parteċipazzjoni fil-logħba, jippermetti li wieħed jobsor in-natura awtentika tal-programm.

86.   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li, skond l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 89/522, ix-xandiriet jew partijiet mix-xandiriet fejn l-istazzjon tat-televiżjoni jistieden lit-telespettaturi jipparteċipaw fi tlugħ billi jċemplu direttament numru tat-telefown bi ħlas, u għalhekk b'titolu oneruż, għandhom jiġu kkunsidrati bħala forma ta’ “teleshopping”, jekk l-għan prinċipali tagħhom jikkonsisti fil-bejgħ tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-kriterji li jidhru fil-punti 77 sa 82 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, jiġifieri: a) l-għan ewlieni tax-xandira; b) il-piż ekonomiku tal-logħba; ċ) il-ħin iddedikat għaliha; d) in-numru tat-telespettaturi li jċemplu.

F –    Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ l-intenzjoni li jsir reklam

87.   Fl-eventwalità li l-ewwel domanda tiġi mwieġba f’sens negattiv, l-organu tar-rinviju jistaqsi, sussidjarjament, jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jistgħux, b’xi mod, jidħlu fil-kunċett ta’ reklamar fuq it-televiżjoni, fil-forma partikolari ta’ awtopromozzjoni, jiġifieri, bħala attività li biha l-istazzjon jippromwovi l-prodotti, is-servizzi, il-programmi jew il-kanali tiegħu stess (id-disgħa u tletin premessa tad-Direttiva 97/36).

88.   Din id-domanda preliminari hija differenti sew mill-ewwel domanda, differenza li ma ġietx indikata fin-nota ta’ osservazzjonijiet u li tirrigwarda l-portata sostanzjali tagħha minħabba li ma tirriferixxix għall-programm in kwistjoni jew għal partijiet minnu, imma għall-messaġġ veru u proprju, peress li xandira mhux pubbliċitarja tista’ tinkorpora tħabbir ta’ dan it-tip.(52) Din l-isfumatura hija determinati għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din id-domanda.

89.   Jekk jiġi deċiż li l-programm “Quiz Express” mhuwiex forma ta’ teleshopping, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala xandira rikreattiva.(53) F’dan il-kuntest, il-messaġġi li fihom jiġu indikati n-numru tat-telefown u l-metodu ta’ parteċipazzjoni fil-logħba mhumiex immirati sabiex jirreklamaw dan ta’ l-aħħar, imma sabiex jagħtu informazzjoni indispensabbli għal min irid jipparteċipa u għalhekk għall-produzzjoni; per definitionem l-informazzjoni mogħtija b’dan il-mod tkun utli għat-telespettatur fil-kuntest biss tax-xandira attwali. Fi kliem ieħor, fir-rigward tal-messaġġ bin-numru tat-telefown li wieħed għandu jċempel, din hija informazzjoni inseparabbli mix-xandira, intiża sabiex tiffaċilita l-iżvolġiment tagħha u mhux sabiex tippromwovi servizz kumplimentari.

90.   B’hekk il-messaġġ li jidher fuq l-iskrin matul ix-xandira “Quiz Express”, bl-indikazzjoni tan-numru tat-telefown li wieħed għandu jċempel sabiex jipparteċipa fil-logħba ta’ l-ażżard ma fihx skop ta’ reklamar, u għalhekk ma jistax jitqies bħala inkluż fl-Artikolu 1(c) tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri”.

VII – Konklużjoni

91.   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      tiddikjara lilha nnifisha inkompetenti li tirrispondi d-domandi preliminari tal-Bundeskommunikationssenat Awstrijak, billi dan mhuwiex organu ġudizzjarju skond l-Artikolu 234 KE;

2)      sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rinviju huwa ammissibbli, tiddikjara li:

“a)      skond l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/522/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, skond it-test tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, ix-xandiriet jew partijiet mix-xandiriet fejn l-istazzjon tat-televiżjoni jistieden lit-telespettaturi jipparteċipaw fi tlugħ billi jċemplu direttament numru tat-telefown bi ħlas, u għalhekk b’titolu oneruż, għandhom jiġu kkunsidrati bħala forma ta’ ‘teleshopping’, jekk l-għan prinċipali tagħhom jikkonsisti fil-bejgħ tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-kriterji li jidhru fil-punti 77 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri: a) l-għan ewlieni tax-xandira; b) il-piż ekonomiku tal-logħba; ċ) il-ħin iddedikat għaliha; d) in-numru tat-telespettaturi li jċemplu.

b)      Il-messaġġ li jidher fuq l-iskrin waqt programm televiżiv, li jindika n-numri tat-telefown sabiex wieħed jirċievi servizz bi ħlas, li t-telespettaturi għandhom iċemplu sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw għat-tlugħ ta’ premju organizzat mill-istazzjon tat-televiżjoni waqt l-istess programm, m’għandux skopijiet ta' reklamar imma ta’ informazzjoni biss u għalhekk ma jistax jitqies bħala inkluż fl-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 89/552”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Beigbeder, F., 99 francs, Ed. Grasset, Pariġi, 2000, jilmenta kif, għal min iħobb il-letteratura, ir-reklamar kien wieħed mill-agħar katastrofi ta’ dawn l-aħħar elfejn sena.


3 – Zola, E., Au bonheur des dames, Ed. Gallimard, kollezzjoni Folio, Pariġi, 1980, p. 480, jaqbel ma’ din ir-riflessjoni: “Minn filgħodu beda jikber l-għagħa. L-ebda ħanut, qabel dan iż-żmien, ma kien ħasad il-belt bl-istorbju tar-reklamar. Issa, il-ħwienet il-kbar Au Bonheur des dames qed jonfqu kważi sitt mitt elf frank fis-sena f’kartelluni, avviżi u reklami ta’ kull tip, in-numru ta’ katalgi mibgħuta jammonta għal erba’ mitt elf, mitt elf frank ieħor ġew investiti fil-wiri tal-prodotti. Kien hemm invażjoni totali tal-gazzetti, ta’ l-avviżi mwaħħla, ta’ widnejn in-nies, bħal li kieku d-daqq ta’ tromba ġganteska tal-bronż kien qiegħed iħabbar bi twerżiqa lill-erbat irjieħ il-miġja ta’ bejgħ kbir u ta’ l-offerti” [trad. libera. Għall-verżjoni Taljana wieħed jista’ jara “Al Paradiso delle signore”, Rizzoli ed., 1959].


4 – Per eżempju, it-tnedija pubbliċitarja tas-sistema operattiva ġdida tal-kumpannija Amerikana Microsoft saret f’39,000 post ta’ bejgħ f’45 pajjiż u swiet 500 miljun dollaru (www.zdnet.fr/actualites/informatique).


5 – ĠU L 298, p. 23.


6 – ĠU L 202, it-30 ta Lulju 1997, p. 60.


7 – Dawn l-abbonati jirċievu mingħand min jagħti dan is-servizz ta’ telekomunikazzjoni perċentwali ta’ l-ammont tal-kont tas-sejħa.


8 – Mit-test li jirriżulta mid-Direttiva 97/36.


9 – Dejjem skond it-test tad-Direttiva 97/36.


10 – BGBl nru 32 ta’ l-2001.


11 – Dan it-Tribunal, bis-sede tiegħu fi Vjenna, jagħmel stħarriġ ġudizzjarju fuq l-amministrazzjoni pubblika. Huwa jiddeċiedi rikorsi msejħin straordinarji, fejn tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ l-azzjoni amministrattiva, mingħajr ma jiddeċiedi l-fatti. Dan l-organu jiffunzjona bħala qorti amministrattiva ta’ kassazzjoni; jiffunzjona biss bħala garanti tal-legalità billi jelabora l-interpretazzjoni korretta tad-dritt, u huwa kompetenti sabiex jannulla l-atti amministrattivi għall-ksur tar-regoli tad-dritt, sostanzjali u proċedurali, kif ukoll għall-abbuż ta’ poter imma ma jistħarriġx mill-ġdid il-fatti.


12 – BGBl nru 51 ta’ l-1991.


13 – BGBl nru 83 ta’ l-2001, fit-test ta’ BGBl nru 159 ta’ l-2005


14 – Fid-digriet ta’ rinviju (punt 41) il-Bundeskommunikationssenat jirrimarka li għalkemm ÖRF ma kkomunikat ebda informazzjoni dwar l-ammont tal-qligħ, l-organu tar-rinviju jqis li m’hemmx dubju li, minħabba l-ftehim mal-kumpannija tat-telefown dwar dan, ÖRF kienet irċeviet somma konsiderevoli.


15 – Bħala eżempju, ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels (61/65, Ġabra p. 377); tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 23), u tat-2 ta’ Marzu 1999, Nour Eddline El-Yassini (C‑416/96, Ġabra p. I‑1209, punt 17).


16 –      Il-Kostituzzjoni Awstrijaka tiggarantixxi l-indipendenza tal-membri ta’ dan l-organu li mhumiex fil-maġistratura; fil-fatt l-Artikolu 20(2) jafferma li “fil-każ li, b’liġi federali jew reġjonali, jitwaqqaf organu kolleġjali ta’ l-aħħar grad li d-deċiżjonijiet tiegħu, skond dik il-liġi, mhumiex suġġetti għal tibdil jew tħassir b’mod amministrattiv u li jkun hemm fih ta’ l-anqas imħallef wieħed, lanqas il-membri l-oħra ta’ dan l-organu kolleġjali m’għandhom ikunu suġġetti għal struzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom”.


17 – Fejn wara ngħatat is-sentenza fid-29 ta’ Novembru 2001 (C‑17/00 Ġabra p. I‑9445).


18 – Bil-Ġermaniż,“Weisungsfreie Kollegialbehörde mit richterlichem Einschlag”.


19 – Din ir-regola teskludi mill-kompetenza tal-Verwaltungsgerichtshof “il-kwistjonijiet li fuqhom għandu jiddeċiedi organu kolleġjali fl-aħħar istanza, jekk skond il-liġi federali jew reġjonali li twaqqaf dak l-organu, il-membri tiegħu jinkludu ta’ l-anqas maġistrat; il-membri l-oħrajn ma jkunux sottomessi għall-istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom; id-deċiżjonijiet ta’ dan l-organu ma jistgħux jiġu annullati jew mibdula b’mod amministrattiv, u, indipendentement mill-fatt li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet preċedenti, ma tkunx espressament ammessa l-kontestazzjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof”.


20 – Konklużjonijiet tas-26 ta’ Ottubru 2006, C‑246/05, Häupl, għadha mhijiex deċiża b’sentenza, b’referenza għall-Oberster Patent-und Markensenat (organu superjuri dwar trademarks u privattivi).


21 – Fid-dawl tal-varjetà ta’ organi kolleġjali fl-Awstrija u ta’ l-eteroġeneità tar-regoli li jirregolaw it-twaqqif u l-funzjoni tagħhom m’għandhiex issir deduzzjoni awtomatika. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-passat, domandi preliminari proposti minn uħud minn dawn l-organi: is-sentenza tat-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagebau Austria et (C‑44/96, Ġabra p. I‑73) irrispondiet lill-Bundesvergabeamt, l-organu kompetenti għall-kwistjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi, mingħajr ma eżaminat l-istatus tiegħu ta’ organu ġudizzjarju; is-sentenza ta’ l-4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger (C‑103/97, Ġabra p. I‑1551), irrikonoxxiet din il-kwalità fil-konfront tat-Tiroler Landesvergabeamt (uffiċċju federali ta’ l-aġġudikazzjonijiet tal-Land tat-Tirol), l-istess bħas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI (C‑92/00, Ġabra p. I‑5553), fil-każ tal-Vergabekontrollsenat (kummissjoni tal-kontroll ta’ l-aġġudikazzjoni) tal-Land ta’ Vjenna.


22 – G175/95, VfSlg. 15.886.


23 – Sentenza ta’ l-24 ta’ Frar 1999 (B1625/98-32, VfSlg. 15.427).


24 – Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2001 (G141/00, VfSlg. 16.189).


25 – Sentenza tal-25 ta’ Settembru 2002 (B110/02 et, VfSlg. 16.625).


26 – Kif enfasizzajt fil-Konklużjonijiet li wasslu għas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Emanuel (C‑259/04, Ġabra p. I‑3089, punt 26).


27 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2002 (C‑516/99, Ġabra p. I‑4573).


28 – Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005 (C‑53/03 Ġabra p. I‑4609).


29 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (kawżi magħquda minn C‑110/98 sa C‑147/98, Ġabra p. I‑1577).


30 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C‑67/91, Ġabra p. I‑4785).


31 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007 (kawżi magħquda C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


32 – Fil-Konklużjonijiet tat-13 ta’ Frar 2007, dwar il-kawża Gintec (C‑374/05, li għadha ma ġietx deċiża b’sentenza) ġbidt l-attenzjoni fuq ir-riskji għas-saħħa pubblika marbuta ma’ l-użu ta’ metodi bħal-logħob ta’ l-ażżard għar-reklamar tal-mediċini (punt 72).


33 – Fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031), ġie ddikjarat li regoli nazzjonali − f’dan il-każ dawk Taljani − li jipprojbixxu, b’sanzjoni kriminali, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fil-qasam tal-logħob ta’ l-ażżard fil-konfont ta’ min m’għandux permess jew awtorizzazzjoni ta’ sigurtà pubblika mogħtija mill-Istat, jikkostitwixxu restrizzjoni fuq iż-żewġ libertajiet imsemmija (punt 59 u d-dispożittiv). Dan il-ġudizzju ġie kkonfermat fis-sentenza Placanica et (punt 71 u d-dispożittiv).


34 – L-Artikolu 1(5), tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KEE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, p. 1), teskludi mill-qasam ta’ applikazzjoni tagħha “attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob ta’ l-ażżard”.


35 – Huizinga, J., f’Homo ludens, Ed. Alianza, Madrid, 1990, isostni li l-kultura umana titwieled u tiżviluppa fil-logħob. Huwa jispjega li, meta ndunajna li l-isem homo sapiens ma tantx kien jixraq għal din l-ispeċi kif kien maħsub fil-bidu, għaliex fil-verità l-bniedem mhuwiex daqshekk razzjonali kif kienu jaħsbu b’ottimiżmu inġenwu fis-seklu XVIII, żdied l-isem ta’ homo faber għall-bniedem. Madankollu, skond l-awtur, din l-aħħar definizzjoni inqas tixraq mill-ewwel waħda għaliex tiġi applikata għal ħafna annimali. Għalhekk, huwa jipproponi li jżid l-isem homo ludens għaliex, għalkemm hemm ħafna annimali li jilagħbu, il-funzjoni tal-logħob hija fundamentali daqs dik tal-fabbrikazzjoni u l-imġiba kollha tal-bniedem mhija xejn ħlief logħba.


36 – Fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, Ġabra p. I‑1039), l-attività ta’ lotterija ġiet deskritta bħala servizzi mogħtija mill-organizzatur tal-lotterija fejn l-akkwirenti tal-biljetti jipparteċipaw f’logħba li toffrilhom it-tama ta’ rebħ, filwaqt li jiġi ggarantit għal dan l-iskop il-ġbir tal-flus milgħuba, l-organizzazzjoni tat-tlugħ, id-determinazzjoni u l-ħlas tal-premjijiet. Il-korrispettiv ta’ dawn is-servizzi huwa kkostitwit mill-prezz tal-biljett (punti 27 u 28).


37 – Dan l-argument huwa impliċitu fil-punti 95 sa 98 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Placanica et, li diġà saret referenza għalihom.


38 – Sentenza Schindler, iċċitat fuq (punti 19, 25 u 34).


39 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punti 18 u 27.


40 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punti 48 u 52).


41 – Għal referenzi iktar dettaljati nirreferi għall-punt 97 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Placanica et.


42 – Fil-punti 14 u 15 tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, Ġabra p. I‑7289) jiġu elenkati wħud minn dawn l-għanijiet.


43 – Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997 (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689).


44 – Fis-sentenza ġie rrilevat: “għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-provvista libera tas-servizzi, dawn, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schindler dwar l-organizzazzjoni tal-lotteriji, japplikaw għal attività li tikkonsisti f’li l-utenti jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħba bi skop ta’ gwadann. B’hekk, din l-attività tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat [li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE] jekk minn ta’ l-inqas wieħed minn dawk li jagħtu s-servizz huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn jiġi offrut is-servizz”.


45 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996 (kawżi magħquda C‑320/94, C‑328/94, C‑329/94, C‑338/94 u C‑339/94 Ġabra p. I‑6471).


46 – Retterer, S., Le télé-achat: une vente aux apparences publicitaires protégée des réglementations nationales, “Droit de la consommation”, Ed. Juris-Classeur, hors série, Diċembru 2000, p. 306.


47 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p. 19).


48 – Ma jidhirx li l-ispiża tat-telefonata tiġi indikata.


49 – L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/7, jiddefinixxi l-kuntratti mill-bogħod b’dan il-mod: “kull kuntratt li jikkonċerna oġġetti jew servizzi konklużi bejn fornitur u konsumatur fi skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew proviżjoni ta’ servizzi magħmul mill-fornitur, li, għall-għanijiet tal-kuntratt, jagħmel użu esklussiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod sal-ħin li l-kuntratt ikun konkluż”.


50 – Biżżejjed ftit minuti zapping tat-televiżjoni sabiex wieħed jiddejjaq b’xandiriet sportivi u ta’ varjetà fejn it-telespettaturi jiġu mistiedna jilagħbu u jirbħu premju, mingħajr ma dan ikollu impatt fuq in-natura vera tal-programm.


51 – Dan il-prinċipju jirriżulta mill-Artikolu 11(5) tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” li jipprojbixxi li jiddaħħlu reklami u teleshopping matul ix-xandiriet tal-funzjonijiet reliġjużi kif ukoll matul l-aħbarijiet, id-dokumentarji u l-programmi għat-tfal li jdumu anqas minn tletin minuta.


52 – Il-Kummissjoni indikat din il-possibbiltà fil-punti 21 u 41 tal-Komunikazzjoni interpretattiva tagħha fuq xi wħud mill-aspetti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” dwar ir-reklamar televiżiv (ĠU 2004, C 102, p. 2), meta jissemmew il-mini-spots u meta l-iskrin jinqasam, li jikkonsisti fix-xandir simultanju jew parallel tal-kontenut editorjali u tal-kontenut tar-reklamar


53 – Fil-punti 41 sa 44 iktar ’il fuq urejt id-diffikultajiet inerenti fil-klassifikazzjoni tal-“Gewinnspiel” fil-kawża prinċipali bħala kompetizzjoni televiżiva.

Top