Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0002

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 24 ta' April 2007.
    Willy Kempter KG vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
    Esportazzjoni ta’ ifrat - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Deċiżjoni amministrattiva finali - Interpretazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja - Effett ta’ sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara din id-deċiżjoni - Eżami mill-ġdid u revoka - Limiti temporali - Ċertezza legali - Prinċipju ta’ kooperazzjoni - Artikolu 10 KE.
    Kawża C-2/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:245

    KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fl-24 ta’ April 2007 ( 1 )

    Kawża C-2/06

    Willy Kempter KG

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas

    “Esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Deċiżjoni amministrattiva finali — Interpretazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Effett ta’ sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara din id-deċiżjoni — Eżami mill-ġdid u revoka — Limiti temporali — Ċertezza legali — Prinċipju ta’ kooperazzjoni — Artikolu 10 KE”

    I — Introduzzjoni

    1.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinsab fl-estensjoni ta’ dak li wassal għas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz ( 2 ). Għalhekk, il-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kontenut u l-portata ta’ din is-sentenza.

    2.

    L-ewwel nett, hija tfittex li ssir taf jekk l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, intiża sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju adottata f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja, jippresupponi li r-rikorrent kien invoka d-dritt Komuntarju fil-kuntest tar-rikors tiegħu quddiem il-qorti nazzjonali.

    3.

    Il-qorti tar-rinviju wara tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk il-possibbiltà li titlob l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li hija kontra d-dritt Komunitarju għandhix limiti temporali.

    4.

    Wara li ġie stabbilit l-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li kisbu karattru definittiv u li huma in kontradizzjoni mad-dritt Komunitarju hekk kif interpretat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser neżamina dawn iż-żewġ domandi wara xulxin.

    5.

    L-ewwel nett, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li, sabiex tiġi sodisfatta, il-kundizzjoni żviluppata fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, skond liema d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottat mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, ma tippresupponix li r-rikorrent fil-kawża prinċipali invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

    6.

    It-tieni nett, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv wara l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza, ikollha, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, limitu temporali. Huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw, skond il-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, it-terminu li fih din it-talba għandha tiġi ppreżentata.

    II — Il-kuntest ġuridiku

    A — Id-dritt Komunitarju

    1. L-Artikolu 10 KE

    7.

    Skond l-Artikolu 10 KE:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali sabiex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

    Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat”.

    8.

    Fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li ser nanalizza iktar fid-dettall fl-iżviluppi ulterjuri tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-prinċipju ta’ kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE jimponi fuq korp amministrattiv, li quddiemu tressqet talba f’dan is-sens, l-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva finali sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti adottata f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja meta:

    jiddisponi, skond id-dritt nazzjonali, mis-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni;

    id-deċiżjoni in kwistjoni tkun saret finali minħabba sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza;

    l-imsemmija sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, u

    il-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza”.

    2. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87

    9.

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli ( 3 ), huwa fformulat kif ġej:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 16, il-ħlas tar-rifużjoni huwa suġġett għall-prova li l-prodotti, li tagħhom tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ikunu, mhux aktar tard mit-terminu ta’ sittin jum minn din l-aċċettazzjoni, telqu mit-territorju tal-Komunità fl-istat oriġinali tagħhom”.

    10.

    L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li:

    “Il-ħlas tar-rifużjoni ddifferenzjata jew mhux iddifferenzjata huwa suġġett, barra mill-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità, għall-kundizzjoni li l-prodott kien, ħlief fil-każ li jitħassar meta jkun qed jiġi ttrasportat minħabba forza maġġuri, importat f’pajjiż terz u, fejn ikun il-każ, f’pajjiż terz speċifiku fit-tnax-il xahar wara d-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni:

    a)

    meta jkun hemm dubji serji fir-rigward tad-destinazzjoni reali tal-prodott

    […]”

    11.

    Dan l-aħħar artikolu fih kontenut analogu għal dak tal-predeċessur tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2730/79, tad-29 ta’ Novembru 1979, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli ( 4 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tinterpreta.

    12.

    Għalhekk, fis-sentenza tagħha ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kundizzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2730/79 jistgħu biss jiġu imposti qabel l-għoti tar-rifużjoni ta’ l-esportazzjoni. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jirriżulta biżżejjed mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, skond liema l-ħlas huwa “suġġett […] għall-kundizzjoni li l-prodott kien […] importat f’pajjiż terz”, kif ukoll mid-disa’ premessa ta’ dan ir-regolament, ifformulata bl-istess kliem ( 6 ).

    B — Id-dritt nazzjonali

    13.

    Fid-dritt Ġermaniż, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 48(1) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”), tal-25 ta’ Mejju 1976 ( 7 ), jipprevedi li anki jekk dan ma jistax jiġi iktar ikkontestat, att amministrattiv irregolari jista’ jiġi rtirat kollu kemm hu jew parzjalment, b’effett fil-futur jew b’effett retroattiv.

    14.

    Skont il-ġurisprudenza Ġermaniża, l-awtorità amministrattiva għandha bħala regola ġenerali setgħa diskrezzjonali li tirtira att amministrattiv illegali li jkun sar finali. Skond din il-ġurisprudenza, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 48(1) tal-VwVfG jagħti d-dritt għar-revoka ta’ dan l-att fil-każ eċċezzjonali fejn iż-żamma tiegħu hija “sempliċement insostenibbli” fid-dawl tal-kunċetti ta’ ordni pubbliku, ta’ bona fede, ta’ ekwità, ta’ trattament ugwali jew ta’ illegalità manifesta.

    15.

    Barra minn dan, l-Artikolu 51 tal-VwVfG jirrigwarda l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri magħluqa b’att amministrattiv inkontestabbli. L-Artikolu 51(1) tal-VwVfG jipprevedi li l-awtorità kkonċernata trid, fuq talba tal-persuna kkonċernata, tiddeċiedi fuq l-annullament jew il-modifika ta’ att amministrattiv finali:

    jekk is-sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt li wasslet għall-att amministrattiv ġie emendat favur il-persuna kkonċernata;

    jekk jeżistu elementi ġodda ta’ prova li kieku kienu jwasslu għal deċiżjoni aktar favorevoli għall-persuna kkonċernata;

    jekk jeżistu raġunijiet għar-reviżjoni skond l-Artikolu 580 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung).

    III — Il-fatti u l-proċedura tal-kawża prinċipali

    16.

    Matul is-snin 1990 sa 1992, Willy Kempter KG (iktar ’il quddiem “Kempter” jew “l-applikanta”) esportat ifrat lejn numru ta’ pajjiżi Għarab u l-ex-Jugoslavja. Għal dan, hija applikat għal u rċeviet rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mingħand il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”).

    17.

    Matul inkjesta, il-Betriebsprüfungsstelle Zoll (Ispettorat tad-Dwana) ta’ l-Oberfinanzdirektion (dipartiment reġjonali tal-finanzi) ta’ Fribourg ikkonstata li ċerti annimali kienu mejta jew kienu maqtula b’riżultat ta’ miżuri ta’ emerġenza matul it-trasport jew matul il-kwarantina fil-pajjiż ta’ destinazzjoni.

    18.

    Għalhekk, b’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995, il-Hauptzollamt talab mingħand Kempter ir-rimbors tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lilha mħallsa, għal ammont li jilħaq 360022.62DEM.

    19.

    B’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1999, il-Finanzgericht ta’ Hamburg ċaħdet ir-rikors magħmul kontra din id-deċiżjoni mill-applikanta, minħabba li hija ma ġabitx il-prova li l-annimali kienu importati f’pajjiż terz, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87.

    20.

    L-appell magħmul kontra din id-deċiżjoni minn Kempter ġie miċħud bid-digriet tal-Bundesfinanzhof tal-11 ta’ Mejju 2000.

    21.

    Fl-14 ta’ Diċembru 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha, nixtieq infakkar, hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-kundizzjoni tal-ħlas tar-rifużjoni ddifferenzjata jew mhux iddifferenzjata skond liema l-prodott kellu jkun, ħlief fil-każ li jitħassar meta jkun qed jiġi ttrasportat minħabba forza maġġuri, importat f’pajjiż terz u, fejn ikun il-każ, f’pajjiż terz speċifiku jistgħu biss jiġu imposti qabel l-għoti ta’ din ir-rifużjoni.

    22.

    Fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, il-Bundesfinanzhof applikat l-interpretazzjoni li ħarġet mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta rreferiet għas-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq.

    23.

    B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2002, Kempter talbet lill-Hauptzollamt il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u r-revoka tad-deċiżjoni tar-rimbors tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. In sostenn ta’ din it-talba, Kempter qieset li s-sitwazzjoni ġuridika f’dan iż-żmien evolviet. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq is-sentenza mogħtija mill-Bundesfinanzhof fil-21 ta’ Marzu 2002, fejn hija tafferma li saret taf fl-1 ta’ Lulju 2002 bi faks trasmess lilha mill-kumpannija SAB.

    24.

    Il-Hauptzollamt ċaħad din it-talba bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2002, fejn enfasizza li din il-bidla fil-ġurisprudenza ma timplikax bidla fid-dritt li waħedha tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura skond l-ewwel punt ta’ l-Artikolu 51(1) tal-VwVfG. Ir-rikors amministrattiv ta’ l-applikanta kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2003.

    25.

    Sussegwentement, Kempter fetħet proċeduri quddiem il-Finanzgericht Hamburg fis-26 ta’ April 2004, fejn hija sostniet b’mod partikolari li, f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, kienu sodisfatti u li, konsegwentement, id-deċiżjoni tar-rimbors ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995 kellha tiġi revokata.

    IV — Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

    26.

    Fid-deċiżjoni tagħha għal rinviju, il-Finanzgericht Hamburg ikkonstatat l-ewwel nett li l-partijiet għandhom l-istess opinjoni fejn, fid-dawl tas-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tar-rimbors ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995 għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali. Madankollu, dawn ma jaqblux fuq il-kwistjoni li jkunu jafu jekk, sabiex tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, il-Hauptzollampt huwa obbligat jeżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni li kisbet karattru definittiv qabel ma ngħatat din is-sentenza.

    27.

    Fir-rigward ta’ l-erba’ kundizzjonijiet elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq ( 8 ), il-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel tnejn huma sodisfatti. Fil-fatt, il-Hauptzollamt jiddisponi, skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 48(1) tal-VwVfG mis-setgħa li jirritorna fuq id-deċiżjoni ta’ rimbors. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni issir finali konsegwentement għal deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ( 9 ).

    28.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet kundizzjoni fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, hijiex sodisfatta. Skond din il-kundizzjoni, is-sentenza mogħtija minn qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza għandha, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, tkun ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarja adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE.

    29.

    Skond il-Finanzgericht Hamburg, jekk din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li rikorrent għandu jkun beda proċeduri kontra l-att amministrattiv billi jibbaża ruħu fuq id-dritt Komunitarju, u li l-qorti nazzjonali tkun ċaħdet dan mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iwassal sabiex tiċħad ir-rikors ta’ l-applikanta. Fil-fatt, interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3665/87, ma ġiet invokata la quddiem il-Finanzgericht la quddiem il-Bundesfinanzhof.

    30.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li tista’ tiddeduċi mis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li, fil-kawża li wasslet għaliha, ir-rikorrenti lanqas kienet talbet li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn dan, hija tikkunsidra li jekk il-qrati nazzjonali ma għarfux l-importanza ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, mhemmx għalfejn tingħata interpretazzjoni stretta fir-rigward tal-parti li sofriet dannu.

    31.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-portata tar-raba’ kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri dik skond liema l-persuna kkonċernata għandha tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    32.

    F’dan ir-rigward, il-Finanzgericht Hamburg tispjega li l-kawża prinċipali tippreżenta l-partikolarità li hija b’ittra tas-16 ta’ Settembru 2002, jiġifieri 19-il xahar wara s-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2000, li Kempter talbet lill-Hauptzollamt ir-revoka tad-deċiżjoni ta’ rimbors fl-10 ta’ Awwissu 1995.

    33.

    Wara, hija tagħti l-opinjoni li t-terminu sabiex tintalab reviżjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva finali għandha tkun marbuta ma’ l-għarfien reali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-persuna kkonċernata. Hija tindika wkoll li fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-avverbju “immedjatament” użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, din il-kelma tirreferi għal element ta’ kawżalità fid-dritt Ġermaniż ( 10 ). Għalhekk, il-Finanzgericht Hamburg lesta li tifhem din il-kelma fis-sens ta’ “mingħajr dewmien” jew ta’ “mingħajr dewmien doluż”. Minn din il-perspettiva, jeħtieġ, fil-fehma tagħha, li jiġi kkunsidrat li talba għal eżami mill-ġdid ppreżentata tliet xhur minn meta saret magħrufa l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tissodisfa r-raba’ kundizzjoni stabbilita minn din ta’ l-aħħar fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq.

    34.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, bl-iktar mod ġenerali, jekk il-possibbiltà li tikkoreġi deċiżjoni amministrattiva fis-seħħ li tikser id-dritt Komunitarju għandhiex limitu temporali għal raġunijiet ta’ ċertezza legali jew jekk, viċi versa, hijiex illimitata fiż-żmien.

    35.

    Safejn l-amministrazzjoni għandha tapplika l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari għar-relazzjonijiet ġuridiċi fis-seħħ qabel din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ma tarax għalfejn il-possibbiltà li titlob, abbażi tas-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, ir-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li għandha karattru definittiv u li tikser id-dritt Komunitarju għandha eċċezzjonalment ikollha limitu temporali.

    36.

    Konsegwentement, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq iż-żewġ domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, intiżi sabiex tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni Komunitarja rilevanti adottata sa dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja, jippresupponu li l-persuna kkonċernata kkontestat din id-deċiżjoni quddiem qorti billi invokat id-dritt Komunitarju?

    2)

    Minbarra l-kundizzjonijiet iffissati fis-sentenza [Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq], il-possibbiltà li jintalbu l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li tmur kontra d-dritt Komunitarju hija suġġetta għal limitu fiż-żmien?”

    V — Analiżi

    A — Rimarki preliminari fuq il-pożizzjoni ġuridika preżenti

    37.

    Qabel ma nipproponi l-analiżi tiegħi fuq iż-żewġ domandi preliminari, jidhirli li hija neċessarja l-analiżi ta’ l-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li kisbu karattru definittiv u li huma in kontradizzjoni mad-dritt Komunitarju hekk kif interpretat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, inkun nista’ nidentifika s-sitwazzjonijiet differenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-mod kif din saret taf dwarhom u l-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjoni li s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, tkopri.

    38.

    L-ewwel nett nikkonstata li, lil hinn mid-differenzi bejn l-ipoteżi differenti ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet nazzjonali finali, l-idea prinċipali ta’ din il-ġurisprudenza hija kkostitwita mill-importanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    39.

    Aċċettat għal żmien twil mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 11 ), il-prinċipju ta’ ċertezza legali jippreżenta natura ambivalenti sa fejn jassigura kemm il-kwalità u l-integrità tar-regola kif ukoll l-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi ( 12 ).

    40.

    Huwa dan il-bżonn ta’ stabbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li tinsab fil-qalb ta’ l-inkwiet espress mill-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ sentenzi reċenti.

    41.

    Sa fejn jikkontribwixxi għal dan il-bżonn ta’ stabbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi, il-prinċipju ta’ res judicata huwa suġġett għal viġilanza partikolari minn naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    42.

    Għalhekk, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler ( 13 ), bi tweġiba għall-argumenti ta’ ċerti gvernijiet li invokaw il-prinċipju ta’ res judicata in sostenn tal-pożizzjoni li tgħid li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju ma jistax ikun applikat għad-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali li tiddeciedi fl-aħħar istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ħafna fuq l-importanza tal-prinċipju ta’res judicata. Hija kkunsidrat li, “sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal appell” ( 14 ). Hija żżid ukoll li “l-għarfien tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat mid-deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza m’għandhux il-konsegwenza li jikkontesta r-res judicata ta’ din id-deċiżjoni [sa fejn] proċedura bil-għan li tiddetermina r-responsabbiltà ta’ l-Istat m’għandhiex l-istess suġġett u mhux bilfors timplika l-istess partijiet li wasslu għad-deċiżjoni li saret res judicata” ( 15 ) u għaliex, f’kull każ, hija ma timplikax ir-reviżjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkawżat id-dannu.

    43.

    Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet enfasizzat mill-ġdid fuq il-bżonn ta’ l-istabbiltà tad-deċiżjonijiet ġuridiċi finali u fuq l-importanza li għandu għal dan il-għan, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Kommunità kemm fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-prinċipju ta’ res judicata ( 17 ). Hija tiddeduċi, meta tirreferi wkoll għas-sentenza tagħha ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999 Eco Swiss ( 18 ), il-prinċipju li skond dan “id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta’ proċedura li jikkonferixxu lil deċiżjoni l-kwalità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni in kwistjoni” ( 19 ).

    44.

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, u din id-darba fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi finali, is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, ippermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tesponi l-mod kif ser tgħaqqad il-bżonnijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-effett retroattiv ta’ dawn is-sentenzi preliminari ma dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali flimkien mal-prinċipju ta’ res judicata.

    45.

    F’din il-kawża, il-problema kienet, b’mod partikolari, jekk l-obbligu ta’ l-awtorità nazzjonali li tapplika regola ta’ dritt Komunitarju hekk kif interpretat mill-istess Qorti tal-Ġustizzja għal rapporti ġuridiċi li ġew fis-seħħ u kkostitwiti qabel l-intervent tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal interpretazzjoni setax jiġi impost minkejja l-karattru definittiv ta’ deċiżjoni amministrattiva li ngħatat qabel ma kienet mitluba r-reviżjoni ta’ din sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    46.

    Waqt li tfakkar li ċ-ċertezza legali tinsab f’numru ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u li l-karattru definittiv ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba ma’ l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli jew wara li jkunu ntużaw ir-rimedji legali kollha disponibbli, li jikkontribwixxu għal din iċ-ċertezza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li “d-dritt Komunitarju ma jeżiġix li korp amministrattiv ikun, bħala regola ġenerali, obbligat jikkunsidra mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet karattru definittiv” ( 20 ).

    47.

    Għaldaqstant, it-ton ta’ l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ċar: fir-rigward tal-bżonnijiet tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-regola hija li awtorità nazzjonali m’għandhiex, skond id-dritt Komunitarju, tbiddel deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv. Hija m’għandhiex l-obbligu li teżamina mill-ġdid u, skond il-każ, li eċċezzjonalment tbiddel deċiżjoni bħal din, f’ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tirrestrinġi b’mod limitat.

    48.

    Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha strettament fuq il-kuntest fattwali tal-kawża in eżami. Hija elenkat għalhekk erba’ “ċirkustanzi” li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali u li, flimkien, iwasslu, permezz ta’ l-Artikolu 10 KE, għall-obbligu ta’ eżami mill-ġdid mill-korp amministrattiv li quddiemu tressqet talba għal eżami mill-ġdid. Għandhom jiġu mfakkra ċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra kemm fil-motivi tas-sentenza tagħha kif ukoll fil-parti operattiva tagħha:

    id-dritt nazzjonali jagħti lill-korp amministrattiv is-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni amministrattiva finali;

    din id-deċiżjoni saret finali wara sentenza tal-qorti nazzjonali fl-aħħar istanza;

    din is-sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottat mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, u

    il-persuna kkonċernata kkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li saret taf b’din il-ġurisprudenza.

    49.

    Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f’dawn] iċ-ċirkustanzi, il-korp amministrattiv ikkonċernat huwa fl-obbligu, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE, li jeżamina mill-ġdid [deċiżjoni amministrattiva finali] sabiex tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju adottat f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja. [Barra minn dan, dan] il-korp għandu jiddetermina, fid-dawl tar-riżultati ta’ dan l-eżami mill-ġdid, kif għandu jiddeċiedi, mingħajr ma jippreġudika l-interessi ta’ terzi, fuq id-deċiżjoni in kwistjoni” ( 21 ).

    50.

    Is-soluzzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, setgħat tqajjem ċerti mistoqsijiet.

    51.

    Id-distinzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn l-eżami mill-ġdid u r-revoka tad-deċiżjoni amministrattiva finali setgħat twassal sabiex tifhem is-soluzzjoni li rriżultat minn din is-sentenza bħala li tfisser li l-obbligu li tħabbar jirrigwarda biss l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni u li l-korp amministrattiv kompetenti huwa suġġett għall-osservanza tar-regoli ta’ proċedura kollha li jirrigwardaw ir-revoka ta’ deċiżjoni bħal din fid-dritt nazzjonali tiegħu. Skond dan il-qari tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-korp amministrattiv kompetenti għandu, skond l-Artikolu 10 KE, jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva finali, iżda għandu, anki jekk jirriżulta minn dan l-eżami mill-ġdid li din id-deċiżjoni hija kuntrarja għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju żviluppat wara mill-Qorti tal-Ġustizzja u minkejja li ċ-ċirkustanzi l-oħra msemmija f’din is-sentenza huma preżenti, jirrifjuta li jirrevoka din id-deċiżjoni jekk id-dritt nazzjonali tiegħu jagħtih marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

    52.

    Jiena ma naħsibx li tali interpretazzjoni tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tiġi aċċettata. F’dan ir-rigward, naqbel ma’ l-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li fil-fehma tagħha, din is-sentenza għandha tiġi interpretata fis-sens li l-korp amministrattiv kompetenti, meta awtorizzat mid-dritt nazzjonali li jirrevoka deċiżjoni amministrattiva finali u fiċ-ċirkustanzi preċiżament deskritti f’din is-sentenza, għandu xorta waħda, skond l-Artikolu 10 KE, jipproċedi għar-revoka jekk jirriżulta mill-eżami mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni li din saret inkompatibbli ma’ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan iż-żmien ( 22 ).

    53.

    Fil-fatt, jiena ta’ l-opinjoni li, meta fformulat il-punt 27 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tippreċiża li jekk, skond l-Artikolu 10 KE u fiċ-ċirkustanzi msemmija, l-eżami mill-ġdid isir obbligatorju għall-korp amministrattiv kompetenti, minn naħa l-oħra r-revoka tad-deċiżjoni amministrattiva finali kkontestata m’għandhiex natura awtomatika, billi tiddependi preċiżament mir-riżultat ta’ l-eżami mill-ġdid.

    54.

    Fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, tista’ tinftehem id-differenza fis-sinjifikat stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni bħal din. Fil-fatt, fl-applikazzjoni ta’ din is-sentenza, il-korp amministrattiv kompetenti għandu, matul l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni amministrattiva jitlob ir-rimbors tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mħallsa, jiddetermina jekk jeżistix għal kull oġġett esportat, f’dan il-każ partijiet ta’ għasafar, dritt għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u, fil-każ ta’ risposta pożittiva, għal liema ammont. Dan l-eżami mill-ġdid jikkonsisti fl-applikazzjoni, fir-rigward tal-kawża, ta’ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 1994, Voogd Vleesimport en -export ( 23 ), jiġifieri li “[koxxa] li magħha tibqa’ mwaħħla parti mid-dahar […] tikkwalifika bħala koxxa, skond is-subintestaturi 02.02 B II e) 3 tan-nomenklatura l-qadima u 0207 41 51 000 tal-ġdida, jekk din il-parti tad-dahar mhijiex kbira biżżejjed sabiex tagħti lill-prodott l-karatteristika essenzjali” ( 24 ) u sabiex twassal għall-konsegwenzi għall-oġġetti kollha esportati.

    55.

    Fl-opinjoni tiegħi, f’sitwazzjoni bħal din, l-Artikolu 10 KE għalhekk jobbliga lill-korp amministrattiv jirrevoka d-deċiżjoni amministrattiva tiegħu sa fejn hu meħtieġ għat-teħid in kunsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-eżami mill-ġdid. Jiena ta’ l-opinjoni li dan kien li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tfisser meta ppreċiżat fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, l-għan ta’ l-obbligu ta’ l-eżami mill-ġdid, jiġifieri “t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti [tad-dritt Komunitarju] adottat f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja” ( 25 ).

    56.

    Għaldaqstant, ir-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tadotta f’din is-sentenza, li jikkonsisti fl-għoti ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10 KE b’rabta stretta maċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, wassal għal mistoqsijiet fir-rigward tal-portata ta’ din is-sentenza. Uħud staqsew jekk kinitx sentenza awtorevoli jew biss sentenza dwar fatti speċifiċi, kif setgħet tħalli x’tifhem ir-referenza espressa u ripetuta għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

    57.

    Il-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat, sa ċertu punt, li jitqajmu wħud minn dawn id-domandi. Fil-fatt, meta tirreferi numru ta’ drabi għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, u billi tpoġġi ċ-“ċirkustanzi” elenkati fiha fuq il-livell ta’ “kundizzjonijiet”, il-Qorti tal-Ġustizzja qisha trid li din is-sentenza tkun ikkunsidrata bħala punt ta’ referenza fil-ġurisprudenza tagħha, separata mill-elementi fattwali u mid-dritt nazzjonali tal-kawża li wasslet għaliha.

    58.

    Fis-sentenza tagħha Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-“kundizzjoni” li permezz tagħha l-korp ikkonċernat jiddisponi mis-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni finali ( 26 ). Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq li “l-korp amministrattiv responsabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva huwa fl-obbligu, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE, li jeżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni, u eventwalment ibiddilha, jekk jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet” ( 28 ).

    59.

    Jirriżulta minn dan li s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, tidher prinċipalment intiża sabiex tittratta sitwazzjoni preċiża, jiġifieri dik ta’ eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv wara l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr mal-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza rrinvijat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, kuntrarjament għal dak li jipprevedi t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE ( 29 ). Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kapferer kif ukoll i-21 Germany u Arcor jikkonfermaw din il-klassifikazzjoni sa fejn dawn jirreferu għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex jitbiegħdu minnha b’mod aħjar, u dan b’mod ftit jew wisq nett ( 30 ).

    60.

    Għalhekk, fis-sentenza tagħha Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għall-inqas tidher iktar prudenti fir-rigward tal-possibbiltà li tittrasponi l-prinċipji żviluppati fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, rigward deċiżjoni amministrattiva finali fil-kuntest ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret finali ( 31 ). Jekk hija tirreferi bi prekawzjoni għall-ewwel kundizzjoni prevista f’din is-sentenza, jiġifieri l-eżistenza, skond id-dritt nazzjonali, fil-korp amministrattiv ikkonċernat, tas-setgħa li tbiddel deċiżjoni li adottat qabel, dan huwa sabiex tikkonstata mill-ewwel li din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq.

    61.

    Fir-rigward tas-sentenza i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, din tesprimi b’mod ċar ir-rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tittrasponix l-prinċipji li jinsabu fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni fejn dak li jitlob ir-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali m’għamilx użu mid-dritt tiegħu li jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni. Għandhom jiġu mfakkra fil-qosor il-kuntest fattwali u ġuridiku li fih ingħatat din is-sentenza, sabiex tinftiehem id-differenza fl-approċċ li tevidenzja meta mqabbla mas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq. Din id-deskrizzjoni hija iktar u iktar bżonnjuża peress illi, fil-kawża li wasslet għas-sentenza i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, bħal fil-kawża li qed nikkunsidraw, id-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti hija l-Artikolu 48(1) tal-VwVfG.

    62.

    Żewġ impriżi tat-telekomunikazzjoni, i-21 u Arcor, raw imposti fuqhom il-ħlas ta’ taxxi skond il-liċenzja individwali tagħhom tat-telekomunikazzjoni. Huma kienu ħallsu dawn it-taxxi mingħajr ma kkontestawhom u ma ppreżentawx rikors fit-terminu ta’ xahar minn meta ġew innotifikati b’dawn l-istimi ta’ taxxa. L-ammont ta’ dawn it-taxxi kien ibbażat fuq il-ġbir antiċipat ta’ l-ispejjeż amministrattivi ġenerali ta’ l-awtorità regolatorja fuq perijodu ta’ 30 sena.

    63.

    Fil-kuntest tar-rikors għall-annullament ta’ l-istima tat-taxxa kkontestata fit-terminu mogħti, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li r-regolament dwar it-taxxi fuq il-liċenzji tat-telekomunikazzjoni kien kontra l-kostituzzjoni Ġermaniża, u kkonfermat l-annullament ta’ l-istima kkonċernata. Wara din is-sentenza, i-21 u Arcor talbu b’eżitu negattiv ir-rimbors tat-taxxi li kienu ħallsu. Kull wieħed minnhom ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht li caħdet dawn minħabba li l-istimi tagħhom tat-taxxa kienu saru finali u li ma kienx hemm għalfejn titbiddel, f’dan il-każ, iċ-ċaħda tal-korp amministrattiv li jirrevoka dawn l-istimi.

    64.

    Peress li l-Verwaltungsgericht wettqet żball ta’ dritt fir-rigward kemm tad-dritt nazzjonali kemm tad-dritt Komunitarju, i-21 u Arcor wara ppreżentaw talba għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

    65.

    Din il-qorti nazzjonali fittxet li tagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, hija talbitha tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni ( 32 ), jipprojbixxix l-applikazzjoni, għal-liċenzji individwali, ta’ taxxa kkalkulata b’kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-korp regolatorju marbuta ma’ l-infurzar ta’ dawn il-liċenzji fuq perijodu ta’ 30 sena, kwistjoni li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tat tweġiba pożittiva.

    66.

    It-tieni nett, il-Bundesverwaltungsgericht riedet tkun taf jekk l-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu r-revoka ta’ l-istima tat-taxxa li ma kinux ikkontestati fit-terminu previst mid-dritt nazzjonali, fil-każ fejn dan l-istess dritt jawtorizza revoka bħal din iżda ma jitlobiex.

    67.

    Jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li din il-qorti talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk l-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 kellhomx bħala effett li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtorità nazzjonali li tirregola r-revoki ta’ l-istimi tat-taxxa ( 33 ), fir-rigward, b’mod partikolari, għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq ( 34 ).

    68.

    Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni eventwali ta’ din is-sentenza f’din l-ipoteżi, il-kliem użati mill-Qorti tal-Ġustizzja huma nieqsa mill-ambigwità:

    “53.

    Il-kawża li wasslet għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, […] hija kompletament differenti minn dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-impriża Kühne & Heitz NV kienet eżawriet ir-rimedji legali kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha filwaqt li fil-kawżi prinċipali, i-21 u Arcor ma eżerċitawx id-dritt tagħhom li jressqu rikors kontra l-istimi tat-taxxa li kienu jirrigwardawhom.

    54.

    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ l-opinjoni sostnuta minn i-21, is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, korp amministrattiv huwiex fl-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjonijiet li jkunu saru finali”.

    69.

    Is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, billi ma kinitx applikabbli fil-każ fejn id-deċiżjoni amministrattiva li r-revoka hija mitluba ma kinitx is-suġġett ta’ rikors fit-terminu previst mid-dritt nazzjonali, il-kwistjoni dwar jekk il-korp amministrattiv kompetenti għandu jew le jipproċedi għal din ir-revoka jistrieħ kollu kemm huwa fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam, jiġifieri l-Artikolu 48(1) tal-VwVfG. F’sitwazzjoni bħal din, il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri huwa ppreżervat fit-totalità tiegħu, anki jekk jibqa’ limitat mill-prinċipju ta’ effettività u mill-prinċipju ta’ ekwivalenza. Huwa għalhekk dan l-aħħar prinċipju li ser ikollu hawnhekk rwol determinanti.

    70.

    Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jitlob li r-regoli nazzjonali ta’ proċedura kollha “japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali” ( 35 ). Minn dan jirriżulta, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, li “jekk ir-regoli nazzjonali applikabbli għar-rikorsi jimponu obbligu li l-att amministrattiv illegali fir-rigward tad-dritt nazzjonali jiġi rtirat, minkejja li dan l-att ikun sar finali, meta ż-żamma fis-seħħ ta’ dan l-att tkun ‘sempliċement insostenibbli’, l-istess obbligu ta’ rtirar għandu jeżisti f’kundizzjonijiet ekwivalenti fil-każ ta’ att amministrattiv li mhuwiex konformi mad-dritt Komunitarju” ( 36 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja twassal lill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika li l-kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza Ġermaniża li jippermettu evalwazzjoni tal-kunċett tan-natura “sempliċement insostenibbli” mhumiex applikati b’mod differenti skond jekk huwiex in kwistjoni id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju.

    71.

    Fost dawn il-kriterji, hemm dak li jirriżulta mill-illegalità manifesta ta’ l-att amministrattiv meta mqabbel mar-regoli ta’ dritt superjuri. Dejjem b’referenza għall-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza għalhekk li “[meta], skond regoli ta’ dritt nazzjonali, l-awtorità amministrattiva hija fl-obbligu li tirtira deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali jekk din hija manifestament inkompatibbli mad-dritt nazzjonali, l-istess obbligu għandu jeżisti jekk din id-deċiżjoni hija manifestament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju” ( 37 ). Wara li tat xi indizzji ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet lill-qorti nazzjonali “tevalwa jekk leġiżlazzjoni li hija kjarament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, bħal dik li huma bbażati fuqha l-istimi tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix illegalità manifesta skond id-dritt nazzjonali kkonċernat” ( 39 ).

    72.

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tat ir-risposta li ġejja lill-qorti nazzjonali:

    “l-Artikolu 10 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13, jobbliga lill-qorti nazzjonali tevalwa jekk leġiżlazzjoni li hija kjarament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju […] tikkostitwixxix illegalità manifesta skond id-dritt nazzjonali kkonċernat. Jekk dan ikun il-każ, hija din il-qorti li għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha li joħorġu minnha skond id-dritt nazzjonali tagħha f’dak li jikkonċerna l-irtirar ta’ dawn [l-istimi ta’ taxxa]” ( 40 ).

    73.

    Il-ġurisprudenza reċenti fil-qasam ta’ l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji finali tista’, fl-opinjoni tagħna, tiġi mqassra kif ġej.

    74.

    Fir-rigward ta’ l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku Komunitarju u kemm fl-ordinament ġuiridiku nazzjonali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju tar-res judicata, ir-regola hija li d-dritt Komunitarju ma jimponix fuq l-awtorità nazzjonali l-obbligu li tbiddel deċiżjoni finali li tkun tat, anki f’każ ta’ inkompatibbiltà bejn din ta’ l-aħħar u d-dritt Komunitarju kif interpretat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    75.

    Huwa għalhekk id-dritt nazzjonali ta’ proċedura li tapplika bis-sħiħ skond il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri.

    76.

    Madankollu, jekk huwa stabbilit li regola ta’ proċedura nazzjonali li tostakola l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni finali tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza u/jew il-prinċipju ta’ effettività, regola bħal din għandha tkun miċħuda mill-qorti nazzjonali.

    77.

    F’dak li jikkonċerna speċifikament il-problema dwar l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet amministrattivi finali, l-Artikolu 10 KE jipproduċi effetti ta’ natura u ta’ intensità differenti skond is-sitwazzjoni.

    78.

    Għaldaqstant, jirriżulta mis-sentenza i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, li, fil-każ ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li ma kinitx is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju, l-Artikolu 10 KE, flimkien mad-dispożizzjoni Komunitarja li l-ksur tagħha huwa invokat, iġiegħel għall-inqas lill-qorti nazzjonali, li għandha tiddeċiedi dwarha minħabba li l-awtorità nazzjonali kompetenti ċaħdet li teżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni, tivverifika li r-regoli ta’ proċedura tad-dritt nazzjonali tagħha ma jwasslux, permezz tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li jagħmlu obbligatorju l-eżami mill-ġdid u, skond il-każ, ir-revoka ta’ din id-deċiżjoni.

    79.

    L-Artikolu 10 KE jimponi hawnhekk li għandhom jinġabru flimkien il-mezzi kollha potenzjalment preżenti fid-dritt nazzjonali ta’ proċedura sabiex isir, jekk dan ta’ l-aħħar jawtorizzah, eżami mill-ġdid u, skond il-każ, revoka tad-deċiżjoni amministrattiva finali li tmur kontra d-dritt Komunitarju.

    80.

    Issa, fir-rigward ta’ l-ipoteżi prevista fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stess iffissat il-kundizzjonijiet li fihom korp amministrattiv għandu jeżamina mill-ġdid deċiżjoni bħal din. Fost dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel waħda ppreżentata hija dik skond liema dan il-korp jiddisponi, skond id-dritt nazzjonali tiegħu, mis-setgħa li jibdel din id-deċiżjoni. L-eżistenza ta’ obbligu ta’ eżami mill-ġdid għalhekk, qabel kollox, jiddependi mill-preżenza ta’ regola nazzjonali ta’ proċedura li tagħti lill-korp amministrattiv kompetenti din il-fakultà.

    81.

    Madankollu, din il-konċessjoni mogħtija lill-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri tieqaf hemm, liema fatt huwa spjegat, fil-fehma tiegħi, mill-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, quddiem interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komuntarju minn qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suxxettibbli għal rimedju rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali u quddiem ksur minn din il-qorti ta’ l-obbligu tagħha li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, previst fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, l-Artikolu 10 KE għandu l-effett li jbiddel il-fakultà mogħtija lil korp amministrattiv mid-dritt nazzjonali tiegħu f’obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva finali li tmur kontra d-dritt Komunitarju u, skond ir-riżultati ta’ dan l-eżami mill-ġdid, li tirrevoka jew le din id-deċiżjoni.

    82.

    Is-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, għalhekk tippermetti, permezz ta’ l-Artikolu 10 KE, li ttaffi l-effetti negattivi li jipprovokaw n-nuqqas ta’ domanda preliminari fis-sitwazzjoni prevista fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, billi toffri lill-individwu li għamel użu mill-mezzi ta’ rikors previsti fid-dritt nazzjonali, possibbiltà ġdida li jagħmel użu mid-drittijiet lilu mogħtija mid-dritt Komunitarju.

    83.

    Kif jindika l-Gvern Finlandiż ( 41 ), fl-opinjoni tiegħi korrettament skond il-ġurisprudenza attwali, is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, stabbiliet il-kundizzjonijiet li fihom obbligu ta’ eżami mill-ġdid jeżisti f’kull każ. Madankollu, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li eżami mill-ġdid iseħħ f’ċirkustanzi oħra, meta d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali jippermettuh.

    84.

    Sa fejn din il-kawża tinsab f’kuntest fattwali u ġuridiku li jista’ jitqabbel ma’ dak li wassal għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, jaqbel li din id-domanda preliminari tiġi deċiża mill-istess perspettiva bħal dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

    B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

    85.

    Permezz ta’ din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk, sabiex tiġi ssodisfatta, il-kundizzjoni żviluppata fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza hija, fid-dawl tal-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, tippresupponix li r-rikorrent fil-kawża prinċipali invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

    86.

    Kempter, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jqisu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

    87.

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni li skond din l-persuna kkonċernata kellha tikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali l-att amministrattiv in kwistjoni meta invokat id-dritt Komunitarju ma jirriżulta la mill-motivi u lanqas mill-parti operattiva tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq.

    88.

    Barra minn dan, il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li kundizzjoni bħal din taf fil-prattika tagħmel impossibli l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju u għalhekk jistgħu jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività. Dan l-istess Gvern jingħaqad ma’ l-opinjoni espressa mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li jekk qorti nazzjonali ma għarfitx l-importanza ta’ kwistjoni ta’ dritt Komunitarju, iċ-ċittadin li sofra dannu ma jistax jiġi ppreġudikat.

    89.

    Minn naħa l-oħra, Kempter u l-Kummissjoni josservaw li l-obbligu tal-qrati nazzjonali ta’ l-aħħar istanza li tagħmel domanda preliminari, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, ma jiddependix mill-fatt li l-partijiet jagħmlu talba f’dan is-sens lill-qorti li trid tiddeċiedi l-kawża jew li jinvokaw ksur tad-dritt Komunitarju.

    90.

    Fir-rigward tal-Gvern Ċek, dan jagħti l-opinjoni li l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali jippresupponi li l-interessat ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali billi invoka d-dritt Komunitarju biss jekk il-qrati, minħabba fid-dritt nazzjonali, m’għandhom la l-fakultà u lanqas l-obbligu li japplikaw ex officio id-dritt, u li din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix fl-istess ħin ostakolu għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    91.

    Bħal Kempter, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, naħseb li, fl-ipoteżi diskussa fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, l-eżami mill-ġdid u, skond il-każ, ir-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, intiżi sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju adottata f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirrikjedux li r-rikorrent jkun invoka d-dritt Komuntarju fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li jkun ippreżenta kontra deċiżjoni bħal din, u dan għar-raġunijiet li ġejja.

    92.

    L-ewwel nett, nikkonstata li r-rekwiżit li r-rikorrent jkun invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest tar-rimedju tiegħu quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ma jirriżulta imkien mill-kliem tat-tielet kundizzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex toħloq obbligu ta’ eżami mill-ġdid fil-korp amministrattiv kompetenti. Għandhom jiġu ċċitatati mill-ġdid il-kliem użati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi din it-tielet kundizzjoni: is-sentenza mogħtija mill-qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza “hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE” ( 42 ).

    93.

    Hekk ifformulata, it-tielet kundizzjoni tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, tistrieħ fuq żewġ elementi li għandhom rabta stretta. Minn naħa, id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza hija bbażata fuq interpretazzjoni inkorretta tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, din l-istess qorti ma rrinvijatx il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, bi ksur tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE.

    94.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma titlobx espressament li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun invoka d-dritt Komunitarju quddiem din il-qorti ( 43 ). Għalhekk ftit jimporta li l-qorti li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali applikat d-dritt Komunitarju fuq talba tal-partijiet fil-kawża prinċipali jew minn jeddu. Dak li jgħodd, fid-dawl ta’ dak li ntqal mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li d-deċiżjoni ġudizzjarja in kwistjoni tistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju u tindika applikazzjoni żbaljata ta’ din, mingħajr ma din il-qorti tqis bżonnjuż li tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni.

    95.

    Hekk jidher li huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, jekk huwa minnu li Kempter ma invokatx la quddiem il-Finanzgericht Hamburg u lanqas quddiem il-Bundesfinanzhof l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3665/87, dawn iż-żewġ qrati madankollu ddeċiedu abbażi, in parti, ta’ dan ir-regolament u interpretawh b’mod inkorrett ( 44 ).

    96.

    It-tieni nett, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, hija, skond il-kliem tat-tielet kundizzjoni prevista minnha, marbuta strettament ma’ l-obbligu tar-rinviju għal domanda preliminari impost, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, fuq il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom mhumiex suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali. Issa, jiena nikkunsidra, bħal Kempter u l-Kummissjoni, li dan l-obbligu mhuwiex ikkundizzjonat la mill-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-qorti kkonċernata li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mir-rekwiżit li bbażat r-raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħha fuq id-dritt Komunitarju.

    97.

    Li tinterpreta t-tielet kundizzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, bħala li tfisser li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tinvoka d-dritt Komunitarju quddiem il-qorti nazzjonali li ddeċieda fl-aħħar istanza jippreżenta, fl-opinjoni tiegħi, l-inkonvenjenza kbira li joħloq indirettament każ ġdid ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari impost fuq din it-tip ta’ qorti, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, hekk kif ġie interpretat sa din il-ġurnata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    98.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija r-raġuni prinċipali ta’ l-obbligu tad-domanda preliminari, jiġifieri li jiġi ostakolat li jingħataw u li jiġu kkonsolidati ġurisprudenza nazzjonali li fihom żbalji fl-interpretazzjoni jew applikazzjoni ħażina tad-dritt Komunitarju ( 45 ). Dan l-obbligu qiegħed fi pożizzjoni strateġika billi jirrigwarda l-ogħla qrati fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, skond il-funzjoni tradizzjonali tagħhom ta’ unifikazzjoni tad-dritt, dawn ingħataw l-inkarigu li jassiguraw ir-rispett, mill-qrati nazzjonali l-oħra, ta’ l-implementazzjoni korretta u effettiva tad-dritt Komunitarju. Barra minn dan, huma jiddeċiedu dwar l-aħħar rikorsi intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-individwi mid-dritt Komunitarju.

    99.

    Fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et ( 46 ), il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom mhumiex suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali “huma marbuta, meta domanda fuq id-dritt Komunitarju titqiegħed quddiemhom, li jwettqu l-obbligu tagħhom li jieħdu konjizzjoni tal-każ, sakemm ma jkunux ikkonstataw li d-domanda mqajma mhijiex pertinenti jew li d-dispożizzjoni Komunitarja fil-kawża diġà kienet suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju hija manifesta b’tali mod li ma tħalli l-ebda possibbiltà ta’ dubju raġonevoli” ( 47 ).

    100.

    Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali tista’ tkun eżentata mill-obbligu tagħha li tagħmel domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni billi l-partijiet fil-kawża prinċipali ma ressqux quddiemha raġuni bbażata fuq id-dritt Komunitarju. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE li l-ftuħ ta’ rinviju eventwali ta’ domanda preliminari jistrieħ kollu kemm hu fuq l-evalwazzjoni li tagħmel din il-qorti tar-rilevanza u l-bżonn ta’ dan ir-rinviju, u li dan bl-ebda mod ma huwa kkundizzjonat min-natura tar-raġunijiet invokati mill-partijiet fil-kawża prinċipali quddiem din l-istess qorti.

    101.

    Billi tistabbilixxi proċedura diretta ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, id-domanda preliminari tistrieħ, fil-fatt, fuq djalogu minn qorti għal qorti. Matul din il-proċedura, il-partijiet fil-kawża prinċipali huma mistiedna jippreżentaw biss l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kunstest ġuridiku stabbilit mill-qorti tar-rinviju ( 48 ). Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, “[fil-limiti] iffissati mill-Artikolu [234 KE], huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar il-prinċipju u s-suġġett ta’ konjizzjoni eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja u huwa wkoll biss għal dawn il-qrati li jiddeċiedu jekk dawn ġewx iċċarati biżżejjed permezz tad-deċiżjoni preliminari mogħtija fuq talba tagħhom jew jekk huwiex neċessarju għalihom li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata konjizzjoni mill-ġdid” ( 49 ).

    102.

    Għandu wkoll jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq, tippreċiża s-sinjifikat ta’ l-espressjoni “meta l-kwistjoni titqajjem” fis-sens tat-tieni u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, sabiex jiġi stabbilit f’liema kundizzjonijiet qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandha tirriferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    103.

    Hija, f’dan il-każ, indikat li d-domanda preliminari ma tikkostitwixxix mezz ta’ rikors miftuħ għall-partijiet fil-kawżi pendenti quddiem l-qorti nazzjonali. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, “[mhux] biżżejjed li parti ssostni li l-kawża tqajjem kwistjoni ta’ validità tad-dritt Komunitarju sabiex il-qorti kkonċernata jkollha tikkunsidra li tkun tqajmet kwistjoni fis-sens ta’ l-Artikolu [234 KE]. Min-naħa l-oħra, hija għandha, skond il-każ, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio” ( 50 ).

    104.

    Barra minn dan, f’sentenza oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li “l-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokawx, quddiem il-qorti nazzjonali, problema ta’ dritt Komunitarju ma jipprekludix li qorti nazzjonali tkun tista’ tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja” u, min-naħa l-oħra, li, “[billi] tipprevedi l-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari, meta ‘kwistjoni hija mqajma quddiem il-qorti nazzjonali‘, [it-tieni u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE] mhumiex intiżi sabiex jillimitaw din il-konjizzjoni biss għal każijiet fejn waħda jew l-oħra mill-partijiet fil-kawża prinċipali ħadet l-inizjattiva li tqajjem domanda ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ dritt Komunitarju, iżda tkopri wkoll il-każijiet fejn domanda bħal din hija mqajma mill-qorti nazzjonali stess, li tqis deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt bħala ‘neċessarja sabiex tieħu deċiżjoni’” ( 51 ).

    105.

    Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, billi l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju jidher bħala neċessarju għal qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha huma suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali sabiex issolvi kwistjoni li dwarha trid tiddeċiedi, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE jimponi lil din il-qorti li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja kull domanda ta’ interpretazzjoni li titqajjem, anki jekk raġuni li tirriżulta mid-dritt Komunitarju ma ġietx invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, bla ħsara madankollu għall-affermazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq, u minnha reċentement imfakkra fis-sentenza tagħha Intermodal Transports, iċċitata iktar ’il fuq.

    106.

    Din l-analiżi ma tfissirx li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandha, skond id-dritt Komunitarju, l-obbligu li tqajjem ex officio raġuni bbażata fuq dan id-dritt. Hija timplika biss, f’sitwazzjoni fejn il-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokawx id-dritt Komunitarju, li, billi din il-qorti tiddisponi, skond id-dritt nazzjonali tagħha, mis-setgħa li teżamina ex officio l-legalità ta’ att amministrattiv fir-rigward tad-dritt Komunitarju u billi tqis li l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt huwa neċessarju sabiex tiddeċiedi, hija għandha, bħala prinċipju, tagħmel domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk hija ma tirrispettax dan l-obbligu u d-deċiżjoni li hija tieħu hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, it-tielet kundizzjoni elenkata fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, tkun sodisfatta.

    107.

    It-tielet nett, jiena nqis li interpretazzjoni li tgħid li t-tielet kundizzjoni tippresupponi, sabiex tkun sodisfatta, li r-rikorrent prinċipali jkun invoka d-dritt Komunitarju huwa diffiċli li jinftiehem f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

    108.

    Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-rekwiżit li rriżulta li jmur kontra d-dritt Komunitarju, li skond dan, niftakru, fil-każ ta’ ħlas tar-rifużjoni mhux iddifferenzjata, il-prova li l-prodott ikkonċernat ġie importat minn pajjiż terz fit-tnax-il xahar wara d-data li fiha ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni tista’ tiġi mitluba wara l-ħlas ta’ din l-għajnuna, tikkorrispondi għal prattika tal-Hauptzollamt stabbilita żmien ilu, li hija sostnuta kemm mill-ġurisprudenza tal-Finanzgericht Hamburg u kemm minn dik tal-Bundesfinanzhof ( 52 ).

    109.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ individwu jiġi kkritikat talli ma bbażax ir-rikors li ppreżenta quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza fuq id-dritt Komunitarju, f’dan il-każ l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87, meta dan l-artikolu, hekk kif ġie interpretat u applikat b’mod kostanti mill-qrati nazzjonali, qabel is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienx jippermettilu jirbaħ il-kawża? Ir-risposta għal din id-domanda hija evidenti u nifhem li, f’dan il-kuntest, individwu jibbaża l-istrateġija legali tiegħu fuq raġunijiet differenti minn dawk ibbażati fuq id-dritt Komunitarju ( 53 ).

    110.

    Huwa għalhekk, fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, li jiena nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari hija li, sabiex tiġi sodisfatta, il-kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, skond liema d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, ma tippresupponix li r-rikorrent prinċipali invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

    C — Fuq it-tieni domanda preliminari

    111.

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-possibbiltà li titlob eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li tmur kontra d-dritt Komunitarju għandhiex limitazzjoni temporali għal motivi imperattivi ta’ dritt Komunitarju.

    112.

    Nixtieq nfakkar li din id-domanda toriġina mill-kuntest partikolari tal-kawża prinċipali, jiġifieri li hija biss b’ittra tas-16 ta’ Settembru 2002, jiġifieri 19-il xahar wara s-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, li Kempter talbet lill-Hauptzollamt ir-revoka tad-deċiżjoni ta’ rimbors ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995.

    113.

    Jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju li t-tieni domanda, ifformulata b’mod ġeneriku mill-Finanzgericht Hamburg, għandha żewġ aspetti ( 54 ).

    114.

    Minn naħa, hija tistaqsi fuq il-portata tar-raba’ kundizzjoni imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri dik skond liema l-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    115.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, bl-iktar mod ġenerali, jekk apparti mir-raba’ kundizzjoni, għandux xorta jiġi kkunsidrat li l-possibbiltà li titlob eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li tikser id-dritt Komunitarju għandhiex limitu temporali għal raġunijiet ta’ ċertezza legali jew jekk, viċi versa, hijiex illimitata fiż-żmien. Safejn l-amministrazzjoni għandha tapplika l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari dwar ir-relazzjonijiet ġuridiċi li kienu jeżistu qabel din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ limitazzjoni fiż-żmien tal-possibbiltà li jintalab, abbażi tas-sentenza Emsland Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li għandha karattru definittiv u li tikser id-dritt Komunitarju.

    116.

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix li l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv wara l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma l-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza rrinvijat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, tkun limitata fiż-żmien.

    117.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, Kempter l-ewwel nett tenfasizza li d-dritt Komunitarju ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar it-termini perentorji jew il-preskrizzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid. Barra minn dan, hija żżid li, skond is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-parti kkonċernata tista’ biss tagħmel użu mid-dritt tagħha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni amministrattiva jekk dispożizzjoni nazzjonali tippermettiha. Sabiex tiddeċiedi jekk dan id-dritt huwiex jew le limitat fiż-żmien, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni.

    118.

    Kempter tqis ukoll li, fl-ipoteżi fejn jiġu applikati b’analoġija dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw it-termini perentorji jew il-preskrizzjoni, it-talba tagħha m’għandhiex għaldaqstant tkun ikkunsidrata bħala tardiva. Hija f’dan ir-rigward tressaq numru ta’ argumenti. B’mod partikolari, hija tirrimarka li hemm bżonn ta’ ċertu medda ta’ żmien sabiex l-interpretazzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, toħloq fil-Ġermanja prattika amministrattiva ġdida u bidla fil-ġurisprudenza. Fil-fatt, Kempter indikat li huwa biss permezz tas-sentenza tal-Bundesfinanzhof tal-21 ta’ Marzu 2002 li din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ttieħdet in kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali.

    119.

    F’kull każ, hija tikkunsidra li, sa fejn talba għar-revoka tad-deċiżjoni ta’ rimbors ma kellha, abbażi biss tad-dritt nazzjonali, l-ebda ċans li tiġi milqugħa, terminu ta’ preskrizzjoni Komunitarju eventwali ma setax beda jiddekorri qabel id-data li fiha ġew ippreżentati l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri fis-17 ta’ Ġunju 2003. Fil-fatt, f’dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 10 KE kellu għall-ewwel darba jkun interpretat fis-sens li deċiżjoni bħal din kellha tkun eżaminata mill-ġdid. Għaldaqstant, billi ġiet ippreżentata qabel din id-data, it-talba ta’ Kempter ma tistax tiġi kkwalifikata bħala tardiva ( 55 ).

    120.

    Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li “il-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf [bil]-ġurisprudenza [Komunitarja]” li minnha toħroġ l-illegalità tad-deċiżjoni amministrattiva finali, il-gvernijiet Ċeki u Finlandiżi jaqblu ma’ l-opinjoni espressa mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li t-terminu suġġettiv stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titlob reviżjoni ta’ deċiżjoni bħal din għandu jkun marbut ma’ għarfien veru ta’ din il-ġurisprudenza mill-persuna kkonċernata. Għalhekk, talba għal eżami mill-ġdid imressqa tliet xhur mid-data li fiha Kempter effettivament saret taf bl-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tissodisfa din il-kundizzjoni.

    121.

    Minbarra l-kundizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, dawn l-istess gvernijiet iqisu li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li d-dritt li jintalab eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva illegali jkun limitat fiż-żmien. Ir-regoli proċedurali nazzjonali għandhom għalhekk jipprevedu b’mod validu li din it-tip ta’ talba għandha tiġi mressqa f’ċertu terminu. Il-kompatibbiltà ta’ dawn it-termini mad-dritt Komunitarju għandha tkun evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza (li jitlob li t-termini ma jkunux inqas favorevoli minn dawk previsti mir-regoli li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura domestika) u tal-prinċipju ta’ effettività (li jitlob li t-termini ma jagħmlux impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju).

    122.

    Il-Kummissjoni tindika li, fil-fehma tagħha, it-tieni domanda preliminari tikkonċerna biss iż-żmien bejn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha tirriżulta l-illegalità tad-deċiżjoni amministrattiva u t-talba għal eżami mill-ġdid u għar-revoka ta’ din id-deċiżjoni ppreżentata minn Kempter, jiġifieri, f’dan il-każ, iktar minn 19-il xahar. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tal-Kummissjoni l-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tikkunsidra l-medda ta’ żmien li għadda bejn din it-talba u l-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva oriġinali (jiġifieri d-deċiżjoni ta’ rimbors ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995), kif ukoll bejn tali talba u l-mument meta l-applikanta saret taf bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha tirriżulta l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni (jiġifieri fl-1 ta’ Lulju 2002, meta s-sentenza tal-Bundesfinanzhof tal-21 ta’ Marzu 2002 ġiet trasmessa lilha b’faks).

    123.

    Barra minn dan, il-Kummissjoni tindika li hija ma taqbilx, minħabba fil-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri, ma’ l-iffissar ta’ terminu fuq livell Komunitarju. Hija tipproponi, għaċ-ċertezza legali, li tikkompleta r-raba’ kundizzjoni fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, billi tipprevedi li din titlob li l-parti kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bid-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja, u f’perijodu ta’ żmien, li jibda’ jiddekorri minn meta tingħata din is-sentenza, li jidher raġonevoli fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt nazzjonali u skond l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    124.

    Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-portata ta’ din ir-raba’ kundizzjoni, li tipprevedi li “l-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf [bil]-ġurisprudenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja]”.

    125.

    Jekk immur għall-oriġini ta’ din il-kundizzjoni, jiġifieri ċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, nikkonstata li l-impriża rikorrenti kienet talbet b’ittri tat-13 ta’ Diċembru 1994 u tat-3 ta’ Jannar 1995 il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li r-rimbors tagħhom kien ġie mitlub, meta s-sentenza Voogd Vleesimport en -export, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn tnejn u tliet xhur qabel, jiġifieri fil-5 ta’ Ottubru 1994. Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar dan il-punt jekk ma kienx jaqbel “li ssir deroga mill-karattru definittiv tad-deċiżjoni kkontestata f’każ [fejn, fost l-oħrajn,] il-persuna kkonċernata kkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li saret taf [b’din is-]sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 56 ).

    126.

    Billi tieħu in kunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza fil-motivi tas-sentenza tagħha u billi semmietha fil-parti operattiva ta’ din, huwa probabbli li, fir-rigward tal-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-realtà, riedet tagħti importanza lill-fatt li r-rikorrenti kienet ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li weriet in-natura illegali tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

    127.

    Billi ttrasformat sussegwentement din iċ-“ċirkustanza” fi “kundizzjoni” fis-sentenza tagħha i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu żammet l-istess kliem u ma ppreċiżatx jekk kienx jaqbel li din il-kundizzjoni tinftiehem bħala li tirrigwarda l-għarfien reali ta’ din id-deċiżjoni preliminari jew jekk għandhiex tkun interpretata bħala li tirrigwarda d-data li fiha ngħatat tali sentenza.

    128.

    Fir-rigward tal-kliem użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, nifhem l-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju u sostnuta mill-Gvernijiet Ċeki u Finlandiżi, li tgħid li l-espressjoni “li tkun saret taf bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” tirrigwarda l-mument meta l-applikant ġie effettivament informat b’din il-ġurisprudenza, u mhux id-data li fiha ngħatat din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    129.

    Fid-dawl ta’ l-importanza li għandhom jingħataw lill-prinċipju ta’ ċertezza legali u, b’mod partikolari, il-bżonn ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi, jiena madankollu ma naqbilx li din l-interpretazzjoni għandha tiġi aċċettata.

    130.

    Fil-fatt, interpretazzjoni bħal din tiffavorixxi d-dimensjoni suġġettiva tal-kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija suxxettibbli li twassal għal diffikultajiet fir-rigward tal-prova tal-mument li fih effettivament issir magħrufa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, it-teħid in kunsiderazzjoni tad-data li fiha ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, nieqsa minn kull dimensjoni suġġettiva, jidhirli iktar konformi mal-bżonnijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħal dak taċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi.

    131.

    Madankollu, tista’ ssir l-oġġezzjoni, u bir-raġun, li r-rekwiżit li l-persuna kkonċernata trid tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li ngħatat id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li weriet in-natura illegali tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata, tippreżenta natura eċċessiva f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, nfakkar li jirriżulta mill-proċess li hemm bżonn ta’ ċertu medda ta’ żmien sabiex l-interpretazzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, toħloq fil-Ġermanja prattika amministrattiva ġdida u bidla fil-ġurisprudenza. Fil-fatt, din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet meħuda in kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, biss permezz tas-sentenza tal-Bundesfinanzhof tal-21 ta’ Marzu 2002. Barra minn dan, hekk kif tissuġġerixxi Kempter fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonċernax ir-Regolament Nru 3665/87 iżda l-predeċessur tiegħu, ir-Regolament Nru 2730/79 u li min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li tgħid li l-produzzjoni tal-provi supplementari tista’ tiġi imposta biss qabel l-għoti tar-rifużjoni ta’ l-esportazzjoni ma jirriżultax mill-parti operattiva tas-sentenza, iżda mill-punt 48 tal-motivi tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jidher bħala inġust li Kempter tiġi kkritikata talli ma ppreżentatx talba għal eżami mill-ġdid lill-Hauptzollamt immedjatament wara li ngħatat is-sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    132.

    Dawn ir-rimarki juru l-inkonvenjenzi inerenti għal interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni li skond din “il-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf [bil]-ġurisprudenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja]”. Għalhekk, jiena ta’ l-opinjoni li l-istess eżistenza ta’ din il-kundizzjoni għandha tiġi diskussa.

    133.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward ta’ l-importanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tfittxija ta’ kuntest temporali tat-talbiet għal eżami mill-ġdid u għar-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv wara l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma l-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza rrinvijat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, tidher leġittima. Id-dritt Komunitarju għalhekk ma jipprekludix li l-possibbiltà li jiġu ppreżentati talbiet bħal dawn ikollhom limitazzjoni temporali. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat skond liema metodu kuntest temporali bħal dan jista’ jkun stabbilit.

    134.

    Minn din il-perspettiva, ma jidhirlix li huwa sodisfaċjenti li dan il-kuntest temporali ikun meqjus bħala kundizzjoni fil-ħolqien ta’ obbligu ta’ eżami mill-ġdid skond l-Artikolu 10 KE, bħal kundizzjonijiet oħra stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq.

    135.

    Barra minn dan, sa fejn din tikkostitwixxi modalità proċedurali ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ eżami mill-ġdid li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, limitu temporali sabiex jiġu ppreżentati talbiet għal eżami mill-ġdid u għar-revoka tad-deċiżjonijiet amministrattivi li saru definittivi u li huma kontra d-dritt Komunitarju, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, m’għandux, fil-fehma tiegħi, jiġi ffissat direttament mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    136.

    Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, huwa konformi ma’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri li dawn ta’ l-aħħar jitħallew jiffissaw it-terminu li fih talbiet bħal dawn għandhom jiġu ppreżentati. Din is-soluzzjoni għalija tikkorrispondi b’mod iktar strett mar-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li tfittex li tressaq il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju mal-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri u dak ta’ ċertezza legali.

    137.

    Referenza bħal din għar-regoli tal-proċedura nazzjonali ta’ l-Istati Membri li għandhom, ovvjament, jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività hija, barra minn hekk, konsistenti mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħraf il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ l-iffissar, mill-Istati Membri, ta’ termini perentorji raġonevoli sabiex fihom jitressqu proċeduri. Din il-ġurisprudenza ssib l-oriġini tagħha u l-applikazzjoni l-iktar frekwenti tagħha fil-kawżi marbuta ma’ l-irkupru tat-taxxi nazzjonali imħallsa bi żball fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

    138.

    Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali indebitament miġbura, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, billi dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji simili ta’ natura domestika u lanqas ma jrendu, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli ( 57 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħraf il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ l-iffissar, fir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, ta’ termini perentorji raġonevoli sabiex fihom jitressqu proċeduri, li “jikkostitwixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli u l-amministrazzjoni kkonċernata” ( 58 ). Fil-fatt, “termini bħal dawn mhumiex ta’ natura li jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju” ( 59 ). Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju in kwistjoni hija mingħajr rilevanza fuq il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ l-iffissar, fir-regoli tal-proċedura nazzjonali, ta’ termini perentorji raġonevoli sabiex fihom jitressqu proċeduri ( 60 ).

    139.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet ukoll dan ir-raġunament fil-qasam tar-responsabbilitajiet ta’ l-Istati Membri f’każ li ma jiġix irrispettat id-dritt Komunitarju, skond loġika li tista’ titqabbel ma’ dik li jiena hawn nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta. Fil-fatt, jekk il-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru huwa obbligat li jikkumpensa d-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lilu kienu stabbiliti direttament mill-Qorti ta-Ġustizzja ( 61 ), min-naħa l-oħra huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar r-responsabbiltà li l-Istat huwa obbligat jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari t-terminu, iffissati mil-liġijiet nazzjonali fl-oqsma tal-ħlas tad-danni jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 62 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid ukoll li “l-iffissar ta’ termini perentorji raġonevoli sabiex fihom jitressqu proċeduri jissodisfa, fil-prinċipju, [il-bżonn li jirriżulta mill-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju] sa fejn din tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali” ( 63 ).

    140.

    Skond din il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispetta l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri, jiena nqis li dawn ta’ l-aħħar jistgħu jitolbu, f’isem il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li talba għal eżami mill-ġdid u għar-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi ppreżentata quddiem l-amministrazzjoni kompetenti f’terminu raġonevoli.

    141.

    Għalhekk, hija l-Finanzgericht Hamburg li għandha tivverifika jekk id-dritt proċedurali Ġermaniż jipprevedi terminu għall-introduzzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid u għar-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, bħal dik fil-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, huwa għandu jassigura li r-regola proċedurali li tiffissa t-terminu hija konformi mal-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    142.

    Konsegwentement, jiena nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari hija li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li il-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv wara l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma l-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza rrinvijat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, tkun, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, limitata fiż-żmien. Huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw, skond il-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, it-terminu li fih din it-talba għandha tiġi ppreżentata.

    143.

    Fl-aħħar nett, jiena nindika li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għas-soluzzjoni li jiena nipproponi, ma tixtieqx tbiddel ir-raba’ kundizzjoni stabbilita fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, hija għandha, minn naħa, tippreċiża s-sens tagħha u, min-naħa l-oħra, tipprovdi li din il-kundizzjoni tapplika biss b’mod supplementari, jiġifieri fil-każ fejn ir-regoli tal-proċedura ta’ Stat Membru ma ffissawx terminu sabiex jiġu ppreżentati talbiet għal eżami mill-ġdid u għar-revoka tad-deċiżjonijiet amministrattivi finali.

    VI — Konklużjoni

    144.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lid-domandi magħmula mill-Finanzgericht Hamburg kif ġej:

    “1)

    Sabiex tiġi sodisfatta, il-kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Kühne & Heitz (C-453/00), tal-Qorti tal-Ġustijja tat-13 ta’ Jannar 2004, skond liema d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, ma tippresupponix li r-rikorrent prinċipali invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

    2)

    Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li il-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li kisbet karattru definittiv wara l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma l-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza rrinvijat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, tkun, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, limitata fiż-żmien. Huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw, skond il-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, it-terminu li fih din it-talba għandha tiġi ppreżentata”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) C-453/00, Ġabra p. I-837.

    ( 3 ) ĠU L 351, p. 1. Dan ir-Regolament ġie abrogat u ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11).

    ( 4 ) ĠU L 317, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 568/85 ta’ l-4 ta’ Marzu 1985 (ĠU L 65, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2730/79”).

    ( 5 ) C-110/99, Ġabra p. I-11569.

    ( 6 ) Punt 48. B’analoġija, dan huwa wkoll il-każ tar-raba’ premessa tar-Regolament Nru 3665/87 li għandha tiġi approssimata ma’ l-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament.

    ( 7 ) BGBl. 1976 I, p. 1253.

    ( 8 ) Hawnhekk il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-erba’ inċiżi tal-parti operattiva ta’ din is-sentenza, u mhux għal dak li jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri li l-korp amministrattiv ġie ppreżentat b’talba għal eżami mill-ġdid.

    ( 9 ) F’għajnejn il-qorti tar-rinviju, ftit jimporta li, minħabba l-karatteristiċi partikolari tar-regoli ta’ proċedura nazzjonali, il-Bundesfinanzhof tiddeċiedi mhux permezz ta’ sentenza iżda b’digriet. Il-forma tad-deċiżjoni ġudizzjarja mhijiex importanti, sakemm ir-rikorrent għamel użu mill-mezzi kollha ta’ rikors li jiddisponi minnhom skond id-dritt nazzjonali.

    ( 10 ) Il-kelma Ġermaniża hija “unmittelbar” li tifsser “immedjatament” jew “direttament”.

    ( 11 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs Haute Autorité (42/59 u 49/59, Ġabra p. 99), u tas-6 ta’ April 1962, De Geus (13/61, Ġabra p. 89).

    ( 12 ) R. Mehdi, Variations sur le principe de sécurité juridique, Liber Amicorum Jean Raux, Apogée, Rennes, 2006, p. 177, 178.

    ( 13 ) C-224/01, Ġabra p. I-10239.

    ( 14 ) Punt 38.

    ( 15 ) Punt 39.

    ( 16 ) C-234/04, Ġabra p. I-2585.

    ( 17 ) Punt 20.

    ( 18 ) C-126/97, Ġabra p. I-3055, punti 46 u 47.

    ( 19 ) Sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21). Il-portata li għandha tingħata lill-prinċipju ta’ res judicata huwa wkoll fiċ-ċentru tal-kawża Lucchini Siderurgica (C-119/05), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fl-14 ta’ Settembru 2006.

    ( 20 ) Sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).

    ( 21 ) Ibid (punt 27).

    ( 22 ) Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 40.

    ( 23 ) C-151/93, Ġabra p. I-4915.

    ( 24 ) Punt 20.

    ( 25 ) Punti 27 u 28.

    ( 26 ) Punt 23.

    ( 27 ) C-392/04 u C-422/04, Ġabra p.I-8559.

    ( 28 ) Punt 52 (nenfasizza).

    ( 29 ) Hekk kif il-Kummissjoni tenfasizza fil-punti 21 tan-noti tagħha, jista’ jiġi kkunsidrat li, bis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet għall-individwu, minbarra l-obbligu ta’ kumpens mill-Istat fil-każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju minn deċiżjoni fl-aħħar istanza ta’ qorti nazzjonali (li tirriżulta mis-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq), it-tieni rimedju legali li jippermettieh, minkejja l-interpretazzjoni kuntrarja tad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjonijiet applikabbli u l-ksur ta’ l-obbligu ta’ deċiżjoni preliminari, dritt iggarantit lilu mid-dritt Komunitarju.

    ( 30 ) Nindika wkoll li t-tieni domanda magħmula mill-Finanzgericht Hamburg fil-kuntest tad-deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar (C-274/04, Ġabra p. I-3269) setgħet wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu pożizzjoni li taqbel mas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, fir-rigward tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx hemm għalfejn twieġeb għal din it-tieni domanda.

    ( 31 ) Din l-attenzjoni hija espressa fit-test li ġej tas-sentenza: “kemm-il darba l-prinċipji li jemanaw [mis-sentenza Kühne & Heitz] jistgħu jiġu trasposti f’kuntest li, bħal dak fil-kawża prinċipali, għandu x’jaqsam ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret finali” (punt 23).

    ( 32 ) ĠU L 117, p. 15.

    ( 33 ) Infakkar li, skond il-ġurisprudenza Ġermaniża, l-awtorità amministrattiva tiddisponi, skond l-Artikolu 48(1) tal-VwVfG, minn setgħa diskrezzjonali sabiex tirrevoka att amministrattiv illegali li sar finali. Din is-setgħa diskrezzjonali tista’ madankollu tkun ineżistenti jekk iż-żamma fis-seħħ ta’ l-att in kwistjoni hija “sempliċement insostenibbli” fid-dawl tal-kunċetti ta’ ordni pubbliku, ta’ bona fede, ta’ ekwità, ta’ trattament ugwali jew ta’ illegalità manifesta.

    ( 34 ) Il-Bundesverwaltungsgericht indikat, f’dan ir-rigward, li t-talbiet għal “Reviżjoni” ma setgħux jimxu ’l quddiem biss bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. Skond din il-qorti, dan ma jirrigwardax biss każijiet fejn iż-żamma ta’ l-istima tat-taxxa kella tkun “sempliċement insostenibbli” u fejn is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-amministrazzjoni kienet tnaqset sal-punt li hija ma setgħetx għajr li tirrevoka l-istima.

    ( 35 ) Sentenza i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).

    ( 36 ) Ibid (punt 63).

    ( 37 ) Ibid (punt 69).

    ( 38 ) Ibid (punt 70).

    ( 39 ) Ibid (point 71).

    ( 40 ) Ibid (punt 72).

    ( 41 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, punt 15.

    ( 42 ) Sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28, nenfasizza).

    ( 43 ) Il-fatt waħdu li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, l-impriża rikorrenti tidher li invokat id-dritt Komunitarju quddiem il-qorti nazzjonali li qed tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma jidhirlix li huwa ta’ natura li juri li, fl-ifformular ta’ din it-tielet kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament titlob li d-dritt Komunitarju jkun invokat quddiem il-qorti nazzjonali li qed tiddeċiedi fl-aħħar istanza. Ara f’dan is-sens, l-osservazzjonijiet ta’ Kühne & Heitz f’din il-kawża, punt 22. B’mod iktar preċiż, l-impriża tindika li, fi stadju matul il-proċedimenti li wasslu għas-sentenza College van Beroep voor het bedrijfsleven tat-22 ta’ Novembru 1991, hija invokat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra p. 107).

    ( 44 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju fil-verżjoni Franċiża tagħha, p. 8, paragrafu (b), u l-osservazzjonijiet ta’ Kempter, punti 1 u 2.

    ( 45 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports (C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) 283/81, Ġabra p. 3415.

    ( 47 ) Sentenza Intermodal Transports, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).

    ( 48 ) Digriet tat-28 ta’ April 1998, Reisebüro Binder (C-116/96 REV, Ġabra p. I-1889, punt 7)

    ( 49 ) Ibid (punt 8).

    ( 50 ) Sentenza Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 9).

    ( 51 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra p. 1563, punt 7). Nindika li, fis-sentenza Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “jirriżulta mir-relazzjoni bejn it-tieni u t-tielet paragrafi ta’ [l-Artikolu 234 KE] li l-qrati msemmija fit-tielet paragrafu jgawdu mill-istess setgħa ta’ evalwazzjoni bħall-qrati nazzjonali kollha l-oħra f’dak li jirrigwarda li jsir magħruf jekk deċiżjoni fuq punt ta’ dritt Komunitarju huwa neċessarju sabiex jippermettilhom jagħtu d-deċiżjoni tagħhom” (punt 10).

    ( 52 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju fil-verżjoni Franċiża tagħha, p. 9 u 10.

    ( 53 ) Risposta differenti tista’ twassal lill-individwu jinvoka d-dritt Komunitarju biss sabiex jipproteġi lilu nnifsu fil-każ fejn, fi futur mhux speċifikat, id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun kontradetta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jidhirli mhijiex ir-raġuni ewlenija ta’ l-effett dirett tad-dritt Komunitarju.

    ( 54 ) Ara l-punti 31 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Kempter tibbaża dan l-argument fuq is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C-208/90, Ġabra p. I-4269), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-dritt Komunitarju jipprekludi l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jinvokaw ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar it-termini ta’ rikors fil-kuntest ta’ azzjoni kontrihom minn persuna quddiem il-qrati nazzjonali, sabiex jiġu protetti d-drittijiet direttament mogħtija mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, sakemm dan l-Istat Membru ma ttrasponiex korrettament id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali”.

    ( 56 ) Sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).

    ( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5), u Comet (45/76, Ġabra p. 2043, punti 13 u 16); tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum (C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 46); tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 19 u 34), u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio — Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 17).

    ( 58 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rewe (punt 5) u Comet (punt 18). Ara wkoll, f’dan l-istess sens, is-sentenzi ċċitati Haahr Petroleum (punt 48); Edis (punt 20), u Recheio — Cash & Carry (punt 18).

    ( 59 ) Sentenza Edis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

    ( 60 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rewe (punt 7), u Edis (punt 20). F’din l-aħħar sentenza ġie deċiż li “ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju mingħajr ma tillimita l-effetti fiż-żmien ta’ din is-sentenza ma taffettwax id-dritt ta’ Stat Membru li jipprekludi azzjonijiet għal rimbors ta’ imposti mħallsa bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni b’terminu perentorju nazzjonali” (punt 26).

    ( 61 ) Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-kundizzjonijiet huma tlieta, jiġifieri r-regola tad-dritt Komunitarju miksur kellu bħala għan li jagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun gravi biżżejjed u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu fuq l-Istat u d-dannu subit minn persuni li sofrew dannu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li dawn it-tliet kundizzjonijiet "huma neċessarji u biżżejjed sabiex persuna tingħata d-dritt li tikseb kumpens, għalkemm dan ma jfissirx li Stat jista’ jinsab responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas stretti abbażi tad-dritt nazzjonali" (sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

    ( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punti 41 sa 43); ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27), u Köbler, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).

    ( 63 ) Sentenza Palmisani, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

    Top