Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0446

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ April 2010.
    Amann & Söhne GmbH & Co. KG u Cousin Filterie SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ħajt industrijali – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE – Kunċett ta’ ksur uniku – Definizzjoni tas-suq – Multi – Limitu tal-multa – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni – Proporzjonalità – Trattament ugwali – Drittijiet tad-difiża – Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi.
    Kawża T-446/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:165

    Kawża T-446/05

    Amann & Söhne GmbH & Co. KG u Cousin Filterie SAS

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-ħajt industrijali — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal Ftehim ŻEE — Kunċett ta’ ksur uniku — Definizzjoni tas-suq — Multi — Limitu tal-multa — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni — Proporzjonalità — Trattament ugwali — Drittijiet tad-difiża — Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehim u prattiki miftiehma li jistgħu jitqiesu li huma ksur uniku — Kunċett

    (Artikolu 81(1) KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    2.      Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Komunitarja

    (Artikoli 81 KE, 82 KE, 229 KE u 253 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikoli 23(2) u (3) u 31)

    4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 — Ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni — Assenza

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Pluralità ta’ ksur

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

    6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kapaċità effettiva li jiġi kkawżat dannu fis-suq affettwat

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

    8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom l-istess punt ta’ tluq speċifiku

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati u li tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-multi ma’ dan id-dħul — Assenza

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom l-istess punt ta’ tluq speċifiku

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); is-sitt paragrafu tal-punt 1A tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    11.    Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

    (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    12.    Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ impriżi li għandhom għan antikompetittiv — Ċirkustanza li tippermetti, fin-nuqqas ta’ diżassoċjazzjoni fil-konfront tad-deċiżjonijiet meħuda, li jiġi konkluż li kien hemm parteċipazzjoni fl-akkordju sussegwenti

    (Artikolu 81(1) KE)

    13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur ta’ tul medju u ta’ tul twil — Żieda b’10 % tal-ammont inizjali kull sena

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1B)

    14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa

    (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

    16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-ksur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)

    17.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Provi li jistgħu jintlaqgħu

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

    18.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Drittijiet tad-difiża

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11(5))

    19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Kooperazzjoni tal-impriża waqt il-proċedura amministrattiva

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11(4) u (5))

    1.      Il-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan (l-istess finalità tal‑elementi kollha) u l-istess suġġetti (l‑istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni). Ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jista’ wkoll jikkostitwixxi fih innifsu u meħud waħdu, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l‑azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

    Il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandhu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġiri differenti jiġu kkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwu, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jitratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkuntesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni. Huwa għaldaqstant minħabba raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri distinti, tikkonstata diversi każijiet ta’ ksur distinti u timponi diversi multi distinti.

    Il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew pluralità ta’ ksur, taffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta. Fil‑fatt, il-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall‑impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE.

    (ara l-punti 89-94, 133-134)

    2.      Fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikolu 81 u 82 KE, fid-dawl tal-prinċipju tal-legalità tal-pieni, kif ġie rrikonoxxut mill-qorti Komunitarja skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni illimitat, l-ewwel nett, biex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, it-tieni nett, biex tiddetermina jekk l-atti ta’ ksur differenti jikkostitwixxux ksur uniku u kontinwu jew diversi każijiet ta’ ksur awtonomi u, it-tielet nett, biex tiffissa l‑ammont tal-multi għal dawn il-każijiet ta’ ksur.

    L-ewwel nett, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għalih il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, timponi multi huwa biss dak tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE. Il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE humiex sodisfatti huwa s-suġġett, bħala regola ġenerali, ta’ stħarriġ sħiħ mill-qorti Komunitarja. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li fl-eventwalità fejn din il-konstatazzjoni timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi jew tekniċi kumpelessi, il‑ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Kummissjoni ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li fl-ebda każ ma huwa illimitat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni ma timplikax li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ din in‑natura. Il-qorti Komunitarja għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet ibbażati fuqhom.

    (ara l-punti 130, 131)

    3.      Il-Kummissjoni ma tiddisponix minn marġni ta’ diskrezzjoni illimitat għall-iffissar tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalkemm huwa minnu li l-kriterju oġġettiv tal-limitu tal-multa u l-kriterji suġġettivi tal-gravità u tat-tul tal-ksur iħallu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta sanzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ illegalità tal-aġir inkwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE, filwaqt li jħallu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, jiddefinixxu l-kriterji u l-limiti li huma imposti fuqha fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha fir-rigward tal-multi. Barra minn hekk, fl-iffissar tal-multi skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l‑prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.

    Abbażi tal-Artikolu 229 KE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sħiħa biex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tistabbilixxi multi u jistgħu b’hekk mhux biss jannullaw id-deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni, iżda wkoll ineħħu, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta. B’hekk, il‑prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qorti Komunitarja.

    B’konformità mal-Artikolu 253 KE, f’deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija obbligata, u dan minkejja l-kuntest ġeneralment magħruf tad-deċiżjoni, timmotiva, b’mod partikolari, l-ammont tal-multa imposta u l-metodu magħżul f’dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet bil-għan li jevalwaw il‑possibbiltà li jressqu kawża quddiem il-qorti Komunitarja u, jekk ikun il-każ, tippermetti lill-istess qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    (ara l-punti 140, 142-144, 148)

    4.      Il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew pluralità ta’ ksur, taffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE, li jipprovdu li l-multa għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi parteċipanti fil-ksur ma għandhiex taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali fis-sena kummerċjali preċedenti. Isegwi li, meta l-Kummissjoni timponi multi li l-ammont tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, il-Kummissjoni ma twettaq ebda ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege.

    (ara l-punti 150,151)

    5.      L-għan dissważiv li l-Kummissjoni għandha d-dritt issegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat meta jikkonduċu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità Ewropea jew iż-Żona Ekonomika Ewropea. Fil-każ ta’ pluralità ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li tali għan ma jistax jintlaħaq permezz tas-sempliċi impożizzjoni ta’ sanzjoni għal wieħed mill-ksur.

    (ara l-punt 160)

    6.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru ta’ elementi u ebda wieħed minn dawn l-elementi ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l‑Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

    Fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni. Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

    Restrizzjonijiet orrizontali tat-tip “konsorzji [kartell] ta’ prezzijiet” fis-sens tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma ta’ natura “gravi ħafna”. F’dan il-kuntest, id-daqs limitat tas-swieq inkwistjoni, għandu biss importanza żgħira fil-konfront tal-elementi l-oħra kollha li jattestaw il-gravità tal-ksur.

    (ara l-punti 171, 175,176, 178)

    7.      Fil-kuntest tal-analiżi, imwettqa sabiex jiġi ffissat l-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-kumpanniji akkużati li jagħmlu dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, li tinvolvi evalwazzjoni tal-importanza reali ta’ dawn l-impriżi fis-suq ikkonċernat, jiġifieri tal-influwenza tagħhom fuqu, id-dħul mill-bejgħ globali juri biss stampa inkompleta tal-affarijiet. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li impriża b’saħħitha li jkollha numru ta’ attivitajiet differenti tkun preżenti f’suq ta’ prodotti speċifiċi biss b’mod inċidentali. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti f’suq ġeografiku extra-Komunitarju jkollha biss pożizzjoni dgħajfa fis-suq Komunitarju jew f’dak taż-Żona Ekonomika Ewropea. F’każijiet bħal dawn il-fatt waħdieni li l-impriża kkonċernata għandha dħul mill-bejgħ globali kunsiderevoli mhux bilfors ifisser li hi teżerċita influwenza determinanti fis-suq affettwat. Huwa għalhekk li, għalkemm hu minnu li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża magħmul fis-swieq ikkonċernati ma jistax ikun determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tappartjeni għal entità ekonomika b’saħħitha, dan huwa min-naħa l-oħra rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq.

    B’hekk, sehem tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ huwa ta’ natura li jagħti indikazzjoni tajba tar-responsabbiltà ta’ kull impriża fuq l-imsemmija swieq peress li jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni tajba tal-ħsara ta’ din il-prassi għall-andament normali tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jirrappreżenta indikatur tajjeb tal-kapaċità ta’ kull impriża kkonċernata li toħloq dannu.

    (ara l-punti 187,188)

    8.      Il-metodu li, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti fuq diversi parteċipanti f’akkordju, jikkonsisti fit-tqassim tal-membri fl-akkordju f’diversi kategoriji, li jġib miegħu l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi stabbilit għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija, minkejja li jinjora d-differenzi fid-daqs bejn impriżi tal-istess kategorija, ma jistax jiġi kkritikat, sakemm il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali jiġu osservati. Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi dwar kemm hi xierqa din is-sistema, anki jekk jitqies li tiżvantaġġja l-impriżi ta’ daqs iżgħar. Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni f’dan il‑qasam, għandha fil-fatt tillimita ruħha li tistħarreġ jekk it-tqassim tal-membri fl-akkordju f’kategoriji huwiex koerenti u ġġustifikat oġġettivament, mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha.

    (ara l-punt 196)

    9.      L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82KE, lanqas ma jeħtieġ li, fil-każ fejn il-multi jkunu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx superjuri, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, għal dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi akkużata li, għal xi wħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ikbar, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra. B’hekk, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li tnaqqas l-ammont tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji. Fil-fatt, id-daqs tal-impriża huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fid-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17. u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA. Minnbarra dawn il‑kunsiderazzjonijiet fir-rigward tad-daqs, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta l-impriżi żgħar jew medji b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l‑impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji ma jeżonerahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 199, 200)

    10.    Fil-kuntest tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprovdu, fis-sitt paragrafu tal-punt 1A tagħhom, li differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura hija, b’mod partikolari, ta’ natura li tiġġustifika differenzazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika fl-istess grupp, diversi impriżi fejn waħda kellha dħul mill-bejgħ globali ħafna jew “sensibbilment” inqas minn dak tal-impriżi l-oħra, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq ikkonċernat u l-partijiet tas-suq tagħhom simili ħafna, u li tapplika fuqhom ammont inizjali speċifiku identiku.

    (ara l-punti 202, 205)

    11.    Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-forom proċedurali sostanzjali li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l‑elementi ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur. Dawn il-ħtiġijiet ma jorbtux lill-Kummissjoni sabiex fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multi, filwaqt li jiġi ppreċiżat, f’kull każ, li l-Kummissjoni ma tistax, bl-użu esklużiv u mekkaniku ta’ formoli aritmetiċi, iċċaħħad ruħha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju.

    (ara l-punt 226)

    12.    Il-fatt li impriża ma pparteċipatx f’laqgħa multilaterali u li hija waqqfet milli tikkomunika informazzjoni lill-membri oħra tal-akkordju, ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li hija rrinunzjat milli tipparteċipa f’akkordju, peress li ma tkunx iddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tiegħu.

    (ara l-punti 240, 241, 244)

    13.    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma responsabbli mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Punt 1B tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux l-ebda żieda għal ksur ta’ tul qasir, b’mod ġenerali ta’ tul ta’ nqas minn sena, titwettaq żieda għall-ksur ta’ tul medju, b’mod ġenerali ta’ tul ta’ bejn sena u ħames snin, żieda li tista’ pereżempju, titla’ sa 50 % tal-ammont inizjali tal-multa. Fir-rigward tal-ksur ta’ tul twil, b’mod ġenerali ta’ tul ta’ iktar minn ħames snin, huwa previst biss li l-ammont jista’ jiżdied b’10 % fis-sena. Dawn iż-żidiet ma humiex awtomatiċi, peress li l-imsemmija linji gwida jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni.

    (ara l-punti 237, 247, 249)

    14.    Il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jelenkawx b’mod obbligatorju ċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha ċertu diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi skont iċ‑ċirkustanzi attenwanti. B’hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista’ tkun obbligata tapplika, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għat-tmiem ta’ ksur manifest, kemm jekk dan il-waqfien seħħ qabel jew wara l‑interventi tagħha.

    It-tmiem ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, previst mit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jista’ loġikament jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti biss jekk ikunu jeżistu raġunijiet sabiex jitqies li l-impriżi inkwistjoni tħajru jtemmu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni. Fil-fatt, il-finalità ta’ din id-dispożizzjoni hija li tħajjar lill-impriżi sabiex itemmu l-aġir antikompetittiv tagħhom immedjatament meta l-Kummissjoni tibda stħarriġ f’dan ir-rigward. Ma jistax jiġi applikat tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi ta’ dan fil-każ fejn tkun diġà ttieħdet deċiżjoni konkreta minn dawn l-impriżi li jintemm il-ksur qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew fil-każ fejn il-ksur ikun diġà ntemm qabel din id-data. Din l‑aħħar ipoteżi għandha tittieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tul tal-perijodu ta’ ksur ikkunsidrat.

    (ara l-punti 259, 260)

    15.    Il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprovdu, fir-rigward tal-elementi suġġettivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-punt ta’ tluq tal-multa, li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sostanzjali lill-operaturi l‑oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fuq livell li jiżgura natura suffiċjentement dissważiva. Skont dawn il-linji gwida, f’każijiet fejn huma implikati diversi impriżi, bħal f’kartell, jista’ jkun neċessarju li jiġi applikat l-ammont inizjali ġenerali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il‑kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsiderevoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk l-ammont inizjali ġenerali jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża.

    Il-linji gwida ma jipprekludux li d-dħul mill-bejgħ globali jew id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fis-suq ikkonċernat jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk.

    B’hekk, it-tqassim tal-impriżi f’żewġ kategoriji, b’rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, huwa mod raġjonevoli sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva tagħhom fis-suq sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa, sakemm dan ma jirriżultax f’rappreżentazzjoni mgħawġa ħafna tas-suq inkwistjoni.

    (ara l-punti 273-275, 280)

    16.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-effetti tal-ksur fuq suq, li taqa’ fuq il-Kummissjoni meta fil-kalkolu tal-multa din tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, huwa nqas kbir minn dak meħtieġ minnha meta trid turi l-eżistenza bħala tali ta’ ksur fil-każ ta’ akkordju. Fil-fatt, sabiex jiġi kkunsidrat l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, huwa biżżejjed li l‑Kummissjoni tagħti “raġunijiet tajbin li għandhom jiġu kkunsidrati”.

    (ara l-punt 301)

    17.    Id-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba l-fatt li hemm inkonsistenza bejn id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk xi oġġezzjoni li tkun tinsab fiha ma tkunx ġiet esposta b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lid-destinatarji li jiddefendu ruħhom.

    Għalkemm dawn id-dokumenti ma jissemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-impriża kkonċernata tista’ ġustament tqis li ma kellhomx importanza għall-finijiet tal-kawża. Billi ma tinformax lil impriża li ċerti dokumenti ser jintużaw fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tostakolaha milli timmanifesta fi żmien utli l-opinjoni tagħha fuq il-valur ta’ prova ta’ dawn id‑dokumenti. Isegwi li dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mezzi ta’ provi validi fir-rigward tagħha.

    Dokument użat mill-Kummissjoni insostenn ta’ lment fid-deċiżjoni finali filwaqt li dan id-dokument intuża fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jiġi stabbilit ilment ieħor jista’ biss jinżamm fid-deċiżjoni kontra l-impriża kkonċernata meta din setgħet tiddeduċi b’mod raġjonevoli, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-kontenut tad-deċiżjoni, il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għandha l‑intenzjoni tasal għalihom.

    (ara l-punti 313-315)

    18.    Dritt għal silenzju assolut, ma jistax jiġi rikonoxxut lil impriża destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ tali dritt, imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiġu ppreżervati d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u jikkostitwixxi xkiel inġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-missjoni li tiżgura l‑osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dritt għal silenzju jista’ jiġi rrikonoxxut biss sa fejn l-impriża kkonċernata tkun obbligata tagħti risposti li permezz tagħhom hija jkollha tammetti l-eżistenza tal-ksur fejn hija l‑Kummissjoni li trid tistabbilixxi dan.

    Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il‑Kummissjoni hija, konsegwentement, intitolata tobbliga lill-impriżi sabiex jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li huma jkunu jafu bihom u sabiex ifornuha, jekk meħtieġ, bid-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħhom, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Dan il-poter tal-Kummissjoni li tikseb informazzjoni la jmur kontra l‑Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB u lanqas kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    F’kull każ, il-fatt li persuna tkun obbligata tirrispondi għad-domandi purament fattwali magħmula mill-Kummissjoni u li tissodisfa t-talbiet tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti ma jiksirx il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ta’ dak ta’ dritt għal smigħ xieraq, li jagħtu, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, protezzjoni ekwivalenti għal dik garantita mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, xejn ma jwaqqaf lid-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni milli juri, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew waqt proċedura quddiem il-qorti Komunitarja, li l-fatti esposti fir-risposti tagħha jew id-dokumenti kkomunikati għandhom tifsira oħra minn dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

    Fl-aħħar, meta f’talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni, barra mill-mistoqsijiet purament ta’ fatt u talbiet għal produzzjoni ta’ dokumenti preeżistenti, titlob lil impriża sabiex tiddeskrivi l-għan u l-andament ta’ diversi laqgħat li tkun ipparteċipat fihom kif ukoll ir-riżultati jew il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat, meta huwa ċar li l-Kummissjoni tissuspetta li l-għan tal-imsemmija laqgħat hu li jirristrinġi l-kompetizzjoni, talba bħal din hi ta’ natura li tobbliga lill-impriża inkwistjoni li tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-imsemmija impriża ma hijiex obbligata li twieġeb domandi ta’ dan it-tip. F’ipoteżi bħal din, il-fatt li impriża xorta waħda tgħaddi informazzjoni fuq dawn il-punti għandu jiġi kkunsidrat bħala kollaborazzjoni spontanja tal-impriża li tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa bl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. F’din l-istess ipoteżi, l-impriżi ma jistgħux jallegaw li d-dritt tagħhom li ma jinkriminawx ruħhom ġie miksur minħabba l-fatt li huma rrispondew, volontarjament, għal tali domanda.

    (ara l-punti 326-329)

    19.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija minħabba akkordju pprojbit, il‑kollaborazzjoni ta’ impriża kkonċernata fl-investigazzjoni ma tagħtiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx għaddiet dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 1(4) u (5), tar-Regolament Nru 17. Bil-kontra, fil-każ fejn impriża tipprovdi, bħala risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11, informazzjoni li tmur lil hinn minn dik mistennija mill-Kummissjoni skont l-istess artikolu, l-impriża inkwistjoni tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa.

    (ara l-punt 340)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    28 ta’ April 2010(*)

    “Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ħajt industrijali – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE – Kunċett ta’ ksur uniku – Definizzjoni tas-suq – Multi – Limitu tal-multa – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni – Proporzjonalità – Trattament ugwali – Drittijiet tad-difiża – Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi”

    Fil-Kawża T‑446/05,

    Amann & Söhne GmbH & Co. KG, stabbilita fi Bönnigheim (il‑Ġermanja),

    Cousin Filterie SAS, stabbilita f’Wervicq-Sud (Franza),

    irrappreżentati minn A. Röhling, M. Dietrich u C. Horstkotte, avukati,

    rikorrenti

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, assistiti minn G. Eickstädt, avukat,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 3452, tal-14 ta’ Settembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.337 PO/Ħajt), kif emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 3765, tat-13 ta’ Ottubru 2005, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-imsemmija deċiżjoni,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

    Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    A –   Is-suġġett tal-kawża

    1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2005) 3452, tal-14 ta’ Settembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.337 PO/Ħajt) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni kkontestata”), kif emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 3765, tat-13 ta’ Ottubru 2005, u li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 21, p. 10), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kkonstatat li r‑rikorrenti, Amann & Söhne GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Amann”) u Cousin Filterie SAS (iktar ’il quddiem “Cousin”), kienu pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u prattiki miftiehma dwar is-suq tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karozzi (iktar ’il quddiem il-“ħajt intiż għall‑industrija tal-karozzi”) fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għall‑perijodu bejn Mejju/Ġunju 1998 u l-15 ta’ Mejju 2000, u li Amann kienet ipparteċipat ukoll f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma dwar il-ħajt industrijali bl-esklużjoni tas-settur tal-karrozzi (iktar ’il quddiem il-“ħajt industrijali”), fil-Benelux, fid-Danimarka, fil‑Finlandja, fin-Norveġja u fl-Isvezja (iktar ’il quddiem il-“pajjiżi Nordiċi”), għall-perijodu bejn Jannar 1990 u Settembru 2001.

    2        Il-Kummissjoni, minn naħa, imponiet multa ta’ ammont ta’ EUR 4.888 miljun fuq Amann u Cousin, responsabbli in solidum, għall‑parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell li jirrigwarda l-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, imponiet multa ta’ ammont ta’ EUR 13.09-il miljun fuq Amann għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell li jirrigwarda l-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

    B –  Il-proċedura amministrattiva

    3        Fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fil-bini ta’ diversi produtturi tal-ħajt. Dawn l‑investigazzjonijiet saru wara informazzjoni li ngħatat f’Awwissu 2000 minn The English Needle & Tackle Co. Ltd.

    4        Fis-26 ta’ Novembru 2001, Coats Viyella plc (iktar ’il quddiem “Coats”) ressqet talba għal klemenza skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (96/C 207/04) (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il‑“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”), li magħha ġew ippreżentati dokumenti prodotti bil-għan li tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordji li ġejjin: l-ewwel nett, akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karozzi fiż-ŻEE, it‑tieni nett, akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija fir-Renju Unit u, it-tielet nett, akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

    5        Abbażi tad-dokumenti li ttieħdu waqt l-investigazzjonijiet u ta’ dawk mibgħuta minn Coats, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi kkonċernati talbiet għal informazzjoni f’Marzu u f’Awwissu 2003, skont l-Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 17.

    6        Fit-18 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet li hija bagħtet lil diversi impriżi minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju jew f’diversi akkordji msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, fosthom dak dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija fil-Benelux u fil‑pajjiżi Nordiċi.

    7        L-impriżi destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    8        Inżammet seduta fid-19 u fl-20 ta’ Lulju 2004.

    9        Fl-24 ta’ Settembru 2004, il-partijiet ingħataw l-aċċess għall‑verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet u għall-osservazzjonijiet tal-partijiet matul is-seduta, u ngħataw terminu sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet oħra.

    10      Fl-14 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

    C –   Id-Deċiżjoni kkontestata

    1.     Is-swieq inkwistjoni

    a)     Is-swieq tal-prodotti

    11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-settur tal-ħajt jista’ jinqasam f’żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, dak tal-ħajt użat mill-industrija sabiex jiġu meħjuta jew irrakkmati diversi tipi ta’ ħwejjeġ u lbies jew oġġetti oħra, bħal oġġetti tal-ġilda, tapizzerija għall‑karozzi u mtieraħ, u, min-naħa l-oħra, dak tal-ħajt domestiku użat mill-individwi għal xogħlijiet ta’ ħjata jew ta’ tiswija u għal attivitajiet ta’ pjaċir.

    12      Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fir-rigward tas-settur tal-ħajt intiż għall-industrija, dan jista’ jinqasam fi tliet kategoriji skont l-użu li jsir minnu: il-ħajt tal-ħjata, iddestinat għall-ħjata, li jintuża għal diversi tipi ta’ lbies, il-ħajt tar-rakkmu, li jintuża fuq il-magni tar-rakkmu industrijali kompjuterizzati għat-tiżjin tal-ilbies, taż-żraben tal-isport u ta’ drappijiet għad-dar, u l-ħajt speċjali, li jintuża f’diversi oqsma bħal dawk taż-żraben, tal-oġġetti tal‑ġilda u tal-karozzi.

    13      Minn dan jirriżulta wkoll li l-ħajt intiż għall-industrija jista’ wkoll jinqasam f’diversi kategoriji skont it-tip ta’ fibra u l-istruttura tal-ħajta.

    14      Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-ħajt intiż għall-industrija jista’ jitqies, mill-perspettiva tal-offerta, bħala li jikkostitwixxi suq ta’ prodotti uniku peress li ma hemm ebda korrispondenza stretta bejn l-użu finali u t-tip ta’ fibra u/jew l-istruttura tal-ħajt. Il-Kummissjoni tippreċiża li, skont Coats, ċerti klijenti tas-settur tal-ħjata jużaw ħajt speċjali u li ċerti klijenti tas-settur tar-rakkmu jużaw il-ħajt tal-ħjata. Hija żżid li Coats enfasizzat li l-proċessi ta’ produzzjoni tal-ħajt intiż għall-ħjata, tal-ħajt tar-rakkmu u tat-tipi differenti ta’ ħajt speċjali jistgħu jkunu komuni jew faċilment interkambjabbli.

    15      Madankollu, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-ħajt intiż għall‑industrija tal-karozzi, u min-naħa l-oħra, dak intiż għall-bqija tal-industrija. Fil-fatt, il‑Kummissjoni tikkunsidra li, għalkemm il-proċessi ta’ produzzjoni ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ ħajt huma simili jew faċilment interkambjabbli, it‑talba tal-industrija tal-karozzi toriġina minn klijenti kbar li jimponu speċifikazzjonijiet ta’ livell ogħla għal ċerti prodotti li huma jużaw, pereżempju, il-ħajt użat għaċ‑ċinturini ta’ sigurtà, u li jirrikjedu l-uniformità tal-prodotti fil-pajjiżi differenti fejn huma għandhom bżonnhom għall-industrija tagħhom.

    16      Fil-kawża preżenti, is-swieq tal-prodotti kkonċernati bil-ksur li huma akkużati bih ir-rikorrenti huma dak tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi, u f’dak li jirrigwarda l-ksur li hija akkużat bih Amann, dak tal-ħajt industrijali.

    b)     Is-swieq ġeografiċi

    17      Fid-Deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tindika li s-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi għandu, minħabba speċifikazzjonijiet ta’ livell ogħla msemmija iktar ’il fuq, li jeħtieġu uniformità fiż‑ŻEE, jiġi distint mis-suq tal-ħajt industrijali. Għaldaqstant, hija tqis li s-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi jinfirex għaż-ŻEE kollha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkonstata li ftit fornituri biss jistgħu jagħmlu offerta standard għal dawn il-prodotti għaż-ŻEE kollha. Ir-raġunijiet għal dan huma li x-xerrejja għandhom bżonn ħajt uniformi sabiex jiffaċilitaw il-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi differenti, li dan il‑ħajt għandu jissodisfa standards speċifiċi ta’ kwalità (pereżempju l-ħajt użat għall-ħjata taċ‑ċinturini ta’ sigurtà) u li, għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità tal-prodotti u r-responsabbiltà, it-traċċabbiltà tal-produzzjoni ta’ dan il-ħajt hija essenzjali.

    18      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħajt industrijali, il-Kummissjoni tikkonstata li, skont l‑informazzjoni mogħtija mill-partijiet, is-suq ġeografiku inkwistjoni għall-ħajt industrijali huwa ta’ daqs reġjonali. Hija żżid li r-reġjun jista’ jkopri, skont il-każ, diversi pajjiżi taż‑ŻEE, pereżempju l-pajjiżi tal‑Benelux jew il-pajjiżi Nordiċi, jew pajjiż wieħed, pereżempju r-Renju Unit.

    19      Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-suq ġeografiku kkonċernat bil‑ksur dwar il-ħajt industrijali li hija akkużata bih Amann huwa dak tal-pajjiżi tal-Benelux u tal-pajjiżi Nordiċi, filwaqt li dak ikkonċernat bil-ksur dwar il-fil intiż għall-industrija tal-karrozzi li huma akkużati bih ir‑rikorrenti jkopri ż-ŻEE.

    2.     Id-daqs u l-istruttura tas-swieq inkwistjoni

    20      Il-Kummissjoni tippreċiża fid-Deċiżjoni kkontestata li d-dħul mill-bejgħ tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi kien ta’ madwar EUR 50 miljun fl-2000 u madwar EUR 40 mijun fl-2004, u li dak tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi kien ta’ madwar EUR 20 miljun fl‑1999.

    21      Minn dan jirriżulta wkoll li, lejn l-aħħar tas-snin 90, il-fornituri prinċipali tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi kienu b’mod partikolari Amann, Barbour Threads Ltd (iktar ’il quddiem “Barbour”) qabel ma nxtrat minn Coats, Belgian Sewing Thread NV (iktar ’il quddiem “BST”) , Coats, Gütermann AG u Zwicky & Co. AG (iktar ’il quddiem “Zwicky”), u li dawk tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi kienu b’mod partikolari r-rikorrenti, Coats, Oxley Threads Ltd (iktar ’il quddiem “Oxley”), Gütermann u Zwicky.

    3.     Id-deskrizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur

    22      Il-Kummissjoni tindika, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-aġir li huma akkużati bih ir-rikorrenti, relatat mal‑akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE, seħħ bejn Mejju/Ġunju 1998 u Mejju 2000.

    23      Il-partijiet fl-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi fiż-ŻEE kellhom bħala l-għan ewlieni tagħhom li jżommu l‑prezzijiet fuq livell għoli.

    24      Għal dan il-għan, ġew organizzati ħames laqgħat li fihom il-parteċipanti stabbilixxew qabel kollox it-tip ta’ prezzijiet indikattivi għall-prodotti bażiċi mibjugħa lis-settur tal-karrozzi Ewropew, wieħed applikat lill-klijenti eżistenti u l-ieħor lill-klijenti ġodda. Sussegwentement ġiet skambjata informazzjoni dwar il-prezzjonijiet applikati lill-klijenti individwali u dwar il-prezzijiet indikattivi minimi. Fl-aħħar il-parteċipanti ntrabtu li jevitaw li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari.

    25      Fir-rigward tal-aġir relatat mal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, il-Kummissjoni tikkonstata li dan seħħ matul l-1990 u l-2001.

    26      Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, l-impriżi kkonċernati ltaqgħu minn tal-inqas darba fis-sena u dawn il-laqgħat ġew organizzati f’żewġ sessjonijiet, waħda ddedikata għas-suq tal-pajjiżi tal-Benelux, l‑oħra għal dak tal-pajjiżi Nordiċi u l-għan ewlieni tagħhom kien li l‑prezzijiet jinżammu fuq livell għoli f’kull wieħed minn dawn iż żewġt iswieq.

    27      Il-parteċipanti skambjaw listi tal-prezzijiet u informazzjoni fuq l‑iskontijiet, fuq l-applikazzjoni ta’ żidiet fil-listi tal-prezzijiet, fuq it‑tnaqqis ta’ skontijiet u fuq iż-żieda ta’ prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti. Huma kkonkludew ukoll ftehim dwar il-listi futuri tal-prezzijiet, dwar ir-rata massima ta’ skont, dwar it-tnaqqis ta’ skontijiet u dwar iż-żieda tal-prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti, kif ukoll ftehim intiż sabiex jiġi evitat li huma jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il‑fornitur regolari u sabiex jqassmu bejniethom il-klijenti.

    4.     Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata

    28      Fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li sitt impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż‑ŻEE, għall-perijodu bejn Mejju/Ġunju 1998 u Mejju 2000, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti. Bl-istess mod, fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li tmien impriżi, fosthom Amann, kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, għall-perijodu bejn Jannar 1990 u Settembru 2001 f’dak li jikkonċerna Amann.

    29      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, ġew imposti l-multi segwenti:

    a)      għall-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE:

    –        fuq ir-rikorrenti, responsabbli in solidum: EUR 4.888 miljun;

    –        Coats: EUR 0.65 miljun ;

    –        Oxley: EUR 1.271 miljun ;

    –        Barbour and Hicking Pentecost plc, responsabbli in solidum: EUR 0.715 miljun;

    b)      għall-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi, b’mod partikolari:

    –        Coats: EUR 15.05 miljun;

    –        Amann: EUR 13.09 miljun;

    –        BST: EUR 0.979 miljun;

    –        Gütermann: EUR 4.021 miljun;

    –        Zwicky: EUR 0.174 miljun.

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    30      Permezz ta’ att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

    31      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lil Ħames Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet attribwita lill-imsemmija awla.

    32      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernahom;

    –        sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

     Id-dritt

    34      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jqajmu motiv intiż għall-annullament tad‑Deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

    35      Fi-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw numru ta’ motivi intiżi għat-tneħħija tal-multa. Minn naħa, huma jakkużaw lill-Kummissjoni li imponietilhom multa li l-ammont tagħha jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità meta ġiet imposta l-multa, fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa imposta għall-akkordju li jikkonċerna l-ħajt industrijali, fuq il-kalkolu żbaljat tat-tul tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti li jirrigwardaw il-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali, fuq il-kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali u tal-ammont bażiku tal-multa imposta għall-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal‑akkordju li jikkonċerna l-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u fuq ksur tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża.

    A –  Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq ksur tal‑ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003

    1.     L-argumenti tal-partijiet

    36      Ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur allegat jikkostitwixxi ksur uniku fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba l-fatt li s-swieq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u dak tal-ħajt industrijali ma jikkostitwux swieq ta’ prodotti jew ġeografiċi distinti, li jeżisti element suġġettiv komuni bejn dawn l-akkordji u li l-kriterji użati mill-Kummissjoni biex tikkonstata n-nuqqas ta’ ksur uniku ma humiex validi.

    37      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ suq ta’ prodotti uniku, ir‑rikorrenti jikkontestaw li kkonfermaw b’mod espliċitu li l-ħajt intiż għall-ħwejjeġ u lbies u dak intiż għall-industrija tal-karrozzi jaqgħu taħt żewġt iswieq distinti. Fil-fatt, it-tweġiba ta’ Amann għat-talba għal informazzjoni, li tikkwalifika bħala dinji s-suq tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi, ma timplika bl-ebda mod rikonoxximent tan-natura allegatament awtonoma ta’ dan is-suq tal-aħħar. Barra minn hekk, wara li ppreżentat stimi għal sitt setturi differenti ta’ ħajt, Amann ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel l-istess għas-settur tal-ħajt intiż għas‑settur tal-karrozzi.

    38      Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ operaturi oħra bħal Coats u Gütermann ma jistgħux, lanqas huma, jippermettu li tiġi konkluża l‑eżistenza ta’ distinzjoni bejn is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi u dak tal-ħajt industrijali.

    39      Il-perspettiva tar-rikorrenti, fir-rigward tan-natura unika tas-suq, hija kkonfermata mill-preżentazzjoni tal-prodotti mwettqa mill-impriżi kollha. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-każ tas-segmentazzjoni magħmula minn Gütermann, Amann u Coats. F’dan jidher li użu tal-istess ħajt f’setturi diversi huwa possibbli.

    40      L-eżistenza ta’ standards ta’ speċifikazzjonijiet iktar stretti meħtieġa mill-klijenti l-kbar tas-settur tal-karrozzi lanqas ma tiġġustifika d‑distinzjoni bejn il-ħajt industrijali u dak intiż għall-industrija tal‑karrozzi. Fil-fatt, il-ħajt huwa, bħala regola ġenerali, prodott skont il-ħtiġijiet tal-industrija tal-karrozzi u pprovdut f’din il-kwalità lill-klijenti l-kbar ta’ setturi industrijali oħra. Il‑produzzjoni ta’ żewġ tipi ta’ ħajt ta’ kwalita differenti ma hijiex barra minn hekk difendibbli minn perspettiva ekonomika. B’hekk, il‑karatteristiċi tekniċi tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi huma, fil-parti l-kbira tagħhom, identiċi għal dawk tal-ħajt industrijali. Għaldaqstant dawn huma interkambjabbli, peress li l‑kummerċjalizzazzjoni tagħhom isseħħ, barra minn hekk, abbażi tal-prodotti u mhux tal‑klijenti.

    41      It-tieni nett, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma eżaminatx jekk l-aġir differenti li kienu akkużati bih kienx konness permezz ta’ element suġġettiv komuni u jekk kienx jikkostitwixxi b’hekk ksur uniku. Il‑Kummissjoni kienet ikkonstatat hija stess li l-ksur kien kollu intiż għad-distorsjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet fis-suq inkwistjoni.

    42      Il-fatt li huma ftehim dwar il-prezzijiet u li r-riżoluzzjonijiet adottati mir‑reġjuni kkonċernati huma prattikament identiċi jsostni t-teżi tan‑natura unika tal-ksur ikkonstatat. Ir-rikorrenti jżidu li, fil-parti l‑kbira tal-Istati Membri, l-element suġġettiv huwa l-kriterju determinanti sabiex jiġi kkonstatat ksur uniku.

    43      Huma jqisu wkoll li, b’rigward tad-daqs medju tal-parti l-kbira tal‑impriżi inkwistjoni, id-diriġenti u l-assoċjati tagħhom bilfors kellhom konoxxenza tal-ksur differenti. Huma jippreċiżaw, f’dak li jirrigwardahom, li l-element suġġettiv jirriżulta, qabel kollox, min‑nuqqas ta’ diviżjoni tal-kompetenzi interni fis-settur tal‑kummerċjalizzazzjoni tal-ħajt industrijali u tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi.

    44      Barra minn hekk, huma jirrilevaw, essenzjalment, in-nuqqas ta’ koerenza fl-approċċ tal-Kummissjoni, li bdiet mill-prinċipju ta’ ksur uniku għall-ksur suċċessiv imwettaq fi ħdan kull akkordju, iżda ma pproċedietx bl-istess mod għall-akkordji bejniethom. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi, fil-Premessi 266 sa 270 tagħha, diversi kontradizzjonijiet li juru li t-teżi tal-Kummissjoni, rigward l-eżistenza ta’ ksur distint, ma hijiex difendibbli.

    45      It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kriterji applikati mill‑Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ksur uniku.

    46      L-ewwel nett, huma jsostnu li dawn il-kriterji ma humiex validi. F’dan ir‑rigward huma jsostnu, minn naħa, li l-Kummissjoni hi hija stess indeċiża fir-rigward tal-użu tal-kriterji sabiex tiġi ddeterminata l‑eżistenza ta’ ksur uniku, peress li hija tiġġustifika l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti billi tirreferi għal parteċipanti differenti, għal mod ta’ funzjonament ieħor u għan-nuqqas ta’ koordinazzjoni ġenerali u wara tibbaża ruħha fuq id-differenza fuq il-livell tas-swieq ikkonċernati filwaqt li tiddikjara sussegwentement li l-ftehim li jirrigwardaw il-Benelux u l‑pajjiżi Nordiċi għandhom jiġu eżaminati flimkien peress li huma konnessi b’organizzazzjoni, mod ta’ funzjonament u parteċipanti identiċi. B’hekk ir-rikorrenti jikkonstataw li l-kriterju ta’ koordinazzjoni ġenerali ma għandu ebda rwol f’dak li jirrigwarda r-rikkonoxximent ta’ ksur uniku fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

    47      Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-kriterju ta’ delimitazzjoni tas-suq tal‑prodotti, fil-każ ta’ prodotti relatati, huwa irrilevanti. Fil‑fatt, l-użu ta’ dan il-kriterju, bl-esklużjoni tal-każijiet evidenti li fihom il-prodotti ma jaqgħu bl-ebda mod taħt l-istess suq, jammonta biex jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni setgħa ta’ diskrezzjoni inkontrollabbli fil‑kuntest tas-sanzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il‑kriterju li jirrigwarda n-nuqqas ta’ identità tal-parteċipanti huwa, hu wkoll, irrilevanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti jenfassizzaw li l‑kwistjoni ta’ min jirrapreżenta l-impriżi parteċipanti hija mingħajr importanza, peress li l-parteċipazzjoni hija attribwibbli lill-impriża kkonċernata.

    48      It-tieni nett, Amann u Cousin isostnu li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji kellha, f’kull każ, twassal lill-Kummissjoni tikkonstata l‑eżistenza ta’ ksur uniku.

    49      Minn naħa, huma jinvokaw il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax validament tiġġustifika l-eżistenza ta’ ksur distint billi tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-akkordji peress li hija stess tenfassizza, billi tirrepeti f’dan ir-rigward id-dikjarazzjonijiet ta’ Coats, li, minħabba li s-swieq tal-prodotti huma pjuttost delimitati mill-pajjiż, ma kienx neċessarju li ssir koordinazzjoni bejn ir-reġjuni kkonċernati. Bl-istess mod, l-attentat tal-Kummissjoni li twettaq distinzjoni bejn il-koordinazzjoni tas-swieq ġeografiċi u dik tas-swieq ta’ prodotti distinti huwa irrilevanti peress li, fil-każ ta’ swieq ġeografiċi differenti, koordinazzjoni bejn swieq ta’ prodotti distinti ma jkollhiex sens. Huwa għalhekk li r-rikorrenti jsostnu li għandu jiġi evalwat l-aġir inkwistjoni billi jiġi ammess li l-laqgħat iddedikati lir-reġjuni differenti kienu parti minn pjan ġenerali approvat mid‑direttorati rispettivi tagħhom u kkonfermat minn dokumenti li juru kuntatti ta’ spiss bejn rappreżentati ta’ Coats u ta’ Amann intiżi sabiex li jiġu trattati kwistjonijiet ta’ “strateġija ogħla” fl-Ewropa. Tali dokumenti juru l-eżistenza ta’ element suġġettiv komuni. F’dan ir‑rigward, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma analizzatx il‑kwistjoni dwar jekk dan it-tip ta’ kuntatt eżistiex ukoll bejn Coats u kompetituri oħra.

    50      Min-naħa l-oħra, ma hemmx differenza determinanti fuq il-livell tal‑parteċipanti fil-ftehim u tal-organizzazzjoni tagħhom. F’dan ir‑rigward, ir-rikorrenti jindikaw li, skont il-ġurisprudenza, ksur uniku fis-sens ġuridiku tat-terminu ma jistax jiġi eskluż minħabba s‑sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’forom partikolari għaliha, peress li impriża setgħat tkun ipparteċipat f’akkordju uniku mingħajr ma tkun ipparteċipat fl-elementi kostituttivi kollha tiegħu.

    51      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti jirrilevaw li biss tliet impriżi ħadu sehem fi ftehim wieħed, peress li l-impriżi l-oħra kollha kienu implikati f’mill-inqas żewġ ftehim oħra, li jikkostitwixxi konnessjoni fuq il-livell tal-parteċipanti li timmilita favur l-eżistenza ta’ ksur uniku. Barra minn hekk, paragun bejn il-laqgħat li jirrigwardaw l‑akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali u dawk li jirrigwardaw l‑akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi ma jsostni bl-ebda mod it-teżi tal-eżistenza ta’ ksur distint. Il-laqgħat inżammew, fiż-żewġ każijiet, b’mod irregolari.

    52      Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-argumenti.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    a)     Fuq id-distinzjoni tas-swieq tal-prodotti u ġeografiċi.

    53      Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba n-natura speċifika tiegħu, is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi għandu jiġi distint minn dak tal-ħajt industrijali, kemm mill‑perspettiva tal-prodotti kif ukoll mill-perspettiva ġeografika (ara l-punti 12 sa 16 u 18 sa 20 ikar ’il fuq).

    54      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn din timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal‑Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 64, u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, Ġabra p. II‑2585, punt 26). Madankollu, din tal-aħħar ma tistax tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. F’dan ir‑rigward, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni bbażatx l‑evalwazzjoni tagħha fuq provi li huma preċiżi, affidabbli u koerenti, li jikkostitwixxu d-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u li huma kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa minnhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 482).

    55      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, is-suq li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinkludi l-prodotti kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u ma tantx huma interkambjabbli bi prodotti oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod iktar speċifiku, li l-kunċett ta’ suq tal-prodotti jimplika li tista’ teżisti kompetizzjoni effettiva bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn il-prodotti kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 28).

    56      Fir-rigward tal-interkambjabbiltà, din hija evalwata abbażi ta’ sensiela ta’ indikazzjonijiet li huma l-karatteristiċi proprji tal-prodotti, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad-domanda u tal‑offerta fis-suq (sentenza Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 37).

    57      Għalkemm, minn perspettiva ekonomika, il-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tad-domanda hija l-kriterju ta’ evalwazzjoni l-iktar immedjat u l-iktar effettiv fir-rigward tal-fornituri ta’ prodott speċifiku (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, Ġabra p. II‑1931, punt 99), il-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tal-offerta tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni fl-operazzjonijiet li fihom din il-kapaċità ta’ sostituzzjoni għandha effetti ekwivalenti għal dawk tal-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tad-domanda f’termini ta’ immedjatezza u ta’ effikaċja. B’hekk il-kriterju tal-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tal-offerta jimplika li l-prodotturi jistgħu, permezz ta’ sempliċi addattament, jippreżentaw ruħhom f’dan is-suq b’saħħa suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu kontrobilanċ serju għall-produtturi diġà preżenti fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 829).

    58      Fir-rigward tal-prodotti stess, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar jistgħu jikkostitwixxu suq distint meta dawn huma individwalizzati permezz ta’ karratteristiċi speċifiċi ta’ produzzjoni li jagħmluhom speċifikament adattati għal din id-destinazzjoni jew meta dawn huma individwalizzati minħabba l-użu tagħhom (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 33).

    59      Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq”) li fiha hija ppreċiżat il-kriterji li għandhom jiġu evalwati sabiex jiġi ddefinit suq ta’ prodotti rilevanti u sabiex jiġi delimitat is-suq ġeografiku inkwistjoni. Is-suq ta’ prodotti inkwistjoni huwa hemm iddefinit bħala dak li “hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkonsidrati bħala li kappaċi li jiġu mibdula jew jkunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-Prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom”. Fir-rigward tas-suq ġeografiku, dan huwa ddefinit bħala dak li “hu magħmul minn żona fejn l-impriża kkonċernata hija involuta fil-fornitura u domanda ta’ prodotti u servizzi, fejn il-kondizzjonijiet ta’ Kompetizzjoni huma omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu ddistingwiti minn żoni ġirien minħabba illi l-kondizzjonijiet tal-Kompetizzjoni huma differenti sostanzjarjament f’dawk iż-żoni”. Is-suq inkwistjoni li fil-kuntest tiegħu għandha tiġi evalwata problema partikolari ta’ kompetizzjoni huwa għaldaqstant iddeterminat billi jingħaqdu flimkien is-suq tal-prodotti u s-suq ġeografiku.

    60      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tiġi eżaminata l‑fondatezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jidhru fil-Premessi 14 u 22 tad-Deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-eżistenza ta’ żewġt iswieq ta’ prodotti u ġeografiċi distinti, jiġifieri dak tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE, minn naħa, u dak tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi min-naħa l-oħra. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni evalwat il-kapaċità ta’ sostituzzjoni tal‑prodotti minn naħa, mill-aspett tad-domanda u, min-naħa l-oħra, mill-aspett tal-offerta.

    61      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tad-domanda, id-Deċiżjoni kkontestata fiha serje ta’ elementi intiżi sabiex juru li din ma teżistix.

    62      L-ewwel nett, mill-Premessi 14 u 22 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-domanda tal-industrija tal-karrozzi tirriżulta minn klijenti kbar u li dawn huma ħafna nqas numerużi mill-impriżi l-oħra li huma klijenti fis-suq tal-ħajt industrijali. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Dawn ikkonfermaw, waqt is-seduta, li l‑klijenti tas-settur tal-karrozzi kienu l-iktar b’saħħithom minħabba l‑kwantitajiet kbar ħafna li huma jixtru.

    63      It-tieni nett, mill-premessi tad-Deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li l-klijenti tas-settur tal-karrozzi jixtru l-ħajt għall-postijiet ta’ produzzjoni tagħhom stabbiliti f’pajjiżi differenti u li huma b’hekk jeħtieġu prodott uniformi f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. Din il-ħtieġa ta’ uniformità, li barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, tispjega ruħha perfettament minn perspettiva ekonomika. Fil-fatt, huwa raġjonevoli li jiġi ammess li l-adattament tal-makkinarji ta’ produzzjoni għat-tip ta’ ħajt joħloq spejjeż. Għaldaqstant, l-industriji tas-settur tal-karrozzi jipprovaw inaqqsu dawn l-ispejjeż billi jixtru, fi kwantitajiet kbar, tip ta’ ħajt speċifiku ħafna u billi jadattaw darba waħda biss għal dan it-tip ta’ ħajt il-makkinarji ta’ produzzjoni tagħhom stabbiliti f’pajjiżi differenti.

    64      It-tielet nett, mill-Premessi 14 u 22 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi għandu jissodisfa standards partikolarment stretti speċifiċi għal dan is-settur u li t-traċċabbiltà tiegħu huwa fattur essenzjali minħabba raġunijiet ta’ kwalità tal-prodotti u ta’ responsabbiltà għall-prodotti. Din il-konstatazzjoni ġiet ikkonfermata mir-rikorrenti, kemm fir-rikors, kif ukoll waqt is-seduta.

    65      Fil-fatt huma ammettew li, b’mod ġenerali, huma l-klijenti li jiddeċiedu liema huwa l-ħajt neċessarju għall-produzzjoni tagħhom u li għaldaqstant jagħżlu l-prodott li jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom bħala utilizzaturi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klijenti tas-settur tal‑karrozzi, ir-rikorrenti rrikonixxew li dawn tal-aħħar jeħtieġu li l-ħajt mixtri jissodisfa mill-inqas l-istandard ISO 9002. Huma ppreċiżaw ukoll waqt is-seduta li jeżistu karatteristiċi partikolari msejħa “TS950” għall-industrija tal-karrozzi u li huma jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi waqt il-produzzjoni.

    66      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ddeskrivew il-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-ħajt mill-klijenti tas-settur tal-karrozzi. Qabel kollox, ir-rikorrenti jiżviluppaw tip ta’ ħajt li jissodisfa mill-inqas l-istandard ISO 9002. Wara, dan il-ħajt huwa ttestjat mill-manufattur tal-karrozzi li jixtieq jużah għall-produzzjoni tiegħu u, fl-aħħar, dan huwa ċċertifikat minn dan tal‑aħħar jekk it-testijiet jirnexxu.

    67      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi ammess li l-ħajt partikolari magħżul mill-industrija tal-karrozzi ma jistax jiġi ssostitwit b’ħajt industrijali ieħor. Il-fatt li dan it-tip ta’ ħajt jinbiegħ lil klijenti oħra barra dawk tal-industrija tal-karrozzi ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, b’differenza mix-xerrejja eventwali oħra ta’ dan il‑prodott, l-impriżi tas-settur tal-karrozzi jixtru biss ħajt li għandu kwalitajiet intrinsiċi speċifiċi u li ġie ċċertifikat mill-imsemmija impriżi minħabba dawn il-kwalitajiet partikolari. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod raġjonevoli li teżisti kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tad-domanda.

    68      Id-dikjarazzjonijiet ta’ Coats bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni jikkonfermaw, huma wkoll, in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tad-domanda. Fil-fatt, Coats enfasizzat li ċerti klijenti tas-settur tal-ħjata jużaw ħajt tar-rakkmu bl-istess mod kif ċerti klijenti tas-settur tar-rakkmu jużaw ħajt intiż għall-ħjata. Min-naħa l-oħra, l‑eżistenza ta’ tali kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tad-domanda fost il‑klijenti tas-settur tal-karrozzi ma ġietx invokata.

    69      It-tieni nett, għalkemm il-Kummissjoni qieset li, mill-aspett tal-offerta, il-ħajt industrijali seta’ jiġi kkunsidrat bħala suq ta’ prodotti uniku minħabba n-nuqqas ta’ korrispondenza stretta bejn l-użu finali u t-tip ta’ fibra u/jew l-istruttura tal-ħajt u x-xebh jew l-interkambjabbiltà tal-proċessi ta’ produzzjoni tal-imsemmi ħajt, hija madankollu kkonkludiet li dan ma kienx il-każ għall-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi.

    70      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi, fuq il‑ħtieġa li tiġi żgurata offerta standarizzata u fuq il-kapaċità li jiġu sodisfatti l-ordnijiet tal-klijenti l-kbar ta’ dan is-settur. Hija bbażat ruħha wkoll fuq il-fatt li s-suq ġeografiku tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi jkopri t-territorju kollu taż-ŻEE, b’differenza ta’ dak tal-ħajt industrijali, li għandu natura reġjonali biss. Fid-dawl ta’ dawn l‑elementi, hija tqis li ċerti impriżi biss jistgħu jissodisfaw din it-tip ta’ domanda (ara l-Premessa 22 tad-Deċiżjoni kkontestata).

    71      Qabel kollox, skont il-paragrafu 20 tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, sabiex ikun hemm kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tal-offerta, il-fornituri għandhom ikunu jistgħu jorjentaw mill-ġdid il‑produzzjoni tagħhom lejn il-prodotti inkwistjoni u jikkumerċjalizzawhom fiż-żmien qasir mingħajr ma jbatu ebda spejjeż jew riskju addizzjonali sostanzjali minħabba xi bidliet żgħar, iżda permanenti, tal-ispejjeż relattivi. Sussegwentement fil-paragrafu 21 tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tenfassizza li tali kapaċità ta’ sostituzzjoni teżisti spiss fil-każijiet fejn xi impriżi joffru għażla fil‑kwalità jew fit-tip għall-istess prodott, u li, anki jekk għal xerrej finali jew għal grupp ta’ konsumaturi finali partikolari, dawn id‑differenzi fil-kwalità ma jistgħux jiġu ssostitwiti, dawn tal-aħħar huma miġbura f’suq wieħed ta’ prodotti. Il-ħajt industrijali jikkorrispondi, qabel kollox, għat-tip ta’ prodott previst fil-paragrafu 21 tal‑komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq.

    72      Fl-aħħar, fil-paragrafi 22 u 23 tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tikkonferma, permezz ta’ eżempji konkreti, li l‑fornituri kkonċernati għandhom ikunu f’pożizzjoni jipproponu u jbiegħu dawn il-kwalitajiet ta’ prodotti differenti immedjatament u mingħajr ma jiżdiedu l‑ispejjeż b’mod sostanzjali u li ma għandhomx jeżistu diffikultajiet partikolari fil-fażi tad-distribuzzjoni.

    73      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni evalwatx b’mod korrett il-kriterju tal‑kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-aspett tal-offerta.

    74      L-ewwel nett, kif ġie osservat ukoll fil-punti 63 u ta’ wara iktar ’il fuq, il-produtturi tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi għandhom jadattaw il‑makkinarji ta’ produzzjoni tagħhom sabiex il-ħajt manifatturat jissodisfa standards speċifiċi.

    75      It-tieni nett, ir-raġunament tar-rikorrenti fir-rigward tal-ispejjeż baxxi ta’ produzzjoni tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, huwa minnu li r-rikorrenti jsostnu li mhux biss il‑ħajt huwa, bħala regola ġenerali, manifatturat skont il-ħtiġijiet tal‑industrija tal-karrozzi u pprovdut b’din il-kwalità lill-klijenti ta’ setturi industrijali oħra, iżda wkoll li l-ispejjeż ta’ adattament tal-linja ta’ produzzjoni jkunu wisq għoljin kieku kellu jiġi mmanifatturat prodott għas‑settur tal-karrozzi biss biex wara tiġi mmodifikata l-linja ta’ produzzjoni u din tiġi adattata għall-manifattura ta’ prodotti intiżi għal setturi industrijali oħra.

    76      Xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm, minħabba raġunijiet ta’ razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni, kumpannija diġà preżenti fis-suq tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi tipproduċi essenzjalment ħajt li jissodisfa l-ogħla standard indipendentement mid-destinazzjoni tal-prodott, hija tagħmel dan biss peress li hija preżenti fis-suq tal-karrozzi, minħabba l-ispejjeż għoljin marbuta mal-produzzjoni skont l-istandards speċifiċi dwar il-ħajt intiż għas-suq tal-karrozzi. Fi kliem ieħor, kumpannija li l‑attività prinċipali tagħha tirrigwarda l-ħajt intiż għall-ħjata jew il-ħajt tar‑rakkmu ma jkollha ebda interess tipproduċi ħajt speċjali intiż għas‑settur tal-karrozzi għar-raġuni biss li din tkun tista’ potenzjalment tbiegħ dan il-ħajt lil klijenti eventwali tas-settur tal‑karrozzi.

    77      B’hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li abbażi tagħha l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi huma tant baxxi li l-produzzjoni ssir dejjem skont standard ta’ speċifikazzjoni ogħla ma ġietx stabbilita f’dak li jirrigwarda l-produtturi tal-ħajt industrijali.

    78      It-tielet nett, id-differenza kbira bejn iż-żewġt iswieq fuq il-livell ġeografiku ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva. Bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal‑Kummissjoni, Amann anki kkwalifikat is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi bħala dinji. Coats wkoll sostniet li l‑karrateristiċi speċifiċi ta’ dan is-suq tal-aħħar jillimitawh għall-fornituri “reġjonali” u “globali”, kliem li għandhom jinftehmu, fil-kuntest tat-tweġiba, bħala li jfissru “li jkopri t-territorju kollu taż-ŻEE” u “dinji”.

    79      B’hekk, il-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-perspettiva tal-offerta tissoponi li l-parti l-kbira tal-produtturi tal-ħajt huma kapaċi jipproduċu f’kwantità kbira ħajt speċifiku u uniformi għal kull klijent tas-settur tal-industrija tal-karrozzi u jiddistribwuh f’terminu qasir fiż-ŻEE kollha. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tali raġunament ma tantx huwa difendibbli.

    80      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li kienu jeżistu żewġt iswieq ta’ prodotti u ġeografiċi distinti mill-perspettiva tal-offerta.

    81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni evalwat u intrepretat b’mod korrett it-tweġibiet tar-rikorrenti u tal-impriżi kkonċernati l-oħra li abbażi tagħhom hija wasslet għall-konklużjoni tal‑eżistenza ta’ żewġt iswieq ta’ prodotti distinti.

    82      Qabel kollox, il-Kummissjoni staqsiet lir-rikorrenti dwar jekk il-ħajt tal-ħjata għall-ħwejjeġ għal użu industrijali, il‑ħajt tar-rakkmu għal użu industrijali, il-ħajt speċjali għal użu industrijali u l-ħajt għal użu domestiku jikkostitwixxux swieq ta’ prodotti differenti tas-settur tal‑ħajt. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll tabella intiża sabiex tiddetermina s-swieq ġeografiċi rilevanti għal kull waħda mill-kategoriji ta’ ħajt iċċitati iktar ’il fuq filwaqt li pprovdiet intestatura speċifika “Ħajt għall-karrozzi”. Hija ppreċiżat li din il-kategorija tal-aħħar kienet inkluża fil-ħajt speċjali għal użu industrijali, iżda enfasizzat li xtaqet issir taf l‑opinjoni ta’ Amann u ta’ Cousin fuq is-suq ġeografiku rilevanti ta’ dan it-tip ta’ ħajt.

    83      Bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, Amann irrilevat li d-distinzjoni ddettaljata mwettqa mill-Kummissjoni kienet korretta minħabba l-fatt li “jeżistu speċifikazzjonijiet ta’ prodotti u ħtiġijiet speċifiċi għall-klijenti li, b’mod partikolari, fis-settur tal-industrija tal-ħwejjeġ huma distinti ħafna minn dawk taż-żewġ setturi l-oħra fuq il-livell tal-varjetà ta’ kuluri eċċ”. Min-naħa tagħha, Cousin qablet totalment mas-segmentazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, hija ppreċiżat id-diffikultà kbira sabiex jiġu evalwati s-swieq, speċjalment fir-rigward tal-ħajt speċjali, minħabba l-użu diversi kbir ikkonċernat, filwaqt li enfasizzat li kienet identifikat iktar minn 80 professjoni.

    84      B’hekk, huwa minnu li r-rikorrenti ammettew b’mod espliċitu li s-suq tal-ħajt speċjali jikkostitwixxi suq ta’ prodotti distinti, iżda, b’mod kuntrarju għal dak li tafferma l-Kummissjoni fin-noti bil-miktub tagħha, huma ma rrikonoxxewx b’mod espliċitu li s-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi incluż fis-suq tal-ħajt speċjali kien hu stess suq ta’ prodotti distinti.

    85      Gütermann ukoll kkonfermat is-subdiviżjoni pproposta mill‑Kummissjoni, iżda ma ppronunċjatx ruħha b’mod espliċitu fuq is‑suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi. Fir-rigward ta’ Coats, hija wieġbet għad-domanda dwar is-swieq skont il-prodotti billi qalet li hija ma taħsibx li d-differenzi bejn il-prodotti kienu suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ tlett iswieq distinti, minkejja li rrikonoxxiet il-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi, kif iddikjarat fil-punt 78 iktar ’il fuq. Hija biss Oxley li kkonfermat u ġġustifikat b’mod dirett il-karattru distint tas-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi.

    86      Minkejja li l-interpretazzjoni ta’ dawn l-elementi, fir-rigward tal-eżistenza ta’ suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi distint, ma hijiex daqshekk evidenti daqs kemm tafferma l-Kummissjoni, xorta jibqa l-fatt li l-konklużjonijiet tagħha ma huma vvizjati b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas bi kwalunke żnaturament tal-fatti.

    87      Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tagħha huma kkonfermati minn provi oħra bħas-siti internet tal-impriżi li, b’mod ġenerali, għandhom intestatura distinta għall-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi. Bl-istess mod, dawn l‑impriżi huma kollha proprjetarji ta’ marki ta’ ħajt żviluppati speċifikament għal dan is-settur.

    88      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li, fil-każ preżenti, is‑suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u s-suq tal-ħajt industrijali kienu differenti.

    b)     Fuq l-allegata eżistenza ta’ “pjan ġenerali”

    89      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ ksur uniku ġustament jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan (l-istess finalità tal‑elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra P II-1333, punt 257).

    90      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jista’ wkoll jikkostitwixxi fih innifsu u meħud waħdu, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258).

    91      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 696 sa 698; tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 186, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 159).

    92      Huwa importanti wkoll li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett tal‑kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandhu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġiri differenti jiġu kkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwu, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jitratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkuntesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punti 179 sa 181).

    93      Huwa għaldaqstant minħabba raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri distinti, tikkonstata diversi każijiet ta’ ksur distinti u timponi diversi multi distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, Ġabra p. II-10, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Tokai II”, punt 124).

    94      Fl-aħħar, hemm lok ukoll li jiġi osservat li l-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew pluralità ta’ ksur, taffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta. Fil‑fatt, il-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall‑impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 158).

    95      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”.

    96      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jsostnu prinċipalment li, f’dan il-każ, l-element suġġettiv komuni huwa li l-ksur kien kollu intiż għad-distorzjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet. Issa, tali għan ta’ falsifikazzjoni tal-prezzijiet huwa inerenti għal kull kartell ta’ prezzijiet u ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu sabiex tintwera l-eżistenza ta’ element suġġettiv komuni. F’dan ir-rigward, u b’mod kuntrarju għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bdietx mill‑prinċipju tal-eżistenza ta’ rabta bejn il-ksur fid-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-Premessa 269 ta’ din tal-aħħar, hija semmiet biss l-għan antikompettitiv uniku u l-għan ekonomiku uniku li jikkonsisti f’falsifikazzjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet li huwa inerenti għal dan it-tip ta’ kartell, għalkemm hija tinsisti fuq il-fatt li dan l-oġġettiv u dan l-għan huma segwiti f’kull wieħed mit-tliet ksur differenti.

    97      Sussegwentement, sabiex tinnega l-eżistenza ta’ ksur uniku, flimkien mal-fatt li s-suq tal‑ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u dak tal-ħajt industrijali huma distinti, kif barra minn hekk ġie rrilevat fil-punti 53 sa 88 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ identità tal-biċċa l-kbira tal-membri implikati fl-akkordji u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni globali tagħhom. Ir-rikorrenti ma setgħux jikkontestaw dawn il-kriterji u għaldaqstant ma wrewx l-eżistenza ta’ “rabta stretta” bejn l-aġir antikompettitiv differenti.

    98      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterju dwar in-nuqqas ta’ identità tal‑parteċipanti, il-Kummissjoni elenkat, fil-Premessi 96 u 216 tad‑Deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti fl-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u dak dwar is-suq tal-ħajt industrijali. Konsegwentement, fil-Premessa 265(a) tad-Deċiżjoni kkontestata, hija qieset li l‑parti l-kbira tal-impriżi kienu pparteċipaw biss f’akkordju wieħed, peress li ma kinux jeżerċitaw attività fis-swieq koperti mill-akkordju l-ieħor.

    99      Għandu jiġi kkonstatat li, mill-għaxar impriżi li pparteċipaw f’wieħed u/jew fl-ieħor minn dawn l-akkordji, tlieta biss kienu ġew implikati fiż-żewġ akkordji. Fil-fatt, Ackermann Nähgarne GmbH & Co, Bieze Stork BV, BST, Cousin, Gütermann, Zwicky u Oxley kienu kkonċernati biss b’wieħed minnhom. Coats, Barbour (sal-akkwist tagħha minn Coats) u Amann biss ipparteċipaw fiż-żewġ akkordji. Il‑parteċipazzjoni biss ta’ dawn it-tliet impriżi fiż-żewġ akkordji ma tistax tikkostitwixxi fiha nnfisha prova tal-eżistenza ta’ strateġija komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai II, punt 93 iktar ’il fuq, punt 120). Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li, barra l-każ ta’ Barbour, ir-rappreżentanti tal-impriżi preżenti fil-laqgħat organizzati fil‑kuntest tal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u ta’ dak dwar is-suq tal-ħajt industrijali ma kienux l-istess waqt il-perijodu ta’ sovrapożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ akkordji (1998-2000).

    100    Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil-Premessa 265(a) tad-Deċiżjoni kkontestata ma hija vvizjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    101    It-tieni nett, lanqas il-kontenut tal-akkordji ma jista’ jservi sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ pjan globali. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kontenuti rispettivi tal-akkordju dwar is-suq tal‑ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u ta’ dak dwar is-suq tal-ħajt industrijali huma differenti ħafna f’dan ir-rigward.

    102    Fir-rigward tal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑karrozzi, il-Premessi 215, 220, 223, 224, 226, 228 sa 230, 233 sa 236 u 238 tad-Deċiżjoni kkontestata juru, minn naħa, li l-informazzjoni skambjata bejn il-parteċipanti fl-akkordju rrigwardat il-prezzijiet applikati fir-rigward ta’ ċerti klijenti u min-naħa l-oħra, li l-ftehim konklużi kkonsistew fl-iffissar ta’ prezzijiet minimi immirati għall-prodotti bażiċi mibjugħa lill-klijentela tas-settur tal-karrozzi, fl-iffissar ta’ żewġ tipi ta’ prezzijiet immirati rispettivament għall-klijenti eżistenti u għall-klijenti l-ġodda, u fl-iffissar ta’ prezzijiet minimi immirati għal ċerti klijenti koperti mill-iskambju ta’ informazzjoni. Il-parteċipanti ftehmu wkoll li jevitaw li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari.

    103    Fir-rigward tal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali, mill-Premessi 99 sa 153 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta minn naħa, li l-informazzjoni skambjata kienet tirrigwarda l-listi ta’ prezzijiet u ta’ skontijiet, l‑applikazzjoni ta’ żiedet fil-prezzijiet tal-katalogu, it-tnaqqis tal‑iskontijiet u ż-żieda fil-prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet ftehmu fuq il-listi ta’ prezzijiet futuri tagħhom, fuq ir-rata massima ta’ skont, fuq it-tnaqqis tal‑iskontijiet u fuq iż-żieda fil-prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti speċjali u ftehmu li ma jikkompetux kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari.

    104    Il-premessi tad-Deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il fuq jikkonfermaw li teżisti differenza kbira bejn iż-żewġ akkordji fir-rigward tal‑kontenut tagħhom. L-eżistenza ta’ xi xebh bejn dawn iż-żewġ akkordji, bħall-ftehim intiż sabiex jiġi evitat li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il‑fornitur regolari ma tistax madankollu, waħedha, tikkontesta din il-konstatazzjoni.

    105    It-tielet nett, il-modalitajiet ta’ funzjonament ta’ kull wieħed miż-żewġ akkordji kienu, fil-parti l-kbira, differenti. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-Premessa 218 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi kien ġie organizzat b’mod pjuttost flessibli, permezz ta’ laqgħat żgħar irregolari ssupplementati minn kuntatti bilaterali ta’ spiss. Il-Premessi 96 sa 99 u 149 sa 153 tad-Deċiżjoni kkontestata juru li l-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi ġie, min-naħa tiegħu, ikkonkrettizzat permezz taż‑żamma ta’ laqgħat ta’ mill-inqas darba fis-sena u li dawn kienu tqassmu f’żewġ partijiet, jiġifieri, sessjoni ddedikata lis-suq tal-pajjiżi Nordiċi u sessjoni dwar is-suq tal-Benelux. Minn dan jirriżulta wkoll li seħħew kuntatti bilaterali b’mod perjodiku .

    106    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet, fil-Premessi 265 sa 267 tad‑Deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall‑industrija tal-karrozzi u dak dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil‑Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi għandhom jiġu distinti wieħed mill‑ieħor u li b’hekk dawn jikkostitwixxu żewġ każijiet ta’ ksur distinti.

    107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għall-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi, l-akkordju dwar is‑suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u dak dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi ġew ikkunsidrati bħala ksur wieħed minħabba li l-prodotti kienu identiċi, li l-parteċipanti fl-akkordju kienu l-istess, li l-kontenut u l-mod ta’ funzjonament tal-akkordju kienu simili, li l-laqgħat kienu jinżammu fl-istess ġurnata u li l-impriżi parteċipanti kienu rrappreżentati waqt il-laqgħat mill-istess persuni.

    108    Barra minn hekk, l-argument ibbażat, minn naħa, fuq nuqqas ta’ diviżjoni tal-kompetenzi, fi ħdan ir-rikorrenti, fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni tal- ħajt industrijali u tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi u, min-naħa l-oħra, dak ibbażat fuq il-fatt li d‑diriġenti u l-assoċjati tal-impriżi parteċipanti kellhom bil-fors ikunu jafu bl-akkordji differenti, huma irrilevanti . Dawn bl-ebda mod ma jikkostitwixxu prova tal-eżistenza ta’ element suġġettiv komuni.

    109    L-argument tar-rikorrenti rigward l-eżistenza ta’ koordinazzjoni globali, ibbażata fuq il-kuntatti frekwenti bejn rappreżentant ta’ Coats u l-amministratur ta’ Amann, għandu wkoll jiġi miċħud. Mill-proċess jirriżulta li dan ma fih ebda dikjarazzjoni li tista’ tiġi interpretata bħala prova ta’ koordinazzjoni globali. Waqt is-seduta, ir‑rikorrenti ammettew li huma ma setgħux iressqu quddiem il-Qorti Ġenerali dokumenti preċiżi li jattestaw rieda ta’ koordinazzjoni globali bejn Amann u Coats.

    110    Fl-aħħar, ir-rikorrenti jallegaw, b’mod żbaljat, li l-kriterju ta’ deliminazzjoni tas-suq tal-prodotti ma jistax jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni validu sa fejn dan jikkonferixxi marġni ta’ diskrezzjoni inkontrollabbli lill-Kummissjoni fil-każ tal-prodotti relatati, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti. Fil-fatt, minn naħa, l‑imsemmija setgħa diskrezzjonali ma hijiex illimitata, peress li l‑Kummissjoni tibqa’ suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali kif iddikjarat fil-punt 54 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-kriterju dwar is-swieq tal‑prodotti kien biss kriterju fost oħrajn sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti.

    111    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    B –  Fuq il-motivi intiżi għat-tnaqqis tal-multa

    1.     Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ogħla limitu tas-sanzjoni, previst fl-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    112    Il-motiv imqajjem mir-rikorrenti fih tliet ilmenti.

    113    Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li ż-żewġ każijiet ta’ ksur fir-realtà jikkostitwixxu biss ksur uniku u li, għaldaqstant, tista’ tiġi b’hekk imposta fuqhom multa waħda biss, li l-ammont tagħha ma jistax jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali. Issa, l‑ammont totali li jirriżulta minn din l-addizzjoni jaqbeż l-imsemmi limitu u għaldaqstant hemm ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    114    F’dan ir-rigward huma jsostnu li l-prinċipju tad-dritt kostituzzjonali Komunitarju nulla poena sine lege ġie miksur. Essenzjalment, huma jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ diviżjoni tas‑swieq li fihom ġie kkonstatat ksur parallel, tagħti lilha nnifisha marġni ta’ manuvra llimitata sabiex tistabbilixxi multi li jaqbżu l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali. Issa, huma jqisu li mill-prinċipju ta’ legalità tirriżulta mhux biss il-projbizzjoni tal-qorti li timponi penalitajiet fin-nuqqas ta’ bażi legali, iżda wkoll l‑obbligu tal-leġiżlatur li jabbozza miżuri penali b’mod preċiż u ċar. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ ċarezza japplika għall-elementi li jikkostitwixxu regola, iżda wkoll għall-konsegwenzi ġuridiċi ta’ din tal-aħħar. Tali rekwiżiti japplikaw ukoll f’dak li jirrigwarda d‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li jipprevedu l-multi għal ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni.

    115    Meta ntalbu jagħtu xi kjarifikazzjonijiet fuq l-argumenti tagħhom waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li dan kellu jinftiehem bħala li jikkontesta wkoll il-legalità tar-regola nnfisha u, għaldaqstant, li huma qegħdin iqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    116    Barra minn hekk, huma jiċħdu l-argument tal-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha ta’ osservanza tal-prinċipju non bis in idem, peress li dan il-prinċipju ma joffri ebda garanzija fir-rigward tal-eżattezza tar‑rikonoxximent ta’ ksur wieħed jew iktar. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-problema tinsab fi stadju preċedenti, jiġifieri waqt id-determinazzjoni stess tal-eżistenza ta’ ksur wieħed jew iktar.

    117    Permezz tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tista’ timponi multa unika għal ksur differenti fil-każ fejn dawn kellhom bħala għan l-istess tip ta’ aġir fi swieq differenti u fejn il-parteċipanti huma, fil-parti l-kbira, l-istess impriżi. F’dan il-każ, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti.

    118    Ir-rikorrenti jikkonstataw li l-Kummissjoni tbegħdet mill-prattika preċedenti tagħha mingħajr l-iċken motivazzjoni. Fil-fatt, huma jikkunsidraw li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tirrinunzja għas-setgħa tagħha li timponi multa waħda għal diversi ksur, hija obbligata, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt amministrattiv Ewropew, timmotiva n-nuqqas ta’ użu ta’ din is-setgħa. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il‑Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE.

    119    Wara, huma jwettqu paragun bejn id-Deċiżjoni kkontestata u d‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1, iktar ’il quddiem, id‑“Deċiżjoni Vitamini”). Fil-fatt, hawnhekk il-Kummissjoni ġabret flimkien il-multi imposti għall-ksur differenti f’multa globali waħda, u, għaldaqstant, kienet ikkunsidrat li kien neċessarju li tosserva l-limitu ta’ 10 % tad‑dħul mill-bejgħ globali. Issa, bħal fid-Deċiżjoni Vitamini, l-akkordji tal-kawża preżenti huma marbuta permezz tal-istess kuntest materjali u “spatio-temporel”.

    120    Permezz tat-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-effett dissważiv imfittex mill-Kummissjoni kien diġà inkiseb waqt l-impożizzjoni tal-multa għall-ksur imwettaq fis-suq tal-ħajt industrijali. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni kien imissha ħadet dan inkunsiderazzjoni waqt l-iffissar tal‑ammont tal-multa li tissanzjona l-akkordju dwar il-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi.

    121    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    122    Dan il-motiv imqajjem mir-rikorrenti fih, essenzjalment, tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege, it-tieni, fuq l-obbligu li tiġi imposta multa unika għal diversi każijiet ta’ ksur u, it-tielet, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet legali tas-sanzjoni.

     Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege u fuq l‑eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    123    L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23 tar‑Regolament Nru 1/2003 imqajma mir-rikorrenti fuq tliet livelli. L‑ewwel nett, huma jsostnu, essenzjalment, li l-kunċett stess ta’ ksur, kif imsemmi fl‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23 tar‑Regolament Nru 1/2003, ma huwiex ċar. It-tieni nett, huma jqisu li l-kunċett ta’ ksur uniku lanqas ma huwa ddefinit b’mod ċar u li b’hekk il-Kummissjoni tista’ tinfluwenza b’mod arbitrarju d‑determinazzjoni tal-ammont tal-multa permezz ta’ diviżjoni tas-swieq li fihom ġew ikkonstatati każijiet ta’ ksur paralleli. It-tielet nett, huma jsostnu li s-sanzjonijiet previsti minn dan l-istess artikolu wkoll ma humiex ċari.

    124    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni huwa korollarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u jeżiġi, b’mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari meta din timponi jew timpermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jgħarrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jaġixxu skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17; tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 66).

    125    Dan il-prinċipju, li jifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie sottoskritt f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), japplika kemm fir-rigward tar-regoli penali kif ukoll fir-rigward ta’ strumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew jippermettu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15). Dan japplika mhux biss għar-regoli li jistabbilixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur, imma wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur ta’ dawn tal-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X, C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra p. I‑6609, punt 25, u s-sentenza Degussavs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 67).

    126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar il-kliem tal-Artikolu 7(1) tal‑KEDB:

    “Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar. ”

    127    Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il‑“Qorti EDB”), minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jagħraf, mill-kliem tad‑dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir‑responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, il-Qorti EDB, is‑sentenza Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra tas‑sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2000-VII, p. 1, punt 145) (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 69).

    128    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li, sabiex jiġu ssodisfatti r‑rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-KEDB, ma huwiex meħtieġ li l-kliem tad‑dispożizzjonijiet li permezz tagħhom huma imposti dawn is-sanzjonijiet ikunu preċiżi sal-punt li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijet ikunu prevedibbli b’ċertezza assoluta (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 71).

    129    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-eżistenza ta’ kliem mhux ċar fid-dispożizzjoni ma jimplikax neċessarjament ksur tal‑Artikolu 7 tal-KEDB u l-fatt li liġi tikkonferixxi setgħa diskrezzjonali fih innifsu ma huwiex inkonsistenti mar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkunu ddefiniti suffiċjentement b’mod ċar, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni xierqa kontra interferenza arbitrarja (ara, il-Qorti EDB, is-sentenza Margareta u Roger Andersson vs L-Isvezja, tal-25 ta’ Frar 1992, serje A Nru 226, punt 75). F’dan ir-rigward, minbarra t-test tal-liġi nnifisha, il-Qorti EDB tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti ġeneriċi użati ġewx ippreċiżati minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (ara, il-Qorti EDB, is-sentenza G vs Franza tas-27 ta’ Settembru 1995, serje A Nru 325-B, punt 25) (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 72).

    130    Fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fid-dawl tal-prinċipju tal-legalità tal-pieni, kif ġie rrikonoxxut mill-qorti Komunitarja skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-KEDB u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni illimitat, l-ewwel nett, biex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, it-tieni nett, biex tiddetermina jekk l-atti ta’ ksur differenti jikkostitwixxux ksur uniku u kontinwu jew diversi każijiet ta’ ksur awtonomi u, it-tielet nett, biex tiffissa l-ammont tal-multi għal dawn il-każijiet ta’ ksur.

    131    L-ewwel nett, il-ksur tar-regoli Komunitarji li għalih il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, timponi multi huwa biss dak tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE. Issa, huwa żbaljt li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni illimitat fl-okkażjoni tal-kostatazzjoni ta’ tali ksur. Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE humiex sodisfatti huwa s-suġġett, bħala regola ġenerali, ta’ stħarriġ sħiħ mill-qorti Komunitarja (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata ; u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II-1501, punt 144). Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li fl-eventwalità fejn din il-konstatazzjoni timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi jew tekniċi kumpelessi, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Kummissjoni ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, din fl-ebda każ ma hija illimitata. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni ma timplikax li l-Qorti Ġenerali għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ din in-natura. Il-qorti Komunitarja għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet ibbażati fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jallegawx li d-definizzjoni ta’ wieħed mit-tipi ta’ ksur previsti fl-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti fl-“akkordji kollha bejn impriżi […] li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, partikolarment dawk li jinvolvu […] l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju […] ”, ma ppermettitilhomx li jkunu jafu li l-akkordji dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi u dak dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE jikkostitwixxu ksur fis-sens tal-imsemmi Artikolu 81 KE u b’hekk jimplikaw ir-responsabbiltà tagħhom.

    133    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk jeżistix ksur uniku u kontinwu jew diversi każijiet ta’ ksur awtonomi, għandu jiġi ammess li l-imsemmija kriterji ma jidhrux bħala tali fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas fl-Artikolu 81 KE. Madankollu, il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ntuża u ġie ppreċiżat minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata. Il-kriterji bħalma huma l-istess għan (l-istess finalità tal-elementi kollha) u l-identità tas-suġġetti (identità tal-impriżi kkonċernati, konxji li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) li huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur imwettaq jagħmilx parti minn “pjan ġenerali” u b’hekk jaqa’ taħt ksur uniku ġew elaborati għal snin fil-ġurisprudenza bħal dik imsemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq.

    134    Huwa għaldaqstant għal raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri distinti, tikkonstata ksur distint u timponi diversi multi distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai II, punt 93 iktar ’il fuq, punt 124).

    135    F’dan ir-rigward, mill-analiżi tal-motiv intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata (punti 53 et seq. iktar ’il fuq), jirriżulta b’ mod ċar li l-kriterji applikati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kienu jeżistu żewġ każijiet ta’ ksur differenti huma kriterji kostanti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

    136    Għalkemm huwa minnu li ċerti kriterji jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-istħarriġ ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, imwettaq mill-qorti Komunitarja, preċiżament ippermetta, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata, li jiġu ppreċiżati ċerti kunċetti. B’mod partikolari, dan huwa l-każ fil-każ tad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti u tas-suq ġeografiku, li ġiet applikata f’dan il-każ mill-Kummissjoni u li għaliha, din tal-aħħar kellha tagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Kif ġie espost fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv (punti 53 et seq. iktar ’il fuq), fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha l-Kummissjoni kien imissha żammet mal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, bħall-kapaċità ta’ sostituzzjoni mill-perspettiva tal-offerta u dik mill-perspettiva tat-talba.

    137    Barra minn hekk b’għan ta’ trasparenza u sabiex issaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, li fiha hija telenka l-kriterji li hija tapplika sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni f’kull każ partikolari. F’dan ir-rigward, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tiddikjara permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li minn issa ’il quddiem hija kienet ser tapplikahom għall-każijiet relatati magħhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha awtomatikament fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax twarrab dawn ir-regoli taħt il-piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, għalkemm il-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ma tikkostitwixxix il-bażi legali tad-Deċiżjoni kkontestata, din tiddetermina, b’mod ġenerali u astratt, il-kriterji li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ suq wieħed jew iktar, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur wieħed jew iktar, u għaldaqstant tiżgura ċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 211 u 213). Minn dan jirriżulta li l-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ikkontribwixxiet sabiex tippreċiża l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, li tirriżulta diġà mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    138    F’dan ir-rigward, mill-paragrafi 4 u 5 tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq jirriżulta li “il-Kummissjoni tistenna illi iżżid it-trasparenza fil-politika tagħha u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kamp tal-politika tal-kompetizzjoni” u li “[t]rasparenza akbar tirriżulta wkoll fil-fatt illi kumpanniji u l-konsulenti tagħhom jkunu jistgħu jantiċipaw aktar il-possibilità illi l-Kummissjoni tista’ turi t-tħassib tagħha dwar Kompetizzjoni f’każ individwal. Għalhekk, kumpaniji jistgħu jieħdu in konsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet interni meta jkunu qed jikkontemplaw, per eżempju, […] l-istabbiliment ta’ ċerti ftehim”.

    139    B’hekk, fid-dawl tal-elementi rrilevati iktar ’il fuq, operatur prudenti jista’, billi jekk ikun neċessarju jieħu parir legali, jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu li l-Kummissjoni tkun ser tapplika sabiex tiddetermina, fir-rigward ta’ aġir partikolari ta’ impriża, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu jew ta’ diversi każijiet ta’ ksur awtonomi.

    140    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ċarezza tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkonstat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tiddisponix minn marġni ta’ diskrezzjoni illimitata għall-iffissar tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 74).

    141    Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jillimitaw s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu kriterju oġġettiv li jipprovdi li, għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-multa imposta ma tistax taqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. B’hekk, il-multa li tista’ tiġi imposta hija suġġetta għal limitu ċifrabbli u assolut, ikkalkolat abbażi ta’ kull impriża, għal kull każ ta’ ksur, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkompleta l-Artikolu 23(2) tal-istess regolament, jobbligaw lill-Kummissjoni tiffissa l-multi f’kull każ partikolari billi “jiġu kkonsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien [it-tul] tal-ksur” (ara, b’analoġija, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 75).

    142    Għalkemm huwa minnu li l-kriterju oġġettiv tal-limitu tal-multa u l-kriterji suġġettivi tal-gravità u tat-tul tal-ksur jħallu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, xorta jibqa l-fatt li dawn huma kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta sanzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ illegalità tal-aġir inkwistjoni. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, filwaqt li jħallu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, jiddefinixxu l-kriterji u l-limiti li huma imposti fuqha fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha fir-rigward tal-multi (ara, b’analoġija, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 76).

    143    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fl-iffissar tal-multi skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l‑prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 77, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II-2567, punt 41).

    144    Jeħtieġ ukoll li jingħad li, abbażi tal-Artikolu 229 KE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sħiħa biex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tistabbilixxi multi u jistgħu b’hekk mhux biss jannullaw id-deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni, iżda wkoll ineħħu, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta. B’hekk il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qorti Komunitarja (ara, b’analoġija, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 41). Dan l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja jseħħ skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 u preċiżament ippermetta, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata, li jiġu ppreċiżati l-kunċetti indeterminati li seta’ kien fih l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, kunċetti li ġew ripetuti fl-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 79).

    145    Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u, iktar riċentement, fl-Artikolu 23(2) u (3) tar‑Regolament Nru 1/2003, u ppreċiżati fil-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni żviluppat prassi amministrattiva magħrufa u aċċessibbli. Għalkemm il‑prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix fiha nfisha bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 87, u l‑ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ il-fatt li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni ma tistax tittratta sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309).

    146    Minbarra hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal fini ta’ trasparenza u sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ppubblikat Lingwi ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) li fihom hija tiddikjara l-metodu tal-kalkolu li hija timponi f’kull każ partikolari. Il-kunsiderazzjonijiet mniżżla fil-punt 137 iktar ’il fuq dwar il-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq japplikaw ukoll f’dak li jirrigwarda l-linji gwida. Fil-fatt, billi adottat tali regoli ta’ kondotta u billi ddikjarat permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li minn dak iż-żmien ’il quddiem hija kienet ser tapplikahom għall-każijiet relatati magħhom, il-Kummissjoni illimitat ruħha awtomatikament fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u hija ma tistax twarrab dawn ir-regoli taħt il-piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Bl-istess mod, għalkemm il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-Deċiżjoni kkontestata, huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti mid-Deċiżjoni kkontestata u konsegwentement, jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punti 211 u 213). Minn dan isegwi li, l-adozzjoni tal-linji gwida mill-Kummissjoni, sa fejn din waqgħet fil-kuntest legali impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u iktar riċentement, mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ikkontribwixxiet sabiex tippreċiża l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li diġà jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 82).

    147    B’hekk, fid-dawl tad-diversi elementi esposti iktar ’il fuq, operatur prudenti jista’, billi jekk ikun neċessarju jieħu parir legali, jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu u d-daqs tal-multi li huwa jinkorri għal aġir partikolari. Il-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf l-ammont tal-multi eżatt li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, fid-dawl tal-fatt li, minħabba l-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni għandha tikkundanna, l-għanijiet ta’ ripressjoni u ta’ dissważjoni jiġġustifikaw il-fatt li jiġi evitat li l-impriżi jkunu f’pożizzjoni jevalwaw il-benefiċċji li huma jkunu ser jieħdu mill-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur billi jikkunsidraw, minn qabel, l-ammont tal-multa li tkun ser tiġi imposta fuqhom minħabba dan l-aġir illegali (sentenzi Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 83, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 45).

    148    F’dan ir-rigward, anki jekk l-impriżi ma humiex f’pożizzjoni li jkunu jafu, minn qabel, l-ammont eżatt tal-multi li l-Kummissjoni tkun ser timponi f’kull każ partikolari, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 253 KE, f’deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija obbligata, u dan minkejja l-kuntest ġeneralment magħruf tad-deċiżjoni, timmotiva, b’mod partikolari, l-ammont tal-multa imposta u l-metodu magħżul f’dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet bil-għan li jevalwaw il-possibbiltà li jressqu kawża quddiem il-qorti Komunitarja u, jekk ikun il-każ, tippermetti lill-istess qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 84, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 46).

    149    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur wieħed u l-qbiż tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ li jirriżulta minnu, minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-eżami tal-motiv intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, juri li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li kien hemm żewġ każijiet ta’ ksur distinti. Issa, kif ġie mfakkar ukoll fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-kostatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal sabiex jiġu imposti diversi multi distinti, kull waħda fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħat a priori timponi multa għal kull ksur u ma kinitx, ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn, obbligata timponi multa globali unika.

    150    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-ammont totali tal-multi imposti fuq impriża awtriċi ta’ diversi każijiet ta’ ksur jistax jaqbeż il-limitu ta’ 10 %. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdu li l-multa għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi parteċipani fil-ksur ma għandhiex taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali fis-sena kummerċjali preċedenti. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jirreferux għas-somma tal-multi diversi imposti fuq kumpannija. Għalkemm ir-rikorrenti effettivament wettqu każijiet ta’ ksur distinti, il-fatt li l-ksur ġie stabbilit f’diversi deċiżjonijiet jew f’deċiżjoni waħda huwa mingħajr importanza, peress li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk kienx hemm fir-realta każijiet ta’ ksur distinti. B’hekk il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxu l-istess ksur wieħed jew pluralità ta’ ksur taffettwa, bħala regola ġenerali, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ pluralita ta’ ksur tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, kull darba fil-limiti stabbiliti mill-Artikoli 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Tokai II, punt 93 iktar ’il fuq, punt 118, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 158).

    151    Minn dan isegwi li, billi imponiet żewġ multi li l-ammont flimkien tagħhom kien jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqet ebda ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege.

    152    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege u l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq l-ilment ibbażat fuq l-obbligu li tiġi imposta multa unika għal diversi każijiet ta’ ksur

    153    L-argument ippreżentat sussidjarjament mir-rikorrenti li abbażi tiegħu, anki fil-preżenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti kien imissha ġiet imposta multa waħda globali unika, għandu jiġi miċħud,

    154    Huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ timponi multa unika għal diversi każijiet ta’ ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 236; tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 4761, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 265).

    155    Madankollu, din hija biss possibbiltà li l-Kummissjoni użat f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari meta l-ksur kien parti minn strateġija li kienet koerenti fit-totalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punti 4761 sa 4764, u Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 236), meta teżisti unita ta’ ksur (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 127) jew meta l-ksur ikkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni kellu bħala suġġett l-istess tip ta’ aġir fi swieq differenti, b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet u ta’ kwoti u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-parteċipanti f’dan il-ksur kienu fil-parti l-kbira l-istess impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Cockerill Sambre vs Il-Kummissjoni, T‑144/89, Ġabra p. II‑947, punt 92). L-eżami tal-ewwel motiv wera li tali kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti f’dan il-każ.

    156    Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ prattika preċedenti tal-Kummissjoni li tobbligaha awtomatikament tagħmel użu mill-possibbiltà li tiġi imposta multa unika fil-każ ta’ pluralità ta’ ksur, u lanqas li din hija obbligata timmotiva r-raġuni għalfejn hija ma għamlitx użu minnha. L-imsemmija ġurisprudenza hija pjuttost intiża sabiex turi li l-prattika li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multa unika hija eċċezzjonali peress li din tiġi segwita biss f’ċerti ċirkustanzi.

    157    F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti ma jistgħux, lanqas huma, jipprovaw tali prattika. Fil-fatt, kemm fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/36.264 – Mercedes-Benz) (ĠU 2002, L 257, p. 1), b’mod partikolari l-punt 253, kif ukoll fid-Deċiżjoni Vitamini, punt 119 iktar ’il fuq (punti 711 u 775), id-diversi każijiet ta’ ksur ikkonstatati taw lok għal ammonti differenti ta’ multa, li wara ġew ingħaqdu sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa totali. Għaldaqstant, il-prattika tal-Kummissjoni kienet dik li timponi diversi multi li konsegwentement ingħaqdu flimkien. F’kull każ, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix hi stess ta’ kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa definit biss fir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003 kif ukoll fil-linji gwida (ara, f’dan s-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 234, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 254).

    158    Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq prattika preċedenti allegata tal-Kummissjoni li tikkonsisti, minn naħa, fl-impożizzjoni biss ta’ multa waħda globali unika fil-każ ta’ każijiet ta’ ksur distinti u, min-naħa l-oħra, fl-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata għall-ammont finali tal-multa li jirriżulta mill-addizzjoni tal-multi differenti imposti għal kull ksur distint imwettaq mill-impriża inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-għanijiet legali tas-sanzjoni

    159    Ir-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-effett disważiv miksub mill-kundanna għal multa għall-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi, meta imponiet il-multa għall-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE.

    160    Fil-fatt, l-għan dissważiv li l-Kummissjoni għandha d-dritt issegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat meta jikkonduċu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità Ewropea jew iż-ŻEE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 181). Fil-każ ta’ pluralità ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li tali għan ma jistax jintlaħaq permezz tas-sempliċi impożizzjoni ta’ sanzjoni għal wieħed mill-ksur.

    161    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    162     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ogħla limitu tas-sanzjoni, previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    2.     Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità waqt l-impożizzjoni tal-multa

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    163    Ir-rikorrenti jinvokaw diversi lmenti insostenn tal-motiv tagħhom ibbażat fuq in-natura sproprozjonata tal-multa u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali waqt l-impożizzjoni tal-multa.

    164    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi kunsiderevoli ta’ daqs bejn l-impriżi kkonċernati waqt id-determinazzjoni tal-multi filwaqt li l-linji gwida jobbligawha tagħmel dan. Huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni rreferiet esklussivament għad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat mill-ksur. B’hekk, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tirrapreżenta 13.7 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp filwaqt li dik imposta fuq Coats tirrapreżenta biss 2.3 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha. Fil-konfront ta’ kompetituri importanti bħal Coats, Amann tqis ruħha biss bħala impriża medja.

    165    It-tieni nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa miksur minħabba li l‑prinċipju ta’ sanzjoni ugwali li jinsab fis-seba’ paragrafu tal-punt 1A tal-linji gwida wkoll ġie miksur. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika jew kontributtiva tal-impriżi li titkejjel abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom.

    166    It-tielet nett, is-“sistema ta’ rata fissa” stabbilita mil-linji gwida hija abnormalment ta’ żvantaġġ għall-impriżi żgħar u medji, fatt li ġie ikkonfermat mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, kif ukoll mill-Kummissjoni stess.

    167    Ir-raba’ nett, il-multa imposta fuqhom hija totalment sproporzjonata fir-rigward tad-daqs tas-suq. B’hekk il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tan-natura adattata tal-piena u dak ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ir-rikorrenti jfakkru li d-deċiżjonijiet li jimponu multa għandhom għanijiet kemm repressivi kif ukoll preventivi u li b’hekk il-pieni ma jistgħux jaqbżu dak li huwa neċessarju għall-“integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà” tal-awtur. Minn dan isegwi li iktar ma jkun limitat id-dħul mill-bejgħ ikkonċernat mill-ksur fil-konfront tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża, is-sanzjoni għandha tkun iktar ’il bogħod mil-limitu ta’ 10 %.

    168    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu, bis-sostenn ta’ ċifri, ksur tal-prinċijpu ta’ trattament ugwali bejnithom u bejn Coats, kemm fuq il-livell tal-ammont bażiku tal-multa kif ukoll tal-ammont finali ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda kunsiderazzjoni tad-daqs żgħir ta’ Amann minn perspettiva assoluta u, f’dak li jirrigwarda l-ħajt industrijali, minn perspettiva relattiva, u kienet b’hekk wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikatha fl-istess grupp bħal Coats. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess bdiet mill-prinċipju ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Coats, iżda qatt ma ssemmi fid-Deċiżjoni kkontestata l-mod li bih hija ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt.

    169    Il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriżi l-oħra kkonċernati, peress li d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi jikkostitwixxu elementi ta’ evalwazzjoni tal-istess valur li għandhom, barra kriterji oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

    170    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    171    Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru ta’ elementi u ebda wieħed minn dawn l-elementi ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 226 sa 228).

    –       Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tas-suq

    172    Ir-rikorrenti inġustament jakkużaw lill-Kummissjoni li ffissat multi sproporzjonati fir-rigward tad-daqs tas-swieq ikkonċernati

    173    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi multi li l-ammont tagħhom ma jaqbiżx 10 % tad-dħul mill-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa f’dan il-limitu, l-Artikolu 23(3) jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-gravità u t-tul tal-ksur. Barra minn hekk, skont il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont inizjali skont il-gravità tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq fejn dan jista’ jkun ikkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku.

    174    B’hekk, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-linji gwida ma jipprovdu li l-ammont tal-multi għandu jiġi ffissat direttament abbażi tad-daqs tas-suq affettwat, peress li dan il-fattur huwa biss element rilevanti fost oħrajn. Għaldaqstant, dan il-kuntest ġuridiku ma jobbligax, fih innifsu, lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 148).

    175    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip ta’ ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 120). Fost dawn l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni.

    176    Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

    177    F’dan il-każ, il-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi kkonsista prinċipalment fl-iffissar ta’ prezzijiet immirati għall-prodotti bażiċi mibjugħa lill-klijentela tal-karrozzi Ewropea, fl-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet applikabbli għal ċerti klijenti, fuq il-ftehim dwar l-iffissar ta’ prezzijiet minimi immirati għal dawn il-klijenti u fil-ftehim intiż sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari (Deċiżjoni kkontestsata, Premessi 215 u 420). Fir-rigward tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali, dan ikkonsista essenzjalment fi skambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-listi ta’ prezzijiet u/jew il-prezzijiet għal klijenti individwali, fi ftehim dwar żieda fil-prezzijiet u/jew tal-prezzijiet immirati, f’li tiġi evitata l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari u fit-tqassim tal-klijenti (Deċiżjoni kkontestata, Premessi 99 sa 125 u 345).

    178    Tali prattiki jikkostitwixxu restrizzjonijiet orrizontali tat-tip “konsorzji [kartell] ta’ prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u huma għaldaqstant “serj[i] ħafna” fin-natura tagħhom. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx in-natura gravi ħafna tal-ksur imwettaq għal sentejn fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE, minn naħa, u lanqas in-natura gravi ħafna ta’ dak imwettaq għal iktar minn għaxar snin fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi, min-naħa l-oħra. F’dan il-kuntest, id-daqs limitat tas-swieq inkwistjoni, jekk dan jirriżulta minnu, għandu biss importanza żgħira fil-konfront tal-elementi l-oħra kollha li jattestaw il-gravità tal-ksur.

    179    F’kull każ, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-ksur kellu jiġi kkunsidrat bħala gravi ħafna fis-sens tal-linji gwida, li, għal tali każijiet, jipprovdu li l-Kummissjoni tista’ “tapplika” ammont inizjali ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Madankollu, fir-rigward tal-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi, il-Kummissjoni adottat ammont inizjali, iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 5 miljun għar-rikorrenti u ta’ EUR 1.3 miljun għall-impriżi l-oħra (Deċiżjoni kkontestata, Premessi 432 sa 435). Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali, il-Kummissjoni adottat ammont inizjali ta’ EUR 14-il miljun għall-impriżi fl-ewwel kategorija (fosthom Amann), ta’ EUR 5.2 miljun għal dawk fit-tieni kategorija, ta’ EUR 2.2 miljun għal dawk fit-tielet kategorija, u ta’ EUR 0.1 miljun għal dawk fir-raba’ kategorija (Deċiżjoni kkontestata, Premessa 358).

    180    Minn dan jirriżulta li l-ammonti tat-tluq li servew bħala punt tat-tluq għall-kalkolu tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti kkorrispondew għal ammont ħafna inqas minn dak li, abbażi tal-linji gwida, il-Kummissjoni setgħat “tapplika” għal ksur gravi ħafna.

    181    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-rikorrenti ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti b’rigward tad-daqs tas-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE minn naħa, u ta’ dak tas-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud.

    –       Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni esklussiv tad-dħul mill-bejgħ fis-swieq ikkonċernati mill-ksur

    182    Huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-motivi allegati li l-Kummissjoni bbażat esklussivament ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi fis-swieq ikkonċernati għall-prodotti inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont inizjali tal-multi u li b’hekk hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenza fid-daqs tal-impriżi kkonċernati.

    183    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kritika kontra l-Kummissjoni li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati fis-swieq ikkonċernati għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont inizjali tal-multi, iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qieset neċessarju li tipproċedi għal trattament iddiferenzjat tal-impriżi implikati fil-kartell sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-akkużati li jagħmlu dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni kif ukoll li tiffissa l-multa fuq livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Hija żiedet li kien neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-impatt reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni. Sabiex jiġu evalwati dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul minn kull impriża fis-swieq inkwistjoni għall-prodotti kkonċernati mill-akkordji.

    184    Konsegwentement, u kif ġie osservat fil-punt 179 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qasmet l-impriżi kkonċernati f’żewġ kategoriji, fir-rigward tal-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi. B’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ EUR 8.55 miljuni r-rikorrenti ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. B’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ bejn EUR 1 u 3 miljuni Oxley, Coats u Barbour tqegħdu fit-tieni kategorija. F’dak li jirrigwarda l-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali, il-Kummissjoni qasmet l-impriżi f’erba’ kategoriji. B’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ bejn EUR 14 u 18-il miljun Amann u Coats tqiegħdu fl-ewwel kategorija. B’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ bejn EUR 5 u 8 miljuni BST tqiegħdet fit-tieni kategorija. B’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ bejn EUR 2 u 4 miljuni Gütermann, Barbour u Bieze Stork tqegħdu fit-tielet kategorija u, b’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ bejn EUR 0 u 1 miljun Zwicky tqiegħdet fir-raba’ kategorija.

    185    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni applikat ammont inizjali, iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 5 miljuni għar-rikorrenti fir-rigward tal-ewwel ksur (Deċiżjoni kkontestata, Premessi 432 sa 435) u ta’ EUR 14-il miljun għal Amann f’dak li jirrigwarda t-tieni ksur (Deċiżjoni kkontestata, Premessi 356 sa 358).

    186    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, u sakemm l-għażla magħmula mill-Kummissjoni ma tkunx ivvizzjata bi żball ċar ta’ evalwazzjoni, il-linji gwida ma jipprekludux li tali dħul mill-bejgħ jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai I ”, punt 195). B’hekk, id-dħul mill-bejgħ jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ evalwazzjoni li huma l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jagħmlu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fuq livell li jiggarantixxi natura suffiċjentement dissważiva. Il-Kummissjoni tista’ ukoll tieħdu inkunsiderazzjoni meta tevalwa l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta teżisti differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 82).

    187    Fir-rigward tal-għażla li tista’ tagħmel il-Kummissjoni bejn dħul mill-bejgħ wieħed u/jew ieħor, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-analiżi, imwettqa sabiex jiġi ffissat l-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-kumpanniji akkużati li jagħmlu dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, li tinvolvi evalwazzjoni tal-importanza reali ta’ dawn l-impriżi fis-suq ikkonċernat, jiġifieri tal-influwenza tagħhom fuqu, id-dħul mill-bejgħ globali juri biss stampa inkompleta tal-affarijiet. Fil-fatt ma jistax jiġi eskluż li impriża b’saħħitha li jkollha numru ta’ attivitajiet differenti tkun preżenti f’suq ta’ prodotti speċifiku biss b’mod inċidentali. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti f’suq ġeografiku extraKomunitarju jkollha biss pożizzjoni dgħajfa fis-suq Komunitarju jew f’dak taż-ŻEE. F’każijiet bħal dawn il-fatt waħdani li l-impriża kkonċernata għandha dħul mill-bejgħ globali kunsiderevoli mhux bilfors ifisser li hi teżerċita influwenza determinanti fis-suq affettwat. Huwa għalhekk li, għalkemm hu minnu li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża magħmul fis-swieq ikkonċernati ma jistax ikun determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tappartjeni għal entità ekonomika b’saħħitha, dan huwa min-naħa l-oħra rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 65, u Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 152).

    188    F’dan is-sens, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sehem tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat (sentenzi Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 91, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 196). Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ huwa ta’ natura li jagħti indikazzjoni tajba tar-responsabbiltà ta’ kull impriża fuq l-imsemmija swieq peress li jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni tajba tal-ħsara ta’ din il-prassi għall-andament normali tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jirrappreżenta indikatur tajjeb tal-kapaċità ta’ kull impriża kkonċernata li toħloq dannu.

    189    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tat prijorità, waqt l-iffissar tal-ammont inizjali miżmum fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq is-swieq ikkonċernati u għall-prodotti kkonċernati.

    190    It-tieni nett, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kritika magħmula lill-Kummissjoni li waqt l-iffissar tal-ammont tal-multi ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriżi kkonċernati ddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom lanqas ma għadha rilevanti.

    191    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida jipprovdu li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sostanzjali lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fuq livell li jiżgura natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1A). Dawn l-istess linji gwida jżidu li, f’każijiet fejn huma implikati diversi impriżi, bħal f’kartell, jista’ jkun neċessarju li jiġi applikat l-ammont inizjali ġenerali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsidereveoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk l-ammont inizjali ġenerali jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża (is-sitt paragrafu tal-punt 1A) (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 81).

    192    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat ukoll fil-punt 186 iktar ’il fuq, il-linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati, iżda lanqas ma jipprojbixxu li, filwaqt li jiġu osservati l-kundizzjonijiet elenkati fl-istess punt ta’ din is-sentenza, tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

    193    F’dan il-każ, kif ġie osservat fil-punti 183 sa 189 iktar ’il fuq, l-għażla tal-Kummissjoni li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ fuq is-swieq inkwistjoni sabiex tiddetermina l-kapaċità ta’ kull impriża kkonċernata li toħloq dannu kienet koerenti u oġġettivament iġġustifikata. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni segwiet ukoll għan ta’ dissważjoni billi għamlitha ċara li kienet ser tippenalizza b’mod iktar aħrax l-impriżi li pparteċipaw f’kartell fuq suq li fih kellhom piż sostanzjali.

    194    Isegwi li għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multi meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ globali rispettiv tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-ammont finali tal-multa huwa sproporzjonat, peress li l-ammonti inizjali tal-multi tagħhom huwa ġġustifikat fid-dawl tal-kriterji adottati mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-importanza ta’ kull waħda mill-impriżi fis-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 304, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 185).

    –       Fuq is-“sistema ta’ rata fissa” prevista mill-linji gwida

    195    Il-kritiki tar-rikorrenti kontra s-“sistema ta’ rata fissa” prevista mil-linji gwida huma irrilevanti.

    196    Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-metodu li fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti fuq diversi parteċipanti f’akkordju jikkonsisti fit-tqassim tal-membri fl-akkordju f’diversi kategoriji, li jġib miegħu l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi stabbilit għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija, minkejja li jinjora d-differenzi fid-daqs bejn impriżi tal-istess kategorija, ma jistax jiġi kkritikat, sakemm il-priniċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali jiġu osservati (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 385, tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punti 83 sa 85, u tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 150). Sakemm dawn il-prinċipji huma osservati, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi dwar kemm hi xierqa din is-sistema, anki jekk jitqies li tiżvantaġġja l-impriżi ta’ daqs iżgħar. Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità tal-eżerċizzju tad-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, għandha fil-fatt tillimita ruħha li tistħarreġ jekk it-tqassim tal-membri fl-akkordju f’kategoriji huwiex koerenti u ġġustifikat oġġettivament, mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 157).

    –       Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti bħala “impriża medja”

    197    L-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kienu impriżi medji huwa irrilevanti.

    198    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, peress li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tikkalkola l-ammont tal-multa abbażi tal-ammonti skont id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, lanqas ma hija marbuta li tiżgura, fil-każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jkunu jirriflettu d-differenza bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 202).

    199    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 lanqas ma jeħtieġ li, fil-każ fejn il-multi jkunu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx superjuri, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, għal dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi akkużata li, għal xi wħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ikbar, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 203, u Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ’il fuq, punt 174).

    200    B’hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tnaqqas l-ammont tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji. Fil-fatt, id-daqs tal-impriża huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Minn barra dawn il-konsiderazzjonijiet fir-rigward tad-daqs, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta l-impriżi żgħar jew medji b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l-impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji ma jeżonerahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza SNCZ vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punt 84).

    201    Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, l-argument ibbażat fuq ksur allegat tal-prinċipju ta’ sanzjonijiet ugwali għandu wkoll jiġi miċħud.

     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

    202    F’dak li jirrigwarda l-ksur allegat tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi osservat li t-tqassim f’kategoriji għandu josserva l-prinċipju li jipprovdi li huwa pprojbit li sitwazzjonijiet simili jiġu trattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm tali trattament ma huwiex ġustifikat oġġettivament. F’dan il-kuntest, il-linji gwida jipprovdu, fis-sitt paragrafu tal-punt 1A tagħhom, li differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura hija, b’mod partikolari, ta’ natura li tiġġustifika differenzazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

    203    It-tqassim fi gruppi jista’ jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali kemm bejn id-diversi gruppi, billi jiġu ttratati b’mod differenti l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni simili, u kemm fi ħdan kull grupp, billi l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni differenti jiġu trattati b’mod identiku. Fil-kawża preżenti, iż-żewġ każijiet inkwistjoni ġew ikkritikati mir-rikorrenti, l-ewwel fil-kuntest tal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi, it-tieni fil-kuntest tal-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux differenzi fit- trattament bejn l-impriżi u, jekk ikun il-każ, jekk humiex oġġettivament iġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punti 407 u 408).

    204    Huwa paċifiku li teżisti differenza sostanzjali bejn id-daqs tar-rikorrenti u ta’ Coats. Peress li ġie applikat fuqhom, f’dak li jirrigwarda l-akkordju dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi fiż-ŻEE, ammont inizjali differenti minħabba l-klassifikazzjoni tagħhom f’żewġ kategoriji differenti, u, fir-rigward tal-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, ammont inizjali identiku minħabba l-klassifikazzjoni tagħhom fl-istess grupp, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata mill-prijorità mogħtija lill-importanza rispettiva tal-impriżi fis-suq inkwistjoni (iddeterminata skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-suq inkwistjoni għall-prodott ikkonċernat) meta mqabbel mad-daqs tal-impriża (iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali).

    205    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li kien koerenti u oġġettivament iġġustifikat li jiġu kklassifikati, fl-istess grupp, diversi impriżi fejn waħda kellha dħul mill-bejgħ globali ħafna jew “sensibbilment” inqas minn dak tal-impriżi l-oħra, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq ikkonċernat u l-partijiet tas-suq tagħhom simili ħafna, u li tapplika fuqhom ammont inizjali speċifiku identiku. Billi għamlet dan, ġie kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kisret bl-ebda mod il-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punti 104 sa 115, u Union Pigments vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punti 155 sa 158).

    206    Fil-kawża preżenti għandha tapplika l-istess konklużjoni. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, fir-rigward tas-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi, ir-rikorrenti u Coats ġew ikklassifikati rispettivament fl-ewwel u fit-tieni kategorija minħabba l-fatt li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti mwettaq fuq dan is-suq kien madwar ħames drabi ogħla minn dak ta’ Coats. Bl-istess mod, fir-rigward tas-suq tal-ħajt industrijali, Amann u Coats tqiegħdu fl-istess kategorija, peress li d-dħul mill-bejgħ tagħhom imwettaq fuq dan is-suq kien simili ħafna. B’hekk huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat li l-imsemmija impriżi tgħaqqdu fi gruppi fuq din il-bażi.

    207    Minn dan jirriżulta li ma twettaq ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali mill-Kummissjoni.

    208    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali għandu jiġi miċħud.

    3.     Fuq il-motiv, invokat minn Amann, ibbażat fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa imposta għall-akkordju dwar il-ħajt industrijali

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    209    Amann issostni li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida billi kklassifikatha fl-istess kategorija bħal Coats.

    210    Fil-fatt, qabel kollox, il-Kummissjoni ibbażat ruħha esklussivament fuq id-dħul mill-bejgħ imwettaq fl-2000 permezz tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali sabiex twettaq differenzjazzjoni bejn l-impriżi. Issa, hija injorat il-fatt li Coats kienet akkwistat it-totalità tal-ishma ta’ Barbour fl-1999 u li, għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ tagħha kellu jiżdied ma’ dak ta’ Barbour waqt id-differenzjazzjoni.

    211    Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni indikat biss il-limiti ta’ dħul mill-bejgħ għal dawn iż-żewġ impriżi, (minn EUR 2 sa 4 miljun għal waħda, minn EUR 14 sa 18 miljun għall-oħra), Amann ma stmatx li kienet f’pożizzjoni li tiddetermina l-ammont eżatt tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Issa, skont Amann, il-Kummissjoni kellha toqgħod partikolarment attenta fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa peress li s-sistema ta’ kalkolu ta’ rata fissa tal-multi prevista mil-linji gwida ma tieħux inkunsiderazzjoni, b’mod definittiv, tad-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi. Amann tirrileva li l-metodu użat għall-klassifikazzjoni tal-impriżi fi gruppi differenti għandu jkun korrett, koerenti u mhux diskriminatorju. Il-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, Amann tqis li billi kull ma kellha kienu l-limiti tad-dħul mill-bejgħ, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf jekk il-Kummissjoni pproċedietx b’mod korrett, koerenti u mhux diskriminatorju għad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. F’dan ir-rigward, hija tinvoka wkoll ksur tal-Artikolu 253 KE.

    212    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet tat importanza sproporzjonata lid-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur, meta mqabbel mal-elementi ta’ evalwazzjoni l-oħra.

    213    Il-Kummissjoni ssotni li dan il-motiv huwa infondat.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    214    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-ilment ta’ Amann li jipprovdi li l-Kummissjoni ma pproċedietx b’mod korrett, koerenti u nondiskriminatorju fil-klassifikazzjoni tal-impriżi fi gruppi differenti u fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa.

    215    Qabel kollox, l-argument ta’ Amann li jgħid li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt id-differenzjazzjoni tal-ammonti inizjali, id-dħul mill-bejgħ ta’ Barbour li t-totalità tal-ishma tagħha ġew akkwistati minn Coats minn Settembru 1999, għandu jiġi miċħud.

    216    Fil-fatt, fir-risposta tagħha tal-11 ta’ April 2005 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, Coats spjegat li, minn Settembru 1999, Barbour la ma hi impriża operattiva u lanqas ma għandha dħul mill-bejgħ. Għalhekk, id-dħul mill-bejgħ ta’ EUR 14 sa 18 miljun fis-sena 2000 imwettaq minn Coats fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi jinkudi kemm l-attività kummerċjali ta’ Coats kif ukoll l-attività ta’ Barbour li ġiet akkwistata minn Coats f’Settembru 1999 u għaldaqstant ma tistax tiġi kkontestata.

    217    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni qieset neċessarju li tittratta b’mod differenti l-impriżi implikati fil-kartell sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi involuti fil-ksur li jagħmlu dannu sostanzjali lill-kompetizzjoni kif ukoll sabiex tiffissa multa fuq livell li jiggarantixxi effett disważiv suffiċjenti. Hija żiedet li kien neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-aġir illeċitu ta’ kull impriża u għaldaqstant l-impatt reali tagħha fuq il-kompetizzjoni (Deċiżjoni kkontestata, Premessi 354 u 355). Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ imwettaq minn kull impriża fis-suq tal-ħajt industrijali li jirrigwarda l-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri s-sena 2000, kif jirriżulta mit-tabella li tidher fil-Premessa 356 tad-Deċiżjoni kkontestata.

    218    Konsegwentement, kif huwa stabbilit fil-punt 184 iktar ’il fuq, hija qasmet l-impriżi f’erba’ kategoriji, qiegħdet lil Amann u Coats fl-ewwel kategorija u żammet ammont inizjali ta’ EUR 14 miljun għal dawn iż-żewġ impriżi.

    219    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, għandha tillimita ruħha li tistħarreġ jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 157, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    220    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li tqassim tal-impriżi f’erba’ kategoriji huwa mod raġjonevoli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva tagħhom fis-suq sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali, sakemm dan ma jwassalx għal rappreżentazzjoni mgħawġa ħafna tas-suq inkwistjoni. Fil-kawża preżenti, il-metodu tal-Kummissjoni jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-kategoriji, skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-suq inkwistjoni għall-prodott ikkonċernat, rispettivament ta’ EUR 14 sa 18 miljun, ta’ EUR 5 sa 8 miljun, ta’ EUR 2 sa 4 miljun u ta’ EUR 0 sa 1 miljun ma jistax, a priori, jiġi kkunsidrat bħala nieqes minn koerenza interna.

    221    Il-kritiki ta’ Amann fir-rigward tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-kategoriji u l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa għal kull waħda minnhom huma barra minn hekk iktar infondati peress li, f’dak li jirrigwarda l-kategorija li tqiegħdet fiha Amann, l-ammont ta’ EUR 14 miljun magħżul bħala ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa kien l-inqas wieħed ogħli f’din il-kategorija.

    222    Huwa f’dan ir-rigward li għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Amann li jgħid li hi ma kellhiex tkun fl-istess kategorija bħal Coats minħabba l-allegat fatt li bejn id-dħul mill-bejgħ rispettivi tagħhom fis-suq tal-ħajt industrijali hemm differenza ta’ mill-inqas żewġ miljun Euro u li l-impriżi li hemm l-istess differenza bejniethom tqiegħdu f’kategoriji differenti. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il-Kummissjoni (C‑57/02 P, Ġabra p. I‑6689, punti 74 sa 80), li tirreferi ġustament għaliha l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-klassifikazzjoni, fl-istess kategorija, ta’ impriżi li d-differenza bejn l-ishma tas-suq tagħhom kienet ikbar minn dik li teżisti fil-kawża preżenti.

    223    Fl-aħħar, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 182 sa 194 iktar ’il fuq, l-argument ta’ Amann ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet tat importanza sproporzjonata lid-dħul mill-bejgħ ġej mill-bejgħ tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi miċħud

    224    Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproċediet b’mod korrett, koerenti u nondiskriminatorju fil-klassifikazzjoni tal-impriżi fi gruppi differenti u fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa.

    225    It-tieni nett, Amann tibbaża ruħha b’mod żbaljat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-allegat fatt li hija ma kellhiex il-limiti tad-dħul mill-bejgħ u għaldaqstant ma setgħatx tkun taf il-mod kif il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti inizjali permezz tal-imsemmija ċifri.

    226    Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-forom proċedurali sostanzjali li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li wassluwha sabiex tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1521). Dawn il-ħtiġijiet ma jorbtux lill-Kummissjoni sabiex fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multi, filwaqt li jiġi ppreċiżat, f’kull każ, li l-Kummissjoni ma tistax, bl-użu esklużiv u mekkaniku ta’ formoli aritmetiċi, iċċaħħad ruħha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett disważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 464 u 465).

    227    Fil-kawża preżenti, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza ġew sodisfatti, peress li l-Kummissjoni indikat li hija kienet evalwat il-gravità tal-ksur billi applikat il-kriterji tal-linji gwida u li kienet b’hekk ikklassifikat l-impriżi skont l-importanza tagħhom fis-suq partikolari skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom fih u billi ddeterminat ammont inizjali li jieħu inkunsiderazzjoni l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

    228    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi indikat limiti ta’ dħul mill-bejgħ suffiċjentement stretti sabiex tippermetti lil Amann tiddetermina l-mod li bih il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti inizjali, filwaqt li tiggarantixxi s-segrettezza tan-negozju.

    229    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    230    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa imposta għall-akkordju dwar il-ħajt industrijali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    4.     Fuq il-motiv, invokat minn Amann, ibbażat fuq il-kalkolu żbaljat tat-tul tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    231    Skont Amann, il-kalkolu tat-tul tal-ksur huwa żbaljat.

    232    L-ewwel nett, it-tul tal-ksur li hija wettqet fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi kien ta’ ħdax il-sena biss u mhux ta’ ħdax il-sena u disgħa xhur. L-aħħar parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kien dak fil-laqgħa tas-16 ta’ Jannar 2001 u mhux f’dik tat-18 ta’ Settembru 2001, li huwa kkonfermat mill-Premessa 147 tad-Deċiżjoni kkontestata. B’hekk, l-ammont inizjali tal-multa kellu jiżdied b’massimu ta’ 110 % u mhux ta’ 115 %.

    233    Barra minn hekk, Amann tenfassizza li, anki kieku jiġi konkluż, fuq il-bażi ta’ kuntatti bilaterali li l-eżistenza tagħhom hija sostnuta mill-Kummissjoni, li hija kienet implikata fil-ftehim inkwistjoni wara s-16 ta’ Jannar 2001, dan kien biss sa Mejju tal-2001. Għaldaqstant, il-ksur kien dam għal perijodu massimu ta’ ħdax il-sena u erbgħa xhur.

    234    It-tieni nett, filwaqt li tinvoka f’dan ir-rigward, diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, Amann issostni li l-ewwel sena tal-ksur ma kellhiex tingħadd maż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa.

    235    It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha tagħmel użu tas-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex iżżid, skont it-tieni paragrafu tal-punt 1B tal-linji gwida, l-ammont inizjali billi tapplikalha perċentwali ħafna inqas minn 10 % għal kull sena tal-ksur, peress li l-prezz tal-ħajt intiż għas-settur tal-ħwejjeġ a priori, ma jistax, jew ftit jista’ jipproduċi effetti dannużi li jdumu fiż-żmien fir-rigward tal-konsumaturi, peress li l-ispejjeż tal-ħajt jirrapreżenta biss 0.15 % tal-ispejjeż tal-prodotti finali.

    236    Il-Kummissjoni tirrifjuta t-totalità ta’ dawn l-ilmenti, u għaldaqstant titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    237    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma responsabbli mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    238    F’dak li jirrigwarda l-fattur li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont inizjali deċiż abbażi tal-gravità ma għandux jiżdied, il-ksur ta’ tul medju (ġeneralment ta’ bejn sena u ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 %, u l-ksur ta’ tul twil (ġeneralment ta’ iktar minn ħames snin), li fir-rigward tagħhom dan l-ammont jista’ jiżdied b’10 % għal kull sena (l-ewwel sat-tielet paragrafi tal-punt 1B).

    239    Mill-Premessa 359 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Amann ipparteċipat fl-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi minn Jannar tal-1990 sa Settembru tal-2001, jiġifieri, perijodu ta’ ksur ta’ 11-il sena u 9 xhur. Dan il-perijodu jikkorrispondi għal ksur ta’ tul twil. Konsegwentement, l-ammont inizjali tal-multa, żdiet b’115 % abbażi tat-tul tal-ksur (Premessa 360 tad-Deċiżjoni kkontestata).

    240    L-ewwel nett, il-fatt li Amann ma pparteċipatx għal-laqgħa multilaterali tat-18 ta’ Settembru 2001 ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li hija rrinunċjat li tipparteċipa fil-ksur wara s-16 ta’ Jannar 2001, data tal-aħħar laqgħa multilaterli li kienet preżenti għaliha.

    241    Il-waqfien definittiv tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju setgħa jiġi kkonstatat biss kieku ddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-akkordju waqt il-laqgħa tas-16 ta’ Jannar 2001, li hija ma għamlitx (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T‑141/89, Ġabra p. II‑791, punt 85, u BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 203).

    242    Barra minn hekk, kif huwa msemmi fil-Premessa 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi ġie organizzat permezz ta’ laqgħat multilaterali iżda wkoll permezz ta’ laqgħat bilaterali. Issa, Amann żammet effettivament kuntatti bilaterali regolari wara d-data tas-16 ta’ Jannar 2001. Fil-fatt, mill-Premessa 151 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Amann u Coats bagħtu xi posta elettronika lil xulxin intiża għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet, fatt li barra minn hekk, Amann ma kkontestatx.

    243    Il-fatt li din il-posta elettronika tal-aħħar kellha d-data ta’ Mejju 2001 ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li Amann kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha tagħha fil-ksur sa mix-xahar ta’ Ġunju 2001.

    244    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif ġie mfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq, l-akkordju ikkonsista fl-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezz, it-tnaqqis u l-prezzijiet speċjali u, fi ftehim fuq il-listi ta’ prezzijiet futuri, fuq it-tnaqqis u fuq il-prezzijiet speċjali kif ukoll fi ftehim intiżi sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni permezz ta’ prezzijiet vantaġġjużi għall-aġent awtorizzat u fit-tqassim tal-klijenti. Il-fatt sempliċi, jekk jitqies bħala stabbilit, li Amann temmet, wara l-posta elettronika ta’ Mejju 2001, li tikkomunika l-informazzjoni lill-membri l-oħra tal-akkordju ma jurix li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 252).

    245    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ kalkolu meta applikat żieda ta’ 5 % mal-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Amann għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur wara l-laqgħa multilaterali tas-16 ta’ Jannar 2001.

    246    It-tieni nett, il-mod ta’ kalkolu li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ewwel sena ta’ ksur wara ż-żieda tal-multa permezz tat-tul tal-ksur ma għandux il-karatteristiċi ta’ prattika kostanti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dan ma baqax jiġi applikat fid-deċiżjonijiet iktar reċenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li d-deċiżjonijiet invokati minn Amann insostenn tal-argument tagħha kienu jirrigwardaw ksur ta’ tul medju (sa 5 snin) u għaldaqstant ma jurux prattika deċiżjonali allegata tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ksur ta’ tul twil. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 292).

    247    Barra minn hekk, mis-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (punt 186 iktar ’il fuq, punt 133) invokata minn Amann, jirriżulta b’mod kuntrarju li d-dispożizzjonijiet tal-punt 1B tal-linji gwida ma jipprovdu bl-ebda mod li l-ewwel sena ta’ ksur ma għandiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, huwa previst biss li, għall-ksur ta’ tul qasir, b’mod ġenerali ta’ tul inqas minn sena, ma tiġi applikata l-ebda żieda. B’mod kuntrarju, ssir żieda għall-ksur ta’ tul superjuri, żieda li tista’, pereżempju, titla’ sa 50 % meta l-ksur jdum bejn sena u ħames snin. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, minkejja li din l-aħħar dispożizzjoni ma tipprovdix żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur ta’ tul medju, hija tħalli, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istess jista’ jingħad għat-tielet inċiż tal-punt 1B tal-linji gwida, li jirrigwarda l-ksur ta’ tul twil, li jipprovdi biss li l-ammont jista’ jiżdied b’10 % fis-sena (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 133 u 134). Fis-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ir-raġuni li wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li ż-żieda ta’ 10 % ma għandhiex tiġi applikata hija marbuta biss mal-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni, jiġifieri li, fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni kienet applikat, mingħajr l-inqas ġustifikazzjoni, quantum ta’ 40 % fir-rigward ta’ ċerti impriżi għal ksur li dam ħames snin, filwaqt li żammet żieda ta’ 30 % fir-rigward tar-rikorrenti għal ksur li dam sentejn u għaxar xhur.

    248    It-tielet nett, huwa b’mod żbaljat li Amann issostni li l-Kummissjoni ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi applikat b’mod awtomatiku r-rata minima ta’ żieda ta’ 10 % fis-sena u għaldaqstant ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezzijiet tal-ħajt industrijali ma jistgħux jew ftit jistgħu a priori jipproduċu effetti dannużi li jdumu fiż-żmien fir-rigward tal-konsumatur.

    249    Għandu jiġi mfakkar li, anki jekk it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-linji gwida ma jipprovdi għal ebda żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur ta’ tul twil, madankollu, f’dan ir-rigward, huwa jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II-881, punt 396, u BPB vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 362).

    250    Fil-kawża preżenti, mill-punt 239 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li imponiet fuqha nfisha fil-linji gwida meta effettwat iż-żieda tal-ammont tal-multi imposti abbażi tat-tul tal-ksur. Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-kawża preżenti għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni użat korrettament is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi żiedet il-multa b’10 % għal kull sena li fiha l-imsemmi ksur seħħ.

    251    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li żieda fl-ammont tal-multa abbażi tat-tul ma hijiex limitata għall-każ fejn hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu ikbar ikkawżat lill-għanijiet Komunitarji previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 106, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 278).

    252    Fil-kawża preżenti, mill-Premessi 347 sa 351 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-effetti dannużi konkreti tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat. Hija kkonkludiet li kien diffiċli li jiġu mkejla bi preċiżjoni, iżda li l-impatt tal-akkordji kollużivi kien reali.

    253    Fid-dawl tal-ġurisprudenza u filwaqt li ittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-kawża preżenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi żiedet il-multa b’10 % għal kull sena ta’ ksur.

    254    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-kalkolu żbaljat tat-tul tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali għandu jiġi miċħud.

    5.     Fuq il-motiv, invokat minn Amann, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti li jirrigwardaw il-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    255    Amann tinvoka l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti skont is-seba’ inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, minħabba d-deċiżjoni unilaterali tagħha li tirrinunzja, fuq inizjattiva tagħha u qabel l-ewwel intervenzjonijiet tal-Kummissjoni, għall-ksur. Fil-fatt, hija ssostni li ma ħaditx sehem f’laqgħa wara dik tas-16 ta’ Jannar 2001, u li temmet kull kuntatt bilaterali sa mix-xahar ta’ Marzu 2001. F’dan ir-rigward, hija tenfassizza li, peress li bbażatx ruħha fuq it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-ġurisprudenza li tipprovdi li huma l-intervenzjonijiet tal-Kummissjoni li għandhom iħajru lill-impriżi inkwistjoni sabiex itemmu l-aġir antikompettitiv tagħhom ma tipprekludi bl-ebda mod ir-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti. Billi aġixxiet b’dan il-mod, Amann tqis li esponiet ruħha għal riskju ta’ sanzjonijiet mill-kompetituri tagħha, b’mod partikolari minn Coats. Dan ir-riskju ta’ konsegwenzi ma huwiex biss teoretiku, kif infatti jidher mill-posta elettronika skambjata mar-rappreżentant ta’ Coats u kif ġie kkonfermat ukoll minn BST waqt is-seduta tad-19 u tal-20 ta’ Lulju 2004. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet naqset milli teżamina dawn id-dikjarazzjonijiet, b’hekk u kisret l-obbligu tagħha li tikkjarfika l-fatti.

    256    Barra minn hekk, billi sostniet li l-ksur kien diġà ittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tat-tul tiegħu, il-Kummissjoni injorat il-fatt li t-tul oġġettiv ta’ ksur għandu jiġi distint mill-aspett suġġettiv tal-għan tiegħu. Teħid inkunsiderazzjoni ta’ aġir bħala ċirkustanza attenwanti ma għandux jiġi eskluż peress li dan għandu effetti pożittivi għall-impriża fuq il-livell tat-tul tal-ksur.

    257    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    258    Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida jipprovdu, fil-punt 3 tagħhom, għat-tnaqqis tal-ammont bażiku minħabba “ċirkustanzi attenwanti partikolari”, bħalma huwa r-rwol esklussivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur, in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji kollużivi, it-tmien tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew ċirkustanzi oħra mhux espliċitament imsemmija.

    259    Għandu jiġi kkonstatat ukoll jekk dan it-test ma jelenkax b’mod obbligatorju ċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha ċertu diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi skont iċ-ċirkustanzi attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 326). B’hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista’ tkun obbligata tapplika, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għat-tmiem ta’ ksur manifest, kemm jekk dan il-waqfien seħħ qabel jew wara l-interventi tagħha (sentenza Tokai II, punt 93 iktar ’il fuq, punt 292).

    260    Barra minn hekk huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tmiem ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, previst mit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jista loġikament jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti biss jekk ikunu jeżistu raġunijiet sabiex jitqies li l-impriżi inkwistjoni tħajru jtemmu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni. Fil-fatt, jidher li l-finalità ta’ din id-dispożizzjoni hija li tħajjar lill-impriżi sabiex itemmu l-aġir antikompetittiv tagħhom immedjatament meta l-Kummissjoni tibda stħarriġ f’dan ir-rigward. Ma jistax jiġi applikat tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi ta’ dan fil-każ fejn tkun diġà ttieħdet deċiżjoni konkreta minn dawn l-impriżi li jintemm il-ksur qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew fil-każ fejn il-ksur ikun diġà ntemm qabel din id-data. Din l-aħħar l-ipoteżi għandha tittieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tul tal-perijodu ta’ ksur ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 158; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 280 u 281, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 128).

    261    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Amann tibbaża d-dritt tagħha sabiex tibbenifika minn ċirkustanzi attenwanti fuq il-fatt li kienet iddeċidiet b’mod unilaterali, sa minn wara l-laqgħa tas-16 ta’ Jannar 2001, li ma tibqax tieħu sehem fl-ebda laqgħa oħra u li ttemm kull kuntatt bilaterali. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 240 et seq iktar ’il fuq, Amann baqgħet tipparteċipa fil-laqgħat bilaterli wara din il-laqgħa multilaterali.

    262    Minħabba dawn l-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Amann li jgħid li Coats kellha r-rwol ta’ kap tal-grupp fl-akkordju u li kienet hedditha wara d-deċiżjoni tagħha li ma tibqax tieħu sehem fl-ksur. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-obbligu ta’ kjarifika tal-fatti imposta fuq il-Kummissjoni huwa mingħajr rilevanza. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-punt 261 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni inizjali tar-rikorrenti fejn hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur wara l-laqgħa tas-16 ta’ Jannar 2001 mhuijiex eżatta. Għaldaqstant hija ma tistax issostni b’mod validu li t-tmiem tal-ksur wara din il-laqgħa kellu l-effett li jesponiha għal xi forma ta’ tpattija min-naħa ta’ Coats u, għaldaqstant, ma tistax issostni ebda ksur tal-obbligu ta’ kjarifikazzjoni tal-fatti f’dan ir-rigward.

    263    Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li Amann kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur iktar kmieni, mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha ċertu diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u ma hijiex obbligata bl-ebda mod li tapplika tali tnaqqis tal-multa għat-tmiem ta’ ksur li jseħħ qabel l-intervent tagħha.

    264    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi micħud.

    6.     Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali u tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    265    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkritikaw l-iffissar arbitrarju tal-ammont inizjali tal-multa imposta għall-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi. Fil-fatt, id-Deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jsir magħruf il-mod li kif il-Kummissjoni kkalkolat l-imsemmi ammont u lanqas fuq liema bażi hija ddefiniet il-kategoriji. Fil-fatt, l-ammonti inizjali (EUR 5 miljun għar-rikorrenti u EUR 1.3 miljun għall-impriżi l-oħra inkwistjoni) ma jikkorrispondux b’mod preċiż għad-diversi dħul mill-bejgħ imwettqa bil-prodott li kien is-suġġett tal-akkordju.

    266    Sussegwentement, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn, bil-kuntrarju ta’ Coats u ta’ Barbour, hija kkunsidrat lir-rikorrenti bħala unità ta’ impriżi. F’dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ influwenza qawwija ta’ Amann fuq Cousin qabel l-akkwist tal-maġġoranza tal-ishma ta’ din tal-aħħar ma humiex konvinċenti. Skont ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni ta’ Coats u ta’ Barbour kellha tiġi evalwata bl-istess mod bħal dik tar-rikorrenti. L-informazzjoni pprovduta minn Oxley fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni tal-ilmenti hija ntiża wkoll sabiex turi li l-Kummissjoni kienet issottovalutat l-importanza ta’ “Coats/Barbour”. Issa, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex eskluż li, kieku l-Kummissjoni kienet ikklassifikat b’mod korrett dawn l-impriżi, kienet tasal għal ammont inizjali ieħor. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, id-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata.

    267    Ir-risposta tal-Kummissjoni tikkonferma l-iżball ta’ loġika tagħha, peress li l-parteċipazzjoni ta’ Barbour ttieħdet inkunsiderazzjoni biss sal-akkwist tagħha minn Coats f’Settembru 1999 u li, wara l-imsemmi akkwist, hija ħadet inkunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ ta’ Coats filwaqt li kellha wkoll tatribwixxi lil Coats id-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Barbour matul is-sena 1999. L-ammont ta’ dan id-dħul mill-bejgħ kien ta’ madwar EUR 6 miljun. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-ammont inizjali li ġie applikat għalihom kien ta’ EUR 5 miljun (id-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom kien ta’ EUR 8.55 miljun) filwaqt li l-ammont inizjali applikat għal Coats kien biss ta’ EUR 1.3 miljun (id-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ madwar EUR 6 miljun). Huma jikkritikaw ukoll il-fatt li l-kategorizzazzjoni li saret mill-Kummissjoni kienet wasslet sabiex id-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom kien ittieħed inkunsiderazzjoni għat-totalità tal-perijodu filwaqt li dak ta’ Barbour ma baqax jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, minn meta ġiet akkwistata minn Coats.

    268    It-tieni nett, il-kalkolu tal-ammont bażiku skont it-tul tal-ksur, minn Mejju/Ġunju 1998 sal-15 ta’ Mejju 2000, jiġifieri sena u ħdax il-xahar, u ż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa ta’ 15 % li jirriżulta minnu huma żbaljati.

    269    Skont ir-rikorrenti, ma teżistix prova li nżammet laqgħa f’Mejju/Ġunju tal-1998 u li huma ħadu sehem fiha. Huma josservaw li l-unika prova li tibbaża ruħha fuqha l-Kummissjoni hija r-risposta ta’ Coats għat-talba għal informazzjoni. Issa, din ir-risposta ta’ Coats hija bbażata biss fuq nota ta’ ex-kollaboratur. Għaldaqstant, iż-żamma ta’ din il-laqgħa hija sostnuta biss fuq “għajdut” u l-awtentiċità tan-nota tqajjem xi dubbji li l-Kummissjoni kellha tqajjem billi tipproċedi għal verifiki. Skont ir-rikorrenti, l-ewwel laqgħa nżammet biss f’Ġunju 1999. Oxley ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi l-iċken indikazzjoni fuq din il-laqgħa u Coats ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi xi spjegazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha. Minħabba l-inċertezzi eżistenti fir-rigward ta’ din il-laqgħa, ir-rikorrenti jakkużaw ukoll lill-Kummissjoni li bl-ebda mod ma pprovat tikkjarifika l-post fejn kienet inżammet tali laqgħa. Għaldaqstant, huma jqisu li l-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa għandu jsir biss mill-15 ta’ April 1999.

    270    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    271    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq l-iffissar arbitrarju tal-ammont inizjali tal-multa.

    272    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li l-linji gwida jipprovdu l-ewwel nett, l-evawazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit “ammont inizjali ġenerali”. Għalhekk, il-gravità tal-ksur hija iddeterminata permezz ta’ elementi oġġettivi bħalma huma n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. It-tieni nett, il-gravità tal-ksur hija analizzata abbażi ta’ varjetà ta’ elementi suġġettivi. B’hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu tal-ammont bażiku, għall-klassifikazzjoni tal-impiżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ “ammont inizjali speċifiku”. It-tielet nett, it-tul tal-ksur jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont bażiku kif huma kkunsidrati wkoll, fir-raba’ nett, iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li tiġi evalwata b’mod partikolari l-gravità fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

    273    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-elementi suġġettivi li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont inizjali, il-linji gwida jipprovdu li, huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikanti lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa fuq livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1A).

    274    Skont dawn l-istess linji gwida, fil-każijiet fejn ikunu implikati diversi impriżi, bħall-kartelli, ikun aħjar li jiġi mwieżen l-ammont inizjali ġenerali, sabiex jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fejn hemm differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi li kkommettew ksur tal-istess natura u li jiġi adattat konsegwentement l-ammont inizjali ġenerali skont il-karattru speċifiku ta’ kull impriża (is-sitt paragrafu tal-punt 1A) (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 81).

    275    Għandu jiġi osservat li l-linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, dawn lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk. B’hekk, id-dħul mill-bejgħ jista’ jiġi kkunsidrat meta jkunu qed jiġu kkunsidrati id-diversi elementi elenkati fil-punti 269 u 270 iktar ’il fuq (sentenzi Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 82, u Tokai I, punt 186 iktar ’il fuq, punt 195).

    276    Fil-kawża preżenti, mill-Premessi 418 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni osservat id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Fil-fatt, hija ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq kif ukoll il-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, hija kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna filwaqt li ppreċiżat, fil-Premessa 428 tad-Deċiżjoni kkontestata, li kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni id-daqs żgħir tas-suq ikkonċernat sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa.

    277    Sussegwentement, bħal fil-kuntest tal-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, hija qieset neċessarju li tittratta lill-impriżi implikati fil-kartell tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi b’mod differenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi akkużati bil-ksur li jikkawżaw dannu sostanzjali lill-kompetizzjoni kif ukoll sabiex tiffissa l-multa fuq livell li jigarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Hija żiedet li kien neċessarju li tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-aġir illeċitu ta’ kull impriża, u għaldaqstant tal-impatt reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ fis-suq ikkonċernat għall-prodott ikkonċernat mill-akkordju (Deċiżjoni kkontestata, Premessi 430 sa 432).

    278    Konsegwentement, hija ġabret flimkien l-impriża f’żewġ kategoriji. Amann u Cousin, minħabba d-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom ta’ EUR 8. 55 miljun, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Coats, Oxley u Barbour, minħabba d-dħul mill-bejgħ tagħhom stmati bejn EUR 1 u 3 milljun, tqiegħdu fit-tieni kategorija. Il-Kummissjoni żammet ammont inizjali, iddeterminat permezz tal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 5 miljun għal Amann u Cousin u ta’ EUR 1.3 miljun għal Coats, Oxley u Barbour (Deċiżjoni kkontestata, Premessa 432 sa 435).

    279    Kif ġie enfasizzat fil-punti 216 sa 221 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, għandha tillimta ruħha sabiex tikkontrolla jekk dan it-tqassim kienx koerenti u oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 157, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    280    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li t-tqassim tal-impriżi f’żewġ kategoriji huwa mod raġjonevoli sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva tagħhom fis-suq sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali, sakemm dan ma jirriżultax f’rappreżentazzjoni mgħawġa ħafna tas-suq inkwistjoni. Fil-kawża preżenti, il-metodu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-iffissar ta’ kategoriji, skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-suq inkwistjoni għall-prodott ikkonċernat ma jistax, a priori, jiġi kkunsidrat bħala nieqes minn koerenza interna.

    281    Fir-rigward tad-determinazzjoni nnfisha tal-ammont inizjali, għandu jiġi kkunsidrat li l-għażla taċ-ċifra ta’ EUR 5 miljun għall-impriżi kklassifikati fl-ewwel kategorija ma tistax tiġi kkwalifikata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija tgawdi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, din iċ-ċifra ġiet iddeterminata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni kategoriji li huma stess, kienu ġew stabbiliti b’mod validu, kif ġie kkonstatat fil-punti 277 u 278 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, iċ-ċifra ta’ EUR 5 miljun magħżula bħala ammont inizjali hija inqas mid-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti li serva bħala riferiment għall-ewwel kategorija.

    282    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti jaffermaw b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ddefinixxiet iż-żewġ kategoriji u kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa b’mod arbitrarju.

    283    Il-kritika kontra l-Kummissjoni li ma kkunsidratx lil Coats u Barbour bħala “unità ta’ impriżi” u, għaldaqstant, li ma għadditx flimkien id-dħul mill-bejgħ tagħhom hija irrilevanti. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni kkontestata (Premessi 40 u 67) jirriżulta li Coats ma akkwistatx lil Barbour qabel Settembru 1999 B’hekk din tal-aħħar kienet impriża ġuridikament indipendenti u, abbażi ta’ dan, setgħet tinżamm individwalment responsabbli għall-ksur imwettaq għall-perijodu ta’ Mejju/Ġunju sa Settembru 1999. Fir-rigward ta’ Coats, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija pparteċipat għall-ksur tat-8 ta’ Ġunju 1999 sal-15 ta’ Mejju 2000 u, għaldaqstant, setgħet tinżamm individwalment responsabbli għall-aġir ta’ ksur tagħha.

    284    B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, kienx hemm lok li jingħaddu flimkien id-dħul mill-bejgħ ta’ Coats u ta’ Barbour u li dawn tal-aħħar jiġu kklassifikati fl-ewwel kategorija.

    285    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Coats għas-sena 1999. Issa, huwa ġġustifikat li tiżdied ma’ din iċ-ċifra l-parti tad-dħul mill-bejgħ ta’ Barbour għax-xhur ta’ Ottubru sa Diċembru 1999, jiġifieri 3/12 tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ Barbour. B’hekk, id-dħul mill-bejgħ ta’ Coats kellu jiżdied b’ammont bejn EUR 250 000 u EUR 750 000. Madankollu, dan l-iżball fil-kalkolu ma jimminax il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel kategorija u lanqas l-ammont inizjali applikat għalihom. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fil-Premessi 323 u 433 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li kellha tiġi kkunsidrata bħala “unità ta’ impriżi” u li, abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ġabret flimkien, ġustament, id-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom.

    286    Fl-aħħar, l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, għandu jiġi miċħud minħabba l-fatt, minn naħa, li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn, bil-kontra ta’ Coats u ta’ Barbour, hija kkunsidrat lir-rikorrenti bħala “unità ta’ impriżi”, u, min-naħa l-oħra, li d-determinazzjoni u l-kalkolu tal-ammont inizjali huma inkomprensibbli.

    287    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-Premessi 323 u 433 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn ir-rikorrenti kellhom jiġu kkunsidrati bħala “unità ta’ impriżi”. Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat ukoll fil-punt 226 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Kummissjoni tindika fid-deċiżjoni tagħha, iċ-ċifri marbuta mal-metodu ta’ kalkolu tal-multi, peress li huwa enfasizzat , f’kull każ, li l-Kummissjoni ma tistax, permezz ta’ rikors esklussiv u mekkaniku għall-formoli aritmetiċi, iċċaħħad lilha nnfisha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    288    Fil-kawża preżenti, kif jirriżulta wkoll mill-punti 276 sa 278 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssodisfatt perfettament l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi indikat, fil-Premessi 418 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità tal-ksur.

    289    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont bażiku tal-multa minħabba determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-ewwel laqgħa dwar is-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi ma nżammitx f’Ġunju 1999 kif isostnu r-rikorrenti, iżda f’Mejju/Ġunju 1998.

    290    Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Amann semmiet b’mod espress l-eżistenza ta’ din il-laqgħa u indikat li din ippermettiet lill-parteċipanti sabiex jistabbilixxu l-ewwel kuntatt bejniethom, li jiskambjaw informazzjoni dwar ċerti prezzijiet u li juru l-intenzjoni tagħhom li jiffissaw il-prezzijiet għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur.

    291    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-argument huwa nieqes minn kwalunkwe bażi fattwali.

    292    Barra minn hekk, il-kritika kontra l-Kummissjoni li ma setgħetx tiddetermina b’eżattezza jekk il-laqgħa nżammitx f’Mejju jew f’Ġunju ma hijiex rilevanti peress li l-kalkolu tat-tul tal-ksur sar sa mix-xahar ta’ Ġunju, li jikkostitwixxi punt ta’ tluq iktar favorevoli għar-rikorrenti.

    293    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-motiv ibbażat fuq il-kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali u tal-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi miċħud.

    7.     Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq nuqqas allegat tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju li jirrigwarda l- ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    294    Ir-rikorrenti jsostnu li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-ksur fuq is-suq huma żbaljati. Fil-fatt, id-Deċiżjoni kkontestata ma stabbilixxitx l-implementazzjoni effettiva tal-ftehim konkluż fil-kuntest tal-akkordju dwar il-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi. Id-dokumenti li l-Kummissjoni bbażat l-affermazzjoni tagħha fir-rigward tal-implementazzjoni effettiva tal-akkordju fuqhom ġew invokati bħala provi biss sabiex tintwera l-eżistenza ta’ laqgħat bejn il-parteċipanti. Fil-Premessa 427 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tammetti hija stess li ltaqgħat ma’ xi diffikultajiet fuq il-livell tal-konstatazzjoni tal-implementazzjoni tal-akkordju.

    295    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tafferma b’mod żbaljat li Cousin kienet imponiet xi żidiet fil-prezz fuq il-klijent tagħha Johnson Controls. Ir-rikorrenti enfassizzaw li din ż-żieda tikkorrispondi għall-politika tagħhom ta’ prezz individwali u ma għandha l-ebda relazzjoni mal-ftehim. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ngħatawx id-dritt li jinstemgħu dwar dan il-punt, li tqajjem għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant jikkunsidraw li ma setgħax jintuża bħala prova tal-implementazzjoni tal-akkordju.

    296    Ir-rikorrenti jinvokaw l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-elementi kollha li jistgħu jkunu determinanti fuq il-livell tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni aċċettat l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika attenwanza tal-piena anki fil-kawżi fejn l-akkordji jkun ġew biss implementati parzjalment. Peress li fil-kawża preżenti n-nuqqas ta’ implementazzjoni huwa iktar importanti, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kellha tieħu dan inkunsiderazzjoni skont il-prattika deċiżjonali tagħha u, għaldaqstant, tagħtihom il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti abbażi tat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, jew tieħu dan inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur.

    297    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    298    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Premessa 233 tad-Deċiżjoni kkontestata turi li, matul is-seduta tad-9 ta’ Lulju, Cousin indikat li kienet ser tipprova żżid il-prezzijiet applikati għall-klijent tagħha Johnson Controls. Mill-osservazzjonijiet ta’ Barbour jirrizulta wkoll li rappreżentant ta’ Cousin kien ċempel lil rappreżentant ta’ Barbour sabiex jikkonfermalu li ż-żieda kienet twettqet. Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li Cousin tikkonferma li żiedet il-prezzijiet tagħha, iżda ssostni li din iż-żieda ma kinitx tirriżulta minn ftehim.

    299    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jallegaw b’mod żbaljat li r-riferiment għaż-żieda fil-prezzijiet applikati għal Johnson Controls qatt ma ġie msemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li, għaldaqstant, huma ma kellhomx l-opportunità jirrispondu għalih. Tali argument huwa nieqes mill-fatti, peress li l-Kummissjoni rreferiet b’mod espliċitu għal dan fil-punti 192 u 201 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    300    It-tieni nett, il-Kummissjoni, ġustament, sabet li l-ftehim kien ġie implementat billi bbażat ruħha fuq iż-żieda fil-prezzijiet iċċitata iktar ’il fuq fir-rigward ta’ Johson Controls. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet ta’ Cousin matul il-laqgħa tad-9 ta’ Lulju 1999 dwar l-intenzjoni tagħha sabiex iżżid il-prezzijiet fir-rigward ta’ Johnson Controls, u t-telefonata li kellha ma’ Barbour fejn iddikjarat it-twettiq ta’ din l-intenzjoni u l-konferma ta’ Cousin ta’ din iż-żieda fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, jikkostitwixxu sensiela ta’ provi suffiċjenti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, huma r-rikorrenti li għandhom juru li ż-żieda fil-prezzijiet ma tikkostitwi bl-ebda mod l-applikazzjoni ta’ ftehim, u huma naqsu milli jagħmlu dan, billi llimitaw ruħhom li jinvokaw il-“politika individwali fir-rigward tal-prezzijiet” tagħhom.

    301    It-tielet nett, fir-rigward tal-effetti tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-Premessa 427 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-akkordji kollużivi kienu ġew implementati u li kellhom impatt fuq is-suq ikkonċernat, u fuq il‑prodotti kkonċernati “anki jekk huwa diffiċli li jitkejjel dan l-impatt bi preċiżjoni”. Għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-effetti tal-ksur fuq suq, li taqa’ fuq il-Kummissjoni meta fil-kalkolu tal-multa din tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, huwa inqas kbir minn dak meħtieġ minnha meta trid turi l-eżistenza bħala tali ta’ ksur fil-każ ta’ akkordju. Fil-fatt, sabiex jiġi kkunsidrat l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti “raġunijiet tajbin li għandhom jiġu ikkunsidrati” (sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 171 iktar ’il fuq, punt 161). Iż-żieda tal-prezzijiet fir-rigward ta’ Johnson Controls tikkostitwixxi b’hekk, fiha nnfisha, raġuni tajba ħafna sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

    302    Ir-raba’ nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma setgħu bl-ebda mod igawdu mill-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti tan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji.

    303    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    8.     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    304    Żewġ ilmenti huma invokati insostenn ta’ dan il-motiv. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni lment huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    305    L-ewwel nett, Amann tqis li d-dritt għal smigħ tagħha, stabbilit mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, ġie miksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat parti importanti tad-deċiżjoni tagħha rigward ċertu tnaqqis fuq dokumenti msemmija fil-Premessa 116 tad-Deċiżjoni kkontestata. Issa, dawn id-dokumenti u l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni, ma ġewx, f’dan il-kuntest, ikkomunikati lil Amann fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti ma jistgħux jintużaw bħala prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u 53 ŻEE. Fil-fatt, Amann tindika li s-sempliċi preżenza ta’ dawn id-dokumenti fl-atti tal-proċess tal-Kummissjoni u l-possibbiltà li tikkonsultahom fil-kuntest tal-aċċess għall-atti tal-proċess ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi osservat id-dritt għal smigħ.

    306    Il-Kummissjoni kienet kisret ukoll id-dritt tagħha għal smigħ ukoll billi bbażat ruħha fuq ilmenti li rigward tagħhom qatt ma kellha l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, id-Deċiżjoni kkontestata tirreferi għal diskussjoni li dwar it-tnaqqis tal-iskontijiet fl-Isvezja, fid-19 ta’ Settembru 2000, sabiex tibbaża l-akkuża ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq l-iskontijiet u ftehim sabiex jitnaqqsu. Issa, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma fiha l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-ftehim ta’ dan it-tip li jirrigwarda l-Isvezja iżda pjuttost jevoka tali ftehim għall-Finlandja. Amann tikkonstata li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fil-Premessa 116 tad-Deċiżjoni kkontestata, li semmiet bi żball lill-Finlandja minflok l-Isvezja fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, hija tqis li ma nstemgħetx fuq dan il-punt. Il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li Amann kienet f’pożizzjoni li tiddeduċi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kien jirrigwarda lment dwar l-Isvezja. Id-dokument inkwistjoni, jiġifieri posta elettronika tal-10 ta’ Ottubru 2000, kien, fil-fatt, issemma f’kuntest differenti minn dak tal-akkordju konkret dwar l-iskonti. Amann issostni li, skont il-ġurisprudenza, ma humiex id-dokumenti bħala tali li huma importanti, iżda l-konklużjonijiet li tasal għalihom permezz tagħhom il-Kummissjoni. Din il-ġurisprudenza tapplika għall-kawża preżenti anki jekk d-Deċiżjoni kkontestata semmiet l-eżistenza tal-posta elettronika iċċitata iktar ’il fuq, peress li dan ir-riferiment sar f’kuntest ieħor.

    307    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ikkontradiet lilha nnifisha billi sostniet li fir-realtà kellha l-intenzjoni tirreferi għall-Isvezja minnflok għall-Finlandja, filwaqt li sostniet ukoll li kienu saru akkordji fiż-żewġ pajjiżi.

    308    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi riedet mingħandhom risposti għal domandi dwar il-kuntatti li kellha mal-kompetituri, li jidhru fit-talba għal informazzjoni tas-6 u tal-24 ta’ Marzu 2003, mingħajr ma ppreċiżat li kienu ġew interrogati bħala “akkużati”. Huma jsostnu li, skont il-ġurisprudenza, hija ma setgħetx teħtieġ li r-rikorrenti jipprovdulha dettalji dwar l-aspetti inkwistjoni u d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ kuntatti miżmuma ma’ kompetituri u, a fortiori, li jintalab lill-impriżi, barra deskrizzjoni pura u sempliċi tal-fatti u l-produzzjoni tad-dokumenti eżistenti, informazzjoni dwar l-għan, l-isvolġiment u r-riżultati tal-kuntatti ma’ dawn il-kompetituri meta l-Kummissjoni tissuspetta manifestament li dawn il-laqgħat kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Issa, ir-rikorrenti jikkunsidraw li dan kien il-każ fil-kawża preżenti, billi jibbażaw ruħhom f’dan ir-rigward fuq il-punt 4.1 tat-talbiet għal informazzjoni ċċitati iktar ’il fuq.

    309    Peress li r-rikorrenti rrispondew b’mod dettaljat għad-domandi kollha tal-Kummissjoni, minkejja l-eżistenza ta’ dritt ta’ rifjut, huma jinvokaw il-benefiċċju ta’ tnaqqis superjuri minn dak ta’ 15 % applikat fuq il-multi tagħhom, skont il-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. B’hekk huma jqisu li marru lill’hinn ħafna minn dak li l-Kummissjoni kellha d-dritt titlob.

    310    Huma jikkunsidraw ukoll bħala insuffiċjenti t-tnaqqis ta’ 15 % iċċitat iktar ’il fuq, meta mqabbel mal-50 % mogħti lil Coats. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħhom, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tal-verifika, hija kienet diġà sabet xi dokumenti essenzjali li kienu jippermettulha tikkonstata mingħajr diffikultà l-eżistenza ta’ ksur fl-oqsma kkonċernati. Barra minn hekk, Coats kellha vantaġġ fir-rigward tal-kompetituri tagħha peress li hija kienet diġà ġiet informata mill-bidu nett dwar proċedura fis-sens li l-introduzzjoni ta’ talba għal immunità kienet neċessarja. Barra minn hekk, Coats kellha rwol ta’ kap, kif ġie kkonfermat minn diversi impriżi implikati. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti jqisu li huma kellhom igawdu mill-istess trattament bħal Coats.

    311    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     Fuq il-ksur allegat tad-dritt għal smigħ

    312    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi sunt tal-ilmenti redatt fi kliem ċar biżżejjed, fil-qosor, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak previst fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkusiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 63; CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, 196 iktar ’il fuq, punt 109, et Tokai II, punt 93 iktar ’il fuq, punt 138).

    313    B’hekk, ma hemmx ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-fatt li hemm hemm inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk xi oġġezzjoni li tkun tinsab fiha ma tkunx ġiet esposta b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lid-destinatarji li jiddefendu ruħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 100).

    314    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li dak li huwa importanti, ma humiex id-dokumenti bħala tali, iżda l-konklużjonijiet li tasal għalihom minnhom il-Kummissjoni, u li, jekk dawn id-dokumenti ma jissemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-impriża kkonċernata tista’ ġustament tqis li ma kellhomx importanza għall-finijiet tal-kawża. Billi ma tinformax lil impriża li ċerti dokumenti ser jintużaw fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tostakolaha milli timmanifesta fi żmien utli l-opinjoni tagħha fuq il-valur ta’ prova ta’ dawn id-dokumenti. Isegwi li dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħalla mezzi ta’ prova validi fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 27, u tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 21; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 55).

    315    Madankollu, dokument użat mill-Kummissjoni insostenn ta’ ilment fid-deċiżjoni finali filwaqt li dan id-dokument intuża fil-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jiġi stabbilit ilment ieħor jista’ biss jinżamm fid-deċiżjoni kontra l-impriża kkonċernata meta din setgħet tiddeduċi b’mod raġjonevoli, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-kontenut tad-deċiżjoni, il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tasal għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shell vs Il-Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 62).

    316    L-ilment imqajjem minn Amann għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija.

    317    Għandu jiġi mfakkar li, fil-Premessa 116 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li semmiet b’mod żbaljat, fil-punti 104 u 126 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ġie miftiehem tnaqqis fl-iskontijiet fil-Finlandja waqt il-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000 f’Budapest (l-Ungerija). Hija emendat dan l-iżball fl-istess Premessa 116 billi enfasizzat li l-pajjiż ikkonċernat bit-tnaqqis tal-prezzijiet kien fir-realtà l-Isvezja.

    318    Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li t-titolu preċedenti għall-125 u 126 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intitolat “Laqgħa fil-lukanda Mercure ta’ Budapest fid-19 ta’ Settembru 2000”, jirriferi għan-nota f’qiegħ il-paġna Nru 244, li tagħmel riferenza għall-posta elettronika tal-10 ta’ Ottubru 2000 li fiha l-elementi diskussi waqt din il-laqgħa fosthom it-tnaqqis tal-iskontijiet fl-Isvezja.

    319    Għandu jiġi rrilevat ukoll li Amann kienet taf b’dan id-dokument, fatt li huwa attestat mir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, din tal-aħħar issemmi li d-dokument fih posta elettronika ta’ J. L. (Coats) lil F. S. (Coats) tal-10 ta’ Ottubru 2000 li fiha rapport dettaljat ħafna tal-kontenut tal-laqgħa f’Budapest.

    320    Minn din il-posta elettronika jirriżulta b’mod ċar ħafna li l-uniku pajjiż ikkonċernat bit-tnaqqis tal-iskontijiet kien l-Isvezja u li ebda element ieħor relattiv għall-Finlandja ma seta’ joħloq konfużjoni rigward l-eżistenza ta’ ftehim eventwali fuq tali tnaqqis f’dan il-pajjiż tal-aħħar.

    321    Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni Amann, din il-posta elettronika ma ġietx prodotta f’kuntest differenti, peress li telenka l-ftehim konkluż matul il-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000, li barra minn hekk Amann ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fiha.

    322    B’hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi dedott li Amann setgħet tiddeduċi b’mod raġjonevoli, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-kontenut tad-dokument, il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tasal għalihom u, għaldaqstant, setgħet temenda l-iżball relattiv għall-pajjiż uniku kkonċernat bit-tnaqqis tal-iskontijiet.

    323    F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Amann li jipprovdi li s-sentenza fil-posta elettronika “Svezja: […] għandhom jogħlew il-prezzijiet speċjali bi 3.5 % mill-1 ta’ April 2001 jew jitnaqqsu l-iskontijiet” ma kinitx tippermettilha li tkun taf li l-Kummissjoni xtaqet tibbaża ruħha fuq l-imsemmija sentenza sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim fuq it-tnaqqis tal-iskontijiet fl-Isvezja huwa irrilevanti. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li Amann kellha tinduna li l-Kummissjoni kienet ser tibbaża ruħha fuq dan l-element.

    324    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ ta’ Amann.

     Fuq il-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ awtoinkriminazzjoni

    325    Mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-medda tal-poteri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-proċeduri ta’ inkjesti preliminari u tal-proċeduri amministrattivi jirriżulta, li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga, skont il-każ u permezz ta’ deċiżjoni, li impriża tipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-fatti li tista’ tkun taf dwarhom. Madankollu, ma tistax iġġiegħel lil din l-impriża li tagħti tweġibiet li jistgħu jwasslu sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur, li għandu jiġi ppruvat mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punti 61 u 65, u Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 260 iktar ’il fuq, punt 34).

    326    B’hekk, id-dritt għal silenzju assolut, ma jistax jiġi rikonoxxut lil impriża destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ tali dritt, imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u jikkostitwixxi xkiel inġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-missjoni li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dritt għal silenzju jista’ jiġi rrikonoxxut biss sa fejn l-impriża kkonċernata tkun obbligata tagħti risposti li permezz tagħhom hija jkollha tammetti l-eżistenza tal-ksur fejn hija l-Kummissjoni li trid tistabbilixxi dan (sentenza Tokai I, punt 186 iktar ’il fuq, punt 402).

    327    Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utili tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija, konsegwentement, intitolata tobbliga lill-impriżi sabiex jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li huma jkunu jafu bihom u sabiex ifornuha, jekk meħtieġ, bid-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħhom, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir anti-kompetittiv. Dan il-poter tal-Kummissjoni li tikseb informazzjoni la jmur kontra l-Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB u lanqas kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (sentenza Tokai I, punt 186 iktar ’il fuq, punti 403 u 404).

    328    F’kull każ, il-fatt li persuna tkun obbligata tirrispondi għad-domandi purament fattwali magħmula mill-Kummissjoni u li tissodisfa t-talbiet tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti ma jiksirx il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ta’ dak ta’ dritt għal smigħ xieraq, li jagħtu, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, protezzjoni ekwivalenti għal dik garantita mill-Artikolu 6 tal-ECHR. Xejn fil-fatt ma jwaqqaf lid-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni milli juri, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew waqt proċedura quddiem il-qorti Komunitarja, li l-fatti esposti fir-risposti tagħha jew id-dokumenti kkomunikati għandhom tifsira oħra minn dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni (sentenza Tokai I, punt 186 iktar ’il fuq, punt 406).

    329    Fl-aħħar, meta f’talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni, barra mill-mistoqsijiet purament ta’ fatt u talbiet għal produzzjoni ta’ dokumenti preeżistenti, titlob lil impriża sabiex tiddeskrivi l-għan u l-andament ta’ diversi laqgħat li tkun ipparteċipat fihom kif ukoll ir-riżultati jew il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat, meta huwa ċar li l-Kummissjoni tissuspetta li l-għan tal-imsemmija laqgħat hu li jirristrinġi l-kompetizzjoni, talba bħal din hi ta’ natura li tobbliga lill-impriża inkwistjoni li tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-imsemmija impriża ma hijiex obbligata li twieġeb domandi ta’ dan it-tip. F’ipoteżi bħal din, il-fatt li impriża xorta waħda tgħaddi informazzjoni fuq dawn il-punti għandu jiġi kkunsidrat bħala kollaborazzjoni spontanja tal-impriża li tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa bl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punt 107). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li f’din l-istess ipoteżi, l-impriżi ma jistgħux jallegaw li d-dritt tagħhom li ma jinkriminawx ruħhom ġie miksur minħabba l-fatt li huma rrispondew, volontarjament, għal tali domanda (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 259 iktar ’il fuq, punt 46).

    330    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kisritx id-dritt tar-rikorrenti li ma jinkriminawx lilhom infushom.

    331    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni talbet informazzjoni permezz ta’ talbiet għal informazzjoni (posta elettronika tas-6 u tal-24 ta’ Marzu 2003) u mhux permezz ta’ deċiżjonijiet.

    332    Fir-rigward tal-kontenut stess tal-informazzjoni mitluba, mill-punt 4 tad-domandi ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li, il-Kummissjoni xtaqet b’mod partikolari tirċievi xi indikazzjonijiet dwar il-laqgħat mal-kompetituri, id-data, il-post u l-lista ta’ parteċipanti, l-għan u l-isvolġiment tal-laqgħat kif ukoll xi informazzjoni dwar il-kuntatti bilaterali. Ir-rikorrenti ma kellhom l-ebda obbligu li jirrispondu għad-domandi jekk ir-risposti tagħhom setgħu jwasslu sabiex jikxfu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur preżunt. Madankollu, huma rrispondew volontarjament għal dawn id-domandi u għaldaqstant ma jistax jiġi jallegat li d-dritt tagħhom li ma jinkriminawx lilhom infushom ġie miskur minħabba dan.

    333    It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti kontra l-Kummissjoni li ma nformathomx dwar is-suspetti kontrihom, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, il-ħtieġa ta’ rabta bejn l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-ksur investigat, li jsir riferiment għaliha fid-domanda. Fil-fatt, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17, jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiġbor, b’mod partikolari mingħand l-impriżi, “l-informazzjoni kollha meħtieġa”, għall-finijiet tal-applikazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li fit-talba għal informazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tindika b’mod partikolari “il-bażi legali u l-għan tat-talba”. Għaldaqstant, mill-Artikolu 11(1) u (3) moqrija flimkien tar-Regolament Nru 17, kif ukoll mill-ħtiġijiet dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati jirriżulta li, il-kriterju ta’ ħtieġa, stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, għandu jiġi evalwat skont l-għan tal-inkjesta, kif hija ppreċiżata b’mod obbligatorju fit-talba għal informazzjoni stess. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward ta’ dispożizzjoni simili għal dik tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 29), dwar is-setgħat ta’ verifika mogħtija lill-Kummissjoni fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tindika l-għan u l-iskop tal-verifika jikkostitwixxi ħtieġa fundamentali fid-dawl mhux biss li tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst ġewwa l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tal-kollaborazzjoni tagħhom billi jippreservaw fl-istess ħin id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ titlob biss informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw il-kondotta tal-istħarriġ u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑39/90, Ġabra p. II‑1497, punt 25, u tat-8 ta’ Marzu 1995, Société Générale vs Il-Kummissjoni, T‑34/93, Ġabra p. II‑545, punti 40, 62 u 63).

    334    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fit-talba għal informazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li timplika b’mod espliċitu l-preżunzjonijiet ta’ ksur fuq l-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, ma hijiex marbuta f’dan l-istadju li tinforma lill-impriża li qiegħda taħt suspett. Fil-fatt, sakemm il-Kummissjoni tindika b’mod ċar il-bażi legali u l-iskop tat-talba tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata ġew iggarantiti.

    335    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssodisfat perfettament l-obbligi tagħha billi indikat b’mod ċar, fit-talbiet għal informazzjoni ċċitati iktar ’il fuq, is-suġġett u l-iskop tat-talba.

    336    It-tielet nett u f’dan ir-rigward, il-kritika tar-rikorrenti kontra l-Kummissjoni li ma għarrfithomx bl-informazzjoni li kellha diġà fil-pussess tagħha hija wkoll irrilevanti. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, hija n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet minn naħa, u l-aċċess għall-atti tal-proċess li jippermettu lid-destinatarju tal-imsemmija komunikazzjoni jsir jaf bil-provi li jidhru fl-atti tal-proċess tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, li jiżguraw li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq tal-impriża inkwistjoni. Huwa fil-fatt permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata hija informata bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedimenti. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni li l-impriża kkonċernata tkun tista’ ssostni kompletament id-drittijiet tad-difiża. Jekk id-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu estiżi għall-perijodu qabel it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża tkun, diġà matul l-ewwel fażi tal-inkjesta tal-Kummissjoni, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa lill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li tista’ xorta tiġi moħbija minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 260 iktar ’il fuq, punti 58 sa 60).

    337    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat il-benefiċċju ta’ tnaqqis supplementari mill-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom meta rrispondew għat-talba għal informazzjoni billi pprovdew informazzjoni li allegatament tmur “lill’hinn” minn dak li kien meħtieġ abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

    338    Minħabba l-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti matul l-inkjesta dwar iż-żewġ akkordji, il-multi imposti ġew it-tnejn li huma mnaqqsa bi 15 % skont l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt D 2, tal-kommunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti bagħtu l-informazzjoni u d-dokumenti li materjalment ikkontribwew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur u b’mod partikolari ammettew li pparteċipaw fil-laqgħat mal-kompetituri tagħhom, sabiex jiskambjaw, jiddiskutu jew anki jżommu l-prezzijiet. Barra minn hekk, huma ma jikkontestawx b’mod sostanzjali l-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-akkużi tagħha (Premessi 390 sa 397 u 460 sa 463 tad-Deċiżjoni kkontestata).

    339    Minn naħa, hemm lok li jiġi mfakkar li t-tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, skont il-każ, ittemmu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 156, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless et Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 270).

    340    Min-naħa l-oħra, il-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħtiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx għaddiet dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(4) u (5), tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342). Għall-kuntrarju, fil-każ fejn impriża tipprovdi, bħala risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11, informazzjoni li tmur lill’hinn minn dik mistennija mill-Kummissjoni skont l-istess Artikolu, l-impriża inkwistjoni tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II 925, punt 262.

    341    Xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-kontenut tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni li għandu jippermetti li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti effettivament bagħtux informazzjoni li marret lill’hinn minn dak li l-Kummissjoni għandha d-dritt titlob.

    342    Issa, r-rikorrenti ma wrewx kif l-informazzjoni mibgħuta, fir-rigward tal-kontenut tagħha, kienet tmur lill’hinn ħafna minn dak li l-Kummissjoni tista’ titlob.

    343    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ammettewx it-totalità tal-elementi li l-Kummissjoni bbażat id-Deċiżjoni kkontestata fuqhom. Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat b’mod partikolari li Cousin sostniet li dejjem kompliet tagħmel l-offerti tagħha tal-prodotti mingħajr ma kkunsidrat fl-ebda mument xi diskussjonijiet u li Amann ikkontestat t-tul tal-ksur.

    344    Għaldaqstant, it-tnaqqis ta’ 15 % tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti tidher ġustifikata fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tat-tnaqqis ta’ 15 %, fil-konfront tal-50 % mogħti lil Coats, għandu wkoll jiġi miċħud.

    345    Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

    346    Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    347    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Amann & Söhne GmbH & Co. KG u Cousin Filterie SAS huma kkundannati għall-ispejjeż.

    Vilaras

    Prek

    Ciucă

    Firem

    Werrej

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    A –  Is-suġġett tal-kawża

    B –  Il-proċedura amministrattiva

    C –  Id-Deċiżjoni kkontestata

    1.  Is-swieq inkwistjoni

    a)  Is-swieq tal-prodotti

    b)  Is-swieq ġeografiċi

    2.  Id-daqs u l-istruttura tas-swieq inkwistjoni

    3.  Id-deskrizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur

    4.  Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Id-dritt

    A –  Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq ksur tal‑ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003

    1.  L-argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    a)  Fuq id-distinzjoni tas-swieq tal-prodotti u ġeografiċi.

    b)  Fuq l-allegata eżistenza ta’ “pjan ġenerali”

    B –  Fuq il-motivi intiżi għat-tnaqqis tal-multa

    1.  Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ogħla limitu tas-sanzjoni, previst fl-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege u fuq l‑eċċezzjoni ta’ illegalitŕ tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq l-obbligu li tiġi imposta multa unika għal diversi każijiet ta’ ksur

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-għanijiet legali tas-sanzjoni

    2.  Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalitŕ waqt l-impożizzjoni tal-multa

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    –  Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tas-suq

    –  Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni esklussiv tad-dħul mill-bejgħ fis-swieq ikkonċernati mill-ksur

    –  Fuq is-“sistema ta’ rata fissa” prevista mill-linji gwida

    –  Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti bħala “impriża medja”

    Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

    3.  Fuq il-motiv, invokat minn Amann, ibbażat fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa imposta għall-akkordju dwar il-ħajt industrijali

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    4.  Fuq il-motiv, invokat minn Amann, ibbażat fuq il-kalkolu żbaljat tat-tul tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    5.  Fuq il-motiv, invokat minn Amann, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti li jirrigwardaw il-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    6.  Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali u tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-ksur fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    7.  Fuq il-motiv, invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq nuqqas allegat tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju li jirrigwarda l- ħajt intiż għall-industrija tal-karrozzi

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    8.  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq il-ksur allegat tad-dritt għal smigħ

    Fuq il-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ awtoinkriminazzjoni

    Fuq l-ispejjeż


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top