Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0405

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) tal-15 ta' Ottubru 2008.
    Powerserv Personalservice GmbH vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedura ta’ invalidità - Trade mark Komunitarja verbali MANPOWER - Raġunijiet assoluti għal rifjut - Karattru deskrittiv - Emenda parzjali - Karattru distintiv miksub permezz tal-użu - Artikolu 7(1)(ċ), Artikolu 51(1) u (2), u Artikolu 63(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
    Kawża T-405/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 II-02883

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:442

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

    15 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

    “Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali MANPOWER — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Emenda parzjali — Karattru distintiv miksub permezz tal-użu — Artikolu 7(1)(ċ), Artikolu 51(1) u (2), u Artikolu 63(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

    Fil-Kawża T-405/05,

    Powerserv Personalservice GmbH, li qabel kienet Manpower Personalservice GmbH, stabbilita f’Sankt Pölten (l-Awstrija), irrappreżentata minn B. Kuchar, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

    Manpower Inc., stabbilita f’Milwaukee, Wisconsin (l-Istati Uniti), inizjalment irrappreżentata minn R. Moscona, solicitor, wara minn Moscona u A. Bryson, barrister, u wara minn M. Bryson u V. Marsland, solicitor,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-22 ta’ Lulju 2005 (Każ R 499/2004-4), dwar dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja MANPOWER Nru 76059,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Novembru 2005,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Marzu 2006,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Frar 2006,

    wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fis-26 ta’ Marzu 1996, l-intervenjenti, Manpower Inc. ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali MANPOWER.

    3

    Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

    “kassetti tal-awdjo; apparat għat-tagħlim awdjoviżiv; kompakt disks (awdjo); compact discs (vidjo); softwer ta’ kompjuters; programmi ta’ kompjuters; tejprikorders; vidjotejps; vidjorikorders; partijiet kostituttivi għall-prodotti kollha msemmija ’l fuq”, fil-klassi 9;

    “kotba; materjal stampat; manwali; magażins; pubblikazzjonijiet; folji trasparenti; materjal istruttiv; materjal għat-tagħlim; partijiet kostituttivi għall-prodotti kollha msemmija ’l fuq”, fil-klassi 16;

    “servizzi ta’ aġenziji ta’ kollokament; servizzi ta’ aġenziji ta’ impjieg temporanju”, li jaqgħu taħt il-klassi 35;

    “organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi u ta’ seminars; kiri ta’ projetturi ta’ films u ta’ aċċessorji; kiri ta’ reġistrazzjonijiet vidjo, awdjo u films taċ-ċinema; organizzazzjoni ta’ espożizzjonijiet; produzzjoni ta’ vidjotejps u awdjotejps; servizzi ta’ edukazzjoni, ta’ istruzzjoni, ta’ tagħlim u ta taħriġ, kollha marbuta mat-taħriġ u l-evalwazzjoni tal-persunal li jaħdem fl-uffiċċju, fl-industrija, fis-sewqan kif ukoll il-persunal tekniku; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza relatati mas-servizzi msemmija ’l fuq”, fil-klassi 41;

    “servizzi ta’ konsulenza professjonali u ta’ esperti fil-qasam tal-evalwazzjoni u ta’ gwida professjonali tal-persunal, testijiet ta’ personalità, testijiet psikoloġiċi u konsulenza fir-rigward tal-karriera; servizzi ta’ testijiet ta’ personalità u psikoloġiċi; konsulenza fil-qasam ta’ gwida professjonali; evalwazzjoni ta’ persuni sabiex jiġu ddeterminati l-kompetenzi professjonali tagħhom, servizzi ta’ testijiet psikoloġiċi professjonali; ħolqien u disinn ta’ softwer għal kompjuters; servizzi ta’ konsulenza fil-qasam tal-evalwazzjoni, tal-iżvilupp u tat-tmexxija tar-riżorsi umani; akkomodazzjoni provviżorja; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza u preparazzjoni ta’ rapporti marbutin mas-servizzi msemmija ’l fuq; servizzi ta’ akkomodazzoni” fil-klassi 42.

    4

    L-eżaminatur issolleva xi oġġezzjonijiet kontra t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li huwa ħass li kienet deskrittiva skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. L-intervenjenti ppreżentat provi li t-trade mark kienet kisbet karattru distintiv fir-Renju Unit u fil-Ġermanja. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet aċċettata għal reġistrazzjoni fit-13 ta’ Jannar 2000 u ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji tat-28 ta’ Frar 2000, taħt in-numru 76059.

    5

    Fis-27 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti, Powerserv Personalservice GmbH, li qabel kienet Manpower Personalservice GmbH, filwaqt li kienet għad kellha l-isem PDV Beteiligungs GmbH, ressqet applikazzjoni għal invalidità abbażi tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li t-trade mark ta l-intervenjenti kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament, u d-dokumenti ppreżentati insostenn tal-allegazzjoni li tgħid li t-trade mark kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu ma kinux jikkonfermaw dan il-fatt fil-partijiet sinjifikanti kollha tal-Komunità Ewropea. L-intervenjenti wieġbet b’mod partikolari billi pprovdiet provi oħra relatati mal-karattru distintiv miksub mit-trade mark tagħha. B’deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni”). Din id-deċiżjoni kienet dovuta għall-fatt li peress li l-kelma “manpower” kienet deskrittiva biss bl-Ingliż, barra mir-Renju Unit u l-Irlanda, il-konsumaturi ma jidentifikawhiex bħala deskrittiva, kif ukoll li, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, il-proprjetarju tat-trade mark kien ta prova li din kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu. F’dan il-kuntest, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzżjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll provi ppreżentati qabel id-data li fiha kienet irreġistrata t-trade mark.

    6

    L-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġie miċħud mir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni appellata”). F’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell sostna b’mod partikolari, l-ewwel nett, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark tal-intervenjenti, li fl-Ingliż, il-kelma “manpower” kellha karattru deskrittiv għas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għal xogħol temporanju, minħabba li din tirrigwarda kelma komuni fl-amministrazzjoni tar-riżorsi umani. Din kellha, skont il-Bord tal-Appell, karattru deskrittiv ukoll fir-rigward tal-parti l-kbira tas-servizzi fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza, fejn fil-fehma tiegħu din il-kelma setgħet tinftiehem bħala li tindika l-kontenut ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi meta jintużaw fil-kuntest tas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament. Din il-kelma saret tagħmel parti wkoll mil-lingwaġġ kummerċjali Ġermaniż.

    7

    It-tieni nett, fir-rigward tal-konsumaturi u t-territorju inkwistjoni, il-Bord tal-Appell sostna li s-sens deskrittiv tal-kelma “manpower” kien magħruf minn parti sinjifikattiva tal-konsumaturi inkwistjoni, jiġifieri dawk li eventwalment iħaddmu persunal temporanju u l-persuni li jieħdu ħsieb dawn l-impjiegi fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja. Skont il-Bord tal-Appell, is-servizzi ta’ aġenzija għal xogħol temporanju mhumiex indirizzati biss għall-persuni li qed ifittxu impjieg, iżda wkoll għal min iħaddem li jkun qed ifittex persunal. Dawn tal-aħħar huma wkoll il-klijenti prinċipali ta’ min jipprovdi servizzi, peress illi d-dħul mill-bejgħ tagħhom ikun ġew minn dħul minn kuntratti ta’ servizzi ta’ persunal. Skont il-Bord tal-Appell, il-kelma inkwistjoni mhijiex biss deskrittiva għal dawn il-konsumaturi fir-Renju Unit u fl-Irlanda, fejn l-Ingliż huwa l-lingwa prinċipali, u fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż, fejn din il-kelma hija ċċitata mid-dizzjunarji, iżda wkoll fl-Istati Membri fejn parti sinjifikattiva tal-klijenti għandhom għarfien u prattika tajba biżżejjed fl-Ingliż li jintuża fil-kummerċ. Mill-esperjenza li għandu l-Bord tal-Appell, dan l-għarfien u dan l-użu tal-Ingliż huwa partikolarment preżenti fl-Iżvezja, fid-Danimarka, fil-Finlandja u fl-Olanda. Il-Bord tal-Appell enfasizza li l-Ingliż kien il-lingwa kummerċjali komuni li jintuża fid-dinja kif ukoll il-lingwa tax-xogħol uffiċjali ta’ diversi kumpanniji internazzjonali. Il-Bord tal-Appell qies li fil-pajjiżi ta’ daqs iżgħar, l-istudenti li jistudjaw il-kummerċ bosta drabi jiltaqgħu ma’ testi miktuba bl-Ingliż matul il-korsijiet tagħhom. Wara li jkunu temmew l-istudji universitarji tagħhom, huma jsibu xogħol fid-dipartimenti ta’ riżorsi umani jew jokkupaw impjiegi oħra f’impriżi inkarigati mir-reklutaġġ ta’ persunal temporanju. Il-Bord tal-Appell sostna li sab numru ta’ provi insostenn ta’ din l-ipoteżi u elenkahom. Sussegwentement, fir-rigward tal-iktar Stati Membri qodma tal-Unjoni Ewropea, il-Bord tal-Appell sostna li l-esperjenza kienet turi ċertu riluttanza fl-użu tal-Ingliż. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li, f’dawn l-Istat Membri oħra, il-persuni li għalihom il-kelma “manpower” għandha sens deskrittiv ma kinux jikkostitwixxu parti sinjifikattiva tal-pubbliku inkwistjoni. Fir-rigward tal-Artikolu 159a(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell sostna li huwa ma kienx marbut li jieħu inkunsiderazzjoni l-Istati Membri ġodda li huma elenkati fih, fir-rigward tat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

    8

    It-tielet nett, fir-rigward tal-karattru distintiv miksub mit-trade mark tal-intervenjenti meta dan ġie rreġistrat, il-Bord tal-Appell sostna li, minħabba l-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark fl-Istati Membri msemmija ’l fuq, l-intervenjenti jmissha ppruvat il-karattru distintiv miskub wara l-użu li jkun sar tat-trade mark tagħha f’din il-parti mill-Komunità, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord tal-Appell sostna li kien jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Nuance d’orange) (T-173/00, Ġabra p. II-3843, punti 24 sa 27), li meta trade mark tkun ġiet ikkunsidrata bħala li ma setgħetx tiġi registrata skont l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94, kien hemm lok, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, li jiġi pprovat li t-trade mark kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar fil-parti sinjifikattiva tal-Komunità li fiha hija ma kellha ebda karattru distintiv, skont l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94. B’hekk, il-karattru distintiv miksub kellu jiġi stabbilit fil-parti tal-Komunità fejn teżisti raġuni assoluta għal rifjut b’mod li l-parti li tifdal ma tkunx tista’ tiġi iktar meqjusa bħala “sinjifikattiva”. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-intervenjenti ma kinitx tat prova li l-karattru distintiv tat-trade mark tagħha kien inkiseb meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, peress li hija kienet ippreżentat biss provi li jkopru r-Renju Unit u l-Ġermanja. Skont il-Bord tal-Appell, dawn il-provi ma kinux biżżejjed peress li t-territorju li fuqu t-trade mark kellha tiġi kkunsidrata tali jista’ jintuża bħala terminu deskrittiv li jinkludi wkoll l-Awstrija, l-Olanda, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Finlandja.

    9

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-karattru distintiv miksub mit-trade mark tal-intervenjenti wara r-reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell sostna li l-provi ppreżentati mill-intervenjenti kienu ppermettew li jiġi konkluż li din it-trade mark kienet kisbet karattru distintiv, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, meta ġiet ippreżentata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fit-tmien Stati Membri li fihom it-trade mark hija meqjusa bħala deskrittiva. Il-Bord tal-Appell qies li l-provi kollha ppreżentati mill-intervenjenti kienu ammissibbli sa fejn dawn kienu jippermettu li jiġi kkonstatat il-karattru distintiv tas-sinjal fid-data meta ġiet ippreżentata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Il-Bord tal-Appell qies li huwa ma kien marbut li jieħu inkunsiderazzjoni biss il-provi ppreżentati matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Huwa josserva li, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-kwistjoni rilevanti kienet dwar jekk it-trade mark kinitx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’kull mument wara r-reġistrazzjoni tagħha. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex, barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, eskluża minħabba li hija ma ssemmix espliċitament l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 40/94, id-dispożizzjoni li, f’dan il-każ, ġiet interpretata b’mod żbaljat fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell sostna li ċ-ċirkustanza li, billi japplika l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju jingħata data ta’ prijorità li tippreċedi dik li kien ikollu li kieku kien ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu meta t-trade mark kienet verament kisbet sens ieħor ma kinitx determinanti għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Din id-dispożizzjoni, li tipprojbixxi espliċitament l-invalidità ta’ trade mark meta din tkun kisbet karattru distintiv wara r-reġistrazzjoni tagħha, tirrikonoxxi, skont il-Bord tal-Appell, neċessarjament li trade mark jista’ jkollha data ta’ prijorità li hija ma kienx ikollha li kieku l-proċedura ta’ reġistrazzjoni kienet seħħett korrettament.

    10

    Il-ħames nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-intervenjenti kienet ippreżentat diversi provi dwar l-użu tat-trade mark tagħha fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord tal-Appell sostna li kellu konjizzjoni tal-fatt li wħud mill-provi kienu wara d-data li fiha kienet ippreżentata l-applikazzjoni għal invalidità tat-trade mark. Madankollu, peress li l-provi huma biżżejjed, skont dan, sabiex juru l-karattru distintiv miksub fit-territorju inkwistjoni fid-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa sostna li ma kellux jagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk id-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv miksub, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, kinitx id-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew dik tad-deċiżjoni finali dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, uħud mill-provi sussegwenti għad-data tal-applikazzjoni għal invalidità, skont il-Bord tal-Appell, fil-verità kienu jikkonċernaw il-perijodu qabel din id-data. Min-naħa l-oħra, anki dawn il-provi sussegwenti jistgħu, skont il-Bord tal-Appell, jippermettu li jinkisbu konklużjonijiet dwar il-karattru distintiv matul il-perijodu kkunsidrat. Il-Bord tal-Appell sostna li huwa ma kienx qed jeskludu li l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi kellha ssir bir-reqqa. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell osserva li huwa kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-intervenjenti kienet impriża li kienet topera fuq livell dinji, li kien jippermetti li jiġi konkluż li l-attività tiegħu kienet min-naħa magħrufa wkoll f’pajjiżi fejn kellha xi uffiċċji jew xejn. Din il-konklużjoni kienet sostnut, skont il-Bord tal-Appell, minn stħarriġ ta’ opinjoni li sar fl-Awstrija u li kien juri li bosta konsumaturi kienu jafu li l-kelma “manpower” kienet trade mark li tintuża minn impriża li ma kinitx Awstrijaka. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell enfasizza li, ħlief għar-Renju Unit u għall-Irlanda, l-Ingliż ma kienx il-lingwa materna f’ebda pajjiż, u li espressjonijiet derivanti minn lingwa barranija, anki jekk kienu magħrufa mill-maġġoranza tal-konsumaturi rilevanti, ma kinux neċessarjament magħrufa minn kulħadd. Għal dawn il-persuni, il-kelma “manpower” tidher, skont il-Bord tal-Appell, probabbilment bħala trade mark. Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-istħarriġ magħmul fost konsumaturi fil-Ġermaja u fl-Awstrija. Dawn l-elementi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn il-provi huma iżjed dgħajfa milli f’oħra. Il-Bord tal-Appell sostna, sussegwentement, li huwa ma kienx marbut la mir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks nazzjonali, u lanqas mid-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali.

    11

    Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, wara li evalwa l-provi dwar il-karattru distintiv tat-trade mark miksub permezz tal-użu fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Iżvezja, fl-Olanda, fil-Finlandja u fid-Danimarka, li l-intervenjenti kienet effettivament ipprovat li t-trade mark tagħha kellha sens ieħor/sekondarju għas-servizzi għal impjieg temporanju fil-partijiet tal-Komunità fejn it-trade mark għad ma kellhiex karattru distintiv. It-trade mark tal-intervenjenti ma tistax, għaldaqstant, skont il-Bord tal-Appell, tiġi ddikjarata invalida, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord tal-Appell qies li l-karattru distintiv miksub kien jinkludi l-prodotti u s-servizzi kollha protetti mir-reġistrazzjoni, li għalihom it-trade mark kienet tiddeskrivi biss il-kontenut ta’ dawn il-prodotti u servizzi. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell enfasizza, qabel kollox, li l-intervenjenti kienet stabbilit li hija kienet użat diversi minn dawn il-prodotti u servizzi fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ persunal f’impjieg temporanju. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell sostna li, peress li l-kelma “manpower” kellha sens sekondarju għal serizzi ta’ impjieg temporanju, il-konsumaturi kkonċernati jikkunsidraw li, pereżempju, ktieb jew konferenza li ġġib dan l-isem jirreferu għall-intervenjenti u għas-servizzi tagħha.

    It-talbiet tal-partijiet

    12

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni appellata;

    tannulla t-trade mark tal-intervenjenti għall-prodotti u s-servizzi kollha li hija tipproteġi;

    sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni appellata sa fejn il-prova tal-karattru distintiv miksub mill-użu tat-trade mark tal-intervenjenti ma ngħatatx u sabiex il-kawża terġa tintbagħat quddiem il-Bord tal-Appell;

    tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħhom u għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’din il-kawża;

    tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-każ quddiem il-UASI.

    13

    L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    14

    L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tordna l-emenda tad-deċiżjoni appellata, skont kif espost fir-risposta tagħha;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames parti tat-talbiet tar-rikorrenti

    15

    Fil-ħames parti tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ħlas tal-ispejjeż li hija sostniet matul il-każ quddiem l-UASI, mingħajr ma tindika jekk hija tirriferix biss għal dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell matul il-proċedura ta’ appell jew ukoll dawk sostnuti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni matul il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    16

    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza “[l]-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll l-ispejjez indikati sabiex isiru t-traduzzjonijiet tas-sottomissjonijiet jew dokumenti bil-miktub, kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 131(4), fil-lingwa tal-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru”. Minn dan jirriżulta li l-ispejjeż sostnuti taħt il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Naipes Heraclio Fournier vs UASI — France Cartes (Rappreżentazzjoni ta’ xabla, kavallier tal-ħatar u re tax-xwabel ta’ logħba tal-karti), T-160/02 sa T-162/02, Ġabra p. II-1643, punti 22 u 24, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    17

    Il-ħames parti tat-talbiet tar-rikorrenti għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn hija tirreferi għall-ispejjeż sostnuti taħt il-proċedura għal invalidità quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellezzjoni.

    Fuq il-mertu

    18

    In sostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tissolleva, fr-rikors, tliet motivi. Matul is-seduta, ir-rikorrenti madankollu ddikjarat li kienet qegħda tirrinunzja għat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll għat-tielet motiv tagħha, dwar il-ksur tal-Artikolu 159a ta’ dan ir-Regolament. Din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tniżżlet fil-proċess verbal.

    19

    B’hekk, wara dan ir-rikorrenti ma qajmitx iktar minn żewġ motivi. L-ewwel wieħed jirreferi għall-annullament tad-deċiżjoni appellata minħabba ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark tal-intervenjenti, kif ukoll minħabba li din it-trade mark tiddeskrivi prodotti u servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata, fil-Komunità kollha, jiġifieri anki fil-pajjiżi li fil-konfront tagħhom il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fid-deċiżjoni appellata, li hija ma kinitx deskrittiva.

    20

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(2) u tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

    21

    Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna l-emenda tad-deċiżjoni appellata fis-sens espost fir-risposta tagħha. Fil-parti inkwistjoni tar-risposta tagħha, l-intervenjenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li l-kelma “manpower” kienet deskrittiva tal-prodotti u servizzi identifikati mit-trade mark tagħha, fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fl-Olanda, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja.

    22

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza jikkunsidra li din it-talba tal-intervenjenti għandha tiġi kkwalifikata bħala talba awtonoma għall-emenda tad-deċiżjoni kkontestata.

    23

    Fil-fatt, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, adotta, taħt il-forma ta’ att waħdieni li jikkostitwixxi d-deċiżjoni appellata, żewġ miżuri, waħda li tikkonstata li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti, fid-dawl tal-karattru deskrittiv tagħha fit-tmien pajjiżi msemmija ’l fuq, u l-oħra li tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din l-istess trade mark, minħabba li, wara r-reġistrazzjoni tagħha, hija kienet kisbet, permezz tal-użu li kien sar minnha, karattru distintiv f’dawn it-tmien pajjiżi, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 23).

    24

    Sa fejn hija ngħatat raġun fit-tieni parti tad-deċiżjoni appellata, liema deċiżjoni hija kkontestata permezz ta’ dan ir-rikors, l-intervenjenti tiġġustifika interess sabiex jiġu fformulati, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, konklużjonijiet u argumenti awtonomi, intiżi għall-emenda tal-ewwel parti tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha MANPOWER, peress li din ma kinitx deskrittiva f’ebda waħda mit-tmien pajjiżi msemmija ’l fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Procter & Gamble vs UASI, punt 23 ’il fuq, punt 26). Jekk din it-talba awtonoma tal-intervenjenti u l-motiv warajha jiġu aċċettati, ir-rikors tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv imressaq minn din tal-aħħar peress li, f’dan il-każ, ma jibqax validu.

    25

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, flimkien, l-ewwel motiv tar-rikorrenti u l-argumenti mressqa mill-intervenjenti insostenn tat-talba tagħha għall-emenda tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq l-ewwel motiv ta’ rikors u fuq it-talba għall-emenda tad-deċiżjoni magħmula mill-intervenjenti

    L-argumenti tal-partijiet

    26

    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-UASI ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ħtieġa konkreta, attwali u serja li l-kelma “manpower” tista’ tintuża, fis-settur ekonomiku, minn “kulħadd kif ukoll minn kompetituri” għal servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament, servizzi ta’ impjieg temporanju u għall-prodotti u servizzi l-oħra kollha rreġistrati. Skont ir-rikorrenti, huwa għaldaqstant meħtieġ li l-kelma “manpower” titħalla disponibbli.

    27

    Ir-rikorrenti ssostni li l-interess pubbliku huwa bbażat fuq il-fatt li l-kelma “manpower” hija purament deskrittiva, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhux biss bl-Ingliż u bil-Ġermaniż, iżda wkoll fil-parti l-kbira tal-lingwi Komunitarji oħra u li għandha titħalla disponibbli bħala espressjoni ta’ lingwaġġ komuni, u b’mod partikolari ta’ lingwaġġ speċjalistiku fil-qasam tar-riżorsi umani. Il-kelma “manpower” tinftiehem fuq l-Internet bħala r-referenza multilingwistika internazzjonali għal “provvista ta’ ħaddiema”.

    28

    Ir-rikorrenti ssostni li anki jekk kien meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-Ġermaniż u l-Ingliż, il-kelma “manpower” hija deskrittiva fil-Komunità kollha. Hija ssostni li, skont statistika tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-għarfien tal-lingwi barranin fil-Komunità, 32 % tal-persuni inkwistjoni jitkellmu l-Ġermaniż u 47 % l-Ingliż.

    29

    It-tieni nett, l-interess pubbliku u l-imperattiv ta’ disponibbiltà huma bbażati, skont ir-rikorrenti, fuq il-fatt li l-kelma “manpower” m’għandhiex karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li ma tistax isservi sabiex tagħmel distinzjoni bejn is-servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament u s-servizzi ta’ impjieg temporanju ta’ impriża partikolari. Din il-kelma tintuża fis-suq tax-xogħol sabiex tidentifika “provvista ta’ ħaddiema”.

    30

    Ir-rikorrenti tallega li trade mark legalment valida għandu jkollha karattru distintiv fil-Komunità kollha. Fid-deċiżjoni appellata, il-karattru distintiv ma ġiex evalwat għall-Komunità kollha. Ir-rikorrenti ssostni li mhuwiex ammissibbli parti kbira mill-Istati Membri l-qodma jiġu kkunsidrati, bħal fil-każ ta’ Franza, l-Italja, Spanja, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Greċja bħala Stati li fihom parti sinjifikattiva tal-pubbliku ma jitkellimx la l-Ingliż u lanqas il-Ġermaniż. Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà indikat li huwa minnu li ċertu numru ta’ persuni li jitkellmu bil-Ġermaniż stabbilixxew rwieħhom fi Spanja b’mod temporanju jew anki permanenti.

    31

    L-UASI jsostni, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark tal-intervenjenti kienet ipperċepita bħala deskrittiva biss f’ċerti partijiet tal-Komunità.

    32

    B’hekk, skont l-UASI, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li, fir-reġjuni tal-Komunità li jitkellmu bl-Ingliż, dan it-terminu jinftiehem minn kulħadd, f’kull każ fil-qasam tat-tmexxija tar-riżorsi umani, u li barra minn hekk jinftiehem minn persunal professjonista fis-servizzi tal-persunal ukoll fil-pajjiżi li fihom l-Ingliż kummerċjali jintuża komunement.

    33

    It-tieni nett, l-UASI jallega li l-Bord tal-Appell, billi jieħu inkunsiderazzjoni bħala tali “il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Olanda, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Finlandja”, ikabbar il-firxa ġeografika li fuqha l-pubbliku jkun fil-pożizzjoni li jifhem it-terminu “manpower” bħala deskrittiv, b’kuntrast mad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni biss il-pajjiżi tar-reġjuni li jitkellmu bl-Ingliż. Skont il-UASI, wieħed jista’ jiddubita l-fondatezza tat-twessigħ tal-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

    34

    Fit-tielet lok, il-UASI jsostni li l-argument tar-rikorrenti li parti sostanzjali tal-pubbliku kkonċernat jitkellem sewwa bl-Ingliż fil-parti l-kbira tal-Istati Membri huwa żbaljat mill-aspett tal-fondatezza. Mill-aspett fattwali, dan l-argument ma ġiex ipprovat mir-rikorrenti.

    35

    Fl-ewwel lok, l-intervenjenti tallega li l-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 tirriżulta biss fir-rigward tas-servizzi fil-klassi 35 skont il-Ftehim ta’ Nizza (servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament, servizzi għal impjieg temporanju). Bl-Ingliż, mhuwiex attwali u lanqas naturali li jiġu indikati s-servizzi inkwistjoni permezz tal-kelma “manpower”. Skont l-intervenjenti, l-isforzi tar-rikorrenti intiżi sabiex tapproprja ruħha mit-trade mark MANPOWER, b’mod partikolari għall-Awstrija, huma l-aqwa prova tal-valur u tal-karattru distintiv tagħha.

    36

    F’dan ir-rigward, l-intervenjenti ssostni li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġustament osservat li, bl-Ingliż, il-kelma “manpower” ma kinitx kelma komuni għal servizzi ta’ kollokament ta’ persunal (punt 10 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Dawn is-servizzi jiġu deskritti permezz tat-termini “employment”, “recruitment” jew “placement” (“employment services”, “employment agency services”, “recruitment agency services”, “staffing services” jew “placement services”). L-intervenjenti tenfasizza li l-kelma “manpower” ma tikkostitwixxix il-metodu abitwali ta’ identifikazzjoni ta’ servizzi ta’ kollokament ta’ persunal u ma tiddeskrivix dawn is-servizzi b’tali mod li ma jkunx tista’ ssir il-funzjoni ta’ indentifikazzjoni tal-impriża li tqiegħdhom fis-suq. Sabiex tipprova l-allegazzjonijiet tagħha, l-intervenjenti tirreferi għal diversi pubblikazzjonijiet dwar riżorsi umani.

    37

    L-intervenjenti ssostni li lanqas ma huwa probabbli li terzi persuni, u b’mod iktar partikolari l-kompetituri tagħha, jużaw, fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom u mingħajr raġunijiet illegali, it-trade mark MANPOWER jew trade mark simili sabiex jiġu identifikati s-servizzi li huma jipprovdu.

    38

    L-intervenjenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra inkorrettament li l-kelma “manpower” kienet deskrittiva wkoll għall-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza, protetti mit-trade mark inkwistjoni.

    39

    L-intervenjenti ssostni, fit-tieni lok, li l-Bord tal-Appell ma kellu l-ebda element ta’ prova biex isostni l-kontestazzjoni tiegħu li tgħid li, għall-konsumaturi f’sitt Stati Membri tal-Komunità li ma jitkellmux bl-Ingliż, il-kelma “manpower” kienet deskrittiva tas-servizzi ta’ kollokament ta’ persunal. Xejn ma jipprova li għall-konsumaturi tal-pajjiżi li ma jitkellmux bl-Ingliż, din il-kelma m’għandhiex karattru distintiv. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonstatat ġustament li, barra mir-Renju Unit u l-Irlanda, il-kelma manpower hija kkunsidrata bħala kelma fantażjuża jew suġġestiva li tista’ sservi biex tidentifika l-oriġini tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni (punt 10 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

    40

    B’mod partikolari, fir-rigward tal-Ġermanja u tal-Awstrija, l-intervenjenti ssostni li s-sempliċi fatt li l-kelma “manpower” tidher f’dizzjunarju Ġermaniż wieħed biss ma jfissirx li din tintuża u tinftiehem ġeneralment mill-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż jew li hija magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku. Fil-fehma tagħha jeħtieġ li l-konsumatur medju li jitkellem bil-lingwa Ġermaniż iwettaq assoċjazzjoni kumplessa ta’ ideat sabiex jifhem it-tifsira ta’ din il-kelma. Skont l-intervenjenti, anki li kieku wieħed kellu jammetti li l-kelma “manpower” daħlet fil-lingwaġġ kummerċjali Ġermaniż — ħaġa li ma tistabbilixxi l-ebda element ta’ prova — dan ma jfissirx li ladarbda din tintuża b’konnessjoni ma’ servizzi ta’ kollokament ta’ persunal, hija tinftiehem mill-konsumaturi rilevanti li jitkellmu bil-Ġermaniż bħala kelma purament deskrittiva ta’ dawn is-servizzi. L-espressjoni “provvista ta’ ħaddiema” m’għandhiex l-istess tifsira bħall-espressjoni “servizz ta’ kollokament ta’ persunal”.

    41

    Skont l-intervenjenti, ma teżisti l-ebda prova li tistabbilixxi użu tal-kelma “manpower” fuq l-Internet b’lingwa oħra li mhijiex l-Ingliż li ma tkunx riferenza għaliha stess u għall-attivitajiet tagħha. Anki fis-siti internet bl-Ingliż, f’mill-inqas 9 każijiet minn 10, il-kelma tintuża sabiex issir it-tali riferenza. Ir-riżultati tal-eżami ppreżentat mill-intervenjenti jservu fil-fatt sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tagħha rigward l-għarfien komuni tagħha fuq firxa internazzjonali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    42

    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, rigward it-trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv, l-UASI jsostni li, fl-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma kinitx invokat ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-parti tal-ewwel motiv għandha, skont l-UASI, tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    43

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li jirriżulta mill-eżami tal-atti tal-proċess tal-UASI relatati f’din il-kawża, kif ukoll mid-deċiżjoni appellata, li fl-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell ir-rikorrenti ma ssollevatx l-ilment ibbażat fuq il-ksur, mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Bord tal-Appell ma analizzax l-applikabbiltà tagħha. Jirriżulta mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura li l-partijiet fil-kawża quddiem din il-Qorti ma jistgħux jemendaw is-suġġett tal-kawża, hekk kif iddefinit quddiem il-Bord tal-Appell. Konsegwentement, il-parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    44

    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi osservat li, skont din id-dispożizzjoni, jiġu rrifjutati r-reġistrazzjoni t-“trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

    45

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ifittex li jilħaq għan li huwa fl-interess pubbliku, li jeħtieġ li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T-207/06 Ġabra p. II-1961, punt 24, Ġabra p. II-1961, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    46

    Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ikopri s-sinjali li mhumiex kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk jippermettu lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark li, f’akkwist sussegwenti, jagħmel l-istess għażla, jekk l-esperjenza tirriżulta li tkun pożittiva, jew jagħmel għażla oħra, jekk tirriżulta li tkun negattiva (ara s-sentenza EUROPIG, punt 45 ’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fil-fatt, is-sinjali u indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku destinatarju, sabiex jindikaw direttament jew b’referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, il-prodott jew is-servizz li għalih saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (ara s-sentenza EUROPIG, punt 45 ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita b’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza EUROPIG, punt 45 ’il fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ikkonstatax ġustament li t-trade mark tal-intervenjenti kienet deskrittiva fil-parti tal-Komunità fejn il-lingwa ewlenija tal-pubbliku rilevanti hija l-Ingliż, jiġifieri fir-Renju Unit u fl-Irlanda, liema konstatazzjoni hija kkontestata mill-intervenjenti.

    50

    Fir-rigward tan-natura eteroġenja tal-prodotti u tas-servizzi li jaqgħu taħt din it-trade mark, jeħtieġ li ssir analiżi tal-prodotti u s-servizzi maqsuma f’żewġ biċċiet, minn naħa,“is-servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament” u “s-servizzi ta’ provvista ta’ impjieg temporanju” li jinsabu fil-klassi 35, u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi l-oħra msemmija mit-trade mark li inkwistjoni (li jinsabu fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42).

    51

    Il-Bord tal-Appell stess wettaq din l-analiżi maqsuma f’żewġ biċċiet, billi sostna, fil-punt 12 tad-deċiżjoni appellata, minn naħa, li “bl-Ingliż, il-kelma ‘manpower’ kellha karattru deskrittiv għas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għall-provvista ta’ impjieg temporanju, minħabba li din tirrigwarda kelma li tintuża fl-amministrazzjoni tar-riżorsi umani”, u, min-naħa l-oħra, li l-kelma “manpower”“kellha wkoll karattru deskrittiv għall-parti l-kbira tal-prodotti u s-servizzi [msemmija mit-trade mark tal-intervenjenti li jinsabu] fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42, billi din il-kelma setgħet tinftiehem bħala li tindika l-kontenut ta’ dawn il-prodotti u servizzi ladarba tintuża fil-kuntest tas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament”.

    52

    Il-Bord tal-Appell sostna li l-kelma “manpower” kienet kelma Ingliża li tfisser, skont The New Shorter Oxford English Dictionary (Thumb Index Edition, 1993), “is-saħħa jew l-azzjoni ta’ bniedem fil-post tax-xogħol; unità ta’ ħeffa ta’ eżekuzzoni ta’ xogħol; il-persuni kollha disponibbli jew neċessarji għal servizz militari, għal xogħol jew għal għan ieħor; il-ħaddiema meqjusa bħala riżorsa li tista’ tiġi kkwantifikata, il-provvista ta’ ħaddiema”. Skont il-Bord tal-Appell, din hija kelma komuni bl-Ingliż kummerċjali, li tintuża ta’ spiss u li hija magħrufa sew fil-qasam tat-tmexxija tar-riżorsi umani.

    53

    F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell jirreferi għall-Wideman Comparative Glossary of Project Management Terms, li jgħid li t-terminu “manpower” ifisser in-numru totali ta’ persuni meħtieġa għal tip ta’ xogħol partikolari. Il-pjanifikazzjoni tal-ħaddiema meħtieġa (manpower planning) hija l-proċess li tikkonsisti milli tiġi ppjanifikata l-ħtieġa ta’ ħaddiema tal-organizzazzjoni matul iż-żmien, kemm mill-aspett tan-numru kif ukoll minn dak tal-kompetenzi, kif ukoll il-provvista ta’ riżorsi umani meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-organizzazzjoni.

    54

    Skont il-Bord tal-Appell, fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet, m’hemm l-ebda dubju li s-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti, jiġifieri s-servizzi għall-provvista ta’ impjieg temporanju, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “provvista ta’ ħaddiema” (providing manpower). Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell josserva li jeżistu ħafna provi li juru l-użu deskrittiv tal-kelma inkwistjoni.

    55

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ibbażat ruħha, fir-rigward tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fuq annotazzjoni tad-dizzjunarju Ingliż Collins (edizzjoni 1996), li tgħid li l-kelma “manpower” bl-Ingliż tfisser “is-saħħa ta’ xogħol ta’ bniedem; unità ta’ saħħa bbażata fuq ritmu li bih jista’ jaħdem bniedem; madwar 75 watt; in-numru ta’ persuni meħtieġa jew disponibbli għal xogħol” (power supplied by man; a unit of power based on a rate at which a man can work; roughly 75 watts; the number of people needed or available for a job). Hija bbażat l-affermazzjoni fuq li l-imsemmija kelma kienet intużat, bl-Ingliż, b’rabta mal-provvista ta’ ħaddiema, filwaqt li rrimarkat u enfasizzat li l-kelma “manpower” ma kintix, f’din il-lingwa, l-iktar kelma komuni sabiex jiġu identifikati s-servizzi inkwistjoni.

    56

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-karattru allegatament deskrittiv tat-trade mark tal-intervenjenti tikkonsisti li tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-kelma “manpower” tistax, fl-użu normali min-naħa tal-pubbliku destinatarju, isservi sabiex tindika kemm direttament, jew permezz tar-referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti.

    57

    It-tieni nett, fir-rigward ta’ dan il-pubbliku destinatarju, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni relattivament wiesgħa tas-servizzi inkwistjoni, dan huwa kkostitwit mill-popolazzjoni kollha li għandha l-età tax-xogħol. Fil-fatt, kemm min iħaddem kif ukoll l-impjegati, u kemm il-persuni effettivament attivi fil-qasam tal-impjiegi temporanji kif ukoll il-persuni l-oħra li għandhom l-età tax-xogħol, jistgħu jirrikorru għas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għal impjieg temporanju, protetti mit-trade mark tal-intervenjenti.

    58

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija ’l fuq, u b’mod iktar partikolari, id-definizzjonijiet tat-tifsira, bl-Ingliż, tal-kelma “manpower” mogħtija mill-Bord tal-Appell u mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li din il-kelma kienet tiddeskrivi, fir-Renju Unit u fl-Irlanda, servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għal impjieg temporanju.

    59

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-kelma Ingliża “manpower” effettivament tippreżenta, flimkien mas-servizzi inkwistjoni, rabta diretta u konkreta biżżejjed b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn is-servizzi, hekk kif inhu previst fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ’il fuq.

    60

    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-intervenjenti m’huwa tali li jikkontesta dawn il-kunsiderazzjonijiet.

    61

    Qabel kollox, fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li s-servizzi inkwistjoni huma deskritti bl-Ingliż permezz ta’ “employment”, “recruitement”, “placement” jew “staffing”, għandu jiġi osservat li hija ma tistax tikkontesta r-rabta diretta u konkreta bejn il-kelma “manpower” u dawn l-istess servizzi, peress li huwa komuni, bl-Ingliż, li jkun hemm numru ta’ sinonimi biex jiġi indikat l-istess kontenut semantiku.

    62

    Sussegwentement, l-intervenjenti tallega li mhuwiex komuni u lanqas naturali li wieħed jidentifika, bl-Ingliż, is-servizzi inkwistjoni permezz tal-kelma “manpower” u li, barra minn hekk, l-ebda waħda mid-definizzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jassoċjaw il-kelma “manpower” ma’ servizzi ta’ kollokament ta’ persunal. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat ukoll li anki jekk il-kelma “manpower” tfisser “provvista ta’ ħaddiema” mhijiex l-iktar kelma komuni bl-Ingliż sabiex jiġu identifikati s-servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament jew servizzi ta’ provvista ta’ impjieg temporanju, hija tista’, madankollu, xorta waħda tiġi meqjusa bħala deskrittiva ta’ dawn is-servizzi, fir-rigward tar-rabta diretta tagħha magħhom.

    63

    F’dan ir-rigward, id-definizzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu l-konstatazzjoni li l-imsemmija kelma għandha sens li tixbah biżżejjed is-servizzi inkwistjoni, b’mod li l-pubbliku rilevanti fir-Renju Unit u fl-Irlanda jistabbilixxi immedjatament u mingħajr ħsieb ulterjuri relazzjoni konkreta u diretta bejn il-kelma u s-servizzi inkwistjoni. Għaldaqstant l-imsemmija kelma tista’ sservi, fl-użu normali min-naħa tal-pubbliku destinatarju, sabiex tidentifika dawn is-servizzi. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ipprovda, fil-punt 14 tad-deċiżjoni appellata, indikazzjonijiet konkreti tal-użu tal-kelma “manpower” fis-sens deskrittiv, bl-Ingliż kummerċjali. F’kull każ, il-kwistjoni dwar jekk il-kelma “manpower” tintużax effettivament għal dawn l-għanijiet deskrittivi ma tagħmilx differenza, minħabba li huwa biss meħtieġ li din tkun tista’ tintuża għal dawn l-għanijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T-367/02 sa T-369/02, Ġabra p. II-47, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    64

    L-elementi ta’ prova li tinvoka l-intervenjenti sabiex issostni l-argument tagħha li l-kelma “manpower” m’hijiex il-kelma li tintuża abitwalment bl-Ingliż biex jiġu identifikati s-servizzi inkwistjoni jippermettu biss li jiġi kkonstatat li kliem oħra minnflok “manpower” jintużaw ukoll sabiex jiġu indikati dawn is-servizzi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li għall-applikazzjoni tar-raġuni għar-rifjut tar-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, fil-konfront tat-trade mark tal-intervenjenti, ma tagħmilx differenza jekk jeżistux jew le sinonimi li jippermettu wkoll li jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza SnTEM, SnPUR, SnMIX, punt 63 ’il fuq, punt 41).

    65

    Fl-aħħar nett, l-argument tal-intervenjenti li jgħid li mhuwiex minnu li t-trade mark MANPOWER tintuża minn terzi persuni fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom proprji (ara l-punt 37 ’il fuq) m’huwiex rilevanti f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-kelma “manpower” hijiex deskrittiva jew le, u għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ukoll.

    66

    Fir-rigward tal-prodotti u servizzi oħra msemmija mit-trade mark tal-intervenjenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, f’dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda, li l-Bord tal-Appell ġustament sostna li l-kelma “manpower” kellha wkoll karattru deskrittiv għall-parti l-kbira tal-prodotti u servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti li jinsabu fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42.

    67

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, skont il-Bord tal-Appell, li din il-kelma tista’ tinftiehem li tindika l-kontenut ta’ dawn il-prodotti u servizzi meta jintużaw fil-kuntest tas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament. F’dan il-kuntest, il-pubbliku rilevanti, li wara kollox huwa l-istess għal dawn il-prodotti u servizzi bħal dak iddefinit fil-punt 57 ’il fuq, jara għaldaqstant fit-trade mark tal-intervenjenti referenza diretta u konkreta għal dawn il-prodotti u servizzi.

    68

    It-tieni nett, sa fejn dawn il-prodotti u servizzi jinkludu prodotti jew servizzi li ma jippreżentaw l-ebda rabta mas-servizzi ta’ kollokament u ta’ provvista ta’ impjieg temporanju, għandu jiġi rrilevat li l-intervenjenti rreġistrat il-kelma “manpower” għal kull wieħed minnhom kumplessivament. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi kkunsidra li t-trade mark tal-intervenjenti tiddeskrivi fit-Renju Unit u fl-Irlanda l-prodotti u servizzi kollha protetti minn din it-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    69

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk din it-trade mark kinitx ukoll deskrittiva f’waħda jew numru ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni.

    70

    F’dan ir-rigward, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell imxew b’mod differenti. Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet qieset li l-kelma “manpower” kienet deskrittiva biss fir-Renju Unit u fl-Irlanda, u mhux fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni (punti 9 u 10 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Skont hi, il-kelma inkwistjoni, bħala kelma li teżisti biss bl-Ingliż, ma kinitx ikkunsidrata, ħlief fl-imsemmija pajjiżi li fihom huwa mitkellem l-Ingliż, bħala kelma deskrittiva, peress li l-konsumaturi rilevanti fil-pajjiżi li fihom ma mhux mitkellem l-Ingliż jużaw kliem mil-lingwa tagħhom stess biex jirreferu għall-kunċetti ta’ riżorsi umani u ta’ ħaddiema. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni żiedet li l-kelma “manpower” barra minn hekk, lanqas m’hija l-iktar kelma komuni sabiex issir referenza għas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għall-provvista ta’ impjieg temporanju. Għaldaqstant, il-konsumaturi rilevanti fil-pajjiżi li mhux mitkellem bl-Ingliż jikkunsidraw din il-kelma, skont id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, bħala espressjoni fantażjuża jew suġġestiva, li tista’ sservi bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti.

    71

    Rigward il-Bord tal-Appell, huwa qies li t-trade mark tal-intervenjenti kienet deskrittiva mhux biss fir-Renju Unit u fl-Irlanda, iżda wkoll fil-pajjiżi li fihom huwa mitkellem il-Ġermaniż, jiġifieri fil-Ġermanja u fl-Awstrija, fejn il-kelma “manpower” daħlet fil-lingwaġġ kummerċjali (punti 15 u 16 tad-deċiżjoni appellata), u fil-pajjiżi tal-Unjoni, fejn l-Ingliż huwa mitkellem sew, jiġifieri, skont il-Bord tal-Appell, fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja (punt 16 tad-deċiżjoni appellata).

    72

    Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet f’din il-kawża ma kinux jaqblu fir-rigward tal-firxa ġeografika li fiha l-pubbliku kkonċernat seta’ jipperċepixxi l-kelma “manpower” bħala deskrittiva.

    73

    Għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ’il fuq, sabiex jiġi evalwat jekk it-trade mark tal-intervenjenti hijiex deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni fl-Istati Membri li fihom mhux mitkellem l-Ingliż, għandu jiġi evalwat jekk, f’dawn l-Istati, hija tistax isservi, f’użu normali min-naħa tal-pubbliku destinatarju, sabiex tindika kemm direttament, kif ukoll b’referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti.

    74

    Dan it-test jista’ jsib risposta pożittiva f’żewġ ċirkustanzi li seħħew.

    75

    L-ewwel waħda tikkonċerna ċ-ċirkustanza li fiha l-kelma Ingliża “manpower” daħlet fil-lingwa tal-pajjiż inkwistjoni u tista’ tintuża biex tissostitwixxi terminu f’din il-lingwa li tfisser “riżorsi umani” jew “ħaddiema”, mill-inqas sa fejn huwa kkonċernat il-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, f’dan il-każ, membru ta’ dan il-pubbliku, meta tiġi quddiemu, fil-kuntest lingwistiku nazzjonali tagħha, il-kelma “manpower”, huwa jifhimha mill-ewwel bħala referenza għal “riżorsi umani” jew għal “ħaddiema”.

    76

    It-tieni waħda tikkonċerna ċ-ċirkustanza li fiha, fil-kuntest li taħtu jaqgħu l-prodotti u s-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti, l-Ingliż jintuża, anki jekk f’alternanza mal-lingwa nazzjonali, biex jiġu indirizzati l-membri tal-pubbliku rilevanti. F’dan il-każ, evidentement, il-kelma “manpower”, li hija kelma Ingliża, tinftiehem bħala deskrittiva ta’ dawn il-prodotti u servizzi. Madankollu, sempliċi għarfien mifrux tal-Ingliż, mill-pubbliku rilevanti jew minn parti sinjifikattiva tiegħu, mhuwiex biżżejjed, jekk l-Ingliż effettivament ma jintużax, f’dan il-kuntest, biex jiġi indirizzat dan l-istess pubbliku.

    77

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’waħda jew bosta Stati Membri li fihom mhux mitkellem l-Ingliż tal-Unjoni tikkorrispondix għal waħda miż-żewġ ċirkustanzi li seħħew imsemmija fil-punti 75 u 76 ’il fuq, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Bord tal-Appell sostna, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “manpower”, inkwantu kelma komuni fl-Ingliż li tintuża fil-kummerċ, kienet daħlet ukoll fil-lingwaġġ kummerċjali Ġermaniż.

    78

    L-intervenjenti ssostni li s-sempliċi fatt li t-terminu “manpower” jidher f’dizzjunarju Ġermaniż wieħed biss ma jfissirx li jintuża ġeneralment u li jinftiehem mill-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż jew li huwa magħruf minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku. Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Bord tal-Appell ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu msemmija iktar ’il fuq mill-uniku fatt li t-terminu “manpower” kien jinsab fid-“dizzjunarju Ġermaniż ‘Duden’, li hu mifrux ma’ kullimkien”, iżda wkoll mill-fatt li l-kelma kienet issemmiet f’lista ta’ kliem Ġermaniżi “superfluwi”, u li kien iintuża mill-Kunsill tal-Istudenti tal-Iskola tal-Kummerċ ta’ Bamberg fil-Ġermanja, kif ukoll fi proġett ta’ riċerka mwettaq mill-Università Teknika (TU) ta’ Vjenna (l-Awstrija) (punt 15 tad-deċiżjoni appellata).

    79

    L-elementi msemmija iktar ’il fuq, meħuda kumplessivament, jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, ġustament, qies li t-terminu “manpower” kien ukoll deskrittiv bil-Ġermaniż, u, għaldaqstant, fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Kif kien indikat fid-deċiżjoni appellata, dan it-terminu huwa, skont id-dizzjunarju Duden, l-ekwivalenti għall-kelma “Arbeitskraft” (riżorsi umani). Il-konsumaturi rilevanti li jitkellmu bil-Ġermaniż jistabbilixxu għalhekk immedjatament u mingħajr riflessjoni ulterjuri relazzjoni konkreta u diretta bejn it-terminu u s-servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament u ta’ provvista ta’ impjieg temporanju. Dan huwa aktar minnu peress li, bħal ma jirriżulta mill-introduzzjoni għal-lista msemmija ’l fuq, li tikkonċerna l-kliem superfluwi bil-Ġermaniż, il-kelma “manpower” hija kelma popolari fis-sistema ta’ referenza lingwistiku Ġermaniż.

    80

    Fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti li jinsabu fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-ewwel raġunament li hija adottat fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq huwa validu f’dak li jikkonċerna l-Ġermanja u l-Awstrija.

    81

    Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk it-trade mark tal-intervenjenti tistax tiġi meqjusa bħala deskrittiva f’wieħed jew iktar Stati Membri oħra tal-Komunità li fihom mhux mitkellem l-Ingliż.

    82

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell kkonferma, fil-punt 16 tad-deċiżjoni appellata, li t-trade mark tal-intervenjenti kienet ukoll deskrittiva fl-Istati Membri fejn “parti sinjifikattiva tal-klijenti għandu għarfien u prattika suffiċenti tal-Ingliż li jintuża fil-kummerċ”, jiġifieri, skont il-Bord tal-Appell, fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja.

    83

    Il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, fl-analiżi tiegħu, l-ewwel nett, fuq l-“esperjenza” tiegħu li permezz tagħha dan l-għarfien u dan l-użu tal-Ingliż kienu ġew partikolarment ivverifikati fil-pajjiżi msemmija ’l fuq. It-tieni nett, huwa enfasizza li l-Ingliż kien il-lingwa kummerċjali li tintuża komunement fid-dinja, kif ukoll lingwa ta’ xogħol uffiċjali ta’ diversi kumpanniji internazzjonali. It-tielet nett, hija sostniet li, fil-pajjiżi ta’ daqs iżgħar, l-istudenti li jistudjaw il-kummerċ ta’ spiss jiltaqgħu ma’ testi miktubin bl-Ingliż matul il-korsijiet tagħhom, u li, wara l-istudji universitarji tagħhom, huma jmorru jaħdmu fid-dipartimenti tar-riżorsi umani jew jokkupaw impjiegi oħra f’impriżi inkarigati mir-reklutaġġ ta’ persunal temporanju. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell semma “numru ta’ elementi ta’ prova” li jsostnu d-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt (punti 16 u 17 tad-deċiżjoni appellata).

    84

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-analiżi tal-Bord tal-Appell hija żbaljata.

    85

    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-pubbliku rilevanti jikkonsisti mill-popolazzjoni kollha hekk kif iddefinita fil-punt 57 ’il fuq, u mhux biss unikament jew “prinċipalment” minn min iħaddem li jfittex persunal (b’mod partikolari d-dipartimenti tar-riżorsi umani tagħhom) meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell fl-analiżi tagħha fil-punt 16 tad-deċiżjoni appellata.

    86

    Rigward il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark tistax isservi, f’użu normali min-naħa tal-pubbliku destinatarju, sabiex tidentifika l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-“użu normali” jista’, manifestament, ikun differenti skont jekk jirrigwarda, minn naħa, il-prattika tal-lingwa bejn speċjalisti fil-qasam tar-riżorsi umani, jew min-naħa l-oħra, ta’ prattika komuni tal-istess lingwa minn persuni li qed ifittxu impjieg, b’mod partikolari temporanju, u persuni oħra li għandhom l-età li jaħdmu iżda li mhumiex speċjalizzati fir-riżorsi umani.

    87

    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ma kkonstatax, fir-rigward tal-Iżvezja, id-Danimarka, l-Finlandja u l-Olanda, li l-kelma “manpower” daħlet fil-lingwa ta’ dawn il-pajjiżi, skont il-kriterji msemmija fil-punt 75 ’il fuq.

    88

    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat biss, jekk, għal dawn il-pajjiżi, is-sitwazzjoni tistax tixbah dik imsemmija fil-punt 76 ’il fuq.

    89

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan mhuwiex il-każ. Minbarra l-fatt imsemmi iktar ’l fuq li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-pubbliku rilevanti kollu, huwa lanqas ma ta prova li, fil-kuntest tal-prodotti u tas-servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti, kien intuża l-Ingliż, anki jekk f’alternanza mal-lingwa nazzjonali, sabiex jiġi indirizzat il-membri tal-pubbliku li huwa ħa inkunsiderazzjoni.

    90

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja, it-trade mark tal-intervenjenti kienet deskrittiva tas-servizzi u tal-prodotti inkwistjoni.

    91

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Istati Membri tal-Komunità li fadal li fihom mhux mitkellem l-Ingliż, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata li t-trade mark tal-intervenjenti ma kinitx deskrittiva.

    92

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ebda waħda mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma tista’ tinvalida din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-istatistika li tikkonċerna l-perċentwali ta’ abitanti tal-Komunità li jitkellmu l-Ingliż jew il-Ġermaniż ma tistax, manifestament, turi li l-Ingliż jintuża, anki jekk f’alternanza mal-lingwa nazzjonali, sabiex jiġu indirizzati l-membri tal-pubbliku rilevanti f’dawn il-pajjiżi fil-kuntest li fih jidħlu l-prodotti u servizzi protetti mit-trade mark tal-intervenjenti.

    93

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tikkonċerna l-fatt li bosta ħaddiema li jmorru lura fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom wara li jkunu ħallew l-Istati Membri li li fihom huwa mitkellem l-Ingliż jew il-Ġermaniż jieħdu magħhom il-vokabolarju miksub, kif ukoll ikun hemm skambju lingwistiku permezz tat-turiżmu ta’ ċittadini Ingliżi u Ġermaniżi, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet huma manifestament wisq vagi biex ikun jista’ jiġi stabbilit li l-kelma “manpower” daħlet fil-lingwa ta’ wieħed mill-pajjiżi Ewropej li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell fl-analiżi tiegħu.

    94

    B’hekk jeħtieġ, skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94, li tiġi emendata d-deċiżjoni appellata fis-sens li t-trade mark tal-intervenjenti mhijiex deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja. Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi milqugħa parzjalment it-talba awtonoma tal-intervenjenti.

    95

    It-talba awtonoma tal-intervenjenti mhijiex fondata għall-bqija.

    96

    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv tar-rikorrenti bħala infondat sa fejn dan huwa relatat ma’ ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(2) u tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar l-użu tat-trade mark tal-intervenjenti fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija

    L-argumenti tal-partijiet

    97

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ssostni li dan l-artikolu jirreferi għall-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex applikabbli għal vizzji inizjali li jaffettwaw l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, ma setax kien hemm rimedju għall-vizzju inizzjali fir-reġistrazzjoni. Anki jekk l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 kien applikabbbli, id-deċiżjoni kkontestata hija, skont ir-rikorrenti, żbaljata. Hija tallega li huwa minħabba li bbaża ruħu fuq pubbliku żbaljat, peress li kien ikkkunsidrat b’mod restrittiv wisq, li l-Bord tal-Appell wasal għall-konklużjoni li t-trade mark MANPOWER, inizjalment irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament, sussegwentement kisbet karattru distintiv. Ir-rikorrenti ssostni li huwa minħabba f’hekk li l-Bord tal-Appell, wara, evalwa b’mod żbaljat l-għarfien komuni meħtieġ għall-karattru distintiv skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94.

    98

    Skont ir-rikorrenti, billi l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax fil-każ tal-Artikolu 7(3) tal-istess Regolament, id-data relevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv hija l-jum li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti. F’din id-data, skont ir-rikorrenti, is-sinjal MANPOWER ma kellu l-ebda għarfien komuni. Ir-rikorrenti tallega li, anki jekk l-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-regolament kien applikabbli, l-UASI ma setax jieħu inkunsiderazzjoni bħala data rilevanti għall-evalwazzjoni l-kisba tal-karattru distintiv “kwalunkwe mument wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark”. Skont ir-rikorrenti, id-data rilevanti hija dik tad-deċiżjoni fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    99

    Ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku kellu jiġi meqjus li kien hemm għarfien komuni tat-trade mark tal-intervenjenti, il-prijorità tagħha jmissha ġiet “korretta” fid-data tal-evalwazzjoni tal-kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu. Ir-rikorrenti tallega li l-effetti tal-karattru distintiv miksub ulterjorment u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-prijorità għadhom ma kinux suġġetti għal deċiżjoni taħt id-dritt Komunitarju. Ir-rikorrenti tirreferi għas-soluzzjoni aċċettata fuq dan il-punt legali fil-Ġermanja. Hija ssostni li skont din is-soluzzjoni, il-karattru distintiv miksub ulterjorment mhuwiex applikabbli retroattivament għad-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, li tiggarantixxi b’hekk l-eżistenza ta’ trade marks iktar reċenti, li ġew fis-seħħ wara d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti, iżda qabel l-għarfien komuni ta’ din tal-aħħar.

    100

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi taċitament għall-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament, b’mod li r-reġistrazzjoni hija eskluża ladarba r-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti mill-Komunità. Skont ir-rikorrenti, Stat Membru wieħed biss jirrappreżenta din il-parti tal-Komunità.

    101

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-karattru distintiv u għaldaqstant l-għarfien komuni għandhom jeżistu fil-Komunità kollha, kemm taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll taħt l-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-Regolament.

    102

    Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kisba tal-kapaċità tat-trade mark tal-intervenjenti li tiġi rreġistrata minħabba l-użu tagħha kienet teħtieġ, li mill-inqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku jidentifika l-kelma “manpower” bħala li tirreferi għall-intervenjenti u għall-prodotti u s-servizzi tagħha u mhux biss li l-konsumaturi ma joperaw l-ebda rabta mal-kelma “manpower”. Fil-fatt, il-partijiet sostanzjali kollha tal-pubbliku kkonċernat fit-territorju rilevanti għandhom, skont ir-rikorrenti, jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni bħala derivanti mill-intervenjenti. Dan ma ġiex ipprovat.

    103

    Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma osservax il-kundizzjonijiet obbligatorji għall-kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 u tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 51(2) u tal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan l-istess Regolament, li huma iktar restrittivi minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-Regolament.

    104

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-pubbliku kkonċernat għandu jiġi evalwat skont in-natura tal-prodotti u tas-servizzi. Ir-rikorrenti tallega li s-servizzi tal-uffiċċji ta’ kollokament u s-servizzi għall-provvista ta’ impjieg temporanju huma servizzi ta’ kuljum kif ukoll li l-konsumatur medju inkwistjoni għandu biss livell ta’ attenzjoni pjuttost dgħajjef għas-sinjali u għat-trade marks li huma relatati magħhom. Penetrazzjoni qawwija ħafna tas-suq hija għaldaqstant neċessarja, fil-fehma tagħha, sabiex il-konsumaturi jifhmu l-kelma “manpower” bħala trade mark. Din il-kelma ma tevitax l-“ostakolu tar-reġistrazzjoni” li jikkostitwixxi l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

    105

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-possibbiltà li jiġi estiż l-għarfien komuni ta’ ċertu prodotti u servizzi lejn oħrajn (punt 34 tad-deċiżjoni appellata). Hija ssostni li, skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ trade mark li m’għandhiex karattru distintiv jew li hija deskrittiva mill-inqas għall-prodotti u s-servizzi li għalihom ma setax jiġi pprovat l-għarfien komuni.

    106

    Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-intervenjenti ppruvat tagħti prova tal-eżistenza tal-karattru distintiv permezz tal-għarfien komuni tat-trade mark tagħha biss għas-servizzi għall-provvista ta’ impjieg temporanju, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra li t-trade mark inkwistjoni kienet kisbet karattru distintiv għal dawn is-servizzi, jeħtieġ li tiġi milqugħa l-applikazzjoni għal invalidità għall-prodotti u s-servizzi l-oħra li jaqgħu taħt din it-trade mark, minħabba li l-intervenjenti ma ppreżentat l-ebda prova rigward l-użu tagħhom.

    107

    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li bi ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-UASI ma talabx biżżejjed provi lill-intervenjenti rigward l-għarfien komuni tat-trade mark tagħha fil-Komunità kollha u ddeċidiet b’mod żbaljat abbażi ta’ dokumenti insuffiċjenti.

    108

    F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ma segwietx il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-karattru distintiv applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, billi ħadet biss inkunsiderazzjoni, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-bejgħ kif ukoll ir-reklami fil-gazzetti u fid-direttorji tat-telefon [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Novembru 2004, Storck vs UASI (Forma ta’ Ħelwa Mgeżwra), T-402/02, Ġabra p. II-3849, punti 82 et seq].

    109

    Skont ir-rikorrenti, huwa mingħajr ebda prova u evalwazzjoni ddettaljata li l-Bord tal-Appell qies bħala probabbli ħafna l-fatt li l-pożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja fir-Renju Unit, barra minn hekk dubjuża, ’il quddiem kellha tinfirex fl-Irlanda. L-argument li jgħid li l-għarfien komuni jista’ jinfirex minn Stat għal ieħor u dak li jgħid li “reputazzjoni qawwija fi Stat ġar ta’ daqs ikbar” hija biżżejjed sabiex tagħti karattru distintiv fl-Istati Membri l-oħra (ir-rikorrenti tirreferi għall-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni appellata) iwaqqa’ l-kwistjoni tal-għarfien komuni f’parti sostanzjali tal-Komunità. Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, jekk provi ta’ għarfien komuni kienu ġew ippreżentati għal Stat Membru wieħed biss, wieħed jista’ jippreżumi li din teżisti wkoll fl-Istat Membri ġirien. Barra minn hekk, dan ikollu wkoll riperkussjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Is-suppożizzjoni ta’ “estensjoni” tal-għarfien komuni hija għaldaqstant inammissibbli. L-istess jgħodd għas-suppożizzjoni li tgħid li għarfien komuni jista’ jiġi dedott minn applikazzjoni għal trade mark nazzjonali mingħajr prova ta’ għarfien komuni (punt 33 tad-deċiżjoni appellata).

    110

    Ir-rikorrenti tallega li l-fatt li l-Bord tal-Appell jieħu biss inkunsiderazzjoni r-reklami f’pajjiż wieħed biss, imbagħad jikkonstata li huwa biżżejjed sabiex jiġi rrikonoxxut l-għarfien komuni li t-trade mark tal-intervenjenti tintuża fuq skala internazzjonali u li xorta wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-lingwa materna (ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 32 tad-deċiżjoni appellata), jikkostitwixxi wkoll ksur tar-regola ċċitata iktar ’il fuq. L-enfażi fuq l-użu internazzjonali ta’ trade mark Komunitarja fir-rigward tal-għarfien komuni fi ħdan il-Komunità hija raġunament ċirkulari inammissibbli. L-argument tal-“lingwa materna” huwa kkontestat fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-inqas fil-konfront tal-Finlandja. Ir-rikorrenti ssostni li huwa kkonstatat f’dan il-punt li, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja, il-kelma “manpower” hija purament deskrittiva u m’għandhiex karattru distintiv.

    111

    Skont ir-rikorrenti, fir-rigward tar-Renju Unit, il-Bord tal-Appell ma evalwax liema perċentwali tal-pubbliku kkonċernat jifhem it-trade mark tal-intervenjenti bħala li tagħmel distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi tagħha. L-UASI jmissu, skont hi, jitlob opinjonijiet oġġettivi lill-kmamar tal-kummerċ, lill-industrija jew lil assoċjazzjonijiet professjonali oħra kif ukoll jibbaża ruħu fuq stħarriġ ta’ opinjoni.

    112

    Fir-rigward tal-Ġermanja, ir-rikorrenti tallega li, filwaqt li l-Bord tal-Appell jirreferi għal stħarriġ li juri li 54 % tal-persuni li jaħdmu fis-settur tar-riżorsi umani jafu t-trade mark MANPOWER u jikkunsidra li dan l-istħarriġ jirrappreżenta l-pubbliku kkonċernat, dan huwa kontradett mill-punt 16 tad-deċiżjoni appellata. Din hija kwistjoni tal-“konsumaturi rilevanti, jiġifieri min jimpjega ħaddiema temporanji u l-persuni inkarigati mill-kuntratti tax-xogħol”, li huwa kunsiderevolment iktar wiesgħa mill-“persuni li jaħdmu fis-servizzi tar-riżorsi umani” (punt 28 tad-deċiżjoni appellata). Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pubbliku kkonċernat jinkludi, f’kull każ, ukoll il-persunal temporanju, jew saħansitra l-ħaddiema kollha, min iħaddem u persuni li qed jagħmlu taħriġ inkwantu persuni li potenzjalment qed ifittxu impjieg. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat jagħmel rabta bejn l-istatistika ta’ 54 % tal-persuni intervistati li jafu dwar it-“trade mark” u s-70 % li jafu dwar il-kelma deskrittiva “manpower” (punt 28 tad-deċiżjoni appellata). Skont ir-rikorrenti, dawn il-perċentwali tal-persuni intervistati mhumiex relatati u għaldaqstant ma jistgħux jiġu pparagunati.

    113

    L-ewwel nett, il-UASI jsostni li, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, li kellha tiġi applikata f’dan il-każ, trade mark irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi ddikjarata invalida, jekk hija kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha. Jirriżulta mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Ġermaniża, li din l-“implantazzjoni” tista’ sseħħ ukoll wara r-reġistrazzjoni.

    114

    It-tieni nett, l-UASI tallega, li fir-rigward tat-territorju rilevanti, huwa paċifiku li t-trade mark għandha tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu biss meta r-raġuni għal rifjut kienet teżisti. Bl-istess loġika, il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu m’għandux jiġi pprovat, skont l-UASI, ħlief għal prodotti u servizzi, li għalihom tapplika r-raġuni assoluta għal rifjut. L-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell eżamina diversi elementi ta’ prova relatati mal-użu tat-trade mark tal-intervenjenti u li hija waslet għal riżultat korrett billi kkonkludiet li din it-trade mark kienet kisbet karattru deskrittiv permezz tal-użu fil-pajjiżi inkwistjoni.

    115

    It-tielet nett, l-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell evalwa l-implantazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti billi bbaża ruħu fuq eżami fil-fond tal-provi. Eżami mill-ġdid ta’ dawn il-provi mhuwiex neċessarju, peress li l-Bord tal-Appell rrefera numru ta’ drabi għalihom fid-deċiżjoni appellata.

    116

    Skont il-UASI, fir-rigward tar-Renju Unit, ma jistax ikun hemm dubju dwar l-implantazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tal-intervenjenti, tan-numru tal-fergħat tagħha (292 uffiċċju fl-2000) u rapporti innumerevoli tal-istampa. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma kienx neċessarju li jiġu ppreżentati dokumenti oħra jew opinjonijiet indipendenti tal-kmamar tal- kummerċ.

    117

    L-UASI jsostni li s-sitwazzjoni hija daqstant ċara fil-Ġermanja, fid-dawl tan-numru ta’ fergħat tal-intervenjenti (126 fl-1999), tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha u tal-artikli tal-istampa ppreżentati. Huwa jenfasizza l-istħarriġ ta’ opinjoni li minnhom jirriżulta li 54 % tal-konsumaturi rilevanti għandhom għarfien dwar it-trade mark. Il-UASI jikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-figuri huma wisq dgħajfa. Huwa jqis li l-Bord tal-Appell wettaq, ġustament, eżami differenzjat tal-provi fid-dawl tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll tas-suq speċifiku, meta huwa rrelata l-figuri ċċitati man-numru ta’ konsumaturi li jistgħu jifhmu l-kelma Ingliża “manpower” bħala deskrittiva. Il-UASI jsostni li l-elementi ppreżentati għall-Awstrija juru l-implantazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti wkoll f’dan l-Istat.

    118

    L-intervenjenti ssostni, essenzjalment, l-ewwel nett, fir-rigward tad-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu, li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu ġustament fuq il-kliem tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, u li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu japplika “retroattivament” għall-jum li fiha saret l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja (data ta’ prijorità) u mhux għall-jum li fih hija kisbet il-karattru distintiv (data ta’ prijorità “emendata”). Il-prinċipju ta’ data ta’ prijorità “emendata” mhuwiex kompatibbli, skont l-intervenjenti, mat-test tar-Regolament Nru 40/94, li ma jinkludi ebda indikazzjoni favurih.

    119

    It-tieni nett, l-intervenjenti ssostni li hija ppreżentat numru kunsiderevoli ta’ elementi ta’ prova lill-UASI, li juri t-terminu twil u l-intensità tal-użu min-naħa tagħha tat-trade mark inkwistjoni fil-Komunità kif ukoll il-pożizzjoni tagħha ta’ leader mondjali tas-suq fil-qasam tas-servizzi ta’ xogħol temporanju. Dawn l-elementi ta’ prova jagħtu, kumplessivament, xbiha ċara tal-pożizzjoni tal-ewwel post u tar-reputazzjoni tat-trade mark MANPOWER fl-oqsma tax-xogħol temporanju u tal-kollokament ta’ persunal fil-Komunità.

    120

    It-tielet nett, l-intervenjenti tallega li l-provi li hija ppreżentat jestendu rwieħhom għall-pajjiżi kkonċernati kollha u jipprovdu bażi, fejn hu meħtieġ, għall-ammissjoni li t-trade mark tagħha kienet kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-konsumaturi fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Irlanda, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja, fi Spanja, fil-Portugall, fl-Awstrija, fl-Olanda, fil-Belġju, fil-Lussemburgu, fid-Danimarka, fl-Iżvezja, fil-Finlandja u fil-Greċja.

    121

    F’dan ir-rigward, hija allegat li bosta provi li hija ppreżentat kienu jinkludu, barra minn hekk, kampjuni ta’ materjal użat fil-Komunità għad-diffużjoni tat-trade mark Komunitarja tagħha permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, jiġifieri, opuskuli, pamflets, materjal ta’ marketing u ta’ reklamar, kif ukoll reklamar f’forma ta’ rigali ddistribwiti lill-klijenti u karta għall-ittri bl-isem u l-indirizz stampati tal-impriża. L-intervenjenti ssostni li dawn l-elementi ta’ prova, ikklassifikati skont il-pajjiż, jinkludu informazzjoni kwantitattiva rappreżentattiva fuq l-użu tal-meterjal ta’ marketing u ta’ reklamar u fuq l-ispejjeż f’dan il-qasam.

    122

    Ir-raba’ nett, l-intervenjenti tindika li, matul il-fażi ta’ eżami, l-eżaminatur ma talabhiex tippreżenta provi tal-kisba tal-karattru distintiv f’dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda. Hija pproponiet ukoll, b’inizjattiva tagħha stess, provi li jikkonċernaw il-Ġermanja. Il-provi relatati ma’ pajjiżi oħra tal-Komunità ġew ippreżentati biss matul il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għaldaqstant xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li, peress li, fl-istadju tal-eżami, il-provi ġew ipprovduti biss għal ċertu pajjiżi, it-trade mark Komunitarju ma kinitx diġà kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’pajjiżi oħra. Barra minn hekk, minħabba n-natura tal-provi f’dan it-tip ta’ kawża, jibqa’ diffiċli li tiġi stabbilita liema kienet il-pożizzjoni ta’ trade mark bosta snin qabel.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    123

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv sar, wara l-emenda tad-deċiżjoni kkontestata, mhux applikabbli, sa fejn dan jirreferi għall-użu tat-trade mark tal-intervenjenti fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja. B’hekk hemm lok li jiġi eżaminat dan il-motiv biss fir-rigward tal-użu ta’ din it-trade mark fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

    124

    Fit-tieni lok, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ma jistax, abbażi tal-elementi ta’ prova pprovduti mill-intervenjenti, jikkonkludi li kien hemm użu skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, tat-trade mark tal-intervenjenti, fit-tmien pajjiżi li fihom din it-trade mark hija, skont il-Bord tal-Appell, deskrittiva u li, min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-nuqqas ta’ dawn il-provi, il-Bord tal-Appell imissu, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, jeħtieġ provi addizzjonali mill-intervenjenti dwar l-użu tat-trade mark tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li jekk l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa fondat, dan huwa biżżejjed għall-annullament tad-deċiżjoni appellata. Barra minn hekk, l-allegata ommissjoni tal-UASI li titlob lill-intervenjenti, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex tipprovdi provi addizzjonali dwar l-użu tat-trade mark tagħha, jekk wieħed iqis li dan huwa minnu, ma jisfavorixxix lir-rikorrenti, li għaldaqstant ma’ għandha l-ebda interess li tissollevaha.

    125

    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-argument tar-rikorrenti, li jgħid, essenzjalment, li l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, ma jippermettix, biex tiġi miċħuda talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ eventuali karatttru distintiv tat-trade mark li tagħha intalbet l-invalidità, miksuba permezz tal-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha.

    126

    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Minn naħa, ir-rikorrenti ma tistax utilment tinvoka biss l-unika verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 insostenn tal-argument tagħha. Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu, iżda tirrikjedi, bil-kontra, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2004, Pappas vs Il-Kummissjoni, T-11/02, ĠabraSP p. I-A-381 u II-1773, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2006, MMT vs Il-Kummissjoni, T-392/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 30). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94, minbarra l-verżjoni Ġermaniża, jirreferu expressis verbis għall-użu “wara r-reġistrazzjoni” tat-trade mark li tagħha ntalbet l-invalidità.

    127

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li jekk din id-dispożizzjoni kellha tinftiehem fis-sens li ma tirreferix għall-użu tat-trade mark li tagħha ntalbet l-invalidità wara r-reġistrazzjoni tagħha, din tkun superfluwa u ma tkunx tagħmel sens. Fil-fatt, jista’ jiġi rreġistrat sinjal deskrittiv li, minħabba l-użu li jkun sar minnu qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni intiża għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja, ikun kiseb karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Trade mark irreġistrata b’dan il-mod ma tistax tiġi invalidata skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, peress li mhijiex trade mark “irreġistrata kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7”. Għaldaqstant l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex rilevanti f’din l-ipoteżi. B’hekk din l-aħħar dispożizzjoni hija applikabbli biss għat-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet tmur kontra r-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94 u li, fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni, kellhom jiġu invalidati, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 40/94. L-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 għandu, preċiżament, bħala għan li jżomm ir-reġistrazzjoni ta’ dawk it-trade marks li, minħabba l-użu li jkun sar minnhom, sadanittant, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tagħhom, ikunu kisbu karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi li għalihom huma ġew irreġistrati, minkejja l-fatt li din ir-reġistrazzjoni, fil-mument li saret, kienet tmur kontra l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94.

    128

    Rigward l-argument tar-rikorrenti dwar il-prijorità tat-trade mark tal-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni appellata ma tistabbilixxi l-ebda data ta’ prijorità għal din it-trade mark. Il-kwistjoni dwar il-prijorità ta’ din it-trade mark mhijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ talba intiża għall-invalidità tagħha minħabba raġuni assoluta għal rifjut. Anki li kieku wieħed kellu jammetti li l-prijorità ta’ din it-trade mark tista’ tmur lura biss għal wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li wasslet għar-reġistrazzjoni tagħha, din is-sempliċi ċirkustanza mhijiex suffiċjenti biex tagħti lok għall-invalidità tagħa. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-prijorità li għandha tingħata lit-trade mark tal-intervenjenti ssir rilevanti biss meta din it-trade mark tiġi invokata insostenn ta’ oppożizzjoni kontra trade mark oħra (ara l-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94). Għandu jingħad ukoll li dan il-każ ma jirrigwardax it-tali proċedura.

    129

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li l-użu tat-trade mark tal-intervenjenti, wara r-reġistrazzjoni tagħha, ma ġiex ipprovat fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, għandha tiġi mfakkra, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, transponibbli wkoll għall-karattru distintiv miksub mill-użu skont l-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-Regolament, li jgħid li l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeħtieġ li mill-inqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat jidentifika permezz tat-trade mark il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2007, Golf USA vs UASI (GOLF USA), T-230/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    130

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark kisbitx karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa b’mod globali l-elementi li jistgħu juru li t-trade mark hija rikonoxxuta tali li biha jistgħu jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari u għaldaqstant li biha jistgħu jintgħarfu dawn il-prodotti u servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li din it-trade mark għandha, l-intensità, il-firxa ġeografika u kemm ilha tintuża din it-trade mark, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjoni tal-imkejjen interessati li jidentifikaw il-prodott bħala li ġej minn impriża partikolari permezz tat-trade mark, id-dikjarazzjonijet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra kif ukoll l-istħarriġ ta’ opinjoni (ara s-sentenza GOLF USA, punt 129 ’il fuq, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    131

    Iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni marbuta mal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tista’ titqies li ġiet issodisfata ma jistgħux għaldaqstant jiġu stabbiliti biss abbażi ta’ data ġenerali u astratta, bħal perċentwali partikolari [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Glaverbel vs UASI (Nisġa tal-wiċċ tal-ħġieġ), T-141/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    132

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-karattru distintiv ta’ trade mark, inkluż dak miksub permezz tal-użu, għandu, barra minn hekk, jiġi evalwat fir-rigward ta’ prodotti jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u fid-dawl tal-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs UASI — Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra p. II-411, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    133

    It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonstata, b’mod partikolari, li l-intervenjenti kienet ippreżentat bosta provi dwar l-użu tat-trade mark tagħha fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni. Skont dan, dawn il-provi huma biżżejjed sabiex juru l-karattru distintiv miksub minn din it-trade mark fit-territorju inkwistjoni fid-data meta ġiet ippreżentata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, uħud mill-provi li ġew ippreżentati wara d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jikkonċernaw il-perijodu qabel din id-data jippermettu, skont dan il-Bord, li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-karattru distintiv matul il-perijodu kkunsidrat. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-intervenjenti kienet impriża li topera fuq livell dinji.

    134

    Speċifikament fir-rigward tar-Renju Unit, il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 26 tad-deċiżjoni appellata, li l-intervenjenti kienet ippreżentat provi li jikkonċernaw id-dħul mill-bejgħ fis-sena kunsiderevoli u bi progress kostanti bejn l-1990 u l-1999, in-numru ta’ sussidjarji, li mill-162 tal-1991 qabeż għal 292 fl-2000, il-figuri tal-ispejjeż ta’ reklamar, is-sehem mis-suq ta’ 9 % fl-2000, id-dokumenti fuq ftehim dwar reklamar u ħafna komunikazzjoni mill-istampa, li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew ippubblikati fi żmien id-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-intervenjenti. Skont il-Bord, dawn il-provi huma iktar milli biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din it-trade mark hija rrikonoxxuta mhux biss bħala kelma deskrittiva, iżda wkoll bħala trade mark fir-Renju Unit għal servizzi ta’ provvista ta’ impjieg temporanju.

    135

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fir-rigward ta’ dawn il-provi kollha u fid-dawl tal-atti tal-proċess, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark tal-intervenjenti ġie pprovat fir-Renju Unit.

    136

    Fil-fatt, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, in-numru għoli tas-sussidjarji tal-intervenjenti. Dan l-element, meħud inkunsiderazzjoni flimkien man-natura tas-servizzi u tal-prodotti proposti mill-intervenjenti, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-impriża tal-intervenjenti kienet magħrufa sew fis-suq inkwistjoni. Ma’ dan jiżdied id-dħul mill-bejgħ, is-sehem mis-suq ogħli ħafna, il-bosta komunikazzjonijiet lill-istampa, kif ukoll l-elementi oħra invokati mill-Bord tal-Appell li jindikaw biżżejjed il-pożizzjoni b’saħħitha tat-trade mark tal-intervenjenti fir-Renju Unit.

    137

    Dawn l-elementi huma kumplessivament suffiċjenti — mingħajr ma jkun hemm bżonn li jintalbu opinjonijiet lill-kmamar tal-kummerċ, lill-industrija jew lil assoċjazzjonijiet professjonali oħra jew mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir referenza għal stħarriġ ta’ opinjoni, bħal ma ssostni r-rikorrenti — biex jintwera li parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti fir-Renju Unit jidentifika, permezz tat-trade mark tal-intervenjenti, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża tal-intervenjenti. Dawn juru l-intensità u l-firxa ġeografika tal-użu, u kemm ilha tintuża t-trade mark tal-intervenjenti fir-Renju Unit.

    138

    Fir-rigward tal-Irlanda, il-Bord tal-Appell ikkonstata fil-punt 27 tad-deċiżjoni appellata, li t-trade mark tal-intervenjenti intużat f’dan il-pajjiż bħala trade mark fil-qasam tar-reklutaġġ tal-persunal sa minn iktar minn 25 sena u li, fl-1993, l-impriża tal-intervenjenti kienet diġà tiġġenera dħul mill-bejgħ kunsiderevoli ta’ iktar minn GBP 897000 u qabżet il-miljun GBP fl-1995. Minbarra dan, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark tal-intervenjenti kienet is-suġġett ta’ reklamar fil-gazzetti u fid-direttorji tat-telefon. Skont il-Bord tal-Appell, wieħed ma jistax jeskludi l-fatt li kien probabbli ħafna li r-reputazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti fir-Renju Unit tiġi wkoll parzjalment riflessa fuq l-Irlanda.

    139

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fid-dawl tal-atti tal-proċess, li ż-żmien twil tal-użu tat-trade mark fl-Irlanda u d-dħul mill-bejgħ, kif ukoll il-provi derivanti mir-reklami fil-gazzetti u mid-direttorji tat-telefon, jippermettu effettivament li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni billi kkonstata l-karattru distintiv miksub mit-trade mark tal-intervenjenti fl-Irlanda. Għandu jingħad ukoll li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, wieħed ma jistax jakkuża lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija fil-ġurisprudenza Windsurfing Chiemsee, punt 108 iktar ’il fuq, fil-punt 51.

    140

    Fir-rigward tal-Ġermanja u tal-Awstrija, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell qies ġustament li t-trade mark tal-intervenjenti kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt, minn naħa, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li n-numru għoli ta’ uffiċċji tal-intervenjenti fil-Ġermanja, id-dħul mill-bejgħ tagħha f’dan il-pajjiż, in-numru ta’ impriżi li kienu klijenti tagħha, inklużi multinazzjonali, id-dehra frekwenti tat-trade mark tal-intervenjenti f’diversi gazzetti, anki fuq skala nazzjonali, id-diversi reklami ppreżentati, kif ukoll il-volum ta’ spejjeż ta’ marketing u l-firxa ġeografika tal-użu tat-trade mark tal-intervenjenti jippermettu li jiġi kkonstatat li din it-trade mark kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fil-Ġermanja.

    141

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Awstrija, l-elementi li fuqhom ibbaża ruħu l-Bord tal-Appell jippermettu wkoll, kumplessivament, li juru, b’mod partikolari, l-intensità tal-użu tat-trade mark tal-intervenjenti, kemm ilha tintuża, kif ukoll in-natura ġeografikament varjata tagħha u l-frekwenza u r-regolarità ta’ dehra tagħha fir-reklami, u, konsegwentement, li jiġi kkunsidrat li t-trade mark tal-intervenjenti kisbet karattru distintiv fl-Awstrija fil-każ li għandha tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva f’dan il-pajjiż ukoll.

    142

    Għandu jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, li t-trade mark tal-intervenjenti kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fl-erba’ pajjiżi msemmija iktar ’l fuq, ma jistgħux jiġu invalidati mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu qatt ma ġie pprovat għall-prodotti u servizzi li jinsabu fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42, protetti mit-trade mark tal-intervenjenti.

    143

    Fil-fatt, fir-rigward tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark tal-intervenjenti għall-prodottu u servizzi l-oħra inkwistjoni, li jinsabu fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42, il-Bord tal-Appell sostna b’mod partikolari fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata li l-intervenjenti użat diversi minn dawn il-prodotti u servizzi fil-kuntest ta’ kuntratti għall-impjieg ta’ persunal temporanju, u li, minħabba li l-kelma “manpower” kellha sens sekondarju għal servizzi ta’ provvista ta’ impjieg temporanju, il-konsumaturi kkonċernati jikkunsidraw li, pereżempju, ktieb jew konferenza li ġġib dan l-isem jirreferu għall-intervenjenti u għas-servizzi tagħha.

    144

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li l-karattru distintiv miksub mit-trade mark tal-intervenjenti għas-servizzi li jinsabu fil-klassi 35 kellu jiġi estiż għall-prodotti u servizzi protetti mit-trade mark, li jinsabu fi klassijiet oħra.

    145

    Fil-fatt, bħal ma jirriżulta mill-punt 12 tad-deċiżjoni appellata, it-trade mark tal-intervenjenti tiddeskrivi biss uħud mill-prodotti u s-servizzi li jinsabu fi-klassijiet 9, 16, 41 u 42. Il-kelma “manpower” tista’ tinftiehem biss bħala li tindika l-kontenut ta’ dawk minn fost dawn il-prodotti u servizzi li jintużaw fil-kuntest tas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament, u l-konsumatur li jagħmel ir-rabta bejn dawn il-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42 u s-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament u ta’ uffiċċju għall-provvista ta’ impjieg temporanju jkun jista’ jifhem it-trade mark tal-intervenjenti bħala l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ dawn il-prodotti u servizzi, b’referenza għall-intervenjenti.

    146

    Fir-rigward tal-fatt li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni data żbaljata bħala data deċiżiva li permezz tagħha kellu jiġi evalwat il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala data rilevanti, li permezz tagħha kellu jiġi evalwat il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu (punti 22 u 25 tad-deċiżjoni appellata). Hija għaldaqstant imxiet skont il-ġurisprudenza, li tgħid li d-data konkreta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu wara r-reġistrazzjoni hija dik tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BSS, punt 132 iktar ’il fuq, punt 53). Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell seta’, mingħajr kuntradizzjoni ta’ motivi jew żball ta’ liġi, jieħu inkunsiderazzjoni elementi li, minkejja li seħħew wara d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kienu jippermettu li jsiru konklużjonijiet fuq kif kienet is-sitwazzjoni f’din l-istess data (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C-192/03 P, Ġabra p. I-8993, punt 41).

    147

    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark tal-intervenjenti kienet kisbet karattru distintiv perezz tal-użu fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja, u fl-Awstrija. B’hekk, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi ddikjarat, kollu kemm hu, bħala infondat.

    148

    Minħabba l-motivi kollha li ntqalu (ara l-punti 94 sa 96 u 147 iktar ’il fuq), dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    149

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-22 ta’ Lulju 2005 (Każ R 499/2004-4), dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja MANPOWER Nru 76059, hija emendata fis-sens li din it-trade mark ma tiddeskrivix il-prodotti u s-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata fl-Olanda, fl-Iżvezja, fil-Finlandja u fid-Danimarka. Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa miżmum.

     

    2)

    Il-kumplament tat-talba ta’ Manpower Inc., intiża għall-emenda tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell imsemmija iktar ’il fuq, huwa miċħud.

     

    3)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    4)

    Powerserv Personalservice GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Vilaras

    Dehousse

    Šváby

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Ottubru 2008.

    E. Coulon

    Reġistratur

    M. Vilaras

    President


    ( *1 )  Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top