Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0237

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tad-9 ta' Ġunju 2010.
    Éditions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet -Regolament (KE) Nru 1049/2001- Dokumenti rigward proċedura ta' konċentrazzjoni ta' impriżi -Regolament (KE) Nru 4064/89 -Regolament (KE) Nru 139/2004 -Regolament (KE) Nru 802/2004 - Rifjut ta' aċċess - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta' attivitajiet ta' investigazzjoni u ta' verifiki - Eċċezzjoni dwar il-ħarsien ta' interessi kummerċjali - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali.
    Kawża T-237/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-02245

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:224

    Kawża T-237/05

    Éditions Odile Jacob SAS

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti rigward proċedura dwar konċentrazzjoni ta’ impriżi —Regolament (KE) Nru 4064/89 — Regolament (KE) Nru 139/2004 — Regolament (KE) Nru 802/2004 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4, 9(4) u 11(2))

    2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

    3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Protezzjoni ta’ interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika

    (Artikolu 287 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(3) u l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Regolamenti tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 17, u Nru 139/2004, Artikolu 17)

    4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn terzi

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1), (2) u(4))

    5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

    6.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni ta’ pariri legali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessa 6 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

    7.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Eżami li jirriżulta partikolarment tqil u mhux xieraq — Deroga mill-obbligu ta’ eżami

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

    8.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti

    (Artikolu 255 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

    1.      L-obbligu għal istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija f’applikazzjoni ta’ aċċess jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tiġi adottata bħala regola ġenerali, li tapplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, indipendentement mill-qasam li jirreferu għalih id-dokumenti mitluba.

    Din ir-regola ġenerali ma tfissirx madankollu li tali eżami huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, twettaq b’risposta għal applikazzjoni ta’ aċċess ippreżentata abbażi tar‑Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l‑possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, bil-kontra, li għandu jingħata.

    Barra minn hekk, in-natura ġenerali tal-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat rifjut ta’ aċċess kif ukoll il-qosor tagħha jew in-natura sterjotipika tagħha tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżami konkret biss fil-każ fejn huwa oġġettivament possibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan id-dokument jew element essenzjali tiegħu, u, għaldaqstant, mingħajr ma jitneħħa l-għan essenzjali tal-eċċezzjoni. Il-ħtieġa għall‑istituzzjonijiet li ma jirreferux għal elementi li indirettament jippreġudikaw l-interessi li l-eċċezzjonijiet speċifikament għandhom bħala għan li jipproteġu hija enfasizzata b’mod partikolari fl-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Fl-aħħar nett, l-istess ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata għal dokumenti li jappartjenu lill-istess kategorija, u dan hu l-każ b’mod partikolari jekk jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni. Hija mbagħad il-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-eċċezzjoni invokata tkoprix manifestament u fl-intier tagħhom id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

    (ara l-punti 44-47)

    2.      L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi li tipproteġi l-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, ma huwiex applikabbli ħlief jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jgħaddi mir-riskju li jipperikola t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet.

    Ċertament, l-atti differenti ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika sakemm jiżvolġu l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni, anki jekk l-investigazzjoni jew spezzjoni li jkunu taw lok għar-rapport li għalih ġie mitlub aċċess intemmew.

    Madankollu, li jiġi aċċettat li d-dokumenti differenti relatati mal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika huma koperti bl-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm il-proċeduri li jsegwu ma jkunux ġew deċiżi, iwassal biex jissuġġetta l-aċċess għal dawn id-dokumenti għal avveniment inċert, futur u eventwalment iktar ’il bogħod, skont il‑ħeffa u d-diliġenza tal-awtoritajiet differenti. Tali soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bil-għan li tingħata liċ-ċittadini l-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

    (ara l-punti 72-75)

    3.      Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha mħejjija jew riċevuti minnha u li huma fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat li, f’termini ta’ konċentrazzjoni, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati tiġi kkunsidrata bħala manifestament koperta mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew minn dik dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Għalkemm dawn l-eċċezzjonijiet huma, jekk ikun il-każ, applikabbli għal ċerti dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni jew li kienu kkomunikati lilha, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tad-dokumenti kollha jew ta’ dawn id-dokumenti fl-intier tagħhom. Għall-inqas, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura dan permezz ta’ eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument, meħtieġ mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

    Sa fejn il-pubbliku għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu ċerta informazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija tat-tip kopert, min-natura tagħha, mis-sigriet professjonali jew mis-sigriet kummerċjali. La l-Artikolu 287 KE u lanqas ir-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, ma jistgħu jopponu l-iżvelar ta’ dokument li ma jkunx kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 86, 90, 94, 123, 124)

    4.      Skont id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ dokumenti li ġejjin minn terz, l-istituzzjoni tikkonsulta lit-terz sabiex jiġi ddeterminat jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament hijiex applikabbli, sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati li jikkonsultaw lit-terz ikkonċernat jekk jidher b’mod ċar li d-dokument għandu jiġi żvelat jew li ma għandux jiġi żvelat. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw it-terz inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tat-terz ikkonċernat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi. In-nuqqas ta’ konsultazzjoni tat-terzi awturi ta’ dokumenti hija għaldaqstant konformi ma’ dan ir-regolament biss jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti minnu tapplika b’mod ċar għad-dokumenti inkwistjoni.

    (ara l-punti 126, 127)

    5.      L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, timplika li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali għandu jkun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. L-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali, imsemmija mill-istituzzjoni dwar l-iżvelar tad-dokumenti msemmija. Ġustifikazzjonijiet invokati b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma huma ssostanzjati minn argumenti dettaljati fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba, taħt piena li jippreġudikaw il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u speċjalment dik prevista fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament.

    (ara l-punti 140, 141, 143)

    6.      L-eċċezzjoni dwar il-pariri legali, prevista mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata bħala intiża sabiex tipproteġi l-interess tal-Kummissjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti. Ir-riskju li jkun ippreġudikat dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

    F’dan ir-rigward, l-interess tal-pubbliku sabiex jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa intiż sabiex jiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini għall-proċess deċiżjonali u sabiex jiggarantixxi leġittimità ikbar, effettività ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika, ma huwiex l-istess meta dan id-dokument jaqa’ taħt proċedura amministrattiva intiża għall-applikazzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali jew meta jikkonċerna dokument dwar proċedura fil-kuntest li fih l-istituzzjoni kkonċernata taġixxi bħala leġiżlatur u meta aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti għandu jiġi awtorizzat skont il-premessa 6 tal-imsemmi Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 156, 161)

    7.      Peress li d-dritt għal aċċess għad-dokumenti mill-istituzzjonijiet jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tkun applikata bħala prinċipju, huwa eċċezzjonalment u biss meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment tqil, li b’hekk jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest, li deroga għall-obbligu ta’ eżami tista’ tiġi ammessa.

    Barra minn hekk, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tibbaża ruħha fuq eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu.

    Meta l-istituzzjoni ressqet il-prova tan-natura irraġonevoli tal-oneru amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, hija għandha l-obbligu li tipprova tiftiehem mal-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b’mod konkret il-possibbiltajiet li għandha għall-adozzjoni ta’ miżura inqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. L-istituzzjoni tibqa’ madankollu marbuta, f’dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ raġonevolment jiġi rikjest, tkun l-iktar waħda favorevoli għad-dritt ta’ aċċess għall-applikant.

    Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista’ ma twettaqx eżami konkret u individwali biss wara li tkun verament studjat il-possibbiltajiet l-oħra kollha u wara li tkun spjegat b’mod dettaljat, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi possibbiltajiet kienu jinvolvu, huma wkoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli.

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tirrifjuta globalment kull aċċess parzjali lir-rikorrenti, tista’ tkun leġittima biss fil-każ li l-Kummissjoni tkun spjegat minn qabel, b’mod konkret, ir-raġunijiet li għalihom is-soluzzjonijiet alternattivi għal analiżi konkreta u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti msemmija jikkostitwixxu, ukoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli.

    (ara l-punti 170-174)

    8.      Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti kif stabbilit fl-Artikolu 255 KE u fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar għandu jkollu natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jitħawwad ma’ interessi individwali jew privati, pereżempju, bħal dawk fir-rigward ta’ tressiq ta’ rikors kontra l-istituzzjonijiet, peress li tali interessi individwali jew privati ma jikkostitwixxux element rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għal dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh. Għaldaqstant, l-interess partikolari li jista’ jsostni l-applikant għall-aċċess għal dokumenti li jikkonċernawh personalment ma jistax ikun deċiżiv ġeneralment fil-kuntest kemm tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 191, 192)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI

    9 ta’ Ġunju 2010 (*)

    “Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001– Dokumenti rigward proċedura dwar konċentrazzjoni ta’ impriżi – Regolament (KE) Nru 4064/89 – Regolament (KE) Nru 139/2004 –Regolament (KE) Nru 802/2004 – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali”

    Fil-Kawża T‑237/05,

    Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata inizjalment minn W. van Weert u O. Fréget, sussegwentement minn Fréget, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis, P. Costa de Oliveira u O. Beynet, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Lagardère SCA, irrappreżentata inizjalment minn A. Winckler, S. Sorinas Jimeno u I. Girgenson, sussegwentement minn Winckler, F. de Bure u J.‑B. Pinçon, avukati,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tas-7 ta’ April 2005 li tiċħad parzjalment applikazzjoni tar‑rikorrenti intiża sabiex jinkiseb l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar proċedura ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi (Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP),

    IL-QORTI ĠENERALI, (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. W. H. Meij (President), V. Vadapalas u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009,

    wara li rat id-digriet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tat-28 ta’ Settembru 2009 u r-risposta tar-rikorrenti għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1.     Applikazzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti

    1        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti, Éditions Odile Jacob SAS, talbet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont ir‑Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) sabiex ikollha aċċess għal diversi dokumenti dwar il-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“proċedura inkwistjoni”) li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KEE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal‑funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 −Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU L 125, p. 54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ kompatibbiltà ”), sabiex tużahom insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑279/04, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà. Id-dokumenti intiżi kienu:

    a)      id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003 li tinfetaħ investigazzjoni fil-fond abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), fil-proċedura inkwistjoni;

    b)      il-verżjoni intiera tal-kuntratt ta’ ċessjoni ffirmat fit-3 ta’ Diċembru 2002 minn Natexis Banques populaires SA, minn naħa, u Segex Sarl u Ecrinvest 4 SA, min-naħa l-oħra;

    ċ)      il-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Natexis Banques Populaires minn Settembru 2002 san-notifika tal-konċentrazzjoni, li seħħet fl-14 ta’ April 2003;

    d)      il-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Lagardère SCA minn Settembru 2002 sal-imsemmija notifika;

    e)      il-kuntratt li bih Natexis Banques populaires saret proprjetarja tal-ishma u tal-assi ta’ Vivendi Universal Publishing SA (VUP) mingħand Vivendi Universal SA fl-20 ta’ Diċembru 2002;

    f)       il-wegħda ta’ akkwist ta’ VUP li saret minn Lagardère mingħand Vivendi Universal fit-22 ta’ Ottubru 2002;

    g)      in-noti interni kollha tal-Kummissjoni li jirrigwardaw, esklużivament jew le, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 għall-akkwist tal-assi ta’ VUP minn Natexis SA/Investima 10 SAS, fosthom dawk skambjati bejn id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni u d-Dipartiment Legali tal-istess direttorat;

    h)      il-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Natexis li tirrigwarda, esklużivament jew le, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 għall-akkwist tal-assi ta’ VUP minn Natexis/Investima 10.

    2        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni applikazzjoni ta’ aċċess għal sett ieħor ta’ dokumenti, sabiex tużahom insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża Éditions Odile Jacobvs Il‑Kummissjoni, T‑452/04, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement SA bħala akkwirenti tal-assi ċeduti minn Lagardère, skont id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni”). Id-dokumenti intiżi kienu s-segwenti:

    a)       id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-mandatarju responsabbli sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ Lagardère waqt l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà;

    b)      il-mandat mogħti minn Lagardère lil Salustro Reydel Management SA biex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ Lagardère waqt l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà;

    ċ)      it-talbiet ta’ tibdil eventwali mill-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozz ta’ mandat u r-risposti ta’ Lagardère dwar dan is-suġġett;

    d)      il-mandat mogħti minn Lagardère lill-amministratur tal-elementi tal-assi separati (Hold Separate Manager), responsabbli mill-amministrazzjoni tal-assi skont id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà;

    e)      id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-imsemmi amministratur;

    f)      l-abbozz ta’ ftehim iffirmat fit-28 ta’ Mejju 2004 bejn Lagardère u Wendel Investissement dwar it-teħid lura tal-assi ċeduti;

    g)      l-ittra mibgħuta minn Lagardère lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ġunju 2004, li permezz tagħha din tal-aħħar intalbet tapprova lil Wendel Investissement bħala dik li ser tieħu lura l-assi ċeduti;

    h)      it-talba għal informazzjoni mibgħuta lil Lagardère mill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89, tal-11 ta’ Ġunju 2004, intiża sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-kumpannija Wendel Investissement ġewx sodisfatti;

    i)      ir-risposta ta’ Lagardère, tal-21 ta’ Ġunju 2004, għal din it-talba għall-informazzjoni;

    j)      ir-rapport tal-mandatarju li jevalwa l-offerta ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti fir-rigward ta’ kriterji ta’ approvazzjoni, li ntbagħat lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Lulju 2004.

    3        Permezz ta’ faks tal-15 ta’ Lulju 2005, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” ikkomunika lir-rikorrenti l-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2004, li tapprova l-ħatra tal-mandatarju u tal-amministratur tal-elementi tal-assi separati (dokumenti msemmija fil-punt 2(a) u (e) iktar ’il fuq), u infurmaha li d-dokumenti l-oħra ma setgħux jiġu kkomunikati lilha, peress li kienu koperti mill-eċċezzjonijiet definiti fl-ewwel sat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-ebda interess pubbliku ikbar ma seta’ jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

    4        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermattiva (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni ta’ aċċess”) dwar id-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat.

    5        Fl-14 ta’ Marzu 2005, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li t-terminu ta’ risposta għat-talba tiegħu kien ser jiġi estiż, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sas-7 ta’ April 2005, minħabba l-kumplessità tal-applikazzjoni ta’ aċċess u tan-numru ta’ dokumenti mitluba.

    2.     Id-deċiżjoni kkontestata

    6        Permezz tad-Deċiżjoni D (2005) 3286, tas-7 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonfermat ir‑rifjut tagħha ta’ żvelar tal-15 ta’ Frar 2005.

    7        Il-Kummissjoni identifikat id-dokumenti koperti mill-applikazzjoni ta’ aċċess u pprovdiet lista dettaljata, minbarra fejn jirrigwarda dawk id-dokumenti li jaqgħu taħt il-punt 1(d) iktar ’il fuq, billi l-korrispondenza bejn Lagardère u l-Kummissjoni tikkorrispondi għal madwar għoxrin fajl u li t-tħejjija ta’ lista ddettaljata kien jirrappreżenta piż amministrattiv sproporzjonat. Barra minn hekk, hija spjegat li ma kellhiex f’idejha d-dokument li jissemma fil-punt 1(f) iktar ’il fuq, u osservat li d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1(ċ) iktar ’il fuq jinkludu dawk imsemmija fil-punt 1(h).

    8        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad‑dokumenti kollha mitluba, sa fejn huma ġew ikkomunikati lid-Dipartimenti tal-Kummissjoni jew imħejjija minnhom fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kontroll u ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni ġdida u, konsegwentement, terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni. L-għan ta’ din l-investigazzjoni jkun ipperikolat jekk id-dokumenti mħejjija jew riċevuti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll ikunu saru pubbliċi f’dan l-istadju. B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-iżvelar ta’ informazzjoni li ngħatalha fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni jikser il-klima ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati, indispensabbli għall-ġbir ta’ informazzjoni li hija teħtieġ.

    9        Il-Kummissjoni tinvoka wkoll l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali, sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(b) sa (e) u (h) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(b), (ċ) (parzjalment), (d), (f), (g), (i) u (j) iktar ’il fuq, sa fejn jinkludu informazzjoni sensittiva dwar l-istrateġiji tal-impriżi kkonċernati, mibgħuta minn dawn l-impriżi lill-Kummissjoni għall-finijiet biss tal-kontroll tal-konċentrazzjoni maħsuba. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dokumenti msemmija fil-punt 1(a) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(ċ) (fir-rigward ta’ ittra mill-Kummissjoni li ntbagħtet lil Lagardère) u 2(h) iktar ’il fuq, li kollha ġew imħejjija minnha, jinkludu wkoll informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar l-impriżi kkonċernati.

    10      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, barra minnn hekk, fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għal tnejn mit-tliet noti interni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 1(g) iktar ’il fuq. Waħda hija talba għal opinjoni tad-DĠ “Kompetizzjoni” lid-dipartiment legali; l-oħra hija nota mħejjija għall-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni, li tiġbor fil-qosor l-istat tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iż-żewġ noti jirriflettu opinjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari interni, sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, u li l-proċess deċiżjonali tagħha jġarrab preġudizzju serju li kieku d-deliberazzjonijiet interni tagħha kellhom isiru pubbliċi. Hija tiddikjara li d-dipartimenti tagħha għandhom ikollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod ħieles, mingħajr ma jkun hemm ebda pressjoni esterna, sabiex il-Kummissjoni tkun infurmata bil-għan li tieħu deċiżjoni.

    11      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għal wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punt 1(g) iktar ’il fuq. Hija tenfasizza li huwa essenzjali li l-pariri legali jistgħu jingħataw bis-sinċerità, bl-oġġettività u bl-indipendenza kollha. Hija tikkunsidra li, kieku d-dipartiment legali kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-pubblikazzjoni sussegwenti tal-parir tiegħu, dan ma jiġix espress b’mod għal kollox indipendenti.

    12      Fir-rigward tad-dokumenti minn terzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kellhiex għalfejn tikkonsulta lil dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 4(4) tar‑Regolament Nru 1049/2001, sa fejn hija kkunsidrat li waħda mill‑eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kienet applikabbli u għaldaqstant kien ċar li d-dokumenti kkonċernati ma kellhomx jiġu żvelati.

    13      Il-Kummissjoni ssostni li eżaminat il-possibbiltà li tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għad-dokumenti kkonċernati, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, u eskludietha minħabba l-għadd kbir ta’ dokumenti mitluba u fid-dawl tal-fatt li kważi l-kontenut kollu tagħhom kien kopert mill-eċċezzjonijiet elenkati qabel. L-identifikazzjoni tal-partijiet ta’ dawn id-dokumenti li jistgħu jiġu kkomunikati toħloq piż amministrattiv sproporzjonat għall-interessi tal-pubbliku li jaċċedi għall-partijiet frammentarji li jirriżultaw minn tali eżerċizzju.

    14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ebda interess pubbliku ogħla ma jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija, peress li l-applikazzjoni ta’ aċċess hija bbażata fuq id-difiża tal-interessi tar-rikorrenti fil-każ quddiem il-Qorti Ġenerali, liema difiża hija ta’ interess privat u mhux pubbliku.

    15      Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ regoli speċifiċi oħra ta’ aċċess previsti, minn naħa, mir-Regolament Nru 4064/89 u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li jippermettu li parti, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, titlob l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li setgħu jikkonsistu f’applikazzjoni għall-produzzjoni ta’ dokumenti relatati mal-kawża pendenti.

    16      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-fatt li hija kommunikat applikazzjonijiet għal informazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89 annessi mar-risposta tagħha fil-Kawża T‑279/04 ma jfissirx li hija obbligata li tiżvela l-applikazzjoni għal informazzjoni mibgħuta lil Lagardère skont l-istess dispożizzjoni, imsemmija fil-punt 2(h) iktar ’il fuq. Hija tfakkar li d-dokumenti annessi man-noti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali huma kkomunikati biss għall-finijiet tal-proċeduri kkonċernati u ma humiex intiżi sabiex isiru pubbliċi, filwaqt li l-komunikazzjoni ta’ dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001 hija ekwivalenti għal pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument.

    17      Wara d-deċiżjoni kkontestata, fil-5 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura fil-Kawża T‑279/04, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti msemmija fil-punt 1(a) sa (h) iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba, id-dokument imsemmi fil-punt 1(a), jiġifieri d-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2003 li tinfetaħ investigazzjoni fil-fond abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89 fil-proċeduri inkwistjoni.

     Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fis-17 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2005, Lagardère talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    20      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali inbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat is-Sitt Awla, u konsegwentement, din il-kawża ġiet attribwita lil din l-awla.

    21      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2009, Lagardère ġiet ammessa biex tintervjeni f’din il-kawża.

    22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn wieġbu fit-terminu previst.

    23      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Lulju 2009, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1), u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti mitluba fl-intier tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 1(f) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(a) u (e), filwaqt li spjegat li dawn id-dokumenti la kienu ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti u lanqas lill-intervenjenti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Hija kkonformat ruħha ma’ din it-talba.

    24      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009.

    25      Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Settembru 2009, il-proċedura orali infetħet mill-ġdid sabiex issir domanda bil-miktub lir-rikorrenti.

    26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    27      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkudanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

     Id-dritt

    1.     Fuq is-suġġett tal-kawża

    28      Ħafna mid-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess mir-rikorrenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 intbgħatu mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, fl-intier tagħhom jew parzjalment, bħala anness mar-risposti tagħha fil-Kawżi T‑279/04 u T‑452/04 u mal-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir‑rikorrenti fil-Kawża T‑279/04. Id-dokumenti b’hekk ikkomunikati huma dawn li ġejjin:

    –        verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokument imsemmi fil-punt 1(a) iktar ’il fuq, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003 meħuda skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89 fil-proċedura inkwistjoni;

    –        verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kuntratt ta’ bejgħ iffirmat fit-3 ta’ Diċembru 2002 bejn Segex u Ecrinvest 4, minn naħa, u Lagardère, min-naħa l-oħra; dan il-kuntratt jikkorrispondi għad-dokument imsemmi fil-punt 1(b) iktar ’il fuq, kif ikkonfermaw il-Kummissjoni u Lagardère b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali;

    –        parti mid-dokument imsemmi fil-punt 1(ċ) iktar ’il fuq, jiġifieri l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u Natexis minn Settembru 2002 san-notifika tal-konċentrazzjoni, li seħħet fl-14 ta’ April 2003;

    –        id-dokument imsemmi fil-punt 2(h) iktar ’il fuq, jiġifieri t-talba għal informazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2004 mibgħuta mill-Kummissjoni lil Lagardère;

    –        verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokument imsemmi fil-punt 2(j) iktar ’il fuq, jiġifieri r-rapport tal-mandatarju dwar il-kandidatura ta’ Wendel Investissement.

    29      Ir-rikorrenti indikat li tikkunsidra, b’risposta għad-domandi bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li l-interess ġuridiku tagħha dwar dawn id-dokumenti spiċċa, peress li l-applikazzjoni ta’ aċċess ġiet sodisfatta fuq dan il-punt mill-fatt li ntbagħtu dawn id-dokumenti.

    30      Għaldaqstant, ma hemmx iżjed lok li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(h) u (j) iktar ’il fuq.

    31      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-dokument imsemmi fil-punt 1(f) iktar ’il fuq ma kienx fil-pussess tagħha.

    32      Konsegwentement, is-suġġett tal-kawża issa jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess, intier u parzjali għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d), (e), (g) u (h) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(b) sa (d), (f), (g) u (i) (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”).

    2.     Fuq l-ammissibbiltà ta’ wieħed mill-argumenti mqajma preliminarjament mill-intervenjenti

     L-argumenti tal-partijiet

    33      L-intervenjenti ssostni, preliminarjament, li l-applikazzjoni ta’ aċċess ikkontestata għandha tiġi evalwata fil-kuntest speċifiku ta’ proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Fuq dan il-punt hija ssostni b’mod partikolari, li l-aċċess għall-fajl fil-proċeduri ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet hija suġġetta għal regoli speċifiċi, previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88). Is-sistema stabbilita hija stretta. L-aċċess għall-fajl ma jkunx miftuħ għat-terzi għall-konċentrazzjoni. Dan ma jinkludi la l-informazzjoni kunfidenzjali u lanqas id-dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-aċċess jingħata biss b’riżerva li d-dokumenti miksuba jintużaw biss għall-ħtiġijiet tal-proċedura ta’ konċentrazzjoni kkonċernata. Skont il-massima lex specialis derogat legi generali, ir-regoli speċjali jidderogaw mir-regoli ġenerali. Il‑ġurisprudenza b’hekk aċċettat li d-dritt ta’ aċċess skont l-Artikolu 255 KE u tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa mwarrab mir-regoli speċjali dwar is-segretezza tal-proċeduri tal-Bordijiet tal-Għażla. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, l-eżistenza ta’ regoli speċjali għandha tostakola − jew mill-inqas tillimita − l‑applikazzjoni tar-regoli ġenerali ta’ aċċess pubbliku għal dokument. Fin-nuqqas, ir-regoli ta’ aċċess previsti fir-Regolament Nru 802/2004 ma jkollhom ebda effett utli.

    34      Ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza ta’ din l-osservazzjoni preliminari tal-intervenjenti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    35      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull waqt, tqajjem ex officio kwalunkwe raġuni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubblika, li fosthom tinsab l-ammissibbiltà ta’ argument imqajjem minn intervenjent.

    36      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom bħala suġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. Issa, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-intervenjent milli jsostni argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jkun qed isostni, dan huwa madankollu suġġett għaċ-ċirkustanza li dawn l-argumenti ma jbiddlux il-kuntest tal-kawża u li l-intervent ikun intiż dejjem għas-sostenn tat-talbiet ippreżentati minn din tal-aħħar.

    37      F’dan il-każ, l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni esklużiva tar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl previsti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma ġiex imqajjem mill-partijiet prinċipali. Issa, dan l-argument, anki fil-każ li jista’ jintlaqa’ mill-Qorti Ġenerali, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li kien adottat b’mod żbaljat abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux, kif kellu jkun, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-fajl previsti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant dan l-argument ma jsostnix it-talbiet tal-Kummissjoni, li titlob li r-rikors għal annullament jiġi miċħud.

    38      Konsegwentement, l-argument imqajjem mill-intervenjenti b’mod preliminari u bbażat fuq l-applikazzjoni esklużiva tar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl previsti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    3.     Fuq il-mertu

    39      Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti koperti mill-applikazzjoni ta’ aċċess, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt ta’ aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti mitluba u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-eċċezzjonijiet imqajma mal-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l‑iżvelar tad-dokumenti mitluba.

    40      Billi l-ewwel u t-tieni motivi huma strettament marbutin, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

     Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(2) u (3), tar-Regolament Nru 1049/2001

    41      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 75, u tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 115). Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ser jippreġudika l-interess protett b’mod konkret u effettiv u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment previdibbli u mhux biss ipotetiku. Għaldaqstant, l-eżami li trid tagħmel l-istituzzjoni sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, iktar ’il quddiem is-“sentenza VKI”, punt 69, u Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115).

    42      Dan l-eżami konkret għandu, barra minn hekk, isir għal kull dokument li jissemma’ fl-applikazzjoni. Fil-fatt, mir-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-Artikolu 4(1) sa (3) tiegħu jitqiesu li għandhom japplikaw “għal dokument” (sentenzi VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 70, u Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 116). Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn l-istess eċċezzjonijiet, l-Artikolu 4(7) tal-imsemmi regolament jipprovdi li dawn japplikaw biss waqt il-perijodu li fih il-protezzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-“kontenut tad-dokument”.

    43      Għaldaqstant eżami konkret u individwali huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarju meta, anki fil-każ li jkun jidher b’mod ċar li applikazzjoni ta’ aċċess tikkonċerna dokumenti koperti minn eċċezzjoni, huwa biss permezz ta’ eżami bħal dan li l-istituzzjoni tkun tista’ tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi VKI, punt 41, iktar ’il fuq, punt 73, u Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 117). Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat insuffiċjenti, bħala regola ġenerali, evalwazzjoni ta’ dokumenti mwettqa skont il-kategoriji pjuttost milli fir-rigward tal-elementi ta’ informazzjoni konkreti li jinsabu f’dawn id-dokumenti peress li l-eżami meħtieġ minn istituzzjoni għandu jippermettilha li tevalwa b’mod konkret jekk huwiex minnu li eċċezzjoni invokata tapplika għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-imsemmija dokumenti (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punti 74 u 76).

    44      L-obbligu għal istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni ta’ aċċess jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tiġi adottata bħala regola ġenerali (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punti 74 u 75), li tapplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, indipendentement mill-qasam li jirreferu għalih id-dokumenti mitluba.

    45      Din ir-regola ġenerali ma tfissirx madankollu li tali eżami huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, twettaq b’risposta għal applikazzjoni ta’ aċċess ippreżentata abbażi tar‑Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l‑possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, bil-kontra, li għandu jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti, qabel kollox, ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, bil-kontra, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, fl-aħħar nett, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenza VKI, punt 54 iktar ’il fuq, punt 75).

    46      Barra minn hekk, in-natura ġenerali tal-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat rifjut ta’ aċċess kif ukoll il-qosor tagħha jew in-natura sterjotipika tagħha tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżami konkret biss fil-każ fejn huwa oġġettivament possibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan id-dokument jew element essenzjali tiegħu, u, għaldaqstant, mingħajr ma jitneħħa l-għan essenzjali tal-eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sison vs Il‑Kunsill, punt 41 iktar ’il fuq, punt 84; ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kodiċi ta’ kondotta tal-1993, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il‑Kummissjoni, T‑105/95, Ġabra p. II‑313, punt 65). Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa għall‑istituzzjonijiet li ma jirreferux għal elementi li indirettament jippreġudikaw l-interessi li l-eċċezzjonijiet speċifikament għandhom bħala għan li jipproteġu hija enfasizzata b’mod partikolari fl-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 83).

    47      Fl-aħħar nett, l-istess ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata għal dokumenti li jappartjenu lill-istess kategorija, u dan hu l-każ b’mod partikolari jekk jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni. Hija mbagħad il-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-eċċezzjoni invokata tkoprix manifestament u fl-intier tagħhom id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

     Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ ispezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki, previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

    –       L-argumenti tal-partijiet

    48      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat approċċ astratt u ġenerali, mingħajr ma għamlet eżami konkret u individwali sabiex tivverifika li l-komunikazzjoni ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    49      Hija tiddikjara li x-xewqa tal-Kummissjoni li żżomm klima ta’ fiduċja mal-partijiet ikkonċernati, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, hija sekondarja, peress li dawn tal-aħħar huma legalment obbligati li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull dokument li hija tirrikjedi għal din il-proċedura.

    50      Ir-riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni allegat mill-Kummissjoni huwa, fi kwalunkwe każ, purament ipotetiku, li huwa insuffiċjenti sabiex jiġġustifika rifjut ta’ aċċess. Il-Kummissjoni ma tistax tipprova l-eżistenza ta’ tali riskju, billi l-biċċa l-kbira tad-dokumenti mitluba jirrigwardaw kwistjonijiet strettament ġuridiċi, b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, u mhux kwistjonijiet ta’ analiżi tal-kompetizzjoni, u jistgħu jippreġudikaw l-għan tal-attività’ ta’ investigazzjoni tal‑Kummissjoni fil-każ biss ta’ eżami mill-ġdid tal-proċedura fir‑rigward tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

    51      Barra minn hekk, dawn id-dokumenti kienu ntbagħtu lill-Kummissjoni mill-impriżi kkonċernati qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni, u għaldaqstant mingħajr ebda proċedura formali ta’ investigazzjoni.

    52      Il-Kummissjoni ssostni li eżaminat fil-konkret u individwalment kull dokument, kif muri mill-fatt li dawn kollha ġew identifikati b’mod ċar u enumerati, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) iktar ’il fuq, kemm fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni nnifisha, minħabba l-eċċezzjonijiet li jkopruhom. Huwa meta jintemm tali eżami li l-Kummissjoni setgħet tikkomunika lir-rikorrenti l-ittra tagħha tal-5 ta’ Frar 2004 li tapprova l-ħatra tal-mandatarju u tal-amministratur tal-elementi ta’ assi separati, li jikkorrispondu għad‑dokumenti msemmija fil-punt 2(a) u (e) iktar ’il fuq.

    53      Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tirrifletti n-natura individwali, konkreta u ddettaljata tal-eżami li sar. Huwa biss permezz ta’ eżami bir-reqqa u individwali li jista’ jiġi ddeterminat li, pereżempju, id-dokumenti msemmija fil-punt 1(h) kienu diġà elenkati fil-punt 1(ċ) jew li d-dokument imsemmi fil-punt 2(ċ) iktar ’il fuq kien l-istess bħal dak indikat fil-punt 2(a).

    54      Il-Kummissjoni ssostni li motivazzjoni individwali tista’ tippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni kkonċernata u li l-ġurisprudenza aċċettat li motivazzjoni dettaljata dwar il-kontenut ta’ dokument tista’ tiżvela informazzjoni protetta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001.

    55      Fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) iktar ’il fuq, jiġifieri, il-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u Lagardère minn Settembru 2002 san-notifika tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li eżami konkret u individwali ma huwiex rikjest meta jkun ċar li d-dokumenti kkonċernati għandhom jew ma għandhomx jiġu żvelati. Id-dokumenti msemmija jappartjenu b’mod ċar f’dan il-każ, għall-istess kategorija, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi komuni tagħhom.

    56      L-eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati, kif ukoll l-eżami sommarju tad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) iktar ’il fuq, b’hekk urew li d-dokumenti kollha kienu koperti mill-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), dwar il-protezzjoni ta’ investigazzjonijiet, u li barra minn hekk ċerti dokumenti kienu koperti totalment jew parzjalment minn eċċezzjonijiet oħra.

    57      Il-Kummissjoni tenfasizza li minkejja li l-iżvolġiment tal-investigazzjoni ntemm, din ma tistax tiġi kkunsidrata magħluqa, peress li d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament, li l-analiżi tagħha hija pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, u li fil-każ ta’ annullament l-investigazzjoni għandha terġa’ tinfetaħ. L-iżvelar ta’ dokumenti li għalihom l-aċċess ġie rrifjutat għal din ir-raġuni jesponi lill-Kummissjoni għal pressjonijiet esterni, li jostakolawha milli tagħmel l-investigazzjoni tagħha b’mod korrett fil-każ ta’ ftuħ mill‑ġdid.

    58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-klima ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u l-operaturi ekonomiċi, fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, ftit hija rilevanti, fid-dawl tal-fatt li dawn tal-aħħar huma legalment obbligati li jipprovdu kull tagħrif utli għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha. Hija tenfasizza li obbligu legali jista’ jiġi sodisfatt b’modi differenti u li l-investigazzjonijiet jistgħu jkunu iktar effettivi jekk l-impriżi ma jikkuntentawx rwieħhom biss li jissodisfaw l-obbligi minimi tagħhom, iżda jikkooperaw fi spirtu ta’ rieda tajba. Il-partijiet ikkonċernati ma jistennewx li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni għal għanijiet oħra minbarra dawk li għalihom ġew ikkomunikati, peress li din iċ-ċirkustanza tmur kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Il-periklu għal din ir-relazzjoni ta’ fiduċja, li jirrappreżenta l-iżvelar ta’ dokumenti pprovduti mill-impriżi kkonċernati lil partijiet terzi għaldaqstant ma huwiex purament ipotetiku. Il-Kummissjoni tispjega dan ir-riskju billi tikkwota l-pubblikazzjoni ta’ uffiċċju ta’ avukati li jsemmu r-riskju li l-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni tiġi sussegwentement żvelata mill-Kummissjoni.

    59      Il-Kummissjoni tfakkar li l-ġurisprudenza tirrikjedi li r-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux li tinġieb il-prova ċerta u ddettalljata ta’ tali riskju. Hija ssostni li l-fatt li d-dokumenti msemmija jkunu ntbagħtu qabel id-data tan-notifika tal-konċentrazzjoni huwa irrilevanti, peress li l-interess protett mill-eċċezzjoni kkonċernata huwa l-preżervazzjoni tal-għan tal-investigazzjoni, u mhux biss tal-investigazzjoni bħala tali, limitata għall-istadji formali tagħha. In-natura strettament kunfidenzjali tal-iskambji qabel l-imsemmija notifika hija enfasizzata mill-Kummissjoni f’dokument ippreparat minnha u intitolat “L-aħjar prattiki għat-tmexxija tal-proċeduri Komunitarji tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet” u l-iżvelar tagħhom imur kontra l-obbligi ta’ kunfidenzjalità imposti fuqha skont ir-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 287 KE.

    60      L-intervenjenti ssostni li, għalkemm ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl previsti mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u mir-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu applikati simultanjament, għar-raġuni li dawn il-liġijiet għandhom għanijiet differenti, għandu jiġi żgurat li r-regoli ta’ aċċess għall-fajl previsti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jitilfux is-sens tagħhom minħabba applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija ssostni li l-informazzjoni pprovduta mill-impriżi qabel in-notifikazzjoni uffiċjali tal-konċentrazzjoni għandhom jingħataw l-istess protezzjoni bħal dawk ipprovvduti matul il-proċedura formali, li għandhom l-għan li jippreparaw. Kull soluzzjoni oħra tippreġudika serjament l-aspettattivi leġittimi li l-impriżi seta’ kellhom meta bbażaw rwieħhom fuq il-prassi tal-Kummissjoni li tistiden li jiġu żviluppati kuntatti qabel din in-notifika uffiċjali.

    61      L-intervenjenti tikkunsidra li l-ġurisprudenza aċċettat li l-interess tal-pubbliku biex jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont il-prinċipju ta’ trasparenza għandu l-istess piż fir-rigward ta’ dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva intiża għall-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali biss fir-rigward ta’ dokument dwar proċedura fil-kuntest li fih l-istituzzjoni Komunitarja tintervjeni bħala leġiżlatur. Hija tibbaża ruħha fuq il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li għandu jiġi awtorizzat iktar aċċess għal dokumenti fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu bħala leġiżlaturi.

    62      L-argumenti l-oħra mressqa mill-intervenjenti jixtiebhu, essenzjalment, għal dawk tal-Kummissjoni.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    63      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għan ta’ spezzjonijiet, ta’ invesitgazzjoni u ta’ verifika, sakemm ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

    64      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti kontenzjużi kollha kienu koperti mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ investigazzjonijiet previst mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    65      Għandu jiġi osservat li hija l-istituzzjoni kkonċernata, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 41 sa 47 iktar ’il fuq, li għandha teżamina jekk, l-ewwel nett, id-dokument li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni ta’ aċċess jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudikax fil-konkret u effettivament l-interess protett u t-tielet nett, fl-affermattiv, jekk il-bżonn ta’ protezzjoni japplikax għad-dokument fl-intier tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, Ġabra p. II‑11, punt 88).

    66      Qabel kollox għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidratx li d-dokumenti kollha li għalihom intalab l-aċċess kienu relatati mal-investigazzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li ċerti dokumenti koperti mill-applikazzjoni ta’ aċċess intbagħtu mill-impriżi kkonċernati qabel in-notifika tal-proċedura ta’ konċentrazzjoni, mingħajr ebda proċedura formali prevista mir-Regolament Nru 4064/89.

    67      Id-dokumenti kkomunikati qabel l-14 ta’ April 2003 kienu kkomunikati skont il-proċedura informali, imsejħa “ta’ qabel in-notifika”. Minkejja l-informalità ta’ din il-proċedura fid-data li ntbagħtu d-dokumenti, dawn id-dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-investigazzjoni li saret mill-Kummissjoni għall-kontroll tal-proċeduri ta’ konċentrazzjonijiet. Huma tpoġġew fil-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċedura inkwistjoni, kif tindika l-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” tal-14 ta’ Frar 2005, li tidentifika dawn id-dokumenti bħala li jagħmlu parti minn dan il-fajl, kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, li tispjega li d-dokumenti kollha mitluba kienu “imħejjija jew riċevuti fil-kuntest tal-ipproċessar [tal-proċedura inkwistjoni]”. Minn dan jirriżulta li d-dokumenti kollha mitluba jikkonċernaw attività ta’ investigazzjoni.

    68      Madankollu, il-fatt li dokument jikkonċerna attività ta’ investigazzjoni ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-eċċezzjoni invokata. Skont il-ġurisprudenza, kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni għandha tiġi interpretata u applikata strettament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isveżja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 66, u tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, iktar ’il quddiem is-“sentenza Turco”, punt 36; sentenza Franchet u Byk, punt 41 iktar ’il quddiem, punt 84).

    69      Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija eċċezzjonijiet, l‑Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi barra minn hekk li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament japplikaw biss matul il-perijodu li matulu l-protezzjoni hija ġġustifikata fid-dawl “tal-kontenut tad-dokument”.

    70      Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ investigazzjonijiet kinitx għadha applikabbli, ratione temporis, minkejja li l-investigazzjoni inkwistjoni kienet wasslet għall‑adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, li ma kinux għadhom finali, fid-dawl taż-żewġ rikorsi pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annulament tagħhom (Kawżi T‑279/04 u T‑452/04).

    71      Huwa paċifiku li l-investigazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontroll tagħha tal-konċentrazzjoni, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tas-7 ta’ Jannar 2004, u tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, intemmet fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-7 ta’ April 2005. Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, hija jkollha tadotta deċiżjoni ġdida, u għaldaqstant terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni u li l-għan ta’ din l-investigazzjoni jkun kjarament ipperikolat jekk id-dokumenti mħejjija jew riċevuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll ikkonċernata jkunu saru pubbliċi.

    72      Skont il-ġurisprudenza, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi li tipproteġi “l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki”, huwa applikabbli biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jgħaddi mir-riskju li jipperikola t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza Franchet u Byk, punt 41 iktar ’il fuq, punt 109).

    73      Ċertament, l-atti differenti ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika sakemm jiżvolġu l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni, anki jekk l-investigazzjoni jew spezzjoni li jkunu taw lok għar-rapport li għalih ġie mitlub aċċess intemmew (ara s-sentenza Franchet u Byk, punt 41 iktar ’il fuq, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74      Madankollu, li jiġi aċċettat li d-dokumenti differenti relatati mal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika huma koperti bl-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm il-proċeduri li jsegwu ma jkunux ġew deċiżi, iwassal biex jissuġġetta l-aċċess għal dawn id-dokumenti għall‑avveniment inċert, futur u eventwalment iktar ’il bogħod, skont il‑ħeffa u d-diliġenza tal-awtoritajiet differenti (sentenza Franchet u Byk, punt 41 iktar ’il fuq, punt 111).

    75      Tali soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bil-għan li tingħata liċ-ċittadini l-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk, punt 41 iktar ’il fuq, punt 112).

    76      F’dan il-każ, li jiġi aċċettat li d-dokumenti mitluba dejjem huma koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sakemm id-deċiżjonijiet ta’ kompatibbiltà u ta’ approvazzjoni adottati wara l-investigazzjoni kkonċernata ma humiex definittivi, jiġifieri, sakemm il-Qorti Ġenerali u, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux ċaħdu r-rikorsi mressqa kontrihom jew, f’każ ta’ kanċellazzjoni, sakemm deċiżjoni ġdida jew deċiżjonijiet diversi ġodda ma jkunux ġew adottati mill-Kummissjoni, ifisser li jkun qed jiġi ssuġġettat l-aċċess għal dawn id-dokumenti għal avveniment każwali, futur u eventwalment iktar ’il bogħod.

    77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dokumenti mitluba ma jaqgħux, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni.

    78      Għaldaqstant għandu jiġi osservat li, anki jekk dawn id-dokumenti setgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

    79      Sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li tiżvela d-dokumenti mitluba, il‑Kummissjoni tinvoka qabel kollox, fid-deċiżjoni kkontestata, il-perikolu għall-għan tal-investigazzjoni li hija għandha tiftaħ mill-ġdid fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, jekk dokumenti mħejjija jew riċevuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jsiru pubbliċi f’dan l-istadju.

    80      Sussegwentement, il-Kummissjoni tiddikjara, fid-deċiżjoni kkontestata, li, b’mod iktar ġenerali, l-iżvelar ta’ informazzjoni mogħtija lilha fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jikser il-klima ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni bejnha u l-partijiet ikkonċernati, li hija indispensabbli sabiex hija tkun tista’ tiġbor l-informazzjoni kollha li teħtieġ sabiex twettaq tali investigazzjonijiet u tieħu deċiżjonijiet fondati fis-suġġett.

    81      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tispjega li kull wieħed mid-dokumenti msemmija fih informazzjoni relatata mal-istrateġija kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, kummenti jew talbiet min-naħa tagħha jew reazzjonijiet ta’ impriżi għall-fehmiet espressi minnha.

    82      Tali dikjarazzjonijiet huma vagi u ġenerali wisq u ma humiex ibbażati fuq xi prova rilevanti għal dan il-każ. L-istess raġunament jista’ japplika għad-dokumenti kollha mogħtija fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, peress li l-motivazzjoni astratta u ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni ma tirreferix għall-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni.

    83      L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, minn naħa, motivazzjoni individwali tista’ tippreġudika l-interess protett u, min-naħa l-oħra, motivazzjoni dettaljata fir-rigward tal-kontenut ta’ dokument jista’ jiżvela informazzjoni protetta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir‑Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni tista’ tagħti u tispeċifika, għal kull dokument inkwistjoni, espożizzjoni tar-raġunijiet li għalihom dan id-dokument kien, parzjalment jew le, kopert mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni, mingħajr b’daqshekk ma din l-eċċezzjoni titlef l-għan tagħha, u lanqas ma tiġi ppreġudikata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni li hija intiża, minħabba din l-eċċezzjoni, li tibqa’ sigrieta.

    84      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li la l-istabbiliment ta’ inventarju dettaljat tad-dokumenti mitluba, u lanqas it-tqassim ta’ dawn id‑dokumenti fost l-eċċezzjonijiet varji invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tagħha ta’ aċċess, u lanqas l-aċċess mogħti lil ċerti dokumenti mitluba ma huma, fihom infushom, kapaċi li juru li sar eżami konkret u individwali tad-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat.

    85      Fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) iktar ’il fuq, jiġifieri l-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Lagardère minn Settembru 2002 san-notifika tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li eżami konkret u individwali ma huwiex rikjest meta jkun ċar li d-dokumenti kkonċernati għandhom jew ma għandhomx jiġu żvelati.

    86      Kif ġie enfasizzat fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi, ċertament, li eżami konkret u individwali jista’ ma jkunx neċessarju meta jkun manifest li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew għall-kuntrarju jingħata. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha miżmum minn din l-istituzzjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha mħejjija jew riċevuti minnha u li huma fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat li, f’termini ta’ konċentrazzjoni, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati tiġi kkunsidrata bħala manifestament koperta mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Għalkemm din l-eċċezzjoni hija, jekk ikun il-każ, applikabbli għal ċerti dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni jew li kienu kkomunikati lilha, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tad-dokumenti kollha jew ta’ dawn id-dokumenti fl-intier tagħhom. Għall-inqas, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura dan permezz ta’ eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument, meħtieġ mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament 1049/2001.

    87      L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, b’mod ġenerali, l-iżvelar ta’ informazzjoni li ngħatatat lilha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni jikser il-klima ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni bejnha u l-partijiet ikkonċernati għandu wkoll jiġi miċħud. Tali kunsiderazzjonijiet huma wkoll vagi wisq u ġenerali wisq sabiex juru l-eżistenza ta’ riskju reali, li huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, ta’ preġudizzju għall-interess protett inkwistjoni. L-eżami li għandu jsir mill-istituzzjoni sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni (sentenzi VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 69, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 115). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet in abstracto fuq il-preġudizzju li l-iżvelar tad‑dokumenti kkonċernati jista’ jikkawża fuq l-attività ta’ investigazzjoni tagħha, mingħajr ma wriet, kif inhu mitlub mil-liġi, li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

    88      Ċertament, il-Kummissjoni ppruvat tiddeskrivi dan ir-riskju billi tirreferi, fir-risposta tagħha, għall-pubblikazzjoni ta’ uffiċċju ta’ avukati, li stiednet, wara s-sentenza VKI, punt 41, iktar ’il fuq, lill-impriżi li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni biex juru l-attenzjoni meħtieġa meta jibgħatu informazzjoni lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-riskju ta’ żvelar sussegwenti skont id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Minbarra l-fatt li n-natura konkreta tal-eżami li sar mill-Kummissjoni għandha tirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni u mhux mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-fattur ma huwiex tali, fih innifsu, li juri li r-riskju allegat mill-Kummissjoni huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Irrispettivament mill-attenzjoni li l-impriżi kkonċernati għandhom l-obbligu li josservaw, għal raġunijiet li tagħhom stess, l-istess impriżi ma jistgħux jaħarbu mill-obbligu legali tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni bħala parti mill-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    89      L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li jgħid li “Informazzjoni miksuba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament [imsemmi] għandha tintuża biss għall-iskopijiet tat-talba [applikazzjoni], investigazzjoni jew seduta relevanti” lanqas ma huwa konvinċenti. Din id-dispożizzjoni, li l-kitba tagħha hija essenzjalment simili għall-verżjoni msemmija mill-Kummissjoni jew dik applikabbli għal dan il-każ, jiġifieri r-Regolament Nru 4064/89, turi l-mod kif il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni mogħtija u ma tirregolax l-aċċess għad-dokumenti protetti mir-Regolament Nru 1049/2001. Hija ma tistax tiġi interpretata bħala li tostakola l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti protetti mill-Artikolu 255 KE u mir-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, hija għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li jeskludi biss l-iżvelar tal-informazzjoni “koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali”. Għaldaqstant l‑impriżi nnotifikati kellhom jistennew li l-informazzjoni miġbura mhux koperta mis-sigriet professjonali tiġi żvelata.

    90      Issa, skont il-ġurisprudenza, sa fejn il-pubbliku għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu ċerta informazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija tat-tip kopert, min-natura tagħha, mill-obbligu tas-sigriet professjonali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 74). Għaldaqstant l-obbligu tas-sigriet professjonali ma għandhux portata tali li jista’ jiġġustifika rifjut ta’ aċċess ġenerali u astratt għad-dokumenti mibgħuta fil-kuntest tan-notifika ta’ konċentrazzjoni. Ċertament, la l-Artikolu 287 KE u lanqas ir-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004 ma jindikaw b’mod eżawrjenti liema informazzjoni hija koperta, min-natura tagħha, mis-sigriet professjonali. Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2) ta’ dawn ir-regolamenti, jirriżulta li l-informazzjoni kollha miġbura mhux neċessarjament hija koperta mis-sigriet professjonali. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi kontra l-iżvelar tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interess ġenerali li jitlob li attivitajiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji jiżvolġu fl-ikbar rispett possibbli għall-prinċipju ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tribunal Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punti 63 sa 66).

    91      Fit-twettiq tal-eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni b’hekk tista’ tiżgura l-effettività tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, f’konsistenza sħiħa mar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li l-obbligu tas-sigriet professjonali, li jirriżulta mill-Artikolu 287 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004, ma huwiex tali li jeżenta lill-Kummissjoni mill-analiżi speċifika ta’ kull dokument inkwistjoni, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    92      Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tressaq id-dikjarazzjoni li tgħid li l-iżvelar tad-dokumenti mibgħuta mill‑impriżi kkonċernati qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni jikser l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li għandha skont l-Artikolu 287 KE, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004 u ta’ dokument imħejji minnha, intitolat “Prattiki aħjar għall-iżvolġiment ta’ proċeduri Komunitarji ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet”.

    93      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud, għar-raġunijiet iddikjarati fil-punt 90 iktar ’il fuq.

    94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li la l-Artikolu 287 KE u lanqas l-Artikolu 17 tar-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004 ma jistgħu jopponu l-iżvelar ta’ dokument li ma jkunx kopert minn waħda mill‑eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    95      Dan japplika a fortiori wkoll għall-fehmiet li jinsabu fid-dokument imħejji mill-Kummissjoni u intitolat “Proċeduri aħjar għall-iżvolġiment ta’ proċeduri Komunitarji ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet”. Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi deċiż jekk dan huwiex strument legali vinkolanti u, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk dan huwiex att li jipproduċi effetti legali, għandu jiġi osservat li dan id-dokument, li ma huwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u li l-punt 2.4 tiegħu espressament jispjega li huwa la joħloq u lanqas ibiddel id-drittijiet jew l-obbligi stabbiliti bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ma jipprekludix l-iżvelar ta’ dokument li l-aċċess tiegħu huwa ggarantit mill-Artikolu 255 KE u mir-Regolament Nru 1049/2001.

    96      Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba hijiex koperta mis-sigriet professjonali, minbarra li teżamina wkoll il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata skont ir-Regolament 1049/2001.

    97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba minħabba li kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għan ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifiki, għalkemm dawn id-dokumenti ma kinux jaqgħu iżjed, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li kien sar eżami individwali ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti.

    98      Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità fuq dan il-punt.

    99      Madankollu d-dokumenti kontenzjużi kollha li l-aċċess għalihom ġie miċħud mill-Kummissjoni jistgħu jibqgħu koperti, skont id-deċiżjoni kkontestata, minn waħda mill-eċċezzjonijiet l-oħra għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-legalità tar-rifjut ta’ żvelar sa fejn hija bbażata fuq l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, tal-proċedura deċiżjonali tal-Kummissjoni u tal-pariri legali.

    Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

    –       L-argumenti tal-partijiet

    100    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat approċċ astratt u ġenerali, mingħajr ma għamlet eżami konkret u individwali sabiex tivverifika li l-komunikazzjoni ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba effettivament jista’ ppreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni. Il-Kummissjoni ma wrietx li r-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

    101    Skont ir-rikorrenti, hija l-Kummissjoni li għandha tidentifika u tiżola s-sigrieti kummerċjali li jistgħu jkunu suġġetti għal protezzjoni speċjali u li tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-argument li d-dokumenti mitluba jista’ jkun fihom daqstant informazzjoni kummerċjali sensittiva, hekk li jirrigwardaw għal parti kbira tagħhom l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, jew kwistjoni ta’ natura legali, u mhux kummerċjali.

    102    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma kkonsultatx lill-impriżi li l-interessi kummerċjali tagħhom huma affettwati u hija kkomunikat, fil-kuntest ta’ proċeduri oħra pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ċerti dokumenti li hija tallega li jaqgħu taħt is-sigriet kummerċjali, mingħajr ma tirreferi għall-awturi tagħhom.

    103    Il-Kummissjoni tenfasizza li elenkat speċifikament fid-deċiżjoni kkontestata d-dokumenti li għalihom l-eċċezzjoni kkonċernata tapplika u indikat in-natura tal-informazzjoni li fihom, jiġifieri informazzjoni sensittiva dwar l-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni. Hija għamlet eżami individwali u konkret tad-dokumenti mitluba, ħlief fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) iktar ’il fuq, li eżami fil-qosor tagħhom kien jippermetti li jiġi konkluż li huma ma setgħux jiġu żvelati mingħajr ma jippreġudikaw l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Hija ssostni li motivazzjoni individwali tista’ tippreġudika l-interess protett u li l-ġurisprudenza aċċettat li motivazzjoni dettaljata fir-rigward tal-kontenut ta’ dokument tista’ tiżvela informazzjoni protetta.

    104    Ma kienx ikun possibbli għaliha li tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti mitluba u b’hekk jingħata aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti, peress li dawn tal-aħħar huma koperti fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni waħda jew diversi eċċezzjonijiet. Il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali li ntbagħtu lill-Kummissjoni mill-impriżi kkonċernati għandhom l-għan biss li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom u għalhekk ma jistgħux, fuq din il-bażi biss, ikunu żvelati lill-pubbliku skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Fin-nuqqas, ir-regoli speċifiċi previsti dwar l-aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jitilfu s-sens tagħhom.

    105    Il-kontenut tad-dokumenti ma huwiex limitat għal kwistjonijiet strettament legali, peress li jirrigwarda l-kuntratt ta’ ċessjoni, il-korrispondenza skambjata fuq dan is-suġġett, il-kuntratt li permezz tiegħu Natexis saret proprjetarja tal-ishma VUP, il-mandat dwar il-verifika tal-osservanza tal-impenji ta’ Lagardère, il-mandat mogħti lill-amministratur tal-assi separati, l-abbozz ta’ ftehim bejn Lagardère u Wendel Investissement u d-dokumenti relatati ma’ dan l‑abbozz ta’ ftehim. Dawn id-dokumenti kollha jirriflettu l-istrateġija kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Il-partijiet li għamlu notifika kienu espressament indikaw in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti li ssottomettew lill-Kummissjoni. In-natura reċenti ta’ din l-informazzjoni ma tippermettix li jiġi allegat li huma tilfu l-kunfidenzjalità tagħhom tul iż-żmien.

    106    Fir-rigward tad-dokumenti ta’ partijiet terzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ma hijiex obbligata li tikkonsulta t-terz ikkonċernat sabiex tiddetermina jekk eċċezzjoni hijiex applikabbli, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat. Dan huwa l-każ hawnhekk. Fir-rigward tad-dokumenti li hija l-awtur tagħhom, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma setgħetx tikkonsulta t-terzi kkonċernati, peress li tali konsultazzjoni hija prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 biss għad-dokumenti mħejjija minn terz.

    107    Il-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba hija wkoll ipprojbita mill-Artikolu 287 KE, li jimponi fuq il-membri u l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet sabiex ma jikxfux informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali, li jinkludu s-sigrieti kummerċjali. Dan l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali jinsab ukoll fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 139/2004. L-Artikolu 18(3) ta’ dawn iż-żewġ regolamenti jissuġġetta wkoll l-aċċess għall-fajl għar-rispett tal-interess leġittimu tal-impriżi sabiex is-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati.

    108    L-intervenjenti ssostni b’mod partikolari li s-sigrieti kummerċjali jgawdu, fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, minn protezzjoni partikolari skont l-Artikolu 287 KE, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 802/2004. L-argumenti l-oħra mressqa mill-intervenjenti huma simili, essenzjalment, għal dawk tal-Kummissjoni.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    109    Skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet jirrrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-“interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali”.

    110    L-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[f]ir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat”.

    111    Il-Kummissjoni tikkunsidra li fost id-dokumenti kontenzjużi, id‑dokumenti msemmija fil-punt 1(d), (e) u (h), u fil-punt 2(b), (ċ)(in parti), (d), (f), (g) u (i) huma koperti, mill-inqas parzjalment, mill‑eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

    112    Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

    113    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, uħud mid-dokumenti li għalihom din l-eċċezzjoni qed tintalab jistgħu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal‑interessi kummerċjali. Fil-fatt, minħabba l-għan tagħhom stess, jista’ jkun li dawn id-dokumenti, kif tenfasizza d-deċiżjoni kkontestata, jinkludu informazzjoni dwar l-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

    114    Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tad-dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jippreġudikawx konkretament u effettivament l-interess protett.

    115    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-eżami li għandha tagħmel l-istituzzjoni sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni.

    116    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat l-iżvelar tad-dokumenti elenkati fil-punt 111 iktar ’il fuq, peress li dawn id-dokumenti jinkludu informazzjoni sensittiva dwar l-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant l-iżvelar tagħhom b’mod ċar jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

    117    Madankollu minn dawn ir-raġunijiet ma jirriżultax li sar eżami konkret u individwali tal-imsemmija dokumenti. Il-motivazzjoni astratta u ġenerali pprovduta mill-Kummissjoni ma tirreferix għall-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni. Ġustifikazzjoni simili tista’ tiġi applikata għad-dokumenti l-oħra kollha ppreżentati, fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni.

    118    Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi li fihom l-istituzzjoni kkonċernata tista’, skont il-ġurisprudenza (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 75), tiddispensa minn eżami konkret u individwali ma humiex sodisfatti.

    119    Fil-fatt mill-konstatazzjoni li saret fil-punt 86 iktar ’il fuq jirriżulta li ma jistax jiġi aċċettat li d-dokumenti kollha li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat b’applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali huma koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn din l-eċċezzjoni.

    120    Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li kien oġġettivament impossibbli għall-Kummissjoni li tagħti r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument mingħajr ma tiżvela l-kontenut ta’ dan id-dokument jew element essenzjali tiegħu u, għaldaqstant, mingħajr ma’ jitneħħa l-għan essenzjali tal-eċċezzjoni, li jista’ jiġġustifika l-ġeneralità, il-qosor u n-natura sterjotipata tal-motivazzjoni (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, punt 46 iktar ’il fuq, punt 83, u s-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, punt 41 iktar ’il fuq, punt 84; ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kodiċi ta’ kondotta tal-1993, is-sentenza WWF UK vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 65).

    121    Il-Kummissjoni setgħet fil-fatt tiddeskrivi l-kontenut ta’ kull dokument u tispjega n-natura tal-informazzjoni kunfidenzjali, mingħajr b’dan il-mod ma tikxifha. L-obbligu li għandhom l-impriżi li taw informazzjoni lill-Kummissjoni, li jindikaw dik l-informazzjoni li huma jikkunsidraw bħala kunfidenzjali u jibgħatu verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti mibgħuta, prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 447/98, tal-1 ta’ Marzu 1998, dwar n-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament Nru 4064/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 284), li jippermetti lill-Kummissjoni, għall-inqas, li tagħti raġunijiet b’mod preċiż għar‑rifjut ta’ aċċess għal kull dokument, mingħajr ma tikxef l-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fid-dokumenti.

    122    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ lista li tidentifika d-dokumenti elenkati fil-punt 1(d) iktar ’il fuq, jiġifieri, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u Lagardère, il-Kummissjoni ssostni li din il-korrispondenza hija mifruxa fuq xi għoxrin fajl, b’tali mod li t-tħejjija ta’ lista dettaljata għal kull dokument individwali tirrappreżenta piż amministrattiv sproporzjonat. Hija tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li ħadet inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ dokumenti kollha flimkien, u tiddikjara, u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li hija kienet awtorizzata li tirrifjuta l-aċċess għal dawn id-dokumenti wara eżami fil-qosor, peress li dawn id-dokumenti huma manifestament u kompletament koperti mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

    123    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Kif ġie osservat fil-punt 86 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha mħejjija jew riċevuti minnha u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk ma jistax jiġi aċċettat li, fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati tiġi kkunsidrata bħala manifestament koperta mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Għalkemm din l-eċċezzjoni hija, jekk ikun il-każ, applikabbli għal ċerti dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni jew li jkunu ġew ikkomunikati lilha, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tad-dokumenti kollha jew ta’ dawn id-dokumenti fl-intier tagħhom. Għall-inqas, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura ruħha minn dan permezz ta’ eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument, meħtieġ mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

    124    L-argument tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti bbażat fuq ir-rispett tas-segretezza professjonali, iggarantit mill-Artikolu 287 KE u mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 4064/89, u tas-sigrieti kummerċjali, kif inhu ggarantit mill-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, għandu wkoll jiġi miċħud. Kif ġie mfakkar fil-punt 90 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, sa fejn il-pubbliku għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu ċerta informazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata, min-natura tagħha, bħala koperta bis-sigriet professjonali jew mill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 74).

    125    Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli ma kkonsultatx l-impriżi li l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tagħhom tista’ tiġi ppreġudikata mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

    126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ dokumenti li ġejjin minn terz, l-istituzzjoni tikkonsulta lit-terz sabiex jiġi ddeterminat jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament hijiex applikabbli, sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati li jikkonsultaw lit-terz kkonċernat jekk jidher b’mod ċar li d-dokument għandu jiġi żvelat jew li ma għandux jiġi żvelat. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw it-terz inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tat-terz ikkonċernat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonjiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, T‑168/02, Ġabra p. II‑4135, punt 55, u Terezakis vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 54).

    127    In-nuqqas ta’ konsultazzjoni tat-terzi awturi ta’ dokumenti hija għaldaqstant konformi mar-Regolament Nru 1049/2001 biss jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament tapplika b’mod ċar għad-dokumenti inkwistjoni. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kif ġie kkonstatat fil-punti 63 sa 98 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u fil-punti 109 sa 124 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

    128    Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ġustament sostniet li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdix proċedura għall-konsultazzjoni tat-terzi għal dokumenti ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, l-ilment magħmul mir-rikorrenti ma huwiex legalment validu sa fejn jirrigwarda d-dokumenti li l-Kummissjoni hija l-awtur tagħhom.

    129    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn hija applikat l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d), (e) u (h) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(b), (ċ) (parzjalment), (d), (f), (g) u (i) iktar ’il fuq, mingħajr ma jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li l-eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti jkun sar u mingħajr ma jkunu ġew ikkonsultati t-terzi awturi ta’ xi wħud minn dawn id-dokumenti, fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti tagħhom.

    Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

    –       L-argumenti tal-partijiet

    130    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat approċċ ġenerali u astratt, mingħajr ma sar eżami konkret u individwali sabiex tivverifika li l-komunikazzjoni ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba tista’ effettivament tippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni. Il-Kummissjoni ma wrietx li r-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

    131    Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni, meta tinvoka din l-eċċezzjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(g) iktar ’il fuq, tikkontradixxi l-argument li hija żviluppat għad-difiża tagħha fil-Kawża T‑279/04, li biha hija ssostni li d-deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 għall-akkwist tal-assi ta’ VUP minn Natexis/Investima 10 ma kellha ebda konsegwenza fuq id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, u għalhekk li eventwali applikazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax taffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni. B’hekk hija tikser il-prinċipju venire contra factum proprium.

    132    Skont ir-rikorrenti, id-dokumenti jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ punt ta’ liġi u għaldaqstant ma jikkostitwixxux atti preparatorji li l-iżvelar tagħhom għandu jiġi rrifjutat. Fi kwalunkwe każ, il-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ta’ interess pubbliku peress li tiċċara l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89.

    133    Il-Kummissjoni tosserva li l-evalwazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni tal-kompatibbiltà hija kwistjoni separata minn dik tal-legalità tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 u għaldaqstant tikkontesta r-rilevanza tal-argument tar-rikorrenti. Iż-żewġ dokumenti mitluba li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat sabiex jiġi protett il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni huma dokumenti interni tal‑Kummissjoni, li jinkludu deliberazzjonijiet interni dwar il-proċedura inkwistjoni. L-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali sa fejn dan huwa indispensabbli sabiex tinżamm il-kapaċità tad-dipartimenti tal‑Kummissjoni li jinvestigaw liberament il-każijiet li huma responsabbli minnhom, imħarsa minn pressjonijiet esterni, sabiex hija tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’għarfien sħiħ tal-fatti tal-każ.

    134    Il-protezzjoni ta’ dawn id-dokumenti preparatorji hija iktar u iktar neċessarja meta d-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ dawn id-dokumenti tkun suġġetta għal rikors għal annullament u meta għaldaqstant dawn id-dokumenti jibqgħu rilevanti fil-każ ta’ annullament.

    135    L-argumenti mressqa mill-intervenjenti huma essenzjalment simili għal dawk tal-Kummissjoni.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    136    Skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, “Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

    137    L-aċċess għal tnejn mit-tliet noti tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 1(g) iktar ’il fuq, ġie rrifjutat mill-Kummissjoni skont l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din hija nota tal-10 ta’ Frar 2002 tad-DĠ “Kompetizzjoni” għas-Servizz Legali tal-Kummissjoni, li titlob parir dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, u tan-nota tal-4 ta’ Novembru 2002 li ġabret fil-qosor l-istat tal-każ, li sar mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni.

    138    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti, li ġew komunikati lill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) huma dokumenti preparatorji għad-deċiżjoni finali u ġew skambjati fi ħdan il-Kummissjoni sabiex ikun jista’ jsir l-abbozzar tad-dokumenti li jifformalizzaw it-teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni. Huma jinkludu “opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    139    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminatr jekk ir-rfjut ta’ aċċess għad-dokumenti interni mitluba, f’dan il-każ, huwiex ġustifikat mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni.

    140    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni timplika li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, Ġabra p. II‑335, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    141    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali għandu jkun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. Issa, l-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali, imsemmija mill-istituzzjoni dwar l-iżvelar tad-dokumenti msemmija (sentenza Muñiz vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 75).

    142    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għad-dannu serju li jġarrab il-proċess deċiżjonali li kieku d-deliberazzjonijiet interni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar dan il-każ kellhom isiru pubbliċi. Hija tenfasizza l-importanza marbuta maċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprepara d-deċiżjonijiet tagħha bis-serenità sħiħa, imħarsa minn kwalunkwe pressjoni esterna u li d-dipartimenti tagħha jistgħu liberament jesprimu l-fehmiet tagħhom sabiex jiċċaraw it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Skont hi, id-dritt, għall-membri tal-persunal tal-Kummissjoni, li jifformulaw tali fehmiet, jonqos serjament jekk ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwalità ta’ pubblikazzjoni.

    143    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-ġustifikazzjonijiet huma invokati b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma huma ssostanzjati minn argumenti dettaljati fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni. Tali kunsiderazzjonijiet b’hekk jistgħu jisemmew fir-rigward ta’ kwalunkwe dokument simili. Għaldaqstant, huma ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba f’dan il-każ, taħt piena li jippreġudikaw il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u speċjalment dik prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament.

    144    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wrietx li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija applikabbli għad-dokumenti interni mitluba.

    145    Għaldaqstant, ir-rifjut ta’ aċċess sħiħ għad-dokumenti interni mitluba għandu jiġi annullat minħabba żball ta’ liġi, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar.

    Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

    –       L-argumenti tal-partijiet

    146    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat approċċ astratt u ġenerali, mingħajr ma għamlet eżami konkret u individwali sabiex jiġi vverifikat li l-komunikazzjoni tan-nota tad-dipartiment legali mitluba effettivament tippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni. Il-Kummissjoni ma wrietx li r-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

    147    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-parir tad-dipartiment legali tal-Kumissjoni, imsemmi fil-punt 1(g) iktar ’il fuq, għandu jiġi żvelat, sabiex it-terzi u l-Qorti Ġenerali jkunu jistgħu jistħarrġu l-mod li bih ir-regola ta’ dritt prevista fl-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 ġiet interpretata u applikata mill-Kummissjoni.

    148    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-protezzjoni tal-indipendenza tad-dipartiment legali tagħha sabiex tiċħad l-aċċess għal dan id-dokument, peress li hija marbuta li tossserva l-obbligu ta’ trasparenza, li jiggarantixxi, skont id-dispożizzjonijiet tal-preambolu tar-Regolament Nru 1049/2001, l-ikbar leġittimità, effettività u responsabbiltà tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika. Ir-rifjut ta’ aċċess oppost mill-Kummissjoni, pjuttost milli jsaħħaħ l-indipendenza tal-pariri legali tagħha, isaħħaħ l-idea li d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà ma ngħatatx b’mod awtonomu.

    149    Il-Kummissjoni tosserva li l-aċċess għal dokumenti previst mir-Regolament Nru 1049/2001 huwa mogħti jew irrfjutat irrispettivament mill-interessi speċifiċi jew mir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti tixtieq li jkollha aċċess għad-dokumenti mitluba. L-argumenti invokati mir-rikorrenti huma għaldaqstant irrilevanti. L-iżvelar tal-parir legali inkwistjoni jiddependi biss fuq il-preġuddizju li dan l-iżvelar jista’ jikkawża għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija pariri. L-eċċezzjoni dwar il-pariri legali hija intiża sabiex tipproteġi l-indipendenza tagħhom u sabiex tiżgura li dawn il-pariri jistgħu jingħataw bl-onestà u bl-oġġettività kollha. Il-parir inkwistjoni kien iintiż biss sabiex jinforma lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-iżvelar tiegħu jwassal lid-dipartimenti legali ta’ din l-istituzzjoni sabiex tħejji l-pariri tagħha b’mod iktar imrażżan, u b’hekk l-istituzzjoni ma jkollhiex strument essenzjali għat-twettiq tajjeb tal-missjoni tagħha.

    150    Il-Kummissjoni tosserva li hemm limiti li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont l-Artikolu 255(2) KE. Għaldaqstant, l-invokazzjoni tal-obbligu ta’ trasparenza mir-rikorrenti ma tistax twaqqa’ l-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    151    Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument mitlub jagħti lok għas-suspett li hija ma adottatx id-deċiżjoni tagħha b’mod indipendenti. Hija tfakkar li hija għandha l-obbligu li tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 huma sodisfatti u għaldaqstant hija ma tistax tagħti l-aċċess għal dokument kopert minn eċċezzjoni sabiex tirribatti akkużi ta’ frodi.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    152    Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji u tal-pariri legali, sakemm interess pubbliku ikbar ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument mitlub.

    153    Il-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela l-parir tad-dipartiment legali tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, dokument imsemmi fil-punt 1(g) iktar ’il fuq, billi bbażat ruħha fuq din id-dispożizzjoni.

    154    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi dokument, ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) jinkludi, lil hinn mill-isem tiegħu, parir legali mogħti mid-dipartiment legali tal-Kummissjoni. Dan id-dokument għaldaqstant għandu jitqies, fl-intier tiegħu, bħala parir legali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

    155    Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar ta’ dan il-parir jistax jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    156    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni dwar il-pariri legali għandha tiġi interpretata bħala intiża sabiex tipproteġi l-interess tal-Kummissjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti. Ir-riskju li jkun ippreġudikat dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku. (sentenza Turco, punt 68 iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

    157    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika r-rifjut li jiġi żvelat il-parir ikkonċernat peress li l-pariri legali huma dokumenti interni maħsuba essenzjalment sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni u lid-dipartimenti tagħha opinjonijiet dwar kwistjonijiet legali, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni u d-dipartimenti tagħha jadottaw il-pożizzjonijiet finali tagħhom. Huwa essenzjali li dawn il-pariri jistgħu jingħataw bis-sinċerità u bl-oġġettività kollha. F’dan il-każ, il-komunikazzjoni tal-parir tad-dipartiment legali tal-Kummissjoni, kif ukoll domandi mressqa lilha mid-DĠ “Kompetizzjoni”, iwassal sabiex diskussjoni interna dwar il-portata tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 issir pubblika. Għalkemm l-imsemmi dipartiment legali jmissu ħa inkunsiderazzjoni l-pubblikazzjoni sussegwenti tal-parir tiegħu, dan il-parir ma jiġix espress b’mod totalment indipendenti. Għaldaqstant, l-abbozzar ta’ opinjoni bil-miktub dwar din il-kwistjoni jitlef l-interess kollu tiegħu, li jċaħħad lill-Kummissjoni minn strument essenzjali għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti tagħha

    158    Għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex is-sempliċi fatt li d-dokument inkwistjoni huwa parir legali li huwa invokat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni kkonċernata, iżda l-fatt li l-iżvelar ta’ dan il-parir jista’ jibgħat lill-pubbliku informazzjoni dwar l-istat ta’ diskussjonijiet interni bejn id-DĠ “Kompetizzjoni” u d-dipartiment legali tiegħu, dwar il-portata tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89.

    159    Issa, l-iżvelar tan-nota inkwistjoni jista’ jwassal lid-dipartiment legali tal-Kummissjoni sabiex juri, fil-futur, trażżin u prudenza fl-abbozzar ta’ tali noti sabiex ma tiġix affettwata l-kapaċità tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjonijiet fl-oqsma fejn hija taġixxi bħala amministrazzjoni.

    160    Għandu jiġi osservat ukoll li, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ preġudizzji għall-protezzjoni tal-pariri legali previst mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa raġonevolament prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Fil-fatt, minbarra r-raġunijiet indikati fil-punti 157 u 159 iktar ’il fuq, l-iżvelar ta’ dawn il-pariri jgħaddi mir-riskju li jqiegħed lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni delikata fejn id-dipartiment legali tagħha jista’ jkun obbligat jiddefendi quddiem il-Qorti Ġenerali pożizzjoni li ma kinitx l-istess pożizzjoni li sostna fil-kapaċità tiegħu bħala konsulent tad-dipartimenti inkarigati mill-fajl matul id-diskussjonijiet interni li saru fil-proċedura amministrattiva. Issa, ir-riskju li tali oppożizzjoni toħloq jista’ jaffettwa, b’mod kunsiderevoli kemm il-libertà ta’ opinjoni tal-imsemmi dipartiment legali kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jiddefendi b’mod effettiv quddiem il-qorti tal-Unjoni, fuq livell ekwu mar-rappreżentanti legali l-oħra tal-partijiet fil-proċess ġudizzjarju, il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni u l-proċess deċiżjonali intern ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni, fil-fatt, tiddeċiedi bħala kulleġġ, skont il-missjoni partikolari fdata lilha, u għandha jkollha l-libertà li tiddefendi pożizzjoni legali li hija differenti minn dik meħuda inizjalment mid-dipartiment legali tagħha.

    161    Barra minn hekk, b’differenza għal każ fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċità ta’ leġiżlatur, li fih aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti għandu jiġi awtorizzat skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Turco, punt 68 iktar ’il fuq, punt 46), il-parir legali kontenzjuż ġie abbozzat fil-kuntest tal-funzjonijiet purament amministrattivi tal-Kummissjoni. Issa, l-interess tal-pubbliku sabiex jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa intiż sabiex jiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini għall-proċess deċiżjonali u sabiex jiggarantixxi leġittimità ikbar, effettività ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika, ma huwiex l-istess meta dan id-dokument jaqa’ taħt proċedura amministrattiva intiża għall-applikazzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali jew meta jikkonċerna dokument dwar proċedura fil-kuntest li fih l-istituzzjoni kkonċernata taġixxi bħala leġiżlatur.

    162    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar tal-parir tad-dipartiment legali msemmi fil-punt 1(g) iktar ’il fuq, ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-pariri legali.

    163    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motivi huma fondati, ħlief fir-rigward tar-rifjut ta’ żvelar tal-parir tad-dipartiment legali msemmi fil-punt 1(g) iktar ’il fuq.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt ta’ aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti mitluba

    L-argumenti tal-partijiet

    164    Ir-rikorrenti tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tqis li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-piż amministrattiv tat-tħejjija ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti mitluba, billi hija ma għamlitx eżami individwali ta’ dawn id-dokumenti. Fil-ġurisprudenza d-dritt għal aċċess pubbliku jipprevali fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u huwa biss f’każijiet limitati ħafna u b’mod restrittiv li eċċezzjoni għal din id-dritt tista’ tiġi aċċettata.

    165    Barra minn hekk, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tevalwa l-interess għar-rikorrenti li tippreżenta l-komunikazzjoni tal-partijiet frammentarji li jistgħu, jekk ikun il-każ, isiru pubbliċi fil-każ ta’ aċċess parzjali.

    166    Il-Kummissjoni tiddikjara li għamlet eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba, minbarra dawk imsemmija fil-punt 1(d) iktar ’il fuq. Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċerti partijiet frammentarji biss setgħu jiġu żvelati u li l-piż amministrattiv li rrappreżentat l-identifikazzjoni ta’ dawn il-partijiet kien sproporzjonat għall-interess tal-pubbliku li jaċċedu għal dawn il-partijiet frammentarji, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    167    L-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li, “jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati”.

    168    L-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrikjedi eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument. Fil-fatt, tali eżami biss jista’ jippermetti lill-istituzzjoni tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant. Evalwazzjoni li trid titwettaq b’kategoriji pjuttost milli fir-rigward tal-elementi speċifiċi ta’ informazzjoni li jinsabu f’dawn id-dokumenti hija bħala prinċipju insuffiċjenti, peress li l-eżami meħtieġ mill-istituzzjoni għandu jippermettilha tevalwa konkretament jekk eċċezzjoni invokata tapplikax realment għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-imsemmija dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    169    F’dan il-każ, tali eżami tad-dokumenti mitluba ma jirriżultax mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkunsidrat li dan l-eżami joħloq piż amministrattiv sproporzjonat għall-interessi tal-pubbliku li jaċċedi għall-partijiet frammentarji li jirriżultaw minn tali eżerċizzju.

    170    Skont il-ġurisprudenza, huwa eċċezzjonalment u biss meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment tqil, li b’hekk jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest, li deroga għall-obbligu ta’ eżami tista’ tiġi ammessa (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 112).

    171    Barra minn hekk, sa fejn id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tiġi adottata bħala regola ġenerali, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tibbaża ruħha fuq eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 113, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il‑Kummissjoni, T‑42/05, Ġabra p. II‑156, punt 86).

    172    Fl-aħħar nett, meta l-istituzzjoni ressqet il-prova tan-natura irraġonevoli tal-oneru amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, hija għandha l-obbligu li tipprova tiftiehem mal-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b’mod konkret il-possibbiltajiet li għandha għall-adozzjoni ta’ miżura inqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. Peress li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti jirrappreżenta l-prinċipju, l-istituzzjoni tibqa’ madankollu marbuta, f’dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ raġonevolment jiġi rikjest, tkun l-iktar waħda favorevoli għad-dritt ta’ aċċess għall-applikant (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 114).

    173    Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista’ ma twettaqx eżami konkret u individwali biss wara li tkun verament studjat il-possibbiltajiet l-oħra kollha u wara li tkun spjegat b’mod dettaljat, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi possibbiltajiet kienu jinvolvu, huma wkoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli (sentenza VKI, punt 41 iktar ’il fuq, punt 115).

    174    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, li tirrifjuta globalment kull aċċess parzjali lir-rikorrenti, tista’ tkun leġittima biss fil-każ li l-Kummissjoni tkun spjegat minn qabel, b’mod konkret, ir-raġunijiet li għalihom is-soluzzjonijiet alternattivi għal analiżi konkreta u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti msemmija jikkostitwixxu, ukoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli.

    175    Issa, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod konkret u eżawrjenti d-diversi possibbiltajiet li kellha sabiex tieħu passi li ma kinux jimponulha volum ta’ xogħol irraġonevoli, iżda li għall-kuntrarju jtejbu l-opportunitajiet li r-rikorrenti tkun tista’ tibbenefika, għall-inqas fir-rigward ta’ parti mill-applikazzjoni tagħha ta’ aċċess, minn komunikazzjoni parzjali għad-dokumenti mitluba. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata, ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet studjat fil-konkret l-għażla li tikkonsisti f’li ssaqsi lill-impriżi li kkomunikaw uħud mid-dokumenti mitluba jekk verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti tista’ tiġi kkomunikata lir-rikorrenti.

    176    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn tirrifjuta li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti kollha mitluba, mingħajr ma jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti sar u mingħajr mal-Kummissjoni spjegat, b’mod konkret, ir-raġunijiet li għalihom is-soluzzjonijiet barra minn eżami konkret u individwali ta’ kull dokument imsemmi jirrapreżentaw volum ta’ xogħol irraġonevoli.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    L-argumenti tal-partijiet

    177    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ aċċess ma hijiex intiża sabiex tiddefendi l-interessi privati biss. Hija għandha l-għan ukoll taż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-swieq tal-pubblikazzjoni fi Franza u li tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet mill-abbuż tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89. Interess pubbliku ikbar għaldaqstant jiġġustifika, skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

    178    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġusitifka l-iżvelar tad-dokumenti mitluba. L-użu mir-rikorrenti tad-dokumenti mitluba insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà ma tistax tiġi kkunsidrata bħala interess pubbliku ikbar. Tali rikors huwa fil-fatt suġġett għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku personali u jkun inammissibbli jekk ir-rikorrenti taġixxi f’isem l-interess pubbliku.

    179    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-rikors tar-rikorrent għandu bħala għan l-interess pubbliku, ma huwiex l-użu li l-applikant biħsiebu jagħmel tad-dokumenti li huwa rilevanti, iżda l-iżvelar li għandu jkun ġustifikat minn interess pubbliku ikbar. Dawn huma l-karatteristiċi partikolari tad-dokumenti li għandhom jiġġustifikaw l-iżvelar tagħhom f’isem interess pubbliku ikbar irrispettivament mill-għan segwit mill-applikant. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    180    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li hija l-qorti li tisma’ l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑279/04 li għandha tevalwa l-ħtieġa tad-dokumenti mitluba għad-difiża tar-rikorrenti f’din il-kawża.

    181    Ir-rikorrenti tenfasizza li hija tista’ tkun kemm persuna ġuridika direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll persuna ġuridika ċittadin tal-Unjoni awtorizzata sabiex tikseb aċċess għad-dokumenti mitluba. Hija ssostni li l-iżvelar tad‑dokumenti mitluba u l-użu li jsir minnhom isegwi l-istess għanijiet, jiġifieri li titħares il-kompetizzjoni mhux distorta u l-applikazzjoni trasparenti tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    182    Ir-rikorrenti tikkunsidra li parti f’kawża li fiha tiġi ordnata l-produzzjoni ta’ dokumenti tista’ tiġi ordnata mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta, fil-kuntest ta’ proċedura parallela, deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għal dawn id-dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

    183    Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-interess pubbliku ikbar imsemmi fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu, fil-prinċipju, ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi regolament, li jinkludu l-obbligu ta’ trasparenza invokat mir-rikorrenti.

    184    L-intervenjenti tenfasizza li ebda interess pubbliku ikbar ma jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, meta l-applikazzjoni ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti hija bbażata fuq interessi purament privati. Hija ssostni wkoll, fl-ossservazzjonijiet preliminari tagħha, li l-applikazzjoni ta’ aċċess tar-rikorrenti għal dokumenti hija abbużiva u kontra l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li hija mmotivata mill-interess speċifiku tagħha, jiġifieri d-difiża tad-drittijiet tagħha fil-Kawżi T‑452/04 u T‑279/04. Hija ssostni li l-ġurisprudenza indikat li r-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex maħsub li jipproteġi l-interess speċifiku li tali jew tali persuna jista’ jkollha sabiex taċċedi għal dokument tal-istituzzjonijiet. Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ukoll li dan ir-regolament huwa maħsub sabiex jiggarantixxi l-aċċess għal dokumenti pubbliċi kollha u mhux biss l-aċċess tal-applikant għal dokumenti li jirrigwardawh u li ma għandhux ikun permess li jiġu segwiti interessi privati relatati, pereżempju, mal-proċeduri ta’ rikors kontra l-istituzzjonijiet.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    185    L-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jispjega li l-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmija paragrafi japplikaw “jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu [tad-dokument imsemmi].”

    186    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra li interess pubbliku ikbar jiġġustifika l-iżvelar minħabba li l-applikazzjoni ta’ aċċess hija bbażata fuq id-difiża tal-interessi tar-rikorrenti fil-każ quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan l-interess huwa ovvjament privat u mhux pubbliku. Issa, skont ir-regolament, interess pubbliku biss jista’ jipprevali fuq l-interessi msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    187    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali li jgħidu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta invokat l-eċċezzjonijiet għall-protezzjoni tal-għan tal-investigazzjonijiet, tal-interessi kummerċjali u tal-proċess deċiżjonali, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eventwali eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti li l-aċċess ġie rrifjutat għalihom abbażi ta’ dawn l-eċċezzjonijiet.

    188    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-intervenjenti li jgħid li l-applikazzjoni ta’ aċċess tar-rikorrenti hija abbbużiva peress li hija bbażata fuq interessi purament privati. Fil-fatt, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(1) tipprovdi li l-applikant ma huwiex obbligat li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu. Dan ir-regolament għandu l-għan li jiftaħ dritt ta’ aċċess pubbliku inġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, fejn l-interess speċifiku li persuna jew oħra jista’ jkollha ta’ aċċess għal wieħed minn dawn id-dokumenti ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni msejħa biex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni ta’ aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, punt 46 iktar ’il fuq, punti 43 sa 47). Applikazzjoni ta’ aċċess ibbażata fuq interessi purament privati ma tistax tiġi kkunsidrata bħala abbużiva.

    189    Min-naħa l-oħra, għandha tiġi eżaminata l-eventwali eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jista’ jiġġustifika l-iżvelar tal-opinjoni tad-dipartiment legali msemmi fil-punt 1(g) iktar il fuq.

    190    Skont il-ġurisprudenza, l-interessi pubbliċi ikbar li jiġġustifikaw l-iżvelar ta’ dokument kopert minn eċċezzjoni huma b’mod partikolari dawk li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Turco, punt 68 iktar ’il fuq, punti 67, 75 u 76). Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-interess pubbliku ikbar li jista’ jiġġustifika l-iżvelar għaldaqstant ma jistax jiġi distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament.

    191    Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti kif stabbilit fl-Artikolu 255 KE u fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar għandu jkollu natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jitħawwad ma’ interessi individwali jew privati, pereżempju, bħal dawk fir-rigward ta’ tressiq ta’ rikors kontra l-istituzzjonijiet, peress li tali interessi individwali jew privati ma jikkostitwixxux element rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

    192    Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għal dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, punt 41 iktar ’il fuq, punt 50). Għaldaqstamt, l-interess partikolari li jista’ jsostni l-applikant għall-aċċess għal dokumenti li jikkonċernawh personalment ma jistax ikun deċiżiv ġeneralment fil-kuntest kemm tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    193    Għaldaqstant, anki li kieku kellu jitqies li d-dokumenti mitluba huma neċessarji għad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju, kwistjoni li taqa’ taħt l-eżami ta’ dan ir-rikors, dan il-fatt ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat il-bilanċ tal-interessi pubbliċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, punt 41 iktar ’il fuq, punt 55, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2005, SIMSA vs Il‑Kummissjoni, T‑287/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

    194    Il-fatt li d-dokumenti mitluba jistgħu jippermettu lir-rikorrenti li jsostnu aħjar l-argumenti tagħhom fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li hija ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-kompatibbiltà u kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma jistax jikkostitwixxi għaldaqstant interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tal-parir legali kkonċernat.

    195    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li dan l-iżvelar għandu jkollu l-effett li jippromwovi ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-swieq tal-pubblikazzjoni fi Franza u li tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli dwar il-kontroll abbużiv ta’ konċentrazzjonijiet tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, mill-atti tal-proċess u mill-kontenut tal-opinjoni tad-dipartiment legali tal-Kummissjoni, ikkomunikata lill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), ma jirriżultax li l-iżvelar ta’ dan il-parir huwa ġġustifikat minn tali interess pubbliku ikbar.

    196    Għaldaqstant, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud, sa fejn huwa intiż li juri l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tal‑parir legali msemmi fil-punt 1(g) iktar ’il fuq.

    197    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn hija rrifjutat l-aċċess, sħiħ u parzjali, għad-dokumenti kollha mitluba, bl-eċċezzjoni tal-parir legali msemmi fil-punt 1(g) iktar ’il fuq, u sa fejn hija rrifjutat l-aċċess parzjali għall-imsemmi parir legali.

     Fuq l-ispejjeż

    198    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

    199    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni tilfet il-biċċa l-kbira tat-talbiet tagħha, issir evalwazzjoni ġusta tal-kawża meta l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll disgħin fil-mija tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

    200    L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ma hemmx lok iktar li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej D (2005) 3286, tas-7 ta’ April 2005, sa fejn hija rrifjutat l-aċċess, sħiħ u parzjali, għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din is-sentenza, u fil-punt 2(h) u (j) ta’ din is-sentenza.

    2)      Id-Deċiżjoni D (2005) 3286 hija annullata sa fejn hija tirrifjuta l-aċċess sħiħ għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d), (e), (g) u (h) ta’ din is-sentenza u fil-punt 2(b) sa (d),(f), (g) u (i) ta’ din is-sentenza, bl-eċċezzjoni tal-parir tad-dipartiment legali tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 1(g) ta’ din is-sentenza.

    3)      Id-Deċiżjoni D (2005) 3286 hija annullata sa fejn hija tirrifjuta l-aċċess parzjali għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(d), (e), (g) u (h) ta’ din is-sentenza , u fil-punt 2(b) sa (d), (f), (g) u (i) ta’ din is-sentenza.

    4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    5)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll disgħin fil-mija ta’ dawk ta’ Editions Odile Jacob SAS.

    6)      Lagardère SCA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Meij

    Vadapalas

    Truchot

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 2010.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top