EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0359

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Jannar 2007.
Estager SA vs Receveur principal de la recette des douanes de Brive.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de grande instance de Brive-la-Gaillarde - Franza.
Politika Ekonomika u monetarja - Regolamenti (KE) Nri 1103/97 u 974/98 - Introduzzjoni ta' l-Euro - Konverżjoni bejn l-unitajiet tal-muniti nazzjonali u l-unità Euro - Leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li twassal għal adattament tal-valur f'Euro ta' ċerti ammonti espressi fi flus nazzjonali fit-testi leġiżlattivi ta' dan l-Istat.
Kawża C-359/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:36

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Jannar 2007 (*)

“Politika Ekonomika u monetarja – Regolamenti (KE) Nri 1103/97 u 974/98 – Introduzzjoni ta’ l-Euro – Konverżjoni bejn l-unitajiet tal-muniti nazzjonali u l-unità Euro – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li twassal għal adattament tal-valur f’Euro ta’ ċerti ammonti espressi fi flus nazzjonali fit-testi leġiżlattivi ta’ dan l-Istat”

Fil-kawża C-359/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal de grande instance de Brive-la-Gaillarde (Franza), permezz ta’ Deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2005, fil-proċedura

Estager SA

vs

Riċevitur prinċipali tad-dħul tad-dwana ta’ Brive,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta (Relatur), J. Makarczyk u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Estager SA, minn F. Genot-Delbecque u N. Petrignet, avocates,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Gracia, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.‑F. Pasquier u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nri 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU L 162, p. 1), u 974/98, tat-3 ta’ Mejju 1998, dwar l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU L 139, p. 1).

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Estager SA (iktar ’il quddiem "Estager") kontra r-riċevitur prinċipali tad-dħul tad-dwana ta’ Brive (iktar ’il quddiem ir-"riċevitur prinċipali") dwar iż-żieda, fil-bidla għall-Euro, ta’ taxxa li tirrigwarda l-kwantitajiet tad-dqiq, tas-smid u ta’ qamħ mitħun fin kunsinnati jew implementati għall-konsum mill-bniedem (iktar ’il quddiem it-"taxxa").

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1103/97:

"Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

–       "strumenti legali" għandhom jitqiesu dawk id-dispożizzjonijiet leġislattivi u statutorji, atti ta’ l-amministrazzjoni, deċiżjonijiet ġuridiċi, kuntratti, atti legali unilaterali, strumenti ta’ ħlas għajr noti-bankarji u muniti, u strumenti oħrajn b’effett legali,

[…]"

4       L-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament jgħid:

"Id-dħul ta’ l-Euro ma għandux ikollu l-effett li jibdel xi terminu ta’ strument legali jew li jwaqqa’ jew jiskuża xi operat li joħroġ minn xi strument legali, lanqas li jagħti lil xi parti d-dritt li jibdel jew itemm unilateralment dan l-istrument. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għal kull ħaġa li fuqha jista’ jkunu ftiehmu l-partijiet."

5       L-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Regolament jgħid:

"1.      Ir-rati tal-kambju għandhom jiġu adottati bħala euro wieħed espress f’termini tal-munita nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti. Għandhom jiġu adotti b’sitt ċifri sinjifikanti.

2.      Ir-rati tal-kambju ma għandhomx ikunu arrotondati jew ikunu tronkati waqt li jkun qiegħed isir it-tibdil.

3.      Ir-rati tal-kambju għandhom jintużaw fuq kull naħa bejn l-unità ta’ l-Euro u l-unitajiet tal-munita nazzjonali. Rati inversi li joħorġu mir-rati tal-kambju ma għandhomx jintużaw.

4.      Ammonti monetarji li għandhom ikunu maqluba minn unità ta’ munita nazzjonali għal oħra għandhom l-ewwel jiġu maqluba f’ammont monetarju espress fl-unità ta’ l-euro, liema ammont jista’ jkun arrotondat sa tliet ċifri deċimali u mbagħad jiġi konvertit fl-unità tal-munita nazzjonali l-oħra. L-ebda metodu alternattiv ma jista’ jintuża jekk ma jwassalx għall-istess riżultati."

6       L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 jgħid hekk:

"Ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom meta jseħħ l-arrotondament wara konverżjoni fl-unità ta’ l-euro kif jirriżulta mill-Artikolu 4 għandhom ikunu arrotondati ’il fuq jew ’l isfel sa l-eqreb ċenteżmu. Ammonti monetarji li jkunu jridu jitħallsu jew spjegati li jiġu konvertiti fl-unità ta’ munita nazzjonali għandhom jiġu arrotondati ’il fuq jew ’l isfel sa l-eqreb sub-unità jew fl-assenza ta’ sub-unità sa l-eqreb unità, jew bi qbil mal-liġijiet jew mal-prattiċi nazzjonali sa multilpu jew frazzjon tas-sub-unità ta’ l-unità tal-munita nazzjonali. Jekk l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tagħti riżultat li jkun eżattament nofs triq, is-somma għandha tkun arrotondata [’il fuq]."

7       L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 974/98 jipprovdi li s-sostituzzjoni ta’ l-Euro għall-munita ta’ kull Stat Membru parteċipanti ma għandhiex ikollha fiha nfisha l-effett li tbiddel id-denominazzjoni ta’ strumenti legali eżistenti fid-data tas-sostituzzjoni.

8       L-Artikolu 14 ta’ l-istess Regolament jgħid:

"Fejn fi strumenti legali li jkunu jeżistu fit-tmiem tal-perjodu transitorju issir riferenza għall-unitajiet tal-munita nazzjonali, dawn ir-riferenzi għandhom jitqiesu bħala riferenzi għall-unità ta’ l-euro skond ir-rati ta’ konverżjoni rispettivi. Għandhom japplikaw ir-regoli ta’ l-ittundjar preskritti fir-Regolament […] Nru 1103/97 japplikaw."

9       Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 tal-31 ta’ Diċembru 1998, dwar ir-rati tal-konverżjoni bejn l-Euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-Euro (ĠU L 359, p. 1), ir-rata tal-konverżjoni irrevokabilment stabbiliti bejn l-Euro u l-Frank Franċiż hija ta’ Euro għal 6.55957 FRF.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     It-taxxa ġiet stabbilita mill-Artikolu 1618 septies tal-code général des impôts français. Qabel l-introduzzjoni ta’ l-Euro, l-ammont tiegħu kien stabbilit għal 100 FRF għal kull tunellata ta’ dqiq, ta’ smid jew ta’ qamħ mitħun fin.

11     L-Artikolu 1(1) tal-liġi Nru 2000‑517, tal-15 ta’ Ġunju 2000, li tawtorizza lill-gvern jadotta, permezz ta’ digriet, il-valur f’Euro ta’ ċerti ammonti espressi fi Franki fit-testi leġiżlattivi (JORF tas-16 ta’ Ġunju 2000, p. 9063), jipprovdi li l-gvern huwa awtorizzat li, permezz ta’ digriet, jieħu l-miżuri neċessarji għall-bidla għall-Euro ta’ ċerti ammonti espressi fi Franki Franċiżi fit-testi leġiżlattivi.

12     Id-digriet Nru 2000‑916, tad-19 ta’ Settembru 2000, adottat bis-saħħa ta’ l-imsemmija liġi, li jwassal għal adattament tal-munita Euro ta’ ċerti ammonti espressi fi Franki fit-testi leġiżlattivi (JORF tat-22 ta’ Settembru 2000, p. 14877), stabbilixxa l-ammont tat-taxxa għal 16-il Euro sa mill-1 ta’ Jannar 2002.

13     L-Artikolu 1 ta’ l-imsemmi digriet jipprovdi:

"Skond l-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 974/98], l-ammonti espressi fi Franki li jidhru fit-testi leġiżlattivi […] għandhom jiġu ssostitwiti, fl-1 ta’ Jannar 2002, minn ammonti f’Euro, b’applikazzjoni tar-rata uffiċjali u tar-regoli ta’ arrotondament Komunitarji.

[...]"

14     Skond ir-rapport lill-President tar-Repubblika dwar id-digriet Nru 2000‑916 (JORF tat-22 ta’ Settembru 2000, p. 14876):

"Skond ir-Regolamenti Komunitarji Nru 1103/97 […] u Nru 974/98 […], ir-referenzi għall-unitajiet tal-muniti nazzjonali li jidhru fit-testi leġiżlattivi għandhom jinqraw sa mill-1 ta’ Jannar 2002 bħala referenzi għall-Euro, billi tiġi applikata r-rata ta’ konverżjoni uffiċjali ta’ 6.55957 [FRF] għal kull Euro, b’arrotondament lejn it-tieni deċimu.

Ir-riżultat miksub b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ser ikun, f’ċerti każijiet, ftit leġibbli u memorizzabbli, ħaġa li konsegwentement twassal għar-riskju li t-testi li fihom jidhru r-referenzi monetarji in kwistjoni jkunu aktar diffiċilment applikabbli.

Sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni u b’hekk tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tajba tagħha, jidher b’hekk neċessarju li jiġu ffissati l-ammonti tal-valuta previsti f’ċerti testi għal valuri espressi f’Euro mingħajr deċimi jew għal valuri akbar.

[…]

Id-digriet preżenti, meħud skond [l-]abilitazzjoni [mogħtija mil-liġi Nru 2000‑517], tipproċedi skond il-prinċipji segwenti.

Fl-ewwel lok, peress li l-adattament tat-testi għandu jkun iġġustifikat mir-rieda li jżomm il-leġibbiltà, huma biss ta’ dawk l-ammonti fi flus li, f’dan ir-rigward, ikunu jistgħu jkollhom valuri li jinkludu żewġ ċifri wara l-virgola b’diffikultà li għandhom ikunu mibdula.

L-applikazzjoni pura u sempliċi tar-regoli Komunitarji ta’ konverżjoni u ta’ arrotondament għandu jibqa’ l-prinċipju, u l-adattamenti għandhom ikunu l-eċċezzjoni. Jirriżulta minn dan li l-ammonti diġà espressi f’ċenteżmi m’għandhomx ġeneralment jiġu mibdula.

[…]

Dawn l-adattamenti kollha jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, data tas- sostituzzjoni definittiva u kompleta tal-Franki bl-Euro.

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Peress li l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1103/97, 974/98 u 2866/98 kellu jwassal għall-iffissar ta’ l-ammont tat-taxxa għal 15.24 Euro u mhux għal 16-il Euro, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2002, Estager talbet lir-riċevitur prinċipali jirrimbursalha frazzjoni tat-taxxa mħallsa minn dik il-kumpannija wara l-1 ta’ Jannar 2002.

16     Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2002, ir-riċevitur prinċipali rrifjuta din it-talba ta’ rimbors.

17     Fl-24 ta’ Mejju 2002, Estager b’hekk ressqet lir-riċevitur prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tikseb ir-rimbors tas-somom li hija tqis li ħallset indebitament.

18     Huwa f’dan il-kuntest li t-tribunal de grande instance de Brive-la-Gaillarde ddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti s-segwenti domanda preliminari:

"Id-dispożizzjonijiet tad-digriet Nru 2000-916 […] li jikkonċernaw il-konverżjoni tat-taxxa […] applikata għall-produzzjoni tad-dqiq, tas-smid u tal-qamħ mitħun fin ta’ 100 [FRF] f’16-il Euro huma konformi mar-regolamenti Komunitarji dwar l-introduzzjoni ta’ l-Euro?"

 Fuq id-domanda preliminari

19     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk ir-Regolamenti Nri 1103/97 u 974/98 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-proċess ta’ konverżjoni f’Euro ta’ l-ammont ta’ taxxa bħal dik fil-kawża prinċipali, wasslet dan għal ammont għola għal dak li kien irriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-konverżjoni previsti mill-imsemmija regolamenti.

20     Sabiex tingħata tweġiba għal din id-domanda, jeħtieġ li wieħed jikkonċentra kemm fuq il-kliem tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija regolamenti kif ukoll fuq l-għanijiet ta’ dawn l-aħħar imsemmija.

21     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-punti 30 sa 34 tas-sentenza tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 2004, Verbraucher-Zentrale Hamburg (C‑19/03, Ġabra p. I‑8183), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina l-għanijiet tar-Regolament Nru 1103/97.

22     Jirriżulta minn dan l-eżami li dan ir-regolament għandu l-għan li jassigura li l-konverżjoni għall-munita unika sseħħ mingħajr ma tolqot l-impenji li kienu diġà assunti miċ-ċittadini u mill-impriżi. F’din il-perspettiva, ir-raba’ premessa tagħha tgħid li "[…] billi din iċ-ċertezza fi stadju bikri tagħti lok li t-tħejjijiet miċ-ċittadini u l-azjendi jipproċedu f’kundizzjonijiet tajba". Skond is-seba’ premessa, "[…] billi huwa ġeneralment aċċettat bħala prinċipju tal-liġi li l-kontinwità tal-kuntratti u ta’ l-istrumenti legali l-oħrajn ma tiġix affettwata bid-dħul ta’ munita ġdida". L-istess premessa tippreċiża li l-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1103/97 dwar l-imsemmija kontinwità "jistgħu jwettqu l-għan tagħhom li jipprovdu ċertezza legali u trasparenza lill-aġenti ekonomiċi, partikolarment lill-konsumaturi […]". L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li "[id-]dħul ta’ l-Euro ma għandux ikollu l-effett li jibdel xi terminu ta’ strument legali jew li jwaqqa’ jew jiskuża xi operat li joħroġ minn xi strument legali, lanqas li jagħti lil xi parti d-dritt li jibdel jew itemm unilateralment dan l-istrument" (sentenza Verbraucher-Zentrale Hamburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

23     Minbarra dan, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 974/98, "[is-]sostituzzjoni ta’ l-euro għall-munita ta’ kull Stat Membru parteċipanti ma għandux ikollha fiha nfisha l-effett li tbiddel id-denominazzjoni ta’ strumenti legali ezistenti fid-data tas-sostituzzjoni".

24     L-istabbiliment ta’ regoli dwar l-operazzjonijiet ta’ konverżjoni jagħmlu parti minn dan l-għan li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali. Fil-fatt, il-kisba ta’ l-ogħla livell ta’ newtralità possibbli ta’ dawn l-operazzjonijiet tippreżupponi, għaċ-ċittadini kif ukoll għall-impriżi, kif tindika t-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1103/97, li jiġi assigurat "livell għoli ta’ eżattezza fl-operati tal-kambju". L- Artikolu 4(1) ta’ l-istess Regolament b’hekk jipprovdi li r-rati tal-kambju "għandhom jiġu [adottati] b’sitt ċifri sinjifikanti". L-istess artikolu jippreċiża, fit-tieni paragrafu tiegħu, li "[ir-]rati tal-kambju ma għandhomx ikunu arrotondati jew ikunu tronkati waqt li jkun qiegħed isir it-tibdil" u, fil-paragrafu 3 tiegħu, li "[r]ati inversi li joħorġu mir-rati tal-kambju ma għandhomx jintużaw", din l-aħħar imsemmija preskrizzjoni għandha l-għan, skond it-tieni premessa ta’ l-imsemmi regolament, li tevita "nuqqasijiet sinjifikanti fl-eżattezza, l-iktar jekk ikunu involuti somom kbar" (sentenza Verbraucher-Zentrale Hamburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

25     Il-prinċipju tal-kontinwità ta’ l-istrumenti legali u l-għan tan-newtralità tal-bidla għall-Euro japplikaw għat-"termini" jew għall-"kliem" ta’ l-"istrumenti legali" skond ir-Regolamenti Nri 1103/97 u 974/98.

26     Madankollu, m’għandux ikun hemm dubju li l-ammont ta’ taxxa bħal dik fil-kawża prinċipali tammonta għal "terminu ta’ strument legali" skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97.

27     Konsegwentement jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-regolamenti Nri 1103/97 u 974/98 jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-passaġġ għall-Euro, tkun ipproċediet simultanjament għall-konverżjoni f’Euro u għaż-żieda ta’ ammont bħal dan ta’ taxxa.

28     Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li, fl-adozzjoni tad-digriet Nru 2000‑916, il-leġiżlatur Franċiż ried japplika l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-introduzzjoni ta’ l-Euro sabiex jistabbilixxi l-ammont tat-taxxa.

29     Fil-fatt, hekk kif jirriżulta kemm mir-rapport tal-President tar-Repubblika dwar id-digriet Nru 2000‑916 kif ukoll mill-kliem ċar ta’ l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan id-digriet għandu l-għan, permezz tar-Regolamenti Nri 1103/97 u 974/98 kif ukoll mir-rata ta’ konverżjoni uffiċjali, li jissostitwixxi, fl-1 ta’ Jannar 2002, l-ammonti espressi fi Franki Franċiżi li jidhru fit-testi leġiżlattivi b’ammonti f’Euro.

30     Jirriżulta wkoll minn dan ir-rapport u mill-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2000‑916 li, sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet għandhom bħala obbjettiv li jiġu adattati ċerti ammonti f’Euro li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ konverżjoni Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-istess digriet.

31     Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma jikkontestawx li żieda fl-ammont tat-taxxa effettivament seħħet peress li tali ammont ta’ dan l-aħħar imsemmi li Estager ftehmu li jaċċettaw biss l-applikazzjoni stretta, minn naħa, tar-rata ta’ konverżjoni irrevokabbilment stabbilit bejn l-Euro u l-Frank Franċiż mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2866/98 kif ukoll li, min-naħa l-oħra, regoli ta’ arrotondament previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 kellhom iwasslu sabiex jiġi ffissat l-ammont tat-taxxa għal 15.24 Euro minflok 16-il Euro.

32     F’dan ir-rigward, jekk hu minnu li, hekk kif sostna l-gvern Franċiż, ir-regolamenti Nri 1103/97 u 2866/98 bl-ebda mod ma ppreġudikaw il-kompetenza fiskali ta’ l-Istati Membri u l-fakultà għal dawn l-aħħar imsemmija li jżidu l-ammont tat-taxxi tagħhom, ma jonqosx li l-konverżjoni f’Euro ta’ l-ammont ta’ taxxa għandha, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, titwettaq fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1103/97 kif ukoll tal-prinċipju tal-kontinwità ta’ l-istrumenti ġuridiċi u ta’ l-għan tan-newtralità tal-passaġġ għall-Euro.

33     Dan jimplika, b’mod partikolari, ħtiġijiet taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza li tippermetti li tiġi protetta l-fiduċja ta’ l-aġenti ekonomiċi fl-introduzzjoni ta’ l-Euro. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 1103/97, l-għan tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess regolament dwar il-kontinwità tal-kuntratti u strumenti legali oħra huwa li jagħti ċertezza legali u trasparenza lill-aġenti ekonomiċi.

34     Jirriżulta li, meta jipproċedi simultanjament għall-konverżjoni f’Euro u għaż-żieda ta’ l-ammont ta’ taxxa, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, Stat Membru għandu joqgħod attent li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għall-aġenti ekonomiċi.

35     L-osservanza ta’ dawn il-ħtiġijiet jissuponi b’mod partikolari li l-imsemmija aġenti jkunu jistgħu jiddistingwu b’mod ċar fit-testi leġiżlattivi in kwistjoni d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru li jżidu l-ammont tat-taxxa tal-proċess tal-konverżjoni f’Euro ta’ dan l-ammont.

36     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk dan huwiex l-każ fil-kawża prinċipali.

37     Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata tweġiba għad-domanda magħmula li r-Regolamenti Nri 1103/97 u 974/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-proċess ta’ konverżjoni f’Euro ta’ l-ammont ta’ taxxa, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, twassal għall-ammont akbar minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ konverżjoni previsti minn dawn ir-regolamenti, sakemm żieda bħal din ma tirrispettax l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza ggarantita mill-imsemmija regolamenti, li jimplika li t-testi leġiżlattivi in kwistjoni jippermettu li ssir distinzjoni ċara tad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jżid dan l-ammont mill-proċess ta’ konverżjoni f’Euro ta’ l-imsemmi ammont. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk dan huwiex l-każ fil-kawża li hija qed tisma’.

 Fuq l-ispejjeż

38     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nri 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-Euro, u 974/98, tat-3 ta’ Mejju 1998, dwar l-introduzzjoni ta’ l-Euro, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-proċess ta’ konverżjoni f’Euro ta’ l-ammont ta’ taxxa li tirrigwarda l-kwantitajiet ta’ dqiq, tas-smid u ta’ qamħ mitħun fin, kunsinnati jew implementati fid-dawl tal-konsum tal-bniedem, bħal dik fil-kawża prinċipali, twassal għall-ammont akbar minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ konverżjoni previsti minn dawn ir-regolamenti, sakemm żieda bħal din ma tirrispettax l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza ggarantiti mill-imsemmija regolamenti, li jimplika li t-testi leġiżlattivi in kwistjoni jippermettu li ssir distinzjoni ċara tad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jżid dan l-ammont mill-proċess ta’ konverżjoni f’Euro ta’ l-imsemmi ammont. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk dan huwiex l-każ fil-kawża li hija qed tisma’.

Firem


* Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.

Top