EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0356

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-19 ta' April 2007.
Elaine Farrell vs Alan Whitty, Minister for the Environment, Ireland, Attorney General u Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI).
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court - l-Irlanda.
Assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili ta' vetturi b'mutur -Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE/ u 90/232/KEE - Danni kkawżati lill-passiġġieri ta’ vettura bil-mutur - Parti ta’ vettura bil-mutur mhux mgħammra għat-trasport bil-qegħda tal-passiġġieri.
Kawża C-356/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:229

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta' April 2007 (*)

“Assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili ta' vetturi b'mutur –Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE/ u 90/232/KEE – Danni kkawżati lill-passiġġieri ta’ vettura bil-mutur – Parti ta’ vettura bil-mutur mhux mgħammra għat-trasport bil-qegħda tal-passiġġieri”

Fil-kawża C-356/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta' Deċiżjoni tat-30 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Settembru 2005, fil-kawża

Elaine Farrell

vs

Alan Whitty,

Minister for the Environment,

Ireland,

Attorney General

u

Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, E. Juhász (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Settembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Elaine Farrell, minn E. McCullough, SC, C. McCarthy, BL, u C. Murphy, barrister, mandatarju ta’ M. O’Shea, solicitor,

–       għall-Minister for the Environment, Ireland u l-Attorney General, minn E. Fitzsimons, K. McMeel, D. Maloney u D. O’Hagan, bħala aġenti,

–       għall-Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI), minn E. Gleeson, SC, mandatarju ta’ P. Boyd, solicitor,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta' Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, ta’ l-14 ta' Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur (ĠU L 129, p. 33, iktar 'il quddiem it-"tielet Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn E. Farrell u A. Whitty u l-Minister for the Environment, Ireland u l-Attorney General (iktar ‘il quddiem "Ireland"), kif ukoll il-Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI) (iktar ‘il quddiem il-"MIBI”).

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, ta' l-24 ta' April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar ta' l-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbilità (ĠU L 103, p. 1), kif emendata mit-tielet Direttiva (iktar ‘il quddiem l-"ewwel direttiva"), ""vettura" tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le".

4       L-Artikolu 3(1) ta’ l-ewwel Direttiva jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu jkun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

5       L-ewwel sa t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE tal-Kunsill tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, (ĠU 1984, L 8, p. 17), kif emendata mit-tielet Direttiva (iktar ‘il quddiem it-“tieni direttiva”) jgħidu:

“Kull Stat Membru għandu jistabilixxi jew jawtorizza korp li jkollu d-dover li jipprovdi kumpens, mill-anqas sal-limiti ta' l-obbligu ta' l-assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew korrimenti personali ikkaġunati minn vettura mhux identifikata jew minn vettura li l-obbligu ta' asigurazzjoni tagħha previst fil-paragrafu 1 ma jkunx ġie sodisfatt. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' kumpens minn dak il-korp bħala sussidjarju jew non-sussidjarju u għad-dritt ta' provvediment għas-sodisfazzjon ta' pretensjonijiet bejn dak il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħrajn jew korpi ta' sigurtà soċjali meħtieġa biex jikkumpensaw il-vittma fir-rigward ta' l-istess inċident. Il-vittma tista' f'kull każ tapplika direttament lill-korp li, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta fuq it-talba tiegħu mill-vittma, għandu jkun obbligat li jagħtih tweġiba raġunata rigward il-ħlas ta' kull kumpens.

[…]

Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta' kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta' persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment meta il-korp jista' jipprova li kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata.”

6       Skond l-Artikolu 2(1) tat-tieni direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta' l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) ta[‘ l-ewwel Direttiva] li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta' vetturi minn:

- persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan,

jew

- persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata,

jew

- persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,

għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 3(1) ta[‘ l-ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta' pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta' inċident.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista' tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jista' jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

Stati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta' inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni ta' l-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista' takkwista kumpens għall-ħsara li saritilha minn korp ta' sigurtà soċjali.”

7       Skond it-tieni sal-ħames premessi tat-tielet direttiva:

“Billi l-Artikolu 3 ta[‘ l-ewwel Direttiva] jenħtieġ li kull Stat Membru jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu jkun kopert b’assigurazzjoni; billi sal-limitu tar-responsabbiltà koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-koperta ta’ l-assigurazzjoni għandha tkun iddeterminata fuq il-bażi ta’ dawk il-miżuri;

Billi t-[tieni Direttiva] naqset sewwa id-differenzi bejn il-livell u l-kontenut ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja rigward ir-responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri; billi differenzi sinifikanti għadhom jeżistu, b’dankollu, fil-każ ta’ kopertura bl-assigurazzjoni;

Billi l-vittmi ta’ l-aċċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-aċċidenti;

Billi hemm, partikolarment, ċerti lakuni fil-koperta obbligatorja ta’ l-assigurazzjoni tal-pasiġġieri fil-vetturi bil-mutur f’ċerti Stati Membri; billi, bħala protezzjoni għal din il-kategorija partikolarment vulnerabbli tal-vittmi potenzjali, dawn il-lakuni għandhom ikunu magħluqa.”

8       Skond l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tat-[tieni Direttiva], l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) ta[‘ l-ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.

Għal-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsira tat-terminu "vettura" hija kif definita fl-Artikolu 1 ta[‘ l-ewwel Direttiva]”.

9       Skond l-Artikolu 6(2) tat-tielet direttiva, Ireland tiddisponi minn terminu li jmur sal-31 ta’ Diċembru 1998 sabiex tikkonforma ruħha ma l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għal dak li jirrigwarda l-passiġġieri fuq muturi u terminu li jmur sal-31 ta’ Diċembru 1995 sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 1995 għal dak li jirrigwarda l-vetturi l-oħra.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija essenzjalment komposta mit-taqsimiet 5, 56 u 65 (1) (a) tal-liġi ta’ l-1961 dwar it-traffiku fit-triq (Road Traffic Act 1961), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem in-"1961 Act"), kif ukoll l-Artikolu 6 tar-Regolament Ministerjali ta’ l-1962 dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tat-traffiku fir-triq (Road Traffic) (Compulsory Insurance) Regulations 1962, kif emendat.

11     Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni li persuna li ssuq vettura bil-mutur għandha jkollha polza ta’ assigurazzjoni approvata għall-iskopijiet ta’ kopertura tar-responsabbiltà kollha għal danni fuq il-persuna kkawżati lill-passiġġieri fil-vettura, barra l-persuni eżentati. Il-persuni eżentati huma dawk li jitolbu kumpens għad-dannu subit, meta huma jkunu f’vettura bil-mutur ta’ tip differenti minn dawk indikati mir-regolament ministerjali. Għal dak li jirrigwarda dawk il-vetturi indikati mill-Ministru kompetenti, hemm obbligu ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lill-passiġġieri f’dawn il-vetturi. Madankollu, dan il-Ministru m’għandux is-setgħa jestendi dan l-obbligu ta’ assigurazzjoni għad-danni kkawżati lill-passiġġieri li jinsabu f’parti tal-vettura bil-mutur li ma tkunx mgħammra u lanqas mibnija b’siġġijiet għall-passiġġieri.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     E. Farrell kienet vittma ta’ inċident tat-traffiku fis-26 ta’ Jannar 1996. Hija kienet qed tivvjaġġa f’vann li ma kienx ekwipaġġat u lanqas mibni biex jittrasporta passiġġieri fuq wara. I. Whitty, sid u sewwieq ta’ dan il-vann, tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu, li ħabtet ma ħajt. Peress li l-vettura bil-mutur ma kinitx mgħammra b’siġġijiet fuq wara, E. Farrell kienet bilqiegħda ma l-art tal-vann fil-mument tal-ħabta.

13     Peress li rriżulta li I. Whitty ma kienx assigurat, E. Farrell ippruvat tikseb kumpens mill-MIBI, skond ftehim konkluż minn dan il-korp u l-Ministru għall-ambjent fl-1988 (iktar ’il quddiem il-”ftehim”). B’dan il-ftehim, il-MIBI kien intrabat jikkumpensa l-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku li jinvolvu sewwieqa li ma jkunux daħlu għall-assigurazzjoni obbligatorja mitluba min-1961 Act.

14     Il-MIBI rrifjuta li jikkumpensa lil E. Farrell għar-raġuni li hija kienet qed tivvjaġġa f’parti tal-vettura bil-mutur li ma kienet la ddiżinjata u lanqas mgħammra b’siġġijiet għall-passiġġieri. Huwa qies li r-responsabbiltà għad-danni fuq il-persuna subiti mir-rikorrenti ma kinitx responsabbiltà li għaliha l-assigurazzjoni kienet obbligatorja bis-saħħa tan-1961 Act. Konsegwentement, il-ftehim ma kienx applikabbli u l-MIBI ma kienx marbut jikkumpensa r-rikorrenti u lanqas li jikkonforma ruħu ma sentenza mogħtija kontra I. Whitty.

15     F’Settembru 1997, E. Farrell bdiet proċedura kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali. Hija kisbet, fix-xahar ta’ Lulju 2001, deċiżjoni ta’ kundanna ta’ I. Whitty. Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-danni subiti, din ġiet irriżervata għall-mument tad-deċiżjoni fuq il-mertu. Fil-fatt, filwaqt li E. Farrell fittxet li tikseb sentenza li tiddikjara li l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fis-seħħ fil-mument ta’ l-inċident ma kinux jimplementaw korrettament id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-ewwel u t-tielet direttivi, b’mod partikolari l-Artikolu 1 ta’ din ta’ l-aħħar, il-MIBI u Ireland kkontestaw il-fatt li dawn il-miżuri ma kinux jittrasponu korrettament l-imsemmi artikolu, billi dan l-Istat Membru sostna li t-tielet direttiva kienet tippermetti li ma jiġix estiż l-obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili lil persuni li jkunu f’parti ta’ vettura bil-mutur bi propulsjoni mekkanika li kienet la ddiżinjata u lanqas mgħammra b’siġġijiet għat-trasport ta’ passiġġieri.

16     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva [...], Ireland hija marbuta, mill-31 ta’ Diċembru 1995 – skadenza li fiha Ireland kellha tittrasponi d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija tielet direttiva dwar il-passiġġieri ta’ vetturi barra l-muturi – li tagħmel obbligatorja l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lill-persuni li jivvjaġġaw f’parti ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx ġiet iddiżinjata u lanqas mibnija b’siġġijiet għall-passiġġieri?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva jagħti drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi ma tkoprix ir-responsabbiltà għad-danni fuq il-persuna kkawżati lill-persuni li jivvjaġġaw f’parti ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx ġiet iddiżinjata u lanqas mibnija b’siġġijiet għall-passiġġieri.

18     E. Farrell u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu, sostanzjalment, li l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva jeżiġi li l-assigurazzjoni obbligatorja tkopri, fl-Istati membri kollha, id-danni kkawżati lill-persuni li jivvjaġġaw f’parti ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx ġiet iddiżinjata għat-trasport ta’ passiġġieri u lanqas mgħammra b’siġġijiet għal dan il-għan.

19     Ireland, sostnuta mill-MIBI, hija ta’ fehma kuntrarja. Dan l-Istat Membru jsostni li, minn naħa, peress li l-kunċett ta’ “passiġġier” mhuwiex iddefinit fit-tielet direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu liema persuni li jivvjaġġaw fil-vetturi għandhom jitqiesu li huma passiġġieri għall-finijiet ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, din ta’ l-aħħar ma tobbligax l-Istati Membri jiggarantixxu s-sottoskrizzjoni ta’ assigurazzjoni obbligatorja għad-danni fuq il-persuna li jsofru l-persuni li jivvjaġġaw f’kull parti ta’ vettura bil-mutur mhux iddiżinjata b’postijiet bil-qegħda.

20     Dan l-istat iżid li l-approċċ restrittiv tiegħu huwa ġġustifikat b’xewqa ta’ koerenza mal-leġiżlazzjoni fuq is-sigurtà fit-triq, peress li l-inklużjoni ta’ dawn il-persuni fil-kamp tal-garanzija għall-assigurazzjoni obbligatorja tkun tfisser responsabbiltà għall-assigurazzjoni ta’ aġir xjentement perikoluż. Barra minn hekk, skond dan l-istat, dan l-approċċ huwa konformi mad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mdaħħla fil-proċess verbal tal-Kunsill fl-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni tiegħu dwar l-abbozz tat-tielet direttiva. Skond dan il-proċess verbal, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu ddikjaraw li l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva ma jippreġudikax id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-kumpens tal-passiġġier li r-responsabbiltà tiegħu tqum fl-inċident, tal-passiġġieri f’numri eċċessivi jew tal-passiġġier li jirkeb f’vettura bil-mutur mhux iddiżinjat għat-trasport ta’ persuni barra dak tas-sewwieq.

21     L-argument ta’ Ireland ma jistax jintlaqa’.

22     Hemm lok li jiġi kkonstatat li, skond l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva, l-assigurazzjoni obbligatorja tkopri r-responsabbiltà tad-danni fuq il-persuna kkawżati lill-passiġġieri kollha barra s-sewwieq li jirriżultaw mis-sewqan tal-vettura.

23     Peress li dan l-artikolu inkontestabbilment jagħti kopertura assigurattiva lill-passiġġieri kollha, it-teżi ta’ Ireland ma tistax tintlaqa’ ħlief sa fejn il-persuni ttrasportati f’vettura bil-mutur mhux iddiżinjata għat-trasport tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “passiġġieri”.

24     Issa, tmur kontra l-obbjettivi tal-leġiżlazzjoni komunitarja li teskludi mill-kunċett ta’ “passiġġier”, kif ukoll mill-kopertura ta’ assigurazzjoni, il-persuni midruba li jkunu daħlu f’vettura bil-mutur li ma kienet la intiza għat-trasport tagħhom u lanqas mgħammra għal dan il-għan. Fil-fatt, skond ir-raba’ u l-ħames premessi tat-tielet direttiva, din il-leġiżlazzjoni għandha bħala għan, b’mod partikolari, li timla l-lacunae fil-kopertura assigurattiva obbligatorja tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur f’ċerti Stati Membri u li tipproteġi din il-kategorija partikolarment vulnerabbli ta’ vittmi potenzjali, kif ukoll li tiggarantixxi lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku trattament komparabbli, ikunu x’ikunu l-postijiet tal-Komunità li fihom iseħħu l-inċidenti.

25     Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-ewwel u t-tieni direttivi ma imponewx qabel il-31 ta’ Diċembru 1995, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ffissat għal Ireland mit-tielet direttiva, li jiġi previst li l-assigurazzjoni obbligatorja tkopri d-danni fuq il-persuna kkawżati lill-passiġġieri ttrasportati f’parti ta’ vettura bil-mutur mhux mgħammra għat-trasport bil-qiegħda tal-passiġġieri. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrilevat li l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva estenda, minn dik id-data, il-kopertura obbligatorja imposta fl-Artikolu 3(1) ta’ l-ewwel direttiva, hekk kif ippreċiżat u kkompletat mit-tieni direttiva, għad-danni lill-persuna kkawżati lill-passiġġieri barra s-sewwieq (ara d-digriet ta’ l-14 ta’ Ottubru 2002, Withers, C‑158/01, Ġabra p. I-8301, punti 20 u 21).

26     Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta din il-ġurisprudenza, meta l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha fuq id-danni lill-persuna kkawżati lill-passiġġieri ttrasportati f’parti ta’ vettura bil-mutur mhux ippreparata għat-trasport bil-qiegħda tal-passiġġieri, hija qieset l-imsemmija persuni li kienu “passiġġieri”, indipendentement mill-parti tal-vettura bil-mutur li fiha kienu qegħdin jiġu ttrasportati (Ara, f’dan is-sens, id-digriet Withers, punt 21).

27     Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni komunitarja tipprevedi espliċitament eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ l-inċidenti. Dawn l-eċċezzjonijiet huma msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(4) u fl-Artikolu 2(1) tat-tieni direttiva.

28     MadankolluMadankollu, il-leġiżlatur komunitarju ma pprevedix deroga għall-kategorija distinta ta’ persuni li jistgħu jkunu vittmi ta’ ħabta ta’ karozzi, li jkunu qagħdu f’parti ta’ vettura bil-mutur li la tkun intiża għat-trasport tagħhom u lanqas mgħammra għal dan il-għan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-persuni ma għandhomx jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “passiġġier” u, għaldaqstant, mill-kopertura ta’ assigurazzjoni ggarantita mil-leġiżlazzjoni komunitarja.

29     Peress li, minn naħa, il-fakultà ta’ deroga mill-obbligu ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti hija ddefinita u limitata mid-dritt komunitarju u li, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ l-għanijiet indikati iktar ‘il fuq jeħtieġu approċċ uniformi tal-kopertura ta’ assigurazzjoni tal-passiġġieri fuq livell komunitarju, l-Istati Membri ma jistgħux idaħħlu limitazzjonijiet addizzjonali ma l-assigurazzjoni obbligatorja fir-rigward tal-passiġġieri.

30     Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tnaqqas il-kunċett ta’ “passiġġier” u ċċaħħad b’hekk il-kopertura ta’ assigurazzjoni tal-persuni li jkollhom dritt, skond l-ewwel, it-tieni u tielet direttivi, għall-kumpens għad-danni kkawżat mill-vetturi bil-muturi.

31     Hemm lok li jintqal ukoll li l-approċċ restrittiv ta’ leġiżlatur nazzjonali ma għandux jiġi ġġustifikat mid-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, imfakkra fil-punt 20 tal-preżenti sentenza. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li meta dikjarazzjoni inkluża f’minuti tal-Kunsill ma tkunx ġiet espressament imsemmija fit-test ta’ dispożizzjoni ta' liġi sekondarja, din ma tistax tiġi kkunsidrata fl-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18, tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe, C-375/98, Ġabra p. I-4243, punt 26; u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 42).

32     Għandu jiġi mfakkar, ukoll, li l-obbligu ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni tal-passiġġieri huwa distint mill-estensjoni tal-kumpens ta’ dawn ta’ l-aħħar jekk isiru vittmi ta’ ħabta kkawżata minn karozzi. Fil-fatt, filwaqt li ta’ l-ewwel hija garanzija u hija ddefinita mil-leġiżlazzjoni komunitarja, tat-tieni hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali.

33     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ewwel, it-tieni u t-tielet direttivi ma jfittxux li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili ta’ l-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt komunitarju, dawn ta’ l-aħħar jibqgħu liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-ħabtiet tal-karozzi. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili applikabbli skond id-dritt nazzjonali tagħhom ikun kopert minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija iktar ‘il fuq (sentenzi ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, C-348/98, Ġabra p. I-6711, punti 23 u 29, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et, C-537/03, Ġabra p. I-5745, punt 24).

34     Barra minn hekk, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam fir-rispett tad-dritt komunitarju, u b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva, u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħabtiet li jirriżultaw mis-sewqan tal-karozzi ma jistgħux iċaħħdu dan l-Artikolu mill-effettività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C‑129/94, Ġabra p. I-1829, punt 19, kif ukoll Candolin et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 27 u 28).

35     Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, iddefinita b’relazzjoni mal-kriterji ġenerali u astratti, ma għandhiex tipprekludi jew tillimita b’mod sproporzjonat il-kumpens ta’ passiġġier abbażi biss tal-kontribut tiegħu għat-twettiq tad-dannu. Fil-fatt, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali u fir-rispett tad-dritt komunitarju, l-estensjoni ta’ tali kumpens ikun jista’ jitnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Candolin et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 29, 30 u 35).

36     Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur ma tkoprix ir-responsabbiltà tad-danni lill-persuna kkawżati lill-persuni li jivvjaġġaw f’parti ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx ġiet iddiżinjata u lanqas mibnija b’siġġijiet għall-passiġġieri.

 Fuq it-tieni domanda

37     Għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda, dwar il-possibbiltà li jiġi invokat direttament l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva quddiem il-qrati nazzjonali mill-individwi, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, dispożizzjoni ta’ direttiva għandha effett dirett jekk hija tidher, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża (sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53; ta’ l-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et, C‑253/96 sa C-258/96, Ġabra p. I-6907, punt 37, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Meiland Azewijn, C-292/02, Ġabra p. I-7905, punt 57).

38     F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-kriterji, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, huma sodisfatti mill-Artikolu 1 tat-tielet direttiva. Fil-fatt, dan l-Artikolu jippermetti li jiġi identifikat kemm l-obbligu ta’ l-Istat Membru kif ukoll il-benefiċarji, u l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa inkundizzjonat u preċiż. Konsegwentement, l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva jista’ jiġi invokat sabiex iħassar id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jeskludu l-benefiċċju tal-garanzija ta’ assigurazzjoni obbligatorja lill-persuni li jivvjaġġaw f’kull parti ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx iddiżinjata u lanqas mibnija b’siġġijiet għall-passiġġieri.

39     Tibqa’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ korp bħalma huwa l-MIBI.

40     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li direttiva ma tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ individwi, filwaqt li hija tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ l-istat, tkun xi tkun il-kwalità li fih dan ta’ l-aħħar ikun qed jaġixxi, impjegatur jew awtorità pubblika. Jidher, fost in-numru ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġi invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jistgħu jkollhom effetti diretti, korp li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat, bis-saħħa ta’ att ta’ l-awtorità pubblika, iwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkun jiddisponi, għal dan, minn setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra p. I-3313, punt 20; ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, Ġabra p. I-6659, punt 23, kif ukoll tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte, C-157/02, Ġabra p. I-1477, punt 24).

41     Peress li l-qorti tar-rinviju ma tatx informazzjoni suffiċjenti fuq il-MIBI biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk dan ta’ l-aħħar jistax jiġi assimilat ma tali entità, huwa l-imħallef li għandu jevalwa, billi jieħu in kunsiderazzjoni, abbażi tal-kunsiderazzjoniet ta’ qabel, l-istatut tal-MIBI u r-relazzjonijiet tiegħu ma l-istat Irlandiż, jekk id-direttiva tistax tiġi invokata fil-konfront tiegħu.

42     Fil-każ li l-imħallef nazzjonali jiddeċiedi li d-direttiva ma tistax tiġi invokata fil-konfront tal-MIBI, huwa għandu, b’applikazzjoni tad-dritt intern u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni speċifikament adottata għall-finijiet ta’ implementazzjoni ta’ l-eżiġenzi ta’ direttiva, jinterpreta d-dritt nazzjonali sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-direttiva in kwistjoni sabiex jilħaq il-għan imfittex minnha (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I-12537, punt 21, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113).

43     F’kull każ, ir-responsabbiltà ta’ l-istat membru sabiex jikkumpensa d-danni kkawżati min-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta ta’ direttiva, fis-sens tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I-5357), tista’ tirriżulta.

44     Għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 1 tat-tielet direttiva jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollu effett dirett u jikkonferixxi, konsegwentement, drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jistħarreġ jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ korp bħal ma huwa l-MIBI.

 Fuq l-ispejjeż

45     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L- Artikolu 1 tat-tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, ta’ l-14 ta' Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi ma tkoprix ir-responsabbiltà tad-danni lill-persuna kkawżati lill-persuni li jivvjaġġaw f’parti ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx ġiet iddiżinjata u lanqas mibnija b’siġġijiet għall-passiġġieri.

2)      L-Artikolu 1 tat-tielet direttiva 90/232 jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollu effett dirett u jikkonferixxi, konsegwentement, drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jistħarreġ jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ korp bħal ma huwa l-Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI).

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top