Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0346

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tad-9 ta' Novembru 2006.
    Monique Chateignier vs Office national de l'emploi (ONEM).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour du travail de Liège - il-Belġju.
    Talba għal deċiżjoni preliminari -Artikolu 39 KE kif ukoll l-Artikoli 3 u 67 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71- Issuġġettar ta' l-għotja tal-benefiċċji tal-qgħad għat-twettiq ta' perijodu ta' impjieg fi Stat Membru kompetenti.
    Kawża C-346/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:711

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta' Novembru 2006 (*)

    "Talba għal deċiżjoni preliminari –Artikolu 39 KE kif ukoll l-Artikoli 3 u 67 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71– Issuġġettar ta' l-għotja tal-benefiċċji tal-qgħad għat-twettiq ta' perijodu ta' impjieg fi Stat Membru kompetenti"

    Fil-kawża C‑346/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour du travail de Liège (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-6 ta' Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' Settembru 2005, fil-proċedura

    Monique Chateignier

    vs

    Office national de l’emploi (ONEM),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn, J. Klučka President tas-seba' Awla, aġent President tal-Ħames Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u J. Makarczyk, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       Għall-Office national de l’emploi (ONEM), minn R. Joly, avocat,

    –       għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello stato,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 39(2) KE kif ukoll ta' l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 67(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU L 28, 1997, p. 6, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn M. Chateignier u l-Office national de l’emploi (iktar 'il quddiem l-"ONEM") dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jagħtiha l-beneffiċċji tal-qgħad, minħabba li ma wettqet l-ebda ġurnata ta' xogħol fil-Belġju, fejn hija kienet tirrisjedi meta ppreżentat talba biex tikseb dawn il-benefiċċji.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni komunitarja

    3       L-Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li:

    "[B]la ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri [u li għalihom] japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u [għandhom] [i]gawdu l-istess benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat".

    4       Skond l-Artikolu 67(2) u (3), tar-Regolament Nru 1408/71:

    "2.       L-istituzzjoni kompetenti ta' Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel l-akkwist, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għall-benefiċċji bla ħsara għat-tmiem tal-perijodi ta' żmien ta' l-impjieg/i għandha tqis, safejn u sakemm meħtieġ, il-perijodi ta' l-assigurazzjoni jew impjieg/i mwettqa skond il-leġislazzjoni ta' kull Stat Membru ieħor, daqs li kieku l-perijodi kienu mwettqa skond il-leġislazzjoni li hija tamministra.

    3.      Għajr fil-każi msemmija fl-Artikolu 71(1)(a)(ii) u (b)(ii), l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bla ħsara għall-kondizzjoni illi l-persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħarnett:

    - fil-każ tal-paragrafu 1, il-perijodi ta' l-assigurazzjoni,

    - fil-każ tal-paragrafu 2, il-perijodi ta' l-impjieg/i,

    bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    5       Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data li fiha l-ONEM irrifjuta lil M. Chateignier il-benefiċċji tal-qgħad kienet id-digriet irjali tal-25 ta' Novembru 1991, li kien jirregola l-qgħad (Moniteur Belge tal-31 ta' Diċembru 1991, p. 29888, iktar 'il quddiem id-"digriet irjali").

    6       L-Artikolu 37(2), tad-digriet irjali huwa fformulat kif ġej:

    "Ix-xogħol li jsir barra mill-pajjiż jittieħed in kunsiderazzjoni [għall-finijiet ta' ammissibbiltà għal-benefiċċju tal-qgħad] jekk dan kien impjieg li fl-Istat tal-Belġju jagħti lok għall-ħlas ta’ benefiċċji soċjali, li jinkludi dawk għas-settur tal-qgħad".

    7       It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tad-digriet irjali jipprovdi li:

    "L-Artikoli 35, 36, 37 § 2 u 38 § 2 huma applikabbli biss fil-limiti ta' Konvenzjoni Internazzjonali. Madankollu, l-Artikoli 35 u 36 huma applikabbli wkoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi elenkati fil-liġi tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar l-approvazzjoni tal-ftehim bilaterali dwar impjieg fil-Belġju tal-ħaddiema barranin."

    8       Il-kostituzzjonalità ta' l-imsemmi Artikolu 43 kienet ġiet ikkontesta quddiem il-Cour de cassation (il-Belġju), li din, b’sentenza tal-25 ta' Marzu 2002, qatgħat fuq in-non applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni.

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9       M. Chateignier, ċittadina Franċiża, iżżewġet fit-8 ta' Ottubru 1994 ma' ċittadin Belġjan u marret toqgħod il-Belġju.

    10     Fis-17 ta' Ottubru 1994, M. Chateignier applikat għall-għotja ta' benefiċċji tal-qgħad li fiha indikat li hija kienet ta' nazzjonalità Franċiża. L-għada, hija ppreżentat applikazzjoni oħra li din id-darba din kienet tindika li hija kienet kisbet in-nazzjonalità Belġjana permezz taż-żwieġ tagħha. Kienet din l-aħħar applikazzjoni li, flimkien ma' l-annessi tagħha, ġiet mibgħuta lill-Uffiċċju reġjonali kompetenti fid-9 ta' Diċembru 1994. B’deċiżjoni ta' l-1 ta' Frar 1995, din ta’ l-aħħar ġiet ammesa għall-benefiċċju b'effett mid-data ta' l-applikazzjoni.

    11     Fit-2 ta' Ottubru 1995, wara li bidlet id-dar, M. Chateignier ippreżentat lill-istituzzjoni kompetenti dokument ġdid li fih hija indikat li hija dejjem kienet ibbenefikat min-nazzjonalità Franċiża. Infetħet għaldaqstant investigazzjoni li minnha rriżulta li hija kienet żammet in-nazzjonalità Franċiża.

    12     B’deċiżjoni tal-15 ta' Diċembru 1995, l-ONEM eskluda lil M. Chateignier mill-benefiċċji tal-qgħad u dan mit-18 ta' Diċembru 1995 minħabba li, fir-rigward tan-nazzjonalità tagħha u fin-nuqqas li hija qatt ma ħadmet minn ta' l-inqas ġurnata waħda ta' xogħol fil-Belġju, hija ma setgħatx tippretendi dawn il-benefiċċji. Skond il-qorti tar-rinviju, peress li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 43 tad-digriet irjali kellha tiġi mħassra fil-kawża prinċipali bis-saħħa tas-sentenza tal-Cour de cassation tal-25 ta' Marzu 2002, iċċitata iktar 'il fuq, l-ONEM invoka biss, sabiex jeżiġi t-twettiq ta' perijodu ta' żmien ta' impjieg, l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71.

    13     Fil-21 ta' Diċembru 1995, M. Chateignier ippreżentat applikazzjoni ġdida intiża li tikseb il-benefiċċju tal-qgħad wara li wettqet ġurnata xogħol fil-Belġju. Minħabba dan il-fatt, id-deċiżjoni ta' l-ONEM tal-15 ta' Diċembru 1995 ġiet annullata u d-dritt għal dawn il-benefiċċji ġie rrikonoxxut lill-persuna interessata mill-21 ta' Diċembru 1995, id-data ta' l-applikazzjoni l-ġdida tagħha.

    14     Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ deċiżjoni ta' l-10 ta' Mejju 1996, l-ONEM qies li M. Chateignier ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tibbenefika minn dawn il-benefiċċji fid-data ta' l-ewwel applikazzjoni u li, konsegwentement, kien hemm lok li huwa jirkupra s-somom indebitament irċevuti matul il-perijodu li jibda mill-11 ta' Ottubru 1994 sa l-10 ta' Diċembru 1995.

    15     Peress li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-ewwel istanza minn deċiżjoni tat-tribunal du travail de Namur (il-Belġju), sar appell quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni minn M. Chateignier.

    16     Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour du travail de Liège ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    "L-Artikolu 39(2) [KE] u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiggarantixxu trattament ugwali bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri kif ukoll il-moviment ta' persuni - fosthom il-ħaddiema – jippermettu li l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru l-obbligu li jwettaq stage li jagħti d-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad fl-Istat Membru ta' residenza meta l-leġiżlazzjoni interna ta' dan l-Istat ma timponix tali obbligu fuq ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiż terz jew minn Stat Membru?"

     Fuq id-domanda preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

    17     Preliminarjament, l-ONEM qajjem l-inammissibbiltà tat-talba għal-deċiżjoni preliminari billi invoka erba' argumenti. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt Belġjan mad-dritt komunitarju. It-tieni nett, hija ma tkunx tista' tagħti deċiżjoni, fil-kuntest ta' kwistjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt komunitarju sekondarju, fuq il-validità tagħha. It-tielet nett, id-dritt komunitarju mhuwiex applikabbli għaċ-ċirkustanza meħuda in kunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju bħala punt ta' xebh, jiġifieri dik taċ-ċittadini ta' l-Istati li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-raba' nett, l-ONEM isostni li l-assunzjoni li fuqha sserraħ it-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-eżistenza ta' sistema aktar favorevoli għal barranin mhux komunitarji milli għal dawk li huma ċittadini ta' l-Istati Membri, mhijiex eżatta.

    18     Jekk huwa minnu li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, din mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE, li tiddeċiedi fuq il-kompattibbiltà ta' dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt komunitarju, jibqa’ l-fatt li huwa ammissibbli li hija tista' ssib fil-kliem tad-domandi magħmula mill-Imħallef nazzjonali, fir-rigward tal-fatti esposti minnu stess, l-elementi rilevanti ta' l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, bil-għan li jkun permess lil dan l-Imħallef isolvi l-problema ġuridika quddiemu (ara s-sentenzi tat-28 ta' Jannar 1992, López Brea u Hidalgo Palacios, C‑330/90 u C‑331/90, Ġabra p. I‑323, punt 5, u tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 60).

    19     Barra minnhekk, huwa importanti li jitfakkar li, skond ġurisprudenza wkoll kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibqa' rriżervat lilha, fil-preżenza tad-domandi eventwalment magħmula b'mod żbaljat jew li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-funzjonijiet li ngħatawlha bl-Artikolu 234 KE, li toħroġ mill-elementi kollha flimkien mogħtija mill-qorti nazzjonali, u b'mod partikolari mill-motivazzjoni ta' l-att li jwassal għar-rinviju, l-elementi tad-dritt komunitarju li jkun jeħtiġilhom interpretazzjoni – jew, bħal f'dan il-każ, evalwazzjoni ta' validità – fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenzi tad-29 ta' Novembru 1978, Pigs Marketing Board, 83/78, Ġabra p. 2347, punt 26, u tat-18 ta' Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 34).

    20     F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-esklużjoni ta’ M. Chateignier mill-benefiċċji tal-qgħad, bid-deċiżjoni ta' l-ONEM tal-15 ta' Diċembru 1995, hija bbażata fuq l-unika ċirkustanza li l-persuna interessata informat lill-organizzazzjoni li tassigura l-ħlas ta' dawn il-benefiċċji bil-fatt li, bil-kontra ta' dak li hija niżżlet fl-ewwel applikazzjoni ta' benefiċċji, hija ma kellhiex in-nazzjonalità Belġjana, imma kienet żammet in-nazzjonalità Franċiża.

    21     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta mill-istess termini tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-prinċipju ta' trattament ugwali jista' jiġi affettwat minn sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali u, għalhekk, din għandha n-natura li tidħol fil-kamp ta' kompetenzi li ngħataw lill-Qorti tal-Ġustizzja li tintalab tieħu konjizzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 234 KE.

    22     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument ta' l-ONEM li jgħid li d-domanda mressqa sserraħ fuq assunzjoni ineżatta, huwa tajjeb li jiġi kkonstatat li, f'sitwazzjoni fejn jeżistu jew jidher li jeżistu diverġenzi fl-analiżi bejn l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' Stat Membru fir-rigward ta' l-interpretazzjoni korretta ta' leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-portata eżatta tagħha, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi liema hija l-interpretazzjoni li hija konformi jew li hija l-aktar konformi mad-dritt komunitarju. Min-naħa l-oħra, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt komunitarju fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif ġiet deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din ta' l-aħħar l-elementi utli għas-soluzzjoni tal-kawża li hemm quddiemha (ara s-sentenza ta' l-1 ta' Frar 2001, Mac Quen et, C‑108/96, Ġabra p. I‑837, punt 18).

    23     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

     Fuq il-mertu

    24     Minkejja l-fatt li, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju limitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 67(2) u (3), tar-Regolament Nru 1408/71, billi qabblet is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma' dik ta ħaddiema mhux tal-Komunità, tali ċirkustanza ma tostakolax il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha l-elementi kollha ta' interpretazzjoni tad-dritt komunitarju li jistgħu jkunu utli għaliha biex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, irrispettivament mill-fatt jekk għamlitx riferiment għal dan fid-domandi tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1990, SARPP, C‑241/89, Ġabra p. I‑4695, punt 8, u tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C‑456/02, Ġabra p. I-7573, punt 38).

    25     F'dan ir-rigward, huwa tajjeb li jiġi kkunsidrat li l-element tad-dritt komunitarju li, fil-kawża prinċipali, għandu bżonn interpretazzjoni huwa l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-ħaddiema komunitarji peress li jirriżulta b'mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li, għall-għotja tal-benefiċċji tal-qgħad, ċittadin ta' Stat Membru li mhuwiex dak tar-Renju tal-Belġju u ċittadin Belġjan mhumiex ittrattati b'mod identiku għalkemm isibu ruħhom f'sitwazzjonijiet simili.

    26     Fil-fatt, safejn, skond it-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju, ċittadin Belġjan "li jkun ħadem barra mill-pajjiż għandu d-dritt li l-perijodu [tiegħu] ta' impjieg jitqies daqs li kieku kien xogħol li [wettaq] fil-Belġju għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali, bl-assigurazzjoni tal-qgħad inkluża, filwaqt [li ċittadin komunitarju ta' Stat Membru ieħor barra minn dak tar-Renju tal-Belġju] jiġi eliminat, ħlief fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet partikolari li jittieħdu in kunsiderazzjoni għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, ix-xogħol kollu li jsir barra mill-pajjiż", għandu għaldaqstant jiġi analizzat jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn ħaddiema komunitarji, tali ċirkustanza hijiex konformi mad-dritt komunitarju.

    27     F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li fid-data ta' l-ewwel applikazzjoni tagħha, M. Chateignier kellha n-nazzjonalità Franċiża u kienet fil-pussess ta' permess għal residenza bħala ċittadina ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea.

    28     Barra minnhekk, din it-talba timplika li l-awtur tagħha kien irreġistra bħala applikant ta' impjieg. Huwa wkoll kostanti li l-prestazzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu prestazzjonijiet ta' qgħad skond l-Artikoli 67 sa 71 tar-Regolament Nru 1408/71.

    29     Isegwi li M. Chateignier, bħala ċittadina ta' Stat Membru, għandha l-għażla tat-tfittxija għal impjieg fi Stat Membru ieħor, li toħroġ mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE u, għaldaqstant, tibbenefika mid-dritt ta' trattament ugwali previst fil-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, tali dritt isib l-espressjoni speċifika tiegħu b'mod partikolari fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

    30     Fir-rigward tal-portata ta' dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq il-fatt li dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 39 KE jipprevedu l-eliminazzjoni tal-miżuri kollha li, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jimponu fuq ċittadin ta' Stat Membru ieħor trattament iktar rigoruż jew li jitqegħdu f'sitwazzjoni ta' dritt jew ta' fatt żvantaġġata fir-rigward tas-sitwazzjoni mogħtija, fl-istess ċirkustanzi, lil ċittadin tal-pajjiż (ara s-sentenza tat-13 ta' Diċembru 1984, Haug-Adrion, 251/83, Ġabra p. 4277, punt 14).

    31     Fil-kawża prinċipali, m'hemmx dubju li l-applikazzjoni li l-ONEM jagħmel tar-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71 twassal għal differenza fit-trattament bejn ċittadini Belġjani u dawk ta' Stati Membri oħra.

    32     Differenza ta' trattament bħal din tista' tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u pproporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenzi tat-23 ta' Mejju 1996, O’Flynn, C‑237/94, Ġabra p. I‑2617, punt 19, u tat-23 ta' Marzu 2004, Collins, C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 66).

    33     Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, la l-ONEM u lanqas il-Gvern Belġjan ma rreferew, fl-osservazzjonijiet li huma ssottomettew lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal elementi ta' tali natura li jiġġustifikaw li għandha ssir deroga, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti, mill-prinċipju ta' trattament ugwali.

    34     Ċertament, il-kliem ta' l-Artikolu 67(2) u (3) tar-Regolament Nru 1408/71 jippermetti lill-Istati Membri li jissottomettu l-kisba, iż-żamma jew l-irkurpu ta' dritt għall-benefiċċji tal-qgħad mat-twettiq ta' perijodi ta' impjieg skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li taħtha l-benefiċċji jintalbu.

    35     Madankollu, ma jirriżultax mill-inkartament mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, u lanqas mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ it-twettieq ta' tali perijodi ta' impjieg fir-rigward ta' ħaddiema Belġjani li jkunu għaddew dawn il-perijodi taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor.

    36     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru ta' residenza tirrifjuta lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor id-dritt għall-benefiċċji ta' qgħad minħabba li, fid-data ta' l-applikazzjoni għall-benefiċċji, l-persuna interessata ma tkunx wettqet perijodu determinat ta' impjieg fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' residenza, peress li tali kundizzjoni mhijiex meħtieġa għaċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru.

     Fuq l-ispejjeż

    37     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru ta' residenza tirrifjuta lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor id-dritt għall-benefiċċji ta' qgħad minħabba li, fid-data ta' l-applikazzjoni għall-benefiċċji, il-persuna interessata ma tkunx wettqet perijodu determinat ta' impjieg fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' residenza, peress li tali kundizzjoni mhijiex meħtieġa għaċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top