Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0282

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' April 2007.
Holcim (Deutschland) AG vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) - Ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' garanzija bankarja.
Kawża C-282/05 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:226

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta' April 2007 (*)

“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) – Ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' garanzija bankarja”

Fil-kawża C-282/05 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-12 ta' Lulju 2005,

Holcim (Deutschland) AG, li qabel kienet Alsen AG, stabbilita f'Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Niggemann u F. Wiemer, Rechtsanwälte,

parti rikorrenti

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, u G. Wilms, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, P. Kūris, J.Makarczyk, L. Bay‑Larsen u J.‑C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, Holcim (Deutschland) AG titlob qiegħda l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ April 2004, Holcim (Deutschland) AG vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (T-28/03, Ġabra p. II-1357, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha din ċaħdet ir-rikors għal danni li hija tallega li sofriet minħabba spejjeż ta' garanzija bankarja wara multa imposta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/815/KE tat-30 ta' Novembru 1994, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (Każ IV/33.126 u 33.322 – Siment) (ĠU L 343, p. 1), li ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Siment" (T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew indikati fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza kkontestata, kif ġej:

"1      Ir-rikorrenti, il-kumpannija Alsen AG, li saret Holcim (Deutschland) AG, li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab f'Hamburg (Il-Ġermanja), timmanifattura materjal ta' kostruzzjoni. Alsen AG hija r-riżultat ta' l-amalgamazzjoni li saret fl-1997 bejn Alsen Breitenburg Zement- und Kalkwerke GmbH (iktar 'il quddiem "Alsen Breitenburg") u Nordcement AG (iktar 'il quddiem "Nordcement")..

2      Bid-(deċiżjoni Siment), il-Kummissjoni kkundannat lil Alsen Breitenburg u Nordcement għal multi ta' EUR 3.841 miljun u ta' EUR 1.85 miljun rispettivament, għall-ksur ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE).

3      Alsen Breitenburg u Nordcement ressqu rikorsi għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Dawn ir-rikorsi ġew irreġistrati bir-referenzi T-45/95 u T-46/95 u sussegwentement ġew magħquda mar-rikorsi ppreżentati mill-kumpanniji l-oħra milquta mid-deċiżjoni Siment.

4      Skond il-fakultà mogħtija mill-Kummissjoni, Alsen Breitenburg u Nordcement iddeċidew li jikkostitwixxu garanzija bankarja biex b'hekk jevitaw il-ħlas immedjat tal-multi in kwistjoni. Il-garanzija bankarja ta' Alsen Breitenburg ġiet ikkostitwita mit-3 ta' Mejju 1995 sat-2 ta' Mejju 2000 mal-Berenberg Bank, b'kummissjoni annwali ta' 0.45%. Nordcement ikkostitwiet mit-18 ta' April 1995, sat-3 ta' Mejju 2000 garanzija bankarja mad-Deutsche Bank, b'kummissjoni annwali ta' 0.375% u kummissjoni waħda tal-bidu ta' EUR 15.34. B'kollox, ir-rikorrenti ħallsu lill-banek, biex jikkostitwixxu l-garanziji bankarji, total ta' EUR 139 002.21.

5      B[is-]sentenza [Siment, iċċitata iktar 'il fuq], il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni Siment f'dak li jirrigwarda r-rikorrenti u kkundannat il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

6      Skond l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, u b'ittra tat-28 ta' Settembru 2001, ir-rikorrenti għaldaqstant talbet lill-konvenuta l-ħlas lura, minn naħa, ta' l-ispejjeż tal-proċedura (partikolarment l-ispejjeż ta' l-avukat li ammontaw għal EUR 545 000), u min-naħa l-oħra, ta' l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji.

7      B'ittra ta' l-24 ta' Jannar 2002, il-konvenuta pproponiet lir-rikorrenti l-ħlas lura ta' parti mill-ispejjeż ta' l-avukat (total ta' EUR 130 000), iżda rrifjutat li tħallas lura l-ispejjeż tal-garanzija bankarja, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza relattiva għall-ispejjeż, skond l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura.

8      B'ittra tal-5 ta' April 2002, ir-rikorrenti mill-ġdid stiednet lill-konvenuta biex tħallas lura l-ammont sħiħ ta' l-ispejjeż ta' l-avukat u tal-garanzija bankarja. Għall-ħlas lura tal-garanzija bankarja, ir-rikorrenti bbażat ruħha din id-darba, fuq it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 228 KE u l-Artikolu 233 KE, kif ukoll fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni (T-171/99, Ġabra p. II-2967), li ġiet deċiża sadattant.

9      Permezz ta' ittra elettronika tat-30 ta' Mejju 2002, il-konvenuta pproponiet il-pagament ta' l-ispejjeż ta' l-avukat għall-ammont ta' EUR 200 000. Fir-rigward ta' l-ispejjeż tal-garanzija bankarja, hija reġgħet irrifjutat li tħallashom lura, minħabba l-fatt li l-possibbiltà ta' differiment tal-ħlas tal-multa bil-kostituzzjoni ta' garanzija bankarja kienet sempliċiment għażla u għaldaqstant hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ispejjeż li huma konsegwenza tad-deċiżjoni tal-kumpanniji li jirrikorru għal din il-possibbiltà.”

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

3       B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti talbet:

–       li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lilha s-somma ta’ EUR 139,002.21, bl-imgħax tad-dewmien bir-rata ta’ 5.75% fis-sena mill-15 ta’ April 2000;

–       li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

4       Il-konvenuta min-naħa tagħha titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, safejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 233 KE;

–       tiċħad ir-rikors kollu, safejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 288 KE :

–       bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, safejn jikkonċerna l-ispejjeż ta' garanzija bankarja sostnuti qabel il-31 ta' Jannar 1998;

–       bħala infondat għall-bqija;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

5       Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiddikjara r-rikors ammissibbli, safejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 233 KE;

–       sussidjarjament, tinterpreta r-rikors, safejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 233 KE, bħala rikors għal annullament jew rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni;

–       tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

6       Bis-sentenza kkontestata, mogħtija wara li semgħet lill-partijiet u l-osservazzjonijiet u risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx ir-rikors.

7       Fl-ewwel lok, hija qieset li r-rikors kien inammissibbli sa fejn kien ibbażat fuq l-Artikolu 233 KE.

8       Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, fil-kuntest tat-Trattat KE, ir-rimedji fid-dritt possibbli għall-partijiet fil-kawża sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom huma indikati limitativament. Issa, l-Artikolu 233 KE, li jirrigwarda l-obbligi li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma jagħtix dan ir-rimedju fid-dritt, ma jistax b’mod awtonomu joħloq talba intiża li tikseb il-ħlas lura ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja. Il-Qorti tal-Prim’Istanza barra minn hekk irrifjutat li tinterpreta t-talba bħala li tikkostitwixxi rikors għal annullament jew għal nuqqas ta’ azzjoni wara li kkonstatat li l-għan inizjali kien jikkonsisti f’rikors għal danni (punt 46 tas-sentenza kkontestata).

9       Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-rikors, sa fejn kien ibbażat fuq l-Artikolu 288 KE, kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli f’parti u infondat f’parti.

10     Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, hekk kif allegat il-konvenuta, li r-rikors kien f’parti inammissibbli, peress li l-azzjoni għal danni kienet preskritta skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija fakkret li t-terminu tal-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali jibda jiddekorri biss meta jseħħu l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens (punt 59 tas-sentenza kkontestata). Hija qieset f’dan il-każ li dawn il-kundizzjonijiet seħħu mal-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji sa fejn ir-rikorrenti, meta qieset li d-deċiżjoni Siment kienet illegali, setgħet tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (punt 63 tas-sentenza kkontestata). Wara kollox it-terminu ta’ preskrizzjoni ma ġiex interrott ħlief bil-preżentata tat-talba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2003. Billi applikat id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-azzjoni għal danni kienet preskritta għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-garanzija bankarja sostnuti qabel il-31 ta’ Jannar 1998 (punt 74 tas-sentenza kkontestata).

11     Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq il-mertu fir-rigward ta’ l-ispejjeż sostnuti wara din id-data. Għall-ewwel stħarrġet jekk l-aġir tal-Kummissjoni kienx jikkonsisti fi ksur ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju. Hija fakkret li hija stess kienet ikkonstatat l-illegalità tad-deċiżjoni Siment fis-sentenza Siment, iċċitata iktar ‘il fuq. Hija ddeċidiet madankollu li din l-illegalità ma kinitx tikkostitwixxi ksur ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju. Hija ċertament irrikonoxxiet li l-Kummissjoni ma kinitx tiddisponi f’dan il-każ minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-non osservanza tad-dritt komunitarju seta’ jiġi analizzat bħala ksur ikkaratterizzat (punti 95 sa 100 tas-sentenza kkontestata). Hija fakkret madankollu li l-fatti li wasslu għad-deċiżjoni Siment kienu ta’ kumplessità estrema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-ksur tad-dritt komunitarju ma kienx f’dan il-każ suffiċjentement ikkaratterizzat (punti 101 sa 116 tas-sentenza kkontestata).

12     Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza stħarrġet ness ta’ kawżalità bejn il-komportament tal-Kummissjoni u d-dannu invokat. Hija qieset li n-ness ma kienx stabbilit sa fejn il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja rriżultat mill-għażla libera tar-rikorrenti u mhux mill-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (punti 119 sa 131 tas-sentenza kkontestata).

13     Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant iddeċidiet li kien mingħajr skop li tippronunzja ruħha fuq id-dannu subit u ċaħdet ir-rikors fuq il-mertu.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti ttenni t-talbiet ifformulati fl-ewwel istanza u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza kkontestata;

–       tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 139,002.21, bl-imgħax għad-dewmien b’rata ta’ 5.75% fis-sena mill-15 ta’ April 2000;

–       sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi mill-ġdid u tieħu in kunsisderazzjoni l-evalwazzjoni ġuridika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja;

–       tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha.

15     Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad l-appell;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 L-appell

16     L-appell huwa bbażat fuq tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-iżball fid-dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet billi qieset li kienet parzjalment preskritta l-azzjoni għal danni bbażata fuq Artikoli 235 KE u 288 KE. It-tieni huwa bbażat fuq l-iżball fid-dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet meta stħarrġet l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Komunità. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-iżball li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza meta ddeċidiet li n-ness ta kawżalità bejn l-illegatità tad-deċiżjoni Siment u l-kostituzzjoni ta’ l-ispejjeż tal-garanzija ma kienx stabbilit f’dan il-każ.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

17     Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri biss meta ngħata l-annullament tad-deċiżjoni Siment. Hija tibbaża r-raġunament tagħha fuq is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kummissjoni (256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 10), li minnha jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni m’għandux jibda jiddekorri qabel ma jseħħu l-kundizzjonijiet kollha li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens u b’mod partikolari qabel ma d-dannu li jrid jiġi kkumpensat jiġi kkonkretizzat.

18     Issa, skond ir-rikorrenti, l-annullament tad-deċiżjoni Siment kien f’dan il-każ kundizzjoni ta’ l-obbligu ta’ kumpens.

19     Ir-rikorrenti tqis li billi kkostitwixxiet il-garanziji bankarji, hija ssodisfat obbligu ġuridiku li ma spiċċax ħlief bid-deċiżjoni ta’ annullament. Hija tqis ukoll li d-dannu huwa strettament marbut mal-preżentata ta’ rikors għal annullament għaliex huwa minħabba dan ta’ l-aħħar u min-nuqqas ta’ natura sospensiva tiegħu li l-garanziji bankarji ġew ikkostitwiti.

20     Hija tafferma barra minn hekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza żviluppat raġunament żbaljat, ibbażat fuq is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1976, Kurt Kampffmeyer Mühlenvereinigung KG et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (56/74 sa 60/74, Ġabra p. 711), billi ddeċidiet li kien possibbli għaliha tippreżenta rikors għal danni mill-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji. Hija tqis fil-fatt li dan l-użu ta’ rikors previst fl-Artikolu 288 KE kien jikkostitwixxi aġġirament tal-proċedura ddestinat li jevita l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà imposti mill-Artikolu 230 KE għar-rikors għal annullament.

21     Ir-rikorrenti fl-aħħar nett tqis li, kontra dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dannu xejn ma kien kontinwat imma seħħ kompletament mal-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji. Hija tgħid li kuntratt wieħed u uniku kien ġie ffirmat mal-banek. Dan il-kuntratt kien barra minn hekk limitat ratione temporis mat-tul tal-proċedura ġudizzjarja u li r-rati ta’ imgħax kienu annwali. Barra minn hekk, ma kienet saret l-ebda fatturazzjoni ta’ l-ispejjeż bankarji marbuta ma dawn il-garanziji.

22     Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie interrott bil-preżentata ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Skond ir-rikorrenti, il-fatti tal-każ ma kinux ġew definittivament ikkonstatati ħlief fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u l-preżentata tat-talba għad-danni kienet tiddependi essenzjalment mill-kwistjoni tal-proċedura ta’ annullament.

23     Il-konvenuta tqis min-naħa tagħha li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat eżattament ir-regoli ta’ preskrizzjoni. Hija ssostni b’mod partikolari li d-deċiżjoni illegali tikkostitwixxi l-fatt li kkawża r-responsabbiltà.

24     Hija tqis li l-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji ma tistax titqies li hija obbligu ġuridiku sa fejn hija tirriżulta mill-għażla libera tar-rikorrenti li setgħat bl-istess mod tiddeċiedi li tħallas il-multa. Billi annullat id-deċiżjoni Siment, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ma setgħatx twaqqaf obbligu ineżistenti. L-annullament mhuwiex għaldaqstant il-kawża tar-responsabbiltà, peress li din ta’ l-aħħar tinsab bil-kontra fid-deċiżjoni Siment stess.

25     Il-konvenuta ssostni wkoll li r-rikorrenti setgħet, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, tippreżenta rikors għal danni mill-kostituzzjoni tal-garanziji. Il-konvenuta tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament applikat is-sentenza Kampffmeyer et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, peress li rikorsi ta’ l-Artikoli 230 KE u 288 KE kienu awtonomi.

26     Barra minn hekk, il-konvenuta tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball fid-dritt meta ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji.

27     Il-konvenuta ssostni wkoll li l-preżentata ta’ rikors għal annullament ma interrompiex it-terminu ta’ preskrizzjoni filwaqt li ssostni li l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi espressament li dan it-terminu huwa interrott bil-preżentata ta’ rikors għal danni. Rikors għal annullament b’hekk ma jinterrompix l-imsemmi terminu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28     L-ewwel motiv jinqasam fi tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-evalwazzjoni ta’ meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni

29     It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għar-responsabbiltà tal-Komunità jibda jiddekorri meta jseħħu l-kundizzjonijiet kollha li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens u ,b’mod partikolari, meta d-dannu li jrid jiġi ssanat jikkonkretizza ruħu. Barra minn hekk, fir-rigward tal-każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-Komunità tkun ikkawżata minn att normattiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta l-effetti dannużi ta’ dan l-att iseħħu.

30     Soluzzjoni differenti terġa' tqiegħed in kawża l-prinċipju ta’ l-awtonomija tar-rikorsi peress li jġib il-proċedura ta’ rikors għal danni tiddependi mit-twaqqif ta’ rikors għal annullament. Din is-soluzzjoni tista’ tiġi trasposta għall-kontroversji ġġenerati minn atti individwali. F’dawn il-kontroversji, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta d-deċiżjoni tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tal-persuni li hija ssemmi.

31     Issa, f’dan il-każ, l-effetti dannużi tad-deċiżjoni Siment ġew prodotti fil-konfront tal-predeċessuri tal-kumpannija rikorrenti mill-kundanna tagħhom sabiex iħallsu multa. Dawn il-kundanni kellhom magħhom il-possibbiltà, miftuħa sabiex jiġi evitat li jitħallsu minnufih il-multi, li jikkostitwixxu garanziji bankarji. Kontra dak li huwa sostnut mir-rikorrenti, l-effetti dannużi tad-deċiżjoni Siment ma seħħux mill-annullament, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ din id-deċiżjoni. Huwa fil-fatt irrilevanti, sabiex jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-aġir illegali tal-Komunità jkun ġie kkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja.

32     Il-predeċessuri tal-kumpannija rikorrenti setgħu b’konsegwneza, skond is-soluzzjoni indikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 6 tas-sentenza Kampffmeyer et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, tippreżenta rikors intiż li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità mill-mument li l-kawża tad-dannu tkun saret ċerta, jiġifieri, f’dan il-każ, mill-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji. Kontra dak li tallega r-rikorrenti, din ma setgħatx tikkostitwixxi raġġirament tal-proċedura, peress li r-rikors għal dannu huwa awtonomu b’relazzjoni mar-rikors għal annullament.

33     Għaldaqstant, l-ewwel taqsima ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 68 tas-sentenza kkontestata, wettqet żball fid-dritt meta ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fid-data tal-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji. Fil-fatt, jekk l-azzjoni għal responsabbiltà setgħet bla dubju titressaq mill-kostituzzjoni tal-garanziji, għaliex f’din id-data d-dannu kkawżat mid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni kien ċert fil-prinċipju tiegħu u seta’ jiġi evalwat fil-portata tiegħu, il-preskrizzjoni setgħet tiddekorri, min-naħa tagħha, biss mill-mument li d-dannu pekunjarju kien effettivament seħħ, jiġifieri minn meta, f’dan il-każ, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja kienu bdew jiddekorru. Imma tkun xi tkun id-data finali, din hija sew qabel il-pronunzja tas-sentenza Siment, iċċitata iktar 'il fuq, li r-rikorrenti tqis li hija dik minn mindu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni. L-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar in-natura kontinwata tad-dannu

34     Id-dannu allegat mir-rikorrenti jikkonsisti f’somom li hija kellha tħallas lill-banek għall-kostituzzjoni tal-garanziji. Hekk kif jirriżulta mid-dokumenti fl-inkartament sottomessi lill-Qorti tal-Prim’Istanza u fil-proċedura quddiemha, dawn l-ispejjeż bankarji kienu kkalkulati pro rata skond in-numru ta’ ġranet li matulhom il-garanziji bankarji kienu fis-seħħ.

35     L-ammont tad-dannu allegat kien jiżdied skond il-proporzjoni ta’ ġranet li jgħaddu. Ir-rikorrenti konsegwentement mhijiex korretta meta ssostni li d-dannu kellu natura immedjata u dan unikament mal-kostituzzjoni tal-garanziji bankarji. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament qieset, fil-punt 69 tas-sentenza kkontestata, li d-dannu invokat mir-rikorrenti kellu natura kontinwata. Hemm lok għaldaqstant li tiġi miċħuda t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv.

 Fuq it-tielet parti, dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni

36     Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preskrizzjoni tiġi interrotta, f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, kemm mir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mit-talba preliminari li vittma tista’ tindirizza lill-istituzzjoni kompetenti tal-komunitajiet. Peress li l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-azzjonijiet kontra l-komunitajiet f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, it-"talba" fis-sens ta’ dan it-test, li hija barra minn hekk meqjusa li hija sospensiva tal-preskrizzjoni, hija dik li tfittex li tikkontesta din ir-responsabbiltà, skond l-Artikolu 288(2) KE. Rikors għal annullament ma għandux għaldastant jitqies li huwa "talba" tali li tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti mhijiex korretta li ssostni, fl-aħħar parti ta’ l-ewwel motiv tagħha, li huwa minħabba żball fid-dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-preżentata ta’ rikors għal annullament ma interrompiex it-terminu ta’ preskrizzjoni.

37     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

38     Ir-rikorrenti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fid-dritt meta stħarrġet ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju bħala kundizzjoni ta’ l-obbligu ta’ kumpens tal-Komunità.

39     Hija ssostni lli l-kriterju tal-ksur suffiċjentement ikkaratterizzat mhuwiex applikabbli fil-każ ta’ azzjoni normattiva tal-Komunità. Issa, f’dan il-każ, huwa f’dan il-kuntest ġuridiku maħluq mill-annullament ta’ miżura individwali ta’ natura amministrattiva li r-responsabbiltà tal-Komunità tiġi mistħarrġa. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma stħarrġitx, skond ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat, peress li l-konstatazzjoni sempliċi ta’ illegalità kienet suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-obbligu ta’ kumpens.

40     Hija żżid li l-kriterju tal-ksur suffiċjentement ikkaratterizzat huwa mitlub fil-kuntest ta’ atti normattivi sabiex jevita kontroversji numerużi, kontroversji li huma inqas probabbli meta jirrigwardaw atti individwali, bħal ma huwa f’dan il-każ.

41     Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li hemm lok, f’dan il-każ, ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju. Hija tibbaża ruħha għal dan fuq il-ġurisprudenza li tqis li hemm ksur suffiċjentement ikkaratterizzat meta istituzzjoni tonqos milli tirrikonoxxi b’mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, u infrazzjoni sempliċi tkun suffiċjenti meta din is-setgħa tkun limitata fiha nifisha (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553). Ir-rikorrenti tqis li l-marġni diskrezzjonali tal-konvenuta kien f’dan il-każ limitat u tqabbel dan il-punt ma l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 100 tas-sentenza kkontestata). Min-naħa l-oħra, hija tqis li b’mod żbaljat il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-kumplessità tal-fatti u d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt komunitarju sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat, peress li l-ġurisprudenza ċċitata ma tippermettix, skond ir-rikorrenti, li tibbaża s-sentenza kkontestata fuq dawn il-motivi.

42     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatti f’dan il-każ ma kinux, f’dak li jikkonċerna lilha, kumplessi u li t-tul tas-sentenza Siment, iċċitata iktar 'il fuq, tispjega ruħha bis-sempliċi fatt li l-konvenuta u l-Qorti tal-Prim’Istanza ppreferew jgħaqqdu diversi kawżi differenti konnessi pjuttost milli jaffrontaw f’sentenza separata l-każijiet tal-kumpanniji Alsen Breitenburg u Nordcement.

43     Il-konvenuta tqis min-naħa tagħha li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament stħarrġet l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat.

44     Hija ssostni b’mod partikolari li d-distinzjoni operata mir-rikorrenti bejn atti normattivi u atti individwali mhijiex rilevanti. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura ta’ l-atti mhijiex fil-fatt kriterju determinanti sabiex jiġu identifikati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet (ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 40 u 42). Hija tqis li, sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, huwa neċessarju li tqiegħed lilek innifsek fil-mument ta’ meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-Kummissjoni f’dan il-mument u għaldaqstant li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kumplessità tal-fatti li wasslu għall-kawża. Hija tqis barra minn hekk li n-nuqqas ta’ kumplessità tal-fatti, allegat mir-rikorrenti, hija kwistjoni li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

45     Sussidjarjament, il-konvenuta ssostni li l-evalwazzjoni tal-kumplessità tal-fatti ma għandhiex tkun limitata biss għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fl-appell imma għandha wkoll tieħu in kunsiderazzjoni t-totalità tas-sitwazzjonijiet li jkunu wasslu lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni Siment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46     It-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tistħarreġ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju

47     It-teħid tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huwa suġġett għal numru flimkien ta’ kundizzjonijiet, li fosthom tidher, meta tqum il-kwistjoni ta’ l-illegalità ta’ att ġuridiku, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ regola tad-dritt li għandha bħala suġġett il-konferiment ta’ dritt lill-individwi. Għal dak li jirrigwarda din il-kundizzjoni, il-kriterju deċiżivi li bih jitqies li ksur tad-dritt komunitarju jkun suffiċjentement ikkaratterizzat huwa dak tan-nuqqas ta’ rikonoxximent manifest u gravi, minn istituzzjoni komunitarja, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni tiddisponi biss minn setgħa diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, il-ksur sempliċi tad-dritt komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat (sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 43 u 44).

48     In-natura ġenerali jew individwali ta’ att mhijiex determinanti biex jiġi stabbilit jekk dak li jkun ikun qed isib ruħu quddiem dan il-ksur (sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46, u ta’ l-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, Ġabra p. I-7541, punt 27).

49     Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda. Ir-rikorrenti mhijiex, konsegwentement, korretta li ssostni li l-kriterju tal-ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ regola tad-dritt huwa biss applikabbli meta tkun in kawża l-azzjoni normattiva tal-Komunità u li tkun eskluża meta, bħal f’dan il-każ, ikun in kawża att individwali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx konsegwentement, kontra dak li huwa sostnut, tillimita ruħha li tikkonstata l-eżistenza ta’ sempliċi illegalità, imma kellha, kif ġustament għamlet, tqis il-kriterju ta’ l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat. Konsegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza stħarrġet jekk kienx hemm f’dan il-każ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju mingħajr ma wettqet żball fis-sentenza tagħha. Isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-kriterji meħuda in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tidentifika ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju

50     Is-sistema użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tieħu b’mod partikolari in kunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li jridu jiġu affrontati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-awtur ta’ l-att in kwistjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 40, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, punt 24).

51     Bis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni mhux biss is-setgħa diskrezzjonali tal-konvenuta imma wkoll il-kumplessità tal-fatti u tad-diffikultajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt komunitarju sabiex tistħarreġ jekk il-ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju kienx stabbilit. Il-kriterji li qieset sabiex tistħarreġ l-eżistenza ta’ dan il-ksur tad-dritt komunitarju mhumiex konsegwentement ivvizzjati bi żball fid-dritt. It-tieni parti tat-tieni motiv għandha konsegwentement tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata sussidjarjament li l-fatti f’dan il-każ ma kinux kumplessi

52     Ir-rikorrenti tippreżenta żewġ argumenti intiżi li jgħidu li l-fatti ma kinux kumplessi. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-kumplessità tal-fatti kkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta biss mit-tul tas-sentenza Siment, iċċitata iktar 'il fuq, li hija dovuta biss għaċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, f’din is-sentenza, li tgħaqqad diversi kawżi konnessi, sabiex tkun tista’, bla diffikultà, tiddeċiedi dwar sentenza distinta għall-kumpanniji Alsen Breitenburg u Nordcement.

53     Madankollu, kontra dak li huwa sostnut, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeduċietx, fis-sentenza kkontestata, il-kumplessità tal-fatti mit-tul partikolari tas-sentenza Siment. Huwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża Siment, iċċitata iktar 'il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 114 tas-sentenza kkontestata, li l-konvenuta sabet ruħha li kellha taffronta sitwazzjonijiet kumplessi li trid issolvi. Konsegwentement, ir-rikorrenti mhijiex korretta meta ssostni li huwa minħabba żball fid-dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet, mit-tul tas-sentenza Siment, tul li mhuwiex spjegat ħlief mill-għaqda ta’ diversi kawżi, għall-konklużjoni li l-fatti f’dan il-każ kienu kumplessi.

54     Peress li dan jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatti f’dan il-każ kinux kumplessi, hemm lok li jiġi mfakkar li jirriżulta mit-tienu subparagrafu ta’ l-Artikolu 225(1) KE u mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell mhuwiex limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt.

55     Kif ġie mfakkar fil-punt 50 ta' din is-sentenza, is-sistema ta’ responsabbiltà użata mill-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li jittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-grad ta’ kumplessità tal-każ li l-amministrazzjoni komunitarja kellha taffronta. Il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatti in kwistjoni f’azzjoni ta’ responsabbiltà għandhomx natura kumplessa joħroġ unikament mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ma jistax jiġi diskuss fil-kuntest ta’ appell ħlief fil-każ ta’ żnaturazzjoni, li ma ġiex invokat f’dan il-każ. Għaldaqstant, din il-parti tal-motiv mhijiex ammissibbli.

56     Peress li t-tielet parti tat-tieni motiv hija parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu.

57     Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fid-dritt meta ddeċidiet li ma kienx hemm, f’dan il-każ, ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt komunitarju, ksur li kien biss ta’ natura li tqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett it-teħid ta’ din ir-responsabbiltà, din il-kunsiderazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-appell, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti tagħti deċiżjoni fuq it-tielet motiv, dwar l-eżistenza ta’ ness ta kawżalità bejn l-aġir ikkontestat tal-Komunità u d-dannu allegat.

 Fuq l-ispejjeż

58     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell bis-saħħa ta’ l-Artikolu 118, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet l-appell tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Holcim (Deutschland) AG għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top