EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0266

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-1 ta' Frar 2007.
Jose Maria Sison vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Eċċezzjonijiet - Interess pubbliku - Sigurtà pubblika - Relazzjonijiet internazzjonali - Dokumenti li servew ta' bażi għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra ċerti persuni fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu - Dokumenti sensittivi - Rifjut ta' aċċess - Rifjut li tiżvela l-identità ta' l-Istati minn fejn jemanaw uħud minn dawn id-dokumenti.
Kawża C-266/05 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:75

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta' Frar 2007 (*)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet – Interess pubbliku – Sigurtà pubblika – Relazzjonijiet internazzjonali – Dokumenti li servew ta' bażi għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra ċerti persuni fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Dokumenti sensittivi – Rifjut ta' aċċess – Rifjut li tiżvela l-identità ta' l-Istati minn fejn jemanaw uħud minn dawn id-dokumenti”

Fil-kawża C-266/05 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-24 ta' Ġunju 2005,

Jose Maria Sison, residenti f'Utrecht (L-Olanda), irrappreżentat minn J. Fermon, Avukat,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' 22 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tiegħu, is-Sur Sison jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropew tas-26 ta' April 2005, Sison vs Il-Kunsill (T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha din ta' l-aħħar ċaħdet ir-rikorsi tiegħu għall-annullament ta' tliet deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, tal-21 ta' Jannar, tas-27 ta' Frar u tat-2 ta' Ottubru 2003, li jirrifjutaw l-aċċess għal ċerti dokumenti (iktar 'il quddiem l-"ewwel deċiżjoni ta' rifjut", it-"tieni deċiżjoni ta' rifjut" u t-"tielet deċiżjoni ta' rifjut", rispettivament, kif ukoll, meħuda flimkien, id-"deċiżjonijiet ta' rifjut").

 Il-kuntest ġuridiku u fattwali

 Il-kuntest ġuridiku

2       It-tielet, ir-raba, id-disa' u l-ħdax il-premessa tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jipprovdu kif ġej:

"(3)      […] Dan ir-Regolament jikkonsolida l-inizjattivi li diġà ttieħdu mill-istituzzjonijiet bi skop li jsaħħu t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

(4)      L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta' l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[...]

(9)      Xi dokumenti għandhom jingħataw trattament speċjali, minħabba l-kontenut sensittiv ħafna tagħhom. [...]

[...]

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta' l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. [...]"

3       L-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi li l-għan ta' dan ta' l-aħħar huwa "li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta' interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [...] previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti".

4       L-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament jipprovdi, taħt it-Titolu "Benefiċjarji u skop":

"1.      Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f'Stat Membru, għandu dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f'dan ir-Regolament.

[...]

5.      Dokumenti sensittivi mfissra fl-Artikolu 9(1) għandhom ikunu soġġetti għal trattament speċjali skond dak l-Artikolu.

[...]"

5       Taħt it-Titolu "Eċċezzjonijiet", l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

"1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

(a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta':

–       is-sigurtà pubblika,

–       kwistjonijiet militari u ta' difiża,

–       relazzjonijiet internazzjonali,

–       il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta' Stat Membru;

[...]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

–       interessi kummerċjali ta' persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–       proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–       l-iskop ta' ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma' jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4.      Fir-rigward ta' dokumenti ta' partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun [sakemm ma jkunx] ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi żvelat.

5.      Stat Membru jista' jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma' jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

[…]"

6       L-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

"Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f'xi forma miktuba [...] L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni."

7       L-Artikolu 9 ta' l-istess Regolament jipprovdi:

"1.      Dokumenti sensittivi human [huma] dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala "TRÉS SECRET/TOP SECRET", "SECRET" jew "CONFIDENTIEL" skond ir-regoli ta' l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzali ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża.

[…]

3.      Dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta' mingħand min ġejjin.

4.      Istituzzjoni li tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess għal dokument sensittiv għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha b'mod li ma jagħmilx ħsara l-interessi mħarsa fl-Artikolu 4.

[…]"

8       Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001:

"Għal kull dokument, ir-reġistru għandhom jkollu numru ta' referenza […], il-materja u/jew deskrizzjoni fil-qosor tal-kontentu tad-dokument […] Ir-referenzi għandhom isiru b'mod li ma jagħmlux ħsara 'l-ħarsien ta' l-interessi fl-Artikolu 4."

9       Taħt it-Titolu "Aċċess dirett f'forma elettronika jew permezz ta' reġistru", l-Artikolu 12(1) u (2) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

"1.      L-istituzzjonijiet għandhom, sa' fejn possibbli jagħmlu dokumenti direttament aċċessibbli lill-pubbliku f'forma elettronika jew permezz ta' reġistru skond ir-regoli ta' l-istituzzjoni involuta.

2.      B'mod partikolari, dokumenti legislattivi, jiġifieri, dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta' atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri, għandhom, bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9, ikunu direttament aċċessibbli."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10     Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati kif ġej mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 2 sa 8 tas-sentenza kkontestata:

"2      Fit-28 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2002/848/KE li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/460/KE (ĠU L 295, p. 12). Din id-Deċiżjoni inkludiet lir-rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għall-iffriżar tal-fondi u ta' l-assi finanzjarji stabbilit permezz ta' dan ir-Regolament (iktar 'il quddiem il-"lista kkontestata"). Din il-lista ġiet aġġornata, b'mod partikolari, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/974/KE, tat-12 ta' Diċembru 2002 (ĠU L 337, p. 85), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/480/KE, tas-27 ta' Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 81), li jħassru d-deċiżjonijiet preċedenti u jistabbilixxu lista ġdida. Kull darba, l-isem tar-rikorrent inżamm fuq din il-lista.

3      Abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrent talab, permezz ta' ittra konfermattiva tal-11 ta' Diċembru 2002, l-aċċess għad-dokumenti li kienu wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta d-Deċiżjoni 2002/848 u l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati li kienu pprovdew ċerti dokumenti f'dan ir-rigward. Permezz ta' ittra konfermattiva tat-3 ta' Frar 2003, ir-rikorrent talab l-aċċess għad-dokumenti ġodda kollha li kienu wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta d-Deċiżjoni 2002/974 li żammitu fuq il-lista kkontestata u l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati li kienu pprovdew ċerti dokumenti f'dan ir-rigward. Permezz ta' ittra konfermattiva tal-5 ta' Settembru 2003, ir-rikorrent talab speċifikament l-aċċess għar-rendikont tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) 11311/03 EXT 1 CRS/CRP, relattiv għad-Deċiżjoni 2003/480, kif ukoll għad-dokumenti kollha mressqa lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/480 u li jiffurmaw il-bażi ta' l-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fuq il-lista kkontestata.

4      Il-Kunsill irrisponda għal kull waħda minn dawn it-talbiet billi rrifjuta l-aċċess, anki parzjali, permezz [ta' l-ewwel, tat-tieni u tat-tielet deċiżjonijiet ta' rifjut], rispettivament.

5      F'dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta' rifjut, il-Kunsill indika li l-informazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-lista kkontestata kienet tinsab fir-rendikonti sommarji tal-Coreper tat-23 ta' Ottubru 2002 (13441/02 EXT 1 CRS/CRP 43) u ta' l-4 ta' Diċembru 2002 (15191/02 EXT 1 CRS/CRP 51), rispettivament, li kienu kklassifikati bħala 'CONFIDENTIEL UE'.

6      Il-Kunsill irrifjuta li jagħti aċċess għal dawn ir-rendikonti billi jinvoka l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa ddikjara, minn naħa, li 'l-iżvelar ta' [dawn ir-rendikonti] kif ukoll ta' l-informazzjoni li tinsab f'idejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membru li jiġġieldu kontra t-terroriżmu jippermetti lill-persuni, gruppi u entitajiet li huma s-suġġett ta' din l-informazzjoni li jxekklu l-azzjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet u jkunu ta' preġudizzju serju għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika'. Min-naħa l-oħra, skond il-Kunsill, l-'iżvelar ta' l-informazzjoni in kwistjoni tkun ukoll ta' preġudizzju għall-ħarsien ta' l-interess pubbliku f'dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, peress li l-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu [kienu] jinvolvu wkoll awtoritajiet ta' Stati terzi'. Il-Kunsill irrifjuta l-aċċess parzjali għal din l-informazzjoni minħabba li hija kienet 'kompletament koperta bl-eċċezzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq'. Minbarra dan, il-Kunsill irrifjuta li jiżvela l-identità ta' l-Istati li pprovdew informazzjoni rilevanti billi ddikjara li '[l-]awtorità[jiet] li mingħandhom toriġina l-informazzjoni in kwistjoni, wara li ġew ikkonsultati skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, [hija] [huma] kuntrarja[i] għall-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba'.

7      F'dak li jirrigwarda t-tielet deċiżjoni ta' rifjut, il-Kunsill l-ewwel nett iddikjara li t-talba tar-rikorrent kienet tikkonċerna l-istess dokument li għalih kien ġie rrifjutat l-aċċess permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut. Il-Kunsill ikkonferma l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut tiegħu u żied li l-aċċess għar-rendikont 13441/02 kellu wkoll jiġi rrifjutat minħabba l-eċċezzjoni relattiva għall-proċedimenti fil-qrati (it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001). It-tieni nett, il-Kunsill ammetta li bi żball kien indika bħala rilevanti r-rendikont 11311/03, relattiv għad-Deċiżjoni 2003/480. F'dan ir-rigward, huwa ddikjara li ma kienx irċieva informazzjoni jew dokumenti oħra li jiġġustifikaw ir-revoka tad-Deċiżjoni 2002/848 safejn din tikkonċerna lir-rikorrent.

8      Ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2002/974, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bin-Numru T-47/03."

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

11     Ir-rikorrent ippreżenta tliet rikorsi suċċessivi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li kienu intiżi għall-annullament ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut (kawża T-110/03), tat-tieni deċiżjoni ta' rifjut (kawża T-150/03) u tat-tielet deċiżjoni ta' rifjut (kawża T-405/03), rispettivament. Dawn it-tliet kawżi ġew magħquda.

12     Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet kull wieħed minn dawn ir-rikorsi.

13     Kif jirriżulta mill-punti 26, 34 u 35 tas-sentenza kkontestata, ir-rikors fil-kawża T-405/03 ġie ddikjarat, minn naħa, inammissibbli safejn jikkonċerna r-rifjut purament konfermattiv ta' aċċess għar-rendikont 13441/02 mogħti u, min-naħa l-oħra, infondat safejn jikkonċerna rifjut ta' aċċess għal dokumenti oħra, billi f'dan ir-rigward l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-ineżistenza ta' dawn id-dokumenti kienet ġiet stabbilita mill-Kunsill kif titlob il-liġi.

14     Ir-rikors fil-kawża T-150/03 ġie miċħud bħala infondat, billi l-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għall-konklużjoni, fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, li d-dokumenti mitluba mir-rikorrent ma kinux jeżistu.

15     Fir-rigward tal-kawża T-110/03, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, preliminarjament, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza kkontestata:

"46      F'dak li jirrigwarda l-portata ta' l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-legalità ta' deċiżjoni ta' rifjut, għandu jiġi osservat li, fis-sentenzi [tad-19 ta' Lulju 1999,] Hautala vs Il-Kunsill, [T‑14/98, Ġabra p. II‑2489], punt 71, u [tas-7 ta' Frar 2002,] Kuijer vs Il-Kunsill, [T‑211/00, Ġabra p. II‑485], punt 53, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li l-Kunsill għandu marġni wiesa' ta' diskrezzjoni fil-kuntest ta' deċiżjoni ta' rifjut ibbażata, in parti bħal f'dan il-każ, fuq il-ħarsien ta' l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fis-sentenza Kuijer vs Il-Kunsill, […], tali marġni ta' diskrezzjoni ġie rikonoxxut lill-istituzzjoni meta din tiġġustifika r-rifjut ta' aċċess tagħha billi tinvoka l-ħarsien ta' l-interess pubbliku in ġenerali. Għaldaqstant, fl-oqsma relattivi għall-eċċezzjonijiet mandatorji għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

47      Konsegwentement, l-istħarriġ li tagħmel il-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-legalità ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti abbażi ta' l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' abbuż ta' poter (ara, b'analoġija, is-sentenzi Hautala vs Il-Kunsill, […], punti 71 u 72, ikkonfermata fl-appell, u Kuijer vs Il-Kunsill, […], punt 53)."

16     Fid-deċiżjoni tagħha fuq il-motiv tar-rikorrent li skondu r-rifjut ta' aċċess għad-dokumenti mitluba jimplika ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, b'mod iktar partikolari tal-garanziji previsti fl-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"KEDB"), u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet kif ġej fil-punti 50 sa 55 tas-sentenza kkontestata:

"50      Għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet huma '[k]ull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f'Stat Membru'. Minn dan jirriżulta li dan ir-Regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta' kulħadd għad-dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess ta' l-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh.

51      Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjonijiet għall-aċċess tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati f'termini mandatorji. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet huma obbligati li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet, meta tinġieb il-prova taċ-ċirkustanzi indikati (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T-105/95, Ġabra p. II-313, punt 58, u tat-13 ta' Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 39).

52      Għalhekk, l-interess partikolari li jista' jsostni li għandu applikant li jitlob l-aċċess għal dokument li jikkonċernah personalment ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet mandatorji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      Ir-rikorrent essenzjalment jallega li l-Kunsill kien obbligat li jagħtih aċċess għad-dokumenti mitluba safejn dawn id-dokumenti huma neċessarji għalih sabiex ikun iggarantit id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-kawża T-47/03.

54      Issa, peress li, fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, il-Kunsill invoka l-eċċezzjonijiet mandatorji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa ma jistax jiġi akkużat li ma ħax in kunsiderazzjoni l-eventwali bżonn partikolari tar-rikorrent li jkollu d-dokumenti mitluba għad-dispożizzjoni tiegħu.

55      Għalhekk, anki jekk jitqies li dawn id-dokumenti jirriżultaw neċessarji għad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-kawża T-47/03, kwistjoni li għandha tiġi eżaminata f'din il-kawża, din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-validità ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut."

17     Sabiex tiċħad it-tieni motiv invokat mir-rikorrent, ibbażat fuq li l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut kienet kisret l-obbligu ta' motivazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet skond l-Artikolu 253 KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq il-motivi segwenti:

"60      F'dak li jirrigwarda talba għall-aċċess għad-dokumenti, meta l-istituzzjoni in kwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f'kull każ, abbażi ta' l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li għalihom ikun qiegħed jintalab l-aċċess effettivament jaqgħu fl-ambitu ta' l-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 P u C-189/98 P, Ġabra p. I-1, punt 24). Madankollu, jista' jkun impossibbli li jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta' kull dokument, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta' dan ta' l-aħħar, u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiġi mċaħħda mill-finalità essenzjali tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenza WWF UK vs Il-Kummissjoni, […] punt 65).

61      Fil-kuntest ta' din il-ġurisprudenza, hija għalhekk l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jaqax fl-ambitu ta' l-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta' ħarsien relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali.

62      F'dan il-każ, fir-rigward tar-rendikont 13441/02, il-Kunsill indika b'mod ċar l-eċċezzjonijiet li fuqhom huwa kien qiegħed jibbaża r-rifjut tiegħu billi invoka kumulattivament l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa indika b'liema mod dawn l-eċċezzjonijiet kienu rilevanti fir-rigward tad-dokumenti kkonċernati billi rrefera għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u għall-intervent ta' Stati terzi. Minbarra dan, huwa pprovda spjegazzjoni qasira fir-rigward tal-bżonn ta' ħarsien invokat. Għalhekk, f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, huwa spjega li l-iżvelar tad-dokumenti jagħti lill-persuni li huma s-suġġett ta' din l-informazzjoni l-opportunità li jxekklu l-azzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi. F'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, huwa rrefera, fil-qosor, għall-involviment ta' Stati terzi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-qosor ta' din il-motivazzjoni huwa aċċettabbli fid-dawl tal-fatt li l-indikazzjoni ta' informazzjoni addizzjonali, li tirreferi b'mod partikolari għall-kontenut tad-dokumenti kkonċernati, iċċaħħad l-eċċezzjonijiet invokati mill-finalità tagħhom.

63      F'dak li jirrigwarda r-rifjut ta' aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti, il-Kunsill espressament iddikjara, minn naħa, li kien eżamina din il-possibbiltà u, min-naħa l-oħra, ir-raġuni għaliex din il-possibbiltà kienet ġiet miċħuda, jiġifieri li d-dokumenti in kwistjoni kienu kompletament koperti mill-eċċezzjonijiet invokati. Għall-istess raġunijiet bħal ta' qabel, il-Kunsill ma setax jidentifika preċiżament l-informazzjoni li tinsab f'dawn id-dokumenti mingħajr ma jċaħħad l-eċċezzjonijiet invokati mill-finalità tagħhom. Il-fatt li din il-motivazzjoni tidher sterjotipata ma jikkostitwixxix, fih innifsu, nuqqas ta' motivazzjoni billi hija la timpedixxi l-komprensjoni u lanqas il-verifika tar-raġunament segwit.

64      F'dak li jirrigwarda l-identità ta' l-Istati li pprovdew dokumenti rilevanti, għandu jiġi osservat li l-Kunsill stess indika l-eżistenza ta' dokumenti li kienu ġejjin minn Stati terzi fid-deċiżjonijiet inizjali ta' rifjut tiegħu. Minn naħa, il-Kunsill indika l-eċċezzjoni mressqa f'dan ir-rigward, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, huwa pprovda ż-żewġ kriterji ta' applikazzjoni ta' din l-eċċezzjoni. Fl-ewwel lok, huwa impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidra li d-dokumenti in kwistjoni kienu dokumenti sensittivi. Dan il-fattur jidher komprensibbli u verifikabbli fid-dawl tal-kuntest rilevanti, b'mod partikolari fid-dawl tal-klassifikazzjoni tad-dokumenti in kwistjoni bħala 'CONFIDENTIEL UE'. Fit-tieni lok, il-Kunsill spjega li kien ikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati u li kien ħa nota ta' l-oppożizzjoni tagħhom li b'xi mod tiġi żvelata l-identità tagħhom.

65      Minkejja l-qosor relattiv tal-motivazzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut (żewġ paġni), ir-rikorrent kien pjenament f'pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet tar-rifjuti li ngħatawlu u l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet f'pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, il-Kunsill immotiva korrettament l-imsemmija deċiżjonijiet."

18     Permezz tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, ir-rikorrent allega l-ksur tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 UE, ta' l-Artikolu 6(1) UE, u ta' l-Artikolu 255 KE, kif ukoll ta' l-Artikolu 4(1)(a) u (6), u ta' l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

19     Fid-deċiżjoni tagħha fuq l-ewwel parti ta' dan it-tielet motiv, li skondha, fl-adozzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, il-Kunsill kien, fl-istess ħin, naqas milli jeżamina b'mod konkret il-kwistjoni jekk l-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba setax jippreġudika l-interess pubbliku, naqas milli jiżen l-interessi tiegħu u dawk tar-rikorrent u kiser il-prinċipju ta' l-interpretazzjoni stretta ta' l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet b'mod partikolari kif ġej fil-punti 71 sa 82 tas-sentenza kkontestata:

"71      Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Kunsill ma kienx obbligat, fil-kuntest ta' l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jieħu in kunsiderazzjoni l-interess partikolari tar-rikorrent li jikseb id-dokumenti mitluba (ara punti 52 u 54 iktar 'il fuq).

[...]

74      F'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-ħarsien ta' l-interess pubbliku relattiv għas-sigurtà pubblika, […]

[…]

77      […] għandu jiġi aċċettat li l-effettività tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tippresupponi li l-informazzjoni li jkollhom l-awtoritajiet pubbliċi dwar persuni jew entitajiet issuspettati b'terroriżmu tinżamm sigrieta sabiex din l-informazzjoni tibqa' rilevanti u tippermetti azzjoni effettiva. Għalhekk, l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokument mitlub kien neċessarjament ikun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku relattiv għas-sigurtà pubblika. F'dan ir-rigward, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrent bejn informazzjoni ta' ordni strateġika u informazzjoni li tikkonċernah personalment ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, kull informazzjoni personali tikxef neċessarjament ċerti aspetti strateġiċi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, bħalma huma s-sorsi ta' informazzjoni, in-natura ta' din l-informazzjoni jew il-livell ta' sorveljanza tal-persuni ssuspettati b'terroriżmu.

78      Għalhekk, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta rrifjuta l-aċċess għar-rendikont 13441/02 għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika.

79      F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-ħarsien ta' l-interess pubbliku relattiv għar-relazzjonijiet internazzjonali, huwa evidenti, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2002/848 u tar-Regolament Nru 2580/2001, li l-għan tiegħu, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, jidħol fl-ambitu ta' azzjoni internazzjonali li toriġina mir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Settembru 2001. Fil-kuntest ta' din l-azzjoni globali, l-Istati huma msejħa sabiex jaħdmu flimkien. Issa, l-elementi ta' din il-kooperazzjoni internazzjonali jinsabu wisq probabbilment, jekk mhux neċessarjament, fid-dokument mitlub. F'kull każ, ir-rikorrent ma kkontestax il-fatt li Stati terzi kienu involuti fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848. Għall-kuntrarju, huwa talab li l-identità ta' dawn l-Istati tiġi żvelata lilu. Minn dan jirriżulta li d-dokument mitlub jaqa' effettivament fl-ambitu ta' l-eċċezzjoni relattiva għar-relazzjonijiet internazzjonali.

80      Din il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-terroriżmu tippresupponi fiduċja min-naħa ta' l-Istati fil-kunfidenzjalità mogħtija lill-informazzjoni li huma għaddew lill-Kunsill. Fid-dawl tan-natura tad-dokument mitlub, il-Kunsill għalhekk seta' ġustament jikkunsidra li l-iżvelar ta' dan id-dokument seta' jikkomprometti l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

81      F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrent – li skondu l-fatt biss li Stati terzi huma involuti fl-azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni in kwistjoni – għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti iktar 'il fuq. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jippresupponi dan l-argument, il-kooperazzjoni ta' Stati terzi taqa' f'kuntest partikolarment sensittiv, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jiġġustifika li din il-kooperazzjoni tinżamm sigrieta. Minbarra dan, moqrija fl-intier tagħha, id-deċiżjoni tagħmilha ċara li l-Istati kkonċernati saħansitra rrifjutaw li tiġi żvelata l-identità tagħhom.

82      Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta qies li l-iżvelar tad-dokument mitlub seta' jkun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali."

20     Fid-deċiżjoni tagħha fuq it-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors, li skondha interpretazzjoni stretta tar-"regola ta' l-awtur" timplika li l-Kunsill għandu jindika l-identità ta' l-Istati li pprovdew dokumenti relattivi għad-Deċiżjoni 2002/848 u n-natura eżatta ta' dawn id-dokumenti sabiex ir-rikorrent ikun jista' jressaq talba għall-aċċess għal dawn id-dokumenti lill-awturi tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet f'dawn it-termini fil-punti 91 sa 99 tas-sentenza kkontestata:

"91      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-argument tar-rikorrent huwa essenzjalment ibbażat fuq ġurisprudenza antika rigward il-Kodiċi ta' kondotta tas-6 ta' Diċembru 1993, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 340, p. 41, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi ta' kondotta"), li ġie implementat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), u [permezz] tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta' Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58).

92      Skond dan il-Kodiċi ta' kondotta, meta l-awtur tad-dokument fil-pussess ta' istituzzjoni kien terza persuna, it-talba għal aċċess kellha tkun indirizzata direttament lil din il-persuna. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-istituzzjoni kellha tinforma lill-persuna kkonċernata bl-identità ta' l-awtur tad-dokument sabiex hija tkun tista' tikkuntattja lilu direttament (sentenza [tas-6 ta' Marzu 2003,] Interporc vs Il-Kummissjoni, [C-41/00 P, Ġabra p. I-2125], punt 49).

93      Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-istituzzjoni in kwistjoni li għandha tikkonsulta hija stess ma' l-awtur terza ħlief jekk ir-risposta, pożittiva jew negattiva, għat-talba għal aċċess tkun waħda ovvja. Fil-każ ta' l-Istati Membri, dawn jistgħu jitolbu li jintalab il-kunsens tagħhom.

94      Ir-regola ta' l-awtur, kif tinsab fil-Kodiċi ta' kondotta, għalhekk għaddiet minn bidla fundamentali fir-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan jirriżulta li l-identità ta' l-awtur għandha ħafna inqas importanza milli kellha taħt is-sistema preċedenti.

95      Minbarra dan, għad-dokumenti sensittivi, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li dawn id-dokumenti 'għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta' mingħand min ġejjin'. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti sensittivi jgawdu minn sistema ta' deroga li l-għan tagħha huwa evidentement li tiġi ggarantita s-segretezza dwar il-kontenut tagħhom u, ukoll, dwar l-eżistenza tagħhom.

96      Għalhekk, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jiżvela d-dokumenti in kwistjoni, li l-awturi tagħhom huma Stati, relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848, inkluża l-identità ta' dawn l-awturi, inkwantu, l-ewwel nett, dawn id-dokumenti huma dokumenti sensittivi u, it-tieni nett, l-Istati li huma l-awturi tagħhom kienu rrifjutaw li dawn jiġu żvelati.

97      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent la jikkontesta l-bażi ġuridika invokata mill-Kunsill, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jimplika li d-dokumenti kkonċernati huma kkunsidrati sensittivi, u lanqas il-fatt li l-Kunsill kien kiseb opinjoni negattiva mill-Istati li huma l-awturi tad-dokumenti kkonċernati.

98      Għall-kompletezza, mhemmx dubju li d-dokumenti in kwistjoni huma dokumenti sensittivi. […] Minbarra dan, fid-dawl tal-preżunzjoni ta' legalità marbuta ma' kull dikjarazzjoni ta' istituzzjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma ġab l-ebda prova li tindika li d-dikjarazzjoni tal-Kunsill – li skondha huwa kien kiseb opinjoni negattiva mill-Istati kkonċernati – hija żbaljata.

99      Għalhekk, il-Kunsill ġustament irrifjuta li jiżvela d-dokumenti in kwistjoni, inkluża l-identità ta' l-awturi tagħhom."

 Fuq l-appell

21     Fl-appell tiegħu, li in sostenn tiegħu huwa jinvoka ħames motivi, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza kkontestata u sussegwentement tiddeċiedi hija stess fuq il-kontroversja billi tilqa' t-talbiet li huwa ppreżenta fl-ewwel istanza għall-finijiet ta' l-annullament tad-deċiżjonijiet ta' rifjut. Ir-rikorrent jitlob ukoll li l-Kunsill jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.

22     Il-Kunsill jitlob li l-appell jiġi miċħud u li r-rikorrent jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell safejn jirrigwarda l-kawżi T‑150/03 u T‑405/03

23     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b'mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba (sentenza tat-12 ta' Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24     F'dan il-każ, minkejja li fir-rikors tiegħu r-rikorrent jitlob l-annullament tas-sentenza kkontestata inkwantu din ta' l-aħħar tiddeċiedi l-kawżi T-110/03, T-150/03 u T-405/03, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames motivi mqajma in sostenn ta' l-appell huma esklużivament diretti kontra l-motivi li l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuqhom sabiex tiċħad ir-rikors fil-kawża T-110/03. L-imsemmija motivi, min-naħa l-oħra, ma jinkludu l-ebda kritika kontra l-motivi kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiċħad ir-rikorsi fil-kawżi T-150/03 u T-405/03.

25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli inkwantu jfittex li tiġi annullata s-sentenza kkontestata safejn din ta' l-aħħar ċaħdet ir-rikorsi fil-kawżi T-150/03 et T-405/03.

 Fuq l-appell safejn jirrigwarda l-kawża T‑110/03

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 220 KE, 225 KE u 230 KE, u tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-dritt għal ħarsien ġudizzjarju effettiv

–       L-argumenti tar-rikorrent

26     Permezz ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li, meta ddeċidiet, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza kkontestata, li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali illimitata biex jiċħad l-aċċess għal dokumenti abbażi ta' l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-ħarsien ta' l-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta' tali setgħa diskrezzjonali huwa limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' abbuż ta' poter, il-Qorti tal-Prim'Istanza inġustament irrestrinġiet il-portata ta' l-istħarriġ sħiħ tal-legalità li hija għandha twettaq skond l-Artikolu 230 KE. Minbarra dan, l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza jawtorizza lil din ta' l-aħħar tibbaża l-istħarriġ tagħha fuq il-kontenut tad-dokument li l-aċċess għalih ikun ġie miċħud, u dan jikkonferma wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija obbligata twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jirrigwardaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta' dawn ta' l-aħħar.

27     Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni li tali stħarriġ sħiħ tal-legalità huwa ġġustifikat għall-inqas fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, li fil-fatt huwa distint minn tliet aspetti mill-kawża li wasslet għas-sentenza Hautala vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, li għaliha jirreferu l-punti 46 u 47 tas-sentenza kkontestata. L-ewwel nett, id-dokumenti mitluba u l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut jaqgħu kompletament fl-ambitu tat-Trattat KE u mhux f'dak tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni ddefinita skond it-Titolu V tat-Trattat UE. It-tieni nett, l-imsemmija dokumenti mhumiex għall-użu intern, iżda huma intiżi sabiex jalimentaw il-proċess leġiżlattiv u għandhom għalhekk jibbenefikaw minn aċċess iktar wiesa'. It-tielet nett, ir-rikorrent għandu interess leġittimu sabiex jikseb aċċess għal dawn id-dokumenti li jirrigwardawh personalment u li wasslu għall-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata.

28     Meta fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar iddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, li l-interess partikolari li jista' jsostni li għandu applikant għall-aċċess għal dokument li jirrigwardah personalment ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet mandatorji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żewġ żbalji fid-dritt.

29     Minn naħa, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli teżerċita l-istħarriġ tagħha mill-aspett tal-prinċipju ġenerali msemmi fl-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB, li skondu "kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin: [...] li jkun infurmat minnufih […] u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni ta' l-akkuża kontra tiegħu", minkejja, madankollu, li r-rikorrent jidħol fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata. Min-naħa l-oħra, billi b'hekk injorat l-interess partikolari tar-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma osservatx ir-regola li skondha d-deċiżjoni dwar talba għal aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet għandha tittieħed wara li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ.

30     Permezz tat-tieni parti ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li, billi astjeniet milli teżamina l-legalità ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut fid-dawl tal-prinċipju msemmi fl-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB u li tirrispondi għall-argumenti tiegħu fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq.

31     Permezz tat-tielet parti ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li, billi limitat il-portata ta' l-istħarriġ tal-legalità u billi astjeniet milli tilqa' l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju stabbilit fl-imsemmi Artikolu 6(3)(a), il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret ukoll id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv li għandu r-rikorrent abbażi ta' l-Artikolu 13 tal-KEDB.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-portata ta' l-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq skond l-Artikolu 230 KE tista' tvarja skond l-oqsma kkunsidrati.

33     Fir-rigward ta' l-istħarriġ ġudizzjarju ta' l-osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur Komunitarju f'oqsma li jitolbu minnu għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Minn dan hija ddeduċiet li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta' miżura adottata f'dawn l-oqsma, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li ssegwi, li tista' taffettwa l-legalità ta' tali miżura (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-10 ta' Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34     Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza aġixxiet ġustament, fil-linja tal-ġurisprudenza hekk imfakkra, meta ddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza kkontestata, fir-rigward tal-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess pubbliku għal dokument abbażi ta' waħda mill-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li għandu jiġi rrikonoxxut li din l-istituzzjoni ta' l-aħħar għandha marġni ta' diskrezzjoni wiesa' għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk l-iżvelar ta' dokumenti li jaqgħu f'oqsma koperti bl-imsemmija eċċezzjonijiet jistax jippreġudika l-interess pubbliku. Il-Qorti tal-Prim'Istanza aġixxiet ġustament ukoll meta ddeċidiet, fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' tali deċiżjoni għandu, għaldaqstant, ikun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, ta' l-eżatezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni u ta' abbuż ta' poter.

35     Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrikonoxxut li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali ta' l-interessi mħarsa permezz ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, flimkien man-natura mandatorja tar-rifjut ta' aċċess li, skond l-imsemmija dispożizzjoni, għandha tagħti l-istituzzjoni meta l-iżvelar lill-pubbliku ta' dokument jippreġudika dawn l-interessi, jagħtu lid-deċiżjoni li għandha hekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta' prudenza partikolari ħafna. Għalhekk, din id-deċiżjoni tirrikjedi marġni ta' diskrezzjoni.

36     Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ġenerali ħafna, u rifjut ta' aċċess għandu jingħata, kif jirriżulta mit-termini ta' din id-dispożizzjoni, meta l-iżvelar tad-dokument in kwistjoni jista' "jdgħajjef" il-ħarsien ta' l-"interess pubbliku" f'dak li jirrigwarda b'mod partikolari "is-sigurtà pubblika" jew ir-"relazzjonijiet internazzjonali".

37     F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-eżami tax-xogħol preparatorju li ppreċeda l-adozzjoni ta' l-imsemmi Regolament li diversi proposti intiżi sabiex jiġi speċifikat iktar il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1)(a) ta' dan ir-Regolament, li bla dubju kienu jippermettu li jiżdiedu f'miżura korrispondenti l-possibbiltajiet ta' stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjoni, ma ġewx adottati.

38     Dan japplika wkoll għall-preċiżazzjoni li kien hemm fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 2000, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU C 177, p. 70), preċiżazzjoni li kienet intiża sabiex tirriżerva l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-eċċezzjonijiet għall-każijiet ta' "preġudizzju sinjifikattiv" għall-ħarsien ta' l-imsemmija interessi. Dan huwa wkoll il-każ tat-tletin emenda għall-proposta fuq imsemmija, kontenuta fil-proposta leġiżlattiva li tinsab fir-rapport tal-Kumitat dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew (A5 0318/2000), li permezz tagħha kien issuġġerit li l-Artikolu 4 jiġi rriformulat b'mod li l-aċċess jiġi rrifjutat meta l-iżvelar ta' dokument jipperikola li jikkomprometti "b'mod sinjifikattiv" is-sigurtà pubblika jew "interess vitali" fir-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Unjoni.

39     Fit-tielet lok, u kif isostni ġustament il-Kunsill, l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza mhuwiex ta' natura li jqiegħed in kwistjoni l-fondatezza tal-prinċipji msemmija fil-punti 46 u 47 tas-sentenza kkontestata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tinsab fit-Tieni Taqsima tal-Kapitolu III tat-Tieni Titolu ta' l-imsemmija Regoli, li tirrigwarda l-miżuri istruttorji, li sempliċement tipprovdi fit-tielet subparagrafu tagħha li, "[m]eta dokument, li l-aċċessibbiltà tiegħu tkun ġiet miċħuda [l-aċċess għalih ikun ġie miċħud] minn istituzzjoni komunitarja, jitressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' rikors li jirrigwarda l-validità ta' din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet l-oħra". Din id-dispożizzjoni hija intiża qabel kollox sabiex tippriżerva l-effetti tad-deċiżjoni li ġiet meħuda minn istituzzjoni li ma tiżvelax dokument sakemm il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tkunx iddeċidiet fuq il-mertu, peress li l-fatt li ma jiġix żvelat id-dokument jikkostitwixxi preċiżament is-suġġett tal-kontroversja mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni proċedurali, minkejja li hija tipprovdi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista', jekk ikun il-każ, tasal biex tieħu konjizzjoni ta' dokument li l-aċċess għalih ġie miċħud lill-pubbliku, bl-ebda mod ma tista' tkun rilevanti sabiex tiddelimita l-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq skond it-Trattat KE.

40     Fir-rigward, fir-raba' lok, ta' l-argument sussidjarju tar-rikorrent, ibbażat fuq l-allegati ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ kif elenkati fil-punt 27 ta' din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li dawn ta' l-aħħar lanqas ma jistgħu jeżerċitaw xi influwenza fuq il-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha twettaq f'dan il-każ.

41     L-ewwel nett, fir-rigward ta' l-affermazzjoni tar-rikorrent li skondha d-dokumenti mitluba kienu f'dan il-każ ikkontribwew għall-adozzjoni ta' att ta' natura legiżlattiva, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki li kieku kellha titqies eżatta, din l-allegazzjoni ma tistax tinfluwixxi fuq il-kwistjoni jekk l-iżvelar ta' l-imsemmija dokumenti jistax jippreġudika l-interessi mħarsa permezz ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas, għaldaqstant, fuq il-kwistjoni jekk l-aċċess mitlub għal dawn id-dokumenti għandux jiġi miċħud. Għandu b'mod partikolari jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li għalkemm l-Artikolu 12(2) ta' l-imsemmija Regolament jipprovdi li dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta' atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri għandhom ikunu direttament aċċessibbli, huwa madankollu jżid li dan għandu japplika biss bla ħsara għall-Artikoli 4 u 9 ta' dan l-istess Regolament.

42     It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li r-rikorrent jallega li qed jibbaża fuq il-fatt li d-dokumenti mitluba u l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut jaqgħu kompletament fl-ambitu tat-Trattat KE u mhux minn dak tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan il-fatt mhuwiex ippruvat f'dan il-każ. Kif enfasizza l-Kunsill, id-Deċiżjoni 2002/848, li inkludiet ir-rikorrent fil-lista kkontestata, hija fil-fatt marbuta mill-viċin mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/847/PESK, tat-28 ta' Ottubru 2002, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/462/PESK (ĠU L 295, p. 1).

43     It-tielet nett, fir-rigward ta' l-interess speċifiku li għandu r-rikorrent sabiex ikollu għarfien tad-dokumenti li kien talab li jiġu żvelati, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu bħala għan li jagħti dritt ta' aċċess lill-pubbliku in ġenerali għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet u mhux li joħloq regoli intiżi sabiex iħarsu l-interess speċifiku li persuna partikolari jista' jkollha sabiex taċċedi għal xi wieħed minn dawn id-dokumenti.

44     Dan huwa dak li jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikoli 2(1), 6(1) u 12(1) ta' l-imsemmi Regolament, kif ukoll mit-titolu u mir-raba' u mill-ħdax-il premessa ta' dan ir-Regolament. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt tiggarantixxi indistintament id-dritt ta' aċċess lil kull ċittadin ta' l-Unjoni u lil kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, filwaqt li t-tieni waħda tispeċifika f'dan ir-rigward li l-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni. L-Artikolu 12(1) jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom, sa fejn huwa possibbli, jagħmlu dokumenti "direttament" aċċessibbli lill-pubbliku f'forma elettronika jew permezz ta' reġistru. It-titolu tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll ir-raba' u l-ħdax-il premessa tiegħu jenfasizzaw ukoll li dan ir-Regolament għandu bħala għan li jirrendi d-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet aċċessibbli għall-"pubbliku".

45     Minbarra dan, l-analiżi tax-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 turi li ġiet eżaminata l-possibbiltà li tiġi estiża l-portata ta' dan ir-Regolament billi jiġi previst li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċerti interessi speċifiċi li persuna tkun tista' tipprevali ruħha minnhom sabiex tikseb l-aċċess għal dokument partikolari. Huwa b'dan il-mod, b'mod partikolari, li l-wieħed u tletin emenda kontenuta fil-proposta leġiżlattiva li tinsab fir-Rapport tal-Kumitat dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, issuġġeriet l-introduzzjoni ta' Artikolu 4(1A) ġdid fil-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 38 ta' din is-sentenza, li skondu "[m]eta teżamina l-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokument, l-istituzzjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni wkoll l-interess invokat minn applikant, min jilmenta jew benefiċjarju ieħor li għandu dritt, interess jew obbligu f'dan ir-rigward" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, is-seba' emenda ssuġġerita fl-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew li tinsab fl-istess rapport fittxet li jiddaħħal paragrafu fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija proposta tal-Kummissjoni, biex jiġi speċifikat li "[a]pplikant, min jilmenta jew kull persuna oħra, fiżika jew ġuridika, li d-drittijiet, interessi jew obbligi tagħhom f'kawża huma in kwistjoni (parti f'din il-kawża) għandhom ukoll id-dritt li jaċċedu għal dokument li mhuwiex aċċessibbli għall-pubbliku, iżda li jista' jinfluwixxi fuq l-eżami tal-kawża kif previst f'dan ir-Regolament u fid-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mill-proposti hekk ifformulati ma ġiet adottata fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

46     Minbarra dan, jirriżulta mit-termini ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' dan ir-Regolament li, fir-rigward ta' l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess imsemmija f'din id-dispożizzjoni, ir-rifjut ta' l-istituzzjoni huwa mandatorju meta l-iżvelar lill-pubbliku ta' dokument huwa ta' natura li jista' jippreġudika l-interessi mħarsa bl-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr mhemm lok, f'każ bħal dan u għad-differenza ta' dak li jipprovdi b'mod partikolari l-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, li jiġu bbilanċjati l-eżiġenzi marbuta mal-ħarsien ta' dawn l-interessi ma' dawk li jirriżultaw minn interessi oħra.

47     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, li l-interess partikolari ta' rikorrent għall-iżvelar ta' dokumenti ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-istituzzjoni mitluba biex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta' dawn id-dokumenti jippreġudikax l-interessi mħarsa permezz ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, f'tali każ, tirrifjuta l-aċċess mitlub.

48     Anki jekk jitqies li r-rikorrent għandu, kif huwa jsostni, id-dritt li jiġi infurmat b'mod dettaljat bin-natura u bir-raġuni ta' l-akkuża miġjuba kontrih minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata u li dan id-dritt jimplika aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-Kunsill, huwa għaldaqstant biżżejjed li jiġi rrilevat li tali dritt ma jistax jiġi eżerċitat speċifikament, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza kkontestata, b'rikors għall-mekkaniżmi ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001.

49     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi ddikjarata infondata.

50     L-istess japplika għat-tieni parti ta' l-ewwel motiv, ibbażata fuq allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża għar-raġuni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrispondietx l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tad-dritt li jkun informat b'mod dettaljat bin-natura u bir-raġuni ta' l-akkuża miġjuba kontrih. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed, fil-fatt, li jiġi rrilevat, kif jirriżulta diġà minn dak li ntqal fil-punt 48 ta' din is-sentenza, li dan l-argument ġie eżaminat sewwa u mwarrab mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza kkontestata.

51     Bit-tielet parti ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrent jinvoka allegat ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-ksur tad-dritt tiegħu li jkun informat b'mod dettaljat bin-natura u bir-raġuni ta' l-akkuża miġjuba kontrih bil-fatt ta' l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata.

52     F'dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 48 ta' din is-sentenza, tali dritt biex jiġi infurmat, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax jiġi eżerċitat speċifikament b'rikors għall-mekkaniżmi ta' aċċess għad-dokumenti previsti fir-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li eventwali ksur ta' tali dritt ma jistax jirriżulta minn deċiżjoni ta' rifjut ta' aċċess adottata skond dan ir-Regolament, u lanqas, għaldaqstant, ma jista' jagħti lok għal ċensura ġudizzjarja, favur rikors għal annullament dirett kontra tali deċiżjoni. Konsegwentement, it-tielet parti ta' l-ewwel motiv għandha wkoll tiġi ddikjarata infondata.

53     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-ewwel motiv invokat mir-rikorrent in sostenn ta' l-appell tiegħu mhuwa fondat fl-ebda waħda mit-tliet partijiet tiegħu u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti minħabba interpretazzjoni żbaljata ta' l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta' applikazzjoni ħażina tal-paragrafu 6 ta' l-istess Artikolu

–       L-argumenti tar-rikorrent

54     Bl-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza applikat b'mod żbaljat l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta' l-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, prevista fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, b'dan il-mod, kisret id-dritt tiegħu ta' aċċess għad-dokumenti.

55     L-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 77 sa 81 tas-sentenza kkontestata, li skondha kull informazzjoni fil-pussess ta' l-awtoritajiet pubbliċi li tikkonċerna persuni ssuspettati b'terroriżmu għandha bħala regola tinżamm sigrieta, tikser il-kundizzjoni ta' interpretazzjoni stretta ta' l-eċċezzjonijiet għal regola u tirrendi l-prinċipju ta' trasparenza totalment irrilevanti.

56     Bit-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wkoll applikat b'mod żbaljat l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta' l-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, prevista fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

57     Fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni adottata f'dan ir-rigward mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata tikser hija wkoll il-kundizzjoni ta' interpretazzjoni stretta ta' kull eċċezzjoni.

58     Fit-tieni lok, billi telqet mill-premessa żbaljata li d-dokumenti in kwistjoni kienu joriġinaw minn Stati terzi meta kienu joriġinaw minn Stati Membri, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza kkontestata, għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' "relazzjonijiet internazzjonali" billi applikat dan il-kunċett fir-rigward ta' informazzjoni mibgħuta lill-Kunsill minn Stati Membri, meta l-imsemmi kunċett jirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi.

59     Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-fatt li ma jiġux żvelati d-dokumenti mitluba huwa ġġustifikat mill-fatt li l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati terzi għandha tinżamm sigrieta, hija żbaljata peress li l-eżistenza ta' tali kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Filippini kienet magħrufa mill-pubbliku.

60     Bit-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien iġġustifikat li jirrifjuta li jiżvela l-identità ta' l-Istati terzi li ressqu xi dokumenti lil din l-istituzzjoni, meta t-talba tiegħu u l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut kienu jirrigwardaw manifestament l-identità ta' Stati Membri. Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi naqset milli teżamina u tissanzjona r-rifjut ta' aċċess parzjali hekk mogħti lir-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61     Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 moqri, b'mod partikolari, fid-dawl tar-raba' premessa ta' dan l-istess Regolament, dan l-Artikolu huwa intiż sabiex jagħti l-iktar effett wiesa' possibbli lid-dritt ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti fil-pussess ta' l-istituzzjonijiet.

62     Madankollu, jirriżulta wkoll mill-imsemmi Regolament, b'mod partikolari mill-ħdax-il premessa tiegħu u mill-Artikolu 4 tiegħu li jipprovdi sistema ta' eċċezzjonijiet f'dan ir-rigward, li d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti huwa madankollu suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta' interess pubbliku jew privat.

63     Peress li jidderogaw mill-prinċipju ta' aċċess l-aktar vast possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet, kif fakkar ġustament ir-rikorrent, għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

64     F'dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta diġà mill-punt 34 ta' din is-sentenza, tali prinċipju ta' interpretazzjoni stretta ma jipprekludix li, fir-rigward ta' l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill ikollu marġni ta' diskrezzjoni wiesa' għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta' dokument jippreġudikax l-interessi mħarsa b'din id-dispożizzjoni. Għar-raġunijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel motiv ta' l-appell, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal dokument taħt waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet huwa limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni u ta' abbuż ta' poter.

65     Bil-benefiċċju ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward ta' l-ewwel parti tat-tieni motiv, li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent u kif isostni ġustament il-Kunsill, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqet l-ebda żball fid-dritt fil-punti 77 u 78 tas-sentenza kkontestata.

66     Fil-fatt, billi l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 77 ta' l-imsemmija sentenza, li jista' faċilment jiġi aċċettat li dokumenti fil-pussess ta' l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonċernaw persuni jew entitajiet issuspettati b'terroriżmu u li jaqgħu fil-kategorija ta' dokumenti sensittivi fis-sens ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 m'għandhomx jiġu żvelati lill-pubbliku taħt piena li tiġi mxekkla l-effettività tal-ġlieda operazzjonali kontra t-terroriżmu u konsegwentement jiġi ppreġudikat il-ħarsien tas-sigurtà pubblika, minn dan hija setgħet tikkonkludi ġustament, fil-punt 78 ta' l-istess sentenza, li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba minħabba li l-iżvelar tagħhom ikun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika.

67     Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata ta' l-eċċezzjoni dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali prevista fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu, min-naħa l-oħra, jiġi rikonoxxut mill-bidu nett, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent fil-kuntest ta' din il-parti ta' l-imsemmi motiv, li, billi bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li xi dokumenti kienu tressqu lill-Kunsill minn Stati terzi meta jirriżulta mill-proċess, kif barra minn hekk jammetti l-Kunsill, li dawn id-dokumenti kienu joriġinaw minn Stati Membri, il-Qorti tal-Prim'Istanza vvizzjat is-sentenza tagħha b'distorsjoni tal-fatti.

68     Minbarra dan, huwa evidenti li din id-distorsjoni kellha, f'dan il-każ, bħala konsegwenza li vvizzjat f'parti kbira r-raġunament żviluppat fil-punti 79 sa 81 tas-sentenza kkontestata, li in segwitu għalih il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 82 ta' l-imsemmija sentenza, li l-Kunsill ma kienx wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta qies li l-iżvelar tad-dokument li l-komunikazzjoni tiegħu kienet mitluba seta' jkun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

69     Skond ġurisprudenza stabbilita, tali distorsjoni tal-fatti tista' tiġi invokata fil-kuntest ta' appell u twassal għall-annullament tas-sentenza vvizzjata b'tali difett.

70     F'dan il-każ, madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 65 u 66 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet li l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut ġiet validament ibbażata fuq l-eċċezzjoni relattiva għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika prevista fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

71     Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, anki kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx żnaturat il-fatti bil-mod kif ġie deskritt fil-punt 67 ta' din il-sentenza u anki jekk jiġi aċċettat li hija kienet, f'dan il-każ, tasal għall-konklużjoni li l-Kunsill żbalja meta bbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni relattiva għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, tali konklużjoni ma setgħetx twassal għall-annullament ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut mill-Qorti tal-Prim'Istanza, billi din id-deċiżjoni baqgħet fil-fatt iġġustifikata fir-rigward ta' l-eċċezzjoni relattiva għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika.

72     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li d-distorsjoni tal-fatti li tivvizzja s-sentenza kkontestata ma kellhiex bħala konsegwenza li taffettwa d-dispożittiv ta' l-imsemmija sentenza, b'mod li mhemmx lok li din tiġi annullata għal dan il-motiv (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 133 u 134).

73     Bit-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jinvoka wkoll id-distorsjoni tal-fatti li wettqet il-Qorti tal-Prim'Istanza meta kkonfondiet Stati terzi u Stati Membri. Huwa jsostni li, minħabba din il-konfużjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tissanzjona r-rifjut ta' aċċess parzjali magħmul mill-ewwel deċiżjoni ta' rifjut f'dak li jikkonċerna l-identità ta' l-Istati li bagħtu dokumenti lill-Kunsill.

74     F'dan ir-rigward, huwa madankollu biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, din il-konfużjoni ma kellha ebda influwenza fuq ir-raġunament li wassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi, fil-punt 99 tas-sentenza kkontestata, li l-Kunsill kien ġustament irrifjuta li jiżvela l-identità ta' l-Istati li huma l-awturi tad-dokumenti in kwistjoni.

75     Kif jirriżulta mill-punti 95 sa 97 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-fatt ibbażat ir-raġunament tagħha f'dan ir-rigward fuq il-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dispożizzjoni li ġiet invokata mill-Kunsill fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, dokumenti sensittivi jistgħu jiġu żvelati biss bil-kunsens ta' mingħand min ġejjin, kunsens li f'dan il-każ kien nieqes. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi Artikolu 9(3) japplika b'mod identiku kemm jekk mingħand min ikun ġej dan id-dokument huwa Stat Membru kemm jekk huwa Stat terz.

76     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li t-tieni motiv invokat mir-rikorrent in sostenn ta' l-appell tiegħu mhuwa fondat fl-ebda waħda mill-partijiet tiegħu u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

–       L-argumenti tar-rikorrent

77     Ir-rikorrent isostni l-ewwel nett li, fir-rigward tal-waħda jew l-oħra mill-eċċezzjonijiet invokati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika r-rifjut ta' aċċess għad-dokumenti in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kienet sodisfatta, kif jirriżulta mill-punti 62 u 65 tas-sentenza kkontestata, bil-motivazzjoni qasira żżejjed u sterjotipata kontenuta f'dan ir-rigward fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, filwaqt li kkompletatha b'motivazzjoni tagħha stess li tinsab fil-punti 77, 80 u 81 ta' l-imsemmija sentenza.

78     It-tieni nett, fir-rigward tar-rifjut ta' aċċess parzjali, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet sodisfatta wkoll b'motivazzjoni li għandha l-forma ta' klawsola standard bi ksur ta' l-Artikolu 253 KE, kif jirriżulta mill-punt 63 tas-sentenza kkontestata.

79     Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rifjut li tiġi żvelata l-identità ta' l-Istati li bagħtu l-informazzjoni in kwistjoni, il-konfużjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza bejn Stati Membri u Stati terzi setgħet kellha bħala konsegwenza nuqqas totali ta' stħarriġ mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-motivazzjoni li skondha l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati kkonċernati jikkostitwixxi theddida għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali, u tali nuqqas ta' stħarriġ jikkostitwixxi ksur kemm ta' l-Artikolu 253 KE u kemm ta' l-Artikolu 230 KE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta' motivazzjoni għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari l-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta' fatt u ta' dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b'referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet applikazzjoni korretta ta' dawn il-prinċipji u ma wettqet l-ebda żball ta' liġi meta kkunsidrat li, anki jekk hija qasira, kemm fir-rigward tar-rifjut ta' aċċess totali kif ukoll fir-rigward tar-rifjut ta' aċċess parzjali għad-dokumenti li l-iżvelar tagħhom kien mitlub, il-motivazzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut xorta waħda hija adegwata fir-rigward tal-kuntest tal-kawża u suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent li jevalwa r-raġunijiet tar-rifjut ta' aċċess u lill-Qorti tal-Prim'Istanza li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità li għandha twettaq.

82     Fil-fatt, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 62 u 63 tas-sentenza kkontestata u kif isostni l-Kunsill quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-qosor huwa ġġustifikat b'mod partikolari min-neċessità li ma jiġux ippreġudikati l-interessi sensittivi li jipproteġu l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess stabbiliti mill-ewwel u t-tielet inċiżi ta' Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tinkixef informazzjoni li dawn l-eċċezzjonijiet jfittxu preċiżament li jipproteġu.

83     In-neċessità għall-istituzzjonijiet li jastjenu milli jirreferu għal elementi li b'hekk jippreġudikaw indirettament l-interessi li l-imsemmija eċċezzjonijiet għandhom speċifikament l-għan li jipproteġu hija b'mod partikolari enfasizzata fl-Artikoli 9(4) u 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt tispeċifika li istituzzjoni li tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess għal dokument sensittiv għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-interessi mħarsa fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fir-rigward tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, hija tipprovdi b'mod partikolari li meta dokument huwa s-suġġett ta' referenza fir-reġistru ta' istituzzjoni, tali referenza għandha ssir b'mod li ma tagħmilx ħsara lill-ħarsien ta' l-interessi msemmija f'dan l-Artikolu 4.

84     Il-fatt li, fil-kuntest ta' l-eżami tal-mertu tal-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet għal elementi li ma jirriżultawx espliċitament mill-motivazzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, fosthom dawk li jidhru fil-punti 77, 80 u 81 tas-sentenza kkontestata li għalihom jirreferi r-rikorrent, mhuwiex ta' natura li jaffettwa l-analiżi preċedenti.

85     Fir-rigward tal-motivazzjoni invokata mill-Kunsill fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut safejn din tirrifjuta li tiżvela l-identità ta' l-Istati li bagħtu xi dokumenti, għandu jiġi rrilevat li l-konfużjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza bejn Stati terzi u Stati Membri ma kellha ebda effett fuq ir-raġunament segwit minn dik il-Qorti, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza kkontestata, għall-finijiet li jiġi evalwat jekk l-imsemmija motivazzjoni kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE u li jiġi konkluż li ma seħħx ksur ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar.

86     Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza rriferiet f'dan ir-rigward, fl-imsemmi punt 64, għall-fatt li l-motivazzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut turi, minn naħa, li d-dokumenti kkonċernati huma dokumenti sensittivi fis-sens ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet li minnhom joriġinaw l-imsemmija dokumenti oġġezzjonaw għall-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba, skond kif jipprovdi l-paragrafu 3 ta' l-imsemmi Artikolu. Huwa paċifiku li, f'dan ir-rigward, l-identità ta' l-awtoritajiet ikkonċernati, u b'mod partikolari l-kwistjoni jekk humiex Stati Membri jew Stati terzi, ma tagħmel ebda differenza.

87     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tielet motiv invokat mir-rikorrent in sostenn ta' l-appell tiegħu mhuwiex fondat u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza u tad-dritt għal ħarsien ġudizzjarju effettiv

–       L-argumenti tar-rikorrent

88     Skond ir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza arbitrarjament illimitat il-portata tar-rikors tiegħu u, b'dan il-mod, kisret il-preżunzjoni ta' l-innoċenza.

89     Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 50 sa 56 tas-sentenza kkontestata, id-dikjarazzjoni tal-konsulent legali tar-rikorrent, magħmula waqt is-seduta, li skondha huwa talab li jingħata aċċess biss għad-dokumenti li jikkonċernawh, bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li t-talba tiegħu għal aċċess kienet intiża biss sabiex jiġu kkomunikati lilu dawn id-dokumenti biex ikun jista' jsostni d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest tal-kawża pendenti T-47/03.

90     Ir-rikorrent isostni li l-imsemmija talba kienet intiża sabiex jingħata, kemm lill-pubbliku kif ukoll lilu stess, l-aċċess għad-dokumenti li ġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata. Huwa biss tali aċċess li jippermetti li jiġi rrimedjat b'mod effettiv il-ksur tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza li tiegħu kien vittma minħabba din l-inklużjoni u l-pubblikazzjoni ta' l-imsemmija lista, billi jippermetti risposta u diskussjoni pubbliċi kemm f'termini ġenerali u kemm fir-rigward tal-provi allegatament miġjuba kontrih.

91     Min-naħa l-oħra, l-eventwali aċċess tar-rikorrent għall-imsemmija dokumenti fil-kuntest tal-kawża T-47/03, li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata, ma joffrilux il-ħarsien ġudizzjarju effettiv previst fl-Artikolu 13 tal-KEDB favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti permezz ta' din il-Konvenzjoni ġew miksura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92     Ir-raba' motiv invokat mir-rikorrent in sostenn ta' l-appell tiegħu jikkonsisti essenzjalment fl-allegazzjoni ta' ksur tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata, li sussegwentement ġiet ippubblikata, u fl-allegazzjoni li dan il-ksur huwa ta' natura li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti mitluba, peress li l-iżvelar ta' l-imsemmija dokumenti u d-dibattitu pubbliku li jista' jinżamm fir-rigward tagħhom jikkostitwixxu l-uniku mezz effettiv li jippermetti li jiġi rrimedjat l-imsemmi ksur.

93     Għandu jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward li, minkejja li ġie ppreżentat bħala allegatament intiż sabiex jilmenta kontra żball ta' evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-portata tar-rikors, dan il-motiv fir-realtà jammonta fundamentalment għal kontestazzjoni tal-legalità ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut minħabba li din ma rrendietx pubbliċi d-dokumenti in kwistjoni u, b'dan il-mod, ċaħħdet lir-rikorrent mir-rimedju effettiv li huwa seta' jippretendi li kellu mill-fatt li din il-preżunzjoni ta' l-innoċenza li huwa għandu jkun jista' jibbenefika minnha kienet ġiet miksura.

94     Billi ma ġiex invokat in sostenn tar-rikors għall-annullament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra l-imsemmija deċiżjoni, dan il-motiv jikkostitwixxi motiv ġdid li jestendi s-suġġett tal-kawża u li, minħabba f'hekk, ma jistax jiġi fformulat għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell.

95     Fil-fatt, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem motiv, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma invokatx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ikun ifisser, li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ l-appell hija limitata, kawża iżjed wiesgħa minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi li jkunu ġew dibattuti quddiem l-ewwel qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 59; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et , C-266/97 P, Ġabra p. I-2135, punt 79; tad-29 ta' April 2004, Henkel vs L-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 50, u tal-21 ta' Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 114).

96     Minn dan isegwi li r-raba' motiv invokat mir-rikorrent in sostenn ta' l-appell tiegħu għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti minħabba interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikoli 4(5) u 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       L-argumenti tar-rikorrent

97     Bl-ewwel parti tal-ħames motiv, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat, fil-punti 64 u 96 tas-sentenza kkontestata, li l-Artikoli 4(5) u 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizzaw rifjut li jiġi żvelat mhux biss il-kontenut ta' dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri f'każ ta' nuqqas ta' kunsens minn dawn ta' l-aħħar, iżda wkoll l-identità ta' dawn ta' l-aħħar, meta din l-informazzjoni ta' l-aħħar ma tistax tiġi kkwalifikata bħala "dokument" fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet. Bil-fatt li għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza estendiet indebitament il-portata ta' l-eċċezzjonijiet imsemmija f'dawn id-dispożizzjonijiet.

98     Minbarra dan, billi b'hekk impediet li jiġi identifikat l-Istat Membru li għandu d-dokumenti kkonċernati fil-pussess tiegħu, l-interpretazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza ċċaħħad prattikament minn kull effett id-dritt tal-persuna kkonċernata li tindirizza ruħha lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tipprova tikseb l-aċċess għal dawn id-dokumenti skond id-dritt nazzjonali jew mill-inqas hija ta' preġudizzju sproporzjonat għal dan id-dritt billi timponi fuq il-persuni kkonċernati li jibdew proċeduri fl-Istati Membri kollha li jistgħu jkollhom l-imsemmija dokumenti fil-pussess tagħhom.

99     Bit-tieni parti tal-ħames motiv, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrispondietx għall-argument tiegħu li skondu l-Kunsill ma indikax il-motivi għaliex l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati Membri kkonċernati seta' jippreġudika l-interess pubbliku relattiv għas-sigurtà pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100   Fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-ħames motiv, għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li, kif jirriżulta mill-punti 97 u 98 tas-sentenza kkontestata, ma ġiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u din ta' l-aħħar ikkunsidrat bħala stabbilit, mingħajr ma' dan ġie ikkontestat fl-appell, minn naħa, li d-dokumenti msemmija fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut huma dokumenti sensittivi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, li r-rifjut li tiġi żvelata l-identità ta' l-Istati li mingħandhom ġejjin dawn id-dokumenti sar fuq il-bażi tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, fid-dawl tal-fatt li l-Istati kkonċernati kienu oġġezzjonaw għall-iżvelar ta' din l-informazzjoni.

101   Issa, fid-dawl tan-natura partikolari tad-dokumenti sensittivi, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jispeċifika li tali dokumenti għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta' mingħand min ġejjin. Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 95 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjonijiet li l-awtorità li mingħandha jkun ġej dokument sensittiv għandha s-setgħa li toġġezzjona li jiġu żvelati mhux biss il-kontenut ta' l-imsemmi dokument, iżda wkoll l-eżistenza stess ta' dan ta' l-aħħar.

102   L-imsemmija awtorità hija għaldaqstant iġġustifikata li teżiġi s-segretezza fir-rigward ta' l-eżistenza stess ta' dokument sensittiv u, f'dan ir-rigward, kif isostni l-Kunsill quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim'Istanza aġixxiet ġustament meta minn dan iddeduċiet, fil-punt 96 tas-sentenza kkontestata, li din l-awtorità għandha wkoll is-setgħa li toġġezzjona għall-iżvelar ta' l-identità tagħha stess f'każ fejn issir magħrufa l-eżistenza ta' l-imsemmi dokument.

103   Din il-konklużjoni, li tapplika wkoll fid-dawl tat-termini ta' l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija spjegata fid-dawl tan-natura partikolari tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dokumenti li l-kontenut estremament sensittiv tagħhom jiġġustifika, kif jirriżulta mid-disa' premessa ta' l-imsemmi Regolament, li jingħataw trattament speċjali. Din il-konklużjoni ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata sproporzjonata minħabba l-fatt li minnha tista' tirriżulta, għall-applikant li jkun ġie rrifjutat aċċess għal dokument sensittiv, diffikultà akbar, jew saħansitra impossibbiltà prattika, li huwa jidentifika l-Istat minn fejn joriġina dan id-dokument.

104   Peress li l-analiżi legali u l-konstatazzjonijiet fattwali hekk magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 95 sa 97 tas-sentenza kkontestata, huma suffiċjenti waħedhom ukoll sabiex isostnu l-konklużjoni li waslet għaliha dik il-Qorti fil-punt 99 ta' l-imsemmija sentenza, jiġifieri li l-Kunsill kien iġġustifikat meta rrifjuta li jiżvela l-identità ta' l-Istati kkonċernati, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni ħażina ta' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tali eżami ma jista' f'ebda każ iwassal biex titqiegħid in kwistjoni l-imsemmija konklużjoni u lanqas, għaldaqstant, li jitqiegħed in kwistjoni d-dispożittiv tas-sentenza kkontestata.

105   Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames motiv, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-argument tiegħu li skondu l-Kunsill żbalja meta naqas milli jindika r-raġunijiet għalfejn l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati kkonċernati seta' jippreġudika l-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ġie eżaminat sewwa mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

106   F'dan ir-rigward, għandu fil-fatt jiġi rrilevat li, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, billi rrefera, fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, għall-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħaġa li tat neċessarjament x'jifhem li d-dokumenti in kwistjoni kienu dokumenti sensittivi, u billi rrefera għall-oppożizzjoni ta' l-Istati kkonċernati għall-iżvelar ta' l-identità tagħhom, il-Kunsill kien qiegħed lir-rikorrent f'pożizzjoni li jifhem il-motivi ta' l-imsemmija deċiżjoni u ppermetta lill-Qorti tal-Prim'Istanza li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq din id-deċiżjoni.

107   Fl-imsemmi punt 64, il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod partikolari enfasizzat espressament li ż-żewġ kriterji ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu, minn naħa, il-fatt li d-dokument in kwistjoni huwa dokument sensittiv u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-awtorità ta' oriġini oġġezzjonat għall-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba. B'dan il-mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat b'mod impliċitu iżda madankollu ċert li hija kienet tikkunsidra li tali oppożizzjoni kienet suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rifjut ta' aċċess għal din l-informazzjoni mill-Kunsill, mingħajr ma dan ta' l-aħħar għandu għalfejn jagħmel evalwazzjoni tal-motivi ta' din l-oppożizzjoni u lanqas, għaldaqstant, mingħajr m'għandu għalfejn jindika jekk, u b'liema mod, l-iżvelar ta' din l-identità tippreġudika l-interessi mħarsa bl-Artikolu 4(1)(a) ta' dan l-istess Regolament.

108   Peress li l-ħames motiv invokat mir-rikorrent in sostenn ta' l-appell tiegħu mhuwa għalhekk fondat fl-ebda waħda miż-żewġ partijiet tiegħu, huwa għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

109   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-motivi invokati in sostenn ta' l-appell għandhom jiġu ddikjarati, f'każ wieħed, inammissibbli u, għall-bqija, infondati u, konsegwentement, l-imsemmi appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

110   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' l-appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Is-Sur Sison għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top