Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0244

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Settembru 2006.
    Bund Naturschutz in Bayern eV et. vs Freistaat Bayern.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - il-Ġermanja.
    Konservazzjoni tal-ħabitat naturali kif ukoll tal-fawna u flora selvaġġa - Direttiva 92/43/KEE - Skema ta' protezzjoni qabel ma ħabitat jitniżżel fil-lista tas-siti ta' importanza għall-Komunità.
    Kawża C-244/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:579

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    ta' l-14 ta' Settembru 2006 (*)

    "Konservazzjoni tal-ħabitat naturali kif ukoll tal-fawna u flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Skema ta' protezzjoni qabel ma ħabitat jitniżżel fil-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità"

    Fil-kawża C-244/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Ġunju 2005, fil-kawża

    Bund Naturschutz in Bayern eV,

    Johann Märkl et,

    Angelika Graubner-Riedelsheimer et,

    Friederike Nischwitz et

    vs

    Freistaat Bayern,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), MP. Kūris, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' April 2006,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għall-Bund Naturschutz in Bayern eV, minn U. Kaltenegger u P. Rottner, Rechtsanwälte,

    –       għal J. Märkl et, minn C. Deiβler u A. Schwemer, Rechtsanwälte,

    –       għal F. Nischwitz et, minn A. Lehners u E. Schönefelder, Rechtsanwälte,

    –       għall-Freistaat Bayern, minn A.. Brigola u M. Dauses, professeurs, G. Schlapp u M. Wiget, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Van Beek u M. Heller, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 18 ta' Mejju 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, aktar 'il quddiem id-"direttiva").

    2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn Bund Naturschutz in Bayern eV u 23-il persuna oħra (iktar il-quddiem ir-"rikorrenti"), minn naħa waħda, u Freistaat Bayern, min-naħa l-oħra, dwar deċiżjoni li tapprova proġett ta' awtostrada.

     Id-Direttiva

    3       Skond is-sitt premessa tad-Direttiva, "sabiex ikun żgurat li l-ħabitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata".

    4       L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi li:

    "1.      Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ ħabitat naturali elenkati fl-Anness I u l-ħabitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ ħabitat naturali u l-ħabitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

    In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva 79/409/KEE [tal-Kunsill, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU l 103, p. 1)].

    2.      Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ ħabitat naturali u l-ħabitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

    […]"

    5       L-Artikolu 4 tad-Direttiva kien jipprovdi kif ġej:

    "1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ ħabitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […]

    Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

    2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità.

    L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

    Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

    3.      Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

    4.      Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr […]

    5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4)."

    6       Konformement ma l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, għaż-żoni speċjali ta' konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ ħabitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

    7       L-Artikolu 6 (2), (3) u (4) tad-Direttiva jipprovdi:

    "2.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-ħabitat naturali u l-ħabitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

    3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

    4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għar-raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

    Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza."

    8       L-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprovdi: "L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard".

    9       Skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u għall-ispeċi ta’ prijorità.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    10      Il-liġi fuq it-toroq federali (Bundesfernstraßengesetz) fost affarijiet oħra tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-bini ta' dan it-tip ta' triq.

    11     L-Artikolu 17 ta' din il-liġi tipprovdi:

    "(1)      Il-bini jew it-tibdil tat-toroq federali huwa suġġett għall-approvazzjoni minn qabel ta' pjan. F'dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi kollha pubbliċi u privati li huma affettwati mill-proġett inklużi l-impatt ta' dan ta' l-aħħar fuq l-ambjent.

    […]"

    12     Il-punt (5) ta' l-Artikolu 10(1) tal-liġi federali fuq il-protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tas-siti (Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege) jipprovdi kif ġej:

    "Għall-finijiet ta' din il-liġi, "siti ta' importanza għall-Komunità" tfisser is-siti inklużi fil-lista prevista fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/43/KEE, anke jekk ikunu għadhom ma ġewx dikjarati bħala siti protetti skond it-tifsira ta' din il-liġi".

    13     Fl-Artikoli 32 sa 38 tagħha din il-liġi tipprovdi miżuri intiżi sabiex jipproteġu n-netwerk ekoloġiku Ewropew "Natura 2000".

    14     L-Artikolu 33 ta' din l-istess liġi jistabbilixxi għal dan il-għan, il-proċedura ta' l-għażla tas-siti li jistgħu sussegwentement jintgħażlu mill-Kummissjoni. Il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jipprovdi:

    "Jekk sit ġie ppubblikat […]

    sakemm jiġu implementati miżuri ta' protezzjoni, huma projbiti f'sit ta' importanza għall-Komunità il-proġetti, miżuri, bidliet jew ċaqliq kollha li jistgħu jikkawżaw dannu gravi, lill-elementi ta' dan s-sit neċessarji għall-għanjiet tal-konservazzjoni".

    15     L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 13b(1) tal-liġi tal-Bavarja fuq il-protezzjoni tan-natura, il-preservazzjoni tas-siti u l-attivitajiet ta' pjaċir fil-kampanja (Gesetz über den Schutz der Natur, die Pflege der Landschaft und die Erholung in der freien Natur) tipprovdi kif ġej:

    "B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE, is-siti ta' importanza għall-Komunità huma protetti bħala żoni speċjali ta' konservazzjoni […]."

    16     L-Artikolu 13c ta' din il-liġi jipprovdi:

    "(1)      Huma pprojbiti bidliet jew ċaqliq li jistgħu jiddanneġġaw sensibbilment jew fit-tul l-integrità ta' żoni, li jagħmlu parti minn siti ta' importanza għall-Komunità, jew riservi ornitoloġiċi Ewropej u li għandhom importanza determinanti fir-rigward ta' l-għanijiet ta' konservazzjoni li għandhom dawn ta' l-aħħar. L-azzjonijiet imsemmija fil-frażi preċedenti huma pprojbiti fis-siti li huma s-suġġett ta' kooperazzjoni minħabba li huma jirriskjaw li jiddanneġġaw sensibbilment jew fit-tul biotipi jew l-ispeċi ta' prijorità li jgħixu hemm.

    (2)      Huma pprojbiti l-proġetti li, individwalment jew flimkien ma' pjanijiet jew proġetti oħra, jirriskjaw li jiddanneġġaw sensibbilment jew fit-tul l-integrità ta' żoni li jagħmlu parti minn siti ta' importanza għall-Komunità jew riservi oritoloġiċi Ewropej u li għandhom importanza determinanti fir-rigward ta' l-għanjiet ta' protezzjoni jew ta' konservazzjoni li għandhom dawn ta' l-aħħar.

    (3)      Il-pjanijiet li, individwalment jew flimkien ma' pjanijiet u proġetti oħra jistgħu jaffettwaw siti ta' importanza għall-Komunità jew riservi ornitoloġiċi Ewropej għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar.

    […]"

    17     L-Artikolu 48 ta' din l-istess liġi jipprovdi:

    "1.      L-uffiċċjali jew il-mandatarji ta' l-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tan-natura, ta' l-uffiċċju tal-Bavarja għall-ħarsien ta' l-ambjent u tal-komuni huma awtorizzati jidħlu f'art biex jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex titwettaq il-missjoni mitluba minn din il-liġi; din l-awtorizzazzjoni testendi wkoll għall-membri tal-kumitati konsultattivi għall-ħarsien ta' l-ambjent fil-kuntest tal-preparazzjoni u ż-żamma ta' laqgħat. Din id-dispożizzjoni tapplika b'mod partikolari għall-preparazzjoni ta' miżuri preskritti minn din il-liġi u l-eżekuzzjoni ta' kejl ta' l-art, agrimensura u operazzjonijiet simili. […]

    2.      L-entitajiet jew l-awtoritajiet responsabbli mill-ħarsien tan-natura […] jistgħu sa l-adozzjoni tad-digrieti ta' applikazzjoni […], jiddikjaraw permezz ta' digriet jew att individwali il-projbizzjonijiet ta' modifika […] għal dewmien massimu ta sentejn, sabiex tiġi assigurata s-salvagwardja provviżorja taż-żoni u ta' l-elementi li għandhom jiġu protetti meta teżisti biża' li ċerti bidliet jistgħu jikkompromettu l-għan tal-miżuri ta' protezzjoni previsti, jekk iċ-ċirkustanzi partikolari jitolbu hekk, dan it-terminu jista' jiġi mtawwal b'mhux aktar minn sena. Din il-miżura m'għandiex tittieħed jekk l-awtoritajiet responsabbli mill-ħarsien tan-natura jew l-entitajiet kompetenti ma japplikawx fl-istess ħin jew immedjatament wara l-proċedura ta' protezzjoni definittiva.

    3.      Wara n-notifika taz-żona li għandha tiġi protetta […] sakemm jidħol fis-seħħ ir-regolament ta' protezzjoni, hija pprojbita kull modifika għal perijodu massimu ta' sena fiz-żoni naturali ta' konservazzjoni previsti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kuntrarji, abbażi tal-paragrafu 2 fid-digriet jew l-att individwali. Il-klassifikazzjoni legali ta' l-art tibqa' l-istess bħalma kienet fil-mument tan-notifika. Din il-konsegwenza trid tiġi msemmija fin-notifika."

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

    18     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jopponu l-bini tas-sezzjoni Forstinning-Pastetten ta' l-awtostrada l-ġdida A 94 München-Mühldorf-Simbach-Pocking. Fil-pjan ta' evalwazzjoni tal-bżonnijiet għall-awtostradi federali, din ir-rotta ġiet kwalifikata bħala "bżonn prijoritarju".

    19     Fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni ta' dan ix-xogħol, il-parti li tibda mill-lokalità ta' Forstinning hija kontroversali. Ir-rotta federali eżistenti B12, li fiha hija ppjanata l-parti l-kbira tal-kostruzzjoni ta' l-awtostrada l-ġdida A 94 tgħaddi mir-raħal ta' Haag (iktar il-quddiem "il-parti ta' Haag").

    20     Permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta' Marzu 2002, il-Gvern tal-Bavarja ta' Fuq approva l-proġett ta' bini tas-sezzjoni Forstinning-Pastetten ta' l-awtostrada A 94, twila 6.2 kilometri, u minflok il-parti ta' Haag għażel il-parti li tgħaddi, aktar fit-tramuntana, mir-raħal ta' Dorfen (iktar il-quddiem "il-parti ta' Dorfen"). L-għażla tal-parti ta' Dorfen timplika li l-awtostrada A 94 taqsam b'mod partikolari ix-xmajjar Hammerbach u Isen kif ukoll it-tributarji tagħhom, il-Lappach, il-Goldach u l-Rimbach.

    21     Dawn huma partijiet minn żoni li ġew magħżula mill-awtoritajiet Ġermaniżi, fid-29 ta' Settembru 2004, bħala siti li jistgħu jitqiesu bħala siti ta' importanza għall-Komunità. Dawn iż-żoni jissejħu kif ġej:

    –       Strogn, Hammerbach, Kollinger Bach (DE 7637-371),

    –       il-wied ta' Isen u t-tributarji tagħha (DE 7739-371),

    –       kolonji ta' friefet il-lejl fl-għoljiet tal-Bavarja t'Isfel (DE 7839-371).

    22     Skond l-istudji ekoloġiċi dwar dawn iż-żoni, jeżisti kemm fis-sit DE 7637-371 kif ukoll fis-sit DE 7739-371, tip ta' ħabitat naturali prijoritarju li jidher fl-anness I tad-Direttiva u huwa indiċjat taħt l-isem "foresti alluvjali f'Alnus glutinosa u Fraxinus excelsior".

    23     Barra minn hekk, fis-settur tal-parti ta' Haag, l-awtoritajiet Ġermaniżi għażlu ż-żona ta' protezzjoni addizjonali li ġejja:

    –       foresta ta' Ebersberg u ta' Grosshaag (DE 7837-371).

    24     Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali mir-rikorrenti, issostni li l-annullament tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni tas-7 ta' Marzu 2002, li l-imsemmija rikorrenti qed jitolbu, ma jistax isir ħlief fil-każ li jeżistu żbalji ta' evalwazzjoni ta' l-interessi li ma jistgħux jiġu rimedjati, jew ksur tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari jekk jiġi kkunsidrat li l-pjanifikazzjoni in kwistjoni taffettwa b'mod sinjifikanti z-żoni ta' protezzjoni magħżula minħabba li huma rikonoxxuti bħala siti ta' importanza għall-Komunità.

    25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof, minn naħa, ordnat li r-rikors għandu jkollu effett sospensiv u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)      Liema skema ta protezzjoni hija mitluba, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/43 […] moqri flimkien mas-sitt premessa ta' din l-istess Direttiva, fid-dawl tal-projbizzjoni li tiġi adottata kull miżura li tista' tipperikola l-kisba ta' l-għanjiet tat-Trattat [KE] stipulati fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10 tat-Trattat KE […], wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża [Dragaggi et (C-117/03), Ġabra p. I-167)] għas-siti li jistgħu jkunu identifikati bħala siti ta' importanza għall-Komunità, b'mod partikolari dawk li għandhom tipi ta' ħabitat naturali prijoritarji jew speċi prijoritarji, qabel ma jiġu inklużi fil-lista ta' siti ta' importanza għall-Komunità adottata mill-Kummissjoni […] skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ċċitata iktar 'il fuq?

    2)      X'inhu l-effett fuq l-iskema ta' protezzjoni tal-fatt li l-imsemmija siti huma diġà inklużi fil-lista nazzjonali li ntbagħtet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43?

    3)      Skema nazzjonali ta' protezzjoni tas-siti in kwistjoni skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 48 (2), [tal-liġi tal-Bavarja fuq il-protezzjoni tan-natura, il-preservazzjoni tas-siti u l-attivitajiet ta' pjaċir fil-kampanja] hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-regoli Komunitarji stipulati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/43 moqri flimkien mas-sitt premessa ta' din id-Direttiva u fid-dawl tal-projbizzjoni li tiġi adottata kull miżura li tista' tipperikola l-kisba ta' l-għanjiet tat-Trattat stipulati fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10 KE?"

    26     Fil-kuntest ta' l-evalwazzjonijiet tagħha relattivi għall-kawża pendenti quddiemha, il-Verwaltungsgerichtshof tistaqsi jekk l-iskema ta' protezzjoni li għandha tiġi ddeterminata tikkostitwixxix skema ta' protezzjoni li taqa' taħt id-dritt Komunitarju jew jekk l-Istati Membri għandhomx jassiguraw il-protezzjoni ta' żoni magħżula permezz ta' miżuri fil-kuntest ta' skema ta' protezzjoni nazzjonali biss. Fil-fatt mir-risposta għal din id-domanda jiddependu r-regoli u l-kriterji kif ukoll il-kundizzjonijiet fattwali li minnhom jridu jiġu evalwati d-danni prevedibbli li huma marbuta mal-pjanifikazzjoni in kwistjoni.

    27     Il-Verwaltungsgerichtshof tindika li ma jistax jiġi eskluż li din il-pjanifikazzjoni taffettwa b'mod sinjifikanti l-ħabitat prijoritarju "Foresti alluvjali". Hi tikkonstata li, f'dan il-każ, il-parti in kwistjoni sejra tgħaddi u "taqta'" f'ħafna bnadi b'xi mod is-sistema alluvjali koerenti (l-Isen u t-tributarji tagħha). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll id-dannu liz-żoni in kwistjoni kkawżat mill-ħsejjes, dħaħen ta' l-egżost, id-dell magħmul mill-pontijiet, in-nixfa taħt il-pontijiet, u s-sustanzi tossiċi li jiġu emessi mit-triq kif ukoll mill-introduzzjoni waqt il-fażi tal-bini ta' speċi ta' pjanti li mhumiex tipiċi ta' dawk l-inħawi.

    28     Fl-aħħar il-Verwaltungsgerichtshof tosserva li determinazzjoni tal-gravità tad-danni li huma prevedibbli lil żona magħżula sabiex tiġi inkluża fil-lista tas-siti ta' importanza għall-Komunità tiddependi wkoll mill-fatt jekk id-Direttiva timponix tisħiħ tal-protezzjoni ta' tali żona qabel ma tiġi inkluża f'din il-lista.

     Fuq id-domanda preliminari

     Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    29     Permezz ta' dawn id-domandi, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-iskema ta' protezzjoni applikabbli għas-siti li ġew magħżula mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġu rikonoxxuti bħala siti ta' importanza għall-Komunità, imma li għadha trid tinħareġ deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar l-inklużjoni tagħhom jew le fil-lista relattiva.

    30     B'mod aktar konkret, il-qorti tar-rinviju tqajjem, minn naħa, il-kwistjoni tan-natura ġuridika ta' l-imsemmija skema ta' protezzjoni, u min-naħa l-oħra dik tal-karattru materjali tagħha.

    31     Preliminarjament għandu jiġi mfakkar li l-proċess ta' l-għażla ta' dawn is-siti sabiex jiġu inklużi fil-lista ta' siti li huma ta' importanza għall-Komunità huwa rregolat permezz ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

    32     Kif jirriżulta ukoll mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, id-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-għażla ta' sit li jista' jitqies li jagħmel parti min-netwerk Ewropew ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni, tikkostitwixxi l-ewwel stadju f'proċess intiż biex iwassal għall-ħolqien tan-netwek Natura 2000.

    33     F'dan il-kuntest, l-evalwazzjonijiet xjentifiċi u d-deċiżjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-ħabitats naturali u ta' l-ispeċi, b'mod partikolari dawk ta' natura prijoritarja, jridu jsiru filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterji ta' selezzjoni stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva.

    34     Wara dan il-proċess, hija l-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' l-imsemmija kriterji, li għandha tfassal, bi qbil ma' kull wieħed mill-Istati Membri, abbozz ta' lista ta' siti ta' importanza għall-Komunità, li turi b'mod partikolari s-siti li fihom hemm ħabitat wieħed jew numru ta' ħabitats naturali prijoritarji jew speċi prijoritarja waħda jew diversi minnhom.

    35     Dwar il-livell ta' protezzjoni applikabbli għas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, l-iskema ta' protezzjoni taż-żoni speċjali ta' konservazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) (3) (4) ta' din id-Direttiva, hija applikabbli għal sit f'każ li dan huwa, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) ta' din id-Direttiva, elenkat fil-lista, adottata mill-Kummissjoni, tas-siti magħżula bħala sit ta' importanza għall-Komunità..

    36     Minn dan jirriżulta, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza Dragaggi et iċċitata iktar 'il fuq, li l-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva huma neċessarji biss għal dak li jikkonċerna s-siti li huma elenkati fil-lista ta' siti magħżula bħala siti ta' importanza għall-Komunità.

    37     Madankollu, fil-punt 26 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ma jfissirx li Stat Membru m'għandux jipproteġi s-siti, mill-mument li jipproponihom, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni bħala siti eliġibbli biex jiġu identifikati bħala siti ta' importanza għall-Komunità.

    38     Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 29 ta' din l-istess sentenza, ikkonkludiet li, dwar is-siti eliġibbli biex jiġu identifikati bħala siti ta' importanza għall-Komunità, imsemmija fil-listi nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni, li fosthom jistgħu jidhru, b'mod partikolari, xi siti li fihom tipi ta' ħabitats naturali prijoritarji jew xi speċi prijoritarja, l-Istati Membri huma, skond id-Direttiva, marbuta li jieħdu miżuri ta' protezzjoni li huma "adattati" għall-konservazzjoni ta' l-imsemmi interess ekoloġiku.

    39     Peress li l-qorti nazzjonali tistaqsi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-obbligu li jittieħdu tali miżuri ta' protezzjoni li huma "adattati", b'mod aktar preċiż fuq il-kriterji ta' applikazzjoni ta' l-iskema ta' protezzjoni tas-siti magħżula mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandu jiġi imfakkar li kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta' Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, Ġabra p. I-9235, punti 22 u 23), sabiex jiġi mfassal abbozz ta' lista tas-siti ta' importanza għall-Komunità, ta' natura tali li twassal għall-ħolqien ta' netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni, il-Kummissjoni jrid jkollha inventarju eżawrjenti tas-siti li, fuq il-livell nazzjonali, huma ta' interess ekoloġiku rilevanti fir-rigward ta' l-għan ta' konservazzjoni tal-ħabitats naturali kif ukoll u tal-flora u l-fawna selvaġġi imsemmija mid-Direttiva. Fil-fatt, huwa biss b'dan il-metodu li jistgħu jintlaħqu l-għanjiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), li tipi ta' ħabitats naturali u ħabitats ta' speċi kkonċernati, jinżammu jew jiġu ripristinati fi stat ta' konservazzjoni favorevoli, fil-firxa naturali tagħhom fit-territorju Ewropew kollu ta' l-Istati Membri.

    40     Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 23 ta' din is-sentenza, ippreċiżat ukoll li fid-dawl tal-fatt li meta Stat Membru jħejji l-lista ta' siti nazzjonali hu ma jkunx f'pożizzjoni li jkollu informazzjoni preċiża u dettaljata dwar is-sitwazzjoni tal-ħabitats fl-Istat Membri l-oħra, hu ma jistax minn jeddu, jwarrab siti li, fuq il-livell nazzjonali, huma ta' interess ekoloġiku rilevanti fir-rigward ta' l-għan tal-konservazzjoni mingħajr ma jipperikola l-kisba ta' dan l-istess għan fuq il-livell Komunitarju.

    41     B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni trid tiżgura ruħha li għandha inventarju eżawrjenti tas-siti li huma eliġibbli bħala żoni speċjali ta' konservazzjoni, peress li l-ħolqien ta' dawn iż-żoni huwa immirat għal netwerk ekoloġiku koerenti. Minn dan jirriżulta wkoll li, fil-mument tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni hija mitluba tieħu, is-siti identifikati mill-Istati Membri jridu jirriflettu s-sitwazzjoni li fuq il-bażi tagħha jkunu ġew effettwati l-evalwazzjonijiet xjentifiċi fir-rigward tas-siti li jistgħu jkunu ta' importanza għall-Komunità.

    42     Fil-fatt, kieku ma kienx hekk, il-proċess deċiżjonali Komunitarju, li mhuwiex ibbażat biss fuq l-integrità tas-siti kif notifikati mill-Istat Membri, imma huwa karatterizzat ukoll minn paraguni ekoloġiċi bejn is-siti differenti proposti mill-Istati Membri, jirriskja li jiġi ostakolat u l-Kummissjoni ma tkunx aktar f'pożizzjoni li taqdi l-funzjonijiet tagħha fil-qasam ikkunsidratli taqdi il-funzjonijiet tagħha fis-settur ikkunsidrat.

    43     Għandu jiġi miżjud li skond il-punt 1 ta' l-istadju 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva, "Is-siti kollha identifikati mill-Istati Membri fi Stadju 1 li fihom tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi jitqiesu bħala siti ta’ importanza għall-Komunità". Dawn is-siti għaldaqstant jistgħu jiġu inklużi fil-lista li għandha tadotta l-Kummissjoni.

    44     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li preċedenti, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tas-siti identifikati sabiex jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, jieħdu miżuri ta' protezzjoni adattati sabiex iżommu l-karatteristiċi ekoloġiċi ta' l-imsemmija siti.

    45     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, konformement ma' l-istadju 1 ta' l-Anness III tad-Direttiva, il-karatteristiċi ekoloġiċi ta' sit identifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirriflettu l-kriterji ta' evalwazzjoni li huma imsemmija, jiġifieri kemm hu rappreżentattiv it-tip ta' ħabitat, l-erja tiegħu, l-istruttura tiegħu u l-funzjonijiet tiegħu, id-daqs u d-densità tal-popolazzjoni ta' l-ispeċi preżenti fis-sit, il-karatteristiċi tal-ħabitat li huma importanti għall-ispeċi kkonċernati, il-grad ta' iżolament tal-popolazzjonijiet ta' l-ispeċi preżenti fis-sit kif ukoll il-valur tas-sit għall-konservazzjoni tat-tip tal-ħabitat u ta' l-ispeċi kkonċernati.

    46     Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b'mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta' sit bħal dak definit mill-imsemmija kriterji. Dan hu b'mod partikolari il-każ fejn intervent jirriskja jew li jnaqqas kemm b'mod sinjifikanti l-erja ta' sit, jew iwassal għall-eliminazzjoni ta' speċi prijoritarji preżenti fis-sit, jew, fl-aħħar nett, iwassal għall-qerda tas-sit jew tal-karatteristiċi rappreżentattivi tiegħu.

    47     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li, l-iskema ta' protezzjoni adegwata applikabbli għas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, teżiġi li l-Istati Membri ma jawtorizzawx interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b'mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta' dawn is-siti.

     Fuq it-tielet domanda

    48     Permezz ta' din id-domanda l-qorti nazzjonali tixtieq tikseb interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta' implementazzjoni ta' l-iskema ta' protezzjoni imsemmija iktar 'il fuq.

    49     Huwa l-obbligu ta' l-Istat Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jimplementaw l-iskema ta' protezzjoni applikabbli għas-siti in kwistjoni.

    50     F'dan ir-rigward, il-modalitajiet proċedurali applikabbli jaqgħu taħt is-sistema legali interna ta' kull Stat Membru, iżda bil-kundizzjoni li huma ma jkunux anqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta' natura interna u li, fil-prattika, ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (ara f'dan ir-rigward, b'mod partikolari s-sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12, u tas-16 ta' Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 31).

    51     B'konsegwenza ta' dan, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jevitaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b'mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ.

     Fuq l-ispejjeż

    52     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-iskema ta' protezzjoni adegwata applikabbli għas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, teżiġi li l-Istati Membri ma jawtorizzawx interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b'mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta' dawn is-siti.

    2)      L-Istati Membri għandhom l-obbligu li, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jevitaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b'mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top