Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0239

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Frar 2007.
    BVBA Management, Training en Consultancy vs Benelux-Merkenbureau.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Beroep te Brussel - il-Belġju.
    Trade marks -Direttiva 89/104/KEE- Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark għal numru ta' prodotti u ta' servizzi - Eżami tas-sinjal mill-awtorità kompetenti - Teħid in kunsiderazzjoni tal-fatti kollha u ċirkustanzi rilevanti - Kompetenza tal-qorti nazzjonali li quddiemha sar ir-rikors.
    Kawża C-239/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:99

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    15 ta' Frar 2007 (*)

    “Trade marks –Direttiva 89/104/KEE– Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark għal numru ta' prodotti u ta' servizzi – Eżami tas-sinjal mill-awtorità kompetenti – Teħid in kunsiderazzjoni tal-fatti kollha u ċirkustanzi rilevanti – Kompetenza tal-qorti nazzjonali li quddiemha sar ir-rikors”

    Fil-kawża C-239/05

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Mejju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-3 ta' Ġunju 2005, fil-proċedura

    BVBA Management, Training en Consultancy

    vs

    Benelux-Merkenbureau,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur), G. Arestis u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

    –       għall-Benelux-Merkenbureau, minn L. de Gryse u B. Dauwe, advocaten,

    –       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Rasmussen u H. van Vliet, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Lulju 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-BVBA Management, Training en Consultancy (aktar 'il quddiem "MT & C") u l-Benelux-Merkenbureau (l-Uffiċċju tal-Benelux tat-trade marks, iktar 'il quddiem il-"BBM") minħabba ċ-ċaħda ta' dan ta' l-aħħar li jgħaddi għar-reġistrazzjoni ta' trade mark għal diversi prodotti u servizzi tas-sinjal verbali "The Kitchen Company" mitluba minn MT & C.

     Il-kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Skond l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li tqarreb il-liġijiet ta' l-Istati Membri fuq it-trade marks, sabiex tneħħi d-differenzi li hemm li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni.

    4       Madankollu, kif ukoll jirriżulta mit-tielet premessa tad-Direttiva, din mhijiex intiża li ssir approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet tat-trade marks ta’ l-Istati Membri u hija limitata għall-approssimazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-aktar direttament jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern.

    5       Il-ħames premessa tad-Direttiva tenfasizza illi l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade marks u li huma jistgħu, b’mod partikolari, jiddeterminaw il-forma tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

    6       Is-seba' premessa tad-Direttiva tippreċiża illi t-twettiq tal-għanjiet imfittxija mill-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri tat-trade marks tassumi illi l-kisba u ż-żamma tad-dritt fuq trade marks huma fil-prinċipju suġġetti, fl-Istati Membri kollha, għall-istess kundizzjonijiet u li r-raġunijiet għal rifjut jew invalidità li jikkonċernaw it-trade mark nnifisha, per eżempju n-nuqqas ta' karattru distintiv, għandhom jiġu elenkati b'mod eżawrjenti.

    7       L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat "Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità", jiddisponi:

    "1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

    […]

    b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

    (ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddisinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni ta’ l-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra ta’ l-merkanzija jew tas-servizz;

    […]

    3.      Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat ħadet karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.

    [...]"

    8       L-Artikolu 13 tad-Direttiva, intitolat "Raġunijiet għaċ-ċaħda jew revokazzjoni jew invalidità fir-rigward ta’ xi ftit biss mill-merkanzija jew is-servizzi" jipprevedi:

    "Fejn xi raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ reġistrazzjoni għal revokazzjoni jew invalidità ta’ trade mark jeżistu fir-rigward biss ta’ ftit mill-merkanzija jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għat-trade mark jew din ġiet reġistrata, ċaħda tar-reġistrazzjoni jew revokazzjoni jew invalidità għandha tkopri dik l-merkanzija jew dawn is-servizzi biss."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9       Il-liġi uniformi Benelux fuq it-trade marks ġiet emendata, b'effett mill-1 ta' Jannar 1996, bil-protokoll tat-2 ta' Diċembru 1992, dwar emendi ta’ l-isemmija liġi (Moniteur belge tat-12 ta' Marzu 1996, p. 5317, aktar 'il quddiem il-"LBM"), sabiex tittrasponi d-Direttiva fl-ordinament ġuridiku tat-tliet Stati Membri tal-Benelux.

    10     L-Artikolu 1 tal-LBM jipprevedi:

    "Jitqiesu li huma trade marks individwali ismijiet, disinji, timbri, siġilli, ittri, numri, forom ta' prodotti jew oġġetti ta’ ppakkjar jew kull sinjal ieħor li jservi sabiex jiddistingwi l-prodotti ta' impriża.

    […]"

    11     L-Artikolu 6a tal-LBM jiddisponi:

    "1.      Il-Bureau Benelux tat-trade marks għandu jirrifjuta li jirreġistra applikazzjoni meta jqis illi:

    a)      is-sinjal ippreżentat ma jikkostitwixxix trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 1, b'mod partikolari minħabba nuqqas ta' kull karattru distintiv kif previst mill-Artikolu 6(d) B(2) tal-Konvenzjoni ta' Pariġi;

    […]

    2.      Ir-rifjut ta' reġistrazzjoni għandu jikkonċerna s-sinjal kostituttiv tat-trade mark in kwistjoni kollu kemm hu. Jista' jiġi limitat għal prodott wieħed jew aktar li għalihom it-trade mark hija ddestinata.

    3.      Il-Bureau Benelux għandu jinforma lill-applikant mingħajr dewmien u bil-mitktub bl-intenzjoni tiegħu li jirrifjuta r-reġistrazzjoni, kollha jew parzjalment, u jindikalu l-motivi u jagħtih l-opportunità li jirrispondi fit-terminu li jiġi ffissat bir-regolament ta' implementazzjoni.

    4.      Jekk l-oġġezzjonijiet tal-Bureau Benelux kontra r-reġistrazzjoni ma jsirux fit-terminu mogħti, ir-reġistrazzjoni tal-preżentata tiġi rrifjutata kollha jew in parti. Il-Bureau Benelux għandu jinforma lill-applikant minnufih u bil-miktub billi jindikalu l-motivi tar-rifjut u billi jsemmilu l-mezz ta' appell kontra din id-deċiżjoni, imsemmi fl-Artikolu 6b.

    [...]"

    12     Skond l-Artikolu 6b tal-LBM:

    "L-applikant jista', fix-xahrejn li jsegwu l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(a), [(4)], iressaq quddiem il-Cour d’appel ta' Brussell, il-Gerechtshof ta' The Hague jew il-Cour d’appel tal-Lussemburgu rikors sabiex jikseb ordni ta' reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni. […]"

    13     Fl-aħħar nett, fil-proċedura ta' reġistrazzjoni ta' trade marks ta' prodotti jew ta' servizzi, il-BBM ssegwi l-klassifikazzjoni ta' prodotti u servizzi stabbilita bil-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjoni ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (aktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Nizza"), li tiegħu t-tliet Stati tal-Benelux huma partijiet.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14     Fis-7 ta' April 2000, MT & C, rikorrenti fil-kawża prinċipali, ippreżentat quddiem il-BBM applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' sinjal verbali "The Kitchen Company" bħala trade mark għal ċerti prodotti u servizzi fil-klassijiet 11, 20 u 21, kif ukoll għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 37 u 42, fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza.

    15     Il-prodotti u s-servizzi li għalihom il-ħarsien tat-trade mark intalab kienu ġew indikati għal kull waħda mill-klassijiet imsemmija. F'dak li jikkonċerna l-klassi 21, l-applikazzjoni tirrigwarda utensili għall-kċina kif ukoll kontenituri tal-mejda u tal-kċina tal-ħġieġ, porċellana, metall mhux prezzjuż, materjali sintetiċi u oġġetti tal-fuħħar.

    16     Fl-24 ta' April 2001, provviżorjament, u, fil-25 ta' Frar 2002, b'mod definittiv, il-BBM kien innotifika r-rifjut tiegħu li jirreġistra t-trade mark verbali "The Kitchen Company" minħabba nuqqas ta’ karrattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 6a(1)(a) tal-LBM.

    17     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju illi l-BBM ma fformulatx konklużjoni differenti għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi li għalihom intalab il-ħarsien, iżda ddeċidiet li s-sinjal ippreżentat kien nieqes minn kull karatteristika distintiva għal dawk kollha li tagħhom intalab il-ħarsien.

    18     MT & Cressqet appell quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-qorti ta’ l-appell ta' Brussell), li fih talbet li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna lill-BBM jirreġistra t-trade mark, prinċipalment, għall-klassijiet mitluba kollha u, sussidjarjament, għall-klassijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tqis illi t-trade mark ippreżentata għandha karattru distintiv.

    19     Il-hof van beroep te Brussel ikkonfermat id-deċiżjoni tal-BBM li tgħid illi s-sinjal verbali "The Kitchen Company" kien nieqes minn kull karatteristika distintiva għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bl-eċċezzjoni ta' ċerti prodotti fil-klassi 21.

    20     F'dan ir-rigward, il-hof van beroep te Brussel spjegat illi, fost il-prodotti li huma parti minn din il-klassi, il-karattru deskrittiv tat-trade mark ma jeżistix ħlief għall-utensili tal-kċina skond it-tip tagħhom u l-użu tagħhom. Għall-prodotti l-oħra, il-qorti tar-rinviju qieset illi l-għaqda tal-kliem "The Kitchen Company" ma tevokax, b'assoċjazzjoni lingwistika spontanja, l-użu tal-prodotti f'moħħ il-konsumatur medju. Għalhekk, u kontra l-opinjoni tal-BBM, din il-qorti tqis li, fin-nuqqas ta' karatteristika distintiva tat-trade mark u meta ebda motiv ieħor ta' rifjut ta' reġistrazzjoni kien ġie mqajjem mill-BBM jew diskuss quddiemu, dan għandu l-karattru distintiv għal dawn il-prodotti.

    21     Madankollu, filwaqt li jirreferi għas-sentenza tal-Cour de justice Benelux tal-15 ta' Diċembru 2003, fil-kawża A 2002/2, BBM c. Vlaamse Toeristenbond (kawża A 2002/2), il-BBM jsostni quddiem il-qorti tar-rinviju illi dan ma jistax jeżamina l-applikazzjoni sussidjarja ta' MT & C, peress li din ta' l-aħħar ma talbitx reġistrazzjoni limitata għal ċerti prodotti la fl-applikazzjoni tagħha inizjali u lanqas fl-appell tagħha quddiem il-BBM u li dik il-qorti ma tistax tikkunsidra talbiet li joħorġu mill-kuntest tad-deċiżjoni tal-BBM jew li ma ġietx ippreżentati quddiemha.

    22     Il-hof van beroep te Brussel qieset b'mod partikolari illi jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, Ġabra p. I‑1619), illi l-awtorità kompetenti għandha teżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal kull wieħed mill-prodotti jew servizzi li għalihom ikun intalab il-ħarsien, u li din l-awtorità tista' tasal għal konklużjonijiet differenti skond il-prodotti jew is-servizzi kkunsidrati. Il-qorti tar-rinviju tqis illi għandu loġikament jirriżulta illi, f'każ bħal dan, l-imsemmija awtorità għandha tindika dawn il-konklużjonijiet fid-deċiżjoni provviżjorja ta' ċaħda, u, jekk ikun il-każ, fid-deċiżjoni definittiva.

    23     Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll illi mhuwiex eskluż illi l-fatti u ċirkustanzi rilevanti jinbidlu bejn il-mument fejn l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjoni tagħha u dak meta l-qorti tiddeċiedi fuq l-appell imressaq kontra din id-deċiżjoni.

    24     Issa, il-hof van Beroep te Brussel tqis illi, f'kuntest leġiżlattiv bħal dak stabbilit bl-Artikoli 6a u 6b tal-LBM, prattika li tikkonsisti, mill-awtorità kompetenti, f’deċiżjoni, bħal f'din il-kawża prinċipali, illi s-sinjal ippreżentat huwa nieqes minn kull karattru distintiv għal dak kollu li għalihom intalab il-ħarsien, mingħajr ma tifformula konklużjoni separata għal kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi, jista' jkun tan-natura li jwaqqaf il-qorti li quddiemha sar l-appell kontra din id-deċiżjoni milli tikkunsidra l-fatti u ċirkustanzi rilevanti kollha. Fil-fatt, in-nuqqas ta' motiv ta' rifjut għal wieħed mill-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, iżda mhux għall-oħrajn, jista' jikkostitwixxi fatt rilevanti għall-evalwazzjoni ta' din l-applikazzjoni. Madankollu, fin-nuqqas ta' konklużjoni finali stabbilita għal kull prodott jew servizz separatament, l-imsemmija qorti ma tistax teżerċita bis-sħiħ il-kontroll tagħha meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi li hi ma tistax tiddeċiedi ħlief fil-limiti tal-ġurisdizzjoni ta' l-awtorità kompetenti u tad-deċiżjoni ta' din l-awtorità.

    25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      Fi tmiem l-eżami tagħha tal-fatti u ċirkustanzi rilevanti kollha li għandhom li jirrigwardaw motiv assolut ta' rifjut, l-awtorità fil-qasam ta' trade marks għandha tindika, fid-deċiżjoni provviżorja, u fid-deċiżjoni finali fuq [l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade      mark], il-konklużjoni li hija tiġbed separatament għal kull prodott jew servizz li għalihom il-ħarsien tat-trade mark huwa mitlub?

    2)      Il-fatti u ċirkustanzi rilevanti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-qorti fil-każ ta' rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-awtorità fil-qasam ta' trade marks jistgħu jkunu differenti minħabba ż-żmien li għadda bejn iż-żewġ [...] deċiżjonijiet, jew hija din il-qorti li għandha tikkunsidra biss il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jkun hemm fil-mument meta l-awtorità fil-qasam tat-trade marks tkun ħadet id-deċiżjoni?

    3)      L-interpretazzjoni illi l-Qorti tal-Ġustizzja [...] tat fis-sentenza [Koninklijke KPN Nederland] iċċitata iktar 'il fuq,] hija ta' xkiel għal fatt li regoli nazzjonali li jirregolaw il-kompetenza ta' [l-imsemmija] qorti jiġu interpretati fis-sens illi jżommuhom milli jieħdu in kunsiderazzjoni fatti u ċirkustanzi rilevanti li jkunu nbidlu jew li tieħu deċiżjoni fuq il-karattru distintiv tat-trade mark għal kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi b'mod [partikolari]?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    26     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, fis-sustanza, jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità kompetenti, meta tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' trade mark hija marbuta li tindika fid-deċiżjoni tagħha l-konklużjoni illi hija waslet għaliha għal kull wieħed mill-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, indipendentement mill-mod li din l-applikazzjoni kienet ġiet ifformulata.

     Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    27     Skond BBM, il-fatt illi l-eżistenza ta' rifjut għandha tiġi evalwata fir-rigward ta' prodotti jew ta' servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark hija mitluba ma jimponix dejjem illi jiġi indikat separatament għal kull prodott jew servizz imsemmi fl-applikazzjoni r-raġuni li għaliha r-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata.

    28     Il-Gvern Ġermaniż isostni bil-kontra illi l-awtorità kompetenti għandha bħala regola tindika fid-deċiżjoni tagħha l-konklużjoni li hija tkun waslet għaliha separatament għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi li għalihom intalab il-ħarsien tat-trade mark mitlub. L-imsemmija awtorità tista' madankollu tiddispensa milli tindika din il-konklużjoni b'mod partikolari għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti u msemmija servizzi sakemm ikun possibbli li terġa' tiġbor flimkien xi wħud minnhom li fir-rigward tagħhom il-kapaċità tas-sinjal li għandu jitħares għandu jiġi evalwat b'mod identiku.

    29     Skond il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-awtorità kompetenti għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' trade mark għall-prodotti u servizzi kollha li għalihom ir-reġistrazzjoni tintalab. Hija tista' madankollu tillimita ruħħha għal motivazzjoni ġenerali jekk hija tqis illi dan jgħodd għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi kkonċernati.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    30     Għandu jitfakkar l-ewwel nett illi l-eżami tal-motivi ta' rifjut imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jitwettaq waqt l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jkun fil-fond u sħiħ sabiex jevita illi trade marks ma jiġux irreġistrati indebitament (sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, punt 123 u l-ġurisprduenza ċċitata).

    31     Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi, meta r-reġistrazzjoni ta' trade mark tiġi dejjem mitluba fir-rigward ta' prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark taqax jew le minn wieħed mill-motivi ta' rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva għandha tiġi evalwata in concreto b'relazzjoni ma' dawn il-prodotti jew servizzi (sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).

    32     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll illi, meta r-reġistrazzjoni ta' trade mark tintalab għal diversi prodotti jew servizzi, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika illi trade mark m'għandha taqa' taħt ebda wieħed mill-motivi ta' rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva fir-rigward ta' kull wieħed minn dawn il-prodotti jew servizzi u jista' jwassal għal konklużjonijiet differenti skond dawn il-prodotti jew servizzi (sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, punt 73).

    33     Barra minn dan, l-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprevedi illi, fejn xi raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni għal revoka jew invalidità ta’ trade mark jeżistu fir-rigward biss ta’ xi wħud mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għat-trade mark jew din ġiet reġistrata, rifjut tar-reġistrazzjoni jew revoka jew invalidità għandha tkopri dawk il-prodotti jew dawn is-servizzi biss.

    34     Isegwi, minn naħa, illi l-eżami tal-motivi ta' rifjut msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva għandha tirrgwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, illi d-deċiżjoni li għaliha l-awtorità kompetenti rrifjutat ir-reġistrazzjoni ta' trade mark għandha fil-prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi.

    35     Din il-konklużjoni ma tistax tinbidel meta l-applikazzjoni ssottomessa lill-awtorità għal numru flimkien ta' prodotti jew ta' servizzi ma tirrigwardax sussidjarjament ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata għal klassijiet partikolari ta' prodotti jew ta' servizzi jew għal prodotti jew servizzi meqjusa separatament.

    36     L-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li timmotiva r-rifjut ta' reġistrazzjoni ta' trade mark fir-rigward ta' kull wieħed mill-prodotti jew ta' servizzi li għalihom din ir-reġistrazzjoni hija mitluba jirriżulta wkoll mill-eżiġenza essenzjali li kull deċiżjoni ta' awtorità nazzjonali li tirrifjuta l-benefiċċju ta' dritt irrikonoxxut mid-dritt Komunitarju jista' jiġi suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jassigura l-ħarsien effettiv ta' dan id-dritt u li, minn dan il-fatt, għandu jirrigwarda l-legalità tal-motivi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punti 14 u 15).

    37     Madankollu, meta l-istess motiv ta' rifjut huwa magħmul għal kategorija jew grupp ta' prodotti jew ta' servizzi, l-awtorità kompetenti tista' sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew servizzi kkonċernati kollha.

    38     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru qabel, hemm lok li tingħata risposta lill-ewwel domanda illi d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-awtorità kompetenti, meta tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' trade mark, hija marbuta li tindika fid-deċiżjoni tagħha l-konklużjoni li għaliha waslet għaliha għal kull wieħed mill- prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, independentement mill-mod kif din l-applikazzjoni tkun ġiet ifformulata. Madankollu, meta l-istess motiv ta' rifjut huwa magħmul għal kategorija jew grupp ta' prodotti jew ta' servizzi, l-awtorità kompetenti tista' sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew servizzi kkonċernati kollha.

     Fuq it-tieni taqsima tat-tielet domanda

    39     Bit-tieni taqsima tat-tielet domanda, li għandha tiġi eżaminata issa, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twaqqaf il-qorti li quddiemha sar rikors kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi fuq il-karattru distintiv tat-trade mark għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi meqjus individwalment.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    40     Il-BBM issostni illi, safejn hija rrikorriet għal-kompetenza tal-qorti biex tiddeċiedi fuq il-karattru distintiv tat-trade mark "għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi [b'mod partikolari]", din id-domanda tingħaqad ma' l-ewwel waħda u għandha tirċievi l-istess risposta. Barra minn hekk, safejn hija tevoka kontradizzjoni possibbli bejn is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar 'il fuq, u l-intepretazzjoni ta' "regoli nazzjonali li jirregolaw il-kompetenza tal-qorti [fil-każ ta' appell kontra d-deċiżjoni ta' l-awtorità nazzjonali]", it-tieni taqsima tat-tielet domanda tonqos li tagħmel dan. Fil-fatt, jirriżulta mill-imsemmija sentenza illi l-limiti tal-kompetenza tal-qrati nazzjonali huma stabbiliti bir-regoli ta' dritt intern.

    41     Il-Gvern Ġermaniż isostni illi l-limitu tal-kontroll ġurisdizzjonali mir-regoli nazzjonali huwa eskluż f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark imwettaq separatament għal kull prodott jew servizz. Kif interpretata mis-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, id-Direttiva tagħti, fuq dan il-punt, lill-awtoritajiet kompetenti indikazzjonijiet obbligatorji għad-deċiżjonijiet tagħhom. Skond dan il-gvern, il-qrati għandhom biss is-sejħa, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, li meta jivverifkaw ir-regolarità ta' dawn id-deċiżjonijiet jistgħu u għandhom jiddeċiedu b'relazzjoni mal-prodotti u għas-servizzi, jiġifieri fuq kull waħda mill-klassijiet separatament. L-imsemmi gvern iżid madankollu illi l-awtorità kompetenti tista' tiddispensa minn indikazzjoni separata għal kull prodott jew servizzi meta huwa possibbli li tingħata konklużjoni sintetika għal prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom il-kapaċità tas-sinjal li għandu jitħares għandha tiġi evalwata bl-istess b'mod.

    42     Għall-Kummissjoni, id-Direttiva ma tipprekludix li regoli nazzjonali li jirregolaw il-kompetenza tal-qorti li quddiemha sar rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti jiġu interpretati fis-sens li, jekk min ippreżenta t-trade mark ma fformulax applikazzjoni sussidjarja ta' reġistrazzjoni għall-prodotti u servizzi li għalihom din l-awtorià ma qajmet l-ebda motiv ta' rifjut, hija twaqqaf din il-qorti milli tagħti lill-imsemmija awtorità l-ordni li tirreġistra t-trade mark għal parti mill-prodotti jew servizzi. Skond il-Kummissjoni, il-LBM tissodisfa d-direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva, li tħalli lill-Istati Membri libertà kbira biex jiżviluppaw proċeduri interni fil-qasam ta' trade marks.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi d-Direttiva, kif ukoll jirriżulta mit-tielet premessa, ma tagħmilx approssimazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjonijiet kollha ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-trade marks, iżda hija biss tapprossima d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-aktar direttament jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern.

    44     Barra minn hekk, skond il-ħames premessa tagħha, din id-direttiva tħalli ħelsien sħiħ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ta’ proċedura dwar, fost l-oħrajn, ir-reġistrazzjoni tat-trademarks, b'mod partikolari dwar il-forma tal-proċedura ta' reġistrazzjoni.

    45     Skond ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja fuq aspett partikolari ta' qasam li jaqa' taħt id-dritt Komunitarju, hija kompetenza ta’ l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li jirregola l-metodi proċedurali ta' aċċess għall-ġustizzja intiżi li jħarsu d-drittijiet illi l-partijiet jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju u dawn il-metodi m'għandhomx ikunu anqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikors simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) lanqas li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta' effettività) (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Diċembru 2001, Clean Car Autoservice, C‑472/99, Ġabra p. I‑9687, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46     Issa, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li twaqqaf lill-qorti li quddiemha tressaq rikors kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti milli tiddeċiedi fuq il-karattru distintiv tat-trade mark separatament għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' din it-trade mark fil-każ illi la din l-applikazzjoni u lanqas id-deċiżjoni ta' l-imsemmija awtorità ma tirrigwarda kategoriji ta' prodotti jew servizzi jew fuq prodotti jew servizzi meqjusa separatament, din il-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-qrati ma titqies li tmur kontra l-prinċipju ta' effettività, meta, b'mod partikolari, l-interessat, wara sentenza li hija kollha jew parzjalment sfaverevoli, jista' jippreżenta applikazzjoni ġdida ta' reġistrazzjoni tat-trade mark. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmija prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività humiex imħarsa.

    47     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprduenza tal-Qorti tal-Ġustizzja illi l-qorti li quddiemha tressaq rikors kontra deċiżjoni meħuda fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark għandha tikkunsidra wkoll il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fil-limiti ta' l-eżerċizzju tal-kompetenzi kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36).

    48     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, għandha tingħata risposta lit-tieni taqsima tat-tielet domanda illi d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens illi hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li twaqqaf il-qorti li quddiemha sar rikors kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi fuq il-karattru distintiv tat-trade mark għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi fl-applikazzjoni meta la din l-deċiżjoni u lanqas din l-applikazzjoni ma jirrigwardaw kategoriji ta' prodotti jew servizzi jew ta' prodotti jew servizzi meqjusa separatament.

     Fuq it-tieni domanda u l-ewwel taqsima tat-tielet domanda

    49     Bit-tieni domanda tagħha u l-ewwel taqsima tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġi eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twaqqaf lill-qorti li quddiemha hemm rikors kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti li tikkunsidra fatti u ċirkustanzi li ġraw wara d-data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni

     Fuq l-ammissibbiltà

    50     Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-BBM tqajjem, b'mod prinċipali, eċċezzjoni ta' inammissibbiltà fir-rigward ta' dawn id-domandi.

    51     Dawn huma bbażati fuq l-idea li l-"fatti u ċirkustanzi rilevanti" li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni huma differenti minħabba ż-żmien li għadda bejn id-deċiżjoni meħuda mill-BBM u dak tal-qorti tar-rinviju li quddiemha sar ir-rikors kontra din id-deċiżjoni. Ma jirriżulta madankollu minn imkien fid-deċiżjoni tar-rinviju illi dan it-tibdil effettivament seħħ. Għalhekk, dawn id-domandi huma purament teoretiċi jew ipotetitiċi u, għalhekk, inammissibbli.

    52     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar illi, konformement ma' ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li qed tisma’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija ssaqsi lill-Qorti. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma setgħetx tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni ta’ dritt Komunitarju mitluba mill-qorti nazzjonali m’għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti reali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Schulte, C‑350/03, Ġabra p. I‑9215, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53     Dan mhux il-każ f'dak li jikkonċerna d-domandi preżenti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat illi, imsejħa biex tiddeċiedi fuq appell kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti, huwa possibbli illi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali twaqqaf milli jkunu kkunsidrati l-fatti u ċirkustanzi rilevanti. Hija tissuġġerixxi li dan il-fatt rilevanti fl-eżami ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jista' jkun illi ma jeżistix motiv ta' rifjut għal ċerti prodotti li għalihom tirrgwarda din l-applikazzjoni għalkemm jeżisti għal oħrajn.

    54     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li t-tieni domanda u l-ewwel taqsima tat-tielet domanda mhumiex ta' natura teoretika jew ipotetika u, għalhekk, huma ammissibbli.

     Osservazzjonijiet mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

    55     Il-BBM issostni illi l-Artikolu 3 tad-Direttiva ma jista' joffri ebda risposta għat-tieni domanda.

    56     Peress li jibbaża ruħu fuq is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar 'il fuq, kif ukoll fuq it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kwistjoni tal-limitazzjoni tat-teħid in kunsiderazzjoni ta' fatti u ċirkustanzi li ma jseħħux jew jirriżultaw biss wara d-deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti relattiva għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri.

    57     Il-Kummissjoni taqbel ma din il-fehma u żżid li r-regoli ta' dritt nazzjonali li jwaqqfu lill-qorti milli tiddikjara li deċiżjoni ta' awtorità kompetenti hija illegali abbażi ta' fatti u ċirkustanzi li ġraw wara din id-deċiżjoni għandha tissodisfa l-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    58     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, illi l-awtorità kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha qabel ma tadotta d-deċiżjoni definittiva fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark u, min-naħa l-oħra, illi l-qorti li quddiemha tressaq ir-rikors kontra din id-deċiżjoni għandha wkoll tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċirkustanzi rilevanti kollha fil-limiti ta' l-eżerċizzju ta' dawn il-kompetentenzi kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland , iċċitata aktar 'il fuq, punt 36).

    59     F'dawn it-tip ta' kawżi, kif indikat ġustament il-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali hija msejħa li tistħarreġ il-legalità ta' deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti. Issa, din id-deċiżjoni ma setgħetx tittieħed jekk mhux fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkunstanzi li dik l-awtorità kienet magħrrfa bihom meta hija tkun ħadet id-deċiżjoni.

    60     Hemm lok għaldaqstant li jiġi konluż li ordinament ġuridiku nazzjonali jista' jwaqqaf lill-qorti li quddiemha sar rikors kontra deċiżjoni ta' awtorità kompetenti milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċirkustanzi rilevanti li ġraw wara din id-deċiżjoni sabiex tevalwa l-legalità tagħha.

    61     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda u għall-ewwel taqsima tat-tielet domanda li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens illi ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li twaqqaf lill-qorti li quddiemha jkun tressaq rikors kontra deċiżjoni ta' awtorità kompetenti milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċirkustanzi rilevanti wara d-data ta' l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

     Fuq l-ispejjeż

    62     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru, 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandha tiġi intepretata f'dan is-sens:

    –       illi l-awtorità kompetenti, meta tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' trade mark, hija marbuta li tindika fid-deċiżjoni tagħha l-konklużjoni li għaliha waslet għaliha għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, independentement mill-mod kif din l-applikazzjoni tkun ġiet ifformulata. Madankollu, meta l-istess motiv ta' rifjut huwa magħmul għal kategorija jew grupp ta' prodotti jew ta' servizzi, l-awtorità kompetenti tista' sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew servizzi kkonċernati kollha;

    –       illi hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li twaqqaf il-qorti li quddiemha tressaq appell kontra deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti milli tiddeċiedi fuq il-karattru distintiv tat-trade mark għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi fl-applikazzjoni meta la din id-deċiżjoni u lanqas din l-applikazzjoni ma jirrigwardaw kategoriji ta' prodotti jew servizzi jew ta' prodotti jew servizzi meqjusa separatament;

    –       illi hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li twaqqaf lill-qorti li quddiemha tressaq appell kontra deċiżjoni ta' awtorità kompetenti milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċirkustanzi rilevanti wara d-data ta’ l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top