Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0205

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Novembru 2006.
    Fabien Nemec vs Caisse régionale d'assurance maladie du Nord-Est.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal des affaires de sécurité sociale de Longwy - Franza.
    Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Artikolu 42 KE - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikolu 58 - Għotja favur il-ħaddiema esposti għall-asbestos - Kalkolu tal-benefiċċji fi flus - Rifjut li jittieħdu in kunsiderazjzoni s-salarji rċevuti fi Stat Membru ieħor.
    Kawża C-205/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:705

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawża C-205/05

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal des affaires de sécurité sociale de Longwy (Franza), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Mejju 2005, fil-kawża

    Fabien Nemec

    vs

    Caisse régionale d’assurance maladie du Nord-Est,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), J. Makarczyk, G. Arestis u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal F. Nemec, minn M. Gamelon, avocat,

    – għall-caisse régionale d’assurance maladie du Nord-Est, minn A. Schaf Codognet u F. Verra, avocats,

    – għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

    – għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Stratford, bħala aġent,

    – għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' April 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta' Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tagħhom emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71" u r-"Regolament Nru 574/72" rispettivament) u tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, p.1), kif ukoll ta’ l-Artikolu 39 KE.

    2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn F. Nemec u l-Caisse régionale d’assurance maladie du Nord-Est (il-Fond Reġjonali għall-Assigurazzjoni tas-Saħħa tat-tramuntana u tal-lvant, iktar 'il quddiem il-"CRAM") minħabba r-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jieħu in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-benefiċċju previst fil-każ ta' terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività favur il-ħaddiema esposti għall-asbestos (iktar 'il quddiem l-"ACAATA"), is-salarji rċevuti minn F. Nemec waqt l-attività tiegħu ta' impjieg fil-Belġju.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    Ir-Regolament Nru 1408/71

    3. L-Artikolu 1 tar-Regolament 1408/71 jipprevedi:

    "Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

    […]

    t) "benefiċċji" u "pensjonijiet" ifissru l-benefiċċji u l-pensjonijiet kollha, inklużi l-elementi kollha tagħhom imħallsa mill-fondi pubbliċi, iż-żidiet tar-rivalwazzjoni u r-rimunerazzjonijiet supplimentari, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, kif ukoll benefiċċji f'somma waħda ta' flus li jistgħu jitħallsu minflok il-pensjonijiet magħmula bħala rimborż tal-kontribuzzjonijiet;

    […]"

    4. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Trattament Ugwali", jiddisponi:

    "Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat."

    5. L-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmi Regolament jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni materjali tiegħu kif ġej:

    "Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġiżlazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

    a) benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

    b) benefiċċji ta' l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

    c) benfiċċji tax-xjuħija;

    d) benefiċċji tas-superstiti;

    e) benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard kawżat mix-xogħol;

    f) għotijiet minħabba mwiet;

    g) benefiċċji tal-qgħad;

    h) benefiċċji familjari/tal-familja."

    6. L-istess Artikolu 4(2) jipprevedi li r-Regolament "għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta' sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji […]".

    7. Fit-Titolu III ta' l-imsemmi Regolament, fil-Kapitolu 4 tiegħu, li jikkonċerna l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkawżat mix-xogħol, jinsab l-Artikolu 58, intitolat "Kalkolu tal-benefiċċji fi flus", li jiddisponi fil-paragrafu 1:

    "L-istituzzjoni kompetenti ta' Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprovdi illi l-kalkolu tal-benefiċċji fi flus għandu jkun ibbażat fuq il-paga jew is-salarju medji, għandha tistabblixxi din il-paga jew salarju medji esklussivament b'riferenza għall-pagi u s-salarji rreġistrati matul l-perijodi mwettqa skond il-leġiżlazzjoni msemmija."

    Ir-Regolament Nru 574/72

    8. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 574/72 jipprevedi r-"[r]egoli ġenerali għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta' żmien ta' l-assigurazzjoni".

    Ir-Regolament Nru 883/2004

    9. Skond l-Artikolu 87(1) tiegħu, "[l]-ebda dritt ma jista' jinkiseb […] għall-perijodu ta' qabel il-jum ta' l-applikazzjoni tiegħu" taħt ir-Regolament Nru 883/2004.

    10. L-Artikolu 90(1) ta' l-istess Regolament jipprevedi li "[i]r-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jkun revokat mill-jum ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament".

    11. L-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004 jiddisponi:

    "Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implementazzjoni."

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    12. Il-liġi Nru 98-1194 tat-23 ta' Diċembru 1998, dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-1999 (JORF tas-27 ta' Diċembru 1998, p.19646), kif emendata mil-liġi Nru 99-1140 tad-29 ta' Diċembru 1999, dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-2000 (JORF tat-30 ta' Diċembru 1999, p. 19706, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 98-1194") ipprevediet dispożittiv ta' terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività speċifika favur l-impjegati jew l-ex impjegati esposti għall-asbestos. L-Artikolu 41 tal-liġi Nru 98-1194 jiddisponi:

    "I. – Għotja għal terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività għandha tiġi mħallsa lill-impjegati jew l-ex impjegati ta' stabbilimenti ta' manifattura ta' materjali li fihom l-asbestos, ta' stabbilimenti li jagħmlu l-affarijiet jifilħu għan-nar, kif ukoll jiżolaw, bl-asbestos, jew ta' kostruzzjoni jew ta' tiswija ta' vapuri, jekk huma jieqfu minn kull attività professjonali u meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1° Jaħdmu jew ikunu ħadmu f'wieħed mill-istabbilimenti msemmija hawn fuq u li jinsab f'lista stabbilita b’deċiżjoni tal-Ministri responsabbli għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali jew għall-Baġit, matul il-perijodu meta l-asbestos jew materjali li kien fihom l-asbestos ġew maħduma jew ipproċessati;

    2° Ikunu għalqu età ddeterminata, li tista' tvarja skond it-terminu ta' xogħol li sar fl-istabbilimenti previsti fil-paragrafu 1° li ma tkunx inqas minn ħamsin sena.

    […]

    L-impjegati jew l-ex impjegati li ġew irrikonoxxuti, taħt is-sistema ġenerali, li għandhom marda kkawżata mix-xogħol ikkaġunata mill-asbestos u li tinsab f'lista stabbilita minn deċiżjoni tal-Ministri responsabbli għax-Xogħol u għas-Sigurtà Soċjali wkoll għandhom dritt, mill-età ta' ħamsin sena, għall-għotja għal terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività.

    Il-benefiċċju ta' l-għotja minħabba terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività la jista jingħata flimkien ma' wieħed mid-dħul jew wieħed mill-għotjiet imsemmija fl-Artikolu L. 131-2 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali u lanqas flimkien ma' benefiċċju personali ta' xjuħija, ma' benefiċċju ta' invalidità, ma' għotja għal rtirar minn qabel jew ta' terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-inċiż li ġej.

    Għotja differenzjali tista' titħallas flimkien ma' pensjoni ta' invalidità jew ma' benefiċċju ta' riverżjoni jew ma' benefiċċju personali ta' xjuħija mogħti permezz ta' sistema speċjali prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu 1 tal-Ktieb VII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, sal-limitu ta' l-għotja kkalkolata fil-kundizzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu.

    II. – L-ammont ta' l-għotja jiġi kkalkulat abbażi tal-medja aġġornata tas-salarji fix-xahar gross ta' l-aħħar tnax-il xahar ta' attività ta' impjieg tal-benefiċjarju li għalihom ma jittieħdux in kunsiderazzjoni, fil-kundizzjonijiet previsti mid-digriet, ċerti perijodi ta' attività li taw lok għal remunerazzjoni mnaqqsa. Huwa jiġi vvalutat mill-ġdid bħala l-benefiċċji mogħtija skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu L. 322-4 tal-Kodiċi tax-Xogħol.

    […]

    L-għotja ma tibqax titħallas meta l-benefiċjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba biex jibbenefika minn pensjoni tax-xjuħija bir-rata sħiħa, hekk kif hija ddefinita fl-Artikoli L. 351-1 u L. 351-8 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.

    […]"

    13. Skond l-Artikolu 2 tad-digriet Nru 99-247 tad-29 ta' Marzu 1999, dwar l-għotja minħabba terminazzjoni qabel il-waqt ta' attività prevista fl-Artikolu 41 tal-liġi dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-1999 (Jorf tal-31 ta' Marzu 1999, p.4471):

    "Is-salarju ta' riferiment li jservi ta' bażi għall-istabbiliment ta' l-għotja jiġi ffissat skond ir-remunerazzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 242-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali rċevuti mill-parti kkonċernata matul l-aħħar tnax-il xahar ta' attività ta' impjieg. Dawn ir-remunerazzjonijiet, ivvalutati mill-ġdid jekk ikun neċessarju, skond ir-regoli ddefiniti fl-Artikolu R. 351-29-2 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, jittieħdu in kunsiderazzjoni sad-doppju tal-livell previst fl-Artikolu L. 241-3 ta' l-istess Kodiċi fis-seħħ fid-data tal-kisba tad-dritt għall-għotja. Is-salarju ta' riferiment għandu jkun il-medja mensili tar-remunerazzjonijiet hekk stabbiliti.

    L-ammont fix-xahar ta' l-għotja għandu jkun ta’ 65 % tas-salarju ta' riferiment iddefinit fl-inċiż ta' qabel sal-livell previst fl-Artikolu L. 241-3 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, li miegħu jiżdied 50 % tas-salarju ta' riferement għall-parti ta' dan is-salarju li hija bejn darba u darbtejn l-ammont ta' l-istess livell.

    L-ammont minimu ta' l-għotja ma jistax ikun inqas mill-ammont minimu ta' l-għotja ta' assigurazzjoni previst fl-Artikolu L. 351-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol. Mandankollu, l-ammont ta' l-għotja hekk iggarantit ma jistax jaqbeż 85 % tas-salarju ta' riferiment."

    14. L-Artikolu L. 242-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi:

    "Għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta' l-assigurazzjoni soċjali, ta' l-inċidenti fuq ix-xogħol u ta' l-għotjiet għall-familja, is-somom kollha mħallsa lill-ħaddiema għax-xogħol jew li jirriżultaw mix-xogħol, b'mod partikolari s-salarji jew il-pagi, il-kumpensi tal-leave mħallas, l-ammont tat-tnaqqis għall-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema, il-kumpensi, għotjiet ta' flus, bonusijiet, u kull benefiċċju ieħor fi flus, il-benefiċċji f'xort'oħra, kif ukoll is-somom rċevuti direttament jew permezz ta' l-intervent ta' terz bħala gratifika għandhom jitqiesu li huma bħala remunerazzjonijiet. […]

    […]"

    15. Iċ-ċirkulari Nru DSS/4B/99/332 tad-9 ta' Ġunju 1999, dwar l-implementazzjoni ta' l-arranġamenti ta' terminazzjoni qabel il-waqt tal-ħaddiema ta' l-asbestos, hija intiża li tispeċifika r-regoli ta' attribuzzjoni, ta' kalkolu u tal-ħlas ta' l-għotja stabbilita favur il-ħaddiema esposti għall-asbestos mill-fondi reġjonali ta' assigurazzjoni tas-saħħa. Din iċ-ċirkulari tindika b'mod partikolari li, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu ta' din l-għotja u rigward il-perijodi ta' impjieg barra mill-pajjiż, "jistgħu jirriżultaw diversi eventwalitajiet. Meta s-salarju huwa suġġett għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taħt l-Artikolu L. 242-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, dan jittieħed in kunsiderazzjoni mal-perijodi relatati miegħu. Fil-każijiet l-oħra, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni s-salarji miksuba matul l-aħħar sena ta' impjieg fi Franza".

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16. F. Nemec, ċittadin Franċiż li twieled fl-1954 u residenti fi Franza, ħadem għal diversi snin għal impriża stabbilita f'dan l-Istat Membru. Huwa paċifiku li, matul dan ix-xogħol, huwa ġie espost għall-asbestos.

    17. Wara li tilef l-impjieg fl-1994 minħabba t-twaqqif totali ta' l-attività ta' min ħaddmu fi Franza, huwa sab, fl-istess sena, impjieg fil-Belġju f'impriża li tinsab madwar tnax-il kilometru 'l bogħod mir-residenza tiegħu. Matul il-perijodu kollu ta' l-attività ta' impjieg tiegħu fil-Belġju, F. Nemec baqa' jgħix u jħallas it-taxxi tiegħu fi Franza.

    18. Fl-1995, l-awtorità Franċiża kompetenti rrikonoxxiet li F. Nemec kien isofri minn marda kkawżata mix-xogħol minħabba li kien ġie espost għall-asbestos.

    19. In segwitu għat-talba ppreżentata minn F. Nemec fix-xahar ta' Marzu 2004, il-CRAM innotifikatu, matul ix-xahar ta' Mejju ta' l-istess sena, b'deċiżjoni ta' attribuzzjoni ta' l-ACAATA. Skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, l-ammont ta' din l-għotja kien ġie kkalkolat abbażi tal-medja tas-salarji rċevuti minn min għamel it-talba matul it-tnax-il xahar ta' attività ta' impjieg tiegħu fi Franza.

    20. Għaldaqstant, il-parti kkonċernata kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni tal-CRAM, billi sostniet li dan naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-aħħar s-salarji rċevuti fil-Belġju, li kienu ogħla minn dawk li ntużaw għall-kalkolu ta' l-ACAATA.

    21. Dan l-appell ġie miċħud mill-imsemmija Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni, liema deċiżjoni ta' ċaħda kienet ibbażata fuq iċ-ċirkulari Nru DSS/4B/99/332.

    22. Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li F. Nemec ressaq azzjoni quddiem it-tribunal des affaires de sécurité sociale de Longwy li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    "Billi rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni s-salarji rċevuti fil-Belġju minn F. Nemec fil-kalkolu ta' l-għotja tal-ħaddiema ta' l-asbestos li ġiet attribwita lilu taħt l-Artikolu 41 tal-liġi Nru 98-1194 tat-23 ta' Diċembru 1998, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 tad-digriet ta' applikazzjoni tal-liġi Nru 99-247 tad-29 ta' Marzu 1999 u abbażi taċ-Ċirkulari DSS/4B/99 Nru 332 tad-9 ta' Ġunju 1999, peress li dawn is-salarji ma tawx lok għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet taħt l-Artikolu L. 242-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiża, il-CRAM ħa, fir-rigward tiegħu, deċiżjoni ta' ħsara li tikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu mniżżel fl-Artikolu 39 [KE], ksur tar-Regolament […] Nru 883/2004 jew ksur ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament […] Nru 574/72?"

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal domanda preliminari

    23. Il-gvern Franċiż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju ma ddeskrivitx b'mod preċiż biżżejjed il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fiha tidħol id-domanda magħmula.

    24. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk F. Nemec kienx ġie espost għall-asbestos fil-kuntest ta' attività professjonali mwettqa fl-Istati Membri oħra barra r-Repubblika Franċiża u hija tirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali b'mod inkomplet u ambigwu biss. Il-gvern Franċiż isostni wkoll li l-qorti nazzjonali la spjegat ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji differenti previsti fl-imsemmija deċiżjoni u lanqas ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn dawn id-dispożizzjonijiet u dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali.

    25. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, ta' l-anqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et , C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 6; id-digriet tat-8 ta' Lulju 1998, Agostini, C-9/98, Ġabra p. I-4261, punt 4; is-sentenzi tad-9 ta' Settembru 2004, Carbonati Apuani, C‑72/03, Ġabra p. I-8027, punt 10 u tat-23 ta' Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra p. I-2843, punt 17).

    26. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta' spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet ta' l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom qed titlob l-interpretazzjoni u fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża (digriet tat-28 ta' Ġunju 2000, Laguillaumie, C-116/00, Ġabra p. I-4979, punt 16, is-sentenzi ċitati hawn fuq, Carbonati Apuani, punt 11 u Enirisorse, punt 21).

    27. F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

    28. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni ta' rinviju turi, fil-qosor iżda b'mod preċiż, il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u l-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli. Minnha jirriżulta li l-imsemmija kawża tqajmet fil-kuntest ta' talba intiża għall-għotja ta' benefiċċju taħt il-leġiżlazzjoni Franċiża, li l-parti kkonċernata hija intitolata li tibbenefika minnu u li hija tissodisfa inkontestabbilment il-kundizzjoni ta' l-attribuzzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega r-raġunijiet ta' l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom il-qorti nazzjonali qed titlob l-interpretazzjoni kif ukoll ir-rabta bejn dawn ta' l-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fl-imsemmija kawża.

    29. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-gvern Franċiż ma jistax jintlaqa' u d-deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domanda preliminari

    30. Il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjament, jekk id-deċiżjoni ta' rifjut li jittieħdu in kunsiderazzjoni s-salarji rċevuti minn F. Nemec fil-Belġju għall-kalkolu ta' l-ACAATA tikkostitwixxix ksur tar-Regolament Nru 883/2004.

    31. Issa, skond l-Artikolu 91 ta' l-imsemmi Regolament, dan ta' l-aħħar daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, iżda sar applikabbli mill-jum tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implementazzjoni.

    32. Peress li l-ebda regolament ta' implementazzjoni tar-Regolament 883/2004 ma ġie adottat f'dik il-ġurnata, jirriżulta neċessarjament li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 jibqgħu applikabbli.

    33. Minn dan isegwi li għandha tiġi eżaminata d-domanda mressqa mill-qorti nazzjonali fid-dawl ta' dan l-aħħar Regolament.

    34. Hekk kif osservaw il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, benefiċċju bħall-ACAATA, attribwit lill-ex ħaddiema esposti għall-asbestos li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mingħajr evalwazzjoni individwali tal-ħtiġiet personali ta' dawn ta' l-aħħar, għandu jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jaqa' taħt l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa dispożizzjoni li tipprevedi l-benefiċċji ta' inċident fuq ix-xogħol u ta' mard ikkważat mix-xogħol.

    35. Rigward is-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-metodi ta' kalkolu ta' l-ammont ta' l-ACAATA, li huwa stabbilit mir-remunerazzjoni tal-benefiċjarju, il-CRAM, il-gvern Franċiż u l-gvern tar-Renju Unit iqisu li r-rifjut li jittieħdu in kunsiderazzjoni s-salarji rċevuti barra mill-pajjiż u li ma tawx lok għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet ta' siġurtà soċjali taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni kompetenti għall-għotja, huwa konformi ma' l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1408/71.

    36. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta' dispożizzjoni fformulata b'termini essenzjalment identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 58, li tali dispożizzjoni mhijiex limitata biss għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli sabiex jiġi ffissat il-perijodu ta' riferiment tas-salarju medju, iżda hija għandha wkoll il-għan li tistabbilixxi r-remunerazzjonijiet li l-instituzzjoni kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit is-salarju medju ta' ċertu perijodu li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, iservi bħala bażi għall-kalkolu tal-benefiċċji fi flus (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1979, Pennartz, 268/78, Ġabra p. 2411, punti 8 u 9).

    37. Mandankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1408/71, bħad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 42 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta' Awwissu 1994, Reichling, C-406/93, Ġabra p. I‑4061, punt 21 u tat-12 ta' Settembru 1996, Lafuente Nieto, C‑251/94, Ġabra p. I‑4187, punti 33 u 38).

    38. L-għan imfittex minn din l-aħħar dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema, jimplika b'mod partikolari li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u lanqas isostnu riduzzjoni ta' l-ammont tagħhom minħabba li dawn eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat KE (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Reichling, punt 24, u Lafuente Nieto, punti 33 u 38, kif ukoll is-sentenzi tad-9 ta' Ottubru 1997, Naranjo Arjona et , C-31/96 sa C‑33/96, Ġabra , p. I‑5501, punt 20 u tas-17 ta' Diċembru 1998, Grajera Rodríguez, C‑153/97, Ġabra p. I‑8645, punt 17).

    39. Issa, huwa kostanti leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, tista' tagħti żvantaġġ lill-ħaddiema migranti meta mqabbla ma' ħaddiema li wettqu attività fi Stat Membru wieħed biss.

    40. Fil-fatt, skond tali leġiżlazzjoni, għal ħaddiem migrant bħal F. Nemec jiġi applikat metodu ta' kalkolu ta' l-ACAATA bbażat fuq salarju reċevut iktar minn għaxar snin ilu u, minħabba dan, bl-ebda konnessjoni mas-sitwazzjoni attwali tal-parti kkonċernata, filwaqt li, għall-kollegi tiegħu li komplew jaħdmu fi Franza, huwa l-aħħar salarju li jittieħed in kunsiderazzjoni. B'hekk, tali ħaddiem isostni riduzzjoni ta' l-ammont tal-benefiċċju li huwa jkun irċieva kieku ma jkunx għamel użu mid-dritt tiegħu ta' moviment liberu.

    41. Mandakollu, l-obbligu li ma jingħatax żvantaġġ lill-ħaddiema migranti li eżerċitaw d-dritt tagħhom ta' moviment liberu ma jfissirx li l-Artikolu 58(1) tar-Regolament 1408/71, li ma jippermettix li jittieħed in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-benefiċċji fi flus, is-salarju rċevut fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi meqjus li jmur kontra l-għan stabbilit fl-Artikolu 42 KE. Fil-fatt, dan l-obbligu jimplika biss li l-imsemmija benefiċċji jkunu l-istess għall-ħaddiem migrant kieku huwa ma eżerċitax d-dritt tiegħu ta' moviment liberu (ara f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati hawn fuq Lafuente Nieto, punt 39, Naranjo Arjona et , punt 21 u Grajera Rodríguez, punt 18).

    42. B'hekk, f'sitwazzjoni bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk jittieħed in kunsiderazzjoni biss, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1408/71, is-salarju rċevut fl-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni kompetenti, l-ammont ta' dan is-salarju għandu jiġi aġġornat u vvalutat mill-ġdid b'tali mod li dan jikkorrispondi għas-salarju li l-parti kkonċernata setgħet raġonevolment tirċievi, fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħha, kieku kompliet teżerċita l-attività tagħha fl-Istat Membru in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Lafuente Nieto, punt 40; Naranjo Arjona et , punt 22 u Grajera Rodríguez, punt 19).

    43. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1408/71, interpretat skond il-għan stabbilit fl-Artikolu 42 KE, jirrikjedi li, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kalkolu tal-"paga medja", fis-sens ta' l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, isir billi jittieħed in kunsiderazzjoni s-salarju li l-parti kkonċernata setgħet raġonevolment tirċievi, fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħha, kieku kompliet teżerċita l-attività tagħha fl-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni kompetenti.

    Fuq l-ispejjeż

    44. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 58(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996, interpretat skond il-għan stabbilit fl-Artikolu 42 KE, jirrikjedi li, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kalkolu tal-"paga medja", fis-sens ta' l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, isir billi jittieħed in kunsiderazzjoni s-salarju li l-parti kkonċernata setgħet raġonevolment tirċievi, fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħha, kieku kompliet teżerċita l-attività tagħha fl-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni kompetenti.

    Top