Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0150

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-28 ta' Settembru 2006.
    Jean Leon Van Straaten vs Staat der Nederlanden u Republiek Italië.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank 's-Hertogenbosch - l-Olanda.
    Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen - Prinċipju ta' ne bis in idem - Kunċetti ta' "l-istess fatti' u ta' "fatti ġġudikati' - Esportazzjoni fi Stat u importazzjoni fi Stat ieħor - Liberazzjoni ta' l-akkużat.
    Kawża C-150/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:614

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

    28 ta' Settembru 2006 (*)

    "Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kunċetti ta' ‘l-istess fatti’ u ta' ‘fatti ġġudikati’ – Esportazzjoni fi Stat u importazzjoni fi Stat ieħor – Liberazzjoni ta' l-akkużat"

    Fil-kawża C-150/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE mressqa mill-Rechtbank 's-Hertogenbosch (l-Olanda), permezz ta' Deċiżjoni tat-23 ta' Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' April 2005, fil-proċedura

    Jean Leon Van Straaten

    vs

    Staat der Nederlanden,

    Republiek Italië,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn K. Schiemann, President tar-Raba' Awla, aġent President ta' l-Ewwel Awla, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: H. von Holstein,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2006,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għall-Gvern Olandiż, minn H. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

    –       għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Żvediż, K. Wistrand, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar 'il quddiem il-"KIFS") iffirmat fid-19 ta' Ġunju 1990 f'Schengen (il-Lussemburgu).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn J.L. Van Straaten au Staat der Nederlanden u r-Republiek Italië dwar twissija li ddaħħlet fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (iktar 'il quddiem is-"SIS"), mill-awtoritajiet Taljani, tal-kundanna kriminali li huwa kien suġġett għalihom minħabba traffikar ta' stupefaċenti, għall-finijiet ta' l-estradizzjoni tiegħu.

     Il-Kuntest Ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    3       Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-kuntest ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea mit-Trattat ta' Amsterdam (iktar 'il quddiem il-"Protokoll"), tlettax-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta' l-Olanda, huma awtorizzati jimplementaw bejniethom kooperazzjoni msaħħa f'oqsma ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen, kif iddefinit fl-Anness ta' dan il-Protokoll.

    4       Il-ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni, iffirmat f'Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13, iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' Schengen"), kif ukoll il-KIFS, b'mod partikolari, huma parti mill-acquis ta' Schengen kif iddefinit. Ir-Repubblika Taljana ffirmat ftehim għall-adeżjoni fil-KIFS fis-27 ta' Novembru 1990 (ĠU 2000, L239, p. 63), li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Ottubru 1997.

    5       Bis-saħħa ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' Amsterdam, l-acquis ta' Schengen huwa applikabbli minnufih għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Protokoll.

    6       Fl-applikazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE, fl-20 ta' Mejju 1999, li tiddetermina, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 17).  Mill-Artikolu 2 ta' dik id-Deċiżjoni, jirriżulta li flimkien ma' l-Anness A, il-Kunsill stabbilixxa l-Artikoli 34 UE u 31 UE li jagħmlu parti mit-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat "Dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni" bħala bażi ġuridika ta' l-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS.

    7       L-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS jaqgħu taħt il-Kapitolu 3, intitolat "Applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem" tat-titlu III tiegħu, min-naħa tiegħu intitolat "Pulizija u Sigurtà". 

    8       Skond l-Artikolu 54 tal-KIFS:

    "Persuna li ġiet ġudikata b'mod definit minn Parti Kontraenti ma tistax, għall-istess fatti, tiġi proċessata minn Parti Kontraenti oħra, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta' kundanna, il-piena tkun diġa eżegwita jew qed tiġi eżegwita, jew ma tistax tiġi eżegwita skond il-liġi tal-Parti Kontraenti li tagħti s-sentenza".

    9       Skond l-Artikolu 55(1) tal-KIFS:

    "1.      Parti Kontraenti tista', meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m'hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f'wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

    a)       meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta' pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f'dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni m'għandhiex tapplika jekk l-azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza;.

    […]"

    10     L-Artikolu 71(1) tal-KIFS, li għalih l-Artikolu 34 UE kif ukoll l-Artikoli 30 UE u 31 UE ġew magħżula bħala bażi legali, jipprovdi:

    "1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta' kull tip, inkluża kannabis, u l-pussess ta' prodotti bħal dawn għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b'mod konformi mal-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda […], il-miżuri kollha meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni u jikkastiga it-traffikar illleċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi."

    11     L-Artikolu 95(1) u 95(3), tal-KIFS huma fformulati kif ġej:

    "1.      Informazzjoni dwar persuni mfittxija għall-arrest għal għanijiet ta' estradizzjoni għandha tiddaħħal fuq talba ta' l-awtorità ġudizzjarja tal-Parti Kontraenti li tagħmel talba.

    3.3.3.      Parti Kontraenti li ssirilha talba tista' żżid, mat-twissija fil-fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, bandiera li tipprojbixxi arrest fuq il-bażi tat-twissija sakemm titħassar il-bandiera. Il-bandiera trid titħassar mhux iktar tard minn 24 siegħa wara li tkun iddaħħlet it-twissija, ħlief jekk il-Parti Kontraenti tirrifjuta li tagħmel l-arrest mitlub għal raġunijiet legali jew għal raġunijiet speċjali ta' espedjenza. F'każijiet li huma partikolarment eċċezzjonali fejn dan huwa ġustifikat minħabba l-kumplessità tal-fatti ta' wara t-twissija, il-limitu ta' żmien hawn fuq imsemmi jist' jkun estiż għal ġimgħa. Bla ħsara għal bandiera jew għal deċiżjoni sabiex jiġi miċħud arrest, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jagħmlu l-arrest mitlub fit-tiwssija."

    12     L-Artikolu 106(1) tal-KIFS jiddisponi:

    "Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija biss għandha tkun awtorizzata biex timmodifika, iżżid, tikkoreġi jew tħassar informazzjoni li tkun daħħlet."

    13     L-Artikolu 111 tal-KIFS jipprovdi:

    "1.      Kull persuna tista', fit-territorju ta' kull Parti Kontraenti, iġġib quddiem il-qrati jew l-awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali azzjoni sabiex tiġi ikkoreġuta, imħassra jew miksuba informazzjoni jew sabiex jinkiseb kumpens marbut ma' twissija li tinvolvi lilhom.

    2.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jinfurzaw reċiprokament deċiżjonijiet finali meħuda mill-qrati jew mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 116."

    14     Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi b’titolu preliminari f'dan ir-rigward hija rregolata mill-Artikolu 35 UE, li għandu l-paragrafu 3(b) fformulat kif ġej:

    "Stat Membru li jagħmel dikjarazzjoni bis-saħħa tal-paragrafu 2 għandu jispeċifika li jew:

    […]

    b) kull qorti jew tribunal ta’ dak l-Istat jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizja li tagħti [deċiżjoni] preliminari dwar il-kwistjoni sollevata f’każ pendenti quddiemu u li tikkonċerna l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ l-att imsemmi f’paragrafu 1 jekk il-qorti jew it-tribunal jikkunsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista' tagħti [sentenza]."

    15     Ir-Renju ta' l-Olanda ddikjara li jaċċetta l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(2) u (3)(b), UE (ĠU 1997, C340, p. 308).

     Id-dritt internazzjonali

    16     L-Artikolu 4 tas-Seba' Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprovdi dan li ġej:

    "1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

    2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun [h]emm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ. 

    3. Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni."

    17     L-Artikolu 14(7) tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fid-19 ta' Diċembru 1966, li daħal fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 1976, jipprovdi kif ġej:

    "Ħadd ma jista' jkun ipproċessat jew ikkundannat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment illiberat jew misjub ħati minn deċiżjoni finali skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat".

    18     L-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi, konkluża fi New York fit-30 ta' Marzu 1961, fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, tipprovdi kif ġej:

    "1. a) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħha, kull Parti għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex il-koltivazzjoni u l-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, il-pussess, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, ix-xiri, il-bejgħ, il-kunsinna, taħt kwalunkwe forma, is-sensarija, id-dispaċċ, l-ispedizzjoni in tranżitu, it-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' drogi narkotiċi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, jew kull azzjoni oħra li, fl-opinjoni ta' din il-Parti, tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, jkunu kkunsidrati bħala reati, meta dawn isiru intenzjonalment u li reati gravi jkunu punibbli b'piena adegwata, b'mod partikolari b'pieni ta' priġunerija jew b'pieni oħra li jċaħdu mil-libertà.

    b)      […]

    2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali ta' kull Parti, għas-sistema ġuridika tagħha u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha :

    a) i)  Kull wieħed mir-reati elenkati fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur distint, jekk dawn jitwettqu f'pajjiżi differenti;

    […]"

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li J.L.Van Straaten kellu fil-pussess tiegħu fl-Italja, bejn wieħed u ieħor fis-27 ta' Marzu 1983, kunsinna ta' madwar 5 kilogrammi eroina, liema eroina ntbagħatet mill-Italja lejn l-Olanda u li J.L. Van Straaten iddispona, fil-perijodu bejn is-27 u t-30 ta' Marzu 1993, minn kwantità ta' 1000 gramma minn din il-kunsinna ta' eroina.

    20     Il-parti kkonċernata ġiet ipproċessata fl-Olanda talli, l-ewwel nett, importat mill-Italja fl-Olanda flimkien ma' A. Yilmaz fis-26 ta' Marzu jew bejn wieħed u ieħor f’din id-data kwantità ta' madwar 5500 kilogramma ta' eroina, it-tieni nett, talli ddispona minn kwantità ta' madwar 1000 gramma eroina fl-Olanda fil-perijodu bejn is-27 u t-30 ta' Marzu 1983 jew bejn wieħed u ieħor f’din id-data , u, it-tielet nett, talli żamm armi tan-nar u munizzjoni fl-Olanda fix-xahar ta' Marzu 1993. Permezz ta’ sentenza tat-23 ta' Ġunju 1983, l-Arrondissementsrechtbank te s'-Hertogenbosch (Olanda) illibera lil J.L. Van Straaten għall-finijiet ta' l-akkuża kontrih bħala kap ta' importazzjoni ta' eroina għaliex qieset li dan il-fatt ma kienx ġie ppruvat b'mod legali u b’ċertezza, u kkundannatu għaż-żewġ akkużi l-oħra għall-piena ta’ priġunerija ta' 20 xahar.

    21     Fl-Italja, J.L. Van Straaten ġie akkużat, flimkien ma' persuni oħra, li żamm, fis-27 ta' Marzu 1983 jew madwar din id-data, u li esporta mill-Olanda diversi drabi, flimkien ma' Karakus Coskun, kwantità kbira, b'total ta' madwar 5 kilogramma, ta’ eroina. B'sentenza mogħtija f'kontumaċja fit-22 ta' Novembru 1999 mit-Tribunale ordinario di Milano, J.L. Van Straaten, kif ukoll żewġ persuni oħra ġew ikkundannati, għal dan il-għan, għal piena ta' priġunerija ta' għaxar snin, multa ta' 50 miljun lira Taljana u għall-ispejjeż tal-proċedura.

    22     Il-kawża prinċipali ssib lil J.L. Van Straaten kontra Staat der Nederlanden u r-Republiek Italië J.L. Van Straaten. Il-qorti tar-riviju indikat twissija dwar J.L. Van Straaten li lvalidità tagħha hija kkontestata u li hija eżaminat fid-dawl tal-KIFS. Permezz ta' digriet tas-16 ta' Lulju 2004, ir-Republiek Italië ġiet imsejħa fil-kawża prinċipali.

    23     Q Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Republiek Italië ċaħdet l-allegazzjonijiet ta' J.L. Van Straaten, li jgħidu li skond l-Artikolu 54 tal-KIFS, ma kellux jiġi pproċessat minn jew f'isem l-Istat Taljan u li l-atti kollha marbuta ma' dan l-ipproċessar huma illegali. Skond ir-Republiek Italië, bis-sentenza tat-23 ta' Ġunju 1983, safejn din tikkonċerna l-kap ta' akkuża ta' importazzjoni ta' eroina, ma ġiex deċiż dwar il-ħtija ta' J.L. Van Straaten, peress li l-parti kkonċernata kienet ġiet illiberata għall-finijiet tal-proċess mibdi abbażi ta’ dan. J.L. Van Straaten ma kienx ġie ġġudikat, fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, għal dan il-fatt. Barra minn hekk, ir-Republiek Italië sostniet li, bħala konsegwenza tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KIFS li hija għamlet, hija mihiex marbuta mill-Artikolu 54 ta' din l-istess konvenzjoni. Din l-aħħar raġuni ġiet imwarraba mill-qorti tar-rinviju.

    24     Ebda element ieħor ta' informazzjoni dwar in-natura tal-proċedura ma ngħata fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    25     Skond il-Gvern Olandiż, id-Deċiżjoni ta' l-Arrondissementsrechtbank te 's-Hertogenbosch tat-23 ta' Ġunju 1983 ġiet ikkonfermata minn sentenza tal-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch tat-3 ta' Jannar 1984, li mmodifikat il-kwalifika tat-tieni kap ta' akkuża mressqa kontra J.L. Van Straaten. Din il-qorti kienet ikkwalifikat il-fatti ta’ "pussess volontarju ta' kwantità ta' madwar 1000 gramma eroina fl-Olanda fil-perijodu bejn is-27 u t-30 ta' Marzu 1983 jew bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien". L-appell fil-kassazzjoni li J.L. Van Straaten ressaq kontra din is-sentenza ġie miċħud permezz ta' sentenza tal-Hoge Raad tas-26 ta' Frar 1985. Din is-sentenza kienet għaddiet b'ġudikat. J.L. Van Straaten kien skonta l-piena imposta fuqu.

    26     skonSkond l-istess Gvern, fuq talba ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, ġiet introdotta twissija fl-2002 fis-SIS, li kienet tipprevedi l-arrest ta' J.L. Van Straaten għall-finijiet ta' l-estradizzjoni tiegħu, fuq il-bażi ta' mandat ta' arrest tal-Prosekutur Pubbliku ta' Milan tal-11 ta' Settembru 2001. Ir-Renju ta' l-Olanda kien imposta din it-twissija ta' l-indikazzjoni prevista fl-Artikolu 95(3) tal-KIFS, b’mod li l-arrest in kwistjoni ma setgħax isir fl-Olanda.

    27     Wara li kien ġie informat bl-imsemmija twissija fl-2003 u, b’dan il-fatt, bil-kundanna tiegħu fl-Italja, J.L. Van Straaten kien qabel kollox indirizza ruħu, bla suċċess, lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani sabiex jikseb it-tneħħija ta' l-informazzjoni li tikkonċernah li tidher fis-SIS. Il-Korps Landelijke Politiedinsten (l-Uffiċċju Olandiż tal-Pulizija Nazzjonali, iktar ’il quddiem il-”UOPN”), kien indika lil J.L. Van Straaten, b'ittra tas-16 ta' April 2004, li peress li ma kienx l-awtorità li qed toħroġ it-twissija, ma kienx awtorizzat iħassar it-twissija tas-SIS.

    28     J.L. Van Straat kien wara ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba sabiex il-ministeru kkonċernat u/jew il-UOPN jiġu ordnati jħassru l-informazzjoni personali tiegħu mir-reġistru tal-pulizija. Din il-qorti kienet ikkonstatat, f'digriet tas-16 ta' Lulju 2004 li, skond l-Artikolu 106(1) tal-KIFS hija biss ir-Republiek Italië li kienet awtorizzata tipproċedi għat-tħassir ta' l-informazzjoni mitluba minn J.M Van Straaten. Fid-dawl ta' dan il-fatt, il-qorti tar-rinviju kienet ikkwalifikat it-talba ta' rikors intiża sabiex ir-Republiek Italië tiġi ordnata tħassar l-informazzjoni in kwistjoni. Din ta' l-aħħar ġiet, b’konsegwenza, imsejħa fil-kawża prinċipali.

    29     Il-qorti tar-rinviju kienet wara kkonstatat li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 111(1) tal-KIFS, J.L. Van Straaten għandu l-fakultà li jressaq quddiem il-qorti kompetenti fid-dritt Olandiż rikors kontra l-introduzzjoni fis-SIS, minn naħa tar-Republiek Italië, ta' l-informazzjoni li tikkonċernah. B’applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ir-Republiek Italië tkun marbuta li teżegwixxi deċiżjoni finali ta' qorti Olandiża li tiddeċiedi fuq tali rikors.

    30     Huwa f'dawn il-ċirkustanzi li r-Rechtbank 's-Hertogenbosch iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    !""1)      X’għandu jinftiehem bi 'l-istess fatti' fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-[KIFS]? (Il-pussess ta' madwar 1000 gramma eroina fl-Olanda fil-perijodu bejn is-27 u t-30 ta' Marzu 1983, jew bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien, huwa l-istess fatt tal-pussess ta' madwar 5 kilogrammi ta' eroina fl-Italja fis-27 ta' Marzu, jew bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien, peress li l-kunsinna ta' eroina fl-Olanda kienet tagħmel parti mill-kunsinna ta' eroina fl-Italja? L-esportazzjoni ta' kunsinna ta' eroina mill-Italja fl-Olanda hija l-istess fatt ta' l-importazzjoni mill-Italja fl-Olanda, peress ukoll li l-koakkużati ta' J.L. Van Straaten mhumiex madankollu l-istess fl-Olanda u fl-Italja? L-atti kollha li jikkonsistu fil-pussess fl-Italja, l-esportazzjoni mill-Italja, l-importazzjoni fl-Olanda u l-kunsinna fl-Olanda ta' l-eroina in kwistjoni jikkostitwixxu l-'istess fatti'?)

    2)2)       Jista' jingħad li persuna ġiet 'iġġudikata' fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS jekk l-akkużi mressqa kontriha jkunu ġew iddikjarati mhux stabbilit b'mod legali u b’ċertezza, u li din il-persuna ġiet illiberata minn sentenza?"

     Fuq l-ammissibiltà tar-rinviju preliminari

    31     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS, peress li s-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża għall-applikazzjoni għar-rinviju preliminari skond l-Artikolu 35 KE, bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 28), u li r-Renju ta' l-Olanda kien għamel dikjarazzjoni, skond l-Artikolu 35(3)(b) UE, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 1999, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam.

    32     Il-Il-Gvern Franċiż jesprimi xi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni perliminari minħabba n-natura xotta ta' l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li ma tippermettix li wieħed jifhem is-suġġett tal-kawża, u għal-liema raġunijiet ir-risposti għaż-żewġ domandi magħmula huma necessarji.

    33     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija mitluba tieħu konjizzjoni tal-kawża u li tkun trid tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari fil-kawża, kemm il-bżonn ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tad-9 ta' Marzu 2000, EKW u Wein & Co, C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 52, u kif ukoll ta' l-4 ta' Diċembru 2003 EVN u Weinstrom, C-448/01, Ġabra p. I-14527, punt 74). Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi.

    34     Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari, magħmula minn qorti nazzjonali, huwa biss possibbli meta jidher b'mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew fejn il-Qorti ma tiddisponix mill-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex twieġeb b'mod utli għad-domandi mqiegħda lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Marzu 2001, Preussen Elektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39, tad-19 ta' Frar 2002, Arduino, C-35/99, Ġabra p. I-1529, punt 25, u tal-11 ta' Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, punt 33, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

    35     Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li minkejja n-natura xotta u ftit strutturata, il-motivi għad-deċiżjoni tar-rinviju fihom biżżejjed elementi sabiex, minn naħa, jiġi eskluż li d-domandi magħmula m'għandhom ebda rapport mar-realta' u s-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta' natura ipotetika u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħti risposta utli għal dawn id-domandi. Fil-fatt, jirriżulta mill-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju li r-rikors ta' J.L. Van Straaten huwa intiż għall-annullament tat-twissija li tikkonċernah, integrata fis-SIS, u li, skond il-qorti tar-rinviju, l-interessat ikun jista’jirbaħ biss jekk, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, skond l-Artikolu 54 tal-KIFS, il-kundanna mogħtija fl-Olanda tipprekludi dak li jkun is-suġġett, fl-Italja, ta’ l-akkużi li huma l-kawża ta' l-imsemmija twissija.

    36     Il-Gvern Spanjol isostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli. Huwa jsostni li din id-domanda mhijiex ibbażata fuq il-fatti tal-kawża prinċipali, u li l-qorti tar-rinviju talbet fir-realtà lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika l-Artikolu 54 tal-KIFS għall-fatti li taw lok għall-proċedura nazzjonali.

    37     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandiex kompetenza, skond l-Artikolu 234 KE, li tapplika r-regoli Komunitarji lill-kawża ddeterminata, hija tista' madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-Artikolu, mill-elementi ta’ l-inkartament, tipprovdi lill-qorti nazzjonali b'elementi ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli fl-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' din id-dispożizzjoni (sentenza tal-5 ta' Marzu 2002, Reisch et, C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 22).

    38     Issa, bl-ewwel domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 KIFS fid-dawl ta' l-elementi ta' fatt li hija tipprova tippreċiża bejn parenteżi. Min-naħa l-oħra, hija ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika dan l-Artikolu lill-fatti msemmija.

    39     Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    40     B'din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqi, essenzjalment, liema huma l-kriterji rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-kunċett ta' l-"istess fatti" fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS, fid-dawl ta' l-elementi ta' fatt li hija ppreċiżat bejn parenteżi.

    41     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 27 tas-sentenza tad-9 ta' Marzu 2006, Van Esbroeck (C-436/04, Ġabra, p.I-2333), ikkonstatat li jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS li juża t-termini "l-istess fatti", li din id-dispożizzjoni tipprevedi biss il-materjalità tal-fatti in kwistjoni, bl-esklużjoni tad-definizzjoni legali tagħhom.

    42     Il-kliem użati f'dan l-Artikolu jiddistingwu ruħhom ukoll minn dawk li jidhru fl-istrumenti internazzjonali li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ne bis in idem (sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

    43     Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, jimplika neċessarjament li teżisti fiduċja reċiproka ta' l-Istati kontraenti fis-sistemi ġuridiċi kriminali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minn dawn l-Istati jaċċetta l-applikazzjoni tal-liġi kriminali fis-seħħ fl-Istati kontraenti l-oħra, anki meta l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tkun twassal għal soluzzjoni differenti (sentenza van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

    44     L-eventwalità ta' klassifikazzjonijiet ġuridiċi diverġenti ta' l-istess fatti f'żewġ Stati kontraenti differenti ma tistax tkun ta' ostaklu għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS (sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

    45     Dawn il-konstatazzjonijiet huma sostnuti wkoll mill-għan ta' l-Artikolu 54 li huwa intiż jevita li persuna, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt għall-moviment liberu tagħha, tiġi akkużata għall-istess fatti fit-territorju ta' bosta Stati kontraenti (sentenza van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46     Id-dritt għall-moviment liberu huwa ggarantit b'mod effettiv biss jekk l-awtur ta' att jaf li, ladarba jiġi kkundannat u jkun skonta l-piena tiegħu, jew, jekk ikun il-każ, wara li jkun ġie meħlus b'mod definittiv fi Stat kontraenti, huwa jista' jiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża' li jitmexxew proċedimenti kriminali kontrih fi Stat kontraenti ieħor għar-raġuni li dan l-att jikkostitwixxi reat distint fis-sistema legali ta' dan l-aħħar Stat Membru (ara s-sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

    47     Issa, minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali nazzjonali, kriterju bbażat fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti jew fuq l-interess ġuridiku protett ikun tali li joħloq l-istess numru ta' ostakli għall-moviment liberu fiż-żona Schengen daqskemm jeżistu sistemi kriminali fl-Istati kontraenti. (sentenza van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

    48     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS huwa dak ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' ċirkustanzi konkreti indissoċjabbilment marbuta bejniethom (sentenza van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

    49     Fir-rigward tar-reati marbuta ma l-istupefaċenti, mhuwiex meħtieġ li l-kwantità ta' droga in kwistjoni fiż-żewġt istati kontraenti kkonċernati fejn il-persuni li allegatament ipparteċipaw għall-fatti fiż-żewġt Stati jkunu l-istess.

    50     Huwa għaldaqstant mhuwiex eskluż li sitwazzjoni li fiha tali identiċità tkun nieqsa tikkonstitwixxi ġabra ta' fatti li, minħabba n-natura tagħhom stess ikunu marbuta b'mod indissoċjabbli.

    51     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġa ddeċidiet li fatti punibbli li jikkonsistu fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni ta' l-istess stupefaċenti u li fir-rigward tagħhom tmexxew proċedimenti kriminali fi stati kontraenti differenti tal-KIFS għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala "l-istess fatti" fis-sens ta’ l-Artikolu 54 (sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar' il fuq, punt 42).

    52     Madankollu, evalwazzjoni finali hija kompetenza, kif ġustament isostni l-Gvern Olandiż, ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiddeterminaw jekk il-fatti materjali in kwistjoni jikkostitwixxux ġabra ta' fatti indissoċjabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll mill-għan tagħhom (sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

    53     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għaldaqstant għandha tkun li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –       il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu huwa kkostitwit minn dak ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' fatti indissoċjabbilment marbuta bejniethom, indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti jew ta' l-interess ġuridiku protett;

    –       firfir-rigward ta’ reati li għandhom x'jaqsmu ma’ stupefaċenti, mhuwiex meħtieġ li l-kwantità ta' droga in kwistjoni fiż-żewġt istati kontraenti kkonċernati fejn il-persuni li allegatament ipparteċipaw għall-fatti fiż-żewġt istati huma l-istess;

    –       il-fatti punibbli li jikkonsistu fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni ta' l-istess stupefaċenti u li fir-rigward tagħhom tmexxew proċedimenti kriminali fi Stati kontraenti tal-KFS differenti għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala "l-istess fatti" skond dan l-Artikolu 54, u l-evalwazzjoni finali f'dan ir-rigward għandha tkun tal-qrati nazzjonali kompetenti.

     Fuq it-tieni domanda

    54     B'din id-domanda, l-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, huwiex applikabbli għal deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat kontraenti li biha individwu ġie lliberat minħabba nuqqas ta' provi.

    55      Skond l-imsemmi Artikolu 54, ebda persuna ma tista' tiġi pproċessata fi Stat kontraenti għall-istess fatti ħlief fejn il-każ tagħha jkun "inqata' b'mod finali" fi Stat kontraenti ieħor, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, il-piena tkun ġiet skontata jew tkun qed tiġi eżegwita jew ma tkunx tista' tiġi iktar eżegwita.

    56     Il-proposta prinċipali li tinsab fl-unika frażi ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS ma tagħmel ebda riferiment għall-kontenut ta’ deċiżjoni li saret finali. Huwa biss fil-propożizzjoni subordinata li l-Artikolu 54 tal-KIFS jipprevedi l-ipoteżi ta' kundanna meta jgħid li, f'dan il-każ, il-projbizzjoni ta' proċeduri kriminali hija suġġetta għal kundizzjoni speċifika. Jekk ir-regola ġenerali fil-proposta prinċipali tkun applikabbli biss għal deċiżjonijiet li jagħtu kundanna jkun superfluwu li jiġi ppreċiżat li r-regola speċjali jiha applikabbli f'każijiet ta' kundanna.

    57     Huwa kostanti li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu bħala għan li jevita li persuna, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tagħha, tiġi akkużata għall-istess fatti fit-territorju ta' diversi stati kontraenti (ara s-sentenza tal-11 ta' Frar 2003, Gözűtok u Brűgge, C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punt 38).

    58     Issa, in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu f’deċiżjoni finali ta' liberazzjoni minħabba nuqqas ta' provi jkollu bħala effett li jipperikola l-eżerċiżżju tad-dritt ta’ moviment liberu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

    59     Barra minn hekk, il-ftuħ ta' proċedura kriminali fi Stat kontraenti ieħor għall-istess fatti jikkomprometti, fil-każ ta' liberazzjoni definittiva minħabba nuqqas ta' provi, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta' aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, l-individwu jkollu jgħaddi minn proċeduri kriminali ġodda fi Stat kontaenti ieħor meta l-istess fatti jkkunu diġà deċiżi b'mod finali.

    60     Għandu jingħad ukoll li, fis-sentenza tagħha ta' l-10 ta' Marzu 2005, Miraglia (C-469/03, Ġabra p. I-2009, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, ma jsibx applikazzjoni f'deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat membru li jiddikjara li kawża hija magħluqa, wara li l-uffiċċju tal-prosekutur ikun iddeċieda li ma jkomplix il-prosekuzzjoni kriminali unikament għar-raġuni li prosekuzzjoni kriminali kienet diġa nfetħet minn Stat membru ieħor fir-rigward ta' l-istess akkużat u dwar l-istess fatti, u fin-nuqqas ta' kull evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ. Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi deċiż, fil-kawża preżenti, dwar il-kwistjoni jekk isirx magħruf jekk liberazzjoni li mhijiex ibbażata fuq evalwazzjoni fuq il-mertu tistax taqa’ taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi kkonstatat li liberazzjoni minħabba nuqqas ta' provi hija bbażata fuq tali evalwazzjoni.

    61     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit mill-Artikolu 54 tal-KIFS, isib applikazzjoni għal deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat kontraenti, li biha akkużat ikun ġie lliberat b'mod definittiv minħabba nuqqas ta' provi.

     Fuq l-ispejjeż

    62     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li::

    1)      L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li jimplementa l-Ftehim ta’ Schengen, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Banelux, tar-repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni għandu jiġi interpretat fis-sens li :

    –       il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu huwa kkostitwit minn dak ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' fatti indissoċjabbilment marbuta bejniethom, indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti jew ta' l-interess ġuridiku protett;

    –       fir-rigward tar-reati li għandhom x'jaqsmu ma’ stupefaċenti, mhuwiex meħtieġ li l-kwantità ta' droga in kwistjoni fiż-żewġt istati membri kontraenti kkonċernati fejn il-persuni li allegatament ipparteċipaw għall-fatti fiż-żewġt istati jkunu l-istess;

    –       il-fatti punibbli li jikkonsistu fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni ta' l-istess stupefaċenti u li fir-rigward tagħhom tmexxew proċedimenti kriminali fi Stati kontraenti differenti, bħala prinċipju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala "l-istess fatti" skond l-Artikolu 54, u l-evalwazzjoni finali f'dan ir-rigward għandha tkun tal-qrati nazzjonali kompetenti.

    2)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit mill-Artikolu 54 ta' din il-Konvenzjoni, isib applikazzjoni għal deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat kontraenti, li biha individwu jkun ġie lliberat b'mod definittiv minħabba nuqqas ta' provi.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top