Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0141

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-8 ta' Novembru 2007.
    ir-Renju ta' Spanja vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Sajd - Regolament (KE) Nru 27/2005 - Allokazzjoni tal-kwoti tal-qabdiet tal-ħut bejn l-Istati Membri - Att ta’ Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja - Tmiem tal-perijodu tranżitorju - Eżiġenza ta’ stabbiltà relattiva - Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni - Opportunitajiet ġodda ta’ sajd - Ammissibbiltà.
    Kawża C-141/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-09485

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:653

    Kawża C-141/05

    Ir-Renju ta’ Spanja

    vs

    Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea

    “Sajd — Regolament (KE) Nru 27/2005 — Allokazzjoni ta’ kwoti tal-qabdiet tal-ħut bejn l-Istati Membri — Att ta’ Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja — Tmiem tal-perijodu tranżitorju — Eżiġenza ta’ stabbiltà relattiva — Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni — Opportunitajiet ġodda ta’ sajd — Ammissibbiltà”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Proċedura — Intervent — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mhux imqajma mill-konvenut

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 93(4))

    2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

    (Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1985; Regolament tal-Kunsill Nru 27/2005)

    3.        Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fil-Komunitajiet — Spanja — Sajd

    (Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1985, Artikoli 156 sa 164; Regolament tal-Kunsill Nru 27/2005)

    4.        Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Skema ta’ kwoti tas-sajd

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 20)

    1.        Skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jsostnu biss it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. Għaldaqstant ma jistax iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ma tkunx ġiet ifformulata fit-talbiet tal-konvenuta.

    (ara l-punti 27-28)

    2.        Billi fir-Regolament Nru 27/2005, li jistabbilixxi, għas-sena 2005, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ qbid, il-Kunsill ma ttrattax lir-Renju ta’ Spanja bl-istess mod bħall-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali tal-kwoti ta’ sajd, qabel l-adeżjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru mal-Komunità, jew fl-allokazzjonijiet sussegwenti, matul il-perijodu tranżitorju, il-Kunsill m’aġixxiex b’mod diskriminatorju fil-konfront tiegħu.

    Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ aċċess għall-ibħra u dak ta’ aċċess għar-riżorsi. Għalkemm, wara li jintemm il-perijodu tranżitorju, ir-Renju ta’ Spanja jista’ jaċċedi mill-ġdid għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, minn dan ma jirriżultax li l-bastimenti Spanjoli jista’ jkollhom aċċess għar-riżorsi ta’ dawn iż-żewġ ibħra fl-istess proporzjon bħall-bastimenti ta’ l-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali jew f’allokazzjonijiet sussegwenti.

    (ara l-punti 47, 51)

    3.        Billi m’allokax ċerti kwoti ta’ sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku lir-Renju ta’ Spanja taħt ir-Regolament Nru 27/2005, li jistabbilixxi, għas-sena 2005, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ qbid, il-Kunsill ma marx kontra l-Att ta’ Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża. L-Artikoli 156 sa 164 ta’ l-imsemmi att jiddefinixxu s-sistema applikabbli fis-settur tas-sajd għall-perijodu tranżitorju biss. Għalhekk dawn l-Artikoli ma jistgħux, bħala regola, iservu ta’ bażi għal pretensjonijiet li jirrigwardaw perijodu li jibda f’data li tiġi wara li jispiċċa l-perijodu tranżitorju. Meta jintemm il-perijodu tranżitorju japplika għaldaqstant l-acquis commanautaire li jinkludi l-kriterju ta’ allokazzjoni ffissat bil-leġiżlazzjoni eżistenti fil-mument ta’ l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja.

    (ara l-punti 59, 61, 63)

    4.        L-eżiġenza ta’ stabbilità relattiva ta’ l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri, imposta mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, għandha tinftiehem li tfisser iż-żamma ta’ perċentwali fissa għal kull Stat Membru u l-kriterju ta’ allokazzjoni ffissat inizjalment jibqa’ japplika sakemm ma jiġix adottat regolament li jemendah. Safejn l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għall-opportunitajiet ta’ sajd eżistenti tagħti lok għaż-żamma ta’ kriterju ta’ allokazzjoni diġà ffissat bejn l-Istati Membri, l-iffissar ta’ kriterju inizjali ta’ allokazzjoni bejn l-Istati Membri jimplika l-attribuzzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ sajd u allokazzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-interess ta’ kull wieħed minnhom. Il-kunċett ta’ interess jista’ jinkludi l-bżonn li tiġi ppreżervata l-istabbiltà relattiva ta’ l-attivitajiet ta’ sajd, iżda mhuwiex limitat għal dan il-bżonn. Għalhekk, ladarba kriterju inizjali ta’ allokazzjoni huwa ffissat għal kull Stat Membru, b’mod partikolari wara li dawn ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistadu f’żona u għal speċi li fir-rigward tagħhom il-Komunità kellha kwota globali, il-Kunsill jiddeċiedi billi jieħu in kunsiderazzjoni l-interess ta’ kull wieħed minnhom, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002. Peress li, bħala fatt, l-ebda kriterju ta’ allokazzjoni ma jista’ jiġi mantnut f’każ bħal dan, m’hemmx għalfejn jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punti 85-88)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    8 ta’ Novembru 2007 (*)

    “Sajd – Regolament (KE) Nru 27/2005 – Allokazzjoni ta’ kwoti tal-qabdiet tal-ħut bejn l-Istati Membri – Att ta’ Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja – Tmiem tal-perijodu tranżitorju – Eżiġenza ta’ stabbiltà relattiva – Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni – Opportunitajiet ġodda ta’ sajd – Ammissibbiltà”

    Fil-kawża C‑141/05,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fid-29 ta’ Marzu 2005,

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn E. Braquehais Conesa u A. Sampol Pucurull, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrent,

    vs

    Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Florindo Gijón u A. de Gregorio Merino, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández u T. van Rijn, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Bir-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li jistabbilixxi, għas-sena 2005, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ qbid (ĠU L 12, p. 1), safejn dan ir-regolament ma jallokalux ċerti kwoti fl-ibħra tal-Komunità tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku.

     Il-kuntest ġuridiku

     L-Att relattiv għall-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u għall-aġġustamenti tat-Trattati

    2        L-Artikoli 156 sa 166 ta’ l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23, iktar ‘il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) jirregola b’mod partikolari l-aċċess tal-bastimenti Spanjoli għall-ibħra Komunitarji kif ukoll għar-riżorsi tagħhom. Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 166 li s-sistema hekk definita hija applikabbli matul perijodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2002 (iktar ‘il quddiem il-“perijodu tranżitorju”).

     Ir-Regolamenti (KEE) Nru 170/83 u 172/83

    3        Bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83, tal-25 ta’ Jannar 1983, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ konservazzjoni u ta’ amministrazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd (ĠU L 24, p.1), il-leġiżlatur stabbilixxa regoli ta’ allokazzjoni tal-volum globali tal-qabdiet bejn l-Istati Membri. L-għan tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea kien b’mod partikolari li jikkontribwixxi għal stabbiltà relattiva ta’ l-attivitajiet tas-sajd. Il-ħames u s-seba’ premessi ta’ dan ir-Regolament jippreżentaw il-kunċett ta’ stabbiltà relattiva bħala li jfittex li jippreżerva l-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni li l-popolazzjonijiet lokali tagħhom huma partikolarment dipendenti mis-sajd u mill-industriji marbuta miegħu, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni bioloġika momentanja tal-ħażniet.

    4        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 172/83, tal-25 ta’ Jannar 1983, li jiffissa, għal ċerti ħażniet jew gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut preżenti fiż-żona tas-sajd tal-Komunità, il-qabdiet totali permessi għas-sena 1982, il-parti ta’ dawn il-qabdiet disponibbli għall-Komunità, l-allokazzjoni ta’ din il-parti bejn l-Istati Membri u l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jsir is-sajd tal-qabdiet totali permessi (ĠU L 24, p. 30), saret għall-ewwel darba l-allokazzjoni tar-riżorsi disponibbli fl-ibħra Komunitarji (iktar ‘il quddiem l-“allokazjoni inizjali”).

    5        Sabiex tkun tista’ ssir allokazzjoni ġusta tar-riżorsi disponibbli, jirriżulta mir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 172/83 li l-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sajd tradizzjonali, il-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni li huma partikolarment dipendenti mis-sajd u mill-industriji marbuta miegħu kif ukoll it-telf ta’ potenzjal ta’ sajd fl-ibħra ta’ pajjiżi terzi.

    6        Il-perijodu ta’ riferiment li ttieħed in kunsiderazzjoni għal din l-allokazzjoni huwa dak ta’ bejn l-1973 u l-1978 (iktar ‘il quddiem il-“perijodu ta’ riferiment inizjali”).

     Ir-Regolament Nru 3760/92

    7        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja tas-sajd u ta’ l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1), ħassar ir-Regolment Nru 170/83. Dan jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ stabbiltà relattiva, li essenzjalment hija l-istess bħal dik li tinsab fir-Regolament Nru 170/83, kif ukoll regoli dwar l-allokazzjoni tal-qabdiet tal-ħut imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 8(4) tiegħu.

    8        Is-subparagrafu (iii) ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li:

    “meta l-Komunità toħloq għal żona tas-sajd jew għal grupp ta’ żoni tas-sajd opportunitajiet ġodda ta’ sajd li ma kinux ġew sfruttati qabel permezz tal-politika komuni tas-sajd, [il-Kunsill] għandu jadotta metodi ta’ allokazzjoni, filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ l-Istati Membri kollha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Ir-Regolament (KEE) Nru 2371/2002

    9        Ir-Regolament Nru 3760/92 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, p. 59). L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2371/2002 jipprovdi li l-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandu jkollhom l-istess aċċess għall-ilmijiet u riżorsi fl-ilmijet kollha tal-Komunità definiti f’dan l-Artikolu, bla ħsara għall-miżuri adottati sabiex tiġi assigurata l-konservazzjoni u s-sostenibbiltà ta’ l-ispeċi.

    10      Taħt l-intestatura “Allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”, l-Artikolu 20(1), ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b’mod li tiġi assigurata lil kull Stat Membru stabbiltà relattiva ta’ attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd.

    11      Il-prinċipju ta’ stabbilità relattiva huwa ddefinit fis-sittax u fit-tmintax-il premessa ta’ l-imsemmi regolament, liema premessi jirreferu b’mod partikolari għas-sitwazzjoni bijoloġika temporanja tal-ħażniet tal-ħut u għall-bżonnijiet tar-reġjuni li l-popolazzjonijiet tagħhom jiddependu b’mod partikolari mis-sajd u minn attivitajiet konnessi mas-sajd.

    12      L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 jipprovdi li, meta l-Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ġodda, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta’ kull Stat Membru.

     Ir-Regolament Nru 27/2005

    13      Fit-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 27/2005, li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors, u bbaża ruħu b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2371/2002.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

    14      Billi dehrlu li kellu d-dritt, mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju, li jipparteċipa fl-allokazzjoni ta’ l-ispeċi suġġetti għal-limitazzjonijiet ta’ qbid fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku, ir-Renju ta’ Spanja ressaq talba lill-Kunsill bil-għan li jikseb kwoti ta’ sajd f’dawn iż-żewġt ibħra.

    15      Dan l-Istat Membru sostna li l-kwoti allokati wara l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità, fiż-żona li għaliha l-flotta Spanjola ma kellhiex aċċess matul dan il-perijodu, kellhom jiġu riveduti sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-inkapaċità purament legali li sab ruħu fiha dan l-Istat Membru sabiex jipparteċipa f’din l-allokazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-qabdiet ta’ l-imsemmija flotta fil-Baħar tat-Tramuntana matul il-perijodu inizjali ta’ riferiment.

    16      Il-Kunsill ċaħad it-talba tar-Renju ta’ Spanja.

    17      Wara din iċ-ċaħda, ir-Renju ta’ Spanja ressaq żewġ rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja relattivi għall-allokazzjonijiet għas-sena 2003 (kawżi li taw lok għas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑87/03 u C‑100/03, Ġabra p. I‑2915), żewġ rikorsi relattivi għall-allokazzjonijiet għas-sena 2004 [kawżi li taw lok għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Ġunju 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑133/04, li mhux ippubblikat fil-Ġabra), mogħti wara li r-Renju ta’ Spanja rrinunzja għar-rikors tiegħu, u għas-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill (C‑134/04, Ġabra p. I-54)], kif ukoll ir-rikors preżenti għas-sena 2005.

    18      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, minħabba l-fatt li m’akkwistax ċerti kwoti ta’ sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku permezz tar-Regolament Nru 27/2005, il-flotta Spanjola, minkejja li spiċċa l-perijodu tranżitorju, prattikament sabet ruħha fl-impossibbiltà li tistad għall-parti l-kbira ta’ l-ispeċi suġġetti għal kwoti f’dawn iż-żewġ ibħra. In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem tliet motivi. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, it-tieni wieħed jirrigwarda ksur ta’ l-Att ta’ Adeżjoni u t-tielet wieħed jirrigwarda ksur ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002.

    19      Fir-rigward tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja espona fil-punt 27 tar-rikors tiegħu, li l-ispeċi li ġejjin kienu kkonċernati, jiġifieri: iċ-ċiċċirella (żoni IIa, IV), il-petriċa (żoni IIa, IV), il-barbun u l-barbun tat-tbajja’ (żoni IIa, IV), il-lepidorhombus whiffiagonis (żoni IIa, IV), il-glyptocephalus cynoglossus (żoni IIa, IV), l-iskampi (żoni IIa, IV), il-merlangu blu (żoni IIa, IV), il-gamblu (żoni IIa, IIIa, IV), il-barbun u l-barbun imperjali (żona IIa, IV), ir-rajja (żoni IIa, IV), l-isqualus acanthias (żoni IIa, IV) u s-sawrella (żoni IIa, IV).

    20      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill fi ħdan dan ir-rikors.

    21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Mejju 2005, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sa l-għoti tas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, li permezz tagħha l-Qorti tat deċiżjoni fuq l-ewwel żewġ rikorsi.

    22      Wara din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja ġie mistoqsi jekk riedx ikompli din il-kawża. B’ittra tas-27 ta’ April 2006, dan wieġeb li ried ikompliha.

    23      F’din l-ittra, dan l-Istat Membru sostna, abbażi ta’ l-imsemmija sentenza, li l-ispeċi li taw lok għal allokazzjoni taħt il-forma ta’ kwoti għall-ewwel darba, fil-fehma tiegħu, jikkostitwixxu opportunitajiet ġodda ta’ sajd fir-Regolament Nru 27/2005, jiġifieri:

    i)      il-brosmius brosme, żona IV (ibħra Norveġiżi)

    ii)      il-petriċa, żoni IIa (ibħra Komunitarji) u IV (ibħra Komunitarji)

    iii)      il-merlangu blu, żona IV (ibħra Norveġiżi)

    iv)      il-molva, żona IV (ibħra Norveġiżi)

    v)      l-iskampi, żona IV (ibħra Norveġiżi).

    24      Skond ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill kiser l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 billi ma allokalu ebda kwota għal dawn l-ispeċi.

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    25      Fin-nota ta’ l-intervent tagħha, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors tar-Renju ta’ Spanja minħabba li bl-ittra tiegħu tas-27 ta’ April 2006 huwa biddel is-suġġett tar-rikors tiegħu billi ffoka biss fuq it-tielet motiv invokat u billi semma speċi li ġew soġġetti għal allokazzjoni għall-ewwel darba mir-Regolament Nru 27/2005, li ġie adottat fix-xahar ta’ Diċembru 2004, u li ma ssemmewx fir-rikors inizjali tiegħu. Barra minn hekk, anki jekk ir-Renju ta’ Spanja ma rrinunzjax għar-rikors inizjali, f’kull każ ir-rikors m’għadx għandu skop wara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq.

    26      Għandu, madankollu, jiġi osservat li l-Kunsill, konvenut li l-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni in sostenn tiegħu, ma jqajjem l-ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors tar-Renju ta’ Spanja.

    27      Skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jsostnu biss it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

    28      Għaldaqstant, jirriżulta li l-Kummissjoni, parti intervenjenti, ma setgħetx tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑107/99, Ġabra p. I‑1091, punt 29).

    29      Madankollu, għandu jiġi eżaminat ex officio, skond l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-Renju ta’ Spanja biddilx, waqt li kienet għaddejja l-kawża, is-suġġett tagħha b’mod li jmur kontra l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura u jekk ir-rikors għadx għandu skop wara li ngħatat is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq.

    30      Fuq l-ewwel punt, għandu jiġi kkonstatat li, bl-ittra tiegħu tas-27 ta’ April 2006 b’risposta għad-domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, minħabba din is-sentenza, huwa riedx ikompli l-kawża, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb li ried ikompliha. Barra minn hekk, huwa kkonferma t-tweġiba tiegħu matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    31      Huwa minnu li, f’din l-ittra, ir-Renju ta’ Spanja jsemmi l-importanza li għandha tingħata, wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, għall-eżami tal-kwistjoni jekk ċerti speċi ta’ ħut jikkostitwixxux opportunitajiet ġodda ta’ sajd skond l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002, li hija s-suġġett tat-tielet motiv imqajjem fir-rikors tiegħu. Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi vverifikat, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ dan il-motiv, jekk ir-riferiment għal dawn l-ispeċi jidħolx fis-suġġett tar-rikors inizjali jew jekk dan jikkostitwixxix estensjoni inammissibbli tiegħu.

    32      Fir-rigward ta’ jekk dan ir-rikors għadx għandu skop wara li ngħatat is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-regolament li tiegħu ir-Renju ta’ Spanja talab l-annullament parzjali fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, huwa differenti minn dak ikkontestat f’din il-kawża. Fil-fatt, ir-regolament imsemmi fl-imsemmija sentenza kien ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2341/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002, li jistabbilixxi, għas-sena 2003, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal-limitazzjonijiet ta’ qbid (ĠU L 356, p. 12), filwaqt li r-regolament ikkontestat f’dan ir-rikors huwa r-Regolament Nru 27/2005, li jiffissa l-opportunitajiet ta’ sajd għas-sena 2005. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kawżi għandhom suġġetti differenti.

    33      Jeħtieġ, għaldaqstant li jiġi kkunsidrat li din il-kawża hi ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

     L-argumenti tal-partijiet

    34      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, minn meta skada l-perijodu tranżitorju, il-bastimenti Spanjoli kellhom jibbenefikaw minn ugwaljanza fl-aċċess mhux biss għall-ibħra Komunitarji, liema punt mhuwiex ikkontestat, iżda wkoll għar-riżorsi tagħhom, li jimplika l-allokazzjoni ta’ kwoti tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku. Madankollu, lir-Renju ta’ Spanja ma ġiet allokata, prattikament, ebda kwota għal dawn iż-żewġt ibħra mir-Regolament Nru 27/2005. Dan ir-regolament ma jirrispettax il-kundizzjonijiet ta’ trattament ugwali u joħloq diskriminazzjoni kontra s-sajjieda Spanjoli.

    35      L-ebda raġuni oġġettiva ma tiġġustifika din id-diskriminazzjoni. Għandha tiġi rispettata r-regola ġenerali ta’ l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt Komunitarju kollu għall-Istati Membri ġodda mill-adeżjoni tagħhom fil-Komunità. Id-derogi għal din ir-regola, previsti minn att ta’ adeżjoni, huma temporanji u għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

    36      Skond dan l-Istat Membru, il-kunċetti ta’ aċċess għall-ibħra u għar-riżorsi huma intrinsikament marbutin. Ir-Regolament Nru 27/2005 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejniethom u huwa għaldaqstant il-Kunsill li għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex ibiddel il-kriterju ta’ allokazzjoni.

    37      Fil-prattika, id-dritt ta’ aċċess għall-ibħra ma jagħmilx sens mingħajr id-dritt ta’ aċċess għar-riżorsi. L-ispeċi suġġetti għal kwoti huma l-uniċi li għandhom valur ekonomiku. Barra minn hekk, l-obbligu, fin-nuqqas ta’ kwoti, li l-qabdiet li jappartjenu għal dawn l-ispeċi jerġgħu jitwaddbu l-baħar, anki jekk ikunu mejta, joħloq ħsara bijoloġika. Fl-aħħar nett, billi prattikament ma jgawdi minn ebda kwota f’dawn iż-żewġt ibħra, ir-Renju ta’ Spanja jinsab fl-impossibbiltà li jipparteċipa fl-iskambji ta’ opportunitajiet ta’ sajd kif previst mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 2371/2002.

    38      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li s-sitwazzjoni tiegħu hija differenti minn dik ta’ l-Istati Membri li wkoll ma kisbux kwoti taħt ir-Regolament Nru 27/2005. Fil-fatt, il-bastimenti ta’ dawn ta’ l-aħħar mhux neċessarjament għandhom interess li jistadu fl-ibħra in kwistjoni, bil-kontra ta’ dawk tar-Renju ta’ Spanja, Stat Membru li l-populazzjoni tiegħu tiddependi mis-sajd, b’mod partikolari fil-Galizja u fil-provinċi Baski. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, kien jipparteċipa fl-ewwel allokazzjoni ta’ kwoti wara l-adeżjoni tiegħu fl-1986 u kien għaldaqstant jingħata l-kwoti fl-2003.

    39      Skond il-Kunsill, ir-Regolament Nru 27/2005 ma joħloqx diskriminazzjoni kontra r-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, qed jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-Istati Membri li ma bbenefikawx mill-allokazzjoni ta’ kwoti minħabba li ma jeżerċitawx attivitajiet ta’ sajd li tagħhom il-Kunsill seta’ ddeċieda li jippreżerva l-istabbiltà. Dawn l-Istati jikkostitwixxu madwar nofs l-Istati Membri. Il-Kunsill jenfasizza li l-Gvern Spanjol ma jagħmilx id-distinzjoni li għandha ssir bejn il-kunċett ta’ aċċess għall-ibħra Komunitarji u l-kunċett ta’ aċċess għar-riżorsi ta’ dawn l-ibħra.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40      Ir-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et, C-44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46; tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48, u tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 28).

    41      Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni tar-Renju ta’ Spanja hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri li akkwistaw kwoti ta’ sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku bir-Regolament Nru 27/2005.

    42      Kif fakkret fil-punt 50 tas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kwistjoni ta’ eventwali diskriminazzjoni kontra l-Istati Membri li ma kinux akkwistaw ċerti kwoti ta’ sajd wara l-adeżjoni tagħhom mal-Komunità.

    43      Skond il-punt 41 tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1992, Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill, (C-63/90 u C-67/90, Ġabra p. I-5073), ir-Repubblika Portugiża sostniet li l-flotta Portugiża kienet eżerċitat attivitajiet ta’ sajd fl-ibħra ta’ Greenland bejn l-1973 u l-1977, jiġifieri matul parti mill-perijodu ta’ referenza inizjali. Hija kienet enfasizzat li l-kwantitajiet maqbuda mill-flotta Portugiża kienu paragunabbli ma’ dawk maqbuda mill-flotta Ġermaniża u superjuri ferm għal dawk maqbuda mill-flotta tar-Renju Unit.

    44      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sitwazzjoni tar-Repubblika Portugiża ma kinitx paragunabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri l-oħra li jibbenefikaw mill-allokazzjoni. Hija ddeċidiet li, safejn l-Att ta’ Adeżjoni ma biddilx is-sitwazzjoni eżistenti fil-qasam ta’ l-allokazzjoni tar-riżorsi esterni, l-acquis communautaire jibqa’ applikabbli u, għalhekk, l-Istati Membri ġodda ma jistgħux jinvokaw ċirkustanzi li jkunu seħħew qabel l-adeżjoni, fosthom b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ sajd matul il-perijodu ta’ referenza, sabiex jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni. Sa mill-adeżjoni tagħhom, huma jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħall-Istati Membri esklużi mill-allokazzjonijiet bis-saħħa tal-prinċipju ta’ l-istabbiltà relattiva ta’ l-attivitajiet ta’ sajd, ikkonkretizzata, għal dak li jirrigwarda l-ftehim konkluż qabel l-adeżjoni, fl-allokazzjoni mogħtija fl-1983 (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill, punti 43 u 44, tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 52, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, punt 32).

    45      Dan ir-raġunament huwa applikabbli għal din il-kawża. Minn dan jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri li bbenefikaw minn kwoti fl-allokazzjoni inizjali u li, għaldaqstant, ma jistax jinvoka l-attivitajiet ta’ sajd tal-bastimenti Spanjoli bejn is-snin 1973 u 1976 fil-Baħar tat-Tramuntana, matul il-perijodu ta’ referenza inizjali. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tiegħu hija paragunabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom m’akkwistawx tali kwoti, sew jekk dawn l-Istati Membri eżerċitaw attività ta’ sajd fl-ilmijiet tal-Baħar tat-Tramuntana u/jew tal-Baħar Baltiku matul il-perijodu ta’ referenza inizjali, sew jekk le (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 53, u tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, punt 33).

    46      It-tmiem tal-perijodu tranżitorju bl-ebda mod ma jbiddel din is-sitwazzjoni.

    47      Fil-fatt, il-Kunsill sostna ġustament li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ aċċess għall-ibħra u dak ta’ aċċess għar-riżorsi. Għalkemm, wara li jintemm il-perijodu tranżitorju, ir-Renju ta’ Spanja jista’ jaċċedi mill-ġdid għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, minn dan ma jirriżultax li l-bastimenti Spanjoli jista’ jkollhom aċċess għar-riżorsi ta’ dawn iż-żewġ ibħra fl-istess proporzjon bħall-bastimenti ta’ l-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali jew f’allokazzjonijiet sussegwenti (ara s-sentenzi iċċitati iktar ‘il fuq tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 55, u tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, punt 35).

    48      Il-Kunsill seta’ jqis li peress li l-bastimenti Spanjoli kienu ilhom ma jistadu fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku għal aktar minn għoxrin sena, in-nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ma kisirx il-prinċipju ta’ l-istabbiltà relattiva ta’ l-attivitajiet ta’ sajd tal-popolazzjonijiet ikkonċernati. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill seta’ wkoll jikkunsidra li r-Renju ta’ Spanja ma kienx f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik ta’ l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom reċentement kienu stadu, matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti, f’dawn l-ibħra (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 56, u tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, punt 36).

    49      Għandu jingħad li, l-impossibbiltà milli jipparteċipa f’allokazzjonijiet ġodda ta’ kwoti ta’ sajd li għadda minnha r-Renju ta’ Spanja matul il-perijodu tranżitorju, minħabba projbizzjoni legali purament temporanja milli jaċċedi għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, ma tbiddilx din il-konstatazzjoni. Minn dan ma jirriżultax li l-Kunsill imissu biddel il-kriterju ta’ allokazzjoni fi tmiem dan il-perijodu sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi tar-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li dan l-Istat Membru sostna matul il-proċedura bil-miktub u matul is-seduta, fl-ebda mument ma ġie pprovat li, fin-nuqqas ta’ projbizzjoni minn aċċess għaż-żewġt ibħra in kwistjoni matul il-perijodu tranżitorju, dan l-Istat Membru kien jikseb ċertu kwoti relattivi għall-ispeċi li kienu suġġetti għal allokazzjoni ġdida matul l-imsemmi perijodu.

    50      Barra minn hekk, l-argumenti l-oħra ppreżentati mir-Renju ta’ Spanja u mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza mhumiex tali li jbiddlu l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 47 tagħha. B’hekk, il-fatt li l-ispeċi suġġetti għal kwoti għandhom iktar valur mill-ispeċi l-oħra ma jistax ikollu bħala konsegwenza li Stat Membru għandu jingħata ċertu kwoti. L-allegat riskju ta’ natura ekoloġika ma ġiex ipprovat. L-impossibbiltà li jsiru ċerti skambji ta’ kwoti tirriżulta min-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ dawn il-kwoti. Fil-fatt, l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 jipprovdi sempliċement il-possibbiltà li jiġu skambjati l-kwoti li l-Istati Membri għandhom fil-pussess tagħhom. Ma jagħtix lok, b’daqshekk, għal dritt ta’ allokazzjoni ta’ kwoti.

    51      Konsegwentement, billi fir-Regolament Nru 27/2005 il-Kunsill ma ttrattax lir-Renju ta’ Spanja bl-istess mod bħall-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali tal-kwoti ta’ sajd, qabel l-adeżjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru mal-Komunità, jew fl-allokazzjonijiet sussegwenti, matul il-perijodu tranżitorju, il-Kunsill m’aġixxiex b’mod diskriminatorju fil-konfront tiegħu.

    52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Att ta’ Adeżjoni

     L-argumenti tal-partijiet

    53      Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li, billi ma jallokax lir-Renju ta’ Spanja parti mill-kwoti ta’ sajd li kienu s-suġġett ta’ allokazzjoni fir-rigward taż-żona ta’ l-ibħra Komunitarji tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku, wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Komunità, ir-Regolament Nru 27/2005 jestendi l-perijodu tranżitorju lilhinn mill-perijodu previst fl-Att ta’ Adeżjoni u, konsegwentement, jikser id-dispożizzjonijiet tiegħu.

    54      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-estensjoni tad-derogi previsti fl-Att ta’ Adeżjoni lil hinn mill-perijodu tranżitorju ffissat f’dan l-Att tammonta għal kunsiderazzjoni żbaljata tan-natura eċċezzjonali, tranżitorja u limitata tagħhom.

    55      Dan l-Istat Membru jżid li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Att ta’ Adeżjoni fis-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, il-kawża preżenti hija madankollu differenti safejn bil-kontra tar-regolament eżaminat f’din is-sentenza, ir-Regolament Nru 27/2005 jikkonċerna b’mod partikolari kwoti allokati għall-ewwel darba fl-2005, li jikkostitwixxu opportunitajiet ġodda ta’ sajd.

    56      Il-Kunsill isostni, min-naħa tiegħu, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ma baqgħux aktar applikabbli malli skada l-perijodu tranżitorju u għalhekk ma jistgħux aktar ikunu kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tal-miżuri adottati mill-Kunsill.

    57      Barra minn hekk, l-Att ta’ Adeżjoni la jeżiġi u lanqas jipprovdi għal reviżjoni tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-kwoti.

    58      Il-Kunsill iżid li l-Artikoli 156 sa 164 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni li huma dispożizzjonijiet tranżitorji ma jirregolawx il-metodu li bih il-Kunsill għandu jipproċedi sabiex jalloka opportunitajiet ġodda ta’ sajd fl-2005, jew numru ta’ snin wara li dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux għadhom applikabbli.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    59      Għandu jiġi mfakkar, kif isostni l-Kunsill, li l-Artikoli 156 sa 164 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jiddefinixxu s-sistema applikabbli fis-settur tas-sajd għall-perijodu tranżitorju biss. Għalhekk dawn l-Artikoli ma jistgħux, bħala regola, iservu ta’ bażi għal pretensjonijiet li jirrigwardaw perijodu li jibda f’data li tiġi wara li jispiċċa l-perijodu tranżitorju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 64, u tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, punt 44).

    60      Barra minn hekk, ma jirriżulta mkien mill-Att ta’ Adeżjoni li l-Kunsill kien obbligat li fil-futur jemenda l-kriterju ta’ allokazzjoni ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd adottat wara l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja, matul il-perijodu tranżitorju.

    61      Anki jekk is-sistema applikabbli matul il-perijodu tranżitorju hija min-natura tagħha temporanja, minn dan ma jirriżultax li r-restrizzjonijiet kollha li din tipprovdi jieqfu awtomatikament meta jintemm dan il-perijodu, jekk dawn jirriżultaw ukoll mill-acquis communautaire applikabbli għall-Istat Membru. B’hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 29 tas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, l-acquis communautaire jinkludi l-kriterju ta’ allokazzjoni ffissat bil-leġiżlazzjoni eżistenti fil-mument ta’ l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja. Dan il-kriterju ta’ allokazzjoni, bħala regola, jibqa’ fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat b’att tal-Kunsill.

    62      Fir-rigward ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti magħmula matul il-perijodu tranżitorju, dawn mhumiex regolati bl-Att ta’ Adeżjoni, imma bir-regolamenti li jistabbilixxu l-kwoti in kwistjoni u bil-prinċipju ta’ l-istabbiltà relattiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 66, u tad-19 ta’ April 2007, Spanja vs Il-Kunsill, punt 47). Fir-rigward ta’ l-allokazzjonijiet magħmula għall-ewwel darba mir-Regolament Nru 27/2005, lanqas dawn m’huma suġġetti għall-Att ta’ Adeżjoni.

    63      Għalhekk, billi m’allokax ċerti kwoti ta’ sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku lir-Renju ta’ Spanja taħt ir-Regolament Nru 27/2005, il-Kunsill ma marx kontra l-Att ta’ Adeżjoni.

    64      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Att ta’ Adeżjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002

     L-argumenti tal-partijiet

    65      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-ħames speċi msemmija fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ April 2006 u mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxu opportunitajiet ġodda ta’ sajd. Billi l-ebda kwota ma ġiet allokata lilu għal dawn l-ispeċi, il-Kunsill naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ dan l-Istat Membru u, b’konsegwenza ta’ dan, kiser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002.

    66      Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-ispeċi li kienu s-suġġett ta’ l-ewwel allokazzjoni taħt ir-Regolament Nru 27/2005 jikkostitwixxu opportunitajiet ġodda ta’ sajd. Madankollu, mill-ħames speċi msemmija mill-awtoritajiet Spanjoli, huma biss l-ispeċi msemmija hawn taħt, li ġew allokati f’żoni speċifiċi għall-ewwel darba fl-2005, li kkostitwew, f’din id-data, opportunitajiet ġodda ta’ sajd:

    i)      il-brosmius brosme, żona IV (ibħra Norveġiżi)

    ii)      il-petriċa, żona IV (ibħra Norveġiżi)

    iii)      il-molva, żona IV (ibħra Norveġiżi)

    iv)      l-iskampi, żona IV (ibħra Norveġiżi).

    67       Min-naħa l-oħra, il-petriċa, żona IIa (ibħra Komunitarji) u żona IV (ibħra Komunitarji) imsemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, kienet suġġetta għall-ewwel allokazzjoni fl-1998. Il-merlangu blu, żona IV (ibħra Norveġiżi), imsemmi fil-punt 23, kien diġà ta lok għal allokazzjoni qabel is-sena 2002. Ir-Renju ta’ Spanja għaldaqstant isemmi b’mod żbaljat lil dawn l-ispeċi bħala li jikkostitwixxu opportunitajiet ġodda ta’ sajd.

    68      Fir-rigward ta’ l-erba’ opportunitajiet ġodda ta’ sajd li huwa identifika, il-Kunsill isostni li huwa ħa in kunsiderazzjoni l-interess ta’ l-Istati Membri kollha, inkluż dak tar-Renju ta’ Spanja, iżda ma jirriżultax mit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet ġodda li l-Istati Membri kollha għandhom jibbenefikaw mill-allokazzjoni ta’ kwoti. Il-Kunsill stabbilixxa bħala perijodu ta’ riferiment is-snin 1999 sa l-2003. Peress li l-bastimenti Spanjoli ma stadux għall-ispeċi in kwistjoni fiż-żona kkonċernata matul dan il-perijodu, meta kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan, l-ebda kwota ma ġiet allokata lil dan l-Istat Membru. Il-Kunsill jikkonkludi li m’eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu u għaldaqstant ma kisirx l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002.

    69      Fir-replika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jirrikonoxxi li għamel żball, fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-ispeċi li jikkostitwixxu possibbiltajiet ġodda ta’ sajd, u jammetti li huma biss l-erba’ speċi msemmija mill-Kunsill għaż-żoni speċifiċi li jikkorrispondu għall-kunċett in kwistjoni. Min-naħa l-oħra huwa baqa’ jsostni li, fir-rigward ta’ dawn l-erba’ speċi, il-Kunsill kiser l-imsemmi Artikolu 20(2).

    70      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li, ladarba l-erba’ speċi msemmija mill-Kunsill jaqgħu taħt il-kategorija “speċi oħrajn” li għaliha kwota globali ġiet attribwita lill-Komunità, skond ir-regolamenti li jippreċedu s-sena 2005, dawn ma jikkostitwixxux opportunitajiet ġodda ta’ sajd. Dan il-kunċett japplika biss għall-ispeċi li jinsabu fil-Komunità minħabba l-aċċess għal ibħra ġodda jew għal speċi ġodda.

    71      Il-Kummissjoni żżid li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “possibbiltajiet ġodda ta’ sajd” u tiddeċiedi li l-erba’ speċi msemmija mill-Kunsill jaqgħu taħt dan il-kunċett, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, f’kull każ, li l-Kunsill m’eċċediex il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu u għaldaqstant ma kisirx l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Rimarki preliminarji

    72      Ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li għandu jiġi kkunsidrat li huma biss l-erba’ speċi msemmija mill-Kunsill u mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza li kienu s-suġġett ta’ allokazzjoni inizjali skond ir-Regolament Nru 27/2005 u li huma koperti mit-tielet motiv ta’ dan ir-rikors.

    73      Madankollu, tqum problema rigward l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

    74      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk billi semma’ dawn l-erba’ speċi, ir-Renju ta’ Spanja biddilx is-suġġett tal-kawża bi ksur ta’ l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura.

    75      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fost l-erba’ speċi kkunsidrati, il-petriċa tissemma’ fil-punt 27 tar-rikors tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward taż-żona IV mingħajr ma hu ppreċiżat jekk din iż-żona tirrigwardax ibħra Komunitarji, ibħra Norveġiżi jew it-tnejn li huma. Fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ April 2006, il-Gvern Spanjol isemmi l-petriċa, żona IV (ibħra Komunitarji) iżda jikkoreġi dan ir-riferiment fir-replika tiegħu u jsostni li huwa kien qiegħed jirreferi għall-ibħra Norveġiżi.

    76      Fid-dawl tar-riferiment ġenerali għaż-żona IV fir-rikors, għandu jiġi kkunsidrat li din saret għall-ibħra kollha ta’ din iż-żona u, għaldaqstant, it-tielet motiv, fir-rigward tal-petriċa, żona IV (ibħra Norveġiżi), huwa ammissibbli.

    77      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tliet speċi l-oħra, il-brosmius brosme u l-molva ma jissemmewx fil-punt 27 tar-rikors u l-iskampi ma jissemmewx għaż-żona IV. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors ma kien ikopri la l-Brosmius brosme u lanqas il-molva filwaqt li kien ikopri l-iskampi għaż-żona III biss. Ir-riferiment għal dawn it-tliet speċi għaż-żona IV (ibħra Norveġiżi) fl-ittra tas-27 ta’ April 2006 kif ukoll fir-replika tikkostitwixxi estensjoni tas-suġġett tal-kawża li għandu jiġi miċħud peress li huwa inammissibbli. Il-fatt li dawn l-ispeċi jinsabu fl-Anness I tar-Regolament Nru 27/2005, li hu s-suġġett ta’ din il-kawża, mhuwiex suffiċjenti ladarba r-Renju ta’ Spanja jitlob biss l-annullament tar-regolament safejn dan ma jallokax ċerti kwoti lill-flotta Spanjola kif ukoll ladarba huwa speċifika fl-imsemmi punt 27 biss l-ispeċi koperti mit-tielet motiv tiegħu.

    –       Fuq il-motiv

    78      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-allokazzjoni tal-petriċa fiż-żona IV (ibħra Norveġiżi), magħmula mir-Regolament Nru 27/2005, tikkostitwixxi opportunità ġdida ta’ sajd u li l-Kunsill ma kkunsidrax l-interessi tiegħu billi ma allokalu ebda kwota għal din l-ispeċi, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002.

    79      Għandu jiġi eżaminat jekk l-allokazzjoni tal-petriċa fiż-żona IV (ibħra Norveġiżi) tikkostitwixxix possibbiltà ġdida ta’ sajd taħt dan l-Artikolu 20(2) u, jekk ikun il-każ, jekk il-Kunsill ħax in kunsiderazzjoni l-interessi tar-Renju ta’ Spanja.

    80      Fuq l-ewwel punt, huwa paċifiku li l-allokazzjoni magħmula mir-Regolament Nru 27/2005 tikostitwixxi l-ewwel allokazzjoni ta’ kwoti għal din l-ispeċi bejn l-Istati Membri.

    81      Skond il-Kummissjoni, il-petriċa fiż-żona IV (ibħra Norveġiżi) ma tikkostitwixxix, madankollu, opportunità ġdida ta’sajd, iżda hija opportunità ta’ sajd eżistenti, peress li din mhijiex speċi li ġiet sfruttata għall-ewwel darba taħt il-politika Komunitarja, skond l-Artikolu 8(4)(iii) tar-Regolament Nru 3760/92. Issa, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 ssostitwixxa dan l-Artikolu 8(4)(iii), u għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan ta’ l-aħħar. B’hekk din l-ispeċi kellha tagħti lok għal allokazzjoni skond il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva msemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2371/2002 u mhux billi jittieħed in kunsiderazzjoni, skond l-imsemmi Artikolu 20(2), l-interess ta’ l-Istati Membri.

    82      Madankollu, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 2371/2002 hu, f’ċerti aspetti, differenti mir-Regolament Nru 3760/1992.

    83      B’hekk, ir-Regolament Nru 2371/2002 jispeċifika l-kunċett ta’ “opportunitajiet ta’ sajd” li jiddefinixxi fl-Artikolu 3(q) tiegħu bħala dritt legali kwantifikat għas-sajd. Rigward l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, it-test tiegħu huwa differenti minn dak ta’ l-imsemmi Artikolu 8(4)(iii), u jipprovdi sempliċement li ladarba l-Komunità tiffissa opportunitajiet ġodda ta’ sajd, il-Kunsill għandu jiddeċiedi fuq l-allokazzjoni ta’ l-imsemmija opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta’ kull Stat Membru.

    84      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “opportunitajiet ġodda ta’ sajd” għandu jiġi interpretat billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-istruttura u l-għan ta’ l-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 2371/2002, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1987, Romkes, 46/86, Ġabra p. 2671; tat-13 ta’ Ottubru 1992, Spanja vs Il-Kunsill, C‑70/90, Ġabra p. I‑5159, Spanja vs Il-Kunsill, C‑71/90, Ġabra p. I‑5175, Spanja vs Il-Kunsill, C‑73/90, Ġabra p. I‑5191, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq).

    85      Jirriżulta għalhekk mill-eżami ta’ dawn iż-żewġ paragrafi ta’ l-Artikolu 20 li l-ewwel wieħed jitratta opportunitajiet ta’ sajd eżistenti filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna opportunitajiet ġodda ta’ sajd. L-opportunitajiet ta’ sajd eżistenti huma allokati bejn l-Istati Membri skond il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva.

    86      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżiġenza ta’ stabbilità relattiva għandha tinftiehem li tfisser iż-żamma ta’ perċentwali fissa għal kull Stat Membru u li l-kriterju ta’ allokazzjoni ffissat inizjalment għandu jibqa’ japplika sakemm ma jiġix adottat regolament li jemendah (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, Romkes, punt 17, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, punt 27).

    87      Safejn l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għall-opportunitajiet ta’ sajd eżistenti tagħti lok għaż-żamma ta’ kriterju ta’ allokazzjoni diġà ffissat bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li l-iffissar ta’ kriterju inizjali ta’ allokazzjoni bejn l-Istati Membri jimplika l-attribuzzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ sajd u allokazzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-interess ta’ kull wieħed minnhom. Il-kunċett ta’ interess jista’ jinkludi l-bżonn li tiġi ppreżervata l-istabbiltà relattiva ta’ l-attivitajiet ta’ sajd, iżda mhuwiex limitat għal dan il-bżonn.

    88      Għalhekk, bil-kontra ta’ l-opinjoni espressa mill-Kummissjoni, ladarba kriterju inizjali ta’ allokazzjoni huwa ffissat għal kull Stat Membru, b’mod partikolari wara li dawn ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistadu f’żona u għal speċi li fir-rigward tagħhom l-Komunità kellha kwota globali, il-Kunsill jiddeċiedi billi jieħu in kunsiderazzjoni l-interess ta’ kull wieħed minnhom, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002. Peress li, bħala fatt, l-ebda kriterju ta’ allokazzjoni ma jista’ jiġi mantnut f’każ bħal dan, m’hemmx għalfejn jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

    89      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni twassal għal sitwazzjoni paradossali fejn id-dritt ta’ l-Istati Membri għall-aċċess għal ibħra u speċi ġodda ma jista’ qatt jiġi kkwalifikat bħala opportunità ġdida ta’ sajd u, għaldaqstant, ma jista’ qatt jippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interess ta’ dawn l-Istati, fis-sens ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371//2002. Dan ikun il-każ kull darba li, bħal f’dan il-każ, id-dritt il-ġdid għal aċċess, inizjalment, jieħu l-forma ta’ kwota globali favur il-Komunità qabel ma jiġi attribwit eventwalment lill-Istati Membri b’mod individwali. Ma jirriżultax mir-Regolament Nru 2371/2002 li l-leġiżlatur xtaq jillimita b’dan il-mod it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interess ta’ dawn l-Istati Membri.

    90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel allokazzjoni tal-petriċa fiż-żona IV (ibħra Norveġiżi) lill-Istati Membri, abbażi ta’ l-iffissar ta’ kriterju inizjali ta’ allokazzjoni għal din l-ispeċi fl-ibħra in kwistjoni, tikkostitwixxi opportunità ġdida ta’ sajd.

    91      Jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi eżaminat jekk il-Kunsill żammx debitament in kunsiderazzjoni l-interessi tar-Renju ta’ Spanja.

    92      Fir-rigward ta’ regolament fil-qasam tas-sajd, fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlatur Komunitarju f’dan il-qasam għandu diskrezzjoni wiesgħa skond ir-responsabbilitajiet politiċi mogħtija lilu mill-Artikoli 34 KE sa 37 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C‑535/03, Ġabra p. I‑2689, punt 55).

    93      Għandu madankollu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlatur Komunitarju eċċediex il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu.

    94      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, matul il-perijodu ta’ riferiment magħżul mill-Kunsill, jiġifieri mill-1999 sa l-2003, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 156 sa 164 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni kienu jipprojbixxulu l-aċċess għall-ibħra in kwistjoni. Billi ddeċieda li jalloka kwoti biss lill-Istati Membri li l-flotta tagħhom kienet stadet għall-ispeċi kkonċernati, b’mod partikolari l-petriċa, matul dan il-perijodu, u billi ma allokalu ebda kwota filwaqt li n-nuqqas ta’ bastimenti Spanjoli fiż-żona in kwistjoni kienet dovuta għal projbizzjoni strettament legali, il-Kunsill ma żammx l-interessi tiegħu in kunsiderazzjoni.

    95      Jeħtieġ madankollu li jiġi kkonstatat, kif isostni l-Kunsill fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, li l-Artikoli 156 sa 164 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jikkonċernaw biss l-aċċess għall-ibħra Komunitarji u mhux l-aċċess għall-ibħra Norveġiżi u li, għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja mhuwiex rilevanti.

    96      Matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja pprova jressaq argumenti oħra sabiex juri l-impossibbiltà għall-bastimenti Spanjoli li jistadu fl-ibħra Norveġiżi. L-ewwel nett sostna li mhuwiex dejjem faċli li jiġu identifikati, ġewwa żona partikolari, l-ibħra li fihom il-bastimenti jeżerċitaw l-attività tagħhom, imbagħad sostna li ma ngħata ebda kwota fl-ibħra Norveġiżi.

    97      Dawn l-argumenti madankollu mhumiex determinanti peress li d-diversi flotot ta’ l-Istati Membri setgħu liberament jistadu għall-petriċa, li ma kienet suġġetta għal ebda kwota speċifika għal kull Stat Membru, salv għal kwota globali applikabbli fil-Komunità għall-ispeċi differenti, li hi kienet waħda minnhom.

    98      Għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ allokazzjoni, lir-Renju ta’ Spanja jew lil Stat Membru ieħor, ta’ kwoti għall-petriċa ma jfissirx li l-Kunsill naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’dawn l-Istati Membri.

    99      Fir-rigward ta’ l-għażla tal-perijodu ta’ riferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kunsill għandu ċerta diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑120/99, Ġabra p. I‑7997, punt 42). Il-perijodu ta’ ħames snin, mill-1999 sa l-2003, jikkostitwixxi perijodu reċenti u suffiċjentement twil biex ma jidhirx li hu inadegwat.

    100    Billi alloka kwoti għall-petriċa biss lill-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom kienu stadu għal din l-ispeċi matul dan il-perijodu u billi ma allokat ebda kwota lir-Renju ta’ Spanja minħabba li l-bastimenti Spanjoli ma kinux stadu għaliha minkejja li kellhom dritt ta’ aċċess għaż-żona kkonċernata, il-Kunsill ma eċċediex il-limiti tiegħu ta’ diskrezzjoni.

    101    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

    102    Billi l-ebda wieħed mill-motivi invokati ma ntlaqa’, ir-rikors tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    103    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4), il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

    3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top