Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0138

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Settembru 2006.
    Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
    Awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u bijoċidi - Direttiva 91/414/KE - Artikolu 8 - Direttiva 98/8/KE - Artikolu 16 - Setgħa ta' l-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju.
    Kawża C-138/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:577

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    14 ta' Settembru 2006 (*)

    “Awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u bijoċidi – Direttiva 91/414/KE – Artikolu 8 – Direttiva 98/8/KE – Artikolu 16 – Setgħa ta’ l-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju”

    Fil-kawża C-138/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-25 ta' Marzu 2005, fil-kawża

    Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie

    vs

    Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

    fil-preżenza ta’

    LTO Nederland,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, J. Klučka (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       Għas-Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, minn J. Rutteman, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Mol, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Daniż, minn A. Rahbøl Jacobsen, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos u S. Papaioannou, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Doherty u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-4 ta' Mejju 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1), u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali [bijoċidi] (ĠU L 123, p. 1).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (iktar 'il quddiem "Stichting") u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru ta’ l-Agrikoltura, tan-Natura u tal-Kwalità ta’ l-Ikel, iktar ‘il quddiem il-“Ministru”) rigward proċedura prevista mid-dritt Olandiż għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti pestiċidi.

     Il-Kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

     Id-Direttiva 91/414

    3       Skond id-disa’ premessa tad-Direttiva 91/414:

    “[...] id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni jridu jassiguraw livell għoli ta’ ħarsien, li b’mod partikulari, trid tipprevjeni l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti meta t-theddida li dawn jippreżentaw għas-saħħa, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali tieħu prijorità fuq l-għan li tittejjeb il-produzzjoni tal-pjanti”.

    4       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/414, “prodotti għall-ħarsien tal-pjanti” huma ddefiniti bħala "[is-]sustanzi attivi u preparazzjonijiet li jkollhom fihom sustanza attiva waħda jew aktar, imħejjija fil-forma li biha jkunu sejrin jiġu forniti lill-utent" u li huma prinċipalment immirati sabiex jipproteġu l-pjanti jew l-prodotti tal-pjanti kontra kull organiżmu perikluż. Skond l-Artikolu 2(4) ta' l-imsemmija Direttiva, is-sustanzi attivi huma definiti bħala "is-sustanzi jew mikrorganiżmi inklużi l-viruses, li għandhom azzjoni ġenerali jew speċifika" fuq l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara jew fuq pjanti, partijiet minn pjanti jew prodotti mill-pjanti.

    5       Skond l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-imsemmija Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li prodott għall-ħarsien tal-pjanti jiġi awtorizzat biss jekk "is-sustanzi attivi tiegħu [ikunu] elenkati fl-Anness I u jekk [jiġu sodisfatti] kull kundizzjoni stabbilita hemm", kif ukoll dawk imsemmija fl-istess Artikolu 4(1)(b) sa (f).

    6       L-Artikolu 8 ta' l-imsemmija Direttiva jikkonċerna miżuri tranżitorji u derogatorji. Skond il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu:

    "B'deroga mill-Artikolu 4 u mingħajr preġudizzju [għad-dispożizzjonijiet] tal-paragrafu 3 jew għad-Direttiva 79/117/KEE, Stat Membru jista', matul perijodu ta' 12-il sena wara [d-data ta]n-notifika ta' din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I, li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta' din id-Direttiva.

    [...]”

    7       Taħt l-Artikolu 8(3), "[m]eta jkunu qegħdin jeżaminaw [mill-ġdid] prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanza attiva skond il-paragrafu 2, u qabel ma jkun seħħ dan l-eżami, l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rekwiżiti [eżiġenzi] stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) (i) sa (v), punti (c) sa (f) skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta".

    8       Skond l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 91/414, "għal sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, filwaqt li josservaw kif dovut id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali preċedenti dwar rekwiżiti [eżiġenzi] ta' informazzjoni sakemm tali sustanzi ma jkunux inklużi fl-Anness I".

    9       Taħt l-Artikolu 23 ta' l-imsemmija Direttiva, id-dħul fis-seħħ tagħha kellu jkun "fi żmien sentejn wara n-notifika tagħha".

     Id-Direttiva 98/8

    10     Id-Direttiva 98/8 tirrigwarda prodotti, magħrufa preċedentement taħt l-isem ta’ pestiċidi għal użu mhux agrikolu, li huma użati sabiex jiġġieldu kontra l-organiżmi ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali u sabiex jiġġieldu kontra l-organiżmi li jikkawżaw ħsara lill-prodotti naturali jew iffabbrikati.

    11     L-Artikolu 5(1) ta' l-istess Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw prodott bijoċida biss jekk "is-sustanz[i] attiv[i] inkluż[i] fih ikunu elenkati fl-Annessi I jew IA u titwettaq kull ħtieġa stabbilita f'dawn l-Annessi" u jekk ċertu numru ta' kundizzjonijiet oħra jkunu sodisafatti.

    12     L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 98/8 dwar miżuri tranżitorji, jipprovdi li "Stat Membru jista', għal perijodu taż-żmien ta' 10 snin […], jissokta [jkompli] japplika s-sistema jew il-prattika korrenti tiegħu li jqiegħed fis-suq il-prodotti bijoċidali. Jista', b'mod partikolari, skond r-regoli nazzjonali tiegħu, jawtorizza t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu prodott bijoċida li jkun fih sustanzi attivi mhux elenkati fl-Annessi I jew IA […]". Madankollu, dawn is-sustanzi attivi għandhom ikunu jinsabu fis-suq mhux aktar tard minn 24 xahar minn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, bħala sustanzi attivi ta' prodott bijoċida għal skopijiet differenti minn dawk ta' riċerka u żvilupp xjentifiku jew ta' riċerka u żvilupp tal-produzzjoni.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    13     L-Artikolu 2(1) tal-liġi fuq il-pestiċidi ta' l-1962 (Bestrijdingsmiddelenwet) (Stb. 1962, Nru 288), kif emendata mil-liġi tas-6 ta’ Frar 2003 (Stb. 2003, Nru 62, iktar 'il quddiem il-"Bmw"), jipprovdi:

    "Huwa pprojbit li jiġi pprovdut, li jinżamm jew li jinħażen, li jiġi introdott jew li jintuża fl-Olanda kull pestiċida li ma jirriżultax li jkun kien ġie awtorizzat skond din il-liġi jew, fil-każ ta' prodott bijoċida li jippreżenta riskju baxx, li kien ġie rreġistrat".

    14     L-Artikolu 3(1) tal-Bmw huwa intiż biex, prinċipalment, jittrasponi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414. B'mod partikolari, il-punti 1 sa 10 ta' l-imsemmi Artikolu 3(1)(a) jistabbilixxu, minn naħa, kundizzjonijiet li essenzjalment jikkorrispondu għal dawk ta' l-Artikolu 4(1)(b)(i) sa (v) ta’ din id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 3(1)(b) sa (d), il-kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 4(1)(c) sa (e) ta’ l-imsemmija Direttiva. L-Artikolu 3(2)(a) tal-Bmw huwa intiż li jittrasponi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-istess Direttiva.

    15     L-Artikolu 16aa tal-Bmw, li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Frar 2003, huwa fformulat kif ġej:

    “1.      Meta l-interessi ta’ l-agrikoltura jeżiġu hekk b’mod urġenti, [il]-Ministru kkonċernat jista’ jagħti eżenzjoni jew eżonerazzjoni għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1) u ta’ l-Artikolu 10(1) u (2) favur prodott għall-ħarsien tal-pjanti li fih sustanza attiva:

    a.      li tkun ġiet ipprovduta qabel is-26 ta’ Lulju 1993;

    b.      la ma kinitx indikata minn miżura Komunitarja msemmija fl-Artikolu 3(2)(a); u

    c.      li fir-rigward tagħha l-eżami msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] kien inbeda jew ġie segwit wara s-26 ta’ Lulju 2003.

    2.      Dawn l-eżenzjonijiet jew eżonerazzjonijiet jistgħu jiġu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Huma jistgħu jingħataw f’ċerti limiti u jitneħħew f’kull mument”.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16     Fil-21 ta’ April 2004, il-Ministru adotta, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 16aa tal-Bmw, id-deċiżjoni fuq l-eżonerazzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti għas-sena 2004 (besluit “Vrijstellingen gewasbeschermingsmiddeln 2004”, Stcrt. 2004, Nru 77, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni tal-21 ta’ April 2004”), li permezz tiegħu huwa eżenta mill-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2(1) u 10(1) tal-Bmw l-utenti msemmija f’din is-sentenza għall-uċuh tar-raba li huma deskritti fih, sakemm ir-regoli ta’ użu stabbilti fil-Kapitolu 1 ta’ l-Anness ta’ l-imsemmija deċiżjoni jiġu rrispettati, għal dak lil jikkonċerna l-provvista, iż-żamma, il-ħażna, l-importazzjoni jew l-użu fl-Olanda tal-prodotti għall-ħarsien għall-pjanti elenkati f’dan l-istess Kapitolu I. Id-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ April 2004 skada fl-1 ta’ Jannar 2005.

    17     Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004, li jemenda dak tal-21 ta’ April 2004 (belsuit “Wijziging Besluit vrijstellingen gewasbeschermingsmiddeln 2004”, Stcrt. 2004, Nru 82, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004”), il-Ministru żied tlettax is-sezzjoni għall-Anness I tad-deċiżjoni tal-21 ta’ April 2004. Dawn is-sezzjonijiet kienu jikkonċernaw applikazzjonijiet speċifiċi ta’ ċerti prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li kienu ngħataw derogi għalihom għall-projbizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq.

    18     Is-Stichting u s-Stichting Natuur en Milieu (iktar ‘il quddiem, flimkien, il-“fondazzjonijiet”), permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2004, ippreżentaw oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004.

    19     Permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tat-18 ta’ Ottubru 2004, l-ilmenti tal-fondazzjonijiet ġew iddikkjarati parti minnhom inammissibbli u parti minnhom mhux fondati.

    20     Fit-28 ta’ Ottubru 2004, is-Stichting ressqet appell kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven li, fis-sustanza, peress li tressqet quddiemha problema dwar il-kompatibbiltà ta’ l-Artikolu 16aa tal-Bmw mad-dritt Komunitarju, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1) L-Artikolu 8 tad-Direttiva [91/414] huwa applikabbli applikat mill-qorti nazzjonali wara li jiskadi t-terminu previst fl-Artikolu 23 ta' din id-Direttiva?

    2)      L-Artikolu 16 tad-Direttiva [98/8] għandu jiġi interpretat b'mod li jkollu l-istess sinjifikat ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414]?

    3)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] għandu jiġi interpretat b’mod li joħloq obbligu ta’ "standstil"l, jiġifieri li Stat Membru ma jistax ibiddel is-sistema eżistenti tiegħu jew il-prattika li huwa jsegwi normalment ħlief fil-każ fejn din il-bidla tqiegħed fis-seħħ evalwazzjoni preliminari għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti skond din id-Direttiva?

    4)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda:

    L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] joħloq restrizzjonijiet għall-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidi u, jekk dan huwa l-każ, liema?

    5)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għar-raba' domanda:

    Permezz ta’ liema kriterji għandu wieħed jevalwa jekk hemmx il-preżenza ta’ miżuri li jikkompromettu b’mod serju t-twettiq tar-riżultat stipulat mid-Direttiva [91/414]?

    6)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

             a)     L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq, fuq it-territorju tiegħu, ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux imsemmija fl-Anness I u li kienu ilhom diġà sentejn fis-suq wara d-data tan-notifika ta' din id-Direttiva, huwa għandu josserva d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva?

             b)     L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] għandu jiġi wkoll interpretat fis-sens li, jekk Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq, fuq it-territorju tiegħu, ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux imsemmija fl-Anness I u li kienu ilhom diġà sentejn fis-suq wara d-data ta’ notifika ta' din id-Direttiva, huwa għandu josserva d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(3) ta' l-imsemmija Direttiva?

    7)      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [91/414] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ eżami mill-ġdid li jinsab fih jinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li diġà jinsab fis-suq, evalwazzjoni li fil-kuntest tagħha għandu jiġi ddeterminat jekk hemmx il-preżenza ta’ riskji mhux aċċettabbli għall-utenti jew għall-ħaddiem, għas-saħħa pubblika u l-ambjent, fil-kuntest ta’ miżura temporanja skond l-Artikolu 16aa tal-liġi dwar il-pestiċidi?

    8)      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [91/414] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi biss dispożizzjonijiet dwar il-provvista ta' informazzjoni qabel eżami mill-ġdid, jew għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li huwa jsemmi huma wkoll importanti għall-mod kif eżami mill-ġdid għandu jiġi organizzat u effettwat?"

     Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    21     Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2006, il-Gvern Olandiż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, għar-raġuni li l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali dwar il-ħames domanda jistrieħu fuq interpretazzjoni mhux korretta tal-leġiżlazzjonijiet Olandiżi u Komunitarji.

    22     Il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali jiksru, fl-ewwel lok, l-obbligu li huwa impost skond id-dritt Olandiż fuq l-applikanti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti, li jippreżentaw lill-Ministru kompetenti dokumentazzjoni ddettaljata. Fit-tieni lok il-Gvern Olandiż isostni li, kuntrarjament għal dak li indikat l-Avukat Ġenerali, l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 91/414 tikkonċerna biss il-possibbiltà li tawtorizza provviżorjament prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanza attiva li ma tinsabx fl-Anness I ta’ din id-Direttiva u li ma kinitx għadha tinsab fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ l-imsemmija Direttiva.

    23     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li mhijiex edotta biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx ġie ttrattat bejn il-partijiet (ara d-digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18, u s-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25).

    24     Madankollu, dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, il-Gvern Olandiż, fis-sustanza, jillimita ruħu li jikkummenta l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali mingħajr ma jinvoka elementi ta’ fatt jew dispożizzjonijiet legali li fuqhom din ta’ l-aħħar kienet ibbażat ruħha u li ma kienux ġew ittrattati bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija edotta biżżejjed biex tirrispondi għad-domandi kollha magħmula.

    25     Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà

    26     Fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż esprima, fl-ewwel lok, dubji fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti domandi magħmula.

    27     Fl-ewwel lok, huwa jinnota li l-qorti ta’ rinviju tirreferi, fl-ewwel domanda tagħha, għall-Artikolu 8 kollu tad-Direttiva 91/414, mingħajr ma tippreċiża liema mill-paragrafi ta' dan l-Artikolu, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet ferm differenti, qed jissejħu in kwistjoni. Wara, huwa jqis li l-Artikolu 23 ta' din id-Direttiva jikkonċerna biss l-applikazzjoni tat-tieni subinċiż ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 10(1) tagħha riġward il-proċeduri ta' rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta' ċertu eżiġenzi ta' l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija Direttiva. B’hekk din il-kwistjoni hija inammissibbli peress li r-risposta mhijiex neċessarja għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

    28     Fl-aħħar nett, dan il-Gvern isostni li t-tieni domanda hija inammissibbli għar-raġuni li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u mhux il-prodotti bijoċidi.

    29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija kompetenza biss tal-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġuridika sabiex tintevjeni, li tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari fil-kawża, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tad-19 ta' Frar 2002, Arduino, C-35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 24, u ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-316/04, Ġabra p. I-9759, punt 29).

    30     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f'ipoteżijiet eċċezzjonali, hija għandha kompetenza teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija għandha tieħu konjizzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-kompetenza tagħha stess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b'mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m'għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew meta l-Qorti ta’ Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex tirrispondi b'mod utli għad-domandi magħmulha lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Bosman, punt 61, u Arduino, punt 25, u Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, punt 30).

    31     F'dan il-każ, ma jidhirx b'mod manifest li d-domandi magħmula mill-qorti ta’ rinviju jaqgħu taħt wieħed mill-imsemmija każijiet.

    32     Min-naħa, minkejja li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven ma indikatx, fl-ewwel domanda tagħha, il-paragrafi ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414 li hija kellha l-intenzjoni tirreferi għalihom, din il-ġudikatura xorta pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji kollha sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħtiha tweġiba utli. Fil-fatt, jirriżulta mingħajr ekwivoku mid-deċiżjoni ta’ rinviju li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven irreferiet għall-Artikolu 8(2) u (3), safejn dawn jirrigwardaw prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta' din l-istess Direttiva, u li ilhom diġà fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Direttiva, kif ukoll l-Artikolu 23(1) ta' l-imsemmija Direttiva, safejn dan jistabbilixxi t-terminu ta' traspożizzjoni fis-sentejn li jibdew mill-imsemmija data ta’ notifika.

    33     Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 16aa tal-Bmw huwa applikabbli biss, skond il-kliem tiegħu stess, għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti ("gewasbeschermingsmiddelen"), ma jistax jiġi sostnut li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/8 m'għandha manifestament ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew li l-problema ppreżentata hija ta' natura ipotetika. Fil-fatt, filwaqt li rreferiet għall-punt 44 tas-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Monsanto (C-306/98, Ġabra p. I-3279), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 98/8 fiha dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li għandhom numru tajjeb ta’ aspetti li jixxiebħu ma’ dawk tad-Direttiva 91/414, u filwaqt li, fis-sustanza, tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 98/8, li jipprovdi li Stat Membru jista’, matul il-perijodu tranżitorju, jkompli japplika s-sistema jew il-prattiċi tiegħu fis-seħħ għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidi, jinsabu wkoll fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, il-qorti ta’ rinvju ġġustifikat suffiċjentement il-mertu tat-tieni domanda.

    34     Għaldaqstant, id-domandi magħmula kollha huma ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     Fuq it-tieni domanda

    35     Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti ta’ rinviju, fis-sustanza, tistaqsi jekk, minkejja fformular differenti, is-sistemi tranżitorji previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 98/8 minn naħa, u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 min-naħa l-oħra, għandhomx l-istess sinjifikat.

    36     Għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 59 sa 63 tas-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet fl-affermattiv għal domanda identika.

    37     B’hekk it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 98/8 għandu l-istess sinjifikat bħall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414,

     Fuq it-tielet sal-ħames domandi

    38     Permezz tat-tielet sal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti ta’ rinviju, fis-sustanza, titlob jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 għandux jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi obbligu ta' "standstill" jew jekk dan l-Artikolu fihx restrizzjonijiet oħra għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jemendaw, matul il-perijodu tranżitorju, is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni eżistenti tagħhom. B’mod aktar partikolari, hija tistaqsi jekk l-imsemmi Artikolu jipprekludix l-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix l-obbligu, għall-applikant ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti matul dan il-perijodu, li jiddepożita dokumentazzjoni u li ma jimponix lill-awtorità kompetenti li teżamina jekk il-prodott għall-ħarsien tal-pjanti in kwistjoni kif ukoll is-sustanzi attivi tiegħu ma jikkawżawx dannu għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u ta’ l-ambjent, peress li l-unika kundizzjoni legali ta’ awtorizzazzjoni hija l-eżistenza ta’ neċessità urġenti fl-interess ta’ l-agrikolutura.

    39     L-ewwel nett għandu jiġi nnutat li l-eżistenza eventwali ta' obbligu ta' "standstill" ma tistax tiġi dedotta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, li ma fih l-ebda formulazzjoni espliċita f'dan is-sens (ara, b’analoġija, is-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

    40     Minn dan isegwi li mhemmx lok li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 jiġi interpretat li jikkostitwixxi obbligu ta’ “standstill”.

    41     Madankollu, id-dritt ta' l-Istati Membri li jemendaw is-sistemi ta' awtorizzazzjoni tagħhom tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti matul il-perijodu tranżitorju stabbilit mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 ma jistax jiġi kkunsidrat mingħajr limitu (ara b’analoġija, is-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

    42     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, jekk l-Istati Membri m’għandhomx l-obbligu li jadottaw il-miżuri ta' traspożizzjoni ta' Direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan, jirriżulta mill-applikazzjoni flimkien tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10 KE u tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 249 KE, kif ukoll tad-Direttiva stess li, matul dan it-terminu, huma m'għandhomx jieħdu dispożizzjonijiet ta' natura li jikkompromettu b'mod serju r-riżultat stipulat minn din id-Direttiva (sentenza tat-18 ta' Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie, C‑129/96, Ġabra p. I-7411, punt 45). Dan huwa l-istess għal dak li jirrigwarda perijodu tranżitorju bħal dak previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (ara, b’analoġija, is-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42).

    43     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 91/414 mhux biss għandha bħala għan it-titjib tal-produzzjoni tal-pjanti u l-eliminazzjoni ta’ l-ostakli għall-iskambji intrakomunitarji ta’ prodotti tal-pjanti, imma wkoll il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll ta’ l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C-174/05 Ġabra p. I-2443 punt 30).

    44     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri ma jisgħux, mingħajr ma jikkompromettu serjalment ir-riżultat preskritt mill-imsemmija Direttiva, jemendaw, matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 8(2) tagħha, il-leġiżlazzjoni applikabbli b’tali mod li jsir possibbli għalihom li jawtorizzaw prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jieħdu debitamment in kunsiderazzjoni l-effetti li l-imsemmi prodott jista’ jkollu fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll fuq l-ambjent.

    45     Minbarra dan, tali kunsiderazzjoni ta’ l-imsemmija effetti mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirrikjedi li deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni tittieħed biss fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni li tinkludi l-elementi neċessarji sabiex l-imsemmija effetti jkunu jistgħu jiġu effettivament evalwati.

    46     F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 91/414, li jipprovdi li, permezz ta’ deroga għal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess Artikolu, l-Istati Membri jkunu jistgħu, matul il-perijodu tranżitorju, ikomplu, fir-rispett tat-Trattat KE, japplikaw ir-regoli nazzjonali preċedenti li jikkonċernaw l-eżiġenzi fil-qasam ta’ informazzjoni, ma jistax jiġi interpretat li jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw totalment il-persuni li jitolbu awtorizzazzjoni għal prodott għall-ħarsien tal-pjanti mill-obbligu li jipprovdu dokumentazzjoni.

    47     Hija kompetenza tal-qorti ta’ rinviju li tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tirrispettax il-kundizzjonijiet indikati fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza.

    48     It-tielet sal-ħames domandi għandhom jiġu mwieġba li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 ma jikkostitwixxix obbligu ta’ "standstill". Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249, kif ukoll id-Direttiva 91/414, jimponu li matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu miżuri ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tar-riżultat stipulat mill-imsemmija Direttiva. B’mod aktar partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jemendaw, matul l-imsemmi perijodu tranżitorju, il-leġiżlazzjoni applikabbli b’mod li jsir possibbli għalihom jawtorizzaw prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jieħdu debitament in kunsiderazzjoni l-effetti li l-imsemmi prodott jista’ jkollu fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll fuq l-ambjent. Bl-istess mod, deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni ma tistax tittieħed ħlief fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni li tinkludi l-elementi neċessarji sabiex l-imsemmija effetti jkunu jistgħu jiġu effettivament evalwati.

     Fuq is-sitt domanda

    49     Permezz tas-sitt domanda tagħha, li hija maqsuma f’żewġ partijiet, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq, fuq it-territorju tiegħu, ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux imsemmija fl-Anness I ta’ din l-istess Direttiva u li kienu diġà fuq is-suq sentejn wara d-data ta’ notifika tagħha, huwa għandux jirrispetta d-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikolu 4 jew 8(3) ta’ l-imsemmija Direttiva.

    50     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tirrispondi għal domanda identika fis-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq. Jirriżulta mill-punti 46 sa 57 ta’ l-imsemmija sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal din id-domanda fin-negattiv.

    51     B’hekk is-sitt domanda għandha tiġi mwieġba li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq, fit-territorju tiegħu, ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva u li kienu diġà fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika ta’ l-imsemmija Direttiva, huwa m’għandux l-obbligu li josserva d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 jew 8(3) ta’ din l-istess Direttiva.

     Fuq is-seba’ domanda

    52     Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tistaqsi, fis-sustanza, jekk, b’eżami "mill-ġdid" skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/414, għandux jinftiehem ukoll evalwazzjoni bħal dik implementata fl-okkażjoni ta’ l-adozzjoni tas-sentenzi fil-kawża prinċipali skond l-Artikolu 16aa tal-Bmw, intiża sabiex tiddetermina jekk applikazzjoni ġdida ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jinsab diġà fis-suq twassalx għal riskji mhux aċċettabbli għall-utenti, il-ħaddiema, is-saħħa pubblika u l-ambjent.

    53     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li eżami mill-ġdid skond id-Direttiva 91/414 jippreżupponi li l-prodott għall-ħarsien tal-pjanti in kwistjoni diġà kien is-suġġett ta' awtorizzazzjoni u li din ta' l-aħħar hija valida fil-mument ta’ l-eżami mill-ġdid (sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67).

    54     Barra minn hekk, jirriżulta mill-qari flimkien ta' l-Artikoli 4(5) u 8(3) tad-Direttiva 91/414 li l-iskop ta' dan l-eżami mill-ġdid mhuwiex evalwazzjoni mill-ġdid ta' sustanza attiva iżolata, iżda eżami mill-ġdid tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti finali, u li hija fuq inizjattiva ta' l-awtoritajiet nazzjonali u mhux fuq dik ta’ l-individwi interessati li sar tali eżami mill-ġdid (sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 68).

    55     B’hekk is-seba’ domanda għandha tiġi mwieġba li hija kompetenza tal-qorti ta’ rinviju li tikkunsidra jekk l-evalwazzjoni implementata fl-okkażjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16aa tal-Bmw tikkorrispondix għall-karatteristiċi kollha ta’ eżami mill-ġdid skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/414 u, b’mod partikolari, għal dawk li huma ppreċiżati fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza.

     Fuq it-tmien domanda

    56     Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, fis-sustanza, tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/414 jikkonċernax biss il-komunikazzjoni ta' informazzjoni preliminari għal eżami mill-ġdid jew jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li huwa jindika wkoll għandhom effett fuq il-mod kif eżami mill-ġdid għandu jiġi organizzat u effettwat.

    57     Għandu jiġi mfakkar li domanda identika diġà kienet is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din iddeċidiet fil-punti 71 sa 74 tas-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, iċċitata iktar ‘il fuq, li l-imsemmi Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li fih biss dispożizzonijiet dwar il-provvista ta’ informazzjoni qabel eżami mill-ġdid.

    58     B’hekk it-tmien domanda għandha tiġi mwieġba li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/414 għandu jiġi interpretat fis-sens li m'għandhiex ħlief dispożizzjonijiet dwar il-provvista ta’ informazzjoni qabel eżami mill-ġdid.

     Fuq l-ewwel domanda

    59     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju fis-sustanza tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 91/414 jipproduċix effett dirett wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta' l-imsemmija Direttiva fid-dritt intern.

    60     Fid-dawl tat-tweġibiet mogħtija għad-domandi l-oħra, m'hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    61     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti ta’ rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidi għandu l-istess sinjifikat bħall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

    2)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 ma jikkostitwixxix obbligu ta’ "standstill". Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249, kif ukoll id-Direttiva 91/414, jimponu li, matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jastjenu milli jieħdu miżuri ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tar-riżultat stipulat mill-imsemmija Direttiva. B’mod aktar partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jemendaw, matul l-imsemmi perijodu tranżitorju, il-leġiżlazzjoni applikabbli b’mod li jsir possibbli għalihom li jawtorizzaw prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jieħdu debitament in kunsiderazzjoni l-effetti li l-imsemmi prodott jista’ jkollu fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll fuq l-ambjent. Bl-istess mod, deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni ma tistax tittieħed ħlief fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni li tinkludi l-elementi neċessarji sabiex l-imsemmija effetti jkunu jistgħu jiġu effettivament evalwati.

    3)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq, fuq it-territorju tiegħu, ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, u li kienu diġà fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika ta’ l-imsemmija Direttiva, huwa m’għandux l-obbligu li josserva d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 jew 8(3) ta’ din l-istess Direttiva.

    4)      Hija kompetenza tal-qorti ta’ rinviju li teżamina jekk l-evalwazzjoni implementata fl-okkażjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16aa tal-liġi dwar il-pestiċidi (Bestrijdingsmiddelenwet) ta’ l-1962, kif emendata mil-liġi tas-6 ta’ Frar 2003, tikkorrispondix għall-karatteristiċi kollha ta’ eżami mill-ġdid skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/414 u, b’mod partikolari, għal dawk li huma ppreċiżati fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza.

    5)      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/414 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonċerna biss dispożizzjonijiet relatati mal-provvista ta’ informazzjoni qabel eżami mill-ġdid.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top