This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CJ0108
Judgment of the Court (First Chamber) of 7 September 2006.#Bovemij Verzekeringen NV v Benelux-Merkenbureau.#Reference for a preliminary ruling: Gerechtshof te 's-Gravenhage - Netherlands.#Trade Marks - Directive 89/104/EEC - Article 3(3) - Distinctive character - Acquisition through use - Taking into account all or a substantial part of the Benelux territory - Taking into account the linguistic regions of Benelux - Word mark EUROPOLIS.#Case C-108/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-7 ta' Settembru 2006.
Bovemij Verzekeringen NV vs Benelux-Merkenbureau.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te 's-Gravenhage - l-Olanda.
Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 3(3) - Karattru distintiv - Kisba bl-użu - Teħid in kunsiderazzjoni tat-territroju Benelux kollu jew ta' parti sostanzjali minnu - Teħid in kunsiderazzjoni taż-żoni lingwistiċi tal-Benelux - Trade mark verbali EUROPOLIS.
Kawża C-108/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-7 ta' Settembru 2006.
Bovemij Verzekeringen NV vs Benelux-Merkenbureau.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te 's-Gravenhage - l-Olanda.
Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 3(3) - Karattru distintiv - Kisba bl-użu - Teħid in kunsiderazzjoni tat-territroju Benelux kollu jew ta' parti sostanzjali minnu - Teħid in kunsiderazzjoni taż-żoni lingwistiċi tal-Benelux - Trade mark verbali EUROPOLIS.
Kawża C-108/05.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:530
*A9* Gerechtshof te 's-Gravenhage, kamer MC-5, uitspraak van 27/01/2005 (R98/474)
- Beneder, J.M.: S.E.W. ; Sociaal-economische wetgeving 2005 p.292
*I1* Benelux Gerechtshof, arrest van 29/06/2006
- Revue de droit intellectuel : l'ingénieur-conseil 2006 p.424-433 (*) (Texte français)
*I2* Benelux Gerechtshof, uitspraak van 28/06/2007
- Nederlandse jurisprudentie ; Uitspraken in burgerlijke en strafzaken 2008 nº 604
- Revue de droit intellectuel : l'ingénieur-conseil 2007 p.551-555 (Texte français)
- Spoor, J.H.: Nederlandse jurisprudentie ; Uitspraken in burgerlijke en strafzaken 2008 nº 604
*P1* Gerechtshof 's-Gravenhage, 5e civiele kamer, uitspraak van 26/05/2009 (R98/474 ; 105.007.848/01)
- Intellectuele eigendom & Reclamerecht 2009 p.335-336
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta' Settembru 2006 (*)
"Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 3(3) – Karattru distintiv – Kisba bl-użu – Teħid in kunsiderazzjoni tat-territroju Benelux kollu jew ta' parti sostanzjali minnu – Teħid in kunsiderazzjoni taż-żoni lingwistiċi tal-Benelux – Trade mark verbali EUROPOLIS"
Fil-kawża C-108/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te ‘s‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Marzu 2005, fil-kawża
Bovemij Verzekeringen NV
vs
Benelux-Merkenbureau,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Frar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Bovemij Verzekeringen NV, minn E. M. Matser, advocaat,
– għall-Benelux-Merkenbureau, minn C. van Nispen u E. D. Huisman, advocaaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Malynicz, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar 'il quddiem id-"direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Bovemij Verzekeringen NV (iktar 'il quddiem "Bovemij") u l-Benelux-Merkenbureau (l-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux, iktar 'il quddiem il-"UTB") dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jirreġistra s-sinjal EUROPOLIS bħala trade mark.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1 tad-direttiva jipprovdi li:
"Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe trade mark fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni jew ta’ l-applikazzjoni fi Stat Membru għar-reġistrazzjoni bħala trade mark individwali, marka kollettiva jew garanzija jew marka ta’ ċertifikazzjoni, jew li hi s-suġġett tar-reġistrazzjoni jew applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fl-Uffiċċju tat-Trade Marks ta[l-]Benelux jew tar-reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru."
4 L-Artikolu 3(1) tad-direttiva jipprovdi li:
"Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:
a) […]
b) trade marks li ma għandhom[x] [karattru] distintiv;
c) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddesinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni [tal]-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra [tal]-merkanzija jew tas-servizz;
d) trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa korrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ;
[…]"
5 Skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva:
"Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata [milli tiġi] reġistra[ta] jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat […] karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-disposizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatt[ru] distintiv kien akkwistat wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Fit-28 ta' Mejju 1997, Bovemij ippreżentat quddiem il-UTB is-sinjal EUROPOLIS bħala trade mark verbali għall-klassijiet segwenti ta' servizzi skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat:
klassi 36: Assigurazzjonijiet; affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji; senserija u tranżazzjonijiet relatati mal-proprjetà immobbli;
klassi 39: Trasport; l-ippakkjar u l-ħżin ta’ oggetti; arranġament għat-trasport.
7 Permezz ta' ittra tal-31 ta' Ottubru 1997, il-UTB innotifika lil Bovemij ir-rifjut proviżorju tiegħu li jirreġistra s-sinjal ippreżentat. Huwa taha r-raġunijiet segwenti:
"Is-sinjal EUROPOLIS huwa kompost mill-prefiss kurrenti EURO (għal Ewropa) u mit-terminu ġeneriku POLIS, u jiddeskrivi esklussivament is-servizzi msemmija fil-klassijiet 36 u 39 li jirrigwardaw polza li tkopri l-Ewropa. Is-sinjal huwa għaldaqstant nieqes minn kull karattru distintiv […]"
8 Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' April 1998, Bovemij ressqet oġġezzjoni kontra dan ir-rifjut proviżorju li jiġi rreġistrat is-sinjal, billi ssostni li s-sinjal ikkonċernat kien użat regolarment bħala trade mark fl-ambjent ekonomiku mill-1988 minn Europolis BV, kumpannija sussidjarja ta' Bovemij. B'sostenn għal din l-allegazzjoni, Bovemij ippreżentat tliet opuskoli ta' Europolis BV li jikkonċernaw assigurazzjonijiet tar-rota u offriet li tippreżenta, jekk ikun neċessarju, provi oħra.
9 Permezz ta' ittra tal-5 ta' Mejju 1998, il-UTB indika li ma jarax, fl-oġġezzjoni ta' Bovemij, raġuni għalfejn għandu jerġa jmur lura fuq id-deċiżjoni tiegħu ta' rifjut provviżorju, billi ppreċiża li s-sinjal ma kienx ġie rikonoxxut bl-użu peress illi t-tul ta' l-użu allegat għal dan il-għan kien insuffiċjenti u l-provi ppreżentati kienu juru biss l-użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali.
10 Permezz ta' ittra tat-28 ta' Mejju 1998, il-UTB innotifika lil Bovemij bid-deċiżjoni tiegħu dwar "rifjut definittiv" li jirreġistra s-sinjal ippreżentat.
11 Bovemij ressqet quddiem il-Gerechtshof te ‘s‑Gravenhage (Qorti ta' l-Appel ta' La Haye) rikors intiż sabiex il-UTB jiġi ordnat jirreġistra s-sinjal ippreżentat fir-reġistru tat-trade marks. B'sostenn għal dan ir-rikors, Bovemij invokat, prinċipalment, li s-sinjal EUROPOLIS għandu karattru distintiv fih innifsu u, sussidjarjament, li s-sinjal ġie rikonoxxut bl-użu qabel id-data tal-preżentata. Il-UTB ikkontesta dawn l-argumenti.
12 Għal dak li jikkonċerna l-argument prinċipali invokat minn Bovemij, il-Gerechtshof ikkonstatat li s-sinjal ippreżentat jikkonsisti mill-għaqda tal-kelma "polis" u l-prefiss "EURO". Il-kelma Olandiża "polis" tfisser normalment kuntratt ta' assigurazzjoni. Huwa terminu ġeneriku li jkopri diversi tipi ta' assigurazzjonijiet. "EURO" huwa l-isem (diġà magħruf fiż-żmien tal-preżentata) ta' l-unità monetarja li tintuża attwalment fil-pajjiżi tal-Benelux u jikkostitwixxi wkoll taqsira kurrenti tat-termini "Ewropa" jew "Europew". Skond il-Gerechtshof, din hija kelma li l-użu tagħha tant huwa frekwenti li huwa nieqes minn kull karattru distintiv awtonomu. Fl-opinjoni ta' din il-qorti, "EURO" tista', barra minn hekk, tirreferi, fil-lingwaġġ kurrenti, għal karatteristika essenzjali ta' servizzi, jiġifieri l-kwalità, l-oriġini jew l-iskop Ewropew ta' dawn is-servizzi. Għaldaqstant, il-prefiss "EURO" jagħti lis-sinjal fil-kawża prinċipali t-tifsira ta' assigurazzjoni li għandha dimensjoni Ewropea.
13 Għaldaqstant, il-Gerechtshof sostniet li s-sinjal EUROPOLIS jikkonsisti esklussivament minn sinjali u indikazzjonijiet li jistgħu jservu fil-kummerċ sabiex jindikaw karatteristiċi tal-prodott, u li dan is-sinjal huwa nieqes fih innifsu minn kull karattru distintiv.
14 Għal dak li jikkonċerna l-argument invokat sussidjarjament, skond liema s-sinjal EUROPOLIS kiseb karattru distintiv bl-użu, Bovemij sostniet li, sabiex sinjal jiġi rikonoxxut bl-użu, huwa biżżejjed – sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra huma sodisfatti – li dan is-sinjal jiġi pperċepit bħala trade mark f'parti kunsiderevoli tat-territorju Benelux, li tista' tkun il-Pajjiżi l-Baxxi waħedha.
15 Il-UTB sostna f'dan ir-rigward li r-rikonoxximent bl-użu jirrikjedi li, abbażi ta' l-użu tiegħu, is-sinjal jiġi pperċepit bħala trade mark fit-territorju Benelux kollu, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta' l-Olanda u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
16 Il-Gerechtshof ikkonstatat li l-partijiet kienu f'nuqqas ta' qbil dwar it-territorju li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit ir-rikonoxximent bl-użu.
17 Hija ppreċiżat li, għall-pajjiżi tal-Benelux, tali kwistjoni għandha tiġi eżaminata b'riferiment għad-data tal-preżentata, b'tali mod li jista' jittieħed in kunsiderazzjoni biss l-użu magħmul tas-sinjal EUROPOLIS sat-28 ta' Mejju 1997.
18 F'dan il-kuntest, il-Gerechtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) L-Artikolu 3(3) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kisba ta' karattru distintiv (f'din il-kawża minn trade mark tal-Benelux) bl-użu, imsemmi f'dan il-paragrafu, tirrikjedi li s-sinjal jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti qabel id-data tal-preżentata bħala trade mark fit-territorju Benelux kollu, u għalhekk fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi?
F'każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:
2) Il-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 3(3) tad-direttiva għar-reġistrazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu hija sodisfatta jekk, abbażi ta' l-użu tiegħu, is-sinjal huwa pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala trade mark f'parti konsiderevoli tat-territorju Benelux u din il-parti konsiderevoli tista' tillimita ruħha għal, per eżempju, il-Pajjiżi l-Baxxi?
3) a) Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv li nħoloq bl-użu, kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) tad-direttiva, ta' sinjal – li jikkonsisti f'kelma waħda jew iktar ta' lingwa uffiċjali tat-territorju ta' Stat Membru (jew, fil-kawża preżenti, tat-territorju Benelux) – għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ż-żoni lingwistiċi li jeżistu f'dan it-territorju?
b) Sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark, f'każ li l-kundizzjonijiet l-oħra għal reġistrazzjoni huma sodisfatti, huwa biżżejjed li jkun meħtieġ li s-sinjal jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala trade mark f'parti konsiderevoli taż-żona lingwistika ta' l-Istat Membru (jew, fil-kawża preżenti, tat-territorju Benelux) li fiha dik il-lingwa hija mitkellma uffiċjalment?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
19 Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, liema territorju għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk sinjal kisibx karattru distintiv bl-użu, fis-sens ta' l-Artikolu 3(3) tad-direttiva, ġewwa Stat Membru jew ġewwa grupp ta' Stati Membri li għandhom leġiżlazzjoni komuni dwar it-trade marks, bħall-Benelux.
20 Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jirrigwarda t-trade marks irreġistrati mal-UTB, it-territorju Benelux għandu jiġi mqabbel ma' territorju ta' Stat Membru, billi l-Artikolu 1 tad-direttiva jqabbel dawn it-trade marks ma' dawk irreġistrati fi Stat Membru (sentenza ta' l-14 ta' Settembru 1999, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punt 29).
21 L-Artikolu 3(3) tad-direttiva ma jipprovdix dritt awtonomu għar-reġistrazzjoni ta' trade mark. Huwa jinkludi eċċezzjoni għar-raġunijiet għal rifjut imniżżla fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) ta' din id-direttiva. Għaldaqstant, l-iskop tiegħu għandu jiġi interpretat fid-dawl ta' dawn ir-raġunijiet għal rifjut.
22 Sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija raġunijiet għal rifjut għandhomx jiġu mwarba minħabba l-kisba ta' karattru distintiv bl-użu, skond l-Artikolu 3(3) tad-direttiva, hija rilevanti biss is-sitwazzjoni eżistenti fil-parti tat-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat (jew, fil-kawża preżenti, fil-parti tat-territorju Benelux) fejn ir-raġunijiet għal rifjut ġew ikkonstatati [ara, f'dan is-sens, fir-rigward ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 (KE), ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), dispożizzjoni li hija identika, fis-sustanza, għall-Artikolu 3(3) tad-direttiva, is-sentenza tat-22 ta' Ġunju 2006, Storck vs L-UASI, C-25/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 83].
23 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta' trade mark tista' ssir abbażi ta' din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi muri li din it-trade mark kisbet karattru distintiv bl-użu fil-parti kollha tat-territorju ta' l-Istat Membru jew, fil-każ tal-Benelux, fil-parti kollha tat-territorju tal-Benelux fejn teżisti raġuni għal rifjut.
Fuq it-tielet domanda
24 Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, sa liema miżura għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ż-żoni lingwistiċi li jeżistu fi Stat Membru jew, skond il-każ, fil-Benelux sabiex tiġi evalwata l-kisba ta' karattru distintiv bl-użu fil-każ ta' trade mark li tikkonsisti f'kelma waħda jew iktar ta' lingwa uffiċjali ta' Stat Membru jew tal-Benelux.
25 Fil-kawża prinċipali, il-UTB u l-qorti tar-rinviju qisu li s-sinjal in kwistjoni huwa deskrittiv u nieqes minn karattru distintiv, li huma t-tnejn raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-direttiva. Huma wasslu għal din il-konklużjoni, b'mod partikolari, minħabba l-fatt li l-kelma Olandiża "polis" tindika normalment kuntratt ta' assigurazzjoni. Ir-raġunijiet għal rifjut ikkonstatati fil-kawża prinċipali jeżistu għalhekk biss fil-parti tal-Benelux fejn huwa mitkellem l-Olandiż.
26 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk tali trade mark kisbitx karattru distintiv bl-użu li jiġġustifika l-fatt li jiġu mwarba r-raġunijiet għal rifjut skond l-Artikolu 3(3) tad-direttiva, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-parti tal-Benelux fejn huwa mitkellem l-Olandiż.
27 Fiż-żona lingwistika hekk definita, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa jekk il-pubbliku kkonċernat, jew għall-inqas parti sinjifikanti minnu, jidentifikax permezz tat-trade mark il-prodott jew is-servizz in kwistjoni bħala li joriġina minn impriża speċifika (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 52, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 61).
28 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li, għal dak li jirrigwarda trade mark li tikkonsisti f'kelma waħda jew iktar ta' lingwa uffiċjali ta' Stat Membru jew tal-Benelux, jekk ir-raġuni għal rifjut teżisti biss f'waħda miż-żoni lingwistiċi ta' l-Istat Membru jew, fil-każ tal-Benelux, f'waħda miż-żoni lingwistiċi ta' dan, għandu jiġi stabbilit li t-trade mark kisbet bl-użu karattru distintiv f'din iż-żona lingwistika kollha. Fiż-żona lingwistika hekk definita, għandu jiġi evalwat jekk il-pubbliku kkonċernat, jew għall-inqas parti sinjifikanti minnu, jidentifikax permezz tat-trade mark il-prodott jew is-servizz in kwistjoni bħala li joriġina minn impriża speċifika.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 3(3) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta' trade mark tista' ssir abbażi ta' din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi muri li din it-trade mark kisbet karattru distintiv fil-parti kollha tat-territorju ta' l-Istat Membru jew, fil-każ tal-Benelux, fil-parti kollha tat-territorju tal-Benelux fejn teżisti raġuni għal rifjut.
2) Għal dak li jirrigwarda trade mark li tikkonsisti f'kelma waħda jew iktar ta' lingwa uffiċjali ta' Stat Membru jew tal-Benelux, jekk ir-raġuni għal rifjut teżisti biss f'waħda miż-żoni lingwistiċi ta' l-Istat Membru jew, fil-każ tal-Benelux, f'waħda miż-żoni lingwistiċi ta' dan, għandu jiġi stabbilit li t-trade mark kisbet bl-użu karattru distintiv f'din iż-żona lingwistika kollha. Fiż-żona lingwistika hekk definita, għandu jiġi evalwat jekk il-pubbliku kkonċernat, jew għall-inqas parti sinjifikanti minnu, jidentifikax permezz tat-trade mark il-prodott jew is-servizz in kwistjoni bħala li joriġina minn impriża speċifika.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.