Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0061

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-13 ta' Lulju 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu -Direttiva 92/100/KEE- Dritt ta' l-awtur - Dritt esklużiv ta' awtorizzazzjoni jew projbizzjoni ta' kiri u self - Traspożizzjoni żbaljata.
Kawża C-61/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:467

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta' Lulju 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu –Direttiva 92/100/KEE– Dritt ta' l-awtur – Dritt esklużiv ta' awtorizzazzjoni jew projbizzjoni ta' kiri u self – Traspożizzjoni żbaljata"

Fil-kawża C-61/05

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-10 ta' Frar 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn P. Guerra e Andrade u W. Wils, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrapreżentata minn L. Fernandes u N. Gonçalves, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, (Relatur), S. von Bahr, A. Borg Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-4 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–       billi daħlet fid-dritt nazzjonali dritt ta' kiri favur il-produtturi ta' videogrammi, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta' Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61), kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10, aktar 'il quddiem id-"Direttiva")

–       billi ħolqot fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ambigwità bejn dak li għandu x'jaqsam ma' l-identità tal-persuna li tħallas il-kumpens dovut lill-artisti għaċ-ċessjoni tad-dritt tagħhom ta' kiri, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2(5) u (7) tiegħu.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-ewwel premessa tad-Direttiva tgħid:

"billi jeżistu differenzi fil-protezzjoni legali provduta bil-liġijiet u prattiċi ta’ l-Istati Membri għal xogħlijiet ta’ drittijiet ta’ l-awtur u s-suġġett ta’ protezzjoni ta’ drittijiet relatati rigward kiri u self; billi dawn id-differenzi huma sors ta’ xkiel għall-kummerċ u tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li jfixklu l-kisba u l-funzjonament proprju tas-suq".

3       Is-seba' premessa tad-Direttiva tiddisponi:

"billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati".

4       L-Artikolu 2(1), (5) u (7) tad-Direttiva jgħid:

"1. Id-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprevjeni kiri u self għandu jkun:

–       ta’ l-awtur dwar l-oriġinal jew il-kopji tax-xogħol tiegħu,

–       ta’ l-artist dwar l-iffissar tal-wirja tiegħu,

–       tal-produttur tal-fonogramm dwar il-fonogrammi tiegħu, u

–       tal-produttur ta’ l-ewwel iffissar ta’ film dwar l-oriġinal u l-kopji tal-film tiegħu. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu "film" għandu jindika xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew xbiehat li jiċċaqilqu, sew jekk akkumpanjati bil-ħoss sew jekk le.

[…]

5.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, meta kuntratt relatat mal-produzzjoni ta’ film ikun konkluż, individwalment jew kollettivament, minn artisti ma’ produttur tal-films, l-artist regolat b’dan il-kuntratt għandu jkun stmat minn qabel, bla ħsara għall-klawsoli kuntrattwali kuntrarji, li jkun ittrasferixxa d-dritt tal-kiri tiegħu, suġġett għall-Artikolu 4.

[…]

7.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-iffirmar ta’ kuntratt konkluż bejn artist u produttur tal-films dwar il-produzzjoni ta’ film ikollu l-effett ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kiri, kemm-il darba dan il-kuntratt jipprovdi għal rimunerazzjoni ekwa skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4. […]"

5       Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva:

"1. Fejn awtur jew artist ikun ittrasferixxa jew assenja d-dritt tal-kiri tiegħu dwar fonogramm jew oriġinal jew kopja ta’ film ta’ fonogramm jew produttur ta’ film, dak l-awtur jew artist għandu jżomm id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja.

2. Id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja ma jistax jittieħed minn awturi jew artisti.

3. L-amministrazzjoni ta’ dan id-dritt li jikseb ħlas ekwu jista’ jkun fdat lil soċjetajiet kolletturi li jirrappreżentaw awturi jew artisti.

4. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk jew sa fejn tista’ tkun imposta l-amministrazzjoni minn soċjetajiet kolletturi tad-dritt li jiksbu ħlas ekwu, kif ukoll il-kwistjoni mingħand min dan il-ħlas jista’ jintalab jew jinġabar."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Portugiż bid-digriet leġiżlattiv Nru 332/97, tas-27 ta' Novembru 1997 (Diário da República I, serje A, nru 275 tas-27 ta' Novembru 1997, p. 6393, aktar 'il quddiem, id-"digriet leġiżlattiv") li istitwixxa l-obbligu ta' ħlas ta' kumpens għall-artisti li ttasferew id-dritt tagħhom ta' kiri.

7       L-Artikolu 5 tad-digriet leġiżlattiv jiddisponi:

"1.      Meta awtur jittrasferixxi jew iċedi d-dritt ta' lokazzjoni ta' fonogramm, videogramm, jew l-oriġinal jew il-kopja ta' film lil produttur ta' fonogrammi jew tal-films, huwa jżomm id-dritt inaljenabbli għal kumpens ġust għall-kiri.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-produttur huwa responsabbblit tal-ħlas ta' kumpens li, fin-nuqqas ta' ftehim, jiġi stabbilit permezz ta' arbitrat skond il-liġi".

8       L-Artikolu 7 ta' dan id-digriet leġiżlattiv jiddisponi:

"1.      Id-dritt ta' tqassim, inkluż id-dritt tal-kiri u ta' self mingħajr ħlas, huwa wkoll irrikonoxxut:

a)      lill-artist interpretu jew eżekutur f'dak li għandu x'jaqsam mar-reġistrazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu;

b)      lill-produttur tal-fonogrammi jew videogrammi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawn il-fonogrammi jew dawn il-videogrammi;

c)      lill-produttur ta' l-ewwel reġistrazzjoni ta' film f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-oriġinal u l-kopji ta' dan il-film.

2.      Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma jispiċċawx bil-bejgħ jew b'xi att ieħor ta' tqassim ta' l-oġġetti msemmija.

3.      Barra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, id-dritt ta' awtorizzazzjoni ta' riproduzzjoni ta' l-oriġinal u tal-kopji ta' dan il-film huwa wkoll irrikonoxxut lill-produttur ta' l-ewwel reġistrazzjoni ta' film.

4.      Għall-finijiet ta' dan l-att, "film" ifisser ix-xogħol ċinematografiku, ix-xogħol awdjoviżiv, u kull sekwenza ta' immaġini animati, li għandhom jew m'għandhomx ħsejjes."

9       Skond l-Artikolu 8 ta' l-imsemmi digriet leġiżlattiv:

"Il-konklużjoni ta' kuntratt ta' produzzjoni ta' film bejn artisti interpreti jew eżekuturi u l-produttur jġib il-preżunzjoni, salv għal dispożizzjoni kuntrarja, taċ-ċessjoni favur il-produttur tad-dritt ta' kiri ta' l-artista, bla ħsara għad-dritt inaljenabbli għal kumpens ġust għall-kiri, skond l-Artikolu 5(2)."

 Il-proċedura prekontenzjuża

10     B'ittra tal-31 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet Portugiżi fuq dubju dwar it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva, fis-sens li d-digriet leġiżlattiv jagħti d-dritt esklużiv ta' kiri lill-produttur ta' videogrammi u ma jippreċiżax min hu responsabbbli għall-ħlas tal-kiri. Il-Kummissjoni għalhekk bagħtet talba għal informazzjoni.

11     Peress li ma rċeviet l-ebda risposta fit-terminu mogħti, u peress li qieset li l-leġiżlazzjoni Portugiża tmur kontra l-Artikoli 2(1) u (4) tad-Direttiva, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' intimazzjoni tad-19 ta' Diċembru 2003, bdiet proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE.

12     B'ittra tat-8 ta' Jannar 2004, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat osservazzjonijiet. Għalkemm dawn jirrigwardaw it-talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-31 ta' Marzu 2003, din ta' l-aħħar ippreżumiet li dawn l-osservazzjonijiet kienu qed jirrispondu wkoll għall-ittra ta' intimazzjoni.

13     Peress li qieset li r-risposti tar-Repubbblika Portugiża ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni, fid-9 ta' Lulju 2004, bagħtet opinjoni motivata li fiha talbet lill-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun konformi f'terminu ta' xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tagħha.

14     Peress li ma rċeviet l-ebda informazzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva

 L-argumenti tal-partijiet

15     Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva ma jippermettux, kuntrarjament għal dak li jipprevedi d-digriet leġiżlattiv, li jiġi estiż, lill-produttur ta' videogrammi d-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi l-kiri li minnu jibbenefika l-produttur ta' l-ewwel iffissar ta' film.

16     Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, il-lista li hemm f'din id-dispożizzjoni għandha tkun eżawrjenti u għalhekk għandu jkun il-produttur biss ta' l-ewwel iffissar, u mhux il-produttur tal-videogrammi, li jawtorizza jew jipprojbixxi l-kiri ta' l-oriġinal jew il-kopji ta' film. Din il-lista m'għandha bl-ebda mod natura minima u addizzjonali. L-ewwel iffissar biss ta' film ikun jiġġustifika ħarsien speċifiku mid-dritt Komunitarju. Li tħares kopji ta' film permezz ta' dritt relatat għad-dritt ta' l-awtur ikun iġġustifikat minħabba n-nuqqas ta' rabta "ta' dak li hu aċċessorju" max-xogħol letterarju jew artistiku.

17     Isegwi li d-digriet leġiżlattiv għandu bħala konsegwenza, kuntrarjament għal dak li tipprevedi d-Direttiva, li ċċaħħad lill-produttur ta' l-ewwel iffissar ta' film mill-eżerċizzju tad-dritt esklużiv tiegħu billi ma tippermettilux iżjed jawtorizza jew jipprojbixxi l-kiri tal-kopji tal-film tiegħu.

18     Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Portugiża tosserva li, fid-data ta' l-adozzjoni tad-digriet leġiżlattiv, il-kodiċi tad-dritt ta' l-awtur u ta' drittijiet relatati (Código de Direito de Autor e dos Direitos Conexos) jagħti status identiku lill-produtturi ta' fonogrammi u ta' videogrammi. Sabiex tiġi imħarsa din l-ugwaljanza u jiġi evitat li jinħoloq żbilanċ fl-istatus attwali taż-żewġ tipi ta' produttur, il-leġiżlatur kien ukoll żied mal-lista ta' proprjetarji ta' drittijiet esklużivi l-produttur tal-videogrammi. Huwa fil-kuntest ta' l-għan li jiġi adattat għall-karatteristiċi tas-sistema tagħha nazzjonali li d-digriet leġiżlattiv in kwistjoni jqiegħed il-produttur ta' videogrammi fuq l-istess livell tal-produttur ta' fonogrammi u, b'dan, jagħti lill-produttur ta' videogrammi livell ta' ħarsien aktar għoli minn dak mogħti mid-dritt Komunitarju.

19     Ir-Repubblika Portugiża tqis, barra minn hekk, li d-Direttiva stess twassal għal ambigwità. Fil-fatt, meta tuża, fl-Artikolu 2(1), it-terminu ftit preċiż ta' "film", id-Direttiva donnha tgħaqqad, fl-istess definizzjoni x-xogħol ċinematografiku u x-xogħol li qiegħed fuq videogramm. B'hekk ikun wkoll permess li jiġi kkunsidrat li l-produttur ta' l-ewwel iffissar jista' wkoll ikun il-produttur tal-kopji ta' film.

20     Fl-aħħar nett, l-imsemmi Stat Membru jsostni li d-digriet leġiżlattiv ma jmurx kontra d-Direttiva ħlief meta jiġri li l-għanijiet jkunu f'kontradizzjoni mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk id-digriet leġiżlattiv jaffettwa t-tħaddim tas-suq intern jew ukoll jekk jikser id-drittijiet ta' terz. Issa, l-applikazzjoni ta' dan id-digriet leġiżlattiv ma jqajjem l-ebda problema konkreta kemm f'livell ta' suq intern kif ukoll ta' suq nazzjonali, peress li l-ebda dritt previst mid-Direttiva m'hu qed jiġi miċħud, u peress li l-ebda lment ma kien ġie indikat.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment iqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dritt esklużiv ta' kiri huwiex attribwit ukoll lill-produttur ta' videogrammi.

22     Issa, li jingħata dritt esklużiv ukoll lill-produtturi ta' videogrammi ma jżidx sempliċiment kategorija addizzjonali tal-proprjetarji ta' drittijiet fil-lista li hemm fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, iżda bil-maqlub terġa' tqajjem dubju dwar id-drittijiet eslużivi li hemm f'din id-dispożizzjoni.

23     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jagħti dritt esklużiv li jiġi awtorizzat jew ipprojbit il-kiri u s-self lill-produttur ta' l-ewwel iffisar f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-oriġinal u l-kopji tal-film tiegħu. Jirriżulta li, jekk il-produttur ta' videogrammi jingħatalu wkoll id-dritt ta' produttur ta' l-ewwel iffissar, ovvjament ma jkunx aktar esklużiv.

24     Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bil-finalità tad-Direttiva, li għandha l-għan li tistitwixxi ħarsien ġuridiku armonizzat fil-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt ta' kiri u ta' self ta' ċerti drittijiet relatati mad-dritt ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ara s-sentenza tat-28 ta' April 1998, Metronome Musik, C‑200/96, Ġabra p. I-1953, punt 22).

25     Kif jirriżulta b'mod aktar partikolari mill-ewwel premessa, id-Direttiva hija intiża fil-fatt li tneħħi d-differenzi li hemm bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien ġuridiku tax-xogħlijiet koperti mid-dritt ta' l-awtur fis-suġġett tal-kiri u tas-self, bil-għan li jitnaqqas ix-xkiel għall-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Issa, jekk l-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu liberament id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-kiri ta' videogrammi lil kategoriji differenti ta' persuni, dan l-għan manifestament ma jintlaħaqx.

26     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-kummerċjalizzazzjoni tal-videokażetti jsir bil-bejgħ, iżda wkoll permezz ta' kiri. Id-dritt ta' projbizzjoni tal-kiri fi Stat Membru huwa ta' natura li jinfluwenza l-kummerċ ta' dawn il-videokażetti f'dan l-Istat u, għaldaqstant, jaffettwa indirettament l-iskambji intrakomunitarji ta' dawn il-prodotti (ara s-sentenza tas-17 ta' Mejju 1988, Warner Brothers et, 158/86, Ġabra p. 2605, punt 10).

27     Għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li, skond is-seba' premessa tad-Direttiva, il-ħarsien tad-drittijiet esklużivi ta' kiri tal-produtturi ta' fonogrammi u ta' films huwa ġġustifikat minħabba l-bżonn li tiġi ppreżervata l-assigurazzjoni ta' l-investimenti estremament kbar u riskjużi neċessarji għall-produzzjoni tagħhom u li huma indispensabbli għall-attività ta' ħolqien ta' xogħlijiet ġodda mill-awturi (ara, b'mod partikolari, f'dak li għandu x'jaqsam preċiżament il-produtturi ta' fonogrammi, is-sentenza Metronome Musik, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24).

28     Issa, ma jidhirx li l-produzzjoni ta' videogrammi jeħtieġ investimenti kemm kbar u kemm riskjużi li jistħoqqilhom ħarsien partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet il-faċilità estrema li biha r-reġistrazzjonijiet bil-ħoss jistgħu jkunu kkupjati (ara s-sentenza Metronome Musik, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24). Għalkemm din l-istqarrija saret fil-kuntest ta' reġistrazzjonijiet tal-ħoss, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda wkoll ikkontribwixxa sabiex iffaċilita l-ikkupjar ta' l-immaġni.

29     Isegwi li d-digriet leġiżlattiv, safejn jipprovdi dritt ta' kiri bl-istess mod favur il-produtturi tal-videogrammi, mhuwiex konformi mad-Direttiva.

30     Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma' hija mwaqqa' bl-argument tar-Repubblika Portugiża li jgħid li, fl-għan li "tadatta għall-karatteristiċi tas-sistema nazzjonali", id-dritt Portugiż jagħti pożizzjoni identika lill-produtturi ta' videogrammu u ta' fonogrammi.

31     Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi, jew sitwazzjonijiet tas-sistema ġuridika interna biex jiġġustifika n-nuqqas ta' osservanza ta' obbligi u termini imposti b'Direttiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-114/02, Ġabra p. I-3783, punt 11, u tas-16 ta' Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-358/03, Ġabra, p. I-12055, punt 13).

32     Fl-aħħar nett, peress li r-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandu natura oġġettiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑73/92, Ġabra p. I-5997, punt 19), in-nuqqas ta' ħarsien ta' obbligu impost b'regola tad-dritt Komunitarju hu stess jikkostitwixxi nuqqas, u l-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ta' ħarsien ma jġibx konsegwenzi negattivi huwa nieqes minn rilevanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑392/96, Ġabra p. I-5901, punti 60 u 61, kif ukoll tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 62). L-argument tar-Repubblika Portugiża li jgħid li n-nuqqas ikkontestat ma jqajjem ebda problema konkreta għalhekk għandu jiġi miċħud.

33     Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva mir-Repubblika Portugiża għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2(5) u (7) tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

34     Il-Kummissjoni tqis, rigward it-trasferiment tad-dritt ta' lokazzjoni ta' artista lil produttur ta' films, li d-digriet leġiżlattiv huwa ambigwu safejn jista' jirreferi ghal żewġ produtturi differenti, jiġifieri l-produttur tal-videogrammi u l-produttur ta' l-ewwel iffissar ta' film.

35     Issa, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) tad-digriet leġiżlattiv, il-produttur huwa responsabbli għall-kumpens tal-kiri. Minn dan tirriżulta diffikultà għall-artisti li jirċievu l-kumpens li għalih għandhom dritt meta jinjoraw dak li ż-żewġ produtturi għandhom jagħtu għal dak il-kumpens. Fuq dan il-punt, id-Direttiva hija ċara: il-produttur biss ta' l-ewwel iffissar ta' film jista' jkun ċessjonarju ta' dritt ta' kiri ta' artisti interpreti u għandu jħallas il-kumpens lil min għandu dritt. Traspożizzjoni bħal dik li saret bid-digriet leġiżlattiv tkun għalhekk iddestinata, fir-realtà, tgħin l-industrija ta' l-ikkuppjar.

36     Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta n-natura allegatament ambigwa tad-diġriet leġiżlattiv. Dan iqiegħed, sakemm ma jkun hemm ebda prova kuntrarja, l-obbligu ta' kumpens fuq il-produttur ta' l-ewwel iffissar ta' film. Barra minn hekk, l-ambigwità ma tirriżultax biss mid-digriet leġiżlattiv, iżda wkoll mid-definizzjoni tat-terminu "film" mogħtija mid-Direttiva.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     Skond ġurisprudenza kostanti, kull Stat Membru għandu jeżegwixxi d-Direttivi b'mod li jissodisfa kompletament l-eżiġenza ta' kjarezza u ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi imposti mil-leġiżlatur Komunitarja, fl-interess tal-persuni kkonċernati stabbiliti fl-Istat Membru. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet ta' Direttiva għandhom jiġu implementati b'forza restrittiva inkontestabbli, kif ukoll bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u l-kjarezza mitluba (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-207/96, Ġabra, p. I-6869, punt 26).

38     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-Artikolu 2(5) u (7) tad-Direttiva li d-drittijiet ta' l-artisti interpreti jew eżekuturi jistgħu jiġu preżunti ċeduti jew ċeduti b'effett tal-liġi lil produttur ta' films. Bħala korrispettiv ta' din iċ-ċessjoni, l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva tagħti kumpens ġust lill-artisti interpreti jew eżekuturi.

39     L-Artikolu 8 tad-digriet leġiżlattiv jipprevedi ċ-ċessjoni tad-dritt esklużiv ta' kiri ta' artista interpretu lill-"produttur ta' films", mingħajr definizzjoni minn qabel ta' dan it-terminu. Skond l-Artikolu 5 tad-digriet leġiżlattiv, il-produttur ta' films huwa responsabbli tal-ħlas tal-kumpens biċ-ċessjoni tad-dritt tal-kiri relattiv għal videogramm jew għall-oriġinal jew il-kopja ta' film. L-interpretazzjoni magħquda ta' dawn iż-żewġ artikoli jista' jwassal għall-konklużjoni li l-produttur ta' videogrammi jaqa' fil-kategorija ta' produtturi ta' films li huma dawk li jirċievu l-kumpens.

40     F'dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża għarrfet hi stess l-ambigwità tad-digriet leġiżlattiv tagħha.

41     Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 4 (1), fir-rigward taċ-ċessjoni tad-dritt ta' kiri, għandu x'jaqsam ma' produttur ta' films, huwa intiż biss għall-produttur ta' l-ewwel iffissar ta' film. Peress li l-videogrammi mhumiex invokati f'dan l-imsemmi Artikolu, il-produttur ta' videogrammi ma jgawdix ukoll l-istatus ta' produttur ta' films.

42     Jirriżulta għalhekk, minn din it-traspożizzjoni tad-Direttiva sitwazzjoni li tista' twaqqaf lill-artisti fil-Portugall li jirċievu l-kumpens li għalihom għandhom dritt, safejn ma jidhirx ċar li l-produttur huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jintlaqa' l-ilment ibbażat fuq traspożizzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2(5) u (7) tiegħu.

44     Jirriżulta minn dak li ngħad qabel li, billi daħlet fid-dritt nazzjonali dritt ta' kiri ukoll favur il-produtturi tal-videogrammi, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva u, billi ħolqot ambigwità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-identità tal-persuna li tirċievi l-kumpens dovut lill-artisti għaċ-ċessjoni tad-dritt tagħhom ta' kiri, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2(5) u (7) tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

45     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Billi daħlet fid-dritt nazzjonali dritt tal-kiri wkoll favur il-produtturi ta' videogrammi, ir-Repubblika Portugiża naqqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta' Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61), kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni.

–       Billi ħolqot ambigwità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-identità tal-persuna li tħallas il-kumpens dovut lill-artisti għaċ-ċessjoni tad-dritt tagħhom ta' kiri,

ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/100, kif emendat mid-Direttiva 2001/29/KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2(5) u (7) tiegħu.

2)      Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top