Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0014

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tat-13 ta' Lulju 2006.
Anagram International Inc. vs Inspecteur van de Belastingdienst - Douanedistrict Rotterdam.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te Amsterdam - l-Olanda.
Tariffa doganali komuni - Nomenklatura magħquda - Klassifika tat-tariffa - Bżieżaq li jintefħu bil-gass.
Kawża C-14/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:465

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla)

tat-13 ta' Lulju 2006(*)

"Tariffa doganali komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifika tat-tariffa – Bżieżaq li jintefħu bil-gass"

Fil-kawża C-14/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Diċembru 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Jannar 2005, fil-kawża

Anagram International Inc.

vs

Inspecteur van de Belastingdienst - Douanedistrict Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla),

komposta minn J. Malenovský, President ta' l-Awla, S. von Bahr u U. Lõhmus (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Anagram International Inc., minn K. Winters, advocaat u J. A. H. Hollebeek, adviseur,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn F. Tuytschaever, avocat,

wara li rat id-deċiżjoni, li ttieħdet wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda tat-Tariffa Doganali Komuni (iktar 'il quddiem in-"NM"), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU L 256, p.1), kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, ta' l-1 ta' Awwissu 2002 (ĠU L 290, p. 1), u min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, il-validità tal-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 442/2000, tal-25 ta' Frar 2000, dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 54, p. 33).

2       Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Anagram International Inc. (iktar 'il quddiem "Anagram"), kumpannija Amerikana, u l-Inspecteur van de Belastingdienst - Douanedistrict Rotterdam (l-Ispettur tad-distrett doganali ta' Rotterdam, iktar 'il quddiem l-"Ispettur") rigward il-klassifika tat-tariffa ta' bużżieqa li tintefaħ bl-elju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata dinjija għad-deskrizzjoni u kodifika ta' l-oġġetti (iktar 'il quddiem is-"SA"), imfassla mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. Il-konvenzjoni internazzjonali li waqqfet is-SA, konkluża fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983, u l-protokoll ta' emenda tagħha ta' l-24 ta' Ġunju 1986 ġew approvati f'isem il-Komunità permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta' April 1987 (ĠU L 198, p. 1). In-NM tadotta l-intestaturi u s-subintestaturi b'sitt ċifri tas-SA. Huma biss is-seba' u t-tmien ċifri tan-NM li jiffurmaw is-suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

4       Il-verżjoni applikabbli tan-NM fiż-żmien tal-fatti hija dik li tirriżulta mit-test tar-Regolament Nru 1832/2002. L-intestaturi rilevanti li jinsabu fil-Kapitolu 95, intitolat "Ġugarelli, logħob, oġġetti għal divertiment jew għall-isports; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom" tat-taqsima XX, intitolata "Oġġetti manifatturati varji", tan-NM jipprovdu:

"9503 Ġugarelli oħrajn, mudelli f'qies imċekken ('skala') u mudelli simili tar-rikreazzjoni, jaħdmu jew le; taħbil il-moħħ ta' kull tip:

[...]

9503 90 - oħrajn:

9503 90 10 […]

                  - - oħrajn:

                  - - - ta' plastiks:

9503 90 32 - - - - ma jaħdmux mekkanikament

[…]

9505               Oġġetti festivi, tal-karnival jew divertiment ieħor, inklużi logħob tal-bużullotti u ċajt ġdid:

[…]

9505 90 00 - oħrajn"

5       L-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 jipprovdi li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha l-kompitu li tapplika n-NM u, b'mod partikolari, in-noti ta' spjegazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM.

6       Ir-Regolament Nru 442/2000 ġie adottat mill-Kummissjoni skond l-imsemmi Artikolu 9. Fil-punt 3 ta' l-Anness tiegħu, il-prodotti kkonċernati f'din il-kawża ġew ikklassifikati kif ġej:

9503 90 32  Bżieżaq, magħmula minn fuljett aluminised, marbut mal-plastik. Il-fuljett tal-plastik jagħmel parti mill-biċċa ta' barra tal-bużżieqa. Il-bżieżaq għandhom għonq għal mili, f'liema valvolu fil-forma ta' strippa ta' materjal sintetiku hu mdaħħal. Din l-istrippa awtomatikament tagħlaq l-gas ġewwa l-bużżieqa u tiprevenih milli joħroġ ‘il barra. Il-bżieżaq għandhom jiġu mimlija bil-gas (arja jew helium).

7       Il-klassifikazzjoni ta' dawn il-prodotti hija stabbilita, skond il-motivazzjoni li takkumpanjaha, mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 2(v) tal-Kapitolu 39 u bil-kliem ta' l-intestatura 9503 u tas-subintestaturi 9503 90 u 9503 90 32 tan-NM. Minn din il-motivazzjoni jirriżulta wkoll li l-imsemmija prodotti jistgħu jiġu stampati b'motivi differenti li ma jinfluwenzawx il-klassifikazzjoni tagħhom bħala bżieżaq tal-logħob.

8       Bħala eżempju, in-noti ta' spjegazzjoni tas-SA dwar l-intestatura 9503 jippreċiżaw:

"Din l-intestatura tkopri l-logħob li huwa intiż essenzjalment għad-divertiment tal-persuni (tfal jew adulti) […]. Din l-intestatura tinkludi b'mod partikolari:

A)      Il-logħob kollu, li mhuwiex inkluż f'Nru 95.01 u 95.02. Dan il-logħob jista' jkun mingħajr moviment jew bil-mutur (mekkaniku, elettriku jew ta' tip ieħor).

Fost dawn, jistgħu jissemmew:

[…]

6)      Il-bżieżaq u t-tajr li mhumiex imsemmija f'Nru 88.01.

[…]

18)      Il-hula hoops, diabolos, żugragi (anke mużikali), ħbula (bil-manki), blalen u bżieżaq (barra dawk tan-Nru 95.04 jew 95,06)."[traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       In-noti ta' spjegazzjoni tas-SA rigward l-intestatura 9505 jipprovdu:

"Din l-intestatura tkopri:

A)      Oġġetti festivi, għall-karnival jew divertiment ieħor li, fid-dawl ta' l-użu tagħhom, huma ġeneralment magħmula minn materjal mhux solidu. Fost dawn jistgħu jissemmew:

1)      Oġġetti ta' tiżjin bħal girlandi, fanali, fanali Ċiniżi,

[…]

4)      Oġġetti ta' divertiment u oħrajn: blalen tal-karta jew tat-tajjar, confetti, streamers, umbrelel għax-xemx, umbrelel, mirlitons, blow-outs, eċċ."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Fil-5 ta' Frar 2003, Anagram talbet lill-Ispettur għal informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa għal prodott li hija ssuġġeriet li jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 9505 90 00 tan-NM. Il-prodott kien deskritt kif ġej:

"Bużżieqa festiva tal-plastik b'kisja ta' l-aluminju, taħt forom differenti u b'diversi motivi skond l-okkażjoni li għaliha tkun qed tintuża: anniversarju jew għeluq is-snin, twelid, San Valentinu, eċċ. Din il-bużżieqa tintefaħ darba biss bl-elju u għandha mezz ta' għeluq, li jevita t-telf tal-gass."

11     Fl-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa mogħtija fis-27 ta' Frar 2003, l-Ispettur, kuntrarjament għas-suġġeriment ta' Anagram, ikklassifika l-prodott taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM billi adotta, bħala deskrizzjoni tal-prodott, it-termini tal-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000.

12     Wara d-deċiżjoni ta' l-Ispettur li jiċħad l-oġġezzjoni magħmula minn Anagram kontra l-imsemmija informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, din ta' l-aħħar fetħet proċedimenti quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam.

13     Wara li eżaminat kampjun tal-prodott, din il-qorti esprimiet dubji dwar il-mertu tal-klassifikazzjoni tal-bużżieqa in kwistjoni bħala ġugarell, billi sostniet li hija m'għandhiex l-elementi meħtieġa li jikkaratterizzaw ġugarell użat għal skopijiet ta' divertiment jew ta' logħob, iżda li tikkorrispondi pjuttost għall-kunċett ta' "oġġetti festivi" fis-sens tat-titolu ta' l-intestatura 9505 tan-NM.

14     Rigward ir-Regolament Nru 442/2000, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-prodott in kwistjoni m'għandux l-istess karatteristiċi bħal dawk deskritti fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness ta' l-imsemmi Regolament. Madankollu, hija tqis li, fid-dawl tas-sentenza ta' l-4 ta' Marzu 2004, Krings (C-130/02, Ġabra p. I-2121, punt 35), għandu jiġi applikat, b'analoġija, ir-Regolament Nru 442/2000 għall-prodott in kwistjoni, bħalma jissuġġerieh l-Ispettur. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-konformità ta' l-imsemmi Regolament mat-termini tan-NM.

15     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

"1       Il-punt 3 ta' l-Anness tar-Regolament […] Nru 442/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri wkoll l-oġġetti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti […]?

2)       Ir-Regolament huwa validu f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan il-punt?

3)       F'każ ta' risposta negattiva, jew jekk ir-Regolament ma jkoprix l-oġġetti in kwistjoni, it-tariffa doganali komuni tista' tiġi interpretata fis-sens li dawn l-oġġetti għandhom jiġu kklassifikati bħala 'oġġetti festivi' fis-sens [tas-subintestatura] 9505 90 00 [tan-NM]?"

 Fuq id-domandi preliminari

16     B'mod preliminari, għandu jingħad li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-klassifika tat-tariffa ta' bżieżaq li jintefħu bil-gass, magħmula minn folja tal-plastik u minn kisja ta' aluminju mwaħħla, bil-folja tal-plastik fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bużżieqa. Bżieżaq bl-istess kompożizzjoni, iżda li għandhom il-folja tal-plastik fuq in-naħa ta' barra huma kklassifikati taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM (dwar ġugarelli tal-plastik li ma jaħdmux mekkanikament) skond il-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000.

17     Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok għaliex f'każ ta' risposta negattiva għal din id-domanda, l-ewwel waħda tisfa mingħajr skop, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000 minħabba li huwa jikklassifika l-bżieżaq b'folja tal-plastik u kisja ta' aluminju mwaħħla, bil-folja tal-plastik fuq in-naħa ta' barra, taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM.

18     Skond ġurisprudenza kostanti, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b'kooperazzjoni ma' l-esperti doganali ta' l-Istati Membri, diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiġi ppreċiżat il-kontenut ta' l-intestaturi tat-tariffi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta' oġġett partikolari. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87 ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut u l-portata ta' l-intestaturi tat-tariffa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Krings, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

19     Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri prodotti bħall-bżieżaq deskritti fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000.

20     Skond ġurisprudenza kostanti, fl-interess taċ-ċertezza legali u sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' oġġetti għandu ġeneralment jinstab, b'mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mit-termini ta' l-intestatura tan-NM. In-noti ta' spjegazzjoni mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, f'dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana jgħinu b'mod konsiderevoli fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tad-dwana mingħajr, madanakollu, ma jorbtu legalment (ara s-sentenza tas-17 ta' Marzu 2005, Ikegami C-467/03, Ġabra p. I-2389, punt 17).

21     L-użu li għalih il-prodott huwa intiż jista' jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sakemm dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott u l-inerenza trid tkun tista' tiġi evalwata skond il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tal-prodott (ara s-sentenza Ikegami, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

22     Anagram tqis li l-bużżieqa deskritta fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000 ma tistax tiġi kklassifikata bħala "ġugarell" skond is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM. Fil-fatt, ladarba tali bużżieqa tista' biss iżżomm fl-arja, hija ma tistax isservi għad-divertiment jew għal-logħob. Barra minn hekk, mhijiex reżistenti jew ma sservix għal żmien twil biżżejjed sabiex isservi ta' ġugarell minħabba l-materjal li hija magħmula minnu. Hija ma tikkorrispondix għad-deskrizzjoni ta' l-intestatura 9503 tan-NM u lanqas għan-noti ta' spjegazzjoni tas-SA dwar din l-intestatura.

23     F'dan ir-rigward, min-noti ta' spjegazzjonji tas-SA li għandhom x'jaqsmu ma' l-intestatura 9503 jirriżulta li l-ġugarell fis-sens ta' din l-intestatura huwa oġġett intiż essenzjalment għad-divertiment tal-persuni (tfal jew adulti).

24     Issa, għandu jiġi osservat li l-bżieżaq in kwistjoni għandhom tali karatteristika minkejja li l-materjal tagħhom ma tantx huwa reżistenti u ftit iservi għal żmien twil għaliex il-fatt li ma tantx iservu u li jżommu fl-arja ma jipprekludix b'mod partikolari li t-tfal jiddevertu ruħhom jew jilagħbu b'dawn l-oġġetti.

25     Barra minn hekk, il-klassifika tal-bżieżaq, mill-Kummissjoni, fir-Regolament Nru 442/2000 hija sostnuta min-noti ta' spjegazzjoni tas-SA li għandhom x'jaqsmu ma' l-intestatura 9503, li jispeċifikaw li din l-intestatura tinkludi l-bżieżaq u t-tajr, kif ukoll il-blalen u l-bżieżaq (minbarra dawk ta' logħob tas-salott jew ta' sport).

26     Barra minn hekk, mhuwiex rilevanti li l-imsemmija bżieżaq jistgħu wkoll jintużaw bħala oġġetti festivi. Fil-fatt, ladarba l-karatteristika oġġettiva ta' prodott tista' tiġi vverifikata meta jseħħ il-ħelsien mid-dwana, il-fatt li użu ieħor ta' dan il-prodott huwa wkoll possibbli mhuwiex tali li jeskludi l-klassifikazzjoni legali tiegħu. Għall-klassifikazzjoni doganali tiegħu, mhuwiex meħtieġ li dan il-prodott ikun unikament jew esklużivament intiż għall-użu li jikkorrispondi għall-imsemmija karatteristika oġġettiva. Huwa biżżejjed li dan l-użu jikkostitwixxi l-użu intiż essenzjali tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Awwissu 1994, Neckermann Versand, C-395/93, Ġabra p. I-4027, punti 8 u 9).

27     Fl-aħħar nett , it-termini tas-subintestaturi 9503 90 u 9503 90 32 tan-NM ma jipprovdux kriterju speċifiku li jikkaratterizza bżieżaq li jintefħu bil-gass. Fihom biss żewġ kundizzjonijiet ġenerali sabiex prodott ikun jista' jiġi inkluż taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM, jiġifieri, li jkun magħmul mill-plastik u ma jkunx jaħdem mekkanikament, u dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti mill-merkanzija msemmija fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000.

28     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-eżami tat-tieni domanda ma weriex elementi tali li jaffettwaw il-validità tar-Regolament Nru 442/2000 inkwantu l-prodotti msemmija fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tiegħu huma kklassifikati taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM.

29     Rigward l-ewwel domanda, li tistaqsi jekk il-prodott in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi huwa wkoll ikklassifikat taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-NM, għandu jiġi mfakkar li regolament ta' klassifikazzjoni għandu portata ġenerali inkwantu huwa japplika mhux għal operatur partikolari, iżda għall-prodotti kollha li huma identiċi għal dak li ġie eżaminat mill-kumitat tal-Kodiċi Doganali li ta l-opinjoni tiegħu għall-finijiet ta' l-imsemmi Regolament. Sabiex jiġi stabbilit, fil-kuntest ta' l-interpretazzjoni ta' regolament ta' klassifikazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (ara s-sentenza Krings, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

30     Anagram issostni li, fid-dawl tad-deskrizzjoni mogħtija fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000, il-prodott in kwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi punt. Hija tenfasizza l-mod espliċitu li bih hija deskritta l-bużżieqa, jiġiferi li hija magħmula minn folja tal-plastik li fuq in-naħa ta' ġewwa tagħha hemm imwaħħla kisja ta' l-aluminju. Skond Anagram, dan it-tip ta' bużżieqa huwa l-uniku wieħed kopert minn din id-dispożizzjoni. Issa, fil-prodott in kwistjoni, il-folja tal-plastik qiegħda fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bużżieqa.

31     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-prodott in kwistjoni fil-kawża prinċipali ċertament mhuwiex identiku għall-prodott deskritt fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/200, fis-sens li ma jikkorrispondix, fil-karatteristiċi kollha tiegħu, mad-deskrizzjoni tal-merkanzija li hija inkluża fih. Għaldaqstant, bħalma osserva ġustament il-Gvern Olandiż fin-nota ta' l-osservazzjonijiet tiegħu, l-imsemmi Regolament mhuwiex direttament applikabbli għal dan il-prodott.

32     Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-applikazzjoni b'analoġija ta' regolament ta' klassifikazzjoni, bħalma huwa r-Regolament Nru 442/2000, għall-prodotti simili għal dawk koperti minn dan ir-Regolament tgħin għal interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll għat-trattament ugwali ta' l-operaturi (ara s-sentenza Krings, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

33     L-unika differenza bejn il-prodott in kwistjoni u dak kopert mid-deskrizzjoni inkluża fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 442/2000 tikkonsisti f'sempliċi inverżjoni tal-materjali li jikkomponu l-prodott u, bħalma tosserva wkoll il-Kummissjoni, il-karatteristiċi prinċipali tiegħu mhumiex affettwati. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi Regolament huwa applikabbli għall-prodott ta' Anagram b'analoġija.

34     Barra minn hekk, din l-osservazzjoni hija kkonfermata mill-motivazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-imsemmi punt 3, li tgħid li l-prodotti jistgħu jiġu stampati b'diversi motivi, li, f'dan il-każ, għandhom x'jaqsmu prinċipalment mad-diversi okkażjonijiet festivi, mingħajr madankollu ma jaffettwaw il-klassifika tagħhom bħala bżieżaq-ġugarelli.

35     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-klassifika deċiża mill-Kummissjoni fir-Regolament Nru 442/2000, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prodott deskritt fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tiegħu, hija applikabbli b'analoġija għall-bżieżaq li jintefħu bil-gass, magħmula minn folja tal-plastik u minn kisja ta' aluminju mwaħħla, bil-folja tal-plastik fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bużżieqa.

36     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

37     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla ) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-eżami tat-tieni domanda ma weriex elementi tali li jaffettwaw il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 442/2000, tal-25 ta' Frar 2000, dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, inkwantu l-prodotti msemmija fil-punt 3 tal-lista li tidher fl-Anness tiegħu huma kklassifikati taħt is-subintestatura 9503 90 32 tan-Nomenklatura Magħquda tat-tariffa doganali komuni, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2000, ta' l-1 ta' Awwissu 2002.

2)      Il-klassifika deċiża mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-Regolament Nru 442/2000, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prodott deskritt fil-punt 3 tal-lista li tinsab fl-Anness tiegħu, hija applikabbli b'analoġija għall-bżieżaq li jintefħu bil-gass, magħmula minn folja tal-plastik u minn kisja ta' aluminju mwaħħla, bil-folja ta' plastik fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bużżieqa.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top