Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0386

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 15 ta' Frar 2007.
    Color Drack GmbH vs Lexx International Vertriebs GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
    Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001- Ġurisdizzjonijiet speċjali - Artikolu 5(1)(b)(i) - Qorti tal-post tat-twettiq ta' l-obbligu kuntrattwali li jservi bħala bażi għat-talba - Bejgħ ta' merkanzija - Merkanzija kkunsinnata f'postijiet differenti ta' l-istess Stat Membru.
    Kawża C-386/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:105

    KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

    YVES BOT

    ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2007 1(1)

    Kawża C‑386/05

    Color Drack GmbH

    vs

    LEXX International Vertriebs GmbH

    [talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

    “Regolament (KE) Nru 44/2001– Artikolu 5(1)(b) – Ġurisdizzjoni speċjali f’kawżi ta’ natura kuntrattwali – Bejgħ ta’ merkanzija – Numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stat Membru”





    1.        Din il-proċedura preliminari tirrigwarda fl-ewwel lok l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001(2), li jistabilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fil-qasam kuntrattwali, li jidderogaw mill-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut.

    2.        Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fis-subparagrafu (b) tagħha, li, fejn il-kawża tirrigwarda kuntratt internazzjonali ta’ bejgħ ta’ merkanzija, ir-rikorrenti tista’ tfittex lill-konvenuta quddiem il-qorti tal-post fejn, bis-saħħa tal-kuntratt, saret jew kellha ssir il-kunsinna tal-merkanzija.

    3.        Fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tirrigwarda jekk l-imsemmija dispożizzjoni hijiex applikabbli u, jekk dan huwa l-każ, b’liema mod, meta t-talba tirrigwarda merkanzija li l-kunsinna tagħha tkun saret f’numru ta’ postijiet fit-territorju ta’ Stat Membru.

    4.        Fil-konklużjonijiet preżenti, se nsostni li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna bil-kundizzjoni li dawn jinsabu kollha fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Se nispjega wkoll li, fejn it-talba tirrigwarda bla distinzjoni l-kunsinni kollha, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk ir-rikorrenti tistax tfittex lill-konvenuta quddiem kwalunkwe qorti irrispettivament mill-post tal-kunsinna jew jekk għandhiex tressaq l-azzjoni quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-postitjiet partikolari skond id-dritt nazzjonali u li, jekk id-dritt nazzjonali ma fih l-ebda regola f’dan ir-rigward, jekk ir-rikorrenti tistax tfittex lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna ta’ l-għażla tagħha.

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    5.        Ir-Regolament Nru 44/2001 ġie adottat mill-Kunsill fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat KE, li jagħtu kompetenza lill-Komunità Ewropea tadotta l-miżuri taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja ta’ natura ċivili li huma neċessarji għat-tħaddim tajjeb tas-suq komuni.

    6.        Huwa intiż sabiex jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u t-twettiq ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali,(3) fl-Istati Membri kollha.(4)Ir-Regolament Nru 44/2001 daħal fis-seħħ fil-1 ta’ Marzu 2002. Huwa applikabbli biss għal proċedimenti legali istitwiti u dokumenti li jkunu ġew formalment magħmula jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi ppreżentati wara d-dħul fis-seħħ tiegħu(5).

    7.        Dan ir-Regolament huwa bbażat fil-parti ‘l kbira tiegħu fuq il-Konvenzjoni ta’ Brussell li bih il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jassigura kontinwità effettiva(6). Huwa jirriproduċi s-sistema ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn din il-Konvenzjoni, ibbażati fuq il-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut li magħha jiżdiedu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew simultanja.

    8.        Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1), tar-Regolament Nru 44/2001 jiddisponi:

    “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

    9.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa miktub kif ġej:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija:

    1)      a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

    b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

    –        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

    –        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

    c)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

    […]”

    II – Il-kawża prinċipali

    10.      Il-kawża prinċipali ssib lill-kumpannija Color Drack GmbH (7), li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha ġewwa Schwarzach, fl-Awstrija, kontra l-kumpannija LEXX International Vertriebs GmbH (8), li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab ġewwa Nuremberg, fil-Ġermanja.

    11.      Color Drack xtrat mingħand LEXX International Vertriebs xi nuċċalijiet tax-xemx li hija ħallset kompletament, iżda din ta’ l-aħħar wettqet il-kunsinna direttament lill-klijent tagħha li jinsab f’postijiet differenti fl-Awstrija.

    12.      Sussegwentement, Color Drack bagħtet lura lil LEXX International Vertriebs in-nuċċalijiet li ma nbiegħux u talbet mingħand din il-kumpannija rimbors tas-somma ta’ EUR 9 291,56, barra l-interessi u spejjeż annessi. Din is-somma baqgħet ma tħallsitx u fl-10 ta’ Mejju 2004, Color Dark ressqet azzjoni għall-ħlas kontra LEXX International Vertriebs quddiem il-Bezirksgericht St Johann im Pongau (l-Awstrija) peress li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-ġurisdizzjoni tagħha fi Schwarzach.

    13.      Din il-qorti ddikjarat li hija kienet territorjalment kompetenti li tisma’ din it-talba, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Hija kkunsidrat li l-post ta’ twettiq ta’ l-obbligu li għandu jiġi kkunsidrat f’dak li jirrigwarda t-teħid lura ta’ merkanzija mhux mibjugħa kien il-post ta’ stabbiliment ta’ Color Drack. Hija laqgħet ukoll il-mertu tar-rikors.

    14.      Il-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija), li quddiemu tressaq rikors magħmul minn LEXX International Vertriebs, annulla din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li l-qorti ta’ l-ewwel istanza ma kinitx kompetenti territorjalment.

    15.      Din il-qorti ta’ appell qieset li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi post ta’ rabta uniku għall-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw minn kuntratt ta’ bejgħ, inkluża talba għal rimbors wara li tingħata lura xi merkanzija. Skond l-imsemmija qorti, id-determinazzjoni awtonoma, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ tali post ta’ rabta ma tkunx possibbli meta tkun saret il-kunsinna tal-merkanzija lil klijenti li qegħdin f’postijiet differenti fl-Awstrija.

    16.      Il-Landesgericht Salzburg iddeduċa li, sa fejn l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 mhuwiex applikabbli, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1)(a) ta’ l-istess Regolament għandhom ikun applikabbli, skond l-Artikolu 5(1)(c). Skond dawn id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar, Color Drack kellha tressaq l-azzjoni għal ħlas tagħha quddiem il-qorti ta’ Nuremberg, li għandha ġurisdizzjoni bħala l-qorti tal-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba.

    17.      L-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) li quddiemu Color Drack ressqet appell, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

    18.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, huwa jesponi li jifhem din id-dispożizzjoni bil-mod li ġej. Qabel kollox, peress li hija tipprovdi kompetenza speċjali, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Wara, b’differenza mill-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi post ta’ rabta uniku għall-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw minn kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi. Fl-aħħar, huwa l-post fejn effettivament tkun saret il-provvista li jikkostitwixxi l-kriterju determinanti tal-ġurisdizzjoni internazzjonali.

    19.      Skond l-Oberster Gerichtshof, il-ġurisdizzjoni tal-qorti li ressqet quddiemha Color Drack fl-ewwel istanza ma kinitx tiddaħħal in kwistjoni kieku saret il-kunsinna tal-merkanzija kollha lil din il-kumpannija ġewwa Schwarzach. Madankollu huwa jistaqsi jekk din il-ġurisdizzjoni tistax tinżamm meta l-kunsinna tal-merkanzija ma tkunx saret fiż-żona koperta minn din il-qorti, iżda f’postijiet differenti ta’ l-Istat Membru tax-xerrej.

    20.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Oberster Gerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 5(1)(b) ta[r-Regolament (KE) Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bejjiegħ tal-merkanzija, li jkollu d-domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru, li jkun ikkunsinna l-merkanzija lix-xerrej, li jkollu d-domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’postijiet differenti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, skond dak li jkun ġie miftiehem, jista’ jiġi mfittex mix-xerrej quddiem il-qorti ta’ wieħed minn dawn il-postijiet (ta’ twettiq) – jekk ikun il-każ skond l-għażla tax-xerrej – fid-dawl ta’ pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt li jirrigwarda l-kunsinni kollha (parzjali)?”

    III – Analiżi

    21.      L-Oberster Gerichtshof ifakkar fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħu jwasslu għal ebda appell taħt id-dritt intern. Għaldaqstant huwa kompetenti, skond l-Artikolu 68 KE, li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

    22.      Huwa wkoll kostanti li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fil-kawża preżenti, peress li l-kuntratt li fuqu Color Drack ibbażat l-azzjoni tagħha huwa kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija u li din l-azzjoni ġiet ippreżentata b’talba għal ħlas li saret wara l-1 ta’ Marzu 2002.

    23.      Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ mistoqsijiet. Din il-qorti tfittex li ssir taf, qabel kollox, jekk l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex applikabbli meta tkun saret il-kunsinna tal-merkanzija, skond dak li nftiehem bejn il-partijiet, f’postijiet differenti li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

    24.      Wara, fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistidinna nippreċiżaw jekk, meta t-talba tirrigwarda l-kunsinni kollha, ir-rikorrenti tistax tfittex lill-konvenuta quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna ta’ l-għażla tagħha.

    25.      Sussegwentement se neżamina kull wieħed minn dawn il-punti.

    A –    Fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed

    26.      LEXX International Vertriebs, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan, issostni li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 mhuwiex applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna.

    27.      Il-Gvern Ġermaniż iqis li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ hija kuntrarja għall-kliem tagħha stess, li ssemmi biss post wieħed ta’ kunsinna(9). Skond dan il-Gvern tali applikazzjoni tkun ukoll kuntrarja għall-ekonomija ta’ dan ir-Regolament. Huwa jesponi, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjoni kkontestata, bħala regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Huwa jibbaża ruħu wkoll fuq l-Artikolu 5(1)(c) ta’ l-imsemmi Regolament, li permezz tiegħu l-Artikolu 5(1)(a) tiegħu huwa applikabbli meta l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-punt (b) ta’ din l-istess dispożizzjoni ma jkunux preżenti.

    28.      Il-Gvern Ġermaniż, sostnut mill-Gvern Taljan, jagħmel ukoll riferiment għall-għan ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa jindika li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tippermetti lill-partijiet ta’ kuntratt jiddeterminaw il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ l-kawżi bbażati fuq dan il-kuntratt kif ukoll sabiex jiġi evitat li jiżdiedu n-numru ta’ qrati li jkollhom ġurisdizzjoni. Huwa jsostni li l-imsemmija dispożizzjoni tirregola mhux biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru iżda wkoll il-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom.

    29.      Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan jenfasizzaw li, fil-każ ta’ kunsinni f’postijiet differenti, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat post wieħed biss ta’ twettiq permezz tal-kriterji previsti fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, u li jiġi permess lir-rikorrenti tressaq l-azzjoni tagħha f’wieħed mill-postijiet ta’ provvista jew f’kull wieħed minn dawn il-postijiet imur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

    30.      Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ifakkar li l-ġuridizzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ġiet adottata minħabba raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Issa, skond dan il-Gvern, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat il-post li jirrappreżenta l-fattur ta’ rabta l-iktar viċin bejn il-kontestazzjoni u l-qorti kompetenti.

    31.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-analiżi tiegħu tikkonforma mal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Besix(10), li fiha ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali prevista fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell mhijiex applikabbli fil-każ ta’ pretensjoni bbażata fuq obbligu ta’ omissjoni, li m’għandu l-ebda limitazzjoni ġeografika.

    32.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Jiena nqis, bħall-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 hija applikabbli meta l-merkanzija, skond il-ftehim li jorbot il-partijiet, tkun ġiet ikkunsinnata f’postijiet differenti fi Stat Membru wieħed.

    33.      Jien nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq is-sistema stabbilita mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll fuq l-għanijiet segwiti minn dan ir-Regolament, moqrija fid-dawl tas-sistema ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali prevista mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u ta’ l-ostakli maħluqa minnha.

    34.      Qabel ma ssir il-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, għandi nibda sabiex nindika r-raġunijiet li minħabba fihom, fl-opinjoni tiegħi, id-domanda eżaminata ma ssibx risposta fil-kliem ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

    1.      Il-kliem ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001

    35.      Kuntrarjament għall-Gvern Ġermaniż, jien ta’ l-opinjoni li l-kliem ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippermettux li tinqata’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista minn din id-dispożizzjoni hijiex intiża jew le li tkun applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna.

    36.      F’dan ir-rigward, jiena ma nemminx li r-risposta tista’ tkun dedotta mir-riferiment għal post uniku ta’ kunsinna kif jidher fil-frażi “il-post f fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati”.

    37.      Fil-fatt, il-kwistjoni li għandna nirrispondu tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa ddeterminat, fid-dispożizzjoni kkontestata, mill-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” u mhux mill-frażi “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati”. Din il-frażi tindika biss il-kriterju tal-ġurisdizzjoni territorjali fil-każ ta’ bejgħ ta’ merkanzija. Hija tippreċiża li huwa l-post ta’ twettiq li għandu jinżamm sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti.

    38.      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li r-rikorrenti tista’ tressaq l-azzjoni tagħha quddiem “il-qorti” tal-post fejn saret il-kunsinna tal-merkanzija. Skond id-definizzjoni tal-ġurisdizzjoni territorjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, kif iddefinit mir-regoli nazzjonali tiegħu, il-kunsinni mwettqa f’postijiet differenti ta’ dan l-Istat jistgħu jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta’ l-istess qorti. Għaldaqstant, numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fit-territorju ta’ l-istess Stat Membru ma jwassalx neċessarjament li tiġi nnominata aktar minn qorti waħda kompetenti.

    39.      Konsegwentement, jekk għandna nibbażaw ruħna fuq il-kliem ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll fuq ir-riferiment li fih għal post uniku ta’ kunsinna, tibqa’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk din id-dispożizzjoni tibqax applikabbli meta l-kunsinni kollha jsiru fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti waħda.

    40.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li mhuwiex possibbli li jittieħdu indikazzjonijiet ċari u preċiżi mill-kliem ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 li jippermettu li tingħata risposta għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli u, jekk ikun il-każ, b’liema mod, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna.

    41.      Skond ġurisprudenza kostanti, meta l-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju ma jippermettux, fihom infushom, li jiġi ddeterminat b’ċertezza kif għandhom jiġu inklużi u applikati f’sitwazzjoni partikolari, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-sistema u ta’ l-għanijiet tar-Regolament li huma jagħmlu parti minnu(11). Għaldaqstant, ir-risposta għall-kwistjoni taħt eżami għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ l-ekonomija u l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

    2.      Is-sistema stabbilita mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-għanijiet segwiti minn dan ir-Regolament

    42.      Kif indikajt, ir-Regolament Nru 44/2001, li jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, huwa bbażat ħafna fuq din il-konvenzjoni u jipprovdi kontinwità magħha. Rajt ukoll li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi innovazzjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni.

    43.      Sabiex tinftiehem sew il-portata ta’ din l-innovazzjoni u l-konsegwenzi tagħha f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, jidher li huwa neċessarju li jiġi mfakkar il-kontenut tas-sistema ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali prevista mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u d-diffikultajiet maħluqa minnha, li l-leġiżlatur Komunitarju pprova jsib rimedju għalihom f’dan ir-Regolament.

    a)      Is-sistema ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali prevista mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-interpretazzjoni tagħha mill-ġurisprudenza

    44.      Il-Konvenzjoni ta’ Brussell ġiet adottata mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 220 tat-Trattat KE (12), u skond it-termini tagħha ġew mistiedna jidħlu f’negozjati bejniethom sabiex jassiguraw, għall-benefiċċju tar-residenti tagħhom, is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet li għalihom huma suġġetti r-rikonoxximent u l-ezekuzzjoni reċiproka tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ta’ arbitraġġ.

    45.      Skond il-preambolu tagħha hija għandha bħala għan li toħloq regoli sempliċi intiżi għall-benefiċċju tal-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għaldaqstant, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, hija intiża li “tgħaqqad ir-regoli dwar ġurisdizzjoni ta’ l-Istati kontraenti, sabiex tevita [...] multiplikazzjoni ta’ bażijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-istess relazzjoni ġuridika, u sabiex issaħħah il-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fil-Komunità billi tippermetti kemm li r-rikorrent ikun jista’ jidentifika faċilment il-qorti fejn huwa jista’ jħarrek u lill-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli l-qorti fejn jista’ jiġi mħarrek”. (13)

    46.      Għaldaqstant, il-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha bħala għan li tevita l-multiplikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-istess relazzjoni ġuridika billi tgħaqqad ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri, permezz ta’ dispożizzjonijiet sempliċi li jippermettu lill-partijiet jidentifikaw faċilment il-qorti kompetenti.

    47.      Dawn l-għanijiet huma implementati mill-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni, li jistabilixxi l-prinċipju li l-qorti kompetenti hija dik tad-domiċilju tal-konvenut.

    48.      Il-partijiet kontraenti għall-imsemmija Konvenzjoni pprovdew għall-possibbiltà ta’ deroga minn dan il-prinċipju. Huma stabilixxew numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, xi wħud minnhom obbligatorji, bħal fir-rigward tal-qasam immobbiljari, ta’ assigurazzjoni u ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, l-oħrajn fakultattivi, fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ oqsma li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti, manteniment jew talbiet għad-danni.

    49.      Dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali ġew stabbiliti b’għan preċiż. F’dak li jirrigwarda r-regoli previsti f’dan l-Artikolu 5, il-partijiet kontraenti xtaqu jippermettu lir-rikorrent iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti l-iktar qrib fiżikament ta’ l-elementi tal-kawża u li għaldaqstant tinsab fl-aħjar post sabiex tevalwa dawn l-elementi. Dawn ir-regoli huma mfassla, skond ir-rapport Jenard(14), fuq il-“kunsiderazzjoni li teżisti rabta b’saħħitha bejn il-kontestazzjoni u l-qorti li hija msejħa li tismagħha”.

    50.      Għaldaqstant, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ipprovda, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, li l-konvenut seta’, f’kawżi ta’ natura kuntrattwali, jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-”post fejn sar jew għandu jsir it-twettiq ta’ l-obbligu”.

    51.      Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat liema obbligu għandu jiġi kkunsidrat u, min-naħa l-oħra, kif il-post ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu għandu jiġi ddeterminat.

    52.      Għaldaqstant, fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Boos (15), hija ddeċidiet li l-obbligu li għandu jiġi kkunsidrat huwa dak li jikkorrispondi għad-dritt kuntrattwali li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrenti(16). Għaldaqstant huwa l-obbligu kuntrattwali li huwa b’mod konkret il-bażi ta’ l-azzjoni ġudizzjarja jew, fi kliem ieħor, l-obbligu li n-nuqqas ta’ twettiq tiegħu huwa invokat.

    53.      Fl-istess ġurnata, fis-sentenza Tessili (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post fejn saret jew għandu jsir it-twettiq ta’ l-obbligu għandu jiġi ddeterminat skond il-liġi li tirregola l-obbligu kkontestat skond ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża.

    b)      Il-problemi li jinħolqu mill-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

    54.      L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza ta lok għal diversi kummenti ta’ kritika. Fost id-diffikultajiet maħluqa minn din id-dispożizzjoni, hemm tliet insuffiċjenzi, fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, li jidhru li huma rilevanti fil-kuntest tal-kawża preżenti.

    55.      L-ewwel insuffiċjenza tirrigwarda l-multiplikazzjoni tal-qrati kompetenti li jieħdu konjizzjoni tal-kawżi marbuta ma’ l-istess kuntratt.

    56.      Kif rajna, il-Konvenzjoni ta’ Brussell hija intiża li, safejn huwa possibbli, tevita l-multiplikazzjoni ta’ bażijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-istess relazzjoni ġuridika, sabiex tevita r-riskju ta’ oppożizzjoni ta’ deċiżjonijiet u sabiex għaldaqstant tiffaċilita r-rikonoxximent u twettiq tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji barra mill-Istat fejn dawn ingħataw(18).

    57.      Madankollu, l-applikazzjoni magħquda tas-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq De Bloos u Tessili tista’ jkollha bħala konsegwenza li l-azzjonijiet ibbażati fuq l-obbligi distinti iżda rrelatati ma’ l-istess kuntratt jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stati Membri differenti. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza twassal għat-tqassim ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-istess kuntratt u għad-determinazzjoni tal-post ta’ twettiq ta’ l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba konformement mal-liġi li tirregola l-obbligu kkontestat skond ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża.

    58.      Il-kawża li tat lok għas-sentenza Leathertex(19) tipprovdi eżempju tajjeb tal-konsegwenzi ta’ din il-ġurisprudenza. F’din il-kawża, kumpannija Belġjana, li kienet topera bħala aġent kummerċjali f’isem il-kumpannija Leatherlex, stabbilita fl-Italja, bdiet proċeduri kontra din ta’ l-aħħar fil-Belġju għall-pagament, minn naħa, ta’ arretrati ta’ kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ kumpens minn qabel għall-ksur ta’ kuntratt. Skond ir-regoli Belġjani dwar il-kunflitt ta’ liġijiet, l-obbligu ta’ kumpens minn qabel kellu jitwettaq fil-Belġju filwaqt li l-obbligu ta’ ħlas ta’ kummissjoni kellha titwettaq fl-Italja. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tinsab fis-sentenzi ċċitatati iktar ‘il fuq De Bloos u Tessili, il-qorti Belġjana setgħat biss tieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens minn qabel, peress li t-talba l-oħra kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani.

    59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat tillimita l-effetti ta’ din il-ġurisprudenza. Hija ddeċidiet, fis-sentenza Shenavai(20), li fil-każ partikolari ta’ kawża bbażata fuq diversi obbligi li jirriżultaw mill-istess kuntratt u li jservu bħala l-bażi ta’ l-azzjoni intiża mir-rikorrenti, il-qorti li jkollha l-każ quddiemha, sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha, tista tapplika l-prinċipju li jgħid accessorium sequitur principale .(21)

    60.      Madankollu, ir-riskju ta’ multiplikazzjoni tal-qrati kompetenti jibqa’ fejn, bħal fis-sentenza Leathertex, iċċitata iktar ‘il fuq, l-obbligi in kwistjoni jiġu kkunsidrati li huma ekwivalenti. F’dik is-sitwazzjoni, l-istess qorti mhijiex kompetenti, skond l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tieħu konjizzjoni tat-totalità ta’ talba bbażata fuq żewġ obbligi ekwivalenti li jirriżultaw mill-istess kuntratt jekk, skond ir-regoli ta’ kunflitt ta’ l-Istat ta’ din il-qorti, dawn l-obbligi għandhom jitwettqu wieħed f’dan l-Istat, u l-ieħor fi Stat kontraenti ieħor.

    61.      It-tieni insuffiċjenza ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tirrigwarda d-diffikultà ta’ l-implementazzjoni tiegħu u għaldaqstant, in-nuqqas ta’ preveddibbiltà tar-riżultat tiegħu għall-partijiet kontraenti.

    62.      Kif diġà rajna, il-Konvenzjoni ta’ Brussell hija intiża li tippermetti lil konvenut normalment avżat li jipprevedi quddiem liema qorti, barra min dik ta’ l-Istat tad-domiċilju tiegħu, huwa jista’ jiġi mfittex(22). Għaldaqstant din il-Konvenzjoni hija intiża li ssaħħah fil-Komunità l-protezzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi stabbiliti fiha, billi tipprovdi xi regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni tat-tip li jassiguraw ċertezza fir-rigward tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali li jistgħu jitressqu kawżi ta’ tip determinat quddiemhom.(23)

    63.      Sabiex l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tkun tista’ tagħti riżultat prevedibbli għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, dawn għadhom ikunu sempliċi ħafna. Madankollu, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-qorti kompetenti, kif iddefinit mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ‘il fuq, De Bloss u Tessili, jeħtieġ, minn naħa tal-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża, diversi analiżi kumplessi, li r-riżultat tagħhom ma jistax jiġi previst faċilment mill-partijiet fil-kuntratt.

    64.      Għaldaqstant, il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha qabel kollox tikkaratterizza l-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba. Fejn hu xieraq, jekk ir-rikorrent jibbaża l-azzjoni tiegħu fuq diversi obbligi, din il-qorti jkollha tiddetermina jekk teżistix ġerarkija bejniethom, li tippermettilha tieħu konjizzjoni tat-totalità tal-kawża, skond is-sentenza Shenavai, iċċitata iktar ‘il fuq.

    65.      Wara, il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża jkollha tfittex il-liġi li, skond ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet, hija applikabbli għall-obbligu li huwa l-bażi tat-talba. Għaldaqstant ikollha, jekk ikun il-każ, tirreferi għall-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-iffirmar f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (24).

    66.      Skond is-sistema stabbilita minn din il-Konvenzjoni, il-liġi applikabbli għal kuntratt hija l-liġi magħżula mill-partijiet. Fin-nuqqas ta’ dan, l-imsemmija Konvenzjoni timponi l-prinċipju li jgħid li l-kuntratt għandu jiġi rregolat mil-liġi ta’ l-Istat li jirrappreżenta r-rabtiet l-iktar viċini u jassumi li, bla eċċezzjoni, dan l-Istat huwa dak fejn il-parti li għandha tipprovdi l-provvista li hija n-natura tal-kuntratt normalment tkun residenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    67.      Għaldaqstant, il-liġi sostantiva li tintagħżel tista’ ukoll tieħu l-forma ta’ Konvenzjoni internazzjonali ffirmata u rratifikata mill-Istat Membru kkonċernat, bħalma hija l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali tal-merkanzija, iffirmata fi Vienna, fil-11 ta’ April 1980.

    68.      Fl-aħħar, fuq il-bażi tal-liġi sostantiva applikabbli, il-qorti għandha tiddetermina l-post ta’ twettiq ta’ l-obbligu kuntrattwali kkontestat. Hija tista’ ssostni l-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk dan il-post jinsab fil-qasam tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.

    69.      Għaldaqstant, dan il-metodu huwa kumpless u jinvolvi l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li kull waħda minnhom tista’ tqajjem diffikultajiet serji ta’ interpretazzjoni(25).

    70.      It-tielet insuffiċjenza ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tirrigwarda l-fatt li r-regoli kkunsidrati sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti mhumiex l-aħjar anke biex tintagħżel il-qorti li tirrapreżenta r-rabta l-iktar b’saħħitha mal-kawża li għandha tinsab soluzzjoni għaliha.

    71.      Rajna li l-possibbiltà disponibbli għar-rikorrent minn din id-dispożizzjoni sabiex jidderoga mill-prinċipju ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut għandha bħala għan li tippermettilu jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti li tinsab l-iktar viċina għall-fatti tal-kawża.

    72.      Huwa minnu li, dan l-għan għandu jiġi kkonċiljat ma’ l-għan taċ-ċertezza legali u, b’mod iktar partikolari, dak tal-prevedibbiltà, li huma ugwalment imfittxija mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet is-supremazija tagħhom fir-rigward ta’ l-għan ta’ prossimità. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta bejn il-qorti u l-kawża ma tikkostitwixxix fiha nfisha l-kriterju ta’ ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, peress li l-kriterju ta’ ġurisdizzjoni stabbilit espressament f’din id-dispożizzjoni huwa l-post ta’ twettiq ta’ l-obbligu(26).

    73.      Is-supremazija ta’ l-għan taċ-ċertezza legali fuq dik ta’ prossimità tista’ għaldaqstant tiġġustifika li, f’sitwazzjoni konkreta, il-qorti li quddiemha resqet ir-rikorrenti b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tkunx dik li tippreżenta r-rabta ta’ prossimità l-iktar viċina mal-liġi.

    74.      Madankollu, il-problema li hemm fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija iktar ġenerali. Hija konnessa mal-fatt li l-kriterji li għandhom jiġu applikati skond il-ġurisprudenza De Bloos u Tessili, iċċitati iktar ‘il fuq, ma ġewx stabbiliti fir-rigward ta’ l-għan ta’ prossimità.

    75.      Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-post ta’ twettiq indikat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tad-dritt sostantiv ta’ l-Istati Membri jew ta’ konvenzjoni internazzjonali li tgħaqqad dan id-dritt sostantiv, u dawn it-testi m’għandhomx bħala għan li jiddeterminaw il-kompetenza ġudizzjarja. Isegwi li, f’dak li jirrigwarda l-pagament ta’ somma ta’ flus, il-qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha tiġi rrikonoxxuta b’applikazzjoni ta’ dan il-metodu hija dik tad-domiċilju tad-debitur jew tal-kreditur skond jekk, fid-dritt nazzjonali applikabbli, il-pagament huwiex meqjus li huwa pagabbli fid-domiċilju tad-debitur jew f’dak tal-kreditur.

    76.      Issa, huwa permissibbli li wieħed jaħseb li, f’kull każ, l-għan tal-prossimità jagħmel sens realment u jkun sodisfatt biss jekk il-qorti kompetenti tkun dik tal-post fejn twettqet twettiq materjali li hija l-bażi tal-kuntratt. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti hija ġġustifikata għaliex, minħabba l-prossimità mal-post ta’ twettiq tal-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, hija qegħda fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova materjali jew ta’ xhieda invokati mill-partijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, sabiex tikkonstata hija stess il-fatti.

    77.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata s-sistema ġdida ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001 u l-għanijiet segwiti minnu.

    c)      Is-sistema ġdida ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001

    78.      Jekk neżaminaw l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 44/2001, nikkonstataw li, bħat-totalità tal-miżuri meħuda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ta’ natura ċivili, hija għandha bħala għan, skond l-Artikolu 65 KE, li ttejjeb u tissemplifika r-regoli eżistenti.

    79.      F’dan ir-rigward, u kif ukoll jirriżulta mit-tieni u l-ħdax-il premessi tiegħu, l-imsemmi Regolament huwa intiż li jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom “jiġu mbassra minn qabel”.

    80.      F’dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ dawn ir-regoli, dawn huma mfassla, bħal fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u din il-ġurisdizzjoni, kif huwa indikat fil-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001, għandha dejjem tibqa’ disponibbli. Bl-istess mod, bħal fl-istess Konvenzjoni, din il-ġurisprudenza bħala regola għandha tiġi kkompletata minn qrati awtorizzati oħra.

    81.      F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Komunitarju afferma espressament li hija l-prossimità tal-qorti mal-kawża li hija l-bażi tal-ġurisprudenza speċjali. Kif ukoll jirriżulta mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001, din il-ġurisprudenza speċjali hija awtorizzata minħabba fattur ta’ rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

    82.      Sabiex jiġu implementati dawn l-għanijiet differenti, is-sistema ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali prevista mir-Regolament Nru 44/2001 tiddistingwi ruħha b’mod ċar minn dik tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    83.      B’hekk, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi kriterju ta’ ġurisprudenza awtonoma għaż-żewġ tipi ta’ kuntratt l-iktar komuni fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, li huma l-kuntratti ta’ bejgħ tal-merkanzija u ta’ provvista tas-servizzi.

    84.      Barra minn hekk, f’dawn iż-żewġ każijiet, dan il-kriterju ta’ ġurisprudenza awtonoma huwa l-post ta’ twettiq tal-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, jiġifieri, il-post ta’ kunsinna tal-merkanzija f’dak li jirrigwarda kuntratt ta’ bejgħ u l-post tal-provvista tas-servizzi għall-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

    85.      F’dan l-istadju ta’ l-analiżi tiegħi, nistgħu niġbdu l-konklużjonijiet li ġejjin dwar is-sistema stabbilita mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, u l-għanijiet segwiti minn dan ir-Regolament.

    86.      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, huma d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 li jikkostitwixxu, b’xi mod, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali “bħala prinċipju”. Id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, li tirriproduċi r-regola qadima tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (27), għandha biss, għal dawn iż-zewġ tipi ta’ konvenzjoni, rwol purament sussidjarju. Fil-fatt, kif jindika b’mod espress l-Artikolu 5(1)(c) ta’ l-istess Regolament, il-punt (a) ta’ din l-istess dispożizzjoni huwa applikabbli biss jekk il-punt (b) ma jkunx applikabbli.

    87.      Fit-tieni lok, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 hija intiża li tkun applikabbli għat-talbiet kollha bbażati fuq kuntratt. Fi kliem ieħor, kif turi n-nota ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni għall-proposta lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-14 ta’ Lulju 1999(28), il-leġiżlatur Komunitarju xtaq itemm il-multiplikazzjoni tal-qrati li jistgħu jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi bbażati fuq l-istess kuntratt.

    88.      Il-post tal-kunsinna tal-merkanzija u l-post tal-provvista ta’ servizzi issa jikkostitwixxu l-kriterju ta’ ġurisprudenza għall-azzjonijiet kollha li jistgħu jitressqu fuq il-bażi ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew ta’ kuntratt ta’ provvista tas-servizzi. Dawn huma applikabbli jkun xi jkun l-obbligu li huwa l-bażi tad-domanda u meta t-talba tkun ibbażata fuq diversi obbligi.

    89.      Isegwi li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż li jkun applikabbli għal talba li hija intiża, bħal fil-kawża preżenti, għar-rimbors ta’ merkanzija b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ rimbors. Barra minn hekk, din l-analiżi hija sostnuta mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi element ta’ rabta uniku għall-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw minn kuntratt, inklużi, konsegwentement, il-pretensjonijiet sekondarji kollha bħal dawk fil-kawża preżenti.

    90.      Fit-tielet lok, bħal fis-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta bejn il-qorti u l-kawża ma jikkostitwixxix fih innifsu kriterju ta’ ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Dan il-fattur ta’ rabta jikkonsisti biss fil-motiv li huwa l-bażi ta’ din il-ġurisdizzjoni speċjali. Il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni huwa l-post tal-kunsinna tal-merkanzija jew dak tal-provvista ta’ servizzi.

    91.      Isegwi li l-għan prinċipali ta’ din id-dispożizzjoni hija ċ-ċertezza legali, li permezz tagħha r-regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel. Billi żamm, bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni, kriterju awtonomu, il-leġiżlatur Komunitarju abbanduna s-sistema kumplessa ta’ determinazzjoni tal-post ta’ twettiq tal-kuntratt, sostnut fil-ġurisprudenza Tessili, iċċitata iktar ‘il fuq. Bl-istess mod, billi tinżamm bħala kriterju awtonomu informazzjoni li tkun, spiss ħafna, sempliċiment fattwali, u konsegwentement tista’ tiġi rrikonoxxuta mill-ewwel mill-partijiet, jippermettilhom li jbassru b’mod raġjonevoli liema qorti barra dik ta’ l-Istat ta’ domiċilju tal-konvenut tista’ tieħu konjizzjoni ta’ kawża li tirriżulta mill-kuntratt.

    92.      Taħt is-sistema stabbilita mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, iċ-ċertezza legali hija għaldaqstant assigurata peress li l-partijiet fil-kuntratt jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna tal-merkanzija jew dak tal-provvista ta’ servizzi.

    93.      Barra minn hekk, taħt din is-sistema, il-motiv li huwa l-bażi ta’ din il-ġurisdizzjoni speċjali huwa kkunsidrat aħjar peress li l-qorti kompetenti hija dik li tirriżulta minn fejn seħħ it-twettiq tal-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt. Konsegwentement, jekk il-kuntratt ikun twettaq jew kien hemm bidu ta’ t-twettiq materjali, il-qorti magħżula tkun, fil-maġġoranza tal-każijiet, l-iktar viċina fiżikament għall-elementi ta’ prova li jistgħu jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.

    94.      Issa għandu jiġi eżaminat jekk tali sistema tistax tiġi applikata u tissodisfax l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ tal-multiplikazzjoni tal-post ta’ twettiq fi Stat Membru wieħed.

    d)      Fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stat Membru wieħed

    95.      Fir-rigward ta’ l-elementi ta’ qabel, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex intiż li jkun applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna jwassal, fir-realtà, sabiex jiġi eżaminat jekk, f’tali każ, l-għan intiż għall-assugurazzjoni ta’ tbassir minn qabel jistax jiġi sodisfatt.

    96.      Fl-opinjoni tiegħi dan huwa fil-fatt il-każ meta l-kunsinni kollha jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

    97.      Sabiex jiġi evalwat il-grad ta’ tbassir minn qabel li jista’ jippretendi l-konvenut skond ir-Regolament Nru 44/2001, fl-opinjoni tiegħi, għandu jsir riferiment għall-għan prinċipali ta’ dan ir-Regolament.

    98.      Dan ir-Regolament għandu, bħala għan prinċipali, skond it-tieni premessa tiegħu, li jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll biex jiġu ssemplifikati l-formalitajiet ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri oħra.

    99.      Huwa intiż li jsolvi kunflitti ta’ ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ kawżi internazzjonali. Kif jesponi ġustament il-Gvern tar-Renju Unit, ir-Regolament Nru 44/2001 jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ l-Istati Membri. Huwa intiż ukoll li jevita l-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u li jiġi assigurat li ma jiġux mogħtija sentenzi irrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri .

    100. Din il-vokazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tinsab espressa b’mod ċar fl-Artikolu 2 tiegħu, li fi kliemu persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jiġu mħarrka “quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru”. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-Regolament jindika taħt liema kundizzjonijiet, b’deroga mill-Artikolu 2 tiegħu, tali persuna “tista tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor”. Ir-Regolament Nru 44/2001, bħall-Konvenzjoni ta’ Brussell (29), għaldaqstant jirregola l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali bejn l-ordinamenti ġurisdizzjonali ta’ l-Istati Membri .

    101. Għaldaqstant, sitwazzjoni li fiha numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stat Membru wieħed u, jekk ikun il-każ, diversi qrati f’dan l-Istat li jistgħu jieħdu konjizzjoni tal-kawża ma ddaħħalx in kwistjoni li jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, anki jekk jitqies li diversi qrati ta’ l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni minħabba numru ta’ postijiet ta’ kunsinna, jibqa’ l-fatt li l-qrati kollha jinsabu fl-istess Stat Membru. Għaldaqstant, n’hemmx ir-riskju li jingħataw sentenzi irrikonċiljabbli mill-qrati ta’ Stati Membri differenti.

    102. Huwa minnu li tista’ ssir oġġezzjoni għal din l-analiżi minħabba l-fatt li r-Regolament Nru 44/2001 għandu mhux biss portata internazzjonali, iżda f’ċerti każijiet għandu wkoll portata “territorjali”. Għaldaqstant, il-qorti kompetenti skond l-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-Regolament mhijiex kwalunkwe qorti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Il-leġiżlatur Komunitarju ried li l-qorti msejħa tieħu konjizzjoni tal-każ tkun il-qorti nazzjonali sostantivament kompetenti fit-territorju fejn tkun saret il-kunsinna tal-merkanzija jew fejn is-servizz ikun ġie pprovdut.

    103. Madankollu, din il-preċiżazzjoni hija intiża sempliċiment li tiggarantixxi li l-qorti nazzjonali kompetenti tkun dik li, b’mod ġenerali, tippreżenta l-fattur ta’ rabta l-iktar qrib ma’ l-elementi materjali tal-kawża. Dan l-għan ma jkunx ivvizzjat fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi ħdan l-istess Stat Membru. Meta, bħal fil-kawża preżenti, it-talba tirrigwarda bla distinzjoni l-kunsinni kollha, il-qrati kollha tat-territorju fejn waħda jew diversi minn dawn il-kunsinni saru jirrapreżentaw kollha fattur ta’ prossimità ma’ l-elementi marterjali tal-kawża. Konsegwentement, tkun xi tkun il-qorti li jersaq quddiemha l-konvenut fost dawn il-qrati u li quddiemha jkollhom jitressqu l-azzjonijiet kollha bbażati fuq il-kuntratt li jorbot lill-partijiet, l-għan ta’ prossimità jkun sodisfatt.

    104. Isegwi li, bħalma indikat ġustament il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stat Membru wieħed jikkonforma ma’ l-għan ta’ prossimità li huwa l-bażi tal-ġurisdizzjoni speċjali.

    105. Fl-aħħar nett, peress li qegħdin neżaminaw il-kwistjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tal-konvenut, lanqas nemmen li l-applikazzjoni ta’ l-għażla in kwistjoni fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fuq it-territorju ta’ Stat Membru jmorru kontra l-protezzjoni li dan għandu dritt jistenna mir-Regolament Nru 44/2001.

    106. Il-konvenut, parti fil-kuntratt ta’ bejgħ internazzjonali, għandu d-dritt jistenna li, skond l-għażla miftuħa għall-konvenut mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġi mħarrek, eventwalment, quddiem qorti ta’ Stat Membru li mhuwiex dak tad-domiċilju tiegħu. Il-konvenut jaf li r-rikorrent, skond din id-dispożizzjoni, għandu l-fakultà li jħarrku quddiem il-qorti tal-post ta’ twettiq tal-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt. Fil-kawża preżenti, LEXX International Vertriebs, li għamlet kunsinna tal-merkanżija in kwistjoni fl-Awstrija, kellha tkun taf li fil-każ ta’ kawża, Color Drack setgħet tħarrikha quddiem qorti Awstrijaka.

    107. Jien ma nemminx li hemm, għall-konvenut, differenza sinjifikattiva bejn kunsinna waħda u diversi kunsinni li jistgħu jwasslu għall-multiplikazzjoni ta’ qrati kompetenti fi Stat Membru wieħed. Id-diffikultà prinċipali għal kumpannija jew għal individwu f’kawża internazzjonali huwa li jiddefendi l-interessi tiegħu fi Stat Membru li mgħandux id-domiċilju tiegħu fih. Din il-kumpannija jew dan l-individwu għaldaqstant jinsab ostakolat milli jagħżel avukat li miegħu jista’ jikkomunika u li jaf il-lingwa, il-proċedura u l-funzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat. Ladarba l-kovenut isib dan l-avukat u jafda fih, il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk dan ta’ l-aħħar ikollu jirrapreżentah quddiem il-qorti ta’ belt jew dik ta’ oħra jkollha biss impatt fuq l-ammont ta’ spejjeż.

    108. Barra minn hekk, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru, il-konvenut, li jaf liema huma dawn il-postijiet peress li huma determinati konvenzjonalment, qiegħed fil-pożizzjoni li jbassar quddiem liema qrati ta’ dan l-Istat jista jiġi mħarrek eventwalment billi jgħarraf ruħu bir-regoli nazzjonali applikabbli.

    109. Fl-aħħar nett, fl-evalwazzjoni tal-portata ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi mfakkar li l-partijiet fil-kuntratt għandhom il-fakultà li jillimitaw jew jiskartaw il-possibbiltà li tintuża l-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista minn din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, huma jistgħu jikkonkludu ftehim komuni, fost il-postijiet differenti ta’ kunsinna, dawk li għandhom jitqiesu bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni. L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi fil-fatt li l-kriterju ta’ ġurisdizzjoni awtonoma huwa intiża li jkun applikabbli “ħlief jekk jiġi miftiehem mod ieħor”.

    110. Barra minn hekk, il-partijiet fil-kuntratt jistgħu wkoll jindikaw il-qorti jew qrati kompetenti li jieħdu konjizzjoni tal-kontroversji li jinħolqu minn dan il-kuntratt permezz ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni li tingħata taħt il-forom meħtieġa mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001.

    111. Huwa fid-dawl ta’ dan il-kunsiderazzjonijiet li jiena ta’ l-opinjoni li l-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 hija applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna meta dawn il-postijiet jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

    112. Ma nemminx li din il-pożizzjoni tmur kontra s-soluzzjoni miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Besix, iċċitata iktar ‘il fuq.

    113. F’din il-kawża, li tat lok għal din is-sentenza, il-kwistjoni kienet dik li jsir magħruf jekk il-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hijiex applikabbli fil-każ fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba jikkostitwixxi klawżola ta’ esklużività, li biha ż-żewġ impriżi kienu rabtu lil xulxin li jaġixxu flimkien fil-qasam tas-suq pubbliku u li ma jintrabtux ma’ sħab oħra.

    114. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-ġurisdizzjoni fakultattiva mhijiex applikabbli f’tali sitwazzjoni, peress li l-obbligu kuntrattwali kkontestat jikkostitwixxi obbligu li ma titwettaq l-ebda limitazzjoni ġeografika. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma kienx possibbli li tiddetermina post wieħed ta’ twettiq peress li l-obbligu in kwistjoni kellu jitwettaq fl-Istati Membri kollha.

    115. Fl-opinjoni tiegħi, din is-soluzzjoni mhijiex transponibbli, meta l-postijiet kollha ta’ twettiq tal-kuntratt jinsabu fi Stat Membru wieħed (30).

    116. Issa għandu jiġi eżaminat jekk, skond ir-Regolament Nru 44/2001, ir-rikorrent jistax jippreżenta l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna ta’ l-għażla tiegħu jew quddiem il-qorti ta’ post ta’ twettiq partikolari.

    B –    Fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk, skond l-Artikolu 5(1)(b) tar- Regolament Nru 44/2001, tistax titressaq l-azzjoni quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna ta’ għażla jew quddiem il-qorti ta’ post ta’ twettiq partikolari

    117. Il-Kummissjoni ssostni li jekk, fost il-kunsinni differenti, waħda tidher li għandha natura prinċipali filwaqt li l-oħrajn jidhru li huma kunsinni sekondarji, ir-rikorrent ikollu jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti tal-post ta’ twettiq tal-kunsinna prinċipali. Fin-nuqqas ta’ kunsinna prinċipali, ir-rikorrenti tkun tista’ tħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti ta’ waħda mill-postijiet ta’ kunsinna, jekk tkun tixtieq.

    118. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi t-traspożizzjoni, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ distinzjoni bejn l-obbligu prinċipali u l-obbligu sussidjarju, mogħtija fis-sentenza Shenavai, iċċitata iktar ‘il fuq.

    119. Jien ma naqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni minħabba l-motivi li ġejjin.

    120. Fl-ewwel lok, jien ta’ l-opinjoni li din il-proposta ma ssibx bażi fir-Regolament Nru 44/2001.

    121. L-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll rajna, huwa intiż li jattribwixxi lil qorti unika l-azzjonijiet kollha bbażati fuq l-istess kuntratt. Huwa jipprovdi, barra minn hekk, li l-qorti tkun dik tal-post ta’ twettiq tal-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt safejn jista jiġi ddeterminat faċilment mill-partijiet u li jikkorrispondi, b’mod ġenerali, mal-qorti li jkollha l-fattur ta’ prossimità l-iktar qrib ma’ l-elementi tal-kawża.

    122. Diġà indikajt li l-għan ta’ tbassir imfittex mir-Regolament Nru 44/2001 huwa ssodisfatt mill-mument fejn il-postijiet kollha ta’ twettiq jinsabu fl-istess Stat Membru, peress li l-konvenut ikun jaf li, fin-nuqqas ta’ ftehim ieħor, jista’ jiġi mħarrek quddiem il-qorti ta’ wieħed minn dawn il-postijiet ta’ twettiq.

    123. Rajna wkoll li, peress li t-talba tirrigwarda l-kunsinni kollha bla distinzjoni, il-qrati kollha tat-territorju li fih saret kunsinna tippreżenta l-istess prossimità ma’ l-elementi tal-kawża. L-għan ta’ prossimità, li huwa l-bażi ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa għaldaqstant issodisfatt bl-istess mod jekk ir-rikorrent tħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti ta’ kwalunkwe post ta’ kunsinna. (31)

    124. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena ma nsib, fir-Regolament Nru 44/2001, l-ebda raġuni valida għall-introduzzjoni ta’ kriterji ġodda ddestinati għad-determinazzjoni ta’ liema qorti jkollha tieħu konjizzjoni fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna meta t-talba tirrigwarda l-kunsinni kollha.

    125. Fit-tieni lok, fl-opinjoni tiegħi, it-teżi tal-Kummissjoni, jekk kellha tiġi segwita, ikollha bħala konsegwenza li terġa tintroduċi, fis-sistema ta’ ġurisdizzjoni fakultattiva f’kawżi ta’ natura kuntrattwali previsti mir-Regolament Nru 44/2001, kriterji kumplessi, li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq manifestament jabbanduna. Fil-fatt, ikun diffiċli ħafna għall-partijiet fil-kuntratt jiddeterminaw b’mod ċar minn meta kunsinna jkollha natura prinċipali. Tali kwalifika terġa tkun dipendenti fuq preċiżazzjonijiet li jistgħu jsiru biss mill-ġurisprudenza.

    126. Huwa minħabba dan li ma nemminx li r-Regolament Nru 44/2001 jiġġustifika li jiġu stabbiliti kriterji bħalma huma dawk previsti mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat quddiem il-qorti ta’ liema post ta’ kunsinna għandu jiġi mħarrek il-konvenut.

    127. Barra minn hekk, lanqas nemmen li r-Regolament Nru 44/2001 jikkonferixxi lir-rikorrent id-dritt li jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem l-qorti ta’ kwalunkwe post ta’ kunsinna. Ma naħsibx li r-Regolament huwa intiż li jiggarantixxi tali libertà ta’ għażla. Fl-opinjoni tiegħi, dak li l-Artikolu 5(1)(b) jeżiġi huwa li r-rikorrent ikun jista jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-postijiet ta’ kunsinna tal-merkanzija u li din il-qorti tieħu konjizzjoni tal-kawżi kollha li jirrigwardaw l-istess kuntratt. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni timponi li r-rikorrent ikun jista’ jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tat-territorju li fih twettqet kunsinna u li din il-qorti tkun l-unika qorti nazzjonali li għandha l-ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-kawżi kollha li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija li jorbot lill-partijiet.

    128. Madankollu, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-qrati kollha tat-territorju li fih twettqet kunsinna humiex kompetenti li jieħdu konjizzjoni ta’ tali domanda, li tirrigwarda l-kunsinni kollha, jew anke jekk din it-tip ta’ kawża taqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti jew qrati partikolari fl-opinjoni tiegħi tirriżulta mill-awtonomija proċedurali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret il-kunsinna tal-merkanzija.

    129. Għaldaqstant, huwa fil-każ fejn id-dritt ta’ dan l-Istat Membru ma jipprevedix regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li l-konvenut, meta t-talba tirrigwarda l-kunsinni kollha, ikun jista’ jiġi mħarrek quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-postijiet ta’ kunsinna, ta’ għażla tar-rikorrent.

    130. Fid-dawl ta’ dan l-element, jien nipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof tkun li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna meta l-merkanzija, skond dak li nftiehem bejn il-partijiet, tkun ġiet ikkunsinnata f’numru ta’ postijiet fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Meta t-talba tirrigwarda l-kunsinni kollha, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk ir-rikorrent jistax ifittex lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna li jagħżel hu jew jekk biss quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-postijiet jirriżulta mid-dritt ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret il-kunsinna tal-merkanzija. Jekk id-dritt ta’ dan l-Istat ma jipprevedix regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, ir-rikorrent jista’ jfittex lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna li jagħżel hu.

    IV – Konklużjoni

    131. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari ta’ l-Oberster Gerichtshof:

    “L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u twettiq ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali huwa applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna meta l-merkanzija, skond dak li nftiehem bejn il-partijiet, tkun ġiet ikkunsinnata f’numru ta’ postijiet fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

    Meta t-talba tirrigwarda l-kunsinni kollha, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk ir-rikorrent jistax ifittex lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna li jagħżel hu jew biss quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-postijiet jirriżulta mid-dritt ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret il-kunsinna tal-merkanzija. Jekk id-dritt ta’ dan l-Istat ma jipprevedix regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, ir-rikorrent jista’ jfittex lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post ta’ kunsinna li jagħżel hu”.


    1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2 – Regolament tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).


    3 – (ĠU 1972, L 299, p. 32). Konvenzjoni kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u t-test emendat p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u kif ukoll mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1). Verżjoni kkonsolidata tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif emendata mill-erba’ Konvenzjonijiet ta’ adeżjoni, ġiet ippubblikata fil-ĠU 1998, C 27, p. 1 (iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


    4 – Tliet Stati Membri, ir-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq għażlu li ma jipparteċipawx bħala prinċipju għall-miżuri bbażati fuq it-Titolu IV tat-Trattat KE. Madankollu, ir-Renju Unit u l-Irlanda aċċettaw li jkunu marbuta bir-Regolament Nru 44/2001 (ara l-għoxrin premessa tiegħu). Id-Danimarka wkoll aċċettat li tapplika r-Regolament Nru 44/2001 permezz ta’ ftehim tad-19 ta’ Ottubru 2005, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/790/KE, ta’ l-20 ta’ Settembru 2005, dwar l-iffirmar tal-ftehim, f’isem il-Komunità bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u twettiq ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 299, p. 61). Skond l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tibqa’ tapplika għall-parti tat-territorju ta’ l-Istati Membri li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, kif iddefinit fl-Artikolu 299 tiegħu. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli wara l-1 ta’ Mejju 2004 għall-għaxar Stati Membri ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea.


    5 – Artikolu 66 tar-Regolament.


    6 – Id-dsatax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001.


    7 – Iktar ‘il quddiem “Color Drack”.


    8 – Iktar ‘il quddiem “LEXX International Vertriebs”.


    9 – Il-Gvern Ġermaniż jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-verżjoni Ġermaniża (“der Ort in einem Mitgliedstaat”), għall-verżjoni Ingliża (“the place in a Member State”) u għall-verżjoni Franċiża (“le lieu d’un État membre”).


    10 – Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-256/00, Ġabra p. I-1699).


    11 – Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Schilling u Nehring (C-63/00, Ġabra p. I 4483, punt 24) kif ukoll ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, Ġabra p. I 11453, punti 203 sa 206 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C-283/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 16 u 22).


    12 – Li sar l-Artikolu 29 KE.


    13 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C-125/92, Ġabra p. I 4075, punt 11).


    14 – ĠU 1979, C 59, p. 1 u 22.


    15 – 14/76, Ġabra p. 1497, punti 11 u 13.


    16 – Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata waqt il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru, 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, li emendat, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell sabiex tippreċiża li l-obbligu li l-post ta’ twettiq tiegħu jiddetermina l-qorti kompetenti f’kawżi ta’ natura kuntrattwali huwa “l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba”. L-istess formula ttieħdet fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.


    17 – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976 (12/76, Ġabra p. 1473, punt 13).


    18 – Sentenza Besix, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    19 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1999 (C-420/97, Ġabra p. I 6747).


    20 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987 (266/85, Ġabra p. 239).


    21 – Ibidem (punt 19).


    22 – Sentenza Besix, iċċitata (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    23 – Ibidem ( punt 25).


    24 – ĠU L 266, p. 1, iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”. Fil-każ fejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell fiha xi għażliet ta’ ġurisdizzjoni li jippermettu lir-rikorrent jagħżel bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri differenti, l-Istati Membri jistgħu jaħsbu li r-rikorrent iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem qorti biss minħabba l-fatt li l-liġi applikabbli fiha tkun iktar ta’ benefiċċju għalih. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma għandha bħala għan li tnaqqas dan ir-riskju, magħruf bħala “forum shopping”, billi tiddetermina l-liġi nazzjonali materjali applikabbli mill-qorti li għandha konjizzjoni tal-kawża. Għaldaqstant hija intiża li r-riżultat ikun l-istess, tkun liema tkun il-qorti magħżula mill-partijiet fil-kawża. Din il-Konvenzjoni hija applikabbli fil-ħmistax-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, qabel it-tkabbir ta’ l-1 ta’ Mejju 2004. L-għaxar Membri li l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea saret f’din l-istess data wkoll iffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Ruma fl-14 ta’ April 2005. Fl-14 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni ħadet passi sabiex tittrasforma din il-Konvenzjoni f’Regolament. Fil-15 ta’ Diċembru 2005, hija ppreżentat proposta għal regolament f’dan is-sens. [Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Rome I), Com (2005) 650 final].


    25 – Ara, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-problema ta’ artikolazzjoni bejn l-Artikolu 4(2) tagħha, li jipprovdi preżunzjoni ta’ benefiċċju għal-liġi tar-residenza normali tal-parti li għandha tipprovdi l-provvista li hija n-natura tal-kuntratt, u l-Artikolu 4(5), li jiddisponi li din il-preżunzjoni għandha tiġi skartata jekk jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt jippreżenta rabtiet iktar b’saħħithom ma’ pajjiż ieħor.


    26 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial (C-288/92, Ġabra p. I 2913, punti 14 u 15).


    27 – Infakkru li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li, “fil-qasam kuntrattwali, [persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tiġi mfittxija] quddiem il-qrati tal-post fejn irid iseħħ l-obbligu li huwa l-bażi tad-domanda”.


    28 – Proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni u twettiq ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali[Com (1999) 348 finali].


    29 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Besix, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 25).


    30 – Is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Besix, iċċitata iktar ‘il fuq, tkun transponibbli, fl-opinjoni tiegħi, jekk il-postijiet ta’ kunsinna jinsabu fi Stati Membri differenti. F’tali każ, jien ta’ l-opinjoni li l-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ma tkunx applikabbli peress li l-għan ta’ tbassir ma jistax jintlaħaq, la l-qrati li jkunu eventwalment kompetenti jinsabu fit-territorju ta’ diversi Stati Membri. Jien ukoll ta’ l-opinjoni li jekk ikun il-każ, fid-dawl ta’ l-għan ta’ tbassir tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni mfittex mir-Regolament Nru 44/2001 u d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar ma tibqax applikabbli. Din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, minħabba n-natura purament sussidjarja tagħha, ikollha tara l-applikazzjoni tagħha limitata għas-sitwazzjoni prevista mill-Kummissjoni fil-proposta ta’ Regolament tagħha ta’ l-1999, jiġifieri meta l-post ta’ kunsinna tal-merkanzija jew ta’ provvista ta’ servizzi jinsabu fi Stat terz. Meta ssir il-kunsinna tal-merkanzija jew meta s-servizzi jkunu pprovduti f’diversi Stati Membri, fl-opinjoni tiegħi, il-qorti kompetenti tista’ tkun biss dik tad-domiċilju tal-konvenut, skond il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001.


    31 – Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku t-talba kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-merkanzija ta’ kunsinna jew numru ta’ kunsinni b’mod partikolari. Fit-tali każ, jiena ta’ l-opinjoni li l-għan ta’ prossimità li huwa l-bażi ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jobbliga lir-rikorrent iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti jew waħda mill-qrati tal-postijiet ta’ kunsinna ta’ din il-merkanzija.

    Top