Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0495

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) tal-21 ta' Mejju 2008.
    Belfass SPRL vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja - Żball materjali manifest - Għoti lill-iktar offerta vantaġġuża ekonomikament - Offerta anormalment baxxa -Artikolu 139(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 - Eċċezzjoni ta’ illegalità - Speċifikazzjonijiet - Ammissibbiltà.
    Kawża T-495/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:160

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

    21 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Żball materjali manifest — Għoti lill-iktar offerta vantaġġuża ekonomikament — Offerta anormalment baxxa — Artikolu 139(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Speċifikazzjonijiet — Ammissibbiltà”

    Fil-Kawża T-495/04,

    Belfass SPRL, stabbilita f’Forest (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Vogel, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u A. Vitro, bħala aġenti,

    konvenut,

    li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2004 li jirrifjuta ż-żewġ offerti magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti pubbliċi UCA-033/04 u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba l-aġir tal-Kunsill,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-kuntest ġuridiku

    1

    L-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa ssuġġettat għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjaru”), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 (ĠU L 357, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”). Dawn id-dispożizzjonijiet huma ispirati mid-direttivi komunitarji dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), mid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u mid-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), kif emendati.

    2

    L-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjaru jipprovdi:

    “1.   Il-kriterji ta’ għażla li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tal-kandidati jew tal-offerenti u l-kriterji ta’ attribuzzjoni li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kontenut tal-offerti għandhom ikunu ddefiniti minn qabel u ppreċiżati fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    2.   Il-kuntratti jistgħu jingħataw bil-proċedura awtomatika ta’ għoti jew bil-proċedura ta’ aċċertament tal-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3

    L-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjaru jipprovdi:

    “Waqt il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti ma jistgħux isiru ħlief taħt il-kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-trasparenza u t-trattament ugwali. Huma ma jistgħux iwasslu għall-emenda tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, u lanqas għal dik tat-termini tal-offerta inizjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    L-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjaru jipprovdi:

    “2.   L-awtorità kontraenti għandha tgħarraf lil kull kandidat jew offerent li l-applikazzjoni jew offerta tiegħu ma tkunx intlaqgħet bir-raġunijiet ta’ dik id-deċiżjoni, u lil kull offerent li l-offerta tiegħu tkun ammissibbli u li jagħmel talba bil-miktub bl-elementi kostituttivi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta rebbieħa u l-isem ta’ dak li jkun li jkun ingħata l-kuntratt.

    Madankollu, jekk dan ikun ta’ xkiel għall-applikazzjoni tal-liġi, jew imur kontra l-interess pubbliku jew ikun ta’ ħsara għall-interessi tan-negozju leġittimu ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew għall-kompetizzjoni ġusta bejn dawn l-impriżi, ċerti dettalji ma għandhomx jingħataw”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjaru jistabilixxi:

    “1.   L-awtorità kontraenti tista’, qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, jew tirrinunzja għall-kuntratt jew tħassar il-proċedura ta’ għoti mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati għal kwalunkwe talba għal kumpens”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif applikabbli fiż-żmien tal-fatti, kien jipprovdi li l-kuntratt tas-sejħa għal offerti:

    “[…] ristrett [huwa] meta l-operaturi ekonomiċi kollha jistgħu jitolbu li jieħdu sehem imma jistgħu jitfgħu offerta biss kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla msemmijin fl-Artikolu 135 u jkunu mistiedna fl-istess ħin u bil-miktub mill-awtoritajiet ta’ l-appalti”.

    7

    L-Artikolu 128(1) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li jirrigwarda l-proċedura ristretta wara s-sejħa għal espressjoni ta’ interess jipprovdi b’mod partikolari:

    “1.   Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess hi mezz biex jingħażlu minn qabel kandidati li jkunu mistiedna jiddepożitaw offerti bħala tweġiba għal stediniet ristretti iktar ’il quddiem […];

    3.   Meta għandu jingħata kuntratt speċifiku, l-awtorità ta’ l-appalti tistieden jew lill-kandidati kollha fil-lista jew uħud minnhom, fuq bażi ta’ kriterji ta’ għażla speċifiċi għal dak il-kuntratt, oġġettivi u mhux diskriminatorji, biex jagħmlu offerta”.

    8

    L-Artikolu 130(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif applikabbli fiż-żmien tal-fatti kien jipprovdi:

    “1.   Id-dokumenti li għandhom [x’jaqsmu] mas-sejħa biex isiru l-offerti, mill-inqas [għandhom jinkludu]:

    a)

    is-sejħa biex issir l-offerta jew biex isir;

    b)

    l-ispeċifikazzjonijiet mehmużin, li magħhom ikunu annessi t-termini ġenerali u l-kundizzjonijiet li jgħoddu għall-appalti;

    ċ)

    kampjun ta’ l-appalt..

    […]”

    9

    L-Artikolu 130(3)(a) u (b) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif applikabbli fiż-żmien tal-fatti jipprovdi:

    “3.   L-ispeċifikazzjonijiet mill-inqas iridu:

    a)

    jispeċifikaw il-kriterji ta’ għażla u għall-esklużjoni li jgħoddu għall-kuntratt, ħlief fil-proċedura ristretta u fil-proċeduri nnegozjati wara li jkun ippubblikat avviż imsemmija fl-Artikolu 127; f’każijiet bħal dawn, dawk il-kriterji jidhru biss fl-avviż ta’ l-appalt jew fis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess;

    b)

    jispeċifika[w] [i]l-kriterji għall-għoti u x’importanza għandhom; jekk dan ma jkunx speċifikat fl-avviż ta’ l-appalt;

    c)

    [j]istabbilixx[u] l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmijin fl-Artikolu 131;

    […]”

    10

    L-Artikolu 138 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif applikabbli fiż-żmien tal-fatti kien jipprovdi:

    “1.   Appalti jingħataw b’wieħed minn dawn iż-żewġ modi:

    a)

    skond il-proċedura ta’ għoti awtomatiku, li f’dan il-każ l-appalt jingħata lill-offerta, li filwaqt li tkun tajba u li tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti, tkun l-irħas;

    b)

    skond il-proċedura ta’ l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu.

    2.   L-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu tkun dik bl-aqwa relazzjoni bejn prezz u kwalità, billi jitqiesu l-kriterji ġġustifikati mis-suġġett ta’ l-appalt, bħalma huma l-prezz mitlub, merti tekniċi, karatteristiċi funzjonali u estetiċi, karatteristiċi ambjentali, spejjeż biex jitħaddem, kemm idum biex iħalli qliegħ u dewmien ta’ konsenja, servizzi ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika.

    3.   L-awtorità ta’ l-appalti tispeċifika, fl-avviż ta’ l-appalt jew fl-ispeċifikazzjonijiet, l-importanza li se tagħti lil kull kriterju biex tiddetermina l-aqwa valur għall-flus li jkunu se jintefqu.

    L-importanza mogħtija lill-prezz f’relazzjoni mal-kriterji l-oħrajn m’għandhiex ixxejjen l-importanza tal-prezz fl-għażla ta’ l-appaltatur.

    Jekk, f'każi eċċezzjonali, l-importanza ma tistax titqassam relattivament, partikolarment minħabba s-suġġett ta’ l-appalt, l-awtorità ta’ l-appalti kemm tispeċifika kif għandhom ikunu applikati l-kriterji mill-iktar importanti għall-inqas importanti”.

    11

    L-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif applikabbli fiż-żmien tal-fatti kien jipprovdi:

    “1.   Jekk, għal xi appalt, l-offerti jidhru abnormalment baxxi, l-awtorità tal-kuntratti, qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti fuq dan l-argument biss, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi li minnhom magħmula l-offerta, li hi tqis li għandhom x’jaqsmu u tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li tkun semgħet sew il-partijiet, u tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun irċeviet.

    L-awtorità ta’ l-appalti tista’, b’mod partikolari, tqis l-ispjegazzjonijiet dwar:

    a)

    l-ekonomika tal-proċess ta’ manifattura, tal-fornitura tas-servizz jew tal-metodu ta’ kostruzzjoni;

    b)

    is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għal min qed jitfa’ l-offerta;

    ċ)

    l-oriġinalita ta’ l-offerta”.

    12

    L-Artikolu 148(1) u (3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi:

    “1.   Kuntatt bejn l-awtorità ta’ l-applati u dawk li jitfgħu l-offerti waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ l-appalt jistgħu jsiru b’eċċezzjoni skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

    3.   Jekk wara li jinfetħu l-offerti tinħtieġ xi kjarifika f’konnessjoni ma’ offerta, jew jekk iridu jkunu rranġati xi żbalji klerikali ovvji, l-awtorità ta’ l-appalti tista’ tikkuntattja lil min ikun tefa’ l-offerta, għalkemm kuntatt ta’ dan it-tip ma jibdel xejn mit-termini ta’ l-appalt”.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13

    Fl-4 ta’ Marzu 2004, bis-saħħa tar-Regolament Finanzjaru u tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, il-Kunsill ippubblika fis-Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunita Ewropea (ĠU 2004, S 45), sejħa għal offerti bir-referenza UCA-033/04, skont il-proċedura ristretta, għall-provvista ta’ servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni tal-bini (tnejn) okkupat mis-segretarjat ġenerali tal-Kunsill fi Brussel. Il-kuntratt kien ikkostitwit minn żewġ lottijiet, li kull wieħed minnhom kien jikkorrispondi għal post speċifiku ta’ provvista tas-servizzi, jiġifieri l-bini “Woluwé Heights” (lott Nru 1) u l-bini “Frère Orban” (lott Nru 2).

    14

    L-ispeċifikazzjonijiet kienu jipprovdu li l-kriterju ta’ attribuzzjoni adottat kien dak tal-l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. L-evalwazzjoni finali tal-offerti għal kull lott kellha ssir billi jiġu attribwiti lil kull offerta numru ta’ punti allokati b’dan il-mod: “Numru ta’ punti ‘kwalità’ x 100/indiċi tal-prezz”. L-offerta kkunsidrata bħala dik li toffri l-aħjar valur għall-flus kellha tkun dik li tkun kisbet, fit-tmiem ta’ din l-evalwazzjoni finali, l-ogħla numru ta’ punti, filwaqt li jiġi osservat in-numru minimu ta’ punti impost taħt is-sezzjoni “Kwalità”.

    15

    Skont l-istess speċifikazzjonijiet, il-kwalità ta’ kull offerta kellha tiġi evalwata fuq massimu ta’ 100 punt u fuq il-bażi ta’ tmien kriterji. It-tmien kriterju, li kien iġorr massimu ta’ 50 punt, kien jirrigwarda s-“Servizzi f’sigħat skont data tat-totali A, B, Ċ u D tan-nota fl-Anness 3”.

    16

    Il-50 punt attribwiti taħt dan il-kriterju tal-aħħar kienu jingħataw fuq bażi proporzjonali fid-dawl tad-differenza bejn, minn naħa, in-numru totali tas-sigħat proposti għal kull sena fl-offerta evalwata (Ho) u, min-naħa l-oħra, il-medja tal-ammont totali tas-sigħat proposti, għal kull sena finanzjarja, f’kull offerta ddikjarata bħala ammissibbli (Hm). Il-medja Hm kellha tiġi deskritta bħala sodisfaċenti u tingħata 40 punt (jiġifieri 80 % mil-limitu massimu ta’ 50 punt). Skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, qbiż ta’ dan il-limitu Hm, li jammonta għal 12.5 %, kien jiġi ppremjat b’punti supplementari, filwaqt li jiġi osservat il-limitu massimu ta’ 50 punt. Min-naħa l-oħra, tnaqqis fil-konfront ta’ dan il-limitu Hm, ta’ iktar minn 12.5 %, kien jiġi ppenalizzat bit-tneħħija ta’ punti sa’ minimu ta’ eliminazzjoni ta’ 30 punt.

    17

    Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet kienu jipprovdu li r-rata medja fis-siegħa ta’ kull offerta ma setgħetx, taħt piena li tiġi eliminata, tkun inqas mir-rata medja fis-siegħa stabbilita mill-Union générale belge de nettoyage (iktar ’il quddiem il-“UGBN”) fir-rigward tal-kategorija 1A għall-prezz tal-ispejjeż u li kienet fis-seħħ meta saret l-offerta. Fl-1 ta’ Lulju 2004, din ir-rata medja fis-siegħa kienet stabbilita għal EUR 19.6962.

    18

    Fit-23 ta’ Ġunju 2004, l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw is-sejħa għal offerti inkwistjoni ġiet indirizzatha lill-applikanti.

    19

    Fit-23 ta’ Lulju 2004, Belfass SPRL, ir-rikorrenti, ippreżentat żewġ offerti li jikkonċernaw rispettivament iż-żewġ lottijiet li kienu s-suġġett tas-sejħa għal offerti UCA-033/04. L-ammont totali tal-prezz annwali elenkat fl-offerta tar-rikorrenti, fir-rigward tal-lott Nru 1, kien ta’ EUR 234059.67.

    20

    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bir-rifjut taż-żewġ offerti tagħha għar-raġunijiet li ġejjin: “[…] fir-rigward tal-lott [Nru] 1, il-kalkolu tar-rata medja fis-siegħa tal-offerta tagħkom iwassal għal riżultat li huwa inqas mill-minimu tal-UGBN li ġie stabbilit għal EUR 19,6962 fl-[1 ta’ Lulju 2004]. F’dak li jirrigwarda l-lott [Nru] 2, l-offerta tagħkom ma kisbitx l-ammont minimu meħtieġ tal-punti kwalità mogħtija mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, skont il-kriterji msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet […]”

    21

    Fil-15 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill sabiex jibgħatilha informazzjoni supplementari u ddettaljata fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-rifjut tal-offerta tagħha li tikkonċerna l-lott Nru 2.

    22

    Fit-22 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill wieġeb għal din it-talba billi osserva, b’mod partikolari, dan li ġej:

    “[…] l-offerta tiegħek, fir-rigward ta’ numru ta’ sigħat li huwa inqas minn 20 % tan-numru medju ta’ sigħat tal-offerti kollha, ġiet għaldaqstant eliminata f’dan l-istadju, skont il-formola riprodotta fil-paġna 2”.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    23

    B’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

    24

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

    25

    Fit-13 ta’ Diċembru 2006, b’risposta għal talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Novembru 2006, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill ikkomunika lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-avviż u l-ispeċifikazzjonijiet relatati mas-sejħa għal offerti UCA-033/04, kif ukoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni oriġinali (fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tiegħu) li jirrigwarda din is-sejħa għal offerti.

    26

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007.

    27

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2004, li ma jilqax iż-żewġ offerti tagħha magħmula wara s-sejħa għal offerti UCA-033/04;

    tordna lill-Kunsill iħallas kumpens għad-dannu li hija sostniet, li huwa stmat għal EUR 1481317.65, miżjud bl-interessi kkalkolati b’rata annwali ta’ 7 %;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    28

    Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli f’dak li jirrigwarda l-lott Nru 2;

    tiddikjara r-rikors għal annullament bħala mhux fondat;

    tiċħad it-talba għal danni u interessi bħala mhux fondata;

    tikundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2

    L-argumenti tal-partijiet

    29

    Il-Kunsill, mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, isostni li r-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2, huwa inammissibbli. Huwa jafferma li r-rikorrenti ma tikkontestax d-deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratt bħala tali, iżda l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jinkludi, fl-ispeċifikazzjonijiet, il-kriterju li wassal għall-esklużjoni tagħha, jiġifieri, il-medja tan-numru totali ta’ sigħat proposti mill-offerenti.

    30

    Waqt is-seduta, il-Kunsill ippreċiża li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li persuna li tqis li l-ispeċifikazzjonijiet ta’ sejħa għal offerti, kif stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, jiddiskriminaw kontriha m’għandiex tistenna n-notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni sabiex tikkontestaha, billi tistrieħ preċiżament fuq in-natura diskriminatorja tal-imsemmija speċifikazzjonijiet, bla ħsara għall-għanijiet ta’ ħeffa u ta’ effikaċja tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva 92/50 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service, C-230/02, Ġabra p. I-1829, punt 37).

    31

    Issa, huwa jqis li peress li l-ispeċifikazzjonijiet kienu ġew indirizzati b’mod individwali lill-kandidati, u għaldaqstant lir-rikorrenti, fit-23 ta’ Ġunju 2004, it-terminu stabbilit ta’ xahrejn sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni tal-imsemmi kriterju kien skada fil-ġurnata li fiha ġie ppreżentat ir-rikors preżenti.

    32

    Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li l-ispeċifikazzjonijiet mhumiex att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, dawn huma att preparatorju ta’ portata ġenerali, u skont ġurisprudenza stabbilita, tali att, indipendement miż-żmien li fih jintervjeni, qatt ma jista’ ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    33

    Hija tqis ukoll li l-ispeċifikazzjonijiet huma indirizzati lill-impriżi kollha li, filwaqt li huma parti minn kategorija definita f’termini ġenerali u astratti, jixtiequ japplikaw sabiex jiksbu kuntratt pubbliku. Fil-kawża preżenti, l-ispeċifikazzjonijiet la huma deċiżjoni li hija d-destinatarja taghhom, u lanqas deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment. Hija tikkonkludi li huwa biss rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt seta’ jippermettilha tikkontesta l-legalità tal-kriterju inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet dwar in-numru totali ta’ sigħat proposti mill-offerenti.

    34

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet, il-benefiċċju tal-eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 241 KE.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    35

    Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-pożizzjoni tal-Kunsill tikkonsisti f’kontestazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors preżenti inkwantu, skont din l-istituzzjoni, huwa intiż, fir-realtà, biss kontra l-ispeċifikazzjonijiet, li huma att kontestabbli li l-legalità tagħhom ma ġietx ikkontestata fit-termini stabbiliti.

    36

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament previst fir-rikors preżenti huwa dak tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2004, li ma jilqax l-offerti tar-rikorrenti, ippreżentati wara sejħa għal offerti, u huwa biss għall-ħtiġijiet ta’ din it-talba għal annullament, u għaldaqstant b’mod inċidentali, li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet.

    37

    B’dan il-mod, il-kwistjoni li tqum mhijiex dik tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament sa fejn huwa allegatament jirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet, iżda dik tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ dan id-dokument invokata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal annullament.

    38

    Sabiex tingħata risposta għal din il-kwistjoni tal-aħħar, għandu jiġi stabbilit jekk dokument ta’ sejħa għal offerti, bħalma huma l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni, huwiex att li jista’, bħalma jsostni l-Kunsill, ikun is-suġġett ta’ rikors dirett taħt ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230, KE, u għaldaqstant, jekk ir-rikorrenti kellhiex taġixxi, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni u fit-terminu ta’ xahrejn stabbilit fil-ħames paragrafu, kontra l-ispeċifikazzjonijiet.

    39

    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjonijiet indirizzati lilha jew kontra d-deċiżjonijiet li għalkemm meħuda fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, jirrigwardawha direttament u individwalment.

    40

    Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex id-destinatarju ta’ att tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE, biss jekk hija affettwata mill-att inkwistjoni minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra, u minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għad-destinatarju tal-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; p. 223; tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36, u tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 45).

    41

    Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni jikkonċernaw lir-rikorrenti b’mod individwali.

    42

    Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, il-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet ġew indirizzati b’mod individwali, fit-23 ta’ Ġunju 2004, lill-kandidati magħżula minn qabel u għaldaqstant lir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura ristretta, ma jistax jindividwalizza lil din tal-aħħar fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230, KE. Fil-fatt, l-ispeċifikazzjonijiet, bħad-dokumenti kollha tas-sejħa għal offerti maħruġa mill-Kunsill u li jagħmlu parti minnhom, japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti oġġettivament u jinvolvu effetti ġuridiċi fil-konfront tal-kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, huma għandhom natura ġenerali u ma jistax jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni individwali tagħhom lill-impriżi magħżula minn qabel mill-awtorità kontraenti tippermetti li tiġi individwalizzata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230, KE, kull waħda minn dawn l-impriżi meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha.

    43

    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jiżbalja meta jibbaża ruħu fuq is-sentenza Grossmann Air Service, punt 30 iktar ’il fuq, biex juri li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tikkontesta l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat wara domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665. Issa, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kunsill, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, kif emendata, jorbtu biss lill-Istati Membru u mhux lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Barra minn hekk, kif irrikonoxxa wkoll il-Kunsill waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi mill-istituzzjonijiet Komunitarji, kif applikabbli fil-kawża preżenti, ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tista’ tiġi mqabbla ma’ dawk li jidhru fid-Direttiva 89/665. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, bil-kontra tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali fis-sentenza Grossmann Air Service, punt 30 iktar ’il fuq, fil-kawża preżenti, il-kriterju li jinsab fl-ispeċifikazzjonijiet u li huwa kkontestat mir-rikorrenti ma jipprekludhiex milli tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. Bil-kontra, jirriżulta mill-atti tal-proċess li r-rikorrenti, bl-istess mod bħall-kanditati l-oħra inkużi fil-lista stabbilita wara l-istadju ta’ għażla minn qabel, kienet f’pożizzjoni li tippreżenta offerta fir-rigward tal-lott Nru 2. Għaldaqstant, ma tistax tiġi invokata, fit-tmiem ta’ raġjunament b’analoġija, u sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, sa fejn huwa jirrigwarda l-lott Nru 2, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Grossmann Air Service, punt 30 iktar ’il fuq, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, kif emendata.

    44

    Minn dak li ntqal jirriżulta li peress li l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni ma jikkonċernawx individwalment lir-rikorrenti, hija m’għandhiex id-dritt li tippreżenta rikors għal annullament, taħt ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230, KE, kontra l-ispeċifikazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kunsill jiżbalja meta jeċċepixxi n-natura allegatament kontestabbli ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet mir-rikorrenti sabiex jopponi l-kontestazzjoni, minn din tal-aħħar, fil-kuntest tar-rikors preżenti, b’mod inċidentali, tal-legalità ta’ dan id-dokument.

    Fuq il-mertu

    Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 1

    L-argumenti tal-partijiet

    45

    In sostenn tar-rikors tagħha għal annullament kontra d-deċizjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn din tirrigwarda l-lott Nru 1, ir-rikorrenti tressaq motiv wieħed ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    46

    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu naqas mill-obbligu tiegħu ta’ eżami bir-reqqa tal-offerta tagħha għal-lott Nru 1.

    47

    Fil-fatt, bil-kontra tal-konklużjoni tal-Kunsill, hija ssostni li r-rata medja fis-siegħa tal-offerta tagħha kienet ta’ EUR 22.123 u għaldaqstant kienet ogħla mir-rata medja fis-siegħa ta’ EUR 19.6962 stabbilita mill-UGBN.

    48

    Huwa minnu li r-rikorrenti tammetti li dan l-iżball imwettaq mill-Kunsill huwa marbut ma’ żball ta’ għadd li twettaq fl-offerta tagħha fuq il-livell tat-total tal-kategoriji A, B, Ċ u D (EUR 234059.67 minflok EUR 271811.67).

    49

    Madankollu, hija tikkunsidra li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, waqt l-eżami tal-offerta tagħha, il-Kunsill kellu jassigura ruħu li l-offerta suġġetta għall-eżami tiegħu ma kinitx tinkludi tali żball materjali manifest, li seta’ jikkoreġi minn rajh.

    50

    Hija tosserva li sempliċi verifika tal-kalkoli kienet tippermetti lill-Kunsill jikkonstata li r-rata fis-siegħa korretta tal-offerta tagħha kienet ta’ ammont minimu ta’ EUR 20.92, kif jirriżulta b’mod ċar u preċiż mill-paġna 40 tal-offerta.

    51

    Mill-inqas, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn l-imsemmi żball kien manifest, u li l-korrezzjoni tiegħu ma biddlet la l-kundizzjonijiet tal-kuntratt u lanqas l-offerta inizjali, il-Kunsill seta’, b’osservanza tal-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjaru, u kif kien jipprovdi l-Artikolu 10 tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, jeżerċita d-dritt tiegħu biex jikkuntattja.

    52

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li, bil-kontra ta’ dak li jafferma l-Kunsill, il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 1996, Adia interim vs Il-Kummissjoni (T-19/95, Gabra p. II-321, punt 47), ma jistgħux jiġu riprodotti fil-kawża preżenti. Fil-fatt, hija tosserva li din is-sentenza kienet tirrigwarda żball sistematiku ta’ kalkolu li kien diffiċli biex jintgħaraf mill-awtorità kontraenti. Issa, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tikkunsidra li ż-żball inkwistjoni huwa żball sempliċi ta’ għadd tal-kategoriji A, B, Ċ u D, żball li l-Kunsill seta’ jagħraf u jikkoreġi faċilment.

    53

    Bl-istess mod, ir-rikorrenti tafferma li l-Kunsill ma jistax jallega li ma nnotax dan l-iżball, meta l-prezz totali korrett, u għaldaqstant wara korrezzjoni, jidher fl-evalwazzjonijiet komparattivi “ordinarji” u “teoretiċi” tal-offerti magħquda fl-anness tar-risposta tiegħu.

    54

    Barra minn hekk, hija ssostni li l-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1972, Bernardi vs Il-Parlament (90/71, Ġabra p. 603, punt 10), li jgħid li parti ma tistax tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-irregolaritajiet li setgħu kienu l-konsegwenza tal-aġir tagħha stess, lanqas ma huwa applikabbli fil-kawża preżenti. Fil-fatt, hija tosserva li l-aġir tagħha la kien doluż u lanqas ma kien ta lok għall-iżball imwettaq mill-Kunsill. Hija żżid li hija ma kellha l-ebda interess li l-iżball, f’dan il-każ sempliċi żball mhux volontarju ta’ kalkolu ma jiġix korrett.

    55

    Barra minn hekk, b’risposta għall-argument tal-Kunsill, ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjaru tagħti lill-offerent eskluż id-ditt li jiġbed l-attenzjoni tal-awtorità kontraenti għal eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni li setgħu jivvizzjaw l-offerta tiegħu, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza jimponu fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tinforma b’mod espliċitu lid-destinatarju, f’din il-komunikazzjoni, bl-eżistenza ta’ dan id-dritt. Issa, hija tqis li l-Kunsill, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2004, qatt ma informaha bl-eżistenza ta’ tali dritt. Minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    56

    Minn dan hija tikkonkludi li l-iżball imwettaq mill-Kunsill, fir-rigward tal-kalkolu tar-rata medja fis-siegħa tal-offerta tagħha fir-rigward tal-lott Nru 1, jirriżulta minn nuqqas ta’ eżami bir-reqqa tal-imsemmija offerta minn dan tal-aħħar u li, konsegwentement, id-deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ din l-offerta hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni partikolarment gravi.

    57

    Il-Kunsill joġġezzjona li r-rata medja fis-siegħa, kif jirriżulta mit-termini tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti, hija ugwali għall-prezz totali tal-offerta ikkunsidrata, diviża bin-numru totali ta’ sigħat elenkat fl-imsemmija offerta. Huwa għal din ir-raġuni li huwa jindika li llimita ruħu li jwettaq il-kalkolu, billi bbaża ruħu fuq dan il-prezz totali ta’ referenza ta’ EUR 234059.67, kif indikat mir-rikorrenti fl-offerta tagħha.

    58

    Il-Kunsill huwa tal-opinjoni li huwa ma kellux l-obbligu li jivverifika s-somom tal-kategoriji A, B, Ċ u D li jidhru fl-offerta tar-rikorrenti u li jsib, waqt li jagħmel dan, li l-prezz totali korrett kien ta’ EUR 271811.67, minflok EUR 234059.67. Bl-istess mod, il-Kunsill iqis li d-data li tidher fl-evalwazzjonijiet komparattivi “ordinarji” u“teoretiċi” tal-offerta inkwistjoni, annessi fir-risposta tiegħu, ma tistax tintuża biex turi li huwa kien innota dan l-iżball fl-istadju tal-eżami tal-imsemmija offerta. Fil-fatt, fil-kawża preżenti, huwa fl-istadju tat-tħejjija tar-risposta tiegħu li dawn l-evalwazzjonijiet ġew imwettqa.

    59

    Huwa jżid li l-awtorità kontraenti tista’ tieħu l-inizjattiva sabiex tikkuntattja lill-offerent biss sabiex titlob il-korrezzjoni ta’ żbalji materjali manifesti. Issa, huwa tal-fehma li, fil-kawża preżenti, l-iżball tant ma kienx manifest, li huwa ma setax jinduna bih.

    60

    Barra minn hekk, il-Kunsill jistrieħ fuq il-prinċipju ġenerali ta’ dritt, rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bernardi vs Il-Parlament, punt 54 iktar ’il fuq, li jgħid li parti ma tistax tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-irregolaritajiet li setgħu kienu l-konsegwenza tal-aġir tagħha stess.

    61

    Bl-istess mod, huwa jikkunsidra li, anki jekk kellu jinduna bl-iżball inkwistjoni, kien ikun impossibbli għalih, mingħajr ir-riskju li jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjaru u tal-Artikolu 148(3) tar-regoli ddettaljati ta’ implementazzjoni, li jikkuntattja lill-offerent sabiex jikkoreġi l-imsemmi żball. Insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, huwa jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Adia interim vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq.

    62

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill iqis li wieħed mill-għanijiet tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjaru, li sseħħ wara l-għoti tal-kuntratt u qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, huwa li jippermetti lill-offerent eskluiż li jiġbed l-attenzjoni tal-awtorità kontraenti għal żbalji ta’ evalwazzjoni eventwali li vvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta. Issa huwa josserva li r-rikorrenti ma għamlet l-ebda reazzjoni, meta rċeviet l-ittra tat-13 ta’ Ottubru 2004 li informatha bil-motivi ttar-rifjut tal-offerta tagħha għal-lott Nru 1.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    63

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali importanti fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsderazzjoni fid-dawl tat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt b’sejħa għal offerti, u l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jillimita ruħu għal verifika ta’ nuqqas ta’ żball gravi u manifest (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il-Kummissjoni, 56/77, Ġabra p. 2215, punt 20; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Adia interim vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 49, u tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T-139/99, Ġabra p. II-2849, punt 39).

    64

    Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 148 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, wara l-ftuħ tal-offerti, fil-każ fejn offerta tagħti lok għal talbiet ta’ kjarifika jew fejn hemm lok għal korrezzjoni ta’ żbalji materjali manifest fit-tfassil tal-offerta, l-awtorità kontraenti tista’ b’mod eċċezzjonali tieħu l-inizzjattiva li tikkuntattja lill-offerent.

    65

    F’din il-kawża, għandu jiġi vverifikat jekk l-iżball materjali mwettaq mir-rikorrenti, jiġifieri żball ta’ għadd li seħħ fl-offerta tagħha fuq il-livell tat-total tal-kategoriji A, B, Ċ u D (EUR 234059.67 minflok EUR 271811.67), kien żball materjali manifest li l-Kunsill kellu josserva.

    66

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-metodu ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa tal-offerta tal-offerenti ma kienx jeżiġi li l-Kunsill jerġa’ jikkalkula mill-ġdid is-somma tal-kategoriji A, B, Ċ u D. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat li l-kalkolu tar-rata medja fis-siegħa kellu jitwettaq fuq il-bażi tal-prezz totali tal-offerta kif ukoll tan-numru totali ta’ sigħat ta’ provvista proposti, kif elenkati mir-rikorrenti fl-offerta tagħha.

    67

    Fit-tieni lok, ma jistax jiġi kkunsidrat, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li r-rata fis-siegħa korretta tal-offerta tagħħa kienet ta’ ammont minimu ta’ EUR 20.92, ammont li kien jidher b’mod ċar u preċiż fil-paġna 40 tal-offerta u li, minħabba f’hekk, il-Kunsill kellu jissuspetta l-eżistenza ta’ żball probabbli fil-kalkolu tar-rata medja fis-siegħa tal-offerta tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-imsemmi ammont, elenkat fil-paġna 40 tal-offerta tar-rikorrenti, kien jidher taħt il-kategorija E, li kienet relatata b’mod espliċitu mar-rata fis-siegħa ta’ xogħol supplementari, imwettqa, fuq talba għal dan il-għan, mill-persunal tat-tindif “il-ġranet ta’ xogħol (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) bejn is-sitta ta’ fil-għodu u l-għaxra ta’ fil-għaxija”. L-ammont tar-rata fis-siegħa hekk imsemmi, ta’ EUR 20.92 euros, kien jirrigwarda għaldaqstant, tip ta’ provvisti speċifiċi, jiġifieri, xogħol supplementari, u, konsegwentement, distint mis-servizzi msemmija fil-kategoriji A, B, Ċ u D.

    68

    Fit-tielet lok, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tabelli ta’ evalwazzjoni “ordinarji” u “teoritiċi”, ippreżentati mill-Kunsill fl-anness tar-risposta tiegħu fil-kawża preżenti, juru li dan tal-aħħar kien jaf bl-iżball imwettaq mir-rikorrenti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti tal-Kunsill, li dan tal-aħħar fassal l-imsemmija tabelli għall-ħtiġijiet tal-preżenti proċedura kontradittorja. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li r-rikorrenti ma wrietx li dan mhuwiex minnu.

    69

    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li ma informahiex, fl-istadju tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjaru, bid-dritt tagħha li tiġbed l-attenzjoni tal-awtorità kontraenti għal eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni li setgħu vvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta tagħħa. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita ta’ dritt Komunitarju, ma jistax jiġi ammess li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġurisdizzjoniali tal-Komunità għandhom obbligu ġenerali li jinformaw lill-individwi bir-rimedji disponibbli, kif ukoll biċ-ċirkustanzi li fihom dawn jistgħu jeżerċitawhom (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1999, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-153/98 P, Ġabra p. I-1441, punt 15, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II-387, punt 210). Issa, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjaru ma jipprovdix, b’mod espliċitu, għal tali obbligu.

    70

    F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti rċeviet l-ittra tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2004, filwaqt li kienet ħadet l-inizjattiva sabiex tifformula talba ta’ kjarifikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-rifjut tal-offerta tagħha fir-rigward tal-lott Nru 2, hija ma fformulat l-ebda rimarka fir-rigward tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ kalkolu fl-offerta tagħha fir-rigward tal-lott Nru 1.

    71

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-iżball materjali mwettaq mir-rikorrenti ma kienx manifest, fis-sens tal-Artikolu 148(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li ma nnotax dan l-iżball u, sussegwentement, li ma kkorreġiehx, jew, almenu, li ma kkuntattjax lir-rikorrenti sabiex jippermettilha tikkoreġi dan l-iżball.

    72

    Konsegwentement, il-motiv uniku, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn tirrigwarda l-lott Nru 1, mhuwiex fondat. Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament imressaq kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn tirrigwarda l-lott Nru 1, għandu jiġi miċħud.

    Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2

    L-argumenti tal-partijiet

    73

    In sostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn tirrigwarda l-lott Nru 2, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi bbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tqajjem motiv ieħor, ir-raba’, li huwa bbażat fuq il fatt li, billi naqas milli jikkuntattja qabel ma eskluda l-offerta tagħha, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    74

    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-ewwel tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, huma fondati inkwantu l-offerta tagħha fir-rigward tal-lott Nru 2 ġiet miċħuda b’mod awtomatiku, mingħajr ma twettaq eżami ieħor, għas-sempliċi raġuni li t-total ta’ sigħat ta’ xogħol imniżżla fl-imsemmija offerta kien inferjuri b’iktar minn 12.5 % mill-medja tan-numru totali ta’ sigħat proposti fl-offerti li ġew aċċettati.

    75

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti hija tal-fehma li, minħabba motivi simili, il-kriterju ta’ għażla, li jidher fl-ispeċifikazzjonijiet, rigward in-numru totali tas-sigħat proposti, li fuqu bbaża ruħu l-Kunsill sabiex jiċħad l-offerta tagħha mingħajr eżami ieħor, jikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa jiffavorixxi l-offerti li jipprovdu ammont ta’ sigħat ta’ servizzi li huwa ogħla minn dak li huwa neċessarju fir-realtà u li, konsegwentement, huma ogħla fil-prezz.

    76

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tafferma li l-imsemmi kriterju adottat mill-Kunsill ma jippermettix evalwazzjoni b’mod oġġettiv ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu s-servizzi meħtieġa. Minn naħa hija tfakkar li, mill-1 ta’ Jannar 1998, hija kienet tipprovdi, bis-sodisfazzjoni totali tal-Kunsill, it-tindif u l-manutenzjoni tal-bini intiż fil-kuntest tal-lott Nru 2, u dan fuq il-bażi ta’ ammont totali ta’ sigħat ekwivalenti għal dak inkluż fl-offerta tagħha. Issa, filwaqt li tammetti li l-Kunsill ma setax jieħu inkunsiderazzjoni tali esperjenza, hija tqis li din tal-aħħar tippermetti sempliċement li jintwera, b’mod oġġettiv, li n-numru totali ta’ sigħat neċessarji sabiex jitwettqu s-servizzi meħtieġa, taħt kundizzjonijiet li huma almenu ekwivalenti, kien inqas minn dak tal-offerta magħżula u, konsegwentement, li l-kriterju applikat mill-Kunsill kien jinkoraġixxi sopravalutazzjoni ta’ dan l-ammont ta’ sigħat.

    77

    Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-evalwazzjoni tal-importanza tas-servizzi meħtieġa ma tistax b’mod raġjonevoli tiddependi fuq l-offerti tal-offerenti nfushom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jkollhom interess, wara li jiftiehmu bejniethom, li jżidu b’mod artifiċjali l-ammont tas-servizzi offruti. Fl-aħħar nett, l-ammont ta’ sigħat ma jistax jikkostitwixxi l-kriterju prinċipali li jippermetti l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ xogħol li għandu jitwettaq. Fuq dan l-aħħar punt, ir-rikorrenti tosserva li, kieku kienet żiedet b’mod artifiċjali n-numru ta’ sigħat proposti fl-offerta tagħha, hija ma kinitx tiġi eliminata awtomatikament.

    78

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq il-fatt li, filwaqt li l-offerta tal-offerent magħżul kienet tqum 3.7 % iktar minn tagħha, hija offriet numru ta’ sigħat superjuri b’25.2 % fl-offerta tagħha. Fil-fatt, minn naħa, hija tirrepeti l-konstatazzjoni tagħha li dan in-numru ta’ sigħat totali proposti mill-offerent magħżul kien ogħla minn numru ta’ sigħat effettivament neċessarji sabiex jitwettaq, taħt il-kundizzjonijiet ta’ kwalità meħtieġa, ix-xogħol previst mill-ispeċifikazzjonijiet. Għaldaqstant, permezz ta’ din is-sopravalutazzjoni tas-servizzi offruti mill-offerent magħżul, issir ħsara lill-Kunsill u lill-kollettività li tiffinanzjah. Min-naħa l-oħra, hija żżid li, fir-realtà, l-offerent magħżul ma jipprovdix it-totalità tan-numru ta’ sigħat li jidhru fl-offerta tiegħu, u dan, fl-opinjoni tagħha, jikkonferma li n-numru ta’ sigħat li hija kienet ipproponiet kien jikkorrispondi għal dak li kien neċessarju sabiex jitwettaq it-tindif tal-bini kkonċernat fil-lott Nru 2.

    79

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju ta’ għażla adottat huwa diskriminatorju inkwantu huwa jwassal għall-esklużjoni awtomatika, mingħajr eżami ieħor, tal-offerti oġġettivament vantaġġjużi għall-Kunsill fuq il-livell ta’ baġit, u perfettament sodisfaċenti fuq il-livell ta’ kwalità.

    80

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Fil-fatt, hija tikkunsidra li, qabel ma eskluda l-offerta tagħha, minħabba n-natura anormalment baxxa tan-numru totali ta’ sigħat ta’ servizz proposti, il-Kunsill kellu jwettaq verifika ta’ din l-offerta li tinvolvi l-partijiet opposti, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-eliminazzjoni awtomatika ta’ offerti anormalment baxxi, meta din din hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju matematiku hija pprojbita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo, 103/88, Ġabra p. I-1839).

    81

    Il-Kunsill ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-għoti ta’ kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ma jimplikax li l-offerta magħżula hija neċessarjament l-orħos waħda.

    82

    Huwa jżid li s-sejħa għal offerti regolari għandha b’mod partikolari l-għan li turi li huwa possibbli li l-affarijiet isiru aħjar jew li jsir iżjed. F’suq kompetittiv, il-medja tan-numru totali tas-sigħat proposti mit-totalità tal-offerenti tikkorrispondi x’aktarx għal stima solida u affidabbli tal-mezzi meħtieġa sabiex jiġi assigurat it-twettiq tajjeb tas-servizz, minn perspettiva kwalitattiva. Fil-fatt, il-Kunsill huwa tal-fehma li, b’numru ogħla ta’ sigħat iddedikati għat-tindif, jinkiseb livell ogħla ta’ kwalità. Issa, fil-kawża preżenti, il-Kunsill jikkonstata li, jekk l-offerent magħżul kien ippreżenta offerta li tqum 3.7 % iktar minn dik tar-rikorrenti, min-naħa l-oħra huwa offra 25.2 % sigħat ta’ xogħol iktar mir-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa josserva li, filwaqt li l-kriterju tal-prezz kellu piż ta’ 50 % fl-evalwazzjoni tal-offerti, il-kriterju li ġie kkontestat li jirrigwarda n-numru totali ta’ sigħat proposti kien jgħodd biss għal 25 % tan-numru totali ta’ punti li jingħataw. Għaldaqstant, l-offerta tal-offerent magħżul hija dik li toffri l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża u s-servizzi tar-rikorrenti huma, fir-rigward tagħhom, ħafna ogħla. Barra minn dan, il-Kunsill jafferma li d-dokumenti tal-ħinijiet tal-persunal tal-offerent magħżul juru li s-servizzi pprovduti jikkorrispondu għall-obbligi li jirriżultaw mit-termini tal-kuntratt.

    83

    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-riskju ta’ konsultazzjoni bejn l-offerenti, intiża sabiex jiġi miżjud b’mod artifiċjali l-ammont tas-servizzi, il-Kunsill jistedinha, sa fejn hija għandha provi f’dan ir-rigward, biex tikkuntattja lill-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni.

    84

    Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, il-Kunsill joġġezzjona li dan il-prinċipju kien jimponi fuqu l-projbizzjoni milli jikkunsidra l-kwalità ta’ servizzi pprovduti preċedentement mir-rikorrenti, fl-għażla tiegħu ta’ għoti.

    85

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li, peress li r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kien ġie imqajjem mir-rikorrenti waqt ir-replika, huwa ġdid, u għaldaqstant, inammissibbli. F’kull każ, il-Kunsill iqis li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx anormalment baxxa. Fil-fatt, huwa jafferma essenzjalment li l-osservanza tal-proċedura kontradittorja, fil-preżenza ta’ offerta anormalment baxxa, kif imsemmija fl-Artikolu 139(1), tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, hija imposta biss meta l-prezz ta’ din l-offerta huwa kkonċernat. Issa, huwa josserva li, filwaqt li r-rikorrenti tipproponi, fl-offerta tagħha, numru totali ta’ sigħat li huwa inqas b’25.2 % mill-offerta tal-offerent magħżul, il-prezz tagħha kien inqas b’3.7 % biss minn dak propost minn dan tal-aħħar. Għaldaqstant, huwa jqis li s-servizzi tar-rikorrenti kienu jqumu ħafna iktar minn dawk tal-offerent magħżul.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    86

    Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tar-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2, fl-ewwel lok għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    — Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

    87

    Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ), u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, Ġabra p. 3107, punt 25, u tad-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament, 306/81, Ġabra p. 1755, punt 9; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1997, Moles García Ortúzar vs Il-Kummissjoni, T-216/95, ĠabraSP p. I-A-403 u II-1083, punt 87).

    88

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, jirriżulta mill-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni li l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet, jew saħansitra jiġġustifika l-elementi kostituttivi tal-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T-148/04, Ġabra p. II-2627, punt 49).

    89

    Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fil-punt 17 tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari, insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn tirrigwarda l-lott Nru 2, ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn ġiet miċħuda l-offerta tagħha, mingħajr l-ebda eżami ieħor, għas-sempliċi raġuni li n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol elenkati fl-imsemmija offerta kien inqas b’12.5 % mill-medja tan-numru totali ta’ sigħat proposti. Bl-istess mod, fil-punt 26 tar-rikors tagħha, hija ssostni li l-implementazzjoni ta’ dan il-kriterju hija diskriminatorja inkwantu hija twassal għall-esklużjoni awtomatika, mingħajr eżami ieħor, ta’ offerti oġġettivament iktar vantaġġjużi. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti, fl-istadju tar-rikors, akkużat b’mod espliċitu lill-Kunsill li eskluda l-offerta tagħha mingħajr eżami ieħor, u dan minħabba n-natura anormalment baxxa tagħha.

    90

    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, minkejja li ma tqajjimx b’mod espliċitu mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika, jikkostitwixxi amplifikazzjoni tat-tliet motivi elenkati fir-rikors promotur, u huwa marbut fil-qrib magħhom. Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

    — Fuq il-fondatezza tar-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2

    91

    Kif ġie osservat fil-punt 89 iktar ’il fuq, it-tliet motivi mqajma waqt ir-rikors huma bbażati rispettivament fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, huma intiżi, essenzjalment, biex juru li l-Kunsill inġustament naqas milli jistieden lir-rikorrenti, qabel l-eliminazzjoni awtomatika tal-offerta tagħha, minħabba n-natura anormalment baxxa ta’ sigħat li hija ppoponiet, u skont il-prinċipju ta’ verifika kontradittorja prevista fl-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, sabiex tipprovdih b’ġustifikazzjoni li tippermettilha ġġib il-prova tan-natura serja tal-offerta tagħha. Għaldaqsant, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    92

    Għal dan il-għan, fl-ewwel lok għandu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa jirreferix, kif isostni l-Kunsill, biss għall-kriterju tal-prezz tal-offerta eżaminata mill-awtorità kontraenti, jew jekk, kif essenzjalment tallega r-rikorrenti, dan il-kunċett jirreferix ukoll għal kriterji oħra ta’ evalwazzjoni tal-offerti.

    93

    Skont il-ġurisprudenza, ladarba l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 29(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 185, p. 5), fl-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 92/50, u fl-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 93/37 huma essenzjalment identiċi għal dawk imposti mill-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jgħoddu wkoll fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punt 50).

    94

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-punt 67 tas-sentenza Lombardini u Mantovani, punt 93 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien stabbilit li l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 93/37/KEE ma kienx jiddefinixxi l-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa u, a fortiori, ma kienx jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu ta’ livell ta’ anomalija. F’din l-istess kawża, l-Avukat Ġenerali kkunsidra li l-kunċett ta’ offerta anormalement baxxa mhuwiex kunċett astratt, iżda kunċett preċiż ħafna li kellu jiġi stabbilit, għal kull kuntratt, skont l-għan speċifiku tas-servizz tiegħu (konklużjoniet tal-Avukat Ġenerali M. Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza Lombardini u Mantovani, Ġabra p I-9235, punt 93 iktar ’il fuq, punti 32 u 35).

    95

    Fil-kawża preżenti, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-ebda definizzjoni tal-limitu ta’ anomalija u tal-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa, fis-sens tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, ma tinsab fir-Regolament Finanzjaru u fir-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax b’mod espliċitu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess Artikolu li l-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa ma tistax tiġi applikata għal kriterji oħra minbarra dak ta’ prezz.

    96

    Konsegwentement, sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa, fis-sens tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, qabel kollox, il-bażi għandha tkun l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni.

    97

    Kif ifakkar il-punt 88 iktar ’il fuq, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139( 1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa, li tippermetti lill-offerent jispjega, jew saħansitra jiġġustifika l-elementi kostituttivi tal-offerta tiegħu, qabel ma jirrifjutaha. B’mod iktar preċiż, jirriżulta mill-ġurisprudenza li huwa essenzjali li kull offerent li huwa ssuspettat li ppreżenta offerta anormalment baxxa jkolli l-possibbiltà li jsostni b’mod effettiv l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward, billi tingħatalu l-possibbiltà li jipprovdi l-ġustifikazzjonijiet kollha fuq id-diversi elementi tal-offerta tiegħu f’mument li fih għandu konjizzjoni mhux biss tal-limitu ta’ anomalija applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni u tal-fatt li l-offerta tiegħu dehret anormalment baxxa, iżda wkoll tal-punti preċiżi li wasslu għall-istħarriġ mill-awtorità kontraenti (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 93 iktar ’il fuq, punt 53). Fl-istess okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-eżistenza ta’ tali dibattitu kontenzjuż effettiv tikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex tiġi evitata l-pożizzjoni arbitrarja tal-awtorità kontraenti u sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-impriżi (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 93 iktar ’il fuq, punt 57).

    98

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jistabbilixxi rekwiżit fundamentali fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jimponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tivverifika, b’mod kontradittorju, qabel ma tirrifjutaha, kull offerta li tkun ta’ natura anormalment baxxa, u dan fid-dawl tal-elementi li jikkostitwixxuha.

    99

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament Finanzjaru, il-kuntratt jista’ jingħata bil-proċedura awtomatika jew bil-proċedura ta’ aċċertament tal-aħjar valur għall-flus u li, f’dak li jirrigwarda dan it-tieni mod ta’ għoti, l-Artikolu 138(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi li l-offerta miqugħa hija dik li tirrapreżenta l-aħjar rapport bejn il-kwalità u l-prezz, b’kunsiderazzjoni tal-kritjeri ġġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt kemm il-prezz propost, il-valur tekniku, il-karattru estetiku u funzjonali, il-karatteristiċi ambjentali, l-ispejjeż tal-użu, il-profitabbiltà, it-terminu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni jew għall-provvista, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika.

    100

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, peress li l-kuntratt jingħata lill-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, ir-rekwiżit fundamentali previst fil-punt 98 iktar ’il fuq japplika mhux biss għall-kriterju tal-prezz tal-offerta eżaminata, iżda wkoll għall-kriterji previsti fl-Artikolu 138(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, sa fejn dawn jippermettu li jiġi stabbilit limitu ta’ anomalija li offerta ta’ ammont iżgħar ippreżentata fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni hija ssuspettata li hija anormalment baxxa, fis-sens tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    101

    Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk, fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kunsill kienx marbut, kif issostni r-rikorrenti, li josserva l-proċedura ta’ verifika kontradittorja, kif previst fl-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    102

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-mod ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien dak tal-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Barra minn hekk, huwa stabbilit li, fost il-kriterji adottati, dak li għandu x’jaqsam mal-medja tan-numru tat-total ta’ sigħat proposti jirrigwarda l-aspett kwalittativ tal-offerta tar-rikorrenti u jikkostitwixxi wieħed mid-diversi elementi tal-offerta fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 97 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, l-imsemmi kriterju kien jippermetti li jiġi stabbilit limitu ta’ anomalija; fil-każ li l-offerta inkwistjoni tkun inferjuri, hija kienet tiġi eliminata b’mod awtomatiku.

    103

    Kif jirriżulta mit-termini tal-ittra tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2004, u kif il-Kunsill ikkonferma b’mod espliċitu waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju tal-aħħar li l-offerta tar-rikorrenti ġiet irrifjutata, sempliċement minħabba n-natura eċċessivament baxxa tan-numru totali ta’ sigħat elenkati f’din l-offerta. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma pproċeda għal ebda verifika kontradittorja, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti, qabel l-eliminazzjoni awtomatika tagħħa.

    104

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    105

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li, kif isostni l-Kunsill fil-kontroreplika tiegħu, filwaqt li t-total tal-ammont ta’ sigħat tar-rikorrenti kien inqas għoli b’25.2 % minn dak tal-offerent magħżul, il-prezz totali tagħha kien, min-naħa l-oħra, inqas bi 3.7 % minn dak ta’ dan l-istess offerent magħżul. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat mill-ġdid li, kif ukoll jirriżulta mill-ittra tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2004, l-esklużjoni tal-offerta tar-rikorrenti saret biss minħabba n-natura eċċessivament baxxa tas-sigħat imniżżla f’din l-offerta.

    106

    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, huwa fondat.

    107

    Konsegwentement, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-ewwel tliet motivi mqajma insostenn tar-rikors għal annullament, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn tirrigwarda l-lott Nru 2.

    Fuq it-talbiet għal kumpens

    L-argumenti tal-partijiet

    108

    Ir-rikorrenti tqis li r-rifjut inġust taż-żewġ offerti tagħha mill-Kunsill ikkawżalha dannu u titlob kumpens għall-imsemmi dannu li hija tevalwa, billi timmultiplika l-prezz annwali tal-offerta tagħha bit-terminu ta’ żmien tal-kuntratt (3 snin), għal EUR 1481317.65, flimkien ma’ l-interessi kkalkulati b’rata annwali ta’ 7 %.

    109

    F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ tort, hija ssostni li l-Kunsill kien wettaq att illegali serju u manifest, minn naħa, fir-rigward tal-lott Nru 1, billi ma vverifikax l-eżattezza tal-offerta tagħha, u min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-lott Nru 2, billi kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjaru u tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

    110

    F’dak li jirrigwarda r-realtà tad-dannu, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut irregolari taż-żewġ offerti tagħha jikkostitwixxi nuqqas ta’ dħul konsiderevoli li jipperikola s-sopravivenza tagħha.

    111

    Minn naħa, sussidjarjament, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk għadha mhijiex konvinta, f’din il-kawża, mit-talbiet tagħha għal kumpens ta’ dannu li hija ġarrbet minħabba r-rifjut taż-żewġ offerti tagħha, sabiex tagħtiha, b’mod immedjat, kumpens provviżorju ta’ EUR 500000. Min-naħa l-oħra, hija tipproponi lill-Qorti tal-Prim’Istanza, qabel ma tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-ammont tad-dannu, sabiex taħtar accountant ikkwalifikat sabiex jikkalkula d-dħul dirett u indirett li kien ikollha permezz tal-għoti taż-żewġ kuntratti.

    112

    F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-dannu mġarrab, ir-rikorrenti hija tal-fehma li, skont l-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina jekk kinitx iġġarrab dannu identiku fin-nuqqas ta’ kwalunkwe aġir illegali tal-Kunsill. F’dan ir-rigward hija ssostni li, peress li l-Kunsill kien eskluda awtomatikament iż-żewġ offerti tagħha, mhuwiex possibbli, f’din il-kawża, li jsir tali eżami ta’ dannu.

    113

    Skont ir-rikorrenti, peress li l-Kunsill ma annettiex mar-risposta tiegħu r-rapport ta’ evalwazzjoni oriġinali, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tivverfika r-raġunament tal-Kunsill u fuq liema bażi l-offerti tagħha setgħu, anki mingħajr aġir illegali tal-Kunsill, jiġu esklużi mill-kuntratt ikkontestat.

    114

    Il-Kunsill iqis, fir-rigward tal-lott Nru 1, li huwa ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa jżid li, anke jekk jitqies bħala responsabbli għal tali żball, ir-rikorrenti ma wriet la n-natura gravi u manifesta ta’ tali żball, la r-realtà tad-dannu, u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejniethom.

    115

    F’dak li jirrigwarda l-lott Nru 2, il-Kunsill huwa tal-fehma li ma kisirx l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ non-diskriminazzjoni, u li lanqas ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa jżid li, anki jekk jitqies bħala responsabbli għal tali żball, ir-rikorrenti ma wriet la n-natura gravi u manifesta ta’ tali żball, la r-realtà tad-dannu, u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejniethom.

    116

    Huwa jqis li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-punti, fir-rigward tal-lot Nru 2, ippermettewlu mingħajr dubju li jevalwa l-offerta ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, il-Kunsill ifakkar li 75 % ta’ dawn il-punti ġew attribwiti fuq il-bażi ta’ kalkoli bbażati fuq id-data ppreżentata mill-offerenti, filwaqt li 25 % l-oħra permezz ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ evalwazzjoni.

    117

    Fl-aħħar nett, billi jistrieħ fuq evalwazzjoni “ordinarja” (deskritta mill-Kunsill bħala “ibbażata fuq l-inkartament effettivament ippreżentat mir-rikorrenti jekk jiġi preżunt li din ma tiġix eskluża mill-kuntratt”) u evalwazzjoni “teoretika” (deskritta mill-Kunsill bħala “ibbażata fuq l-attribuzzjoni lir-rikorrenti [tan-numru ta’ punti massimi attribwit] lill-aħjar offerent għal kull kriterju, ħlief fil-każ fejn il-kriterju huwa bbażat fuq data matematika li tinsab fl-offerta”), il-Kunsill jallega li juri, kemm f’dak li jirrigwarda l-lott Nru 1 u kemm il-lott Nru 2, li l-offerti tar-rikorrenti ma ġewx ikklassifikati fl-ewwel post, u konsegwentement, il-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu mhijiex sodisfatta f’dan il-każ.

    118

    F’kull każ, f’dak li jirrigwarda kemm il-lott Nru 1 kif ukoll il-lott Nru 2, fl-impossibbiltà li l-Qorti tal-Prim’Istanza tilqa’ t-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-kumpens mitlub minn din tal-aħħar għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid u llimitat għad-dħul annwali nett li hija f’pożizzjoni tistabilixxi fir-rigward tal-kuntratt ikkonċernat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    119

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta’ wieħed mill-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għandhom jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).

    120

    Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

    121

    Minkejja li r-rikorrenti għandha dritt li tikseb kumpens għal dannu li hija tallega li ġarrbet minħabba r-rifjut taż-żewġ offerti tagħha meħuda flimkien, it-talbiet tagħha għal kumpens għandhom jiġu eżaminati billi ssir distinzjoni fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004 bejn il-parti li tirrigwarda l-lott Nru 1 u, l-parti l-oħra li tirrigwarda l-lott Nru 2.

    Fuq it-talbiet għal kumpens fir-rigward tal-lott Nru 1

    122

    Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet intiżi għal kumpens ta’ dannu għandhom jiġu miċħuda fil-każ fejn jippreżentaw rabta stretta mat-talbiet għal annullament li ġew miċħuda (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T-340/99, Ġabra p. II-2905, punt 134, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    Peress li t-talbiet għal annullament fir-rigward tal-lott Nru 1 ġew miċħuda, fin-nuqqas tal-illegalità allegata mir-rikorrenti, u peress li t-talba għal kumpens jkollha rabta stretta mat-talbiet tagħha, din it-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda l-lott Nru 1.

    Fuq it-talbiet għal kumpens fir-rigward tal-lott Nru 2

    124

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li r-rikorrenti titlob kumpens ekwivalenti għall-ammonti li hija kienet titlob lill-Kunsill kieku l-kuntratt, u għaldaqstant b’mod partikolari l-lott Nru 2, kien jiġi attribwit lilha. Tali talba għandha tiġi interpretata bħala waħda li tistrieħ mhux fuq it-telf ta’ opportunità li jinkiseb il-kuntratt, iżda fuq it-telf tal-kuntratt innifsu.

    125

    Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li, fin-nuqqas tal-illegalità kkontestata fir-rigward tal-lott Nru 2, hija kienet tikseb b’mod ċert dan il-kuntratt, fir-rigward ta’ dan il-lott. Mill-iktar, hija ssostni li peress li l-Kunsill ma annettiex ir-rapport ta’ evalwazzjoni oriġinali tiegħu mat-talbiet, mhuwiex possibbli li jiġi vverifikat fuq liema bażi l-offerti tagħha setgħu, anke mingħajr l-aġir illegali tal-Kunsill, jiġu esklużi mill-kuntratt.

    126

    Issa, dwar dan l-aħħar punt, peress li l-Kunsill kien, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni oriġinali, li ġie kkomunikat lir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ biss tikkonstata li din tal-aħħar, fin-nuqqas tal-aġir illegali kkonstatat fil-punt 106 iktar ’il fuq, xorta waħda ma kinitx tikseb l-għoti ta’ dan il-kuntratt, fir-rigward tal-lott Nru 2. Fil-fatt, l-offerta tar-rikorrenti hija kklassifikata, fir-rapport ta’ evalwazzjoni oriġinali ppreżentat mil-Kunsill, fit-tmien u l-aħħar post.

    127

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-dannu allegat mir-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-lott Nru 2, jiġifieri t-telf tal-kuntratt innifsu, mhuwiex reali u ċert, iżda ipotetiku, b’tali mod li ma jistax ikun is-suġġett ta’ kumpens, li fih innifsu huwa biżżejjed għar-rifjut tat-talba għal kumpens. Barra minn hekk, sussidjarjament, l-ebda indizju ma jissuġġerixxi, u r-rikorrenti ma tressaqx indizji, li hija kienet, minħabba l-illegalità kkonstatata, tilfet opportunità, anki jekk biss dik li tikseb il-kuntratt.

    128

    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti, f’dak li jirrigwarda l-lott Nru 2.

    129

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

    Fuq l-ispejjeż

    130

    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-kawża preżenti hemm lok li jiġi deċiż li l-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2004 li jirrifjuta l-offerti ta’ Belfass SPRL fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti UCA-033/04, hija annullata sa fejn hija tirrifjuta l-offerta ta’ Belfass fir-rigward tal-lott Nru 2.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Vilaras

    Martins Ribeiro

    Jürimäe

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Mejju 2008.

    E. Coulon

    Reġistratur

    M. Vilaras

    President

    Werrej

     

    Il-kuntest ġuridiku

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq il-mertu

     

    Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 1

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    — Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

     

    — Fuq il-fondatezza tar-rikors kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, sa fejn hija tirrigwarda l-lott Nru 2

     

    Fuq it-talbiet għal kumpens

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-talbiet għal kumpens fir-rigward tal-lott Nru 1

     

    Fuq it-talbiet għal kumpens fir-rigward tal-lott Nru 2

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top