Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0462

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) tas-17 ta' Diċembru 2008.
    HEG Ltd u Graphite India Ltd vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Politika kummerċjali komuni - Dazji antidumping - Dazji kompensatorji - Importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja - Drittijiet tad-difiża - Trattament ugwali - Determinazzjoni tal-ħsara - Rabta kawżali.
    Kawża T-462/04.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 II-03685

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:586

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

    17 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

    “Dazji antidumping — Dazji kumpensatorji — Importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja — Drittijiet tad-difiża — Trattament ugwali — Determinazzjoni tal-ħsara — Rabta kawżali”

    Fil-Kawża T-462/04,

    HEG Ltd, stabbilita f’New Delhi (l-Indja),

    Graphite India Ltd, stabbilita f’Kolkata (l-Indja),

    irrappreżentati inizjalment minn K. Adamantopoulos, avocat, u J. Branton, solicitor, sussegwentement minn J. Branton,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

    konvenut,

    sostnut minn

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004, tat-13 ta’ Settembru 2004, li jimponi taxxa kompensatorja definittiva [dazju kumpensatorju definittiv] u li jiġbor definittivament it-taxxa provviżorja imposta [id-dazju provviżorju impost] fuq l-importazzjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, p. 4), u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004, tat-13 ta’ Settembru 2004, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, p. 10),

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. Ciucă, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatt li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, HEG Ltd u Graphite India Ltd, huma kumpanniji Indjani li jipproduċu u jesportaw il-prodott ikkonċernat. Dan il-prodott huwa kkostitwit mill-elettrodi tal-grafita u l-bżieżel użati għal dawn l-elettrodi b’densità apparenti ta’ 1.65 g/cm3 u b’reżistenza elettrika ta’ 6 μΩm jew inqas, li tagħtihom rata għolja ħafna ta’ provvista tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

    2

    Wara numru ta’ lmenti ppreżentati f’Lulju 2003 mill-European Carbon and Graphite Association (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karbonju u tal-Grafita), f’isem SGL Carbon Group GmbH (iktar ’il quddiem “SGL”) u f’isem UCAR SA, li tirrappreżenta proporzjon sostanzjali tas-settur Komunitarju tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni ħabbret, fil-21 ta’ Awwissu 2003, permezz ta’ żewġ avviżi distinti, il-ftuħ ta’ proċedura antidumping u ta’ proċedura kontra sussidji dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Indja (ĠU C 197, p. 2 u 5 rispettivament). L-investigazzjoni kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2002 u l-31 ta’ Marzu 2003 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu eżaminat”).

    3

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha li kien magħruf li kienu kkonċernati u lill-kumpanniji l-oħra kollha li identifikaw ruħhom fit-termini stabbiliti mill-avviż tal-ftuħ tal-proċeduri kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi Indjani. Hija rċeviet risposti mingħand iż-żewġ rikorrenti, mingħand iż-żewġ prodotturi Komunitarji li kienu għamlu l-ilment, mingħand tmien kumpanniji li jużaw il-prodott ikkonċernat u mingħand żewġ importaturi indipendenti. Barra minn hekk, kien hemm kumpannija li ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub li kienu jinkludu ċerta data ppreżentata f’figuri u żewġ assoċjazzjonijiet ta’ utenti li ppreżentaw kummenti bil-miktub.

    4

    Saru investigazzjonijiet fuq il-post fil-proprjetajiet ta’ ħames prodotturi Komunitarji, ta’ żewġ importaturi indipendenti fil-Komunità, ta’ erba’ utenti u taż-żewġ rikorrenti.

    5

    Fit-13 ta’ Novembru 2003, inżammet l-ewwel laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

    6

    Fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2003 u fis-26 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti għaddew kummenti addizzjonali lill-Kummissjoni.

    7

    Fil-15 ta’ April 2004, il-Kummissjoni ppubblikat avviż dwar l-applikazzjoni tal-miżuri antidumping u tal-miżuri kontra s-sussidji fis-seħħ fil-Komunità mir-Repubbliku ta’ Ċipru, mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Ungerija, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika ta’ Malta, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Slovakka, mir-Repubblika tal-Islovenja u mir-Repubblika Ċeka wara l-adeżjoni tagħhom u dwar eventwali eżami mill-ġdid ta’ dawn il-miżuri (ĠU C 91, p. 2, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar l-eventwali eżami mill-ġdid tal-miżuri minħabba t-tkabbir”).

    8

    Fis-27 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti tliet dokumenti ta’ informazzjoni partikolari.

    9

    Fid-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2004 li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 183, p. 35) kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1009/2004 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 183, p. 61) (iktar ’il quddiem, rispettivament, ir-“Regolament kontra s-sussidji provviżorju” u r-“Regolament antidumping provviżorju” u, meħuda flimkien, ir-“Regolamenti provviżorji”). Fl-istess jum, hija bagħtet ittra lir-rikorrenti fejn għamlet l-osservazzjonijiet fid-dettall tagħha dwar il-kummenti magħmula minnhom matul il-proċedura.

    10

    Fis-27 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni partikolari u r-Regolamenti provviżorji.

    11

    Fl-14 ta’ Ġunju 2004 inżammet it-tieni laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

    12

    Fit-22 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti għaddew lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom wara l-laqgħa tal-14 ta’ Ġunju 2004.

    13

    Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti żewġ dokumenti ta’ informazzjoni ġenerali dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kienu bbażati l-proposti li jiġu imposti dazji antidumping u kumpensatorji definittivi kif ukoll dokument ta’ informazzjoni ġenerali dwar l-aspetti taż-żewġ proċeduri dwar il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Komunità.

    14

    Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti għamlu osservazzjonijiet dwar id-diversi dokumenti tal-Kummissjoni. Huma talbu wkoll li tinżamm laqgħa ġdida u qajmu l-possibbiltà li jidħlu f’impenji.

    15

    Fit-13 ta’ Settembru 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1628/2004, li jimponi taxxa kompensatorja definittiva [dazju kumpensatorju definittiv] u li jiġbor definittivament it-taxxa provviżorja imposta [id-dazju provviżorju impost] fuq l-importazzjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, p. 4) u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, p. 10) (iktar ’il quddiem, rispettivament, ir-“Regolament kontra s-sussidji kkontestat” u r-“Regolament antidumping ikkontestat” u, flimkien ir-“Regolamenti kkontestati”).

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    16

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

    17

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ April 2005, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Ġunju 2005, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta dan l-intervent. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2005 il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kienet qed tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda li eventwalment kienet se tieħu sehem fis-seduta.

    18

    Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla u għalhekk il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

    19

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

    20

    Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-Kunsill sabiex jipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kunsill irrispetta din it-talba.

    21

    It-trattazzjoni tal-partijiet prinċipali kif ukoll tal-intervenjenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta miżmuma bil-miftuħ fl-4 ta’ Ġunju 2008.

    22

    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla r-Regolamenti kkontestati;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    23

    Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    24

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors.

    Id-dritt

    25

    Ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward biss tal-importazzjonijiet mill-Indja tal-prodott ikkonċernat, it-tieni wieħed ibbażat fuq in-natura vvizzjata tal-investigazzjonijiet sa fejn saru fuq il-bażi ta’ Komunità komposta minn ħmistax-il Stat Membru biss, it-tielet wieħed ibbażat fuq żbalji fil-klassifikazzjoni ta’ sussidju mogħtija lill-mekkaniżmu Indjan ta’ kreditu ta’ dazji fuq l-importazzjoni u fid-determinazzjoni tal-ammont tad-dazji kumpensatorji, u r-raba’ u l-ħames wieħed ibbażati b’mod partikolari fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-effetti ta’ prattiki antikompetittivi fil-passat u kif ukoll l-effetti tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw minn pajjiżi oħra fl-analiżi tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward biss tal-importazzjonijiet mill-Indja tal-prodott ikkonċernat

    L-argumenti tal-partijiet

    26

    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1), l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu vi tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi antidumping tal-1994”, il-prinċipju ta’ nondisrkiminazzjoni u wettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta wettqu investigazzjoni antidumping fir-rigward biss tal-importazzjonijiet mill-Indja tal-prodott ikkonċernat.

    27

    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet kisru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi ma fetħux fuq inizjattiva tagħhom stess investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet minn Stati oħra li jistgħu jikkawżaw dumping jew billi ma pprovokawx ilment li kien jippermetti li tinfetaħ proċedura parallela. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta li teżamina biss l-ilment fir-rigward tagħhom u li hija kien imissha fetħet investigazzjoni parallela kontra l-importazzjonijiet minn Stati oħra skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 384/96, jew informat lill-lanjanti bl-għeluq tal-proċedura sakemm ma jressqux ukoll ilment kontra l-pajjiżi kkonċernati l-oħra. Huma jsostnu li rabtiet b’saħħithom ekonomiċi, li jaslu sal-parteċipazzjoni komuni f’akkordju ssanzjonat mill-Kummissjoni, jagħqdu lil-lanjanti mal-fabbrikanti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, ċirkustanza din li tispjega għaliex l-ilment kien jiffoka fuq l-importazzjonijiet mill-Indja. Huma jsostnu wkoll li diversi elementi, li jinsabu jew fl-ilment jew fl-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni, juru l-eżistenza ta’ dumping fir-rigward tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw minn Stati oħra apparti l-Indja (l-Istati Uniti, il-Polonja, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Messiku).

    28

    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni hija meħtieġa anki meta tiġi adottata d-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni. Għalkemm it-test tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96 jikkonċerna biss l-Istati li fil-konfront tagħhom ikun ġie kkonstatat li kienu l-oriġini ta’ dumping li jikkawża ħsara, mill-applikazzjoni flimkien ta’ dan l-artikolu u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jirriżulta li hija koperta wkoll id-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-investigazzjoni mibdija kontra l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stat wieħed filwaqt li provi mressqa wara l-ftuħ tal-proċedura jagħtu l-impressjoni, prima facie, li importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati oħra għandhom ikunu inklużi wkoll.

    29

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96 għandu importanza partikolari sa fejn joħroġ mill-Artikolu 9(2) tal-Kodiċi antidumping tal-1995, li jikkostitwixxi huwa stess espressjoni tal-prinċipju tan-nazzjon l-iktar iffavorit. Fil-qasam tad-dumping, dan il-prinċipju jesprimi l-ħtieġa li d-dazji antidumping ma jillimitawx b’mod inġust l-aċċess għas-suq ta’ merkanziji li joriġinaw minn Stat Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) filwaqt li importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati oħra, minkejja li jikkawżaw dumping u ħsara, ma jkunux suġġetti għal tali dazji. Issa, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ dumping u l-portata eżatta tal-ħsara apparenti jekk ma tiftaħx investigazzjoni.

    30

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-istituzzjonijiet wettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-provi mressqa ma kinux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati oħra apparti l-Indja. Dan in-nuqqas ta’ investigazzjoni jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    31

    Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni talli adottat attitudni diskriminatorja fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina ġew esklużi mill-investigazzjoni għar-raġuni li l-prodotti inkwistjoni ma kinux iffabbrikati bl-għajnuna ta’ ‘needle coke’ ta’ kwalità superjuri filwaqt li fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indja, il-Kummissjoni ma aċċettatx li teskludi mill-investigazzjoni l-elettrodi tal-grafita u l-bżieżel użati għal dawn l-elettrodi ffabbrikati mingħajr needle coke ta’ kwalità superjuri minħabba li huma l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali tal-prodott finali u tal-użi finali tiegħu, irrispettivament mill-materja prima użata, li jiddeterminaw il-funzjoni tal-prodott ikkonċernat. Huma josservaw li l-prodotti Ċiniżi huma maħsuba għall-istess użu finali bħall-verżjoni inferjuri tal-prodott ikkonċernat.

    32

    Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ġew miksura minħabba l-esklużjoni ta’ ċerti provi fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment għar-raġuni li dawn il-provi kienu jippreġudikaw l-interessi kummerċjali essenzjali ta’ kompetitur. Barra minn hekk, dan huwa element addizzjonali li juri l-ftehim bejn il-lanjanti u ċerti importaturi tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fi Stati terzi, ħaġa din li tiġġustifika li dawn il-provi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni.

    33

    Il-Kunsill jikkuntesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    — Fuq l-allegata attitudni diskriminatorja tal-istituzzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prodott ikkonċernat

    34

    Dan l-ilment għandu, qabel kollox, jiġi miċħud minħabba li mhuwiex fondat fil-fatt. Minn naħa, mill-premessi 11 sa 14 tar-Regolament antidumping provviżorju, li għalihom tirreferi l-premessa 6 tar-Regolament antidumping ikkontestat, jirriżulta li l-istituzzjonijiet ma kkunsidrawx l-użu ta’ needle coke ta’ kwalità superjuri bħala element tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jressqux il-prova li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina mhumiex prodotti bl-għajnuna ta’ needle coke ta’ kwalità superjuri sabiex jeskluduhom mill-investigazzjoni.

    — Fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ sorsi potenzjali oħra ta’ dumping

    35

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Huwa minnu li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi speċjali, tiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 384/96. Bl-istess mod, huwa paċifiku li l-Kummissjoni għandha l-prassi li titlob, f’ċerti ċirkustanzi, lil lanjant sabiex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ilment tiegħu. Madankollu, m’hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk hija kellhiex taġixxi b’dan il-mod f’dan il-każ. Fil-fatt, trattament differenti li jikkonsisti fil-ftuħ ta’ proċedura antidumping fil-konfront tal-importazzjonijiet mill-Indja biss, filwaqt li kienu jeżistu indizji ta’ natura li jiġġustifikaw li importazzjonijiet oħra jkunu wkoll is-suġġett ta’ investigazzjoni, jekk jitqies li teżisti tali differenza fit-trattament, ma jistax jikkostitwixxi ksur la tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96, la tal-Artikolu 9(2) tal-Kodiċi antidumping tal-1994 u lanqas tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

    37

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96, dan jippreċiża li dazju antidumping “fl-ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux discdumpingnatory [diskriminatorja] fuq importazzjonijiet ta’ prodott li jinstab mibjugħ taħt il-prezz mis-sorsi kollha [li jkunu s-suġġett ta’ dumping] u li jkun qiegħed jikkawża ħsara, għajr għall-importazzjonijiet minn dawk is-sorsi li mingħandhom jkunu ġew aċċettati attivitajiet [impenji] taħt it-termini ta’ dan ir-Regolament”.

    38

    Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tipprojbixxi trattament diskriminatorju bejn importazzjonijiet li kienu kollha s-suġġett ta’ dazji antidumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-istess prodott [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2002, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, T-89/00, Ġabra p. II-3651, punt 58]. Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni tikkonċerna allegat trattament differenti bejn importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dazji antidumping u importazzjonijiet li ma kinux is-suġġett ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-fatti ta’ din il-kawża ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96.

    39

    It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 9(2) tal-Kodiċi antidumping tal-1994, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa ekwivalenti għal dak tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96 sa fejn jipprojbixxi trattament diskriminatorju fl-irkupru tad-dazji antidumping imposti fuq prodott skont is-sors tal-importazzjonijiet inkwistjoni. Għalhekk, dan l-artikolu ma japplikax għal din il-kawża.

    40

    It-tielet nett, l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali lanqas ma jista’ jintlaqa’.

    41

    Huwa minnu li l-fatt li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96 jikkostitwixxi illustrazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali [sentenza Europe ChemiCon (Deutschland) vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, punt 51] ma jeskludix li l-istituzzjonijiet ikunu suġġetti għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju meta japplikaw dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 384/96 [ara, fir-rigward tal-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan l-istess regolament, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il-Kunsill, T-255/01, Ġabra p. II-4741, punti 60 u 61].

    42

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, Ġabra p. II-4441, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa s-sens li fih jargumentaw ir-rikorrenti meta jibbażaw l-argumenti tagħhom kompletament fuq il-fatt li investigazzjoni kien imissha nbdiet anki fir-rigward ta’ importazzjonijiet oħra. Għalhekk, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma japplikax f’din il-kawża u n-nuqqas ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni fil-konfront ta’ sorsi eventwali oħra ta’ dumping m’għandu ebda effett fuq il-legalità tar-Regolament antidumping ikkontestat.

    43

    Għaldaqstant, hemm lok ukoll li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti mir-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Kummissjoni kien imissha fetħet investigazzjoni fil-konfront ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi. Għall-istess raġuni, il-kritika tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-lanjanti ffokaw l-ilment tagħhom fuq l-importazzjonijiet mill-Indja biss m’għandha ebda effett fuq il-legalità tar-Regolament antidumping ikkontestat.

    — Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża

    44

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C-49/88, Ġabra p. I-3187, punt 15, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T-159/95 u T-160/94, Ġabra p. II-2461, punt 81).

    45

    Skont dan il-prinċipju, l-impriżi kkonċernati minn proċedura ta’ investigazzjoni li tippreċedi l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika antidumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (sentenza AlJubail Fertilizer vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill, T-121/95, Ġabra p. II-2391, punt 84, u Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 83).

    46

    F’din il-kawża hemm lok li jiġi osservat li ċerti provi li jinsabu fil-verżjoni kunfidenzjali tal-ilment ma ġewx miġbura fil-qosor fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tiegħu. Dan japplika b’mod partikolari għall-Annessi 1, 5 sa 7, 9 sa 11, 15 sa 18, 20 u 21, 23, 26, 28 sa 31, 33 sa 44 tal-ilment, li b’kollox fih 45 anness.

    47

    Madankollu, kienu r-rikorrenti li kellhom iqiegħdu lill-istituzzjonijiet f’pożizzjoni fejn dawn setgħu japprezzaw il-problemi li huma seta’ kellhom minħabba n-nuqqas, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, ta’ ġabra fil-qosor tal-provi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punti 109 u 110).

    48

    F’din il-kawża, mid-dokumenti mressqa mir-rikorrenti bħala anness mar-rikors tagħhom jirriżulta li, għalkemm huma invokaw fil-qosor dan in-nuqqas ta’ ġabra fil-qosor fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilment tat-3 ta’ Ottubru 2003, huma ma reġgħux qajmuh fl-ittri sussegwenti tagħhom.

    49

    Minn dan isegwi li minħabba li ma avżawx b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni, u mbagħad lill-Kunsill, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    50

    Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali fundamentali sa fejn l-investigazzjonijiet saru fuq il-bażi ta’ Komunità komposta minn ħmistax-il Stat Membru biss

    L-argumenti tal-partijiet

    51

    Ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li d-dazji stabbiliti mir-Regolamenti kkontestati jkopru t-territorju tal-għaxar Stati Membri ġodda meta ebda investigazzjoni ma kienet saret f’dan it-territorju u, għalhekk, jikkunsidraw li ma teżistix bażi legali għall-adozzjoni ta’ tali dazji. Minn dan l-aspett, din is-sitwazzjoni hija distinta mis-sitwazzjoni ta’ dazji adottati qabel it-tkabbir, li fir-rigward tagħhom l-investigazzjoni kienet saret fuq bażi territorjali korretta.

    52

    Tali estensjoni awtomatika tad-dazji antidumping u tad-dazji kontra s-sussidji għall-għaxar Stati Membri ġodda tmur kontra l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikoli 2 sa 7 u l-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament Nru 384/96, kif ukoll kontra l-Artikolu 1(1) u l-Artikoli 8 sa 12, 15 u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 288, p. 1). Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li dawn id-diversi dispożizzjonijiet, peress li jirreferu jew għall-Komunità jew għall-industrija Komunitarja, jimplikaw li l-investigazzjoni għandha ssir fuq il-bażi ta’ territorju ddefinit sewwa, jiġifieri dak tal-Komunità u mhux ta’ parti mill-Komunità. Dan jirriżulta wkoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi antidumping tal-1994 u tal-Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensattivi konkluż fi ħdan il-WTO (ĠU 1994, L 336, p. 156, iktar ’il quddiem il-“Ftehim SMK”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li investigazzjoni li tinkludi l-għaxar Stati Membri ġodda kienet meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat eżatt il-marġni ta’ dumping u l-ħsara li dan ikkawża jew li kienet se tiġi kkawżata mill-allegati sussidji. Fl-aħħar, huma jfakkru li l-ftuħ ta’ proċedura antidumping għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet, l-effett tagħhom fuq il-prezz tal-prodott simili u l-impatt tagħhom fuq l-industrija Komunitarja, b’tali mod li l-miżuri adottati fuq il-bażi ta’ ħmistax-il Stat Membru ma jistgħux awtomatikament jiġu imposti fir-rigward ta’ Komunità ta’ 25 Stat Membru mingħajr ma jiġi vverifikat jekk il-proċeduri setgħux jinfetħu fuq il-bażi ta’ informazzjoni simili għal Komunità wara t-tkabbir.

    53

    Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li l-Kummissjoni setgħet tmexxi investigazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tkabbir imminenti peress li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nri 384/96 u 2026/97 ma kienu jipprojbuha milli tagħmel talbiet għal informazzjoni.

    54

    Huma jiċħdu l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq il-metodu rrakkomandat fl-avviż dwar l-eventwali eżami mill-ġdid tal-miżuri minħabba t-tkabbir. Dan l-avviż ma jistax jiġġustifika li l-istituzzjonijiet ma jimxux mal-leġiżlazzjoni rilevanti. Għalkemm ir-rikorrenti jirrikonoxxu li f’dan l-avviż jingħad li l-proċeduri pendenti jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dazji fl-Istati Membri ġodda kollha, huma essenzjalment jikkunsidraw li s-soluzzjonijiet irrakkomandati, u b’mod partikolari l-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħmel eżami mill-ġdid intermedjarju, m’għandhom ebda rilevanza fir-rigward tal-proċeduri mhux magħluqa fil-mument tat-tkabbir. F’dan ir-rigward, huma jfakkru li eżami mill-ġdid intermedjarju ma jistax jintalab qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ minn tal-inqas sena li jibda jiddekorri minn meta jiġu stabbiliti l-miżuri rilevanti.

    55

    Il-fatt li f’ċerti każijiet partikolari ġie osservat li l-estensjoni tal-analiżi għall-Istati Membri ġodda ma kinitx tibdel radikalment il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mhuwiex rilevanti lil hinn mis-sitwazzjonijiet eżaminati.

    56

    Il-Kunsill jikkunsidra li l-miżuri antidumping u l-miżuri kontra s-sussidji ġew estiżi b’mod ġust għall-Komunità wara t-tkabbir. Mill-importanza ekonomika globali limitata tat-tkabbir jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet li kkonċernaw il-Komunità ta’ ħmistax-il Stat Membru huma, bħala prinċipju, validi anki għall-Komunità wara t-tkabbir, kif jikkonferma n-numru limitat ta’ talbiet għal eżami mill-ġdid intermedjarju. Il-Kunsill isostni li eżami mill-ġdid sistematiku tal-miżuri antidumping u tal-miżuri kontra s-sussidji eżistenti kollha kien jikkostitwixxi piż konsiderabbli u spejjeż addizzjonali għall-operaturi kkonċernati kollha u mhuwiex possibbli jsir fil-prattika.

    57

    Il-Kunsill isostni li l-avviż dwar l-eventwali eżami mill-ġdid tal-miżuri minħabba t-tkabbir jistabbilixxi soluzzjoni tranżitorja kumplessa, li taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Komunità u li hija bbażata fuq mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid f’żewġ stadji li jippermetti li jiġi żgurat li l-aġġustamenti jkunu jistgħu jsiru meta dan ikun ġustifikat.

    58

    Minn naħa, minn dan jirriżulta li b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004 l-miżuri antidumping u l-miżuri kontra s-sussidji fis-seħħ kollha japplikaw awtomatikament għall-importazzjonijiet fil-Komunità wara t-tkabbir b’25 Stat Membru u li jekk investigazzjonijiet mibdija qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri, dawn japplikaw ukoll għall-importazzjonijiet fil-25 Stat Membru tal-Komunità.

    59

    Min-naħa l-oħra, mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid kien previst sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jsiru korrezzjonijiet. Il-Kunsill ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kienet lesta teżamina mill-ġdid, totalment jew parzjalment, fuq talba minn kull parti interessata, miżuri antidumping jew miżuri kontra s-sussidji skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96 u skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2026/97, u dan mingħajr ma tistenna li jkun għadda t-terminu ta’ sena, peress li kienet ħabbret pubblikament li hija kienet se teżerċita d-dritt tagħha li tiftaħ eżami mill-ġdid fuq inizjattiva tagħha stess. Il-Kunsill josserva li r-rikorrenti ma użawx din il-possibbiltà u jqis li huma ma użawx din il-possibbiltà minħabba li ma kinux konvinti li eżami mill-ġdid intermedjarju kien se jwassal għal riżultati iktar favorevoli għalihom.

    60

    Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li l-ilmenti tar-rikorrenti huma purament formali sa fejn ma jallegawx li investigazzjoni li tkopri l-25 Stat Membru kien ikollha riżultati differenti u ma ressqu ebda prova f’dan is-sens.

    61

    Fl-aħħar, il-Kunsill jenfasizza li l-Kummissjoni analizzat, għall-finijiet ta’ kompletezza, l-effetti tat-tkabbir fil-każijiet pendenti kollha, inklużi ż-żewġ proċeduri inkwistjoni, u li r-riżultati ma kinux sostanzjalment differenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    62

    Huwa paċifiku li għalkemm il-perijodu ta’ investigazzjoni dam mill-1 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2003, meta l-Komunità kienet ikkostitwita minn ħmistax-il Stat Membru biss, ir-Regolamenti provviżorji ġew adottati fid-19 ta’ Mejju 2004 u r-Regolamenti kkontestati fit-13 ta’ Settembru 2004, dati li fihom il-Komunità kellha 25 Stat Membru.

    63

    Għandu jiġi mfakkar li d-dazji antidumping u d-dazji kumpensatorji mhumiex sanzjoni ta’ aġir preċedenti iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping u ta’ sussidji (ara, fir-rigward tad-dazji antidumping, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, T-138/02, Ġabra p. II-4347, punt 60). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2026/97, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinkludi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, tal-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

    64

    Minn dan jirriżulta li hija l-kompożizzjoni tal-Komunità fil-mument meta ġew adottati d-dazji antidumping u d-dazji kumpensatorji li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dawn id-dazji. Sa fejn l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma nkisbitx fid-dawl tat-tkabbir u għalhekk tikkonċerna biss il-Komunità kkostitwita minn ħmistax-il Stat Membru, kien obbligu tal-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolamenti provviżorji u, skont il-każ, tal-Kunsill meta adotta r-Regolamenti kkontestati, li jivverifikaw li din l-informazzjoni kienet rilevanti wkoll fir-rigward ta’ Komunità b’25 Stat Membru.

    65

    Huwa minnu li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2026/97 jimplikaw projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il-fatt li t-tkabbir tal-Komunità jikkostitwixxi avveniment sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni b’ebda mod ma jista’ jeżonera lill-istituzzjonijiet mill-obbligu msemmi fil-punt preċedenti.

    66

    Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-opportunità tenfasizza fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 384/96, il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi sussegwenti għal dan il-perijodu huma intiżi sabiex jiġi ggarantit li r-riżultati tal-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli filwaqt li jiġi żgurat li l-elementi li fuqhom tkun ibbażata d-determinazzjoni tad-dumping u tal-ħsara ma jkunux influwenzati mill-imġiba tal-produtturi kkonċernati wara l-ftuħ tal-proċedura antidumping u għalhekk li d-dazju definittiv impost fit-tmiem tal-proċedura jkun adegwat sabiex jirrimedja effettivament il-ħsara kkawżata mid-dumping (sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 63, punt 59).

    67

    Barrra minn hekk, billi juża l-kelma “normalment”, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 384/96 jippermetti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni. Fir-rigward ta’ ċirkustanzi favorevoli għall-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni, ġie deċiż li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux ikunu obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw minn perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni sakemm dawn l-elementi ma jirrevelawx żviluppi ġodda li jagħmlu manifestament inadegwata l-adozzjoni ppjanata ta’ dazju antidumping (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il-Kunsill, T-161/94, Ġabra p. II-695, punt 88, u tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni, T-188/99, Ġabra p. II-1757, punt 75). Għall-kuntrarju, jekk elementi marbuta ma’ perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni jiġġustifikaw, minħabba li jirriflettu l-imġiba attwali tal-impriżi kkonċernati, l-impożizzjoni jew iż-żieda ta’ dazju antidumping, għandu jiġi kkonstatat, fuq il-bażi ta’ dak li għadu kemm intqal, li l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt, jekk mhux ukoll l-obbligu, li jieħdu din l-imġiba inkunsiderazzjoni (sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, punt 61). L-istess raġunament jista’ jiġi segwit fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2026/97, li l-formulazzjoni tiegħu dwar dan il-punt hija identika għal dik tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 384/96.

    68

    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumpessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punt 48, l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, minn ġurisprudenza stabbilita wkoll, jirriżulta li meta l-istituzzjonijiet ikollhom tali setgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi jkollha importanza daqstant iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji jinstab b’mod partikolari l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-167/94, Ġabra p. II-2589, punt 73).

    69

    Għandu jiġi kkonstatat li l-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda bejn it-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni u l-adozzjoni tar-Regolamenti kkontestati tikkostitwixxi element rilevanti li l-istituzzjonijiet kienu obbligati jeżaminaw, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, sabiex jevalwaw l-impatt tagħha fuq iż-żewġ proċeduri pendenti.

    70

    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, is-sempliċi riferiment għall-importanza ekonomika globali allegatament limitata tat-tkabbir ma jistax jeżonera lill-istituzzjonijiet mill-obbligu msemmija iktar ’il fuq peress li tali kunsiderazzjoni ta’ natura ġenerali ma tikkonċernax is-settur ekonomiku partikolari li jagħmlu parti minnu l-importazzjonijiet inkwistjoni.

    71

    Fir-rigward tal-avviż dwar l-eventwali eżami mill-ġdid tal-miżuri minħabba t-tkabbir adottat mill-Kummissjoni, dan b’ebda mod ma jista’ jikkostitwixxi teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tal-effetti tat-tkabbir fuq il-proċeduri pendenti. Għall-kuntrarju, dan il-metodu jikkonsisti f’li ma jiġux eżaminati ex officio l-effetti tat-tkabbir filwaqt li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid ulterjuri tal-miżuri inkwistjoni. Issa, is-sempliċi possibbiltà ta’ tali eżami mill-ġdid, li tiddependi mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni u li timmaterjalizza sussegwentement għall-adozzjoni tar-regolamenti, ma tistax teżonera lill-istituzzjonijiet mill-obbligu tagħhom li jiżguraw li t-tkabbir tal-Komunità ma kienx ta’ natura li seta’ jkollu impatt fuq l-ammont tad-dazji antidumping u tad-dazji kontra s-sussidji.

    72

    Madankollu, mid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali dwar l-aspett taż-żewġ proċeduri dwar il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Komunità jirriżulta li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni evalwat il-konsegwenzi tat-tkabbir fuq ir-rilevanza tad-data miksuba matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. F’dan id-dokument il-Kummissjoni tosserva — mingħajr ma dawn il-konstatazzjonijiet ġew ikkontestati mir-rikorrenti — li, minn naħa, l-importazzjonijiet mill-Indja lejn l-Istati Membri ġodda kienu ta’ prezz ftit inqas mill-prezzijiet ikkonstatati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u li, min-naħa l-oħra, f’termini kemm ta’ bejgħ, ta’ produzzjoni u kif ukoll ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, is-sehem tal-għaxar Stati Membri ġodda kien wieħed minimu. Barra minn hekk, f’dan l-istess dokument jingħad li l-uniċi żewġ siti ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat magħrufa fl-Istati Membri ġodda jinsabu fil-Polonja u li l-Kummissjoni kisbet informazzjoni minn investigazzjoni antidumping imwettqa mill-awtoritajiet Pollakki fl-2003 li minnha jirriżulta li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja fil-Polonja kienu inqas b’4% minn dawk tal-importazzjonijiet lejn il-Komunità.

    73

    Billi għamlet tali verifika sussegwentement għall-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni żgurat li l-informazzjoni miksuba meta saret l-investigazzjoni kienet għadha rappreżentattiva tal-Komunità fil-kompożizzjoni tagħha meta ġew adottati d-dazji antidumping u d-dazji kumpensatorji. B’hekk, hija ma naqsitx mill-obbligu tagħha li teżamina l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

    74

    Fir-rigward tal-argument li l-istituzzjonijiet kien imisshom ivverifikaw jekk l-informazzjoni fil-pussess tagħhom kinitx tali li kienet tagħti lok għall-ftuħ ta’ investigazzjoni f’Komunità wara t-tkabbir, mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn dan jirriżulta neċessarjament li l-informazzjoni li abbażi tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri inkwistjoni kienet ukoll ta’ natura li tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-Komunità b’25 Stat Membru.

    75

    Fir-rigward tar-riferimenti għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi antidumping tal-1994 u tal-Ftehim SMK, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipprovawx f’liema sens dawn għandhom kontenut differenti minn dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 384/96 u 2026/97 li jimplementaw l-obbligi partikolari previsti fihom.

    76

    Minn dan kollu li ngħad jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ sussidju mogħtija lill-mekkaniżmu ta’ kreditu ta’ dazji fuq l-importazzjoni u dwar id-determinazzjoni tal-ammont tad-dazji kumpensatorji

    L-argumenti tal-partijiet

    77

    Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament kontra s-sussidji kkontestat huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, għall-Artikolu 1(1), għall-Artikolu 2(1)(a)(ii) u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 2026/97, kif ukoll għall-Anness III tiegħu u għall-Artikolu 1(1)(a)(1)(ii) u għall-Artikolu 19(3) tal-Ftehim SMK u huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’difetti proċedurali minħabba l-iffissar ta’ dazji kumpensatorji f’ammonti inadegwati.

    78

    Preliminarjament, huma jfakkru li l-mekkaniżmu Indjan ta’ kreditu ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“DEPB”) jippermetti lil esportatur jirċievi kreditu fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi għall-ammont tad-dazji mħallsa fir-rigward tal-importazzjoni ta’ materji primi meħtieġa għall-fabbrikazzjoni tal-prodott esportat fuq bażi unitarja, skont in-normi magħrufa bħala “standard technical input-output” (iktar ’il quddiem in-“norma SION”). Huma jenfasizzaw l-importanza ta’ ħlas lura tad-dazji miġbura mal-importazzjoni tal-elementi meħtieġa għall-fabbrikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u b’mod partikolari tal-iktar element għoli fosthom, jiġifieri n-needle coke ta’ kwalità superjuri, li mhijiex disponibbli fl-Indja.

    79

    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ sussidju magħmula fir-Regolament kontra s-sussidji kkontestat. F’kull każ, saħansitra fl-eventwalità stess li l-preżenza ta’ elementi ta’ sussidju fid-DEPB tista’ tiġi diskussa, ġie deċiż b’mod żbaljat li l-vantaġġ suġġett għall-miżuri kumpensatorji kien ikkostitwit mit-totalità tad-dazji fuq l-importazzjoni normalment imposti fuq l-importazzjonijiet kollha. Huwa biss l-ammont eċċessiv miġbur li jista’ jikkostitwixxi sussidju.

    80

    Fl-ewwel lok, tali konklużjoni tirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2026/97 kif ukoll tal-Anness I(i) tiegħu. Il-punt I 2 tal-Anness II jissostanzja wkoll din l-analiżi. Minn dan jirriżulta li jista’ jkun hemm sussidju biss jekk sistema ta’ rebate tagħti lok għal rebate eċċessiv u sal-ammont eċċessiv. Għalhekk hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ rebate eċċessiv qabel ma eventwalment tikklassifikah bħala sussidju. L-istess approċċ huwa segwit mid-definizzjoni li tinsab fil-punt I tal-Anness III. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, peress li d-DEPB għandu jiġi kklassifikat bħala sistema ta’ rebate fuq l-inputs ta’ sostituzzjoni, huwa l-Anness III tar-Regolament Nru 2026/97 li għandu japplika, anness li l-Kunsill ma analizzax.

    81

    L-argument tal-Kunsill li sussidju jista’ jeżisti anki fin-nuqqas ta’ ħlas eċċessiv jekk is-sistema inkwistjoni ma tkunx strettament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III tar-Regolament Nru 2026/97 huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li dawn l-annessi jistabbilixxu d-diversi kundizzjonijiet li sistema ta’ rebate għandha tissodisfa sabiex tkun perfetta filwaqt li dawn l-annessi jistabbilixxu pjuttost linji gwida intiżi sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ garanziji kontra l-possibbiltà ta’ rebate eċċessiv.

    82

    Fit-tieni lok, kien b’mod żbaljat li l-Kunsill kkunsidra li d-DEPB mhuwiex mekkanżmu ta’ rebate ta’ dazji kkostitwit b’mod korrett minħabba n-nuqqas ta’ proċedura fl-Indja li tivverifika li dan il-mekkaniżmu jiġi implementat b’mod korrett. Għar-rikorrenti, tali mekkaniżmu jeżisti u huwa kkostitwit mill-elementi segwenti: minn naħa, l-applikazzjoni u l-implementazzjoni stretta tan-norma SION u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-krediti jingħataw meta jsiru l-esportazzjonijiet u jistgħu jintużaw biss għall-importazzjonijiet ta’ materji primi użati bħala inputs skont in-normi magħrufa bħala“input-output”. Huma jsostnu wkoll li l-parti l-kbira tal-esportaturi Indjani jużaw id-DEPB bl-istess mod bħal sistema ta’ rebate li timponi l-obbligu strett li jintuża kull rebate sabiex jitħallsu d-dazji dovuti fuq l-importazzjoni ta’ inputs preċiżi użati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati peress li mill-aspett ekonomiku jagħmel sens li jaġixxu b’dan il-mod. Din is-sistema, ibbażata fuq l-inkoraġġiment tal-operaturi ekonomiċi, tissodisfa għalhekk kunsiderazzjonijiet prattiċi u l-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni amministrattiva fuq it-territorju Indjan kollu.

    83

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-istituzzjonijiet li ma ħadux passi sabiex jiżguraw li kien jeżisti eċċess fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-inputs u li b’hekk kisru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll il-prinċipji fundamentali tar-Regolament Nru 2026/97. Essenzjalment huwa jsostnu li l-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu speċifiku li teżamina jekk l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż esportatur waqqfux sistema jew proċedura li tippermetti li jiġi kkonfermat liema huma l-inputs li jintużaw fil-proċess ta’ fabbrikazzjoni tal-prodott esportat, u sa liema ammont. Peress li ġie kkunsidrat li tali sistema ma kinitx teżisti fl-Indja, il-Kummissjoni kellha l-obbligu twettaq investigazzjoni sabiex tivverifika, minn naħa, jekk id-DEPB kienx jiffunzjona fil-prattika u, min-naħa l-oħra, sa fejn seta’ jingħata rebate eċċessiv lill-esportaturi bil-għan li jiġi applikat ammont kumpensatorju fuq dan l-eċċess biss. Ma jkunx loġiku li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet Indjani kellhom l-obbligu li jagħmlu eżami ġdid peress li dan l-eżami jippreżumi l-eżistenza ta’ sistemi ta’ verifika suffiċjenti li, li kieku kienu jeżistu, ma kienx jingħata rebate eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jfakkru li l-kompitu li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ sussidju u, fl-affermattiv, tal-ammont tiegħu, jappartjeni lill-istituzzjonijiet Komunitarji.

    84

    Fir-raba’ lok, huma jirreferu għall-eżistenza ta’ prinċipju ta’ dritt internazzjonali, ikkonfermat fil-Ftehim SMK u fis-sistema doganali Komunitarja, li fabbrikant mhuwiex obbligat ibati d-dazji fuq merkanzija importata bil-għan biss li jipproċessaha u mbagħad jesportaha mill-ġdid. Madankollu, fil-livell internazzjonali ma teżistix definizzjoni vinkolanti tal-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa tali sistema. L-approċċ segwit mill-istituzzjonijiet Komunitarji jimplika l-impożizzjoni fuq l-Indja, pajjiż li qiegħed jiżviluppa u li m’għandux sistema doganali żviluppata, sistema li tikkorrispondi eżattament għal dik organizzata permezz tal-Kodiċi Doganali Komunitarju.

    85

    Fil-ħames lok, u b’mod sussidjarju, fl-eventwalità li jiġi deċiż li s-sussidju huwa kkostitwit mill-ammont totali tar-rebate, irrispettivament minn jekk huwiex eċċessiv jew le, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni għandha terġa’ tikkalkola l-ammont tas-sussidju li huwa suġġett għal miżuri kumpensatorji. Huma jsostnu li, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2026/97, dan l-ammont huwa kkostitwit biss mill-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju. Peress li huwa universalment magħruf li l-inputs użati fil-produzzjoni ta’ prodott esportat huma eżentati minn dazji fuq l-importazzjoni, jista’ jingħata vantaġġ biss jekk esportatur jikseb rebate ikbar mill-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa fuq l-inputs użati fil-produzzjoni tal-prodott esportat.

    86

    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    87

    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment jakkużaw lill-istituzzjonijiet li wettqu żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sussidju, żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tad-DEPB u, fl-aħħar, li kisru obbligu ta’ natura proċedurali billi ma investigawx il-funzjonament tad-DEPB fir-realtà.

    88

    It-titolu ta’ dan il-motiv isemmi wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu r-rikorrenti f’ebda mument ma jispjegaw kif il-klassifikazzjoni tad-DEPB bħala sussidju tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan l-ilment għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn mhuwiex ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu, u għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punti 333 u 334).

    — Fuq l-allegat żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sussidju

    89

    Skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2026/97: “Sussidju għandu jkun meqjus li jeżisti jekk […] ikun hemm kontribuzzjoni finanzjarja minn xi gvern fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew ta’ l-esportazzjoni, jiġifieri, fejn […] dħul tal-gvern li suppost [normalment] huwa dovut […] jkun maħfur jew […] ma jinġabarx (per eżempju, [fil-każ ta’] inċentivi fiskali bħal ma huma krediti ta’ taxxa); f’dan il-każ, l-eżenzjoni tal-prodott esportat mid-dazji jew taxxi imposti fuq prodotti simili meta jkunu destinati għall-konsum domestiku, jew l-għoti lura ta’ dazji […] jew taxxi [bħal dawn] f’ammonti li ma jeċċedux dawk li jkunu żdiedu [li jkunu dovuti], m’għandhomx ikunu meqjusa bħala sussidju, kemm-il darba din l-eżenzjoni tkun ingħatat skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Annessi I sa III.”

    90

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Annessi I sa III tar-Regolament Nru 2026/97 mhumiex sempliċi linji gwida intiżi sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ garanziji kontra l-possibbiltà ta’ rebate eċċessiv iżda fihom regoli li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa sabiex għoti lura jew eżenzjoni ta’ dazju ma jiġux ikklassifikati bħala sussidju. Din il-konklużjoni tirriżulta mit-termini partikolarment ċari tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2026/97. Barra minn hekk, mill-istruttura ta’ dan l-artikolu jirriżulta li d-deroga mogħtija lill-eżenzjonijiet u lill-għoti lura ta’ dazju hija eċċezzjoni għall-prinċipju li jkun hemm sussidju meta dħul pubbliku normalment dovut jiġi abbandunat jew ma jinġabarx. Għalhekk din għandha tiġi interpretata b’mod strett.

    91

    Għaldaqstant, meta fil-premessi 8 u 9 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat iddeċieda li, fin-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III tar-Regolament Nru 2026/97, il-vantaġġ suġġett għal miżuri kumpensatorji kien ikkostitwit mill-ammont totali tad-dazji fuq l-importazzjoni normalment dovuti fuq l-importazzjonijiet kollha, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2026/97. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-klassifikazzjoni bħala sussidju għall-eċċess miġbur biss, kif isostnu r-rikorrenti, tippreżumi li s-sistema ta’ għoti lura jew ta’ eżenzjoni ta’ dazju tkun kompatibbli mal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2027/97 u, għalhekk, mal-Annessi I sa III tiegħu.

    92

    Għall-istess raġunijiet, l-argument ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2026/97, li jipprovdi li “[l]-ammont ta’ sussidji [suġġetti għal miżuri] ta’ kumpens […] għandhom jiġu kalkulati fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni”, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq l-istess premessa żbaljata li l-esportaturi għandhom dritt jibbenefikaw minn rebate fuq id-dazji marbuta mal-inputs użati fil-prodotti esportati, filwaqt li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan id-dritt huwa suġġett għall-osservanza tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2026/97.

    93

    Din il-konklużjoni mhijiex imdgħajfa mir-riferiment għall-Anness I(i), għall-punt I 2 tal-Anness II u għall-punt I tal-Anness III fejn essenzjalment huwa ppreċiżat li sistema ta’ rebate tista’ tikkostitwixxi sussidju jew twassal għall-ħlas ta’ ammonti superjuri għal dawk miġbura. Huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li dawn id-diversi dispożizzjonijiet jirriflettu l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2026/97 iżda mhumiex intiżi li jippreċiżaw il-kriterji li għandha tissodisfa sistema ta’ rebate sabiex tkun kompatibbli ma’ dan l-artikolu peress li dawn il-kriterji huma identifikati f’dispożizzjonijiet oħra tal-Annessi II u III tar-Regolament Nru 2026/97.

    94

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 2026/97, kif ukoll fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(a)(1)(iii) u tal-Artikolu 19(3) tal-Ftehim SMK, li għalihom tirreferi l-formulazzjoni ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma jispjegawx f’liema sens dawn għandhom xi impatt fuq l-analiżi tal-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa sistema ta’ eżenzjoni jew ta’ għoti lura ta’ dazju fuq l-importazzjoni sabiex ma tiġix ikklassifikata bħala sussidju.

    — Fuq l-allegat żball fil-klassifikazzjoni tad-DEPB bħala sussidju

    95

    Skont il-punt II 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 2026/97: “Meta jiġi allegat illi xi […] skema ta’ teħid lura [rebate], toħloq sussidju minħabba l-għoti lura [jew rebate] żejjed ta’ taxxi indiretti jew ta’ ħlasijiet ta’ l-importazzjoni fuq id-dħul ikkunsmat [l-inputs ikkunsmati] fil-produzzjoni tal-prodott esportat, il-Kummissjoni trid normalment l-ewwel tistabbilixxi jekk il-gvern tal-pajjiż esportatur ikollux eżistenti jew japplikax sistema jew proċedura biex ikun aċċertat liema dħul [inputs] ikun ikkunsmat fil-produzzjoni tal-prodott esportat u f’liema ammonti. Meta sistema jew proċedura bħal din tkun ikkonfermata li tapplika, il-Kummissjoni għandha mbagħad normalment teżamina s-sistema jew il-proċedura biex tara jekk tkunx raġonevoli, effettiva għall-iskop li għalih hija intenzjonata, u bbażata fuq prattiċi kummerċjali ġeneralment aċċettati fil-pajjiż esportatur.” Il-punt II 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 2026/97 huwa fformulat f’termini simili fir-rigward ta’ sistema ta’ rebate dwar l-inputs ta’ sostituzzjoni.

    96

    Mill-punt II 5 tal-Anness II tar-Regolament Nru 2026/97 jirriżulta dan li ġej: “Fejn ma hemmx sistema jew proċedura bħal din, fejn ma tkunx raġonevoli, jew fejn tkun istitwita u kunsidrata raġonevoli imma jinstab li ma tkunx applikata jew li ma tkunx applikata effettivament, aktar eżamijiet mill-pajjiż esportatur ibbażati fuq id-dħul [l-inputs] attwali involut għandu normalment ikun meħtieġ li jsir fil-kuntest biex jiġi stabbilit jekk ikunx seħħ pagament eċċessiv. Jekk il-Kummissjoni tħoss li jkun meħtieġ, jista’ jinżamm eżami ieħor skond il-paragrafu [II] 4.” Il-punt II 3 tal-Anness III tar-Regolament Nru 2026/97 huwa fformulat f’termini simili fir-rigward ta’ sistema ta’ rebate fuq l-inputs ta’ sostituzzjoni.

    97

    Sabiex jikkunsidra li d-DEPB ma setax jiġi kklassifikat bħala sistema awtorizzata ta’ rebate fuq l-inputs jew fuq l-inputs ta’ sostituzzjoni, il-Kunsill ibbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-fatt deskritt fil-premessa 9 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat, li tipprovdi:

    “[Il-Gvern Indjan] ma applikax sistema jew proċedura effettiva ta’ verifika biex jikkonferma jekk u b’liema ammont l-inputs kienu qed jiġu konsumati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II[, punt] (II)(4) tar-Regolament [Nru 2026/97] u, fil-każ ta’ skemi ta’ sostituzzjoni tar-rifużjoni [sistemi ta’ rebate fuq l-inputs ta’ sostituzzjoni], l-Anness III[, punt] (II)(2) tar-Regolament [Nru 2026/97]). Barra minnhekk, il-[Gvern Indjan] ma wettaqx eżaminazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni bbażata fuq l-inputs reali involuti biex jiddetermina jekk seħħx ħlas żejjed, għalkemm dan ikun normalment meħtieġ fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika applikata b’mod effettiv (Anness II[, punt] (II)(5) u Anness III[, punt] (II)(3) tar-Regolament [Nru 2026/97].”

    98

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill adotta interpretazzjoni korretta tal-kriterji stabbiliti fl-Annessi II u III tar-Regolament Nru 2026/97, kriterji li l-għan tagħhom huwa li jiġi vverifikat jekk is-sistema ta’ rebate li teżisti fil-pajjiż esportatur tippermettix li tiġi żgurata r-realtà tal-konsum tal-inputs jew tal-inputs ta’ sostituzzjoni. L-ewwel kriterju jeżiġi l-eżistenza ta’ sistema jew ta’ proċedura li tippermetti li ssir tali verifika. It-tieni kriterju, li japplika sussidjarjament fl-eventwalità li tali proċedura jew tali sistema ma teżistix jew tkun ineffiċjenti, jikkonsisti fit-twettiq mill-pajjiż esportatur ta’ eżami bbażat fuq ir-realtà tal-inputs użati jew tat-tranżazzjonijiet magħmula.

    99

    Huwa ġustament li l-Kunsill ikkunsidra li d-DEPB ma kienx jissodisfa l-kriterji previsti fl-Annessi II u III tar-Regolament Nru 2026/97.

    100

    Minn naħa, mid-deskrizzjoni tad-DEPB li tinsab fil-premessi 23 sa 30 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju — deskrizzjoni kkonfermata mill-Kunsill fil-premessa 6 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti — jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani kienu stabbilixxew proċedura jew mekkaniżmu ta’ verifika. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, it-teħid flimkien ta’ diversi fatturi, fosthom l-applikazzjoni tan-norma SION, l-użu tal-krediti għall-importazzjonijiet ta’ input u l-fatt li huma invokaw fl-atti tagħhom li l-parti l-kbira tal-esportaturi Indjani jużaw id-DEPB bl-istess mod bħal sistema ta’ rebate li timponi l-obbligu strett li jintuża kull rebate sabiex jitħallsu d-dazji dovuti fuq l-importazzjoni ta’ inputs preċiżi użati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati, ma jistax jitqabbel ma proċedura jew ma’ sistema ta’ verifika fis-sens tal-punt II 4 tal-Anness II u tal-punt II 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 2026/97.

    101

    Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-awtoritajiet Indjani ma għamlux eżami sussegwenti għall-esportazzjonijiet, kif kienu obbligati jagħmlu fin-nuqqas ta’ proċedura jew ta’ sistema ta’ verifika skont il-punt II 5 tal-Anness II tar-Regolament Nru 2026/97 u skont il-punt II 3 tal-Anness III ta’ dan l-istess regolament. Barra minn hekk, dan il-punt huwa kkonfermat mill-argument tar-rikorrenti li kienet il-Komunità li kienet obbligata tagħmel tali eżami.

    102

    Huwa għalhekk ġustament li l-Kunsill seta’ jikkunsidra li d-DEPB ma kienx jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Annessi II u III tar-Regolament Nru 2026/97 u li, għalhekk, dan il-mekkaniżmu ma setax jiġi kklassifikat bħala sistema awtorizzata ta’ rebate fuq l-inputs jew fuq l-inputs ta’ sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) ta’ dan l-istess regolament.

    103

    Din il-konklużjoni mhijiex milquta mill-użu tal-avverbju “normalment” fl-Annessi II u III tar-Regolament Nru 2026/97. Għalkemm dan l-avverbju jimplika li, f’ċirkustanzi partikolari, l-istituzzjonijiet jistgħu eventwalment jużaw kriterji oħra, huwa ma jistax iċaħħadhom mill-possibbiltà li jibbażaw ruħhom fuq in-nuqqas tal-kriterji previsti sabiex jikkonstataw in-natura mhux awtorizzata ta’ sistema ta’ rebate fuq l-inputs jew fuq l-inputs ta’ sostituzzjoni.

    104

    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ definizzjoni vinkolanti ta’ sistema ta’ rebate ta’ dazju fil-livell internazzjonali u fuq il-fatt li l-Indja hija pajjiż li qiegħed jiżviluppa, dawn mhumiex ta’ natura li jdgħajfu din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-Annessi II u III tar-Regolament Nru 2026/97 huma konformi mal-Annessi II u III tal-Ftehim SMK u li dawn tal-aħħar ma jagħmlu ebda distinzjoni favur pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

    105

    Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad li d-DEPB mhuwiex ibbażat fuq ir-realtà tal-inputs jew tal-inputs ta’ sostituzzjoni użati fil-prodott esportat iżda fuq sempliċi stima tal-kwantità tagħhom. Minn dan l-aspett, din is-sistema ma fiha ebda kundizzjoni ta’ użu effettiv tal-inputs fil-prodott esportat. Issa, l-eżistenza ta’ tali kundizzjoni toħroġ b’mod impliċitu iżda neċessarju mill-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2026/97 kif ukoll mill-Annessi II u III tiegħu.

    — Fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni dwar il-funzjonament tad-DEPB fir-realtà

    106

    Kif jirriżulta mill-punti 95 u 96 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiddetermina biss jekk l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż esportatur implementawx u japplikawx sistema jew proċedura ta’ kontroll. Hija b’ebda mod ma hija obbligata, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tinvestiga bil-għan li tivverifika l-funzjonament tad-DEPB fil-prattika. Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ sistema jew ta’ proċedura ta’ kontroll adegwata, huwa l-pajjiż esportatur u mhux il-Komunità li għandu l-obbligu li jwettaq eżami ġdid ibbażat fuq l-inputs effettivi u t-tranżazzjonijiet reali inkwistjoni. Dan l-ilment għalhekk għandu jiġi miċħud.

    107

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-prattiki antikompetittivi ssanzjonati fuq is-suq Komunitarju fid-determinazzjoni tal-ħsara

    L-argumenti tal-partijiet

    108

    Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolamenti kkontestati jiksru, minn naħa, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3(1), (6) u (7), u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 384/96, kif ukoll l-Artikoli 3 u 9 tal-Kodiċi antidumping tal-1994 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 8(1), (6) u (7), u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2026/97, kif ukoll l-Artikoli 15 u 19 tal-Ftehim SMK u huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn jimponu dazji definittivi fil-konfront tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fin-nuqqas ta’ determinazzjoni korretta u adegwata tal-ħsara, b’mod partikolari sa fejn huma bbażati fuq data li saret ftit affidabbli minħabba l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv.

    109

    Huma jfakkru li dazji antidumping u dazji kumpensatorji jistgħu jiġu imposti biss bħala riżultat ta’ investigazzjoni li turi l-eżistenza ta’ ħsara sostanzjali għall-industrija Komunitarja. B’applikazzjoni tar-regoli tal-WTO, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-użu ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali ma jostakolax l-aċċess tal-importazzjonijiet inkwistjoni għas-suq Komunitarju meta l-ħsara għall-industrija Komunitarja setgħet ġiet ikkawżat minn fatturi oħra. Kalkolu preċiż tal-ammont eżatt tal-ħsara huwa għalhekk meħtieġ sabiex jiġi evitat li ħsara kkawżata minn fatturi oħra tiġi attribwita lill-importazzjonijiet eżaminati u sabiex tkun tista’ tiġi applikata b’mod effettiv ir-regola tal-iżgħar dazju.

    110

    Huma jenfasizzaw ukoll l-importanza mogħtija mill-qorti Komunitarja lid-determinazzjoni tar-rwol li jkollhom fatturi oħra fil-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja, u b’mod partikolari r-rwol ta’ eventwali prattiki antikompetittivi. B’hekk, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill (C-358/89, Ġabra p. I-3813), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dazju minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx iddeterminat b’mod korrett il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet u lanqas ma kienet eżaminat jekk l-industrija Komunitarja rilevanti kinitx il-kawża tal-ħsara tagħha minħabba l-aġir antikompetittiv tagħha stess.

    111

    Skont ir-rikorrenti, b’applikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Mukand et vs Il-Kunsill (T-58/99, Ġabra p. II-2521), huwa obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk is-suq li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni kienx milqut mill-attivitajiet antikompetittivi inkwistjoni u, jekk dan ikun il-każ, jekk ikunx possibbli li jintlaħqu konklużjonijiet affidabbli fir-rigward tal-ħsara. Bl-istess mod, huma jfakkru li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament Nru 2026/97 u tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament Nru 384/96, l-istituzzjonijiet huma obbligati li ma jattribwux lill-importazzjonijiet eżaminati l-effetti negattivi fuq l-industrija Komunitarja tal-imġiba antikompetittiva tagħha stess. Minn dan huma jikkonkludu li, fil-każ ta’ prattika antikompetittiva li twassal għal iffissar tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju tal-prodotti li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping jew ta’ investigazzjoni kontra s-sussidji, il-Kummissjoni hija obbligata ttemm il-proċedura peress li din l-attività antikompetittiva tirrendi invalidi, jekk mhux ukoll impossibbli, id-determinazzjonijiet tal-ħsara u tar-rabta kawżali.

    112

    Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir antikompetittiv issanzjonat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2002/271/KE tagħha, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 2002, L 100, p. 1) kellu jittieħed inkunsiderazzjoni. Minn naħa, l-effetti prinċipali kienu jikkonsistu fi prezzijiet għolja b’mod artifiċjali sa Marzu 1998. Dan kien ifixkel determinazzjoni eżatta kemm tal-allegat prezz baxx b’mod anormali tal-importazzjonijiet mill-Indja u kif ukoll tal-livelli ta’ profittabbiltà adegwati tal-industrija Komunitarja. Min-naħa l-oħra, il-prattiki antikompetittivi kellhom ukoll bħala effett li jgħollu b’mod artifiċjali l-ishma tas-suq tal-produtturi Komunitarja. Għaldaqstant, m’għandha tiġi misluta ebda konsegwenza mill-fatt li kien hemm tnaqqis qawwi fil-livelli tal-prezzijiet. Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjoni affidabbli tal-indikaturi ta’ ħsara. Skont ir-rikorrenti, hija kien imissha stħarrġet saħansitra l-kwistjoni ta’ jekk id-diffikultajiet tal-industrija Komunitarja kinux ikkawżati mill-aġir tagħha stess. Huma jsostnu li ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jagħmlu l-analiżi iktar faċli milli kienet fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, peress li l-prattiki antikompetittivi kellhom l-effetti tagħhom fuq l-istess suq bħall-importazzjonijiet inkwistjoni. Minn dan huma jikkonkludu li paragun tal-livelli tal-prezzijiet bejn l-elettrodi tal-grafita Komunitarji u Indjani huwa impossibbli.

    113

    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-analiżi li l-kartell ma kienx għadu jipproduċi l-effetti tiegħu fid-data li fiha beda l-perijodu eżaminat, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1999. Skonthom, tkun illużjoni jekk jingħad li l-effetti ta’ akkordju dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq jistgħu jintemmu immedjatament, fuq kollox f’suq oligopolistiku. Huma jsostnu li fl-1 ta’ Jannar 1999 l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kartell kienet għadha kemm inbdiet u li l-effetti ta’ dan il-kartell kienu fl-aqwa tagħhom peress li, b’mod partikolari, il-prezzijiet applikati kienu ġew miftehma matul is-snin preċedenti u għalhekk kienu jinsabu f’livell għoli ħafna. Għalhekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet ikkonstatat għandu pjuttost jiġi attribwit lill-waqfien progressiv tal-effetti tal-akkordji milli lill-importazzjonijiet mill-Indja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li għaddew lill-Kummissjoni provi li juru li s-suq ma kienx għadu ħeles mill-effetti tal-akkordju u li kienu kkostitwiti minn provi ta’ żidiet fil-prezzijiet simultanji u identiċi.

    114

    Mill-fatturi preċedenti huma jikkonkludu li twettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kemm fid-determinazzjoni tal-ħsara u kemm fid-determinazzjoni tar-rabta kawżali. Minn naħa, il-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha indikaturi adegwati u affidabbli sabiex tagħmel stima tal-ħsara. Huma jsostnu essenzjalment li, peress li l-għan tal-miżuri kumpensatorji u tal-miżuri antidumping huwa, bħala prinċipju, l-istabbiliment mill-ġdid tan-natura kompetittiva ta’ suq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni jkollha idea preċiża tal-livell tal-kompetizzjoni li għandha teżisti f’dan is-suq. F’dan il-każ, l-unika informazzjoni li tista’ tkun kwantifikata kienet ikkostitwita mit-tnaqqis fir-riżultati miksuba mill-industrija Komunitarja, tnaqqis li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħsara sostanzjali li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazji. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżami tar-rabta kawżali, it-tnaqqis fir-riżultati miksuba mill-produtturi Komunitarji għandu jiġi kkunsidrat bħala attribwibbli għall-azzjonijiet tagħhom stess, jiġifieri għall-prattiki antikompetittivi tagħhom, u mhux għall-importazzjonijiet mill-Indja.

    115

    Il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet eżaminaw jekk l-eżistenza fil-passat ta’ kartell kellhiex influwenza fuq id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ħsara u kkonkludew, ġustament, li dan ma kienx il-każ.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    116

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 384/96 jipprovdi li kull prodott li jkun is-suġġett ta’ dumping jista’ jkun suġġett għal dazji antidumping meta t-tqegħid tiegħu f’ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità jikkawża ħsara.

    117

    L-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

    “1.   Skond dan ir-Regolament, it-terminu “ħsara” għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

    […]

    6.   Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha […] li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament […]

    7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom [prezzijiet ta’ dumping], […] prattiċi restritti tal-kummerċ [ta’] produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi […]”

    118

    Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 384/96, “[f]ejn il-fatti kif fl-aħħar stabbiliti juru li hemm bejgħ taħt il-prezz [dumping] u li hemm ħsara kkawżata minħabba f’hekk, u l-interess Komunitarju jitlob għal interv[en]t […], għandu jiġi impost dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz [dazju antidumping definittiv] mill-Kunsill”.

    119

    L-Artikoli 1, 8 u 15 tar-Regolament Nru 2026/97 huma fformulati b’mod simili fir-rigward tad-dazji kumpensatorji.

    120

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni jekk l-industrija Komunitarja ġarrbitx ħsara u jekk din il-ħsara hijiex attribwibbli lill-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidju, kif ukoll il-kwistjoni jekk l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, jew b’mod iktar ġenerali, jekk fatturi magħrufa oħra, ikkontribwixxewx għall-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja, huma kwistjonijiet li jeħtieġu l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li fir-rigward tagħha l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja dwar l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti li abbażi tagħhom saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T-164/94, Ġabra p. II-2681, punt 131, u Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, punt 38).

    121

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ affidabbiltà tal-indikaturi ta’ ħsara, għandu jiġi mfakkar li skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Nru 384/96 u skont l-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 2026/97, id-determinazzjoni tal-ħsara tiddependi b’mod partikolari miż-żieda fl-importazzjonijiet, mill-evoluzzjoni tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju kif ukoll mill-evoluzzjoni tal-profittabbiltà tal-industrija Komunitarja. Għalhekk huwa meħtieġ li l-indizji li fuqhom jibbażaw ruħhom l-istituzzjonijiet jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, punt 46).

    122

    Mill-analiżi tas-siltiet rilevanti tar-Regolamenti provviżorji, ikkonfermati mir-Regolamenti kkontestati, ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li, fid-data li fiha beda l-perijodu eżaminat, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1999, l-effetti tal-aġir antikompetittiv issanzjonat fid-Deċiżjoni 2002/271 ma kinux għadhom jinħassu (premessa 46 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 90 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju, ikkonfermati, rispettivament mill-premessa 18 tar-Regolament antidumping ikkontestat u mill-premessa 27 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat).

    123

    Fil-fatt, mill-premessi 77 sa 81 tar-Regolament antidumping provviżorju u mill-premessi 121 sa 125 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju, ikkonfermati mill-Kunsill fil-premessa 21 tar-Regolament antidumping ikkontestat u fil-premessa 29 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat, jirriżulta li din il-konklużjoni hija sostnuta minn analiżi suffiċjentement konvinċenti fir-rigward ta’ settur li fih l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

    124

    B’hekk, sabiex intlaħqet il-konklużjoni li l-kartel ma kienx għadu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-1 ta’ Jannar 1999, data magħżula bħala punt tat-tluq tal-perijodu eżaminat, ġie osservat li prattikament it-tranżazzjonijiet effettivament iffatturati u mħallsa fl-1999 u l-prezzijiet korrispondenti kollha kienu jirriżultaw minn ftehim sussegwenti għad-data tal-waqfien tal-kartell (Marzu 1998). Din il-konstatazzjoni kienet min-naħa tagħha bbażata fuq il-fatt segwenti, imsemmi fil-premessa 78 tar-Regolament antidumping provviżorju u fil-premessa 122 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju:

    “Abbażi tal-investigazzjoni jista’ jiġi kkonstatat li matul il-perijodu 1998-1999 madwar 40% tat-tranżazzjonijiet kienu koperti minn kuntratti annwali, 35% minn kuntratti ta’ sitt xhur u 25% minn kuntratti ta’ tliet xhur jew minn kuntratti solitarji. Il-kuntratti għal tul ta’ żmien twil (pereżempju ta’ tliet snin) bdew isiru popolari fi żmien pjuttost reċenti iżda kienu marġinali, u kważi totalment ineżistenti, matul is-snin 1997-1998, ħaġa li kienet loġika f’suq ikkaratterizzat minn prezzijiet għolja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    125

    Barra minn hekk, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjoni, esposta fil-premessa 80 tar-Regolament antidumping provviżorju u fil-premessa 124 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju, li minn analiżi tal-prezzijiet fuq tul ta’ żmien twil tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju kienet irriżultat żieda progressiva f’dawn il-prezzijiet matul is-snin 90, li laħqu l-ogħla punt tagħhom fl-1998 u li naqqsu b’14% bejn l-1998 u l-1999.

    126

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat għaliex l-evoluzzjoni tal-prezzijiet f’suq ieħor, dak tal-elettrodi b’dijametru kbir (ta’ iktar minn 700 mm), ma kinitx rilevanti (premessa 79 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 123 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju).

    127

    Fadal li jiġi vverifikat jekk il-premessi preċedenti jistgħux jiġu kkontestati abbażi tal-argumenti tar-rikorrenti.

    128

    Fl-ewwel lok, sabiex jipprovaw li l-akkordju kien għadu jipproduċi effetti fis-suq inkwistjoni fl-1 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrenti jsostnu li, f’dik id-data, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kartell kienet għadha kemm inbdiet u li l-effetti antikompetittivi kienu fl-aqwa tagħhom. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet ġustament ibbażaw ruħhom fuq id-Deċiżjoni 2002/271, li minnha jirriżulta li l-investigazzjoni bdiet fil-5 ta’ Ġunju 1997 (premessa 32) u li l-ksur dam sa Frar/Marzu 1998 (premessa 155).

    129

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirreferu għall-istruttura oligopolistika tas-suq inkwistjoni kif ukoll għall-fatt li l-kompetizzjoni kienet nieqsa jew limitata ħafna f’dan is-suq sabiex jenfasizzaw li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kompetizzjoni ma setgħetx issir ta’ malajr iżda setgħet issir biss b’mod gradwali. Kif jirriżulta mill-punti 122 sa 126 iktar ’il fuq, il-qari tar-Regolamenti provviżorji u definittivi ma jippermettix, fih innifsu, li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa għalhekk obbligu tar-rikorrenti li jipproduċu l-provi li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tasal għal konklużjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, punt 106; tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T-210/95, Ġabra p. II-3291, punt 58, u Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, punt 41).

    130

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jippreżentaw diversi provi li juri, skonthom, l-eżistenza ta’ żidiet fil-prezzijiet simultanji min-naħa ta’ SGL u ta’ UCAR wara l-1 ta’ Jannar 1999 u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ ritorn għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. Dawn il-provi ssemmew, flimkien ma’ oħrajn ġodda, mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tat-22 ta’ Ġunju 2004.

    131

    Mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tistħarreġ il-valur probatorju ta’ wħud minn dawn id-dokumenti meħuda minn paġni tal-Internet (siltiet mis-sit Yahoo France, mis-siti tal-Internet ta’ UCAR u ta’ SGL), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma jikkonċernawx l-element essenzjali kkonstatat mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Kunsill u li abbażi tiegħu ġie kkunsidrat li l-kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni kienu stabbiliti mill-ġdid fl-1 ta’ Jannar 1999, jiġifieri t-tnaqqis sostanzjali ta’ 14% tal-prezzijiet osservat bejn l-1998 u l-1999. Fil-fatt, permezz ta’ dawn id-dokumenti, ir-rikorrenti sempliċement jipprovaw juru żidiet fil-prezzijiet li saru simultanjament wara l-1 ta’ Jannar 1999 u, b’mod partikolari, bejn l-2002 u l-2004. Għalhekk, dawn id-dokumenti ma jdaħħlux inkwistjoni r-raġunament li fl-1 ta’ Jannar 1999 l-effetti tal-aġir antikompetittiv fil-passat ma kinux għadhom jinħassu u li, għalhekk, l-indikaturi ta’ ħsara kienu suffiċjentement affidabbli. Fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni diretta ta’ din l-analiżi, ma jistax jiġi kkunsidrat li din l-allegata żieda parallela fil-prezzijiet kienet ikkawżata mill-prattiki ssanzjonati bid-Deċiżjoni 2002/271 jew li din iż-żieda tikkostitwixxi l-prova tan-nuqqas tal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    132

    Minn dan l-aspett, il-fatti ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, fejn il-Kunsill ma kienx qed jikkontesta l-eżistenza stess tal-element li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat bħala element li jagħmel ftit affidabbli l-analiżi tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat.

    133

    It-tieni nett, u bħala konsegwenza, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda wkoll.

    134

    Fl-ewwel lok, l-istituzzjonijiet ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li, la darba l-effetti tal-prattiki ssanzjonati fid-Deċiżjoni 2002/271 ma kinux għadhom jinħassu, is-suq Komunitarju kien jinsab f’sitwazzjoni normali ta’ kompetizzjoni.

    135

    Fit-tieni lok, huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-determinazzjoni tal-ħsara, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk il-ħsara li fuqha huma jkollhom l-intenzjoni li jibbażaw ruħhom tirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u li jinjoraw kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra, u, b’mod partikolari, dik ikkawżata mill-aġir tal-produtturi Komunitarji stess (sentenza Extramet Industrie vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T-107/04, Ġabra p. II-669, punt 72). Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġu kkunsidrat li l-ħsara li l-industrija Komunitarja setgħet eventwalment tikkawża lilha nfisha kienet intemmet fid-data li fiha beda l-perijodu ta’ eżami.

    136

    Fl-aħħar lok, fir-rigward tar-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għal allegati ksur tal-Artikoli 3 u 9 tal-Kodiċi antidumping tal-1994 u tal-Artikoli 15 u 19 tal-Ftehim SMK, jidher li r-rikorrenti ma jsostnux li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom kontenut differenti minn dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 384/96 u 2026/97 li jimplementaw l-obbligi partikolari previsti fihom.

    137

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq il-ħames motiv, dwar in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ fatturi oħra fid-determinazzjoni tal-ħsara u dwar l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din il-ħsara

    L-argumenti tal-partijiet

    138

    Ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw lill-istituzzjonijiet talli attribwew il-ħsara kollha lill-importazzjonijiet mill-Indja meta investigazzjoni adegwata fir-rigward ta’ fatturi oħra u b’mod iktar partikolari ta’ importazzjonijiet oħra bi prezzijiet baxxi b’mod anormali kienet ċertament twassal għar-rikonoxximent ta’ dumping minn pajjiżi oħra apparti mill-Indja u b’mod partikolari mill-Ġappun. Għaldaqstant, kemm ir-Regolamenti provviżorji u kemm ir-Regolamenti kkontestati huma kuntrarji kemm għall-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 u kemm għall-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 2026/97.

    139

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, f’din il-kawża, fejn fatturi oħra seta’ kellhom rwol fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-prodotti, il-Kummissjoni ma kellhiex tikkalkola l-marġni ta’ profitt billi tibbaża ruħha fuq prezz mixtieq li jikkorrispondi allegatament għal kif dan il-prezz kellu jkun fin-nuqqas ta’ dumping u ta’ sussidju (underselling price) iżda kellha pjuttost issegwi l-prattika stabbilita sewwa ta’ prezzijiet inqas mill-prezzijiet proprja (undercutting price). Għar-rikorrenti, il-metodu ffavorit mill-Kummissjoni f’dan il-każ, ibbażat fuq tqabbil bejn il-prezzijiet mal-esportazzjoni Indjani u l-prezzijiet mixtieqa tal-industrija Komunitarja u li jinkludi marġni ta’ profitt meqjus bħala raġonevoli, iwassal għal sitwazzjoni fejn l-importaturi Indjani jbatu l-piż tal-ħsara kollha allegatament ikkawżata lill-industrija Komunitarja minkejja li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li ma kinux huma biss li kkawżaw din il-ħsara. Din il-konsegwenza hija preċiżament dik li l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 8(7) tar-Regolament għandhom l-għan li jevitaw.

    140

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill donnu qed iqis bħala kunċett wieħed il-kunċetti distinti li huma l-kawżalità u l-esklużjoni ta’ fatturi oħra mid-determinazzjoni tal-ħsara. Huma ma jallegawx li, f’każ partikolari ta’ dumping jew ta’ sussidji, l-eżistenza ta’ fatturi oħra li jikkawżaw il-ħsara għall-industrija Komunitarja għandha ċċaħħad lil din tal-aħħar minn kull protezzjoni iżda jaffermaw biss li, skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96, il-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra m’għandhiex tiġi attribwita lill-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping.

    141

    Il-Kunsill jikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    142

    Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 2026/97, il-fatturi magħrufa, għajr l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji, li, fl-istess ħin, jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja, għandhom jiġu eżaminati wkoll b’tali mod li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma tiġix attribwita lill-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji.

    143

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tenfasizza, ir-responsabbiltà għal ħsara tista’ tiġi attribwita lill-importazzjonijiet ikkunsidrati anki jekk l-effetti tagħhom jirrappreżentaw biss parti minn ħsara iktar wiesgħa attribwibbli lil fatturi oħra, u b’mod partikolari lil importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il-Kunsill, 277/85 u 300/85, Ġabra p. 5731, punt 62).

    144

    Madankollu, huwa obbligu tal-istituzzjonijiet li jivverifikaw jekk l-effetti ta’ dawn il-fatturi l-oħra ma kinux ta’ natura li jiksru r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1995, Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-166/94, Ġabra p. II-2129, punti 79, 81 u 82, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 98).

    145

    Bl-istess mod, huwa obbligu tagħhom li jiżguraw li l-ħsara attribwibbli lil dawn il-fatturi l-oħra ma tiġix ikkunsidrata fid-determinazzjoni tal-ħsara fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 u tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 2026/97 u li, għaldaqstant, id-dazju antidumping jew kumpensatorju impost ma jaqbiżx dak li jkun meħtieġ sabiex tiġi eliminata l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidju [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1), li l-formulazzjoni tiegħu hija simili għal dik tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 u għal dik tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 2026/97, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq, punti 59 u 60].

    146

    Għalhekk, l-istituzzjonijiet huma obbligati jevalwaw l-effetti ta’ fatturi magħrufa oħra, u b’mod partikolari tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi terzi, mhux biss meta ssir l-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet eżaminati u l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja iżda anki meta tiġi ddeterminata l-ħsara mġarrba minn din tal-aħħar.

    147

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu analizzati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar, minn naħa, in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ fatturi oħra u, min-naħa l-oħra, l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu tal-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara.

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ fatturi oħra

    148

    L-unika kritika magħmula mir-rikorrenti tikkonċerna n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-importazzjonijiet mill-Ġappun.

    149

    Il-Kummissjoni, fir-Regolamenti provviżorji tagħha, li l-premessi rilevanti tagħhom (il-premessi 83 sa 88 tar-Regolament antidumping provviżorju u l-premessi 127 sa 132 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju) ġew ikkonfermati mill-Kunsill (il-premessa 21 tar-Regolament antidumping ikkontestat u l-premessa 29 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat), spjegat li ma kien hemm xejn x’jindika li l-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi apparti l-Indja kienu kkontribwixxew għas-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja.

    150

    Hija waslet għall-konklużjoni segwenti, esposta fil-premessa 87 tar-Regolament antidumping provviżorju u fil-premessa 131 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju:

    “Fid-dawl tal-prezzijiet medji, tal-volum baxx [tal-]importazzjonijiet [minn pajjiżi terzi apparti l-Indja], mis-sehem tas-suq limitat tagħhom u mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fir-rigward tal-firxa ta’ prodotti, m’hemm xejn x’jindika li dawn l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, irrispettivament minn jekk joriġinawx mill-fabbriki taż-żewġ produtturi Komunitarji li ressqu l-ilment, ikkontribwixxew għas-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja, b’mod partikolari f’termini ta’ ishma tas-suq, ta’ volumi tal-bejgħ, ta’ impjieg, ta’ investiment, ta’ profittabbiltà, ta’ redditu fuq l-investimenti u ta’ bidliet f’likwidità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    151

    Din il-konklużjoni hija bbażata fuq diversi elementi li mhumiex espliċitement ikkritikati mir-rikorrenti.

    152

    B’hekk, mhuwiex ikkontestat li kienu biss l-importazzjonijiet minn tliet pajjiżi oħra apparti l-Indja, f’dan il-każ il-Ġappun, il-Polonja u l-Istati Uniti, li kienu jirrappreżentaw sehem tas-suq fi ħdan il-Komunita ta’ iktar minn 1% matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u li l-prezz frank fil-fruntiera Komunitarja (iktar ’il quddiem il-“prezz frank”) tagħhom kien iktar minn dak tal-importazzjonijiet mill-Indja. Fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Polonja, huwa osservat li l-prezz frank tagħhom kien iktar mill-prezzijiet tal-industrija Komunitarja. Fir-rigward tal-Istati Uniti, ir-Regolamenti provviżorji jikkonstataw li s-sehem tas-suq tagħhom kien naqas minn 5.3% għal 4.7%.

    153

    Huwa veru li fir-Regolamenti provviżorji ftit jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet Ġappuniżi. F’dawn ir-regolamenti jingħad sempliċement li “s-sehem tas-suq tal-Ġappun żdied minn 2.1% għal 2.6%” u li l-prezz frank tal-importazzjonijiet tagħhom kien inqas minn dak tal-industrija Komunitarja iżda iktar minn dak tal-Indja (il-premessa 128 tar-Regolamenti kontra s-sussidji provviżorju u l-premessa 84 tar-Regolamenti antidumping provviżorju).

    154

    Għalkemm huwa minnu li tali importazzjonijiet mhumiex ta’ natura li jistgħu jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet eżaminati u l-ħsara għall-industrija Komunitarja, l-istituzzjonijiet kellhom l-obbligu jivverifikaw li dawn ma jikkawżawx ħsara awtonoma għall-industrija Komunitarja u, jekk ikun il-każ, li ma jattribwixxux din il-ħsara lill-importazzjonijiet eżaminati.

    155

    Minkejja li l-motivazzjoni tar-Regolamenti kkontestati fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Ġappun hija qasira, mir-Regolamenti kkontestati u mir-Regolamenti provviżorji li għalihom jagħmlu riferiment jirriżulta b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li tali effett ġie kkunsidrat bħala ineżistenti jew wisq negliġibbli sabiex jikkawża xi ħsara serja.

    156

    Minn naħa, minn din il-motivazzjoni tirriżulta interpretazzjoni ġusta tal-obbligu li għandhom l-istituzzjonijiet li ma jattribwixxux lill-importazzjonijiet eżaminati l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja minħabba fatturi oħra, u b’mod partikolari mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, fil-premessa 117 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju, kif ukoll, b’mod simili, fil-premessa 73 tar-Regolament antidumping provviżorju, huwa enfasizzat li:

    “Skont l-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament [Nru 2026/97], il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet issussidjati kkawżawx lill-industrija Komunitarja ħsara li tista’ tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali. Il-fatturi magħrufa apparti l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tas-sussidji li, fl-istess ħin, setgħu kkawżaw ħsara għall-industrija Komunitarja ġew eżaminati wkoll, b’tali mod li l-ħsara eventwalment ikkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma tiġix attribwita lill-importazzjonijiet ikkonċernati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    157

    Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet setgħu ġustament iqisu li, f’dan il-każ, l-effetti tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kellhom biss effett limitat ħafna, jekk mhux ineżistenti, u, għaldaqstant, li dawn l-importazzjonijiet ma kienu kkawżaw ebda ħsara serja li huma kellhom jiżguraw li ma jattribwixxux lill-importazzjonijiet eżaminati.

    158

    F’dan ir-rigward, fil-premessa 136 tar-Regolament kontra s-sussidji provviżorju, u, b’mod simili, fil-premessa 92 tar-Regolament antidumping provviżorju, huwa enfasizzat li “l-effett tat-tnaqqis tad-domanda marbut mat-tnaqqis ġenerali rreġistrat fis-suq tal-ħadid, tar-ritorn għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali wara x-xoljiment tal-kartell, tar-riżultati ta’ produtturi Komunitarji oħra, tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, tar-riżultati fuq l-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja, kien limitat ħafna, jekk mhux ukoll ineżistenti, u għalhekk mhuwiex ta’ natura li jdgħajjef il-konklużjoni provviżorja li verament teżisti relazzjoni kawżali b’saħħitha bejn l-importazzjonijiet issussidjati mill-pajjiż ikkonċernat u l-ħsara sostanzjali mġarrba mill-industrija Komunitarja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    159

    Issa, tali konklużjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet li l-volum tagħhom żdied biss b’0,5% fuq il-perijodu eżaminat kollu u adottata f’qasam fejn, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 120 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ma jidhirx li hija manifestament żbaljata.

    160

    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    — Fuq l-ilment dwar l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu tal-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

    161

    L-għażla tal-metodu ta’ kalkolu taqa’ taħt id-diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja u hija ġġustifikata mill-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi inerenti għaliha. Issa, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-marġni ta’ profitt li setgħet tantiċipa l-industrija Komunitarja fin-nuqqas ta’ prattiki żleali minflok l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat biss fuq il-prattika ta’ prezzijiet inqas mill-prezzijiet proprja mhuwiex ivvizzjat b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    162

    Huwa meħtieġ li l-marġni ta’ profitt ikkunsidrat mill-Kunsill sabiex jiġi kkalkulat il-prezz indikattiv ta’ natura li jelimina l-ħsara inkwistjoni jkun limitat għall-marġni ta’ profitt li l-industrija Komunitarja tkun tista’ raġonevolment tantiċipa f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq, punt 60). Issa, ir-rikorrenti ma pprovawx li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.

    163

    Għalhekk dan it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għalhekk, il-ħames motiv.

    164

    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    165

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-Regoli, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    166

    Peress li r-rikorrenti tilfu, u peress li l-Kunsill talab li dawn tal-aħħar jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, hemm lok li r-rikorrenti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    HEG Ltd u Graphite India Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u dawk tal-Kunsill.

     

    3)

    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Vilaras

    Prek

    Ciucă

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2008.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatt li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward biss tal-importazzjonijiet mill-Indja tal-prodott ikkonċernat

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    — Fuq l-allegata attitudni diskriminatorja tal-istituzzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prodott ikkonċernat

     

    — Fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ sorsi potenzjali oħra ta’ dumping

     

    — Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali fundamentali sa fejn l-investigazzjonijiet saru fuq il-bażi ta’ Komunità komposta minn ħmistax-il Stat Membru biss

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tielet motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ sussidju mogħtija lill-mekkaniżmu ta’ kreditu ta’ dazji fuq l-importazzjoni u dwar id-determinazzjoni tal-ammont tad-dazji kumpensatorji

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    — Fuq l-allegat żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sussidju

     

    — Fuq l-allegat żball fil-klassifikazzjoni tad-DEPB bħala sussidju

     

    — Fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni dwar il-funzjonament tad-DEPB fir-realtà

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-prattiki antikompetittivi ssanzjonati fuq is-suq Komunitarju fid-determinazzjoni tal-ħsara

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq il-ħames motiv, dwar in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ fatturi oħra fid-determinazzjoni tal-ħsara u dwar l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din il-ħsara

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ fatturi oħra

     

    — Fuq l-ilment dwar l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu tal-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top