EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) ta' l-4 ta' Lulju 2006.
easyJet Airline Co. Ltd vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Kompetizzjoni- Konċentrazzjonijiet -Regolament (KEE) Nru 4064/89- Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni- Rikors ippreżentat minn terz - Ammissibbiltà - Swieq tat-trasport bl-ajru - Impenji.
Kawża T-177/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2006:187

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Lulju 2006 (*)

"Kompetizzjoni– Konċentrazzjonijiet –Regolament (KEE) Nru 4064/89– Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni– Rikors ippreżentat minn terz – Ammissibbiltà – Swieq tat-trasport bl-ajru – Impenji"

Fil-kawża T-177/04,

easyJet Airline Co. Ltd, stabbilita f’Luton (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn J. Cook, J. Parker u S. Dolan, solicitors, wara minn M. Werner u M. Waha, Avukati, L. Mills, solicitor, M. de Lasala Lobera u R. Malhotra, Avukati,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn P. Oliver, A. Bouquet u A. Whelan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta

mir-Repubblika ta’ Franza, irrapreżentata minn G. de Bergues, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2004 li tiddikjara l-konċentrazzjoni bejn il-kumpannija Air France u Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għar-rispett ta’ l-impenji proposti (Kawża COMP/M.3280 – Air France vs KLM),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [ĠU L 395, p. 1, kif korrett (ĠU 1990, L 257, p. 13, u kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (JO L 180, p. 1)], kif emendat , ĠU 1998, L 40, p17] japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni ta’ Komunità kif definit f’paragrafi 2 u 3 ta’ l-imsemmi Artikolu.

2       Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89, konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja għandhom ikunu notifikati minn qabel lill-Kummissjoni .

3       Skond l-Artikolu 6(1) (b) tar-Regolament Nru 4064/98, meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni notifikata, għalkemm taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ma toħloqx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi biex ma tmurx kontra tagħha u tiddikjara li hi kompatibbli mas-suq komuni (iktar ‘il quddiem il-"fażi I").

4       Bil-kontra skond l-Artikolu 6(1) (c) tar-Regolament Nru 4064/89, jekk il-Kummissjoni ssib li l-konċentrazzjoni notifikata taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li tibda’ l-proċedimenti (iktar ‘il quddiem il-"fażi II").

5       Skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4064/89:

"Fejn il-Kummissjoni ssib li, wara modifiki mill-impriżi kkonċernati, konċentrazzjoni notifikata m’għadhiex tqajjem dubbji serji skond il-ftehim ta’ paragrafu 1 (c), tista’ tiddeċiedi li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skond il-paragrafu 1(b).

Il-Kummissjoni tista’ żżid mad-deċiżjoni tagħha taħt paragrafu 1 (b) kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni."

6       Skond l-Artikolu 6(3) (b) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni tista’ tirrevoka d-deċiżjoni li hija tkun ħadet jekk l-impriżi kkonċernati jikkommettu ksur ta’ obbligazzjoni mehmuża mad-deċiżjoni.

7       Fl-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 447/98 (ĠU 2001, C 68, p. 3, iktar ‘il quddiem l–"avviż dwar ir-rimedji" ), il-Kummissjoni tħejji l-linji gwida li hi għandha l-intenzjoni ssegwi fil-qasam ta’ impenji u tgħid b’mod partikolari dan li ġej:

–       il-partijiet għandhom juru biċ-ċar li r-rimedji jerġgħu jġibu mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni (punt 6) u li jneħħu sa mill-bidu nett kwalunkwe inċertezzi fir-rigward tat-tip, ta’ l-iskala u ta’ l-għan tar-rimedju propost kif ukoll tal-probabbiltà ta’ l-implementazzjoni sħiħa u fil-ħin b’suċċess mill-partijiet (punt 7);

–       l-għan prinċipali ta’ l-impen[j]i huwa li jiżguraw strutturi kompetittivi tas-suq; rabtiet li huma strutturali fin-natura tagħhom, bħal impenn li sussidjarja tiġi mibjugħa, huma, bħala regola, preferibbli min-naħa ta’ l-għan tar-Regolament, minħabba li impenn bħal dan jimpedixxi l-ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li tkun ġiet identifikata mill-Kummissjoni qabel u għalhekk ma teħtieġx miżuri ta’ kontroll fuq perijodu ta’ żmien medju jew fit-tul; madankollu, l-possibilità li tipi oħra ta’ impen[j]i jistgħu huma nfushom ikunu kapaċi jimpedixxu l-ħruġ jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, ma tistax ma tiġix meqjusa awtomatikament u huwa għaldaqstant, fuq bażi ta’ każ, każ li għandu jiġi stabbilit jekk impen[j]i bħal dawn jistgħux jiġu aċċettati (punt 9);

–       impen[j]i sottomessi lill-Kummissjoni fl-I fażi għandhom ikunu biżżejjed sabiex jeliminaw biċ-ċar "dubji serji" fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89 (punt 11);

–       fejn għaqda proposta thedded li toħloq jew li ssaħħaħ pożizzjoni dominanti li timpedixxi l-kompetizzjoni effettiva, l-aktar mod effiċjenti sabiex tiġi restawrata kompetizzjoni effettiva, apparti l-projbizzjoni, huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ entità kompetittiva ġdida jew għat-tisħiħ ta’ kompetituri eżistenti permezz ta’ divestitura [ċessjoni] (punt 13);

–       l-attivitajiet divestiti [ċeduti] għandhom ikunu magħmulin minn negozju vijabbli li, jekk imħaddem minn xerrej xieraq jista’ jikkompeti b’mod effettiv ma’ l-entità inkorporata fuq bażi dewwiema; normalment, kummerċ vijabbli huwa wieħed eżistenti li jista’ jopera fuq bażi għalih waħdu, li tfisser indipendentament mill-partijiet ta’ għaqda fir-rigward tal-provvista ta’ materjali ta’ dħul jew forom oħra ta’ koperazzjoni għajr matul il-perijodu transitorju (punt 14);

–       Hemm każijiet fejn il-vijabilità tal-pakkett tad-divestitura [li għandu jiġi ċedut] tiddependi, minħabba l-beni li jkunu parti min-negozju, fil-parti l-kbira fuq l-identità tax-xerrej. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-Kummissjoni ma teħlisx l-għaqda sakemm il-partijiet ma jwegħdux li ma jkomplux l-operazzjoni nnotifikata qabel ma jidħlu fi ftehim li jorbot max-xerrej għan-negozju divestit [ċedut], approvat mill-Kummissjoni (punt 20);

–       filwaqt li hija r-rimedju preferut, id-divestitura[iċ-ċessjoni] mhiex l-uniku rimedju aċċettabbli għall-Kummissjoni; jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn id-divestitura [iċ-ċessjoni] ta’ negozju tkun impossibbli; f’ċirkustanzi bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk tipi oħra ta’ rimedju jistax ikollhom effett biżżejjed fuq is-suq sabiex jerġgħu jdaħħlu kompetizzjoni effettiva (punt 26).

8       L-att [Il-komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU 1997, C 372, p. 5, iktar ‘il quddiem il-"komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq") tistabbilixxi li d-ditti huma suġġetti għall-tliet ejgħun jew ġegħil kompettittiv: it-tibdil fid-domanda, it-tibdil fil-provvista u kompetizzjoni potenzjali. Minn lenti ekonomika, għal tifsira ta’ suq rilevanti, sostituzzjoni ta’ domanda tfisser il-forza dixxiplinarji l-aktar immedjata u effettiva fuq il-fornituri ta’ prodott speċifiku vis-à-vis id-deċiżjonijiet dwar il-prezz tagħhom (punt 13).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Impriżi fil-kawża

9       Fil-11 ta’ Frar 2004 fit-tmiem tal-fażi I il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għar-rispett ta’ l-impenji proposti, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4064/89 (kawża COMP/M.3280 – Air France vs KLM) (ĠU C 60, p. 5, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Ir-rikorrenti hija kumpannija ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi li għandha l-uffiċju rreġistrat tagħha fir-Renju Unit, li toffri s-servizzi tagħha bi prezzijiet li jħajjru lin-nies lejn diversi destinazzjonijiet fl-Ewropa.

10     Air France hija trasportatur bl-ajru stabbilita fi Franza, li teżerċita l-attività tagħha prinċipalment fi tliet setturi: it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-frankiġa u s-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ żamma f’kundizzjoni tajba. Air France topera netwerk ċentralizzat, u bil-pjattaformi prinċipali ta’ konnessjoni tagħha fl-ajruport ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle (iktar ‘il quddiem "CDG") għat-titjiriet internazzjonali u fl-ajruport ta’ Paris-Orly (iktar ‘il quddiem "Orly") għat-titjiriet interni. Air France hija ukoll waħda mill-membri fundaturi ta’ l-alleanza SkyTeam, il-membri l-oħra ta’ din l-alleanza huma l-kumpanniji Aeromexico, Alitalia, Continental Airlines, CSA Czech Airlines, Delta, Northwest Airlines u Korean Air.

11     KLM hija trasportatur bl-ajru, stabbilita fil-Pajjiżi Baxxi li teżerċita l-attività tagħha essenzjalment f’erba’ setturi: it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-frankiġa, is-servizzi ta’ manutenzjoni u l-operazzjoni ta’ titjiriet charter u ta’ titjiriet regolari bi prezzijiet baxxi permezz tas-sussidjarja tagħha Transavia. KLM, topera netwerk ċentralizzat li l-pjattaforma prinċipali ta’ konnessjoni tagħha tinsab fl-ajruport ta’ Amsterdam-Schiphol. KLM kkonkludiet ma’ Northwest Airlines ftehim ta’ alleanza prinċipalment dwar ir-rotot ta’ l-Atlantiku ta’ Fuq.

 Il-proċedimenti amministrattivi quddiem il-Kummissjoni

12     Fit-18 ta’ Diċembru 2003 Air France u KLM innotifikaw lill-Kummissjoni, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, ftehim qafas iffirmat fis-16 ta’ Ottubru 2003. Dan il-ftehim kien jipprovdi l-akkwist minn Air France ta’ l- interessi ekonomiċi kollha ta’ KLM kif ukoll ta’ l-akkwist progressiv tal-kontroll legali ta’ din ta’ l-aħħar. Għall-ewwel, Air France kellha wkoll takkwista 49% tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan KLM li jagħtuha d-dritt ta’ veto fuq l-operazzjonijiet strateġiċi, jiġifieri l-adozzjoni ta’ pjan strateġiku, tal-baġit u l-ħatra tad-Diretturi ta’ KLM, umbgħad, sussegwentement, id-drittijiet tal-voti li kien fadal (iktar ‘il quddiem il-"Konċentrazzjoni").

13     Fit-23 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bagħtet, abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89, talba għal informazzjoni dwar il-Konċentrazzjoni lil aktar minn 90 kompetitur, fosthom ir-rikorrenti. Fl-14 ta’ Jannar 2004 ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

14     Fil-21 ta’ Jannar 2004, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4064/89, Air France u KLM ipproponew impenji lill-Kummissjoni. Fit-23 ta’ Jannar 2004 din ta’ l-aħħar bagħtet l-imsemmija impenji lil terzi kkonċernati sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tagħhom. Fit-30 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar ir-rikorrenti ppreżentat ir-rimarki tagħha fir-rigward ta’ l-impenji proposti mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni.

15     Fil-11 ta’ Frar 2004, fit-tmiem tal-fażi I, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, billi kkunsidrat li l-Konċentrazzjoni kienet kompattibbli mas-suq komuni bla ħsara għar-rispett ta’ l-impenji proposti.

 L-impenji aċċettati mill-Kummissjoni

16     Sabiex jitneħħew id-dubji serji mqajjma mill-Konċentrazzjoni fir-rigward tal-kompattibbiltà tagħha mas-suq komuni, Air France u KLM ipproponew impenji sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni fir-rigward ta’ erbatax -il servizz li disa’ minnhom jinsabu fl-Ewropa (Pariġi-Amsterdam, Lyon-Amsterdam, Marsilja-Amsterdam, Toulouse-Amsterdam, Bordeaux-Amsterdam, Milan-Amsterdam, Ruma-Amsterdam, Venezja-Amsterdam u Bolonja-Amsterdam). L-impenji li huma suġġetti għas-superviżjoni ta’ mandatarju jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej:

–       impenji meħuda fir-rigward ta’ rotot qosra (jew rotot Ewropej): l-entità magħquda timpenja ruħha li tiqiegħed għad-dispożizzjoni, mingħajr kumpens finanzjarju u skond il-proċedura speċifikata fl-impenji, numru ta’ slots f’Amsterdam u/jew Pariġi u/jew Lyon u/jew Milan u/jew f’Ruma, u li tippermetti lill-kompetitur jew numru ta’ kompetituri ġodda joperaw, b’mod partikolari fuq rotot Ewropej indikati, servizzi ta’ kuljum (ġodda jew supplementari) ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri regolari u bla waqfien; għar-rotta Pariġi-Amsterdam, għandhom jiġu ċeduti sa sitt frekwenzi kuljum, għar-rotta Milan-Amsterdam, sa erba’ frekwenzi kuljum, għar-rotot Lyon-Amsterdam u Ruma-Amsterdam, sa tliet frekwenzi kuljum u għar-rotot Marsilja-Amsterdam, Toulouse-Amsterdam, Bordeaux-Amsterdam, Vjenna-Amsterdam u f’Bolonja-Amsterdam sa żewġ frekwenzi kuljum;

–       impenji meħuda fir-rigward ta’ rotot twal (jew rotot interkontinentali): ser jitqegħdu għad-dispożizzjoni fl-ajruporti ta’ Amsterdam u ta’ Pariġi slots għar-rotot ta’ distanza twila, speċifikati fid-deċiżjoni kkontestata bħala li jqajjmu problemi ta’ kompetizzjoni;

–       impenji dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-liberazzjoni ta’ slots : is-slots liberati mill-entità magħquda ser ikunu mqegħda f’perijodu ta’ ħin li ma jkunx iktar differenti minn 90 minuta mill-ħin mitlub mill-kompetitur il-ġdid għar-rotot twal u f’perijodu ta’ ħin li ma jkunx iktar differenti minn 30 minuta mill-ħin mitlub mill-kompetitur il-ġdid għar-rotot Ewropej; abbażi tas-sostitwibbiltà ta’ CDG u ta’ Orly għas-servizzi Ewropej ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-kompetituri l-ġodda potenzjali jistgħu jitolbu slots f’wieħed jew l-ieħor minn dawn l-ajruporti;

–       id-dewmien ta’ l-impenji fir-rigward ta’ l-islots huwa llimitat; madankollu l-entità magħquda tista’ tinvoka l-klawżola ta’ rieżami jekk dan ikun ġustifikat minn ċirkustanzi eċċezzjonali jew bidliet radikali fil-livell tal-kundizzjonijiet tas-suq, bħall-operazzjoni ta’ servizz tat-trasport bl-ajru kompettitiv fuq rotta twila jew Ewropea speċifikata; il-Kummissjoni tista’ għalhekk tiddeċiedi li tneħħi, timmodifika, jew tissostitwixxi wieħed jew iktar mill-impenji meħuda; jekk wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-obbligu ta’ l-entità magħquda li tillibera slots fuq rotta partikolari huwa mitmum, il-kompetitur l-ġdid jitsa’ jkompli juża l-islots li hu kien irċeva qabel; jekk huwa ma jibqax juża l-islots, dawn jridu jiġu ritornati lill-koordinatur ta’ l-islots;

–       iffriżar tal-frekwenzi: l-entità magħquda tobbliga ruħha li ma żżidx il-frekwenzi fuq ir-rotot Pariġi-Amsterdam jew Lyon-Amsterdam, skond il-każ, għall-perijodu li jibda’ mal-bidu ta’ l-operazzjonijiet tal-fornitur il-ġdid tas-servizzi tat-trasport bl-Ajru fuq ir-rotta kkonċernata; dan l-iffriżar tal-frekwenzi jestendi ruħu fuq sitt staġunijet konsekuttivi, hekk kif iffissati mill-International Air Transport Association (IATA); barra minn hekk, l-entità magħquda tobbliga ruħha li, minn naħa ma żżidx frekwenzi għall-aktar minn erbatax fil-ġimgħa fuq ir-rotta Amsterdam-New-York (ajruport J. F. Kennedy) u min-naħa l-oħra li ma żżidx il-frekwenzi fuq ir-rotta Amsterdam-New-York (ajruport ta’ Newark) matul sitt staġunijiet konsekuttivi, hekk kif stabbiliti mill-IATA, li jibdew fil-bidu ta’ l-operazzjoni ta’ servizz mingħajr waqfien mill-fornitur il-ġdid ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru fuq din ir-rotta;

–       ftehim interlineari: jekk kompetitur ġdid jagħmel it-talba, l-entità magħquda tobbliga ruħha li tikkonkludi miegħu ftehim interlineari għar-rotot kollha identifikati fid-deċiżjoni kkontestata;

–       ftehim pro-rata speċjali: jekk kompetitur ġdid potenzjali jagħmel it-talba, l-entità magħquda tobbliga ruħha li tikkonkludi miegħu ftehim pro-rata speċjali għat-traffiku li realment joriġina jew jasal fi Franza u/jew fil-Pajjiżi Baxxi, b’kundizzjoni li parti mill-vjaġġ isir fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam;

–       programm ta’ min itir ta’ spiss: jekk kompetitur ġdid jagħmel it-talba, l-entità magħquda tippermettilu jieħu sehem fil-programm tagħha ta’ min itir ta’ spiss għar-rotot speċifikati fid-deċiżjoni kkontestata, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-membri l-oħra imsieħba ta’ l-alleanza li fiha tipparteċipa l-entità magħquda;

–       servizzi intermodali: jekk kumpannija tat-trasport ferrovjarju jew kumpannija ta’ trasport fuq l-art li topera rotot bejn Franza u l-Pajjiżi Baxxi u/jew bejn l-Italja u l-Pajjiżi Baxxi tagħmel it-talba, l-entità magħquda tobbliga ruħha li tikkonkludi magħha ftehim intermodali; skond dan il-ftehim l-entità magħquda tiżgura t-trasport bl-ajru tal-passiġġieri għall-parti mit-traġitt, it-trasport għal bqija tat-traġitt huwa żgurat mill-imsieħeb intermodali;

–       ftehim għal xiri ta’ numru fiss ta’ postijiet: fuq talba ta’ kompetitur potenzjali ġdid, l-entità magħquda tobbliga ruħha li tikkonkludi miegħu ftehim għal xiri ta’ numru fiss ta’ postijiet għat-traffiku li realment joriġina jew jasal minn naħa fil-Pajjiżi Baxxi u min-naħa l-oħra f’Marsilja, Toulouse jew Bordeaux, b’kundizzjoni li parti mill-vjaġġ issir fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam; il-ftehim għal xiri ta’ numru fiss ta’ postijiet huwa bbażat fuq numru fiss ta’ siġġijiet u jibqa’ fis-seħħ matul mill-inqas staġun sħiħ, hekk kif iffissat mill-IATA; dan il-ftehim ikopri, minn naħa, massimu ta’ 15% tas-siġġijiet offruti fuq frekwenza partikolari u min-naħa l-oħra 30 siġġu fuq inġenji ta’ l-ajru;

–       obbligi fir-rigward tat-tariffi: kull meta l-entità magħquda tnaqqas it-tariffi ppubblikati fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam, hija tobbliga ruħha li tapplika tnaqqis ekwivalenti fuq it-tariffa korrispondenti tar-rotta Lyon-Amsterdam, sakemm din l-aħħar rotta mhijiex operata minn servizz tat-trasport bl-ajru kompetittiv.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Mejju 2004 ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

18     B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Settembru 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni. Fid-9 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti talbet li jingħata trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni relatata, skond hija, mas-sigriet tan-negozju. Permezz tad-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2004, il-President tat-Tieni Awla laqa’ t-talba tar-Repubblika Franċiża sabiex tintervjeni. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha, u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-terminu mogħti.

19     Peress illi l-intervenjenti ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tat-talba għal trattament kunfidenzjali, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-atti intbagħtet lilha, kif inizjalment ipprovda d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2004 imsemmi iktar ‘il fuq.

20     Permezz ta’ l-ittra tas-26 ta’ Ottubru 2005 l-intervenjenti infurmat lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija ma kellix l-intenzjoni tipparteċipa fis-seduta.

21     Abbażi tar-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. L-argumenti tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti ta’ Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Novembre 2005.

22     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

23     Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji

24     Permezz ta’ l-ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Ottubru 2005 ir-rikorrenti talbet li jiġu adottati miżuri istruttorji intiżi sabiex, minn naħa, il-Kummissjoni tippreżenta r-risposti kollha li hija rċeviet għat-talba tagħha għal informazzjoni tat-23 ta’ Diċembru 2003 kif ukoll id-dokumenti kollha li ġew indirizzati lilha mill-kumpanniji ta’ l-ajru Meridiana, Virgin Express u Volare u, min-naħa l-oħra d-dokumenti ta’ xogħol tagħha kollha dwar l-impenji proposti kif ukoll il-korrispondenza kollha dwar dawn ta’ l-aħħar, skambjati mal-partijiet għall-Konċentrazzjoni.

25     Il-Qorti tal-Prim Istanza tikkunsidra li din it-talba tikkostitwixxi preżentazzjoni ta’ provi. Skond l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom u huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

26     Fil-każ in kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti talbet li jiġu adottati miżuri istruttorji kważi ħdax-il xahar wara li ppreżentat ir-replika tagħha, mingħajr madankollu ma tispjega r-raġunijiet għal tali dewmien. Konsegwentement, ir-rikorrenti kienet ġiet mistiedna sabiex tispjega waqt is-seduta r-raġunijiet li skondha kienu jiġġustifikaw id-dewmien tat-talba tagħha. F’dan il-kuntest, hija osservat li tali żmien huwa spjegat bil-fatt li għall-bidu hija kienet ipprevediet li tressaq rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha l-Kummissjoni ċaħdet l-aċċess għad-dokumenti li hija xtaqet tikseb. Minkejja li din l-eżitazzjoni, fir-rigward tat-tip ta’ rikors li għandu jiġi adottat, tista’ tispjega għaliex r-rikorrenti ma ppreżentatx mill-ewwel it-talba tagħha wara l-imsemmi rifjut, din ma tistax madankollu tiġġustifika l-fatt li r-rikorrenti stenniet ħafna xhur qabel ma aġixxit b’konsegwenza għal dan ir-rifjut.

27     Barra minn hekk, u indipendentament mill-fatt li din it-talba ġiet ppreżentata tard, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li hija edotta biżżejjed mill-atti u mill-argumenti tal-partijiet sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni. Għaldaqstant, it-talba sabiex jiġu adottati miżuri istruttorji hija miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

28     Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernha direttament u individwalment. Ir-rikorrenti tosserva li hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata safejn hija topera fis-swieq li topera fihom l-entità magħquda. Ir-rikorrenti hija ukoll individwalment konċernata, minħabba li hija waħda mill-kompetituri prinċipali ta’ Air France u ta’ KLM fuq diversi rotot u li hija għandha ukoll tiġi meqjusa bħala kompetitriċi potenzjali ta’ Air France fuq rotot oħra fi Franza, b’mod partikolari dawk li jaslu u li joriġinaw minn CDG u minn Orly. Hija, barra minn hekk tenfasizza li kellha rwol attiv fil-proċedimenti amministrattivi li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata, parteċipazzjoni li fid-dawl tal-ġurisprudenza, tindividwalizzha bl-istess mod bħal fil-każ tal-persuni li lihom id-deċiżjoni hija indirizzata, (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs IL-Kummissjoni, T‑2/93, Ġabra p. II‑323, punt 44).

29     Il-Kummissjoni tistaqsi lilha nnfisha f’dak li jikkonċerna l-amminissibbiltà ta’ dan ir-rikors safejn ir-rikorrenti mhijiex ikkonċernata mir-rotot effettwati mill-Konċentrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq il-kwalità biex taġixxi

30     Skond ir-raba paragrafu ta’ l-Artikolu 230 kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li tagħhom tkun id-destinatarja jew kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, jirrigwardawha direttament u individwalment.

31     Fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti mhijiex waħda mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni u għaldaqstant mhijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement jaqbel li jiġi eżaminat jekk hijiex direttament jew individwalment kkonċernata minn din id-deċiżjoni.

32     F’din il-kawża, minħabba li tippermetti r-realizzazzjoni immedjata tal-Konċentrazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li twassal għal modifikazzjoni immedjata tas-sitwazzjoni tas-swieq kkonċernati. Safejn ir-rieda tal-partijiet għall-Konċentrazzjoni li jirrealizzawha ma kinitx suġġetta għall-garanzija, l-operaturi ekonomiċi li jintervjenu fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati setgħu, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, jiksbu modifika immedjata jew ta’ malajr ta’ l-istat tas-suq (ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs IL-Kummissjoni, T‑3/93, Ġabra p. II‑121, punt 80). Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

33     Jaqbel, konsegwentement, li jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti hijiex ukoll individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkonċernata.

34     Skond ġurisprudenza kostanti, persuni oħra barra d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni teffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kull persuna oħra u minħabba dan tindividwalizzhom bl-istess mod bħal fil-każ tal-persuna li liha d-deċiżjoni hija indirizzata, (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal 15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs IL-Kummissjoni, 25/62, Ġabra. p. 197, 223, u tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs IL-Kummissjoni, C‑106/98 P, Ġabra p. I‑3659, punt 39; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs IL-Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra p. II‑1281, punt 62).

35     Fil-każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni u f’dak li jikkonċerna impriża terza, huwa abbażi, minn naħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedimenti amministrattivi u, min-naħa l-oħra ta’ l-effett tal-pożizzjoni tagħha fuq is-suq li għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex individwalment ikkonċernata. Jekk sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedimenti ċertament waħedha mhijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti hija individwament ikkonċernata bid-deċiżjoni, partikolarment fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet li l-eżami attent tiegħu jitlob kuntatt regolari ma’ numru ta’ impriżi, jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-parteċipazzjoni attiva fil-proċedimenti amministrattivi tikkostitwixi element regolarment meħud in kunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-kompetizzjoni, inkluż fil-qasam iktar speċifiku tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita, flimkien ma’ ċirkustanzi speċifiċi oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha (ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs IL-Kummissjoni 169/84, Ġabra p. 391, punti 24 u 25, u tal-31 ta’ Marzu 1998, France vs IL-Kummissjoni, magħrufa "Kali & Salz ", C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra. p. I‑1375, punti 54 sa 56; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs IL-Kummissjoni, punt 28 iktar ‘il fuq, punti 44 sa 46, u tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs IL-Kummissjoni, T‑114/02, Ġabra. p. II‑1279, punt 95).

36     Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni fil-proċedimenti amministrattivi, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ħadet sehem attiv f’dawn ta’ l-aħħar, b’mod partikolari billi fl-14 ta’ Jannar 2004 irrispondiet għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni tat-23 ta’ Diċembru 2003 u billi fit-30 ta’ Jannar 2004 ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ l-impenji proposti minn Air France. Barra minn hekk, fit-30 ta’ Jannar 2004 ir-rikorrenti pparteċipat f’konferenza telefonika mal-Kummissjoni dwar l-impenji proposti, u fl-4 ta’ Frar 2004 ippreżentat risposti għad-domandi dwar l-impenji proposti mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni, li l-Kumissjoni kienet indirizzatilha.

37     Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-effett tal-pożizzjoni fuq is-suq, jirriżulta mill-atti tar-rikorrenti, mhux ikkontestati mill-Kummissjoni, li hija waħda mill-kompetitriċi prinċipali ta’ Air France, fi Franza u fuq diversi rotot diretti, bħal dawk Pariġi-Marsilja, Pariġi-Nizza, Pariġi-Londra u ta’ KLM, fuq diversi rotot diretti, fosthom Amsterdam-Edinburgu, Amsterdam-Londra u Amsterdam-Nizza. Barra min hekk ir-rikorrenti topera f’wieħed mis-swieq li fihom joperaw il-partijiet għall-Konċentrazzjoni, jiġifieri r-rotta Amsterdam-Nizza.

38     Għaldaqstant ir-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

39     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u għandha għaldaqstant il-kwalità sabiex taġixxi kontra tagħha.

 Fuq l-interess li taġixxi

40     Fir-rigward ta’ l-interess tar-rikorrenti li taġixxi, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrenti għandha interess li tara l-att kkontestat annullat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs IL-Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punt 59; tal-25 ta’ Marżu 1999, Gencor vs IL-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 40, u tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs IL-Kummissjoni, T‑212/00, Ġabra. p. II‑347, punt 33). Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs IL-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33) u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs Haute Autorité, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ April 2001, Torre et vs IL-Kummissjoni, T‑159/98, Gabra FP p. I‑A‑83 u II‑395, punt 28). Dan ma jeżistix jekk ir-rikors jista’ permezz tar-riżultat tiegħu jagħti benefiċċju lill-parti li ressqitu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs IL-Kummissjoni, T‑310/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41     Fil-kawża in kwistjoni, ir-rikorrenti kellha, fil-ġurnata meta ressqet ir-rikors tagħha, interess effettiv u attwali li tara d-deċiżjoni kkontestata annullata, minħabba li din tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, konċentrazzjoni bejn tnejn mill-kompetituri tagħha, li tista’ teffettwa s-sitwazzjoni kummerċjali tagħha. Konsegwentement l-interess tar-rikorrenti li taġixxi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi kkontestat. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba n-nuqqas ta’ interess li taġixxi allegat mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tielet u l-ħames motiv. Fil-fatt, anke jekk wieħed kellu jissopponi li l-kunċett ta’ inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ interess li wieħed jaġixxi jista’ jiġi applikat b’mod awtonomu lil motiv wieħed, it-tielet u l-ħames motivi jikkostitwixxu, fil-każ in kwistjoni, kritika magħmula fir-rigward ta’ diversi elementi tar-raġunament tal-Kummissjoni li wassluha sabiex tadotta l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, peress illi din ta’ l-aħħar tikkawża dannu lir-rikorrenti.

42      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

43     Ir-rikorrenti tressaq ħames motivi sabiex issostni r-rikors tagħha għal annullament. Permezz ta’ l-ewwel motiv r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni manifest billi naqset milli tanalizza t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità magħquda fuq rotot fejn ma kienx hemm sovrappożizzjoni, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet tal-partijiet għall-Konċentrazzjoni. Permezz tat-tieni motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni manifest billi naqset milli tanalizza t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità magħquda fis-suq tax-xiri tas-servizzi ajruportwali. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni manifest billi kkonkludiet favur is-sostitwibbiltà bejn CDG u Orly. Fir-raba motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tikkunsidra s-sitwazzjoni kompetittiva futura fil-każ fejn il-Konċentrazzjoni ma sseħħx. Fl-aħħar permezz tal-ħames motiv tagħha r-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata b’żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak illi l-impenji mhumiex biżżejjed sabiex jiġu mwarrba d-dubji serji tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Konċentrazzjoni mas-suq komuni.

44     Skond ġurisprudenza kostanti l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħti lilha mir-Regolament Nru 4064/89 għandu jiġi llimitat għall-verifika tar-rispett tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza tal-fatti materjali, in-nuqqas ta’ żbal manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, Petrolessence u SG2R vs IL-Kummissjoni, T‑342/00, Ġabra. p. II‑1161, punt 101, u tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs IL-Kummissjoni, T‑87/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 151).

45     Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni. Bil-kontra l-Kummissjoni għandha tiddikjara bħala kompattibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjonijiet kollha notifikati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament, sakemm iż-żewġ kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni ma jiġux sodisfatti. Fin-nuqqas tal-ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, l-operazzjoni għandha għaldaqstant tiġi awtorizzata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni effettiva (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs IL-Kummissjoni, punt 28 iktar ‘il fuq, punt 79).

46     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ħames motivi mressqa mir-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġi analizzat it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità magħquda fuq rotot fejn mhemmx sovrapożizzjoni bejn l-attivitajiet ta’ Air France u ta’ KLM

 L-argumenti tal-partijiet

47     F’dak li jirrigwarda t-trasport ta’ passiġieri permezz ta’ titjiriet regolari, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ddefinit is-suq tal-prodotti in kwistjoni fuq il-bażi tal-koppja ffurmata mill-post ta’ oriġini u l-post ta’ destinazzjoni (iktar ‘il quddiem l-"aproċċ O & D"), peress illi kull kombinazzjoni tikkostitwixxi suq distint mil-lat tat-talba. Min-naħa l-oħra r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kien imissha analizzat il-provvista ta’ "vjaġġi bl-ajru turistiċi" fuq bażi aktar wiesa’ minn dik ta’ segmentazzjoni magħmula minn koppja ta’ bliet, fil-kuntest tas-"suq ġenerali tat-turiżmu/vakanzi".

48     Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tevalwa jekk il-Konċentrazzjoni kinitx thedded li toħloq jew li ssaħħaħ pożizzjoni dominanti fis-suq kollu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni manifest billi naqset milli teżamina l-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq ir-rotot eżenti minn sovrapożizzjonijiet bejn l-attivitajiet ta’ Air France u ta’ KLM. Ir-rikorrenti b’mod partikolari tilmenta li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-vantaġġi supplementari li jirriżultaw mill-Konċentrazzjoni kif ukoll iż-żieda tan-netwerk u tal-piż fuq livell internazzjonali ta’ Air France kellhomx l-effett li jsaħħu l-pożizzjoni tagħha fuq l-imsemmija rotot. Ir-rikorrenti tosserva ukoll li l-Kummissjoni ma segwitx il-prassi tagħha fir-rigward ta’ l-ewalwazzjoni tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti hekk kif illustrata f’ħafna deċiżjonijiet meħuda skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li fihom hija kkunsidrat l-ikbar effett tal-konċentrazzjonijiet notifikati fuq is-swieq konessi, lil hemm miż-zona ta’ sovrapożizzjoni diretta [ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/134/KE tat-3 ta’ Lulju 2001 li tiddikkjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/M.2220 – General Electric vs Honeywell) (ĠU 2004, L 48, p. 1)].

49     L-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżulta minn dan in-nuqqas fl-analiżi tat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità magħquda huwa enfasizzat mill-fatt li, il-Kummissjoni kienet irrikonxxiet, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE, il-vantaġġi offerti lill-konsumaturi minn impriżi komuni jew mill- ftehim l-oħra ta’ kooperazzjoni li jagħqdu kumpanniji ta’ l-ajru. Fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-possibbiltà mogħtija lil kumpannija ta’ l-ajru jew lil alleanza li jipproponu vantaġġi kompetittivi, bħal konnessjonijiet aħjar, prezzijiet iktar baxxi, iżda ukoll rotot ġodda, jistgħu jinfluwenzaw il-konsumaturi fir-rigward ta’ l-għażla tal-kumpannija ta’ l-ajru jew ta’ l-alleanza. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat, inġustament, dawn il-vantaġġi bħala li huma favorevoli għall-kompetizzjoni u mhux bħala li jikkostitwixxu tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

50     Bħala eżempju, u f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-konnessjonijiet, ir-rikorrenti tosserva li l-passiġġieri li jixtiequ jivvjaġġaw minn Biarritz għal Amsterdam ma jibbenefikawx minn titjira diretta iżda jridu jgħaddu, skond dak li jgħażlu, minn l-ajruport ta’ Clermont-Ferrand, ta’ Lyon, ta’ Pariġi jew ta’ Nizza. Għaldaqstant, skond hi, il-Konċentrazzjoni ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni ta’ Air France fis-suq Biarritz-Amsterdam. Fil-fatt il-passiġieri li jixtiequ jmorru minn Biarritz għal Amsterdam ikunu inklinati jivvjaġġaw ma Air France, peress illi l-Konċentrazzjoni tippermetti li jiżdiedu l-konnessjonijiet bejn dawn l-erba’ ajruporti u Amsterdam. Raġunament simili jista’ jiġi applikat għar-rotta Brest-Amsterdam, peress illi ż-żieda tal-konnessjonijiet li tirriżulta mill-Konċentrazzjoni saħħet il-pożizzjoni ta’ Air France.

51     Il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-każ in kwistjoni kien hemm lok li jiġi definit is-suq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri billi jiġi segwit l-approċċ O & D. F’dan ir-rigward hija tosserva li r-rikorrenti ma ppreċiżatx dak li hija kienet tfisser "b’vjaġġi bl-ajru turistiċi" u lanqas bis-"suq ġenerali tat-turiżmu/vakanzi", u b’hekk naqset milli tindika b’mod ċar fiex kien jikkonsisti approċ intiż sabiex jiġi definit is-suq fuq bażi akbar.

52     Fir-rigward ta’ l-effetti fuq ir-rotot eżenti minn sovrapożizzjonijiet il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma tistax tillimita ruħha li tafferma li hija kien imissha eżaminathom mingħajr ma tippreċiża liema rotot huma kkonċernati f’din il-kawża. Barra minn hekk, la l-partijiet għall-Konċentrazzjoni u lanqas terzi kkonsultati fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi ma taw wieħed x’jifhem li l-Konċentrazzjoni seta’ jkollha effetti antikompetittivi fuq ir-rotot eżenti minn sovrapożizzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fejn Air France jew KLM kienu kompetituri potenzjali. Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar ir-rotta Biarritz-Amsterdam, il-Kummissjoni tikkunsidra li din ta’ l-aħħar tikkostitwixxi suq distint u li l-analiżi tagħha għandha tkun fondata, minn naħa, fuq il-kompetizzjoni potenzjali taħt il-forma ta’ titjiriet diretti bejn Biarritz u Amsterdam, u min-naħa l-oħra, fuq il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fuq ir-rotot indiretti bejn dawn id-destinazzjonijiet. Issa, minn din l-analiżi jirriżulta li l-Konċentrazzjoni ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni, peress illi konstatazzjoni simili tapplika għar-rotta Brest-Amsterdam. Għaldaqstant, dan il-motiv huwa infondat.

53     L-intervenjenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ddefinit b’mod korrett is-suq rilevanti, u li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

54     Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma analizzatx l-effett kompetittiv ta’ l-operazzjoni fuq is-suq tal-"vjaġġi bl-ajru turistiċi". Fit-tieni lok ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet.

55     Sabiex tevalwa jekk il-konċentrazzjoni in kwistjoni toħloqx jew isaħħaħx pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni għandha qabel kollox tiddefinixxi s-suq rilevanti (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs IL-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs IL-Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra. p. II‑1439, punti 46 u 64).

56     F’din il-kawża, u sabiex tfisser is-suq tal-prodotti in kwistjoni, il-Kummissjoni għamlet analiżi tas-sostituzzjoni tad-domanda. Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri, suq ta’ prodotti għandu, skond il-Kummissjoni, jiġi mfisser skond l-approċċ O & D. Skond dan l-aproċċ kull rotta bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni għandu jitqies bħala suq distint. Sabiex tistabbilixxi jekk il-konnessjoni ta’ post ta’ oriġini u post ta’ destinazzjoni tikkostitwixxix suq ta’ prodotti rilevanti, il-Kumissjoni, fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, eżaminat, ġustament, il-possibilitajiet differenti tat-trasport offruti lill-klijentela bejn dawn iż-żewġ punti (ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ 11 ta’ April 1989, Ahmed Saeed Flugreisen et, 66/86, Ġabra p. 803, punti 39 sa 41, u s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs IL-Kummissjoni, punt 28 iktar ‘il fuq, punt 84).

57     Waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-rikorrenti tiċċara l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq sabiex hija tindika jekk għandiex jew le l-intenzjoni tikkontesta d-definizzjoni ta’ suq stabbilita mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti wieġbet b’mod negattiv billi spjegat li hija ma kellhiex l-intenzjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ l-aproċċ O & D meqjus, imma xtaqet turi l-fatt li skond hi, il-Kummissjoni kellha testendil l-analiżi tagħha fuq il-kompetizzjoni għal swieq rilevanti oħra, li kellhom jiġu definiti b’mod ieħor.

–       Fuq in-nuqqas li jiġi analizzat l-impatt tal-Konċentrazzjoni fuq is-suq tal-vjaġġi bl-ajru turistiċi

58     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr is-sostenn ta’ ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs IL-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs IL-Kunsill u L-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 29).

59     Fil-każ in kwistjoni, bl-eċċezzjoni tan-nuqqas li tiġi analizzata l-Konċentrazzjoni fir-rigward tal-"vjaġġi bl-ajru turistiċi", suq li mhuwiex imfisser b’mod ċar mir-rikorrenti fl-atti tagħha, hija ma tressaq ebda argument sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha. Fil-fatt ir-rikorrenti llimitat ruħha li tafferma li, għal ċerti passiġġieri li jixtiequ jagħmlu vjaġġ turistiku, diversi destinazzjonijiet kienu interkambjabbli. Madankollu hija ma ddeskrivietx il-karatteristiċi ta’ dan l-allegat suq. Issa, fin-nuqqas ta’ deskrizzjoni iktar preċiża tas-suq li tiegħu r-rikorrenti tallega l-eżistenza, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa jekk kienx hemm lok għall-Kummissjoni li teżaminah.

60     Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-ħtiġiet stabbiliti mill-Artikolu 44(1) (c) tar-Regolamenti tal-Proċedura mhumiex sodisfatti fil-każ in kwistjoni.

61     F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma wrietx kif definizzjoni tas-suq ibbażata fuq l-aproċċ O & D, li tinkludi fil-biċċa l-kbira r-rotot li jikkonċernaw il-"viaggi bl-ajru turistiċi", ma tippermettix li jiġu analizzati l-problemi kollha ta’ kompetizzjoni li jistgħu jitqajjmu mill-Konċentrazzjoni.

62     Għaldaqstant l-ewwel parti tal-motiv hija inammissibli.

–       Fuq in-nuqqas li jiġi analizzat l-effett tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq eżenti minn sovrapożżizzjonijiet

63     Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha teżamina, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, l-effetti tal-kompetizzjoni fuq is-swieq li għalihom jeżisti riskju ta’ ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li tista’ tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni. Issa, ma jistax jiġi eskluż li konċentrazzjoni tista’ toħloq tali effetti fuq is-swieq li fihom mhemmx sovrapożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-partijiet f’konċentrazzjoni.

64     Minkejja li l-analiżi tal-kompetizzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tiddependi in parti fuq il-problemi mqajjma minn terzi li ġew ikkonsultati fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi, din għandha turi, anke fin-nuqqas ta’ inkoraġġiment espress minn l-imsemmija terzi, iżda fid-dawl ta’ indikazzjonijiet serji, il-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-Konċentrazzjoni fis-swieq kollha li jistgħu jsibu ruħhom effettwati.

65     Madankollu, meta jiġi llmentat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx problema eventwali tal-kompetizzjoni fis-swieq li huma eżenti minn kull sovrapożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-partijiet f’konċentrazzjoni, hija r-rikorrenti li għandha tippreżenta provi serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema tal-kompetizzjoni li għandha, minħabba l-effetti tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

66     Sabiex jiġi sodisfatt dan ir-rekwiżit, hija r-rikorrenti li għandha tidentifika s-swieq konċernati, tiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni, u tindika liema jkunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq.

67     Fil-każ in kwistjoni r-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, illimitat l-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni għas-swieq li fihom kien hemm sovrapożizzjonijiet diretti u indiretti bejn l-attivitajiet tal-partijiet għall-Konċentrazzjoni, mingħajr ma sostniet l-argument tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha tenfasizza li Air France għandha monopolju fuq 27 mit-42 rotta nazzjonali li jiġu minn Pariġi, li hija tiddisponi minn 61,8 % tal-kapaċità totali fir-rigward tar-rotot li ġejjin minn Franza, u li hija għandha 53 % minn numru totali ta’ l-islots disponibbli f’Orly kif ukoll 74% ta’ dawk disponibbli f’CDG.

68     Issa, dawn iċ-ċifri jibqgħu insuffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-allegazzjoni mressqa mir-rikorrenti dwar is-swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet hija fondata, peress illi hija ma tidentifikhomx b’mod ċar.

69     Fir-rigward ta’ l-eżempji mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-passiġġieri li jixtiequ jivvjaġġaw minn Brest jew Biarritz għad-destinazzjoni ta’ Amsterdam u li jkunu mħajjra jagħżlu Air France minħabba ż-żieda fil-konnessjonijiet li jirriżultaw mill-Konċentrazzjoni, il-fatti murija mir-rikorrenti jillimitaw ruħhom biss sabiex jinvokaw din is-sempliċi konstatazzjoni, li mhija bl-ebda mod sostnuta minn elementi fattwali ta’ prova. Barra minn hekk, u kif turi mill-Kummissjoni, l-analiżi tas-suq għandha tieħu in konsiderazzjoni, minn naħa, il-kompetizzjoni potenzjali fuq it-titjiriet diretti bejn Biarritz jew Brest u Amsterdam u, min-naħa l-oħra l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fuq it-titjiriet indiretti bejn dawn l-istess bliet. Issa, skond il-Kummissjoni ebda element tanġibbli ma juri li Air France u KLM kienu kompetituri potenzjali fuq ir-rotta Biarritz-Amsterdam għat-titjiriet diretti u lanqas li KLM setgħet tiġi kkwalifikata bħala kompetitrici potenzjali ta’ Air France fuq it-titjiriet indiretti bejn dawn il-bliet.

70     Barra minn hekk, fir-rigward tar-rotta Brest-Amsterdam, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, enfasizzat li peress illi ma kienet teżisti ebda titjira diretta, il-passiġġieri kellhom jgħaddu minn Lyon, Marsilja, Nizza jew Pariġi. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li peress illi d-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet li s-swieq Lyon-Amsterdam, Marsilja-Amsterdam u Pariġi-Amsterdam kienu jqajjmu problemi ta’ kompetizzjoni, impenji ġew mogħtija sabiex dawn jiġu rrimedjati. Fir-rigward tas-suq Nizza-Amsterdam, li jikkonċerna biss numru żgħir ta’ passiġġieri, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, KLM u l-fergħa tagħha Basiq Air jikkompetu mar-rikorrenti, li fuq din ir-rotta għandha sehem kbir mis-suq. Għall-kuntrarju, Air France topera biss servizz ta’ konnessjoni u fuq din ir-rotta għandha inqas mill-1 % tas-suq (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, konsegwentement, qiset li din ir-rotta ma kinitx tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni.

71     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma tressaq ebda element li jista’ juri li dawn il-konstatazzjonijiet huma vvizzjat b’żball ta’ evalwazzjoni manifest.

72     Fl-aħħar, il-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-vantaġġi mogħtija lill-konsumaturi mill-impriżi komuni jew mill-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ l-ajru, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) u (3), ma jistax juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt konċentrazzjoni, bħal ftehim bejn kompetituri eżenti taħt l-Artikolu 81(3) KE jista’ jiġġenera vantaġġi kompetittivi konsegwenti li minnhom jista’ jibbenefika l-konsumatur. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet mhux ibbażat fuq projbizzjoni ta’ dawn il-vantaġġi, imma fuq il-preokkupazzjoni li jiġi evitat kull ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li għandha bħala konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tkun imfixxkla b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni. Il-possibbiltà li wara l-Konċentrazzjoni jiġu pprovduti lill-passiġġieri servizzi għal prezz aħjar tista’ tkun biss f’każijiet limitati indikatur eventwali ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, per eżempju fil-każ fejn l-entità magħquda kellha l-intenzjoni jew il-kapaċità li toffri prezzijiet predatorji.

73     Fil-każ in kwistjoni, peress illi r-rikorrenti ma turix b’mod tanġibbli li l-entità magħquda setgħet tipproponi lill-passiġġieri vantaġġi kompetittivi attraenti fi swieq oħra, li barra minn hekk ma tiddefinixxix, il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u d-dannu lill-kompetizzjoni li jikkoinċidi li jirriżulta minn dan għall-imsemmija swieq ma ġewx stabbiliti.

74     Konsegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma urietx b’mod suffiċjenti li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma inkludietx fl-analiżi tagħha s-swieq eżenti min sovrapożizzjonijiet.

75     Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motivi dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġi analizzat it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità magħquda fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali

 L-argumenti tal-partijiet

76     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in konsiderazzjoni l-kwalità ta’ xerrejja ta’ servizzi ajruportwali ta’ Air France u ta’ KLM, mentri l-prassi deċiżjonali tagħha għandha t-tendenza li teżamina l-effetti ta’ konċentrazzjoni fis-swieq tax-xiri [deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/277/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 1996, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni (kawża IV/M.784 – Kesko vs Tuko) (ĠU 1997, L 110, p. 53); deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/816/CE tat-30 ta’ Lulju 1997, li tiddikjara konċentrazzjoni kompattibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim fuq iż-ŻEE (kawża IV/M.877 – Boeing vs McDonnel Douglas) (ĠU L 336, p. 16), u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/674/CE tat-3 ta’ Frar 1999, f’proċedura mibdija skond ir-Regolament Nru 4064/89 (kawża IV/M.1221 – Rewe vs Meinl) (ĠU L 274, p. 1)]. F’din il-kawża, is-suq fil-bidu huwa s-suq tas-servizzi marbuta ma’ l-infrastruttura ajruportwali li għalihom pagament huwa dovut minħabba li s-servizzi msemmija huma l-użu u l-manutenzjoni tar-runways, l-użu tat-taxiways u ta’ l-aprons kif ukoll kontroll mill-art ta’ avviċinament ta’ l-ajruplani ċivili [deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/521/KE tas-26 ta’ Lulju 2000 dwar proċedura ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(3) tat-Trattat KE (ĠU L 208, p. 36)].

77     Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet li ħadet in konsiderazzjoni l-preokkupazzjonijiet imqajjma mill-kompetituri, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fil-pjattaformi (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżiġiet li ċerti impenji jittieħdu sabiex jirrimmedjaw għall-pożizzjoni dominanti li minnha tibbenefika Air France fil-pjattaforma tagħha f’Pariġi. Billi mxiet b’dan il-mod il-Kummissjoni b’mod impliċitu kkunsidrat, li l-Konċentrazzjoni setgħet isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Air France f’CDG u f’Orly fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali.

78     Ir-rikorrenti tosserva li CDG u Orly huma dominati minn Air France, billi ssostni barra minn hekk li Aéroports de Paris (iktar ‘il quddiem "AdP"), li tmexxi dawn l-ajruporti u talloka l-islots u Air France kienu impriżi pubbliċi. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tfakkar li l-korpi inkarigati mill-allokazzjoni ta’ l-islots jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jwettqu attività ekonomika (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs IL-Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punt 121). Issa, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-Konċentrazzjoni setgħet twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali, bħal dak ta’ Paris dominat minn AdP.

79     Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti tinvoka għall-ewwel darba, u dan fil-kuntest ta’ dan ir-rikors l-eżistenza ta’ suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali, peress illi din il-kwistjoni qatt ma tqajmet waqt il-proċedimenti amministrattivi. Barra minn hekk hija tosserva li r-rikorrenti ma tippreċiżax dak li hi tifhem "b’servizzi ajruportwali" u tillimita ruħha li tinvoka argumenti dwar l-allokazzjoni ta’ l-islots. Ma saret ebda referenza għas-servizzi ajruportwali, kif huma ġeneralment mifthema, jiġifieri per eżempju s-servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ assistenza fl-ajruporti. Il-Kummissjoni tqis, konsegwentement, li ma kienx hemm bżonn li teżaminhom, billi tenfasizza li li xejn ma kien jipprova li s-suq tax-xiri ta’ dawn is-servizzi kellu jkun is-suġġett ta’ l-investigazzjoni tagħha.

80     Fl-ewwel lok il-Kummissjoni tosserva li huwa ġeneralment aċċettat li slots huma indispensabbli għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru. Konsegwentement, hija ssostni li ma kien hemm ebda raġuni li dawn is-servizzi jiġu kkunsidrati bħala attività distinta. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, l-allokazzjoni ta’ l-islots hija attività amministrattiva u mhux ekonomika, għaldaqstant AdP taġixxi bħala awtorità pubblika u mhux bħala impriża. Barra min hekk fi Franza l-korp responsabbli għall-allokazzjoni ta’ l-islots fil-każ ta’ ajruporti koordinati, hija l-Association pour la coordination des horaires (COHOR), u mhux AdP kif tallega r-rikorrenti. Barra minn hekk la l-entità magħquda u lanqas ebda impriża oħra ma jistgħu jeżerċitaw, fuq il-korpi inkarigati mill-allokazzjoni ta’ l-islots kontroll, li jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi pożizzjoni dominanti skond ir-Regolament Nru 4064/89 jew l-Artikolu 82KE.

81     Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna s-servizzi definiti bħal dawk relatati ma l-aċċess għall-infrastrutturi ajruportwali li għalihom pagament huwa dovut, il-Kumissjoni tqis li mhux biżżejjed li r-rikorrenti turi li tali suq jeżisti, hija trid tipprova li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma firxitx l-investigazzjoni tagħha għal fuq dan is-suq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

82     Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel nett ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza t-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ l-entità magħquda fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali, li hija tiddefinixxi bħal dak tas-servizzi relatati ma’ l-infrastrutturi, bħal l-operazzjoni u l-manutenzjoni tar-runways, l-użu tat-taxiways u aprons kif ukoll il-kontroll mill-art ta’ l-avviċinament ta’ l-ajruplani ċivili li għalihom pagament huwa dovut. It-tieni nett ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-influwenza kummerċjali li l-entità magħquda tista’ teżerċita fuq AdP.

83     Waqt is-seduta l-partijiet ġew mistiedna jindikaw jekk dawn is-servizzi jikkostitwixxux suq jew numru ta’ swieq rilevanti, li għandhom jiġu disassoċjati minn dawk definiti skond l-approċċ O & D. Il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, qiset li dawn is-servizzi jikostitwixxu diversi swieq rilevanti, li huma distinti minn dawk definiti skond l-imsemmi aproċċ.

–       Fuq in-nuqqas li jittieħed in konsiderazzjoni t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali

84     F’din il-kawża, ir-rikorrenti tillimita ruħha għas-sempliċi assunzjoni li jeżisti suq distint għas-servizzi marbuta ma’ l-aċċess għall-infrastrutturi ajruportwali li għalihom pagament huwa dovut, u li fih l-entità magħquda tgawdi minn poter ta’ akkwist ikbar, mingħajr ma tressaq ebda prova tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li tista’ tfixkel il-kompettitività fih.

85     Ir-rikorrenti ġiet mistiedna, waqt is-seduta, tindika b’liema mod, skond hi, il-Konċentrazzjoni twassal għal tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti fis-suq indikat, peress illi l-atti tagħha f’dan ir-rigward huma nieqsa. Madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tressaq elementi rilevanti li jistgħu juru tali tisħiħ, u konsegwentement, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni.

86     Sussidjarjament il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni "meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala fiż-żewġ ajruporti […] kif ukoll minn setgħa akbar ta’ negozzjar tal- prezzijiet mal-fornituri esterni għal dak li jirrigwarda l-inġinerija, is-servizzi ta’ groundhandling, installazzjonijiet fl-ajruporti etc". Minn dan jirriżulta, skond id-deċiżjoni kkontestata, li, "l-entità magħquda għandha pożizzjoni b’saħħitha ħafna fuq din ir-rotta bejn pjattaformi ta’ konnessjoni" li huma Pariġi u Amsterdam.

87     Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-konsegwenzi fil-kompetizzjoni li jistgħu jiġu pperikolati mill-Konċentrazzjoni fuq il-pjataformi ta’ konnessjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala akkwiżiti l-problemi ta’ kompetitività fir-rigward ta’ l-attivitajiet kummerċjali eżerċitati fil-pjattaformi mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni, mingħajr m’għamlet analiżi preċiża ta’ l-imsemmija swieq, ma jistax jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jqiegħed fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt din il-kunsiderazzjoni wasslet lill-Kummissjoni taċċetta impenji li l-għan tagħhom kien li jtaffu ż-żieda fl-importanza, ikkunsidrata b’mod globali, u b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ pożizzjoni dominanti fil-pjattaformi ta’ konnessjoni ta’ l-entità magħquda

88     Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-influwenza msaħħa ta’ l-entità magħquda fir-rigward ta’ AdP

89     Ir-rikorrenti tisħaq li l-AdP, li skond hi hija inkarigata mill-allokazzjoni ta’ l-islots, tista’ tiġi effettwata mill-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità magħquda f’Pariġi.

90     Fl-ewwel lok, u f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ l-islots għandu jiġi mfakkar li fil-mument meta seħħew il-fatti din kienet irregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, p. 1). L-artikolu 4 ta’ l-imsemmi regolament jipprovdi:

"[...] Stat Membru għandu jassigura li l-koordinatur jagħmel id-dmirijiet skond […] ir-Regolament b’mod indipendenti. [...]Il-koordinatur għandu jaġixxi […] b’mod newtrali, mhux diskriminatorju u trasparenti.[…,] għandu jkun responsabbli għall-allokazzjoni ta’ slots. […u] għandu jissorvelja l-użu ta’ slots [...]"

91     Minn dan li intqal jirriżulta li l-allokazzjoni ta’ l-islots taqa’ f’kuntest regolamentarju li fil-prinċipju jimpedixxi li l-korp resposabbli mill-allokazzjoni jiffavorixxi lill-entità magħquda billi jagħtiha iktar slots mill-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti u l-Kummissjoni indikaw, waqt is-seduta, li ma xtaqux jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward ta’ l-identità effettiva ta’ l-entità kompetenti (AdP jew l-COHOR).

92     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstata li r-rikorrenti ma tressaq ebda element rilevanti li jista’ juri li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni setgħu fil-każ in kwistjoni jinfluwenzaw b’mod jew ieħor lill-imsemmi korp.

93     Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li ġeneralment issir distinzjoni bejn l-attivitajiet purament amministrattivi ta’ AdP, bħall-missjonijiet tal-puluzija, u l-attivitajiet ta’ tmexxija u l-operazzjoni ta’ l-ajruporti ta’ Pariġi, li huma remunerati permezz ta’ dritt kummerċjali li jvarjaw skond il-qliegħ li jsir (sentenza Aéroports de Paris vs IL-Kummissjoni, punt 78 iktar ‘il fuq, punt 112). Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li AdP hija responsabbli minn żewġ tipi ta’ attivitajiet li huma intrinsikament differenti, minn naħa attivitajiet magħrufa bħala "servizz pubbliku" u min-naħa l-oħra attivitajiet kummerċjali li neċessarjament huma suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni. B’konsegwenza l-fatt li Air France u AdP kienu żewġ impriżi pubbliċi ma jistax jikkostitwixxi preżunzjoni ta’ ftehim, kif jidher li tallega r-rikorrenti.

94     Fid-dawk ta’ dak li ntqal, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà ta’ CDG u ta’ Orly

 L-argumenti tal-partijiet

95     Ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunament segwit mill-Kummissjoni dwar is-sostitwibbiltà ta’ CDG u ta’ Orly. Fir-rigward tal-post fejn jinsabu dawn l-ajruporti, ir-rikorrenti tosserva li skond il-kalkoli li hija għamlet, CDG jinsab f’distanza miċ-ċentru ta’ Pariġi li hija kważi darbtejn iktar miċ-ċentru ta’ Orly (30 kilometru kontra 18-il kilometru), peress illi Orly jinsab fin-nofsinhar taċ-ċentru ta’ Pariġi u CDG jinsab fil-Grieg il-Lvant. Barra minn hekk, hija tqis li, peress illi Orly huwa ajruport iżgħar, il-ħin neċessarju sabiex tinżel minn fuq ajruplan u taqbad il-konnessjoni ma’ mezzi oħra ta’ trasport huwa inqas minn dak li huwa neċessarju f’CDG. Konsegwentement il-vjaġġ lejn iċ-ċentru ta’ Pariġi minn Orly ikun aktar veloċi.

96     Ir-rikorrenti tosserva li, fil-prattika, il-parti l-kbira tat-trasportaturi fuq distanza twila li joperaw netwerk ikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom f’CDG, peress illi Orly huwa qabel kollox intiż għat-traffiku Ewropew u nazzjonali ta’ distanza qasira. Fil-fatt, skond hi, CDG jiġġenera volum kbir ta’ trasferimenti bejn it-titjiriet, filwaqt li Orly huwa ajruport iktar antik u għaldaqstant inqas mgħammar sabiex jaffronta tali volumi. Air France ukoll tikkonċentra t-titjiriet twal interkontinentali tagħha f’CDG u tuża l-Orly għat-titjiriet nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, huwa neċessarju li wieħed jitlaq minn CDG sabiex ikollu aċċess għal titjiriet interkontinentali, peress illi t-trapsortaturi li joperaw f’netwerk huma stabbiliti hemm. Barra minn hekk, peress illi t-taxxi ta’ l-ajruport huma nettament ogħla minn dawk imposti f’Orly, it-trasportaturi bi prezz baxx huma iktar inklinati joperaw minn Orly. Ir-rikorrenti żżid li l-istess Kummissjoni rrikonoxxiet li l-parti l-kbira tal-konsumaturi ma kkusidrawx li ż-żewġ ajruporti huma sostitwibbli (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond hi, jekk il-Kummissjoni tiddikjara li trid titqies is-sostitwibbiltà ta’ l-ajruporti, kemm minn naħa tad-domanda kif ukoll minn naħa tal-provvista, hija madankollu ma tanalizzax is-sitwazzjoni billi tikkunsidra l-ajruporti bħala fornituri diretti ta’ servizz lill-kumpanniji ta’ l-ajru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma waslitx għall-konklużjoni li tirriżulta minn dan, jiġifieri li l-kumpanniji ta’ l-ajru, bħala konsumaturi ta’ servizzi ajruportwali, għandhom bżonnijiet differenti skond jekk humiex kumpanniji ta’ l-ajru f’netwerk bħal Air France, jew trasportaturi bi prezz baxx.

97     Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikonoxximent tas-sostitwibbiltà bejn CDG u Orly jippermetti lill-kompetituri ġodda potenzjali li jitolbu slots f’wieħed minn dawn l-ajruporti jew fl-ieħor (punt 1.3.9 tal-pakkett ta’ impenji). F’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda dannu lir-rikorrenti, peress li din ta’ l-aħħar m’għandiex interess leġittimu li tinvoka dan il-motiv li huwa għaldaqstant inammissibbli (sentenza NBV u NVB vs IL-Kummissjoni, punt 40 iktar ‘il fuq, punti 31 et seq).

98     Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, l-element deċiżiv għar-rikonoxximent tas-sostitwibbilità ġeografika mhuwiex id-distanza li tissepara ż-żewġ ajruporti miċ-ċentru ta’ Pariġi imma l-ħin neċessarju biex tasal hemm. Kuntrarjament għall-dak li tallega r-rikorrenti, CDG huwa moqdi tajjeb mill-mezzi tat-trasport pubbliċi, peress illi ż-żewġ ajruporti huma, barra minn hekk, konnessi b’mod tajjeb maċ-ċentru ta’ Pariġi. Barra minn hekk il-Kummissjoni ma tikkontestax l-argumenti tar-rikorrenti li CDG huwa użat biss għat-titjiriet ta’ distanza twila waqt li Orly jikkonċentra prinċipalment fuq titjiriet qosra. Madankollu, dawn l-argumenti huma relatati mal-prevvista, kriterju inqas importanti mid-domanda sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ sostitwibbiltà.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

99     Kif ukoll indikat il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq il-kompetizzjoni timponi fuq l-impriżi tliet limiti: it-tibdil fid-domanda, it-tibdil fil-provvista u kompetizzjoni potenzjali. Minn lenti ekonomika, għal tifsira ta’ suq rilevanti, sostituzzjoni ta’ domanda tfisser il-forza dixxiplinarji l-aktar immedjata u effettiva fuq il-fornituri ta’ prodott speċifiku vis-à-vis id-deċiżjonijiet dwar il-prezz tagħhom (punt 13). Is-sostitwibbiltà għandha wkoll titqies mhux biss minn naħa tal-provvista, imma ukoll minn naħa tad-domanda li fil-prinċipju tibqa’ l-kriterju ta’ evalwazzjoni l-iktar effikaċi.

–       Fuq fejn jinsabu l-ajruporti

100   Kif issostni l-Kummissjoni, l-element determinanti sabiex tiġi evalwata s-sostitwibbiltà ġeografika ta’ CDG u ta’ Orly mil-lat tad-domanda mhijiex id-distanza li hemm bejn il-punt ta’ tluq prinċipali u ż-żewġ ajruporti, imma l-ħin neċessarju sabiex tasal fihom meta titlaq minn dan il-punt. Ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li jista’ juri li dan il-kriterju ma jikkostitwixxix indikatur importanti ta’ l-eżistenza ta’ sostitwibbiltà ġeografika.

101   Fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-fatt li ż-żmien sabiex tasal fiż-żewġ ajruporti huwa ekwivalenti, peress illi hija stess qalet li hemm bżonn 33 minuta (bl-RER B) sabiex tasal CDG minn boulevard Saint-Michel u 30 minuta biex tasal Orly (bl-RER B jew permezz tal-linja Orlyval). F’dan ir-rigward l-argument tar-rikorrenti - li dan ż-żmien sabiex wieħed jasal saċ-ċentru ta’ Pariġi jvarja skond iż-żewġ ajruporti minħabba ż-żmien meħtieġ minn meta jinżel l-ajruplan, sabiex wieħed jilħaq il-mezzi l-oħra ta’ trasport – mhuwiex sostnut bl-ebda element ta’ prova.

102   Konsegwentement ir-rikorrenti ma wrietx l-iżball manifest li għamlet il-Kummissjoni meta rrikonoxxiet is-sostitwibbiltà bejn iż-żewġ ajruporti minħabba l-indifferenza tal-konsumaturi lejn jekk jaslux kemm f’CGD u kemm f’Orly sabiex jibbenefikaw minn titjira u sabiex jaslu fiċ-ċentru ta’ Pariġi minn ajruport jew l-ieħor.

–       Fuq it-tipi ta’ titjiriet pprovduti miż-żewġ ajruporti

103   Fl-ewwel lok, dwar is-sostitwibbiltà tad-domanda, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-passiġġieri li jivvjaġġaw minn punt partikolari għal ieħor, li fl-istess ħin jinkludi passiġġieri li huma sensibbli għall-fattur taż-żmien u dawk li mhumiex, CDG u Orly kienu sostitwibbli bejniethom minħabba li jinsabu fl-istess żona ta’ servizz u jiddisponu minn faċilitajiet ta’ aċċess simili (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

104   Fil-fatt, jaqbel jiġi mfakkar li, sabiex tiġi eżaminata s-sostitwibbiltà taż-żewġ ajruporti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-domanda kollha tagħha, peress illi l-klijenti li mhumiex sensibbli għall-fattur tal-ħin għandhom eżiġenzi differenti minħabba li huma aktar flessibbli. Il-Kummissjoni ukoll setgħet tirrikonoxxi li għal numru ta’ klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol, CDG u Orly ma kinux sostitwibbli, minħabba li Orly joffri anqas konnessjonijiet (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). L-aspettativi tal-klijenti li jivjaġġaw fuq xogħol wasslu għaldaqstant lill-Kummissjoni tikkunsidra li kienu jeżistu "swieq iżgħar" skond jekk il-passiġġieri humiex jew le sensittivi għall-fattur tal-ħin. Madankollu dawn il-kunsiderazzjonijiet, rilevanti għal ċerti klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol, li jirrappreżentaw biss parti mid-domanda ma jistawx ikunu ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-konklużjoni dwar is-sostitwibbiltà. Minn naħa l-Kummissjoni espressament irrikonoxxiet l-eżiġenzi speċifiċi ta’ din il-kategorija ta’ passiġġieri. Min-naħa l-oħra r-rikorrenti ma tressaq ebda element li jista’ juri li l-aspettativi tal-passiġġieri li huma sensibbli għall-fattur tal-ħin, li jikkorrispondu għal dawk tal-maġġoranza tal-klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol, kellhom jipprevalu fuq dawk ta’ klijenti oħra li mhumiex sensibbli għall-fattur tal-ħin li jikkunsidraw iż-żewġ ajruporti bħala li huma sostitwibbli.

105   Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-kumpanniji ta’ l-ajru, bħala klijenti u għaldaqstant konsumaturi ta’ servizzi ajruportwali, għandhom bżonnijiet differenti skond jekk humiex kumpanniji ta’ l-ajru b’netwerk jew trasportaturi bi prezzijiet baxxi, b’mod illi ż-żewġ ajruporti ma jistgħux jitqiesu bħala sostitwibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma tressaqx elementi ta’ prova li jispjegaw din il-pożizzjoni.

106   Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma tressaq ebda element rilevanti li jista’ juri li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, mil-lat tad-domanda, favur is-sostitwibbiltà taż-żewġ ajruporti Pariġini.

107   Fit-tieni lok, dwar l-offerta magħmula lill-konsumaturi mill-kumpanniji ta’ l-ajru sabiex jitilqu minn wieħed mill-ajruporti, jaqbel li jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti li rreferew, minn naħa, għat-tipi ta’ titjiriet li l-ajruporti joffru abbażi ta’ l-ispeċifiċità ta’ l-infrastrutturi tagħhom u, min-naħa l-oħra, għall-karatteristiċi proprji taż-żewġ ajruporti għandhom, kif ġie preċedentement irrilevat effett iktar limitat.

108   Il-Qorti tal-Prim’ Istanza tirrileva li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-ispeċifiċitajiet funzjonali taż-żewġ ajruporti allegati mir-rikorrenti, minħabba li hi kkonstatat li mil-lat tal-provvista, il-maġġoranza tat-trasportaturi f’ netwerk kienu jikkunsidraw li ż-żewġ ajruporti kienu sostitwibbli, anki jekk dawn ta’ l-aħħar kkonċentraw l-attivitajiet tagħhom f’CDG, filwaqt li l-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw minn Orly ikkonċentraw prinċipalment l-attivitajiet tagħhom fuq it-traffiku intern. Fil-fatt, għal ċerti kumpanniji ta’ l-ajru ż-żewġ ajruporti ma setgħux ikunu sostitwibbli skond is-suq li jaqdu (traffiku ta’ tranżitu jew traffiku minn punt għal punt, rotot interni jew internazzjonali) u l-ispejjeż ġenerati (ara f’dan ir-rigward il-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li s-sostitwibbiltà tista’ tiġi evalwata b’modi differenti, b’mod partikolari għall-kumpanniji ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi li għalihom huwa importanti li jkunu jistgħu jagħżlu l-ajruport sabiex ikunu jistgħu jimminimizzaw l-ispejjeż tagħhom, peress illi t-taxxi ta’ l-ajruport jistgħu jvarjaw minn ajruport għall-ieħor (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet analiżi globali sabiex tagħraf is-sostitwibbiltà taż-żewġ ajruporti billi kkunsidrat, fost kriterji oħra, l-ispeċifitajiet kummerċjali speċifiċi għall-kumpanniji bi prezzijiet baxxi.

109   Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element ta’ prova li jista’ juri l-eżistenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà bejn CDG u Orly.

110   Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġu eżaminati l-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni potenzjali

 L-argumenti tal-partijiet

111   Fl-ewwel lok ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-istrateġija kummerċjali ta’ KLM fil-każ fejn il-Konċentrazzjoni ma sseħħx, u dan fid-dawl ta’ l-effett tal-modifiki li jkunu ġġenerati permezz tal-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-ajru, u mis-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim dwar is-servizz ta’ l-ajru bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi. Hija tosserva li l-kumpanniji ta’ l-ajru tal-Komunità, fosthom KLM, għandhom jiksbu l-libertà li joffru servizzi llimitati, b’mod partikolari, b’drittijiet ta’ traffiku ampji mingħajr limiti fir-rigward tal-prezzijiet jew tas-siegħat.

112   Fit-tieni lok ir-rikorrenti tikkunsidra li fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni ma’ Air France, KLM għandha tkun il-kompetitriċi l-ġdida l-aktar probabbli f’Pariġi, peress illi s-suq nazzjonali ta’ KLM huwa kemm xejn limitat, fatt li jinkoraġġijha testendi ruħha fuq livell internazzjonali u fl-Ewropa. Barra min hekk, KLM teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-viċinanza ta’ Pariġi, li jippermettilha jkollha għarfien tajjeb tas-suq Franco-Belġjan, u għaldaqstant il-kompetizzjoni fis-servizzi ta’ trasport bl-ajru internazzjonali li ġej minn Pariġi hija, barra minn hekk, limitata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-Konċentrazzjoni tippermetti lill-Air France telimina l-aktar kompetitriċi potenzjali probabbli tagħha f’Pariġi u li żżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali.

113   Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba d-daqs tal-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-ajru u minħabba n-numru kbir ta’ ftehim ikkonċernati, jkun spekulattiv li wieħed jipprevedi d-dewmien ta’ dan il-proċess. Barra min hekk, hija tenfasizza li peress illi KLM mhijiex impriża li jista’ jkollha possibiltajiet reali u konkreti li tidħol fis-suq in kwistjoni hija ma tistax titqies bħala kompetitriċi potenzjali ta’ Air France f’Pariġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

114   Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, l-effetti fuq il-kompetizzjoni ġġenerati mil-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-ajru u, fit-tieni lok, il-kwalità ta’ kompettitriċi potenzjali ta’ KLM f’Pariġi.

115   Dwar il-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-ajru, ir-rikorrenti ma jirnexxilhiex turi, fin-nuqqas ta’ element konkret sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha, li l-imsemmija liberalizzazzjoni, li l-effett tagħha huwa diffiċli li jiġi mkejjel, ippermettiet lil KLM tiżviluppa l-bażi ta’ kompetizzjoni tagħha u, għaldaqstant, li żżid il-piż kummerċjali tagħha u tikkompeti ma’ Air France f’Pariġi, b’mod partikolari billi tipproponi servizzi minn Pariġi lejn destinazzjonijiet ta’ pajjiżi mhux Ewropej. Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

116   F’dak li jikkonċerna n-natura ta’ kompettitriċi potenzjali ta’ KLM f’Pariġi għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti l-eżami tal-kunidzzjonijiet ta’ kompetizzjoni huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq in kwistjoni, imma ukoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali, sabiex jkun magħruf jekk, b’kunsiderazzjoni għall-istruttura tas-suq u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jirregola l-ħidma tiegħu, jeżistux possibiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom, jew li kompetitur ġdid jista’ jidħol fis-suq in kwistjoni u jikkompeti ma’ l-impriżi diġà stabbiliti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs IL-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 et T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 137).

117   F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, l-argument dwar in-natura limitata tas-suq nazzjonali ta’ KLM kif allegat mir-rikorrenti u, fit-tieni lok, l-argument li hija tressaq, b’mod partikolari, dwar il-viċinanza ta’ Amsterdam, ċentru ta’ l-attivitajiet ta’ KLM, in relazzjoni ma’ Pariġi.

–       Fuq il-natura limitata tas-suq nazzjonali ta’ KLM

118   Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li kumpannija ta’ l-ajru f’netwerk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitriċi potenzjali fuq rotta biss jekk din tista’ tkun marbuta direttament mal-pjattaforma tagħha. Fil-fatt, fil-premessa 17, id-deċiżjoni kkontestat tgħid li "[is-] sistema ta’ netwerk hija determinanti fid-deċiżjoni tat-trasportaturi li joperaw netwerk jekk joperawx (jew le) servizz ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri b’par O&D partikolari". Hi żżid li "[il-] Kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw netwerk jikkonċentraw it-traffiku f’pjattaforma ta’ konnessjoni u jittrasferixxu lill-passiġġieri permezz ta’ konnessjoni lejn numru ta’ rotot tan-netwerk" u li "[b]’ regola ġenerali l-kumpanniji ta’ l-ajru ma jidħlux f’pari ta’ bliet li mhumiex konnessi mal-pjattaforma ta’ konnessjoni tagħhom". F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-kumpanniji ta’ l-ajru f’netwerk jikkonċentraw effettivament l-attivitajiet tagħhom fil-pjattaformi rispettivi tagħhom.

119   F’dak li jikkonċerna r-rotot qosra, u kif tispjega l-Kummissjoni, l-ispejjeż li jbatu l-kumpanniji ta’ l-ajru f’netwerk huma tali li ġeneralment huma jipprovduhom biss jekk huma jkunu konnessi mal-pjattaformi tagħhom jew jekk huma l-uniċi li joperaw fuq dawn ir-rotot. Konsegwentement, il-kompetituri l-ġodda kollha fuq dawn ir-rotot huma loġikament il-kumpannija nazzjonali tal-punt ta’ oriġini jew ta’ destinazzjoni ta’ l-imsemmija rotot jew kumpannija bi prezzijiet baxxi, fatt li jispjega li KLM ma tistax topera f’dawn is-swieq, fil-każ fejn ir-rotot ma jkunux konnessi ma’ Amsterdam.

120   Fir-rigward tar-rotot twal, jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni li ċertu ammont ta’ passiġġieri għandu jkun kompost minn passiġġieri ta’ trasferiment, u dan sabiex kumpannija ta’ l-ajru tkun tista’ tbigħ numru konsiderevoli ta’ postijiet u żżomm il-vijabbilità tas-servizz tagħha fit-tul. Konsegwentement, dan jissopponi, li hija tkun tista’ talimenta s-servizz tar-rotot twal tagħha bit-traffiku ta’ rotot oħra permezz tal-pjattaforma tagħha ta’ korrispondenza.

121   Fil-każ in kwistjoni, mhuwiex ikkontestat mill-partijiet li, f’Amsterdam, il-maġġoranza tal-passiġġieri huma passiġġieri ta’ trasferiment, li għaldaqstant jippermetti lill-KLM iżżomm il-vijabbilità tan-negozju tagħha fil-pjattaforma tagħha. Issa, ir-rikorrenti ma turix li KLM għandha netwerk li jippermettilha titrasferixxi l-passiġġieri lejn destinazzjonijiet oħra fi Franza, u dan bi tluq minn Pariġi. Għaldaqstant anki jekk jiġi meqjus li KLM għandha l-intenzjoni li tiżviluppa l-attivitajiet tagħha, li r-rikorrenti tiddefinixxi bħala limitati, l-organizzazzjoni ta’ KLM ma tidhirx li tippermettilha teżerċita pressjoni ta’ kompetizzjoni fuq Air France f’Pariġi.

122   Jaqbel li jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma turix b’mod sodisfaċenti li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni dwar iċ-ċentralizzazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ KLM f’Amsterdam huwa vvizjat b’żball manifest ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq il-viċinanza ta’ Amsterdam, ċentru ta’ attivitajiet ta’ KLM, meta mqabbla ma’ Pariġi u fuq in-natura limitata tal-kompetizzjoni li teżisti fis-servizzi ta’ trasport bl-ajru internazzjonali li ġej minn Pariġi

123   Jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni li l-istabbiliment ta’ rotta ta’ konnessjoni bejn żewġ ajruporti li huma daqshekk viċini bħal Pariġi u Amsterdam ma tidhirx li hija strateġikament vijabbli. Għalhekk, kumpanniji oħra ta’ l-ajru għandhom raġunijiet kummerċjali iktar evidenti minn KLM biex jidħlu f’dan is-suq, minħabba li jkun ta’ ftit interess għall-passiġġier li jibbenefika minn waqfa fl-istess ħin f’Pariġi u Amsterdam. Peress illi d-destinazzjonijiet prinċipali ta’ KLM huma bi tluq minn Amsterdam lejn l-Istati Uniti jew il-Lvant Imbiegħed, ir-rikorrenti ma turix li KLM għandha interess ekonomiku li tiżviluppa attivitajiet f’Pariġi, peress illi tagħmel profitt f’Amsterdam minn passiġġieri ta’ trasferiment, li ġejjin mill-Istati Uniti u minn passiġġieri lokali li jitilqu għal-Lvant Imbiegħed. Barra minn hekk, tali strateġija toħloq riskju ta’ kompetizzjoni diretta ma’ l-attività żviluppata u ċentralizzata f’Amsterdam u li tidher li tagħmel parti mill-ispeċifiċita organizzattiva ta’ KLM. Fl-aħħar investimenti sinjifikanti huma neċessarji mingħajr ma l-benefiċċji li jirriżultaw minnhom ikunu identifikabbli b’mod ċar, fatt li jillimita konsiderevolment ir-rilevanza ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li KLM għandha tiġi kkwalifikata bħala kompetitriċi potenzjali ta’ Air France f’Pariġi.

124   Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-kompetitizzjoni li teżisti fis-servizzi internazzjonali ta’ trasport bl-ajru li ġej minn Pariġi hija limitata, jaqbel li jiġi osservat li, barra minn din is-sempliċi allegazzjoni, ma tressaq l-ebda argument mir-rikorrenti sabiex issostni din il-pożizzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ma tistax tippronunzja ruħha fuq l-effett ta’ din l-allegazzjoni.

125   Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx biżżejjed kif rikjest mil-liġi li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li KLM ma kinitx kompetitur potenzjali ta’ Air France f’Pariġi.

126   Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv għandha miċħuda wkoll u għaldaqstant ir-raba’ motiv kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq -żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ l-impenji meħuda mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni

127   Dan il-motiv jinqasam f’seba’ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti tosserva li l-impenji kellhom jiġu estiżi għas-swieq eżenti minn sovrapożżizzjonijiet. Fit-tieni u t-tielet parti r-rikorrenti tenfasizza, minn naħa, il-fatt li għall-kumpannija ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi l-impenji meħuda ma kinux attraenti u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ negozju vijabbli. Fir-raba’ u l-ħames parti, hija ssostni l-insuffiċenza taċ-ċessjoni ta’ slots u tar-rimedji oħra adottati. Fis-sitt parti, ir-rikorrenti tispjega n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ kompetitur ġdid u l-ineżistenza tad-dħul rapidu u sostenibbli ta’ kompetitur. Fl-aħħar nett, fis-seba’ parti r-rikorrenti tenfasizza n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-ferrovija ta’ veloċità għolja Thalys bħala kompetittriċi.

128   Skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni għandha poter ta’ evalwazzjoni kbir sabiex tevalwa l-bżonn li jinkisbu impenji sabiex jinteħħew id-dubbji serji li tqajjem konċentrazzjoni. Minn dan jirriżulta li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni, peress illi l-istħarriġ għandu jkun illimitat għall-verifika li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, l-allegat nuqqas li jittieħdu in konsiderazzjoni l-impenji ssuġġeriti mir-rikorrenti ma jistabbilix, fih innifsu, li d-deċiżjoni kkontestata hja vvizjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u l-fatt li impenji oħra setgħu jiġu aċċettati, anki li huma iktar favorevoli għall-kompetizzjoni, ma jistax iwassal għall-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni minħabba li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkonkludi li l-impenji inklużi fid-deċiżjoni kienu jippermettu li jitneħħew id-dubbji serji (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, ARD vs IL-Kummissjoni, T‑158/00, Ġabra p. II‑3825, punti 328 u 329).

129   Fil-kuntest ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tieħu in konsiderazzjoni l-finalità speċifika ta’ l-impenji meħuda waqt il-Fażi I, li, kuntrarjament għall-impenji meħuda waqt il-fażi II m’għandhomx bħala għan li jimpedixxu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, imma biss li jneħħu d-dubbji serji kollha f’dan ir-rigward. Konsegwentement meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tasal sabiex teżamina jekk l-impenji meħuda matul il-fażi I humiex, fir-rigward tal-portata u tal-kontenut tagħhom, tali li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni mingħajr ma tiftaħ il-fażi II, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni setgħatx, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-imsemmija impenji jikkostitwixxu risposta diretta u sodisfaċenti ta’ natura tali li tneħħi d-dubbji serji kollha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs IL-Kummissjoni, T‑119/02, Ġabra p. II‑1433, punti 79 u 80).

 Fuq l-ewwel parti bbażata fuq in-nuqqas li l-impenji jiġu estiżi għas-swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

130   Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-impenji kellhom jiġu mifruxa sabiex jinkludu r-rotot li fuqhom il-Kummissjoni ma identifikatx problema ta’ kompetizzjoni, u dan minħabba n-natura mhux attraenti tas-swieq effettwati. Ir-rikorrenti tfakkar li waqt il-proċedimenti amministrattivi hi kienet ipproponiet lill-Kummissjoni numru konsegwenti ta’ slots li għandhom jiġu ċeduti sabiex l-impenji jistgħu jkunu kompletament effikaċi. Għaldaqstant, hija tistaqsi lilha nnfisha dwar kemm verament ittieħdet in konsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha li taċċetta l-impenji dwar ir-rotot mingħajr ma tikkunsidra s-swieq in kwistjoni fuq kull waħda mir-rotot ikkunsidrati.

131   Il-Kummissjoni tqis li, fin-nuqqas ta’ bżonn reali jkun inġustifikat li hija titlob lill-partijiet għall-konċentrazzjoni jirrinunzjaw għal slots fuq rotot fejn ma jeżistux problemi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

132   Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-punt 17 ta’ l-avviż dwar ir-rimedji li, "[s]abiex jiġi żgurat negozju vijabbli, jista’ jkun hemm bżonn li, f’divestitura [ċessjoni], jiġu nklużi l-attivitajiet li jkollhom x’jaqsmu mas-swieq fejn il-Kummissjoni ma kelliex tħassib ta’ kompetizzjoni minħabba li dan jista’ jkun l-uniku mezz kif jista’ jinħoloq kompetitur effettiv fis-swieq affettwati". Fl-atti tagħha hija tippreċiża li l-imsemmija rimedji għandhom jiġu deċiżi fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

133   Skond ġurisprudenza kostanti l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Kommunitarji ma jeċċedux dak li huwa approprjat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jirdu jiġi milħuqa, peress illi, meta jkun hemm għażla bejn ħafna miżuri approprjati għandha tintgħażel dik l-anqas vinkolanti u li l-iżvantaġġi li toħloq ma għandhomx jkun sproporzjonati meta imqabbla ma’ l-għanijiet li jridu jiġu milħuqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et., C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 60; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs IL-Kummissjoni T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 39, u tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs IL-Kummissjoni, T‑2/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 99).

134   Minn dak li ntqal jirriżulta li l-impenji għandhom jiġu deċiżi fid-dawl tal-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma fis-suq effettwat, peress illi, jekk il-kompetizzjoni tista’ tinżamm fl-imsemmija swieq, mhuwiex neċessarju li l-Kummissjoni testendi il-kamp ta’ l-impenji għas-swieq mhux effettwati, skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità .

135   Fil-każ in kwistjoni r-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kien imissha estendiet l-impenji għal fuq swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet sabiex telimina l-barrieri għad-dħul kollha. Madankollu, hi tipproċedi b’affermazzjoni u ma tidentifikax is-swieq li fuqhom il-Kummissjoni kellha testendi l-imsemmija impenji.

136   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’ Istanza tirrileva li, matul il-proċedimenti amministrattivi, ir-rikorrenti dehret inclinata tuża ċerti slots, li huma ċeduti mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni għal swieq li ma humiex inklużi fil-Konċentrazzjoni. Għaldaqstant ir-rikorrenti uriet l-intenzjoni tagħha li tibbenefika mill-impenji li huma meħuda mill-entità magħquda sabiex iżżid il-preżenza kummerċjali tagħha fis-swieq li huma eżenti minn problemi ta’ kompetizzjoni, mingħajr madanakollu ma turi li dan l-użu huwa garanzija ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq effettwati.

137   Issa, jaqbel li jiġi mfakkar li l-impenji ma jistgħux jiġu perċepiti bħala mezz intiż li jiffavorixxi, mingħajr raġuni ta’ kompetizzjoni, eventwali kompetitur li jixtieq jidħlu f’suq partikolari. Għaldaqstant il-fatt li, l-Kummissjoni ma estendietx l-impenji għal swieq li huma eżenti minn sovrapożizzjonijiet, minkejja li din il-miżura setgħet tiffavorixxi l-interessi kummerċjali tar-rikorrenti fi swieq li ma kinux effettwati mill-Konċentrazzjoni, bl-ebda mod ma jipprova li din l-estensjoni tikkostitwixxi l-unika mezz possibbli li tinħoloq kompetizzjoni effettiva fis-swieq effettwati.

138   Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni llimitat ruħha taċċetta impenji li jikkonċernaw ir-rotot imma mhux is-swieq in kwistjoni ta’ kull rotta kkunsidrata, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, meta ġiet mistiedna tikkjarifika din l-allegazzjoni matul is-seduta, ma identifikatx l-imsemmija swieq u ma ressqet l-ebda element rilevanti li jista’ jipprova żball manifest ta’ evalwazzjoni.

139   Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni manifest. Għaldaqstant l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti bbażata fuq il-fatt li l-impenji mhumiex attraenti għall-kumpanniji ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi

–       L-argumenti tal-partijiet

140   Skond ir-rikorrenti, ir-rimedji in kwistjoni huma biss ta’ interess żgħir għat-trasportaturi bi prezzijiet baxxi jew dawk li m’għandhomx netwerk, peress illi dawn jimplikaw rabtiet jew dipendenzi kummerċjali li jżidu l-ispejjeż. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti l-kompetitriċi l-iktar inclinata li tidħol fir-rotta Pariġi-Amsterdam hija kumpannija bi prezzijiet baxxi. Issa, ir-rikorrenti tosserva li mid-disa’ swieq effettwati fl-Ewropa tliet rotot biss jirrigwardaw numru suffiċjenti ta’ passiġġieri sabiex kumpannija bi prezzijiet baxxi tista’ issibhom li jirrendu l-qliegħ. Barra minn hekk, investimenti pubbliċitarji konsiderevoli huma meħtieġa f’dawn is-swieq sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-kompetituri l-ġodda u sabiex tiġi mfixxkla l-preżenza tal-partijiet għall-Konċentrazzjoni u dik ta’ Alitalia. Fl-aħħar nett, il-pjattaformi ta’ konnessjoni ma joffrux kundizzjonijiet attraenti għall-kumpanniji bi prezzijiet baxxi minħabba konġestjonijiet li jiġġeneraw dewmien u, għaldaqstant, spejjeż.

141   Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti li r-rimedji huma ta’ interess żgħir għall-kumpanniji ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

142   Il-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkonstata li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha taċċetta ċessjoni ta’ slots, peress illi impenji oħra saħħew din il-miżura sabiex il-kumpanniji ta’ l-ajru kollha, inklużi l-kumpanniji bi prezzijiet baxxi, jiġu inkoraġġuti jidħlu fis-swieq effettwati.

143   Fil-fatt, skond ir-rimedju dwar l-iskemi ta’ lealtà tal-konsumatur, il-passiġġieri ta’ titjiriet operati mill-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri fis-swieq effettwati jistgħu jiksbu "mili" mingħand l-entità magħquda, b’hekk jingħata vantaġġ mhux żgħir lill-dawn il-passiġġieri, u għaldaqstant indirettament lill-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri (punt 6 tal-pakkett ta’ impenji). Fil-każ fejn ir-rikorrenti ma tixtieqx tieħu sehem, per eżempju, fl-iskema ta’ lealtà tal-konsumatur minħabba l-bżonnijiet u l-organizzazzjoni tagħha, tali attitudni tirriżulta minn deċiżjoni kummerċjali li tkun għamlet hi. Għaldaqstant, tali għażla strateġika ma tistax tipprova l-inadegwatezza tar-rimdeji adottati u, b’konsegwenza, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni.

144   Għandu jiġi kkonstata li l-kumpanniji bi prezzijiet baxxi jistgħu wkoll jiksbu profitt minn ftehim interlineari, li jippermetti li jiġi offrut vjaġġ bir-ritorn li wieħed mit-traġitti huwa żgurat mill-entità magħquda (punt 5 tal-pakkett ta’ impenji). Barra min hekk, l-impenji jistipulaw li, f’Pariġi, il-kumpanniji ta’ l-ajru jistgħu jiksbu slots kemm f’CGD u kemm f’Orly, u dan sabiex iwieġbu għall-preferenzi organizzattivi u kummerċjali diverġenti skond il-kumpanniji ta’ l-ajru.

145   Il-fatt li, mid-disa’ rotot identifikati mill-Kummissjoni bħala li jqajjmu problemi ta’ kompetizzjoni tlieta biss huma vijabbli għal kumpannija ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi ma jurix li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, l-impenji li ttieħdu fl-aħħar tal-fażi I huma intiżi sabiex ineħħu d-dubbji serji li ltaqgħat magħhom il-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Konċentrazzjoni mas-suq komuni u ma jistgħux jiddispensaw lill- kompetituri l-ġodda milli jassumu l-ispejjeż involuti fid-dħul ta’ suq, peress illi dawn l-ispejjeż jiffurmaw parti integrali mil-loġika ta’ kull attività kummerċjali.

146   Barra minn hekk, in-numru żgħir ta’ passiġieri f’ċerti swieq effettwati, jiġifieri ta’ inqas minn 70,000 passiġġier fis-sena, ma jistax juri li l-impenji mhumiex attraenti għal kumpanniji bi prezzijiet baxxi. Fil-fatt, jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni li r-rikorrenti wriet l-interess tagħha li tidħol f’dan it-tip ta’ swieq, kif juri ukoll il-fatt li fl-2003 daħlet fis-suq Amsterdam-Bristolr rotta li tirrigwarda biss 59 314 passiġġier fis-sena.

147   Barra minn hekk, il-preżenza ta’ parteċipanti sinjifikanti f’suq tista’ trendi iktar diffiċli d-dħul fis-suq ta’ konkorrent ġdid, iżda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impediment assolut għal tali dħul. Dan huwa muri, b’mod partikolari, minn numru li żdied ta’ kumpanniji bi prezzijiet baxxi li daħlu fi swieq fejn diġà joperaw kumpanniji ta’ l-ajru b’saħħithom.

148   F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-pjattaformi ta’ konnessjoni ma joffrux kundizzjonijiet attraenti għall-kumpanniji ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi, minħabba l-konġestjonijiet u l-kwantità ta’ traffiku li jwasslu għal dewmien u spejjeż, il-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkonstata li r-rikorrenti illimitat ruħha, waqt il-proċedimenti amministrattivi, li turi li ċ-ċessjoni ta’ slots ma kinitx biżżejjed sabiex tinkoraġġixxi kompetituri ġodda. Madankollu, tali allegazzjoni tmur kontra l-kontenut tar-risposta tagħha indirizzata lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2004, li fiha hija tispjega li "[b]’preżenza limitata f’Pariġi, [hija] madankollu l-iktar kompettriċi viċina […] ta’ Air France, f’termini ta’ vjaġġi bl-ajru nazzjonali fit-territorju Franċiż" li "[hija] attivament tipprova tistabbilixxi bażi ta’ operazzjonijiet f’[Orly] ", li "bħal issa hija għandha erba’ ajruplani li huma bbażati hemmhekk […], tlett ajruplani supplementari [li joperaw] għal [CDG]" u, fl-aħħar nett, li "[hi] tippreferi tuża [Orly] iktar milli [CDG], kkunsidrat il-viċinanza tiegħu maċ-ċentru ta’ Pariġi".

149   Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għamlet servej tas-suq fuq 90 kompetitur u, għaldaqstant, ma llimitatx ruħha biss għal preokkupazzjonijiet tal-kumpanniji bi prezzijiet baxxi, fatt li jispjega li l-impenji jistgħu eventwalment ma jirrispondux kompletament għall-bżonnijiet tar-rikorrenti. Fil-fatt l-impenji għandhom iżommu l-kompetizzjoni kollha fis-swieq effettwati, li m’għandhiex tiġi llimitata għal dik eżerċitata mill-kumpanniji ta’ l-ajru biss, peress illi, t-trasportaturi ferrovjarji huma, skond is-swieq, kompetituri attivi, kif tenfasizza l-Kummissjoni (ara f’dan ir-rigward, punt 7 tal-pakkett ta’ impenji).

150   Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda element rilevanti li jista’ juri żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni.

151   Għaldaqstant it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ negozju vijabbli

–       L-argumenti tal-partijiet

152   Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tnaqqas il-barrieri għad-dħul minflok li tiggarantixxi lil kompetitur it-trasferiment ta’ negozju vijabbli jew ta’ ishma mis-suq, fatt li ma jikkorrispondix għall-prassi abitwali tagħha.

153   Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax takkużha li ma ħtieġitx iċ-ċessjoni ta’ negozju vijabbli, peress illi ebda waħda mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni m’għandha attivitajiet li jistgħu faċilment jiġu ċeduti. Barra min hekk, hija tfakkar li l-avviż dwar ir-rimedji jsemmi li jistgħu jiġu aċċettati rimedji oħra.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

154   Għandu jiġi notat li, skond l-avviż dwar ir-rimedji, l-attivitajiet ċeduti għandhom ikunu magħmulin minn negozju vijabbli li, jekk imħaddem minn xerrej xieraq jista’ jikkompeti b’mod effettiv ma’ l-entità inkorporata fuq bażi dewwiema. Filwaqt li hija r-rimedju preferut, id-divestitura mhiex l-uniku rimedju aċċettabbli għall-Kummissjoni. Jista’ fil-fatt ikun hemm sitwazzjonijiet fejn iċ-ċessjoni ta’ negozju tkun impossibbli. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk tipi oħra ta’ rimedju jistax ikollhom effett biżżejjed fuq is-suq sabiex jerġgħu idaħħlu kompetizzjoni effettiva (punti 14 u 26 ta’ l-avviż).

155   Jirrizulta mill-atti tal-Kummissjoni li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni m’ għandhomx negozju vijabbli li jista’ jiġi ċedut, peress illi hija tqis li l-barriera prinċipali għad-dħul fis-suq hija marbuta man-nuqqas ta’ slots disponibbli fl-ajruporti l-kbar.

156   F’dan ir-rigward il-Kummissjoni turi biżżejjed kif rikjest mil-liġi li ċ-ċessjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru ma tistax tirrimedja b’mod effikaċi l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma mill-Konċentrazzjoni, peress illi huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vverifikat li x-xerreja ta’ l-imsemmi inġenji ta’ l-ajru jużawhom effettivament fis-swieq effettwati. Barra min hekk, kompetitur potenzjali jista’ jikri jew jixtri inġenji ta’ l-ajru bi prezz irħis, l-użu jew il-pussess ta’ inġenju ta’ l-ajru ma tidhirx bħala l-barriera għad-dħul l-iktar immedjata.

157   F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda element tanġibbli sabiex tipprova li l-aċċess għall-islots mhuwiex il-barriera għad-dħul l-iktar importanti.

158   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’ Istanza tirrileva li r-rikorrenti, minkejja l-argumenti li hija tressaq f’dan ir-rikors, ammettiet li l-aċċess għall-islots jikkostitwixxi l-barriera essenzjali għad-dħul, peress illi, fir-risposti tagħha ta’ l-14 u tat-30 ta’ Jannar 2004 hija qiset dan li ġej:

"In-nuqqas fl-aċċess għall-[islots] hija l-barriera fiżika għad-dħul l-aktar evidenti. Mingħajr aċċess għall-[islots] […], il-kumpanniji ta’ l-ajru ma jistgħux jintroduċu servizzi ġodda u lanqas jistabbilixxu bażijiet ta’ operazzjoni ġodda sabiex jestendu l-attivitajiet tagħhom [...] [Hija] żvantaġġjata fuq il-livell ta’ kompetizzjoni minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għall-[slots] u għal infrastrutturi oħra li hija għandha bżonn sabiex testendi n-netwerk tagħha […] In-nuqqas ta’ aċċess għall-[islots] u għal infrastrutturi oħra jimpedixxi [lir-rikorrenti] milli tistabbilixxi bażijiet ta’ operazzjoni fi bliet […] bħal Pariġi [...]"

159   Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma turix biżżejjed kif rikjest mil-liġi li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi awtorizzat il-Konċentrazzjoni wara impenji bbażati fuq limitazzjoni tal-barrieri għad-dħul minflok fuq it-trasferiment ta’ negozju vijabbli lil kompetitur.

160   Għaldaqstant, it-tielet parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ slots ċeduti

–       L-argumenti tal-partijiet

161   Ir-rikorrenti tosserva li ċ-ċessjonijiet ta’ slots ma jinkoraġġux lil kompetituri ġodda jew ma jwasslux għal stabbiliment mill-ġdid tal-kompetizzjoni, kif juru l-kawżi Lufthansa vs SAS vs United Airlines (kawżi COMP/D-2/36.201, 36.076 u 36.078) u Swissair vs Sabena (kawża IV/M.616). Barra minn hekk, peress illi konċentrazzjoni tinvolvi modifika strutturali durabbli fis-suq, kull impenn għandu jkollu natura permanenti. Għaldaqstant, il-fatt li ċ-ċessjoni ta’ l-islots kienet ġiet imposta għall-perijodu illimitat huwa irrilevanti.

162   Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni llimitat ruħha, b’mod żbaljat, għall-barrieri għad-dħul ikkostitwiti mill-islots, mingħajr ma analizzat il-kwistjoni tad-dominanza fuq il-pjattaformi jew il-vantaġġi miksuba mir-rinomanza tal- partijiet għall-Konċentrazzjoni u l-frekwenzi pprovduti minn dawn ta’ l-aħħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tispjega kif in-numru ta’ slots li għandhom jiġu ċeduti jiġarantixxi trasferiment suffiċjenti ta’ ishma mis-suq li jippermetti l-eliminazzjoni tal-kważi monopolju tal-partijiet għall-Konċentrazzjoni fuq is-swieq effettwati, peress illi l-islots ma ġewx ċeduti "flimkien". Iċ-ċessjoni ta’ slots hija ukoll insuffiċjenti, peress illi din tippermetti biss frekwenza massima ta’ sitt titjiriet fil-ġurnata, u dan biss għar-rotta Pariġi-Amsterdam.

163   Barra min hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi awtorizzat il-partijiet għall-Konċentrazzjoni jżommu iktar minn 50% ta’ l-islots kollha disponibbli fuq kull waħda mir-rotot ikkonċernati mill-impenji, mingħajr ma assigurat ruħha fuq id-dħul ta’ kompetitur wieħed fuq dawn ir-rotot. Hija tenfasizza li, fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam, il-partijiet għall-Konċentrazzjoni jżommu mill-inqas 59% tal-frekwenzi kollha, perċentwali li hija tikkunsidra eċċessiva, ikkunsidrat li l-attrazzjoni lejn din ir-rotta hija limitata minħabba l-preżenza tat-Thalys, li tirrappreżenta 45% mill-ishma mis-suq fuq din ir-rotta.

164   Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li ċ-ċessjoni ta’ slots hija rimedju inadatt u taħmel referenza għad-deċiżjonijiet reċenti tagħha [kawżi British Midland vs Lufthansa vaSAS (kawża COMP/37.812) u British Airways vs SN Brussels Airlines (kawża COMP/A/38.477/D2)].

165   L-intervenjenti turi l-fatt li, għall-ewwel darba, iċ-ċessjoni ta’ slots hija imposta għal dewmien illimitat, billi tenfasizza li l-impenji fihom l-garanziji proċedurali neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat effett reali fuq il-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

166   Kif ġustament uriet il-Kummissjoni (ara l-punti 155 et seq iktar ‘il fuq), il-barriera prinċipali għad-dħul fis-settur ta’ l-ajru hija n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ slots fl-ajruporti l-kbar. Konsegwentement, għandu jiġi determinat jekk il-Kummissjoni qisitx, b’mod żbaljat li, f’din il-kawża, iċ-ċessjoni ta’ slots, kif prevista fil-pakkett ta’ impenji, tista’ tikkostitwixxi miżura effikaċi li tista’ tippreserva kompetizzjoni effettiva. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti għandha tressaq il-prova li ċ-ċessjoni ta’ slots, hekk kif prevista fir-rimedji, mhijiex biżżejjed sabiex tirrimedja l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma.

167   F’din il-kawża, ir-rikorrenti tillimita ruħha tinvoka l-fatt li hija pproponiet, fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi, numru ikbar ta’ slots li għandhom jiġu ċeduti, li skond hi, ippermetta lil kompetituri ġodda jikkompetu fit-tul mal-partijiet għall-Konċentrazzjoni.

168   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat in-numru approprjat ta’ slots li għandhom jiġu ċeduti, il-Kummissjoni ħadet in konsiderazzjoni l-elementi kollha li ġew ikkommunikati lilha mill-parteċipanti fis-suq ikkonsultati. Mill-atti tagħha fil-fatt jirriżulta li hija bbażat ruħha fuq il-fatt li, għall-klijienti li jivvjaġġaw fuq xogħol, il-fattur determinanti ma jikkonċernax in-numru ta’ titjiriet ta’ kuljum, imma n-numru ta’ titjiriet pprovduti fl-eqgħed ħin tat-traffiku, sabiex l-imsemmija klijenti jkunu jistgħu jagħmlu titjira bir-ritorn fl-istess ġurnata.

169   Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li numru ta’ kompetituri kkunisdraw l-impenji bħala sodisfaċenti sabiex jitnaqqsu l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma mill-Konċentrazzjoni. Fil-fatt, fost l-erbatax-il klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol ikkonsultati fil-kuntest tas-servej tas-suq magħmul mill-Kummissjoni, għaxra minnhom ikkunsidraw li ċ-ċessjoni ta’ slots kienet biżżejjed, peress illi s-sitt frekwenzi kuljum jikkostitwixxu fl-opinjoni tagħhom alternattiva għall-entità magħquda fuq ir-rotta Amsterdam-Pariġi. Ir-rikorrenti kienet l-unika waħda fost il-kumpanniji bi prezzijiet baxxi li sabithom insuffiċjenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, u dan fid-dawl tar-reazzjonijiet li kisbet, li l-proposta tar-rikorrenti li kważi 22 600 slot għandu jiġi ċedut lil Orly, li jirrapreżenta kważi 31 titjira kuljum, kienet sproporzjonata.

170   Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kompetitur ġdid jkollu, fil-prattika, il-possibbiltà li jaqbeż il-kwota ta’ 6 frekwenzi kuljum fuq din ir-rotta permezz tal-ftehim ta’ xiri ta’ numru fiss ta’ postijiet, peress illi l-entità magħquda hija obbligata tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri tal-kompetitur il-ġdid ċertu numru ta’ siġġijiet fuq it-titjiriet tagħha (punt 9 tal-pakkett ta’ impenji).

171   Fir-rigward tal-frekwenzi imposti għas-swieq l-oħra effettwati u li jvarjaw bejn tnejn u erba’ frekwenzi kuljum, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma ressqet ebda element li jista’ juri li dawn mhumiex biżżejjed sabiex jittaffew il-problemi ta’ kompetizzjoni, peress illi hija tikkonċentra l-argument tagħha fuq is-suq Pariġi-Amsterdam.

172   F’dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti li l-islots kellhom jiġu ċeduti flimkien, minflok lil diversi kompetituri, għandu jiġi rrilevat li l-impenji jispeċifikaw li għandha tingħata preferenza lil kompetitur ġdid li jista’ jopera l-akbar numru ta’ frekwenzi kuljum fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam (punt 3.4 tal-pakkett ta’ impenji). Konsegwentement, ċessjoni flimkien hija possibbli fil-każ fejn il-kompetitur ġdid ikun jista’ jiżgura numru kbir ta’ frekwenzi ta’ kuljum fuq din ir-rotta. Il-flessibbiltà għaldaqstant pprovduta mill-impenji tippermetti ċessjoni ta’ l-islots li tista’ tiġi addattata għall-eżiġenzi tal-kompetituri l-ġodda potenzjali, peress illi l-kompetitur il-ġdid ikollu l-possibbiltà, f’dak li jikkonċerna Pariġi, li jagħżel Orly jew Pariġi.

173   Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqet ebda element rilevanti sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma wrietx b’liema mod iċ-ċessjoni ta’ l-imsemmija slots tippermetti trasferiment ta’ ishma mis-suq li jista’ jneħħi d-dominanza tal-partijiet għall-Konċentrazzjoni fl-erbatax-is suq effettwat.

174   Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-ishma mis-suq miżmuma mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni wasslu lill-Kummissjoni tikkunsidra li impenji għandhom jiġu proposti fis-swieq effettwati u f’dawk li fihom l-imsemmija partijiet jgawdu minn sehem mis-suq ta’ kważi 50%, b’hekk tiġi rispettata l-preżunzjoni ta’ dominanza, hekk kif tirriżulta mill-ġurisprudenza (ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs IL-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 60).

175   Għaldaqstant, il-fatt li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni jistgħu eventwalment iżommu sehem mis-suq konsiderevoli fis-swieq effettwati, kif tallega r-rikorrenti fis-suq Pariġi-Amsterdam, ma jistax juri żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni. Fil-fatt, din ta’ l-aħħar aċċettat impenji importanti fuq dan is-suq billi taf, minn naħa, li d-dħul ta’ kompetituri ġodda fuq din ir-rotta jkun inkoraġġat mir-rimedji u, min-naħa l-oħra, li t-titjib ta’ l-infrastrutturi tat-Thalys, li ser jispiċċaw fl-2007, ser jagħmluha aktar kompetittiva għall-passiġġieri li huma sensittivi għall-fattur taż-żmien. Dawn l-elementi jikkostitwixxu diversi fatturi li jistgħu inaqqsu l-piż tal-kompetitizzjoni ta’ l-entità magħquda.

176   Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li huwa imputabbli lill-Kummissjoni.

177   Għaldaqstant ir-raba’ parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti bbażata fuq l-insuffiċjenza ta’ rimedji oħra

–       L-argumenti tal-partijiet

178   Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rimedji m’għandhomx il-grad ta’ ċertezza u ta’ fiduċja li tippermetti li jiġi garantit ir-ristabbiliment ta’ istruttura kompetittiva. Fil-fatt, hija tosserva li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni saħħew ir-rimedji tagħhom relatati ma’ l-islots, permezz ta’ impenji li hija tikkwalifika bħala komportamentali u li jaqaw taħt l-Artikolu 81KE. Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li r-rimedji huma nieqsa minn effikaċità u ma jirnexxielhomx jimpedixxu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, iktar u iktar li huma mhumiex ekonomikament u strateġikament koerenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ppreveditx fid-deċiżjoni kkontestata revoka fil-każ li l-impenji ma jiġux applikati.

179   Fl-aħħar, ir-rikorrenti tqis li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur ta’ l-aspettativi leġittimi, u żżid li l-formulazzjoni ta’ l-impenji ma turix b’liema mod dawn ta’ l-aħħar huma kompletament effikaċi.

180   Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti ma tantx huwa sostnut. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-kumpanniji ta’ l-ajru f’netwerk ikkunsidraw li s-serje ta’ impenji proposti kienu biżżejjed sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, u f’dak li jikkonċerna n-natura komportamentali ta’ l-impenji in kwistjoni, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ slots, ta’ dewmien illimitat, bl-ebda mod ma jserraħ fuq sempliċi impenji ta’ natura komportamentali, peress illi l-obbligi imposti fuq l-entità magħquda jikkostitwixxu kundizzjonijiet u mhux sempliċi obbligi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

181   F’din il-kawża, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-impenji meħuda dwar l-islots ġew imsaħħa permezz ta’ rimedji addizzjonali sostanzjali favorevoli għall-kompetizzjoni, bħall-iffriżar tal-frekwenzi għal sitt staġuni konsekuttivi, kif ġew stabbiliti mill-IATA, il-ftehim interlineari, il-ftehim għall-xiri ta’ numru fiss ta’ postijiet, il-ftehim pro-rata speciali, l-aċċessi għall-programm ta’ min itir ta’ spiss, is-servizzi intermodali u l-impenji dwar it-tariffi. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li llimitat ruħha biss għall-kwistjoni ta’ l-aċċess għall-islots.

182   F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar id-dgħjufija ta’ l-impenji minħabba n-natura komportamentali tagħhom, għandu jiġi mfakkar li l-impenji komportamentali minnhom infushom huma biżżejjed sabiex jimpedixxu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u għandhom jiġu evalwati każ b’każ b’istess mod bħal impenji strutturali (sentenza EDP vs IL-Kummissjoni, punt 44 iktar ‘il fuq, punt 100; ara ukoll f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim Istanza Gencor vs IL-Kummissjoni, punt 40 iktar ‘il fuq, punt 319; tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs IL-Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punt 161, ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, IL-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 85).

183   Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar iċ-ċessjoni ta’ slots, l-aktar rimedju importanti f’din il-kawża, l-impenji in kwistjoni jistgħu jiġi kkwalifikati bħala strutturali (punti 2 u 14 tal-pakkett ta’ impenji). Fil-fatt, il-partijiet għall-Konċentrazzjoni jobbligaw ruħhom għal żmien illimitat, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw it-tneħħija jew modifikazzjoni ta’ l-impenn, li jipprivaw ruħhom mill-użu ta’ l-islots ċeduti. Il-partijiet għall-Konċentrazzjoni ukoll ma jistgħux jirkupraw l-islots la darba dawn ġew ċeduti, peress illi dawk ma jibqawx jiġu użati għandhom obligatorjament jingħatw lill-koordinatur, fatt li jneħħi kull aspett komportamentali li jista’ jeffettwa l-effikaċità ta’ l-impenji (punt 2.2 tal-pakkett ta’ impenji).

184   Għandu jiġi ukoll enfasizzat li l-impenji ġew imsaħħa b’mod konsiderevoli, peress illi l-partijiet għall-Konċentrazzjoni impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-perijodi ta’ waqfien minn 45 għal 30 minuta fil-każ ta’ rotot ta’ titjiriet qosra u minn 120 għal 90 minuta għar-rotot ta’ titjiriet twal, kundizzjonijiet li ġew meqjusa fundamentali mill-kompetitrui l-ġodda sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-swieq (ara f’dan ir-rigward il-premessa 159 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata.

185   Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tasalx biex turi li rimedji huma ineffikaċi, peress illi l-argument tagħha f’dak ir-rigward huwa barra minn hekk nieqes.

186   Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma assuġettatx id-deċiżjoni kkontestata għal revoka espressa fil-każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-impenji, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi għall-proċedura rapida għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji fil-każ fejn kompetitur ġdid, fornitur ġdid tas-servizzi tat-trasport bl-ajru jew sieħeb intermodali jkollu raġunijiet sabiex jemmen li l-entità magħquda ma tirrispettatx il-kundizzjonijiet ta’ l-impenji meħuda fir-rigward tiegħu (punt 12 tal-pakkett ta’ impenji).

187   Barra minn hekk għandu jiġi mfakkar li l-impenji huma suġġetti għal kontroll ta’ mandatarju. Dan ta’ l-aħħar għandu r-responsabbiltà li jissorvelja l-applikazzjoni korretta minn naħa ta’ l-entità magħquda ta’ l-obbligi li assumiet fl-impenji, li jidħlu fil-kuntest tas-setgħa li ġiet mogħtija lilu, u jista’ jipproponi lill-entità magħquda r-rimedji li hu jiġġudika neċessarji sabiex jiġi ggarantit ir-rispett ta’ l-impenji (punt 11.2.1 tal-pakkett ta’ impenji).

188   Minn dak li ntqal jirriżulta li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni mhumiex suġġetti għal sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ l-intendimenti, iżda, f’din il-kawża, għal obbligi li kull ksur tagħhom iwassal għar-revoka tad-deċiżjoni kkontestata li tawtorizza l-Konċentrazzjoni, skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 4064/89. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma turix biżżejjed kif mitlub mil-liġi li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rimedji l-oħra imposti fuq il-partijiet għall-Konċentrazzjoni, u l-anqas li hija kisret il-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi billi ma applikatx kif suppost id-dispożizzjonijiet ta’ l-avviż dwar ir-rimedji.

189   F’dak li jikkonċerna fl-aħħar l-argument tar-rikorrenti li l-formulazzjoni ta’ l-impenji ma tiggarantixxi l-effikaċità tagħhom sabiex tinżamm il-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkostanzi ta’ din il-kawża, l-impenji mhumiex daqshekk ampji u kumplessi li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina biċ-ċertu grad ta’ ċertezza mixtieq li kompetizzjoni effettiva hija stabbilita mill-ġdid fis-suq (ara f’dan ir-rigward is-sentenza BaByliss vs IL-Kummissjoni, punt 35 iktar ‘il fuq, punt 178). Għandu jiġi osservat ukoll li l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni kienu biżżejjed preċiżi sabiex jippermettula tevalwa l-effetti tagħhom fuq is-swieq effettwati, peress illi l-pakkett ta’ impenji juri b’mod preċiż il-mod li bih ser jiġu applikati. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

190   Għaldaqstant il-ħames parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-sitt parti bbażata fuq in-nuqqas li jiġi identifikat kompetitur ġdid, u li jiġi ffissat terminu li fih dan għandu jidħol

–       L-argumenti tal-partijiet

191   Ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fis-settur ta’ l-ajru, diġà eżiġiet li l-partijiet għal konċentrazzjoni jidentifikaw bil-quddiem kompetitur potenzjali ġdid għas-servizzi identifikati mill- Kummissjoni bħala li jqajjmu problemi ta’ kompetizzjoni (kawża Austrian Airlines vs Lufthansa (kawża COMP/37.730)]. Issa, f’din il-kawża l- Kummissjoni kkuntentat ruħha bl-"interess konkret" muri mill-kumpanniji ta’ l-ajru Volare, Meridiana u Virgin Express, mingħajr madankollu ma tiżgura li dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ l-intendimenti ser jissarfu bi dħul effettiv li jista’ jfixxkel l-effetti antikompetittivi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li, kieku l-Kummissjoni għamlet riċerki sempliċi, id-diffikultajiet finanzjarji ta’ Volare kienu joħorġu, b’mod illi din il-kumpannija ta’ l-ajru ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala xerrej approprjat. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni qeda tagħmel imħatra fuq id-dħul ta’ kompetitur ġdid, atteġġament li jmur kontra l-obbligu tagħha li tiżgura ruħha li d-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-Konċentrazzjoni jkunu eliminati.

192   Il-Kummissjoni barra minn hekk illimitat ruħha għas-sempliċi konstatazzjoni li l-impenji jippermettu li "jitnaqqas konsiderevolment ir-riskju tan-nuqqas ta’ kompetitur ġdid". Madankollu, hija tammetti li għad hemm riskju reali ta’ nuqqas ta’ kompetitur ġdid, billi tindika fir-risposta tagħha li "anki fin-nuqqas tad-dħul ta’ kompetitur ġdid fuq rotta partikolari l-impenji jistgħu jissodisfaw l-għan tagħhom" u billi żżid li "[d]an huwa l-każ jekk, taħt l-effett ta’ kompetizzjoni potenzjali, dawn l-impenji jeffettwaw l-imġieba ta’ entità il-ġdida".

193   Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-avviż dwar ir-rimedji tgħid li l-impenji għandhom ikunu jistgħu jiġu implementati b’mod effettiv u fi żmien perijodu qasir. Għalhekk, u b’kunsiderazzjoni ta’ l-importanza ta’ l-identità ta’ kompetitur ġdid u ta’ l-inċertezzi dwar l-eżistenza ta’ kompetituri ġodda, id-dħul kellu jsir qabel ma ssir it-tranżazzjoni. Ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-ebda kompetitur ġdid ma beda jopera wieħed mill-islots ċeduti. Barra minn hekk, billi ma pprovditx mekkaniżmu li jiggarantixxi dħul effettiv f’terminu preċiż il-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti ffissati fir-Regolament Nru 4064/89.

194   Il-Kummissjoni tosserva li ma kienx neċessarji li l-partijiet għall-Konċentrazzjoni jagħżlu minn qabel kompetitur ġdid, peress illi l-konsultazzjoni tal-parteċipanti fis-suq li hija għamlet qabel ma tagħat id-deċiżjoni kkontestata ppermettiet li jiġu elenkati kompetituri potenzjali ġodda bħal Volare, Virgin Express u Meridiana.

195   F’dak li jikkonċerna l-argument mressaq mir-rikorrenti li l-Kummissjoni llimitat ruħha li timponi rimedji "li jnaqqsu konsiderevolment ir-riskju ta’ nuqqas ta’ kompetitur ġdid", il-Kummissjoni tenfasizza li din il-frażi ġiet interpretata mir-rikorrenti b’mod żbaljat, peress illi din il-frażi fir-risposta tagħha kellha l-għan li turi li l-effett tar-rimedji kien ta’ portata kbira u għaldaqstant ippermettiet "li jiżdied il-valur ta’ l-[islots] ċeduti u għaldaqstant li jitnaqqas konsiderevolment ir-riskju ta’ nuqqas ta’ kompetitur ġdid". Il-Kummissjoni għaldaqstant għamlet, f’din il-frażi, paragun bejn, minn naħa, l-Konċentrazzjoni, hekk kif kienet tidher b’kunsiderazzjoni tar-rimedji imposti, u min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet preċedenti dwar alleanzi u konċentrazzjonijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru.

196   Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma ppreveditx applikazzjoni effettiva u ta’ malajr ta’ l-impenji, il-Kummissjoni tenfasizza li dan ma ġiex inkluż fir-rikors u għaldaqstant huwa inammissibbli. F’kull każ, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li ma kienx għad hemm kompetitur ġdid huwa rrilevanti minħabba li d-deċiżjoni kkontestata trid tiġi evalwata fil-kuntest tas-sitwazzjoni li kien hemm fil-ġurnata meta din ġiet adottata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

197   Għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4064/89 il-Kumissjoni tista’ tawtorizza konċentrazzjoni jekk l-impenji proposti mill-partijiet jippermettu li jitneħħew id-dubbji serji magħrufa dwar il-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija operazzjoni mas-suq komuni. Ir-Regolament Nru 4064/89 jħejji l-għan li trid tilħaq il-Kummissjoni, imma jħalli marġini ta’ evalwazzjoni konsiderevoli fir-rigward tal-forma li jistaw jieħdu l-impenji in kwistjoni. L-imsemmi Regolament ma jeħtieġx li l-partijiet notifikati jidentifikaw kompetitur ġdid, minkejja li tali identifikazzjoni tista’ tkun f’ ċerti ċirkustanzi neċessarja, b’mod partikolari meta ebda kompetitur ma juri interess li jidħol f’suq effettwat.

198   F’din il-kawża l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma jirnexxilhiex turi li identifikazzjoni personali hija bżonnjuża, peress illii diversi kompetituri bħal Meridiana, Virgin Express, u Volare urew li huma interessati, matul il-proċedimenti amministrattiva, li jidħlu fis-swieq effettwati wara l-impenji proposti mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni.

199   Jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni li Volare kienet talbet slots għar-rotot Pariġi-Amsterdam, Amsterdam-Milan, Amsterdam-Venezja u Amsterdam-Bolonja. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li Volare kienet kisbet slots wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/81/KE tas-7 ta’ April 2004 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża COMP/A.38284/D2 – Air France vs Alitalia) (ĠU L 362, p. 17), u dan ftit żmien qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ċirkustanza li saħħet l-evalwazzjoni tagħha tan-natura kredibbli ta’ l-interess muri minn Volare fil-kawża preżenti.

200   Minħabba bidla ta’ kontroll fi ħdan l-azzjonisti ta’ Volare, kif tallega l-Kummissjoni, din il-kumpannija ma daħlitx fl-imsemmi suq. Fil-każ fejn in-nuqqas ta’ dħul huwa marbut ma’ diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħat magħhom Volare, kif issosstni r-rikorrenti, u anki kieku kellu jiġi assunt li l-Kummissjoni setgħet twettaq investigazzjoni ddettaljata fuq is-sitwazzjoni finanzjara ta’ din il-kumpannija ta’ l-ajru sabiex tiżgura ruħha li t-talba tagħha għal slots setgħet iseħħ, in-nuqqas ta’ tali verifika ma jistax jikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni li jista’ jiġi kkwalfikat bħala manifest u li jista’ jqiegħed f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt kif jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni, kompetituri oħra setgħu jidħlu fis-swieq effettwati, peress illi, fl-Ewropa, jeżistu numru ta’ kumpanniji bi prezzijiet baxxi interessati li jidħlu fl-imsemmija swieq, bħal Ryanair, Virgin Express, Smartwings, Sterling, Air Service u SkyEurope.

201   Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-dħul ta’ suq ġdid jista’ jeħtieġ ċertu żmien sabiex kompetituri ġodda jingħtaw il-possibbiltà li jevalwaw in-natura vantaġġuża ta’ dħul fl-imsemmi suq b’mod, minħabba, b’mod partikolari, investimenti marbuta miegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li ċ-ċessjoni ta’ slots hija ta’ żmien illimitat, fatt illi jippermetti lil kompetituri ġodda jidħlu, f’kull mument u mingħajr restrizzjoni ta’ żmien, fis-swieq effettwati (punt 2 tal-pakkett ta’ impenji).

202   Barra minn hekk, fil-każ li ebda kompetitur ġdid ma jidħol fis-swieq effettwati, teżisti f’kull każ ċerta pressjoni konkorrenzjali fuq il-partijiet għall-Konċentrazzjoni, peress illi, jekk l-entità magħquda tiddeċiedi li żżid il-prezzijiet tagħha, kompetituri ġodda jkunu jistgħu jiġu inkoraġġati jidħlu f’dawn is-swieq li jsiru iktar attraenti. Fil-fatt mill-inkartament jirriżulta li, minn ħames snin ilu sa llum, fuq ir-rotot bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, ebda kumpannija ma kkompetiet ma’ Lufthansa u Austrian Airlines. Madankollu, l-eżistenza ta’ marġini ta’ profitt konsiderevoli dovuti għall-prezzijiet għolja li dawn iż-żewġ kumpanniji jiċċarġjaw ġibdu kompetituri ġodda, li għalhekk iġġiegħel lil Lufthansa u Austrian Airlines jaġixxu billi jadattaw il-politika tal-prezzijiet tagħhom sabiex jibqgħu kompetittivi. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi d-dħul probabbli ta’ kompetitur ġdid fis-swieq effettwati.

203   F’dak li jikkonċerna l-argument li ebda kompetitur ġdid ma daħal fis-swieq effettwati, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, il-legalità ta’ att individwali kkontestat għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fid-data meta l-att ġie adottat (Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs IL-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs IL-Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, Ġabra p. II‑2041, punt 119).

204   Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata skond l-elementi fattwali li kienu jeżistu fil-jum meta ttieħdet u mhux fid-dawl ta’ l-effetti fattwali li seħħu warajha. Barra minn hekk, il-fatt li ebda kompetitur ma daħal, sal-ġurnata tas-seduta, fis-swieq effettwati huwa bla effett.

205   Dwar l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma assiguratx ruħha li kompetitur ġdid jidħol fi żmien qasir wara li ġiet awtorizzata l-Konċentrazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din il-kritika, li ma ġietx ippreżentata fir-rikors, hija konnessa ma’ dan il-motiv, peress illi din hija intiża sabiex turi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ l-impenji meħuda. Minn dan jirriżulta li dan l-argument ma jikkostitwixxix motiv ta’ dritt ġdid, kif tallega l-Kummissjoni, u għaldaqstant huwa ammissibbli.

206   Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni setgħet tonqos milli tidentifika b’mod ċert kompetitur ġdid, peress illi diversi kompetituri wrew interess li jidħlu fis-swieq effettwati. Għaldaqstant mill-argument tar-rikorrenti jissusisti biss l-ilment li l-Kummissjoni ma assiguratx ruħha li kompetitur ġdid jidħol probabbilment malajr f’dawn is-swieq.

207   F’dan ir-rigward skond it-termini ta’ l-avviż dwar ir-rimedji, l-impenji kollha għandhom ikunu jistgħu jiġu implementati b’mod effettiv u fi żmien perijodu qasir sabiex il-Kummissjoni tawtorizza l-konċentrazzjoni (punti 10 u 19). F’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata teżiġi li s-slots ikunu pprovduti xahar wara l-ħolqien tal-Konċentrazzjoni (punt 13 tal-pakkett ta’ impenji). Għaldaqstant, il-partijiet għall-Konċentrazzjoni kienu obbligati jċedu l-islots f’perijodu ta’ żmien qasir u vinkolanti, li jippermetti u għaldaqstant jiffavorixxi d-dħul ta’ malajr ta’ kompetitur ġdid.

208   B’konsegwenza, l-ilment magħmul li l-Kummissjoni ma żguratx li kompetitur ġdid għandhu jidħol malajr huwa infondat.

209   Fid-dawl ta’ dak li intqal, ir-rikorrenti ma tippruvax biżżejjed kif rikjest mil-liġi li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma identifikatx kompetitur ġdid u billi ma pprovditx data sa liema għandu jkun hemm dħul fis-swieq effettwati.

210   Għaldaqstant is-sitt parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-seba’ parti bbażata fuq in-nuqqas li tittieħed in konsiderazzjoni bħala kompetitriċi l-ferrovija ta’ veloċità għolja Thalys

–       L-argumenti tal-partijiet

211   Skond ir-rikorrenti, l-preżenza tat-Thalys tikkostitwixxi waqfa għad-dħul ta’ kompetituri ġodda fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam. Hija tosserva li f’dan iż-żmien Thalys għandha madwar 45% tas-suq fuq din ir-rotta, sehem li għandu jikber minħabba t-titjib infrastrutturali li ser iqassar it-tul tal-vjaġġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’mod żbaljat qiset li frekwenza ta’ sitt titjiriet kuljum kienet biżżejjed għall-passiġġieri sensibbli għall-fattur taż-żmien, filwaqt li hija kienet irrikonoxxiet li tali frekwenza, applikata għat-Thalys ma kinitx biżżejjed (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

212   Il-Kummissjoni tikkontesta din l-allegazzjoni u tfakkar li t-Thalys mhijiex kompetitriċi diretta għall-klijenti li huma sensibbli għall-fattur taż-żmien u dan essenzjalment minħabba t-tul tal-vjaġġ bil-ferrovija. Tnaqqis fiż-żmien tat-traġitt biss jippermetti li tinbidel din is-sitwazzjoni, li jkun jeħtieġ titjib sinjifikattiv ta’ l-infrastutturi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

213   F’din il-kawża, l-ilment tar-rikorrenti jaqbel li jiġi mifhum bħala li huwa intiż li juri li l-Kummissjoni, billi ma kkunsidratx b’mod adegwat l-effett tal-kompettitiv tat-Thalys fuq is-suq Pariġi-Amsterdam, għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

214   Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam, it-Thalys tiżgura sitt frekwenzi kuljum ta’ tul ta’ żmien ta’ 4 siegħat u 9 minuti (vjaġġ il-barra), tul ta’ żmien ta’ titjira huwa ta’ madwar tliet siegħat miċ-ċentru tal-belt għaċ-ċentru tal-belt (premessi 70 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, u f’dak li jikkonċerna passiġġieri li mhumiex sensibbli għall-fattur tal-ħin, it-Thalys tista’ tiġi kkunsidrata f’dan iż-żmien bħala kompetitur attwali. Għall-kuntrarju l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li t-Thalys ma kinitx kompettitriċi għall-klijenti li sensibbli għall-fattur tal-ħin, minħabba, b’mod partikolari, it-tul tal-vjaġġ, bir-ritorn, peress illi vjaġġ bir-ritorn bil-ferrovija kien jeħtieġ madwar sagħtejn iktar. Għaldaqstant, tnaqqis taż-żmien tat-traġġitt biss jippermetti li tinbidel din is-sitwazzjoni, li jkun jeħtieġ, kif irrilevat il-Kummissjoni, titjib sinjifikanti ta’ l-infrastrutturi.

215   F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element li jista’ juri li, għat-Thalys, id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn il-passiġġieri sensibbli għall-fattur tal-ħin u dawk li mhumiex hija żbaljata. Konsegwentement, il-kritika tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat bi żball li frekwenza ta’ sitt titjiriet kuljum kienet biżżejjed għall-passiġġieri li huma sensibbli għall-fattur taż-żmien, filwaqt illi hija kienet irrikonoxxiet, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali frekwenza applikata għat-Thalys ma kinitx biżżejjed sabiex jitnaqqsu l-problemi ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-vjaġġaturi li huma sensibbli għaż-żmien, ma tistax tiġi milqugħa.

216   F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li t-Thalys twaqqaf id-dħul ta’ kompetituri ġodda, għandu jiġi rrilevat li t-tkabbir kummerċjali tat-Thalys jippreċedi l-Konċentrazzjoni, b’mod illi l-kumpanniji ta’ l-ajru li kellhom l-intenzjoni jidħlu f’dan is-suq kellhom iqisu dan il-fattur kompetittiv. Il-preżenza tat-Thalys fis-suq Pariġi-Amsterdam wasslet, konsegwentement, lill-Kummissjoni tiżgura li tinżamm mhux biss il-kompetizzjoni eżerċitata mill-kumpanniji ta’ l-ajru imma ukoll dik li jeżerċitaw il-fornituri ta’ mezzi oħra ta’ trasport, bħat-trasport ferrovjarju.

217   Fil-fatt, ir-rimedj dwar is-servizzi intermodali jippermettu per eżempju lill-kumpannija li topera t-Thalys li tbigħ biljett bir-ritorn Pariġi-Amsterdam li bih vjaġġatur jista’ jaqbad il-ferrovija sabiex jmur u l-ajruplan sabiex jiġi lura. Sabiex din il-possibbiltà issir attraenti, huwa previst li l-kumpannijia li topera t-Thalys ser tkun tista’, għat-titjira tar-ritorn, tibbenefika mit-tariffi promozzjonali kollha proposti mill-entità magħquda u jkollha għaldaqstant il-fakultà li tipproponi servizzi intermodali bi prezzijiet kompetittivi (punt 7 tal-pakkett ta’ impenji). F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni li l-kumpannijia ferrovjarja Georg Verkehrsorganisation GmbH hija f’negozjati ma’ Air France sabiex tikkonkludi ftehim intermodali għas-suq Pariġi-Amsterdam, fatt li juri l-interess imqajjem mill-ftehim intermodali.

218   Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li t-Thalys twaqqaf id-dħul ta’ kompetitur ġdid fuq ir-rotta Pariġi-Amsterdam ma jistax juri li l-analiżi tal-kompetizzjoni magħmula mill-Kummissjoni hija vviżjata b’żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, is-seba’ parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

219   Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqitx il-prova ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli għall-Kumissjoni, peress illi ma rnexxilhiex turi li l-imsemmija impenni ma kienux jistgħu jneħħu d-dubbji serji li qamu dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni mas-suq komuni. Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu

220   F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

221    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

222   Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għadha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta’ Ġunju 2006

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       il-President

Werrej

Kuntest Ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Impriżi fil-kawża

Il-proċedimenti amministrattivi quddiem il-Kummissjoni

L-impenji aċċettati mill-Kummissjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-kwalità biex taġixxi

Fuq l-interess li taġixxi

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġi analizzat it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entitŕ magħquda fuq rotot fejn mhemmx sovrapożżizzjoni bejn l-attivitajiet ta’ Air France u ta’ KLM

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq in-nuqqas li jiġi analizzat l-impatt tal-Konċentrazzjoni fuq is-suq tal-vjaġġi bl-ajru turistiċi

– Fuq in-nuqqas li jiġi analizzat l-effett tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet

Fuq it-tieni motivi dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġi analizzat it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entitŕ magħquda fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwalii

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq in-nuqqas li jittieħed in konsiderazzjoni t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti fis-suq tax-xiri ta’ servizzi ajruportwali

– Fuq l-influwenza msaħħa ta’ l-entità magħquda fir-rigward ta’ AdP

Fuq it-tielet motiv,ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-sostitwibbiltŕ ta’ CDG u ta’ Orly

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq fejn jinsabu l-ajruporti

– Fuq it-tipi ta’ titjiriet pprovduti miż-żewġ ajruporti

Fuq ir-raba motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġu eżaminati l-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni potenzjali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq il-natura limitata tas-suq nazzjonali ta’ KLM

– Fuq il-viċinanza ta’ Amsterdam, ċentru ta’ attivitajiet ta’ KLM, meta mqabbla ma’ Pariġi u fuq in-natura limitata tal-kompetizzjoni li teżisti fis-servizzi ta’ trasport bl-ajru internazzjonali li ġej minn Pariġi

Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq iż-żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ l-impenji meħuda mill-partijiet għall-Konċentrazzjoni

Fuq l-ewwel parti ibbażata fuq in-nuqqas li l-impenji jiġu estiżi għas-swieq eżenti minn sovrapożizzjonijiet

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti bbażata fuq il-fatt li l-impenji mhumiex attraenti għall-kumpanniji ta’ l-ajru bi prezzijiet baxxi

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ negozju vijabbli

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ slots ċeduti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames parti bbażata fuq l-insuffiċjenza ta’ rimedji oħra

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-sitt parti bbażata fuq in-nuqqas li jiġi identifikat kompetitur ġdid, u li jiġi ffissat terminu li fih dan għandu jidħol

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-seba’ parti bbażata fuq in-nuqqas li tittieħed in konsiderazzjoni bħala kompetitriċi l-ferrovija ta’ veloċitŕ għolja Thalys

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top