Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0508

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) ta' l-10 ta' Mejju 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 92/43/CEE - Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa - Miżuri ta' traspożizzjoni.
Kawża C-508/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:274

Kawża C-508/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Miżuri ta’ traspożizzjoni”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Ambjent — Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Ġestjoni ta’ wirt komuni

(paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Kunsill 92/43)

2.        Atti ta’ l-istituzzjonijiet — Direttivi — Eżekuzzjoni mill-Istati Membri

(paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Kunsill 92/43)

3.        Ambjent — Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

(Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43)

4.        Ambjent — Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Protezzjoni ta’ l-ispeċi — Derogi

(Artikoli 12 sa 14, 15( a) u (b), u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43)

5.        Ambjent — Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Protezzjoni ta’ l-ispeċi – Derogi

(Artikoli 12 sa 14, 15( a) u( b), u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43)

1.        Mir-raba’ u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jirriżulta li l-ħabitat u l-ispeċi koperti minnha huma parti mill-wirt naturali tal-Komunità u li t-theddid tagħhom huwa spiss ta’ natura mingħajr konfini, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni hija imposta, bħala forma ta’ responsabbiltà komuni, fuq l-Istati Membri kollha. F’dan il-qasam, fejn il-ġestjoni tal-wirt komuni hija fdata, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri, il-preċiżjoni tat-traspożizzjoni tad-direttiva għandha importanza partikolari.

(ara l-punti 57-58)

2.        Id-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, timponi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tal-liġi dwar l-ambjent u, għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati b’mod partikolari jassiguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni tagħha, tkun ċara u preċiża.

Ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq mill-Gvern ta’ Stat Membru li f’kull każ, dispożizzjoni ta’ dritt intern tiġi interpretata in konformità ma’ l-imsemmija Direttiva meta jkunu meħtieġa miżuri ta’ konservazzjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni in konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern ma tistax, waħedha, tippreżenta l-kjarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex tissodisfa l-eżiġenza ta’ ċertezza legali.

Minbarra dan, sempliċi prattiċi amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jiġu modifikati skond ir-rieda ta’ l-amministrazzjoni u ma jingħatawx pubbliċità adegwata, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu eżekuzzjoni ta’ l-obbligi li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva.

(ara l-punti 73, 78-80)

3.        Permezz tat-termini użati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, il-leġiżlatur Komunitarju xtaq jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw l-eżiġenzi ekoloġiċi tat-tipi ta’ ħabitat naturali u ta’ l-ispeċi msemmija rispettivament fl-Anness I u II tad-Direttiva, li jeskludi kull tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-Istati Membri u jillimita l-eventwali possibbiltajiet regolamentari jew deċiżjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-mezzi sabiex jimplementaw u ta’ l-għażliet tekniċi li għandhom isiru fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri.

(ara l-punti 76, 87)

4.        L-Artikoli 12 sa 14 u 15(a) u (b) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jiffurmaw ġabra koerenti ta’ normi li jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi stretti ta’ protezzjoni ta’ l-ispeċi ta’ annimali u veġetali kkonċernati.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva, li jiddefinixxi b’mod preċiż il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal derogi għall-projbizzjonijiet stipulati fl-imsemmija Artikoli 12 sa 15 tagħha, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ eċċezzjoni għas-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-imsemmija Direttiva. Għaldaqstant, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

(ara l-punti 109-110)

5.        Skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kull miżura meħuda fuq livell nazzjonali li tidderoga mill-projbizzjonijiet previsti fid-Direttiva għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix alternattiva sodisfaċenti oħra. Minn dan jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jissuġġettawx l-għoti ta’ derogi mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 u 15(a) u (b) ta’ l-imsemmija Direttiva għall-kriterji u l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 16 tagħha, iżda, b’mod inkomplet, għal xi wħud biss mill-elementi tagħha, ma jistgħux jikkostitwixxu sistema konformi ma’ dan l-aħħar artikolu.

(ara l-punti 111-112)




SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Mejju 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/CEE – Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Miżuri ta’ traspożizzjoni”

Fil-kawża C-508/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-8 ta’ Diċembru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u B. Schima, bħala aġenti, assistiti minn M. Lang, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl u H. Dossi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1, l-Artikolu 6(1) sa (4) kif ukoll l-Artikoli 7, 11, 12, 13, 15, 16(1) u 22(b) tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        L-Artikolu 1 tad-Direttiva fih ċertu numru ta’ definizzjonijiet li fosthom hemm id-definizzjonijiet segwenti:

“[...]

e)      ‘l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali’ jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-ħabitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet [tiegħu] kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

‘L-istat ta’ konservazzjoni’ ta’ ħabitat naturali jitqies ‘favorevoli’ meta:

–        il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

–        l-istruttura [...] u l-funzjonijiet [speċifiċi] li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli,

u

–        l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser f’(i);

[...]

g)      ‘l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità’ jfissru dawk l-ispeċi li, fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2, huma:

i)      fil-periklu, ħlief dawk l-ispeċi li l-medda naturali tagħhom hi żgħira f’dak it-territorju u li mhumiex fil-periklu li jinqerdu jew vulnerabbli fir-reġjun paleartiku tal-punent;

jew

ii)      vulnerabbli, jiġifieri x’aktarx maħsuba li qed jersqu lejn il-kategorija fil-periklu fil-ġejjieni qrib jekk il-fatturi kawżattivi jiqgħu jaħdmu;

jew

iii)      rari, jiġifieri b’popolazzjonijiet żgħar li bħalissa mhumiex fil-periklu jew vulnerabbli, iżda li jinsabu f’riskju. [Dawn l-]ispeċi jinsabu f’żoni ġeografiċi ristretti jew huma mifruxa bil-ftit fuq medda aktar kbira;

jew

iv)      indiġena u jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura speċifika tal-ħabitat naturali tagħhom u/jew l-impatt qawwi ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-ħabitat naturali tagħhom u/jew l-impatt potenzjali ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom.

Dawn l-ispeċi huma elenkati jew jistgħu jiġu elenkati fl-Anness II u/jew l-Anness IV jew V;

h)      ‘speċi ta’ prijorità’ jfissru dawk l-ispeċi msemmija f’(g)(i) li l-Komunità għandha responsabbiltà għall-konservazzjoni tagħhom minħabba d-daqs tal-firxa naturali tagħhom li tinsab fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2; dawn l-ispeċi ta’ prijorità huma indikati permezz ta’ asterisk (*) fl-Anness II;

i)      ‘l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi’ jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

‘L-istat ta’ konservazzjoni’ jitqies ‘favorevoli’ meta:

–        l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni kkonċernata [tindika] li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vijabbli tal-ħabitat naturali tagħha,

u

–        il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli,

u

–        hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, ħabitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

[...]

l)      ‘żona speċjali ta’ konservazzjoni’ tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ħabitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[...]”

3        Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, “Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjani ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifiament għas-siti jew imdaħħla fil-pjani ta’ żviluppi l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ ħabitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.”

4        L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-ħabitat naturali u l-ħabitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva”.

5        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15(a) u (b):

a)      fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-ħabitat naturali;

b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuħ tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

ċ)      fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d)      għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)      biex ikun jista’ jsir, taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

6        L-Artikolu 22(b) tad-Direttiva jgħid b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom “jassiguraw li l-introduzzjoni intenzjonata fis-selvaġġ ta’ kwalunkwe speċi li mhijiex indiġena għat-territorju tagħhom tkun regolata b’mod illi ma tippreġudikax l-ħabitat naturali fil-firxa naturali tagħhom jew lill-fawna u l-flora selvaġġa u, jekk huma jqisu li jkun meħtieġ, għandhom jipprojbixxu din l-introduzzjoni.”

  Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Länder Awstrijaċi differenti li l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva hija kkontestata

 Il-Land ta’ Niederösterreich

7        Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 95 tal-Land ta’ Niederösterreich dwar il-kaċċa [Niederösterreichisches Jagdgesetz 1974, LGBl. (Niederösterreich) Nru 76/74, iktar ’il quddiem in-“Nö JagdG”], l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 20(4) kif ukoll l-Artikoli 21 u 22 tal-liġi tal-Land ta’ Niederösterreich dwar il-protezzjoni tan-natura [Niederösterreichisches Naturschutzgesetz 2000, LGBl. (Niederösterreichisch) Nru 87/00, iktar ’il quddiem in-“Nö NSchG”].

8        L-Artikolu 95 tan-Nö JagdG jipprovdi li:

“1.      Il-metodi ta’ kaċċa kollha li mhumiex selettivi huma pprojbiti; huwa b’mod partikolari pprojbit:

[...]

3)      il-kaċċa matul il-lejl, jiġifieri matul il-perijodu li jibda 90 minuta wara li tinżel ix-xemx u li jintemm 90 minuta qabel ma titla’ x-xemx; ma taqax taħt din il-projbizzjoni l-kaċċa għaċ-ċingjali u għall-predaturi, għas-serduq selvaġġ u għall-faġan tal-muntajna, għall-għasafar selvaġġi, għall-papri selvaġġi u għall-gallini;

4)      li jintużaw, għall-qbid u sabiex tinqatel is-selvaġġina, il-mezzi sabiex idawlu l-miri, bl-eċċezzjoni ta’ lampi mobbli, sorsi ta’ dawl artifiċjali, bħalma huma strumenti b’raġġi infraħomor, strumenti tal-vista elettroniċi, mekkaniżmi tal-vista li jaqilbu jew ikabbru l-immaġni b’mod elettroniku għall-kaċċa bil-lejl, bħalma huwa l-mekkaniżmu li jkabbar id-dawl residwu;

[...]

8)      li jintużaw, bħala lixka ħajja, għasafar mgħammda jew b’xi partijiet minnhom maqtugħa kif ukoll lixka bl-anestetika; li jintużaw reġistraturi, apparat elettriku jew elettroniku li kapaċi joqtol jew jixxokkja; li jintużaw mirja jew apparat ieħor li jgħammex, esplożivi jew xbieki li mhumiex selettivi; li jintuża gass jew duħħan.

9)      li ssir il-kaċċa ta’ tjur tal-kaċċa permezz ta’ trabokki, kolla, ganċijiet, xbiek jew nases;

10)      li ssir kaċċa permezz ta’ inġenji ta’ l-ajru, vetturi mexjin jew dgħajjes bil-magna b’veloċità ta’ aktar minn 5 kilometri fis-siegħa.

[...]”

9        L-Artikolu 9 tan-Nö NSchG jgħid li:

“[...]

2.       [...]

[...]

6)      ‘l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali’ tfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq il-ħabitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet tiegħu kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu;

7)      ‘speċi ta’ prijorità’ tfisser l-annimali u l-pjanti selvaġġi li l-Komunità għandha responsabbiltà għall-konservazzjoni tagħhom u li huma indikati b’asterisk fl-Anness II tad-Direttiva ‘ħabitat’;

8)      ‘l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi’ tfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi;

9)      ‘għanijiet ta’ konservazzjoni’ tfisser iż-żamma jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ħabitat naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva ‘habitat’ u l-ispeċi ta’ fawna u flora indikati fl-Anness II ta’ l-imsemmija direttiva li huma preżenti f’sit ta’ importanza Komunitarja kif ukoll speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva ‘għasafar’ u indikati fl-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmija direttiva li jgħixu f’żona Ewropea ta’ konservazzjoni ta’ l-għasafar u tal-ħabitat tagħhom.

3.      Il-Gvern tal-Land, permezz ta’ regolament, għandu jikklassifika s-siti msemmija fil-paragrafu 1 bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni msejħa ‘żoni Ewropej ta’ konservazzjoni’. B’mod partikolari, jistgħu jiġu kklassifikati, bħala żona Ewropea ta’ konservazzjoni, iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u ż-żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ li diġà jeżistu.

4.      Ir-regolament adottat skond il-paragrafu 3 għandu jiddefinixxi l-limiti territorjali taż-żona ta’ konservazzjoni, is-suġġett konkretament protett, b’mod partikolari t-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u ta’ l-ispeċi ta’ prijorità, l-għanijiet ta’ konservazzjoni kif ukoll, skond il-każ, l-obbligi u l-projbizzjonijiet neċessarji sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Huma pprojbiti b’mod paritkolari l-miżuri li jistgħu jwasslu għall-qerda taż-żona ta’ konservazzjoni jew tal-komponenti tagħha jew li jaffettwaw sostanzjalment din iż-żona jew il-komponenti tagħha. Id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ din il-liġi li huma aktar iebsa mhumiex affettwati.

5.      Jekk hemm bżonn, iż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri xierqa ta’ manutenzjoni, ta’ żvilupp u ta’ konservazzjoni (pjan ta’ tmexxija), ta’ natura pubblika jew privata, li jikkorrispondu għall-eżiġenzi ekoloġiċi applikabbli għall-ħabitat naturali ta’ l-Anness I u għall-ispeċi ta’ l-Anness II tad-Direttiva ‘habitats’, kif ukoll għall-ispeċi ta’ għasafar ta’ l-Anness I tad-Direttiva ‘għasafar’ preżenti f’dawn iż-żoni. Dawn il-miżuri, safejn huma għandhom implikazzjonijiet għall-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art, għandhom jiġu ppreżentati lill-kumitat konsultattiv għall-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art, bl-eċċezzjoni tal-miżuri relatati ma’ l-amministrazzzjoni taż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni.

6.      Il-Gvern tal-Land għandu jassigura u jiddokumenta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitat naturali u ta’ l-annimali u l-pjanti selvaġġi. B’mod partikolari, huwa għandu jieħu in kunsiderazzjoni t-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità.”

10      L-Artikolu 17 tan-Nö NSchG jipprovdi li:

“[...]

5)      It-tħawwil u t-tkabbir ta’ ħxejjex li mhumiex awtoktoni u li mhumiex adatti għas-sit in kwistjoni kif ukoll l-introduzzjoni u t-tkabbir, fi spazji mhux magħluqa, ta’ annimali mhux awtoktoni huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-Gvern Federali. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda meta l-popolazzjonijiet awtoktoni adattati, il-karatteristiċi naturali (ġenetiċi) ta’ l-ispeċi ta’ annimali u veġetali awtoktoni jew is-sbuħija u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ jiġu affettwati b’mod dewwiemi.”

11      L-Artikolu 20 tan-Nö NSchG jgħid li:

“[...]

4)      Il-Gvern tal-Land jista’ jiddeċiedi li jadotta derogi [...], b’mod partikolari għal finijiet ta’ xjenza jew ta’ tagħlim, meta ma jkunx hemm għalfejn ikun hemm tħassib li dawn jirriżultaw f’periklu għall-flora u l-fawna selvaġġa protetti. L-awtorizzazzjoni għandha minn ta’ l-inqas tindika:

1.      l-ispeċi li huma suġġetti għad-deroga,

2.      il-mezzi, dispożittivi u metodi ta’ qbid jew qtil, u

3.      il-kontrolli li għandhom isiru.”

12      L-Artikolu 21 tan-Nö NSchG jipprovdi li:

“1.      Bla ħsara għar-regoli partikolari previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew mir-regolamenti u d-deċiżjonijiet amministrattivi adottati skond din il-liġi, miżuri marbuta ma’ l-użu kummerċjali ta’ artijiet mhumiex, bħala prinċipju, milquta [...]. Din id-dispożizzjoni derogatorja ma tapplikax meta pjanti u annimali protetti jew ħabitat protetti jkunu intenzjonalment milquta, jew fil-każ li pjanti u annimali mhedda b’estinzjoni [...] jkunu milquta minn dawn il-miżuri.

2.      Bla ħsara għar-regoli partikolari previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew mir-regolamenti u d-deċiżjonijiet amministrattivi adottati skond din il-liġi, miżuri marbuta ma’ l-użu agrikolu jew forestali modern u sostenibbli ta’ artijiet fil-kuntest ta’ impriża agrikola jew forestali mhumiex, bħala prinċipju, milquta [...]. Din id-dispożizzjoni derogatorja ma tapplikax meta pjanti u annimali protetti jew ħabitat protetti jkunu intenzjonalment milquta jew fil-każ li pjanti u annimali mhedda b’estinzjoni [...] jkunu milquta minn dawn il-miżuri.

3.      Użu agrikolu jew forestali huwa kkunsidrat modern u sostenibbli meta, f’impriża agrikola jew forestali, l-attivitajiet iservu sabiex jipproduċu jew sabiex jinkisbu prodotti veġetali jew ta’ annimali u huma organizzati skond proċessi komuni f’reġjun u f’mument partikolari jew skond esperjenzi li ġew trażmessi, u meta dan l-użu, adattat għall-kundizzjonijiet naturali, jiggarantixxi b’mod dewwiemi riżultati f’sistema li tinsab fi stat tajjeb ta’ funzjonament mingħajr ma jeżawrixxi l-bażi tal-produzzjoni u mingħajr ma jkun ta’ piż indebitu fuq in-natura u l-pajsaġġi.”

13      L-Artikolu 22 tan-Nö NSchG jgħid li:

“1.      Minflok il-ħarsien ta’ l-interessi ambjentali permezz ta’ l-awtorità pubblika jew minbarra dan il-ħarsien, il-Land ta’ Niederösterreich huwa awtorizzat jikkonkludi ftehim ta’ dritt privat sabiex jilħaq għanijiet ta’ protezzjoni tan-natura, b’mod partikolari bil-għan ta’ konservazzjoni, ta’ manutenzjoni, ta’ ħarsien u ta’ żvilupp ta’ siti importanti ħafna għall-protezzjoni tan-natura jew importanti għall-pajsaġġ. Is-suġġett ta’ dan it-tip ta’ ftehim għandu, qabel kollox, ikun il-konservazzjoni u l-manutenzjoni, f’kundizzjonijiet adegwati, ta’ ilma tal-wiċċ qiegħed naturali jew seminaturali ta’ daqs żgħir, witat ta’ art umdi u siti nixfin u żgħar kif ukoll boskijiet żgħar li jinsabu barra mill-foresti u sisien ta’ ħaxix importanti ħafna għall-protezzjoni tan-natura. Il-miżuri ta’ għajnuna l-oħra jinkludu b’mod partikolari:

–        il-kumpens għal miżuri ta’ ħolqien, ta’ konservazzjoni jew ta’ titjib ta’ siti u suġġetti oħra importanti ħafna għall-protezzjoni tan-natura;

–        it-tkabbir ta’ sistema ta’ użu jew ta’ sfruttament partikolarment konformi ma’ l-interessi tal-protezzjoni tan-natura f’siti importanti mill-lat ekoloġiku jew għall-pajsaġġ;

–        l-għajnuna favur miżuri intiżi sabiex itejbu funzjonijiet ġeoloġiċi importanti (per eżempju, netwerk ta’ bijotopi, uċuħ tar-raba ta’ natura estensiva, adozzjoni ta’ metodi ekoloġiċi ta’ sfruttament agrikolu u forestali).

–        [...]”

 Il-Land ta’ Oberösterreich

14      Id-dispożizzjoni in kwistjoni hija l-Artikolu 15(2) tal-liġi ta’ Oberösterreich dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġi [Öberösterreichisches Natur-und Landschaftsschutzgesetz 2001, LGB1. (Oberösterreich) Nru 129/2001, iktar ’il quddiem l-“Oö NSchG” ]

15      Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“Iż-żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi [...], l-elementi ta’ pajsaġġi protetti [...], iż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni [...] jew iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura[...] jistgħu jkunu s-suġġett ta’ pjani ta’ manutenzjoni tal-pajsaġġi stabbiliti mill-Gvern tal-Land li jipprovdu għal miżuri li, skond il-paragrafu 1, ikunu neċessarji fl-interess pubbliku u li ma jfixklux b’mod sinjifikattiv l-użu ekonomiku awtorizzat ta’ l-artijiet ikkonċernati.

Ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja f’kuntratt ta’ dritt privat jew f’dokument leġiżlattiv, l-ispejjeż ta’ implementazzjoni ta’ dawn il-pjani ta’ manutenzjoni tal-pajsaġġi jaqgħu fuq il-Land bħala detentur ta’ drittijiet privati.

Il-proprjetarju ta’ l-art ma jistax jopponi l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri.”

 Il-Land ta’ Salzburg

16      Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 3a, il-punti 8 sa 10 ta’ l-Artikolu 5, l-Artikoli 22a u 22b, l-Artikolu 29 kif ukoll l-Artikolu 34 tal-liġi ta’ Salzburg dwar il-protezzjoni tan-natura [Salzburger Naturschutzgesetz 1999, LGB1. (Salzburg) Nru 73/1999, iktar ’il quddiem is-“Sbg NSchG”]; l-Artikolu 104(4) tal-liġi ta’ Salzburg dwar il-kaċċa [Salzburger Jagdgesetz 1993, LGB1. (Salzburg) Nru 100/1993, iktar ’il quddiem is-“Sbg JagdG”].

17      L-Artikolu 3a tas-Sbg NSchG jipprovdi li:

“1.      Fl-applikazzjoni ta’ din il-liġi u tar-regolamenti adottati fuq il-bażi tagħha, għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ta’ bażi li l-interess ġenerali ta’ protezzjoni tan-natura jista’ jingħata supremazija fir-rigward ta’ kull interess ieħor.

2.      Miżuri li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit li jservu direttament interessi ġenerali partikolarment importanti għandhom jiġu awtorizzati jew jittieħdu in kunsiderazzjoni safejn iħarsu, b’mod ġenerali, l-interessi tal-protezzjoni tan-natura [...], meta:

1)      f’każ konkret, l-interessi ġenerali l-oħra għandhom supremazija fuq l-interessi tal-protezzjoni tan-natura, u

2)      meta huwa stabblit li ma teżistix soluzzjoni alternattiva oħra xierqa minflok il-miżura in kwistjoni li tagħmel inqas ħsara għall-interessi tal-protezzjoni tan-natura.

3.      Meta huwa prevedibbli li miżuri maħsuba skond il-paragrafu 2 ikunu ser jaffettwaw b’mod sinjifikattiv tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità [...] jew speċi ta’ prijorità [...] f’żoni Ewropej ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-punt 10(a) u (c) ta’ l-Artikolu 5, jistgħu jiġu kkunsidrati biss, sabiex isir bilanċ bejn diversi interessi, il-kunsiderazzjonijiet relatati ma’ l-interessi ġenerali segwenti:

1)      il-ħajja u s-saħħa tal-persuni,

2)      is-sigurtà pubblika,

3)      konsegwenzi ta’ benefiċċju essenzjali għall-ambjent.

L-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni [...] għandha tinkiseb sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni interessi ġenerali oħra meta jsir il-bilanċ bejn diversi interessi. Id-deċiżjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni din l-opinjoni.

4.      Meta, fit-tmiem tal-bilanċ bejn diversi interessi skond il-paragrafi 2 u 3, l-interessi tal-protezzjoni tan-natura ma jingħatawx prijorità, il-ħsara li tirriżulta b’mod prevedibbli mill-intervent għandha, – ħlief fl-ipoteżi msemmija fil-paragrafu 6 – tiġi kkumpensata permezz ta’ miżuri ta’ sostituzzjoni xierqa. Il-kumpens għandu jiġi impost permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva. Meta l-intervent jikkonċerna ħabitat speċjali kif ukoll popolazzjonijiet ta’ annimali jew ta’ pjanti, is-sistema ta’ sostituzzjoni għandha tkun tikkonsisti qabel kollox fil-ħolqien ta’ ħabitat ta’ sostituzzjoni. Dawn il-ħabitat ta’ sostituzzjoni għandhom, safejn huwa possibbli, jinħolqu viċin ħafna tal-lok ta’ l-intervent. Fil-każ li jkun impossibbli li jinħolqu ħabitat ta’ sostituzzjoni, għandu jiġi impost fuq l-applikant, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, il-ħlas ta’ somma ta’ flus li tikkorrispondi approssimattivament għall-ispejjeż ta’ sistema ta’ sostituzzjoni xierqa. Meta ħabitat ta’ sostituzzjoni ma jkunux jistgħu jinħolqu ħlief b’mod insuffiċjenti, il-ħlas impost għandu jkun fuq somma ta’ flus imnaqqsa minħabba konsegwenza ta’ dan.

5.      Meta, fl-ipoteżi msemmija fil-paragrafu 4, żona Ewropea ta’ konservazzjoni hija kkonċernata, il-Gvern tal-Land għandu jassigura l-kontinwità tan-netwerk ekoloġiku Ewropew ‘Natura 2000’. Il-miżuri adottati għal dan il-għan għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni [...].

6.      M’hemmx lok li jiġu stabbiliti sistemi ta’ sostituzzjoni għal miżuri li

1)      huma neċessarji u inevitabbli minħabba theddida għall-ħajja jew għas-saħħa ta’ persuni jew sabiex jipprevjenu t-twettiq ta’ dannu gravi għall-ekonomija tal-pajjiż, u

2)      huma mingħajr effett fuq iż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni.”

18      L-Artikolu 5 tas-Sbg NSchG jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[...]

8)      ‘Intervent fuq sit jew oġġett protett’ tfisser miżuri temporanji jew permanenti li jistgħu, individwalment jew flimkien ma’ miżuri oħra, ikollhom, għas-sit protett jew għas-suġġett, jew fir-rigward ta’ l-għan ta’ protezzjoni, konsegwenzi kunsiderevoli jew li fir-rigward tagħhom huwa prevedibbli li r-repetizzjoni jew l-akkumulazzjoni ser ikollom konsegwenzi tali. Intervent iseħħ ukoll fil-każ fejn il-miżuri stess ikollhom is-sors tagħhom barra mis-sit protett jew mis-suġġett ta’ protezzjoni.

9)      ‘Għanijiet ta’ preservazzjoni ta’ żona Ewropea ta’ konservazzjoni’ tfisser ż-żamma u r-ripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli

a)      ta’ ħabitat naturali indikati fl-Anness I tad-Direttiva ‘ħabitats’ jew ta’ speċi ta’ annimali u veġetali li jinsabu fl-Anness II ta’ din id-direttiva;

b)      ta’ speċi ta’ għasafar indikati fl-Anness I tad-Direttiva ‘għasafar’ u ta’ speċi migratorji regolari (Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva) u l-ħabitat tagħhom, b’attenzjoni partikolari għaż-żoni umdi ta’ importanza internazzjonali.

10)      Żoni Ewropej ta’ konservazzjoni:

a)      żoni ta’ importanza Komunitarja li jinsabu fil-lista prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ‘ħabitats’;

b)      żoni li jinsabu, sakemm tiġi stabbilita l-lista msemmija fil-punt a), f’lista stabbilita skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ‘ħabitats’;

c)      żoni ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva ‘għasafar’

[...]”

19      L-Artikolu 22a tas-Sbg NschG jgħid li:

“[...]

2.      Il-Gvern tal-Land għandu jistipula, permezz ta’ regolament, dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni għaż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni, li jinkludu, f’kull każ, l-għan ta’ protezzjoni u l-obbligi u l-projbizzjonijiet neċessarji. L-imsemmi regolament għandu jiddefinixxi wkoll il-limiti taż-żona ta’ konservazzjoni. L-għan ta’ protezzjoni għandu jindika l-għanijiet ta’ konservazzjoni (punt 9 ta’ l-Artikolu 5) taż-żona ta’ konservazzjoni kkonċernata [...].

3.      Ir-regolament dwar żona Ewropea ta’ konservazzjoni jista’ jipprojbixxi jew jimponi miżuri u jawtorizza ċerti interventi b’mod ġenerali jew permezz ta’ awtorizzazzjoni derogatorja mogħtija mill-Gvern tal-Land. Permezz ta’ l-obbligi, projbizzjonijiet u riżervi ta’ awtorizzazzjoni, għandu jiġi assigurat li l-ħabitat naturali kkonċernati ma jkunux iddeterjorati u li l-ispeċi ta’ annimali u veġetali li huwa intiż li jinżammu jew li jiġu rripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, skond l-għan ta’ preservazzjoni, ma jkunux imfixkla b’mod sinjifikattiv.

4.      Qabel ma tingħata awtorizzazzjoni derogatorja, il-Gvern tal-Land għandu jeżamina jekk l-intervent huwiex ta’ natura li jolqot b’mod sinjifikattiv iż-żona Ewropea ta’ konservazzjoni fl-elementi essenzjali tagħha fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni (punt 9 ta’ l-Artikolu 5) (evalwazzjoni ta’ l-effetti). L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk m’hija prevista l-ebda ħsara sinjifikattiva.

5.      L-adozzjoni ta’ regolament skond il-paragrafi 2 u 3 mhijiex meħtieġa meta protezzjoni suffiċjenti taż-żona u t-twettiq ta’ l-għan ta’ konservazzjoni tagħha jkunu diġà assigurati permezz ta’ miżuri oħra. Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni aktar iebsa mhumiex milquta.

6.      Jekk ikun neċessarju, pjani ta’ manutenzjoni tal-pajsaġġi kif ukoll pjani dettaljati [...] għandhom jiġu stabbiliti għaż-żona Ewropea ta’ konservazzjoni, fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva ‘għasafar’ u ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ‘ħabitats’, u implementati. Il-Gvern tal-Land għandu jikkontrolla regolarment l-istat ta’ konservazzjoni taż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni, billi jagħti importanza partikolari għat-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u għall-ispeċi li għandhom prijorità.”

20      Skond l-Artikolu 22b tas-Sbg NSchG:

“1.       Sakemm jiġu adottati miżuri ta’ protezzjoni suffiċjenti [...], operazzjonijiet ta’ sfruttament ta’ artijiet jistgħu iseħħu biss kif kienu mwettqa legalment, [...].

2.      L-awtorizzazzjoni tal-Gvern tal-Land hija neċessarja għall-eżekuzzjoni ta’ kull miżura li tmur lil hinn minn dak li huwa msemmi fil-paragrafu 1, li tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv il-ħabitat naturali jew speċi ta’ l-annimali jew veġetali, kemm jekk hija involuta ż-żamma jew ir-ripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, skond id-Direttiva ‘għasafar’ jew id-Direttiva ‘ħabitats’.

3.      Din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata meta l-miżura, min-naħa, ma tkunx ser twassal għal deterjorazzjoni tal-ħabitat li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 jew għal perturbazzjoni kunsiderevoli ta’ l-ispeċi li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 u, min-naħa l-oħra, ma tmurx kontra l-għan ta’ konservazzjoni jew ta’ ħolqien ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dan il-ħabitat jew ta’ dawn l-ispeċi.

4.      Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni aktar iebsa mhumiex milquta.”

21      L-Artikolu 29 tas-Sbg NSchG jipprovdi li:

“1.      Il-pjanti selvaġġi li jikbru liberament fin-natura, li l-popolazzjoni tagħhom hija mhedda b’mod ġenerali jew f’żoni determinati u li għall-konservazzjoni tagħhom jeżisti interess ġenerali minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tan-natura, kif ukoll il-pjanti li huma neċessarji għall-konservazzjoni ta’ ekosistema ekwilibrata, b’mod partikolari sabiex tiġi assigurata ż-żamma ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi veġetali u annimali oħra, jistgħu jiġu protetti, kollha jew parti minnhom, permezz ta’ regolament tal-Gvern tal-Land. Il-protezzjoni tista’ tiġi limitata kemm fiż-żmien kif ukoll fil-lokalitajiet.

2.      Il-protezzjoni tal-pjanti kollha tingħata lill-partijiet taħt l-art u fl-arja kollha tal-pjanta. Hija tinkludi l-projbizzjoni tal-ħsara tagħha, tal-qerda tagħha, tat-tneħħija tagħha mis-sit jew li s-sit fejn huma preżenti l-pjanti ta’ l-ispeċi kkonċernata jiġi suġġett għal kwalunkwe trattament li jhedded jew jeskludi s-sopravvivenza tagħha kif ukoll il-projbizzjoni li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu, jittrasporta, jirċievi jew jagħti, bi ħlas jew mingħajr ħlas, pjanti li jkunu nġabru min-natura. Il-projbizzjoni li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu, jittrasporta, jirċievi jew jagħti, bi ħlas jew mingħajr ħlas, tapplika wkoll għal kull prodott miksub mill-pjanta kif ukoll kull merkanzija oħra meta jirriżulta mid-dokument probatorju, mill-imballaġġ, minn tikketta jew minn kull fatt ieħor li dawn huma partijiet tal-pjanta in kwistjoni jew prodotti miksuba minnha.”

22      L-Artikolu 34 tas-Sbg NSchG jipprovdi li:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni tan-natura jistgħu, fuq talba, jiddeċiedu li jadottaw derogi għall-projbizzjonijiet previsti [b’mod partikolari] fl-Artikolu 29(2) u (3) [...]. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ma tistax [...] tiġi adottata ħlief għal miżuri li għandhom wieħed mill-għanijiet segwenti:

1)      is-saħħa pubblika, b’mod paritkolari l-produzzjoni ta’ mediċini;

2)      il-produzzjoni ta’ xorb;

3)      is-sigurtà pubblika;

4)      is-sigurtà ta’ l-ajru;

5)      il-protezzjoni ta’ pjanti u ta’ annimali selvaġġi jew il-preżervazzjoni tal-ħabitat tagħhom;

6)      ir-riċerka jew it-tagħlim;

7)      it-tiġdid tal-popolazzjonijiet jew l-ispostament ta’ popolazzjonijiet;

8)      il-prevenzjoni ta’ ħsara serja għall-uċuħ tar-raba’ u għall-foresti, għall-annimali ta’ trobbija jew domestiċi, għaż-żoni ta’ sajd jew għall-korpi ta’ ilma;

9)      il-kostruzzjoni ta’ tagħmir;

10)      interessi pubbliċi kbar oħra.

2.      Il-punti 9 u 10 tal-paragrafu 1 ma japplikawx għall-għasafar. Il-punti 2 u 9 tal-paragrafu 1 ma japplikawx għall-ispeċi veġetali li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva ‘ħabitats’.

3.      L-awtorizzazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati biss jekk l-għan tal-miżura in kwistjoni ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti permezz ta’ mezzi oħra u jekk il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi ta’ annimali jew veġetali preżenti fiż-żona ma jonqsux minħabba l-intervent.

4.      It-talbiet għal awtorizzazzjoni mressqa skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu motivati u għandhom jagħtu d-dettalji segwenti:

[...]

6.      L-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata lill-persuni segwenti:

[...]

7.      L-awtorizzazzjoni għandu jkun fiha l-indikazzjonijiet kollha previsti fil-paragrafu 4 u għandha tippreċiża li hija ma tissostitwixxix l-awtorizzazzjoni ta’ dritt privat li jżommu l-persuni li għandhom l-artijiet in kwistjoni.

Għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija għal finijiet xjentifiċi, l-awtorità għandha timponi wkoll li d-dokumenti probatorji jinżammu bi ftehim ma’ istituzzjoni xjentifika rikonoxxuta.

[...]”

23      L-Artikolu 104 tas-Sbg JagdG jipprovdi li:

“[...]

4.      L-awtorità tista’ tawtorizza derogi oħra għall-projbizzjonijiet [...] meta dan ma jipperikolax il-popolazzjoni ta’ l-ispeċi selvaġġa kkonċernata u sakemm ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Dawn id-derogi għandhom jingħataw biss għall-finijiet segwenti:

a)      il-protezzjoni ta’ annimali jew pjanti selvaġġi oħra u l-konservazzjoni tal-ħabitat naturali tagħhom;

b)      il-prevenzjoni ta’ ħsara gravi għall-uċuħ tar-raba’, għall-bhejjem, għall-foresti, għall-ilmijiet fejn jikber il-ħut kif ukoll, fil-każ ta’ tajr tal-kaċċa, għal affarijiet oħra;

c)      is-saħħa pubblika u s-sigurtà pubblika, barra, fil-każ ta’ tajr tal-kaċċa, raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku kbir, b’mod partikolari ta’ ordni soċjali jew ekonomiku jew marbutin ma’ konsegwenzi pożittivi għall-ambjent;

d)      ir-riċerka u t-tagħlim;

e)      iż-żieda tal-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi jew l-ispostament tagħhom kif ukoll it-trobbija neċessarja għal dan il-għan;

f)      il-kummerċjalizzazzjoni ta’ numru żgħir ta’ annimali (jew ta’ partijiet ta’ annimali jew ta’ prodotti miksuba minn dawn l-annimali) ta’ speċi ta’ tjur tal-kaċċa li l-qbid jew il-qtil tagħhom huwa awtorizzat [...]”

 Il-Land ta’ Tirol

24      Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(2), l-Artikoli 5 sa 9, l-Artikoli 22 sa 24, u l-Artikolu 28(3) tal-liġi tal-Land ta’ Tirol dwar il-protezzjoni tan-natura [Tiroler Naturschutzgesetz 1997, LGB1. (Tirol) Nru 33/1997, iktar ’il quddiem it-“Tiroler NSchG”]; l-Artikolu 1(1) u (2)(a) u (b), l-Artikolu 3 kif ukoll l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tar-regolament tal-Land ta’ Tirol dwar il-protezzjoni tan-natura [Tiroler Naturschutzverordnung 1997, LGB1. (Tirol) Nru 95/1997, iktar ’il quddiem it-“Tiroler NschVO”].

25      L-Artikolu 1(1) tat-Tiroler NSchG jipprovdi li:

“Din il-liġi għandha bħala għan il-konservazzjoni u l-manutenzjoni tan-natura, li hija l-bażi tal-ħajja umana, b’mod li:

a)      id-diversità tagħha, il-karatteristiċi tagħha u s-sbuħija tagħha,

b)      il-valur rikreattiv tagħha,

c)      ir-rikkezza tagħha fi speċi ta’ annimali u veġetali awtoktoni u f’ħabitat naturali, kif ukoll

d)      l-ekwilibriju tagħha, l-aktar intatt u li jista’ possibbilment iħalli riżultat,

jiġu ppreżervati u mantnuti jew irrestawrati.

Il-konservazzjoni u l-manutenzjoni tan-natura japplikaw għall-manifestazzjonijiet kollha tagħha, b’mod partikolari l-pajsaġġi, kemm dawk li jinsabu fl-istat oriġinali tagħhom u anki dawk li jirriżulaw minn azzjoni tal-bniedem.

L-agrikoltura u l-forestrija ekoloġika għandhom importanza partikolari f’dan ir-rigward.

In-natura m’għandhiex tiġi sfruttata b’mod li jitnaqqas il-valur tagħha għall-ġenerazzjonijiet futuri.

[...]”

26      L-Artikolu 2(2) tat-Tiroler NSchG jipprovdi li:

“Il-miżuri li huma parti mill-użu normali ta’ l-agrikoltura u tal-forestrija mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni skond din il-liġi.

Dan ma japplikax għal miżuri li jikkonċernaw il-foresti alluvjali, [...] li jikkonċernaw iż-żoni umdi, [...] li jikkonċernaw iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali, [...]”

27      L-Artikolu 5 tat-Tiroler NSchG jgħid li:

“Huma pprojbiti fuq it-territorju kollu tal-Land:

a)      l-organizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet sportivi li fihom jintużaw vetturi mgħammrin b’magna b’kombustjoni interna, ħlief fuq l-artijiet li fil-każ tagħhom hemm awtorizzazzjoni [...];

b)      l-użu ta’ ħelikopters għat-trasport ta’ persuni għal skop turistiku, ħlief bejn l-ajruporti;

c)      l-użu ta’ dgħajjes mgħammra b’magna b’kombustjoni interna fuq korpi ta’ ilma naturali, ħlief fit-twettiq ta’ proġetti li huma awtorizzati skond id-dritt applikabbli fil-qasam ta’ protezzjoni tan-natura u safejn huwa neċessarju għal dawn il-proġetti;

d)      kull ħsara fit-tul għall-glaċieri u l-baċiri ta’ lqugħ ta’ l-ilma tagħhom, ħlief fil-każ ta’ sfruttament, ta’ manutenzjoni u ta’ tiġdid ta’ installazzjonijiet eżistenti, inkluż it-tibdil tagħhom [...]”

28      L-Artikolu 22 tat-Tiroler NSchG jipprovdi li:

“1.      Il-Gvern tal-Land għandu jikklassifika, permezz ta’ regolament, bħala speċi veġetali protetti l-ispeċi ta’ pjanti selvaġġi li l-popolazzjoni tagħhom hija mhedda b’mod ġenerali jew f’ċerti żoni u li huwa neċessarju li dawn jiġu kkonservati sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-protezzjoni tan-natura kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1).

2.      Fir-regolamenti li huwa jadotta skond il-paragrafu 1, il-Gvern tal-Land jista’ jipprojbixxi, safejn dan ikun neċessarju sabiex titħares il-popolazzjoni ta’ ċerti speċi veġetali:

[...]”

29      L-Artikolu 23 tat-Tiroler NSchG jgħid li:

“1.      Il-Gvern tal-Land għandu jikklassifika, permezz ta’ regolament, bħala speċi ta’ annimali protetti l-ispeċi ta’ annimali selvaġġi li ma tistax issir il-kaċċa tagħhom u li l-popolazzjoni tagħhom hija mhedda b’mod ġenerali jew f’ċerti żoni u li jkun neċessarju li dawn jiġu kkonservati sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-protezzjoni tan-natura kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1)

2.      Fir-regolamenti li huwa jadotta skond il-paragrafu 1, il-Gvern tal-Land jista’ jipprojbixxi, safejn huwa neċessarju sabiex tiġi mħarsa l-popolazzjoni ta’ ċerti speċi ta’ annimali:

a)      li jiġu mfixkla, segwiti, maqbuda, miżmuma ħajjin jew mejtin, li jiġu ttrasportati, offruti għall-bejgħ, mibjugħa, mixtrija jew maqtula annimali ta’ speċi protetti;

b)      li jitneħħew mill-ambjent naturali tagħhom, li ssirilhom ħsara jew li jiġu meqruda, li jinżammu, li jiġu ttrasportati, li jiġu offruti għall-bejgħ, li jinbiegħu jew li jiġu akkwistati forom ta’ żvilupp ta’ annimali ta’ speċi protetti (bħall-bajd, il-larva u l-krisalide);

c)      li jinżammu, li jiġu ttrasportati, li jiġu offruti għall-bejgħ, li jinbiegħu jew li jiġu akkwistati partijiet ta’ annimali ta’ speċi protetti (bħar-rix u l-ġilda);

d)      li jitneħħew jew li jinqerdu s-siti ta’ riproduzzjoni u l-bejtiet ta’ annimali ta’ speċi protetti;

e)      li l-ħabitat ta’ annimali ta’ speċi protetti jkunu suġġetti [...] għal trattamenti li minħabba fihom issir impossibbli s-sopravvivenza tagħhom f’dan il-ħabitat.

Il-projbizzjonijiet stipulati skond id-dispożizzjonijiet taħt (a) sa (d) iktar ’il fuq jistgħu jiġu limitati għal numru determinat ta’ annimali u għal forom ta’ żvilupp ta’ annimali, għal ċerti forom ta’ żvilupp determinati u għal ċerti perijodi u għal ċerti żoni; il-projbizzjonijiet stipulati skond id-dispożizzjoni (e) jistgħu jiġu limitati għal ċerti perijodi u għal ċerti żoni.

3.      Kull persuna li tafferma li l-annimali ta’ speċi protetti li hija tittrasporta, iżżomm, tuża’ jew toffri għall-bejgħ fuq livell professjonali kienu nkisbu wara li trabbew fil-Land tat-Tirol jew li kienu ġew importati minn Land ieħor jew minn barra l-pajjiż għandha tressaq il-prova ta’ dan fuq talba ta’ l-awtoritajiet.

4.      Awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni tan-natura hija neċessarja sabiex jitqiegħdu fil-libertà fin-natura annimali li ma jaqgħux taħt dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kaċċa jew tas-sajd u li ma jappartjenux għal speċi indiġena. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk l-ebda bidla sostanzjali tal-flora u tal-fawna eżistenti kif ukoll l-ebda ħsara għall-interessi tal-protezzjoni tan-natura kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1) ma jkunu prevedibbli.

5.      Fir-regolamenti li huwa jadotta skond il-paragrafu 1, il-Gvern tal-Land jista’ jinkludi dispożizzjonijiet fuq il-qbid u t-teħid ta’ annimali selvaġġi ta’ speċi protetti, li jinkludu l-forom ta’ żvilupp tagħhom, sabiex jassigura li dawn l-attivitajiet jiġu eżerċitati b’mod xieraq. F’dan il-kuntest, ċerti metodi ta’ qbid kif ukoll l-użu ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jistgħu jiġu pprojbiti.”

30      L-Artikolu 24 tat-Tiroler NSchG jipprovdi li:

“Huwa pprojbit li jiġu mfixkla jew jiġu segwiti intenzjonalment l-annimali selvaġġi li ma tistax issir il-kaċċa tagħhom u li ma jappartjenux għal speċi protetti, jew li jinqabdu mingħajr raġuni ġġustifikata kif ukoll li jitneħħew, li ssirilhom ħsara jew li s-siti tagħhom ta’ riproduzzjoni, bejtiet u forom oħra ta’ żvilupp tagħhom jinqerdu mingħajr raġuni ġġustifikata.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

31      Wara li analizzat id-diversi testi leġiżlattivi u regolamentari relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva li r-Repubblika ta’ l-Awstrija kienet ikkomunikat, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fit-13 ta’ April 2000 li fiha hija akkużatha li ma ttrasponietx kompletament jew korrettament ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

32      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2000, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ppreżentat osservazzjonijiet lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. F’dawn l-osservazzjonijiet hija indikat b’mod partikolari t-teħid ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu emendati ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali. Madankollu hija sostniet argument diverġenti minn dawk tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna elementi oħra tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

33      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata li fiha hija kkonkludiet li r-Repubblika ta’ l-Awstrija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva billi ma kinitx ittrasponiet kompletament jew korrettament bosta dispożizzjonijiet tagħha.

34      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija rrispondiet għal din l-opinjoni motivata fis-sens li jixbah dak tar-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni kienet ifformulat sebgħa u għoxrin motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-konvenuta.

37      Fir-risposta tagħha, din ta’ l-aħħar irrikonoxxiet il-fondatezza ta’ sbatax minn dawn is-sebgħa u għoxrin motiv, filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-bqija.

38      Fil-kuntest tar-replika tagħha, il-Kummissjoni rrinunzjat għal żewġ motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

39      Sussegwentement, għal talba għal komunikazzjoni ta’ elementi addizzjonali dwar l-istrumenti ġuridiċi nazzjonali li kienu s-suġġett tar-rikors, magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni rrinunzjat ukoll għall-motivi, imressqa fir-rikors tagħha, dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatati ma’ l-Artikolu 6(3) u (4) kif ukoll ma’ l-Artikoli 7, 11 u 15 tad-Direttiva.

40      Minn dan jirriżulta li r-rikors ikopri b’mod definittiv erbatax-il motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jirreferu għat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 1, l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikoli 12 u 13 kif ukoll l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 22(b) tad-Direttiva.

41      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma tikkontestax li d-dritt Awstrijak, fis-sitwazzjoni tiegħu meta skada t-terminu ta’ żmien preskritt fl-opinjoni motivata, ma kienx konformi mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva fuq ċertu numru ta’ punti, li huma msemmija f’seba’ motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

 Fuq ir-rikors

 Fuq il-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li mhumiex ikkontestati

 L-argumenti tal-Kummissjoni

–        Ksur ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Steiermark u ta’ Tirol

42      Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 13d(1) tal-liġi ta’ Steiermark dwar il-protezzjoni tan-natura (Steiermärkisches Naturschutzgesetz, iktar ’il quddiem is-“Stmk NSchG”) jipprovdi li l-Gvern tal-Land ta’ Steiermark ittraspona l-Artikolu 12 tad-Direttiva billi adotta regolament għal dan il-għan. Madankollu, l-Artikolu 4 tar-regolament ta’ Steiermark dwar il-protezzjoni tan-natura (Steiermärkische Naturschutzverordnung, iktar ’il quddiem is-“Stmk NschVO”), li jistabbilixxi l-lista ta’ l-annimali li jgawdu protezzjoni matul is-sena kollha, ma jikkostitwixxix traspożizzjoni kompluta ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva, minħabba li ma jikkonċernax l-ispeċi protetti kollha msemmija fl-Anness IV(a) tagħha.

43      Il-Kummissjoni tosserva li, skond l-Artikolu 23(1)(a) tat-Tiroler NSchG, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol għandu, permezz ta’ regolament, jiddikjara bħala speċi protetti dawk imsemmija fl-Anness IV(a) tad-Direttiva. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tat-Tiroler NschVO ma jinkludux l-ispeċi kollha msemmija.

–        Ksur ta’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Kärnten, ta’ Steiermark u ta’ Tirol

44      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Anness 1 li jikkonċerna l-Artikolu 1 tar-regolament tal-Land ta’ Kärnten dwar il-protezzjoni ta’ l-ispeċi veġetali (Kärntner Pflanzenartenschutzverordnung) ma jassigurax protezzjoni adegwata ta’ l-ispeċi veġetali kollha elenkati fl-Anness IV(b) tad-Direttiva.

45      Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 13c(1) tas-Stmk NSchG, il-Gvern tal-Land ta’ Steiermark għandu jadotta regolament li jassigura t-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva. Issa, tali regolament ma kienx ġie adottat. Minbarra dan, l-Artikoli 1 u 2 tas-Stmk NschVO, li jiddeterminaw l-ispeċi veġetali li jgawdu protezzjoni totali jew parzjali, ma jassigurawx traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva, peress li ma jinkludux l-ispeċi protetti kollha msemmija fl-Anness IV(b) tagħha.

46      Il-Kummissjoni tosserva li, skond l-Artikolu 22(1)(a) tat-Tiroler NSchG, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol għandu, permezz ta’ regolament, jiddikjara bħala speċi veġetali protetti dawk elenkati fl-Anness IV(b) tad-Direttiva. Issa, it-Tiroler NschVO ma jistabbilixxix sistema ta’ protezzjoni ta’ l-ispeċi kollha li jinsabu fil-punt ikkonċernat ta’ l-imsemmi anness.

–        Ksur ta l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Steiermark u ta’ Tirol

47      Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 62(2) tal-liġi ta’ Steiermark dwar il-kaċċa (Steiermärkisches Jagdgesetz) ma jiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li dispożizzjonijiet derogatorji mhumiex awtorizzati ħlief jekk ikun iggarantit li l-popolazzjonijet ta’ l-ispeċi protetti jinżammu fi “stat ta’ konservazzjoni favorevoli”.

48      Il-Kummissjoni ssostni li, għat-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3 tat-Tiroler NSchVO ma tiħux in kunsiderazzjoni l-eżiġenza ta’ “stat ta’ konservazzjoni favorevoli”. Dan japplika wkoll għall-ispeċi veġetali li huma msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tat-Tiroler NschVO u għall-ispeċi ta’ annimali li huma msemmija fl-Artikolu 6(2)(e) ta’ dan l-istess regolament.

49      Il-Gvern Awstrijak jindika li ċertu numru ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni huma f’fażi ta’ żvilupp fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti tal-Länder ikkonċernati. Għalhekk, dawn ta’ l-aħħar huma intiżi sabiex jagħmlu t-testi legali nazzjonali kollha in kwistjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu ta’ żmien preskritt fl-opinjoni motivata u li l-bidliet leġiżlattivi jew regolamentari li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-323/01, Ġabra p. 4711, punt 8, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-23/05, Ġabra p. I-9535, punt 9).

51      Peress li l-opinjoni motivata kienet ġiet innotifikata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija fis-17 ta’ Ottubru 2003, fid-dawl tat-terminu ta’ żmien preskritt fl-imsemmija opinjoni motivata, id-data li fiha l-konvenuta kellha tassigura l-konformità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva kienet is-17 ta’ Diċembru 2003.

52      Mill-indikazzjonijiet mogħtija fir-rigward tal-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Gvern Awstrijak ma jikkontestax li l-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva fuq il-punti kkonċernati kollha ma kinux ġew adottati fit-terminu ta’ żmien mogħti fl-opinjoni motivata.

53      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors huwa fondat f’dak li jikkonċerna l-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, relatati mat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Steiermark u ta’ Tirol, ta’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Kärnten, ta’ Steiermark u ta’ Tirol kif ukoll ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Steiermark u ta’ Tirol.

 Fuq il-motivi dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestati

 Ksur ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva fil-Land ta’ Salzburg

–       L-argumenti tal-partijiet

54      Il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 5 tas-Sbg NSchG jistabbilixxi sensiela ta’ definizzjonijiet li ma jittrasponux korrettament dawk li jinsabu fl-Artikolu 1(e), (g), (i) u (l) tad-Direttiva, relatati mal-kunċetti ta’ “stat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali”, ta’ “speċi li huma ta’ interess Komunitarju”, ta’ “stat ta’ konservazzjoni ta’ speċi” u ta’ “żoni speċjali ta’ konservazzjoni”.

55      Il-Kummissjoni żżid tgħid li għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 5(9) tas-NSchG jirreferi għall-kunċetti ta’ żamma u ripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, dan l-artikolu ma jagħtix definizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, la l-Artikolu 3a tas-Sbg NSchG, li sempliċement jipprovdi għal bilanċ bejn diversi interessi, u lanqas l-Artikoli 22a, 22b u 29 ta’ din l-istess liġi, li jirreferu għal ċertu numru ta’ miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali, ma jikkostitwixxu traspożizzjoni korretta ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva.

56      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li t-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Salzburg hija konformi mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-elementi kollha ta’ din id-dispożizzjoni jinsabu fil-liġi applikabbli, permezz ta’ l-użu tal-kunċett ta’ “ma jaffettwax ħażin” flimkien ma’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni. Il-kunċetti legali tad-Direttiva u d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni huma s-segwenti:

–        “stat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali”: l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva; punti 8 u 9 ta’ l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 22a(3) u (4) tas-Sbg NSchG;

–        “speċi li huma ta’ interess għall-Komunità”: l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva, “l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi”: l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva; l-Artikoli 3a, 22a, 22b u 29 tas-Sbg NSchG;

–         “żona speċjali ta’ konservazzjoni”: l-Artikolu 1(l) tad-Direttiva; punti (9) u (10) ta’ l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 22a tas-Sbg NSchG.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57      L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li mir-raba’ u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-ħabitat u l-ispeċi koperti minnha huma parti mill-wirt naturali tal-Komunità u li t-theddid fuqhom huwa spiss ta’ natura mingħajr konfini, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni hija imposta, bħala forma ta’ responsabbiltà komuni, fuq l-Istati Membri kollha.

58      Fir-rigward tal-qasam ikkunsidrat, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-preċiżjoni tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari f’każ bħal dak in kwistjoni, fejn il-ġestjoni ta’ wirt komuni hija fdata, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri (ara s-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 25, u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-98/03, Ġabra p. I-53, punt 59).

59      Fir-rigward tad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċetti kkonċernati għandhom jiġu trasposti b’mod preċiż fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-72/02, Ġabra p. I-6597, punt 17).

60      Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kunċetti ddefiniti fl-Artikolu 1(e) u (i) tad-Direttiva (“l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali” u “l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi”), għandu jiġi osservat li, għalkemm l-espressjoni “stat ta’ konservazzjoni favorevoli” hija użata fl-Artikolu 5(9) tas-Sbg NSchG, il-kliem tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni tad-dritt nazzjonali ma jinkludux il-karatteristiċi kollha li jinsabu fil-punti msemmija iktar ’il fuq ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva.

61      Issa, tali teknika leġiżlattiva ma tiggarantixxix li l-elementi kollha tad-definizzjonijiet in kwistjoni jiġu effettivament ikkunsidrati fl-implementazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li dawn l-elementi huma determinanti għal dak li jikkonċerna s-sens u l-portata tal-protezzjoni tal-ħabitat u ta’ l-ispeċi msemmija.

62      Għaldaqstant, il-punti (8) u (9) ta’ l-Artikolu 5, kif ukoll l-Artikoli 3a, 22a, 22b u 29 tas-Sbg NSchG ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu traspożizzjoni leġiżlattiva suffiċjenti ta’ l-Artikolu 1(e) u (i) tad-Direttiva.

63      Fit-tieni lok, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni fiha wkoll numru kbir ta’ parametri li huma intiżi sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ “speċi li huma ta’ interess għall-Komunità”.

64      Għall-kuntrarju, l-Artikoli 3a, 22a, 22b u 29 tas-Sbg NSchG jirrigwardaw biss bilanċ bejn diversi interessi, miżuri regolamentari addizzjonali relatati maż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni, regoli dettaljati dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet derogatorji għall-projbizzjonijiet previsti mil-liġi kif ukoll il-protezzjoni partikolari tal-pjanti selvaġġi. Il-kunċett ta’ “speċi li huma ta’ interess għall-Komunità” mhuwiex imsemmi f’dawn l-artikoli.

65      Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li jittrasponu l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva.

66      Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-Artikolu 1(l) tad-Direttiva, għandu jiġi osservat li l-punt 10 ta’ l-Artikolu 5 tas-Sbg NSchG, li għandu jinqara flimkien mal-punt 9 ta’ dan l-artikolu, li jsemmi bħala għan il-manteniment u r-ripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, juża’ t-termini “żona Ewropea ta’ konservazzjoni” minflok l-espressjoni “żona speċjali ta’ konservazzjoni”. Iż-żoni msemmija fih huma, fost l-oħrajn, is-siti li ddaħħlu mill-Kummissjoni fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, kif ukoll is-siti li l-Land ta’ Salzburg ipproponiet li jitniżżlu f’din il-lista, skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-imsemmija Direttiva.

67      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 22a(2) sa (4) tas-Sbg NSchG jiddefinixxi bi preċiżjoni l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni relatati maż-“żoni Ewropej ta’ konservazzjoni”.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-punti (9) u (10) ta’ l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 22a tas-Sbg NSchG jagħtu, b’ċertezza legali suffiċjenti, definizzjoni tas-siti li huma inklużi fil-kunċett ta’ “żona speċjali ta’ konservazzjoni” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(l) tad-Direttiva.

69      Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni kienet ġiet trasposta korrettament fil-Land ta’ Salzburg.

70      Minn dan isegwi li dan l-ilment tal-Kummissjoni mhuwiex fondat ħlief fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 1(e), (g) u (i) tad-Direttiva.

 Ksur ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fil-Land ta’ Niederösterreich

–       L-argumenti tal-partijiet

71      Il-Kummissjoni tesponi li l-Artikolu 9(5) tan-Nö NSchG sempliċement jipprovdi għal obbligu li jittieħdu, “jekk hemm bżonn”, miżuri xierqa ta’ manutenzjoni, ta’ żvilupp u ta’ konservazzjoni. Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva li l-“miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa” għandhom jiġu adottati f’kull każ u mhux “jekk hemm bżonn”. Fil-fatt, f’din l-aħħar dispożizzjoni, it-termini “jekk hemm bżonn” jikkonċernaw biss il-pjani ta’ tmexxija u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala restrizzjoni ġenerali għall-obbligu li jiġu adottati l-miżuri statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali meħtieġa.

72      Il-Gvern Awstrijak isostni li l-obbligu stipulat fl-Artikolu 6(1) tad-Direttva mhuwiex li jiġu adottati, f’kull każ, miżuri ta’ konservazzjoni, imma biss il-miżuri ta’ konservazzjoni “meħtieġa”. Fi kwalunkwe każ, meta tali miżuri huma imposti minbarra l-obbligi u projbizzjonijiet li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 9(4) tan-Nö NSchG, dawn il-miżuri għandhom effettivament jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Land sabiex jaslu għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva timponi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tal-liġi dwar l-ambjent u li, għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati b’mod partikolari jassiguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, tkun ċara u preċiża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

74      Fir-rigward ta’ l-ilment ifformulat mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li kemm l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva kif ukoll l-Artikolu 9(5) tan-Nö NSchG jużaw it-termini “jekk hemm bżonn”. Madankollu, fid-dispożizzjoni ta’ dritt intern, dawn it-termini jirreferu b’mod ġenerali għall-miżuri ta’ konservazzjoni kollha, li jfisser li, skond din id-dispożizzjoni, l-implementazzjoni ta’ tali miżuri mhijiex obbligatorja.

75      Għall-kuntrarju, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, dawn l-istess termini jirreferu biss għal każijiet partikolari, jiġifieri ċerti mezzi jew għażliet tekniċi ta’ konservazzjoni li huma ddefniti bħala “pjani ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjani ta’ żvilupp l-oħra”.

76      Għalhekk, id-Direttiva timponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa u dan jeskludi kull tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-Istati Membri u jillimata l-eventwali possibbiltajiet regolamentari jew deċiżjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-mezzi sabiex jimplementaw u ta’ l-għażliet tekniċi li għandhom isiru fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri.

77      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 9(5) tan-Nö NSchG ma jistax jitqies li jittrasponi suffiċjentement l-obbligu li f’kull każ jittieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

78      F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq mill-Gvern Awstrijak li f’kull każ, din id-dispożizzjoni ta’ dritt intern tiġi interpretata in konformità mad-Direttiva meta jkunu meħtieġa miżuri ta’ konservazzjoni.

79      Fil-fatt, tali interpretazzjoni in konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern ma tistax, waħedha, tippreżenta l-kjarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex tissodisfa l-eżiġenza ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1996, Il-Kumissjoni vs Il-Greċja, C-236/95, Ġabra p. I-4459, punt 13, u ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-144/99, Ġabra p. I-3541, punt 21).

80      Minbarra dan, sempliċi prattiċi amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jiġu modifikati skond ir-rieda ta’ l-amministrazzjoni u ma jingħatawx pubbliċità adegwata, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu eżekuzzjoni ta’ l-obbligi li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/96, Ġabra p. I-1489, punt 14; tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-145/99, Ġabra p. I-2235, punt 30, u ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-33/03, Ġabra p. I-1865, punt 25).

81      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Niederösterreich mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

82      Għaldaqstant ir-rikors huwa fondat fuq dan il-punt.

 Ksur ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fil-Land ta’ Oberösterreich

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 15(2) ta’ l-Oö NSchG jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu stabbiliti pjani ta’ manutenzjoni tal-pajsaġġi. Madankollu tali possibbiltà mhijiex suffiċjenti fid-dawl ta’ l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

84      Minbarra dan, il-Kummissjoni tirrileva li, skond din l-istess dispożizzjoni, għaż-żoni protetti, il-Gvern tal-Land jista’ jistabbilixxi pjani ta’ manutenzjoni tal-pajsaġġi li jkunu jinkludu miżuri li huma “neċessarji fl-interess pubbliku” u “li ma jfixklux b’mod sinjifikattiv l-isfruttament ekonomiku awtorizzat ta’ l-artijiet ikkonċernati”. Issa, il-proposta sekondarja, li tikkonċerna l-“isfruttament ekonomiku”, hija kkunsidrata bħala restrizzjoni għall-obbligu li jiġu stabbiliti pjani ta‘ manutenzjoni tal-pajsaġġi.

85      Il-Gvern Awstrijak isostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeterminaw in-natura tal-miżuri ta‘ protezzjoni li huma jieħdu.

86      Dan il-Gvern jallega wkoll li l-Artikolu 15(2) ta’ l-Oö NSchG huwa konformi mad-Direttiva, peress li l-kunċett ta‘ “sfruttament ekonomiku” jista‘ jinftiehem biss bħala sfruttament li jirrispetta r-regoli ta‘ protezzjoni applikabbli għaż-żoni protetti. Għalhekk, sfruttament kuntrarju għall-għanjiet ta‘ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ma jistax jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet regolamentari jew amministrattivi kompetenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87      L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li, permezz tat-termini użati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju xtaq jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligi li jieħdu l-miżuri ta‘ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw l-eżiġenzi ekoloġiċi tat-tipi ta‘ ħabitat naturali u ta‘ l-ispeċi msemmija rispettivament fl-Anness I u II tad-Direttiva.

88      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(2) ta’ l-Oö NSchG, li jipprovdi li “ż-żoni Ewropej ta‘ protezzjoni” u ż-“żoni ta‘ protezzjoni tan-natura” “jistgħu” jkunu s-suġġett ta‘ pjani ta‘ manutenzjoni ta‘ pajsaġġi, jagħti marġni ta‘ diskrezzjoni lill-Gvern tal-Land dwar jekk l-adozzjoni ta‘ “miżuri ta‘ konservazzjoni meħtieġa” hijiex obbligatorja.

89      Issa, kif ġie espost fil-punt 76 ta‘ din is-sentenza, tali analiżi ma taqax taħt kompetenza fakultattiva ta‘ l-Istati Membri. Minħabba dan il-fatt biss, l-Artikolu 15(2) ta’ l-Oö NSchG ma jikkostitwixxix traspożizzjoni korretta ta‘ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

90      Għandu jingħad ukoll li dan l-Artikolu 15(2) ma jippreċiżax il-portata tal-kunċett ta‘ “sfruttament ekonomiku awtorizzat” u li huwa konċepibbli li interventi ta‘ din in-natura jistgħu jostakolaw l-adozzjoni ta‘ miżuri ta‘ konservazzjoni meħtieġa. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija, f‘dan ir-rigward ukoll, inkompatibbli ma‘ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

91      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-legiżlazzjoni tal-Land ta‘ Oberösterreich mhijiex konformi ma‘ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva.

92      Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fuq dan il-punt.

 Ksur ta‘ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva fil-Land ta‘ Tirol

–       L-argumenti tal-partijiet

93      Il-Kummissjoni ssostni li la l-Artikoli 1 u 2 u lanqas l-Artikoli 5 jew 14 tat-Tiroler NSchG ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva kien ġie traspost in konformità mad-dritt Komunitarju. L-Artikoli 22, 23 u 24 tat-Tiroler NSchG jirrigwardaw il-protezzjoni ta‘ l-ispeċi veġetali, l-ispeċi ta‘ annimali jew ta‘ għasafar kif ukoll il-miżuri relatati ma‘ l-ispeċi mhux protetti, iżda ma jistipulawx projbizzjoni ta‘ deterjorament taż-żoni speċjali ta‘ konservazzjoni.

94      Il-Gvern Awstrijak isostni li l-obbligu stipulat fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva huwa meħud in kunsiderazzjoni mill-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Tiroler NSchG.

95      Fil-fatt, jekk jiġi ammess li dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludux projbizzjoni speċifika ta‘ deterjorament taż-żoni speċjali ta‘ konservazzjoni, dan il-Gvern iqis, madankollu, li t-traspożizzjoni ta‘ dan l-obbligu ma tirrikjedix neċessarjament li jiġi riprodott litteralment it-test ta‘ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva. L-awtorità leġiżlattiva tal-Land kienet assigurat li tieħu debitament in kunsiderazzjoni din l-eżiġenza ta‘ protezzjoni, b‘mod li jiġi ggarantit li l-ħabitat naturali u l-ħabitat ta‘ l-ispeċi ma jiġux deterjorati u li l-ispeċi li għalihom dawn iż-żoni ġew innominati ma jiġux imfixkla.

96      Dan il-Gvern iżid jgħid li, f‘kull każ, l-emendi leġiżlattivi magħmula mill-Artikolu 14 tat-Tiroler NSchG kienu għamlu din il-liġi konformi mad-Direttiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-Artikolu 14 tat-Tiroler NSchG kien ġie introdott biss wara l-iskadenza tat-terminu taż-żmien preskritt fl-opinjoni motivata. Għalhekk, din l-emenda leġislattiva hija mingħajr rilevanza għall-finijiet ta‘ l-evalwazzjoni ta‘ dan il-motiv ta‘ nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 50 ta‘ din is-sentenza.

98      Fir-rigward ta‘ l-ewwel obbligu previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, li jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta‘ konservazzjoni, id-deterjorament tal-ħabitat naturali u tal-ħabitat ta‘ l-ispeċi, fid-dawl ta‘ l-argument imressaq mill-Gvern Awstrijak fir-rigward tal-modalitajiet ta‘ traspożizzjoni ta‘ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Land ta‘ Tirol, kif kien fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu taż-żmien preskritt fl-opinjoni motivata, ma kienx jinkludi dispożizzjoni li għandha l-preċiżjoni legali neċessarja u li timponi fuq l-awtoritajiet kompetenti li jevitaw id-deterjorament ta‘ l-imsemmija ħabitat (ara, f‘dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

99      F‘dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li l-kuntest legali ġenerali li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Land ta‘ Tirol kien jissodisfa l-eżiġenzi msemmija iktar ‘il fuq ma jistax jintlaqa‘.

100    Fir-rigward tat-tieni obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, li jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw it-tfixkil li jolqot l-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni speċjali ta‘ konservazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 22 sa 24 tat-Tiroler NSchG lanqas ma jistrasponu dan l-obbligu, peress li ma jikkonċernawx l-ispeċi li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ li dawn iż-żoni jiġu nnominati, jiġifieri l-ispeċi msemmija fl-Anness II tad-Direttiva, imma l-ispeċi msemmija fl-Anness IV(a) tagħha, li l-protezzjoni tagħha taqa‘ taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva.

101    Issa, il-protezzjoni ta‘ l-ispeċi li għalihom iż-żoni speċjali ta‘ konservazzjoni kienu ġew innominati, għandha tiġi assigurata b‘mod komplut (ara s-sentenza tat-13 ta‘ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-75/01, Ġabra p. I-1585, punt 43).

102    Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni tal-Land ta‘ Tirol mhijiex konformi ma‘ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva.

103    Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fuq dan il-punt.

 Ksur ta‘ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva fil-Länder ta‘ Niederösterreich u ta‘ Salzburg

–       Ilment relatat mal-leġiżlazzjoni tal-Land ta‘ Niederösterreich

L-argumenti tal-partijiet

104    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 20, 21 u 22 tan-Nö NSchG ma jagħmlux referiment għall-kriterju li “jinżammu fi stat ta‘ konservazzjoni favorevoli” u li l-kundizzjonijiet u kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tkun tista‘ ssir deroga mis-sistema ta‘ protezzjoni prevista fid-Direttiva mhumiex elenkati b‘mod eżawrjenti, kuntrarjament għal kif inhuwa stabbilit fl-Artikolu 16(1) tagħha.

105    Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 95 tan-Nö JagdG jikkonċernaw biss l-ispeċi ta‘ annimali li jgħixu fi stat selvaġġ, u li għalhekk ma japplikawx għal speċi oħra.

106    Il-Gvern Awstrijak isostni li, minħabba t-teknika leġiżlattiva magħżula, il-protezzjoni mitluba mid-Direttiva hija assigurata mill-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG. Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, min-naħa, jaġixxu skond id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, jirrispettaw il-projbizzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar il-kaċċa. Fil-prattika, l-awtorizzazzjonijiet derogatorji jingħataw biss b‘mod restrittiv ħafna, jiġifieri biss meta ma jkun hemm ebda tħassib dwar periklu sinjifikattiv ta‘ l-ispeċi ta‘ pjanti u ta‘ annimali selvaġġi protetti.

107    Dan il-Gvern isostni wkoll li l-istess dispożizzjoni tassigura r-rispett tal-prinċipju ta‘ ċertezza legali minħabba li hija tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw espliċitatament il-mezzi, it-tagħmir u l-metodi ta‘ qbid u ta‘ qtil awtorizzati.

108    Fl-aħħar nett, dan il-Gvern jispjega li d-derogi previsti fl-Artikolu 21(1) u (2) tan-Nö NSch ma jistgħu qatt japplikaw fil-każ ta‘ dannu intenzjonat lejn pjanti, annimali jew ħabitat protetti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 12 sa 14 u 15(a) u (b) tad-Direttiva jiffurmaw ġabra koerenti ta‘ normi li jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi stretti ta‘ protezzjoni ta‘ l-ispeċi ta‘ annimali u veġetali kkonċernati (ara, f‘dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 112).

110    Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 16 tad-Direttiva, li jiddefinixxi b‘mod preċiż il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal derogi għall-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 12 sa 15 tagħha, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta‘ eċċezzjoni għas-sistema ta‘ protezzjoni prevista mid-Direttiva. Għaldaqstant, dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat b‘mod restrittiv (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 111).

111    Għandu jingħad ukoll f‘dan ir-rigward li, skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, kull miżura meħuda fuq livell nazzjonali li tidderoga mill-projbizzjonijiet previsti fid-Direttiva għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix alternattiva sodisfaċenti oħra.

112    Minn dan jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jissuġġettawx l-għoti ta‘ derogi mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 u 15(a) u (b) tad-Direttiva għall-kriterji u l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 16 tagħha, iżda, b‘mod inkomplet, għal xi wħud mill-elementi tagħha, ma jistgħux jikkostitwixxu sistema konformi ma‘ dan l-aħħar Artikolu.

113    Minbarra dan, kif ġie mfakkar fil-punt 80 ta‘ din is-sentenza, prattika amministrattiva konformi mad-dispożizzjonijiet ta‘ direttiva mhijiex biżżejjed sabiex tassigura traspożizzjoni korretta tad-dritt Komunitarju.

114    L-ewwel nett, fir-rigward ta‘ l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li għalkemm dan jipprovdi li xi derogi jistgħu jingħataw meta ma jkunx hemm lok li wieħed jinkwieta dwar periklu għall-flora u l-fawna selvaġġa, dan l-artikolu ma jeskludix tali derogi fil-każ li l-popolazzjonijiet ta‘ l-ispeċi kkonċernati ma jkunux jinsabu fi stat ta‘ konservazzjoni favorevoli.

115    Issa, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jagħmel l-istat ta‘ konservazzjoni favorevoli ta‘ dawn il-popolazzjoni ta‘ l-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-għoti tad-derogi li huwa jipprevedi.

116    F‘dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambigwità li tikkaratterizza l-kliem ta‘ l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG hija inkompatibbli ma‘ l-eżiġenza ta‘ traspożizzjoni preċiża u ċara ta‘ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (ara, b'analoġija, is-sentenza tat-23 ta‘ Marzu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-365/93, Ġabra p. I-499, punt 9).

117    Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-motivi ta‘ deroga, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG jirreferi, bħala eżempju, għal derogi għal finijiet ta‘ xjenza u ta‘ tagħlim.

118    Issa, għalkemm huwa veru li tali derogi jistgħu jkunu marbuta ma‘ l-Artikolu 16(1)(d) tad-Direttiva, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt nazzjonali ma teskludix, madankollu, li derogi jistgħu jiġu awtorizzati għal motivi oħra minbarra dawk li huma elenkati b‘mod eżawrjenti fl-Artikolu 16(1)(a) sa (d) tad-Direttiva.

119    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG lanqas ma jirriproduċi l-kundizzjonijiet, meħtieġa sabiex tingħata deroga, li jinsabu fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva, jiġifieri l-eżiġenza li kull miżura derogatorja tkun marbuta b‘kundizzjonijiet strettament ikkontrollati u tkun ta‘ natura selettiva u limitata.

120    It-tieni nett, fir-rigward ta‘ l-Artikolu 21 tan-Nö NSchG, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva ma jipprovdix motiv ta‘ deroga favur sfruttament kummerċjali ta‘ natura agrikola jew forestali.

121    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Awstrijak ibbażat fuq dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-kaċċa, hemm lok li jiġi osservat li l-applikazzjoni ta‘ l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG tista‘ tikser l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva barra mill-qasam tal-kaċċa. Minbarra dan, anki jekk l-awtoritajiet kompetenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta‘ protezzjoni tan-natura dwar l-attività tal-kaċċa, tali sistema ma tistax tistabblixxi kuntest ġuridiku konformi mad-dispożizzjoni Komunitarja li telenka b‘mod eżawrjenti l-motivi għal deroga aċċettati. Fil-fatt, l-Artikolu 95 tan-Nö Jagd ma fihx tali lista ta‘ motivi, iżda sempliċement jipprojbixxi ċertu numru ta‘ metodi ta‘ kaċċa għal ċerti speċi ta‘ annimali.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta‘ Niederösterreich mhijiex konformi ma‘ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.

123    Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fuq dan il-punt.

–       Ilment relatat mal-leġiżlazzjoni tal-Land ta‘ Salzburg

L-argumenti tal-partijiet

124    Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 34 tas-Sbg NSchG u l-Artikolu 104(4) tas-Sbg JagdG ma jirriproduċux il-kriterju ta‘ “ħarsien ... fi stat ta‘ konservazzjoni favorevoli” li jinsab fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. Minbarra dan, il-motivi ta‘ deroga previsti fil-punti 2 u 9 ta‘ l-Artikolu 34(1) tas-Sbg NSchG, li jikkonċernaw il-produzzjoni ta‘ xorb u tal-kostruzzjoni ta‘ tagħmir, ma jistgħux ikunu koperti minn wieħed mill-motivi li jinsab fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.

125    Il-Gvern Awstrijak isostni li, safejn l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jipprovdi għall-possibbiltà ta‘ deroga għall-projbizzjonijiet previsti mid-Direttiva, ikun kontra l-loġika tas-sistema ta‘ protezzjoni kif stabbilita li jiġi stipulat obbligu ta‘ ripristinar ta‘ stat ta‘ konservazzjoni favorevoli fil-kuntest ta‘ dispożizzjoni relatata ma‘ l-għoti ta‘ awtorizzazzjonijiet derogatorji. Barra minn hekk, l-Artikolu 34(3) tas-SbG NSchG huwa aktar strett mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, safejn kull miżura derogatorja għandha tevita deterjorament f‘dak li jikkonċerna l-popolazzjonijiet ta‘ speċi veġetali jew ta‘ annimali li huma preżenti fiż-żona kkonċernata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

126    Għandu jiġi osservat li t-termini “ħarsien ... fi stat ta‘ konservazzjoni favorevoli” li jinsabu fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva huma relatati ma‘ sitwazzjoni li hija ddefinita fl-Artikolu 1(i) tagħha u li tinkludi, min-naħa, elementi ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta‘ dan il-punt u, min-naħa l-oħra, ċertu numru ta‘ kriterji ta‘ natura kumulattiva. Kif jirriżulta mill-punt 59 ta‘ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu dawn il-kunċetti fid-dritt intern tagħhom bi preċiżjoni legali suffiċjenti.

127    Għall-kuntrarju, l-Artikolu 104(4) tas-Sbg JagdG jipprovdi li jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet derogatorji “meta dan ma jipperikolax il-popolazzjoni ta‘ l-ispeċi selvaġġa kkonċernata”. Din id-dispożizzjoni ma tirrispettax is-sistema ta‘ protezzjoni prevista fid-Direttiva, peress li tippermetti derogi għall-projbizzjonijiet ta‘ prinċipju mingħajr ma tissuġġettahom għal rekwiżit imperattiv ta‘ ħarsien tal-popolazzjonijiet ta‘ l-ispeċi kkonċernati fi stat ta‘ konservazzjoni favorevoli.

128    Fir-rigward ta‘ l-Artikolu 34(1) tas-Sbg NSchG, il-ġustifikazzjonijiet ibbażati, rispettivament, fuq il-produzzjoni ta‘ xorb u ta‘ kostruzzjoni ta‘ tagħmir ma jaqgħux taħt wieħed mill-motivi identifikati b‘mod eżawrjenti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.

129    Għalhekk, in-nuqqas allegat għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit.

 Ksur ta‘ l-Artikolu 22(b) tad-Direttiva tal-Land ta‘ Niederösterreich

–       L-argumenti tal-partijiet

130    Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG jagħmel l-għoti ta‘ awtorizzazzjoni ta‘ introduzzjoni ta‘ speċi mhux indiġena dipendenti fuq kriterju mhux previst mid-Direttiva, jiġifieri li d-dannu possibbli ma jkunx “fit-tul”. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix il-ħsara kollha għall-ħabitat naturali fil-firxa naturali tagħhom kif ukoll għall-fawna u l-flora selvaġġa indiġena dovuta għall-introduzzjoni intenzjonata ta‘ speċi mhux indiġeni.

131    Il-Gvern Awstrijak iqis li, fil-kuntest ta‘ interpretazzjoni ta‘ l-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG skond id-Direttiva, l-awtorizzazzjoni biex tiġi introdotta fin-natura speċi mhux indiġena jew mhux adattata għall-kundizzjonijiet lokali ser tkun dejjem miċħuda jekk tali intervent jippreġudika l-flora u l-fawna indiġeni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

132    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG jippermetti l-introduzzjoni intenzjonata ta‘ speċi ta‘ annimali jew veġetali mhux indiġeni bil-kundizzjoni li l-ħabitat naturali kif ukoll il-fawna u l-flora selvaġġa indiġeni ma jkunux affettwati b‘mod dewwiemi.

133    Issa, tali sistema ma tikkostitwixxix traspożizzjoni korretta tas-sistema ta‘ protezzjoni stipulata mid-Direttiva. Fil-fatt din is-sistema teżiġi li kull miżura derogatorja għandha tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(b) tad-Direttiva, b‘mod partikolari dik li awtorizzazzjoni ma tistax tingħata ħlief safejn din ma tippreġudikax il-ħabitat naturali.

134    F‘dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-espressjoni “ma tippreġudikax” tikkostitwixxi eżiġenza ta‘ protezzjoni mingħajr ambigwità li tmur lil hinn minn dik li tinsab fl-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG.

135    Għalhekk, in-nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu allegat għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit.

136    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika ta‘ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1, l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikoli 12 u 13 kif ukoll l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 22(b) tad-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

137    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li tilfet fir-rigward tal-motivi essenzjali tagħha, li xorta jikkonċernaw is-suġġett tal-kawża, hemm lok li r-Repubblika ta‘ l-Awstrija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif miltub mill-Kummissjoni.

138    Għal dak li jikkonċerna l-motivi dwar nuqqas ta‘ twettiq ta‘ obbligu indikati fir-rikors li beda dawn il-proċeduri u li kienu s-suġġett ta‘ rinunzja min-naħa tal-Kummissjoni fi stadju ulterjuri tal-proċeduri, għandu jiġi kkonstatat li r-rinunzja ta‘ l-ilmenti kkonċernati saret wara l-emendi ta‘ l-istrumenti legali nazzjonali in kwistjoni. Għalhekk, din ir-rinunzja hija imputabbli għall-konvenuta peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern kienu ġew adattati għall-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju b‘dewmien. Skond l-Artikolu 69(5) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika ta‘ l-Awstrija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha ta‘ dawn il-proċeduri.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba‘ Awla) taqta‘ u tiddeċiedi

1)      Ir-Repubblika ta‘ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(e), (g) u (i), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikoli 12 u 13 kif ukoll l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 22(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta‘ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika ta‘ l-Awstrija hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top