Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0428

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-6 ta' April 2006.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 89/391/KEE - Miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol - Nuqqas ta' komunikazzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni - Traspożizzjoni inkorretta jew inadegwata - Artikoli 2(1), 7(3), 8(2), 11(2)(c) u (d) u 13 (2)(b) u 18.
    Kawża C-428/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:238

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    tas-6 ta' April 2006 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 89/391/KEE – Miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol – Nuqqas ta' komunikazzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni – Traspożizzjoni inkorretta jew inadegwata – Artikoli 2(1), 7(3), 8(2), 11(2)(c) u (d) u 13 (2)(b) u 18"

    Fil-kawża C-428/04,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-6 ta' Ottubru 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Yerrell u H. Kreppel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Ottubru 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li,

    –       billi minkejja li għadda t-terminu mogħti, ma ġietx adottata l-liġi dwar l-istatut ta' l-għalliema tal-Länder (Landeslehrer-Dienstrechtsgesetz, BGBl. I, 69/2004, iktar 'il quddiem il-"LDG") il-liġi dwar l-assigurazzjoni ta' l-uffiċjali, l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-assigurazzjoni kontra l-korriment (Beamten –, Kranken – und Unfallversicherungsgesetz, BGBl. 200/1967, iktar 'il quddiem "B – KUVG", u l-liġi dwar is-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali (Allgemeines sozialversicherungsgesetz, iktar 'il quddiem l-"ASVG"), li suppost ittrasponew fid-dritt Awstrijak id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta' Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, p. 1, iktar il-quddiem id-"Direttiva"), jew fil-każ li l-imsemmija liġijiet ġew adottati fil-ħin, billi r-Repubblika ta' l-Awstrija ma kkomunikathomx lill-Kummissjoni;

    –       billi ma ttrasponietx, jew ittrasponiet fid-dritt Awstrijak b'mod inkomplet, l-Artikolu 2(1) għall-għalliema tat-tagħlim obbligatorju fit-Tirol, u l-Artikoli 7(3) 8(2), 11(2), 12(4), u 13(2)(a) u (b), tad-Direttiva,

    ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll skond l-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva:

    "Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta' attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta' servizz, edukattivi, kulturali, ta' serħan etc.)."

    3       L-Artikolu 7 tad-Direttiva li hu intitolat "Servizzi ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni", jipprovdi:

    "1.      Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li hemm riferenza għalihom fl-Artikoli 5 u 6, min iħaddem għandu jaħtar ħaddiem wieħed jew aktar sabiex iwettaq attivitajiet relatati mal-protezzjoni u mal-prevenzjoni ta' riskji kkaġunati mix-xogħol għall-intrapriża u/jew l-istabbiliment.

    […]

    3.      Jekk dawn il-miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni ma jkunux jistgħu jiġu organizzati minħabba nuqqas ta' persunal kompetenti fl-intrapriża u/jew stabbiliment, min iħaddem għandu [jingaġġa] s-servizzi esterni jew persuni kompetenti.

    […]

    7.      Stati Membri jistgħu jiddefinixxu, fid-dawl tan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriżi, il-kategoriji ta' l-intrapriżi li fihom min iħaddem, sakemm ikun kompetenti, ikun jista' jieħu responsabbilità hu nnifsu għall-miżuri li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1..

    […]"

    4       L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva jiddisponi kif ġej:

    "1.      Min iħaddem għandu:

    –       jieħu l-miżuri meħtieġa għall-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u evakwazzjoni ta' ħaddiema, addattati għan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment u jagħti kas ta' persuni oħra preżenti,

    –       jagħmel kwalunkwe kuntatti meħtieġa ma' servizzi esterni, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-ewwel għajnuna, kura medika ta' emerġenza, xogħol ta' salvataġġ u tifi tan-nar.

    2.      Skond paragrafu 1, min iħaddem għandu, inter alia, għall-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u l-evakwazzjoni ta' ħaddiema, jaħtar il-ħaddiema meħtieġa sabiex jimplimentaw miżuri bħal dawn.

    In-numru ta' ħaddiema bħal dawn, it-taħriġ tagħhom u l-apparat disponibbli għalihom għandu jkun adekwat, billi jingħata kas tad-daqs u/jew tal-perikoli speċifiċi ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment."

    5       Skond l-Artikolu 10, tad-Direttiva:

    "1.      Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-intrapriża u/jew stabbiliment jirċievu, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali li jistgħu jagħtu każ, inter alia, tad-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment, […] l-informazzjoni kollha li tikkonċerna:

    a)       ir-riskji tas-sigurtà u s-saħħa u miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni u attivitajiet fir-rigward kemm ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment inġenerali kif ukoll ta' kull tip ta' stazzjon ta' xogħol u/jew xogħol;

    b)      il-miżuri [li] jittieħdu skond l-Artikolu 8(2)..

    2.      Min iħaddem għandu jieħu miżuri xierqa sabiex sidien ta' […] ħaddiema minn kwalunkwe intrapriżi u/jew stabbilimenti [esterni] li jkunu qegħdin jagħmlu xogħol [f]l-intrapriża tiegħu u/jew stabbiliment jirċievu, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, informazzjoni xierqa li tikkonċerna l-punti li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1(a) u (b) li għandha tiġi pprovduta lill-ħaddiema msemmija.

    3.      Min iħaddem għandu jieħu miżuri xierqa sabiex ħaddiem b'funzjonijiet speċifiċi fil-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, jew rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabbilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jkollhom aċċess, sabiex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom u skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, għal::

    a)      stima ta' riskju u miżuri ta' protezzjoni li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 9(1)(a) u (b)

    b)      il-lista u r-rapporti li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 9(1)(ċ) u (d);

    c)      l-informazzjoni maħruġa mill-miżuri ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni, aġenziji ta' spezzjoni u korpi responsabbli għas-sigurtà u s-saħħa"

    6       L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva jipprovdi:

    "Ħaddiema jew rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom jieħdu sehem b'mod ibbilanċjat, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, jew għandhom jiġu kkonsultati bil-quddiem u fi żmien xieraq minn min iħaddem fir-rigward ta':

    […]

    b)      il-ħatra tal-ħaddiema li hemm riferenza għalihom fl-Artikoli 7(1) u 8(2) u l-attivitajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 7(1);

    c)      l-informazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikoli 9(1) u 10;

    d)      l-[ingaġġar], fejn ikun addattat, tas-servizzi jew persuni kompetenti [esterni għa]ll-intrapriża u/jew stabbiliment, kif hemm riferenza għalih fl-Artikolu 7(3);

    […]"

    7       Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva:

    "1.      Għandha tkun ir-responsabbilità ta' kull impjegat li jieħu ħsieb sa fejn ikun possibbli tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu stess u dik ta' persuni oħra [a]ffettwati mill-azzjonijiet tiegħu jew [o]mmissjonijiet [fix-]xogħol skond it-taħriġ tiegħu u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddmu.

    2.      Għal dan il-għan, ħaddiema għandhom, b'mod partikolari, skond it-taħriġ tagħhom u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddimhom:

    a)      jagħmlu użu korrett ta' makkinarju, apparat, għodda, sustanzi perikolużi, tagħmir tat-trasport u mezzi oħra ta' produzzjoni;

    b)      jagħmlu użu korrett tat-tagħmir ta' protezzjoni pprovdut lilhom u, wara l-użu, jirritornawh fil-post addattat tiegħu;

    […]"

    8       Skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1992, u jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9       Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Awstrjak permezz ta' liġi federali fuq is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol [Bundesgesetz über Sicherheit und Gesundheitsschutz bei der Arbeit (ArbeitnehmerInnenschutzgesetz), fil-verżjoni li ġiet ppubblikata fil- BGBl. I, 159/2001, iktar 'il-quddiem l-"ASchG"].

    10     L-Artikolu 11 ta' l-ASchG jiddisponi kif ġej:

    "[…]

    (5)      Il-persuni responsabbli għas-sigurtà għandhom jiġu informati qabel ma jinħatru jew jitneħħew, rappreżentanti tas-sigurtà, tobba tax-xogħol kif ukoll persuni li għandhom jagħtu l-ewwel għajnuna, li huma responsabbli għat-tifi tan-nar u l-evakwazzjoni tal-ħaddiema. L-imsemmija ħatra jew tneħħija għandha tkun is-suġġett ta' konsultazzjoni mal-persuni responsabbli għas-sigurtà, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti korpi li jirrappreżentaw lill-impjegat jew sakemm il-ħatra jew it-tneħħija ma ssirx fi ħdan il-kumitat għall-protezzjoni tal-ħaddiema.

    (6)      Fin-nuqqas ta' korp li jirrappreżenta lill-impjegati, min iħaddem għandu:

    1.      jikkonsulta l-persuni responsabbli għas-sigurtà, waqt l-ippjanar u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, fuq il-konsegwenzi għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, marbuta ma' l-għażla ta' apparat jew sustanzi, ma' l-orgaizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ma' l-impatt ta' fatturi ambjentali fil-post tax-xogħol;

    2.      jinvolvi l-persuni responsabbli għas-sigurtà fl-għażla ta' l-apparat ta' protezzjoni personali u

    3.      iinvolvi lill-persuni responsabbli għas-sigurtà fir-riċerka u l-evalwazzjoni tar-riskji u fit-tħejjija ta' miżuri xierqa kif ukoll fl-ippjanar u l-organizzazzjoni tat-taħriġ.

    (7)      Min iħaddem għandu:

    1.      jiggarantixxi li l-persuni responsabbli għas-sigurtà jkollhom aċċess għad-dokumenti dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa kif ukoll għall-informazzjoni u r-rapporti dwar aċċidenti fuq il-post tax-xogħol;

    2.      iqiegħed id-dokumenti li ġejjin għad-dispożizzjoni tal-persuni responsabbli għas-sigurtà:

    a)      id-dokumenti dwar l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2);

    b)      ir-riżultati tal-livelli ta' sustanzi perikolużi u tal-ħsejjes kif ukoll ta' kejl u studji oħra dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa, u

    c)      in-noti dwar is-sustanzi u l-ħsejjes;

    3.      jinforma immedjatament lill-persuni responsabbli għas-sigurtà dwar kwalunkwe livelli eċċessivi u l-kawża tagħhom, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda biex jirrimedjaw għal dan u

    4.      jinforma lill-persuni responsabbli għas-sigurtà dwar l-obbligi, istruzzjonijiet u awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

    [...]"

    11     Skond l-Artikolu 12(7) ta' l-ASchG, fin-nuqqas ta' persuni maħtura bħala responsabbli għas-sigurtà u korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, il-ħaddiema kollha għandhom jiġu informati dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(7) ta' din il-liġi u jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha msemmija f'din id-dispożizzjoni.

    12     L-Artikolu 13(2) ta' l-ASchG jipprovdi li fin-nuqqas ta' persuni maħtura bħala responsabbli għas-sigurtà u korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, il-ħaddiema kollha għandhom jiġi kkonsultati u involuti fil-kwistjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 11(5) u (6) ta' din il-liġi.

    13     Skond l-Artikolu 15 ta' l-ASchG, il-ħaddiema għandhom, skond it-taħriġ tagħhom u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddimhom, jagħmlu użu korrett mill-għodda tax-xogħol u l-apparat ta' protezzjoni personali mogħtija lilhom, b'mod konformi ma' l-imsemmija liġi.

    14     L-Artikolu 25 ta' l-ASchG jipprovdi li min iħaddem għandu jagħżel, fejn neċessarju, persuna responsabbli għat-tifi tan-nar u għall-evakwazzjoni tal-ħaddiema. Skond l-istess dispożizzjoni, numru adegwat ta' ħaddiema għandhom ikunu kapaċi jużaw l-apparat għat-tifi tan-nar.

    15     Skond l-Artikolu 26 ta' din il-liġi, fejn ħames ħaddiema jew aktar huma impjegati regolarment f'post wieħed minn min iħaddem, għandhom jintgħażlu numru adegwat ta' persuni responsabbli għall-ewwel għajnuna. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li dawk il-persuni għandhom ikollhom biżżejjed taħriġ biex jagħtu l-ewwel għajnuna u li għandu jiġi żgurat li, waqt il-ħinijiet tax-xogħol, ikun hemm numru adegwat ta' persuni preżenti fl-intrapriża li huma kapaċi jagħtu l-ewwel għajnuna skond in-numru ta' ħaddiema li huma regolarment preżenti fuq il-post tax-xogħol.

    16     L-Artikolu 73(1) ta' l-ASchG jipprovdi kif ġej:

    "Min iħaddem għandu jaħtar rappreżentanti tas-sigurtà. Dan l-obbligu jista' jiġi sodisfatt:

    1.      billi jiġu impjegati rappreżentanti tas-sigurtà b'kuntratt (rappreżentanti tas-sigurtà ta' l-intrapriża stess) jew

    2.      billi jitqabbdu rappreżentanti tas-sigurtà li jkunu esterni għall-intrapriża jew

    3.      billi jintużaw is-servizzi ta' ċentru ta' sigurtà.

    […]"

    17     Skond l-Artikolu 79(1) ta' l-ASchG:

    "Min iħaddem għandu jaħtar tobba tax-xogħol. Dan l-obbligu jista' jiġi sodisfatt:

    1.      billi jiġu impjegati tobba tax-xogħol b'kuntratt (tobba tax-xogħol ta' l-intrapriża stess) jew

    2.      billi jitqabbdu tobba tax-xogħol li jkunu esterni għall-intrapriża jew

    3.      billi jintużaw is-servizzi ta' ċentru mediku tax-xogħol awtorizzat.

    […]"

    18     Skond l-Artikolu 10(3) tal-liġi federali fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa ta' l-aġenti impjegati fis-servizz ta' l-Istat [Bundesgesetz über Sicherheit und Gesundheitsschutz der in Dienststellen des Bundesbeschäftigten Bediensteten (Bundes-Bedienstetenschutzgesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 131/2003, iktar 'il quddiem il-"B-BSG"], l-għażla tal-persuni responsabbli għas-sigurtà teżiġi l-approvazzjoni tal-korp kompetenti fir-rigward tar-rappreżentazzjoni ta' l-impjegati skond l-Artikolu 10 tal-liġi Federali fuq ir-rappreżentazzjoni ta' l-impjegati (Bundes‑Personalvertretungsgesetz, BGBl. 133/1967). Tali eżiġenza tapplika wkoll meta rappreżentant ta' l-impjegati jaqdi d-dmirijiet ta' persuna responsabbli għas-sigurtà.

    19     L-Artikolu 11 tal-B‑BSG jipprovdi kif ġej:

    "[…]

    (2)      Il-persuni responsabbli għas-sigurtà mhuma marbuta b'ebda istruzzjoni fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom kif regolati mil-liġi federali.

    […]

    (4)      Min iħaddem huwa mitlub jikkonsulta l-persuni responsabbli għas-sigurtà fl-affarijiet kollha li jirrigwardaw is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa.

    (5)      Il-persuni responsabbli għas-sigurtà għandhom jiġu informati qabel ma jinħatru jew jitneħħew rappreżentanti tas-sigurtà, ċentri mediċi tax-xogħol kif ukoll persuni li għandhom jagħtu l-ewwel għajnuna, li huma responsabbli għat-tifi tan-nar u għall-evakwazzjoni tal-ħaddiema. Il-ħatra jew it-tneħħija ppjanata għandha tkun is-suġġett ta' konsultazzjoni mal-persuni responsabbli għas-sigurtà sakemm ma jkunux ġew stabbiliti korpi li jirrappreżentaw il-ħaddiema.

    (6)      Min iħaddem għandu:

    1.      jiggarantixxi li l-persuni responsabbli għas-sigurtà jkollhom aċċess għad-dokumenti dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa, kif ukoll għall-informazzjoni u r-rapporti fuq l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol;

    2.      iqiegħed id-dokumenti li ġejjin għad-dispożizzjoni tal-persuni responsabbli għas-sigurtà:

    a)      id-dokumenti dwar l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2);

    b)      ir-riżultati tal-livelli ta' sustanzi perikolużi u tal-ħsejjes u kejl u studji oħra dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa, u

    c)      in-noti dwar is-sustanzi u l-ħsejjes;

    3.      jinforma immedjatament lill-persuni responsabbli għas-sigurtà dwar kwalunkwe livelli eċċessivi u l-kawża tagħhom, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda biex jirrimedjaw għal dan, u

    4.      jinforma lill-persuni responsabbli għas-sigurtà dwar l-obbligi, istruzzjonijiet u awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema."

    20     L-Artikolu 12(6) tal-B‑BSG jipprovdi li l-informazzjoni li għandha tingħata lil kull membru tal-persunal skond il-punti 1, 2, 4 u 5 ta' l-Artikolu 12 ta' din l-istess liġi tista' ma tingħatax jekk jintgħażlu persuni responsabbli għas-sigurtà jew ikun hemm rappreżentanti tal-ħaddiema li konsegwentement jiġu infurmati, u jekk l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom tkun suffiċjenti biex tiġi assigurata prevenzjoni effettiva tar-riskji. Skond l-imsemmi paragrafu (6), għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni f'dan ir-rigward, il-kontenut u l-għan ta' l-informazzjoni u tar-riskji eżistenti u l-karatteristiċi tas-servizz.

    21     Skond l-Artikolu 13(1) tal-B-BSG, min iħaddem għandu jikkonsulta lill-impjegati fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw is-sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol.

    22     Il-ħaddiema għandhom skond l-Artikolu 15(2) ta' l-istess liġi, jużaw korrettament u b'mod konformi mat-taħriġ tagħhom kif ukoll ma' l-istruzzjonijiet tas-superjuri tagħhom, l-għodda tax-xogħol u l-apparat ta' protezzjoni personali li jiġi pprovdut lilhom skond l-imsemmija liġi.

    23     L-Artikolu 25(4) tal-B-BSG jipprovdi li min iħaddem għandu, fejn neċessarju, jagħżel persuni li jkunu reponsabbli għat-tifi tan-nar u ta' l-evakwazzjoni tal-ħaddiema. Skond l-istess dispożizzjoni, numru suffiċjenti ta' ħaddiema jridu jkunu kapaċi jużaw l-apparat għat-tifi tan-nar.

    24     Skond l-Artikolu 26(3) tal-B-BSG, meta għall-inqas ħames ħaddiema huma impjegati, f'post wieħed, regolarment minn min iħaddem, għandhom jintgħażlu numru adegwat ta' persuni responsabbli għall-għoti ta' l-ewwel għajnuna. Huma għandhom ikollhom taħriġ suffiċjenti biex jagħtu l-ewwel għajnuna. L-istess dispożizzjoni tipprovdi wkoll li għandu jiġi assigurat li waqt il-ħin tax-xogħol ikun hemm numru suffiċjenti ta' nies preżenti meta mqabbel man-numru ta' nies regolarment preżenti fuq il-post tax-xogħol, li jkun kapaċi li jagħtu l-ewwel għajnuna.

    25     L-Artikolu 73 tal-B-BSG jipprovdi:

    "(1)      Min iħaddem għandu jaħtar rappreżentanti tas-sigurtà (esperti fis-sigurtà fuq ix-xogħol) għas-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-liġi federali. Dan l-obbligu jista' jiġi sodisfatt:

    1.      billi jiġu impjegati b'kuntratt rappreżentanti tas-sigurtà (rappreżentanti tas-sigurtà ta' l-intrapriża stess) jew

    2.      billi jitqabbdu rappreżentanti tas-sigurtà li jkunu esterni għall-intrapriża jew

    3.      billi, b'mod konformi ma' l-Artikolu 75 ta' l-[ASchG], jintużaw is-servizzi taċ-ċentru tas-sigurtà li jidher fuq il-lista ta' ċentri mħejjija mill-Ministeru Federali tax-Xogħol, tas-Saħħa u ta' Affarijiet Soċjali.

    [...]"

    26     Skond l-Artikolu 76(1) tal-B‑BSG, min iħaddem għandu jwaqqaf assistenza medika li tingħata mit-tobba tax-xogħol, għas-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-istess liġi. Skond l-Artikolu 77(1), iċ-ċentru mediku tax-xogħol għandu l-kompitu li, minn naħa jagħti pariri lil min iħaddem, lill-ħaddiema, lill-persuni responsabbli għas-sigurtà u l-korp kompetenti għar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa, tal-promozzjoni tas-saħħa flimkien mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol adattata għall-ħaddiema, waqt li, min-naħa l-oħra għandu jgħin lil min iħaddem sabiex jirrispetta l-obbligi f'dawn l-oqsma.

    27     L-Artikolu 41(1), tar-regolament tal-Land de Vienne dwar il-postijiet tax-xogħol fis-setturi ta' l-agrikoltura u s-silvikultura (Wiener Arbeitsstättenverordnung in der Land- und Forstwirtschaft, LGBl. tat-3 ta' Lulju 2003, 27/2003, iktar 'il quddiem ir-"regolament tal-Land ta' Vienne") jipprovdi li fejn għall-inqas ħames ħaddiema huma impjegati regolarment u fl-istess ħin f'post tax-xogħol minn persuna waħda, għandu jiġi żgurat li numru minimu ta' persuni jkunu mħarrġa biex jagħtu l-ewwel għajnuna.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    28     Bħala riżultat ta' l-ewwel skambju ta' ittri bejn l-awtoritajiet Awstrijaċi u l-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ġiet notifikata bil-leġiżlazzjoni intiża biex tittrasponi d-Direttiva fid-dritt nazzjonali.

    29     Fit-12 ta' Jannar 1998, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika ta' l-Awstrija dwar il-punti tad-Direttiva li fl-opinjoni tagħha ma kinux għadhom ġew trasposti fid-dritt nazzjonali. L-awtoritajiet Awstrijaċi rrispondew permezz ta' ittra tal-15 ta' April 1998.

    30     Fit-tieni skambju ta' ittri bejn l-imsemmija awtoritajiet u l-Kummissjoni, din ta' l-aħħar, talbet kjarifikazzjonijiet u informazzjoni aktar ampja fuq l-adozzjoni ta' abbozzi ta' liġijiet intiżi biex jittrasponu d-Direttiva, u r-Repubblika ta' l-Awstrija kkomunikatilha l-miżuri differenti li kienet ħadet f'dan ir-rigward.

    31     Fid-19 ta' Diċembru 2002 il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika ta' l-Awstrija, skond l-Artikolu 226 KE, opinjoni motivata fejn stiednet dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex tiġi assigurata t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali fi żmien xahrejn minn notifika ta' din l-opinjoni.

    32     Wara n-notifika mill-awtoritajiet Awstrijaċi ta' miżuri oħra ta' traspożizzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Repubblika Awstrijaka ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tittrasponi din id-Direttiva u għaldaqstant iddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

    33     Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni invokat seba' lmenti sabiex issostni r-rikors tagħha għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva minħabba li r-Repubblika Awstrijaka ma adottatx il-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha ma' din id-Direttiva fit-terminu preskritt jew, fi kwalunkwe każ, naqset milli tikkomunika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

    34     L-ilmenti l-oħra huma bbażati fuq ksur ta' ħafna dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri leġiżlattivi li ġew notifikati lilha ma jittrasponux id-Direttiva jew huma inadegwati biex jimplementawha. Madankollu fir-replika tagħha l-Kummissjoni rtirat l-ilment dwar il-ksur ta' l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva, għaldaqstant mhemmx aktar lok li jiġi eżaminat.

     Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    35     Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi naqset milli tadotta fit-terminu preskritt il-LDG, il-B‑KUVG u l-ASVG biex tassigura t-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika dawk il-miżuri lill-Kummissjoni, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli tonera l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li hi ma kinitx se tapplika dan l-ilment iktar f'dak li jikkonċerna l-B‑KUVG u l-ASVG.

    36     Il-Gvern Awstrijak osserva li d-Direttiva ġiet trasposta interament fid-dritt Awstrijak. Hu għamel referenza b'mod partikolari għal-LDG, li ġiet notifikata lill-Kummissjoni fl-10 ta' Settembru 2004.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    37     Huwa kostanti li f'dak li jikkonċerna ċertu numru ta' obbligi li joħroġu mid-Direttiva, kien biss billi adottat l-LDG li r-Reppubblika ta' l-Awstrija kkonformat ruħha mad-Direttiva.

    38     L-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi determinata skond is-sitwazzjoni li kien hemm fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni tibdil li jkun seħħ wara (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-323/01, Ġabra p. I-4711, punt 8, u tad-9 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-510/04, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 7).

    39     F'dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli tonera l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva minħabba li t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata għadda fid-19 ta' Frar 2003, filwaqt li l-LDG daħlet fis-seħħ u ġiet notifikata lill-Kummissjoni fl-1 u l-10 ta' Settembru 2004 rispettivament. Għaldaqstant l-ewwel ilment huwa fondat.

     Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    40     Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva, li tikkonċerna l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, tapplika għas-setturi ta' attività kollha, kemm privati kif ukoll pubbliċi. Madankollu l-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva għadu ma ġiex traspost fir-rigward ta' l-għalliema impjegati fl-iskejjel pubbliċi fit-Tirol li jgħallmu sal-livell ta' tagħlim obbligatorju.

    41     Il-Gvern Awstrijak josserva li t-traspożizzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 2(1) saret għat-territorju federali kollu permezz tal-LDG u li din id-dispożizzjoni hija, għaldaqstant, applikabbli wkoll għall-imsemmija għalliema.

     Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    42     Kif jirriżulta mill-punt 39 ta' din is-sentenza, dwar l-ewwel ilment invokat f'dan ir-rikors, l-LDG la ġiet adottata fit-terminu preskritt fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva u lanqas f'dak stabbilit fl-opinjoni motivata tad-19 ta' Diċembru 2003.

    43     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tieni lment huwa fondat.

     Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    44     Skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, min iħaddem għandu jagħżel ħaddiem wieħed jew numru ta' ħaddiema biex iwettqu attivitajiet ta' protezzjoni mir-riskji fuq ix-xogħol u l-prevenzjoni tagħhom jekk ikollu impjegati kwalifikati biex jagħmlu dan it-tip ta' xogħol. Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 7(3), li jipprovdi li min iħaddem għandu jingaġġa servizzi jew persuni kompetenti esterni għall-intrapriża, japplika biss fil-każ fejn min iħaddem ma jkollux ħaddiema kompetenti fl-intrapriża biex iwettqu dawn l-attivitajiet.

    45     Madankollu l-Artikoli 73(1) u 79(1) ta' l-ASchG jagħtu lil min iħaddem il-possibbiltà li jafdaw l-attivitajiet ta' protezzjoni u prevenzjoni kemm f'idejn sevizzi interni, kif ukoll f'idejn servizzi esterni. F'dak li jikkonċerna l-impjegati ta' l-Istat Federali, l-Artikolu 73 tal-B-BSG jagħti wkoll lil min iħaddem il-possibbiltà li jafda l-kompiti tas-sigurtà u prevenzjoni, kemm f'idejn ir-rappreżentanti tiegħu stess, u kemm f'idejn esperti esterni, jew ukoll f'idejn ċentru tekniku ta' sigurtà. L-Artikolu 76 ta' din il-liġi jipprovdi għall-użu esklużiv taċ-ċentri mediċi tax-xogħol biex jieħdu ħsieb il-kura medika.

    46     Il-Kummissjoni tosserva li, billi tagħti lil min iħaddem l-għażla li juża aġenti tas-sigurtà interni jew esterni biex tiġi assigurata l-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tassigurax traspożizzjoni korretta ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva.

    47     Il-Gvern Awstrijak jsostni li l-kwistjoni jekk ir-riżorsi ta' l-intrapriża jew l-istabbiliment humiex biżżejjed sabiex timmaniġġja l-attivitajiet ta' protezzjoni permezz ta' nies interni, ma tiddependix biss mid-daqs u n-natura ta' l-intrapriża, imma wkoll minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-liġi dwar il-kumpanniji u l-liġi li tikkonċerna l-eżerċizzju tal-professjonijiet artiġġjanali, kummerċjali u industrijali kif ukoll minn kriterji dedotti mil-liġi industrijali u l-liġi soċjali. Qabel kollox għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-istruttura eżistenti ta' l-intrapriżi Awstrijaċi u l-fatt li 96.7% minnhom ma jimpjegawx aktar minn 50 impjegat. Peress li l-intrapriżi kollha Awstrijaċi huma essenzjalment magħmula minn intrapriżi żgħar u medji, ikun pjuttost rari li, għall-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol, jintużaw persuni jew servizzi interni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, min iħaddem ingħata l-għażla li, sabiex jiġu koperti l-każijiet eċċezzjonali li fihom, minħabba ċirkustanzi partikolari, l-intrapriża jkollha interament biżżejjed persuni jew servizzi kompetenti biex jiġi fdat lilhom il-qadi tal-kompiti ta' prevenzjoni, jagħżel lil nies fi ħdanha. Id-dispożizzjonijiet ta' l-ASchG imsemmija mill-Kummissjoni huma għaldaqstant konformi ma l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva.

    48     F'dak li jikkonċerna l-impjegati federali, il-Gvern Awstrijak jsostni li l-fatt li l-Istat federali, bħala persuna li tħaddem, jirrikonoxxi l-importanza tal-prevenzjoni interna tar-riskju, jirriżulta mill-Artikolu 73(1) tal-B-BSG, li jipprovdi li fl-awtoritajiet amministrattivi federali li jkollhom il-persunal speċjalizzat neċessarju, il-prevenzjoni tista' tiġi assigurata minn persuni jew servizzi interni. Madankollu fiż-żmien meta ġiet adottata din il-liġi, l-Istat Federali ma kellux ħaddiema li kellhom il-kompetenza neċessarja u għall-awtoritajiet amministrattivi federali intużaw ċentri mediċi tax-xogħol esterni, biex jieħdu ħsieb l-uffiċjali.

     Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49     L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jimponi fuq min iħaddem obbligu prinċipali, li huwa dak li jagħżel ħaddiem jew numru ta' ħaddiema biex jieħdu ħsieb attivitajiet ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol. L-Artikolu 7(3) jimponi l-obbligu li jitqabbdu persuni jew servizzi kompetenti esterni għall-intrapriża (sentenza tal-15 ta' Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑49/00, Ġabra. p. I‑8575, punt 23). Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-aħħar obbligu huwa biss obbligu sussidjarju għal dak stabbilit fl-Artikolu 7(1) minħabba li jeżisti biss "[j]ekk dawn il-miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni ma jkunux jistgħu jiġu organizzati minħabba nuqqas ta' persunal kompetenti fl-intrapriża u/jew stabbiliment" (ara s-sentenza tat-22 ta' Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-441/01, Ġabra. p. I-5463, punt 20).

    50     Għaldaqstant, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jinkludi ordni ta' preċedenza ta' l-obbligi li huma imposti fuq min iħaddem (ara s-sentenza l-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitatata iktar 'il fuq, punt 21).

    51     Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-test stess ta' l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, dispożizzjoni li fl-inċiż (b) tagħmel referenza għall-ħatra ta' ħaddiema msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, u fl-inċiż (d) tagħmel referenza għall-ingaġġar, imsemmi fl-Artikolu 7(3), ta' servizzi jew persuni kompetenti esterni għall-intrapriża, filwaqt li, fir-rigward ta' din l-aħħar referenza, iżżid il-frażi "fejn ikun adattat" (ara s-sentenza l-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

    52     Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva, b'mod ċar u preċiż, it-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali ta' Stat Membru għandha tirrifletti l-ordni ta' preċedenza definita fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (sentenza l-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

    53     Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva għandha l-għan li tiffavorixxi l-parteċipazzjoni bbilanċjata ta' min iħaddem u l-impjegati fl-attivitajiet ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol, u għaldaqstant l-effettività ta' din id-Direttiva tista' tinkiseb bl-aħjar mod billi tingħata preċedenza lill-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet fi ħdan l-intrapriża. Li titħalla f'idejn min iħaddem l-għażla bejn l-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet fi ħdan l-intrapriża jew li jiġu ingaġġati persuni esterni għaliha, ma tikkontribwixxix għall-kisba ta' tali effettività tad-Direttiva, imma tikkostitwixxi nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu li tiġi assigurata l-applikazzjoni sħiħa tagħha (sentenza l-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punti 54 u 55).

    54     Minn dan isegwi li billi tingħata l-għażla lil min iħaddem, bejn li jafda l-attivitajiet relatati mal-protezzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol, jew lil persuni interni, jew lil persuni esterni, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tirrispettax l-ordni ta' preċedenza ta' l-obbligi imposti fuq min iħaddem skond l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva, b'mod li l-imsemmija leġiżlazzjoni mhijiex konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, it-tielet ilment hu fondat.

     Fuq ir-raba' lment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    55     Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, li jgħid li min iħaddem għandu, inter alia jaħtar, għall-ewwel għajnuna, għat-tifi tan-nar, u għall-evakwazzjoni tal-ħaddiema, il-ħaddiema meħtieġa sabiex jimplementaw miżuri bħal dawn, hu mingħajr kundizzjonijiet, u ma jippermetti l-ebda eċċezzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar f'dak li jikkonċerna l-ħatra ta' dawn il-ħaddiema. Kuntrarjament għall-Artikolu 8(1) li jieħu in kunsiderazzjoni n-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriża u/jew l-istabbiliment u li jistipula li dawn il-kriterji huma determinanti għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2) li jimponi fuq min iħaddem l-obbligu li jaħtar ħaddiema, ma jagħmel l-ebda referenza għal dawn il-kriterji.

    56     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva la ġie traspost korrettament u totalment fl-ASchG jew fil-B-BSG, u lanqas fir-regolament tal-Land ta' Vienne, minħabba l-fatt li dan ir-regolament nazzjonali jipprovdi eċċezzjonijiet għall-intrapriżi ż-żgħar, bi ksur ta' l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva.

    57     Il-Gvern Awstrijak isostni li r-referenza fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva għall-Artikolu 8(1) tirrigwarda t-tipi ta' miżuri, adattati għan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' intrapriża, neċessarji għall-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u l-evakwazzjoni tal-ħaddiema. Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħu, li l-Artikolu 8(2) ma jipprovdix li min iħaddem għandu f'kull każ jaħtar ħaddiema responsabbli għall-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u evakwazzjoni irrispettivament mid-daqs ta' l-intrapriża u n-natura ta' l-attivitajiet tagħha. Huwa jmissu jagħmel hekk billi jieħu in kunsiderazzjoni dawn il-kriterji. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Awstrijak hu ta' l-opinjoni li d-dispożizzjonijiet ta' l-ASchG, tal-B‑BSG u tar-regolament tal-Land ta' Vienne huma konformi ma l-imsemmi Artikolu 8(2).

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    58     Skond l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, min iħaddem għandu jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, fir-rigward ta' l-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u l-evakwazzjoni tal-ħaddiema, adattati għan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriża u/jew l-istabbiliment u filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni l-persuni l-oħra preżenti.

    59     Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2), min iħaddem għandu, inter alia, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1), jaħtar ħaddiema inkarigati li jimplementaw dawn il-miżuri.

    60     Kuntrarjament għall-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Awstrijak, ir-referenza għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva li tidher fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2), ma timplikax li l-obbligu tal-ħatra impost fuq min iħaddem huwa suġġett għan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment.

    61     Tali restrizzjoni fuq l-obbligu tal-ħatra ma tirriżultax mill-kliem użat fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, li ma jsemmi l-ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni bbażata fuq in-natura ta' l-attivitajiet jew id-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment.

    62     Barra min hekk, tali restrizzjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva li, bħal ma hu evidenti mit-titolu tagħha stess, hija intiża biex tassigura l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, u tillimita, mingħajr ġustifikazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha peress li, skond l-Artikolu 2(1), hija tapplika għas-setturi ta' attività kollha kemm privati kif ukoll pubbliċi, salv biss għad-derogi li hi tipprovdi espressament. L-imsemmija restrizzjoni jkollha bħal konsegwenza li l-obbligu tal-ħatra stabbilit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva ma jkunx japplika għall-intrapriżi u għall-istabbilimenti l-kbar jew għal dawk li jeżerċitaw ċerti attivitajiet, mingħajr ma huma pprovduti kriterji ċari u oġġettivi li jidentifikawhom.

    63     Din id-Direttiva m'għandhiex biss bħala għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-aċċidenti tax-xogħol u l-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol, iżda hija intiża wkoll biex tintroduċi miżuri speċifiċi biex tiġi organizzata din il-protezzjoni u prevenzjoni. Hi b'hekk tippreċiża ċerti mezzi li huma kkunsidrati bħala li jistgħu jippermettu li jintlaħaq l-għan stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju (sentenza l-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitatata iktar 'il fuq, punt 38). Li kieku dan ta' l-aħħar kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, billi jipprovdi fir-rigward ta' intrapriżi ta' daqs definit jew li jeżerċitaw ċerti attivitajiet, restrizzjoni ta' l-obbligu li jaħtru ħaddiema inkarigati mill-attivitajiet in kwistjoni, kien jippreċiża dan espressament.

    64     Huwa veru li l-importanza jew id-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment, kif ukoll in-natura ta' l-attivitajiet li jitwettqu minnhom, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni biex jiġu ddelinjati l-elementi li jikkostitwixxu r-rekwiżiti ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, imma mhux biex tiġi eskluża a priori l-ħatra ta' ħaddiema inkarigati mill-attivitàjiet ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni in kwistjoni.

    65     It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jipprovdi espressament li n-numru ta' ħaddiema maħtura, skond l-ewwel inċiż ta' din l-istess dispożizzjoni, it-taħriġ tagħhom u l-apparat disponibbli għalihom għandu jkun adegwat, billi jingħata kas tad-daqs u/jew tal-perikli speċifiċi ta' l-l-intrapriża u/jew l-istabbiliment. Għaldaqstant, għalkemm dawn il-kriterji jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiġi ddeterminat it-taħriġ u n-numru ta' ħaddiema maħtura u l-apparat li jiddisponu minnu, huma ma jistgħux jiġu meqjusa biex jiġi ddeterminat jekk hemmx obbligu ta' ħatra skond l-imsemmi l-ewwel inċiż.

    66     L-ewwel inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 8(2) għaldaqstant jipprovdi miżura obbligatorja fil-qasam ta' l-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u evakwazzjoni tal-ħaddiema, jiġifieri l-ħatra tal-ħaddiema kkonċernati, li hija kkunsidrata bħala neċessarja, indipendentement min-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriża u/jew l-istabbiliment. Fil-fatt għalkemm huwa evidenti li l-intrapriżi medji u żgħar għandhom il-karatteristiċi u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, li jistgħu jinfluwenzaw il-miżuri neċessarji li għandhom jittieħdu, konformement ma' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, dawn il-partikolaritajiet ma jaffettwawx il-livell intrinsiku ta' periklu fl-intrapriża u ma jistax jiġi dedott minnhom li l-obbligu tal-ħatra tal-ħaddiema inkarigati mill-implementazzjoni tal-miżuri in kwistjoni mhuwiex applikabbli għal dawn l-intrapriżi. Il-kompiti li dawn il-ħaddiema huma inkarigati li jassiguraw jirrigwardaw avvenimenti li jistgħu jseħħu fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs ta' l-intrapriża u/jew l-istabbiliment.

    67     Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li billi ma tipprovdix, fil-każijiet kollha, l-obbligu għal min iħaddem li jaħtar ħaddiema responsabbli mill-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u l-evakwazzjoni tal-ħaddiema, indipendentement mid-daqs ta' l-intrapriża u/jew ta' l-istabbilimenti kif ukoll min-natura ta' l-attivitajiet li jitwettqu minnhom, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka mhijiex konformi ma' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva u għaldaqstant ir-raba' lment huwa fondat.

     Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva

    68     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-biċċa l-kbira ta' l-Artikolu 11(2) ġie traspost fid-dritt Awstrijak, bl-eċċezzjoni ta' l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni msemmi fl-inċiż (c) ta' din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(a), (2) u (3)(c) tad-Direttiva. F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 11(2)(d), il-Kummissjoni tosserva li jonqos fid-dritt Awstrjak l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni fil-każ li jiġu ingaġġati s-servizzi jew il-persuni kompetenti esterni msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva.

     Fuq it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva

    69     Preliminarjament għandu jiġi mfakkar li, kif intqal fil-punti 49 sa 53 ta' din is-sentenza, konformement ma' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva min iħaddem għandu jaħtar ħaddiem wieħed jew aktar biex iwettqu attivitajiet relatati mal-protezzjoni u mal-prevenzjoni ta' riskji kkaġunati mix-xogħol ta' l-intrapriża u/jew l-istabbiliment. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva jipprovdi wkoll l-obbligu li jiġu ingaġġati persuni kompetenti esterni għall-intrapriża. Dan l-aħħar obbligu madankollu huwa sussidjarju meta mqabbel ma' dak li huwa espress fl-Artikolu 7(1), minħabba li jeżisti biss "[j]ekk dawn il-miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni ma jkunux jistgħu jiġu organizzati minħabba nuqqas ta' persunal kompetenti fl-intrapriża u/jew stabbiliment".

    70     Skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva l-ħaddiema jew rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabbiltà speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, għandhom jieħdu sehem b'mod ibbilanċjat, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, jew għandhom jiġu kkonsultati bil-quddiem u fi żmien xieraq minn min iħaddem fuq kwistjonijiet differenti, inklużi fuq:

    –       l-informazzjoni msemmija b'mod partikolari fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [Artikolu 11(2)(c)],

    –       l-ingaġġar, imsemmi fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, fejn ikun adattat, tas-servizzi jew persuni kompetenti esterni għall-intrapriża u/jew stabbiliment [Artikolu 11(2)(d)].

    71     L-obbligu ta' parteċipazzjoni jew konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva jkopri l-informazzjoni li ġejja, li hija elenkata fl-Artikolu 10 tad-Direttiva:

    –       dik li għandha tingħata lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom dwar ir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa u miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni u attivitajiet fir-rigward kemm ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment in ġenerali kif ukoll ta' kull tip ta' stazzjon ta' xogħol u/jew xogħol [Artikolu 10(1)(a)];

    –       dik li għandha tingħata minn min iħaddem lil sidien ta' ħaddiema minn kwalunkwe intrapriżi u/jew stabbilimenti esterni li jkunu qed jagħmlu xogħol fl-intrapriża u/jew stabbiliment ta' min iħaddem (Artikolu 10(2)), u

    –       dik li għaliha għandhom ikollhom aċċess ħaddiema jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, b'responsabbiltà speċifika għas-sigurtà u s-saħħa, sabiex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, b'mod partikolari l-informazzjoni li toħroġ mill-miżuri ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni, aġenziji ta' spezzjoni u korpi responsabbli għas-sigurtà u s-saħħa, [Artikolu 10(3)(c)].

    72     Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li l-ilment tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ksur mhux ta' l-obbligu li tingħata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva imma ta' l-obbligu ta' min iħaddem li jikkonsulta l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema 0msemmija fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva jew li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kisba ta' l-informazzjoni. Għaldaqstant dan l-ilment jittratta ksur ta' obbligu li jseħħ fi stadju preċedenti għal dak in kwistjoni fl-imsemmi Artikolu 10.

    73     Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni fir-rigward ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva, il-Gvern Awstrijak josserva li, skond, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-liġi federali li tirregola r-rapporti tax-xogħol u l-organizzazzjoni soċjali ta' intrapriżi (Arbeitsverfassungsgesetz), il-kunsill tax-xogħol għandu jipparteċipa fir-riċerka u l-evalwazzjoni tar-riskji, u fid-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, u li, fin-nuqqas ta' korpi li jirrappreżentaw il-persunal, dan il-kompitu għandu jiġi moqdi mill-persuni inkarigati mis-sigurtà, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-ASchG. Jekk l-ebda waħda miż-żewġ kategoriji ta' persuni ma tkun preżenti fl-intrapriża u/jew l-istabbiliment, il-ħaddiema kollha għandhom jiġu kkonsultati u għandhom jipparteċipaw fir-riċerka u l-evalwazzjoni tar-riskji kif ukoll id-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Ir-riċerka u l-evalwazzjoni tar-riskju kif ukoll id-determinazzjoni tal-miżuri għandhom isiru b'referenza għat-tip tal-post tax-xogħol in kwistjoni, meta dan ikun neċessarju għal raġunijiet ta' prevenzjoni tar-riskji. Skond il-Gvern Awstrijak, dawn il-kompiti jimplikaw il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'dak li jikkonċerna l-informazzjoni li toħroġ mill-attivitajiet ta' protezzjoni u prevenzjoni tar-riskji.

    74     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-ħdax u tnax-il premessa tad-Direttiva juru li għanijiet tagħha jinkludu djalogu u parteċipazzjoni bilanċjata bejn min iħaddem u l-ħaddiema bl-iskop li jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta' dawn ta' l-aħħar mill-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol (ara s-sentenza l-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39). L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva huwa espressjoni konkreta ta' dan il-għan.

    75     F'dak li jikkonċerna l-miżuri adottati mir-Repubblika ta' l-Awstrija biex tittrasponi l-Artikolu 11(2)(c), għandu jiġi osservat li r-referenza suċċessiva li ssir fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka għall-kunsill tax-xogħol, għall-persuni inkarigati mis-sigurtà u l-ħaddiema in ġenerali bħala li jridu jikkontribwixxu għar-riċerka u l-evalwazzjoni tar-riskji, jista' jkollha, f'każ li jeżisti korp li jirrappreżenta l-ħaddiema, bħall-kumitat tax-xogħol, ir-riżultat li l-ħaddiema responsabbli għall-attivitajiet marbuta mal-protezzjoni u l-prevenzjoni, li huma preċiżament dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, ma jipparteċipawx f'din ir-riċerka dwar l-informazzjoni, kif mitlub mill-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva.

    76     Ċertament, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jipprovdi obbligu ġenerali għal min iħaddem li jikkonsulta l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom u li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, l-Artikolu 11(2) jirreferi għall-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni ta' grupp partikolari ta' ħaddiema, jiġifieri dawk b'responsabbiltà speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

    77     Ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Awstrijak li l-persuni li jeżerċitaw l-attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jibbenefikaw minn pożizzjoni konkreta u partikolari f'dak li jikkonċerna l-konsultazzjoni jew il-parteċipazzjoni bilanċjata fir-rigward ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva, b'mod li din il-parti ta' l-ilment tal-Kummissjoni dwar l-imsemmi Artikolu 11(2)(c), għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata.

    78     Għandu jiġi miżjud li, billi tipprovdi li r-riċerka u l-evalwazzjoni tar-riskju u d-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu ssir b'referenza għat-tip ta' post tax-xogħol in kwistjoni "meta dan ikun neċessarju għal raġunijiet ta' prevenzjoni tar-riskji", kif tagħmel l-ArbVG, din il-liġi tistabbilixxi kundizzjoni li mhijiex konformi mat-termini ta' l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni li jitnissel mill-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 10(1)(a) tagħha.

    79     F'dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni fir-rigward ta' l-informazzjoni li għandha tingħata lil sidien ta' ħaddiema ta' intrapriżi u/jew ta' stabbilimenti esterni għall-intrapriża, imsemmija fl-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 10(2) tagħha, il-Gvern Awstrijak josserva li l-Artikolu 8(2)(1) ta' l-ASchG jassigura t-traspożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni tad-Direttiva.

    80     L-imsemmija dispożizzjoni ta' l-ASchG tipprovdi li, meta ħaddiema li mhumiex marbuta permezz ta' kuntratt mal-persuna li tħaddem li tkun responsabbli għal post tax-xogħol, jiġifieri ħaddiema esterni għall-intrapriża li jaħdmu fiha, din il-persuna li tħaddem għandha, fejn neċessarju, tara li dawn ta' l-aħħar ikunu informati bir-riskji li jeżistu fuq il-post tax-xogħol tagħhom u jiġu mħarrġa kif xieraq.

    81     Madankollu għandu jiġi kkonstatat li tali dispożizzjoni tittrasponi mhux l-ewwel obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-persuni responsabbli għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li jinsab fl-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva, li huwa dak imsemmi mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, imma l-obbligu ta' informazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(2) tagħha. Barra minn hekk, f'kull każ għandu jiġi osservat li skond l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 8(2)(1) ta' l-ASchG jipprovdi li l-persuna li tħaddem li tkun responsabbli għall-post tax-xogħol għandha tara li l-ħaddiema esterni jkunu informati bir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa. Madankollu, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva jeżiġi li informazzjoni adegwata fuq tali riskji għandha tingħata mhux lill-ħaddiema msemmija imma lis-sidien tagħhom. Għaldaqstant, anke jekk din id-dispożizzjoni ta' l-ASchG hija meqjusa li ttrasponiet kemm l-ewwel obbligu ta' parteċipazzjoni u ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva, kif ukoll l-obbligu ġenerali ta' informazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(2), hija tidher li hi inadegwata biex tiżgura traspożizzjoni korretta ta' dawn iż-żewġ obbligi.

    82     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li din il-parti ta' l-ilment tal-Kummissjoni, li tikkonċerna l-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva hija fondata wkoll.

    83     Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni fir-rigward ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3)(c) tad-Direttiva, il-Gvern Awstrijak josserva li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi ta' l-1993 dwar l-ispezzjoni tax-xogħol (Arbeitsinspektionsgesetz 1993, BGBl. 27/1993) u ta' l- ASchG, li huma elenkati fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali jissodisfaw dan l-obbligu.

    84     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni stabbilit fl-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali mhuwiex previst għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3)(c) tad-Direttiva, u hi żżid fir-replika tagħha li r-regoli invokati mill-Gvern Awstrijak jippreskrivu biss obbligi ġenerali ta' informazzjoni u dokumentazzjoni u li mhemmx enunzjazzjoni suffiċjentement preċiża ta' l-informazzjoni li hija espressament imsemmija fl-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva.

    85     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Awstrjak jipprovdu għall-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3)(c) tad-Direttiva, dawn ma jirrispettawx l-obbligu li jiġi qabel u li hu separat tal-parteċipazzjoni u konsultazzjoni mal-ħaddiema li għandhom responsabbiltà speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 11(2)(c), dispożizzjoni li hija s-suġġett ta' l-ilment tal-Kummissjoni.

    86     Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 76 sa 78 ta' din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tirreferi għal obbligi ġenerali ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-persuni u l-korpi varji li jirrappreżentaw lill-ħaddiema jew persuni responsabbli, skond il-liġi nazzjonali, għal kwistjonijiet ta' sigurtà, mingħajr madankollu ma tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-grupp partikolari ta' ħaddiema b'responsabbiltà speċifika għall-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol u għall-protezzjoni tas-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema, skond l-Artikoli 7(1) u 11(2) tad-Direttiva.

    87     Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet fid-dritt Awstijak dwar il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni ta' dawn il-ħaddiema li għandhom responsabbiltà speċifika, kif mitlub mill-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva, għandu jiġi konkluż li din il-parti ta' l-ilment tal-Kummissjoni hija fondata wkoll.

     Fuq it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 11(2)(d) tad-Direttiva

    88     F'dak li jikkonċerna l-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema li għandhom responsabbiltà speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 11(2)(d) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tosserva li tali obbligu ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fir-rigward ta' l-ingaġġar ta' servizzi jew persuni kompetenti esterni.

    89     F'dan ir-rigward il-Gvern Awstrijak josserva li, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-ASchG, il-persuni responsabbli għas-sigurtà għandhom jiġu infurmati bil-quddiem u għandhom jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-ħatra jew it-tneħħija tar-rappreżentanti tas-sigutrà, tat-tobba tax-xogħol u tal-persuni li għandhom jagħtu l-ewwel għajnuna, li huma responsabbli għat-tifi tan-nar u l-evakwazzjoni, sakemm ma jeżistix korp li jirrappreżenta l-ħaddiema, li jista' jieħu deċiżjonijiet f'dan ir-rigward jew sakemm dawn il-kwistjonijiet ma jkunux ġew trattati fi ħdan il-kumitat tas-sigurtà u l-iġjene . Dispożizzjonijiet simili jeżistu fil-B-BSG f'dak li jikkonċerna s-settur tas-servizz pubbliku.

    90     Għandu jiġi osservat li l-Gvern Awstrjak f'dan ir-rigward jikkonfondi l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva, li jirreferi għall-ħaddiema maħtura fi ħdan l-intrapriża jew l-istabbiliment sabiex jeżerċitaw ċerti attivitajiet skond l-Artikoli 7(1) u 8(2), ma' l-obbligu distint li jirriżulta mill-Artikolu 11(2)(d) dwar is-sitwazzjoni meta min iħaddem jingaġġa, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, servizzi jew persuni esterni. Il-leġiżlazzjoni invokata mill-Gvern Awstrijak f'dan il-każ tittrasponi biss l-ewwel obbligu li jidher fl-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva u ma tikkonċernax dak li jidher fl-Artikolu 11(2)(d), li huwa distint.

    91     Għaldaqstant, billi naqset milli tipprovdi fil-leġiżlazzjoni tagħha għall-obbligu ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema li għandhom responsabbiltà speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, meta jiġu ngaġġati persuni jew servizzi kompetenti esterni għall-intrapriża u/jew stabbiliment, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 11(2)(d) tad-Direttiva.

    92     Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-ħames ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 11(2)(c) u (d) tad-Direttiva huwa fondat.

     Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 13(2)(a) u (b) tad-Direttiva

    93     Il-Kummissjoni tirreferi f'dan ir-rigward għall-obbligu tal-ħaddiema li jagħmlu użu korrett, minn naħa tal-makkinarji, apparat, għodda, sustanzi perikolużi, tagħmir tat-trasport u mezzi oħra ta' produzzjoni, [Artikolu 13(2)(a), tad-Direttiva] u, min-naħa l-oħra tat-tagħmir ta' protezzjoni li jingħata lill-ħaddiem, u li wara li jużawh, għandhom jpoġġuh lura f'postu [Artikolu 13(2)(b)].

     L-argumenti tal-partijiet

    94     F'dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta' l-ilment, il-Kummissjoni tosserva li l-kunċett ta' "għodda tax-xogħol" użat fl-ASchG u l-B-BSG, ikopri l-oġġetti kollha msemmija fl-Artikolu 13(2)(a), tad-Direttiva imma ma jkoprix is-sustanzi perikolużi. Skond hi, referenza ġenerali għal regoli u għal istruzzjonijiet amministrattivi li mhumiex definiti b'mod preċiż, bħal dik li tidher fl-Artikolu 15 ta' l-ASchG u tal-B-BSG, mhijiex biżżejjed biex tassigura traspożizzjoni adegwata ta' l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva.

    95     Fir-rigward ta' l-Artikolu 13(2)(b) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ssostni li għalkemm l-użu korrett tat-tagħmir ta' protezzjoni personali huwa regolat, dan mhux il-każ ta' l-obbligu li t-tagħmir jitqiegħed lura f'postu. Skond hi, dan l-aħħar obbligu għandu jiġi ttrattat separatament fil-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-imsemmija dispożizzjoni, b'mod illi l-ħaddiema jkollhom idea ċara, preċiża u dettaljata ta' l-obbligi tagħhom.

    96     Wara li ċċita l-Artikolu 15 ta' l-ASchG, il-Gvern Awstrijak ippreċiża li r-regoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema relativi għall-użu ta' sustanzi perikolużi jinsabu qabel kollox fit-titolu IV ta' l-ASchG, fir-regolament dwar l-ogħla livelli ta' sustanzi u ta' sustanzi karċinoġeni, fir-regolament għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-perikli tas-sustanzi bioloġiċi, fir-regolament dwar il-protezzjoni tal-persunal ta' l-Istat Federali kontra l-perikli tas-sustanzi bioloġiċi kif ukoll fl-Artikoli 52 et seq tar-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema. Dispożizzjonijiet simili ġew adottati fil-qasam tal-protezzjoni tal-persunal ta' l-Istat Federali.

    97     Fir-rigward ta' l'obbligu tal-ħaddiema li jerġgħu jqiegħdu f'postu t-tagħmir ta' protezzjoni personali li jiġi pprovdut lilhom, il-Gvern Awstrijak isostni li għal raġunijiet ta' iġjene, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tipprovdi li dan it-tagħmir huwa destinat għall-użu personali ta' ħaddiem wieħed biss. L-użu ta' ċertu tagħmir ta' protezzjoni personali minn ħafna ħaddiema jkun awtorizzat biss jekk dan it-tagħmir ikun ta' natura li jintlibes b'mod okkażjonali u għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat b'mod sodisfaċenti wara l-użu.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    98     Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-obbligu tal-ħaddiema skond l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li fil-kuntest ta' rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat, u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta' dan in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, u l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (ara s-sentenza tat-12 ta' Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    99     It-traspożizzjoni ta' Direttiva fid-dritt nazzjonali ma teżiġix neċessarjament li l-kontenut tad-Direttiva jiġi riprodott formalment u testwalment f'dispożizzjoni legali jew leġiżlattiva espressa u speċifika, iżda tista' ssir permezz ta' kuntest ġuridiku ġenerali jekk tiġi assigurata b'mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva b'mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta' Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-58/02, Ġabra. p. I-621, punt 26, u ta' l-20 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

    100   Il-fatt li l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva jsemmi sustanzi perikolużi fost il-mezzi ta' produzzjoni ma jostakolax li, fuq livell nazzjonali, issir distinzjoni bejn dawn il-kawżi differenti ta' periklu fuq ix-xogħol, sakemm l-għan imsemmi fl-Artikolu 13(1) jinkiseb. Dan jipprovdi li l-ħaddiema għandhom jieħdu ħsieb is-sigurtà u s-saħħa tagħhom stess u dik ta' persuni oħra affettwati mill-azzjonijiet jew ommissjonijiet tagħhom fix-xogħol.

    101   Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni f'dan il-każ ma stabbilietx b'liema mod il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tikkomprometti tali għan, minħabba li hi tillimita ruħha għal affermazzjoni li, jekk l-għodda tax-xogħol u s-sustanzi perikolużi jissemmew flimkien, il-ħaddiema jkollhom idea aktar ċara ta' l-obbligi tagħhom. Madankollu, tali konġettura mhijiex biżżejjed biex tistabbilixxi l-allegat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

    102   Barra minn hekk, b'risposta għall-elenkar min-naħa tal-Gvern Awstrijak tar-regolamenti differenti għall-protezzjoni tal-ħaddiema fir-rigward ta' l-użu ta' sustanzi perikolużi fl-Awstrija, il-Kummissjoni ssostni biss li referenza ġenerali għal regoli u għal istruzzjonijiet amministrattivi mhijiex suffiċjenti biex tassigura traspożizzjoni adegwata ta' l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva. Hi ma tispjegax ir-raġuni li għaliha ħaddiem mhux ser ikun informat b'mod ċar, mir-regolament invokat mill-Gvern Awstrijak, dwar il-fatt li hu għandu juża b'mod korrett is-sustanzi perikolużi li għandu kuntatt magħhom meta jeżerċita l-attività tiegħu.

    103   F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li s-sitt ilment tal-Kummissjoni, fil-parti li tikkonċerna l-allegat ksur ta' l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva mhuwiex fondat.

    104   Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-allegat ksur ta' l-Artikolu 13(2)(b) tad-Direttiva, dwar l-obbligu li jintuża korrettament it-tagħmir ta' protezzjoni personali pprovdut lill-ħaddiema u li wara li jintuża jerġa' jitqiegħed f'postu, il-Gvern Awstrijak josserva li l-imsemmi tagħmir għal raġunijiet ta' iġjene, huwa intiż għall-użu personali ta' ħaddiem wieħed u għaldaqstant huwa inutli li jitqiegħed lura f'postu minħabba li l-ebda impjegat ieħor ma jista' jużah.

    105   Madankollu l-Artikolu 13(2)(b) tad-Direttiva jagħmel distinzjoni netta bejn l-obbligu li jintuża korrettament it-tagħmir in kwistjoni u dak li jerġa' jitqiegħed f'postu wara li jintuża. Għalkemm l-għażla magħmula mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għal raġunijiet ta' iġjene, li jiġi pprovdut tagħmir għall-użu personali ta' kull ħaddiem tista' tgħin sabiex it-tieni obbligu msemmi f'din id-dispożizzjoni jiġi sodisfatt iktar faċilment, hi madankollu ma tippermettix li jiġi ggarantit li dan it-tagħmir jitqiegħed lura korrettament.

    106   Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak stess jammetti li f'ċerti ċirkustanzi, l-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali minn numru ta' ħaddiema huwa awtorizzat, għaldaqstant l-argument tiegħu li hu intiż biex jiġġustifika n-nuqqas ta' referenza għall-obbligu li t-tagħmir jerġa' jitqiegħed f'postu minħabba li kull ħaddiem jagħmel użu personali minnu ma jistax jiġi milqugħ.

    107   Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li s-sitt ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 13(2)(b) tad-Direttiva huwa fondat.

    108   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li:

    billi, kontra l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva, hija naqset milli tadotta, fit-terminu preskritt, l-LDG, u billi naqset milli tittrasponi jew billi ttrasponiet biss b'mod inkomplet l-Artikolu 2(1) għall-għalliema tat-tagħlim obbligatorju fit-Tirol u l-Artikoli 7(3), 8(2), 11(2)(c) u (d), u 13(2)(b) ta' l-istess Direttiva, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-imsemmija dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    109   Il-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    110   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    111   Peress li l-Kummissjoni tilfet biss fir-rigward ta' parti mis-sitt ilment, dwar il ksur ta' l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva, ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha u ħamsa minn sitt partijiet ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      Billi, kontra l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta' Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, hija naqset milli tadotta, fit-terminu preskritt, il-liġi dwar l-istatut ta' l-għalliema tal-Länder (Landeslehrer-Dienstrechtsgesetz), u billi naqset milli tittrasponi jew billi ttrasponiet biss b'mod inkomplet, l-Artikoli 2(1) għall-għalliema tat-tagħlim obbligatorju fit-Tirol u l-Artikoli 7(3), 8(2), 11(2)(c) u (d), u 13(2)(b) ta' l-istess Direttiva, ir-Reppubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-imsemmija dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

    3)      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija għanda tbati l-ispejjeż tagħha u ħamsa minn sitt partijiet ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

    Firem


    ** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top