Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0334

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-25 ta' Ottubru 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 79/409/KEE - Anness I -Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi - Żoni speċjali tal-protezzjoni - IBA 2000 - Valur - Kwalita tad-data- Kriterji - Marġni ta’ diskrezzjoni - Klassifikazzjoni manifestement insuffiċjenti - Żoni niedja.
    Kawża C-334/04.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-09215

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:628

    Kawża C-334/04

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 79/409/KEE – Anness I – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Żoni speċjali ta’ protezzjoni – IBA 2000 – Valur – Kwalità tad-data – Kriterji – Marġni ta’ diskrezzjoni – Klassifikazzjoni manifestament insuffiċjenti – Żoni niedja”

    Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2007 

    Sommarju tas-sentenza

    Ambjent – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Klassifikazzjoni bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(1) u (2))

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa kemm għall-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness, iġġustifikata bil-fatt li dawn huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità Ewropea. Barra minn hekk mid-disa’ premessa ta’ l-imsemmija Direttiva jirriżulta li l-preservazzjoni, l-manutenzjoni jew ir-restawrazzjoni tad-diversità suffiċjenti u ż-żoni ta’ ħabitat huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċi u għaldaqstant li jikklassifikaw bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni (ŻSP) is-siti kollha li, b’applikazzjoni tal-kriterji ornitoloġiċi, jidhru bħala li huma l-iktar adatti fir-rigward tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni.

    Għal dan il-għan, l-aġġornar tad-data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ l-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik ta’ l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità. Issa, l-“Inventory of Important Bird Areas in the European Community” (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar fil-Komunità Ewropea) (IBA 2000) iħejji inventarju attwalizzat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar li, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, jikkostitwixxi element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kklassifikax bħala ŻSP territorji suffiċjenti f’numru u f’daqs sabiex joffri protezzjoni lill-ispeċi kollha ta’ għasafar imniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 79/409, kif ukoll lill-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness.

    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-IBA 2000, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, meta huwa jikklassifika bħala ŻSP territorji li n-numru u d-daqs tagħhom huma manifestament iżgħar minn numru u mid-daqs totali tat-territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklasifikati bħala ŻSP, ma jindikax ŻSP biex joffri protezzjoni lil ċerti speċi u jikklassifika bħala ŻSP żoni li fihom speċi oħra mhumiex irrappreżentati biżżejjed.

    Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri huma l-uniċi responsabbli għall-klassifikazzjoni taż-ŻSP u għandhom għal dan il-għan jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, dan ma jfissirx li tali obbligu jibqa’ inoperanti sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma evalwawx u vverifikawx l-għarfien xjentifiku l-ġdid. Tali obbligu ta’ klassifikazzjoni jeżisti mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 79/409.

    (ara l-punti 24-25, 28, 32, 34, 48, 60, 62 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    25 ta’ Ottubru 2007 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 79/409/KEE – Anness I –Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Żoni speċjali ta' protezzjoni – IBA 2000 – Valur – Kwalità tad-data– Kriterji – Marġni ta’ diskrezzjoni – Klassifikazzjoni manifestement insuffiċjenti – Żoni niedja”

    Fil-kawża C‑334/04,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta

    sostnuta mir-:

    Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u C. Jurgensen-Mercier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes u M. Lois, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, P. Kūris (Relatur), J. Klučka, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2006,

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li,

    –       billi kklassifikat bħala żoni speċjali ta' protezzjoni (iktar ’il quddiem iż-“ŻSP“) territorji li n-numru tagħhom u d-daqs totali huma manifestament iżgħar min-numru u d-daqs totali tat-territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu kklassifikati bħala ŻSP fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p.1), kif emendata, b’mod partikolari bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE tad-29 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 223, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 79/409”),

    –       billi indikat ŻSP ta’ daqs manifestament iżgħar mid-daqs tat-territorji korrispondenti fl-Inventory of Important Bird Areas in the European Community (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar fil-Komunità Ewropea) ippubblikat fl-2000 (iktar ’il quddiem l-“IBA 2000”) li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu kklassifikati bħal ŻSP,

    –       billi ma indikatx ŻSP għal numerużi speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 jew billi kklassifikat bħala ŻSP żoni li fihom dawn l-ispeċi mhumiex irrappreżentati biżżejjed,

    –       billi ma indikatx ŻSP għal numerużi speċi migratorji jew billi kklassifikat bħala ŻSP żoni li fihom dawn l-ispeċi mhumiex irrappreżentati biżżejjed,

    ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

     Il-kuntest ġuridiku

    2       Id-disa’ premessa tad-Direttva 79/409 tistipola:

    “[B]illi l-preservazzjoni, l-manutenzz[j]oni jew ir-restawrazzjoni tad-diversità suffiċjenti u ż-żoni ta’ habitat huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar; billi ċerti speċi ta’ l-għasafar għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitat tagħhom bil-għan li jassiguraw is-sopravvivenza tagħhom u r-riproduzzjoni fiż-żoni tad-distribuzzjoni tagħhom; billi miżuri simili għandhom jieħdu ukoll in kunsiderazzjoni l-ispeċi li jemigraw u għandhom ikunu koordinati bil-għan li jirriżultaw f’ koerenza sħiħa”.

    3       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 79/409 jipprovdi:

    “Din id-direttiva hija dwar il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju ewropew ta’ l-istati membri għall-liema japplika t-trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tipreskrivi regoli għall-isfruttar”.

    4       L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

    “L-istati membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-artikolu 1 fil-livell li jikorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell”.

    5       L’ Artikolu 4(1)(2)(3) tad-Direttiva msemmija jgħid is-segwenti:

    “1.      L-ispeċi msemmija fl-anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazz[j]oni li jik[k]onċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

    F’ konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

    a)      ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

    b)      ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

    c)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

    d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

    Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

    L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali ta' protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

    2.      L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-anness [I], billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

    3.      L-istati membri għandhom jibgħatu lill-kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex din tkun tista tieħu inizjattivi xierqa bil-għan li tikkordina b’mod xieraq biex tassigura li ż-żoni li hemm provvduti fil-paragrafi 1 u 2 fuq jiffurmaw koerenza sħiħa li tkun konformi mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva”.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    6       Skond il-Kummissjoni, fl-2001, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx ikklassifikat bħala ŻSP iż-żoni kollha importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar indikati fl-IBA 2000. Dan ta’ l-aħħar jindika, fuq il-bażi ta’ kriterji ornitoloġiċi li huwa jiddefinixxi u jespiliċita, 186 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, ta’ daqs totali ta’ 3 320 027 ettaru li jirrappreżenta 25.2 % tat-territorju nazzjonali, li għandhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP skond id-Direttiva 79/409.

    7       Fil-11 ta’ Ottubru 2001, l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ proposti dwar il-ħolqien ta’ ŻSP ġodda, l-estensjoni ta’ ŻSP eżistenti u l-irtirar ta’ ŻSP li għandhom minn issa ’l quddiem ikunu inklużi fil-ġodda. Peress illi ma’ dawn il-proposti ma kienx hemm la data ġeografika, b’mod partikolari f’termini ta’ daqs, lanqas informazzjoni teknika neċessarja sabiex tiġi ffinalizzata l-klassifikazzjoni tas-siti bħala ŻSP kif jeżiġi l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 79/409, il-Kummissjoni qiset li r-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-Direttiva, u, fil-21 ta’ Diċembru 2001, bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni.

    8       Fil-25 ta’ Marzu 2002, fir-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Gvern Elleniku kkontesta parzjalment il-metodu u l-kriterji użati għall-elaborazzjoni ta’ l-IBA 2000 u informa lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li kien iltaqa’ magħhom sabiex jikklassifika bħala ŻSP ċerti żoni ta’ dan l-inventarju. Sussegwentement, l-awtoritajiet Griegi impenjew ruħhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista ta’ madwar 40 sit ġdid li huma kellhom l-intenzjoni jikklassifikaw bħala ŻSP.

    9       Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Griegi pprovdew informazzjoni kartografika u teknika li tikkompleta l-klassifikazzjoni bħala ŻSP taż-żoni li jinstabu fuq il-lista mibgħuta fil-11 ta’ Ottubru 2001. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika Ellenika kienet indikat 110 ŻSP ta’ daqs ta’ 811 236 ettaru. Peress illi ma rċevietx informazzjoni supplementari dwar l-indikazzjoni ta’ ŻSP oħra, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2002, bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn.

    10     Fir-risposti tagħhom għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Griegi, permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2003, ipprovdew informazzjoni teknika u kartografika dwar 51 sit u fir-rigward ta’ 10 minnhom ipproponew modifika tal-limiti tagħhom.

    11     Wara li kkunsidrat ir-risposti indirizzati fl-20 ta’ Frar, fil-5 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Diċembru 2003 mill-awtoritajiet Elleniċi, il-Kummissjoni, peress li kienet tqis li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti, ippreżentat dan ir-rikors.

    12     Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja tħallew jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tar-Repubblika Ellenika.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ewwel u t-tieni ilment ibbażati fuq il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ territorji li n-numru tagħhom u d-daqs totali huma manifestament iżgħar min-numru u d-daqs totali tat-territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu kklassifikati bħala ŻSP fis-sens tad-Direttiva 79/409 u fuq l-indikazzjoni ta’ ŻSP ta’ daqs manifestament iżgħar minn dak tat-territorji korrispondenti indikati fl-IBA 2000

    13     Qabel kollox, hemm lok li l-ewwel żewġ ilmenti tal-Kummisjoni jiġu eżaminati bħala ilment wieħed u uniku bbażat fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni u klassifikazzjoni insuffiċjenti bħala ŻSP ta’ territorji indikati fl-IBA 2000.

     L-argumenti tal-partijiet

    14     Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma pproċedietx għall-klassifikazzjoni ta’ 45 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u kklassifikat biss parzjalment 141 minn dawn iż-żoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻSP skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409. Dawn iż-żoni jiffurmaw 151 ŻSP li ma kinux is-suġġett ta’ ebda att ġuridikament vinkolanti peress illi ebda digriet magħqud tal-Ministri ta’ l-Ambjent, ta’ l-Ippjanar tat-Territorju u tax-Xogħolijiet Pubbliċi, u ta’ l-Agrikoltura ma kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija zzid li din l-indikazzjoni tkopri daqs ta’ 1 360 069 ettaru li jirrappreżenta biss 40 % tad-daqs totali ta’ 186 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imniżżla fl-IBA 2000.

    15     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfassizza li l-konstatazzjoni tal-klassifikazzjoni parzjali taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar indikati fl-IBA 2000, tikkonċerna partikolarmnet iż-żoni niedja msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/409 u, b’mod partikolari, dawk ta’ importanza internazzjonali bħal dawk definiti fil-Konvezjoni dwar iż-Żoni Niedja ta’ Importanza Internazzjonali partikolarment bħala habitats għall-għasafar ta’ l-ilma, konkluża fit-2 ta’ Frar 1971 f’Ramsar (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ramsar”).

    16     Il-Gvern Elleniku jammetti li 45 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imniżżla fl-IBA 2000 ma kinux ġew ikklassifikati bħala ŻSP u ser ikunu eżaminati fil-kuntest tal-“Programm ta’ eżami mill-ġdid ta’ 69 sit importanti għall-għasafar bil-għan tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala ŻSP għall-għasafar. Elaborazzjoni ta’ proġetti ta’ azzjoni għall-protezzjoni ta’ l-ispeċi prioritarji” tal-11 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ eżami mill-ġdid”).

    17     Barra minn hekk, l-imsemmi Gvern jenfasizza li l-klassifikazzjoni tal-151 ŻSP saret fuq il-bażi ta’ data ornitoloġika l-iktar reċenti kif defnita mill-awtoritajiet Elleniċi kompetenti u minn Kumitat Interministerjali Speċjali, bil-parteċipazzjoni ta’ l-Elliniki Ornithologiki Etaireia (Soċjetà Ornitoloġika Ellenika, iktar ’il quddiem l-“EOE”).

    18     Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna ż-żoni niedja, il-Gvern Elleniku jikkunsidra li dawk kollha li huma importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar kienu ġew ikklassifikati bħala ŻSP. F’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari ż-żoni niedja ta’ importanza internazzjonali, huwa jippreċiża li, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tad-delta de Nestou u Vistonida, iktar minn 85 % tad-daqs ta’ l-imsemmija żoni huma kklassifikata bħala ŻSP. Il-meddiet tal-baħar li jaqaw taħt iż-żoni niedja definiti fil-Konvezjoni ta’ Ramsar kienu wkoll ġew inklużi fiż-ŻSP. Id-daqs taż-ŻSP huma differenti minn dawk taż-żoni definiti f’din il-Konvenzjoni għaliex xi wħud minn dawn iż-żoni ma jippreżentawx interess ornitoloġiku li jippermetti li jiġu kklassifikati bħala ŻSP.

    19     Bħala konklużjoni, il-Gvern Elleniku jikkunsidra li għalkemm in-numru u d-daqs tat-territorji li kienu ġew ikklassifikati bħala ŻSP huma iżgħar min-numru u d-daqs taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imniżżla fl-IBA 2000, tali klassifikazzjoni mhijiex manifestament iżgħar mill-imsemmi inventarju safejn, billi indika 151 ŻSP, huwa kklassifika 141 mill-186 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imniżżla fl-imsemmi inventarju, li jirrappreżenta persentaġġ għola min-nofs l-imsemmija żoni.

    20     Skond il-Gvern Spanjol, l-IBA 2000 jippreżenta nuqqassijiet b’mod partikolari f’dak illi ebda amministrazzjoni pubblika kompetenti fil-qasam ta’ l-ambjent ma s-superviżat l-elaborazzjoni ta’ l-imsemmi inventarju sabiex tiggarantixxi l-preċiżjoni u l-eżattezza tad-data tiegħu u, konsegwentement mhuwiex possibbli li jingħatalu l-istess valur bħal lill-Inventory of Important Bird Areas in the European Community (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar fil-Komunità Ewropeja) ippubblikat fl-1989 (iktar ’il quddiem l-“IBA 89”).

    21     Il-Gvern Franċiż isostni li l-IBA 2000 jikkostitwixxi refernza utli, iżda li mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻSP, skond id-Direttiva 79/409, is-siti li jissemmew fl-imsemmi inventarju u li din id-Direttiva ma tistabbilixxix ċerti kriterji ta’ identifikazzjoni taż-ŻSP f’termini ta’ daqs totali jew ta’ persentaġġ..

    22     Il-Gvern Portugiż isostni li terminu raġonevoli għandu jiġi mogħti lill-Istati Membri sabiex jitwettqu l-istudji neċessarji. L-inventarji bħall-IBA 2000 jikkostitwixxu bażijiet ta’ referenza rikonoxxuti u inkontestabbli li ma jistgħux jikkostitwixxu matriċi kwantitattivi li jservu sabiex jiġi kkontrollat t-twettiq ta’ l-obbligi imposti mid-Direttiva 79/409.

    23     Skond il-Gvern Finlandiż, ir-rikors għall-IBA 2000 irendi l-oneru tal-prova sproprozjonat, għaliex l-Istati Membri jsibu ruħhom fl-obbligu li jippreżentaw data xjentifika sabiex jistabbilixxu li żona ma tissodisfax il-kriterji sabiex tkun ikklassifikata bħala ŻSP filwaqt illi din hija indikata bħala tali fl-imsemmi inventarju.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    24     B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409 jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa kemm għall-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija f'dan l-Anness, iġġustifikata bil-fatt li dawn huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-191/05, Ġabra p. I-6853, punt 9 u ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk mid-disa’ premessa ta’ l-imsemmija Direttiva jirriżulta li l-preservazzjoni, l-manutenzzjoni jew ir-restawrazzjoni tad-diversità suffiċjenti u ż-żoni ta’ habitat huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċi (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-235/04, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 23).

    25     Għal dan il-għan, l-aġġornar tad-data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ l-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik ta’ l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità sabiex it-territorji l-iktar xierqa jiġu kklassifikati bħala ŻSP. Għalhekk, għandha tintuża d-data xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli meta jiskadi t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata (sentenza, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

    26     F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-inventarji nazzjonali, fosthom l-IBA 2000 elaborat mill-EOE, irrevedew l-ewwel studju panewropew mwetaq fl-IBA 89, billi ppreżentaw data xjentifika iktar preċiża u attwali.

    27     F’dak li jikkonċerna l-IBA 89, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’kunsiderazjoni tan-natura xjentifika tiegħu u fin-nuqqas ta’ kull element ta’ prova xjentifika mressqa minn Stat Membru, intiża b’mod partikolari sabiex turi li setgħu jiġu sodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 billi jiġu kklassifiakti bħala ŻSP siti oħra għajr dawk li jirriżultaw mill-imsemmi inventarju u li jkopru daqs totali iżgħar minn dak ta’ dawn ta’ l-aħħar, dan l-inventarju, għalkemm mhuwiex ġuridikament vinkolanti, seta’ jintuża minnha bħala element ta’ referenza li tippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kienx ikklassifika numru u daqs suffiċjenti ta’ territorji bħala ŻSP skond id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 79/409 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I-3031, punti 68 sa 70; ta’ l-20 ta Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-378/01, Ġabra p. I-2857, punt 18 u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

    28     Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-IBA 2000 iħejji inventarju attwalizzat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar fil-Greċja li, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, jikkostitwixxi element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kklassifikax bħala ŻSP territorji suffiċjenti f’numru u f’daqs sabiex joffri protezzjoni lill-ispeċi kollha ta’ għasafar imniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 79/409, kif ukoll lill-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness.

    29     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, hekk kif jippreċizza l-Gvern Elleniku stess, l-elementi li jinstabu fl-IBA 2000 kienu ġew determinati, f’dak li jikkonċerna l-Greċja, b’mod partikolari mill-EOE. Barra minn hekk, l-għażla tal-151 ŻSP saret b’kollaborazzjoni ma’ l-imsemmi korp li pprovda l-assistenza xjentifika u teknika.

    30     F’dan il-każ, huwa kostanti li, billi segwiet il-programm ta’ eżami mill-ġdid li r-riżultati tiegħu ma kinux dejjem disponibbli fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni, fit-tmiem tat-terminu msemmi, l-informazzjoni fuq il-metodu segwit mill-imsemmi programm kif ukoll data xjentifika oħra, ir-Repubblika Ellenika ma ppreżentatx elementi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati li l-IBA 2000 jinkludi.

    31     Il-konstatazzjoni preċedenti ma tistax tiġi ddubitata mill-argumenti bbażati fuq in-neċessità li jingħata terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex jitwettqu studji fiż-żmien ta’ osservazzjoni u ta’ kartografija sabiex jiġu definiti ż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.

    32     Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-Konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-Istati Membri huma l-uniċi responsabbli għall-klassifikazzjoni taż-ŻSP u għandhom għal dan il-għan jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, dan ma jfissirx li tali obbligu jibqa’ inoperanti sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma evalwawx u vverifikawx l-għarfien xjentifiku l-ġdid. Tali obbligu ta’ klassifikazzjoni jeżisti mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 79/409, jiġifieri, f’dak li jikkonċerna r-Repubblika Ellenika, mis-6 ta’ April 1981.

    33     Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-IBA 2000, dan l-inventarju jikkostitwixxi r-referenza l-iktar attwalizzata u l-iktar preċiża għall-identifikazzjoni tas-siti l-iktar adatti f’numru u f’daqs għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.

    34     Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna n-natura manifestement insuffiċjenti tal-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻSP skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jikklassifikaw bħala ŻSP is-siti kollha li, b’applikazzjoni tal-kriterji ornitoloġiċi, jidhru bħala li huma l-iktar adatti fir-rigward tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 62).

    35     F’dan il-każ, huwa kostanti li minn 151 ŻSP indikati mir-Repubblika Ellenika, 141 minnhom jippermettu li jiġi protett biss 40 % tad-daqs totali tal-186 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imniżżla fl-IBA 2000. Minn dan jirriżulta li 45 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, li jirrappreżentaw 60 % tad-daqs totali ċċitat iktar il-fuq, mhumiex ikklassifikati bħala ŻSP.

    36     Għandu jiġi kkonstatat li fin-nuqqas ta’ data xjentifika li tippermetti li jiġu kontradixxuti r-riżultati ta’ l-IBA 2000, ir-Repubblika Ellenika kklassifikat bħala ŻSP żoni li n-numru u d-daqs totali tagħhom huma manifestament iżgħar min-numru u d-daqs totali tas-siti kkunsidrati bħala li huma l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni. Għaldaqstant ir-rikors fuq dan il-punt għandu jiġi milqugħ.

    37     Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni parzjali taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u, b’mod iktar partikolari, dawk taż-żoni niedja, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/409 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

    38     F’dan ir-rigward, mill-IBA 2000 jirriżulta li 32 żona niedja jagħtu kenn lil iktar minn 1 % tal-popolazzjonijiet bioġeografiċi ta’ għasafar ta’ l-ilma u 49 żona oħra jagħtu kenn lil iktar minn 1 % tal-popoloazzjonijiet migratorji ta’ għasfur ta’ l-ilma wieħed jew iktar.

    39     Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika kklassifikatx bħala ŻSP numru ta’ żoni niedja ta’ importanza internazzjonali, b’mod partikolari dawk li huma indikati fil-Konvenzjoni ta’ Ramsar, li jikkorrispondi biss b’mod parzjali għad-daqs ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar korrispondenti mnizzla fl-IBA 2000 u jekk, dejjem skond il-Kummissjoni, ċerti siti li jissodisfaw il-kriterji enuemrati f’din il-Konvenzjoni, li jikkostitwixxu żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imniżżla fl-IBA 2000, għandhomx, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/409, jiġu kklasifikati bħala ŻSP u mhux dejjem huma hekk.

    40     Bħala eżempju ta’ żoni niedja ta’ importanza internazzjonali li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP jew li ġew ikklassifikati bħala ŻSP iżda li inqas minn 50 % tad-daqs tagħhom huwa kopert minn ŻSP, il-Kummissjoni ssemmi s-siti Nri 45 (Lake Vegoritis and Lake Petron), 91 (Lakes Trichonida and Lysimachia), 99 (Kotychi Lagoon), 166 (Mount Dikios, Cape Louros, Lake Psalidi, and Alyki) u 180 (Lake Kourna, Almyrou Delta and Georgioupolis Beach) li fir-rigward tagħhom il-Gvern Elleniku jenfasizza r-raġunijiet tad-differenzi li jeżistu bejn iż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar imnizzla fl-IBA 2000 u ż-żoni li huwa kklassifika bħala ŻSP.

    41     Għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jikkonċerna s-sit Nru 45, il-Gvern Elleniku jsostni li biss il-lag ta’ Petron għandu jiġi kklassifikat bħala ŻSP għaliex huwa biss jagħti kenn lill-Margun Żgħir (Phalacrocorax pygmeus). L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna s-sit Nru 91 fejn biss il-lag ta’ Lysimachia jippreżenta interess għall-Brajmla ta’ Għajnha Bajda (Aythya nyroca).

    42     Għandu jiġi mfakkar li l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri waqt l-għażla tat-territorji l-iktar adatti għall-klassifikazzjoni bħala ŻSP tikkonċerna l-implementazzjoni tal-kriterji ornitoloġiċi bil-għan li jiġu identifikati t-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni ( ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

    43     Issa, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-Konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li ż-żewġ siti ċċitati iktar ’il fuq huma magħżula skond il-kriterji definiti mill-Konvenzjoni ta’ Ramsar minħabba l-importanza tal-Margun Żgħir u tal-Brajmla ta’ Għajnha Bajda. Peress illi l-Kummissjoni ma tikkontestax in-nuqqas ta’ interess taż-żoni mhux koperti għal dan iż-żewġ speċi, hemm lok li l-argument tal-Gvern Elleniku fuq dan il-punt jiġi milqugħ.

    44     F’dak li jikkonċerna s-sit Nru 166, jirriżulta mid-deskrizzjoni tiegħu fl-IBA 2000 li dan is-sit huwa kostitwit minn art muntanjuża, dominat minn tidwir tal-mogħdijiet u foresti u li huwa fih ukoll żoni niedja. Dan is-sit huwa deskritt fl-IBA 2000 bħala post importanti ta’ trobbija tal-frieħ u ta’ passa ta’ l-għasafar predatorji.

    45     Ukoll, fin-nuqqas ta’ data xjentifika kuntrarja, is-sit Nru 166 imsemmi fl-inventarju ta’ l-IBA 2000 jidher bħala l-iktar adatt fir-rigward tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni ( ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala ŻSP tal-lagi Psalidi u Alyki biss, bħala żoni niedja, mhijiex biżżejjed sabiex tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409. Għaldaqstant ir-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt għandu jiġi milqugħ.

    46     F’dak li jikkonċerna b’mod aktar partikolari s-siti Nru 99 u 180, il-Gvern Elleniku jikkunsidra li dawn ma jippreżentawx interess ornitoloġiku. Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument peress illi ebda evalwazzjoni xjentifika ma ġiet mibgħuta lilu. Peress illi l-Gvern Elleniku ma ppreżentax prova xjentifika kuntrarja sad-data ta’ l-opinjoni motivata, ir-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt għandu jiġi milqugħ.

    47     F’dak li jikkonċerna s-siti l-oħra msemmija mill-Kummissjoni, jiġifieri s-siti IBA Nri 59 (Pinios Delta), 61 (Reservoirs of former Lake Karla), 89 (Lake Amvrakia), 98 (Kalogria lagoon, Strofilia forest, and Lamia marshes) li fih partijiet importanti mhumiex koperti miż-ŻSP, 132 (Lakes Khortaro and Alyki, Moudros gulf, Diapori fen, and Fakos peninsula) li fih il-Golf ta’ Moudros mhuwiex kopert miż-ŻSP u 138 (Gera Gulf-Dipi and Haramida marshes, Lesvos) li huwa s-suġġett ta’ kopertura parzjali, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ħabbret li hija ser tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dawn is-siti.

    48     Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-IBA 2000, ir-Repubblika Ellenika, billi kklassifikat bħala ŻSP territorji li n-numru u d-daqs tagħhom huma manifestament iżgħar minn numru u mid-daqs totali tat-territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklasifikati bħala ŻSP naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

     Fuq it-tielet u r-raba’ ilment ibbażati fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ ŻSP għal diversi speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409 kif ukoll għal diversi speċi migratorji mhux imsemmija fl-imsemmi Anness jew fuq il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ żoni li fihom dawn l-ispeċi mhumiex irrappreżentati biżżejjed.

     L-argumenti tal-partijiet

    49     Skond il-Kummisjoni, l-ispeċi ta’ għasafar segwenti, jiġifieri l-Margun tat-Toppu (Phalacrocorax aristotelis desmarestii), l-Avultun b’Rasu Mqaxx (Gypaetus barbatus), l-Avultun Qassis (Aegypius monachus), l-Ajkla tat-Tikki (Aquila pomarina), l-Ajkla Imperjali (Aquila heliaca), il-Kuċċarda ta’ Saqajha Twal (Buteo rufinus), l-Ajkla ta' Bonelli (Hieraaetus fasciatus), l-Ispanjulett Sekond (Falco naumanni), il-Bies tar-Reġina (Falco eleonora), il-Bies Rasu Qastnija (Falco biarmicus), is-Sitta ta’ Krueper (Sitta krueperi), u Durrajsa Skura (Emberiza cineracea), imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409, mhumiex suffiċjentement protetti minn ŻSP.

    50     F’dak li jikkonċerna l-ispeċi migratorji, il-Kummissjoni tirrileva li diversi siti identifikati fl-IBA 2000 huma wkoll importanti ħafna għal dawn l-ispeċi li huma protetti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/409. Huma b’mod partikolari kkonċernati ċerti anseriformi, it-tjur tax-xatt kif ukoll ċerti speċi iktar komuni imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva minħabba l-migrazzjoni jew it-tqattigħ tax-xitwa.

    51     Il-Gvern Elleniku jikkunsidra li l-ispeċi msemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409 huma suffiċjentement protetti, bl-eċċezzjoni tal-Kuċċarda ta’ Saqajha Twal, ta' l-Ispanjulett Sekond, tas-Sitta ta’ Krueper u tad-Durrajsa Skura. F’dak li jikkonċerna, l-Ajkla Imperjali huwa jippreċizza li, bil-kompletazzjoni tal-programm dwar l-għaxar siti piloti, elementi ta’ prova iktar reċenti ser ikunu dispobibbli.

    52     Il-Gvern Elleniku jżid li l-paragun, għal speċi speċifika, tal-popolazzjoni protetta minn ŻSP ma’ dik imniżla fl-IBA 2000 ma jistax jikkostitwixxi l-kriterju uniku u inkontestabbli tan-natura suffiċjenti tal-protezzjoni ta’ din l-ispeċi. Skond l-imsemmi Gvern, huwa possibbli li, abbażi tat-tqassim ta’ l-ispeċi kkonċernata f’sit, l-eżiġenzi stabbiliti mill-grupp ta’ kriterji C (grupp li jikkonċerna l-pajjiżi ta’ l-UE) li jidher fl-IBA 2000, għal dak li jikkonċerna din l-ispeċi, ma jkunux sodisfatti.

    53     F’dak li jikkonċerna l-metodu u l-kriterji użati, il-Kummissjoni ssostni li, minn naħa, l-awtoritajiet Griegi jikkontestaw f’ċerti każijiet il-kriterji li jinstabu fl-IBA 2000 filwaqt li jużaw dawn l-istess kriterji f’każijiet oħra, u b’hekk jaqaw fil-kontradizzjoni, u li, minn naħa l-oħra, huma jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq l-importanza ta’ ċerti siti filwaqt illi r-riżultat imfittex huwa l-protezzjoni ta’ l-ispeċi.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    54     Permezz tat-tielet u raba’ ilmenti tagħha, il-Kummissjoni tilment li r-Repubblika Ellenika ma indikatx ŻSP għal numerużi speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409 kif ukoll għal numerużi speċi migratorji mhux imsemmija fl-imsemmi Anness jew li kklassifikat bħala ŻSP żoni li fihom dawn l-ispeċi mhumiex irrappreżentati biżżejjed.

    55     Qabel kollox għandhom jiġu miċħuda t-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika, billi ma indikatx ŻSP għal numerużi speċi ta’ għasafar enumerati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija fl-imsemmi Anness, naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

    56     Fil-fatt, mill-proċedimenti jirriżulta li, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-ispeċi msemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409, l-unika speċi li għaliha s-sit prinċipali ta’ riproduzzjoni ma kienx is-suġġett ta’ klassifikazzjoni bħala ŻSP tikkonċerna s-Sitta ta’ Krueper u, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-ispeċi migratorji mhux imsemmija fl-imsemmi Annessi, mhemm l-ebda speċi li fir-rigward tagħha ebda territorju mhuwa kklassifikat. Peress illi l-Gvern Elleniku ammetta l-ilment tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna s-Sitta ta’ Krueper, hemm lok li jiġu milqugħa t-talbiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ ŻSP biss f’dak li jikkonċerna din l-ispeċi.

    57     Permezz ta’ l-ilment tagħha dwar il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ territorji li ġewwa fihom numerużi speċi ta’ għasafar imsemija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409 u numerużi speċi migratorji mhux imsemmija fl-imsemmi Anness mhumiex irrappreżentati biżżejjed, il-Kummissjoni tallega li, għal dak li jikkonċerna speċifikament il-popolazzjoni ta’ tnax-il speċi ta’ għasafar, iż-ŻSP delimitati mill-Greċja ma jkoprux b’mod suffiċjenti d-daqs tas-siti IBA 2000 li fihom dawn l-ispeċi huma preżenti.

    58     Peress illi l-Gvern Elleniku espressamment ammetta dan l-ilment f’dak li jikkonċerna l-Kuċċarda ta’ Saqajha Twal, l-Ispanjulett Sekond, u d-Durrajsa Skura, hemm lok li jiġi milqugħ ir-rikors għal dawn l-ispeċi.

    59     Għal dak li jikkonċerna l-ispeċi l-oħra, jiġifieri l-Margun tat-Toppu, l-Avultun b’Rasu Mqaxx, l-Avultun Qassis, l-Ajkla tat-Tikki, l-Ajkla Imperjali, l-Ajkla ta' Bonelli, il-Bies tar-Reġina, u l-Bies Rasu Qastnija, għandu jiġi kkonstatat li, billi rrefera għall-programm ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll għall-istudju ta’ l-għaxar siti piloti li fir-rigward tagħhom kollha l-evalwazzjoni ma kinitx spiċċat u billi ma nnotifikax l-istudju ta’ l-EOE dwar l-Avultun Qassis, il-Gvern Elleniku ma ppreżentax studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-IBA 2000 u juru li kienu ġew ikklassifikati bħala ŻSP żoni li fihom dawn l-ispeċi huma rrappreżentati biżżejjed. Hemm lok għaldaqstant li jiġi milqugħ ir-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.

    60     Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma indikatx ŻSP sabiex toffri protezzjoni lis-Sitta ta’ Krueper u billi kklassifikat bħala ŻSP żoni li fihom il-Margun tat-Toppu, l-Avultun b’Rasu Mqaxx, l-Avultun Qassis, l-Ajkla tat-Tikki, l-Ajkla Imperjali, il-Kuċċarda ta’ Saqajha Twal, l-Ajkla ta' Bonelli, l-Ispanjulett Sekond, il-Bies tar-Reġina, il-Bies Rasu Qastnija, u d-Durrajsa Skura mhumiex irrappreżentati biżżejjed, ir-Repubblika Ellenika naqqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

    61     Għaldaqstant, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

    62     Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li:

    –       billi klassifikat bħala ŻSP territorji li n-numru u d-daqs totali tagħhom huma manifestament iżgħar minn numru u d-daqs totali tat-territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻSP skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409,

    –       billi ma indikatx ŻSP sabiex toffri protezzjoni lis-Sitta ta’ Krueper,

    –       billi kklassifikat bħala ŻSP żoni li fihom il-Margun tat-Toppu, l-Avultun b’Rasu Mqaxx, l-Avultun Qassis, l-Ajkla tat-Tikki, l-Ajkla Imperjali, il-Kuċċarda ta’ Saqajha Twal, l-Ajkla ta' Bonelli, l-Ispanjulett Sekond, il-Bies tar-Reġina, il-Bies Rasu Qastnija, u d-Durrajsa Skura mhumiex irrappreżentati biżżejjed,

    ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

     Fuq l-ispejjeż

    63     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika Ellenika tilfet l-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif miltub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja, li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Billi klassifikat bħala żoni speċjali ta' protezzjoni territorji li n-numru u d-daqs totali tagħhom huma manifestament iżgħar minn numru u d-daqs totali tat-territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta' protezzjoni skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p.1), kif emendata, b’mod partikolari bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE tad-29 ta’ Lulju 1997,

    billi ma indikatx żoni speċjali ta' protezzjoni sabiex toffri protezzjoni lis-Sitta ta’ Krueper (Sitta krueperi), u

    billi kklassifikat bħala żoni speċjali ta' protezzjoni żoni li fihom il-Margun tat-Toppu (Phalacrocorax aristotelis desmarestii), l-Avultun b’Rasu Mqaxx (Gypaetus barbatus), l-Avultun Qassis (Aegypius monachus), l-Ajkla tat-Tikki (Aquila pomarina), l-Ajkla Imperjali (Aquila heliaca), il-Kuċċarda ta’ Saqajha Twal (Buteo rufinus), l-Ajkla ta' Bonelli (Hieraaetus fasciatus), l-Ispanjulett Sekond (Falco naumanni), il-Bies tar-Reġina (Falco eleonorae), il-Bies Rasu Qastnija (Falco biarmicus), u d-Durrajsa Skura (Emberiza cineracea) mhumiex irrappreżentati biżżejjed,

    ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49.

    2)      Il-bqija r-rikors huwa miċħud.

    3)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

    4)      Ir-Rejnu ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top