Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0312

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-5 ta' Ottubru 2006.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Riżorsi proprji tal-Komunitajiet - Carnets TIR mhux rilaxxati - Proċeduri intiżi għall-ġbir ta' dazju fuq l-importazzjoni - Nuqqas ta' ħarsien - Nuqqas li jipprovdu r-riżorsi proprji korrispondenti relatati u li jitħallas l-imgħax għal dewmien.
    Kawża C-312/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:643

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    tal-5 ta’ Ottubru 2006 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji tal-Komunitajiet – Carnets TIR mhux rilaxxati – Proċeduri intiżi għall-ġbir ta’ dazju fuq l-importazzjoni – Nuqqas ta’ ħarsien – Nuqqas li jipprovdu r-riżorsi proprji korrispondenti relatati u li jitħallas l-imgħax għal dewmien”

    Fil-kawża C-312/04,

    li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Lulju 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Wilms u A. Weimar, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u J. G. M. van Bakel, bħala aġenti,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li ħadet id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li:

    –       billi ma wettaqx bir-reqqa, sa l-1 ta’ Jannar 1992, l-attivitajiet neċessarji għal konstatazzjoni ta’ malajr tad-drittijiet fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, f’ċertu numru ta’ każijiet ta’ prenżunzjoni ta’ irregolarità li jikkonċernaw it-trasporti magħmula permezz ta’ carnet TIR,

    –       billi damet, mill-1 ta’ Jannar 1992 sas-sena 1994 inkluża, biex tikkonstata d-drittijiet fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet billi damet ma qegħdithom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, f’ċertu numru ta’ każijiet ta’ preżunzjoni ta’ irregolarità li jikkonċernaw it-trasporti magħmula permezz ta’ carnet TIR,

    –       billi rrifjuta li jħallas l-imgħax għal dewmien relatat,

    ir-Renju ta’ l-Olanda naqqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(1), 6(2), 10(1) u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li japplika d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1).

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-konvenzjoni TIR

    2       Il-konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti coperti b'carn[et] tat-TIR (iktar’il-quddiem il-“konvenzjoni TIR”) ġiet iffirmata f’Ġinevra (L-Iżvizzera) fl-14 ta’ Novembru 1975. Ir-Renju ta’ l-Olanda huwa parti ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll l-Unjoni Ewropea li approvata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978 (ĠU L 252, p. 1). L-imsemmija konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 31, p. 13).

    3       Il-konvenzjoni TIR tipprovdi, b’mod partikolari, li l-merkanziji ttrasportati taħt is-sistema TIR, li hija mwaqqfa minnha, mhumiex suġġetti għall-ħlas jew għad-depożitu ta’ dazji u ta’ taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni fl-uffiċċji doganali ta’ tranżitu.

    4       Għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet, il-konvenzjoni TIR teħtieġ li l-merkanziji jkollhom magħhom, tul it-trasport kollu tagħhom, dokument uniformi, il-carnet TIR, li jservi biex tiġi kkontrollata r-regolarità ta' l-operazzjoni. Din teħtieġ ukoll li t-trasporti jsiru bil-garanzija ta’ assoċjazzjonijiet magħżula mill-partijiet kontraenti, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tagħha.

    5       L-Artikolu 6(1) tal-konvenzjoni TIR jipprovdi li:

    "Bla ħsara għal dawn il-kundizzjonijiet u garanziji kif għandha tistabbilixxi, kull Parti Kontraenti tista’ tawtorizza assoċjazzjonijiet biex joħorġu [Carnets] TIR, jew direttament jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrespondenti, u biex jaġixxu bħala garanti."

    6       Il-carnet TIR huwa magħmul minn numru ta’ folji żgħar maqsuma fil-parti nru 1 u parti nru 2, bil-mammiet korrispondenti tagħhom, li fuqhom tidher l-informazzjoni kollha meħtieġa. Żewġ partijiet huma użati għal kull territorju li jgħaddu minnu. Fil-bidu ta’ l-operazzjoni ta’ trasport, il-mamma nru 1 tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tat-tluq; ir-rilaxx isir meta tingħata lura l-mamma nru 2 li jiġi mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ li jinsab fuq l-istess territorju doganali. Din il-proċedura tirrepeti ruħha għal kull territorji li jgħaddu minnu, billi jintużaw iż-żewġ partijiet differenti tal-folji li jinsabu fl-istess carnet.

    7       Il-carnets TIR huma stampati u mqassma mill-International Road Transport Union (Unjoni Internazzjonali ta’ Trasport bit-Triq, iktar ’il quddiem l-“IRU”), stabbilita f’Ġinevra. Il-ħruġ tagħhom lill-utenti hija żgurata mill-assoċjazzjonijiet garanti ta’ kull Stat li għandhom li jingħataw is-setgħa li jagħmlu dan mill-amministrazzjonijiet tal-partijiet kontraenti. Il-carnet TIR huwa maħruġ mill-assoċjazzjoni garanti tal-pajjiż tat-tluq, peress li l-garanzija mogħtija hija koperta mill-IRU u minn għażla ta’ assiguraturi stabbiliti fl-Iżvizzera.

    8       L-Artikolu 8 tal-konvenzjoni TIR jgħid li:

    “1. L-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal biex tħallas id-dazji u t-taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni, flimkien ma kull imgħax li jkun baqa’, dovut skond il-liġijiet doganali u r-regolamenti tal-pajjiż li fih ġiet notata irregolarità f’konnessjoni ma’ operat TIR. Għandha tkun responsabbli, b’mod konġunt u wieħed wieħed mal-persuni li minnhom is-somom imsemmija fuq huma dovuti, għal ħlas ta’ dawn is-somom.

    2. F’każijiet fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti Kontraenti ma jipprovdux għal ħlas ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni kif provdut f[il-]paragrafu 1 hawn fuq, l-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal biex tħallas, fuq l-istess kundizzjonijiet, somma ugwali għall-ammont ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni jew esportazzjoni u kull imgħax [ta' dewmien] li jkun baqa’.

    3. Kull Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi s-somma massima għal kull [carnet] TIR, li tista’ tkun qed tisħaq għalih l-assoċjazzjoni [garanti] fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafi 1 u 2 hawn fuq.

    4. [Ir-responsabbiltà] ta’ l-assoċjazzjoni [garanti] lill-awtoritàjiet tal-pajjiż fejn l-uffiċċju doganali tal-ħruġ huwa lokat għandha tibda fil-ħin meta l-[carnet] TIR huwa aċċettat mill-uffiċċju doganali. Fil-pajjiżi sossegwenti li minnhom il-merkanzija hija trasportata skond il-proċedura TIR, din [ir-responsabbiltà] għandha tibda fil-ħin meta l-merkanzija hija importata […]

    5. [Ir-responsabbiltà] ta’ l-assoċjazzjoni [garanti] m’għandhiex tkopri biss il-merkanzija li hija enumerata fil-[carnet] TIR imma anke kull merkanzija li, għalkemm mhux enumerata fiha, tista’ tinstab fit-taqsima siġillata tal-vettura tat-triq jew fil-container siġillat. M’għandhiex testendi għal xi merkanzija oħra.

    6. Għall-għan li jiġu stabbiliti d-dazji u t-taxxi msemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-partikolaritajiet tal-merkanzija kif imdaħħlin fil-[carnet] TIR għandhom, [fin-nuqqas ta' prova kuntrarja], jitqiesu korretti

    7. Meta jsir dovut ħlas ta’ somom imsemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritàjiet kompetenti għandhom safejn ikun possibbli je[ż]iġu ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma [jressqu ilment quddiem] l-assoċjazzjoni [garanti]."

    9       Skond l-Artikolu 11 tal-konvenzjoni TIR:

    "1. Fejn [carnet] TIR ma jkunx [inħareġ] jew ikun [inħareġ] kundizzjonalment, l-awtoritàjiet kompetenti m’għandhomx ikollhom id-dritt li jippretendu l-ħlas tas-somom imsemmija fl-Artikolu 8 (1) u (2) mill-assoċjazzjoni [garanti] sakemm, fi terminu sena mid-data ta’ aċċettazzjoni tal-[carnet] TIR minn dawk l-awtoritàjiet, [huma ma jkunux] għarrfu lill-assoċjazzjoni bil-miktub bin-nuqqas ta’ [ħruġ] jew [bil-ħruġ] kundizzjonali. L-istess dispo[ż]izzjoni għandha tapplika fejn iċ-ċertifikat ta’ tħassir ikun inkiseb [b]’manjiera [abużiva] jew bi frodi, [u f'dan il-każ i]l-perijodu taż-terminu għandu jkun ta’ sentejn.

    2. [It-talba] għal ħlas tas-somom riferiti fl-Artikolu 8 (1) u (2) għandha ssir lill-assoċjazzjoni [garanti] l-aktar kmieni tliet xhur wara d-data li fiha l-assoċjazzjoni ġiet mgħarrfa li l-[carnet] [kien għadu ma ħariġx] jew li [kien inħareġ] kundizzjonalment jew li [l-ħruġ] ikun inkiseb [b]’manjiera [abużiva] jew frawdolenti u l-aktar tard [sa] sentejn wara dik id-data. Madanakollu, f’każijiet li, matul il-perijodu msemmi hawn fuq ta’ sentejn, isiru s-suġġett ta’ proċedimenti legali, kull [talba] għal ħlas għand[ha] [s]sir fi terminu sena mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti ssir infurzabbli

    3. L-assoċjazzjoni [garanti] għandu jkollha perijodu taż-terminu ta’ tliet xhur, mid-data meta [ssirilha talba] għal pagament [sabiex] fih jitħallsu l-ammonti mistennija. Is-somom imħ[allsa] għandhom jiġu [...] rimborsati lill-assoċjazzjoni jekk, fi żmien sentejn wara d-data li fiha tkun saret [it-talba] għall-ħlas, ikun ġie stabbilit għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritàjiet doganali li l-ebda irregolarità ma ġiet kommessa f’konnessjoni ma’ l-operat tat-trasport imsemmi."

     Il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja

    10     L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 719/91 tal-21 ta’ Marzu 1991 dwar l-użu fil-Komunità ta’ carnet TIR u carnet ATA bħala dokumenti tat-transitu (ĠU L 78, p. 6), applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1993, jgħid li:

    “1. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjonijiet TIR u ATA li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjonijiet garanti meta jintuża carnet TIR jew ATA.

    2. Meta jinstab li, matul jew fl-okkażjoni ta' trasport li jkun kopert minn carnet TIR jew operazzjoni ta’ tranżitu li jkun kopert minn carnet ATA, iseħħ ksur jew irregolarità f’xi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazji u piżijiet oħrajn li jistgħu jkunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri kriminali.

    3. Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm, fit-terminu li għad irid jiġi stabbilit, ma tiġix ippruvata li l-operazzjoni kienet regolari jew fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu ġew kommessi għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

    [...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11     Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1593/91, tat-12 ta’ Ġunju 1991, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 719/91 (ĠU L 148, p. 11), applikabbli wkoll mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1993:

    “1.      Jekk jiġi kkonstatat li, matul jew fl-okkażjoni ta’ trasport li jkun kopert minn carnet TIR jew f’operazzjoni ta’ tranżitu li jkun kopert minn carnet ATA, iseħħ ksur jew irregolarità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lit-titulari tal-carnet TIR jew tal-carnet ATA u lill-assoċjazzjoni garanti, fit-terminu previst, skond il-każ, mill-Artikolu 11(1) tal-konvenzjoni TIR jew mill-Artikolu 6(4) tal-konvenzjoni ATA.

    2.      Il-prova tar-regolarità ta’l-operazzjoni li tkun koperta minn carnet TIR jew minn carnet ATA, fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KEE) Nru 719/91. għandha titressaq fit-terminu previst, skond il-każ, mill-Artikolu 11(2) tal-konvenzjoni TIR jew mill-Artikolu 7(1) u (2) tal-konvenzjoni ATA.

    [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12     L-Artikoli 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 719/91 u 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1593/91 ġew issostitwiti, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, rispettivament, mill-Artikoli 454(1) u (2), u 455(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ applikazzjoni”), b’kontenut kważi identiku.

    13     Skond l-Artikolu 457 tar-regolament ta’ applikazzjoni:

    “Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(4) tal-Konvenzjoni TIR, meta kunsinna tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità jew tibda minn uffiċċju doganali tat-tluq li jkun jinsab fit-territorju doganali tal-Komunità, l-assoċjazzjoni garanti għandha ssir jew għandha tkun responsabbli lejn l-awtoritajiet doganali minn kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu tidħol il-kunsinna TIR, sal-punt li fih tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew sa l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni f’dak it-territorju.”

     Is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet

    14     L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab taħt it-Titolu I intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, jgħid li:

    “1. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom hekk kif l-ammont dovut jiġi kkomunikat mis-servizz kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-debitur. Din il-komunikazzjoni għandha ssir malli d-debitur ikun magħruf u l-ammont tad-dritt jista’ jiġi ikkalkulat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, b'ħarsien tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha applikabbli f’dan il-qasam.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    15     L-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89, li jirriżulta mill-istess Titolu I jgħidu li:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex id-dokumenti ta' prova li jirrigwardaw il-konstatazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji jinżammu mill-inqas għal tliet snin kalendarji li jibdew mill-aħħar tas-sena li jirreferu għaliha d-dokumenti ta' prova.

    Fil-każ fejn il-verifika magħmula mill-amministrazzjoni nazzjonali, waħedha jew flimkien mal-Kummissjoni, ta’ dokumenti ta' prova li jirrigwardaw konstatazzjoni li turi l-bżonn li din tiġi korretta, l-imsemmija dokumenti ta' prova għandhom jinżammu għal iżjed mit-terminu previst fl-ewwel paragrafu sabiex ikunu jistgħu jsiru il-korrezzjoni u l-kontroll ta’ din ta’ l-aħħar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    16     L-Artikolu 6(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab taħt it-Titolu II, intitolat “Kontabbiltà tar-riżorsi proprji”, jipprovdi li:

    “1. Kontabbiltà tar-riżorsi proprji għandha tinżamm mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew mill-korp maħtur minn kull Stat Membru u tinqasam skond it-tipi ta’ riżorsi.

    2.       (a)    Drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiġu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet [ġeneralment magħrufa bħala l-‘kontabbiltà A’] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar ta’ wara dak li matulu ikun ġie kkonstatat id-dritt.

             (b)    Drittijiet ikkonstatati u li ma jkunux irreġistrati fil-kotba tal-kontijiet imsemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jiġu rreġistrati, fit-terminu previst fil-punt (a), f’kotba tal-kontijiet separati [ġeneralment magħrufa bħala l-‘kontabbiltà B’. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta d-drittijiet ikkonstatati u koperti mill-garanziji jkunu suġġetti għal kontestazzjonijiet u jkunu jistgħu jiġu mibdula wara li jitqajmu xi kontestazzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    17     L-Artikolu 9 tar-Regolamenti Nru 1552/89 u 1150/2000, li jinsab taħt it-Titolu intitolat “It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji” huwa fformulat kif ġej:

    “1. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jirreġistra r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

    Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.

    2. L-ammonti rreġistrati għandhom ikunu kkonvertiti mill-Kummissjoni u mdaħħla fil-kontijiet tagħha […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18     Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1552/89 li jinsab fl-istess Titolu III:

    “Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma' l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta' wara x-xahar li fih id-dritt kien ġie [kkonstatat] bi qbil ma' l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

    B’danakollu, għal drittijiet murija fil-kontijiet [B] permezz ta’ l-Artikolu 6(2)(b) ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara id-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih id-drittijiet ikunu irkuprati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    19     Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, li tinsab ukoll taħt l-imsemmi Titolu III:

    “Kull dewmien biex is[s]ir [ir-reġistrazzjoni] fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta' imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta' l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta' dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta' żmien qasir ta' finanzjament publiku, miżjud b'żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0.25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perijodu kollu tad-dewmien.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-proċedura prekontenzjuża

    20     Skond il-Kummissjoni, f’viżita ta’ kontroll mill-uffiċjali tagħha fid-dwana ta’ Rotterdam (l-Olanda) fit-2 ta’ Ottubru 1997, kien ġie rrilevat dewmien fil-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji li jirriżultaw minn dazji tad-dwana. Dawn il-konstatazzjonijiet kienu jirrigwardaw carnets TIR mhux approvati, miksuba fis-snin 1991 sa 1993, li għalihom l-avviż ta’ ħlas kien intbagħat tard mill-awtoritajiet Olandiżi, safejn, fil-15-il każ ikkonstatat, l-imsemmija avviżi nħarġu biss madwar sentejn u nofs wara l-ksib ta’ dawn il-carnets, meta l-awtoritajiet kienu stabbilixxew li l-parti nru 2 ta’ l-imsemmija carnets ma kinux ġew irritornati lill-uffiċċju doganali tat-tluq.

    21     B’ittra tat-18 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ l-Olanda bil-konklużjonijiet tagħha, imbagħad, bl-ittri tad-9 ta’ Marzu 1998 u tas-6 ta’ Jannar 2000, hija talbet lil dan l-Istat Membru biex jagħtiha ammont ta’ NLG 267 682,43 bħala imgħax ta’ dewmien skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89. Il-Kummissjoni tafferma li, għall-kalkolu ta’ dan l-imgħax ta’ dewmien, hija bbażat ruħha fuq iż-żmien massimu ta’ ħmistax-il xahar iffissat fid-dawl tal-komunikazzjoni dwar id-dazji lid-debitur minn meta d-dokumenti kkonċernati jiġu vvalidati, terminu li jirriżulta mill-Artikolu 455 tar-regolament ta’ applikazzjoni u ta’ l-Artikolu 11 tal-konvenzjoni TIR.

    22     Fir-risposta tagħhom tal-15 ta’ April 1998 u tas-7 ta’ Marzu 2000, l-awtoritajiet Olandiżi rrifjutaw it-talba għall-ħlas ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien, minħabba li din it-talba ma kinitx fondata fid-dritt u li, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89, l-imsemmija talba hija barra minn hekk preskritta fir-rigward ta’ wħud mill-fajls ikkonċernati, fejn wieħed minnhom kien imur lura sas-sena 1986.

    23     Fir-rigward ta’ l-allegat dewmien ikkonstatat mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-ebda bażi legali ma tippermetti li jsir proċediment għall-irkupru ta’ dokument TIR tant li l-proċedura ta’ riċerka għadha ma ntemmietx. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni ta’ l-ammonti dovuti ma tistax isseħħ sakemm ittemm din il-proċedura ta’ riċerka. F’dan ir-rigward, l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR, fl-istennija tar-riżultati tar-riċerki, ma setax, skond dawn l-awtoritajiet, jiġi meqjus bħala kunsiderazzjoni tardiva li twassal għall-ħolqien ta’ mgħaxijiet ta’ dewmien.

    24     Peress li ma qablitx ma’ l-argumentazzjoni ta’ l-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni, fit-18 ta’ Ottubru 2002, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ l-Olanda. F’din l-ittra, hija esponiet l-analiżi tagħha, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli mill-1991 sa l-1993, dwar id-dewmien tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji wara n-nuqqas ta' azzjoni fit-tul ta’ l-amministrazzjoni Olandiża fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet TIR imsemmija minn din il-proċedura. Fid-dawl tad-diffikultà biex tiġi ddeterminata data konkreta għall-imgħaxijiet ta’ dewmien li jikkonċernaw l-operazzjonijiet TIR li saru qabel is-sena 1992, il-Kummissjoni tqis li mhumiex dovuti imgħaxijiet ta' dewmien għal dan il-perijodu minħabba n-nuqqas taż-żmien meħtieġ għall-irkupru tad-dazji kkonċernati, iżda li l-awtoritajiet Olandiżi madankollu m’għamlux dak li kien xieraq biex iħarsu l-imgħaxijiet finanzjarji tal-Komunità. Fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet TIR li saru mill-1 ta’ Jannar 1992, din l-istituzzjoni titlob lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex mingħajr dewmien, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, iħallsu ammont ta’ mgħaxijiet ta’ dewmien ta’ EUR 110 239.17.

    25     Fir-risposta tagħhom tad-19 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet Olandiżi żammew l-opinjoni tagħhom.

    26     Fil-11 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha hija terġa' tippreżenta l-argumentazzjoni żviluppata fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. Ir-Renju ta’ l-Olanda ġie mitlub biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma’l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data li hija tirċievi l-imsemmija opinjoni. Il-gvern ta’ dan l-Istat Membru rrisponda għall-opinjoni motivata b’ittra ta’ l-10 ta’ Settembru 2003, li fiha huwa jesponi mill-ġdid l-argumenti li huwa kien espona preċedentement.

    27     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ammissibbiltà

     L-argumenti tal-partijiet

    28     Il-Gvern Olandiż isostni li r-rikors huwa inammissibbli. L-azzjoni hija preskritta skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89, li jobbliga lill-Istati Membri biex iżommu d-dokumenti neċessarji relatati mal-konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji mill-inqas għal tliet snin kalendarji mill-aħħar tas-sena li għalihom jirreferu dawn id-dokumenti. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-istess żmien biex tressaq kawża jew rikors kontra Stat Membru, peress li, fil-każ kuntrarju, dan l-aħħar ma jkollu l-ebda mezz biex jiddefendi ruħu. F’dan il-każ, safejn ma teżisti l-ebda bażi legali għal estensjoni ta’ dan it-terminu, li hija prevista biss meta kontroll tal-Kummissjoni magħmul fl-istess terminu jirriżulta f’rettifika, l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux marbuta li jżommu id-dokumenti ta' prova relatati mal-perijodi msemmija minn din il-proċedura ħlief, l-iżjed tard, sa l-aħħar tas-sena 1997. Il-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux għadhom ipproċedew għall-eliminazzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma jbiddilx l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni.

    29     Barra minn hekk, it-talba tal-Kummissjoni hija fi kwalunkwe każ inammissibbli fir-rigward tal-perijodu li jasal sal-1 ta’ Jannar 1992, safejn il-Kummissjoni ma jkollha l-ebda interess li tagħmel rikors li jikkonċerna dan il-perijodu. Billi qieset li l-ebda imgħax ta’ dewmien ma kien dovut għall-imsemmi perijodu, il-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-awtoritajiet Olandiżi kkonstataw u ħallsu fit-tard ir-riżorsi proprji dovuti. L-istess talba għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli, peress li d-deċiżjoni li għandha tingħata ma tistax tbiddel is-sitwazzjoni ġuridika tar-Renju ta’ l-Olanda.

    30     F’risposta għall-ewwl motiv ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89 huwa biss il-konservazzjoni obbligatorja tad-dokumenti ta' prova, li hija “ta’ l-inqas” għal tliet snin u ma jistabbilixxi l-ebda terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tar-riżorsi proprji. Anki jekk ġie ammess li l-imsemmi Artikolu 3 kellu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni, f’dan il-każ dan iż-żmien ma skadiex, peress li l-awtoritajiet Olandiżi kienu ġew informati f’dan it-terminu li kellu jkun hemm xi dewmien. Fil-fatt, din l-informazzjoni ġiet mogħtija mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Olandiżi permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 1997, filwaqt li t-talba għal ħlas ta’ imgħax ta' dewmien li saret mill-Kummissjoni kienet tikkonċerna l-carnets TIR miksuba fl-1993, li fir-rigward tagħhom, il-konstatazzjoni u d-disponibbiltà effettiva tagħhom seħħet fis-snin 1994 u 1995. Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89, id-dokumenti ta' prova li jikkonċernaw ir-riżorsi proprji kkonstatati fl-1994 u fl-1995 kellhom jinżammu, rispettivament, sa l-aħħar tas-snin 1997 u 1998. Barra minn hekk, iż-żmien imsemmi fl-istess Artikolu 3 jista’ jiġi mtawwal ladarba l-konstatazzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu rettifikati. Għaldaqstant, billi r-riżultat tal-kontroll magħmul mill-Kummissjoni jrendi li dawn ir-rettifikazzjonijiet neċessarji, dan mhuwiex każ ta’ preskrizzjoni.

    31     Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-partikolarità tal-proċedura ta’ ksur ta’ l-Artikolu 226 KEE tippermetti preċiżament li jiġi kkonstatat li Stat Membru ma wettaqx l-obbligi tiegħu, għaldaqstant, mingħajr ma dan ibiddel is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu.

     Il-kunsiderazzjonjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32     Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, hemm lok biex jiġi rilevat li, kuntrarjament għall-argumentazzjoni difiża mill-Gvern Olandiż, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89 ma jistabbilixxix terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru ta’ riżorsi proprji. Din id-dispożizzjoni hija biss intiża sabiex tobbliga l-Istati Membri biex iżommu d-dokumenti ta’ prova relatati mal-konstatazzjoni u d-disponibbiltà tar-riżorsi proprji għal żmien minimu partikolari, li jista' jiġi mtawwal, f’dan il-każ, għal żmien li jippermetti li tkun tista’ ssir rettifika u għall-kontroll ta’ din ta’ l-aħħar meta kontroll ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, waħedhom jew flimkien mal-Kummissjoni, juri l-bżonn li ssir din ir-rettifika. L-użu tal-kliem “ta’ l-inqas” fir-rigward taż-żmien ta’ konservazzjoni ta’ tliet snin isostni l-fatt li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju ma kienx li jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni.

    33     Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-awtoritajiet Olandiżi ma eliminawx id-dokumenti relatatati ma’ l-operazzjonijiet ikkonċernati minn din il-proċedura, b’mod li r-Renju ta’ l-Olanda ma jistax jallega ksur kwalunkwe tad-drittijiet tiegħu tad-difiża.

    34     Dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

    35     Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq nuqqas ta’ interess li jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 1992 fin-nuqqas tat-talba għal ħlas ta’ imgħax ta' dawmien, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-istess nuqqas ta’ rispett minn Stat Membru ta’ obbligu impost minn regola tad-dritt Komunitarju jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-363/000, Ġabra p. I-5767, punt 47).

    36     Peress li dan il-motiv huwa wkoll infondat, għandu jiġi miċħud u għandu jingħad li r-rikors huwa ammissibbli kollu kemm hu.

     Fuq il-mertu

     L-argumenti tal-partijiet

    37     Il-Kummissjoni tosserva li l-Istati Membri għandhom jipproċedu b’diliġenza għall-irkupru tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, sabiex dawn ikunu għad-dispożizzjoni tagħha malajr kemm jista’ jkun. Fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni TIR, dan ifisser li Stat Membru għandu jistabbilixxi hekk kif ikun possibbili wara il-kisba ta’ carnet TIR, jekk tkunx saret irregolarità li tikkonċerna t-trasport relatat miegħu. Jekk dan huwa l-każ, huwa għandu jinforma lil min qed jużah u, wara l-iskadenza tat-terminu li matulu dan jista' jġib il-prova li t-trasport kien regolari jew li l-irregolarità saret wara, l-Istat Membru għandu jipproċedi għall-irkupru tad-dazji kkonċernati.

    38     Il-Kummissjoni tirrileva li hija tagħmel distinzjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, bejn il-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 1992 u l-perijodu minn din id-data sa l-1994, meta hu mifhum li, waqt l-imsemmi żmien, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR kien applikabbli. Fir-rigward tal-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 1992, din ma titlobx il-ħlas ta’ mgħaxijiet ta’ dewmien mingħand il-Gvern Olandiż. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, sa din l-aħħar data, kien biss l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR li kien applikabbli u ma kienx possibbli li tiġi indikata data preċiża li fiha l-awtoritajiet kompetenti kellhom jipproċedu għal irkupru, safejn il-Konvenzjoni TIR, li ma tikkonċernax min juża s-sistema iżda l-assoċjazzjoni garanti, ma tistabbilixxix terminu għall-finijiet tal-komunikazzjoni ta’ l-irregolarità lil min juża s-sistema u l-anqas ma tistabbilixxi terminu li fih dan ta' l-aħħar jista' jġib il-prova li l-ksur seħħ x'imkien ieħor, jew li dan ma sarx. Madankollu, l-awtoritajiet Olandiżi ma ġibdux l-attenzjoni neċessarja għall-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità.. L-Istati Membri huma marbuta li jwettqu bir-reqqa l-attivitajiet neċessarji għal konstatazzjoni ta’ malajr tad-dazji fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet. Ladarba, fil-jiem li jsegwu t-tmiem previst ta’ l-operazzjoni materjali ta’ tranżitu, la l-parti nru 2 tal-carnet TIR u lanqas ebda dokument ieħor ma jasal fl-uffiċċju ta’ minn fejn jinkiseb l-imsemmi carnet, l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri adegwati fi żmien raġonevoli biex jippreżervaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Fil-każijiet ikkonċernati minn din il-proċedura, it-talbiet għal ħlas intbagħtu wara perijodu li jvarja minn sentejn u erba’ xhur u nofs sa sentejn u għaxar xhur li jibdew mid-data ta’ kisba tal-carnet. Terminu bħal dan mhuwiex meqjus bħala kompatibbli mar-reqqa meħtieġa.

    39     Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1993, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 719/91 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1593/91 moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR, jipprovdu termini speċifiċi li fihom l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonstataw il-ksur. Il-punt tat-tluq u l-portata tat-“terminu li jrid jiġi ddeterminat”, li fih il-prova ta’ l-irregolarità ta’ l-operazzjoni jew il-post fejn sar il-ksur jew l-irregolarità jista' jiġi pprovdut skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1593/91, jista' jiġi dedott mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1593/91, f’rabta ma’ l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR.

    40     Skond il-Kummissjoni, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, jekk l-uffiċċju doganali tat-tluq ma jirċevix il-parti nru 2 tal-carnet TIR jew kull dokument ieħor ta’ l-uffiċċju tal-ħruġ fit-terminu stipulat (iffissat għal massimu ta’ xahar fl-opinjoni motivata), dan għandu jinforma lil min qed juża s-sistema u lill-assoċjazzjoni garanti sa żmien sena mill-kisba ta’ l-imsemmi carnet, żmien li hu ta’ sentejn fil-każ ta’ ħruġ ta’ carnet TIR miksub b’mod abbużiv jew frawdolenti. Il-persuna kkonċernata għandha tliet xhur biex tressaq il-prova ta’ nuqqas ta’ irregolarità jew tal-post fejn din realment saret. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ prova, l-irregolarità hija meqjusa li saret fl-Istat Membru li jinsab fih l-uffiċċju tat-tluq u dan l-Istat għandu jipproċedi għall-irkupru tad-dejn doganali.

    41     Skond il-Kummissjoni, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jagħżlu li ma jipproċedux għal irkupru fl-iżjed data viċina possibbli prevista mill-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR, iżda f’data aktar tard, qabel ma jiskadi l-massimu ta’ żmien ta’ sentejn stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, mhijiex importanti ħlief għar-relazzjoni ta’ bejn l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru u d-debitur. Fil-kuntest tas-sistema tar-riżorsi proprji, in-notifikazzjoni lid-debitur għandha ssir minn kif dan ikun magħruf u l-ammont tad-debitu ddeterminat, mument li jikkoinċidi ma’ dak li fih l-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jipproċedu għal irkupru skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli. Il-leġiżlatur Komunitaju ried manifestament joħloq sistema li permetti li titressaq il-prova legali ta’ l-irregolarità ta’ operazzjoni TIR minn meta tiġi skoperta l-ewwel prova ta’ l-eżistenza tagħha.

    42     Il-Kummissjoni żżid tgħid li, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89, dritt tal-Komunitajiet fuq riżorsi proprji msemmija jiġi kkonstatat minn meta l-ammont tad-dazju jiġi kkomunikat mis-servizz kompetenti ta’ l-Istat Membru lid-debitur. Din il-komunikazzjoni ssir malli d-debitur jiġi magħruf u l-ammont tad-dritt jista' jiġi kkalkolat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, fir-rispett ta’ kull dispożizzjoni Komunitarja applikabbli fil-qasam. Safejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-awtoritajiet jistgħu jipproċedu għal irkupru l-iżjed tard wara sena u tliet xhur wara l-kisba tal-carnet TIR u li d-debitur u l-ammont tad-dritt għandhom ukoll ikunu meqjusa bħala magħrufa l-iżjed tard meta jiskadi dan it-terminu, in-notifika msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89 għandha ssir l-iżjed tard 15-il xahar mill-kisba ta’ l-imsemmi carnet. Meta jiskadi ż-żmien, dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji kkonċernati jiġi meqjus bħala li ġie kkonstatat.

    43     Skond il-Kummissjoni, l-Istati Membri huma marbuta li jirreġistraw id-drittijiet ikkonstatati fil-kontabbiltà ġenerali ikkreditati mill-kont tal-Kummissjoni mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tax-xahar ta’ wara dak li fih isseħħ il-konstatazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89, ladarba, bħal f’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat ma jżommx kontijiet separati (kontabbiltà B) fis-sens ta’l-Artikolu 6(2)(b) ta’ l-istess regolament. Ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji għandha ssir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol (Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1552/89), b’mod li, f’dan il-każ, billi l-imgħaxijiet ta' dewmien skond l-Artikolu 11 ta’ l-istess Regolament ikunu dovuti wkoll, l-awtoritajiet Olandiżi li għaddew ir-riżorsi proprji kkonċernati tard lill-Kummissjoni safejn huma ma pproċedewx għall-irkupru ħlief madwar sena wara li skada t-terminu massimu ta’ 15-il xahar.

    44     Il-Gvern Olandiż jirrileva li, fir-rigward tal-perijodu qabel l-1992, kien biss l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR li kien japplika u, din id-dispożizzjoni ma kellha l-ebda żmien għall-irkupru tad-dejn doganali mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma tippreċiżax dak li hija tifhem bil-kunċett ta’ “reqqa” u lanqas ma tikkonkretizza n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u ma ġġibx prova tiegħu. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda bażi legali għal irkupru tant li l-proċedura ta’ riċerka li tippermetti li jiġi konkluż li sar ksur jew irregolarità għadha ma ntemmitx. F’ċerti każijiet, jistgħu validament jgħaddu sentejn mill-kisba tal-carnet TIR sa meta jintbagħat l-avviż ta’ ħlas.

    45     Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1993, l-imsemmi Gvern isostni li t-termini intiżi biex jiġu applikati skond il-Kummissjoni – minbarra li dawn mhumiex intiżi biex jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet doganali ma’ l-imsemmija istituzzjoni, iżda biss mal-konvenuti – huma prattikament impossibbli li jiġu rrispettati. Bħal ma jipprovdi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri mhumiex marbuta li fil-kotba tal-kontijiet jirreġistraw l-ammonti dovuti u jipproċedu għall-irkupru tad-dazji kkonċernati qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ riċerka (jiġifieri, il-proċedura ta’ rkupru a posteriori). Sa dan il-mument, l-Istat Membru kkonċernat mhuwiex f’pożizzjoni li jikkonstata l-irregolarità, il-post fejn dan sar, l-oriġini tad-dejn doganali, l-Istat kompetenti u l-ammont ta’ dazji. Is-sempliċi fatt li ma jirċevix il-parti nru 2 tal-carnet TIR jista' l-iżjed iwassal għal preżunzjoni ta’ irregolarità, meta l-kompetenza ta’ l-irkupru ma teżistix ħlief ladarba l-irregolarità u l-post fejn din saret jiġu stabbiliti.

    46     Barra minn hekk, skond l-awtoritajiet Olandiżi, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1593/91, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(2) tal-konvenzjoni TIR, jindika li t-titolari ta’ carnet TIR għandu ta’ l-inqas tliet xhur u l-iżjed sentejn biex iressaq il-prova tar-regolarità tat-trasport magħmul. Il-Kummissjoni żbaljatament ikkonvertiet it-terminu minimu previst mill-Artikolu 11(2) tal-konvenzjoni TIR għal terminu massimu. Mhux biss it-titolari għandu jkollu l-okkażjoni li jressaq il-prova meħtieġa, iżda l-Istat Membru kkonċernat għandu wkoll ikollu ż-żmien neċessarju biex jevalwa l-effettività tal-prova għaldaqstant ipprovduta.

    47     Fil-każ fejn l-argument difiż mill-Kummissjoni jiġi milqugħ, il-Gvern Olandiż jixtieq jippreżenta ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali eżistenti fil-perijodu kkonċernat, jiġifieri d-diffikultajiet marbuta ma’ l-applikazzjoni korretta tas-sistema TIR.

    48     Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 15562/89, l-imsemmi Gvern jallega li, b’definizzjoni, mhijiex magħrufa l-informazzjoni kollha fl-aħħar taż-żmien ta’ tliet xhur, b’mod li ma jeżistix obbligu li ssir ir-reġistrazzjoni fil-kontijiet f’dak il-mument. B’hekk, ma jkunx hemm iżjed l-obbligu li tinbagħat komunikazzjoni lid-debitur. Dan il-gvern jikkonkludi li la hemm reġistrazzjoni tardiva tad-dejn doganali fil-kont tal-Kummissjoni u lanqas, għaldaqstant, dewmien fit-trasferiment ta’ riżorsi proprji lill-Kummissjoni, b’mod li mhijiex kwistjoni ta’ imgħaxijiet dovuti skond l-Artikolu 11 ta’ l-istess Regolament.

     Il-kunsiderazzjonjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49     L-ewwelnett, għandu jiġi eżaminat l-ilment tal-Kummissjoni, safejn dan isemmi l-perijodu li fih japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti Nru 719/91 u 1593/91 fir-rigward ta’ l-irkupru tad-dejn doganali.

    –       Fuq il-carnets TIR miksuba bejn l-1 ta’ Jannar 1992 u l-31 ta’ Diċembru 1993

    50     Skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 719/91, jekk huwa kkonstatat li, matul jew fl-okkażjoni ta’ trasport magħmul taħt kopertura ta’ carnet TIR, ikun sar ksur jew irregolarità fi Stat Membru partikolari, l-irkupru ta’ dazji u ta’ ħlasijiet oħra eventwalment dovuti isir minn dan l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti kriminali. Fil-każ li ssir tali konstatazzjoni, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1593/91, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lit-titolari tal-carnet TIR u lill-assoċjazzjoni garanti, fit-terminu previst fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, jiġifieri fi żmien sena mid-data tal-kisba tal-carnet TIR minn dawn l-awtoritajiet fil-każ li dan ma jinħariġx, u żmien ta’ sentejn fil-każ li l-ħruġ tiegħu jinkiseb b’mod abbużiv jew frawdolenti.

    51     Skond l-Artikolu 11(2) tal-konvenzjoni TIR, it-talba għal ħlas għandha tinbagħat lill-assoċjazzjoni garanti mhux qabel tliet xhur min-notifika tan-nuqqas ta’ ħruġ jew tal-ħruġ miksub b’mod abbużiv jew frawdolenti, u mhux wara sentejn minn din l-istess data, ħlief fil-każijiet li huma mressqa quddiem qorti fiż-żmien imsemmi iktar ’il fuq ta’ sentejn, f’liema każ it-talba għall-ħlas issir fi żmien sena mid-data li fiha d-deċiżjoni ġudizzjarja tkun saret eżekutorja.

    52     Mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li t-talba ta’ ħlas tad-dejn doganali għandha, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħruġ, issir, fi prinċipju, l-iżjed tard tliet snin wara d-data ta’ kisba tal-carnet TIR, żmien li huwa ta’ erba’ snin fil-każ ta’ ħruġ miksub b'mod frawdolenti.

    53     L-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR jippreċiża li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, safejn huwa possibbli, jirkupraw il-ħlas mill-persuna direttament debitriċi ta' l-imsemmi dejn qabel ma jindirizzaw talba lill-assoċjazzjoni garanti. Għaldaqstant, mill-Artikoli 10(3) tar-Regolament Nru 719/91 u 2(2) tar-Regolament Nru 1593/91 jirriżulta li, safejn dawn ma jagħmlux distinzjoni bejn it-titolari tal-carnet TIR u l-assoċjazzjoni garanti fir-rigward tal-possibbiltà li jressqu l-prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni magħmula taħt il-kopertura ta’ carnet TIR, it-termini msemmija iktar ’il fuq ta’ tlieta u erba’ snin japplikaw kemm fir-rigward tat-titulari kif ukoll fir-rigward ta’ l-assoċjazzjoni garanti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ l-Artikoli 454 u 455 tar-regolamenti ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I-1797, punt 49).

    54     Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-għan ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1593/91 huwa li tiġi assigurata applikazzjoni uniformi u bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ l-irkupru tad-dejn doganali fl-interess ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu u effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-460/01, Ġabra p. I-2613, punti 60, 63, 69 u 70), il-komunikazzjoni tal-ksur jew ta’ l-irregolarità għandha, fi kwalunkwe każ, issir l-iżjed malajr kemm jista' jkun, jiġifieri minn meta l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bl-imsemmi ksur jew irregolarità, għaldaqstant, jekk ikun il-każ, sew qabel l-iskadenza tat-termini massimi ta’sena u, fil-każ ta’ frodi, ta’ sentejn, rispettivament, imsemmija fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR.

    55     Għall-istess raġunijiet, it-talba għal ħlas fis-sens ta’ l-Artikolu 11(2) tal-konvenzjoni TIR għandha tintbagħat meta l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jipproċedu f’dan ir-rigward, għalhekk, jekk ikun il-każ, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sentejn mid-data tal-komunikazzjoni tal-ksur jew ta’ l-irregolarità lill-persuni kkonċernati.

    56     F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-talbiet għal ħlasijiet in kwistjoni ntbagħtu inqas minn tliet snin wara d-data ta’ kisba tal-carnets TIR, għalhekk, qabel l-iskadenza tat-terminu massimu ta’ tliet snin mill-imsemmija kisba. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma turix, fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet li jirriżultaw mill-carnets TIR miksuba fl-1992 u fl-1993 u msemmija f'din il-proċedura, li t-talba għal ħlas ma saritx bl-iżjed mod rapidu possibbli, jiġifieri minn meta l-awtoritajiet kienu f’pożizzjoni li jipproċedu f’dan ir-rigward.

    57     Safejn il-Kummissjoni m’għandhiex l-intenzjoni li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta' obbligu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regoamenti Nri 719/91 u 1593/91, iżda ksur ta’ l-Artikoli 2, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1552/89, għad għandu jiġi vverifikat jekk, billi aġixxa b’dan il-mod, Ir-Renju ta’ l-Olanda għamilx kunsiderazzjoni żbaljata ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet.

    58     Skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89, dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji huwa kkonstatat “hekk kif” l-ammont dovut huwa kkomunikat mill-awtoritajiet kompetenti lid-debitur, liema komunikazzjoni għandha ssir meta d-debitur ikun magħruf u l-ammont tad-dritt jista' jiġi kkalkulat mill-awtoritjiet amministrattivi kompetenti, b'ħarsien tad-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli fil-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85), jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p.1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), ir-Regolamenti Nru 719/91 u 1593/91, kif ukoll il-Konvenzjoni TIR. Għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala komunikazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 it-talba għal ħlas skond l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR.

    59     Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 59 tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-392/02, Ġabra p. I-9811), mill-Artikoli 217, 218 u 221 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġu sodisfatti meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dettalji neċessarji u, b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jiddeterminaw min huwa d-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitati iktar ’il fuq, punt 71, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-104/02, Ġabra p. I-2689, punt 80). L-Istati Membri ma jistgħux jeħilsu lilhom infushom mill-obbligu li jistabbilixxu l-krediti, anki jekk jikkontestawhom, inkella jkollu jiġi ammess li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Komunitajiet jista’ jiġi mfixxkel bl-aġir ta’ Stat Membru (is-sentenza, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

    60     L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1552/89 jgħid li l-Istati Mmebri għandhom iżommu konijiet tar-riżorsi proprji mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minnhom. Għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2)(a) u (b) ta’ l-istess Artikolu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirkupraw id-dazji “kkonstatati skond l-Artikolu 2” ta’ l-istess Regolament, mhux iżjed tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara dak li matulu jkun ikkonstatat id-dritt, kemm fil-kontabbiltà A, kif ukoll, ladarba ċerti kundizzjonijiet jiġu soddisfatti, fil-kontabbiltà B.

    61     Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati jikkonstataw dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jakkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jiddeterminaw min huwa d-debitur (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), u, għaldaqstant, li jinkludu l-imsemmija drittijiet fil-kotba kontijiet skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1552/89.

    62     F’dan il-każ, l-awtoritajiet Olandiżi mhumiex akkużati li ma kkontabbilizzawx id-dejn doganali immedjatament wara li dan ġie kkonstatat, iżda talli kkonstataw u kkomunikaw tard id-dazji kkonċernati, ilment li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tipprovax li l-kontabbilizzazzjoni saret tard.

    63     Għall-finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1552/89 jgħid li kull Stat Membru jniżżel ir-riżorsi proprji billi jikkredita l-kont bil-miftuħ għal dan il-għan f’isem il-Kummissjoni, skond il-metodi ddefiniti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament. Skond il-paragrafu 1 ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, wara t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-ġbir, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji ssir l-iżjed tard fl-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara dan li matulu d-dritt ikun ikkonstatat skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi regolament, bl-eċċezzjoni tad-dazji rkuprati fil-kontabbiltà B skond l-Artikolu 6(2)(b) ta’ l-istess Regolament li fir-rigward tagħhom ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iżjed tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak ta’ l-“irkupru”.

    64     Huwa stabbilit li matul il-perijodu in kwistjoni l-awtoritajiet Olandiżi ma żammewx il-kontabbiltà B, filwaqt li mhuwiex iżjed allegat li l-imsemmija awtoritjiet ma kkreditawx il-kont tal-Kummissjoni bl-ammont in kwistjoni fit-terminu previst mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1552/89 minn meta dawn id-dazji jiġu kkontabbilizzati.

    65     F’dawn il-kundizzjonijiet, mhijiex iżjed kwistjoni ta’ ħlas ta’ imgħaxijiet ta’ dewmien skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89.

    66     Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni, safejn dan jikkonċerna l-carnets TIR miksuba fis-snin 1992 u 1993, għandu jiġi miċħud.

    –       Fuq il-carnets TIR miksuba fl-1991

    67     Fir-rigward tal-carnets TIR miksuba fl-1991, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 1992, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 11 tal-konvenzjoni TIR biss kien applikabbli u li ma kienx possibbli li jindikaw data preċiża li fiha l-awtoritajiet kompetenti kellhom jipproċedu għal irkupru. Madankollu, l-awtoritajiet Olandiżi ma ħadux ħsieb kif suppost tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Ladarba, fil-jiem li jsegwu t-tmiem previst ta’ l-operazzjoni materjali ta’ tranżitu, la l-parti nru 2 tal-carnet TIR u lanqas ebda dokument ieħor ma jasal fl-uffiċċju ta’ minn fejn jinkiseb l-imsemmi carnet, l-awtoritajiet ikkonċernati jkollhom jieħdu, fi żmien raġonevoli, l-miżuri adegwati biex jippreżervaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Madankollu, fil-każijiet imsemmija, l-avviż ta’ ħlas kien intbagħat wara perijodu li jvarja minn sentejn u erba’ xhur u nofs għal sentejn u għaxar xhur mill-kisba tal-carnet TIR. Tali terminu ma jiġix meqjus bħala konformi mar-reqqa meħtieġa.

    68     Kif ġie wkoll rilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu u effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet. Madankollu, il-Kummissjoni ma turix li l-Gvern Olandiż m'applikax ir-reqqa kollha meħtieġa għal konstatazzjoni rapida tad-dritt fuq ir-riżorsi proprji fil-każ tal-preżunzjoni ta’ irregolarità li tikkonċerna t-trasporti magħmula taħt il-kopertura ta’ carnet TIR miksub qabel l-1 ta’ Jannar 1992 u li ssir referenza għalih fl-imsemmija proċedura. Fil-fatt, il-Kummissjoni illimitat ruħha li tafferma f’termini ġenerali li l-fatt li nbagħatet talba għal ħlas madwar sentejn u nofs wara l-kisba tal-carnet TIR m'huwiex irrikonċiljat ma' l-attenzjoni li għandha tingħata lill-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

    69     Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni, bbażat fuq ksur ta’ l-Artikoli 2, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1552/89, għandu, safejn jikkonċerna l-carnets TIR miksuba waqt is-sena 1991, jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti preċedentement fir-rigward tal-carnets TIR miksuba mis-sena 1992, u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq l-ispejjeż

    70     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju ta’ l-Olanda.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija ordnata tbati l-ispejjeż.

    Firem


    ** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top