Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0300

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Settembru 2006.
    M. G. Eman u O. B. Sevinger vs College van burgemeester en wethouders van Den Haag.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
    Parlament Ewropew - Elezzjonijiet - Dritt għall-vot - Kundizzjonijiet ta' residenza fl-Olanda għaċ-ċittadini Olandiżi ta' Aruba - Ċittadinanza ta' l-Unjoni.
    Kawża C-300/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:545

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    12 ta' Settembru 2006 (*)

    "Parlament Ewropew – Elezzjonijiet – Dritt għall-vot – Kundizzjonijiet ta' residenza fl-Olanda għaċ-ċittadini Olandiżi ta' Aruba – Ċittadinanza ta' l-Unjoni"

    Fil-kawża C-300/04,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Lulju 2004, fil-proċeduri

    M. G. Eman,

    O. B. Sevinger

    vs

    College van burgemeester en wethouders van Den Haag,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur), K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' Lulju 2005,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għas-Sinjuri Eman u Sevinger, minn A. G. Croes,

    –       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad u F. Díez Moreno, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Franċiż, minn R. Abraham, G. de Bergues, E. Puisais u C. Jurgensen, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn D. Anderson u D. Wyatt, QC, kif ukoll minn M. Chamberlain, barrister,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Ladenburger u P. van Nuffel, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' April 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 17 KE, 19(2) KE, 189 KE, 190 KE u 299(3) KE.

    2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn, minn naħa, is-Sinjuri Eman u Sevinger (iktar 'il quddiem l-"appellanti fil-kawża prinċipali"), it-tnejn ta' nazzjonalità Olandiża u domiċiljati f'Oranjestad (Aruba), u min-naħa l-oħra, il-College van burgemeester en wethouders van Den Haag (L-Olanda) rigward ir-rifjut, minn dan ta' l-aħħar, ta' l-applikazzjoni tagħhom sabiex jitniżżlu fil-listi elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Ġunju 2004.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt internazzjonali

    3       L-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem, l-"Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB"), jgħid hekk:

    "Il-Partijiet Għolja Kontraenti jobbligaw ruħhom li jżommu elezzjonijiet liberi f'intervalli xierqa b'votazzjoni sigrieta, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni libera ta' l-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġiżlatura."

     Id-dritt Komunitarju

    4       Skond l-Artikolu 17 KE:

    "1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadina ta' l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi ċ-ċittadinanza nazzjonali.

    2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu."

    5       L-Artikolu 19(2) KE jipprovdi:

    "Mingħajr ħsara għall-Artikolu 190(4) u għad-disposizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. […]"

    6       Skond din id-dispożizzjoni, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 93/109/KE, tas-6 ta' Diċembru 1993, dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329, p. 34). L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jipprovdi:

    "Kull persuna li, fid-data tar-riferenza:

    a)       hija ċittadin ta' l-Unjoni skond [it-]tifsira tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8 (1) tat-Trattat,

    [u li]

    b)      m’hijiex ċittadin ta' l-Istat Membru tar-residenza imma tissodisfa l-istess kundizzjonijiet f’dak li hu dritt għall-vot u biex wieħed joħroġ bħala kandidat kif titlob il-liġi ta' dan l-Istat miċ-ċittadini tiegħu;

    għandu jkollha d-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru tar-residenza minbarra f’każ li tiġi mċaħħda minn dawn id-drittijiet skond l-Artikoli 6 u 7."

    7       L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/109 jipprovdi:

    "Jekk, sabiex jivvotaw jew biex joħorġu bħala kandidati, iċ-ċittadini ta' l-Istat Membru tar-residenza [jridu] jkunu qattgħu ċertu perjodu minimu taż-żmien bħala residenti fit-territorju elettorali ta' dan l-Istat, il-votanti u ċ-ċittadini tal-Komunità li għandhom dritt li joħorġu bħala kandidati għandhom jitqiesu li ssodisfaw din il-kundizzjoni fejn ikunu għixu għal perjodu ekwivalenti ta' żmien fi Stati Membri oħra. Din id-dispożizzjoni tapplika mingħajr preġudizzju għal xi kundizzjonijiet speċifiċi fuq it-tul tar-residenza f'xi kostitwenza jew lokalità partikolari."

    8       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 189 KE jipprovdi:

    "Il-Parlament Ewropew, li għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-popli ta’ l-Istati miġbura flimkien fil-Komunità, għandu jeżerċita dawk il-poteri lilu attribwiti b’dan it-Trattat."

    9       L-Artikolu 190 KE jgħid kif ġej:

    "1.       Ir-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew, tal-popli ta' l-Istati mlaqqgħin flimkien fil-Komunità għandhom ikunu eletti b’vot universali dirett.

    […]

    4.      Il-Parlament Ewropew għandu jħejji proposta għal elezzjonijiet b’vot dirett universali skond il-proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

    Il-Kunsill għandu, b’vot unanimu, wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri li jikkomponuh, jistipula d-dispożizzjonijiet adattati, li huwa għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiġu addottati skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

    […]"

    10     L-Artikolu 8 ta' l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom, ta' l-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta' Ġunju 2002 u tat-23 ta' Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1, iktar 'il quddiem l-"Att ta' l-1976") jipprovdi:

    "Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f'kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.

    Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu […]kont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m'għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni."

    11     L-Artikolu 12 ta' l-imsemmi Att jgħid kif ġej:

    "Il-Parlament Ewropew jivverifika s-setgħat tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, [huwa] jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan l-Att." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12     Skond l-Artikolu 299 KE:

    "1.       Dan it-Trattat għandu japplika […] għar-Renju ta' l-Olanda, […]

    2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat għandhom japplikaw għad-dipartimenti extra-ewropej ta' Franza, l-Azores, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji.

    […]

    3.      L-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni mniżżla f' Parti Erbgħa ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-ewropej imniżżla fl-Anness II ta' dan it-Trattat.

    […]"

    13     Aruba u l-Antilles Olandiżi huma msemmija fil-lista li tinsab fl-Anness II tat-Trattat KE intitolat "Pajjiżi u Territorji Extra-ewropej li għalihom [j]applika[w i]d-dispożizzjoni[jiet] tal-Parti IV tat-Trattat".

     Id-dritt nazzjonali

    14     L-Artikolu B 1 tal-Liġi elettorali Olandiża (Nederlandse Kieswet) jipprovdi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tad-Deputati tal-Parlament Olandiż (Tweede Kamer der Staten-Generaal):

    "Il-Membri tat-Tweede Kamer der Staten-Generaal huma eletti minn dawk li huma Olandiżi fil-jum tal-preżentazzjoni tal-kandidaturi u li, fil-jum tal-votazzjoni, ikunu għalqu tmintax-il sena, bl-eċċezzjoni ta' dawk, li fil-jum tal-preżentazzjoni tal-kandidaturi, ikollhom id-domiċilju effettiv tagħhom fl-Antilles Olandiżi jew f'Aruba.

    2.       Din l-eċċezzjoni ma tapplikax:

    a)      għall-Olandiż li kien residenti fl-Olanda għal almenu 10 snin;

    b)      għall-Olandiż li jaħdem fis-servizz pubbliku ta' l-Olanda fl-Antilles Olandiżi jew f'Aruba, jew għall-konjuġi tiegħu, għas-sieħeb jew għall-kumpann tiegħu u għat-tfal irreġistrati tiegħu, sakemm dawn jgħixu miegħu."

    15     L-Artikolu Y 3 ta' l-imsemmija Liġi jipprovdi fir-rigward ta' l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew:

    "Għandhom id-dritt għall-vot:

    a)      dawk li għandhom id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Membri tat-Tweede Kamer der Staten-Generaal;

    b)      iċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea li m'għandhomx nazzjonalità Olandiża, bil-kundizzjoni li huma:

    1°       għandhom id-domiċilju effettiv tagħhom fl-Olanda fil-jum tal-preżentazzjoni tal-kandidaturi,

    2°       ikunu għalqu tmintax-il sena fil-jum tal-votazzjoni, u

    3°       ma jkunux iddekadew mid-dritt għall-vot fl-Olanda jew fl-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu."

     Id-domandi preliminari

    16     Fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, l-appellanti fil-kawża prinċipali jikkontestaw ir-rifjut li jiġu mniżżla fil-listi elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew għar-raġuni li għandhom id-domiċilju tagħhom f'Aruba. Huma jsostnu li, skond l-Artikolu 17(1) KE, huma ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jsostnu li l-Artikolu 19(2) KE, kif interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB, jirrikonoxxi d-dritt tagħhom għall-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, anki jekk għandhom id-domiċilju tagħhom f'territorju li huwa inkluż fil-lista tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (iktar 'il quddiem l-"OCT") li tinsab fl-Anness II tat-Trattat.

    17     Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, peress li l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew diġà seħħet, huwa tard wisq sabiex deċiżjoni li tannulla r-rifjut li l-appellanti fil-kawża prinċipali jiġu mniżżla fil-listi elettorali tkun tista' tippermetti lil dawk ikkonċernati li jieħdu sehem f'din l-elezzjoni. Madankollu hija ma teskludix il-fatt li għandu jingħatalhom kumpens ("rechtsherstel") skond id-dritt Komunitarju.

    18     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      It-Tieni Parti tat-Trattat tapplika għal persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru u li huma residenti jew għandhom id-domiċilju tagħhom f'territorju li jagħmel parti mill-OCT, imsemmi fl-Artikolu 299(3) KE u li għandu relazzjonijiet partikolari ma' dan l-Istat Membru?

    2)      Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, huwa leġittimu għall-Istati Membri, fid-dawl tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 17(1) KE, li jikkonferixxu n-nazzjonalità tagħhom lil persuni li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom fl-OCT imsemmija fl-Artikolu 299(3) KE?

    3)      L-Artikolu 19(2) KE, moqri fid-dawl ta' l-Artikoli 189 KE u 190(1) KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li – apparti l-eċċezzjonijiet li mhumiex rari fis-sistemi legali nazzjonali marbuta b'mod partikolari mad-dekadenza mid-dritt għall-vot minħabba kundanna penali jew inkapaċità ċivili – l-istatus ta' ċittadin ta' l-Unjoni li għandu r-residenza jew id-domiċilju tiegħu fl-OCT jagħtih awtomatikament id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew?

    4)      Id-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, ta' l-Artikoli 17 KE u 19(2) KE, meqjusa fid-dawl ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta' l-[Ewwel] Protokoll [li hemm mal-KEDB], kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jipprekludu lil persuni li m'għandhomx l-istatus ta' ċittadin ta' l-Unjoni milli jkollhom id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew?

    5)      Id-dritt Komunitarju jistabbilixxi kundizzjonijiet rigward in-natura tar-rimedju legali [rechtsherstel] li għandu jingħata jekk l-imħallef nazzjonali jqis – fid-dawl b'mod partikolari tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi msemmija iktar 'il fuq – li l-persuni li huma residenti jew għandhom id-domiċilju tagħhom fl-Antilles Olandiżi u f'Aruba u li għandhom in-nazzjonalità Olandiża inġustament ma ġewx imniżżla għall-elezzjonijiet li saru fl-10 ta' Ġunju 2004?"

     Il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19     B'ittra separata tat-13 ta' Lulju 2004 kif ukoll b'ittra tat-22 ta' Frar 2005, ir-Raad van State talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika l-proċedura mħaffa għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura. B'digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Awwissu 2004 u tat-18 ta' Marzu 2005, dawn it-talbiet ġew miċħuda.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    20     Bl-ewwel domanda tagħha, ir-Raad van State jistaqsi jekk it-Tieni Parti tat-Trattat, dwar iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni, tapplikax għal persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru u li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom f'territorju li jagħmel parti mill-OCT, imsemmi fl-Artikolu 299(3) KE.

     Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    21     Il-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, isostnu li t-Tieni Parti tat-Trattat tapplika għal persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru u li huma residenti jew għandhom id-domiċilju tagħhom f'territorju li jagħmel parti mill-OCT. Huma jenfasizzaw li l-Artikolu 17(2) KE ma jimponi ebda kundizzjoni oħra, sabiex wieħed ikun ċittadin ta' l-Unjoni u jgawdi d-drittijiet mogħtija mit-Trattat, ħlief li huwa jkollu n-nazzjonalità ta' Stat Membru. Għaldaqstant, huwa irrilevanti li ċittadin ta' Stat Membru huwa residenti f'pajjiż terz jew f'OCT.

    22     Il-Gvern Olandiż isostni preliminarjament li, skond l-[i]Statuut van het Koninkrijk der Nederlanden ta' l-1954 (iktar 'il quddiem l-i"Statuut"), ir-Renju ta' l-Olanda huwa magħmul minn tliet pajjiżi, jiġifieri l-Olanda, l-Antilles Olandiżi u Aruba. L-Artikolu 41 ta' l-iStatuut jipprovdi li dawn it-tliet pajjiżi "jamministraw b'mod awtonomu l-oqsma li huma tagħhom". Huwa b'dan il-mod li l-Olanda għandha Kostituzzjoni tagħha u l-Antilles Olandiżi u Aruba għandhom l-iStaatsregeling tagħhom. Fir-Renju, ħlief għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-"oqsma tar-Renju" kif speċifikati fl-iStatuut, kull pajjiż, li għandu parlament u amministrazzjoni tiegħu, igawdi minn kompetenzi leġiżlattivi tiegħu.

    23     In-nazzjonalità hija "qasam tar-Renju" u l-għoti tagħha huwa rregolat mil-Liġi tar-Renju dwar in-nazzjonalità Olandiża (Rijkswet op het Nederlanderschap). Din hija "nazzjonalità indiviża", jiġifieri li ma tagħmel ebda distinzjoni bejn persuna li toqgħod f'Aruba u persuna li toqgħod fl-Olanda li tinsab barra mir-Renju.

    24     L-affarijiet barranin jikkostitwixxu wkoll "qasam tar-Renju". Is-suġġett waħdieni tad-dritt internazzjonali huwa r-Renju ta' l-Olanda. Madankollu, fil-konvenzjonijiet internazzjonali, ir-Renju jista' jikkonkludi trattati għal kull pajjiż separatament. Fil-prattika dan isir billi jissemmew "ir-Renju ta' l-Olanda (għall-Olanda)", "ir-Renju ta' l-Olanda (għall-Antilles Olandiżi)" jew "ir-Renju ta' l-Olanda (għal Aruba)". Minn dan jirriżulta, fuq il-livell ġuridiku, li trattat jorbot biss lill-pajjiż in kwistjoni. Il-Gvern Olandiż jispeċifika f'dan ir-rigward li t-Trattat KEE, fil-verżjoni inizjali tiegħu, ġie rratifikat esklużivament għat-territorju Ewropew tar-Renju u għall-Ginea Ġdida, jiġifieri bir-referenza "għar-Renju ta' l-Olanda (għall-Olanda u l-Ginea Ġdida)". Barra minn hekk, huwa jipproduċi l-att ta' ratifika tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, approvat mir-Reġina "għar-Renju ta' l-Olanda (għall-Olanda)".

    25     Skond il-Gvern Olandiż, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-Trattat KE u, b'mod partikolari, tat-Tieni Parti tiegħu, għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 299 KE iżda wkoll fid-dawl ta' l-istrumenti ta' ratifika tat-Trattat. Issa, l-eżami ta' dawn l-istrumenti juri li kemm it-Trattat inizjali kif ukoll it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma ġewx irratifikati għal Aruba. Għaldaqstant, it-Trattat KE ma japplikax għat-territorju ta' dan il-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta' l-arranġamenti speċjali ta' assoċjazzjoni definiti fir-Raba' Parti ta' dan it-Trattat.

    26     Il-fatt li r-Renju ta' l-Olanda stabbilixxa nazzjonalità indiviża huwa irrilevanti f'dan ir-rigward. L-Olandiż ta' Aruba jew ta' l-Antilles Olandiżi għandu ċertament in-nazzjonalità Olandiża u għaldaqstant huwa ċittadin ta' l-Unjoni iżda dan ma jimplikax li huwa jgawdi wkoll fi kwalunkwe mument id-drittijiet kollha marbuta maċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni. Sakemm il-persuna kkonċernata tinsab fit-territorju ta' Aruba jew ta' l-Antilles Olandiżi, it-Trattat m'għandu ebda effett fuq is-sitwazzjoni tiegħu. Madankollu, jekk huwa jitlaq it-territorju ta' Aruba jew dak ta' l-Antilles Olandiżi, huwa jkun intitolat igawdi d-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27     It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 17(1) KE tipprovdi li "[k]ull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru għandha tkun ċittadina ta' l-Unjoni". Mhuwiex rilevanti, f'dan ir-rigward, li ċ-ċittadin ta' Stat Membru huwa residenti jew għandu d-domiċilju tiegħu f'territorju li jagħmel parti mill-OCT, imsemmi fl-Artikolu 299(3) KE.

    28     Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) KE jipprovdi li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija mit-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu.

    29     Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru u li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom f'territorju li jagħmel parti mill-OCT, imsemmi fl-Artikolu 299(3) KE, jistgħu jinvokaw id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini ta' l-Unjoni fit-Tieni Parti tat-Trattat.

     Fuq it-tieni domanda

    30     Din id-domanda, li tirrigwarda d-dritt ta' l-Istati Membri, fid-dawl tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 17(1) KE, li jikkonferixxu n-nazzjonalità tagħhom lil persuni li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom fl-OCT imsemmija fl-Artikolu 299(3) KE, ġiet imressqa fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li t-Tieni Parti tat-Trattat mhijiex applikabbli għal persuna li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru, meta hija għandha r-residenza jew id-domiċilju tagħha f'territorju li huwa parti mill-OCT.

    31     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

     Fuq it-tielet domanda

    32     Bit-tielet domanda tagħha, ir-Raad van State jistaqsi jekk l-Artikolu 19(2) KE, moqri fid-dawl ta' l-Artikoli 189 KE u 190(1) KE, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta' l-Unjoni li għandu r-residenza jew id-domiċilju tiegħu f'OCT igawdi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew.

     Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    33     L-appellanti fil-kawża prinċipali jsostnu li, anki jekk Aruba hija OCT fis-sens tat-Trattat, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni li taqa' taħt l-oqsma tar-Renju, bħad-difiża jew l-affarijiet barranin, li hija influwenzata mid-dritt Komunitarju. Il-leġiżlazzjoni interna hija wkoll influwenzata mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, li jiġġustifika l-fatt li l-Olandiżi ta' Aruba jistgħu jivvotaw għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Huma jenfasizzaw ukoll id-diskriminazzjoni li jsofru minnha l-Olandiżi ta' Aruba jew ta' l-Antilles Olandiżi. Huma jsostnu, bħala eżempju, li Olandiż ta' l-Antilles igawdi jew ma jgawdix mid-dritt għall-vot skond jekk għandux residenza fil-parti Franċiża jew fil-parti Olandiża tal-gżira ta' Saint-Martin.

    34     Il-Gvern Olandiż jispeċifika li d-dritt għall-vot ma jikkostitwixxix qasam tar-Renju iżda jaqa' taħt il-kompetenza tal-pajjiż fis-sens ta' l-iStatuut. L-Artikolu 46 ta' dan ta' l-aħħar jipprovdi f'dan ir-rigward li l-korpi rappreżentattivi tal-pajjiż huma eletti mir-residenti Olandiżi tal-pajjiż in kwistjoni. Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jħalli lill-pajjiż il-fakultà li jikkonferixxi d-dritt għall-vot lill-Olandiżi li mhumiex residenti tal-pajjiż ikkonċernat. Il-Liġi elettorali Olandiża eżerċitat din il-fakultà ta' l-aħħar b'mod limitat billi kkonferiet id-dritt għall-vot lir-residenti ta' Aruba u ta' l-Antilles Olandiżi li għexu għal aktar minn għaxar snin fl-Olanda.

    35     Il-Gvern ta' l-Olanda, ta' Franza u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li d-dritt Komunitarju ma jeżiġix li d-dritt għall-vot jingħata liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li mhumiex residenti fit-territorju li għalih hija applikabbli l-leġiżlazzjoni Komunitarja. Ċittadin residenti f'OCT ma jistax jippretendi tali dritt fuq il-bażi ta' l-Artikolu 19(2) KE, li huwa intiż biss sabiex jiggarantixxi li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni li huma residenti fi Stat Membru ieħor ikollhom id-dritt għall-vot taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru.

    36     Il-Gvernijiet ta' l-Olanda u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jfakkru, barra minn hekk, li l-Artikoli 189 KE u 190(1) KE, l-istess bħad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat, mhumiex applikabbli għall-OCT jekk ma jiġix speċifikat espliċitament (is-sentenzi tat-12 ta' Frar 1992, Leplat C-260/90, Ġabra p. I-643, punt 10, u tat-22 ta' Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 49). Huma jqisu li, fid-dawl tal-fatt li t-Trattat ma japplikax għal Aruba u li l-assoċjazzjoni ma' l-OCT ma tagħti ebda rwol lill-Parlament Ewropew, dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi kkwalifikat bħala "korp leġiżlattiv" fis-sens ta' l-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB, li r-residenti ta' l-OCT għandhom id-dritt li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet tiegħu (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Matthews vs Ir-Renju Unit tat-18 ta' Frar 1999, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1999-I).

    37     F'kull każ, il-Komunità eżerċitat parzjalment biss il-kompetenza li jagħtiha l-Artikolu 190(4) KE sabiex tistabbilixxi proċedura elettorali uniformi. L-Att ta' l-1976 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tispeċifika min huma dawk intitolati għad-dritt għall-vot, b'mod li d-dispożizzjonijiet nazzjonali biss huma applikabbli. Dawn ta' l-aħħar jistgħu jistabbilixxu, b'mod partikolari, kundizzjonijiet ta' residenza.

    38     Il-Gvernijiet ta' l-Olanda, ta' Franza, u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li d-dritt Komunitarju madankollu ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jikkonferixxu dritt għall-vot liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li huma residenti f'pajjiż terz jew f'OCT. Il-Gvern Franċiż jispeċifika f'dan ir-rigward li l-liġi Franċiża dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew tirreferi għall-Kodiċi elettorali Franċiż, li ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-Franċiżi li għandhom ir-residenza tagħhom fil-parti kontinentali tal-pajjiż u l-oħrajn. Għalhekk, il-Franċiżi li għandhom ir-residenza tagħhom f'dipartiment extra-Ewropew jew f'OCT jieħdu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-Franċiżi l-oħra li huma residenti fil-parti kontinentali tal-pajjiż.

    39     Il-Kummissjoni tfakkar madankollu li l-Istati Membri għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Skond il-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali, leġiżlatur nazzjonali li jiddeċiedi li jestendi d-dritt għall-vot għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew liċ-ċittadini tiegħu li għandhom ir-residenza tagħhom f'pajjiż terz għandu, bl-istess mod, jikkonferixxi dan id-dritt għall-vot liċ-ċittadini tiegħu li għandhom ir-residenza tagħhom f'OCT. Huwa għandu jagħmel dan, a fortiori, minħabba r-rabta partikolari li tgħaqqad l-OCT mal-Komunità. F'dan il-każ, minħabba li l-leġiżlatur Olandiż jagħti lill-Olandiżi kollha li m'għandhomx ir-residenza tagħhom f'Aruba jew fl-Antilles Olandiżi, ikun x'ikun id-domiċilju tagħhom, id-dritt li jieħdu sehem fl-imsemmija elezzjonijiet, dan id-dritt għandu jingħata wkoll lill-Olandiżi ta' Aruba jew lill-Olandiżi ta' l-Antilles. Fin-nuqqas, il-leġiżlazzjoni tkun tinkludi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn l-Olandiż li, per eżempju, għandu r-residenza tiegħu fi New York u dak li għandu r-residenza tiegħu f'Aruba.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40     Għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jinkludux regoli li jiddefinixxu b'mod espliċitu u preċiż min għandu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew.

    41     L-Artikolu 190(4) KE jirrigwarda l-proċedura dwar dawn l-elezzjonijiet. Skond din id-dispożizzjoni, l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew issir b'vot dirett universali skond proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

    42     L-Att ta' l-1976 jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti fuq il-bażi ta' rappreżentanza proporzjonali u li l-elezzjoni għandha ssir b'vot dirett universali, ħieles u sigriet. Skond l-Artikolu 8 ta' l-Att ta' l-1976, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata, f'kull Stat Membru, bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu iżda dawn ta' l-aħħar, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu kont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m'għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni.

    43     Madankollu, la l-Artikolu 190 KE u lanqas l-Att ta' l-1976 ma jiddetermina b'mod espliċitu u preċiż min huma l-benefiċjarji tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew.

    44     Ebda konklużjoni ċara f'dan ir-rigward ma tista' tiġi dedotta mill-Artikoli 189 KE u 190 KE, rigward il-Parlament Ewropew, li jindikaw li dan ta' l-aħħar huwa magħmul minn rappreżentanti tal-popli ta' l-Istati Membri, billi l-kelma "popli", li mhijiex definita, jista' jkollha tifsiriet differenti skond l-Istati Membri u l-lingwi ta' l-Unjoni.

    45     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, id-determinazzjoni ta' min għandu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura taqa' taħt il-kompetenza ta' kull Stat Membru filwaqt li jirrispetta d-dritt Komunitarju. Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jipprekludix sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha ċittadini Olandiżi li għandhom ir-residenza tagħhom f'Aruba m'għandhomx id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew.

    46     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-OCT huma s-suġġett ta' arranġamenti speċjali ta' assoċjazzjoni definiti fir-Raba' Parti tat-Trattat (Artikoli 182 KE sa 188 KE), b'mod li d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat mhumiex applikabbli għalihom jekk ma jiġix speċifikat espliċitament (ara s-sentenzi Leplat, punt 10, u L-Olanda vs Il-Kunsill, punt 49).

    47     Minn dan isegwi li l-Artikoli 189 KE u 190 KE mhumiex applikabbli għal dawn il-pajjiżi u territorji u l-Istati Membri mhumiex marbuta li jorganizzaw fihom elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

    48     L-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB ma jmurx kontra din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat mhumiex applikabbli għall-OCT, il-Parlament Ewropew ma jistax jitqies bħala l-"korp leġiżlattiv" ta' dawn ta' l-aħħar fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa fi ħdan il-korpi mwaqqfa fil-kuntest ta' l-assoċjazzjoni bejn il-Komunità u l-OCT li l-popolazzjoni ta' dawn il-pajjiżi u territorji tista' tesprimi ruħha, permezz ta' l-awtoritajiet li jirrappreżentawha.

    49     F'dan ir-rigward ma jistax jiġi oġġezzjonat li d-dritt Komunitarju jeżerċita influwenza fuq id-dritt applikabbli f'Aruba. Fil-fatt, din l-influwenza tista' tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jsiru applikabbli għall-OCT fil-kuntest ta' l-assoċjazzjoni. Rigward id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan id-dritt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 161 tal-konklużjonijiet tiegħu b'referenza għall-punt 34 tas-sentenza Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, impatt indirett ta' leġiżlazzjoni mhuwiex biżżejjed sabiex jitqies li din il-leġiżlazzjoni taffettwa l-popolazzjoni kollha bl-istess mod bħal dik li tiġi adottata minn assemblea leġiżlattiva lokali.

    50     Bl-istess mod, ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li Stati Membri oħra jorganizzaw elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-OCT li magħhom għandhom relazzjonijiet partikolari. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi f'dan ir-rigward fit-Trattat, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw ir-regoli li huma l-aktar adattati għall-istruttura kostituzzjonali tagħhom.

    51     It-tieni nett, rigward id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew organizzati fl-Olanda, dan huwa stabbilit mil-Liġi elettorali Olandiża u jinvolvi l-istess kundizzjonijiet bħal dawk għall-elezzjoni tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati tal-Parlament Olandiż, jiġifieri li dan id-dritt għall-vot u għall-kandidatura mhuwiex rikonoxxut, b'mod partikolari, lill-Olandiżi li għandhom id-domiċilju effettiv tagħhom fl-Antilles Olandiżi jew f'Aruba.

    52     Kif ġie mfakkar fil-punti 41 sa 44 ta' din is-sentenza, la l-Artikoli 189 KE u 190 KE u lanqas l-Att ta' l-1976 ma jindikaw b'mod espliċitu u preċiż min huma l-benefiċjarji tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tat-Trattat, rigward iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni, ma jirrikonoxxux liċ-ċittadini ta' l-Unjoni dritt inkundizzjonat għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

    53     Fil-fatt, l-Artikolu 19(2) KE, li għalih issir referenza fid-domanda preliminari, jillimita ruħu li japplika għal dan id-dritt għall-vot u għall-kandidatura l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità billi jistipula li kull ċittadin ta' l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat. Is-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/109 jispeċifika f'dan ir-rigward li, kull ċittadin ta' l-Unjoni li mhuwiex ċittadin ta' l-Istat Membru li fih jirrisjedi imma jissodisfa l-istess kundizzjonijiet f'dak li hu dritt għall-vot u biex wieħed joħroġ bħala kandidat kif titlob il-liġi ta' dan l-Istat Membru miċ-ċittadini tiegħu, għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat f'dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, l-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva huwa kjarament ibbażat fuq il-presuppost li l-Istat Membru jista' jimponi tul ta' residenza "fit-territorju elettorali" bħala kundizzjoni tad-dritt għall-vot. Minn dan l-eżami ta' l-Artikolu 19(2) KE u tad-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu jirriżulta li din id-dispożizzjoni tat-Trattat mhijiex applikabbli għaċ-ċittadin ta' l-Unjoni li huwa residenti f'OCT u li jixtieq jeżerċita d-dritt għall-vot fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin.

    54     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 157 u 158 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB ma jipprekludix lill-Istati kontraenti milli jadottaw il-kriterju tar-residenza sabiex jillimitaw in-numru ta' dawk li għandhom id-dritt għall-vot u għall-kandidatura. F'deċiżjoni tagħha dwar id-dritt għall-vot, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset f'dan ir-rigward li l-obbligu ta' residenza fit-territorju nazzjonali sabiex wieħed ikun jista' jivvota hija kundizzjoni li, minnha nfisha, mhijiex irraġonevoli jew arbitrarja u li hija ġġustifikata għal diversi raġunijiet (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Melnychenko vs L-Ukraina, iċċitata iktar 'il fuq, § 56). Barra minn hekk hija rrikonoxxiet li jistgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar stretti għall-kandidatura minn dawk għad-dritt għall-vot (is-sentenza Melnychenko vs L-Ukraina, iċċitata iktar 'il fuq, § 57).

    55     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ma jidhirx li, bħala regola, il-kriterju marbut mar-residenza mhuwiex xieraq sabiex jiġu stabbiliti min huma l-benefiċjarji tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

    56     L-appellanti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu madankollu li l-Liġi elettorali Olandiża tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali inkwantu hija tirrikonoxxi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew lill-Olandiżi kollha li huma residenti f'pajjiż terz, filwaqt li tali dritt mhuwiex irrikonoxxut lill-Olandiżi li huma residenti fl-Antilles Olandiżi jew f'Aruba.

    57     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' trattatament ugwali jew ta' non-diskriminazzjoni, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b'mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (is-sentenzi tas-6 ta' Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 63, u ta' l-10 ta' Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95).

    58     F'dan il-każ, l-elementi rilevanti ta' paragun huma Olandiż residenti fl-Antilles Olandżi jew f'Aruba u Olandiż residenti f'pajjiż terz. Dawn il-persuni huma t-tnejn ċittadini Olandiżi u mhumiex residenti fit-territorju ta' l-Olanda. Madankollu, teżisti differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ persuni, għaliex it-tieni waħda għandha d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew organizzati fl-Olanda filwaqt li l-ewwel waħda m'għandhiex dan id-dritt. Tali differenza ta' trattament għandha tkun iġġustifikata oġġettivament.

    59     Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż speċifika li l-għan tal-Liġi elettorali Olandiżi kien li jippermetti lill-Olandiżi ta' l-Olanda li huma residenti barra mill-Olanda li jivvotaw, billi dawn iċ-ċittadini huma preżunti li għad għandhom rabtiet mas-soċjetà Olandiża. Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-imsemmi Gvern fis-seduta jirriżulta wkoll li Olandiż li jittrasferixxi r-residenza tiegħu minn Aruba lejn pajjiż terz ikollu d-dritt għall-vot bl-istess mod bħal Olandiż li jittrasferixxi r-residenza tiegħu mill-Olanda lejn pajjiż terz, filwaqt li Olandiż residenti f'Aruba m'għandux dan id-dritt.

    60     F'dan ir-rigward, l-għan imfittex mil-leġiżlatur Olandiż, jiġifieri li jiġi kkonferit id-dritt għall-vot u għall-kandidatura lill-Olandiżi li għandhom jew kellhom rabtiet ma' l-Olanda, jaqa' taħt il-marġni ta' diskrezzjoni li għandu dan il-leġiżlatur f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Olandiż ma pprovax suffiċjentement li d-differenza fit-trattament osservata bejn l-Olandiżi residenti f'pajjiż terz u dawk residenti fl-Antilles Olandiżi jew f'Aruba hija ġġustifikata oġġettivament u għaldaqstant ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

    61     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, għalkemm xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jiddefinixxu, filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju, il-kundizzjonijiet tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew b'referenza għall-kriterju tar-residenza fit-territorju li fih jiġu organizzati l-elezzjonijiet, il-prinċipju ta' trattament ugwali madankollu jipprojbixxi li l-kriterji magħżula jkollhom bħala effett li ċittadini li jinsabu f'sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b'mod differenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata oġġettivament.

     Fuq ir-raba' domanda

    62     Bir-raba' domanda tiegħu, ir-Raad van State jistaqsi jekk l-Artikoli 17 KE u 19(2) KE, meqjusa fid-dawl ta' l-Artikolu 3 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB, jipprekludux lil persuni li m'għandhomx l-istatus ta' ċittadini ta' l-Unjoni milli jgawdu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

    63     Kif josservaw il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda m'għandha ebda rabta mal-kawża prinċipali, għaliex l-appellanti fil-kawża prinċipali huma ċittadini ta' l-Unjoni, u li għaldaqstant m'hemmx lok li tingħata risposta għall-imsemmija domanda.

    64     F'kull każ, il-Qorti tal-Ġustizza llum tat sentenza fil-kawża Spanja vs Ir-Renju Unit, C-145/04 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li tipprovdi dettalji f'dan ir-rigward, jekk hemm bżonn.

     Fuq il-ħames domanda

    65     Bil-ħames domanda tiegħu, ir-Raad van State jistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jistabbilixxix kundizzjonijiet rigward in-natura tar-rimedju legali [rechtsherstel] li għandu jingħata jekk l-imħallef nazzjonali jqis – fid-dawl b'mod partikolari tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi msemmija iktar 'il fuq – li l-persuni li huma residenti jew għandhom id-domiċilju tagħhom fl-Antilles Olandiżi jew f'Aruba u li għandhom in-nazzjonalità Olandiża inġustament ma ġewx imniżżla fil-listi elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Ġunju 2004.

    66     F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 12 ta' l-Att ta' l-1976 jirriżulta li l-Parlament Ewropew jiddeċiedi biss fuq il-kontestazzjonijiet rigward l-elezzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan l-Att. Peress li d-determinazzjoni ta' min għandu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew taqa' taħt il-kompetenza ta' kull Stat Membru, isegwi li l-kontestazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddefinixxu min għandu dan id-dritt jaqgħu wkoll taħt id-dritt nazzjonali.

    67     Għalhekk, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta' kontestazzjoni dwar id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew, hija s-sistema legali interna ta' kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta' l-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività) (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta' Novembru 2005, Leffler, C-443/03, Ġabra p. I-9611, punti 49 u 50).

    68     Rigward eventwali rimedju legali [rechtsherstel] għal persuna li, minħabba dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju, tkun ġiet irrifjutata r-reġistrazzjoni tagħha fil-listi elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, huwa wkoll skond il-kundizzjonijiet u modalitajiet tad-dritt nazzjonali li dan ir-rimedju legali jista' jingħata, bil-kundizzjoni li dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet jirrispettaw il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività (f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595). Sabiex jikkunsidra x'inhuwa r-rimedju legali xieraq, l-imħallef nazzjonali jista' jirreferi utilment għall-modalitajiet ta' rimedju legali previsti fil-każ ta' ksur tar-regoli nazzjonali fil-kuntest ta' elezzjonijiet għal istituzzjonijiet ta' l-Istat Membru.

    69     F'dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar, barra minn hekk, li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta' Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa imputabbli lilu huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat u li Stat Membru huwa għalhekk marbut li jikkumpensa d-danni kkawżati meta r-regola tad-dritt miksura għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, meta l-ksur huwa suffiċjentement serju u meta teżisti rabta każwali diretta bejn il-ksur ta' l-obbligu li huwa impost fuq l-Istat u d-dannu subit mill-persuni li ġarrbu ħsara (is-sentenzi tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punti 31 u 51, u tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punti 30 u 51), mingħajr madankollu ma huwa eskluż li l-Istat jista' jinżamm responsabbli f'kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punt 66).

    70     Bla ħsara għad-dritt għal kumpens li huwa bbażat direttament fuq id-dritt Komunitarju, meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevati fil-punt preċedenti, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat huwa obbligat jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, b'dan li l-kundizzjonijiet stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta' kumpens għad-danni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw pretensjonijiet simili ta' natura interna u ma jistgħux ikunu tali li fil-prattika jagħmlu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli (is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67).

    71     Għaldaqstant ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li huwa d-dritt intern ta' kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi l-miżuri li jippermettu li jingħata rimedju legali lil persuna li, minħabba dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju, ma ġietx imniżżla fil-listi elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Ġunju 2004 u għaldaqstant ġiet eskluża mill-parteċipazzjoni f'dawn l-elezzjonijiet. Dawn il-miżuri, li jistgħu jinkludu kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lill-Istat, għandhom jirrispettaw l-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività.

     Fuq l-ispejjeż

    72     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      Persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru u li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom f'territorju li jagħmel parti mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, imsemmi fl-Artikolu 299(3) KE, jistgħu jinvokaw id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini ta' l-Unjoni fit-Tieni Parti tat-Trattat KE.

    2)      Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, għalkemm xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jiddefinixxu, filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju, il-kundizzjonijiet tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew b'referenza għall-kriterju tar-residenza fit-territorju li fih jiġu organizzati l-elezzjonijiet, il-prinċipju ta' trattament ugwali madankollu jipprojbixxi li l-kriterji magħżula jkollhom bħala effett li ċittadini li jinsabu f'sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b'mod differenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata oġġettivament.

    3)      Huwa d-dritt intern ta' kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi l-miżuri li jippermettu li jingħata rimedju legali [rechtsherstel] lil persuna li, minħabba dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju, ma ġietx imniżżla fil-listi elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Ġunju 2004 u għaldaqstant ġiet eskluża mill-parteċipazzjoni f'dawn l-elezzjonijiet. Dawn il-miżuri, li jistgħu jinkludu kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lill-Istat, għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top