EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0288

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Settembru 2005.
AB vs Finanzamt für den 6., 7. und 15. Bezirk.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn null.
Kawża C-288/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:526

62004J0288



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-288/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija), permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Lulju 2004, fil-proċedura

AB

vs

Finanzamt für den 6., 7. und 15. Bezirk,

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, K. Schiemann, E. Juhász (Relatur) u Ilei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L.A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- Għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

- Għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Jurgensen-Mercier, bħala aġenti,

- għall-Gvern Portugiża, minn L. Fernandes u M. Mesquita Palha, bħala aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Krämer u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 13 u 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li inizjalment kienu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fit-8 ta' April 1965, u wara, bis-saħħa tat-Trattat ta' Amsterdam, mat-Trattat KE (iktar 'il quddiem il-"Protokoll").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn AB, impjegat lokali maħtur biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea fi Vjenna (l-Awstrija), u Finanzamt für den 6., 7. und 15. Bezirk (awtorità fiskali kompetenti awstrijaka, iktar 'il quddiem il- Finanzamt), fuq is-suġġett ta' impożizzjoni fuq AB ta' taxxa fuq qliegħ.

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-Leġiżlazzjoni komunitarja

3. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(1) tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, u, wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam, bl-Artikolu 291 KE, il-Komunità tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajiet tagħha skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-protokoll.

4. Skond l-Artikolu 13 tal-protokoll:

"Uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Komunitajiet, skond il-kundizzjonijiet u l-proċedura stipulata mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet."

5. L-Artikolu 16 tal-protokoll jipprevedi:

"Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-istituzzjonijiet l-oħra involuti jistabbilixxi l-kategoriji ta' uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li għalihom id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13, u l-Artikolu 14 għandhom japplikaw, kollha kemm huma jew f'parti minnhom.

L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta' uffiċjali u impjegati oħra mdaħħla f'dawk il-kategoriji għandhom jiġu komunikati perjodikament lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri."

6. Huwa preċiżament fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 18, , tal-protokoll li l-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra tal-Komunitajiet unikament fl-interessi ta' dawn ta' l-aħħar.

7. Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 16 tal-protokoll, il-Kunsill adotta r-regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69, tal-25 ta' Marzu 1969, li jistabbilixxi l-kategoriji ta' uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 tal-protokoll (ĠU L 74, p. 1). Skond l-Artikolu 2 ta' dan ir-regolament:

"Id-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet għandhom japplikaw għall-kategoriji li ġejjin:

(a) persuni li jaqaw taħt ir-Regolamenti ta' l-Istaff ta' Uffiċjali jew il-Kundizzjonijiet ta' Impieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet, inklużi dawk li jirċievu l-kompensazzjoni prevista fil-każ ta' irtir fl-interessi tas-servizz, bl-eċċezzjoni ta' staff lokali".

8. L-Artikoli 2 u 3 tar-regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill, tad-29 ta' Frar 1968, li jistabbilixxi ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jistabbilixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għal uffiċjal tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), li kien fis-seħħ sat-30 ta' April 2004, iddetermina rispettivament l-istatut ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem "l-istatut") u l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem "KIIO").

9. Skond Artikolu 1 tiegħu, il-KIIO japplikaw għall-impjegati kollha li għandhom kuntratt mall-Komunitajiet. Dawn l-impjegati għandhom il-kwalità ta' impjegati temporanji, impjegati awżiljarji, impjegati lokali jew konsulenti speċjali.

10. L-Artikolu 4 tal-KIIO jistabbilixxi dan li ġej:

"Għall-iskopijiet ta' dawn il-kundizzjonijiet ta' l-impieg, persunal lokali' ifisser persunal imqabbad biex jaħdem skond il-prattika lokali tad-dmirijiet manwali jew tas-servizz, assenjat għal posizzjoni mhux inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet marbutin mat-taqsima ta' l-estimi relatati ma' kull istituzzjoni u mħallsa mill-approprijazzjonijiet totali għall-iskop taħt dik it-taqsima ta' l-estimi. B'mod ta' eċċezzjoni, il-persunal imqabbad biex jaqdi dmirijiet eżekuttivi fl-Uffiċċji ta' l-Istampa u ta' l-Informazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jistgħu jitqiesu wkoll bħala personal lokali.

F'postijiet ta' impieg barra l-pajjiżi tal-Komunità, il-persunal imqabbad biex jaqdi d-dmirijiet barra dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu, li, fl-interessi tas-servizz, ma setgħux ikunu assenjati lil uffiċjal jew ħaddiem li għandu kapaċità oħra fis-sens ta' l-Artikolu 1, ukoll għandu jitqies bħala persunal lokali."

11. L-Artikolu 79 tal-KIIO jistabbilixxi:

"Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu, il-kundizzjonijiet ta' l-impieg tal-persunal lokali, b'mod partikolari:

a) il-manjiera ta' l-ingaġġ tagħhom u t-tmiem tal-kuntratt tagħhom;

b) il-leave tagħhom; u

c) il-paga tagħhom,

għandhom jiġu stabbiliti minn kull istituzzjoni skond ir-regoli u l-prattika kurrenti fil-post fejn għandhom jaqdu dmirijiethom."

12. Skond l-Artikolu 80 tal-KIIO, dwar is-sigurtà soċjali, l-istituzzjoni għandha tkun responsabbli għall-parti ta' min iħaddem tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-regolamenti kurrenti fil-post fejn l-impjegat għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

13. L-Artikolu 81 tal-KIIO jipprevedi:

"1. Kull tilwima bejn l-istituzzjoni u membru tal-persunal lokali li jservi fi Stat Membru tintbagħat quddiem il-qorti kompetenti skond il-liġijiet fis-seħħ fil-post fejn l-impjegat jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

2. Kull tilwima bejn l-istituzzjoni u membru tal-persunal lokali li jservi f'pajjiż terz tintbagħat quddiem bord ta' arbitraġġ taħt il-kundizzjonijiet definiti fil-klawżola ta' arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta' l-impjegat."

14. Fl-aħħar, skond l-Artikolu 236 KE, "Il-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunità u l-impjegati tagħha, fil-limiti u taħt il-kundizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kundizzjonijiet ta' l-Impieg".

Il-leġiżlazzjoni fiskali u l-ġurisprudenza nazzjonali

15. Il-Bundesabgabenordnung (kodiċi fiskali federali) jipprevedi li l-awtoritajiet fiskali għandhom dritt li jirregolaw il-kwistjonijiet fiskali mhux fuq il-bażi tal-kwalifikazzjoni formali tal-fatti, imma skond il-kontenut reali tagħhom. Fil-fatt, l-Artikoli 21(1), tal-kodiċi jistabbilixxi li, fl-evalwazzjoni ta' kwistjonijiet tad-dritt fiskali, taħt l-aspett ekonomiku, huwa l-kontenut ekonomiku reali tal-fatti li hu determinanti, u mhux l-apparenza li fuqha dawn il-kwistjonijiet jiġu ppreżentati.

16. Bl-istess mod, skond il-ġurisdizzjoni kostanti tal-Verwaltungsgerichtshof (qorti suprema fil-materja amministrattiva u fiskali), l-awtoritajiet fiskali għandhom id-dritt li jikkwalifikaw b'mod awtonomu kuntratt ta' xogħol fuq il-bażi tal-kontenut reali tiegħu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17. Mill-inkartament jidher li AB, il-parti rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta' nazzjonalità ġermaniża, ilu impjegat bħala impjegat lokali mall-Kummissjoni mill-1982. Huwa beda x-xogħol tiegħu mar-rappreżentanza permanenti tal-Kummissjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali f'Ġinevra (Svizzera). Fl-1987, hu ġie trasferit mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fi Vjenna u mill-adeżjoni tr-Repubblika ta' l-Awstrija fil-Komunitajiet fl-1 ta' Jannar 1995, hu kien jaħdem fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni għal Vjenna. B'kuntratt ta' l-1 ta' Lulju 1994, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 1994, hu kien impjegat bħala impjegat lokali għal żmien indefinit, sabiex jeżerċita' funzjoniet ta' konsulenza pjanifikazzjoni u kontroll bħala attaxé ta' l-istampa ma' din l-istess delegazzjoni, u wara mar-rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Vjenna hu ġie kklassifikat fi grupp I, grad 35.

18. Skond il-qorti tar-rinviju, minn Jannar 1995 sa Marzu 1998, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali eżerċità funzjonijiet li mhumiex previsti fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4, tal-KIIO għall-impjegati lokali, għaliex dawn ta' l-aħħar ma setgħux jingħataw funzjonijiet assenjati lill-gruppi I u II, li jikkorrispondu għal-kategoriji A u B ta' l-istatut. Mill-inkartament jidher ukoll li, mill-ftehim ta' l-4 ta' Lulju 1997, il-kuntratt tax-xogħol ta' l-interessat ġie mmodifikat bil-kunsens tiegħu, u dan ġie kklasifikat fi grupp III, grad 35, li jikkorispondi mall-kategorija C ta' l-istatut.

19. Sa l-aħħar ta' l-1994, l-interessat ma kienx suġġett għat-taxxa nazzjonali fuq il-qliegħ, minħabba l-fatt li kien jokkupa pożizzjoni ma' "istituzzjoni privileġġata", skond il-leġiżlazzjoni awstrijaka. Il-kwistjoni qamet fl-1 ta' Jannar 1995, id-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija fil-Kommunitajiet. Fil-5 ta' Mejju 2000, il-Finanzamt ħarġet avviżi ta' impożizzjoni ta' taxxa għas-snin 1995 sa 1998 kif ukoll avviż għas-sena ta' stima 2000. L-interessat ikkontesta dawn l-avviżi quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat, fejn sostna li l-funzjonijiet li hu kien effettivament u realment qed jeżerċita ma jikkorispondux għall-funzjonijiet assenjati lill-impjegati lokali mill-leġiżlazzjoni kommunitarja.

20. Jidher aktar ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna li, fuq il-bażi tal-funzjonijiet li hu jeżerċità, hu ma kellux jiġi maħtur bħala impjegat lokali, imma bħala impjegat temporanju jew impjegat awżiljarji, fis-sens, rispettivament, ta' l-Artikoli 8 sa 50a u 51 sa 78 tal-KIIO u benefiċjarju tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 13 tal-protokoll li jeżenta minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet. Għalhekk konfermement ma' Bundesabgabenordnung u mall-qorti ta' Verwaltungsgerichtshof, il-Finanzamt kellha teżamina n-natura reali tal-funzjonijiet ta' l-interessat u mhux tissottomettih għat-taxxa nazzjonali, peress illi l-funzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għal dawk relevanti ma' kategorija A ta' l-istatut, normalment eżerċitati minn impjegati temporanji jew awżiljarji, li huma suġġetti għat-taxxa komunitarja.

21. Il-Finanzamt hu ta' l-opinjoni li hija l-istituzzjoni komunitarja kkonċernata li għandha tiddetermina l-kategorija ta' l-impjieg ta' l-impjegati tagħha. Il-Unabhängiger Finanzsenat jaqbel ma' din il-pożizzjoni, għax jikkunsidra li l-kategorija ta' impjieg ta' impjegat tirriżulta esklussivament minn kuntratt ta' l-ingaġġ ikkonċernat. Għalhekk ir-rikorrent jekk ried seta' jew kellu jissottometti l-validità tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għall-kontroll ġuridiku tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22. Billi tikkunsidra li l-qorti imsemmija tal-Verwaltungsgerichtshof tista' twassal għat-tneħħija ta' l-impożizzjoni totali tat-taxxa ta' l-interessat kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell komunitarju, l'Unabhängiger Finanzsenat, Auβenstelle Wien iddecidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tressaq lil Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1) L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 13, tal-protokoll [...] jipprekludi l-impożizzjoni tat-taxxa fi Stati Membri fuq salarji, pagi u emolumenti li l-Komunitajiet iħallsu lill-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra, biss, jekk il-Komunitajiet Ewropej jeżerċitaw id-dritt tagħhom għat-taxxa?

2) It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 16, tal-protokoll jipprekludi l-impożizzjoni tat-taxxa fi Stati Membri, tas-salarji, pagi u emulomenti li l-Kommunitajiet iħallsu lill-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra, biss jekk dawk l-uffiċjali jew impjegati oħra huma identifikati f'kommunikazzjoni fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq affettwata, u komunikazzjoni mgħoddija fuq il-bażi ta' din l-imsemmija dispożizzjoni tawtorizza awtomatikament lill-awtoritajiet tat-taxxa ta' l-Istat Membru li jeżerċità d-dritt nazzjonali tat-taxxa fir-rigward ta' uffiċjali u impjegati oħra li mhumiex elenkati f'dik il-kommunikazzjoni u għalhekk fir-rigward ta' dawk l-impjegati li l-Kommunitajiet Ewropej iqisu bħala persunal lokali?"

Dwar id-domandi preliminari

23. Iż-żewġ domandi mressqa huma intimament marbuta flimkien, u hemm lok li jiġu eżaminati flimkien.

24. Mid-domandi, imressqa fil-kuntest tagħhom ġuridiku u fattwali muri hawn fuq, jidher li l-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk, sabiex jiġu applikati l-Artikoli 13 u 16 tal-Protokoll, id-deċiżjoni ta' istituzzjoni komunitarja li tiddefinixxi l-pożizzjoni ta' wieħed mill-impjegati tagħha u li tiddetermina l-kategorija ta' l-impjieg għandhiex natura restrittiva fir-rigward ta' l-awtoritajiet amministrattvi u ġudizzjarji nazzjonali, b'tali mod li dawn ma jistgħux jipproċedu għal kwalifikazzjoni awtonoma fil-linja ta' l-impjieg in kwistjoni.

25. L-Artikoli 11 ta' l-Istatut u tal-KIIO, fil-verżjoni tagħhom li daħlet fis-seħħ kemm qabel kif ukoll wara l-1 ta' Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ ta' l-istatut il-ġdid, jipprevedi illi l-uffiċjal jew l-impjegat għandu jaqdi l-funzjonijiet tiegħu u jirregola lilu nnifsu "billi jkollu biss f'moħħu l-interess tal-Komunitajiet, mingħajr ma jitlob jew jaċċetta l-istruzzjonijiet ta' l-ebda gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna esterna għall-istituzzjoni tiegħu."

26. L-Artikolu 2 ta' l-Istatut u l-Artikolu 6 tal-KIIO fil-verżjonijet tagħhom applikabbli kemm qabel kif ukoll wara l-1 ta' Mejju 2004, jikkunsidraw, ukoll, il-prinċipju ta' l-awtonomija funzjonali tal-istituzzjonijiet komunitarji fir-rigward ta' l-għażla ta' l-uffiċjali u l-impjegati tagħhom, billi jistipulaw illi kull istituzzjoni tiddetermina l-awtoritajiet li jeżerċitaw internament is-setgħat trasferiti mill-Istatut sa l-awtorità li għandha s-setgħa li tinnomina jew li hi awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta' ingaġġ ta' impjegati oħra.

27. Fost oħrajn, din l-awtonomija istituzzjonali u funzjonali hija ggarantita, mill-attribuzzjoni ta' l-immunitajiet u priv ileġġi neċessarji għat-twettiq tal-missjoni ta' l-istituzzjonijiet komunitarji fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' grad superjuri, li huma dawk tal-Protokoll. Huwa wkoll previst li ċerti kategoriji ta' uffiċjali u impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet, determinati mill-uniku Kunsill fuq il-proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra, huma suġġetti għal taxxa favur il-Komunitajiet fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom u huma wkoll eżenti minn taxxi nazzjonali fuq dawn l-imsemmija salarji, pagi u emolumenti (Artikoli 13 u 16 tal-Protokoll).

28. Jidher mill-prinċipji u mill-kuntest tal-leġiżlazzjoni esposta hawn fuq illi l-istituzzjonijiet komunitarji jiddisponu minn setgħa kbira ta' evalwazzjoni u awtonomija kemm fil-ħolqien ta' l-impjieg ta' l-uffiċjali jew l-impjegati, kif ukoll fl-għażla ta' l-uffiċjal jew l-impjegat sabiex jimtela l-impjieg li jkun inħoloq u kif ukoll in-natura tar-relazzjoni tax-xogħol li jintrabtu ma' impjegat, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut u tal-KIIO u kif ukoll mill-fondi disponibbli skond l-estimi.

29. Bl-istess mod, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill biss huwa kompetenti, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 16 tal-protokoll, li jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tas-sistema fiskali msemmija fl-Artikolu 13 ta' dan l-istess protokoll.

30. L-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet komunitarji hija enfasizzata ukoll mill-fatt li skond l-Artikolu 79 tal-KIIO, il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' l-impjegati lokali u, b'mod partikolari, il-forom ta' l-ingaġġ tagħhom huma stipulati mill-istituzzjonijiet komunitarji kkonċernati. Billi l-kliem "forom ta' l-ingaġġ tagħhom" li jidhru fid-dispożizzjonijiet in kwistjoni, jinkludu d-determinazzjoni tas-sistema ta' l-impjegati kkonċernati, it-test ikkunsidrat għandu tendenza li jeskludi li d-determinazzjoni ta' din is-sistema tista' tirriżulta minn sitwazzjonijiet barra minn dawk komunitarji.

31. Din il-konklużjoni hi kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-attribuzzjoni tal-kwalità ta' uffiċjal jew impjegat tista' teżisti biss f'att formali ta' l-istituzzjoni kkonċernata u ma ssibx l-oriġini tagħha f'deċiżjoni ta' awtorita' amministrattiva jew ġuridika nazzjonali. Fil-fatt, dan il-fatt jikkostitwixxi indħil fl-isfera awtonoma ta' l-istituzzjonijiet komunitarji (sentenzi tal-11 ta' Marzu 1975, Porrini et , 65/74, Ġabra. p.319, punt 15 u paragrafu 2, u tat-3 ta' Ottubru 1985, Tordeur et , 232/84, Ġabra. p.3223, punti 27 u 28).

32. Is-sistema ġuridika ta' l-uffiċjali, ta' l-impjegati temporanji u ta' l-impjegati awżiljarji, min-naħa, u s-sistema ta' l-impjegati lokali, min-naħa l-oħra, iwasslu għal differenzi fundamentali fir-rigward tan-natura tagħhom. Waqt li l-impjiegi ta' l-uffiċjal, ta' l-impjegat temporanju u l-impjegat awżiljarju huma rregolati esklussivament mid-dritt komunitarju u li l-kwistjonijiet li dawn ir-relazzjonijiet ta' l-impjieg jistgħu jagħtu lok jaqgħu taħt l-unika kompetenza tal-ġurisdizzjoni komunitarja, ir-rapporti tax-xogħol ta' l-impjegati lokali huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' natura imħallta, kostitwiti minn sorsi komunitarji u nazzjonali, u l-kwistjonijiet li dawn ir-rapporti tax-xogħol jistgħu jagħtu lok jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ġurisdizzjonijiet nazzjonali. Fl-aħħar, l-impjegati lokali ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni tat-taxxa nazzjonali fuq il-pagi, is-salarji u l-emolumenti imħallsa mill-Komunitajiet.

33. Il-kategorija ta' impjegat temporanju u impjegat awżiljarju tixbaħ ħafna l-kategorija ta' l-uffiċjali. Kemm l-impjegati temporanji kif ukoll l-impjegati awżiljarji fis-sustanza huma suġġetti għall-istess esiġenzi li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' l-ingaġġ tagħhom. Għandhom l-istess drittijiet u obbligi li huma previsti għall-uffiċjali fl-Artikolu 11 sa 25 ta' l-Istatut, huma suġġetti għall-istess sistema li tikkonċerna t-tul u s-sigħat tax-xogħol, jibbenefikaw sostanzjalment mill-istess drittijiet fil-qasam tal- leave u, fl-aħħar, minħabba l-fatt li huma rregolati mill-istess leġiżlazzjoni, jistgħu jużaw l-istess mezz ta' rikors quddiem il-ġurisdizzjoni komunitarja.

34. Minħabba l-inkompatibbiltà bejn is-sistema ta' l-uffiċjali, l-impjegati temporanji u l-impjegati awżiljarji, min-naħa waħda, u dik ta' l-impjegat lokali, min-naħa l-oħra, il-passaġġ ta' impjegat lokali għal post ta' uffiċjal, ta' impjegat temporanju jew impjegat awżiljarji, skond ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, twaqqaf id-drittijiet fir-rapport tiegħu tax-xogħol preċedenti u, fis-sens invers, meta jibda l-attività antika tiegħu din tikkostitwixxi impjieg ġdid u mhux it-tkomplija tar-rapport ta' l-impjieg li kellu qabel (sentenza tal-25 ta' Ġunju 1981, 105/80, Desmedt, Ġabra. p.1701, punt 15 u dispożittiv). Hekk kif, fl-ipoteżi fejn ir-rapport tax-xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jista' jiġi kkunsidrat bħal dak ta' impjegat temporanju jew impjegat awżiljarji, dan ir-rapport tax-xogħol għandu jiġi kkwalifikat bħala wieħed ta' impjieg ġdid, li jeskludi, skond is-sentenzi Porrini et u Tordeur et , iċċitati aktar 'il fuq, li impjieg ġdid bħal dan jista' jitwieled minn att ta' istanza oħra minn dik komunitarja.

35. B'hekk, il-kwalifika ta' "impjegat lokali" attribwita lil persuna minn awtorità kompetenti ta' istituzzjoni komunitarja u n-natura tar-rapport ta' l-impjieg iddefinit fil-kuntratt ta' l-ingaġġ ta' l-impjegat kkunsidrat ma kienux ser jitpoġġew fil-kawża fuq il-bażi ta' apprezzament awtonomu minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali. Li wieħed jirrikonoxxi fakultà bħal din, tfisser li tagħti lill-awtorità nazzjonali s-setgħa li tintervjeni fl-isfera ta' l-awtonomija tal-istituzzjonijiet komunitarji u li tiddefenixxi n-natura tal-kuntratt ta' l-ingaġġ ta' l-impjegat tagħhom, hija ħaġa li tikkostitwixxi indħil fis-sens tal-ġurisprudenza iċċitata fil-punt 31 tas-sentenza preżenti.

36. Fil-kuntest tal-protezzjoni ġuridika effettiva li jgawdi minnha l-impjegat fil-kawża prinċipali huwa ċert li hu għandu jkollu l-libertà li jikkontesta l-kwalifika tal-kategorija ta' l-impjieg tiegħu fir-rigward tad-dispożizzjoinijiet tal-KIIO. Madankollu, kompetenza bħal din taqa' biss taħt il-ġurisdizzjoni komunitarja, peress li l-kontroll tal-legalità ta' deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti ta' istituzzjoni komunitarja li tirrigwarda l-attribuzzjoni tal-kwalità ta' l-uffiċjal jew l-impjegat u li tiddetermina, mill-konklużjonijiet tal-kuntratt relattiv għalih, in-natura tar-relazzjoni ta' l-impjieg ta' dan ta' l-aħħar, ma taqax taħt il-kompetenza tal-ġuridizzjoni nazzjonali.

37. Fir-rigward tal-qrati nazzjonali dawn jibqgħu kompetenti, konformement ma' l-Artikolu 81 tal-KIIO, sabiex jirrikonoxxu kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegat lokali, hekk kif previst fl-Artikolu 79 tal- KIIO. Madankollu, l-att ta' istituzzjoni komunitarja li jiddetermina s-sistema ta' wieħed mill-impjegati tagħha ma jistax jitressaq bħala kwistjoni quddiem dawn il-qrati.

38. Huwa tajjeb li jissemma, fl-aħħar nett, li s-sistema stabbilita fil-protokoll, li tgħid li l-uffiċjali u ċertu impjegati tal-Komunitajiet huma suġġetti għat-taxxa komunitarja favur il-Komunitajiet għandha bħala għan uniku li ssaħħaħ l-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet komunitarji u la tiffavorixxi u lanqas m'għandha bħala effett l-eżenzjoni ta' impjegati oħra mill-impożizzjoni prevista mill-liġi fiskali tal-post fejn ġie stazzjonat.

39. Fir-rigward tal-kunsiderzzjonijiet preċedenti miġbura flimkien, huwa tajjeb li r-risposta għall-mistoqsijiet imressqa tkun li, sabiex jiġu applikati l-artikoli 13 u 16 tal-Protokoll, id-deċiżjoni ta' istituzzjoni komunitarja li tiddefinixxi l-istatus ta' wieħed mill-impjegati tagħha u li tiddetermina l-kategorija ta' l-impjieg tiegħu toħloq karattru restrittiv fir-rigward ta' l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, b'tali mod li dawn ma jistgħux jipproċedu għal kwalifika awtonoma marbuta ma' l-impjieg in kwistjoni.

Dwar l-ispejjeż

40. Peress li dawn il-proċeduri għandhom, għall-partijiet fil-kawża prinċipali, natura ta' kwistjoni mressqa quddiem qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż tal-preżentata ta' l-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

Sabiex jiġu applikati l-artikoli 13 u 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej, id-deċiżjoni ta' istituzzjoni komunitarja li tiddefinixxi l-istatus ta' wieħed mill-impjegati tagħha u li tiddetermina l-kategorija ta' l-impjieg tiegħu għandha natura restrittiva fir-rigward ta' l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, b'tali mod li dawn ma jistgħux jipproċedu għal kwalifika awtonoma tar-rabta ta' l-impjieg in kwistjoni.

Top