Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0273

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Ottubru 2007.
    ir-Repubblika tal-Polonja vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament - Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/281/KE - Politika Agrikola Komuni - Att relattiv għall-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea - Adattament - Ksur tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni.
    Kawża C-273/04.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08925

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:622

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawża C-273/04,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-28 ta’ Ġunju 2004,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, inizjalment irrappreżentata minn T. Nowakowski u E. Ośniecka-Tamecka, wara minn T. Nowakowski, M. Szpunar, B. Majczyna, K. Rokicka u I. Niemirka, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn A. Zikmane u E. Balode-Buraka, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fi Brussell,

    Ir-Repubblika ta' l-Ungerija, irrappreżentata minn P. Gottfried u R. Somssich, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    vs

    Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn F. Ruggeri Laderchi u K. Zieleśkiewicz, wara minn F. Florindo Gijón u K. Zieleśkiewicz, bħala aġenti,

    konvenut

    sostnut minn:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn, A. Stobiecka-Kuik u L. Visaggio, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta (Relatur), K. Schiemann, J. Makarczyk, A. Ó Caoimh, P. Lindh u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2007,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament tal-punt 5 ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/281/KE tat-22 ta’ Marzu 2004, li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni (ĠU L 93, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    2. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, ġiet milqugħa t-talba tar-Repubblika tal-Latvija, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex jintervjenu f’din il-proċedura b’mod li dawn it-tliet Stati Membri isostnu r-Repubblika tal-Polonja u, il-Kummissjoni ssostni l-Kunsill.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 1259/1999

    3. Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni (ĠU L 160, p. 113), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001 (ĠU L 173, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1259/1999”):

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħlasijiet konċessi direttament lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni li huma ffinanzjati fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mit-Taqsima “Garanziji” tal-[Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG)], għajr għal dawk ipprovduti skond ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 [ir-Regolament tal-Kunsill (KE) tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-FAEGG u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, p. 80)].

    Dawn l-iskemi ta’ appoġġ huma elenkati fl-Anness”.

    4. It-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1259/1999 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta l-emendi, skond il-każ, għall-Anness ta’ dan ir-Regolament, b’kunsiderazzjoni tal-kriterji definiti fl-Artikolu 1 ta’ l-istess Regolament.

    5. L-imsemmi Anness huwa intitolat “Il-lista ta’ l-iskemi ta’ appoġġ li jwettqu l-kriterji ddikjarati fl-Artikolu 1”. Din il-lista ġiet estiża permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2004 tad-9 ta’ Jannar 2004 (ĠU L 6, p. 19).

    It-Trattat u l-Att ta’ Adeżjoni

    6. Skond l-Artikolu 2(3) tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka li jirrigwarda l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni Ewropea ffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April 2003 (ĠU L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”):

    Minkejja l-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-Adeżjoni l-miżuri li hemm referenza għalihom […] fl-Artikoli 21 u 23 […] [ta’ l-att relattiv għall-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u fl-adattamenti għat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-‘att ta’ adeżjoni’)] [...]. Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ biss suġġetti għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7. L-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li:

    “Il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jagħmel l-adattamenti għad-disposizzjonjiet ta’ dan l-Att li għandhom x’jaqsmu mal-politika agrikola komuni li jistgħu jsiru meħtieġa minħabba f’xi tibdil fir-regoli Komunitarji. Dawn l-adattamenti jistgħu jsiru qabel id-data ta’ l-adeżjoni”.

    8. Barra minn hekk, l-Artikolu 20 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li l-atti mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness II ta’ l-istess Att għandhom ikunu adattati kif speċifikat f’dan l-Anness.

    9. L-imsemmi Anness jinkludi Kapitolu 6. A, intitolat “Leġiżlazzjoni dwar l-Agrikoltura”, fejn il-punt 27(b) tiegħu jipprovdi l-inklużjoni fir-Regolament Nru 1259/1999 ta’ Artikolu 1a, redatt skond kif ġej:

    “L-introduzzjoni ta’ skemi ta' appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda

    Fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, f’Ċipru, fil-Latvija, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Polonja, fis-Slovenja u fis-Slovakkja (iktar ’il quddiem l-‘Istati Membri ġodda’), għandhom jiġu ntrodotti, skond l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1, pagamenti diretti skond l-iskeda li ġejja ta’ inkrementi espressi bħala persentaġġ tal-livell li jkun applikabbli dakinhar ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit- 30 ta' April 2004:

    25 % fl-2004

    30 % fl-2005

    35 % fl-2006

    40 % fl-2007

    50 % fl-2008

    60 % fl-2009

    70 % fl-2010

    80 % fl-2011

    90 % fl-2012

    100 % mill-2013”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

    10. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1, u r-rettifika, ĠU 2004, L 94, p. 70), ħassar ir-Regolament Nru 1259/1999 mill-1 ta’ Mejju 2004.

    11. Skond l-Artikolu 1 tiegħu:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

    – regoli komuni fuq ħlasijiet diretti taħt skemi ta’ għajnuna għad-dħul fl-isfond tal-politika agrikola komuni li huma ffinanzjati mit-Taqsima ‘Garanzija’ tal-[FAEGG], elenkati fl-Anness I, ħlief dawk ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999;

    – appoġġ għad-dħul għall-bdiewa;

    – skemi ta’ appoġġ [għall-bdiewa li jipproduċu] ġewż, prodotti ta’ l-enerġija, […] ħalib, […]”

    12. Peress li dawn l-iskemi ta’ appoġġ huma pagamenti diretti skond l-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament, dawn huma ffinanzjati mit-Taqsima ‘Garanzija’ tal-FAEGG.

    13. L-Anness I tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa intitolat ‘Lista ta’ skemi ta’ appoġġ li jissodisfaw il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 1’ ta’ dan ir-Regolament. Din il-lista tinkludi b’mod partikolari l-għajnuna għall-ġewż, l-għajnuna għall-prodotti ta’ l-enerġija kif ukoll premium [premju] u l-pagamenti supplementari fis-settur tal-ħalib previsti, rispettivament, fil-Kapitoli 4 (Artikoli 83 sa 87), 5 (Artikoli 88 sa 92) u 7 (Artikoli 95 sa 97) ta’ dan ir-Regolament.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    14. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skond l-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni u l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni. Din tipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 punt 5 tagħha s-sostituzzjoni tal-punt 27 tal-Kapitolu 6.A ta’ l-Anness II ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, fejn id-dispożizzjonijiet jemendaw ir-Regolament Nru 1259/1999, permezz ta’ dispożizzjonijiet li jemendaw ir-Regolament Nru 1782/2003, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi introdotti fil-leġiżlazzjoni dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) bl-adozzjoni ta’ dan l-aħħar Regolament, kif seħħ wara li ġew iffirmati l-istrumenti ta’ adeżjoni.

    15. L-imsemmija deċiżjoni tipprovdi b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 punt 5(ċ) tagħha, l-inklużjoni fir-Regolament Nru 1782/2003 ta’ Artikolu 143a, li jgħid hekk:

    “L-introduzzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ

    Fl-Istati Membri l-ġodda għandhom jiġu introdotti pagamenti diretti skond l-iskeda li ġejja ta’ inkrementi espressi bħala persentaġġ tal-livell li jkun applikabbli dakinhar ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004:

    - 25 % fl-2004,

    - 30 % fl-2005,

    - 35 % fl-2006,

    - 40 % fl-2007,

    - 50 % fl-2008,

    - 60 % fl-2009,

    - 70 % fl-2010,

    - 80 % fl-2011,

    - 90 % fl-2012,

    - 100 % mill-2013 ’il quddiem”.

    16. Skond l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “Din id-Deċiżjoni għandha titħejja fil-lingw[a] Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, bit-test ta’ kull waħda minn dawn il-lingwi ugwalment awtentiku”.

    Il-fatti

    17. Il-fatti li taw lok għal dan ir-rikors għal annullament isibu l-oriġini tagħhom fin-negozjati ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni.

    18. Kif jirriżulta minn dokument dwar il-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja fid-dawl tan-negozjati fil-qasam ta’ l-agrikoltura, adottat mill-Kunsill tal-Ministri fid-9 ta’ Diċembru 1999, u mit-tweġiba tar-Repubblika tal-Polonja għall-pożizzjoni komuni ta’ l-Unjoni Ewropea ta-20 ta’ Ġunju 2002 fil-qasam ta’ l-agrikoltura, adottata mill-Kunsill tal-Ministri fit-8 ta’ Ottubru 2002, ir-Repubblika tal-Polonja, matul in-negozjati, uriet għal bosta drabi l-intenzjoni tagħha li “tadotta, mill-ġurnata ta’ l-adeżjoni, id-dispożittiv legali kollu dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, bil-kundizzjoni li l-agrikoltura Pollakka tiġi ggarantita l-aċċess għad-dispożittiv kollu tal-[PAK], inkluż [dak] għall-pagamenti diretti”.

    19. Il-pożizzjoni ta’ l-Unjoni dak iż-żmien ġiet iddefinita abbażi ta’ dokument ta’ riflessjoni stabbilit mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Jannar 2002, li kien essenzjalment ibbażat fuq il-bżonn li jitkompla r-ristrutturar li kien qed isir fis-settur agrikolu ta’ l-Istati Membri l-ġodda, fuq is-sitwazzjoni tad-dħul tal-bdiewa ta’ dawn l-Istati Membri kif ukoll fuq il-ħtieġa li jiġi evitat li jinħoloq l-iskwilibriju fir-rigward ta’ dan is-settur meta mqabbel ma’ setturi ekonomiċi oħrajn jew sitwazzjonijiet ta’ dħul spekulattiv. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-imsemmi dokument kien jikkonkludi li ma kellhomx jiġu aċċettati t-talbiet ta’ l-Istati Membri ġodda li jibbenefikaw, mill-adeżjoni tagħhom, mill-pagamenti diretti fuq l-istess livell bħal dak applikabbli għall-ħmistax-il Stat Membru li f’dak iż-żmien kienu fl-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri qodma”), b’mod li “[l]-pagamenti diretti għandhom jiġu introdotti progressivament fl-Istati Membri ġodda matul perijodu transitorju”.

    20. Minbarra dan, il-pożizzjoni ta’ negozjar ta’ l-Istati Membri l-qodma fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja ġiet adottata fil-pożizzjoni komuni ta’ l-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Ottubru 2002, li ssemmi li din ta’ l-aħħar “tieħu nota tat-talba tal-Polonja sabiex il-pagamenti diretti jingħataw lill-bdiewa tagħha wara l-adeżjoni bl-istess mod kif jingħataw lill-bdiewa ta’ [l-Unjoni. Hija] tqis li din it-talba tal-Polonja m’għandhiex tiġi aċettata, iżda li l-pagamenti diretti għandhom jiġu introdotti progressivament fil-Polonja matul perijodu transitorju”.

    21. Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, in-negozjati fuq dan il-punt baqgħu għaddejjin sa meta ltaqa’ l-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen bejn it-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002, u sal-konferenza ta’ adeżjoni li saret flimkien ma’ din il-laqgħa, li l-konklużjonijiet tagħha jindikaw li l-kwistjoni ta’ l-introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda ġiet solvuta skond it-termini tal-pożizzjoni komuni ta’ l-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Ottubru 2002.

    22. Fis-16 ta’ April 2003, fis- summit tal-Kunsill Ewropew ta’ Ateni, ir-Repubblika tal-Polonja ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni.

    23. Barra minn hekk, fid-29 ta’ Settembru 2003, ġie adottat ir-Regolament Nru 1782/2003.

    24. Fir-rigward tal-ħtieġa li l-Att ta’ Adeżjoni jiġi adattat għar-riforma tal-PAK magħmula b’mod partikolari permezz ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ppreżentat, fis-27 ta’ Ottubru 2003, proposta għal deċiżjoni li kienet tipprovdi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi għall-pagamenti diretti kollha. Minn meta sar jaf dwar dan l-abbozz, il-Gvern Pollakk oppona, fl-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv u bl-għajnuna ta’ bosta komunikazzjonijiet bil-miktub, billi ddeskrivieħ bħala estensjoni tas-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti, fejn sostna b’mod partikolari li l-adozzjoni tal-miżura pproġettata kienet tagħti lok għal bidla fil-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni u mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni.

    25. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-22 ta’ Marzu 2004.

    26. Peress li din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix adattament ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, iżda bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni ffissati f’dan l-Att, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet dan ir-rikors għal annullament.

    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    Il-pożizzjoni tal-partijiet

    27. Matul il-proċedura bil-miktub, il-Kunsill issolleva eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ibbażata fuq il-fatt li r-rikors ġie ppreżentat tardivament.

    28. Skond il-Kunsill, id-deċiżjoni kienet ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 93). Peress li l-att ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2004, ir-rikors għaldaqstant tressaq barra t-terminu ta’ żmien, skond id-dispożizzjonijiet tal-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    29. Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq il-mertu.

    30. Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Istati Membri intervenjenti, tqis, fl-ewwel lok, li t-terminu li Stat Membru ġdid għandu sabiex iressaq rikors għal annullament ta’ att deċiż skond l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jibda jiddekorri biss mid-data ta’ adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jiġi evitat, minn naħa, li l-imsemmi Stat Membru jkollu biss terminu ta’ rikors imqassar u, min-naħa l-oħra, li l-istituzzjoni Komunitarja li minnha joħroġ dan l-Att tkun tista’ tevita kontroll ġuridiku tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-inizzjattiva ta’ l-Istati aderenti billi tadotta u tippubblika dan l-Att ta’ l-anqas xahrejn qabel ma dawn l-Istati jaċċedu bħala Stat Membru.

    31. Fit-tieni lok, l-imsemmija Stati Membri jsostnu li, fit-30 ta’ Marzu 2004, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx għadha saret fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Istati Membri, kif kien madankollu jitlob l-Artikolu 8 ta’din id-deċiżjoni. Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tissuġġerixxi minbarra dan li l-Ġurnal Uffiċjali li ppubblika l-imsemmija deċiżjoni fil-lingwa Pollakka seta’ kien mogħti data retroattiva, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tal-15 ta’ Novembru 2006, ordnat li ssir miżura istruttorja li permezz tagħha ġie mitlub lid-Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sabiex iwieġeb bil-miktub għall-mistoqsija dwar liema kienet id-data vera tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, data li fiha din id-deċiżjoni kienet disponibbli għall-pubbliku.

    32. Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu l-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, minħabba li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux, permezz tas-sempliċi għażla tad-data ta’ pubblikazzjoni tal-miżura adottata, iċaħħdu l-Istati Membri l-ġodda mill-possibbiltà li jressqu rikors ġuridiku kontra din il-miżura.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa meħtieġ li l-ewwel nett tagħmel il-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq il-mertu tal-kawża.

    Fuq il-mertu

    34. Ir-Repubblika tal-Polonja tissolleva tlett ilmenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, ibbażati, rispettivament, fuq l-inkompetenza tal-Kunsill, li eċċediet is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, li jikkostitwixxi l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza billi imponiet diskriminazzjoni mhux prevista minn dan l-Att, il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide , peress li l-kompromess li nkiseb min-negozjati ta’ adeżjoni kien ġie kkontestat b’mod unilaterali.

    Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill minħabba l-ksur ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni

    Il-pożizzjoni tal-partijiet

    35. Permezz ta’ dan l-ewwel ilment, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Istati Membri intervenjenti, tqis li l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ma jistax iservi bħala bażi legali għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsistu f’li jestendu s-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi għall-pagamenti diretti ġodda. Fil-fatt, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux “adattament meħtieġ” ta’ l-att ta’ adeżjoni għar-riforma tal-PAK, skond l-imsemmi Artikolu 23, peress li, minn naħa, dawn jikkorrispondu għal bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni stabbiliti f’dan l-Att u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni ta’ ħtieġa minħabba bidla fir-regoli Komunitarji ma ġietx ipprovata u lanqas iġġustifikata fil-preambolu tad-deċiżjoni.

    36. Għaldaqstant, l-Artikolu 143a tar-Regolament Nru 1782/2003, introdott mill-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi emenda ċara ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, safejn dan jistabbilixxi perċentwali u skeda applikabbli b’mod ġenerali għall-pagamenti diretti kollha li għandhom jingħataw fl-Istati Membri ġodda, filwaqt li, qabel, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kienu llimitaw dan il-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi esklużivament għall-pagamenti diretti mogħtija bħala skemi ta’ appoġġ elenkati b’mod limitat fl-anness tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

    37. Skond ir-Repubblika tal-Polonja, din l-estensjoni ta’ l-għajnuna soġġetta għal dan il-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tmur lilhinn mill-kunċett ta’ “adattamenti meħtieġa” fis-sens ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, li għandu natura esklużivament teknika u ma jistax iwassal għal bidla fir-riżultati tan-negozjati ta’ adeżjoni. Madankollu, emenda fil-lista ta’ pagamenti suġġetti għal dan il-mekkaniżmu kif magħmula mid-deċżiżjoni kkontestata setgħet issir biss mid-data ta’ adeżjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 9 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni.

    38. Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argument tal-Kunsill skond liema l-Anness tar-Regolament Nru 1259/1999 huwa ta’ natura esklużivament dikjarattiva. F’dan ir-rigward, jirriżulta kemm minn interpretazzjoni litterali kif ukoll minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament li l-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi japplika esklużivament għall-pagamenti diretti mogħtija bħala skemi ta’ appoġġ b’mod limitat elenkati fl-Anness ta’ l-imsemmi Regolament, b’mod li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ma jistax ikun iżjed wiesgħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/1999 stess. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-eżistenza tal-proċedura ta’ emenda ta’ dan l-Anness prevista fl-Artikolu 11 ta’ l-imsemmi Regolament, li xxaqleb favur in-natur kostitutiva, u mhux dikjarattiva, ta’ l-imsemmi Anness.

    39. Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-premessa li fuqha jibbaża kull argument tar-Repubblika tal-Polonja, skond liema l-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi ta’ pagamenti diretti jew mekkaniżmu msejjaħ “phasing in”, japplika biss għall-pagamenti diretti elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness tar-Regolament Nru 1259/1999.

    40. Fil-fatt, skond il-kliem tiegħu stess, l-Artikolu 1a ta’ dan ir-Regolament japplika għall-“pagamenti diretti mogħtija skond l-iskemi ta’ appoġġ li jinsabu fl-Artikolu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-imsemmi Regolament. Madankollu, dan l-Artikolu 1 jipprovdi definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ pagamenti diretti li jinkludu l-forom kollha ta’ għajnuna, eżistenti jew futuri, mogħtija direttament lill-bdiewa fil-kuntest ta’ l-iskemi ta’ appoġġ tal-PAK u ffinanzjati kompletament jew parzjalment mit-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG. Din id-definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ pagamenti diretti turi li r-Regolament Nru 1259/1999 għandu japplika għall-pagamenti diretti kollha stabbiliti fil-kuntest tal-PAK. Taħt din il-perspettiva, l-Anness għall-imsemmi Regolament huwa biss ta’ natura dikjarattiva, u dan huwa kkonfermat mis-setgħa ta’ emendar ta’ dan l-Anness mogħtija lill-Kummissjoni fit-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 11(4) ta’ l-istess Regolament.

    41. Il-premessa li fuqha jistrieh l-argument tar-Repubblika tal-Polonja tirriżulta żbaljata, peress li l-ewwel ilment mhuwiex fondat. Għaldaqstant, il-Kunsill ma qabiżx il-limiti tal-kompetenza mogħtija lilu fl-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, peress illi din tikkorrispondi perfettament mal-kunċett ta’ sempliċi “adattament”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fil-fehma tal-Kunsill il-prinċipju ta’ l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ bħala “phasing in” għall-għajnuna diretta kollha ġie wara kollox stabbilit matul in-negozjati ta’ adeżjoni u huwa previst espressament mill-Att ta’ Adeżjoni, li introduċa l-Artikolu 1a fir-Regolament Nru 1259/1999. Il-fatt li l-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tiġi pprovduta għall-għajnuna diretta kollha fir-Regolament Nru 1782/2003 ma jirrappreżentax għaldaqstant xi ħaġa ġdida jew bdil sostanzjali fir-rigward ta’ l-approċċ adottat fl-imsemmija negozjati.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    42. L-ewwel ilment jikkonċerna, essenzjalment, il-firxa tas-setgħat mogħtija lill-Kunsill fl-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni.

    43. Sabiex jiġi ddeterminat il-mertu ta’ dan l-ilment, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi analizzat il-kunċett ta’ “adattamenti meħtieġa” skond dan l-Artikolu u, sussegwentement, li jiġi ddeterminat liema kienet il-portata tal-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti li ġiet inizjalment stabbilita fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni, sabiex jiġi vverifikat ulterjorment jekk, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma qabiżx l-imsemmija setgħat.

    – Fuq il-kunċett ta’ “adattamenti meħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni

    44. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-għan ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni kien li jippermetti lill-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jassigura l-kompatibbiltà ta’ dan l-Att mal-bidliet leġiżlattivi li jirriżultaw mill-attività leġiżlattiva ta’ l-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-PAK bejn l-iffirmar ta’ l-imsemmi att u l-adeżjoni effettiva ta’ l-Istati Membri ġodda.

    45. Madankollu, din l-attribuzzjoni ta’ setgħa ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv, taħt piena ta’ ksur tar-riżultati tan-negozjati tal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni ta’ l-imsemmija Stati.

    46. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha fuq il-kunċett ta’ “adattamenti meħtieġa” fil-kuntest ta’ l-atti ta’ adeżjoni, fejn indikat li l-miżuri ta’ adattament li jipprovdu dawn l-atti bħala prinċipju jawtorizzaw biss l-adattamenti intiżi sabiex l-atti Komunitarji preċedenti jsiru applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda, bl-esklużjoni ta’ kull emenda oħra [ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ l-Artikolu 169 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u għall-adattamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21), sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑259/95, Ġabra p. I‑5303, punti 14 u 19; fir-rigward ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑413/04, Ġabra p. I‑11221, punti 31 sa 38, u tat-28 ta’ Novembru 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑414/04, Ġabra p. I‑11279, punti 29 sa 36].

    47. Jekk huwa minnu li dawn is-sentenzi jirreferu għal dispożizzjonijiet li jipprovdu l-adattament ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet li ma ġewx adattati mill-Att ta’ Adeżjoni nnifsu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sens restrittiv ħafna tal-kunċett ta’ adattament li jirriżulta mill-imsemmija sentenzi jingħata b’mod ġenerali, tkun liema tkun id-dispożizzjoni ta’ l-Att ta’ Adeżjoni kkonċernata li tikkostitwixxi l-bażi tal-miżura adottata, u għandu għaldaqstant, iktar u iktar, jiġi aċċettat meta, bħal f’dan il-każ, jirrigwarda l-adattament tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Adeżjoni stess sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni emenda tar-regoli Komunitarji li magħhom kienu relatati dawn id-dispożizzjonijiet.

    48. Taħt din il-perspettiva, il-kunċett ta’ adattament għandu jiġi ristrett għall-miżuri li ma jistgħux fl-ebda każ ikollhom influwenza fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Adeżjoni relatati mal-PAK u lanqas li jemendaw sostanzjalment il-kontenut, iżda li jikkostitwixxu biss aġġustamenti intiżi sabiex jiżguraw il-koerenza ta’ l-imsemmi att u dispożizzjonijiet ġodda adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-intervall bejn l-iffirmar ta’ l-Att ta’ Adeżjoni u l-adeżjoni nnifisha.

    49. Rigward il-bżonn ta’ ħtieġa mitluba għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ adattament bħal din, jeħtieġ biss li jiġi indikat li dan il-bżonn jirriżulta b’mod dirett minn kull emenda tar-regoli Komunitajri li ssir wara innovazzjoni leġiżlattiva min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji li tolqot il-PAK u li għandha bħala konsegwenza l-ħolqien ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Adeżjoni u l-iskema l-ġdida li tirriżulta minn din l-emenda.

    50. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkwalifikata bħala “adattament meħtieġ”.

    51. F’dan ir-rigward, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi analizzat il-kontenut u l-portata ta’ l-emendi ta’ l-Att ta’ Adeżjoni li jirriżulaw mill-Artikolu 1(5) ta’ l-imsemmija deċiżjoni u li din il-miżura titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest ġenerali tal-PAK li minnha tifforma parti.

    – Fuq il-portata tal-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti

    52. L-argument tar-Repubblika tal-Polonja skond liema s-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti stabbilita fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni hija limitata għal numerus clausus ta’ għajnuna diretta elenkata fl-Anness ta’ l-imsemmi regolament, u mhux għall-pagamenti diretti kollha, huwa inkompatibbli ma’ interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll sistematika jew teleoloġika tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni.

    53. Għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li l-imsemmi Artikolu 1a kien jipprovdi li, fl-Istati Membri l- ġodda, “pagamenti diretti mogħtija skond l-iskemi ta’ appoġġ li jinsabu fl-Artikolu 1 huma introdotti permezz ta’ inkrementi”, skond skeda li tinsab f’dan l-istess Artikolu. B’hekk jirriżulta espressament li s-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi kienet intenzjonata li tapplika għall-pagamenti diretti kollha mogħtija skond l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/1999.

    54. L-imsemmi Artikolu 1 kien jinkludi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ pagamenti diretti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward ta’ “ħlasijiet konċessi direttament lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-[PAK] li huma ffinanzjati fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mit-Taqsima ‘Garanziji’ tal-FAEGG, għajr għal dawk ipprovduti skond ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999”.

    55. Dan it-test jindika li, ħlief għall-unika eċċezzjoni, mogħtija espliċitament, ta’ l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti mir-Regolament Nru 1257/1999, ir-Regolament Nru 1259/1999 kien intenzjonat sabiex japplika għal kull għajnuna li tissoddisfa din id-definizzjoni, jiġifieri mogħtija direttament lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-PAK u li huma ffinanzjati parzjalment jew totalment mit-Taqsima ‘Garanziji’ tal-FAEGG.

    56. Din il-karatteristika tar-Regolament Nru 1259/1999 li tapplika għall-iskemi kollha, eżistenti jew futuri, li tipprovdi għal pagamenti diretti, b’mod li titbiegħed minn interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, hija sostnuta mill-ewwel premessa ta’ dan ir-Regolament, skond liema waħda mill-għanijiet ta’ l-imsemmi Regolament hija għall-“ħlasijiet diretti taħt l-iskemi varji ta’ appoġġ għall-introjti fil-politika agrikola komuni għandhom jiġu stabbiliti wħud mill-kundizzjonijiet komuni mill-[PAK]”.

    57. Fuq kollox, din l-interpretazzjoni litterali hija kkonfermata bl-għan li kien hemm fl-adozzjoni tat-test ta’ l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni. Fil-fatt, jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tal-Konferenza ta’ Adeżjoni li l-intenzjoni tagħha kienet li timponi l-mekkaniżmu msejjaħ “phasing in” fl-Istati Membri ġodda għall-pagamenti diretti kollha.

    58. Għaldaqstant fid-dokument ta’ riflessjoni tat-30 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni rrakkomandat l-introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti, mingħajr ma ssoġġettathom għal kundizzjonijiet ta’ natura li jirrestrinġu l-portata. Dan l-approċċ ġie adottat fil-Pożizzjoni Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Ottubru 2002, li permezz tagħha l-Istati Membri qodma esprimew ir-rieda tagħhom li jintroduċu progressivament il-pagamenti diretti matul perijodu transitorju, mingħajr ma din il-formulazzjoni ġenerali ma jkollha preċiżjonijiet ta’ natura li jnaqqsu l-portata tagħha. Fl-aħħar nett, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen tat-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002, li jirriflettu r-riżultat tan-negozjati ta’ adeżjoni, jindikaw li l-kwistjoni ta’ l-introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda ġiet solvuta skond it-termini tal-Pożizzjoni Komuni tal-31 ta’ Ottubru 2002, b’mod li din il-kwistjoni ma tatx lok għal kompromess li kien jikkonsisti li jillimta l-portata tal-mekkaniżmu msejjaħ “phasing in”.

    59. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni litterali bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-kliem tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/1999.

    60. B’riferiment għall-pagamenti diretti, dan it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 jgħid li “dawn l-iskemi ta’ appoġġ huma elenkati fl-Anness [ta’ dan ir-Regolament]”.

    61. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 1 jirreferi biss għall-iskemi ta’ appoġġ elenkati b’mod limitat fl-Anness tar-Regolament Nru 1259/1999.

    62. Dan l-argument ma jaqbilx ma’ interpretazzjoni sistematika tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-imsemmi Regolament, li jikkonċerna l-Anness ta’ dan ta’ l-aħħar.

    63. Fil-fatt, jekk jinqraw flimkien it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 u t-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1259/1999 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jirriżulta mid-definizzjoni ġenerali li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tiegħu u mhux mil-lista elenkata li tinsab fl-Anness ta’ l-imsemmi regolament.

    64. It-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 11(4) ta’ l-imsemmi Regolament jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tadotta, skond il-proċedura msejħa bħala tal-“Kumitat tal- Ġestjoni”, “l-emendi għall-Anness kif jistgħu jinħtieġu billi jitqiesu l-kriterji ddikjarati fl-Artikolu 1”.

    65. Jidher b’mod ċar mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju kellu sempliċementi l-intenzjoni li jagħti lill-Kummissjoni kompetenza eżekuttiva sabiex tiġi żgurata l-attwalizzazzjoni kostanti ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1259/1999 fil-każ li tiġi stabbilita għajnuna ġdida li tissoddisfa l-kriterji definiti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni biss hija awtorizzata li temenda dan l-Anness sabiex tirrifletti fih il-pagamenti diretti stabbilit jew mibdula mil-leġiżlatur Komunitarju li jissoddisfaw dawn il-kriterji.

    66. Ma jistax jiġi kkontestat ukoll li l-inklużjoni ta’ skema ta’ għajnuna f’dan l-Anness tista’ ssir biss ladarba din l-iskema tissoddisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/1999, peress li l-imsemmi Anness huwa biss tisħiħ ta’ din id-dispożizzjoni.

    67. Isegwi li l-kriterju essenzjali li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/1999 jinsab fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, u mhux fl-inklużjoni ta’ għajnuna ddefinita fl-Anness ta’ l-imsemmi Regolament.

    68. Fl-aħħar nett, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikoli 1 u 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 twassal għal konklużjoni identika, peress illi l-għan li jiġġustifika t-tqegħid fis-seħħ tas-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda jirrikjedi li tiġi rrikonoxxuta portata ġenerali għal din is-sistema.

    69. Fil-fatt, ix-xewqa li ma titnaqqasx ir-ristrutturazzjoni meħtieġa tas-settur agrikolu ta’ dawn l-Istati Membri u dik li ma jinħolqux disparitajiet fid-dħul kunsiderevoli u distorsjonijiet soċjali bl-għoti ta’ għajnuna sproporzjonata meta mqabbla mal-livell ta’ dħul tal-bdiewa u tal-popolazzjoni in ġenerali kienu japplikaw għas-settur agrikolu kollu, u għaldaqstant għall-għajnuna diretta kollha eżistenti jew futura. Minbarra dan, li kieku l-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti kien intiż li japplika għal ċerti koltivazzjonijiet biss, jiġifieri dawk li għalihom kienu diġà ġew introdotti pagamenti diretti qabel l-adozzjoni ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, kien jeżisti r-riskju li l-bdiewa ta’ l-imsemmija Stati Membri jbiddlu l-koltivazzjoni tagħhom sabiex jiddedikaw rwieħhom għall-koltivazzjonijiet li għalihom huma setgħu jiksbu minnufih pagamenti diretti kompleti.

    70. Jirriżulta minn dak li ntqal li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni skond kif irrakkomandat mir-rikorrenti, skond liema s-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti prevista f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss għal numerus clausus ta’ għajnuna diretta elenkata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, u mhux għall-pagamenti diretti kollha li jissoddisfaw il-kriterji ddefiniti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan l-istess regolament, ma taqbilx la mal-kliem u lanqas mal-ħsieb wara l-imsemmi Regolament.

    71. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, u b’rigward għall-kunċett ta’ “adattamenti meħtieġa” fis-sens ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, kif inhu ppreċiżat fil-punti 44 sa 48 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma qabiżx is-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni.

    – Fuq il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-kunċett ta’ “adattamenti meħtieġa” fis-sens ta’l-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni

    72. Kif ġie espost fil-punti 53 sa 70 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni, li jinqara ma’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, stabbilixxa sistema ġenerali ta’introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-ħlasijiet f’dak li jkkonċerna l-għajnuna diretta kollha li tissoddisfa l-kriterji ddefiniti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-imsemmi Artikolu 1 mogħtija mill-Istati Membri ġodda.

    73. L-imsemmi Artikolu 1a ġie introdott fir-Regolament Nru 1259/1999 permezz tal-Kapitolu 6. A, punt 27 ta’ l-Anness II ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, li, b’hekk, jintegra ruħu mal-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi ta’ l-għajnuna diretta stabbilita mill-imsemmi Regolament.

    74. Sussegwentement, ir-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni ġie mħassar permezz tar-Regolament Nru 1782/2003 mill-1 ta’ Mejju 2004. Jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-Anness I ta’ dan l-aħħar Regolament li dan iżid skemi ta’ appoġġ dirett ma’ dawk diġà esistenti għall-bdiewa li jipproduċu ġewż u prodotti ta’ l-enerġija, u jipprovdi pagamenti supplimentari fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ appoġġ dirett għas-settur tal-ħalib.

    75. Fl-aħħar nett, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill issostitwixxa d-dispożizzjonijiet tal-punt 27 tal-Kapitolu 6.A ta’ l-Anness II ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, li jemendaw ir-Regolament Nru 1259/1999, b’dispożizzjonijiet li jemendaw ir-Regolament Nru 1782/2003, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi fil-PAK bl-adozzjoni ta’ dan l-aħħar Regolament. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ddaħħal l-Artikolu 143a fir-Regolament Nru 1782/2003, liema Artikolu jirrifletti, għall-pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda, l-iskeda u l-perċentwali preċedentement iffissati fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni.

    76. Kif ġie espost fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ l-applikazzjoni ġenerali tal-mekkaniżmu msejjaħ bħala “phasing in” għall-għajnuna diretta kollha ġie stabbilit matul in-negozjati ta’ adeżjoni u huwa previst espliċitament mill-Att ta’ Adeżjoni li introduċa l-Artikolu 1a fir-Regolament Nru 1259/1999.

    77. Dan l-Artikolu ffissa skeda li tindika, għal kull sena kkonċernata perċentwali għall-introduzzjoni fl-Istati Membri ġodda, ta’ l-għajnuna diretta msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    78. B’hekk, huwa paċifiku li l-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata huwa limitat sabiex jipprovdi l-introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda skond l-istess skeda u l-istess perċentwali li ġew iffissati qabel fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni.

    79. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ġabet tibdil sostanzjali kemm għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ bħala “phasing in”, u kemm għall-kontenut essenzjali ta’ l-obbligi u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu, peress illi la l-iskeda, la l-perċentwali u lanqas l-għajnuna kkonċernata ma ġew affetwati. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala adattament meħtieġ ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, wara r-riforma tal-PAK.

    80. B’hekk, meta adottat l-imsemmija deċiżjoni, il-Kunsill ma qabżitx il-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni sabiex jadatta dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att relatati mal-PAK li setgħu jirriżultaw meħtieġa minħabba emenda tar-regoli Komunitarji.

    81. Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ewwel ilment issollevat mir-Repubblika tal-Polonja, skond liema l-Kunsill, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, kien qabeż il-kompetenzi mogħtija lilu fl-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni lment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

    Il-pożizzjoni tal-partijiet

    82. Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Istati Membri intervenjenti, tqis li l-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi għall-pagamenti diretti kollha toħloq diskriminazzjoni bejn il-produtturi agrikoli ta’ l-Istati Membri qodma u dawk ta’ l-Istati Membri ġodda, flwaqt li l-bdiewa kollha kellhom jiġu ttrattati abbażi ta’ prinċipji identiċi mill-adeżjoni ta’ l-Istati Membri ġodda.

    83. Il-pożizzjoni adottata f’dan ir-rigward mill-Kunsill u mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li saret fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel ilment, skond liema l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/1999 kien jinkludi definizzjoni ġenerali li tinkludi kull pagament dirett mogħti fil-kuntest tal-PAK li jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fih.

    84. F’din il-perspettiva, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix portata iktar wiesgħa għall-mekkaniżmu msejjaħ bħala “phasing in” ħlief dik li kienet ġiet prevista mill-Att ta’ Adeżjoni fil-verżjoni inizjali tagħha, b’mod li l-allegat diskriminazzjoni nħoloq mid-dritt primarju u mhux minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill josserva li s-sitwazzjoni ta’ l-agrikoltura fl-Istati Membri ġodda hija radikalment differenti minn dik prevalenti fl-Istati Membri l-qodma u li hija titlob adattament progressiv għar-regoli Komunitarji.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    85. Fil-kuntest tat-tieni ilment, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni kkontestata, id-deroga għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li timplika l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ “phasing in” ġiet estiża lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Att ta’ Adeżjoni, peress li din id-deċiżjoni tfisser għaldaqstant estensjoni arbitrarja ta’ mekkaniżmu diskriminatorju li jkabbar id-differenza ta’ trattament bejn l-Istati Membri qodma u dawk ġodda.

    86. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑87/03 u C‑100/03, Ġabra p. I-2915, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87. Madankollu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kunsill skond liema d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun diskriminatorja, ladarba din tirriżulta direttament mill-Att ta’ Adeżjoni, huwa stabbilit, f’dan il-każ, li s-sitwazzjoni ta’ l-agrikoltura fl-Istati Membri ġodda kienet radikalment differenti minn dik li teżisti fl-Istati Membri qodma, li ġġustifikat applikazzjoni progressiva ta’ l-għajnuna Komunitarja, b’mod partikolari dik relatata ma’ l-iskemi ta’ appoġġ dirett, sabiex ir-ristrutturazzjoni neċessarja fis-seħħ fis-settur agrikolu ta’ dawn l-Istati Membri ġodda ma tiġix imfixkla.

    88. Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni li mhijiex kumparabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri li jibbenefikaw mingħajr limitazzjonijiet mill-iskemi ta’ appoġġ dirett, b’mod li s-sitwazzjonijiet ma jistgħux jiġu validament imqabbla (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1992, Spanja vs Il-Kunsill, C‑73/90, Ġabra p. I‑5191, punt 34).

    89. It-tieni lment għandu jiġi għaldaqstant miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide

    Il-pożizzjoni tal-partijiet

    90. It-tielet ilment invokat mir-Repubblika tal-Polonja jirreferi għall-allegat ksur tal-prinċipju ta’ bona fide li jirregola d-dritt tat-Trattati. Skond dan l-Istat Membru, it-Trattat ta’ Adeżjoni, li minnu jagħmel parti l-Att ta’ Adeżjoni, ġie nnegozjat, iffirmat u rratifikat b’ bona fide mill-partijiet kontraenti kollha, u l-Komunità għaldaqstant ma kellhiex, b’atti magħmula wara l-iffirmar ta’ dan l-Att, tikser l-għanijiet ta’ dan ta’ l-aħħar u lanqas ma kellha tikser l-aspettattivi leġittimi ta’ l-imsemmija partijiet u tal-persuni li joperaw fit-territorju tagħhom.

    91. Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-Kunsill, filwaqt li jissottoskrivi ruħu mal-prinċipju skond liema l- bona fide kienet preżenti matul in-negozjati ta’ adeżjoni, jenfasizza li l-partijiet kollha fit-Trattat ta’ Adeżjoni, fost liema r-rikorrenti, taw il-kunsens liberu tagħhom għad-dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kunsill li jadatta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness ta’ l-Att ta’ Adeżjoni dwar il-PAK ukoll qabel l-adeżjoni. L-użu ta’ din il-kompetenza permezz ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax b’hekk, fl-ebda każ, jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-prinċipju ta’ bona fide .

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    92. Fir-rigward tat-tielet ilment, jidher li, kif ġie kkonstatat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata terġa’ tagħmel referenza għall-prinċipju u għall-metodi ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ “phasing in” għal dak li jikkonċerna l-pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda skond kif ġew inklużi fl-Att ta’ Adeżjoni, mingħajr ma testendi l-portata, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontestazzjoni tal-kompromess milħuq wara n-negozjati ta’ adeżjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

    93. Peress li lanqas it-tielet motiv ma jista' jiġi milqugħ, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    94. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skond l-Artikolu 69(4) ta’ l-istess regoli, il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1) Ir-rikors huwa miċħud.

    2) Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

    3) Ir-Repubblika tal-Latvija, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika ta’ l-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Top