EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0234

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-16 ta' Marzu 2006.
Rosmarie Kapferer vs Schlank & Schick GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
Ġurisdizzjoni f'materja ċivili - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 15 - Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur - Notifikazzjoni ta' premju - Riklami qarrieqa - Sentenza ta' qorti dwar ġurisdizzjoni - Res judicata - Ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri fl-Appell - Ċertezza legali - Supremazija tad-dritt Komunitarju - Artikolu 10 KE.
Kawża C-234/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:178

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta' Marzu 2006 (*)

"Ġurisdizzjoni f'materja ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 15 – Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur – Notifikazzjoni ta’ premju – Riklami qarrieqa – Sentenza ta' qorti dwar ġurisdizzjoni – Res judicata – Ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri fl-Appell – Ċertezza legali – Supremazija tad-dritt Komunitarju – Artikolu 10 KE"

Fil-kawża C-234/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tat-26 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-3 ta' Ġunju 2004, fil-kawża

Rosmarie Kapferer

vs

Schlank & Schick GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur), K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Schlank & Schick GmbH, minn M. Alexander u M. Dreschers, Rechtsanwälte,

–       għar-Repubblika ta' l-Awstrija, minn H. Dossi u S. Pfanner, bħala aġenti,

–       għar-Repubblika Ċeka, minn T. Boček, bħala aġent,

–       għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn A. Tiemann u A. Günther, bħala aġenti,

–       għar-Repubblika Franċiża, minn A. Bodard‑Hermant kif ukoll minn R. Abraham, G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

–       għar-Repubblika ta' Ċipru, minn M. Chatzigeorgiou, bħala aġent,

–       għar-Renju ta' l-Olanda, minn C. A. H. M. ten Dam, bħala aġent,

–       għar-Repubblika tal-Finlandja, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għar-Renju ta' l-Iżvezja, minn A. Falk, bħala aġent,

–       għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, minn E. O'Neill, bħala aġent, assistita minn D. Lloyd-Jones, QC,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 10 KE u ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Kapferer, ċittadina Awstrijaka domiċiljata f'Hall in Tirol (l-Awstrija) u Schlank & Schick GmbH (iktar 'il quddiem "Schlank & Schick"), kumpannija inkorporata fil-Ġermanja li tbiegħ bil-posta, dwar rikors intiż sabiex din ta' l-aħħar tiġi ordnata tagħti premju lis-Sinjura Kapferer peress li, f'ittra reġistrata li hija bagħtet lil din ta' l-aħħar, hija kienet tat l-impressjoni lis-Sinjura Kapferer li hija kienet se tingħata premju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddisponi li:

"F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu [4] u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[…]

c)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, [t]mexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk."

4       Skond l-Artikolu 16(1) ta' l-istess Regolament, "Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih [t]kun domiċiljat[a] d[i]k il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur".

5       L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddisponi li:

"Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex [t]kun ikkontestat[a] il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 5j tal-liġi Awstrijaka dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (Konsumentenschutzgesetz), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 1999 (BGBl. I, 185/1999, iktar 'il quddiem il-"KSchG"), jiddisponi li:

"L-impriżi li jibagħtu lil konsumatur partikolari notifikazzjoni ta' għoti ta' premju jew messaġġi simili oħrajn, li jkunu miktubin b'tali mod li jġagħluh jemmen li rebaħ premju speċifiku, għandhom jagħtu dan il-premju lill-konsumatur; dan il-premju jista' jiġi mitlub ukoll quddiem il-qrati."

7       L-Artikolu 530 tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, iktar 'il quddiem iż-"ZPO") dwar il-kundizzjonijiet għal rikors għal ritrattazzjoni jiddisponi li:

"(1)      Proċedimenti li jwasslu għal sentenza fuq il-mertu jistgħu jinfetħu mill-ġdid fuq talba ta' waħda mill-partijiet,

[...]

5.      meta deċiżjoni ta' qorti kriminali, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni in kwistjoni, tkun ġiet annullata minn sentenza oħra li għaddiet f'ġudikat;

6.      meta l-parti tiskopri jew tingħata l-possibbiltà li tuża deċiżjoni preċedenti li tkun diġà għaddiet f'ġudikat, dwar l-istess talba jew l-istess relazzjoni ġuridika u li ttemm il-kawża bejn il-partijiet fil-proċedimenti li għandhom jinfetħu mill-ġdid;

7.      meta l-parti ssir taf bl-eżistenza ta' fatti ġodda jew tiskopri jew tingħata l-possibbiltà li tippreżenta provi ġodda, li l-preżentata u l-użu tagħhom waqt il-proċedimenti preċedenti kienu jippermettulha tikseb deċiżjoni iktar favorevoli.

(2)      Meta rikors għal ritrattazzjoni jkun ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 1(7), tali rikors huwa ammissibbli biss jekk il-parti, mingħajr ħtija min-naħa tagħha, ma tkunx setgħetx tippreżenta l-fatti jew il-provi l-ġodda qabel ma tkun ingħalqet il-fażi orali, li warajha l-qorti ta' l-ewwel grad tkun tat id-deċiżjoni tagħha."

8       L-Artikolu 534 ta' l-istess Kodiċi jiddisponi li:

"(1)      Ir-rikors għandu jitressaq fit-terminu perentorju ta' 4 ġimgħat.

(2)      Dan it-terminu jibda' jiddekorri:

[...]

4.      fil-każ ta' l-Artikolu 530 (1)(7), mill-ġurnata meta l-parti setgħet tippreżenta lill-qorti l-fatti u l-provi li saret taf bihom.

(3)      It-terminu għar-rikors huwa ta' 10 snin li jibda' jiddekorri minn meta s-sentenza tgħaddi f'ġudikat. Wara li jiskadi dan it-terminum ir-rikorrent […] huwa prekluż milli jressaq ir-rikors."

 Il-kawża prinċipali

9       Bħala konsumatriċi, is-Sinjura Kapferer irċeviet reklami bil-posta diversi drabi mingħand Schlank & Schick li kien fihom notifikazzjoni ta’ premjijiet. Wara ittra oħra li ġiet indirizzata lilha personalment u li kienet tgħid li hija kienet rebħet premju fi flus għas-somma ta’ 53 750 ATS, jew 3 906,16 EUR, is-Sinjura Kapferer irċeviet, madwar ġimgħatejn wara, envelop li kien fih, b’mod partikolari, formola għall-ordni, ittra li kien fiha l-aħħar avviż dwar dan il-premju fi flus u rendikont tal-kontijiet. Skond il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni/għoti li kienu jinsabu fuq il-paġna ta’ wara ta’ dan l-aħħar avviż, il-parteċipazzjoni fl-għoti tal-kreditu kienet suġġetta għal ordni ta’ prova mingħajr obbligu.

10     Is-Sinjura Kapferer bagħtet lura lil Schlank & Schick il-formola għall-ordni in kwistjoni, wara li waħħlet it-timbru tal-kreditu u ffirmat din il-formola fuq in-naħa ta' wara tal-formola taħt il-kliem "Jiena qrajt il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni", iżda mingħajr ma qrat il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni/għoti. Ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk kinitx ordnat xi ħaġa dakinhar.

11     Billi s-Sinjura Kapferer ma rċevietx il-premju li hija ħasbet li rebħet, talbet li jingħatalha l-premju abbażi ta’ l-Artikolu 5j tal-KSchG, u talbet lill- Bezirksgericht Hall in Tirol sabiex tordna lil Schlank & Schick tħallasha s-somma ta’ 3 906,16 EUR, flimkien ma’ 5% bħala interessi li bdew jiddekorru fis-27 ta’ Mejju 2000.

12     Schlank & Schick qajjmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li kienet qed tisma' l-kawża. Hija ssostni li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 mhumiex applikabbli għaliex dawn jimplikaw l-eżistenza ta’ kuntratt oneruż. Il-parteċipazzjoni fil-logħba promozzjonali kienet suġġetta għal ordni li s-Sinjura Kapferer qatt ma kienet għamlet. Id-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 5j tal-KSchG mhuwiex ta’ natura kuntrattwali.

13     Il-Bezirksgericht caħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni abbażi ta’ l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li kienet jeżisti, skond hi, rabta kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kawża. Fuq il-mertu, hija ċaħdet it-talbiet kollha tas-Sinjura Kapferer.

14     Is-Sinjura Kapferer appellat quddiem il-qorti tar-rinviju. Schlank & Schick sostniet min-naħa tagħha li d-deċiżjoni tal-Bezirksgericht dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din ta’ l-aħħar ma affettwathiex ħażin għaliex, fi kwalunkwe każ, hija kienet rebħet fuq il-mertu. Għaldaqstant, hija ma kkontestatx din id-deċiżjoni fuq il-ġurisdizzjoni.

15     Il-qorti tar-rinviju tinnota madankollu li Schlank & Schick setgħet tikkontesta ċ-ċaħda ta’ l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, għaliex din id-deċiżjoni waħedha kienet biżżejjed sabiex taffettwaha ħażin.

 Id-domandi preliminari

16     Il-Landesgericht Innsbruck tesprimi d-dubji tagħha dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Bezirksgericht. Billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C-96/00, Ġabra p. I-6367), il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nfisha jekk notifikazzjoni qarrieqa ta' premju magħmula bil-ħsieb li jiġi ffirmat kuntratt, u għalhekk sabiex jiġi mħejji dan il-kuntratt, tikkostitwixxix rabta stretta biżżejjed ma' l-iffirmar ippjanat ta’ kuntratt ta’ konsum sabiex tinvolvi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konsumatur.

17     Peress li Schlank & Schick ma kkontestatx id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nfisha jekk madankollu hija għandhiex l-obbligu, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 KE, li teżamina mill-ġdid u li tannulla sentenza li għaddiet f’ġudikat f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali, fil-każ li eventwalment jinsab li din is-sentenza tikser id-dritt Komunitarju. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-eżistenza ta’ tali obbligu billi tistaqsi lilha nfisha, b’mod partikolari, dwar il-possibbiltà li tittrasponi l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837), dwar l-obbligu ta' korp amministrattiv li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva definittiva li tikser id-dritt Komunitarju kif ikun ġie interpretat fil-frattemp mill-Qorti tal-Ġustizzja.

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)       Fuq id-deċiżjoni tal-qorti ta' l-ewwl grad dwar il-ġurisdizzjoni :

a)      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 10 KE għandu jiġi interpretat b’tali mod li qorti nazzjonali għandha, hi wkoll, skond il-kundizzjonijiet definiti fis-sentenza Kühne & Heitz, teżamina mill-ġdid deċiżjoni ġudizzjarja li għaddiet f’ġudikat u tannulla tali deċiżjoni jekk jidher li hija tikser id-dritt Komunitarju? Jeżistu, fir-rigward ta’ l-eżami mill-ġdid u ta’ l-annullament ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk li japplikaw fil-każ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi?

b)      F’każ li r-risposta għas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

It-terminu stabbilit mill-Artikolu 534 taż-ZPO sabiex tiġi annullata deċiżjoni ġudizzjarja li tikser id-dritt Komunitarju huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ l-effikaċja sħiha tad-dritt Komunitarju?

c)      Għal darb'oħra, f’każ li r-risposta għas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali (jew territorjali) li mhuwiex issanat fis-sens ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju li – meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipji in kwistjoni – jista' jipprevali fuq il-fatt li sentenza tkun għaddiet f’ġudikat?

d)      F’każ li r-risposta għas-subparagrafu (c) ta' l-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

Qorti ta’ l-appell għandha teżamina mill-ġdid il-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali (jew territorjali) skond ir-Regolament Nru 44/2001 meta d-deċiżjoni meħuda mill-qorti ta' l-ewwel grad dwar il-ġurisdizzjoni tkun għaddiet f’ġudikat, iżda mhux id-deċiżjoni fuq il-mertu? Jekk iva, din il-verifika għandha tiġi mwettqa ex officio jew biss fuq talba ta’ waħda mill-partijiet?

2)      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konsumatur skond l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 44/2001:

a)      Notifikazzjoni qarrieqa ta' premju magħmula sabiex jiġi ffirmat kuntratt, u għalhekk sabiex jiġi mħejji l-kuntratt, tikkostitwixxi rabta stretta biżżejjed ma' l-iffirmar ippjanat ta’ kuntratt ta’ konsum sabiex il-pretensjonijiet li jirriżultaw minnha jkunu suġġetti għar-regola ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-qorti tal-konsumatur stabbilita fl-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 44/2001?

b)      F’każ li r-risposta għas-subparagrafu (a) tat-tieni domanda tkun fin-negattiv:

Ir-regola ta' ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konsumatur hija applikabbli għal pretensjonijiet li jirriżultaw minn rabta ġuridika qabel il-kuntratt u notifikazzjoni qarrieqa ta' premju li sservi sabiex jitħejja kuntratt għandha, mar-relazzjoni ġuridika qabel il-kuntratt li tirriżulta minnha, rabta stretta biżżejjed sabiex il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konsumatur tkun applikabbli f'dan il-każ ukoll?

c)      Ir-regola ta' ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konsumatur hija applikabbli biss meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-impriża sabiex wieħed jieħu sehem fil-logħba promozzjonali, anki jekk l-imsemmija kundizzjonijiet mhumiex rilevanti għad-dritt sostantiv li jemana mill-Artikolu 5j [tal-]KSchG?

d)      F’każ li r-risposta għas-subparagrafi (a) u (b) tat-tieni domanda tkun fin-negattiv:

Ir-regola ta' ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konsumatur hija applikabbli fir-rigward ta' dritt kuntrattwali għal eżekuzzjoni sui generis, regolat speċifikament mil-liġi, jew fir-rigward ta' dritt għal eżekuzzjoni sui generis, li huwa fittizju u kważi-kuntrattwali, u li jirriżulta, minn naħa, min-notifikazzjoni ta' premju magħmula mill-impriża, u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-konsumatur jitlob li jingħata l-premju tiegħu?"

 Fuq is-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda

19     Permezz tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u, jekk ikun il-każ, skond liema kundizzjonijiet, il-prinċipju ta' kooperazzjoni li jemana mill-Artikolu 10 KE jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid deċiżjoni ġudizzjarja li għaddiet f'ġudikat u li tannulla tali deċiżjoni jekk jidher li hija tikser id-dritt Komunitarju.

20     F'dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-importanza li għandu l-prinċipju ta' res judicata kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibli li jitqajmu dubji fir-rigward ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu għaddew f'ġudikat wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal appell (sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 38).

21     Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta' proċedura li jikkonferixxu lil deċiżjoni l-kwalità ta' res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p. I-3055, punti 46 u 47).

22     Meta jirregolaw il-modalitajiet proċedurali ta' azzjonijiet legali intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u li ma jkunux applikati b'mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja jsir impossibbli (prinċipju ta' effettività) (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma tqajmux dubji dwar l-osservanza ta' dawn il-limitazzjonijiet għas-setgħat ta' l-Istati Membri fil-qasam proċedurali fil-kawża prinċipali, għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta' appell.

23     Għandu jingħad ukoll li s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, li għaliha l-qorti tar-rinviju tagħmel referenza fis-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda tagħha, ma tmurx kontra din l-analiżi. Kemm-il darba l-prinċipji li jemanaw minn din is-sentenza jistgħu jiġu trasposti f'kuntest li, bħal dak fil-kawża prinċipali, għandu x'jaqsam ma' deċiżjoni ġudizzjarja li għaddiet f'ġudikat, għandu jiġi mfakkar li din l-istess sentenza tissuġġetta l-obbligu tal-korp ikkonċernat, skond l-Artikolu 10 KE, li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni definittiva li tidher li tkun ġiet adottata bi ksur tad-dritt Komunitarju, għall-kundizzjoni, b'mod partikolari, li l-imsemmi korp ikollu, skond id-dritt nazzjonali, is-setgħa li jerġa jmur lura fuq id-deċiżjoni (ara l-punti 26 u 28 ta' l-imsemmija sentenza). F'din il-kawża, biżżejjed jingħad li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kundizzjoni msemmija iktar 'il fuq mhijiex sodisfatta.

24     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta għas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipju ta' kooperazzjoni li jemana mill-Artikolu 10 KE ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta' proċedura sabiex teżamina mill-ġdid deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għaddiet f'ġudikat u li tannulla tali deċiżjoni jekk jidher li hija tikser id-dritt Komunitarju.

 Fuq id-domandi l-oħrajn

25     Meta tittieħed in kunsiderazzjoni r-risposta mogħtija għas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel domanda, u peress li l-qorti tar-rinviju tat x'tifhem li, abbażi tad-dritt intern, hija ma tistax tezamina mill-ġdid id-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht, mhemmx lok li tingħata risposta għas-subparagrafi (b) sa (d) ta' l-ewwel domanda, u lanqas għas-subparagrafi (a) sa (d) tat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

26     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Il-prinċipju ta' kooperazzjoni li jemana mill-Artikolu 10 KE ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta' proċedura sabiex teżamina mill-ġdid deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għaddiet f'ġudikat u li tannulla tali deċiżjoni jekk jidher li hija tikser id-dritt Komunitarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top