Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0217

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta' Mejju 2006.
    ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq vs il-Parlament Ewropew u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Regolament (KE) Nru 460/2004 - L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni - Għażla tal-bażi legali.
    Kawża C-217/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:279

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

    2 ta’ Mejju 2006(*)

    "Regolament (KE) Nru 460/2004 – L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni – Għażla tal-bażi legali"

    Fil-kawża C-217/04

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fl-20 ta’ Mejju 2004,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn Lord Goldsmith u N. Paines, QC, kif ukoll minn T. Ward, barrister,

    rikorrent,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn K. Bradley u Rösslein, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Veiga u A. Lopes Sabino, bħala aġenti,

    konvenuti,

    sostnuti minn:

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Benyon u M. Shotter, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2005,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Settembru 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 460/2004 ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netw[e]rks u l-Informazzjoni (ĠU L 77, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"Regolament").

    2       Permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-25 ta’ Novembru 2004, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallew jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja ġenerali

    3       Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar [qafas] regolatorju komuni għan-netw[e]rks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [ta’ Qafas]) (ĠU L 108, p. 33), għandha l-għan li tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll faċilitajiet assoċjati u s-servizzi assoċjati. Din tistabbilixxi b’mod partikolari l-kompiti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u stabbiliet serje ta’ proċeduri bil-għan li jiggarantixxu l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju fil-Komunità kollha.

    4       Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar in-netwerks u l-komunikazzjoni elettronika tinkludi wkoll is-segwenti direttivi (iktar ’il quddiem id-"direttivi partikolari"):

    –       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netw[e]rks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7);

    –       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netw[e]rks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, p. 21);

    –       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ netw[e]rks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51);

    –       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58/KE tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, p. 37);

    –       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/93/EC tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar [qafas] tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU 2000, L 13, p. 12, iktar ’il quddiem id-"Direttiva ‘Firem Elettroniċi’");

    –       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KE tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku") (ĠU L 178, p. 1).

    5       Permezz tad-Deċiżjoni 2002/627/KE tad-29 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 200, p. 38) il-Kummissjoni stabbilit il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Netw[e]rks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

     Ir-Regolament

    6       Ir-Regolament ġie adottat abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE. L-Artikolu 1(1) tiegħu jistabbilixxi Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netw[e]rks u l-Informazzjoni (iktar ’il quddiem l-"Aġenzija").

    7       Skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament, il-missjoni ta’ l-Aġenzija tikkonsisti f’li "tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati membri, u bħala konsegwenza tikkoopera mal-komunità tal-kummerċ, sabiex tgħinhom jaderixxu mal-kondizzjonijiet tas-sigurtà tan-netw[e]rks u s-sistemi ta’ l-informazzjoni, u permezz ta’ hekk tiżgura l-funzjonament bla-xkiel tas-suq intern, inkluż il-kondizzjonijiet stipulati fil-leġislazzjoni preżenti u dik futura tal-Komunità, bħalma hi d-Direttiva Nru 2002/21/KE".

    8       L-Artikolu 2 tar-Regolament, intitolat "L-Għanijiet", jipprovdi:

    "1.      L-Aġenzija għandha ssaħħaħ il-ħila tal-Komunità, l-Istati Membri u, bħala konsegwenza, il-komunità tal-kummerċ biex ikunu jistgħu jimpedixxu l-problemi ta’ sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni, kif ukoll jindirizzawhom u jwieġbu għalihom.

    2.      L-Aġenzija għandha tipprovdi l-għajnuna u tagħti pariri lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar materji li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha kif stipulati f’dan ir-Regolament.

    3.      Filwaqt li tibbaża fuq l-isforzi nazzjonali u dawk tal-Komunità, l-Aġenzija għandha tiżviluppa livell għoli ta’ kompetenza. L-Aġenzija għandha tuża din il-kompetenza sabiex tistimula kooperazzjoni wiesgħa bejn l-atturi mis-setturi pubbliċi u privati.

    4.      L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni, meta tkun [i]msejħa tagħmel dan, fix-xogħol tekniku ta’ preparazzjoni biex tiġi aġġornata u żviluppata l-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni."

    9       L-Artikolu 3 tar-Regolament jiddefinixxi l-kompiti li l-Aġenzija għandha twettaq "[s]abiex ikun żgurat li l-għan u l-oġġettivi stipulati fl-Artikoli 1 u 2 qegħdin jiġu milħuqa u mwettqa". Dawn il-kompiti huma is-segwenti:

    "a)      tiġbor l-informazzjoni xierqa biex tanalizza r-riskji kurrenti u dawk li qegħdin jitfaċċaw u, b’mod partikolari fuq il-livell Ewropew, dawk li jistgħu joħolqu impatt fuq il-flessibilità u d-disponibilità tan-netw[e]rks ta’ komunikazzjoni elettronika u fuq l-awtentiċità, l-integrità u r-riservatezza ta’ l-informazzjoni li tkun ġiet aċċessata u mibgħuta permezz tagħhom, u tagħti r-riżultati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni;

    b)      tagħti pariri lill-Parlament[...] Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-korpi Ewropej jew korpi nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, u meta tkun mitluba tagħmel dan, tagħti għajnuna skond l-għanijiet tagħha;

    c)      [i]żżid il-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti li joper[aw] fil-qasam tas-sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni, inter alia, billi torganizza, fuq bażi regolari, konsultazzjonijiet ma’ l-industrija, l-universitajiet, kif ukoll ma’ setturi oħrajn konċernati u billi tistabbilixxi netw[e]rks ta’ kuntatti għall-korpi tal-Komunità, għall-korpi tas-settur pubbliku maħtura mill-Istati Membri, għas-settur privat u għall-korpi tal-konsumaturi;

    d)      tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni biex jimpedixxu l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni, kif ukoll jindirizzawhom u jwieġbu għalihom;

    e)      tikkontribwixxi għat-tkattir ta’ l-għarfien u d-disponibilità ta’ informazzjoni li tkun fil-ħin, oġġettiva u komprensiva fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni għall-dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizz billi, inter alia, tinkoraġġixxi l-iskambju ta’ l-aħjar użanzi kurrenti, inkluż dwar metodi ta’ kif twissi lil dawk li jagħmlu użu mis-servizzi, u taħdem biex ikun hemm sinerġija bejn inizjattivi fis-settur publiku u privat;

    f)      tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-djalogu tagħhom ma’ l-industrija biex jiġu indirizzati problemi relatati mas-sigurtà tal-prodotti hardware u software;

    g)      issegwi l-iżvilupp ta’ l-istandards tas-sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni għall-prodotti u s-servizzi;

    h)      tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni kif ukoll fuq l-użu effettiv tat-teknoloġija għall-prevenzjoni tar-riskju;

    i)      tinkoraġġixxi attivitajiet li jistmaw ir-riskju, soluzzjonijiet interoperabbli ta’ l-immaniġġjar tar-riskju u studji dwar soluzzjonijiet kif titmexxa prevenzjoni ġewwa organizzazzjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati;

    j)      tikkontribwixxi fl-isforzi tal-Komunità għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u, fejn approprjat, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex ikun inkoraġġit l-approċċ globali komuni għal kwistjonijiet dwar sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni, li permezz ta’ hekk ikunu qegħdin jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ sigurtà tan-netw[e]rks u l-informazzjoni;

    k)      tesprimi b’mod indipendenti l-konklużjonijiet u l-orjentazzjonijiet tagħha, u tagħti pariri dwar materji fis-sens ta’ l-iskop u l-g[ħ]anijiet tagħha."

    10     It-Taqsima 2 u it-Taqsima 3 tar-Regolament jittrattaw rispettivament l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament ta’ l-Aġenzija.

     Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    11     Sabiex isostni t-talbiet tiegħu għall-annullament tar-Regolament, ir-Renju Unit jgħid li l-Artikolu 95 KE ma jipprovdix bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-poter mogħti lil-leġiżlatur Komunitarju mill-Artikolu 95 KE huwa dak ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali u mhux poter li għandu l-għan li jistabbilixxi korpi Komunitarji u li jattribwixxi lilhom funzjonijiet.

    12     Għar-Renju Unit, l-analiżi li għandha titwettaq tikkunsisti f’li jiġi stabbilit jekk l-istrument adottat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 95 KE għandux għan li jista’ jiġi milħuq permezz ta’ l-adozzjoni simultanja ta’ leġiżlazzjoni identika f’kull Stat Membru. Jekk dan huwa l-każ, ir-Regolament jarmonizza l-liġijiet nazzjonali. Jekk, min-naħa l-oħra, ir-Regolament "jagħmel xi ħaġa" li ma setgħatx titwettaq bl-adozzjoni simultanja ta’ leġiżlazzjoni identika fil-livell ta’ l-Istati Membri, jiġifieri jekk tilleġiżla f’oqsma li jinsabu lil hinn mill-kapaċità ta’ dawn ta’ l-aħħar meħuda individwalment, ma jkunx il-każ ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni.

    13     Ir-Renju Unit jammetti li miżura ta’ armonizzazzjoni adottata b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 95 KE tista’ tinkludi dispożizzjonijiet li, minnhom infushom, ma jikkostitwixxux armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali meta dawn id-dispożizzjonijiet huma sempliċement inċidentali jew korrispondenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet li, fir-rigward tagħhom, jarmonizzaw il-liġijiet nazzjonali.

    14     L-imsemmi Stat Membru jqis li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma tapprossima, anki indirettament u b’mod limitat ħafna, ir-regoli nazzjonali. Għal kuntrarju l-Aġenzija hija espressament projbita milli tinterferixxi mal-kompetenzi ta’ korpi nazzjonali, peress li din għandha tillimita ruħha għall-għoti ta’ pariri li ma jorbtux fil-qasam ikkonċernat.

    15     Ir-Renju Unit jirrileva li r-Regolament ma jirrispondix għar-riskji li l-komplessità tal-materja tikkawża għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern permezz ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali, iżda permezz tal-kreazzjoni ta’ korp Komunitarju li għandu rwol konsultattiv. Issa, il-fatt li miżura Komunitarja tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-funzjonament tas-suq intern ma jfissirx li huwa l-każ ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 95 KE.

    16     Ir-Renju Unit jippreċiża li l-għoti ta’ pariri li ma jorbtux mhuwiex ekwivalenti għal "approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta’ l-Istati Membri" fis-sens ta’ l-Artikolu 95 KE. Minbarra dan, it-tixrid ta’ pariri bħal dawn jista’ fil-prattika jżid in-nuqqas ta’ qbil li jeżisti bejn il-liġijiet nazzjonali. Tkun totalment spekulattiva d-domanda dwar jekk, fil-prattika, il-pariri mogħtija mill-Aġenzija jwasslux lill-Istati Membri sabiex jeżerċitaw b’mod simili d-diskrezzjoni li għandhom bis-saħħa tad-direttiva ta’ qafas u tad-direttivi partikolari.

    17     L-imsemmi Stat Membru jsostni li l-funzjonijiet ta’ l-Aġenzija huma limitati għall-iżvilupp tal-ħila esperta u għall-għoti ta’ pariri lil medda wiesgħa ta’ destinatarji potenzjali u li l-unika rabta possibbli li tista’ teżisti bejn il-kompiti li hija twettaq u l-armonizzazzjoni tal-liġijiet hija dik li tirriżulta mill-fatt li hija tassisti l-Kummissjoni. Issa, dan ir-rwol, li jidher li huwa funzjoni ta’ riċerka teknika, ikollu rabta mbiegħda wisq mil-leġiżlazzjoni Komunitarja li għandha l-għan ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali.

    18     Ir-Renju Unit jikkunsidra li l-eżistenza tad-direttiva ta’ qafas u tad-direttivi partikolari ma tistax tbiddel din l-analiżi. Fil-fatt, l-attivitajiet ta’ l-Aġenzija jestendu sew lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttivi. Minbarra dan, l-għoti ta’ pariri li ma jorbtux, kif previst mir-Regolament, ma jiffaċilitax l-implementazzjoni ta’ dawn id-direttivi, peress illi din il-funzjoni tkun riżervata esklużivament għall-korpi kompetenti ta’ l-Istati Membri u mhux għall-Aġenzija.

    19     Huwa jirrileva li r-rwol mogħti lill-Aġenzija jkun usa’ minn dak stabbilit mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi partikolari, peress illi r-Regolament jikkonċerna s-sigurtà mhux biss tan-netwerks ta’ komunikazzjoni, iżda wkoll ta’ sistemi ta’ informazzjoni, bħal databases.

    20     Ir-Renju Unit isostni wkoll li l-motivazzjoni tar-Regolament hija insuffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-itfaċċar probabbli ta’ ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ rekwiżiti nazzjonali diverġenti fir-rigward tas-sigurtà ta’ l-informazzjoni. Issa, is-sempliċi possibbiltà ta’ applikazzjoni eteroġenja tar-rekwiżiti tas-sigurtà tan-netwerks u l-fatt li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet ineffettivi u għal ostakoli għas-suq intern ma jikkostitwixxux motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

    21     Minbarra dan, l-imsemmi Stat Membru jirrikonoxxi li l-kreazzjoni ta’ l-Aġenzija tirrispondi għal għan mixtieq, jiġifieri t-twaqqif, mill-Komunità, ta’ ċentru tal-ħila esperta tagħha stess fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni. Huwa jippreċiża wkoll li huwa ma joġġezzjonax il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Madankollu, huwa jikkonkludi minn l-argumenti kollha invokati li dan ir-Regolament kellu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 308 KE.

    22     Il-Parlament isostni li l-Artikolu 95 KE ma jiddefinix sa liema livell l-att Komunitarju in kwistjoni għandu jqarreb is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri. It-Trattat KE ma jeħtieġx li miżuri bbażati fuq din il-bażi legali iqarrbu d-dispożizzjonijiet bażiċi tal-liġijiet nazzjonali meta livell inqas ta’ azzjoni Komunitarja tkun iktar xierqa. Fil-fatt ikun suffiċjenti li miżura bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni tkun għal approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, anki jekk din il-miżura ma’ twettaqx hi stess approssimazzjoni bħal din.

    23     Il-Parlament jirrileva li r-Regolament għandu l-għan li jwassal għal approssimazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li l-Istati Membri adottaw jew qegħdin fil-punt li jadottaw, f’dan il-qasam ta’ sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implemenazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ bażi legali differenti u aktar restrittiva jkun inkoerenti, peress li r-Regolament għandu jkun meqjus bħala komplementari għal numru ta’ direttivi li jirrigwardaw is-suq intern tan-netwerks u tas-servizi tal-komunikazzjoni elettronika.

    24     Il-Parlament isostni li l-leġiżlatur qies xieraq li jiġi adottat approċċ komuni tal-problemi attwali u prevedibbli dwar is-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni, billi jiġi stabbilit korp li għandu l-għan li jagħti pariri lill-awtoritajiet pubbliċi fuq livell Komunitarju u nazzjonali, fil-kuntest ta’ djalogu mill-qrib mas-settur privat. It-tliet oqsma ta’ attività ta’ l-Aġenzija, jiġifieri l-ġbir u t-tixrid ta’ l-informazzjoni, il-funzjonijiet konsultattivi kif ukoll il-funzjoni ta’ kooperazzjoni, jikkontribwixxu għall-adozzjoni ta’ approċċ komuni ta’ l-aspetti differenti tas-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni.

    25     Il-Parlament isostni li, fil-waqt li, fit-teorija, il-Komunità setgħet tadotta regoli li jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oqsma kollha jew xi wħud minnhom trattati mir-Regolament, il-leġiżlatur Komunitarju, minħabba l-komplessità teknika tal-qasam in kwistjoni u l-evoluzzjoni rapida tiegħu, irrediġa r-Regolament sabiex ma jkunx hemm l-itfaċċar ta’ ostakoli għal kummerċ u t-telf ta’ l-effikaċja li jirriżultaw mill-adozzjoni mhux koordinata ta’ l-applikazzjonijiet tekniċi u organizzattivi mill-Istati Membri. L-imsemmi leġiżlatur kien ipprova jasal għal dan permezz ta’ "approssimazzjoni b’intensità baxxa", li permezz ta’ dan l-Istati Membri kienu jkunu f’pożizzjoni li jadottaw miżuri omoġenji li jippermettu l-implementazzjoni ta’ l-istrumenti Komunitarji differenti dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, billi kkrea ċentru speċjalizzat responsabbli li jagħti gwida, pariri u assistenza fil-qasam.

    26     Il-Parlament iżid li l-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni sostantiva kienu definiti fid-direttiva ta’ qafas u d-direttivi partikolari ma jbiddilx il-karattru kumplimentari tar-Regolament, magħmul sabiex jiffaċilita l-implementazzjoni ta’ l-imsemmija direttivi.

    27     Skond il-Parlament, il-funzjonijiet ta’ l-Aġenzija huma relattivament modesti fis-sens li huma ma jinkludux il-poter li tadotta "standards". Fil-fatt, l-għoti ta’ pariri minn sors ta’ awtorità esperta unika, li tkun awtorittattiva fuq livell Ewropew, tikkontribwixxi għall-adozzjoni ta’ pożizzjonijiet komuni f’sitwazzjonijiet li fihom il-Komunità u l-atturi nazzjonali qegħdin fir-riskju li jirċievu pariri tekniċi differenti. Il-forom differenti ta’ kooperazzjoni mħeġġa mill-Aġenzija jiffaċilitaw ukoll l-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq u l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri li jsolvu l-problemi tas-sigurtà ta’ l-informazzjoni.

    28     Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni li jekk il-Qorti tikkonkludi li r-Regolament ma setax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 95 KE, huwa jista’, fi kwalunkwe każ, ikun ibbażat fuq il-poteri impliċiti mogħtija lil-leġiżlatur Komunitarju minn din id-dispożizzjoni. Fir-rigward ta’ poteri impliċiti bħal dawn, il-kreazzjoni ta’ l-Aġenzija tista’ tkun ikkunsidrata bħala indispensabbli sabiex tiggarantixxi li l-għanijiet imħaddna mid-direttivi partikolari huma milħuqa.

    29     Il-Kunsill isostni li l-approssimazzjoni prevista fl-Artikolu 95 KE tikkonċerna mhux biss il-liġijiet nazzjonali, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi ta’ l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, atti bbażati fuq din il-bażi legali jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li, fihom infishom, ma jikkostitwixxux miżuri ta’ armonizzazzjoni, iżda li jiffaċilitaw l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali. B’mod partikolari, xejn fil-kliem ta’ l-imsemmi artikolu ma jwaqqaf lil-leġiżlatur milli jikkrea korp Komunitarju li għandu r-responsabbiltà li jipprovdi tagħrif speċjalizzat f’qasam li diġà huwa s-suġġett ta’ strumenti ta’ armonizzazzjoni.

    30     F’dan ir-rigward, il-Kunsill jippreċiża li l-Artikolu 95 KE ma jeskludix il-possibbiltà għal-leġiżlatur Komunitarju li jadotta miżuri li għandhom l-għan li jipprevjenu l-itfaċċar ta’ ostakoli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw mill-evoluzzjoni eteroġenja tal-liġijiet nazzjonali. L-imsemmi leġiżlatur fil-fatt ikollu l-poter jadotta atti li, anki jekk fihom infushom ma jikkostitwixxux regoli ta’ armonizzazzjoni, jirreferu direttament għal approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali, b’mod partikolari sabiex jipprevjenu l-itfaċċar ta’ soluzzjonijiet mhux effikaċi u żviluppi eteroġenji ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri.

    31     Il-Kunsill jirrileva li, billi tgħin lill-Kummissjoni sabiex twettaq ix-xogħlijiet tekniċi ta’ preparazzjoni għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-Aġenzija ser tagħti, anki permezz ta’ pariri li ma jorbtux, kontribut deċiżiv għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u prattiċi nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni kif ukoll għall-aġġornament, għall-iżvilupp u għall-implementazzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni.

    32     Skond il-Kunsill, l-opinjoni ta’ awtorità indipendenti, li tagħti pariri tekniċi fuq talba tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri, tiffaċilita t-traspożizzjoni fil-liġi interna ta’ l-Istati Membri tad-direttivi adottati f’dan il-qasam. Għalhekk, ir-Regolament ma jkollu l-ebda effett anċillari jew sussidjarju f’dak li jirrigwarda l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq fi ħdan il-Komunità, iżda jikkontribwixxi direttament għall-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali.

    33     Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-Artikolu 308 KE jagħti biss lil-leġiżlatur Komunitarju kompetenza leġiżlattiva residwa fl-oqsma li fihom il-poter leġiżlattiv sostantiv għat-twettiq ta’ ċerti għanijiet ma ġiex mogħti lill-Komunità. Fil-fatt, diment li teżisti bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ att Komunitarju, l-użu ta’ l-Artikolu 308 KE huwa eskluż, peress illi dan ta’ l-aħħar jikkostitwixxi biss bażi legali "meta hemm nuqqas".

    34     Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-għanijiet u l-kontenut tar-Regolament huma marbuta mill-qrib ma’ l-istabbiliment u mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-fatt, il-kompitu fundamentali ta’ l-Aġenzija jikkonsisti f’li jiġi assigurat livell għoli u effikaċi ta’ sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni kif ukoll f’li jiġu mnaqqsa l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern ikkawżati minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam.

    35     L-imsemmi Stat Membru jikkunsidra li l-Aġenzija tiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tan-netwerk u tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. L-Aġenzija b’mod partikolari għandha l-objettiv li tipprevjeni l-itfaċċar ta’ ostakoli futuri għall-kummerċ, li jistgħu jseħħu minħabba n-natura kumplessa u teknika tan-netwerks elettroniċi kif ukoll id-differenzi fir-rigward tal-prattika ta’ l-Istati Membri.

    36     Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li, fir-riċerka tal-bażi legali għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu entità Komunitarja, jeħtieġ li jkun ikkunsidrat il-livell ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-qasam in kwistjoni. Peress li l-uniformità mwettqa mid-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar in-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika hi diġà avvanzata sew, il-leġiżlazzjoni implementata fil-livell Komunitarju tista’ teżiġi, sabiex tiġi assigurata prattika ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri li jmorru lil hinn minn dawk abitwalment adottati f’dan il-qasam.

    37     Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament jikkostitwixxi, fl-għan u l-kontenut tiegħu, miżura li tiffaċilità direttament l-implementazzjoni u l-applikazzjoni armonizzata ta’ ċerti direttivi bbażati fuq l-Artikolu 95 KE. Fil-fatt, waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-leġiżlazzjoni eżistenti tinsab fil-fatt li parti kbira mill-applikazzjoni dettaljata ta’ din hija diċentralizzata u fdata lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji.

    38     L-imsemmija istituzzjoni ssostni li l-kreazzjoni ta’ l-Aġenzija taqa’ f’kunċett usa’ ta’ armonizzazzjoni, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-applikazzjoni armonizzata ta’ direttivi Komunitarji mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji. Fil-fatt, l-għan tar-Regolament jeċċedi s-sempliċi kreazzjoni ta’ l-Aġenzija, peress li din kellha tagħti pariri u assistenza lill-Kummissjoni kif ukoll lill-imsemmija awtoritajiet. Konsegwentement, teżisti rabta bejn il-kreazzjoni ta’ din l-Aġenzija u l-qafas leġiżlattiv Komunitarju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    39     Il-Kummissjoni tindika li d-direttiva ta’ qafas tikkrea sistema armonizzata għal-leġiżlazzjoni tas-servizzi u tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tar-riżorsi assoċjati. Din id-direttiva tiffissa l-kompiti li huma r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, billi tistabbilixxi serje ta’ proċeduri li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-applikazzjoni armonizzata tal-mekkaniżmu kkonċernat fil-Komunità kollha.

    40     Hija tirrileva li, anki jekk parametri dwar l-applikazzjoni diċentralizzata ta’ l-imsemmija direttivi huma ċarament definiti, ma jistax ikun eskluż li fit-twettiq tal-kompetenza diskrezzjonarja li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, dawn jadottaw pożizzjonijiet differenti. L-Aġenzija kienet twaqqfet sabiex tgħin dawn l-awtoritajiet jaslu għal fehma teknika komuni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni.

    41     Il-Kummissjoni żżid li l-Aġenzija taħdem fil-limiti tal-parametri armonizzati tal-qafas leġiżlattiv Komunitarju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u mhuwiex daqshekk importanti li r-rwol ta’ dan il-korp ma ġiex definit fl-adozzjoni ta’ dan il-qafas ġenerali.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     Fuq il-portata ta’ l-Artikolu 95 KE

    42     Għal dak li jirrigwarda l-livell tal-kompetenzi leġiżlattivi previsti mill-Artikolu 95 KE, hemm lok li jiġi mfakkar li, kif iddeliberat il-Qorti fil-punt 44 tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2005, ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-66/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), din id-dispożizzjoni tintuża biss bħala bażi legali meta jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att ġuridiku li din l-aħħar għandha bħala għan, li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ l-istabbiliment u ta’ l-iffunzjonar tas-suq intern.

    43     Il-Qorti rrilevat ukoll fil-punt 45 tas-sentenza Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz ta’ l-espressjoni "miżuri għal approssimazzjoni" li tidher fl-Artikolu 95 KE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur Komunitarju, skond il-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-aktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi.

    44     F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li xejn fil-kliem ta’ l-Artikolu 95 KE ma jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu limitati, fir-rigward tad-destinatarji tagħhom, għall-Istati Membri biss. Fil-fatt, jista’ jkun neċessarju li jiġi pprovdut, skond evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi leġiżlatur, it-twaqqif ta’ korp Komunitarju li huwa responsabbli li jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni f’ċirkustanzi fejn, sabiex tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni u l-applikazzjoni uniformi ta’ l-atti bbażati fuq l-imsemmija dispożizzjoni, tidher xierqa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ qafas li ma jorbtux.

    45     Madankollu huwa importanti li jingħad li l-missjonijiet fdati lill-korp bħal dan għandhom ikunu konnessi mill-qrib ma’ l-oqsma li huma s-suġġett ta’ l-atti ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta l-korp Komunitarju hekk stabbilit jagħti servizzi lill-awtoritajiet nazzjonali u/jew lill-operaturi li għandhom effett fuq l-implementazzjoni omoġenja ta’ l-istrumenti ta’ l-armonizzazzjoni u li jistgħu jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom.

     Fuq il-konformità tar-Regolament mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 95 KE

    46     F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-objettivi stabbiliti għall-Aġenzija mill-Artikolu 2 tar-Regolament u l-kompiti li ġew fdati lilha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tiegħu jikkorrispondux mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza.

    47     Għal dan il-għan, għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk l-imsemmija objettivi u kompiti humiex marbuta mill-qrib ma’ l-oqsma li huma s-suġġett ta’ l-istrumenti li huma deskritti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament bħal-"leġiżlazzjoni Komunitarja attwali" kif ukoll, u fit-tieni lok, jekk ir-riżultat ikun fl-affermattiv, jekk dawn l- objettivi u l-kompiti jistgħux ikunu kkunsidrati bħala li jakkumpanjaw u li jipprovdu qafas għall-implementazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    48     Għal dak li jirrigwarda d-direttiva ta’ qafas, imsemmija fid-disa’ premessa tar-Regolament, jirriżulta minn l-Artikolu 1(1) tiegħu li huwa għandu l-għan li jikkrea qafas armonizzat għal-leġiżlazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tar-riżorsi u servizzi assoċjati. L-imsemmija direttiva tistabbilixxi l-kompiti li huma r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet leġiżlattivi nazzjonali u tistabbilixxi serje ta’ proċeduri li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas leġiżlattiv fil-Komunità kollha.

    49     Is-sittax-il premessa tad-direttiva ta’ qafas tindika f’dan ir-rigward li l-imsemmija awtoritajiet jibbażaw l-azzjoni tagħhom fuq ġabra ta’ għanijiet u prinċipji armonizzati. Dawn l-aħħar huma msemmija fl-Artikolu 8 ta’ l-istess direttiva u fost dawn hemm, b’mod partikolari, livell għoli ta’ protezzjoni tad-data ta’ natura personali u tal-ħajja privata kif ukoll l-integrità u s-sigurtà tan-netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi (ara l-Artikolu 8(4)(c) u (f) tad-direttiva ta’ qafas).

    50     Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li bosta dispożizzjonijiet tad-direttivi partikolari jesprimu l-preokkupazzjonijiet tal-leġiżlatur Komunitarju għal dak li jikkonċerna s-sigurtà tan-netwerks ta’ l-informazzjoni.

    51     Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament, id-Direttiva "awtorizzazzjoni" ssemmi, f’punti 7 u 16 tal-Parti A ta’ l-anness tagħha, il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll is-sigurtà tan-netwerks pubbliċi fir-rigward ta’aċċess mhux awtorizzat.

    52     Fit-tieni lok, kif jirriżulta mis-seba’ premessa tar-Regolament, id-direttiva "Servizz Universali" għandha l-għan li tassigura l-integrità u d-disponibbiltà tan-netwerks telefoniċi pubbliċi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu dawn il-funzjonalitajiet, b’mod partikolari f’każ ta’ ħsara katastrofika fin-netwerk jew fil-każ ta’ forza maġġuri.

    53     Fit-tielet lok, kif speċifikat fit-tmien premessa tar-Regolament, id-direttiva "privatezza u l-komunikazzjoni elettronika" teżiġi li l-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jassiguraw is-sigurtà tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku konness miegħu. Dawn l-eżiġenzi huma riflessi b’mod partikolari fl-Artikoli 4 u 5 ta’ l-imsemmija direttiva; dispożizzjonijiet li rispettivament għandhom bħala għan is-sigurtà tan-netwerks u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

    54     Fir-raba’ lok, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31), jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li min hu responsabbli għall-ipproċessar tad-data għandu jimplementa l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex id-data personali jkunu protetti kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trażmissjoni ta’ data fuq netwerk, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar.

    55     Fil-ħames lok, għandu jiġi mfakkar li d-direttiva "firem elettroniċi" tipprovdi fl-Artikolu 3(4) tagħha li korpi kompetenti, maħtura mill-Istati Membri, jistabbilixxu l-kriterji dwar il-konformità tal-mekkaniżmi ta’ sigurtà għall-ħolqien tal-firem.

    56     Fir-rigward tal-kompiti li huma fdati lill-Aġenzija, l-ewwel nett hemm lok li jingħad li huma jikkonċernaw l-ġbir ta’ informazzjoni xierqa sabiex jipproċedi għall-analiżi tar-riskji attwali u emerġenti, b’mod partikolari dawk li jistgħu jkollhom effett fuq ir-reżistenza għall-ħsarat tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll fuq l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità ta’ l-imsemmija komunikazzjonijiet. L-Aġenzija hija wkoll imsejħa sabiex tiżviluppa "metodoloġiji komuni" għall-prevenzjoni tal-problemi tas-sigurtà, li jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni ta’ l-utenti kollha u li jħeġġu l-iskambji ta’ l-"aħjar prassi attwali" kif ukoll l-"metodi ta’ twissija" u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u ta’ tmexxija tar-riskji.

    57     L’Aġenzija għandha wkoll ir-responsabbiltà li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni, li tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-djalogu li jwettqu ma’ l-intrapriżi sabiex jindirizzaw l-problemi ta’ sigurtà fil-hardwer u s-softwer kif ukoll li tikkontribwixxi għall-inizzjattivi Komunitarji intiżi għall-kooperazzjoni ma’ l-Istati terzi u, jekk ikun il-każ, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jiġi implementat approċċ globali komuni fir-rigward tal-problema tas-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni.

    58     Konsegwentement, il-kompiti fdati lill-Aġenzija, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament, huma konnessi mill-qrib ma’ l-għanijiet imfittxa mid-direttiva ta’ qafas u mid-direttivi partikolari fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni.

    59     F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif intqal fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi stabbilit jekk il-kompiti ta’ l-Aġenzija jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jakkumpanjaw u li jipprovdu qafas għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam, jiġifieri jekk it-twaqqif ta’ l-Aġenzija kif ukoll l-objettivi u l-kompiti li huma assenjati lil din l-Aġenzija mir-Regolament jistgħux jiġu meqjusa bħala "miżuri għall-approssimazzjoni" fis-sens ta’ l-Artikolu 95 KE.

    60     Kif jirriżulta mill-karatteristiċi tal-qasam ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ma jikkostitwixxix miżura iżolata, iżda huwa parti minn kuntest normattiv definit mid-direttiva ta’ qafas u d-direttivi partikolari u li għandu l-għan li jwettaq is-suq intern fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    61     Jirriżulta wkoll mill-elementi kollha tal-każ li l-leġiżlatur Komunitarju sab ruħu quddiem qasam li jimplementa teknoloġiji li huma mhux biss kumplessi, imma wkoll li jinbiddlu malajr. Minn dan ikkonkluda li kien prevedibbli li t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva ta’ qafas u tad-direttivi partikolari jagħtu lok għal diverġenzi bejn l-Istati Membri.

    62     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li t-twaqqif ta’ korp Komunitarju bħalma hija l-Aġenzija, kienet mezz xieraq għall-prevenzjoni ta’ l-iffaċjar ta’ differenzi li jistgħu jikkreaw ostakoli għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern f’dan il-qasam.

    63     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mit-tielet premessa u mill-għaxar premessa tar-Regolament li, minħabba l-kumplessità teknika tan-nertwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni, id-diversità tal-prodotti u tas-servizzi li huma interkonnessi kif ukoll in-numru kbir ta’ atturi privati u pubbliċi li għandhom ir-responsabbiltà tagħhom proprja, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li hemm ir-riskju li l-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern ikun kompromess minħabba applikazzjoni eteroġenja tar-rekwiżiti tekniċi msemmija fid-direttiva ta’ qafas u d-direttivi partikolari.

    64     F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ jqis li l-opinjoni ta’ awtorità indipendenti li tagħti pariri tekniċi fuq it-talba tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri tista’ tiffaċilita t-traspożizzjoni ta’ l-imsemmija direttivi fil-liġi interna ta’ l-Istati Membri u l-implementazzjoni ta’ dawn fuq livell nazzjonali.

    65     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 27 tar-Regolament, l-Aġenzija hija mwaqqfa mill-14 ta’ Marzu 2004 għal perijodu ta’ ħames snin u li, skond l-Artikolu 25(1) u (2), ta’ dan l-istess Regolament, il-Kummissjoni hija marbuta li, l-aktar tard sas-17 ta’ Marzu 2007, twettaq evalwazzjoni bil-għan li jiġi evalwat l-impatt ta’ l-Aġenzija fid-dawl ta’ l-objettivi u l-kompiti li huma assenjati lilha kif ukoll tal-metodi tagħha ta’ ħidma.

    66     Konsegwentement, mill-qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien, jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li kien xieraq li tiġi mwettqa, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-ġejjini ta’ l-Aġenzija, evalwazzjoni ta’ l-effikaċja ta’ l-azzjoni ta’ din l-Aġenzija kif ukoll tal-kontribuzzjoni effettiva li hija tagħti għall-implementazzjoni tad-direttiva ta’ qafas u tad-direttivi partikolari.

    67     F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl ta’ l-elementi kollha tal-każ in eżami, għandu jiġi konkluż li r-Regolament ġustament huwa bbażat fuq l-Artikolu 95 KE u għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    68     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill. Skond l-Artikolu 69(4), ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż.

    3)      Ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top