Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0207

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-21 ta' Lulju 2005.
    Paolo Vergani vs Agenzia delle Entrate, Ufficio di Arona.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Commissione tributaria provinciale di Novara - l-Italja.
    Politika soċjali - Paga u trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa - Kumpens għall-irtirar- Tassazzjoni stabbilità skond l-età - Benefiċċju fiskali.
    Kawża C-207/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:495

    62004J0207



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża C-207/04

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Novara (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' April 2004, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Mejju 2004, fil-proċedura fl-ismijiet

    Paolo Vergani

    vs

    l-Agenzia delle Entrate, Ufficio di Arona,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla N. Colneric (Relatur), K. Schiemann, E. Juhász u E. Levits, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' April 2005,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    - għas-Sur Vergani, minn S. Monguzzi u P. Fasano, avvocati,

    - għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

    - għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u N. Yerrell, bħala aġenti

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE) (ĠU L 39, p. 40).

    2. Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kwistjoni bejn is-Sur Vergani u l-Agenzia delle Entrate, Ufficio di Arona (iktar 'il quddiem "l-Amministrazzjoni fiskali") dwar it-tassazzjoni fuq kumpens għall-irtirar volontarju stabbilità skond l-età tal-ħaddiem.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni komunitarja

    3. L-Artikolu 141(1) u (2) KE jistipola:

    "1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat.

    2. Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, paga' tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra [benefiċċju ieħor], sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

    [...]"

    4. Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 jirriżulta li din hija intiża sabiex timplementa fl-Istati Membri, il-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali kif ukoll għal dak li għandu x'jaqsam ma' kundizzjonijiet tax-xogħol u, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, is-sigurtà soċjali.

    5. Taħt l-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva:

    "Għall-iskopijiet tad-disposizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir riferenza għall-istat maritali jew tal-familja."

    6. L-Artikolu 5 ta' l-istess Direttiva jiddisponi:

    "1. L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

    2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:

    (a) il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew

    [...]"

    7. Taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (79/7/KEE) (ĠU 1979 L 6, p. 24):

    "Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

    (a) l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

    - mard,

    - invalidità,

    - anzjanità,

    - disgrazzji fuq ix-xogħol u mard li ġej mix-xogħol,

    - qgħad;

    (b) assistenza soċjali, sal-punt li hija maħsuba li żżid jew tieħu l-post ta' l-iskemi msemmija f' (a)."

    8. L-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva jipprevedi li l-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b'riferenza għall-istat maritali jew tal-familja.

    9. L-Artikolu 7(1)(a) ta' din l-istess Direttiva jiddisponi li din ma tostakolax il-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom l-iffissar ta' età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta' l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom għall-benefiċċji oħra.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    10. Id-dispożizzjonijiet Taljani dwar il-limitu ta' età sabiex wieħed ikun jista' jirtira huma mfissra fl-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 218 ta' l-4 ta' April 1952, dwar ir-riforma tal-pensjonijiet ta' l-assigurazzjoni obbligatorja għall-invalidità, l-anzjanità u r-romol (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 89, tal-15 ta' April 1952). Skond din id-dispożizzjoni, il-ħaddiema ta' sess maskili li għalqu 60 sena u l-ħaddiema ta' sess femminili li għalqu 55 sena, jistgħu jirtiraw, sakemm fiż-żewġ każijiet, huma jkunu ħallsu l-kontribuzzjonijiet għat-tul ta' żmien u skond l-ammont meħtieġ.

    11. Dispożizzjonijiet speċifiċi huma previsti għall-impjegati ta' impriżi ddikjarati li jinstabu fi kriżi mill-Comitato interministeriale per il coordinamento della politica industriale (Kumitat interministerjali għall-koordinazzjoni tal-politika industrijali). Il-Liġi Nru 155, tat-23 ta' April 1981 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 114, tas-27 ta' April 1981) tawtorizza lill-imsemmija impjegati jibbenefikaw minn irtirar antiċipat fl-età ta' 55 sena fil-każ ta' l-irġiel u 50 sena fil-każ tan-nisa.

    12. L-Artikolu 17(4-bis) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917 tat-22 ta' Diċembru 1986 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 302 tal- 31 ta' Diċembru 1986, kif emendat mid-Digriet Legiżlattiv Nru 314, tat-2 ta' Settembru 1997 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 219 tad-19 ta' Settembru 1997, iktar 'il quddiem id-"DPR Nru 917/86") jiddisponi:

    "F'dak li jikkonċerna s-somom mħallsa fl-okkażjoni tat-tmiem tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg, sabiex jiġi mħajjar l-irtirar volontarju tal-ħaddiema li jkunu għalqu 50 sena fil-każ tan-nisa u 55 sena fil-każ ta' l-irġiel, msemmija fl-Artikolu 16 (1)(a), ir-rata ta' taxxa applikata hija dik ekwivalenti għal nofs dik li hija applikata għat-tassazzjoni fuq ħlas għal tmiem ir-relazzjonijiet ta' l-impjieg u ta' benefiċċji u somom oħra msemmija fl-inċiż a ta' l-1 paragrafu ta' l-Artikolu 16."

    13. Wara l-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 17 tad-DPR Nru 917/86 sar, b'riżultat tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 344 tat-12 ta' Diċmebru 2003 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 291 tas-16 ta' Diċembru 2003), l-Artikolu 19 ta' l-istess DPR.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    14. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Sur Vergani ressaq quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Novara rikors kontra l-avviż li permezz tiegħu l-Amministrazzjoni fiskali rrifjutat li tħallsu lura l-ammonti li huwa kien suġġett iħallas taħt it-taxxa fuq id-dħul ta' persuni fiżiċi (imposta sul reddito delle persone fisiche, iktar 'il quddiem l-"IRPEF").

    15. Quddiem il-qorti tar-rinviju s-Sinjur Vergani sostna li l-applikazzjoni tar-rata ta' taxxa għall-finijiet ta' l-IRPEF, skond is-sistema ta' taxxa prevista fl-Artikolu 17(4-bis) tad-DPR Nru 917/86, twassal għal trattament mhux ugwali li mhuwiex ġustifikat. Huwa ssuġġerixxa li l-kawża tagħti lok għal talba għal deċiżjoni preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    16. Il-qorti tar-rinviju osservat li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax is-sistema ta' sigurtà soċjali dwar il-pensjonijiet ta' l-anzjanità u rtirar, in kwantu s-Sur Vergani ma kienx wasal għat-tmiem ta' l-attività professjonali tiegħu b'applikazzjoni tal-limitu ta' età jew minħabba l-ħlasijiet kontributtivi.

    17. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet komunitarji fis-seħħ, ebda motiv ma jiġġustifika, skond l-imsemmija qorti, it-trattament mhux ugwali previst fl-Artikolu 17(4-bis) tad-DPR Nru 917/86.

    18. Għaldaqstant mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda t-tassazzjoni ta' kumpens għall-irtirar mogħti, fl-okkażjoni tat-tmiem volontarju tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg, lill-ħaddiem li jkun għalaq mill-inqas 50 sena, iżda li jkun għadu ma għalaqx 55 sena.

    19. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Commissione tributaria provinciale di Novara ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    "L-Artikolu 17(4-bis) tad-DPR Nru 917/86, li jagħti, taħt l-istess kundizzjonijiet, lill-ħaddiema li jkunu għalqu 50 sena, fil-każ tan-nisa, u 55, fil-każ ta' l-irġiel, il-benefiċċju li jikkonsisti fit-tassazzjoni b'rata mnaqsa bin-nofs (50%) fuq il-kumpens għall-irtirar u fuq is-somom mogħtija fl-okkazzjoni tat-tmiem tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg, jikser, huwa kuntrarju jew f'kull każ joħloq kundizzjonijiet ta' trattament mhux ugwali għall-irġiel u n-nisa pprojbiti mill-Artikolu 141 [KE] [...] u mid-Direttiva 76/207[...]?"

    Fuq id-domanda preliminari

    20. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 76/207 għandhomx jiġu interpretati bħala li jimpedixxu li dispożizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tagħti lill-ħaddiema li jkunu għalqu 50 sena, fil-każ ta' ħaddiema nisa, u 55 fil-każ ta' ħaddiema rġiel, sabiex tħajjar l-irtirar volantarju, benefiċċju li jikkonsisti fit-tassazzjoni b'rata mnaqqsa għan-nofs tas-somom mogħtija fl-okkażjoni tat-tmiem tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg.

    Fuq il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva 76/207 rispettivament

    21. Qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk l-għoti ta' tnaqqis ta' taxxa skond l-età tal-ħaddiem, fuq it-tassazzjoni ta' kumpens għall-irtirar volontarju, bħal dak fil-kawża prinċipali, jaqax taħt l-Artikolu 141 KE jew id-Direttiva 76/207.

    22. Il-kunċett ta' "paga" msemmi fl-Artikolu 141 KE, jinkludi, skond ġurisprudenza kostanti, kull benefiċċju sew jekk fi flus jew fin-natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Mejju 1990, Barber, C262/88, Ġabra p. I-1889, punt 12, u tad-9 ta' Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C167/97, Ġabra p. I-623, punt 23).

    23. Il-benefiċċju in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-tnaqqis ta' taxxa, mhuwiex mħallas minn min iħaddem. Għaldaqstant benefiċċju bħal dan ma jaqax taħt l-Artikolu 141 KE.

    24. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati mis-Sur Vergani in sostenn ta' interpretazzjoni kuntrarja (sentenzi tad-9 ta' Frar 1982, Garland, 12/81, Ġabra p. 359, punt 4; Barber, iċċitata iktar 'il fuq, punt 10 u tas-27 ta' Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89. Ġabra p. I-2591, punt 7) ma jimpedixxux li ssir din l-interpretazzjoni peress illi huma jikkonċernaw benefiċċji li l-ħaddiem jirċievi għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu.

    25. F'dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-għoti ta' tnaqqis ta' taxxa stabbilit skond l-età tal-ħaddiem, fuq it-tassazzjoni ta' kumpens għall-irtirar, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Driettiva 76/207, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 5(1) ta' din id-Direttiva, l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu ggarantiti l-istess kundizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba sess.

    26. Moqri fid-dawl ta' l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 76/207, li biha l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li l-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew, l-Artikolu 5(1) ta' din id-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens illi huwa jikkonċerna anki l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensji stabbiliti fl-imsemmija Stati.

    27. Fil-kuntest tad-Direttiva 76/207, il-kelma "sensja" għandha tiġi interpretata f'sens wiesgħa, b'tali mod li jinkludi t-tmiem tar-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-ħaddiem u min iħaddmu, anki fil-kuntest ta' sistema ta' rtirar volontarju (ara f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Frar 1982, Burton, 19/81, Ġabra p. 555, punt 9).

    28. Hija u tirreferi għall-Artikolu 17(4-bis) tad-DPR Nru 917/86, il-qorti tar-rinviju spjegat li l-benefiċċju fiskali in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa mogħti "sabiex iħajjar l-irtirar volontarju tal-ħaddiema li jkunu għalqu 50 sena fil-każ tan-nisa u 55 fil-każ ta' l-irġiel".

    29. Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li sistema ta' tassazzjoni stabbilità skond l-età tal-ħaddiema, bħal din in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi kundizzjoni li tirregola s-sensja skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207.

    Fuq l-eżistenza ta' diskriminazzjoni

    30. Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207, l-irġiel u n-nisa għandhom jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensja mingħajr diskriminazzjoni minħabba sess.

    31. Differenza fit-trattament li tirriżulta mill-impożizzjoni ta' taxxa mnaqqsa għan-nofs fuq somom mogħtija fl-okkażjoni tat-tmiem tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg, applikata lill-ħaddiema li għalqu 50 sena, fil-każ ta' ħaddiema nisa, u 55 sena, fil-każ ta' ħaddiema rġiel, tikkostitwixxi trattament mhux ugwali ibbażat fuq is-sess tal-ħaddiema.

    32. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżenta ti mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jaqbel li jiġi eżaminat jekk tali differenza ta' trattament taqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7, li tgħid li din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-iffissar ta' età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta' l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnhom għall-benefiċċji l-oħra

    33. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, meta titqies l-importanza fundamentali tal-prinċipju ta' trattament ugwali, l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta' diskrimazzjoni minħabba sess, prevista mill-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7, għandha tiġi interpretata b'mod strett (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta' Frar 1986, Marshall, Marshall, magħruf bħala "Marshall I", 152/84, Ġabra p. 723, punt 36, u tat-30 ta' Marzu 1993, Thomas et., C328/91, Ġabra p. I-1247, punt 8). Din id-dispożizzjoni tapplika biss sabiex tiġi stabbilita l-età ta' l-irtirar għall-għoti ta' pensjonjiet ta' anzjanità u rtirar u għall-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan għall-benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali (sentenza tas-26 ta' Frar 1986, Roberts, 151/84, Ġabra p. 703, punt 35; f'dan ir-rigward ukoll is-sentenza ta' l-4 ta' Marzu 2004, Haackert, C-303/02, Ġabra p. I-2195, punt 30). Għaldaqstant din l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta' dikriminazzjoni minħabba sess mhijiex applikabbli fir-rigward ta' tnaqqis ta' taxxa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċpali, li ma jikkostitwixxix benefiċċju ta' sigurtà soċjali.

    34. Peress illi, min-naħa, id-differenza ta' trattament previst mid-dispożizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata direttament fuq sess u li min-naħa l-oħra, id-Direttiva 76/207 ma tinkludi ebda deroga, applikabbli f'dan il-każ, għall-prinċipju ta' trattament ugwali, hemm lok li jiġi konkluż li din id-differenza ta' trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata minħabba sess.

    35. Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li d-Direttiva 76/207 għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li din timpedixxi dispożizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-ħaddiema li jkunu għalqu 50 sena, f'każ ta' ħaddiema nisa, u 55, fil-każ ta' ħaddiema rġiel, sabiex tħajjar l-irtirar volontarju, benefiċċju li jikkonsisti fit-tassazzjoni b'rata mnaqqsa għan-nofs fuq somom mogħtija fl-okkażjoni tat-tmiem tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg.

    Fuq l-ispejjeż

    36. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva


    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    Id-Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE) timpedixxi dispożizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-ħaddiema li jkunu għalqu 50 sena, fil-każ ta' ħaddiema nisa, u 55, fil-każ ta' ħaddiema rġiel, sabiex tħajjar l-irtirar volontarju, benefiċċju li jikkonsisti fit-tassazzjoni b'rata mnaqqsa bin-nofs fuq somom mogħtija fl-okkazzjoni tat-tmiem tar-relazzjonijiet ta' l-impjieg.

    Top